SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

11 ta’ Marzu 2020 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni tal-konsumaturi – Direttiva 93/13/KEE – Klawżoli inġusti fil-kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Kuntratt ta’ self iddenominat f’munita – Artikolu 4(1) – Teħid inkunsiderazzjoni tal-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt għall-finijiet tal-evawlazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżola kkontestata – Artikolu 6(1) – Eżami ex officio mill-qorti nazzjonali tan-natura inġusta tal-klawżoli inklużi fil-kuntratt – Portata”

Fil-Kawża C‑511/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Györgyné Lintner

vs

UniCredit Bank Hungary Zrt.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Imħallef tat-Tielet Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský u F. Biltgen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Settembru 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal UniCredit Bank Hungary Zrt., minn Z. Lajer, A. Szőke u J. Pettkó‑Szandtner, ügyvédek,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Havas u N. Ruiz García, bħala aġenti,

– wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad‑19 ta’ Diċembru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Györgyné Lintner u UniCredit Bank Hungary Zrt. (iktar ’il quddiem “UniCredit Bank”) dwar in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-wieħed u għoxrin premessa tad-Direttiva 93/13:

“Billi l-Istati Membri għandhom jiżguraw li ma jintużawx klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi ma’ konsumaturi minn bejjiegħ jew fornitur u li jekk, madankollu, dawn il-klawżoli jintużaw, m’għandhomx jorbtu lill-konsumatur, u l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawk il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi li jibqa’ jeżisti mingħajr id-disposizzjonijiet inġusti.”

4

L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, il-karattru inġust ta’ klawżola kuntrattwali għandu jiġi stmat, billi titqies in-natura tal-merkanzija jew servizzi li għalihom ikun kien konkluż il-kuntratt u ssir referenza, filwaqt li jiġi konkluż il-kuntratt, għaċ-ċirkostanzi kollha preżenti waqt il-konklużjoni tal-kuntratt u għall-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt jew ta’ kuntratt ieħor li jiddependi fuqu,”

5

L-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu li klawżoli inġusti użati f’kuntratt konkluż ma konsumatur minn bejjiegħ jew fornitur għandhom, kif previst fil-liġi nazzjonali tagħhom, ma jkunux jorbtu lill-konsumatur u li l-kuntratt għandu jkompli jorbot lill-partijiet fuq dawn il-klawżoli jekk dan ikun kapaċi jkompli jeżisti mingħajr il-klawżoli inġusti.”

6

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13 jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fl-interessi tal-konsumaturi u l-kompetituri, jeżistu mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti f’kuntratti konklużi mal-konsumaturi mill-bejjiegħa jew fornituri.”

7

L-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur.”

Id-dritt Ungeriż

8

Skont l-Artikolu 3(2) tal-Polgári perrendtartásról szóló 1952. Évi III. törvény (il-Liġi Nru III tal‑1952 dwar il-Proċedura Ċivili), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Proċedura Ċivili”):

“Il-qorti – fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali li tipprovdi mod ieħor – għandha tkun marbuta mis-sottomissjonijiet u mid-dikjarazzjonijiet legali magħmula mill-partijiet. Il-qorti għandha tikkunsidra talbiet u dikjarazzjonijiet magħmula mill-partijiet fid-dawl tal-kontenut tagħhom u mhux fid-dawl tal-isem formali tagħhom. […]”

9

L-Artikolu 23(1) tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Il-qrati tal-kontea għandhom ġurisdizzjoni sabiex jisimgħu:

[…]

(k)

kawżi li fihom tkun qiegħda tintalab dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ klawżoli kuntrattwali inġusti;

[…]”

10

L-Artikolu 73/A(1) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“Rappreżentanza legali hija obbligatorja:

[…]

(b)

f’kawżi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni ta’ qorti tal-kontea bħala qorti tal-ewwel istanza, f’kull stadju tal-proċedura, u wkoll fil-kuntest ta’ appell […].”

11

Skont l-Artikolu 215 tal-Liġi dwar il-Proċedura Ċivili:

“Id-deċiżjoni ta’ qorti ma tistax tmur lil hinn minn dak li jkun intalab fir-rikors jew fir-risposta; din ir-regola tapplika wkoll għal talbiet li huma anċillari għat-talba prinċipali (interessi, spejjeż, eċċ.).”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fit‑13 ta’ Diċembru 2007, G. Lintner ikkonkludiet ma’ UniCredit Bank kuntratt ta’ self ipotekarju ddenominat f’munita barranija. Dan il-kuntratt jinkludi ċerti klawżoli li jagħtu lil UniCredit Bank id-dritt li temenda unilateralment l-imsemmi kuntratt.

13

Fit‑18 ta’ Lulju 2012, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija) ġiet adita b’rikors ippreżentat minn G. Lintner, ibbażat b’mod partikolari fuq id-Direttiva 93/13, intiż sabiex tiġi kkonstatata l-invalidità, b’effett retroattiv, tal-imsemmija klawżoli. Permezz ta’ sentenza mogħtija fid‑29 ta’ Awwissu 2013, din il-qorti ċaħdet l-imsemmi rikors.

14

Permezz ta’ digriet mogħti fl‑1 ta’ April 2014, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest, l-Ungerija), fuq appell ippreżentat minn G. Lintner, annullat din is-sentenza u bagħtet il-kawża lura lill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest). Il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) fakkret, f’dan id-digriet, li, fil-ġurisprudenza tagħha dwar id-Direttiva 93/13, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet sistematikament invokat il-prinċipju li jipprovdi li l-qorti għandha, fil-kawżi li jirrigwardaw kuntratti konklużi ma’ konsumaturi, teżamina ex officio n-natura inġusta tal-klawżoli inklużi f’dawn il-kuntratti. Hija ppreċiżat, f’dan ir-rigward, li, skont l-interpretazzjoni tagħha tal-imsemmija direttiva u tal-ġurisprudenza relatata magħha, kif ukoll tad-dritt nazzjonali applikabbli, applikazzjoni effettiva ta’ din id-direttiva hija possibbli biss jekk il-qorti nazzjonali teżamina ex officio l-kuntratt kontenzjuż kollu. B’hekk hija tat istruzzjoni lill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tistieden lir-rikorrenti tiddikjara jekk hija xtaqitx tinvoka n-natura inġusta tal-klawżoli msemmija fl-imsemmi digriet jew ta’ klawżoli oħra tal-kuntratt li ma kinux imsemmija fir-rikors inizjali tagħha, u jekk hija kinitx tqis ruħha marbuta mill-imsemmi kuntratt ladarba jiġu esklużi l-klawżoli inkwistjoni.

15

Permezz ta’ digriet mogħti fis‑7 ta’ Diċembru 2015, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), wara li kompliet l-eżami tal-kawża, temmet il-proċedura, minħabba li G. Lintner ma kinitx laqgħet l-istedina li kienet saritilha sabiex tressaq talba “għall-applikazzjoni tal-konsegwenzi legali tad-dikjarazzjoni ta’ invalidità”, konformement ma’ leġiżlazzjoni ad hoc dwar kuntratti ta’ self iddenominati f’munita barranija, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, adottata matul is-sena 2014, sussegwentement għall-konklużjoni tal-kuntratti ta’ self li din tirrigwarda. Din il-leġiżlazzjoni tinkludi b’mod partikolari l-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. Évi XXXVIII. törvény (il-Liġi Nru XXVIII tal‑2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema, l-Ungerija) sabiex tiġi protetta l-uniformità tal-liġi dwar kuntratti ta’ self konklużi minn istituzzjonijiet finanzjarji ma’ konsumaturi) u l-Kúriának a pénzügyi intézmények fogyasztói kölcsönszerződéseire vonatkozó jogegységi határozatával kapcsolatos egyes kérdések rendezéséről szóló 2014. évi XXXVIII. törvényben rögzített elszámolás szabályairól és egyes egyéb rendelkezésekről szóló 2014. évi XL. törvény) (il-Liġi Nru XL tal‑2014 dwar ir-Regoli li Jirregolaw Għeluq il-Kontijiet Imsemmija fil-Liġi Nru XXXVIII tal‑2014 li Tirregola Materji Speċifiċi Marbuta mad-Deċiżjoni tal-Kúria (il-Qorti Suprema) sabiex tiġi protetta l-uniformità tal-liġi dwar kuntratti ta’ self konklużi minn istituzzjonijiet finanzjarji ma’ konsumaturi u dispożizzjonijiet oħra, iktar ’il quddiem, rispettivament, il-“Liġijiet DH1 u DH2”), li jinkludu dispożizzjonijiet li jirregolaw il-konstatazzjoni tan-natura inġusta kif ukoll il-konsegwenzi li għandhom jinstiltu, fir-rigward ta’ ċerti klawżoli inklużi f’dawn il-kuntratti, jiġifieri dawk relatati, minn-naħa, mal-possibbiltà unilaterali li jiġi emendat il-kuntratt u, min-naħa l-oħra mad-differenza bejn ir-rata tal-bejgħ u r-rata tax-xiri tal-munita kkonċernata

16

Fid‑29 ta’ Marzu 2016, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest), adita mill-ġdid b’appell ippreżentat minn G. Lintner, ikkonfermat l-imsemmi digriet fir-rigward tal-klawżoli tal-kuntratt koperti mil-Liġijiet DH1 u DH2, iżda annullatu għall-kumplament u ordnat lill-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) tagħti deċiżjoni ġdida.

17

F’dan ir-rigward, il-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) qieset li, għalkemm il-klawżoli koperti mil-Liġijiet DH1 u DH2 ma setgħux effettivament ikunu iktar is-suġġett ta’ deċiżjoni ġudizzjarja, il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) kellha madankollu, fid-dawl tat-talbiet ta’ G. Lintner, teżamina l-klawżoli ta’ dan l-istess kuntratt li jirrigwardaw iċ-ċertifikat notarili, ir-raġunijiet għal xoljiment u ċerti spejjeż sostnuti mill-konsumatur.

18

Il-Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest), mitluba tiddeċiedi dwar l-imsemmija klawżoli, tirrileva li hija għaldaqstant obbligata teżamina ex officio klawżoli kuntrattwali li G. Lintner ma kkritikatx fl-ewwel istanza, mingħajr lanqas ma din tal-aħħar semmiet, fil-motivi tar-rikors tagħha, punti ta’ fatt li kienu ppermettew li jiġi dedott li hija kienet qiegħda titlob ukoll il-konstatazzjoni tan-natura inġusta tal-klawżoli indikati mill-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest).

19

Konsegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar sa fejn, minn naħa, hija għandha twettaq l-eżami tan-natura inġusta ta’ kull klawżola ta’ kuntratt li ċerti klawżoli tiegħu huma s-suġġett tar-rikors ippreżentat mill-konsumatur u, min-naħa l-oħra, hija marbuta, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, mit-talbiet tar-rikorrenti. Il-qorti tar-rinviju tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari għas-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM (C‑243/08, EU:C:2009:350), li minnha jirriżulta li l-evalwazzjoni ex officio tan-natura inġusta tal-klawżoli hija mmotivata mill-fatt li l-konsumatur jinjora d-drittijiet tiegħu jew li huwa skoraġġut milli jinvokahom, minħabba l-ispejjeż li azzjoni ġudizzjarja tinvolvi. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, fid-dritt Ungeriż, il-proċeduri intiżi għall-konstatazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżoli kuntrattwali jistgħu jitressqu biss permezz tal-patroċinju ta’ avukat.

20

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il- Fővárosi Törvényszék (il-Qorti tal-Belt ta’ Budapest) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva [93/13] – fid-dawl ukoll tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timponi rappreżentanza legali – għandu jiġi interpretat fis-sens li kull waħda mill-klawżoli tal-kuntratt għandha tiġi eżaminata individwalment mill-perspettiva ta’ jekk tistax tiqies inġusta, indipendentement minn jekk eżami tal-klawżoli kollha tal-kuntratt huwiex realment meħtieġ sabiex tingħata deċiżjoni dwar it-talbiet magħmula fil-kuntest tar-rikors?

(2)

Jew inkella, bil-kontra ta’ dak li huwa espost fil-kuntest tal-ewwel domanda, l-Artikolu 6(1) tad-[Direttiva 93/13] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt għandhom jiġu eżaminati biex tiġi konkluża n-natura inġusta tal-klawżola li fuqha hija bbażata t-talba?

(3)

Jekk it-tieni domanda tingħata risposta fl-affermattiv, dan jista’ jfisser li sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata n-natura inġusta tal-klawżola inkwistjoni huwa meħtieġ eżami tal-kuntratt fit-totalità tiegħu, jiġifieri li n-natura inġusta ta’ kull wieħed mill-elementi ma għandiex tiġi eżaminata b’mod awtonomu, indipendentement mill-klawżola kkontestata fil-kuntest tar-rikors?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

21

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandux jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’rikors ippreżentat minn konsumatur u intiż li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratt li dan tal-aħħar ikun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, hija obbligata teżamina ex officio u individwalment il-klawżoli kuntrattwali l-oħra kollha, li ma ġewx ikkontestati minn dan il-konsumatur, sabiex tivverifika jekk dawn jistgħux jitqiesu bħala inġusti.

22

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikors inizjali ppreżentat minn G. Lintner kien intiż biss sabiex tiġi kkonstatata n-natura inġusta tal-klawżoli kuntrattwali li jagħtu lil UniCredit Bank il-possibbiltà temenda unilateralment il-kuntratt ta’ self inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Madankollu, fl-istadju attwali tal-istanza, il-qorti tar-rinviju hija mitluba tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk hijiex obbligata, skont id-Direttiva 93/13, li testendi ex officio, hekk kif tobbligaha tagħmel id-deċiżjoni tal-Fővárosi Ítélőtábla (il-Qorti tal-Appell Reġjonali tal-Belt ta’ Budapest) mogħtija fl-appell, it-tilwima pendenti quddiemha għall-evalwazzjoni tan-natura eventwalment inġusta tal-klawżoli ta’ dan il-kuntratt li jirrigwardaw iċ-ċertifikat notarili, ir-raġunijiet għax-xoljiment tiegħu u ċerti spejjeż imposti fuq G. Lintner, minkejja li dawn il-klawżoli tal-aħħar ma kinux ġew ikkontestati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fir-rikors inizjali tagħha.

23

F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema ta’ protezzjoni implimentata mid-Direttiva 93/13 hija bbażata fuq l-idea li l-konsumatur jinsab f’sitwazzjoni ta’ inferjorità meta mqabbel mal-bejjiegħ jew mal-fornitur, għal dak li jirrigwarda kemm is-setgħa ta’ negozjar kif ukoll il-livell ta’ informazzjoni, sitwazzjoni li twasslu jaderixxi mal-kundizzjonijiet redatti minn qabel mill-bejjiegħ jew mill-fornitur, mingħajr ma jkun jista’ jeżerċita influwenza fuq il-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 22, u tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 26).

24

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fir-rigward ta’ din is-sitwazzjoni ta’ inferjorità, l-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-klawżoli inġusti ma jorbtux lill-konsumaturi. Hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, din hija dispożizzjoni obbligatorja li hija intiża li tbiddel il-bilanċ formali li l-kuntratt jistabbilixxi bejn id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet kontraenti f’bilanċ reali li jista’ jistabbilixxi mill-ġdid l-ugwaljanza bejniethom (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

Sabiex tiżgura l-protezzjoni mixtieqa mill-imsemmija direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li s-sitwazzjoni ta’ inugwaljanza bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur tista’ tiġi kkumpensata biss b’intervent pożittiv, li ma jiġix mill-partijiet fil-kuntratt biss (sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 48, u tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Għalhekk, fl-ewwel lok u skont ġurisprudenza stabbilita, il-qorti nazzjonali hija obbligata tevalwa ex officio, meta jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, in-natura inġusta ta’ klawżola kuntrattwali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 u, b’hekk, tirrimedja n-nuqqas ta’ bilanċ li jeżisti bejn il-konsumatur u l-bejjiegħ jew il-fornitur (sentenzi tas‑17 ta’ Mejju 2018, Karel de Grote – Hogeschool Katholieke Hogeschool Antwerpen, C‑147/16, EU:C:2018:320, punt 29, u tal‑20 ta’ Settembru 2018, OTP Bank u OTP Faktoring, C‑51/17, EU:C:2018:750 punt 87 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

27

Għaldaqstant, l-eżami ex officio obbligatorju li l-qorti nazzjonali adita għandha twettaq skont id-Direttiva 93/13 huwa limitat, inizjalment, għall-klawżoli kuntrattwali li n-natura inġusta tagħhom tista’ tiġi stabbilita abbażi tal-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jinsabu fil-proċess li għandha l-imsemmija qorti nazzjonali. Fil-fatt, jekk din tal-aħħar ma jkollhiex dawn il-punti kollha, hija ma tkunx f’pożizzjoni li twettaq dan l-eżami (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2018, Profi Credit Polska, C‑176/17, EU:C:2018:711, punti 4647).

28

Tali eżami għandu, fit-tieni lok, josserva l-limiti tas-suġġett tat-tilwima, mifhuma bħala r-riżultat li parti trid tilħaq permezz tal-pretensjonijiet tagħha, moqrija fid-dawl tat-talbiet u tal-motivi ppreżentati għal dan il-għan.

29

Qabel kollox, minkejja li l-protezzjoni tal-konsumatur mixtieqa mid-Direttiva 93/13 teżiġi intervent pożittiv mill-qorti nazzjonali adita, xorta waħda huwa neċessarju, sabiex din il-protezzjoni tkun tista’ tingħata, li proċedura ġudizzjarja tkun tressqet minn waħda mill-partijiet fil-kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Ottubru 2015, ERSTE Bank Hungary, C‑32/14, EU:C:2015:637, punt 63).

30

Sussegwentement, l-effettività tal-protezzjoni li l-qorti nazzjonali kkonċernata hija meqjusa li tagħti, bis-saħħa tal-imsemmija direttiva, lill-konsumatur permezz ta’ intervent ex officio, ma tistax tasal sal-punt li tinjora jew teċċedi l-limiti tas-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mill-partijiet permezz tat-talbiet tagħhom, moqrija fid-dawl tal-motivi invokati minnhom, b’tali mod li l-imsemmija qorti nazzjonali ma hijiex obbligata testendi din it-tilwima lil hinn mit-talbiet u mill-motivi mressqa quddiem din il-qorti, billi tanalizza b’mod individwali, sabiex tivverifika n-natura eventwalment inġusta tagħhom, il-klawżoli l-oħra kollha ta’ kuntratt li xi wħud minnhom biss huma s-suġġett tar-rikors ippreżentat quddiemha.

31

Din l-evalwazzjoni hija ġġustifikata b’mod partikolari mill-fatt li hemm riskju li l-prinċipju dispożittiv, li jipprovdi li l-partijiet jiddefinixxu s-suġġett tat-tilwima, kif ukoll il-prinċipju ne ultra petita, li jipprovdi li l-qorti ma għandhiex tiddeċiedi lil hinn mit-talbiet tal-partijiet, li għalihom irrefera wkoll il-Gvern Ungeriż waqt is-seduta, ma jiġux osservati jekk il-qrati nazzjonali jkunu obbligati, skont id-Direttiva 93/13, jinjoraw jew imorru lil hinn mil-limiti tas-suġġett tat-tilwima stabbiliti mit-talbiet u mill-motivi tal-partijiet, hekk kif essenzjalment irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 u 51 tal-konklużjonijiet tiegħu.

32

Għaldaqstant, huwa fil-limiti tas-suġġett tat-tilwima li biha hija adita li l-qorti nazzjonali hija mitluba teżamina ex officio klawżola kuntrattwali abbażi tal-protezzjoni li għandha tingħata lill-konsumatur bis-saħħa tad-Direttiva 93/13, sabiex jiġi evitat li t-talbiet ta’ dan tal-aħħar jiġu miċħuda permezz ta’ deċiżjoni li tkun saret, jekk ikun il-każ, res judicata, filwaqt li dawn setgħu jiġu milqugħa li kieku dan il-konsumatur ma kienx, minħabba nuqqas ta’ għarfien, naqas milli jinvoka n-natura inġusta ta’ din il-klawżola.

33

Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li, sabiex il-konsumatur ikun jista’ jibbenefika bis-sħiħ mill-protezzjoni li d-Direttiva 93/13 tagħtih u sabiex ma jiġix ippreġudikat l-effett utli ta’ din il-protezzjoni, il-qorti nazzjonali ma għandhiex twettaq qari formalist tat-talbiet li jitressqu quddiemha, iżda għandha, għall-kuntrarju, tifhem il-kontenut tagħhom fid-dawl tal-motivi invokati insostenn tagħhom.

34

Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 27 sa 33 ta’ din is-sentenza jirriżulta li huma biss il-klawżoli kuntrattwali li, minkejja li ma humiex koperti mir-rikors tal-konsumatur, huma marbuta mas-suġġett tat-tilwima hekk kif iddefinit mill-partijiet fid-dawl tat-talbiet u tal-motivi tagħhom, li jaqgħu taħt l-obbligu ta’ eżami ex officio li għandha l-qorti nazzjonali adita u li għandhom jiġu eżaminati, sabiex tiġi vverifikata n-natura eventwalment inġusta tagħhom, meta din il-qorti jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan.

35

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-implimentazzjoni ta’ dan l-obbligu ta’ eżami ex officio, minkejja li dan tal-aħħar huwa limitat għall-klawżoli msemmija fil-punt preċedenti, minn dan ma jistax madankollu jiġi dedott li l-qorti nazzjonali adita għandha, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, tillimita ruħha, f’kull każ, esklużivament għall-punti ta’ liġi u ta’ fatt invokati mill-partijiet, sabiex tillimita l-imsemmi eżami għall-klawżoli li n-natura inġusta tagħhom tista’ tiġi evalwata b’mod definittiv abbażi ta’ dawn il-punti biss.

36

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li l-qorti nazzjonali għandha tadotta ex officio miżuri istruttorji, sabiex tistabbilixxi jekk klawżola inkluża fil-kuntratt li huwa s-suġġett tat-tilwima li għandha quddiemha, u li jkun ġie konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur, taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 93/13 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 2010, VB Pénzügyi Lízing, C‑137/08, EU:C:2010:659, punt 56, u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 66).

37

Bl-istess mod, u hekk kif irrileva wkoll, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 61 sa 64 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk il-punti ta’ liġi u ta’ fatt inklużi fil-fajl ippreżentat quddiem il-qorti nazzjonali jqajmu dubji serji fir-rigward tan-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli li ma ġewx imsemmija mill-konsumatur, iżda li għandhom rabta mas-suġġett tat-tilwima, mingħajr madankollu ma jkun possibbli li jsiru evalwazzjonijiet definittivi f’dan ir-rigward, hija l-qorti nazzjonali li għandha, jekk ikun meħtieġ ex officio, tadotta miżuri istruttorji sabiex tikkompleta dan il-fajl, billi titlob lill-partijiet, b’osservanza tal-kontradittorju, jipprovdulha l-kjarifiki u d-dokumenti neċessarji għal dan il-għan.

38

Minn dan jirriżulta li l-qorti nazzjonali hija obbligata tadotta ex officio miżuri istruttorji, bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, sakemm il-punti ta’ liġi u ta’ fatt li jinsabu diġà fl-imsemmi fajl iqajmu dubji serji dwar in-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli li, minkejja li ma ġewx ikkontestati mill-konsumatur, huma marbuta mas-suġġett tat-tilwima, u sakemm, konsegwentement, l-implimentazzjoni tal-eżami ex officio li din il-qorti għandha twettaq jeżiġi li tali miżuri istruttorji jiġu adottati.

39

F’dan il-każ, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 22 ta’ din is-sentenza jidher li jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-klawżoli li ma ġewx ikkontestati minn G. Lintner ma humiex marbuta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, inkwantu s-segwitu li għandu jingħata lit-talbiet ta’ din tal-aħħar, li jirrigwardaw speċifikament il-klawżoli li jippermettu lil UniCredit Bank temenda unilateralment il-kuntratt, bl-ebda mod ma jiddependi fuq deċiżjoni dwar dawn il-klawżoli. Issa, f’dan il-każ, l-obbligu ta’ eżami ex officio li jirriżulta mid-Direttiva 93/13 ma jestendix għall-imsemmija klawżoli, bla ħsara għall-verifiki li l-qorti tar-rinviju għandha, jekk ikun il-każ, twettaq fir-rigward tas-suġġett preċiż tal-imsemmija tilwima, fid-dawl tat-talbiet u tal-motivi mressqa minn G. Lintner. Din il-konstatazzjoni hija madankollu bla ħsara għall-possibbiltà li G. Lintner tkun tista’, jekk ikun il-każ, tippreżenta, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, rikors ġdid li jirrigwarda l-klawżoli tal-kuntratt li ma kinux is-suġġett tar-rikors inizjali tagħha jew testendi s-suġġett tat-tilwima li biha hija adita l-qorti tar-rinviju, fuq stedina tal-imsemmija qorti jew fuq inizjattiva tagħha stess.

40

Barra minn hekk, il-fatt li G. Lintner hija rrappreżentata minn avukat ma għandux effett fuq l-analiżi preċedenti, peress li l-kwistjoni, ta’ natura ġenerali, tal-portata tal-eżami ex officio li l-qorti nazzjonali adita għandha twettaq għandha tiġi solvuta mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi konkreti ta’ kull proċedura (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2007, Rampion u Godard, C‑429/05, EU:C:2007:575, punti 6265).

41

Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 93/13, “[l]-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu l-aktar disposizzjonijiet stretti kompatibbli mat-Trattat fil-qasam kopert minn din id-Direttiva, biex jiżguraw grad massimu ta’ protezzjoni għall-konsumatur”. Konsegwentement, l-Istati Membri jibqgħu liberi li jipprevedu, fid-dritt intern tagħhom, eżami ex officio iktar estiż minn dak li l-qrati tagħhom għandhom iwettqu skont din id-direttiva, b’mod konformi mal-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 28 sa 38 ta’ din is-sentenza.

42

It-tieni nett, fil-każ li l-qorti nazzjonali, wara li tkun stabbilixxiet, abbażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi li hija għandha jew li jkunu ġew ikkomunikati lilha wara l-miżuri istruttorji li hija tkun adottat ex officio għal dan il-għan, li klawżola taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva, tikkonstata, fi tmiem tal-evalwazzjoni li hija tkun wettqet ex officio, li din il-klawżola hija ta’ natura inġusta, hija, bħala regola ġenerali, obbligata tinforma b’dan lill-partijiet fil-kawża u tistedinhom jiddiskutuha b’mod kontradittorju, skont ir-rekwiżiti formali previsti f’dan ir-rigward mir-regoli proċedurali nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punti 3132, kif ukoll tas‑7 ta’ Novembru 2019, Profi Credit Polska, C‑419/18 u C‑483/18, EU:C:2019:930, punt 70).

43

It-tielet nett, il-qorti nazzjonali ma hijiex obbligata, skont id-Direttiva 93/13, teskludi l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli kuntrattwali jekk il-konsumatur, wara li jkun ġie avżat mill-imsemmija qorti, ma jkollux l-intenzjoni jinvoka n-natura inġusta u mhux vinkolanti tagħhom (sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, Pannon GSM, C‑243/08, EU:C:2009:350, punt 33).

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’rikors ippreżentat minn konsumatur u intiż li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratt li dan tal-aħħar ikun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, ma hijiex obbligata teżamina ex officio u individwalment il-klawżoli kuntrattwali l-oħra kollha, li ma ġewx ikkontestati minn dan il-konsumatur, sabiex tivverifika jekk dawn jistgħux jitqiesu bħala inġusti, iżda għandha teżamina biss dawk li huma marbuta mas-suġġett tat-tilwima, hekk kif din tal-aħħar ġiet iddelimitata mill-partijiet, meta hija jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, ikkompletati, jekk ikun il-każ, b’miżuri istruttorji.

Fuq it-tieni u t-tielet domanda

45

Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, jekk, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li sservi ta’ bażi għat-talbiet ta’ konsumatur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt li huwa jkun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, tali teħid inkunsiderazzjoni jimplika, bħala tali, obbligu, għall-qorti nazzjonali adita, li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli kollha.

46

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 93/13, il-qorti nazzjonali għandha, sabiex tevalwa n-natura eventwalment inġusta tal-klawżola kuntrattwali li sservi ta’ bażi għat-talba li hija adita biha, tieħu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-imsemmi kuntratt (sentenza tal‑21 ta’ Frar 2013, Banif Plus Bank, C‑472/11, EU:C:2013:88, punt 41).

47

Dan l-obbligu li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur huwa spjegat mill-fatt li l-eżami tal-klawżola kkontestata għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha li jistgħu jkunu rilevanti sabiex din il-klawżola tinftiehem fil-kuntest tagħha, sa fejn, skont il-kontenut ta’ dan il-kuntratt, jista’ jkun neċessarju, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura inġusta tal-imsemmija klawżola, li jiġi evalwat l-effett kumulattiv tal-klawżoli kollha tal-imsemmi kuntratt (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ April 2016, Radlinger u Radlingerová, C‑377/14, EU:C:2016:283, punt 95).

48

Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-kuntest tal-analiżi tal-ewwel domanda preliminari u hekk kif irrileva wkoll l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn dan madankollu ma jirriżultax li l-qorti nazzjonali hija obbligata teżamina ex officio dawn il-klawżoli kuntrattwali l-oħra b’mod awtonomu fir-rigward tan-natura possibbilment inġusta tagħhom, fil-kuntest tal-evalwazzjoni li hija twettaq abbażi tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, filwaqt li huwa veru li, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li sservi ta’ bażi għat-talbiet ta’ konsumatur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jimplikax, bħala tali, obbligu, għall-qorti nazzjonali adita, li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli kollha.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal‑5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandu jiġi interpretat fis-sens li qorti nazzjonali, adita b’rikors ippreżentat minn konsumatur u intiż li tiġi kkonstatata n-natura inġusta ta’ ċerti klawżoli inklużi f’kuntratt li dan il-konsumatur ikun ikkonkluda ma’ bejjiegħ jew fornitur, ma hijiex obbligata teżamina ex officio u individwalment il-klawżoli kuntrattwali l-oħra kollha, li ma ġewx ikkontestati mill-imsemmi konsumatur, sabiex tivverifika jekk dawn jistgħux jitqiesu bħala inġusti, iżda għandha teżamina biss dawk li huma marbuta mas-suġġett tat-tilwima, hekk kif din tal-aħħar ġiet iddelimitata mill-partijiet, meta hija jkollha l-punti ta’ liġi u ta’ fatt neċessarji għal dan il-għan, ikkompletati, jekk ikun il-każ, b’miżuri istruttorji.

 

2)

L-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, filwaqt li huwa veru li, sabiex tiġi evalwata n-natura inġusta tal-klawżola kuntrattwali li sservi ta’ bażi għat-talbiet ta’ konsumatur, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-klawżoli l-oħra kollha tal-kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u dan il-konsumatur, dan it-teħid inkunsiderazzjoni ma jimplikax, bħala tali, obbligu, għall-qorti nazzjonali adita, li teżamina ex officio n-natura eventwalment inġusta ta’ dawn il-klawżoli kollha.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.