SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
6 ta’ Diċembru 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proprjetà intellettwali – Dritt tat-trade marks – Direttiva 2008/95/KE – Artikolu 3(1)(c) – Raġunijiet għal invalidità – Trade mark verbali komposta esklużivament minn sinjali jew minn indikazzjonijiet li jistgħu jservu sabiex jindikaw il-karatteristiċi ta’ prodott jew ta’ servizz – Karatteristiċi oħra ta’ prodott jew ta’ servizz – Installazzjoni ta’ produzzjoni tal-prodott – Trade mark verbali kkostitwita minn sinjal li jindika prodotti tal-inbid u minn isem ġeografiku, li jikkostitwixxi element verbali tal-isem tal-kumpannija tad-detentur tat-trade mark”
Fil-Kawża C‑629/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura
J. Portugal Ramos Vinhos SA
vs
Adega Cooperativa de Borba CRL,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, li qiegħda taġixxi bħala Mħallef tar-Raba’ Awla, D. Šváby, S. Rodin u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Ottubru 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal J. Portugal Ramos Vinhos SA, minn J. P. de Oliveira Vaz Miranda de Sousa, advogado, |
– |
għal Adega Cooperativa de Borba CRL, minn C. de Almeida Carvalho, advogada, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Costa de Oliveira u É. Gippini Fournier, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2008, L 299, p. 25). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn J. Portugal Ramos Vinhos SA u Adega Cooperativa de Borba CRL dwar azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, b’mod partikolari, tar-reġistrazzjoni tat-trade mark “adegaborba.pt” li din tal-aħħar hija d-detentur tagħha. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2008/95, intitolat “Sinjali li minnhom trade mark tista’ tikkonsisti”, jipprovdi: “Trade mark tista’ tikkonsisti minn kwalunkwe sinjal kapaċi li jiġi rappreżentat grafikament, b’mod partikolari permezz ta’ kliem, inklużi ismijiet personali, disinji, ittri, numri, l-għamla ta’ merkanzija jew l-imballaġġ tagħhom, sakemm dawn is-sinjali ikunu jistgħu jiddistingwu l-merkanzija jew is-servizzi ta’ impriża waħda minn dawk ta’ impriżi oħra.” |
4 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Raġunijiet għal rifjut jew nullità”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Is-segwenti m’għandhomx jiġu reġistrati jew, jekk jiġu reġistrati, għandhom ikunu suxxettibbli għal dikjarazzjoni ta’ nullità: […]
[…]” |
5 |
Skont l-Artikolu 102(1) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671): “Ir-reġistrazzjoni ta’ trademark li fiha jew tikkonsisti minn denominazzjoni ta’ oriġini protetta jew indikazzjoni ġeografika [protetta] li mhix konformi mal-ispeċifikazzjoni tal-prodott ikkonċernat, jew li l-użu tagħha jaqa’ taħt l-Artikolu 103(2), u li tirrigwarda prodott li jaqa’ taħt il-kategoriji elenkati fil-Parti II tal-Anness VII għandha tkun:
|
Id-dritt Portugiż
6 |
L-Artikolu 223 tal-Código da Propriedade Industrial (il-Kodiċi tal-Proprjetà Intellettwali, iktar ’il quddiem iċ-“CPI”), intitolat “Eċċezzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej: “1 – Ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet tal-artikolu preċedenti:
[…]
[…] 3 – Fuq talba mill-applikant jew minn min joġġezzjona, l-Instituto Nacional da Propriedade Industrial [(l-Istitut Nazzjonali tal-Proprjetà Intellettwali, il-Portugall)] għandu jindika, fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, l-elementi li jikkostitwixxu t-trade mark li fuqhom l-applikant ma għandux dritt ta’ użu esklużiv.” |
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
7 |
Matul l-2012, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, J. Portugal Ramos Vinhos, ippreżentat rikors għall-annullament tar-reġistrazzjoni minn Adega Cooperativa de Borba ta’ diversi trade marks nazzjonali, li waħda minnhom hija kkostitwita mis-sinjal verbali “adegaborba.pt”, li kienu jindikaw prodotti tal-inbid. |
8 |
Dan ir-rikors kien ġie miċħud, fl-ewwel istanza, mit-Tribunal da Propriedade Intelectual (il-Qorti tal-Proprjetà Intellettwali, il-Portugall) u, fl-appell, mit-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona, il-Portugall). |
9 |
Dawn iż-żewġ qrati ddeċiedew li s-sinjal verbali “adegaborba.pt”, meta jkun adottat minn produttur tar-reġjun ta’ Borba (il-Portugall), bħal f’dan il-każ, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 223(1)(c) taċ-CPI. B’mod iktar partikolari, it-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona) qieset li l-kelma “adega” kienet kelma distintiva fis-settur tal-inbid li kienet tindika l-inbid li joriġina minn produtturi li jagħmlu parti mill-kooperattiva Adega Cooperativa de Borba. |
10 |
J. Portugal Ramos Vinhos appellat mid-deċiżjoni tat-Tribunal da Relação de Lisboa (il-Qorti tal-Appell ta’ Lisbona) quddiem il-qorti tar-rinviju, jiġifieri s-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema, il-Portugall). Din il-qorti tal-aħħar tispeċifika li t-tilwima li għadha eżistenti quddiemha tikkonċerna biss is-sinjal verbali “adegaborba.pt”, li l-karattru distintiv tiegħu għandu jiġi ddeterminat. |
11 |
Hija tenfasizza li din it-trade mark tintuża minn persuna ġuridika, jiġifieri Adega Cooperativa de Borba, li l-isem tagħha jinkludi għalhekk il-kelma “adega”. |
12 |
Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 223(1)(c) taċ-CPI jagħmel riferiment għal indikazzjonijiet rilevanti sabiex jiġi indikat il-“mezz ta’ produzzjoni” tal-prodott, filwaqt li l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 ma jagħmilx riferiment espliċitu għall-“mezz ta’ produzzjoni” iżda jsemmi “karatteristiċi oħra” tal-prodotti li jistgħu jitqiesu li huma deskrittivi tagħhom. |
13 |
F’dan id-dawl, il-qorti tar-rinviju għandu dubju dwar jekk il-kelma “adega” (“kantina”), meta tintuża fil-qasam tal-prodotti tal-inbid, għandhiex titqies li hija kelma purament deskrittiva, sa fejn tirreferi għal mezz ta’ produzzjoni ta’ dawn il-prodotti, jew jekk tagħmilx riferiment għal sempliċi karatteristika tal-imsemmija prodotti, li għandha titqies flimkien ma’ dawk previsti espliċitament fid-Direttiva 2008/95. |
14 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supremo Tribunal de Justiça (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti: “L-affermazzjoni ‘indikazzjonijiet li jistgħu jservu, fil-kummerċ, sabiex jindikaw […] karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz’ skont l-Artikolu [3](1)(c) tad-Direttiva 2008/95/KE, meta applikata fil-kuntest tal-eżami tal-ammissibbiltà tar-reġistrazzjoni tas-sinjali jew indikazzjonijiet li huma intiżi li jiġu adottati sabiex jiddeskrivu prodotti vinikoli, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi, fl-espressjonijiet verbali adottati bħala trade mark li jinkludu isem ġeografiku protett bħala indikazzjoni tal-oriġini ta’ nbid, ir-riferiment għat-terminu ‘adega’ [kantina], bħala espressjoni komunement użata sabiex jiġu identifikati l-faċilitajiet u l-postijiet li fihom iseħħ il-proċess ta’ elaborazzjoni ta’ dawn it-tip ta’ prodotti fl-espressjoni verbali adottata bħala trade mark, fil-każijiet fejn din l-espressjoni (adega) hija waħda mill-elementi verbali varji li jikkomponu l-isem tal-kumpannija tal-persuna ġuridika li ressqet applikazzjoni sabiex tirreġistra t-trade mark?” |
Fuq id-domanda preliminari
15 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 għandux jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ikkostitwita minn sinjal verbali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika prodotti tal-inbid u li jinkludi isem ġeografiku, f’sitwazzjoni fejn dan is-sinjal jinkludi b’mod partikolari kelma li, minn naħa, tintuża b’mod komuni sabiex tindika l-installazzjonijiet jew il-postijiet fejn jiġu elaborati tali prodotti u, min-naħa l-oħra, hija wkoll wieħed mill-elementi verbali li jikkomponu l-isem tal-kumpannija tal-persuna ġuridika li tixtieq tikseb ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. |
16 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92), li l-Artikolu 3(1)(ċ) ta’ din id-direttiva, li l-formulazzjoni tiegħu hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, għandu għan ta’ interess ġenerali, li jeħtieġ li s-sinjali jew l-indikazzjonijiet deskrittivi ta’ kategoriji ta’ prodotti jew ta’ servizzi li fir-rigward tagħhom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni għandhom ikunu jistgħu jintużaw b’mod liberu minn kulħadd, inkluż bħala trade marks kollettivi jew fi trade marks kumplessi jew grafiċi (sentenzi tal-4 ta’ Mejju 1999, Windsurfing Chiemsee, C‑108/97 u C‑109/97, EU:C:1999:230, punt 25, kif ukoll tas-6 ta’ Mejju 2003, Libertel, C‑104/01, EU:C:2003:244, punt 52). |
17 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat ukoll l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), li l-formulazzjoni tiegħu hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, fis-sens li s-sinjali u l-indikazzjonijiet koperti minn din id-dispożizzjoni huma għalhekk dawk biss li jistgħu jservu, f’użu normali mill-perspettiva tal-konsumatur, sabiex jindikaw, direttament jew bl-indikazzjoni ta’ waħda mill-karatteristiċi essenzjali tiegħu, prodott jew servizz bħal dak li fir-rigward tiegħu tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI, C‑383/99 P, EU:C:2001:461, punt 39). |
18 |
Issa, bl-użu, fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95, tal-kliem “it-tip, kwalità, kwantità, skop intiż, valur, oriġini ġeografika, jew iż-żmien ta’ produzzjoni tal-merkanzija jew ta’ l-għoti tas-servizz, jew karatteristiċi oħra tal-merkanzija jew tas-servizz”, il-leġiżlatur tal-Unjoni, minn naħa, indika li dawn il-kliem għandhom jitqiesu kollha kemm huma li huma karatteristiċi ta’ prodotti jew ta’ servizzi u, min-naħa l-oħra, speċifika li din il-lista ma hijiex eżawrjenti, sa fejn kull karatteristika oħra ta’ prodotti jew ta’ servizzi tista’ tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 49, u tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI, C‑126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punt 20). |
19 |
F’dan id-dawl, l-għażla, mil-leġiżlatur tal-Unjoni, tal-kelma “karatteristika” tenfasizza l-fatt li s-sinjali koperti mill-imsemmija dispożizzjoni huma biss dawk li jservu sabiex tiġi indikata kwalità, li tista’ tiġi rrikonoxxuta faċilment mill-pubbliku kkonċernat, tal-prodotti jew tas-servizzi li fir-rigward tagħhom tkun saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, EU:C:2011:139, punt 50, u tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI, C‑126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punt 21). |
20 |
Għaldaqstant, ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tista’ tiġi rrifjutata fuq il-bażi tal-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 fil-każ biss li jkun raġonevoli li jitqies li dan ser jiġi effettivament irrikonoxxut mill-pubbliku kkonċernat bħala deskrizzjoni ta’ waħda mill-imsemmija karatteristiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, BSH vs UASI, C‑126/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2014:2065, punt 22). |
21 |
Kif ġie kkonfermat waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, il-kelma “adega”, li hija inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, għandha żewġ tifsiriet fil-lingwa Portugiża. L-ewwel waħda tikkorrispondi għal spazju taħt l-art fejn jinżamm, b’mod partikolari, l-inbid. It-tieni tifsira tirreferi għal postijiet jew għal installazzjonijiet li fihom jiġu elaborati prodotti fil-qasam tal-inbid, fosthom l-inbid. |
22 |
Sa fejn kelma, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tirreferi għal post ta’ produzzjoni ta’ prodott, bħalma huwa l-inbid, jew għal installazzjoni fejn dan jiġi elaborat, din il-kelma tikkostitwixxi, bħala prinċipju, indikazzjoni li tista’ sservi sabiex tindika kwalità ta’ dan il-prodott, li tista’ tiġi rrikonoxxuta faċilment mill-pubbliku kkonċernat. |
23 |
Fil-fatt, bħala regola ġenerali, tali pubbliku ser jipperċepixxi l-kelma “adega” bħala riferiment għall-installazzjoni li fiha jiġi elaborat u maħżun l-inbid, u, għaldaqstant, bħala riferiment għall-kwalitajiet ta’ dan il-prodott, bħalma jagħmel fir-rigward tal-oriġini ġeografika jew taż-żmien tal-produzzjoni tal-imsemmi prodott, imsemmija bħala eżempji fl-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95. |
24 |
Għaldaqstant, kelma li tindika tali installazzjoni tikkostitwixxi karatteristika ta’ dan il-prodott u taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni. Hija għalhekk għandha titqies li hija deskrittiva tal-prodott indikat minnha. |
25 |
Minn dan jirriżulta li, meta sinjal li jservi sabiex jiġi indikat prodott jorbot żewġ elementi verbali, jiġifieri kelma deskrittiva u isem ġeografiku, bħal “Borba” fil-kawża ineżami, li huwa marbut mal-oriġini ġeografika ta’ dan il-prodott u li huwa wkoll deskrittiv tiegħu, is-sinjal kompost minn dawn iż-żewġ elementi verbali għandu jitqies li għandu karattru deskrittiv u, bħala tali, ma għandux karattru distintiv. |
26 |
Il-fatt, jekk jitqies li huwa stabbilit, li tali isem ġeografiku jikkostitwixxi denominazzjoni ta’ oriġini protetta taħt ir-Regolament Nru 1308/2013 bl-ebda mod ma huwa ta’ natura li jdaħħal inkwistjoni tali interpretazzjoni peress li mill-Artikolu 102 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li, essenzjalment, tali denominazzjoni ma tistax tiġi rreġistrata bħala trade mark kummerċjali. |
27 |
Barra minn hekk, il-fatt li kelma li sservi sabiex jiġi indikat post ta’ produzzjoni ta’ prodott jew installazzjoni li fiha jiġi elaborat dan il-prodott tagħmel parti mid-diversi elementi verbali tal-isem tal-kumpannija ta’ persuna ġuridika huwa irrilevanti għall-finijiet tal-eżami tal-karattru deskrittiv ta’ din il-kelma, fid-dawl tal-fatt li tali eżami jitwettaq fil-konfront tal-prodott li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark u fil-konfront tal-perċezzjoni li għandu l-pubbliku rilevanti ta’ dan il-prodott (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Frar 2004, Koninklijke KPN Nederland, C‑363/99, EU:C:2004:86, punt 75, u tat-12 ta’ Lulju 2012, Smart Technologies vs UASI, C‑311/11 P, EU:C:2012:460, punt 24). |
28 |
Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95 għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ikkostitwita minn sinjal verbali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika prodotti tal-inbid u li jinkludi isem ġeografiku, f’sitwazzjoni fejn dan is-sinjal jinkludi b’mod partikolari kelma li, minn naħa, tintuża b’mod komuni sabiex jiġu indikati l-installazzjonijiet jew il-postijiet fejn jiġu elaborati tali prodotti u, min-naħa l-oħra, hija wkoll wieħed mill-elementi verbali li jikkomponu l-isem tal-kumpannija tal-persuna ġuridika li tixtieq tikseb ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. |
Fuq l-ispejjeż
29 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 3(1)(c) tad-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 biex jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar it-trade marks għandu jiġi interpretat fis-sens li għandha tiġi rrifjutata r-reġistrazzjoni ta’ trade mark ikkostitwita minn sinjal verbali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jindika prodotti tal-inbid u li jinkludi isem ġeografiku, f’sitwazzjoni fejn dan is-sinjal jinkludi b’mod partikolari kelma li, minn naħa, tintuża b’mod komuni sabiex jiġu indikati l-installazzjonijiet jew il-postijiet fejn jiġu elaborati tali prodotti u, min-naħa l-oħra, hija wkoll wieħed mill-elementi verbali li jikkomponu l-isem tal-kumpannija tal-persuna ġuridika li tixtieq tikseb ir-reġistrazzjoni ta’ din it-trade mark. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.