10.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 221/2


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Budai Központi Kerületi Bíróság (l-Ungerija) fis-7 ta’ Marzu 2017 – Dunai Zsuzsanna vs ERSTE Bank Hungary Zrt.

(Kawża C-118/17)

(2017/C 221/03)

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Qorti tar-rinviju

Budai Központi Kerületi Bíróság

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Dunai Zsuzsanna

Konvenut: ERSTE Bank Hungary Zrt.

Domandi preliminari

1)

Il-punt 3 [tad-dispożittiv] tas-sentenza mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-26/13 għandu jinftiehem fis-sens li l-qorti nazzjonali tista’ tirrimedja l-assenza ta’ validità ta’ klawżola ta’ kuntratt konkluż bejn professjonist u konsumatur meta ż-żamma tal-kuntratt imur kontra l-interessi ekonomiċi tal-konsumatur?

2)

Huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq li l-parlament ta’ Stat Membru jemenda permezz ta’ liġi kuntratti rregolati mid-dritt privat li jaqgħu taħt kategoriji analogi u konklużi bejn professjonist u konsumatur?

2/a.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi, ta’ nondiskriminazzjoni, ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq li l-parlament ta’ Stat Membru jemenda permezz ta’ liġi partijiet ta’ kuntratti ta’ self b’munita barranija għall-finijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi, iżda b’hekk jikkawża effett li jmur kontra l-interessi leġittimi tal-protezzjoni tal-konsumaturi sa fejn il-kuntratt ta’ self jibqa’ validu wara l-emendi u l-konsumatur għandu jkompli jsostni l-ispejjeż li jirriżultaw mir-riskju tal-kambju?

3)

Fil-każ ta’ kontenut li jirrigwarda l-kuntratti konklużi bejn professjonist u konsumatur, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq għal kull kwistjoni ta’ dritt ċivili li l-kunsill responsabbli għall-uniformità tal-istanza ġudizzjarja l-iktar għolja ta’ Stat Membru tiggwida l-ġurisprudenza tal-qorti adita permezz ta’ “deċiżjonijiet mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt”?

3/a.

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, huwa konformi mal-kompetenza mogħtija lill-Unjoni Ewropea sabiex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni ta’ rimedju ġudizzjarju effettiv u ta’ smigħ xieraq għal kull kwistjoni ta’ dritt ċivili li l-kunsill responsabbli għall-uniformità tal-istanza ġudizzjarja l-iktar għolja ta’ Stat Membru tiggwida l-ġurisprudenza tal-qorti adita permezz ta’ “deċiżjonijiet mogħtija fl-interess ta’ interpretazzjoni uniformi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt”, meta l-ħatra tal-mħallfin li huma membri tal-kunsill responsabbli għall-uniformità ma tkunx twettqet b’mod trasparenti, skont regoli predeterminati, meta l-proċedura quddiem l-imsemmi kunsill ma tkunx pubblika, u meta ma jkunx possibbli li wieħed ikun jaf a posteriori l-proċedura segwita, jiġifieri l-perizja u x-xogħlijiet akkademiċi użati jew il-vot tad-diversi membri (opinjoni favorevoli jew kuntrarja)?