SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

16 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Trasferiment ta’ skart – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Skart suġġett għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel – Trasferimenti fl-Unjoni Ewropea – Artikolu 1(3)(b) – Esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni – Skart iġġenerat abbord bastimenti – Skart abbord bastiment b’konsegwenza ta’ avarija”

Fil-Kawża C‑689/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura

Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS « MSC Flaminia»

vs

Land Niedersachsen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ unità,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS “MSC Flaminia”, minn J.-E. Pötschke u W. Steingröver, Rechtsanwälte,

għal-Land Niedersachsen, minn R. van der Hout, advocaat, u H. Jacobj, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker, E. Sanfrutos Cano u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Conti 11. Container Schiffahrts-GmbH & Co. KG MS “MSC Flaminia” (iktar ’il quddiem “Conti”) u l-Land Niedersachsen (il-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) dwar l-obbligu impost minn dan tal-aħħar fuq Conti biex timplimenta proċedura ta’ notifika dwar it-trasport ta’ skart li jinsab abbord il-bastiment MSC Flaminia ( 1 )(iktar ’il quddiem il-“Flaminia”) wara avarija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttivi dwar l-iskart

3

L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9), kien jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

‘skart’ għandha tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]”

4

Id-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), li ħassret id-Direttiva 2006/12, tipprevedi, fl-Artikolu 3 tagħha:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi;

[…]”

Ir-Regolament Nru 1013/2006

5

Il-premessi 1, 7 u 14 tar-Regolament Nru 1013/2006 jistabbilixxu:

“(1)

L-għan u l-komponent ewlieni u predominanti ta’ dan ir-Regolament huwa l-protezzjoni ta’ l-ambjent, filwaqt li l-effetti tiegħu fuq il-kummerċ internazzjonali huma biss inċidentali.

[…]

(7)

Huwa importanti li jiġu organizzati u regolati s-superviżjoni u l-kontroll ta’ vjeġġi ta’ skart b’mod li jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu ppreżervati, protetti u mtejba l-kwalità ta’ l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u b’mod li jippromovi applikazzjoni aktar uniformi tar-Regolament [fl-Unjoni] kollha.

[…]

(14)

Fil-każ ta’ vjeġġi ta’ skart destinat għal operazzjonijiet ta’ rimi u skart mhux elenkat fl-Anness III, IIIA jew IIIB destinat għal operazzjonijiet ta’ rkupru, huwa xieraq li jiġu żgurati l-aqwa superviżjoni u kontroll billi jkun meħtieġ permess bil-miktub bil-quddiem għal tali vjeġġi. Tali proċedura għandha, imbagħad, tagħti lok għal notifika minn qabel, li tippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jkunu informati bix-xieraq sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u ta’ l-ambjent. Għandha wkoll tippermetti lil dawk l-awtoritajiet iqajmu oġġezzjonijiet motivati għal tali vjeġġi”.

6

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

[…]

3.   Dan li ġej għandu jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

(a)

il-ħatt għal fuq ix-xatt ta’ skart, inkluż ilma skart u residwi, ġenerat mill-operazzjoni normali ta’ bastimenti u ta’ pjattaformi ta’ fuq il-baħar bil-kundizzjoni li tali skart ikun suġġett għar-rekwiżiti tal-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Prevenzjoni tat-Tniġġis mill-Bastimenti [iffirmata f’Londra fit‑2 ta’ Novembru 1973 u kkompletata bil-protokoll tas‑17 ta’ Frar 1978] (Marpol 73/78), jew strumenti internazzjonali li jorbtu oħrajn;

(b)

skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema;

[…]”

7

Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘skart’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva [2006/12];

[…]

34)

“vjeġġ” tfisser it-trasport ta’ skart destinat għal irkupru jew rimi […]

[…]”.

8

L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament jipprovdi:

“1. Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel kif stabbilit bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu:

(a)

jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rimi:

kull skart;

(b)

jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rkupru:

(i)

l-iskart imsemmi fl-Annessa IV, li jinkludi, inter alia, skart elenkat fl-Annessi II u VIII mal-Konvenzjoni ta’ Basel [dwar il-kontroll tal-movimenti transkonfinali ta’ skart perikoluż u r-rimi tiegħu, iffirmata fit-22 ta’ Marzu 1989, approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 93/98/KEE, tal-1 ta’ Frar 1993 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 18, p. 301)];

(ii)

skart elenkat fl-Anness IV A;

(iii)

skart li mhux klassifikat taħt entrata waħdanija f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA;

(iv)

taħlit ta’ skart mhux klassifikat taħt entrata f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV IVA ħlief jekk elenkati fl-Anness IIIA.”

9

L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdi:

“Fejn in-notifikatur għandu l-intenzjoni li jittrasporta skart kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a) jew (b), huwa għandu jippreżenta minn qabel notifika bil-miktub lil u permezz ta’ l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ u, jekk jippreżenta notifika ġenerali, jikkonforma ma’ l-Artikolu 13

Meta tiġi preżentata notifika, għandhom jiġu sodisfatti dawn ir-rekwiżiti li ġejjin:

(1)

Dokumenti ta’ notifika u ta’ moviment:

In-notifika għandha ssir permezz tad-dokumenti li ġejjin:

(a)

id-dokument ta’ notifika espost fl-Anness I A; u

(b)

id-dokument ta’ moviment espost fl-Anness I B.

Meta jippreżenta notifika, in-notifikatur għandu jimla d-dokument ta’ notifika u, fejn rilevanti, id-dokument ta’ moviment.

[…]

Id-dokument ta’ notifika u d-dokument tal-moviment għandhom jiġu rilaxxati lin-notifikatur mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ.

[…]”

Id-dritt Ġermaniż

10

Skont l-Artikolu 2(2)(13) tiegħu, id-dispożizzjonijiet tal-Gesetz zur Förderung der Kreislaufwirtschaft und Sicherung der umweltverträglichen Bewirtschaftung von Abfällen (Kreislaufwirtschaftsgesetz – KrWG) (il-Liġi għall-Promozzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari u Sabiex Tiġi Ggarantita l-Ġestjoni Ekoloġika tal-Iskart), tal-24 ta’ Frar 2012 (BGBl. 2012 I, p. 212), ma humiex applikabbli għall-ġbir u għat-trasferiment ta’ skart tal-operat tal-bastimenti u residwi ta’ tagħbija, sa fejn dawn il-kwistjonijiet huma rregolati mid-dritt federali jew tal-Land abbażi ta’ konvenzjonijiet internazzjonali jew sopranazzjonali.

11

L-Artikolu 32 tan-Niedersächsisches Abfalsgesetz (il-Liġi dwar l-Iskart tal-Land ta’ Niedersachsen) jipprovdi:

“Skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

6.   Skart tal-operat tal-bastimenti:

a)

l-iskart kollu (inkluż l-ilma mormi u r-residwi minbarra residwi ta’ tagħbija) li huma ġġenerati fil-kuntest tal-operat ta’ bastiment u li jaqgħu taħt l-Annessi I, IV u V tal-[Konvenzjoni Marpol 73/78]), kif ukoll

b)

skart marbut mat-tagħbija kif iddefinit fil-punt 1.7.5. tal-Linji Gwida għall-implimentazzjoni tal-[Konvenzjoni Marpol 73/78];

7.   ‘residwi ta’ tagħbija’: għandha tfisser il-fdalijiet ta’ tagħbija abbord li jibqgħu fl-istivi jew fit-tankijiet tat-tagħbija wara li jkunu ntemmew l-operazjonijiet ta’ ħatt u ta’ tindif, inkluż l-eċċessi u t-tagħbija li xterdet waqt it-tagħbija jew il-ħatt.”

12

Skont l-Artikolu 35(1) tal-Liġi dwar l-Iskart tal-Land ta’ Niedersachsen, il-kaptan jew il-kaptana tal-bastiment għandu l-obbligu, qabel iħalli l-port, li jiddepożita l-iskart kollu tal-operat tal-bastimenti f’faċilità tal-akkoljenza fil-port. L-Artikolu 36(1) ta’ din il-liġi jimponi l-istess obbligu fir-rigward tar-residwi ta’ tagħbija.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

13

Il-Flaminia huwa bastiment li jġorr il-kontejners proprjetà ta’ Conti li kien itajjar, matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-bandiera Ġermaniża.

14

Fl-14 ta’ Lulju 2012, matul vjaġġ minn Charleston (l-Istati Uniti) lejn Antwerpen, il-Belġju, kien hemm nar u seħħew xi splużjonijiet abbord dan il-bastiment, filwaqt li dan kien qiegħed iġorr 4808 kontenitur, li minnhom 151 kienu indikati bħala “b’sustanzi perikolużi”. Wara li n-nirien inġiebu taħt kontroll, fil-21 ta’ Awwissu 2012, Conti kisbet l-awtorizzazzjoni biex tirmonka l-bastiment fl-ilmijiet Ġermaniżi. Skont l-ittra tal-Havariekommando (iċ-Ċentru ta’ Kmand f’każ ta’ Urġenza Marittima, il-Ġermanja), tal-25 ta’ Awwissu 2012, Conti kienet tpoġġiet taħt l-obbligu li tfassal pjan għas-segwitu tal-operazzjonijiet u li tindika eventwali msieħba kuntrattwali għall-miżuri korrispondenti.

15

Fid-9 ta’ Settembru 2012 il-bastiment ġie rmunkat f’Wilhelmshaven (il-Ġermanja).

16

B’mod partikolari, Conti impenjat ruħha mal-awtoritajiet Ġermaniżi li tiżgura t-trasferiment sigur tal-bastiment lejn it-tarzna li tinsab f’Mangalia (ir-Rumanija) u li tiggarantixxi trattament xieraq tas-sustanzi li kienu abbord il-bastiment.

17

Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Novembru 2012, in-Niedersächsisches Umweltministerium (il-Ministeru tal-Ambjent tal-Land ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) informa lil Conti li l-bastiment innifsu, “kif ukoll l-ilma għat-tifi tan-nar abbord, l-istess bħall-ħama u l-iskart ta’ metall, [għandhom] jiġu kklassifikati bħala skart” u li, għalhekk, kienet meħtieġa proċedura ta’ notifika. Permezz ta’ ittra tat-3 ta’ Diċembru 2012, Conti kkontestat din l-evalwazzjoni.

18

Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2012, il-Gewerbeaufsichtsamt Oldenburg (l-Ispettorat tax-Xogħol ta’ Oldenburg, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem l-“Ispettorat tax-Xogħol”) obbliga lil Conti timplimenta proċedura ta’ notifika minħabba l-preżenza abbord ta’ skart ta’ metall u ta’ ilma għat-tifi tan-nar imħallat bil-ħama u residwi ta’ tagħbija. Barra minn hekk, Conti ġiet ipprojbita milli tneħħi l-bastiment mill-post fejn kien jinsab qabel l-għeluq tal-proċedura ta’ notifika u l-preżentazzjoni bil-lingwa Ġermaniża, ta’ proġett verifikabbli ta’ rimi tal-iskart.

19

Fil-21 ta’ Diċembru 2012, it-tagħbija intatta nħattet u ġie kkonfermat li l-bastiment kien tajjeb biex ibaħħar sa għoli tal-mewġ ta’ sitt metri.

20

Inbdiet u ngħalqet proċedura ta’ notifika għat-trasferiment tal-ilma għat-tifi tan-nar lejn id-Danimarka. Fit-18 ta’ Frar 2013 bdew l-operazzjonijiet ta’ ppompjar tal-ilma għat-tifi tan-nar. Ladarba kien possibbli li jiġi stmat l-ammont ta’ ħama mħallta mal-ilma għat-tifi tan-nar li ma setax jiġi ppompjat, fis-26 ta’ Frar 2013 bdiet il-fażi segwenti tal-proċedura ta’ notifika mar-Rumanija.

21

L-awtorizzazzjoni ta’ tluq, mitluba għall-4 ta’ Marzu 2013, ingħatat fl-1 ta’ Marzu 2013. Madankollu, qabel ma l-bastiment seta’ jitlaq mill-port, kellhom jinħattu 30 kontenitur bi skart, din l-operazzjoni tawwlet sas-7 ta’ Marzu 2013. Wara l-għeluq tal-proċedura ta’ notifika mar-Rumanija, il-bastiment kien f’pożizzjoni li jibda l-vjaġġ tiegħu fil-15 ta’ Marzu 2013. Fir-Rumanija, instab li kien hemm madwar 24000 tunnellata skart abbord.

22

Fl-4 ta’ Jannar 2013, Conti ppreżentat rikors amministrattiv quddiem l-Ispettorat tax-Xogħol kontra d-deċiżjoni tal-4 ta’ Diċembru 2012. Hija essenzjalment sostniet li ma kellhiex tiġi obbligata twettaq il-proċedura ta’ notifika prevista mir-Regolament Nru 1013/2006, peress li hija ma kinitx taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u speċifikat li hija kienet issuġġettat ruħha għal din il-proċedura biss bil-għan li tevita dewmien. B’ittra tat-3 ta’ April 2013, l-Ispettorat tax-Xogħol iddeċieda li r-rikors amministrattiv ma kienx għad għandu skop.

23

Conti mbagħad ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju intiż sabiex il-Land ta’ Niedersachsen tiġi kkundannata tikkumpensaha għad-danni subiti, li jirriżultaw b’mod partikolari mill-ispejjeż tal-proċeduri ta’ notifika li kellha ġġarrab. Skont din il-kumpanija, kien illegali li s-sustanzi li kienu jinsabu fil-bastiment jiġu kkwalifikati bħala skart u li b’konsegwenza ta’ dan tiġi ordnata l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proċeduri. Hija targumenta, f’dan ir-rigward, li ma setax jiġi impost proġett ta’ rimi ta’ skart taħt id-dritt nazzjonali, sa fejn ir-Regolament Nru 1013/2006 jipprekludi l-applikazzjoni tad-dritt nazzjonali meta skart abbord bastiment ikun iddestinat għall-irkupru jew għar-rimi fi Stat Membru ieħor.

24

Il-qorti tar-rinviju tqis li, inkwantu d-danni invokati minn Conti jinkludu l-ispejjeż tal-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ notifika, l-eżistenza ta’ dritt għal kumpens tippresupponi li r-Regolament Nru 1013/2006 ma japplikax għar-residwi tal-avarija mġarrba mill-bastiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, dawn l-ispejjeż ġew sostnuti biss minħabba li l-Ispettorat tax-Xogħol qies li l-implimentazzjoni ta’ proċedura ta’ notifika kienet neċessarja.

25

Dik il-qorti hija tal-opinjoni li, sa fejn skart kellu jiġi ttrasferit mill-Ġermanja lejn ir-Rumanija, kienet neċessarja proċedura ta’ notifika, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1013/2006. Madankollu, hija għandha dubji dwar jekk id-dispożizzjoni ta’ deroga prevista fl-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament kinitx applikabbli u tenfasizza li, li kieku dan kien il-każ, it-trasferiment tar-residwi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tqis li la minn kliem ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, li tinkludi l-frażi “skart iġġenerat fuq […] bastimenti”, la mid-dokumenti preparatorji li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, la mill-premessi ta’ dan tal-aħħar u lanqas mill-istruttura tal-imsemmi regolament ma jirriżulta li l-iskart u r-residwi ġġenerati minn avariji għandhom ikunu koperti minn din id-dispożizzjoni ta’ deroga.

26

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht München I (il-Qorti Reġjonali ta’ München I, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Residwi minħabba ħsara ta’ bastiment fuq il-baħar [avarija], fil-forma ta’ skart ta’ metal u ilma għat-tifi tan-nar imħallat ma’ ħama u residwi ta’ tagħbija abbord bastiment, huma ‘skart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti’ fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006?”

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

27

Wara li ġew ippreżentati l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Land ta’ Niedersachsen, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ April 2019, talab li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

28

B’appoġġ għat-talba tiegħu, il-Land ta’ Niedersachsen jargumenta, essenzjalment, li kwistjoni deċiżiva għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali għadha ma ġietx verament dibattuta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din hija l-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tal-Artikolu 1(3)(b) tiegħu, ir-Regolament Nru 1013/2006 japplikax ukoll fil-każ fejn il-bastiment ikkonċernat ikun fl-ibħra internazzjonali. Fl-opinjoni tal-Land ta’ Niedersachsen, l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament għall-ewwel parti tal-vjaġġ tal-Flaminia, imwettqa fl-ibħra internazzjonali, tqajjem il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmi regolament huwiex kompatibbli mad-dritt internazzjonali pubbliku, u b’mod aktar speċifiku mal-Konvenzjoni ta’ Basel. Il-Land ta’ Niedersachsen tkompli tesponi li, fl-assenza ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, jista’ jkun li fil-ġejjieni tkun meħtieġa talba għal deċiżjoni preliminari oħra.

29

F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża għandha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma ġiex dibattut mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

30

Issa, f’dan il-każ, it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, imressqa mil-Land ta’ Niedersachsen, ma ssemmi ebda fatt ġdid u, essenzjalment, hija intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar żewġ kwistjonijiet li ma tqajmux mill-qorti tar-rinviju li jirrigwardaw, minn naħa, l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1013/2006 meta l-bastiment ikkonċernat ikun jinstab fl-ibħra internazzjonali u, min-naħa l-oħra, dwar il-validità tal-eżenzjoni stabbilita fl-Artikolu 1(3)(b) ta’ dak ir-regolament fid-dawl tal-Konvenzjoni ta’ Basel.

31

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha meħtieġa biex tiddeċiedi u ma għandhiex tiddeċiedi din il-kawża abbażi ta’ argument li allegatament ma ġiex dibattut bejn il-partijiet u l-persuni interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

32

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domanda preliminari

33

Permezz tal-mistoqsija tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li residwi fil-forma ta’ skart ta’ metall u ta’ ilma għat-tifi tan-nar imħallat bil-ħama u residwi ta’ tagħbija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti għal avarija abbord bastiment, għandhomx jitqiesu bħala skart iġġenerat abbord bastimenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

34

Għandu preliminarjament jiġi nnutat li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-residwi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn huma sustanzi jew oġġetti li d-detentur tagħhom għandu l-ħsieb li jiddisponi minnhom, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “skart”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, li jagħmel riferiment għad-definizzjoni mogħtija lil dan il-kunċett fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12, li minn dak iż-żmien ġie ssostitwit bl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98, li jinkludi definizzjoni li hija essenzjalment analoga tal-imsemmi kunċett.

35

Din l-ispeċifikazzjoni preliminari esposta, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jeskludi mill-kamp ta’ aplikazzjoni ta’ dan ir-regolament l-iskart iġġenerat fuq vetturi, ferroviji, ajruplani u bastimenti, sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat sabiex ikun irkuprat jew jintrema.

36

Minn dan isegwi li, hekk kif tindika l-qorti tar-rinviju, f’każ li l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellu jitqies li huwa kopert minn din id-dispożizzjoni, ir-Regolament Nru 1013/2006 ma kienx ikun applikabbli għalih sakemm ma jkunx ħalla l-bastiment biex jiġi rkuprat jew biex jintrema.

37

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, hemm lok, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, li ma jittiħidx inkunsiderazzjoni biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2018, Günter Hartmann Taakvertrieb, C‑425/17, EU:C:2018:830, punt 18 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Għandu jiġi nnutat ukoll li peress li jipprevedi deroga mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006, l-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament għandu, bħala prinċipju, jiġi interpretat b’mod strett. Minkejja dan, dan il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta ma jistax ifisser, madankollu, li t-termini użati mill-imsemmija dispożizzjoni għad-definizzjoni tal-portata tad-deroga prevista fiha għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħduha mill-effetti tagħha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2014, Fastweb, C‑19/13, EU:C:2014:2194, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kliem tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sabiex ikun kopert mill-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, l-iskart għandu jiġi ġġenerat abbord, b’mod partikolari, bastiment u ma jkunx ġie żbarkat minnu.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, minn naħa, li din id-dispożizzjoni ma tinkludi l-ebda indikazzjoni dwar l-oriġini tal-iskart jew il-mod li bih dan ġie ġġenerat abbord il-bastiment ikkonċernat.

41

Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-leġiżlatur tal-Unjoni llimita ruħu li jispeċifika, fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, il-post fejn l-iskart irid jiġi ġġenerat, jiġifieri abbord, fost l-oħrajn, bastiment, mingħajr ma jistabbilixxi rekwiżit partikolari fir-rigward taċ-ċirkostanzi li fihom dan l-iskart jiġi ġġenerat.

42

Min-naħa l-oħra, mit-tifsira normali tal-kliem “sakemm l-imsemmi skart ikun skarikat”, użat fl-Artikolu 1(3)(b), jirriżulta li, fil-każ ta’ bastiment, din id-dispożizzjoni tapplika biss sakemm l-iskart ikkonċernat ma jkunx ħalla dak il-bastiment, biex jiġi ttrasferit sabiex jiġi rkuprat jew sabiex jintrema.

43

Għalhekk, minn kliem l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament prevista f’din id-dispożizzjoni tapplika għal skart iġġenerat abbord bastiment, irrispettivament miċ-ċirkostanzi li fihom tali skart jiġi ġġenerat, sal-mument meta dan l-iskart iħalli dan il-bastiment sabiex jiġi rkuprat jew sabiex jintrema.

44

Fit-tieni lok, dik il-konklużjoni hija kkonfermata mill-kuntest tal-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, l-Artikolu 1(3)(a) ta’ dan ir-regolament jirrigwarda l-ħatt fuq l-art ta’ skart iġġenerat mill-funzjonament normali ta’, fost l-oħrajn, bastimenti, inkluż ilma mormi u r-residwi, sa fejn dawn huma rregolati mill-Konvenzjoni Marpol 73/78, jew minn strumenti internazzjonali vinkolanti oħra.

45

Għalhekk, għall-kuntrarju ta’ kliem l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, l-Artikolu 1(3)(a) tal-istess regolament jikkonċerna espliċitament l-iskart iġġenerat mill-funzjonament normali ta’, fost l-oħrajn, bastiment, u dan jikkonferma l-fatt li l-esklużjoni prevista fl-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, li ma tipprevedix tali speċifikazzjoni, tkopri skart iġġenerat abbord bastiment, irrispettivament miċ-ċirkostanzi li fihom dan l-iskart ġie ġġenerat.

46

Fit-tielet lok, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006, li tirriżulta minn kliem din id-dispożizzjoni kif ukoll il-kuntest li minnu din tifforma parti, ma hijiex ikkonfutata mill-għan imfittex minn dan ir-regolament.

47

Ċertament, mill-Artikolu 1(1) u mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li dan tal-aħħar jistabbilixxi l-proċeduri u s-sistemi ta’ kontroll applikabbli għall-vjaġġi tal-iskart b’mod li jieħu inkunsiderazzjoni l-bżonn li l-kwalità tal-ambjent u s-saħħa tal-bniedem jiġu ppreżervati, protetti u mtejba. B’mod partikolari, mill-Artikoli 3(1) u 4(1) ta’ dan ir-regolament, moqrija flimkien mal-premessa 14 ta’ dan tal-aħħar, jirriżulta li l-vjaġġi bejn Stati Membri ta’ skart iddestinat għar-rimi u ta’ skart perikoluż iddestinat għall-irkupru għandhom ikunu suġġetti għal notifika minn qabel bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti sabiex ikunu jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent (sentenza tas-26 ta’ Novembru 2015, Total Waste Recycling, C‑487/14, EU:C:2015:780, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48

Madankollu, dan l-għan ta’ protezzjoni tal-ambjent imfittex mir-Regolament Nru 1013/2006 ma jistax jeħtieġ li, minkejja l-esklużjoni ċara prevista fl-Artikolu 1(3)(b) ta’ dan ir-regolament, il-moviment ta’ skart iġġenerat aċċidentalment abbord bastiment jiġi suġġett għar-regoli tal-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 3(1) tiegħu, għall-obbligu ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel. Effettivament, fid-dawl tan-natura mhux mistennija u mhux prevedibbli tal-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ skart, fil-prattika jkun impossibbli jew diffiċli ħafna li l-persuna responsabbli għall-bastiment ikkonċernat tkun f’pożizzjoni li tkun taf, fi żmien utli, l-informazzjoni meħtieġa għal applikazzjoni korretta ta’ dawn ir-regoli, li huma maħsuba biex jiggarantixxu sorveljanza u kontroll effettivi tat-trasferiment tal-imsemmi skart, fis-sens ta’ dan l-istess regolament.

49

Għalhekk, f’każ ta’ skart iġġenerat minn avarija, bħall-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija persuna responsabbli ma tkunx f’pożizzjoni, bil-probabbiltà kollha, qabel l-ittrakkar f’port, li tkunx taf u tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-formoli previsti fl-Annessi I A u I B tar-Regolament Nru 1013/2006, li jikkonċernaw, b’mod partikolari, id-deżinjazzjoni, il-kompożizzjoni u l-identifikazzjoni tal-iskart, kif ukoll it-tip ta’ operazzjoni ta’ rimi jew ta’ rkupru prevista.

50

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-effett tal-fatt li r-regoli previsti fir-Regolament Nru 1013/2006 jiġu applikati għal skart iġġenerat abbord bastiment wara li jkun hemm avarija fl-ibħra internazzjonali jista’ jkun l-ittardjar tad-dħul tal-bastiment f’port żġur, u dan ikattar ir-riskju ta’ tniġġis tal-ibħra u għalhekk ikun ta’ ħsara għall-għan imfittex minn dan ir-regolament.

51

Għandu, madankollu, jiġi enfasizzat li l-esklużjoni prevista fl-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma tistax tiġi applikata f’każ ta’ abbuż min-naħa tal-persuni responsabbli għall-bastiment ikkonċernat. Tali abbużi huma, b’mod partikolari, aġiri intiżi għall-ittardjar, eċċessiv u mingħajr ġustifikazzjoni, fil-ħatt tal-iskart sabiex jiġi rkuprat jew sabiex jintrema. F’dan ir-rigward, tali ttardjar għandu jiġi evalwat fid-dawl, b’mod partikolari, tan-natura ta’ dan l-iskart u tal-grad ta’ periklu li dan jirrappreżenta għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem.

52

F’dan il-każ, sa fejn l-iskart inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien iġġenerat fil-kuntest ta’ avarija abbord il-Flaminia, meta dan il-bastiment kien qed ibaħħar f’ibħra internazzjonali, dan għandu jitqies bħala ġġenerat abbord bastiment fis-sens tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tapplika għal dan l-iskart sal-mument li dan tal-aħħar iħalli l-istess bastiment sabiex jiġi rkuprat jew sabiex jintrema.

53

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li residwi, fil-forma ta’ skart ta’ metall u ta’ ilma għat-tifi tan-nar imħallat bil-ħama u residwi ta’ tagħbija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti għal avarija abbord bastiment, għandhom jitqiesu bħala skart iġġenerat abbord bastimenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sakemm jinħattu sabiex jiġu rkuprati jew sabiex jintremew.

Fuq l-ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart, għandu jiġi interpretat fis-sens li residwi, fil-forma ta’ skart ta’ metall u ta’ ilma għat-tifi tan-nar imħallat bil-ħama u residwi ta’ tagħbija, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dovuti għal avarija abbord bastiment, għandhom jitqiesu bħala skart iġġenerat abbord bastimenti, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u li, għaldaqstant, huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament sakemm jinħattu sabiex jiġu rkuprati jew sabiex jintremew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

( 1 ) Ara l-punt 135 tal-vade-mecum.