SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

14 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kompetizzjoni – Artikolu 101 TFUE – Kumpens għad-danni kkawżati minn akkordju pprojbit minn dan l-artikolu – Determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-ħlas tal-kumpens – Suċċessjoni ta’ entitajiet ġuridiċi – Kunċett ta’ impriża – Kriterju tal-kontinwità ekonomika”

Fil-Kawża C‑724/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tad-19 ta’ Diċembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Vantaan kaupunki

vs

Skanska Industrial Solutions et

NCC Industry Oy,

Asfaltmix Oy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala Imħallef tat-Tieni Awla, E. Levits, M. Berger u P. G. Xuereb, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Vantaan kaupunki, minn N. Mickelsson u O. Hyvönen, asianajajat,

għal Skanska Industrial Solutions Oy, minn A. P. Mentula u T. Väätäinen, asianajajat,

għal NCC Industry Oy, minn I. Aalto-Setälä, M. Kokko, M. von Schrowe u H. Koivuniemi, asianajajat,

għal Asfaltmix Oy, minn S. Hiltunen, A. Laine u M. Blomfelt, asianajajat,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski u S. Hartikainen, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Vollrath, H. Leupold, G. Meessen u M. Huttunen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-6 ta’ Frar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE u tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tar-regoli applikabbli fl-ordinament ġuridiku Finlandiż għall-azzjonijiet għad-danni għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn-naħa, l-Vantaan kaupunki (il-Belt ta’ Vantaa, il-Finlandja) u, min-naħa l-oħra, Skanska Industrial Solutions Oy, NCC Industry Oy u Asfaltmix Oy, dwar il-kumpens għad-danni li jirriżultaw minn akkordju fis-suq tal-asfalt fil-Finlandja.

Il-kuntest ġuridiku

3

Skont l-Artikolu 1 tal-Kapitolu 2 tal-vahingonkorvauslaki 412/1974 (il-Liġi 412/1974 dwar il-Kumpens għad-Danni), kull min, intenzjonalment jew b’negliġenza, jikkawża dannu lil persuna oħra huwa obbligat li jikkumpensaha.

4

Skont l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 6 ta’ din il-liġi, jekk id-dannu ġie kkawżat minn żewġ persuni jew iktar, jew jekk żewġ persuni jew iktar huma obbligati jikkumpensaw l-istess dannu, dawn huma responsabbli in solidum.

5

Skont il-leġiżlazzjoni Finlandiża dwar kumpanniji b’responsabbiltà limitata, kull kumpannija b’responsabbiltà limitata hija entità legali separata, mogħnija bl-assi rispettivi tagħha u li tassumi r-responsabbiltà rispettiva tagħha.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6

Bejn l-1994 u l-2002, fil-Finlandja ġie implimentat akkordju fis-suq tal-asfalt (iktar ’il quddiem l-“akkordju inkwistjoni”). Dan l-akkordju, li kien jirrigwarda t-tqassim tas-swieq, it-tariffi u l-ippreżentar ta’ offerti għal kuntratti, kien ikopri t-totalità ta’ dan l-Istat Membru u seta’ jaffettwa wkoll il-kummerċ bejn l-Istati Membri. Lemminkäinen Oyj, Sata-Asfaltti Oy, Interasfaltti Oy, Asfalttineliö Oy u Asfaltti-Tekra Oy, b’mod partikolari, kienu pparteċipaw fl-imsemmi akkordju.

7

Fit-22 ta’ Marzu 2000, Asfaltti-Tekra, li sar jisimha, mill-1 ta’ Novembru 2000, Skanska Asfaltti Oy, xtrat l-azzjonijiet kollha ta’ Sata-Asfaltti. Fit-23 ta’ Jannar 2002, din l-aħħar kumpannija ġiet xolta wara proċedura ta’ stralċ volontarju, li fil-kuntest tagħha l-attivitajiet kummerċjali tagħha ġew ittrasferiti, mit-13 ta’ Diċembru 2000, lil Skanska Asfaltti. Din tal-aħħar kienet ukoll ipparteċipat fl-akkordju inkwistjoni. Fit-9 ta’ Awwissu 2017, l-isem ta’ din il-kumpannija sar Skanska Industrial Solutions (iktar ’il quddiem “SIS”).

8

Interasfaltti kienet 100 % sussidjarja ta’ Oy Läntinen Teollisuuskatu 15. Fil-31 ta’ Ottubru 2000, NCC Finland Oy xtrat l-azzjonijiet ta’ Läntinen Teollisuuskatu 15. Fit-30 ta’ Settembru 2002, Interasfaltti ġiet assorbita minn Läntinen Teollisuuskatu 15, li sar jisimha, f’din iċ-ċirkustanza, Interasfaltti. Fl-1 ta’ Jannar 2003, NCC Finland nqasmet fi tliet kumpanniji ġodda. Waħda minnhom, NCC Roads Oy, irċeviet il-proprjetà tal-azzjonijiet kollha ta’ Interasfaltti. Fit-31 ta’ Diċembru 2003, Interasfaltti ġiet xolt wara proċedura ta’ stralċ volontarju, li fil-kuntest tagħha l-attivitajiet kummerċjali tagħha ġew ittrasferiti, mill-1 ta’ Frar 2003, lil NCC Roads. Fl-1 ta’ Mejju 2016, l-isem ta’ din il-kumpannija tal-aħħar sar NCC Industry (iktar ’il quddiem “NCC”).

9

Fl-20 ta’ Ġunju 2000, Siilin tal-grupp Oy, li sar jisimha, mis-17 ta’ Ottubru 2000, Rudus Asfaltti Oy, xtrat l-azzjonijiet kollha ta’ Asfalttineliö. Fit-23 ta’ Jannar 2002, Asfalttineliö ġiet xolt wara proċedura ta’ stralċ volontarju, li fil-kuntest tagħha l-attivitajiet kummerċjali tagħha ġew ittrasferiti, mis-16 ta’ Frar 2001, lil Rudus Asfaltti. Fl-10 ta’ Jannar 2014, l-isem ta’ din il-kumpannija tal-aħħar sar Asfaltmix.

10

Fit-31 ta’ Marzu 2004, il-kilpailuvirasto (l-Awtorità tal-Kompetizzjoni, il-Finlandja) ipproponiet li jiġu imposti sanzjonijiet pekunjarji fuq seba’ kumpanniji. Permezz ta’ sentenza tad-29 ta’ Settembru 2009, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), b’applikazzjoni tal-kriterju tal-kontinwità ekonomika, irrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha, ikkundannat, b’mod partikolari, lil SIS, għall-imġiba rispettiva tagħha u għal dik ta’ Sata-Asfaltti, lil NCC, għall-imġiba ta’ Interasfaltti, u lil Asfaltmix, għall-imġiba ta’ Asfalttineliö, għal sanzjonijiet pekunjarji għall-ksur tal-kilpailunrajoituslaki (il-Liġi dwar ir-Restrizzjonijiet tal-Kompetizzjoni) u tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE).

11

Fuq il-bażi ta’ din is-sentenza tal-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema), il-belt ta’ Vantaa, li kienet ikkonkludiet ma’ Lemminkäinen kuntratti fis-settur tal-asfalt għas-snin 1998 sa 2001, fit-2 ta’ Diċembru 2009, ressqet quddiem il-käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza, il-Finlandja) rikors għad-danni kontra, b’mod partikolari, SIS, NCC u Asfaltmix, fejn sostniet li dawn it-tliet kumpanniji huma responsabbli in solidum għall-ispejjeż żejda li hija kellha ssofri waqt it-twettiq tax-xogħol ta’ asfaltar, minħabba l-ħlasijiet żejda fuq il-kuntratti bħala riżultat tal-akkordju inkwistjoni. SIS, NCC u Asfaltmix argumentaw li huma ma kinux responsabbli għad-danni kkawżati mill-kumpanniji ġuridikament indipendenti li pparteċipaw f’dan l-akkordju u li t-talba għal kumpens messha tressqet fil-kuntest tal-proċeduri ta’ stralċ ta’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar.

12

Il-käräjäoikeus (il-Qorti tal-Ewwel Istanza) ikkundannat lil SIS għad-danni, għall-imġiba rispettiva tagħha u għal dik Sata-Asfaltti, lil NCC, għall-imġiba ta’ Interasfaltti, u lil Asfaltmix għall-imġiba ta’ Asfalttineliö. Dik il-qorti qieset li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien, fil-prattika, impossibbli jew eċċessivament diffiċli għal persuna leża minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li tinkiseb, bis-saħħa tad-dritt tar-responsabbiltà u tad-dritt tal-kumpanniji Finlandiż, il-kumpens għad-dannu subit minħabba dan il-ksur. L-imsemmija qorti qieset li, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-Artikolu 101 TFUE, għandu jiġi applikat l-kriterju tal-kontinwità ekonomika fir-rigward tal-imputazzjoni tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-kumpens għal dan id-dannu bl-istess mod bħalma jiġi applikat fir-rigward tal-impożizzjoni ta’ multi.

13

Adita b’appell, il-hovioikeus (il-Qorti tal-Appell, il-Finlandja) qieset li l-prinċipju ta’ effettività ma jistax jikkonfuta l-karatteristiċi fundamentali tas-sistema Finlandiża ta’ responsabbiltà ċivili u li l-kriterju ta’ kontinwità ekonomika, applikat fil-qasam ta’ impożizzjoni ta’ multi, ma setgħetx, fl-assenza ta’ modalitajiet jew ta’ dispożizzjonijiet iktar preċiżi, jiġi traspost għall-azzjonijiet għad-danni. Din il-qorti, konsegwentement, ċaħdet it-talbiet tal-belt ta’ Vantaa sa fejn dawn kienu jirrigwardaw lil SIS, minħabba l-imġiba ta’ Sata-Asfaltti, kif ukoll lil NCC u lil Asfaltmix.

14

Il-belt ta’ Vantaa appellat fil-kassazzjoni kontra d-deċiżjoni tal-hovioikeus (il-Qorti tal-Appell) quddiem il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja).

15

Din l-aħħar qorti tosserva li d-dritt Finlandiż ma jipprevedix regoli għall-imputazzjoni tar-responsabbiltà għad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Ir-regoli ta’ responsabbiltà ċivili stabbiliti fid-dritt Finlandiż huma bbażati fuq il-prinċipju li jgħid li hija biss l-entità ġuridika li kkawżat id-dannu li hija responsabbli. Fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, huwa possibbli li ssir deroga minn dan il-prinċipju billi titwarrab l-awtonomija tal-persuna ġuridika. Madankollu, din il-possibbiltà tista’ tintuża biss meta l-operaturi kkonċernati użaw l-istruttura tal-grupp, ir-rabtiet bejn l-impriżi jew il-kontroll ta’ azzjonist, b’mod kundannabbli jew artifiċjali, li wassal biex tiġi evitata r-responsabbiltà legali.

16

Il-Qorti tar-rinviju tosserva li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull persuna għandha d-dritt li titlob kumpens għad-danni subiti minħabba ksur tal-Artikolu 101 TFUE, meta jkun hemm rabta kawżali bejn dan id-dannu u l-imsemmi ksur, u li huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxi l-modalitajiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt.

17

Madankollu, minn din il-ġurisprudenza ma jirriżultax b’mod ċar li d-determinazzjoni tal-persuni msejħa sabiex jikkumpensaw tali danni għandha ssir abbażi ta’ applikazzjoni diretta tal-Artikolu 101 TFUE jew inkella li din għandha ssir skont il-modalitajiet stabbiliti mill-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru.

18

Fil-każ fejn il-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kumpens għal danni kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE għandhom jiġu ddeterminati direttament b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, jifdal, skont il-qorti tar-rinviju, li jiġi ċċarat liema huma l-persuni li jistgħu jinżammu responsabbli għal dan il-ksur.

19

F’dan ir-rigward, huwa possibbli li tiġi aċċettata jew ir-responsabbiltà tal-persuna li kisret ir-regoli tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew inkella r-responsabbiltà tal-“impriża”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li kisret dawn ir-regoli. Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta impriża magħmula minn diversi persuni ġuridiċi tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, hija għandha, skont il-prinċipju ta’ responsabbiltà personali, twieġeb għal dan il-ksur. Huwa possibbli, b’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, li r-responsabbiltà għal ksur tal-Artikolu 101 TFUE tiġi imputata fuq l-entità li kompliet l-attivitajiet kummerċjali tal-entità li wettqet il-ksur, meta l-entità tal-aħħar ma tkunx għadha teżisti.

20

Il-Qorti tar-rinviju tqis li, fil-każ li l-persuni responsabbli għall-ħlas tal-kumpens għal danni kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE ma għandhomx jiġu ddeterminati direttament b’applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, hija jkollha tipproċedi bl-imputazzjoni tar-responsabbiltà għad-danni li jirriżultaw mill-akkordju inkwistjoni abbażi tar-regoli tad-dritt Finlandiż u tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni.

21

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-imsemmi prinċipju jimplikax li r-responsabbiltà għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni għandha tiġi imputata fuq il-kumpannija li kisbet il-kapital u kompliet l-attivitajiet kummerċjali tal-kumpannija xolta, li kienet ipparteċipat fl-akkordju. Għalhekk tqum il-kwistjoni dwar jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik deskritta fil-punt 15 ta’ din is-sentenza u, jekk iva, jekk huwiex possibbli li jitqies li l-kumpannija li kompliet l-attivitajiet kummerċjali tal-kumpannija li pparteċipat fl-akkordju għandha tinżamm responsabbli biss jekk l-ewwel waħda minn dawn il-kumpanniji kienet taf jew missha kienet taf, meta kisbet il-kapital tat-tieni waħda, li hija kienet wettqet tali ksur.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein oikeus (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

Id-determinazzjoni tal-entitajiet marbuta li jikkumpensaw dannu kkawżat minn aġir li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE għandha ssir fuq il-bażi ta’ applikazzjoni diretta ta’ din id-dispożizzjoni, jew fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali[?]

2)

Fil-każ li l-entitajiet responsabbli għandhom jiġu ddeterminati direttament fuq il-bażi tal-Artikolu 101 TFUE, l-entitajiet marbuta li jikkumpensaw id-dannu huma dawk li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ ‘impriża’ fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni? Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli għall-kumpens tad-danni, għandhom jiġu applikati l-istess prinċipji li l-Qorti tal-Ġustizzja applikat għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-entitajiet responsabbli fil-kuntest tas-sanzjonijiet pekunjarji u li skonthom ir-responsabbiltà tista’ b’mod partikolari tkun ibbażata fuq l-appartenenza għall-istess unità ekonomika jew fuq il-kontinwità ekonomika?

3)

Fil-każ li l-entitajiet responsabbli għandhom jiġu ddeterminati fuq il-bażi tad-dispożizzjonijiet nazzjonali tad-dritt tal-Istati Membri, għandha titqies li tmur kontra r-rekwiżit ta’ effettività tad-dritt tal-Unjoni leġiżlazzjoni nazzjonali li permezz tagħha kumpannija li, wara li tkun kisbet il-kapital azzjonarju kollu ta’ kumpannija li pparteċipat f’akkordju pprojbit mill-Artikolu 101 TFUE, xoljiet il-kumpannija inkwistjoni u assumiet l-attività tagħha, ma tkunx marbuta tikkumpensa d-dannu kkawżat mill-aġir antikompetittiv tal-kumpannija inkwistjoni, anki jekk ikun prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkiseb kumpens mill-kumpannija xolta? Ir-rekwiżit ta’ effettività jipprekludi interpretazzjoni tad-dritt intern tal-Istat Membru li jissuġġetta r-responsabbiltà għad-danni għall-kundizzjoni li operazzjoni ta’ trasformazzjoni tat-tip hawn fuq deskritta tkun twettqet b’mod illegali jew artifiċjali, sabiex jiġi evitat l-obbligu tal-kumpens tad-danni kkawżati minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jew għal skopijiet frawdolenti oħra, jew, tal-inqas, għall-kundizzjoni li l-kumpannija kienet taf jew kellha tkun taf bil-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni fil-mumenet li hija wettqet din l-operazzjoni ta’ trasformazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

23

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 101 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-azzjonijiet kollha tal-kumpanniji li pparteċipaw f’akkordju pprojbit minn dan l-artikolu nxtraw minn kumpanniji oħra, li xoljew dawn l-ewwel kumpanniji u komplew l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, il-kumpanniji xerrejja jistgħu jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati minn dan l-akkordju.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 101(1), u l-Artikolu 102 TFUE jipproduċu effetti diretti fir-relazzjonijiet bejn l-individwi u joħolqu drittijiet għall-partijiet f’kawża li għandhom jitħarsu mill-qrati nazzjonali (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Hija ġurisprudenza stabbilita li l-effikaċja sħiħa tal-Artikolu 101 TFUE u, b’mod partikolari, l-effettività tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu jitqiegħdu fid-dubju li kieku ma kienx possibbli għal kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat lilha minn kuntratt jew minn imġiba li tista’ toħloq restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għaldaqstant, kull persuna għandha d-dritt titlob kumpens għad-dannu mġarrab meta teżisti rabta kawżali bejn l-imsemmi dannu u akkordju jew prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Ċertament, fl-assenza ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jirregola l-modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt li jintalab kumpens għad-dannu li jirriżulta minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE, bil-kundizzjoni li jiġu osservati l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività (ara. f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C‑557/12, EU:C:2014:1317, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Madankollu, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kwistjoni tad-determinazzjoni tal-entità li għandha tikkumpensa d-dannu kkawżat minn ksur tal-Artikolu 101 TFUE hija direttament irregolata mid-dritt tal-Unjoni.

29

Fil-fatt, mill-formulazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE jirriżulta li l-awturi tat-Trattati għażlu li jużaw il-kunċett ta’ “impriża” biex jindikaw l-awtur ta’ ksur tal-projbizzjoni stabbilita f’din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C-516/15 P, EU:C:2017:314, punt 46).

30

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dritt tal-Kompetizzjoni tal-Unjoni jirrigwarda l-attivitajiet tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Issa, peress li r-responsabbiltà għal dannu li jirriżulta minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni hija ta’ natura ratione personae, hija l-impriża li tikser dawn ir-regoli li għandha tagħmel tajjeb għad-danni kkawżati mill-ksur.

32

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-entitajiet li għandhom jikkumpensaw id-dannu kkawżat minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE huma l-impriżi, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li pparteċipaw f’dan l-akkordju jew f’din il-prattika.

33

Din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-argument tal-Kummissjoni Ewropea, ippreżentat matul is-seduta, li jgħid li mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014, L 349, p. 1), li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-impriżi li kisru d-dritt tal-kompetizzjoni permezz ta’ imġiba konġunta huma responsabbli in solidum għad-danni kkawżati mill-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni, jirriżulta li huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jiddetermina l-entità li għandha tikkumpensa dawn id-danni, fl-osservanza tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.

34

Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tad-Direttiva 2014/104, direttiva li ma hijiex, barra minn hekk, applikabbli ratione temporis għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tirrigwardax id-determinazzjoni tal-entitajiet obbligati jikkumpensaw tali danni, iżda t-tqassim tar-responsabbiltà bejn l-imsemmija entitajiet, u, għaldaqstant, ma tagħtix setgħat lill-Istati Membri biex jagħmlu din id-determinazzjoni.

35

Għall-kuntrarju, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonferma, kif jagħmel l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2014/104, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, fl-ewwel sentenza tal-paragrafu 1 tiegħu, li dawk responsabbli għad-danni kkawżata minn ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma l-“impriżi” li wettqet dan il-ksur.

36

Dan premess, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika, indipendentement mill-istatus ġuridiku ta’ din l-entità u mill-mod ta’ finanzjament tagħha (sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37

Dan il-kunċett, meta jitqiegħed f’dan il-kuntest, għandu jinftiehem bħala li jkopri unità ekonomika anki jekk, mill-perspettiva ġuridika, din l-unità ekonomika hija magħmula minn diversi persuni fiżiċi jew ġuridiċi (sentenza tas-27 ta’ April 2017, Akzo Nobel et vs Il‑Kummissjoni, C-516/15 P, EU:C:2017:314, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Fir-rigward ta’ sitwazzjoni ta’ ristrutturazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-entità li wettqet il-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni ma għadhiex teżisti, għandu jitfakkar li, meta entità li tkun wettqet tali ksur tkun is-suġġett ta’ tibdil legali jew organizzattiv, dan it-tibdil ma għandux neċessarjament bħala effett li joħloq impriża ġdida ħielsa mir-responsabbiltà tal-aġir li jmur kontra r-regoli tal-kompetizzjoni tal-entità preċedenti jekk, mil-lat ekonomiku, hemm identiċità bejnha u bejn l-entità l-ġdida (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punt 42; tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C-448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 22, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 2014, Il-Kummissjoni vs Parker Hannifin Manufacturing u Parker-Hannifin, C-434/13 P, EU:C:2014:2456, punt 40).

39

Għalhekk, ma huwiex inkompatibbli mal-prinċipju ta’ responsabbiltà personali li r-responsabbiltà ta’ ksur tiġi imputata fuq kumpannija fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija li assorbiet il-kumpannija li wettqet il-ksur, meta din tal-aħħar ma baqgħetx teżisti (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C-448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li jista’ jkun neċessarju, għall-finijiet tal-implementazzjoni effikaċi tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, li r-responsabbiltà għal ksur ta’ dawn ir-regoli tiġi imputata fuq ix-xerrej tal-impriża li wettqet dan il-ksur, meta din l-aħħar impriża ma tibqax teżisti minħabba l-fatt li ġiet assorbita minn dan ix-xerrej, li jieħu, inkwantu kumpannija assorbenti, l-attiv u l-passivi tagħha, inklużi r-responsabbiltajiet tagħha minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2013, SNIA vs Il-Kummissjoni, C‑448/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:801, punt 25).

41

F’dan ir-rigward, Asfaltmix issostni, essenzjalment, li peress li l-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 36 sa 40 ta’ din is-sentenza ġiet żviluppata fil-kuntest tal-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ multi abbażi tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), din il-ġurisprudenza ma hijiex applikabbli għal azzjoni għad-danni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

42

Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

43

Fil-fatt, kif ġie mfakkar fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, id-dritt ta’ kull persuna li titlob kumpens għad-dannu kkawżat minn akkordju jew minn prattika pprojbita mill-Artikolu 101 TFUE tiżgura l-effikaċja sħiħa ta’ dan l-artikolu, b’mod partikolari, l-effett utli tal-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiegħu.

44

Dan id-dritt isaħħaħ, fil-fatt, in-natura operattiva tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u huwa tali li jiskoraġġixxi l-ftehimiet jew il-prattiki, ħafna drabi moħbija, li jistgħu joħolqu restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni, u b’hekk jikkontribwixxi għaż-żamma ta’ kompetizzjoni effettiva fl-Unjoni Ewropea (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2014, Kone et, C-557/12, EU:C:2014:1317, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45

Għalhekk, kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 80 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni huma parti integrali mis-sistema tal-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli, li hija intiża li trażżan l-aġir antikompetittiv tal-impriżi u li tiskoraġġihom milli jwettqu tali aġiri.

46

Għalhekk, jekk impriżi, responsabbli għad-danni kkawżati minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, ikunu jistgħu jaħarbu mir-responsabbiltà tagħhom permezz tas-sempliċi fatt li l-identità tagħhom ġiet modifikata wara ristrutturazzjonijiet, ċessjonijiet jew bidliet legali jew organizzattivi oħra, l-għan imfittex minn din is-sistema kif ukoll l-effett utli tal-imsemmija regoli jkunu kompromessi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, EU:C:2007:775, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “impriża”, fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, li jikkostitwixxi kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ma jistax ikollu portata differenti fil-kuntest tal-impożizzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ multi skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 u fil-kuntest ta’ azzjonijiet għad-danni għal ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

48

Fil-kawża prinċipali, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li SIS, NCC u Asfaltmix xtraw l-azzjonijiet kollha, rispettivament, ta’ Sata-Asfaltti, ta’ Interasfaltti u ta’ Asfalttineliö, li huma kumpanniji li pparteċipaw fl-akkordju inkwistjoni, u, sussegwentement, fl-okkażjoni ta’ proċeduri ta’ stralċ volontarju li seħħew matul is-snin 2000, 2001 u 2003, ħadu l-attivitajiet kummerċjali rispettivi kollha ta’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar u xoljewhom.

49

Jidher għaldaqstant, bla ħsara għal evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, li, mill-perspettiva ekonomiku, hemm identiċità bejn SIS, NCC u Asfaltmix, min-naħa, u, rispettivament, Sata-Asfaltti, Interasfaltti u Asfalttineliö, min-naħa l-oħra, sa fejn dawn l-aħħar tliet kumpanniji ma baqgħux jeżistu inkwantu persuni ġuridiċi.

50

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li SIS, NCC u Asfaltmix, inkwantu suċċessuri, rispettivament, ta’ Sata-Asfaltti, ta’ Interasfaltti u ta’ Asfalttineliö, ħadu r-responsabbiltà ta’ dawn il-kumpanniji tal-aħħar għad-danni kkawżati mill-akkordju inkwistjoni, minħabba l-fatt li dawn żguraw, inkwantu persuni ġuridiċi, il-kontinwità ekonomika tal-imsemmija kumpanniji.

51

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-azzjonijiet kollha tal-kumpanniji li pparteċipaw f’akkordju pprojbit minn dan l-artikolu nxtraw minn kumpanniji oħra, li xoljew dawn l-ewwel kumpanniji u komplew l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, il-kumpanniji xerrejja jistgħu jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati minn dan l-akkordju.

52

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u t-tieni domandi, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda.

Fuq it-talba li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati ratione temporis

53

Fis-seduta, NCC talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti ta’ din is-sentenza fil-każ fejn hija jkollha tqis li l-kriterju ta’ kontinwità ekonomika huwa applikabbli għad-determinazzjoni tal-persuni li huma obbligati jikkumpensaw id-dannu kkawżat minn ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni.

54

Insostenn tat-talba tagħha, NCC sostniet li din l-interpretazzjoni ma kinitx prevedibbli, li din tagħti effett retroattiv lil dawn ir-regoli u li għandha konsegwenzi mhux previsti fuq l-attività tal-impriżi.

55

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-interpretazzjoni li din tal-aħħar tagħti lil dispożizzjoni legali tal-Unjoni, fl-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni mogħtija lilha mill-Artikolu 267 TFUE, tikkjarifika u tippreċiża t-tifsira u l-portata ta’ din ir-regola, hekk kif għandha jew kellha tinftiehem u tiġi applikata sa mill-mument tad-dħul fis-seħħ tagħha. Minn dan jirriżulta li r-regola hekk interpretata tista’ u għandha tiġi applikata mill-qorti anki għal relazzjonijiet ġuridiċi li nħolqu jew ġew stabbiliti qabel is-sentenza li tiddeċiedi dwar talba għal interpretazzjoni, sakemm jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha li jippermettu li titressaq tilwima dwar l-applikazzjoni tal-imsemmija regola quddiem il-qrati kompetenti (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Huwa biss f’każijiet eċċezzjonali ferm li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, b’applikazzjoni ta’ prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali inerenti fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, tillimita l-possibbiltà għal kull persuna kkonċernata li tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat bil-għan li tqiegħed inkwistjoni relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti f’bona fide. Sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tingħata, huwa neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-persuni kkonċernati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Iktar speċifikament, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi, b’mod partikolari meta kien jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi dovuti b’mod partikolari għan-numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi kkostitwiti f’bona fide fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni meqjusa bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa sabiex jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva għal dak li jirrigwarda l-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inċertezza li għaliha kienu eventwalment ikkontribwixxew l-aġir stess adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Microsoft Mobile Sales International et, C‑110/15, EU:C:2016:717, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

F’dan il-każ, peress li NCC bl-ebda mod ma sostniet l-allegazzjonijiet tagħha, hija ma wrietx li l-kriterji msemmija fil-punt 56 ta’ din is-sentenza huma ssodisfatti f’dan il-każ.

59

Għaldaqstant, ma hemmx lok li l-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza jiġu limitati.

Fuq l-ispejjeż

60

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha l-azzjonijiet kollha tal-kumpanniji li pparteċipaw f’akkordju pprojbit minn dan l-artikolu nxtraw minn kumpanniji oħra, li xoljew dawn l-ewwel kumpanniji u komplew l-attivitajiet kummerċjali tagħhom, il-kumpanniji xerrejja jistgħu jinżammu responsabbli għad-danni kkawżati minn dan l-akkordju.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.