SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika tal-ażil – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 31(8) u Artikolu 32(2) – Applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali manifestament infondata – Kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur – Assenza ta’ regoli nazzjonali dwar dan il-kunċett – Dikjarazzjonijiet tal-applikant meqjusa bħala affidabbli iżda insuffiċjenti fid-dawl tan-natura sodisfaċenti tal-protezzjoni offruta mill-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant”

Fil-Kawża C‑404/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Förvaltningsrätten i Malmö – Migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Lulju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Lulju 2017, fil-proċedura

A

vs

Migrationsverket,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, S. Rodin, u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz, H. Shev u L. Zettergren, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Fadoju, C. Crane u S. Brandon, bħala aġenti, assistiti minn D. Blundell, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u M. Condou‑Durande, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn A u l-Migrationsverket (l-Uffiċċju tal-Migrazzjoni, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) dwar id-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jiċħad l-applikazzjoni ta’ A għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat u għal awtorizzazzjoni ta’ residenza, li jordna r-ritorn tiegħu lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u li jipprojbixxilu milli jirritorna l-Isvezja għal sentejn.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 23(4)(g) tad-Direttiva tal-Kunsill 2005/85/KE ta’ l‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU L 175M, p. 168) huwa fformulat kif ġej:

“L-Istati Membri jistgħu wkoll jistabbilixxu li tiġi prijoritizzata jew aċċelerata proċedura ta’ eżami konformement mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II jekk:

[…]

(g)

l-applikant ressaq sottomissjonijiet inkonsistenti, kontradittorji, improbabbli jew insuffiċjenti li jagħmlu t-talba tiegħu xejn konvinċenti fir-rigward tal-kwistjoni jekk kienx jew le l-oġġett ta’ persekuzzjoni […]”

4

Id-Direttiva 2013/32 tipprovdi, fil-premessi 11, 12, 18, 40, 41 u 42 tagħha:

“(11)

Sabiex tiġi żgurata evalwazzjoni komprensiva u effiċjenti tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni internazzjoni tal-applikanti fis-sens tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija [(ĠU 2011, L 337, p. 9)], il-qafas tal-Unjoni dwar il-proċeduri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali għandu jkun ibbażat fuq il-kunċett ta’ proċedura unika.

(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva hu li jiġu żviluppati aktar l-istandards għall-proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali bl-għan li tiġi stabbilita proċedura komuni tal-asil fl-Unjoni.

[…]

(18)

Huwa fl-interessi ta’ kemm l-Istati Membri kif ukoll tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li deċiżjoni tittieħed malajr kemm jista’ jkun dwar l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut

[…]

(40)

Konsiderazzjoni ċentrali ta’ bażi tajba għall-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali hija s-sigurtà tal-applikant fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu. Meta pajjiż terz ikun jista’ jiġi meqjus bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jikklassifikawh bħala bla periklu u jassumu s-sigurtà tiegħu għal applikant partikolari, sakemm huwa ma jippreżentax kontraindikazzjonijiet.

(41)

Fid-dawl tal-livell ta’ armonizzazzjoni milħuq dwar il-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ta’ persuni apolidi bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu stabbiliti kriterji komuni sabiex pajjiżi terzi jiġu indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu.

(42)

L-indikazzjoni ta’ pajjiż terz bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet ta’ din id-Direttiva ma tistax tistabbilixxi garanzija ta’ sigurtà assoluta għaċ-ċittadini ta’ dak il-pajjiż. Fin-natura stess tagħha, il-valutazzjoni li tkun il-bażi tal-indikazzjoni tista’ tieħu kont biss taċ-ċirkostanzi ċivili, legali u politiċi ġenerali f’dak il-pajjiż u tikkunsidra jekk l-awturi tal-persekuzzjoni, tat-tortura jew ta’ trattament jew kastig inuman jew degradanti humiex suġġetti għal sanzjonijiet fil-prattika meta jinstabu responsabbli f’dak il-pajjiż. Għal din ir-raġuni, huwa importanti li, fejn applikant juri li jkun hemm raġunijiet validi sabiex il-pajjiż ma jiġix kunsidrat bħala wieħed bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu, l-indikazzjoni tal-pajjiż bħala wieħed bla periklu ma tistax aktar tiġi meqjusa bħala relevanti għalih.”

5

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali […]”.

6

L-Artikolu 31 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Proċedura ta’ eżami”, li bih jibda l-Kapitolu III, li min-naħa tiegħu għandu t-titolu “Proċeduri ta’ prima istanza”, jipprovdi dan li ġej:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami b’konformità mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża mill-aktar fis possibbli, mingħajr preġudizzju għal eżami adegwat u komplet.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

[…]

8.   L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li proċedura ta’ eżami konformi mal-prinċipji u l-garanziji bażiċi tal-Kapitolu II tiġi mgħaġġla u/jew titmexxa fil-fruntiera jew fiż-żoni ta’ transitu taħt l-Artikolu 43 jekk:

(a)

l-applikant, fil-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tiegħu/tagħha u fil-preżentazzjoni tal-fatti, qajjem biss kwistjonijiet li mhumiex relevanti għall-eżami dwar jekk huwa/hija jikkwalifikax/tikkwalifikax jew le bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

(b)

l-applikant ikun ġej minn pajjiż ta’ oriġini bla periklu skont it-tifsira ta’ din id-Direttiva jew

[…]

(e)

l-applikant ikun għamel rappreżentazzjonijiet li b’mod ċar kienu inkonsistenti u kontradittorji li jkunu foloz jew manifestament improbabbli jew insuffiċjenti li jikkontradixxu informazzjoni vverfikata kif xieraq dwar il-pajjiż ta’ oriġini, li konsegwentement jwasslu biex it-talba tiegħu/tagħha ma tkunx tidher konvinċenti fir-rigward tad- jekk huwa/hija jikkwalifikaw/tikkwalifikax bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]; jew

[…]”

7

Skont l-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32:

“F’każijiet ta’ applikazzjonijiet bla bażi li fihom tapplika kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi elenkati fl-Artikolu 31(6) l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkunsidraw applikazzjoni bħala manifestament bla bażi jekk tkun definita hekk fil-liġi nazzjonali.”

8

L-Artikolu 36 ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ din id-Direttiva jista’, wara eżami individwali tal-applikazzjoni, ikun ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għal applikant partikolari biss jekk:

(a)

l-applikant ikollu/ikollha ċ-ċittadinanza ta’ dak il-pajjiż; jew

(b)

l-applikant ikun/tkun persuna apolida u kien/kienet, preċedentement, abitwalment residenti f’dak il-pajjiż;

u ma ppreżenta/ppreżentat l-ebda raġuni serja sabiex il-pajjiż ma jiġix ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu/tagħha fis-sens tal-kwalifika tiegħu/tagħha bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].

2.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu fil-liġi nazzjonali regoli u modalitajiet ulterjuri għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini bla periklu.”

9

L-Artikolu 37 tad-Direttiva 2013/32, bit-titolu “Indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi terzi kkunsidrati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu”, jipprovdi li:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jżommu fis-seħħ jew jintroduċu leġislazzjoni li tippermetti, konformement mal-Anness I, l-indikazzjoni nazzjonali ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tal-eżami ta’ applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrivedu regolarment is-sitwazzjoni fil-pajjiżi terzi indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu taħt dan l-Artikolu.

3.   Il-valutazzjoni ta’ pajjiż sabiex jiġi determinat jekk huwiex pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ dan l-Artikolu għandha tkun ibbażata fuq firxa ta’ sorsi ta’ informazzjoni, inkluż b’mod partikolari informazzjoni mill-Istati Membri, mill-[Uffiċċju Ewropew ta’ Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO)], mill-[Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR)], mill-Kunsill tal-Ewropa u minn organizzazzjonijiet internazzjonali relevanti oħra.

4.   L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-pajjiżi li jiġu indikati bħala pajjiżi ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ dan l-Artikolu.”

10

Skont l-Anness I ta’ din id-direttiva, bit-titolu “Indikazzjoni ta’ pajjiżi ta’ oriġini bla periklu għall-finijiet tal-Artikolu 37(1)”:

“Pajjiż ikun kunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fejn, abbażi tas-sitwazzjoni legali, l-applikazzjoni tal-liġi fi ħdan sistema demokratika u ċ-ċirkostanzi politiċi ġenerali, ikun jista’ jiġi muri li ġeneralment u konsistentement ma hemmx persekuzzjoni kif definita fl-Artikolu 9 tad-Direttiva [2011/95], ebda tortura jew trattament jew punizzjoni inumani jew degradanti, u ebda theddida minn vjolenza indiskriminata f’sitwazzjonijiet ta’ konflitt armat internazzjonali jew intern.

Meta ssir din il-valutazzjoni, għandu jittieħed kont inter alia tal-entità tal-protezzjoni pprovduta kontra l-persekuzzjoni jew it-trattament ħażin permezz ta’ dawn li ġejjin:

(a)

il-liġijiet u r-regolamenti relevanti tal-pajjiż u l-mod li bih huma applikati;

(b)

l-osservanza tad-drittijiet u l-libertajiet stabbiliti fil-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950,] u/jew il-Ftehim Internazzjonali għad-Drittijiet Ċivili u Politiċi[, adottat fis‑16 ta’ Diċembru 1966 mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonjiet Uniti,] u/jew il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra t-Tortura, b’mod partikolari d-drittijiet li minnhom ma tistax issir deroga taħt l-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea msemmija;

(c)

ir-rispett għall-prinċipju ta’ non-refoulement b’konformita’ mal-[Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951];

(d)

id-dispożizzjonijiet li jipprovdu għal sistema ta’ rimedji effettivi kontra l-ksur ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet.”

11

L-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32, bit-titolu “Id-dritt għal rimedju effettiv”, jinkludi l-paragrafi 5 u 6 li huma redatti kif ġej:

“5.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti li jibqgħu fit-territorju tagħhom sakemm jiskadi ż-żmien li fih ikollhom id-dritt għal rimedju effettiv jew, meta tali dritt ġie eżerċitat fil-limitu ta’ żmien, sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju.

6.   Fil-każ li tittieħed deċiżjoni:

(a)

li tikkunsidra applikazzjoni bħala manifestament bla bażi taħt l-Artikolu 32(2) […]

[…]

qorti jew tribunal għandu jkollu s-setgħa li jiddeċiedi jekk l-applikant jistax jibqa’ jew le fit-territorju tal-Istat Membru, jew fuq talba tal-applikant jew billi jiddeċiedi ex officio, jekk tali deċiżjoni tirriżulta fit-terminazzjoni tad-dritt tal-applikant li jibqa’ fl-Istat Membru u fejn, f’każijiet bħal dawn, id-dritt ta’ rimanenza fl-Istat Membru sa meta joħroġ ir-riżultat tar-rimedju ma tkunx prevista fil-liġi nazzjonali.”

Id-dritt Svediż

12

Il-qorti tar-rinviju tindika li d-dritt Svediż ma jinkludi ebda dispożizzjoni leġiżlattiva jew regolamentari dwar il-pajjiżi ta’ oriġini siguri fis-sens tad-Direttiva 2013/32.

13

Il-paragrafu 19 tal-Kapitolu 8 tal-utlänningslag (il-Liġi dwar il-Barranin) (SFS 2005, Nru 716), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2016, kien jipprevedi li l-Uffiċċju seta’ jordna l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija tiegħu, u dan anki qabel ma dawn ikunu saru definittivi, jekk l-applikazzjoni għall-ażil kienet manifestament infondata u manifestament ma kienx hemm raġuni oħra sabiex l-applikant jingħata permess ta’ residenza.

14

Skont il-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni ġiet emendata b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2017 sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni, fid-dritt Svediż, ir-riformulazzjoni tal-proċeduri tal-asil imwettqa mid-Direttiva 2013/32 u, b’mod partikolari, l-Artikolu 31(8) tagħha. L-Uffiċċju jista’ għalhekk, minn din id-data, jordna l-eżekuzzjoni immedjata tad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija tiegħu, u dan anki qabel ma dawn ikunu saru definittivi, meta l-fatti pprovduti miċ-ċittadin barrani huma “irrilevanti” għall-finijiet tal-applikazzjoni għall-ażil tiegħu, jew “ma humiex affidabbli”, b’tali mod li l-applikazzjoni għall-ażil tiegħu għandha titqies bħala manifestament infondata u, barra minn hekk, permess ta’ residenza manifestament ma jistax jingħata għal motiv ieħor.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

15

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li f’Marzu 2017 A, ċittadin Serb, ippreżenta applikazzjoni għall-ażil u għal awtorizzazzjoni ta’ residenza fl-Isvezja.

16

Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, huwa sostna li, bejn l‑2001 u l‑2003, huwa kien vittma ta’ theddid u ta’ vjolenza minn grupp paramilitari illegali u li huwa kien ressaq ilment kontra dan il-grupp fl‑2003. Huwa rrefera għall-fatt li sal‑2012 huwa kien f’programm ta’ protezzjoni tax-xhieda mmexxi mill-awtoritajiet Serbi u mill-Missjoni ta’ Amministrazzjoni Temporanja tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Kosovo (MTNUK), iżda li din il-protezzjoni wasslitu sabiex jitqiegħed f’diversi postijiet fis-Serbja, inkluż fil-ħabs. Tali kundizzjonijiet wassluh, sa mill‑2012, sabiex jirrinunzja għall-istatus ta’ xhud protett u sabiex jippreferi jieħu refuġju fil-villaġġ ta’ oriġini tiegħu, u dan minkejja theddid ta’ mewt li huwa kien baqa’ jirċievi.

17

L-Uffiċċju ċaħad din l-applikazzjoni peress li qies li din kienet manifestament infondata minħabba li, skont l-informazzjoni pprovduta mill-applikant innifsu, ir-Repubblika tas-Serbja kienet f’pożizzjoni li toffrilu protezzjoni effettiva u li prinċipalment huma l-awtoritajiet tal-pajjiż ta’ oriġini li għandhom jiżguraw protezzjoni kontra theddid bħal dak li huwa jqis li kien is-suġġett tiegħu.

18

Flimkien ma’ din iċ-ċaħda kien hemm l-obbligu ta’ tluq mit-territorju b’effett immedjat fid-dawl tal-assenza manifesta ta’ element li jippermetti li tintlaqa’ l-applikazzjoni għall-ażil u tal-fatt li A ma kienx ressaq argumenti rilevanti insostenn tal-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza.

19

A appella mid-deċiżjoni tal-Uffiċċju quddiem il-Förvaltningsrätten i Malmö — Migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni, l-Isvezja), li ssospendiet l-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ tluq mit-territorju.

20

Din il-qorti tistaqsi dwar kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32, li, moqri flimkien mal-Artikolu 32(2) tal-istess direttiva, jippermetti lill-Istati Membri jiċħdu ċerta applikazzjonijiet bħala manifestament infondati.

21

F’dawn il-ċirkustanzi il-Förvaltningsrätten i Malmö — Migrationsdomstolen (il-Qorti Amministrattiva sedenti f’Malmö, li tiddeċiedi kwistjonijiet dwar l-immigrazzjoni), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Applikazzjoni li fiha l-informazzjoni, pprovduta mill-applikant, li hija meqjusa bħala affidabbli – u li sservi għalhekk bħala bażi għall-eżami tal-imsemmija applikazzjoni [–], iżda insuffiċjenti sabiex tistabbilixxi bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi li l-informazzjoni mill-pajjiż tal-oriġini tindika li l-awtoritajiet joffru protezzjoni aċċettabbli, għandha tiġi meqjusa bħala manifestament infondata skont l-Artikolu 31(8) tad-Direttiva riformulata 2013/32?”

Fuq id-domanda preliminari

22

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 31(8)(b) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies bħala manifestament infondata f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, minn naħa, mill-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jirriżulta li protezzjoni aċċettabbli tista’ tiġi żgurata lilu f’dak il-pajjiż u, min-naħa l-oħra, dan l-applikant ipprovda informazzjoni insuffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni ma adottax regoli li jimplimentaw il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur.

23

Hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Uffiċċju, essenzjalment, ċaħad l-applikazzjoni ta’ A bħala manifestament infondata skont id-dritt nazzjonali li jittrasponi d-Direttiva 2013/32, għall-motivi kkunsidrati flimkien li, fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħu, is-Serbja, kien hemm protezzjoni effikaċi u huwa ma kienx wera’ li dan il-pajjiż ma kienx joffrilu protezzjoni suffiċjenti kontra t-theddid li huwa kien iqis li kien is-suġġett tiegħu.

24

B’dan il-mod, l-Uffiċċju bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq raġunament simili għal dak li jipprevedu l-Artikoli 36 u 37 tad-Direttiva 2013/32 għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati miċ-ċittadini ta’ pajjiżi ta’ oriġini siguri.

25

Dawn id-dispożizzjonijiet jistabbilixxu skema partikolari ta’ eżami bbażata fuq forma ta’ preżunzjoni konfutabbli ta’ protezzjoni suffiċjenti fil-pajjiż ta’ oriġini, li tista’ tiġi kkonfutata mill-applikant jekk huwa jagħti prova ta’ raġunijiet imperattivi relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu.

26

Fl-assenza ta’ tali raġunijiet imperattivi, l-applikazzjoni tista’ tiġi miċħuda bħala manifestament infondata, skont id-dispożizzjonijiet ikkunsidrati flimkien tal-Artikolu 31(8)(b) u tal-Artikolu 32(2) tad-Direttiva 2013/32, jekk is-sitwazzjoni kkonċernata— f’dan il-każ il-fatt li l-applikant ġej minn pajjiż ta’ oriġini sigur— hija ddefinita bħala tali fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

27

Waħda mill-konsegwenzi għall-persuna kkonċernata li l-applikazzjoni tagħha tiġi miċħuda fuq din il-bażi hija li, kuntrarjament għal dak li huwa previst fil-każ ta’ ċaħda sempliċi, hija ma tistax tiġi awtorizzata tibqa’ fit-territorju tal-Istat Membru li fih tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni sal-eżitu tal-appell tagħha, hekk kif jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 46(5) u (6) tad-Direttiva 2013/32.

28

F’dan il-kuntest, kull Stat Membru għandu jindika pajjiżi ta’ oriġini siguri fis-sens ta’ din il-leġiżlazzjoni, skont il-modalitajiet previsti fl-Artikoli 36 u 37 kif ukoll fl-Anness I tad-Direttiva 2013/32, jiġifieri, b’mod partikolari, l-adozzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali ta’ lista ta’ pajjiżi terzi skont il-kriterji stabbiliti fl-Anness I, l-istabbiliment ta’ regoli u ta’ modalitajiet supplimentari ta’ implimentazzjoni, in-notifika lill-Kummissjoni tal-lista ta’ pajjiżi ta’ oriġini siguri u r-reviżjoni regolari tagħha.

29

Il-qorti tar-rinviju tindika f’dan ir-rigward li, fid-data tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża prinċipali, li fiha t-terminu għat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2013/32 kien skada, ir-Renju tal-Isvezja la kien adotta dispożizzjonijiet bħal dawk imsemmija fil-punt preċedenti, u lanqas kien ippreveda li l-fatt li persuna tkun ġejja minn pajjiż ta’ oriġini sigur jista’ jwassal għal ċaħda tal-applikazzjoni bħala manifestament infondata fis-sens tal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva.

30

Issa, għandu jitfakkar li, skont il-premessi 11 u 12 kif ukoll skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32, il-qafas għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali huwa bbażat fuq il-kunċett ta’ proċedura unika u fuq regoli minimi komuni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑31 ta’ Jannar 2013, D.u A., C‑175/11, EU:C:2013:45, punt 57).

31

Stat Membru ma jistax, għaldaqstant, jibbaża ruħu fuq il-preżunzjoni konfutabbli stabbilita mir-regoli tad-Direttiva 2013/32 dwar il-proċeduri bbażati fuq il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur mingħajr ma jwettaq ukoll implimentazzjoni sħiħa ta’ dawn ir-regoli fir-rigward tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li huwa għandu jadotta.

32

Fir-rigward tad-dubji espressi mill-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-possibbiltà, abbażi tal-Artikolu 31(8) tad-Direttiva 2013/32, li applikazzjoni titqies bħala manifestament infondata minħabba li d-dikjarazzjonijiet tal-applikant huma insuffiċjenti, għandu jitfakkar li din id-direttiva rriformulat id-Direttiva 2005/85.

33

Issa, għalkemm huwa veru li l-Artikolu 23(4)(g) tad-Direttiva 2005/85, kien jirreferi għall-każ ta’ dikjarazzjonijiet “insuffiċjenti” tal-applikant, l-Artikolu 31(8)(e) tad-Direttiva 2013/32, li ssostitwixxa din id-dispożizzjoni, ma jsemmix iktar dan il-każ.

34

Għaldaqstant, mill-kliem tal-Artikolu 31(8)(e) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, jirriżulta li Stat Membru ma jistax iqis applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali bħala manifestament infondata minħabba n-natura insuffiċjenti tad-dikjarazzjonijiet tal-applikant.

35

Sussegwentement, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 31(8)(b) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies bħala manifestament infondata f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, minn naħa, mill-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jirriżulta li protezzjoni aċċettabbli tista’ tiġi żgurata lilu f’dak il-pajjiż u, min-naħa l-oħra, dan l-applikant ipprovda informazzjoni insuffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni ma adottax regoli li jimplimentaw il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur.

Fuq l-ispejjeż

36

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 31(8)(b) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, moqri flimkien mal-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali titqies bħala manifestament infondata f’sitwazzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, minn naħa, mill-informazzjoni dwar il-pajjiż ta’ oriġini tal-applikant jirriżulta li protezzjoni aċċettabbli tista’ tiġi żgurata lilu f’dak il-pajjiż u, min-naħa l-oħra, dan l-applikant ipprovda informazzjoni insuffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali, meta l-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni ma adottax regoli li jimplimentaw il-kunċett ta’ pajjiż ta’ oriġini sigur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.