SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

25 ta’ Ottubru 2018 ( *1 ) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kuntratti pubbliċi għall-provvista ta’ materjal u ta’ apparat mediku ta’ djanjosi – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 42 – Għoti – Marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità kontraenti – Formulazzjoni ddettaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi”

Fil-Kawża C‑413/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Ġunju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura mressqa minn

“Roche Lietuva” UAB

fil-preżenza ta’:

Kauno Dainavos poliklinika VŠĮ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn C. Vajda, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur) u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal “Roche Lietuva” UAB, minn G. Balčiūnas u K. Karpickis, advokatai,

għal Kauno Dainavos poliklinika VšĮ, minn K. Laurynaitė u J. Judickienė, advokatai,

għall-Gvern Litwan, minn D. Kriaučiūnas, K. Dieninis u D. Stepanienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, A. Magrippi u K. Georgiadis, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Fiorentino, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 u 23 kif ukoll tal-Anness VI tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol 7, p. 132).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mressqa minn “Roche Lietuva” UAB, offerenti eskluża minn proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku organizzata mill-Kauno Dainavos poliklinika VŠĮ, poliklinika pubblika li tinsab f’Kaunas (il-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“poliklinika Dainava ta’ Kaunas”), dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dan il-kuntratt.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Id-Direttiva 2004/18 tħassret, b’effett mit‑18 ta’ April 2016, permezz tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), hekk kif previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 ta’ din l-aħħar direttiva.

4

Skont il-premessa 74 tad-Direttiva 2014/24:

“(74)

Huwa meħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfassla mix-xerrejja pubbliċi jippermettu li l-akkwist pubbliku jkun miftuħ għall-kompetizzjoni kif ukoll li dawn jilħqu l-objettivi tas-sostenibilità. Għal dak il-għan, għandu jkun possibbli li jintefgħu offerti li jirriflettu d-diversità ta’ soluzzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-suq, inklużi dawk imfassla abbażi tal-kriterji ta’ prestazzjoni marbuta maċ-ċiklu tal-ħajja u s-sostenibilità tal-proċess tal-produzzjoni tax-xogħlijiet, il-provvisti u s-servizzi.

Konsegwentement, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu abbozzati b’tali mod li jiġi evitat tnaqqis b’mod artifiċjali fil-kompetizzjoni permezz ta’ rekwiżiti li jiffavorixxu lil operatur ekonomiku speċifiku billi jirriflettu l-karatteristiċi ewlenin tal-provvisti, servizzi jew xogħlijiet li huma normalment offruti minn dak l-operatur ekonomiku. It-tfassil tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi f’termini ta’ rekwiżiti ta’ prestazzjoni u funzjonali ġeneralment jippermetti li dak l-objettiv jintlaħaq bl-aħjar mod possibbli. Ir-rekwiżiti funzjonali u dawk relatati mat-twettiq huma wkoll mezzi adatti li jiffavorixxu l-innovazzjoni fl-akkwist pubbliku u għandhom jintużaw b’mod kemm jista’ jkun wiesa’. Fejn issir referenza għal standard Ewropew jew, fin-nuqqas tiegħu, għal standard nazzjonali, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jikkunsidraw offerti bbażati fuq arranġamenti ekwivalenti. Għandha tkun ir-responsabilità tal-operatur ekonomiku li jagħti prova tal-ekwivalenza mat-tikketta mitluba.

[…]”

5

L-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Prinċipji tal-akkwist”, jipprovdi:

“L-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

It-tfassil tal-akkwist ma għandux isir bil-ħsieb li l-akkwist jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva jew biex b’mod artifiċjali jnaqqas il-kompetizzjoni. Il-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment imnaqqsa meta d-disinn tal-akkwist isir bl-intenzjoni li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ mhux mistħoqq lil ċerti operaturi ekonomiċi.”

6

L-Artikolu 42 tal-imsemmija direttiva, bit-titolu “Speċifikazzjonijiet tekniċi”, jipprevedi:

“1.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kif definiti fil-punt 1 tal-Anness VII għandhom jiġu stabbiliti fid-dokumenti ta’ akkwist. L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jistipulaw il-karatteristiċi meħtiega ta’ xogħol, servizz jew provvista.

Dawk il-karatteristiċi jistgħu jirreferu wkoll għall-proċess jew metodu speċifiku tal-produzzjoni jew il-provvista tax-xogħlijiet, provvisti jew servizzi mitluba jew għal proċess speċifiku għal stadju ieħor taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu anke fejn tali fatturi ma jiffurmawx parti mis-sustanza materjali tagħhom dment li huma marbuta mas-suġġett tal-kuntratt u proporzjonali għall-valur u l-objettivi tiegħu.

[…]

2.   L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom joffru aċċess ugwali tal-operaturi ekonomiċi għall-proċedura ta’ akkwist u ma għandux ikollhom l-effett li joħolqu xkiel mingħajr ġustifikazzjoni għall-ftuħ tal-akkwist pubbliku għall-kompetizzjoni.

3.   Mingħajr preġudizzju għar-regoli tekniċi nazzjonali obbligatorji, sa fejn ikunu kompatibbli mal-liġi tal-Unjoni, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu formulati b’wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:

(a)

f’termini tar-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni, inklużi l-karatteristiċi ambjentali, dejjem jekk il-parametri jkunu preċiżi biżżejjed sabiex jippermettu lill-offerenti jiddeterminaw is-suġġett tal-kuntratt u l-awtoritajiet kontraenti jitħallew jagħtu l-kuntratt;

(b)

permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu l-istandards Ewropej, il-Valutazzjonijiet Tekniċi Ewropej, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, l-istandards internazzjonali, sistemi ta’ referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew - fejn xi waħda minn dawk ma teżistix - l-istandards nazzjonali, l-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, il-kalkolu u t-twettiq ta’ xogħlijiet u l-użu tal-provvisti;

(c)

f’termini ta’ rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni kif imsemmi fil-punt (a), b’referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) bħala mezz ta’ suppożizzjoni ta’ konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni;

(d)

permezz ta’ referenza għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi msemmija fil-punt (b) għal ċerti karatteristiċi, u b’referenza għar-rekwiżiti ta’ rendiment jew ta’ funzjoni msemmija fil-punt (a) għal karatteristiċi oħrajn.

4.   Sakemm dan ma jkunx ġustifikat mis-suġġett tal-kuntratt, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ma għandhomx jirreferu għal isem ta’ ditta jew provenjenza speċifiċi, jew proċess partikolari li jikkaratterizza l-prodotti jew servizzi fornuti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew għal marki kummerċjali, privattivi, tipi jew oriġini jew produzzjoni speċifika bl-effett li jiġu favoriti jew eliminati ċerti impriżi jew ċerti prodotti. Din ir-referenza għandha tkun permessa fuq bażi eċċezzjonali, fejn ma tkunx possibbli deskrizzjoni preċiża u leġibbli biżżejjed tas-suġġett tal-kuntratt skont il-paragrafu 3. Din ir-referenza għandha tkun akkumpanjata mill-kliem ‘jew ekwivalenti’.

[…]”

7

L-Anness VII tad-Direttiva 2014/24, bit-titolu “Definizzjoni ta’ ċerti speċifikazzjonijiet tekniċi” jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

1.

‘speċifikazzjoni teknika’ tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a)

[…]

(b)

fil-każ ta’ provvista pubblika jew kuntratti ta’ servizzi, speċifikazzjoni f’dokument li jiddefinixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott jew servizz, bħal-livelli ta’ kwalità, il-livelli ta’ prestazzjoni ambjentali u klimatika, id-disinn għar-rekwiżiti kollha (inkluża l-aċċessibilità għal persuni b’diżabbiltà) u valutazzjoni tal-konformtià, il-prestazzjoni, l-użu tal-prodott, is-sikurezza jew id-dimensjonijiet, inklużi rekwiżiti rilevanti għall-prodott fir-rigward tal-isem li taħtu jinbiegħ il-prodott, it-terminoloġija, is-simboli, l-ittestjar u l-metodi ta’ ttestjar, l-imballaġġ, l-immarkar u t-tikkettar, l-istruzzjonijiet għall-utenti, il-proċessi u l-metodi ta’ produzzjoni f’kull satdju taċ-ċiklu tal-ħajja tal-provvista jew servizz u l-proċeduri ta’ valutazzjoni tal-konformità”.

Id-dritt Litwan

8

L-Artikoli 2 u 23 kif ukoll l-Anness VI tad-Direttiva 2004/18 ġew trasposti fid-dritt Litwan permezz tal-Artikoli 3 u 25 kif ukoll permezz tal-Anness 3 tal-Lietuvos Respublikos viešųjų pirkimų įstatymas (il-Liġi Litwana dwar il-Kuntratti Pubbliċi). Fir-rigward tad-Direttiva 2014/24, it-traspożizzjoni tagħha ġiet imwettqa permezz tal-Liġi XIII‑327, tat‑2 ta’ Mejju 2017. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Lulju 2017.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9

Mill-fajl li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fit‑22 ta’ Ġunju 2016, il-poliklinika Dainava ta’ Kaunas ippubblikat sejħa għal offerti miftuħa bit-titolu “Kiri ta’ materjal mediku ta’ dijanjożi tal-laboratorju u xiri tas-servizzi u tal-materjal sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tagħhom”. Din is-sejħa għal offerti kienet tinqasam f’tlettax-il lott. Il-valur tal-parti tas-sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ta’ EUR 250000.

10

Fl‑4 ta’ Lulju 2016, Roche Lietuva sostniet, fil-kuntest ta’ lment, li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi previsti fl-Anness Nru 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt inkwistjoni kienu jillimitaw b’mod inġustifikat il-kompetizzjoni bejn il-fornituri minħabba n-natura speċifika ħafna tagħhom u li dawn kienu fir-realtà adattati għall-karatteristiċi tal-prodotti ta’ ċerti manifatturi ta’ analizzaturi tad-demm. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Lulju 2016, il-poliklinika Dainava ta’ Kaunas, emendat ċerti dispożizzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

11

Fit‑28 ta’ Lulju 2016, peress li ma kinitx issodisfatta b’dawn l-emendi magħmula wara l-ilment tagħha, Roche Lietuva ppreżentat rikors quddiem il-qrati nazzjonali.

12

Kemm il-qorti tal-ewwel istanza kif ukoll il-qorti tal-appell, aditi minn Roche Lietuva, ċaħdu r-rikorsi ta’ din il-kumpannija, fis‑6 ta’ Ottubru u fl‑14 ta’ Diċembru 2016 rispettivament, b’mod partikolari għall-motivi, minn naħa, li poliklinika Dainava ta’ Kaunas kienet korrettament użat is-setgħa diskrezzjonali tagħha sabiex jiġu stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddettaljati fir-rigward tar-rekwiżiti tagħha bbażati fuq il-kwalità tat-testijiet u l-protezzjoni tas-saħħa tal-persuni u, min-naħa l-oħra, li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma kinitx uriet li s-sejħa għal offerti inkwistjoni kienet adattata għal apparat jew għal manifatturi speċifiċi.

13

Fit‑28 ta’ Diċembru 2016, il-poliklinika Dainava ta’ Kaunas irtirat is-sejħa għal offerti inkwistjoni, wara talba f’dan is-sens mill-Viešųjų pirkimų tarnyba (l-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Litwanja), peress li din l-awtorità kienet ikkonstatat ksur ta’ dispożizzjonijiet applikabbli differenti minn dawk indikati fit-talba għal deċiżjoni preliminari.

14

Fis‑17 ta’ Jannar 2017, Roche Lietuva ppreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema, il-Litwanja), li eżaminat din il-kawża fis‑17 ta’ Mejju 2017. Permezz ta’ digriet tad‑19 ta’ Ġunju 2017, din il-qorti ddeċidiet ex officio li tiftaħ mill-ġdid il-proċedura. Hija informat lill-partijiet dwar l-intenzjoni tagħha li tmur lil hinn mil-limiti tal-appell ta’ kassazzjoni u stiednithom, kif ukoll lill-Awtorità tal-Kuntratti Pubbliċi, jippreżentaw osservazzjonijiet fuq l-istipulazzjonijiet tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt mhux li jistabbilixxu r-rekwiżiti relatati mas-servizzi (analiżi mediċi), iżda dawk li jirrigwardaw il-materjal neċessarju għall-provvista ta’ dawn is-servizzi.

15

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-limiti tal-marġni ta’ diskrezzjoni ta’ awtorità kontraenti, bħall-konvenuta fil-kawża prinċipali, f’dak li jirrigwarda l-iffissar, fis-sejħa għal offerti, tal-karatteristiċi speċifiċi tal-provvisti mediċi li għandhom jinkisbu, meta din ikollha l-intenzjoni tiddisponi hekk mhux għal finijiet awtonomi, iżda bħala mezz sabiex isiru testijiet mediċi. F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti tistaqsi jekk din l-awtorità kontraenti tkunx tissodisfa r-rekwiżiti legali jekk il-funzjonament ta’ apparat kien iddefinit bħala rekwiżit funzjonali, mhux marbut mal-funzjonament iżolat jew mal-karatteristiċi ta’ dan l-apparat, iżda mar-riżultat ta’ dan il-funzjonament,b’mod partikolari fir-rigward tal-ħeffa jew tal-affidabbiltà tat-testijiet kif ukoll tal-metodi użati.

16

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Qorti Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 23, u tal-Anness VI tad-Direttiva 2004/18 1 (kemm flimkien jew separatament, iżda mhux limitatament għal dawn id-dispożizzjonijiet) għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fil-każ li awtorità kontraenti – istituzzjoni tal-kura tas-saħħa tal-bniedem – għandha l-intenzjoni takkwista provvisti (apparat u materjal ta’ dijanjosi medika) jew drittijiet speċifiċi fuqhom permezz ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku sabiex tkun tista’ twettaq testijiet b’mod awtonomu, is-setgħa diskrezzjonali tagħha tinkludi d-dritt li fl-speċifikazzjonijiet tekniċi jiġu stabbiliti biss dawk ir-rekwiżiti għall-imsemmija provvisti li ma jiddeskrivux separatament il-karatteristiċi operattivi (tekniċi) individwali u relatati mal-użu (funzjonali) tal-apparat u/jew materjali, iżda minflok [li jiddefinixxu] l-parametri kwalitattivi tat-testijiet li għandhom jitwettqu kif ukoll il-prestazzjoni tal-laboratorju tal-ittestjar, li l-kontenut tiegħu għandu jiġi deskritt b’mod separat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratt pubbliku inkwistjoni?”

Osservazzjonijiet preliminari

17

Il-qorti ta’ rinviju tirreferi, fid-domanda tagħha, għal ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/18. Fir-rigward tal-applikabbiltà ratione temporis ta’ din id-direttiva, għandu jiġi rrilevat li l-avviż ta’ kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie ppubblikat fit‑22 ta’ Ġunju 2016, jiġifieri wara d-data li fiha daħal fis-seħħ it-tħassir ta’ din id-direttiva, fejn skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tad-Direttiva 2014/24 din id-data kienet ġiet stabbilita għat‑18 ta’ April 2016.

18

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-direttiva applikabbli, bħala prinċipju, hija dik fis-seħħ fil-mument li fih l-awtorità kontraenti tagħżel it-tip ta’ proċedura li għandha tiġi segwita u tiddeċiedi definittivament il-kwistjoni ta’ jekk hemmx jew le, obbligu li ssir sejħa għal offerti qabel l-għoti ta’ kuntratt pubbliku (sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, Casertana Costruzioni, C‑223/16, EU:C:2017:685, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

19

Għandu jingħad ukoll li l-Artikoli 2 u 23 tad-Direttiva 2004/18 ġew essenzjalment riprodotti, rispettivament, fl-Artikolu 18(1) u fl-Artikoli 42 sa 44 tad-Direttiva 2014/24. Il-kontenut tal-Anness VI tad-Direttiva 2004/18 ġie essenzjalment riprodott fl-Anness VII tad-Direttiva 2014/24 Il-kundizzjonijiet applikabbli għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa tax-xogħolijiet, tas-servizzi jew tal-provvisti li jifformaw is-suġġett ta’ kuntratt huma iktar b’mod partikolari rregolati mill-Artikolu 42 ta’ din l-aħħar direttiva.

20

Minn dan isegwi li, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2014/24.

Fuq id-domanda preliminari

21

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, sa fejn, skont l-Artikoli 18 u 42 tad-Direttiva 2014/24, kif ukoll skont il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, awtorità kontraenti, fl-iffissar tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ sejħa għal offerti li tirrigwarda l-akkwist ta’ provvisti mediċi, għandha tagħti importanza lill-karatteristiċi individwali tal-apparat jew lir-riżultat tal-funzjonament ta’ dan l-apparat.

22

Preliminarjament, il-Kummissjoni Ewropea tistaqsi dwar l-ammissibbiltà ta’ din id-domanda fid-dawl tal-fatt li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti, li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali, ġiet irtirata, b’tali mod li l-imsemmija domanda hija ta’ natura ipotetika.

23

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, huwa esklużivament il-kompitu tal-qorti nazzjonali, li tkun adita bit-tilwima u li jkollha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li tevalwa, fid-dawl tal-karatteristiċi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, meħtieġa tagħti deċiżjoni. Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, id-domandi dwar id-dritt tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tirrifjuta li tagħti deċiżjoni dwar domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali, fis-sens tal-imsemmi artikolu, fil-każ biss li, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti dwar il-kontenut tat-talba għal deċiżjoni preliminari previsti fl-Artikolu 94 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkunux osservati jew meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni jew l-evalwazzjoni tal-validità ta’ regola tal-Unjoni, mitluba mill-qorti nazzjonali, ma għandhom l-ebda rabta mar-realtà jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali jew meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Confédération paysanne et, C‑528/16, EU:C:2018:583, punti 72 u 73, u l-ġurisprudenza ċċitata).

24

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju pprovdiet, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, diversi motivi li jindikaw ir-raġunijiet li għalihom, minkejja l-fatt li l-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet irtirata, kien għad hemm, skont id-dritt nazzjonali, interess ġuridiku fir-rigward tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat li d-domanda magħmula ma għandhiex titqies bħala li hija ta’ natura ipotetika u għandha, għalhekk, titqies bħala ammissibbli.

25

Fuq il-mertu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 42(1) tad-Direttiva 2014/24, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ddefiniti fil-punt 1 tal-Anness VII ta’ din id-direttiva huma msemmija fid-dokumenti tal-kuntratt u jiddefinixxu l-karatteristiċi meħtieġa tax-xogħlijiet, tas-servizzi jew tal-provvisti.

26

Skont l-Artikolu 42(3) ta’ din id-direttiva, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jistgħu jiġu fformulati b’diversi modi jew f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ rekwiżiti funzjonali, jew permezz ta’ riferiment għal speċifikazzjonijiet tekniċi u, fl-ordni ta’ preferenza, għall-istandards nazzjonali li jittrasponu standards Ewropej, għall-evalwazzjonijiet tekniċi Ewropej, għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi komuni, għall-istandards internazzjonali, għas-sistemi ta’ referenzi tekniċi oħrajn stabbiliti mill-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej jew, fin-nuqqas tagħhom, għall-istandards nazzjonali, għall-approvazzjonijiet tekniċi nazzjonali jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi nazzjonali relatati mad-disinn, mal-kalkolu u mat-twettiq tax-xogħlijiet u mal-użu tal-provvisti, jew permezz ta’ taħlita ta’ dawn iż-żewġ metodi.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi Artikolu 42(3), sa fejn jipprevedi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu fformulati f’termini ta’ prestazzjoni jew ta’ rekwiżiti funzjonali suffiċjentement preċiżi jew permezz ta’ riferiment għal speċifikazzjonijiet tekniċi u għal standards differenti, ma jeskludi bl-ebda mod li, f’sejħa għal offerti li tirrigwarda provvisti mediċi intiżi għat-twettiq ta’ testijiet mediċi, jiġu ppreċiżati karatteristiċi ta’ funzjonament u ta’ użu tal-appart u mezzi individwali mixtieqa.

28

Barra minn hekk, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-formulazzjoni tal-Artikolu 42(3) tad-Direttiva 2014/24 ma tistabbilixxix ġerarkija bejn il-metodi ta’ formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u ma tagħti ebda preferenza lil wieħed minn dawn il-metodi.

29

Min-naħa l-oħra, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tirrikonoxxi marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ lill-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ kuntratt.

30

Din il-marġni ta’ diskrezzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li huma l-awtoritajiet kontraenti li għandhom l-aħjar għarfien tal-provvisti li huma jeħtieġu u li jinsabu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiddeterminaw ir-rekwiżiti li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex jinkisbu r-riżultati mixtieqa.

31

Madankollu, id-Direttiva 2014/24 tistabbilixxi ċerti limiti li l-awtorità kontraenti għandha tosserva.

32

B’mod partikolari, fl-Artikolu 42(2) tad-Direttiva 2014/24 huwa meħtieġ li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jagħtu lill-operaturi ekonomiċi aċċess ugwali għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt u li dawn ma jistgħux ikollhom l-effett li joħolqu ostakoli mhux ġustifikati għall-ftuħ tal-kuntratti pubbliċi għall-kompetizzjoni.

33

Dan ir-rekwiżit jikkonkretizza, għall-finijiet tal-formulazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 18(1) ta’ din id-direttiva. Skont din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jittrattaw lill-operaturi ekonomiċi bl-istess mod u mingħajr diskriminazzjoni u għandhom jaġixxu b’mod trasparenti u proporzjonat.

34

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ trasparenza huma ta’ importanza kruċjali għal dak li jirrigwarda l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fid-dawl tar-riskji ta’ diskriminazzjoni marbutin kemm mal-għażla tagħhom, kif ukoll mal-mod ta’ kif dawn jiġu fformulati (ara, fir-rigward tad-Direttiva 2004/18, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2012, Il‑Kummissjoni vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, C‑368/10, EU:C:2012:284, punt 62).

35

Barra minn hekk fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2014/24 huwa ppreċiżat li kuntratt ma għandux isir bil-ħsieb li dan jiġi eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva jew li tiġi artifiċjalment limitata l-kompetizzjoni u li l-kompetizzjoni għandha titqies bħala artifiċjalment limitata meta kuntratt isir bil-ħsieb li jagħti vantaġġ jew żvantaġġ indebitu lil ċerti operaturi ekonomiċi.

36

Fl-istess sens, il-premessa 74 tad-Direttiva 2014/24 tipprovdi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom “jiġu abbozzati b’tali mod li jiġi evitat tnaqqis b’mod artifiċjali fil-kompetizzjoni permezz ta’ rekwiżiti li jiffavorixxu lil operatur ekonomiku speċifiku billi jirriflettu l-karatteristiċi ewlenin tal-provvisti, servizzi jew xogħlijiet li huma normalment offruti minn dak l-operatur ekonomiku”. Fil-fatt, skont din il-premessa wkoll, “għandu jkun possibbli li jintefgħu offerti li jirriflettu d-diversità ta’ soluzzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi fis-suq […]”.

37

L-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti hija iktar u iktar importanti meta, bħal f’dan il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inklużi fl-ispeċifikazzjonijiet ta’ kuntratt huma fformulati b’mod partikolarment iddettaljat. Fil-fatt, iktar ma l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jkunu ddettaljati, iktar ikun hemm riskju li l-prodotti ta’ manifattur partikolari jiġu pprivileġġati.

38

Ċertament, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 42(4) tad-Direttiva 2014/24, huwa possibbli, f’ċirkustanzi eċċezzjonali u meta ma jkunx possibbli li tingħata deskrizzjoni suffiċjentement preċiża u intelliġibbli tas-suġġett tal-kuntratt skont l-Artikolu 42(3) ta’ din id-direttiva, li jsir riferiment għal manifattura jew għal sors speċifiku jew għal proċess partikolari, li jikkaratterizza l-prodotti jew is-servizzi pprovduti minn operatur ekonomiku speċifiku, jew ukoll għal trade mark jew għal privattiva, sakemm is-suġġett tal-kuntratt jiġġustifika dan u sakemm il-kundizzjonijiet stabbiliti għal dan il-għan mid-Direttiva 2014/24 jiġu osservati, b’mod partikolari, sakemm dan ir-riferiment ikun akkumpanjat, fid-dokumenti tal-kuntratt, mill-espressjoni “jew ekwivalenti”. Madankollu, fid-dawl tan-natura derogatorja ta’ din id-dispożizzjoni, il-kundizzjonijiet li fihom l-awtorità kontraenti tista’ tagħmel użu minn tali possibbiltà għandhom jiġu interpretati b’mod strett.

39

Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi għal provvisti, il-fatt li ma tiżdiedx l-espressjoni “jew ekwivalenti” wara l-indikazzjoni, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ta’ prodott speċifiku jista’ mhux biss jiddisswadi lill-operaturi ekonomiċi li jużaw sistemi analogi għal dan il-prodott milli jipparteċipaw fis-sejħa għal offerti, iżda jista’ wkoll jostakola l-flussi ta’ importazzjoni fil-kummerċ transkonfinali fl-Unjoni, filwaqt li l-kuntratt jiġi rriżervat biss għall-fornituri li jipproponu li jużaw il-prodott speċifikament indikat (ara, f’dan is-sens, id-digriet tat‑3 ta’ Diċembru 2001, Vestergaard, C‑59/00, EU:C:2001:654, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

Fid-dawl tal-elementi preċedenti, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, filwaqt li jitqies il-marġni ta’ diskrezzjoni tal-awtorità kontraenti sabiex tiddetermina l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi skont ir-rekwiżiti kwalitattivi abbażi tas-suġġett tal-kuntratt inkwistjoni, in-natura partikolarment iddettaljata tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma twassalx sabiex jiġi ffavorit indirettament offerent.

41

Huwa importanti wkoll li l-livell ta’ dettall tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi josserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità, fatt li jimplika, b’mod partikolari, eżami tal-kwistjoni dwar jekk dan il-livell ta’ dettall huwiex meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa.

42

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li l-prinċipju ta’ proporzjonalità japplika b’mod partikolari fil-qasam sensittiv tas-saħħa pubblika. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tal-osservanza minn Stat Membru tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dan il-qasam, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost il-beni u l-interessi protetti mit-Trattat FUE u li jappartjeni lill-Istati Membri li jiddeċiedu fuq il-livell ta’ protezzjoni li huma jixtiequ jagħtu lis-saħħa pubblika u l-mod li bih dan il-livell għandu jintlaħaq. Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, l-Istati Membri għandu jkollhom marġni ta’ diskrezzjoni (sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2017, Medisanus, C‑296/15, EU:C:2017:431, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

Għandu jiġi rrilevat ukoll f’dan il-kuntest li, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 11 tar-Rakkomandazzjonijiet lill-qrati nazzjonali, dwar l-introduzzjoni ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2018, C 257, p. 1), għalkemm, sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu neċessarjament inkunsiderazzjoni l-kuntest ġuridiku u fattwali tat-tilwima fil-kawża prinċipali, hekk kif ġie ddefinit mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, hija ma tapplikax, hija stess, id-dritt tal-Unjoni għal din it-tilwima. Meta hija tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni jew il-validità tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tipprova tagħti risposta utli għas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali, iżda hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi konkreti minn din ir-risposta. Għal dawn ir-raġunijiet, l-interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja hija normalment espressa in abstracto.

44

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni msemmija hawn fuq, li għandha tevalwa konkretament il-konformità tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità.

45

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikoli 18 u 42 tad-Direttiva 2014/24 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jimponux lill-awtorità kontraenti, fl-iffissar tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ sejħa għal offerti li tirrigwarda l-akkwist ta’ provvisti mediċi, tinvoka, bħala prinċipju, jew l-importanza tal-karatteristiċi individwali tal-apparat mediku, jew l-importanza tar-riżultat tal-funzjonament ta’ dan l-apparat, iżda jeħtieġu li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fit-totalità tagħhom, josservaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża adita biha, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inkwistjoni jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

Fuq l-ispejjeż

46

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 18 u 42 tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn ma jimponux lill-awtorità kontraenti, fl-iffissar tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ sejħa għal offerti li tirrigwarda l-akkwist ta’ provvisti mediċi, tinvoka, bħala prinċipju, jew l-importanza tal-karatteristiċi individwali tal-apparat mediku, jew l-importanza tar-riżultat tal-funzjonament ta’ dan l-apparat, iżda jeħtieġu li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, fit-totalità tagħhom, josservaw il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa jekk, fil-kawża adita biha, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi inkwistjoni jissodisfawx dawn ir-rekwiżiti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

( 1 ) Fil-punt 45 u fid-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li kien tqiegħed online għall-ewwel darba.