SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
6 ta’ Ottubru 2020 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ipproċessar ta’ data personali fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi – Fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data relatata mat-traffiku u ta’ data ta’ lokalizzazzjoni – Salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali – Direttiva 2002/58/KE – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(3) u Artikolu 3 – Kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi – Protezzjoni – Artikolu 5 u Artikolu 15(1) – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll Artikolu 52(1) – Artikolu 4(2) TUE”
Fil-Kawża C‑623/17,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Investigatory Powers Tribunal (it-Tribunal Responsabbli għas-Setgħat ta’ Investigazzjoni, ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Ottubru 2017, fil-proċedura
Privacy International
vs
Secretary of State for Foreign and Commonwealth Affairs,
Secretary of State for the Home Department,
Government Communications Headquarters,
Security Service,
Secret Intelligence Service,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, M. Safjan, P. G. Xuereb u L. S. Rossi, Presidenti ta’ Awla, J. Malenovský, L. Bay Larsen, T. von Danwitz (Relatur), C. Toader, K. Jürimäe, C. Lycourgos u N. Piçarra, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez‑Bordona,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 u tal-10 ta’ Settembru 2019,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal Privacy International, minn B. Jaffey u T. de la Mare, QC, minn D. Cashman, solicitor, u minn H. Roy, avocat, |
– |
għall-Gvern tar-Renju Unit, minn Z. Lavery, D. Guðmundsdóttir u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn G. Facenna u D. Beard, QC, u minn C. Knight u R. Palmer, barristers, |
– |
għall-Gvern Belġjan, minn P. Cottin u J.‑C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn J. Vanpraet, avukat, u E. de Lophem, avocat, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u O. Serdula, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ġermaniż, inizjalment minn M. Hellmann, R. Kanitz, D. Klebs u T. Henze, sussegwentement minn J. Möller, M. Hellmann, R. Kanitz u D. Klebs, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Estonjan, minn A. Kalbus, bħala aġent, |
– |
għall-Gvern Irlandiż, minn M. Browne, G. Hodge u A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn D. Fennelly, barrister, |
– |
għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn L. Aguilera Ruiz u M. J. García‑Valdecasas Dorrego, sussegwentement minn L. Aguilera Ruiz, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Franċiż, inizjalment minn E. de Moustier, E. Armoët, A.‑L. Desjonquères, F. Alabrune, D. Colas u D. Dubois, sussegwentement minn E. de Moustier, E. Armoët, A.‑L. Desjonquères, F. Alabrune u D. Dubois, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Symeonidou u E. Neofytou, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Litwan, inizjalment minn V. Soņeca u I. Kucina, sussegwentement minn V. Soņeca, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, inizjalment minn G. Koós, Z. Fehér, G. Tornyai u Z. Wagner, sussegwentement minn G. Koós u Z. Fehér, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Olandiż, minn C. S. Schillemans u K. Bulterman, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, J. Sawicka u M. Pawlicka, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, M. Figueiredo u F. Aragão Homem, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, inizjalment minn A. Falk, H. Shev, C. Meyer‑Seitz, L. Zettergren u A. Alriksson, sussegwentement minn H. Shev, C. Meyer‑Seitz, L. Zettergren u A. Alriksson, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Norveġiż, minn T. B. Leming, M. Emberland u J. Vangsnes, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, inizjalment minn H. Kranenborg, M. Wasmeier, D. Nardi u P. Costa de Oliveira, sussegwentement minn H. Kranenborg, M. Wasmeier u D. Nardi, bħala aġenti, |
– |
għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, minn T. Zerdick u A. Buchta, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati fis-seduta tal‑15 ta’ Jannar 2020,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) u tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l‑komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 514), kif emendata bid‑Direttiva 2009/136/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 (ĠU 2009, L 337, p. 11, rettifika fil-ĠU 2013, L 241, p. 9) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2002/58”), moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE kif ukoll tal‑Artikoli 7 u 8 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Privacy International u s-Secretary of State for Foreign and Commonwealth Affairs (is-Segretarju tal-Istat tal‑Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth, ir-Renju Unit), is-Secretary of State for the Home Department (is-Segretarju tal-Istat tal-Affarijiet Interni, ir-Renju Unit), il-Government Communications Headquarters (il-Kwartieri Ġenerali tal‑Komunikazzjonijiet, ir-Renju Unit) (iktar ’il quddiem il‑“GCHQ”), is-Security Service (is-Servizz ta’ Sigurtà, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“MI5”) u s-Secret Intelligence Service (is-Servizz Sigriet ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni, ir-Renju Unit, iktar ’il quddiem il-“MI6”), dwar il-legalità ta’ leġiżlazzjoni li tawtorizza l-kisba u l-użu mis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni ta’ data dwar komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa (bulk communications data). |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 95/46
3 |
Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id‑data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil‑Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) tħassret, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018, permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal‑ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id‑Direttiva 95/46 (ĠU 2016, L 119, p. 1, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2). L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, kien redatt kif ġej: “1. Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar. 2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali:
|
Id-Direttiva 2002/58
4 |
Il-premessi 2, 6, 7, 11, 22, 26 u 30 tad-Direttiva 2002/58 jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
[…]
|
5 |
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u mira”, jistipula: “1. Din id-Direttiva tipprevedi l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Istati Membri meħtieġa biex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali, partikolarment id-dritt għall-privatezza u l-kunfidenzjalità, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika u sabiex jiġi żgurat il‑moviment liberu ta’ tali data u tat-tagħmir u s-servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika [fl-Unjoni Ewropea]. 2. Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jippartikularizzaw u jikkomplementaw id-Direttiva [95/46] għall-iskopijiet imsemmija fil‑paragrafu 1. Minbarra hekk, jipprovdu għall-ħarsien ta’ l-interessi leġittimi ta’ l-abbonati li huma persuni legali. 3. Din id-Direttiva ma tgħoddx għal attivitajiet li jaqgħu barra mill‑kamp ta’ applikazzjoni tat-[TFUE], bħal dawk koperti mit-Titoli V u VI tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u f’kull każ għal attivitajiet li jikkonċernaw is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurta ta’ l-Istat (inkluż il‑benessere ekonomiku ta’ l-Istat meta l-attivitajiet jirrigwardaw affarjiet ta’ sigurtà ta’ l-Istat) u l-attivitajiet ta’ l-Istat f’oqsma tal-liġi kriminali.” |
6 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Definizzjonijiet”: “Ħlief kif provdut mod ieħor, għandhom jgħoddu d-definizzjonijiet fid‑Direttiva [95/46] u fid-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002, dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349]. Għandhom jgħoddu wkoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]” |
7 |
L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi kkonċernati”, jistipula: “Din id-Direttiva għandha tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali f’konnessjoni mal-forniment ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi pubblikament disponibbli f’networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi f[l-Unjoni], inklużi n-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi li jsostnu l-ġbir tad-data u l‑apparat ta’ identifikazzjoni.” |
8 |
Skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Konfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet”: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali. Partikolarment għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d‑data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1). Dan il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal‑kunfidenzjalità. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l‑abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id‑Direttiva [95/46], dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar mill‑kontrollur tad-data. Dan ma jimpedixxi l-ebda ħżin jew aċċess tekniku għall‑għan esklużiv ta’ implimentazzjoni tat-trażmissjoni ta’ komunikazzjoni fuq network ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, jew kif strettament meħtieġ sabiex il‑fornitur ta’ servizz tal-informazzjoni tas‑soċjetà espliċitament mitlub mill‑abbonat jew l-utent biex jipprovdi s-servizz.” |
9 |
L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58, intitolat “Data dwar it-traffiku”, jistipula: “1. Data dwar it-traffiku relatata ma’ abbonati u utenti ipproċessat u maħżun mill-provditur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament għandhom jitħassru jew jiġu magħmula anonimi meta m’għadhomx aktar meħtieġa għall-iskop tat-trasmissjoni ta’ komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2, 3 u 5 ta’ dan l‑Artikolu u l-Artikolu 15(1). 2. Data dwar it-traffiku meħtieġa biex isiru l-kontijiet ta’ l-abbonati u ħlasijiet ta’ interkonnessjoni jistgħu jiġu proċessati. Tali proċessar huwa permissibbli biss sat-tmiem tal-perjodu li fih il-kont jista’ legalment jiġi kkontestat jew il-ħlas jiġi persegwit. 3. Għall-iskopijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika jew għall-provvista ta’ servizzi bil-valur miżjud, il-fornitur ta’ servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament jista’ jipproċessa d-data msemmija fil-paragrafu 1 sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għal dawn is-servizzi jew kummerċjalizzazzjoni, jekk l-abbonat jew l-utent li għalih tirrelata d-data jkun ta l-kunsens tiegħu/tagħha minn qabel. L-utenti jew abbonati għandhom jingħataw il‑possibilità li jirtiraw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data dwar it-traffiku f’kull ħin. […] 5. L-ipproċessar ta’ data dwar it-traffiku, skond il-paragrafi 1, 2, 3 u 4, għandu jiġi ristrett għal persuni li jaġixxu taħt l-awtorità ta’ provdituri ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet jew servizz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament li jġestixxu l-kontijiet jew it‑traffiku, talbiet tal-klijenti, skoperta tal-frodi, marketing ta’ komunikazzjoni elettronika kummerċjali jew il‑provvista ta’ servizz bil‑valur miżjud, u għandu jkun ristrett għal dak li huwa meħtieġ għall‑iskop ta’ dawn l-attivitajiet.” |
10 |
L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn id-data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku, relatata ma’ utenti jew abbonati ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjoni jew servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, tista tiġi pproċessata, din id-data tista’ tiġi pproċessata biss fejn tkun ġiet magħmula anonima, jew bil‑kunsens ta’ l-utenti jew ta’ l-abbonati sa fejn u għaż-żmien meħtieġ għall‑provvista ta’ servizz bil-valur miżjud. Il-provditur tas-servizz għandu jinforma lill-utenti jew abbonati, qabel ma jakkwista l-kunsens tagħhom, dwar it-tip ta’ data dwar is-sit li ma tkunx data dwar it-traffiku li ser tiġi pproċessata, dwar l-iskopijiet u ż-żmien ta’ l-ipproċessar u jekk id-data hix ser tiġi trasmessa lil xi terza persuna għall-iskop li jkun provdut servizz bil-valur miżjud. […]” |
11 |
L-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Applikazzjoni ta’ xi disposizzjonijet tad-Direttiva [95/46]”, jistipula: “L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l‑Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id‑Direttiva meta tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika biex tiġi salvagwardjata s-sigurtà nazzjonali (i.e. is-sigurtà ta’ l-Istat), id-difiża, is-sigurtà pubblika, u l‑prevenzjoni, investigazzjoni, skoperta u prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika, kif imsemmi fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva tad‑Direttiva [95/46]. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu, inter alia, jadottaw miżuri leġislativi li jipprovdu għaż-żamma ta’ l-informazzjoni għal perjodu limitat iġġustifikat għar-raġunijiet stabbiliti f’dan il‑paragrafu. Il-miżuri kollha msemmija f’dan il-paragrafu għandhom ikunu skond il-prinċipji ġenerali tal-liġi [tal-Unjoni], inklużi dawk imsemmija fl-Artikolu 6(1) u (2) Tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.” |
Ir-Regolament 2016/679
12 |
L-Artikolu 2 tar-Regolament 2016/679 jistipula: “1. Dan ir-Regolament japplika għall-ipproċessar ta’ data personali kompletament jew parzjalment b’mezzi awtomatizzati, u għall‑ipproċessar għajr b’mezzi awtomatizzati ta’ data personali li tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar jew li tkun maħsuba sabiex tifforma parti minn sistema ta’ arkivjar. 2. Dan ir-Regolament ma japplikax għall-ipproċessar ta’ data personali:
[…]
[…]” |
13 |
L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jistipula: “Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament: […]
[…]”. |
14 |
Skont l-Artikolu 23(1) tal-istess regolament: “Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il‑proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad‑drittijiet u l‑obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l‑essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:
|
15 |
Skont l-Artikolu 94(2) tar-Regolament 2016/679: “Ir-referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament. Ir-referenzi għall-Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni ta’ Individwi fir-rigward tal-Ipproċessar tad-Data Personali stabbilit bl-Artikolu 29 tad-Direttiva [95/46] għandhom jinftiehmu bħala referenzi għall-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad‑Data stabbilit b’dan ir-Regolament.” |
Id-dritt tar-Renju Unit
16 |
L-Artikolu 94 tat-Telecommunications Act 1984, fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1984”), intitolat “Gwida fl-interess tas-sigurtà nazzjonali eċċ.”, jistipula: “(1) Is-Segretarju tal-Istat jista’, wara konsultazzjoni ma’ persuna li għaliha japplika dan l‑artikolu, jagħti lil din il-persuna gwida ta’ natura ġenerali li, fl‑opinjoni tas-Segretarju tal-Istat, hija neċessarja fl-interess tas-sigurtà nazzjonali u tar-relazzjonijiet ma’ gvern ta’ pajjiż jew ta’ territorju barra mir-Renju Unit. (2) Jekk jidher neċessarju għas-Segretarju tal-Istat li jagħmel dan fl-interess tas‑sigurtà nazzjonali jew tar-relazzjonijiet ma’ gvern ta’ pajjiż jew ta’ territorju barra mir‑Renju Unit, huwa jista’, wara konsultazzjoni ma’ persuna li għaliha japplika dan l-artikolu, jagħti lil din il-persuna gwida li permezz tagħha jitlobha (skont iċ-ċirkustanzi tal-każ) teżegwixxi jew ma teżegwixxix azzjoni partikolari speċifikata fil-gwida. (2A) Is-Segretarju tal-Istat ma jistax jagħti gwida abbażi tas-subparagrafu (1) jew (2) ħlief jekk iqis li l-azzjoni mitluba mill-gwida hija proporzjonata mal-għan li għandu jintlaħaq permezz ta’ din l-azzjoni. (3) Il-persuna li għaliha japplika dan l-artikolu għandha timplimenta l-gwida li tkun ingħatat mis-Segretarju tal-Istat permezz ta’ dan l-artikolu, minkejja kull obbligu ieħor li għandha taħt il-Parti 1 jew il-Parti 2 tal-Kapitolu 1 tal‑Communications Act 2003 [il-Liġi tal-2003 dwar il-Komunikazzjonijiet] u, fil‑każ ta’ gwida mogħtija lill-fornitur ta’ network pubbliku ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, anki jekk din il-gwida tapplika għalih f’kapaċità oħra u mhux f’dik ta’ fornitur ta’ aċċess għal tali network. (4) Is-Segretarju tal-Istat għandu jpoġġi quddiem kull Kamra tal-Parlament kopja tal-gwida kollha mogħtija bis-saħħa ta’ dan l-artikolu, ħlief jekk iqis li l‑iżvelar ta’ din il-gwida jmur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tar‑relazzjonijiet mal-gvern ta’ pajjiż jew ta’ territorju barra mir-Renju Unit, jew l‑interessi kummerċjali ta’ persuna. (5) Persuna ma tistax tiżvela, jew ma għandhiex tkun obbligata tiżvela, bis‑saħħa ta’ xi liġi jew oħra, kwalunkwe informazzjoni li tirrigwarda l-miżuri meħuda skont dan l-artikolu jekk is-Segretarju tal-Istat jinformaha li l-iżvelar ta’ din l-informazzjoni jmur kontra l-interessi tas-sigurtà nazzjonali jew tar‑relazzjonijiet mal-gvern ta’ pajjiż jew ta’ territorju barra mir-Renju Unit, jew l‑interessi kummerċjali ta’ persuna oħra. […] (8) Dan l-artikolu għandu japplika għall-[Uffiċċju tal-Komunikazzjonijiet (OFCOM)] u għall-fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi.” |
17 |
L-Artikolu 21(4) u (6) tar-Regulation of Investigatory Powers Act 2000 (il-Liġi tal‑2000 dwar is-Setgħat ta’ Investigazzjoni, iktar ’il quddiem ir-“RIPA”) jistipula: “(4) ‘[D]ata relatata mal-komunikazzjonijiet’ tfisser kwalunkwe minn dawn il‑kunċetti li ġejjin:
[…] (6) [I]l-kunċett ta’ ‘data dwar it-traffiku’, fir-rigward ta’ kwalunkwe komunikazzjoni, jirreferi għal:
[…]” |
18 |
L-Artikoli 65 sa 69 tar-RIPA jistabbilixxu r-regoli relatati mal-funzjonament u l‑kompetenzi tal-Investigatory Powers Tribunal (it-Tribunal Responsabbli għas‑Setgħat ta’ Investigazzjoni, ir-Renju Unit). Skont l-Artikolu 65 ta’ din il-liġi, jista’ jiġi ppreżentat rikors quddiem dan it-Tribunal jekk ikun hemm raġuni sabiex wieħed iqis li d-data tkun inkisbet b’mod mhux xieraq. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
19 |
Fil-bidu tas-sena 2015, l-eżistenza ta’ prattiki ta’ ġbir u ta’ użu bil-massa ta’ data relatata ma’ komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa mis-servizzi differenti ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni tar-Renju Unit, jiġifieri l-GCHQ, il-MI5 u l-MI6, ġiet reża pubblika, b’mod partikolari f’rapport tal-Intelligence and Security Committee of Parliament (il-Kumitat ta’ Ġbir ta’ Informazzjoni u tas-Sigurtà tal-Parlament, ir-Renju Unit). Fil-5 ta’ Ġunju 2015, Privacy International, organizzazzjoni mhux governattiva, ippreżentat rikors quddiem l-Investigatory Powers Tribunal (it‑Tribunal responsabbli għas-Setgħat ta’ Investigazzjoni, ir-Renju Unit) kontra s‑Segretarju tal-Istat tal-Affarijiet Barranin u tal-Commonwealth, is-Segretarju tal‑Istat tal-Affarijiet Interni u dawn is-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni, biex tikkontesta l-legalità ta’ dawn il-prattiki. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju eżaminat il-legalità tal-imsemmija prattiki fid-dawl, qabelxejn, tad-dritt intern u tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Ewropea għall‑Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u sussegwentement tad-dritt tal-Unjoni. F’sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2016, dik il‑qorti kkonstatat li l-konvenuti fil-kawża prinċipali kienu rrikonoxxew li l‑imsemmija servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni jiġbru u jużaw, fil‑kuntest tal-attivitajiet tagħhom, settijiet ta’ data li jirrigwardaw individwi u li jaqgħu f’kategoriji differenti (bulk personal data), bħal data bijografika jew relatata ma’ vvjaġġar, informazzjoni ta’ natura finanzjarja jew kummerċjali, data relatata ma’ komunikazzjonijiet u li tista’ tinkludi data sensittiva, koperta mis‑sigriet professjonali, jew materjal ġurnalistiku. Din id-data, miksuba b’diversi mezzi, jekk ikun il-każ anki sigrieti, tiġi analizzata kemm b’kontroverifiki jew bi pproċessar awtomatizzat, tista’ tiġi żvelata lil persuni u awtoritajiet oħra, u kondiviża ma’ msieħba barranin. F’dan il-kuntest, is-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni jużaw ukoll data relatata ma’ komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa, miġbura mingħand il-fornituri ta’ networks pubbliċi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, bis-saħħa, b’mod partikolari, ta’ gwida ministerjali mogħtija abbażi tal-Artikolu 94 tal-Liġi tal-1984. Il-GCHQ u l-MI5 ilhom jagħmlu dan sa mill-2001 u mill-2005 rispettivament. |
21 |
L-imsemmija qorti qieset li dawn il-miżuri ta’ ġbir u ta’ użu ta’ data kienu konformi mad-dritt intern u, mill-2015, u mingħajr preġudizzju għal kwistjonijiet, li għadhom ma ġewx eżaminati, dwar il-proporzjonalità ta’ dawn il-miżuri u t‑trasferimenti ta’ data lil terzi, mal-Artikolu 8 tal-KEDB. Fir-rigward ta’ dan l‑aħħar punt, hija spjegat li ġew prodotti provi quddiemha dwar il-garanziji applikabbli, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-proċeduri ta’ aċċess u ta’ żvelar barra s-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni, il-modalitajiet ta’ żamma ta’ data u l-eżistenza ta’ kontrolli indipendenti. |
22 |
F’dak li jirrigwarda l-legalità tal-miżuri ta’ ġbir u ta’ użu inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti tar-rinviju eżaminat, f’sentenza tat-8 ta’ Settembru 2017, jekk dawn il-miżuri jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk kinux kompatibbli ma’ dan id-dritt. Fir-rigward tad-data relatata mal-komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa, dik il-qorti kkonstatat li l-fornituri ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kienu obbligati, skont l-Artikolu 94 tal-Liġi tal-1984, f’każ ta’ gwida f’dan is-sens mogħtija minn Segretarju tal-Istat, li jipprovdu d-data miġbura fil‑kuntest tal-attività ekonomika tagħhom li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni lis‑servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni. Min-naħa l-oħra, dan ma kienx il-każ għall-ġbir ta’ data oħra, miksuba minn dawn is-servizzi mingħajr l-użu ta’ tali setgħat vinkolanti. Abbażi ta’ din il-konstatazzjoni, dik il-qorti qieset li huwa neċessarju li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistabbilixxi jekk sistema bħal dik li tirriżulta minn dan l-Artikolu 94 taqax taħt id-dritt tal-Unjoni u, f’każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk u b’liema mod ir-rekwiżiti stabbiliti mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 Sverige u Watson et (C‑203/15 u C‑698/15, iktar ’il quddiem is-sentenza Tele2, EU:C:2016:970), japplikaw għal din is-sistema. |
23 |
F’dan ir-rigward, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tindika li, skont dan l-Artikolu 94, Segretarju tal-Istat jista’ jagħti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-gwida ġenerali jew speċifika li jidhirlu li hija neċessarja fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tar-relazzjonijiet ma’ gvern barrani. Filwaqt li tirreferi għad-definizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 21(4) u (6) tar-RIPA, dik il-qorti tispjega li d-data kkonċernata tinkludi d-data dwar it-traffiku u l-informazzjoni dwar is-servizzi użati, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, bl‑esklużjoni biss tal-kontenut tal-komunikazzjonijiet. Din id-data u din l‑informazzjoni jippermettu, b’mod partikolari, li jkun magħruf “il-min, il-fejn, il-meta u l-kif” ta’ komunikazzjoni. Din id-data tintbagħat lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni u tinżamm minn dawn tal-aħħar għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom. |
24 |
Skont dik il-qorti, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti minn dik li tirriżulta mid-Data Retention and Investigatory Powers Act 2014 (il-Liġi tal‑2014 dwar iż-Żamma tad-Data u s-Setgħat ta’ Investigazzjoni), inkwistjoni fil‑kawża li wasslet għas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), peress li din l-aħħar sistema kienet tipprevedi ż‑żamma ta’ data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u t-tqegħid tagħhom għad-dispożizzjoni mhux biss tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni, fl-interess tas-sigurtà nazzjonali, iżda wkoll ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, skont il-bżonnijiet tagħhom. Barra minn hekk, dik is-sentenza kienet tirrigwarda investigazzjoni kriminali u mhux is-sigurtà nazzjonali. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju żżid li d-databases ikkumpilati mis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni huma suġġetti għal ipproċessar ta’ massa u awtomatizzat, mhux speċifiku, intiż sabiex jiżvela l-eżistenza ta’ eventwali theddid mhux magħruf. Għalhekk, dik il-qorti tiddikjara li s-settijiet ta’ metadata kkumpilati b’dan il-mod għandhom ikunu komprensivi kemm jista’ jkun, sabiex ikun hemm volum ta’ data li fih ikun jista’ jinstab id-dettall moħbi. Fir-rigward tal-utilità tal-ġbir ta’ data f’massa mill-imsemmija servizzi u ta’ tekniki ta’ konsultazzjoni ta’ din id-data, dik il-qorti tirreferi b’mod partikolari għall-konklużjonijiet tar-rapport tad-19 ta’ Awwissu 2016 ta’ David Anderson, QC, dak iż-żmien United Kingdom Independent Reviewer of Terrorism Legislation (il-Kontrollur Indipendenti tar-Renju Unit tal-Leġiżlazzjoni dwar it-Terroriżmu) li, meta ħejja dan ir-rapport, ibbaża ruħu fuq eżami li sar minn grupp ta’ speċjalisti ta’ ġbir ta’ informazzjoni u fuq xhieda ta’ aġenti tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni. |
26 |
Il-qorti tar-rinviju tispjega wkoll li, skont Privacy International, is-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija illegali fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li l-konvenuti fil-kawża prinċipali jqisu li l-obbligu ta’ trażmissjoni ta’ data previst minn din is-sistema, l-aċċess għal din id-data u l-użu tagħha ma jaqgħux fil-kompetenzi tal-Unjoni, skont, b’mod partikolari, l-Artikolu 4(2) TUE, li jipprevedi li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru. |
27 |
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis, abbażi tas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punti 56 sa 59), dwar it-trasferiment ta’ data PNR (Passenger Name Record) għal finijiet ta’ protezzjoni tas-sigurtà pubblika, li l-attivitajiet ta’ kumpanniji kummerċjali fil-kuntest ta’ pproċessar u ta’ trasferiment ta’ data għall‑finijiet tal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jidhrux li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Il-qorti tar-rinviju ma għandhiex teżamina jekk l-attività inkwistjoni tikkostitwixxix ipproċessar ta’ data, iżda biss jekk, fis‑sustanza u fl-effetti tiegħu, l-għan ta’ din l-attività huwiex li jsostni funzjoni essenzjali tal-Istati, fis-sens tal-Artikolu 4(2) TUE, permezz ta’ qafas stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi dwar is-sigurtà pubblika. |
28 |
Fil-każ fejn il-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqgħu xorta taħt id-dritt tal‑Unjoni, il-qorti tar-rinviju tqis li r-rekwiżiti li jinsabu fil-punti 119 sa 125 tas‑sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2 (C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970), ma jidhrux adattati fil-kuntest tas-sigurtà nazzjonali u huma tali li jostakolaw il-kapaċità tas-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni li jikkontrollaw xi theddid għas-sigurtà nazzjonali. |
29 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Investigatory Powers Tribunal (it-Tribunal Responsabbli għas-Setgħat ta’ Investigazzjoni, ir-Renju Unit) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti: “ F’ċirkustanzi fejn:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
30 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li awtorità tal-Istat tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jibagħtu lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni data dwar it‑traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
31 |
F’dan ir-rigward, Privacy International essenzjalment targumenta li, fir-rigward tal-gwida li tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/58, kemm il-ġbir ta’ data mis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni mingħand dawn il-fornituri, skont l-Artikolu 94 tal‑Liġi tal-1984, kif ukoll l-użu tagħha minn dawn is-servizzi jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, kemm jekk din id-data tinġabar permezz ta’ trażmissjoni mwettqa f’ħin mhux reali jew jekk dan isir f’ħin reali. B’mod partikolari, il-fatt li l-għan ta’ protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali huwa espressament elenkat fl‑Artikolu 15(1) tal-imsemmija direttiva ma għandux ifisser li din id-direttiva ma għandhiex tapplika għal tali sitwazzjoni, u l-Artikolu 4(2) TUE ma jaffettwax din l-evalwazzjoni. |
32 |
Min-naħa l-oħra, il-Gvern tar-Renju Unit, dak Ċek u dak Estonjan, l-Irlanda u l-Gvern Franċiż, dak Ċiprijott, dak Ungeriż, dak Pollakk u dak Svediż isostnu, essenzjalment, li d‑Direttiva 2002/58 ma tapplikax għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, sa fejn l-għan tagħha huwa s-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali. L-attivitajiet tas‑servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni huma funzjonijiet essenzjali tal‑Istati Membri, relatati maż-żamma tal-ordni pubbliku u mas-salvagwardja tas‑sigurtà interna u tal-integrità territorjali u, konsegwentement, jaqgħu fil‑kompetenza esklużiva tal-Istati Membri, kif jidher b’mod partikolari mit-tielet sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE. |
33 |
Skont dawn il-Gvernijiet, id-Direttiva 2002/58 għalhekk ma għandhiex tiġi interpretata fis-sens li miżuri nazzjonali intiżi għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. L-Artikolu 1(3) ta’ din id‑direttiva jiddefinixxi dan il-kamp ta’ applikazzjoni u jeskludi minnu, bħalma kien previst qabel fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, l-attivitajiet li jirrigwardaw is-sigurtà pubblika, id-difiża u s-sigurtà tal-Istat. Dawn id‑dispożizzjonijiet jirriflettu t-tqassim tal-kompetenzi previst fl‑Artikolu 4(2) TUE u l-effett utli tagħhom jinġab fix-xejn jekk miżuri li jaqgħu fil‑kamp tas-sigurtà nazzjonali jkollhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tad‑Direttiva 2002/58. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirriżulta mis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), li tirrigwarda l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, tista’ tiġi trasposta għall-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. |
34 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi ddikjarat li, skont l-Artikolu 1(1) tagħha, id‑Direttiva 2002/58 tipprevedi, b’mod partikolari, l-armonizzazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali neċessarja sabiex jiġi żgurat livell ekwivalenti ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal‑libertajiet fundamentali, u b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata u għall-kunfidenzjalità, f’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi. |
35 |
L-Artikolu 1(3) ta’ din id-direttiva jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l‑“attivitajiet ta’ l-Istat” fl-oqsma li huma msemmija fih, fosthom l‑attivitajiet tal‑Istat fil-qasam kriminali u fl-oqsma li jikkonċernaw is‑sigurtà pubblika, id‑difiża u s-sigurtà tal-Istat, inkluż il-prosperità ekonomika tal-Istat meta jkunu involuti attivitajiet marbuta mas-sigurtà tal-Istat. L-attivitajiet imsemmija bħala eżempji huma, f’kull każ, attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati jew għall‑awtoritajiet statali, li ma humiex marbuta mal-oqsma ta’ attività tal‑individwi (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
36 |
Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58 jistipula li din id‑direttiva tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal‑provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi disponibbli għall-pubbliku fin-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni, inkluż in-networks ta’ komunikazzjonijiet pubbliċi responsabbli mill-apparat ta’ ġbir ta’ data u ta’ identifikazzjoni (iktar ’il quddiem is-“servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi”). Għalhekk, l-imsemmija direttiva għandha titqies bħala li tirregola l-attivitajiet tal-fornituri ta’ tali servizzi (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
37 |
F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw, b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnu, “miżuri leġislativi biex jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tad‑drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikolu 5, l-Artikolu 6, l-Artikolu 8(1), (2), (3) u (4), u l-Artikolu 9 ta’ din id-Direttiva” (sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 71). |
38 |
Issa, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippreżumi neċessarjament li l-miżuri nazzjonali msemmija fiha jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, peress li din tal-aħħar tawtorizza espliċitament lill-Istati Membri sabiex jadottawhom biss b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti minnha. Barra minn hekk, tali miżuri jirregolaw, għall-finijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni, l‑attività tal-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punt 34 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Kien b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 3 tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, mhux biss miżura leġiżlattiva li timponi fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-obbligu li jżommu d-data dwar it‑traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni, iżda wkoll miżura leġiżlattiva li tobbligahom jagħtu l-aċċess għal din id-data lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Fil-fatt, tali miżuri leġiżlattivi jimplikaw neċessarjament ipproċessar, minn dawn il‑fornituri, tal-imsemmija data u ma jistgħux, peress li jirregolaw l‑attivitajiet ta’ dawn l-istess fornituri, jiġu assimilati ma’ attivitajiet li huma speċifiċi għall-Istati, imsemmija fl‑Artikolu 1(3) tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ottubru 2018, Ministerio Fiscal, C‑207/16, EU:C:2018:788, punti 35 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
F’dak li jirrigwarda miżura leġiżlattiva bħall-Artikolu 94 tal-Liġi tal-1984, li abbażi tagħha l-awtorità kompetenti tista’ tagħti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi l-gwida li jikkomunikaw bi trażmissjoni ta’ data f’massa lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni, għandu jiġi rrilevat li, skont id-definizzjoni li tinsab fil-punt 2 tal-Artikolu 4 tar-Regolament 2016/679, li hija, skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/58, moqri flimkien mal-Artikolu 94(2) tal-imsemmi regolament, applikabbli, il-kunċett ta’ “ipproċessar ta’ data personali” jinkludi “kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, […], il-ħażna, […], il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor […]”. |
41 |
Minn dan isegwi li komunikazzjoni ta’ data personali permezz ta’ trażmissjoni tikkostitwixxi, l-istess bħaż-żamma ta’ data jew kull forma oħra ta’ tqegħid għad‑dispożizzjoni, ipproċessar fis-sens tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2002/58, u, konsegwentement, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punt 45). |
42 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-premessi li jinsabu fil-punt 38 ta’ din is-sentenza u tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2002/58, interpretazzjoni ta’ din id-direttiva li tgħid li l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva minħabba l-fatt li l-għanijiet li tali miżuri għandhom jissodisfaw jikkoinċidu sostanzjalment mal-għanijiet imfittxija mill‑attivitajiet previsti fl-Artikolu 1(3) tal-istess direttiva ċċaħħad lil dan l‑Artikolu 15(1) minn kull effett utli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C 203/15 u C 698/15, EU:C:2016:970, punti 72 u 73). |
43 |
Il-kunċett ta’ “attivitajiet” li jinsab fl-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58 ma għandux għalhekk, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda La Quadrature du Net et (C‑511/18 u C‑512/18, EU:C:2020:6), li għalihom huwa jagħmel riferiment fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tiegħu għal din il-kawża, jiġi interpretat bħala li jkopri l-miżuri leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva. |
44 |
Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(2) TUE, li għalihom irreferew il‑Gvernijiet imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, ma għandhomx jinvalidaw din il‑konklużjoni. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li huma l-Istati Membri li għandhom jiddefinixxu l-interessi essenzjali tagħhom ta’ sigurtà u jadottaw il-miżuri xierqa sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, is-sempliċi fatt li miżura nazzjonali ttieħdet għall-finijiet tal‑protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali ma jistax jimplika l-inapplikabbiltà tad-dritt tal‑Unjoni u jeżenta lill-Istati Membri milli jirrispettaw dan id-dritt (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2013, ZZ, C‑300/11, EU:C:2013:363, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal-20 ta’ Marzu 2018, Il-Kummissjoni vs L‑Awstrija (Stamperija tal‑Istat), C‑187/16, EU:C:2018:194, punti 75 u 76; u tat-2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il-Polonja, L-Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju ta’ rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punti 143 u 170). |
45 |
Huwa veru li, fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346, punti 56 sa 59), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li t-trasferiment ta’ data personali minn kumpanniji tal-ajru lil awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat terz għal finijiet tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u ta’ reati oħra serji ma jaqax, skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, peress li tali trasferiment isir f’kuntest stabbilit mill-awtoritajiet pubbliċi u intiż għas-sigurtà pubblika. |
46 |
Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 36, 38 u 39 ta’ din is-sentenza, din il-ġurisprudenza ma hijiex trasponibbli għall-interpretazzjoni tal‑Artikolu 1(3) tad-Direttiva 2002/58. Fil-fatt, kif irrileva, essenzjalment, l‑Avukat Ġenerali fil-punti 70 sa 72 tal-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawżi magħquda La Quadrature du Net et (C‑511/18 u C‑512/18, EU:C:2020:6), l‑ewwel inċiż tal‑Artikolu 3(2) tad-Direttiva 95/46, li għalih tirreferi din il‑ġurisprudenza, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-aħħar direttiva, b’mod ġenerali, l-“ipproċessar dwar sigurtà pubblika, difiża, sigurtà ta’ l-Istat”, mingħajr ma jagħmel distinzjoni skont l-awtur tal-ipproċessar tad-data kkonċernat. Għall-kuntrarju, fil-kuntest tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3) tad‑Direttiva 2002/58, tali distinzjoni ssir neċessarja. Fil-fatt, kif jirriżulta mill‑punti 37 sa 39 u 42 ta’ din is-sentenza, l-ipproċessar kollu ta’ data personali li jsir mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, inkluż l-ipproċessar li jirriżulta mill-obbligi imposti fuqhom mill-awtoritajiet pubbliċi, minkejja li dan l-ipproċessar jista’, jekk ikun il-każ, jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 3(2) tad‑Direttiva 95/46, fid-dawl tal-formulazzjoni iktar wiesgħa ta’ din id‑dispożizzjoni, dwar l-ipproċessar kollu, irrispettivament mill-awtur tiegħu, li għandu bħala għan is-sigurtà pubblika, id-difiża jew is-sigurtà tal-Istat. |
47 |
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 95/46, inkwistjoni fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill u Il‑Kummissjoni (C‑317/04 u C‑318/04, EU:C:2006:346), ġiet, bis-saħħa tal‑Artikolu 94(1) tar-Regolament 2016/679, imħassra u ssostitwita bih, b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018. Issa, għalkemm l-imsemmi regolament jispjega, fl‑Artikolu 2(2)(d) tiegħu, li ma japplikax għall-ipproċessar imwettaq “mill‑awtoritajiet kompetenti” għal finijiet, b’mod partikolari, ta’ prevenzjoni u ta’ skoperta ta’ reati kriminali, inkluż il-protezzjoni kontra theddid għas-sigurtà pubblika u l-prevenzjoni ta’ tali theddid, mill‑Artikolu 23(1)(d) u (h) tal-istess regolament jirriżulta li l‑ipproċessar ta’ data personali għal dawn l-istess raġunijiet minn individwi jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Minn dan isegwi li l-interpretazzjoni preċedenti tal-Artikolu 1(3), tal-Artikolu 3 u tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 hija koerenti mad-delimitazzjoni tal‑kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament 2016/679 li din id-direttiva tikkompleta u tippreċiża. |
48 |
Min-naħa l-oħra, meta l-Istati Membri jimplimentaw b’mod dirett miżuri li jidderogaw mill-kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, mingħajr ma jimponu obbligi ta’ pproċessar fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ tali komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data tal-persuni kkonċernati ma taqax taħt id-Direttiva 2002/58, iżda biss taħt id-dritt nazzjonali, mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tad‑Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l‑investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l‑eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU 2016, L 119, p. 89, rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 6), b’tali mod li l-miżuri inkwistjoni għandhom josservaw b’mod partikolari d-dritt nazzjonali fil-livell kostituzzjonali u r‑rekwiżiti tal-KEDB. |
49 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(3), l-Artikolu 3 u l-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqrija fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li awtorità tal-Istat tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jibagħtu lis‑servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni data dwar it-traffiku u data dwar il-lokalizzazzjoni għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva. |
Fuq it-tieni domanda
50 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE u tal-Artikoli 7, 8 u 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis‑sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li awtorità tal-Istat timponi, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-obbligu ta’ trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni lis‑servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni. |
51 |
Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-indikazzjonijiet fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Artikolu 94 tal-Liġi tal-1984 jawtorizza lis-Segretarju tal‑Istat jimponi, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ gwida, meta huwa jqis neċessarju fl-interess tas-sigurtà nazzjonali jew tar-relazzjonijiet ma’ gvern barrani, l-obbligu li jibagħtu lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni d-data relatata mal-komunikazzjonijiet li jintbagħtu f’massa, data li tinkludi d-data dwar it-traffiku u d-data dwar il-lokalizzazzjoni, kif ukoll informazzjoni dwar is-servizzi użati, fis-sens tal-Artikolu 21(4) u (6) tar-RIPA. Din l-aħħar dispożizzjoni tkopri, fost l-oħrajn, id-data neċessarja sabiex ikun identifikat is-sors ta’ komunikazzjoni u d-destinazzjoni tagħha, sabiex jiġu stabbiliti d-data, il-ħin, it-tul u t-tip tal-komunikazzjoni, jiġi identifikat it-tip ta’ materjal użat u l-lokalizzazzjoni tat-tagħmir terminali u l‑komunikazzjonijiet, data li tinkludi, fost l-oħrajn, l-isem u l-indirizz tal-utent, in‑numri tat-telefon ta’ min jagħmel it-telefonata u ta’ min jirċievi t-telefonata u l‑indirizzi IP tas-sors u tad-destinatarju tal-komunikazzjoni kif ukoll l-indirizzi tas-siti tal-internet ikkonsultati. |
52 |
Tali komunikazzjoni bi trażmissjoni ta’ data tirrigwarda l-utenti kollha ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament minn jekk din it-trażmissjoni tkunx saret f’ħin reali jew f’ħin mhux reali. Meta tintbagħat, din id-data tiġi, skont l-indikazzjonijiet mogħtija fit-talba għal deċiżjoni preliminari, miżmuma mis‑servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni u tibqa’ għad-dispożizzjoni tagħhom għall-finijiet tal-attivitajiet tagħhom, bħal databases oħra li dawn is‑servizzi għandhom. B’mod partikolari, id-data hekk miġbura, li hija suġġetta għal ipproċessar u għal diversi analiżi ta’ massa u awtomatizzati, tista’ tiġi kontroverifikata ma’ databases oħra li fihom kategoriji differenti ta’ data personali f’massa jew tiġi żvelata barra minn dawn is-servizzi u lil Stati terzi. Finalment, dawn it‑tranżazzjonijiet ma humiex suġġetti għall-awtorizzazzjoni minn qabel ta’ qorti jew ta’ awtorità amministrattiva indipendenti u ma jinvolvux in-notifika tal‑persuni kkonċernati b’xi mod. |
53 |
Id-Direttiva 2002/58 għandha l-għan, kif jirriżulta b’mod partikolari mill‑premessi 6 u 7 tagħha, li tipproteġi lill-utenti ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi kontra r-riskji għad-data personali tagħhom u għall‑ħajja privata tagħhom li jirriżultaw minn teknoloġiji ġodda u, b’mod partikolari, mill-kapaċità li dejjem tiżdied tal-ħażna u l‑ipproċessar awtomatizzati ta’ data. B’mod partikolari, l-imsemmija direttiva hija intiża, kif tistipula l‑premessa 2 tagħha, sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta. F’dan ir-rigward, mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta ta’ direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi (COM (2000) 385 final), li wasslet għad-Direttiva 2002/58, jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li “jiżgura li livell għoli ta’ protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata jibqa’ ggarantit fir-rigward tas-servizzi kollha ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, irrispettivament mit-teknoloġija użata”. |
54 |
Għal dan il-għan, l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 jistipula li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet u data dwar it-traffiku relatati permezz ta’ network ta’ komunikazzjoni pubblika u servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli pubblikament, permezz ta’ liġijiet nazzjonali”. Din l-istess dispożizzjoni tenfasizza wkoll li, “[p]artikolarment [l‑Istati Membri] għandhom jipprojbixxu s-smigħ, tapping, ħażna jew modi oħrajn ta’ interċettazzjoni jew sorveljanza ta’ komunikazzjonijiet u d-data dwar it-traffiku relatati minn persuni minbarra l-utenti, mingħajr il-kunsens ta’ l-utenti konċernati, ħlief fejn legalment awtorizzati li jagħmlu dan skond l-Artikolu 15(1)” u tispjega li “[d]an il-paragrafu m’għandux jipprevjeni l-ħażna teknika li hija meħtieġa biex tintbagħat komunikazzjoni mingħajr preġudizzju għall-prinċijpju tal‑kunfidenzjalità.” |
55 |
B’hekk, dan l-Artikolu 5(1) jistabbilixxi l-prinċipju ta’ kunfidenzjalità kemm tal‑komunikazzjonijiet elettroniċi kif ukoll ta’ data dwar it-traffiku relatata magħhom u jirreferi, b’mod partikolari, għall-projbizzjoni, bħala regola, applikabbli għal kull persuna minbarra l-utenti, ta’ ħażna, mingħajr il-kunsens tagħhom, ta’ dawn il-komunikazzjonijiet u ta’ din id-data. Fid-dawl tan-natura ġenerali tal-kliem tagħha, din id-dispożizzjoni neċessarjament tkopri kull tranżazzjoni li tippermetti lil terzi jieħdu konjizzjoni ta’ komunikazzjonijiet u ta’ data relatata magħhom għal finijiet oħra minbarra dik li tintbagħat komunikazzjoni. |
56 |
Il-projbizzjoni ta’ interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet u tad-data relatata magħhom li tinsab fl-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2002/58 tinkludi għalhekk kull forma ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni lil awtoritajiet pubbliċi, bħal servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni, kif ukoll iż-żamma ta’ din id-data minn dawn l-awtoritajiet, ikun xi jkun l-użu ulterjuri li jsir minnha. |
57 |
B’hekk, bl-adozzjoni ta’ din id-direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonkretizza d‑drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, b’tali mod li l-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandhom id-dritt li jippretendu, bħala regola, li l‑komunikazzjonijiet tagħhom u d-data relatata magħhom jibqgħu, fin-nuqqas tal‑kunsens tagħhom, anonimi u li ma jkunux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punt 109). |
58 |
Madankollu, l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 jippermetti lill-Istati Membri jintroduċu eċċezzjonijiet għall-obbligu ta’ prinċipju, stipulat fl-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, li tiġi ggarantita l-kunfidenzjalità ta’ data personali u għall-obbligi korrispondenti, imsemmija b’mod partikolari fl-Artikoli 6 u 9 tal-imsemmija direttiva, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja, xierqa u proporzjonata, fi ħdan soċjetà demokratika, għas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, id-difiża u s‑sigurtà pubblika, jew sabiex tiġi żgurata l-prevenzjoni, l‑investigazzjoni, l-iskoperta u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-użu mhux awtorizzat tas-sistema ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għal dan il-għan, l-Istati Membri jistgħu, fost l-oħrajn, jadottaw miżuri leġiżlattivi li jipprevedu ż-żamma ta’ data għal perijodu limitat meta dan ikun iġġustifikat minn wieħed minn dawn il-motivi. |
59 |
Dan espost, il-possibbiltà ta’ deroga għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 5, 6 u 9 tad-Direttiva 2002/58 ma tistax tiġġustifika li d‑deroga mill-obbligu fuq livell ta’ prinċipju li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tad-data relatata magħhom u, b’mod partikolari, mill-projbizzjoni li tinħażen din id-data, espliċitament prevista fl-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, issir ir-regola (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 89 u 104, u tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punt 111). |
60 |
Barra minn hekk, mit-tielet sentenza tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58 jirriżulta li l-Istati Membri ma humiex awtorizzati jadottaw miżuri leġiżlattivi li jillimitaw il-portata tad-drittijiet u tal-obbligi msemmija fl-Artikoli 5, 6 u 9 ta’ din id-direttiva ħlief jekk jiġu osservati l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fosthom il-prinċipju ta’ proporzjonalità, u d-drittijiet fundamentali ggarantiti mill‑Karta. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-obbligu impost minn Stat Membru fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, permezz ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, li jżommu d-data dwar it-traffiku bil-għan li, jekk ikun il-każ, jingħata aċċess għaliha lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqajjem kwistjonijiet dwar l‑osservanza mhux biss tal-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, relatati, rispettivament, mal-protezzjoni tal-ħajja privata u l-protezzjoni ta’ data personali, iżda wkoll dwar dik tal-Artikolu 11 tal-Karta, dwar il-libertà ta’ espressjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 25 u 70, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 91 u 92 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
61 |
Dawn l-istess kwistjonijiet iqumu wkoll għal tipi oħra ta’ pproċessar ta’ data, bħat-trażmissjoni tagħhom lil persuni oħra li ma humiex l-utenti jew l-aċċess ta’ din id-data sabiex tintuża (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 122 u 123 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
62 |
B’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-importanza kemm tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata, iggarantit bl-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, iggarantit bl-Artikolu 8 tagħha, kif tirriżulta mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll id-dritt għal-libertà ta’ espressjoni, li huwa dritt fundamentali, iggarantit bl-Artikolu 11 tal-Karta, li jikkostitwixxi wieħed mill‑pedamenti essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika u huwa parti mill‑valuri li fuqhom, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata l-Unjoni (ara, f’dan is‑sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Marzu 2001, Connolly vs Il-Kummissjoni, C‑274/99 P, EU:C:2001:127, punt 39, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
63 |
Madankollu, id-drittijiet sanċiti fl-Artikoli 7, 8 u 11 tal-Karta ma jidhirx li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-dawl tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 172 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
64 |
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, sakemm dawn il-limitazzjonijiet huma previsti mil-liġi, jirrispettaw l-essenza tal‑imsemmija drittijiet u, bl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d‑drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn. |
65 |
Għandu jingħad ukoll li r-rekwiżit li kwalunkwe limitazzjoni għall-eżerċizzju tad‑drittijiet fundamentali għandha tkun prevista mil-liġi jimplika li l-bażi legali li tippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandha tiddefinixxi hija stess il-portata tal-limitazzjoni tal-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, Facebook Ireland u Schrems, C‑311/18, EU:C:2020:559, punt 175 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, l‑ewwel sentenza tal-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58 tistipula li l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżura li tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità tal‑komunikazzjonijiet u ta’ data dwar it-traffiku relatata magħhom meta tali miżura tkun “neċessarja, xierqa u proporzjonata f’soċjeta’ demokratika”, fid-dawl tal-għanijiet li din id-dispożizzjoni tistipula. Il-premessa 11 ta’ din id-direttiva tispjega li miżura ta’ dan it-tip għandha tkun “strettament” proporzjonali mal-għan li għandu jintlaħaq. |
67 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għar‑rispett tal-ħajja privata tirrikjedi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-derogi mill-protezzjoni tad-data personali u l-limitazzjonijiet għaliha għandhom japplikaw fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jintlaħaq mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill-miżura, u dan billi jinstab bilanċ bejn l-għan u l-interessi u d-drittijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Satakunnan Markkinapörssi u Satamedia, C‑73/07, EU:C:2008:727, punt 56; tad-9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert, C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punti 76, 77 u 86; tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 52; u l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 140). |
68 |
Sabiex tissodisfa r-rekwiżit ta’ proporzjonalità, leġiżlazzjoni għandha tipprevedi regoli ċari u preċiżi li jirregolaw il-portata u l-applikazzjoni tal-miżura inkwistjoni u li jimponu minimu ta’ rekwiżiti, b’tali mod li l-persuni, li tagħhom tkun inżammet id-data, ikollhom garanziji suffiċjenti li jippermettu li din id-data tiġi protetta b’mod effettiv kontra r-riskji ta’ abbuż. Din il-leġiżlazzjoni għandha tkun legalment vinkolanti fid-dritt intern u, b’mod partikolari, hija għandha tindika f’liema ċirkustanzi u taħt liema kundizzjonijiet tista’ tittieħed miżura li tipprevedi l-ipproċessar ta’ tali data, u b’hekk jiġi ggarantit li l-indħil ikun limitat għal dak li huwa strettament neċessarju. In-neċessità li jkun hemm tali garanziji hija iktar u iktar importanti meta d-data personali tkun suġġetta għal ipproċessar awtomatizzat, b’mod partikolari meta jkun hemm riskju sinjifikattiv ta’ aċċess illeċitu għal din id-data. Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw b’mod partikolari meta tkun involuta l-protezzjoni tal-kategorija partikolari ta’ data personali li hija d-data sensittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 54 u 55, kif ukoll tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 117; u l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada), tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 141). |
69 |
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 15(1) tad‑Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 8 u 11 kif ukoll tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li t-trażmissjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni lil persuni minbarra l-utenti, bħal lil servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni, tidderoga mill-prinċipju ta’ kunfidenzjalità. Meta din it‑tranżazzjoni ssir, bħal f’dan il-każ, b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni, din ikollha l-effett li tittrasforma f’regola d-deroga mill-obbligu ta’ prinċipju li tiġi żgurata l‑kunfidenzjalità tad-data, minkejja li s-sistema implimentata bid‑Direttiva 2002/58 tirrikjedi li tali deroga tibqa’ l-eċċezzjoni. |
70 |
Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it‑trażmissjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni lil terz tikkostitwixxi ndħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, ikun xi jkun l-użu ulterjuri li jsir minn din id-data. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti jekk l-informazzjoni relatata mal-ħajja privata kkonċernata hijiex ta’ natura sensittiva jew le, jew jekk il-persuni kkonċernati jkunux sofrew eventwali inkonvenjenzi jew le minħabba dan l-indħil (ara, f’dan is-sens, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punti 124 u 126 u l-ġurisprudenza ċċitata, u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punti 115 u 116). |
71 |
L-indħil li ġġib magħha t-trażmissjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni fid-dritt sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta għandu jkun ikkunsidrat bħala partikolarment serju, fid-dawl b’mod partikolari tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li tista’ tagħti din id-data, u tal-possibbiltà li minn din id-data jiġi stabbilit il-profil tal‑persuni kkonċernati, informazzjoni li hija daqstant ieħor sensittiva bħalma huwa l-kontenut stess tal-komunikazzjonijiet. Barra minn hekk, tista’ toħloq f’moħħ il-persuni kkonċernati s-sensazzjoni li l-ħajja privata tagħhom hija s‑suġġett ta’ sorveljanza kostanti (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 27 u 37, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punti 99 u 100). |
72 |
Għandu jiġi rrilevat ukoll li trażmissjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni lil awtoritajiet pubbliċi għal finijiet ta’ sigurtà tista’, fiha nnifisha, tikkawża preġudizzju għad-dritt tar-rispett tal-komunikazzjonijiet, sanċit fl-Artikolu 7 tal-Karta, u ġġib magħha effetti dissważivi fuq l-eżerċizzju, mill-utenti ta’ mezzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, tal-libertà tal-espressjoni tagħhom, iggarantita bl-Artikolu 11 tagħha. Tali effetti dissważivi jistgħu jaffettwaw b’mod partikolari l-persuni li l-komunikazzjonijiet tagħhom huma suġġetti, skont ir-regoli nazzjonali, għas-sigriet professjonali u lill‑informaturi li l‑attivitajiet tagħhom huma protetti mid-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU 2019, L 305, p. 17). Barra minn hekk, dawn l-effetti jkunu iktar serji iktar ma jkunu għolja n-numru u l-varjetà ta’ data miżmuma (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland etC‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 28; tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 101; u tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punt 118). |
73 |
Finalment, fid-dawl tal-kwantità sinjifikattiva ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni li tista’ tinżamm b’mod kontinwu permezz ta’ miżura ta’ żamma ġġeneralizzata kif ukoll tan-natura sensittiva tal-informazzjoni li din id-data tista’ tagħti, is-sempliċi żamma tal-imsemmija data mill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi tinvolvi riskji ta’ abbuż u ta’ aċċess illeċitu. |
74 |
Fir-rigward ta’ għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw tali ndħil, b’mod iktar partikolari tal-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li l-Artikolu 4(2) TUE jistipula li s-sigurtà nazzjonali tibqa’ fil-kompetenza esklużiva ta’ kull Stat Membru. Din ir‑responsabbiltà tikkorrispondi mal-interess primordjali ta’ protezzjoni tal‑funzjonijiet essenzjali tal-Istat u tal-interessi fundamentali tas-soċjetà u tinkludi l-prevenzjoni u r-ripressjoni ta’ attivitajiet li jistgħu jiddestabilizzaw b’mod serju l‑istrutturi kostituzzjonali, politiċi, ekonomiċi jew soċjali fundamentali ta’ pajjiż, u b’mod partikolari li jheddu direttament is-soċjetà, il-popolazzjoni jew l-Istat bħala tali, bħal b’mod partikolari attivitajiet terroristiċi (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punt 135). |
75 |
Issa, l-importanza tal-għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 4(2) TUE, tmur lil hinn minn dik tal-għanijiet l-oħra msemmija fl‑Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, b’mod partikolari l-għanijiet tal-ġlieda kontra l-kriminalità b’mod ġenerali, anki dik serja, u ta’ salvagwardja tas-sigurtà pubblika. Fil-fatt, theddidiet bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti huma differenti, min-natura tagħhom u mill-gravità partikolari tagħhom, mir-riskju ġenerali li jista’ jkun hemm tensjoni jew inkwiet, anki serji, li jaffettwaw is-sigurtà pubblika. Sakemm jiġu osservati r-rekwiżiti l-oħra previsti fl-Artikolu 52(1) tal-Karta, l‑għan ta’ salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali jista’ għalhekk jiġġustifika miżuri li jwasslu għal indħil fid-drittijiet fundamentali iktar serju minn dak li jistgħu jiġġustifikaw dawk l-għanijiet l-oħra (sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2020, La Quadrature du Net et, C‑511/18, C‑512/18 u C‑520/18, punt 136). |
76 |
Madankollu, sabiex jiġi ssodisfatt ir-rekwiżit ta’ proporzjonalità mfakkar fil‑punt 67 ta’ din is-sentenza, li jgħid li d-derogi mill-protezzjoni ta’ data personali u l‑limitazzjonijiet tagħha għandhom ikunu fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju, leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għal indħil fid-drittijiet fundamentali sanċiti fl-Artikoli 7 u 8 tal-Karta għandha tissodisfa r-rekwiżiti li jirriżultaw mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 65, 67 u 68 ta’ din is-sentenza. |
77 |
B’mod partikolari, fir-rigward tal-aċċess li awtorità għandha għal data personali, leġiżlazzjoni ma għandhiex tkun limitata li titlob biss li l-aċċess tal-awtoritajiet għad-data jissodisfa l-għan li għandu jintlaħaq minn din il-leġiżlazzjoni, iżda għandha tipprevedi wkoll il-kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali li jirregolaw dan l-użu (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 192 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
78 |
B’hekk, u peress li aċċess ġenerali għad-data kollha miżmuma, indipendentement minn kwalunkwe rabta, anki jekk indiretta, mal-għan imfittex, ma jistax jitqies li huwa limitat għal dak li jkun strettament neċessarju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-aċċess għad-data dwar it-traffiku u għad-data dwar il-lokalizzazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq kriterji oġġettivi sabiex tiddefinixxi ċ-ċirkustanzi u l‑kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jingħataw aċċess għad-data inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 119 u l‑ġurisprudenza ċċitata). |
79 |
Dawn ir-rekwiżiti japplikaw, a fortiori, għal miżura leġiżlattiva, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti tista’ tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jibagħtu permezz ta’ trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it‑traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni. Fil-fatt, tali trażmissjoni għandha l-effett li tqiegħed din id-data għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi (ara, b’analoġija, l-Opinjoni 1/15 (Ftehim PNR Unjoni‑Kanada) tas-26 ta’ Lulju 2017, EU:C:2017:592, punt 212). |
80 |
Peress li t-trażmissjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni ssir b’mod iġġeneralizzat u mingħajr distinzjoni, hija tirrigwarda b’mod globali l‑persuni kollha li jużaw servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi. Għaldaqstant hija tapplika anki għal persuni li fil-konfront tagħhom ma teżisti ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li l-aġir tagħhom jista’ jkollu rabta, anki indiretta jew remota, mal‑għan tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali u, b’mod partikolari, mingħajr ma jkun hemm relazzjoni bejn id-data li ż-żamma tagħha hija prevista u theddida għas‑sigurtà nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ April 2014, Digital Rights Ireland et, C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punti 57 u 58, u tal-21 ta’ Diċembru 2016, Tele2, C‑203/15 u C‑698/15, EU:C:2016:970, punt 105). Fid‑dawl tal-fatt li t-trażmissjoni ta’ tali data lill-awtoritajiet pubbliċi hija ekwivalenti, skont dak li ġie kkonstatat fil-punt 79 ta’ din is-sentenza, għal aċċess, għandu jiġi kkunsidrat li leġiżlazzjoni li tippermetti trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data lill-awtoritajiet pubbliċi timplika aċċess ġenerali. |
81 |
Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga lill-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi jibagħtu, permezz ta’ trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il-lokalizzazzjoni, lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni, teċċedi l-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju u ma għandhiex tkun ikkunsidrata bħala ġġustifikata, f’soċjetà demokratika, kif jirrikjedi l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal-Artikolu 4(2) TUE u tal-Artikoli 7, 8 u 11 u tal-Artikolu 52(1) tal‑Karta. |
82 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2002/58, moqri fid-dawl tal‑Artikolu 4(2) TUE u tal-Artikoli 7, 8 u 11 u tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li awtorità tal-Istat timponi, għall-finijiet tas-salvagwardja tas-sigurtà nazzjonali, fuq il-fornituri ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi, l-obbligu ta’ trażmissjoni ġġeneralizzata u mingħajr distinzjoni ta’ data dwar it-traffiku u ta’ data dwar il‑lokalizzazzjoni lis-servizzi ta’ sigurtà u ta’ ġbir ta’ informazzjoni. |
Fuq l-ispejjeż
83 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in‑natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal‑osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.