SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Appell – Politika ekonomika u monetarja – Regolament (UE) Nru 1024/2013 – Artikolu 6(4) – Regolament (UE) Nru 468/2014 – Artikolu 70(1) – Superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu – Kompiti kkonferiti lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) – Mekkaniżmu Superviżorju Uniku – Eżerċizzju ta’ dawn il-kompiti mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali – Istituzzjoni ta’ kreditu ‘inqas sinjifikanti’ – ‘Ċirkustanzi partikolari’ li jiġġustifikaw li istituzzjoni ta’ kreditu titqies bħala ‘inqas sinjifikanti’”

Fil-Kawża C‑450/17 P

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-26 ta’ Lulju 2017,

Landeskreditbank Baden-WürttembergFörderbank, stabbilit f’Karlsruhe (il-Ġermanja), irrappreżentat minn A. Glos, T. Lübbig u M. Benzing, avukati,

appellant,

il-partijiet l-oħra fil-kawża huma:

Il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), irrappreżentat minn E. Koupepidou u R. Bax, bħala aġenti, assistiti minn H.-G. Kamann, Rechtsanwalt,

konvenut fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn W. Mölls u K.‑P. Wojcik, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, A. Rosas, L. Bay Larsen, u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-5 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tiegħu, il-Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank (iktar ’il quddiem il-“Landeskreditbank”) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ Mejju 2017, Landeskreditbank Baden-Württemberg vs BĊE (T‑122/15, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2017:337), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tiegħu intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ECB/SSM/15/1 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) tal-5 ta’ Jannar 2015 meħuda skont l-Artikolu 6(4) u l-Artikolu 24(7) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU 2013, L 287, p. 63) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1024/2013

2

Skont il-premessa 55 tar-Regolament Nru 1024/2013:

“Il-konferiment tal-kompiti superviżorji jimplika responsabbiltà sinifikanti għall-BĊE biex jissalvagwardja l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, u biex juża s-setgħat superviżorji tiegħu b’mod mill-aktar effikaċi u proporzjonat. […]”

3

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Dan ir-Regolament jikkonferixxi lill-BĊE kompiti speċifiċi fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, bil-għan li jikkontribwixxu għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni u kull Stat Membru, b’rigward sħiħ u bid-dover ta’ attenzjoni għall-unità u l-integrità tas-suq intern abbażi ta’ trattament ugwali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu bil-għan li jkun impedut arbitraġġ regolatorju.”

4

L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Fil-qafas tal-Artikolu 6, il-BĊE għandu, skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, ikun esklussivament kompetenti biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti li ġejjin b’rabta mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti:

[…]”

5

L-Artikolu 6 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.   Il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan MSU [mekkaniżmu superviżorju uniku] li huwa magħmul mill-BĊE u minn awtoritajiet kompetenti nazzjonali. Il-BĊE għandu jkun responsabbli mill-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.

[…]

4.   Fir-rigward tal-kompiti definiti fl-Artikolu 4, ħlief għall-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1 tiegħu, il-BĊE għandu jkollu r-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandu jkollhom ir-responsabbiltajiet stabbiliti fil-paragrafu 6 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas tal-proċeduri, u soġġett għall-proċeduri, imsemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, għas-superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-kumpaniji holding finanzjarji jew il-kumpaniji holding finanzjarji mħalltin li ġejjin jew fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti:

dawk li huma inqas sinifikanti fuq bażi konsolidata, fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi ħdan l-Istati Membri parteċipanti, jew individwalment fil-każ speċifiku tal-fergħat, li huma stabbiliti fi Stati Membri parteċipanti, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stati Membri mhux parteċipanti. Is-sinifikanza għandha tkun ivvalutata abbażi tal-kriterji li ġejjin:

i)

id-daqs;

ii)

l-importanza għall-ekonomija tal-Unjoni jew kwalunkwe Stat Membru parteċipanti;

iii)

is-sinifikanza tal-attivitajiet transkonfinali.

Fir-rigward tal-ewwel subparagrafu hawn fuq, istituzzjoni ta’ kreditu jew kumpanija holding finanzjarja jew kumpanija holding finanzjarja mħallta ma għandhiex titqies bħala inqas sinifikanti, dment li ma jkunx ġustifikat b’ċirkostanzi partikolari li għandhom jiġu speċifikati fil-metodoloġija, jekk kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin tkun sodisfatta:

(i)

il-valur totali tal-assi tagħha jaqbeż EUR 30 biljun;

(ii)

il-proporzjon tal-assi totali tagħha fuq il-PDG tal-Istat Membru parteċipanti tal-istabbiliment jaqbeż 20 %, sakemm il-valur totali tal-assi tagħha ma jkunx taħt il-5 biljun euro;

(iii)

wara notifika mill-awtorità nazzjonali kompetenti tagħha li hija tqis tali istituzzjoni bħala li għandha rilevanza sinifikanti rigward l-ekonomija domestika, il-BĊE jieħu deċiżjoni li tikkonferma tali sinifikanza wara valutazzjoni komprensiva mill-BĊE, inkluż valutazzjoni tal-karta tal-bilanċ, ta’ dik l-istituzzjoni ta’ kreditu.

Il-BĊE jista’ wkoll, fuq inizjattiva proprja, jikkunsidra li istituzzjoni tkun ta’ rilevanza sinifikanti fejn tkun stabbilixxiet sussidjarji bankarji f’aktar minn Stat Membru parteċipanti wieħed u l-attivi jew il-passivi transkonfinali tagħha jirrappreżentaw parti sinifikanti tal-attivi jew il-passivi totali tagħha soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fil-metodoloġija.

Dawk li għalihom assistenza finanzjarja pubblika ġiet rikjesta jew riċevuta direttament mill-[Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja (EFSF)] jew il- [Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà (MES)] ma għandhomx jitqiesu bħala inqas sinifikanti.

Minkejja s-subparagrafi preċedenti, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament fir-rigward tat-tliet istituzzjonijiet ta’ kreditu l-aktar sinifikanti f’kull wieħed mill-Istati Membri parteċipanti, sakemm mhux iġġustifikat minħabba ċirkostanzi partikolari.

5.   Fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 4, u fi ħdan il-qafas definit fil-paragrafu 7:

[…]

(b)

meta meħtieġ biex tkun żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva proprja wara li jikkonsulta l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità nazzjonali kompetenti, jiddeċiedi li jeżerċita direttament hu stess is-setgħat rilevanti kollha għal istituzzjoni ta’ kreditu waħda jew aktar imsemmija fil-paragrafu 4, inkluż f’każ fejn l-assistenza finanzjarja [pubblika] tkun intalbet jew riċevuta indirettament mill-EFSF jew il-MES;

[…]

6.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u jkunu responsabbli għall-kompiti msemmija fil-punti (b), (d) sa (g) u (i) tal-Artikolu 4(1) u għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet superviżorji rilevanti kollha fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija fl-l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, fil-qafas u soġġett għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu.

[…]

L-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jirrappurtaw lill-BĊE fuq bażi regolari dwar il-prestazzjoni tal-attivitajiet imwettqa taħt dan l-Artikolu.

7.   Il-BĊE għandu, f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u abbażi ta’ proposta minn Bord Superviżorju, jadotta u jippubblika qafas biex jiġu organizzati arranġamenti prattiċi ta’ implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu. […]

8.   Kull fejn l-BĊE jkun assistit mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew awtoritajiet nominati nazzjonali għall-fini li jeżerċitaw il-kompiti kkonferiti lilu b’dan ir-Regolament, il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-atti rilevanti tal-Unjoni fir-rigward tal-allokazzjoni tar-responsabbiltajiet u l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti mill-Istati Membri differenti.”

6

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi:

“1.   Il-BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għall-finijiet li jwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħudin mill-BĊE fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtijin lilu b’dan ir-Regolament wara li tkun ġiet ippreżentata talba għal rieżami skont il-paragrafu 5. L-iskop tar-rieżami amministrattiv intern għandu jappartjeni għall-konformità proċedurali u sostantiva ma’ dan ir-Regolament ta’ tali deċiżjonijiet.

[…]

5.   Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’, fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1, titlob rieżami ta’ deċiżjoni tal-BĊE skont dan ir-Regolament li tkun indirizzata lejn dik il-persuna jew li tkun tikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna. Talba għal rieżami ta’ deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv imsemmija fil-paragrafu 7 ma għandhiex tkun ammissibbli.

6.   Kwalunkwe talba għar-rieżami għandha ssir bil-miktub, inkluża stqarrija tar-raġunijiet, u għandha tiġi ppreżentata lill-BĊE fi żmien xahar mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna li titlob ir-rieżami, jew, fl-assenza tagħha, mill-jum li tkun saret taf b’hekk din il-persuna, skont il-każ.

7.   Wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà tar-rieżami, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami għandu jesprimi opinjoni fi żmien adatt skont l-urġenza tal-kwistjoni u mhux aktar tard minn xahrejn minn meta jirċevi t-talba u jgħaddi l-każ għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Bord Superviżorju. Il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jew jabroga d-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwiha b’deċiżjoni emendata. L-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.

[…]

9.   L-opinjoni espressa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid ippreżentat mill-Bord Superviżorju u d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Governattiv skont dan l-Artikolu għandu jkun motivat u nnotifikat lill-partijiet.

10.   Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni li tistabbilixxi r-regoli operattivi tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

[…]”

Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014

7

Il-premessa 9 tar-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 468/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (ĠU 2014, L 141, p. 1), tipprovdi:

“[…] [D]an ir-Regolament jiżviluppa aktar u jispeċifika l-proċeduri ta’ kooperazzjoni stabbiliti fir-Regolament MSU bejn il-BĊE u l-NCAs fi ħdan l-MSU, kif ukoll fejn xieraq, mal-awtoritajiet nazzjonali nominati, u b’hekk jiżgura l-funzjonament effettiv u konsistenti tal-MSU.”

8

Skont l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar dawn kollha li ġejjin:

(a)

il-qafas imsemmi fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament [Nru 1024/2013], jiġifieri qafas biex jiġu organizzati l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 6 tar-Regolament [Nru 1024/2013] fir-rigward tal-kooperazzjoni fi ħdan l-MSU, sabiex jinkludi:

(i)

il-metodoloġija speċifika għall-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ jekk entità taħt superviżjoni hijiex ikklassifikata bħala sinifikanti jew inqas sinifikanti skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament [Nru 1024/2013], u l-arranġamenti li jirriżultaw minn din l-evalwazzjoni;

[…]

[…]”

9

L-Artikolu 70 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ċirkustanzi partikolari li jwasslu għall-klassifikazzjoni ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni bħala inqas sinifikanti”, jipprevedi:

“1.   Ikunu jeżistu ċirkustanzi partikolari kif imsemmija fit-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament [Nru 1024/2013] (iktar ’il quddiem iċ-‘ċirkustanzi partikolari’), meta jkun hemm ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinifikanti, meta jitqiesu l-objettivi u l-prinċipji tar-Regolament [Nru 1024/2013] u, b’mod partikolari, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin.

2.   It-terminu ‘ċirkustanzi partikolari’ għandu jiġi interpretat b’mod strett.”

10

L-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 468/2014, intitolat “Evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Il-kwistjoni jekk jeżistux ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw li entità taħt superviżjoni [prudenzjali] li f’każ ieħor tkun sinifikanti tiġi kklassifikata bħala inqas sinifikanti għandha tiġi ddeterminata fuq bażi ta’ każ b’każ u speċifikament għall-entità taħt superviżjoni [prudenzjali] jew grupp taħt superviżjoni [prudenzjali] kkonċernati, iżda mhux għal kategoriji ta’ entitajiet taħt superviżjoni [prudenzjali].

[…]”

Id-Deċiżjoni 2014/360/UE

11

Id-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew 2014/360/UE tal-14 ta’ April 2014 dwar l-istabbiliment ta’ Bord Amministrattiv ta’ Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU 2014, L 175, p. 47), waqqfet il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami msemmi fl-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013.

12

L-Artikolu 7(1) ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi:

“Kull persuna naturali jew legali indirizzata b’deċiżjoni tal-BĊE skont ir-Regolament [Nru 1024/2013], jew li lilha dik id-deċiżjoni tikkonċernaha direttament jew individwalment, li tixtieq titlob rieżami amministrattiv intern […] għandha tagħmel hekk billi tippreżenta avviż bil-miktub ta’ rieżami lis-Segretarju, fejn tiġi identifikata d-deċiżjoni kkontestata. L-avviż ta’ rieżami għandu jintbagħat f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni.”

13

L-Artikolu 16 tal-imsemmija deċiżjoni jipprovdi:

“1.   Il-Bord Amministrattiv għandu, f’perijodu ta’ żmien xieraq għall-urġenza tal-kwistjoni u mhux iktar tard minn xahrejn mid-data li jiġi rċevut l-avviż ta’ rieżami, jadotta opinjoni dwar ir-rieżami.

2.   L-opinjoni għandha tipproponi jekk id-deċiżjoni inizjali għandhiex tiġi mħassra, mibdula b’deċiżjoni b’kontenut identiku jew mibdula b’waħda emendata. F’dan l-aħħar każ, l-opinjoni għandu jkollha proposti għall-emendi meħtieġa.

[…]”

14

L-Artikolu 18 tal-istess deċiżjoni jipprovdi:

“L-opinjoni tal-Bord Amministrattiv, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid mibgħut mill-Bord Superviżorju u d-deċiżjoni ġdida adottata mill-Kunsill Governattiv għandhom jiġu nnotifikati lill-partijiet mis-Segretarju tal-Kunsill Governattiv inkluż ir-raġunament rilevanti.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

15

Il-Landeskreditbank huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku mwaqqfa bil-liġi, u l-Land ta’ Bade Wurtemberg (il-Ġermanja) huwa l-azzjonist uniku tal-ishma.

16

Fil-25 ta’ Ġunju 2014, il-BĊE informa lil-Landeskreditbank, essenzjalment, li minħabba s-sinjifikanza tiegħu kien jaqa’ taħt is-superviżjoni tiegħu biss minflok is-superviżjoni kondiviża tal-MSU, skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, u stiednu jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu.

17

Fl-10 ta’ Lulju 2014, il-Landeskreditbank ikkontesta dik l-analiżi billi invoka, b’mod partikolari, l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u tal-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Nru 468/2014.

18

Fl-1 ta’ Settembru 2014, il-BĊE adotta deċiżjoni li tikklassifika lil-Landeskreditbank bħala “entità sinjifikanti” fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013.

19

Fis-6 ta’ Ottubru 2014, il-Landeskreditbank talab l-eżami mill-ġdid ta’ din id-deċiżjoni skont l-Artikolu 24(1), (5) u (6) tar-Regolament Nru 1024/2013, moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 2014/360. Fit-23 ta’ Ottubru 2014, inżammet seduta quddiem il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami.

20

Fl-20 ta’ Novembru 2014, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami ta opinjoni li tikkonstata l-legalità tad-deċiżjoni adottata mill-BĊE fl-1 ta’ Settembru 2014.

21

Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, fil-5 ta’ Jannar 2015 il-BĊE ħassar u ssostitwixxa din id-deċiżjoni, filwaqt li żamm il-klassifikazzjoni tal-Landeskreditbank bħala “entità sinjifikanti”. Fiha, il-BĊE essenzjalment enfasizza dan li ġej:

il-klassifikazzjoni tal-Landeskreditbank bħala “entità sinjifikanti” ma kinitx f’kontradizzjoni mal-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013;

il-profil tar-riskju ta’ entità ma kienx kwistjoni rilevanti fl-istadju tal-klassifikazzjoni tagħha u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014 ma setax jiġi interpretat li jinkludi kriterji li ma kellhomx bażi fir-Regolament Nru 1024/2013;

anki jekk jitqies li huwa kien tal-fehma li kienu jeżistu ċirkustanzi partikolari fil-każ tal-Landeskreditbank, huwa jkollu wkoll jivverifika jekk tali ċirkustanzi kinux jiġġustifikaw li l-Landeskreditbank jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala entità “inqas sinjifikanti”;

skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 468/2014, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” kellu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni restrittiva u, għaldaqstant, kien biss meta s-sorveljanza diretta tal-BĊE ma kinitx xierqa li entità setgħet tiġi kklassifikata mill-ġdid minn “sinjifikanti” għal “inqas sinjifikanti”;

it-teħid inkunsiderazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għall-finijiet ta’ interpretazzjoni ma setax jobbligah jivverifika jekk l-applikazzjoni tal-kriterji tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 għal entità kinitx proporzjonata u l-eżami tan-natura “m[hux] xier[qa]” tal-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “sinjifikanti” ma kienx identiku għal tali eżami ta’ proporzjonalità;

in-natura xierqa tal-oqfsa superviżorji nazzjonali u l-kapaċità tagħhom li japplikaw standards superviżorji għoljin ma kinux jippermettu li jiġi konkluż li l-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE ma kienx xieraq, peress li r-Regolament Nru 1024/2013 ma kienx jissuġġettah għall-obbligu li juri n-natura mhux xierqa tal-oqfsa superviżorji nazzjonali jew ta’ standards nazzjonali ta’ superviżjoni.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

22

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Marzu 2015, il-Landeskreditbank ressaq azzjoni intiża għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

23

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Kandeskreditbank kien qajjem ħames motivi bbażati, essenzjalment, l-ewwel, fuq ksur tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014 fl-għażla tal-kriterji applikati mill-BĊE, it-tieni fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti; it-tielet fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, ir-raba’ fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-BĊE minħabba assenza li jeżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu; u l-ħames fuq ksur mill-BĊE tal-obbligu tiegħu li jikkunsidra ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ.

24

Bis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tal-Landeskreditbank.

It-talbiet tal-partijiet

25

Permezz tal-appell tiegħu, il-Landeskreditbank jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata, billi tordna ż-żamma tal-effetti tas-sostituzzjoni tad-deċiżjoni tal-BĊE tal-1 ta’ Settembru 2014;

sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata u tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali, u

tikkundanna lill-BĊE għall-ispejjeż.

26

Il-BĊE jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lil-Landeskreditbank għall-ispejjeż.

27

Il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell u

tikkundanna lil-Landeskreditbank għall-ispejjeż.

Fuq l-appell

28

Insostenn tal-appell tiegħu, il-Landeskreditbank iqajjem tliet aggravji.

Fuq l-ewwel aggravju

29

Permezz tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank jinvoka ksur tad-dritt tal-Unjoni fil-kuntest tal-interpretazzjoni u tal-applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014.

30

Dan l-aggravju huwa maqsum fi tliet partijiet.

Fuq l-ewwel parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

31

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank essenzjalment isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat il-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014, u li, b’mod partikolari, hija żbaljat meta ma interpretatx dawn id-dispożizzjonijiet f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

32

Skont il-Landeskreditbank, ir-Regolament Nru 1024/2013 ittrasferixxa lill-BĊE kompetenza esklużiva fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu fir-rigward biss tal-istituzzjonijiet sinjifikanti, u l-awtoritajiet nazzjonali jibqgħu kompetenti fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet inqas sinjifikanti.

33

F’dan ir-rigward, il-Landeskreditbank iqis li, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali kellha tinterpreta t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014 fis-sens li l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala “inqas sinjifikanti” għandha tiġi stabbilita meta, minħabba ċirkustanzi speċifiċi u fattwali marbuta mal-każ ineżami, ikun jidher li superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tippermetti li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 jinkisbu tal-inqas b’mod daqstant tajjeb daqs superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE.

34

Barra minn hekk, il-Landeskreditbank jallega li l-Qorti Ġenerali kisret il-prinċipju ta’ interpretazzjoni ut res magis valeat quam pereat u l-projbizzjoni li tintalab probatio diabolica, inkwantu l-interpretazzjoni tal-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014 iċċaħħad lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-effett utli tagħhom billi tagħmilha impossibbli li tingħata l-prova tal-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi.

35

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument tal-Landeskreditbank.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

36

Kif irrilevat ġustament il-Qorti Ġenerali fil-punt 64 tas-sentenza appellata, l-interpretazzjoni, mill-Qorti Ġenerali, tat-testi relatati mal-kompetenza mogħtija mill-Kunsill lill-BĊE fir-rigward tas-superviżjoni prudenzjali ma tistax tiġi invalidata mill-argument tal-appellant li huwa bbażat fuq il-premessa taż-żamma, favur l-awtoritajiet nazzjonali, skont l-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, ta’ kompetenza għall-finijiet tal-eżerċizzju tal-kompiti elenkati fl-Artikolu 4(1)(b) u (d) sa (i) ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-entitajiet ikklassifikati bħala “inqas sinjifikanti”.

37

Fil-fatt, fir-rigward, l-ewwel nett, tal-portata tal-kompetenza tal-BĊE fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali diretta tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1024/2013, intitolat “Kompiti kkonferiti lill-BĊE”, fil-paragrafu 1 tiegħu jipprevedi li, fil-qafas tal-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament, il-BĊE huwa “esklussivament kompetenti” biex iwettaq, għal finijiet superviżorji prudenzjali, il-kompiti elenkati f’dan l-Artikolu 4(1) fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu “kollha” stabbiliti fl-Istati Membri parteċipanti, mingħajr ma ssir distinzjoni bejn istituzzjonijiet sinjifikanti u istituzzjonijiet inqas sinjifikanti.

38

B’hekk, mill-kliem tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013 jirriżulta li l-BĊE għandu kompetenza esklużiva sabiex iwettaq il-kompiti stabbiliti f’din id-dispożizzjoni fir-rigward ta’ dawk l-istituzzjonijiet kollha.

39

Huwa minnu li, skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti tiegħu fi ħdan il-MSU li huwa magħmul mill-BĊE stess u mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, u għandu jiżgura l-funzjonament effettiv u konsistenti tiegħu.

40

Huwa f’dan il-kuntest li, skont l-Artikolu 6(6) tar-Regolament Nru 1024/2013, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali għandhom iwettqu u huma inkarigati mill-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1)(b), (d) sa (g) u (i) ta’ dan ir-regolament u għandhom is-setgħa li jieħdu d-deċiżjonijiet kollha rilevanti fil-qasam tas-superviżjoni fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija f’dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4), jiġifieri dawk li, skont il-kriterji stabbiliti f’din l-aħħar dispożizzjoni, huma “inqas sinjifikanti”.

41

L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti b’hekk għandhom jassistu lill-BĊE fit-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilu mir-Regolament Nru 1024/2013, permezz ta’ implimentazzjoni deċentralizzata ta’ xi wħud minn dawn il-kompiti fir-rigward tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikanti, fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4) ta’ dan ir-regolament.

42

Skont il-premessa 9 tar-Regolament Nru 468/2014, dan għandu jiżviluppa u jispeċifika l-proċeduri ta’ kooperazzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 1024/2013 bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fi ħdan l-MSU, biex b’hekk jiżgura l-funzjonament effettiv u konsistenti ta’ dan tal-aħħar.

43

B’hekk, skont l-Artikolu 1(1)(a) tar-Regolament Nru 468/2014, dan għandu l-għan, b’mod partikolari, li jistabbilixxi l-qafas, imsemmi fl-Artikolu 6(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, jiġifieri qafas li jorganizza l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni ta’ dan l-Artikolu 6, li jirregola l-kooperazzjoni bejn il-BĊE u l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fi ħdan il-MSU.

44

B’mod partikolari, skont l-imsemmi Artikolu 1(1)(a)(i), fil-Parti IV tiegħu r-Regolament Nru 468/2014 jinkludi r-regoli dwar id-determinazzjoni, skont il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, tan-natura sinjifikanti jew inqas sinjifikanti ta’ entità taħt superviżjoni prudenzjali u jiddefinixxi, f’dan il-kuntest, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li jistgħu jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni ta’ entità taħt superviżjoni prudenzjali bħala inqas sinjifikanti minkejja li tissodisfa l-kriterji sabiex tiġi kklassifikata bħala sinjifikanti.

45

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014 jipprevedi li jikkostitwixxu tali ċirkustanzi partikolari ċirkustanzi fattwali speċifiċi li jirrendu mhux xierqa, fid-dawl tal-għanijiet u tal-prinċipji tar-Regolament Nru 1024/2013 u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti ta’ standards superviżorji prudenzjali għoljin, il-klassifikazzjoni ta’ entità taħt superviżjoni prudenzjali bħala sinjifikanti.

46

Mill-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li ċ-ċirkustanzi rilevanti li, għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ superviżjoni prudenzjali diretta, jiġġustifikaw il-klassifikazzjoni bħala entità inqas sinjifikanti ta’ entità li, fil-prinċipju, fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, għandha tiġi kklassifikata bħala sinjifikanti huma biss dawk li jirrigwardaw in-natura xierqa jew le tal-klassifikazzjoni ta’ din l-entità bħala sinjifikanti.

47

Għalhekk, superviżjoni prudenzjali diretta ta’ entità sinjifikanti mill-awtoritajiet nazzjonali hija possibbli biss meta jkun hemm ċirkustanzi li juru li l-klassifikazzjoni ta’ entità bħala sinjifikanti ma hijiex xierqa sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1024/2013.

48

Kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punti 44 u 46 tas-sentenza appellata, il-formulazzjoni tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014 ma tinkludi ebda riferiment għal eżami tal-ħtieġa ta’ superviżjoni prudenzjali diretta ta’ entità sinjifikanti mill-BĊE u minn interpretazzjoni litterali ta’ din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-fatt li superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità mill-awtoritajiet nazzjonali tkun idonea sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-regolament daqs kemm hija idonea sorveljanza eżerċitata mill-BĊE biss tkun tippermetti li tiġi ġġustifikata klassifikazzjoni tal-imsemmija entità bħala inqas sinjifikanti.

49

Għalhekk, kif il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punti 54, 63 u 72 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-Kunsill ikkonferixxa lill-BĊE kompetenza esklużiva, li l-Artikolu 6 ta’ dan ir-regolament jippermetti l-implimentazzjoni deċentralizzata tagħha mill-awtoritajiet nazzjonali fil-kuntest tal-MSU u taħt il-kontroll tal-BĊE, fil-konfront tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu inqas sinjifikanti, fis-sens ta’ dan l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(4), u f’dak li jikkonċerna wħud minn dawn il-kompiti, filwaqt li kkonferixxa lill-BĊE l-kompetenza esklużiva li jippreċiża l-kontenut tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari”, fis-sens tal-imsemmi tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4), li ġie implimentat bl-adozzjoni tal-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Nru 468/2014.

50

Sussegwentement, għandu jitfakkar li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-klassifikazzjoni bħala inqas sinjifikanti ta’ istituzzjoni ta’ kreditu, bħalma huwa l-Landeskreditbank, li l-valur totali tal-assi tagħhom jaqbeż it-EUR 30 biljun, hija suġġetta għall-kundizzjoni li ċirkustanzi partikolari, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jiġġustifikaw li din l-istituzzjoni titqies bħala tali.

51

F’dan ir-rigward, huwa b’mod żbaljat li l-Landeskreditbank isostni li l-Qorti Ġenerali interpretat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014 mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

52

Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punti 66 sa 85 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali wettqet interpretazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl ta’ dan il-prinċipju.

53

B’mod partikolari, fil-punt 68 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ġustament fakkret li l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità ta’ miżura għandha tiġi kkonċiljata mal-osservanza tal-marġni ta’ diskrezzjoni possibbilment irrikonoxxuta lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni permezz tal-adozzjoni tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C‑380/03, EU:C:2006:772, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

54

F’dan il-kuntest, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti Nru 1024/2013 u Nru 468/2014 jagħtu lill-BĊE setgħa ta’ deċiżjoni li tieħu inkunsiderazzjoni elementi fattwali u jimponu kundizzjonijiet proporzjonati għalihom. B’hekk, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, entità li ma għandhiex titqies bħala inqas sinjifikanti fuq il-bażi tal-kriterji stabbiliti f’din id-dispożizzjoni tista’ madankollu tiġi kkunsidrata bħala tali jekk ċirkustanzi partikolari, li huma ddefiniti fl-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014, ikunu jiġġustifikaw dan.

55

L-ipoteżi prevista fl-imsemmija dispożizzjonijiet hija dik li superviżjoni prudenzjali diretta ta’ entità sinjifikanti mill-awtoritajiet nazzjonali tippermetti l-kisba aħjar tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 1024/2013 milli tippermetti superviżjoni prudenzjali diretta ta’ dik l-entità mill-BĊE jew, għall-kuntrarju, l-ipoteżi li, fiha, din is-superviżjoni tal-aħħar ma tippermettix li dawn l-għanijiet jintlaħqu b’mod daqstant tajjeb daqskemm jintlaħqu b’superviżjoni prudenzjali diretta tal-entità kkonċernata minn dawn l-awtoritajiet.

56

Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 6(5)(b) tar-Regolament Nru 1024/2013, jekk dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji għoljin, il-BĊE jista’ f’kull ħin, fuq l-inizjattiva tiegħu stess wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jew fuq talba minn awtorità kompetenti nazzjonali, jiddeċiedi li jeżerċita direttament huwa stess il-kompetenzi rilevanti kollha fir-rigward ta’ waħda jew iktar mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu msemmija f’dan l-Artikolu 6(4).

57

Dawn id-dispożizzjonijiet jirreferu għal kriterji differenti, jiġifieri, minn naħa, dak tan-natura mhux xierqa tal-klassifikazzjoni, ta’ entità taħt superviżjoni prudenzjali, bħala sinjifikanti u, min-naħa l-oħra, dak tal-ħtieġa ta’ eżerċizzju, mill-BĊE, ta’ kompetenzi rilevanti.

58

Il-paragun tal-imsemmija dispożizzjonijiet, imwettaq fil-punt 62 tas-sentenza appellata, jappoġġja l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li tgħid li, permezz tal-ħolqien tal-MSU fl-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 1024/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni kkonċilja t-teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol tal-Istati Membri fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mal-issodisfar tal-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

59

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ proporzjonalità ttieħed inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur tal-Unjoni u li l-BĊE ma huwiex obbligat, kif enfasizzat il-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenza appellata, jeżamina każ b’każ jekk, minkejja l-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, istituzzjoni sinjifikanti ma għandhiex taqa’ taħt is-superviżjoni diretta tal-awtoritajiet nazzjonali għar-raġuni li dawn jinsabu f’pożizzjoni aħjar biex jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet ta’ dan ir-regolament.

60

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 80 tas-sentenza appellata, ikkunsidrat li ċ-“ċirkustanzi speċifiċi u fattwali li minħabba fihom ma jkunx xieraq li entità taħt superviżjoni tiġi kklassifikata bħala sinfikanti”, imsemmija fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014, jirreferu biss għal ċirkustanzi fattwali speċifiċi li jimplikaw li superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali hija iktar idonea sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u dawn il-prinċipji, b’mod partikolari l-ħtieġa li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji prudenzjali għoljin, milli hija idonea superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE.

61

Il-fondatezza tal-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali hija msaħħa mill-fatt li, skont l-Artikolu 70(2) tar-Regolament Nru 468/2014, l-espressjoni “ċirkustanzi partikolari”, imsemmija fl-Artikolu 70(1) ta’ dan ir-regolament u fit-tieni u l-ħames subparagrafi tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, għandha tkun interpretata b’mod strett.

62

Fl-aħħar nett, l-argument li jipprovdi li l-interpretazzjoni adottata mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014, iċċaħħad lil dawn id-dispożizzjonijiet mill-effett utli tagħhom billi tagħmilha impossibbli li tingħata l-prova tal-eżistenza ta’ tali ċirkustanzi għandu jiġi miċħud.

63

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 74 tal-konklużjonijiet tiegħu, xejn ma jindika li din l-interpretazzjoni, konformi mal-kliem u mal-għanijiet tar-Regolamenti Nru 1024/2013 u Nru 468/2014, tagħmilha impossibbli għal-Landeskreditbank milli jinvoka “ċirkustanzi partikolari”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, u milli jipprovdi prova tal-eżistenza tagħhom.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ma hijiex ivvizzjata bi żball ta’ liġi.

65

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

66

Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank isostni li, billi fil-punti 101 sa 112 tas-sentenza appellata rrifjutat li tirrikonoxxi l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti mwettaq mill-BĊE, il-Qorti Ġenerali vvizzjat is-sentenza bi żball ta’ liġi.

67

B’mod partikolari, il-Landeskreditbank iqis li l-Qorti Ġenerali messha, inkluż fuq il-bażi tal-interpretazzjoni tagħha tad-dispożizzjonijiet rilevanti, eżaminat l-argumentazzjoni speċifika u fattwali tiegħu kif ukoll messha vverifikat jekk, b’mod konformi ma’ din, superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kinitx tippermetti li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 jintlaħqu aħjar milli b’superviżjoni diretta mill-BĊE.

68

Barra minn hekk, il-Landeskreditbank isostni li, anki meta eżaminat l-argument tiegħu li d-diversità tal-kuntesti ġuridiċi u tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni li jirregolaw l-attività tiegħu kienu jiġġustifikaw superviżjoni prudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ evalwazzjoni.

69

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument tal-Landeskreditbank.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Peress li, hekk kif jirriżulta mill-punti 87, 88, 102, 104 u 108 tas-sentenza appellata, l-argument tal-Landeskreditbank quddiem il-Qorti Ġenerali kien li superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet Ġermaniżi kienet biżżejjed sabiex jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 kif ukoll biex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards għoljin ta’ superviżjoni prudenzjali u li superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE ma kinitx neċessarja f’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fid-dawl tal-interpretazzjoni tagħha tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014, li l-fondatezza tiegħu ġiet ikkonfermata fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju ta’ dan l-appell, ġustament ikkunsidrat dan l-argument bħala irrilevanti.

71

Barra minn hekk, minbarra li din tressqet biss fl-istadju tar-replika quddiem il-Qorti Ġenerali, is-sempliċi allegazzjoni tal-Landeskreditbank li tgħid li, minħabba d-diversità tal-oqfsa ġuridiċi u tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni li jirregolaw l-attività tiegħu, superviżjoni prudenzjali mill-awtoritajiet nazzjonali tippermetti sabiex l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 jintlaħqu aħjar milli permezz ta’ superviżjoni prudenzjali eżerċitata mill-BĊE, hija manifestament insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita n-natura inadegwata ta’ din tal-aħħar u ma tistax tobbliga lill-Qorti Ġenerali tivverifika l-eżistenza eventwali ta’ ċirkustanzi partikolari, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

72

Għalhekk, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punt 112 tas-sentenza appellata, ċaħdet il-motiv tal-Landeskreditbank, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-fatti mill-BĊE.

73

Minn dan jirriżulta li t-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tielet parti tal-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

74

Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank isostni li huwa b’mod żbaljat li, fil-punti 140 sa 142 u 149 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-BĊE ma jistax jiġi kkritikat li ma għamilx użu mis-setgħa diskrezzjonali tiegħu u li kiser l-obbligu tiegħu li jinvestiga l-fatti billi ċaħdet l-argument tiegħu bħala irrilevanti.

75

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument tal-Landeskreditbank.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

76

Kif ġie rrilevat fil-punt 70 ta’ din is-sentenza, l-argument tal-Landeskreditbank quddiem il-Qorti Ġenerali essenzjalment ikkonsista f’li ġie sostnut li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 setgħu jintlaħqu permezz ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet Ġermaniżi, mingħajr ma superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE kienet neċessarja f’dan ir-rigward.

77

Issa, sa fejn dan l-argument huwa irrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkustanzi partikolari” fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70 tar-Regolament Nru 468/2014, kif jirriżulta mill-punt 80 tas-sentenza appellata kif ukoll mill-punti 50 u 51 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta, fil-punti 142 u 150 tas-sentenza appellata, ċaħdet ir-raba’ u l-ħames motivi tal-Landeskreditbank, ibbażati, rispettivament, fuq użu ħażin ta’ poter imwettaq mill-BĊE b’riżultat tan-nuqqas ta’ eżerċizzju illeċitu tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu u tal-ksur tal-obbligu tal-BĊE li jeżamina u li jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ, minħabba li l-BĊE ma setax jiġi kkritikat li ċaħad tali argument jew li, fl-applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 70(1), ma ħax inkunsiderazzjoni ċirkustanzi irrilevanti fid-dawl tal-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

78

Għaldaqstant, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda.

79

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tieni aggravju

80

Permezz tat-tieni aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank jinvoka żnaturament tad-deċiżjoni kontenzjuża u evalwazzjoni żbaljata tal-eżiġenzi għal motivazzjoni tagħha.

81

Dan l-aggravju huwa maqsum f’żewġ partijiet.

Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

82

Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank isostni li, fil-punti 31 u 34 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat id-deċiżjoni kontenzjuża billi b’mod żbaljat irriproduċiet il-motivazzjoni tagħha u billi din ssostitwixxiet din tal-aħħar bil-motivazzjoni tagħha stess.

83

B’mod partikolari, il-Landeskreditbank isostni li l-kriterju li l-klassifikazzjoni tiegħu bħala entità sinjifikanti setgħet tiġi miċħuda biss bil-kundizzjoni li jintwera li superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet Ġermaniżi kompetenti kienet tippermetti li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 jintlaħqu aħjar milli permezz ta’ superviżjoni mill-BĊE huwa nieqes mill-imsemmija deċiżjoni.

84

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument tal-Landeskreditbank.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

85

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-partijiet interessati li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u tippermetti lill-qorti kompetenti li teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 90, u tal-10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il-Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16).

86

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-deċiżjoni kontenzjuża hija att dwar is-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjoni ta’ kreditu adottat mill-BĊE, li għandu marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ f’dan ir-rigward, peress li, kif tiddikjara l-premessa 55 tar-Regolament Nru 1024/2013, il-kompiti superviżorji kkonferiti lill-BĊE jagħtuh responsabbiltajiet sinjifikanti fir-rigward taż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni u fir-rigward tal-użu l-iktar effettiv u proporzjonat possibbli tas-setgħat superviżorji tiegħu.

87

Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra direttament u individwalment ikkonċernati jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata fid-dawl mhux biss tal-formulazzjoni tiegħu, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu u tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-5 ta’ Diċembru 2013, Solvay vs Il-Kummissjoni, C‑455/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:796, punt 91, u tal-10 ta’ Marzu 2016, HeidelbergCement vs Il‑Kummissjoni, C‑247/14 P, EU:C:2016:149, punt 16).

88

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE għandu jistabbilixxi Bord Amministrattiv ta’ Rieżami sabiex iwettaq rieżami amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda mill-BĊE fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tiegħu kkonferiti lilu minn dan ir-regolament.

89

Permezz tad-Deċiżjoni 2014/360 tiegħu, adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013, il-BĊE stabbilixxa dan il-bord.

90

Skont l-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013, meta jkun adit b’talba għal eżami mill-ġdid ta’ deċiżjoni meħuda mill-BĊE skont dan ir-regolament, dan il-bord, wara li jiddeċiedi dwar l-ammissibbiltà ta’ din it-talba, għandu jagħti opinjoni u jgħaddi l-każ lill-Bord Superviżorju tal-BĊE għat-tħejjija ta’ abbozz ta’ deċiżjoni ġdid. L-Artikolu 16(2) tad-Deċiżjoni 2014/360 jipprevedi li, permezz tal-opinjoni tiegħu, il-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami jipproponi jekk id-deċiżjoni inizjali għandhiex tiġi mħassra, issostitwita minn deċiżjoni b’kontenut identiku jew issostitwita b’deċiżjoni emendata u li, f’dan l-aħħar każ, l-opinjoni għandu jkollha proposti għall-emendi meħtieġa. L-Artikolu 24(7) tar-Regolament Nru 1024/2013 jipprovdi li l-Bord Superviżorju għandu jqis dik l-opinjoni u għandu jippreżenta minnufih abbozz ta’ deċiżjoni ġdid lill-Kunsill Governattiv, li jħassar id-deċiżjoni inizjali, jew jissostitwixxiha b’deċiżjoni ta’ kontenut identiku, jew inkella jissostitwixxiha b’deċiżjoni emendata. Dan l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid għandu jitqies adottat sakemm il-Kunsill Governattiv ma joġġezzjonax għalih f’perijodu massimu ta’ għaxart ijiem tax-xogħol.

91

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 24(9) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2014/360, l-opinjoni espressa mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid ippreżentat mill-Bord Superviżorju u d-deċiżjoni adottata mill-Kunsill Governattiv għandhom ikunu motivati u nnotifikati lill-partijiet.

92

Jirriżulta għalhekk mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1024/2013 u tad-Deċiżjoni 2014/360 li din l-opinjoni, dan l-abbozz ta’ deċiżjoni ġdid u din id-deċiżjoni għandhom joriġinaw minn istituzzjoni waħda, jiġifieri l-BĊE, u għandhom jaqgħu fi ħdan l-istess proċedura ta’ eżami mill-ġdid amministrattiv intern tad-deċiżjonijiet meħuda minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi kkonferiti lilha mir-Regolament Nru 1024/2013, u li, għaldaqstant, dawn huma, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 98 tal-konklużjonijiet tiegħu, intrinsikament marbuta ma’ xulxin.

93

Għaldaqstant, huwa b’mod xieraq li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 31, 34 u 128 tas-sentenza appellata, eżaminat id-deċiżjoni kontenzjuża fid-dawl tal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, li, skont l-Artikolu 24(9) tar-Regolament Nru 1024/2013 u l-Artikolu 18 tad-Deċiżjoni 2014/360, kienet ġiet innotifikata lil-Landeskreditbank.

94

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-opinjoni mogħtija fl-20 ta’ Novembru 2014 mill-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami kienet tikkonkludi li d-deċiżjoni adottata mill-BĊE fl-1 ta’ Settembru 2014, li kienet tikklassifika lil-Landeskreditbank bħala “entità sinjifikanti” fis-sens tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013, hija legali, u li, permezz tad-deċiżjoni kontenzjuża l-BĊE ħassar u ssostitwixxa din id-deċiżjoni, filwaqt li żamm din il-kwalifika.

95

Konsegwentement, huwa mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, wara li fil-punt 125 tas-sentenza appellata rrilevat li l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami kienet tagħmel parti mill-kuntest li minnu kienet tifforma parti d-deċiżjoni kontenzjuża u għaldaqstant setgħet, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura suffiċjentement motivata ta’ din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 127 tas-sentenza appellata ddeċidiet li mill-Artikolu 24(1) u (7) tar-Regolament Nru 1024/2013 neċessarjament jirriżulta li, inkwantu l-imsemmija deċiżjoni kienet iddeċidiet f’sens konformi ma’ din l-opinjoni, hija kienet il-kontinwazzjoni ta’ din tal-aħħar u li l-ispjegazzjonijiet li jidhru f’din tal-aħħar setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-eżami tan-natura suffiċjentement motivata tad-deċiżjoni kkontestata.

96

F’dan il-kuntest, huwa wkoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li, għall-finijiet tal-eżami tan-natura motivata tad-deċiżjoni kontenzjuża, fil-punt 128 tas-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali wettqet qari konġunt ta’ din id-deċiżjoni u tal-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta’ Rieżami, li minnu ddeċidiet li kien jirriżulta li, minn naħa, il-BĊE kien qies li seta’ jkun hemm ċirkustanzi partikolari biss jekk l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 ikunu żgurati aħjar permezz ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali u li, min-naħa l-oħra, il-Landeskreditbank ma kienx wera li din il-kundizzjoni kienet issodisfatta fil-konfront tiegħu.

97

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali ma żnaturatx id-deċiżjoni kontenzjuża.

98

Minn dan isegwi li l-ewwel parti tat-tieni aggravju għandha tiġi miċħuda.

Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

99

Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank iqis li, peress li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, hija wettqet ukoll żball ta’ evalwazzjoni meta injorat li din ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ motivazzjoni imposti mid-dritt tal-Unjoni.

100

Il-Landeskreditbank iqis b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata mhijiex loġika u hija kontradittorja, li hija ma tindikax ir-raġunijiet li hija bbażata fuqhom u li din ma tinkludix eżami tal-argumenti tiegħu, b’tali mod li, kuntrarjament għal dak li l-Qorti Ġenerali sostniet, hija ma kinitx f’pożizzjoni li tistħarreġ il-legalità tal-fondatezza tar-raġunijiet ta’ din id-deċiżjoni.

101

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument tal-Landeskreditbank.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

102

Peress li t-tieni parti tat-tieni aggravju hija bbażata fuq l-ipoteżi, miċħuda mill-Qorti tal-Ġustizzja waqt l-eżami tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kontenzjuża, din għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva.

103

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.

Fuq it-tielet aggravju

L-argumenti tal-partijiet

104

Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, il-Landeskreditbank isostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball proċedurali inkwantu tinkludi aspetti li ma kinux is-suġġett tal-proċedura.

105

Skont il-Landeskreditbank, billi ċaħdet l-argument tiegħu għar-raġuni li huwa ma kienx allega li superviżjoni prudenzjali nazzjonali tippermetti li l-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 jintlaħqu aħjar milli tippermetti superviżjoni diretta mill-BĊE, filwaqt li dan il-kriterju ma kienx issemma matul il-proċeduri quddiem il-BĊE u l-Qorti Ġenerali, din tal-aħħar kisret id-dritt għal smigħ u l-prinċipju ta’ kontradittorju.

106

Dan jgħodd ukoll għar-riferiment, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, għan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ arranġament jew kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg u l-awtoritajiet federali Ġermaniżi li jistgħu jagħmlu l-kooperazzjoni bejniethom iktar faċli minn dik mal-BĊE.

107

Il-BĊE u l-Kummissjoni jikkontestaw l-argument tal-Landeskreditbank.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

108

L-ewwel nett, ma jistax jintlaqa’ l-argument tal-Landeskreditbank li l-kriterju li jippermetti li jiġi konkluż li jeżistu ċirkustanzi partikolari fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 1024/2013 u tal-Artikolu 70(1) tar-Regolament Nru 468/2014, jiġifieri li t-twettiq tal-għanijiet tar-Regolament Nru 1024/2013 ikun żgurat aħjar permezz ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-awtoritajiet nazzjonali milli permezz ta’ superviżjoni prudenzjali diretta mill-BĊE, ma tqajjimx matul il-proċedura.

109

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 116 tal-konklużjonijiet tiegħu, mir-rikors u mir-risposta jirriżulta b’mod ċar li dan il-kriterju ġie diskuss quddiem il-Qorti Ġenerali mill-partijiet, b’tali mod li d-dritt tal-Landeskreditbank għal smigħ u l-prinċipju ta’ kontradittorju ġew irrispettati.

110

Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti Ġenerali fil-punt 129 tas-sentenza appellata, l-analiżi tal-ewwel motiv invokat mil-Landeskreditbank insostenn tar-rikors tiegħu għal annullament turi li dan kien f’pożizzjoni li jifhem ir-raġunament tal-BĊE u li jikkontestah fil-kuntest ta’ dan il-motiv, u l-Qorti Ġenerali setgħet twettaq stħarriġ tal-legalità fuq il-fondatezza tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata.

111

Barra minn hekk, it-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta quddiemha.

112

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-evokazzjoni, fil-punt 111 tas-sentenza appellata, tan-nuqqas ta’ eżistenza ta’ arranġament jew ta’ kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-Land ta’ Bade-Wurtemberg u l-awtoritajiet federali Ġermaniżi li tista’ tagħmel il-kooperazzjoni bejniethom iktar faċli minn dik mal-BĊE, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, permezz ta’ din l-evokazzjoni, il-Qorti Ġenerali, bi tweġiba għall-argument imressaq mil-Landeskreditbank fl-istadju tar-replika tiegħu li jgħid li b’teħid inkunsiderazzjoni tad-diversità tal-oqfsa ġuridiċi u tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni li jirregolaw l-attività tiegħu, superviżjoni prudenzjali mill-awtoritajiet Ġermaniżi tkun aħjar sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ standards superviżorji prudenzjali għoljin milli tista’ tkun superviżjoni prudenzjali mwettqa mill-BĊE, illimitat ruħha li sempliċement tikkonstata li, fin-nuqqas ta’ provvista ta’ evidenza konkreta li tista’ turi li, għal dan il-għan, kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali kienet iktar faċli milli kollaborazzjoni mal-BĊE, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala li ma huwiex issostanzjat.

113

Għaldaqstant, id-dritt għal smigħ tal-Landeskreditbank u l-prinċipju ta’ kontradittorju ma nkisrux mill-Qorti Ġenerali.

114

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.

115

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

Fuq l-ispejjeż

116

Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

117

Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) ta’ dawn ir-regoli, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu.

118

Peress li l-BĊE talab il-kundanna tal-Landeskreditbank għall-ispejjeż u dan tal-aħħar tilef il-kawża, dan għandu jiġi kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk sostnuti mill-BĊE u mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-appell huwa miċħud.

 

2)

Il-Landeskreditbank Baden-Württemberg – Förderbank huwa kkundannat għall-ispejjeż.

 

FiremMT


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.