SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

18 ta’ Ottubru 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sistema Ewropea Komuni tal-Asil – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46(2) – Rikors kontra deċiżjoni li tirrifjuta l-għoti ta’ status ta’ refuġjat, iżda li tagħti status ta’ protezzjoni sussidjarja – Ammissibbiltà – Assenza ta’ interess suffiċjenti, fejn l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja mogħti minn Stat Membru joffri l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk offruti mill-istatus ta’ refuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali – Rilevanza, għall-finijiet tal-eżami ta’ identiċità tal-imsemmija drittijiet u benefiċċji, tas-sitwazzjoni individwali tal-applikant”

Fil-Kawża C-662/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vrhovno sodišče (Qorti suprema, is-Slovenja), permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Novembru 2017, fil-proċedura

E. G.

vs

Ir-Repubblika tas-Slovenja,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tat-Tielet Awla, li taġixxi bħala President tas-Seba’ Awla, C. Toader u A. Rosas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal E. G., minn D. Bulog, odvetnica,

għall-Gvern Sloven, minn J. Morela, višja državna odvetnica,

għall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, minn P. Huurnink u K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande kif ukoll minn M. Žebre, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn E. G., ċittadin Afgan, u r-Republika Slovenija (ir-Repubblika tas-Slovenja), irrappreżentata mill-Ministrstvo za notranje zadeve (Ministeru tal-Intern), dwar iċ-ċaħda, minn dan tal-aħħar, tat-talba ppreżentata minn E. G. biex jingħata l-istatus ta’ refuġjat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/95/UE

3

Il-premessi 8, 9 u 39 tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9) jipprovdu:

“(8)

Fil-Patt Ewropew dwar l-Immigrazzjoni u l-Ażil adottat fil-15 u fis-16 ta’ Ottobru 2008, il-Kunsill Ewropew innota li kien fadal numru konsiderevoli ta’ diverġenzi bejn Stat Membru u ieħor dwar l-għoti ta’ protezzjoni u l-forom li l-protezzjoni tieħu u sejjaħ għal inizjattivi ġodda sabiex jitkompla l-istabbiliment tas-Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, provduta fil-Programm tal-Aja [adottat mill-Kunsill Ewropew tal-4 ta’ Novembru 2004, li jistabbilixxi l-għanijiet li għandhom jiġu implimentati fil-qasam tal-libertà, is-sigurtà u l-ġustizzja matul il-perjodu 2005-2010], u għalhekk joffri grad ogħla ta’ protezzjoni.

(9)

Fil-Programm ta’ Stokkolma [adottat fl-2010], il-Kunsill Ewropew tenna l-impenn tiegħu dwar l-għan li jistabbilixxi żona komuni ta’ protezzjoni u solidarjetà, ibbażata fuq proċedura komuni ta’ ażil u status uniformi, skont l-Artikolu 78 [TFUE], għal dawk li ngħataw protezzjoni internazzjonali, mhux aktar tard mill-2012.

[…]

(39)

Filwaqt li tiġi sodisfatta t-talba tal-programm ta’ Stokkolma għall-istabbiliment ta’ status uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u bl-eċċezzjoni tad-derogi li huma meħtieġa u ġustifikati b’mod oġġettiv, benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja għandhom jingħataw l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li jgawdu refuġjati taħt din id-direttiva, u għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet ta’ eliġibilità.”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi, fil-punti (d) sa (g):

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

d)

“refuġjat” ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

e)

“status ta’ refuġjat” ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

f)

“persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja” tfisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li ma tikkwalifikax bħala refuġjat imma rigward min intwerew raġunijiet sostanzjali sabiex jitwemmen li l-persuna interessata, jekk tirritorna lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħha, jew fil-każ ta’ persuna mingħajr stat, lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel tagħha, tiffaċċja riskju veru li ssofri dannu serju kif definit fl-Artikolu 15, u li għaliha l-Artikolu 17(1) u (2) ma japplikax, u ma tistax, jew, minħabba f’dan ir-riskju, ma tixtieqx tapprofitta ruħha mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż;

g)

“status ta’ protezzjoni sussidjarja” ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja;

[…]”

5

L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Standards stabbiliti aktar favorevoli”, jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jdaħħlu jew jżommu standards aktar favorevoli biex jistabbilixxu min jikkwalifika bħala refuġjat jew bħala persuna eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u biex jistabbilixxu l-kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali, safejn dawk l-istandards stabbiliti huma kompatibbli ma’ din id-Direttiva.”

6

L-Artikolu 11 tal-istess direttiva jelenka l-każijiet li fihom ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun rifuġjat. Dan l-Artikolu jipprovdi, fil-paragrafu 1(e) tiegħu, li dan huwa l-każ meta l-persuna inkwistjoni ma tistax tkompli tirrifjuta milli tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha, peress li ċ-ċirkustanzi li minħabba fihom tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu jeżistu.

7

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxi regoli għall-esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat.

8

Fl-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva hemm regoli dwar ir-revoka, it-tmiem tal-istatus ta’ refuġjat u r-rifjut li dan jiġi mġedded.

9

L-Artikolu 16 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Terminazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli tkun eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja meta ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-għoti ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja jkunu waqfu milli jeżistu jew ikunu nbiddlu sat-tali punt li l-protezzjoni ma tkunx għadha meħtieġa.”

10

L-Artikolu 17 tal-istess direttiva jistabbilixxi regoli dwar il-każijiet li fihom għandha tiġi eskluża l-possibbiltà li jingħata l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

11

Fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2011/95 hemm regoli dwar ir-revoka, it-tmiem tal-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja u dwar ir-rifjut li dan jiġi mġedded.

12

Skont l-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu VII tagħha, dwar il-“kontenut ta’ protezzjoni internazzjonali”:

“1.   Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

2.   Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.

3.   Fl-implimentazzjoni ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri għandhom iqisu s-sitwazzjoni speċifika ta’ persuni vulnerabbli bħal ma huma minuri, minuri mhux akkumpanjati […]

[…]

5.   L-aħjar interessi tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja għall-Istati Membri meta jimplimentaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu li jinvolvi minuri.”

13

L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.

2.   Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:

a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew

b)

il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu jew li jagħtu l-permess ta’ residenza ta’ (jew lil) refuġjat li għalih japplika l-paragrafu 2.”

14

L-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Permessi ta’ residenza” jipprovdi:

“1.   Kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ingħata protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3).

[…]

2.   Kemm jista’ jkun malajr wara li tkun ingħatat protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja u lill-membri tal-familja tagħhom permess ta’ residenza li jista’ jiġġedded irid ikun validu għal mill-inqas sena u, f’każ ta’ tiġdied, għal mill-inqas sentejn, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubblika jeħtieġu mod ieħor.”

Id-Direttiva 2013/32

15

Mill-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li din għandha l-għan li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva 2011/95/UE.

16

Skont l-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32:

“Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità determinanti għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.”

17

L-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv”, li jikkostitwixxi l-unika dispożizzjoni tal-Kapitolu V tagħha, liema kapitolu huwa intitolat “Proċeduri tal-appelli”, jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:

a)

deċiżjoni meħuda dwar l-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, inkluża deċiżjoni:

i)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat u/jew status ta’ protezzjoni sussidjarja,

[…]

c)

deċiżjoni li tirtira l-protezzjoni internazzjonali taħt l-Artikolu 45.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni rikonoxxuti mill-awtorità determinanti bħala eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja jkollhom id-dritt għall-soluzzjoni effettiva taħt il-paragrafu 1 kontra deċiżjoni li tiġi kkunsidrata applikazzjoni bla bażi fir-rigward tal-istatus ta’ rifuġjat.

Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1(c), fejn l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja mogħtija minn Stat Membru joffri l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk offruti mill-istatus ta’ rifuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, dak l-Istat Membru jista’ jqis appell kontra deċiżjoni li tikkunsidra applikazzjoni bla bażi fir-rigward ta’ status ta’ rifuġjat bħala inammissibbli għar-raġuni li m’hemmx biżżejjed interess min-naħa tal-applikant biex jibqgħu għaddejjin il-proċedimenti.

[…]”

Id-dritt Sloven

18

L-Artikolu 20 taz-Zakon o mednarodni zaščiti (Liġi dwar il-protezzjoni internazzjonali) (Uradni list RS, Nru 16/17, iktar ’il quddiem iz-“ZMZ-1”) jipprovdi:

“(1)   Fis-Slovenja, “protezzjoni internazzjonali” tfisser l-istatus ta’ refuġjat u l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja.

(2)   L-istatus ta’ refuġjat jiġi rikonoxxut lil ċittadin ta’ Stat terz li minħabba biża’ ġustifikata ta’ persekuzzjoni għal raġunijiet ta’ appartenenza għal razza jew għal grupp etniku partikolari, twemmin reliġjuż partikolari, ta’ appartenenza nazzjonali, sħubija fi grupp soċjali partikolari jew ta’ konvinzjoni politika jinsab barra mill-pajjiż li huwa ċittadin tiegħu u minħabba din il-biża’ ma jkunx jista’ jew ma jkunx jixtieq jibbenefika mill-protezzjoni ta’ dak l-Istat, jew lil persuna mingħajr stat li tinsab barra mill-pajjiż fejn tirrisjedi abitwalment u li, minħabba biża’ ġustifikata, ma tistax jew ma tixtieqx tirritorna f’dak l-Istat, jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 31(1) ta’ din il-liġi.

(3)   L-istatus mogħti permezz tal-protezzjoni sussidjarja huwa rrikonoxxut liċ-ċittadin ta’ Stat terz jew lil persuna mingħajr stat li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet tal-istatus ta’ refuġjat jekk tkun teżisti raġuni valida biex wieħed jemmen li, fil-każ ta’ ritorn fl-Istat ta’ oriġini jew fl-Istat tal-aħħar residenza abitwali, fil-każ ta’ persuna apolida, l-applikant ikun espost għal riskju reali li jsofri dannu serju, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 28 ta’ din il-liġi, u jekk ma jkun hemm l-ebda raġuni ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 31(2) ta’ din il-liġi.”

19

L-Artikolu 66(1) taz-ZMZ-1, li jirregola l-proċedura għall-estensjoni tal-protezzjoni internazzjonali, jipprovdi:

“Sittin jum qabel l-iskadenza tal-istatus, il-Ministeru għandu jibgħat lill-persuni li lilhom hija rrikonoxxuta l-protezzjoni sussidjarja komunikazzjoni bil-miktub dwar il-kundizzjonijiet ta’ estensjoni tal-protezzjoni sussidjarja, il-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ talba għal estensjoni u l-possibbiltà li titressaq applikazzjoni biex tiġi implimentata proċedura ġdida. Il-komunikazzjoni msemmija għandha tinkludi wkoll il-formola li biha l-persuna li lilha hija rrikonoxxuta l-protezzjoni sussidjarja għandha titlob l-estensjoni tal-protezzjoni sussidjarja fis-Slovenja.”

20

L-Artikolu 67 taz-ZMZ-1 li jistabbilixxi r-raġunijiet għall-waqfien tal-protezzjoni internazzjonali jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“(1)   L-istatus jintemm għar-refuġjat fil-każijiet segwenti:

jekk ikun approfitta ruħu mill-ġdid b’mod volontarju mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu,

jekk, wara li jkun tilef in-nazzjonalità tiegħu, jerġa jakkwistaha mill-ġdid b’mod volontarju,

jekk jakkwista nazzjonalità ġdida u jgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità ġdida tiegħu,

jekk stabbilixxa lilu nnifsu mill-ġdid b’mod volontarju fil-pajjiż li jkun telaq minnu jew li għex barra minnu minħabba biża ta’ persekuzzjoni,

jekk ma jistax iktar jiċħad milli japprofitta mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tiegħu, minħabba li ċ-ċirkustanzi li f’konnessjoni magħhom huwa jkunu ġie magħrufa bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu,

jekk, fir-rigward ta’ persuna mingħajr ebda nazzjonalità, din tista’ tirritorna lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel, peress li ċ-ċirkustanzi li għalihom din ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu.

(2)   Għall-persuna li għaliha hija rikonoxxuta l-protezzjoni sussidjarja, l-istatus jintemm meta ċ-ċirkustanzi li għalihom ġiet irrikonoxxuta l-protezzjoni sussidjarja jintemmu jew jinbidlu b’tali mod li tali protezzjoni ma għadhiex meħtieġa.”

21

L-Artikolu 90(1) taz-ZMZ-1 huwa fformulat kif ġej:

“Il-persuna li tingħata protezzjoni internazzjonali għandha d-dritt:

li tirċievi informazzjoni dwar l-istatus, id-drittijiet u l-obbligi tal-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali fl-iSlovenja,

li tirrisjedi fis-Slovenja,

li tirċievi kumpens finanzjarju għall-akkomodazzjoni privata,

li tirċievi assigurazzjoni medika,

għas-sigurtà soċjali,

li tirċievi edukazzjoni,

għall-impjieg u għax-xogħol,

li tirċievi għajnuna għall-integrazzjoni fis-soċjetà.”

22

Skont l-Artikolu 92 taz-ZMZ-1:

“(1)   Għall-persuna li tingħata l-istatus ta’ refuġjat fis-Slovenja, id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent tal-istatus tiswa, mill-jum tan-notifika, anki bħala permess ta’ residenza għal żmien indeterminat fis-Slovenja.

(2)   Għall-persuna li tingħata l-protezzjoni sussidjarja fis-Slovenja, id-deċiżjoni ta’ rikonoxximent jew ta’ estensjoni tal-istatus tiswa, mill-jum tan-notifika, anki bħala permess ta’ residenza għal żmien determinat fis-Slovenja, u dan sakemm iddum din il-protezzjoni.

(3)   Il-permess ta’ residenza msemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu għandu jinħareġ mill-Ministeru fil-forma stabbilita mil-liġi li tirregola d-dħul, it-tluq u s-soġġorn tal-barranin fis-Slovenja.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

23

E. G., li jsostni li kien twieled fil-31 ta’ Diċembru 2001, qasam il-fruntiera Slovena fid-9 ta’ Diċembru 2015 wara li vvjaġġa, waħdu jew ma’ kuġinuh, bil-mixi, bit-trakk u bit-tren, tul it-Turkija, il-Greċja, is-Serbja u l-Kroazja, mill-Iran, fejn kien jgħix mal-ġenituri tiegħu mill-età ta’ madwar sena.

24

Matul l-akkomodazzjoni tiegħu fiċ-ċentru ta’ akkoljenza ta’ emerġenza għat-tfal ta’ Koper (is-Slovenja), E. G. talab, fil-11 ta’ Diċembru 2015, il-benefiċċju ta’ protezzjoni internazzjonali lill-Ministeru tal-Intern.

25

Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2016, dan il-ministeru, wara li sejjaħ lil E. G. għal intervista privata, li seħħet fit-22 ta’ Jannar 2016, qies li dan ma kienx jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jingħata l-istatus ta’ refuġjat, iżda li l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja seta’ jingħatalu sakemm jilħaq l-età maġġuri, jiġifieri sal-31 ta’ Diċembru 2019.

26

E. G. ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni, li ġie milqugħ b’sentenzi tal-Upravno sodišče (qorti amministrattiva, is-Slovenja) tas-26 ta’ April u tas-7 ta’ Settembru 2016. Permezz tal-aħħar minn dawn is-sentenzi, id-deċiżjoni msemmija ġiet annullata u l-każ intbagħat lura quddiem il-Ministeru tal-Intern.

27

Fil-21 ta’ Frar 2017, dan il-ministeru adotta deċiżjoni ġdida, b’kontenut identiku għal dak tal-imsemmija deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2016.

28

Din id-deċiżjoni kienet ibbażata b’mod partikolari fuq il-motiv li jgħid li, kieku E. G. jintbagħat lura lejn l-Afganistan, ikun waħdu, mingħajr l-appoġġ tal-familja u, bħala minuri, ikun mira faċli ta’ vjolenza fiżika, tat-traffikar ta’ bnedmin, ta’ abbuż sesswali jew ta’ xogħol f’kundizzjonijiet inumani u perikolużi, b’tali mod li jkun hemm riskju serju li jsofri trattament inuman jew degradanti.

29

Peress li r-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni msemmija ġie miċħud permezz ta’ sentenza tal-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) tal-10 ta’ Mejju 2017, il-qorti tar-rinviju, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja) ġiet adita b’rikors amministrattiv kontra din is-sentenza, li bih E. G. jikkontesta ċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat.

30

Il-Qorti tar-rinviju tirrileva li, insostenn tar-rikors tiegħu, E. G. sostna, b’mod partikolari, li jixtieq jintegra fis-Slovenja, jitgħallem il-lingwa Slovena u jtemm l-edukazzjoni tiegħu f’dan l-Istat Membru, iżda li, għal dan il-għan, huwa neċessarju li jiġi rrikonoxxut lilu l-istatus ta’ refuġjat, minħabba li huwa biss dan l-istatus li joffrilu livell suffiċjenti ta’ sigurtà, kuntrarjament għall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, li jintemm meta jilħaq l-età maġġuri tiegħu, fil-31 ta’ Diċembru 2019.

31

Din il-qorti tqis li, fid-dawl tal-identiċità tad-drittijiet li jagħtu ż-żewġ status ta’ protezzjoni internazzjonali fil-liġi Slovena, skont l-Artikolu 90(1) taz-ZMZ-1, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fid-dawl kemm tad-dritt Sloven kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, ir-rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tiċħad l-applikazzjoni għall-għoti ta’ status ta’ refuġjat, huwiex inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ interess tal-applikant, li ngħatalu l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, sabiex ikompli l-proċedura.

32

Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’dan il-kuntest, tqum il-kwistjoni dwar jekk, sabiex jiġi rrikonoxxut lill-applikant interess suffiċjenti, huwiex neċessarju li jiġi evalwat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tal-applikant, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat jagħtihx iktar drittijiet minn dawk mogħtija lilu mill-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja jew jekk huwiex biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tagħmel distinzjoni bejn id-drittijiet anċillari, li huma bbażati fuq id-drittijiet mogħtija miż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali, indipendentement mill-kwistjoni jekk din id-differenza tikkonċernax ukoll lill-applikant b’mod konkret.

33

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont l-Artikolu 92(1) taz-ZMZ-1, l-istatus ta’ refuġjat, diversament mill-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jippermetti lill-applikant li jikseb dritt ta’ residenza permanenti kif ukoll ċerti drittijiet assoċjati relatati, fosthom id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali, id-dritt għal passaport b’validità ta’ għaxar snin, fil-prinċipju, jew id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, li jippermetti lill-membri tal-familja li jiksbu permess ta’ residenza permanenti.

34

Din il-qorti tqis, madankollu, li, minkejja din id-differenza relattiva, b’mod partikolari, għat-tul tal-permess ta’ residenza mogħti taħt wieħed jew l-ieħor mill-istatus ta’ protezzjoni internazzjonali, jista’ jitqies li dawn iż-żewġ statuses u, għaldaqstant, il-permessi ta’ residenza marbuta magħhom, għandhom essenzjalment l-istess tul u b’hekk jagħtu l-istess drittijiet u benefiċċji, fis-sens tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32.

35

Fil-fatt, l-istatus ta’ refuġjat, l-istess bħall-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, jintemm malli l-protezzjoni kkonċernata ma tibqax meħtieġa u l-protezzjoni sussidjarja, minkejja li tingħata għal perijodu determinat, tiġi estiża sakemm ikun hemm raġunijiet biex dan iseħħ.

36

Il-qorti tar-rinviju ssostni, barra minn hekk, li tagħti preferenza lill-approċċ li jgħid li d-differenza, b’mod astratt, bejn it-tul taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess ġuridiku skont l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32. Il-pożizzjoni kuntrarja timplika li applikant dejjem għandu interess ġuridiku li jippreżenta rikors minħabba r-regoli differenti preskritti għal dawn iż-żewġ forom ta’ protezzjoni f’dak li jikkonċerna t-tul rispettiv tagħhom.

37

Għaldaqstant, kieku kien hemm lok li dan l-interess ġuridiku jiġi evalwat b’mod mhux astratt, iżda b’mod konkret, tkun il-persuna li lilha ngħatat il-protezzjoni sussidjarja li jkollha tistabbilixxi jekk, konkretament, is-sitwazzjoni legali tagħha tistax tittejjeb permezz tar-rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat. Issa, dan ma huwiex il-każ fil-kawża preżenti. Fil-fatt, l-istatus ta’ refuġjat, kieku ngħata lil E. G., ma kienx jingħata għal żmien illimitat, iżda għal perijodu limitat għall-età minuri tiegħu, peress li l-applikant talab protezzjoni minħabba l-kwalità tiegħu ta’ minorenni.

38

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Vrhovno sodišče (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-interess tal-applikant skont [it-tieni subparagrafu ta]l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ma joffrix l-istess drittijiet u benefiċċji bħall-istatus ta’ refuġjat, meta l-liġi nazzjonali ċertament tagħti l-istess drittijiet u benefiċċji lill-persuna li lilha tingħata l-protezzjoni internazzjonali iżda meta ma tużax l-istess metodu biex tiddefinixxi t-tul u l-waqfien tal-protezzjoni internazzjonali minħabba li r-refuġjat huwa rikonoxxut l-istatus tiegħu għal perjodu indeterminat u dan l-istatus jiġi rtirat jekk iċ-ċirkustanzi li jiġġustifikaw dan ir-rikonoxximent jintemmu filwaqt li l-protezzjoni sussidjarja tingħata għal perjodu speċifiku u hija estiża jekk ikun hemm raġunijiet biex dan isir?

2)

L-interess tal-applikant skont [it-tieni subparagrafu ta]l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva [2013/32] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ma joffrix l-istess drittijiet u benefiċċji bħall-istatus ta’ refuġjat, meta l-liġi nazzjonali ċertament tagħti l-istess drittijiet u benefiċċji lill-persuna li lilha tingħata l-protezzjoni internazzjonali, iżda meta d-drittijiet anċillari li huma bbażati fuq dawn id-drittijiet u dawn il-benefiċċji ma humiex l-istess?

3)

Meqjusa s-sitwazzjoni individwali tal-applikant, għandu jiġi evalwat jekk, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tiegħu, l-għoti ta’ status ta’ refuġjat jagħtihx iktar drittijiet u benefiċċji milli l-għoti tal-protezzjoni sussidjarja jew huwa biżżejjed li sabiex ikun hemm interess skont [it-tieni subparagrafu ta]l-Artikolu 46(2) tad-Direttiva [2013/32] li jkunn hemm leġiżlazzjoni li tagħmel distinzjoni bejn id-drittijiet anċillari bbażati fuq id-drittijiet u l-benefiċċji taż-żewġ forom ta’ protezzjoni internazzjonali?”

Fuq id-domandi preliminari

39

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, mogħti mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jagħtix “l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk offruti mill-istatus ta’ rifuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li qorti ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiċħad bħala inammissibbli rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tqis applikazzjoni bħala infondata fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li tagħti l-istatus għal protezzjoni sussidjarja, minħabba n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tal-applikant li titkompla l-proċedura, u jekk, meta jkun ikkonstatat li d-drittijiet u l-benefiċċji msemmija li jikkonferixxu dawn iż-żewġ statuses għal protezzjoni internazzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli ma humiex l-istess, tali rikors jistax madankollu jiġi miċħud bħala inammissibbli jekk ikun ivverifikat, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tal-applikant, li l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma jistax jagħtih iktar drittijiet u benefiċċji mill-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, peress li l-applikant ma jinvokax jew għadu ma jinvokax drittijiet li jingħataw abbażi tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li ma jingħatawx jew li jingħataw biss b’mod minimu taħt l-istatus għal protezzjoni internazzjonali.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mill-premessi 8, 9 u 39 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni xtaq jistabbilixxi status uniformi għall-benefiċjarji kollha ta’ protezzjoni internazzjonali u li għalhekk għażel li jagħti lill-benefiċjarji ta’ status ta’ protezzjoni sussidjarja l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk li minnhom igawdu r-refuġjati, ħlief fil-każ ta’ derogi neċessarji u oġġettivament iġġustifikati (sentenza tal-1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 32).

41

Barra minn hekk, mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu fis-seħħ standards iktar favorevoli relattivi kemm għall-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali kif ukoll għall-kontenut tad-drittijiet mogħtija mill-protezzjoni internazzjonali, sa fejn dawk l-istandards ikunu kompatibbli ma’ din id-Direttiva.

42

Minn dan isegwi li, għalkemm id-Direttiva 2011/95 stabbilixxiet sistema ta’ drittijiet u benefiċċji li, bħala regola ġenerali, hija l-istess għall-benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali kollha, uħud mid-drittijiet u l-benefiċċji li jgawdu minnhom il-persuni rrikonoxxuti bħala refuġjati ma jingħatawx jew ma jingħatawx bl-istess mod lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, iżda l-Istati Membri jistgħu jallinjaw, fil-leġiżlazzjoni tagħhom intiża biex tittrasponi din id-direttiva, id-drittijiet u l-benefiċċji mogħtija minn dan l-istatus fuq dawk li huma marbuta mal-istatus ta’ refuġjat.

43

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lil Stat Membru li jistabbilixxi li rikors kontra deċiżjoni li tqis bħala infondata applikazzjoni intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li tagħti l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jista’ jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti, meta dan l-aħħar status, mogħti minn dan l-Istat Membru, joffri “l-istess drittijiet u benefiċċji” bħal dawk offruti mill-istatus ta’ refuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali.

44

Din id-dispożizzjoni tipprevedi eċċezzjoni għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri permezz tal-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 li jiġi stabbilit dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra kull deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 28).

45

B’hekk, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi b’mod espliċitu li dan id-dritt għandu, fil-prinċipju, ikun previst ukoll meta, bħal f’dan il-każ, ikun hemm inkwistjoni deċiżjoni li tiċħad bħala infondata t-talba intiża għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li tagħti status ta’ protezzjoni sussidjarja.

46

Barra minn hekk, l-obbligu hekk impost fuq l-Istati Membri li jipprovdu tali dritt jikkorrispondi għad-dritt irrikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”, li skontu kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha ggarantiti mid-dritt tal-Unjoni jkunu nkisru għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 30).

47

Minn dan isegwi li l-karatteristiċi tar-rimedju previst fl-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32 għandhom jiġu ddeterminati b’mod konformi mal-Artikolu 47 tal-Karta, li jikkostitwixxi affermazzjoni mill-ġdid tal-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 31).

48

L-imsemmi prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jisiltu mid-dritt tal-Unjoni huwa kkostitwit minn diversi elementi, li jinkludu, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati kif ukoll id-dritt għal parir legali, għad-difiża u għar-rappreżentata (sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punt 32).

49

Għaldaqstant, l-esklużjoni tad-dritt għal rikors previst fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, sa fejn tikkostitwixxi eċċezzjoni għad-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti kontra kwalunkwe deċiżjoni ta’ rifjut ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jimponi l-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva kif ukoll limitazzjoni tad-dritt fundamentali għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva skont l-Artikolu 47 tal-Karta, għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv.

50

Minn dan jirriżulta li din l-esklużjoni tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv għandha tiġi interpretata fis-sens li din tapplika biss jekk teżisti identiċità effettiva bejn id-drittijiet u l-benefiċċji offruti mill-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, mogħti mill-Istat Membru kkonċernat, u dawk offruti mill-istatus ta’ refuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u l-liġi nazzjonali applikabbli.

51

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’dan il-każ, dan ir-rekwiżit tal-identiċità ġiex sodisfatt, kundizzjoni unika ta’ applikazzjoni li jeżiġi t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi kkonstatat, qabel kollox, li l-qorti tar-rinviju, jekk tirreferi, fl-ewwel domanda tagħha, għal distinzjoni bejn dawn iż-żewġ statuses stabbilita mid-dritt Sloven fir-rigward tal-“metodu biex tiddefinixxi t-tul u l-waqfien tal-protezzjoni internazzjonali”, jikkonċerna wkoll ir-regoli li jinsabu fl-Artikolu 92 taz-ZMZ-1, li jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li r-refuġjat għandu jingħata permess ta’ residenza għal żmien indefinit, filwaqt li, skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, il-protezzjoni sussidjarja għandu jkollu biss id-dritt għal awtorizzazzjoni ta’ residenza għal żmien determinat.

52

Dawn ir-regoli dwar it-termini ta’ żmien tal-permessi ta’ residenza marbuta maż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali kkonċernati għandhom l-għan li jittrasponu fil-liġi Slovena l-Artikolu 24 tad-Direttiva 2011/95 li jistabbilixxi b’mod differenzjat għal dawn iż-żewġ statuses ir-rekwiżiti minimi fir-rigward tal-validità tal-permess ta’ residenza u li, f’dan ir-rigward, jipprovdi li permess ta’ mill-inqas tliet snin għandu jingħata lir-refuġjati, filwaqt li permess ta’ perijodu minimu ta’ sena għandu jiġi ggarantit lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

53

Dawn ir-regoli minimi dwar id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru li fih tintalab il-protezzjoni internazzjonali jirrigwardaw, kif sostnew il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, il-kontenut tad-drittijiet rispettivi li jagħtu dawn iż-żewġ statuses u, għaldaqstant, id-“drittijiet u benefiċċji”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32.

54

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda d-dritt ta’ residenza, l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, previst mil-leġiżlazzjoni Slovena, ma jagħtix l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk offruti mill-istatus ta’ refuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali, peress li, hekk kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula mill-qorti tar-rinviju u mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, it-tul ta’ żmien tal-permess ta’ residenza marbut mal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja ma huwiex allinjat ma’ dak tal-permess ta’ residenza li jgawdu l-persuni li jingħatalhom l-istatus ta’ refuġjat.

55

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li teżisti differenza ċerta bejn, minn naħa, il-permess ta’ residenza għal żmien indeterminat li jibbenefikaw minnu r-refuġjati skont il-liġi Slovena, minkejja l-fatt li tista’ tintemm il-validità tiegħu, b’mod partikolari meta l-kundizzjonijiet previsti għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma jkunux iktar sodisfatti, u, min-naħa l-oħra, il-permess ta’ residenza għal żmien limitat li jgawdu minnu, skont il-liġi Slovena, il-persuni li għalihom jingħata l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, minkejja l-fatt li dan il-permess jista’ jiġi estiż għal perijodu addizzjonali fil-kuntest ta’ proċedura prevista għal dan il-għan u li l-validità tiegħu tista’ tiġi tterminata meta, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet stabbiliti għall-għoti ta’ dan l-istatus ma jibqgħux ssodisfati.

56

F’dan il-każ, E. G. ingħata permess ta’ residenza għal żmien determinat bħala persuna li tibbenefika minn status ta’ protezzjoni sussidjarja għal perijodu ta’ tliet snin, iktar preċiżament għall-perijodu mill-21 ta’ Frar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019. Issa, kieku E. G. ingħata l-istatus ta’ refuġjat, kien ikollu dritt, skont l-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95, għal permess ta’ residenza validu għal perijodu ta’ mill-inqas tliet snin, jiġifieri għall-perijodu li mill-inqas jestendi sal-21 ta’ Frar 2020.

57

Min-naħa l-oħra, kif sostnew il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, ir-regoli tal-liġi Slovena dwar l-għoti, it-terminazzjoni, ir-revoka jew l-estensjoni tal-istatuses ta’ protezzjoni internazzjonali rispettivi, li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda tagħha, ma jirreferux għall-kontenut tad-drittijiet mogħtija minn dawn l-istatuses, iżda għad-determinazzjoni tal-istatus ikkonċernat.

58

Dawn ir-regoli huma stabbiliti b’mod imperattiv u distint għaż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali kkonċernati fil-Kapitoli III sa VI tad-Direttiva 2011/95.

59

Ir-regoli msemmija, kuntrarjament għal dawk li jirrigwardaw il-kontenut tad-drittijiet li jagħti l-imsemmi status, ma jistgħux, konsegwentement, jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala “drittijiet u benefiċċji”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32.

60

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-finijiet tal-evalwazzjoni, fir-rigward tad-dritt nazzjonali applikabbli, tal-ekwivalenza tad-drittijiet u tal-vantaġġi mogħtija abbażi ta’ żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali li jipprevedi d-dritt tal-Unjoni, huwiex importanti li xi drittijiet imsejħa “drittijiet anċillari”, li din tiddefinixxi bħala drittijiet ibbażati fuq drittijiet u benefiċċji mogħtija skont wieħed minn dawn iż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali, ma jkunux l-istess għal dawn iż-żewġ statuses.

61

F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi rrilevat li, fid-dawl ukoll tal-interpretazzjoni restrittiva li għandha tingħata lit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, li timplika li din id-dispożizzjoni tista’ tapplika biss fil-każ ta’ identiċità effettiva tad-drittijiet u benefiċċji mogħtija abbażi taż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali kkonċernati, tali drittijiet aċċessorji, l-istess bħad-drittijiet direttament mogħtija mill-istatuses li huma bbażati fuqhom, li fosthom jinsab id-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet lokali, id-dritt għal passaport b’terminu ta’ validità fil-prinċipju ta’ għaxar snin jew inkella d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja li jippermetti lill-membri tal-familja li jiksbu permess ta’ residenza permanenti, li, skont il-qorti tar-rinviju, jingħataw mid-dritt Sloven lir-refuġjati, iżda li ma jingħatawx, jew, għall-inqas, ma jingħatawx bl-istess mod, lill-persuni li jibbenefikaw minn protezzjoni sussidjarja, huma drittijiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni jekk, għall-finijiet tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2), id-drittijiet u l-benefiċċji mogħtija minn dawn iż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali humiex l-istess.

62

Finalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-kundizzjoni stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, dwar l-identiċità tad-drittijiet u tal-benefiċċji mogħtija miż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali kkonċernati, għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni individwali tal-applikant, fis-sens li, anki fl-assenza ta’ tali identiċità ta’ drittijiet u ta’ benefiċċji, huwa f’kull każ nieqes interess suffiċjenti sabiex jiġi ppreżentat rikors kontra deċiżjoni li tirrifjutalu l-istatus ta’ refuġjat, liema ħaġa twassal għall-inammissibbiltà tar-rikors, jekk l-għoti ta’ dan l-istatus ma jagħtihx, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tiegħu, iktar drittijiet u benefiċċji mill-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

63

Madankollu, il-kwistjoni jekk hijiex sodisfatta l-kundizzjoni, stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, li tgħid li teżisti identiċità effettiva tad-drittijiet marbuta maż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali kkonċernati, għandha tiġi evalwata abbażi ta’ evalwazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, u mhux fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tal-applikant inkwistjoni.

64

Fil-fatt, qabel kollox, interpretazzjoni kuntrarja tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32, li tgħid li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni konkreta tal-applikant ikkonċernat, ma hija kkonfortata bl-ebda mod mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, minn dan il-kliem jirriżulta li din id-dispożizzjoni tapplika biss fil-każ li tkun teżisti identiċità effettiva bejn id-drittijiet u benefiċċji mogħtija miż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali.

65

Sussegwentement, din l-interpretazzjoni kuntrarja lanqas ma tkun kompatibbli mal-interpretazzjoni restrittiva li għandha tingħata tagħha hekk kif diġà ntqal fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

66

Finalment, tali interpretazzjoni kuntrarja tkun diffiċilment konċiljabbli mar-rekwiżit imperattiv li tiġi żgurata l-prevedibbiltà tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32 u li jiġi evitat trattament mhux ugwali f’din l-applikazzjoni.

67

Jekk jirriżulta li, fir-rigward tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, il-kundizzjoni relatata mal-identiċità effettiva tad-drittijiet u tal-benefiċċji mogħtija miż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali inkwistjoni ma ġietx sodisfatta, kif inhu l-każ tal-liġi Slovena f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ residenza u ta’ ċerti drittijiet imsejħa “anċillari”, applikant għandu jkun jista’ jippreżenta rikors kontra deċiżjoni li tirrifjutalu l-istatus ta’ refuġjat, iżda li tagħtih l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, anki jekk dan l-applikant ma jinvokax jew għadu ma jinvokax wieħed mid-drittijiet li jingħataw b’mod differenzjat skont ż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali kkonċernati.

68

F’kull każ, għalkemm E. G. ma jidhirx jew għadu ma jidhirx li jinvoka ċerti drittijiet anċillari li jingħataw b’mod differenzjat skont dawn iż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali, l-istess ma jistax jingħad f’dak li jikkonċerna d-dritt ta’ residenza, peress li l-għan prinċipali tar-rikors ippreżentat mill-persuna kkonċernata jikkonsisti preċiżament fil-ksib ta’ dritt ta’ residenza usa’ u iktar stabbli, li jippermettilha, b’mod partikolari, li ssegwi l-istudji tagħha fis-Slovenja wara li tilħaq l-età maġġuri tagħha.

69

Barra minn hekk, jekk, f’sitwazzjoni ta’ nuqqas ta’ identiċità effettiva tad-drittijiet u tal-benefiċċji mogħtija abbażi taż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali kkonċernati, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan ir-rikors xorta jiġi miċħud bħala inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess suffiċjenti, id-dritt fundamentali għal rimedju effettiv quddiem qorti, kif iggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta, ma jiġix osservat.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li:

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, stabbilit minn leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma joffrix “l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk offruti mill-istatus ta’ rifuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li qorti ta’ Stat Membru ma tistax tiċħad bħala inammissibbli rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tqis applikazzjoni bħala infondata fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li tagħti l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, minħabba l-interess insuffiċjenti tal-applikant li l-proċedura tiġi segwita, meta jiġi vverifikat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, dawn id-drittijiet u benefiċċji li jagħtu dawn iż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali ma jkunux effettivament identiċi.

Tali rikors ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli, anki jekk jiġi kkonstatat, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tal-applikant, li l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma jistax jagħtih iktar drittijiet u benefiċċji mill-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, meta l-applikant ma jinvokax jew ikun għadu ma invokax drittijiet li jingħataw abbażi tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li ma jingħatawx jew li jingħataw biss b’mod limitat abbażi tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 46(2) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi interpretat fis-sens li l-istatus mogħti mill-protezzjoni sussidjarja, stabbilit minn leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma joffrix “l-istess drittijiet u benefiċċji bħal dawk offruti mill-istatus ta’ rifuġjat taħt il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, b’tali mod li qorti ta’ Stat Membru ma tistax tiċħad bħala inammissibbli rikors ippreżentat kontra deċiżjoni li tqis applikazzjoni bħala infondata fir-rigward tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li tagħti l-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, minħabba l-interess insuffiċjenti tal-applikant li l-proċedura tiġi segwita, meta jiġi vverifikat li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, dawn id-drittijiet u benefiċċji li jagħtu dawn iż-żewġ statuses ta’ protezzjoni internazzjonali ma jkunux effettivament identiċi.

 

Tali rikors ma jistax jiġi miċħud bħala inammissibbli, anki jekk jiġi kkonstatat, fid-dawl tas-sitwazzjoni konkreta tal-applikant, li l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat ma jistax jagħtih iktar drittijiet u benefiċċji mill-għoti tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, meta l-applikant ma jinvokax jew ikun għadu ma invokax drittijiet li jingħataw abbażi tal-istatus ta’ refuġjat, iżda li ma jingħatawx jew li jingħataw biss b’mod limitat abbażi tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: Is-Sloven.