SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Trasferiment ta’ skart – Rifjut tar-Repubblika Ċeka li tiżgura t-teħid lura tat-taħlita TPS-NOLO (Geobal) ttrasferita minn dan l-Istat Membru lejn il-Polonja – Eżistenza ta’ skart – Oneru tal-prova – Prova”

Fil-Kawża C‑399/17,

li għandu bħala suġġett rikors ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, imressaq fit-3 ta’ Lulju 2017,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn P. Němečková, E. Sanfrutos Cano u L. Haasbeek, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika Ċeka, irrappreżentata minn M. Smolek, J. Vláčil u T. Müller kif ukoll minn L. Dvořáková, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev, E. Regan u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Wahl,

Reġistratur: M. Aleksejev, kap tal-unità

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Settembru 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja li tikkonstata li, billi rrifjutat li tiżgura t-teħid lura mir-Repubblika Ċeka tat-taħlita TPS-NOLO jew Geobal (iktar ’il quddiem it-“TPS-NOLO (Geobal)”) ittrasferita minn dan l-Istat Membru lejn Katowice (il-Polonja), ir-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha skont l-Artikolu 24(2) u tal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1013/2006

2

Skont l-Artikolu Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1013/2006, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

[…]”

3

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)

‘skart’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9), issostitwita, mit-12 ta’ Diċembru 2010, bid-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), li l-Artikolu 3 tagħha essenzjalment jirriproduċi id-definizzjoni ta’ ‘skart’ ipprovduta fid-Direttiva 2006/12].

[…]

19)

‘awtorità kompetenti tad-dispaċċ’ tfisser l-awtorità kompetenti għaż-żona li minnha jibda jew huwa ippjanat li jibda vjeġġ;

20)

‘awtorità kompetenti tad-destinazzjoni’ tfisser l-awtorità kompetenti għaż-żona li fiha jasal jew huwa ppjanat li jasal il-vjeġġ […];

[…]

22)

‘pajjiż tad-dispaċċ’ tfisser kwalunkwe pajjiż li minnu jibda jew huwa ippjanat li jibda vjeġġ ta’ skart;

23)

‘pajjiż tad-destinazzjoni’ tfisser kwalunkwe pajjiż li fih jasal jew ikun ippjanat li jasal vjeġġ ta’ skart […];

[…]

35)

‘vjeġġ illegali’ tfisser kwalunkwe vjeġġ ta’ skart li jittwettaq:

a)

mingħajr notifika lill-awtoritajiet kompetenti kollha involuti b’mod konformi ma’ dan ir-Regolament; jew

[…]

g)

li, in konnessjoni ma vjeġġi ta’ skart kif imsemmija fl-Artikoli 3(2) u (4), irriżulta minħabba li:

[…]

iii)

il-vjeġġ twettaq b’mod mhux speċifikat materjalment fid-dokument espost fl-Anness VII;

[…]”

4

Skont l-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament Nru 1013/2006, it-trasferimenti transkonfinali fi ħdan l-Unjoni għandhom, skont in-natura u t-trattament tal-iskart u għaldaqstant u dment li dawn ikunu jeċċedu l-kwantità ta’ 20 kilogram (kg), ikunu s-suġġett ta’ proċedura ta’ notifika quddiem l-awtoritajiet kompetenti jew ta’ informazzjoni lil dawn tal-aħħar.

5

L-Artikolu 24(1) u (2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“1.   Fejn xi awtorità kompetenti tiskopri vjeġġ li hija tikkunsidra bħala vjeġġ illegali, hija għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn konċernati.

2.   Jekk ir-responsabbiltà ta’ vjeġġ illegali tkun tan-notifikatur, l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ għandha tiżgura li l-iskart in kwistjoni jiġi:

a)

meħud lura min-notifikatur de facto; jew, jekk ebda notifika ma tkun ġiet preżentata;

b)

meħud lura min-notifikatur de iure; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

ċ)

meħud lura mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

d)

alternattivament irkuprat jew mormi fil-pajjiż tad-destinazzjoni jew tad-dispaċċ mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha; jew, jekk mhux prattikament possibbli,

e)

alternattivament irkuprat jew mormi f’pajjiż ieħor mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ innifisha jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha jekk l-awtoritajiet kompetenti kollha konċernati jaqblu.

Dan it-teħid lura, rimi jew irkupru għandu jseħħ fi żmien 30 jum, jew f’perjodu ieħor li jista’ jiġi miftiehem bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati, minn meta l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ issir taf jew kienet avżata bil-miktub mill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni jew transitu bil-vjeġġ illegali u tiġi informata bir-raġuni(jiet) għalih. Tali avviż jista’ jirriżulta minn informazzjoni preżentata lill-awtoritajiet kompetenti tad-destinazzjoni jew transitu inter alia minn awtoritajiet kompetenti oħrajn.

F’każijiet ta’ teħid lura kif imsemmi f’(a), (b) u (ċ), għandha tiġi preżentata notifika ġdida, ħlief jekk l-awtoritajiet kompetenti konċernati jaqblu li tkun biżżejjed talba debitament motivata mill-awtorità kompetenti inizjali tad-dispaċċ.

In-notifika ġdida għandha tiġi preżentata mill-persuna jew awtorità elenkata f’(a), (b) jew (ċ) u skond dik l-ordni gradata.

L-ebda awtorità kompetenti ma għandha topponi jew toġġezzjona għar-ritorn ta’ skart minn vjeġġ illegali. Fil-każ ta’ arranġamenti alternattivi kif imsemmija f’(d) u (e) mill-awtorità kompetenti tad-dispaċċ, għandha tiġi preżentata notifika ġdida mill-awtorità kompetenti inizjali tad-dispaċċ jew minn persuna fiżika jew ġuridika f’isimha sakemm l-awtoritajiet kompetenti konċernati ma jaqblux li hija suffiċjenti talba debitament motivata minn dik l-awtorità.”

6

Skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006:

“1.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jistgħux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni fir-rigward tad-distinzjoni bejn dak li huwa skart u dak li mhuwiex skart, il-materja in kwistjoni għandha tiġi trattata bħallikieku kienet skart. Dan għandu jkun bla preġudizzju għad-dritt tal-pajjiż tad-destinazzjoni li jittratta l-materjal trasportat skond il-liġi nazzjonali tiegħu, wara l-wasla tal-materjal trasportat, u fejn tali liġi tikkonforma mal-liġi Komunitarja jew internazzjonali.

2.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jistgħux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-iskart notifikat kif elenkat fl-Anness III, IIIA, IIIB jew IV, l-iskart għandu jitqies bħala elenkat fl-Anness IV.

3.   Jekk l-awtoritajiet kompetenti tad-dispaċċ u tad-destinazzjoni ma jistgħux jaqblu dwar il-klassifikazzjoni ta’ l-operazzjoni notifikata ta’ trattament ta’ skart bħala waħda ta’ rkupru jew ta’ rimi, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet dwar ir-rimi.

4.   Il-paragrafi 1 sa 3 għandhom japplikaw biss għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, u għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-partijiet interessati li jirrisolvu kull tilwima konnessa ma’ dawn il-kwistjonijiet quddiem qorti jew tribunal.”

7

L-intestatura A3190 tal-Lista A li tinsab fil-Parti 1 tal-Anness V tar-Regolament Nru 1013/2006 hija ddefinita kif ġej:

“Fdalijiet ta’ skart imċappas bil-qatran (minbarra siment ta’ l-asfalt) li jiġu minn raffinar, distillazzjoni jew kwalunkwe trattament pirolitiku ieħor ta’ materjali organiċi.”

Id-Direttiva 2006/12

8

Il-premessa 2 tad-Direttiva 2006/12 tiddikjara:

“L-objettiv essenzjali tad-dispożizzjonijiet kollha dwar l-immaniġġar ta’ l-iskart għandu jkun il-protezzjoni tas-saħħa umana u ta’ l-ambjent kontra l-effetti ħżiena kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mit-trattament, mill-ħażna u mit-tbattil ta’ l-iskart.”

9

L-Artikolu 1(1)(a) ta’ din id-direttiva jiddefinixxi l-i“skart” bħala “kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”.

Id-Direttiva 2008/98

10

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1)

‘skart’ tfisser kwalunkwe sustanza jew oġġett li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi

[…]”

11

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Ċertu skart speċifikat m’għandux jibqa’ kunsidrat skart fis-sens tal-punt (1) ta’ l-Artikolu 3 meta dan ikun għadda minn operazzjoni ta’ rkupru, inkluż ir-riċiklaġġ, u jkun jikkonforma ma’ kriterji speċifiċi li għandhom jiġu żviluppati skond il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

is-sustanza jew l-oġġett ikun użat komunement għal skopijiet speċifiċi;

b)

kun jeżisti suq jew tkun teżisti domanda għal tali sustanza jew oġġett;

ċ)

is-sustanza jew l-oġġett jissodisfa r-rekwiżiti tekniċi għall-iskopijiet speċifiċi msemmija fil-punt (a) u jissodisfa l-leġiżlazzjoni u l-istandards eżistenti applikabbli għall-prodotti; u

d)

l-użu tas-sustanza jew l-oġġett ma jwasslux għal impatti ġenerali li jagħmel ħsara lill-ambjenta jew lis-saħħa tal-bniedem.

Fejn ikun meħtieġ, il-kriterji għandhom jinkludu valuri ta’ limiti għal sustanzi li jniġġsu u għandhom jieħdu kont ta’ l-effetti avversi kollha possibbli li s-sustanza jew l-oġġett jista’ jkollhom fuq l-ambjent.”

Ir-Regolament REACH

12

Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta’ sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU 2006, L 396, p. 1), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 (ĠU 2008, L 353, p. 1) (iktar ’il quddiem, ir-“Regolament REACH”):

“L-iskart kif definit fid-Direttiva 2006/12/KE […] mhuwiex sustanza, preparat jew oġġett fis-sens ta’ l-Artikolu 3 ta’ dan ir-Regolament.”

13

L-Artikolu 128 tar-Regolament REACH jipprovdi:

“1.   Suġġett għall-paragrafu 2, l-Istati Membri m’għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu l-manifattura, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ sustanza, waħidha, fi preparat jew f’oġġett, li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li tikkonforma ma’ dan ir-Regolament u, fejn ikun il-każ, ma’ l-atti Komunitarji adottati fl-implementazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Xejn f’dan ir-Regolament m’għandu jimpedixxi l-Istati Membri milli jżommu jew jistabbilixxu regoli nazzjonali sabiex jipproteġu lill-ħaddiema, lis-saħħa tal-bniedem u lill-ambjent li japplikaw fil-każijiet fejn dan ir-Regolament ma jarmonizzax ir-rekwiżiti dwar il-manifattura, t-tqegħid fis-suq jew l-użu.”

Il-proċedura prekontenzjuża u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

14

Bejn l-aħħar tas-sena 2010 u l-bidu tas-sena 2011, operatur Ċek ittrasferixxa minn Litvínov (ir-Repubblika Ċeka) lejn Katowice (il-Polonja), madwar 20000 tunnellata ta’ TPS-NOLO (Geobal), taħlita komposta ta’ aċidu tal-qatran li joriġina mir-raffinar taż-żejt, ta’ trab tal-karbonju u ta’ ossidu tal-kalċju.

15

Din it-taħlita tpoġġiet, kollha jew parti minnha, fuq art mikrija mill-importatur Pollakk u li tinsab f’Katowice, triq Karol Woźniak.

16

Fil-11 ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Pollakki informaw lill-ministeru tal-ambjent Ċek li huma kienu jqisu lil dan it-trasferiment bħala trasferiment ta’ skart illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(35)(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, sa fejn la l-kunsinnatur u lanqas id-kunsinnatarju ta’ dan l-iskart ma nnotifikaw dan it-trasferiment lill-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent.

17

Fix-xahar ta’ Jannar 2012, il-ministeru tal-ambjent Ċek wieġeb lill-awtoritajiet Pollakki li peress li t-TPS-NOLO (Geobal) kienet irreġistrata skont ir-Regolament REACH, huwa ma kienx jikkunsidraha bħala skart u li konsegwentement huwa kien jirrifjuta li jordna lill-kunsinnatur Ċek tat-taħlita inkwistjoni jiżgura t-teħid lura tagħha.

18

Il-Kummissjoni, wara li rċeviet, fl-4 ta’ Frar 2014, ilment mingħand assoċjazzjoni tal-protezzjoni tal-ambjent marbut ma’ dan it-trasferiment, fit-12 ta’ Ġunju ta’ wara, fetħet investigazzjoni.

19

Fis-27 ta’ Novembru 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka, li dan l-Istat Membru wieġeb għaliha fl-20 ta’ Frar ta’ wara, billi sostna li t-TPS-NOLO (Geobal) ma kinitx tikkostitwixxi skart.

20

Fit-22 ta’ Ottubru 2015, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Ċeka b’opinjoni immotivata, li r-Repubblika Ċeka wieġbet għaliha fit-18 ta’ Diċembru ta’ wara, billi kkonfermat ir-rifjut tagħha li tiżgura t-trasferiment fit-territorju tagħha tat-taħlita inkwistjoni.

21

Il-Kummissjoni, peress li kkonstatat li r-Repubblika Ċeka kienet irrifjutat li tikkonforma ruħha mal-opinjoni mmotivata tagħha, iddeċidiet li tippreżenta l-kawża odjerna.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

22

Wara l-għoti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja, b’ittra tat-23 ta’ Novembru 2018, il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li r-raġunijiet li bbaża ruħu fuqhom l-Avukat Ġenerali sabiex ikkonkluda favur iċ-ċaħda tal-kawża bħala inammissibbli la ġew diskussi mill-partijiet matul il-fażi bil-miktub u lanqas matul il-fażi orali tal-proċedura.

23

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew meta waħda mill-partijiet tippreżenta, wara l-għeluq ta’ din il-fażi, fatt ġdid ta’ natura li jeżerċita influwenza deċiżiva fuq id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

24

Wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li f’din il-kawża hija għandha l-elementi kollha meħtieġa sabiex tiddeċiedi dan ir-rikors u li l-kawża ma għandhiex tiġi eżaminata fid-dawl ta’ argument li ma ġiex diskuss quddiemha.

25

Konsegwentement, jeħtieġ li tiġi miċħuda t-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura mressqa mill-Kummissjoni.

Fuq ir-rikors

L-argumenti tal-partijiet

26

Il-Kummissjoni tallega li r-Repubblika Ċeka irrifjutat, bi ksur tal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 1013/2006, li tilqa’ t-talba tal-awtoritajiet Pollakki li terġa tieħu lura għandha t-taħlita inkwistjoni, li ġiet ittrasferita illegalment fit-territorju Pollakk.

27

It-TPS-NOLO (Geobal) kellha tiġi kklassifikata bħala skart.

28

Fil-fatt, fl-ewwel lok, din it-taħlita hija prodotta min skart li joriġina minn raffinerija antika, fis-sit ta’ Ostrava (ir-Repubblika Ċeka).

29

Fit-tieni lok, l-aċidu tal-qatran, li minnu tirriżulta t-TPS-NOLO (Geobal), bħala din it-taħlita nnifisha, kienu jikkostitwixxu skart perikoluż.

30

Fit-tielet lok, fir-Repubblika Ċeka bħal fil-Polonja, it-taħlita inkwistjoni hija meqjusa bħala skart. Ir-Repubblika Ċeka ma tikkontestax dan l-istat ta’ fatt sa fejn dan jikkonċerna lilha. Barra minn hekk, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) ikkonstatat, f’sentenza tat-3 ta’ Diċembru 2015, li s-sustanza “Geobal” kienet ikklassifikata fost l-iskart. Barra minn hekk, id-deċiżjoni marbuta mal-modifika Nru 20 tal-permess integrat marbuta mal-assjem ta’ skart ta’ Litvínov kienet telenka s-sustanza “Geobal 4” bħala skart.

31

Fir-raba’ lok, din is-sustanza ma waqfitx tkun meqjusa bħala skart minħabba r-reġistrazzjoni tagħha skont ir-Regolament REACH. Fil-fatt, minn naħa, l-iskart huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan tal-aħħar. Konsegwentement, l-Artikolu 128 tar-Regolament REACH, li jipprojbixxi b’mod partikolari kull ostakolu għall-moviment liberu tas-sustanzi koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, ma japplikax għal sustanza li inizjalment ġiet ikklassifikata bħala skart, dment li din ma tkunx waqfet tiġi meqjusa bħala skart. Min-naħa l-oħra, ir-reġistrazzjoni skont l-imsemmi regolament tikkostitwixxi biss wieħed mill-fatturi li jistgħu jippreżentaw interess bil-għan li jiġi ddeterminat jekk sustanza waqfitx tiġi meqjusa bħala skart, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142). Fl-aħħar, skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament REACH, hija biss l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) li għandha s-setgħa tivverifika n-natura sħiħa tal-fajl tar-reġistrazzjoni, mingħajr ma titwettaq evalwazzjoni tal-kwalità jew tan-natura adegwata tad-data sottomessa.

32

Fil-ħames lok, l-intenzjoni tad-detentur ma huwiex l-uniku element determinanti għall-klassifikazzjoni ta’ materjal bħala skart. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et (C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punt 88), il-kwalità ta’ skart għandha tiġi ddeterminata fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ kull każ u d-definizzjoni tal-kelma “skart” ma tistax tiġi interpretata b’mod restrittiv. Il-kompożizzjoni ta’ materjal u l-perikolu li dan jikkostitwixxi għall-ambjent u għas-saħħa tal-bniedem huma fatturi importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk dan jikkostitwixxix skart jew le.

33

Fis-sitt lok, skont is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1990, Vessoso u Zanetti (C‑206/88 u C‑207/88, EU:C:1990:145, punt 11), kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie ASBL (C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-possibbiltà ta’ użu mill-ġdid ekonomiku ma hijiex esklużiva għall-kunċett ta’ skart. Barra minn hekk, l-interess ekonomiku tat-taħlita inkwistjoni ma ġiex stabbilit u ma tistax tiġi dedotta mill-kuntratt tal-bejgħ bi ħlas wara li tkun inbiegħet il-kunsinna li ġie konkluż. Dan il-kuntratt ma jipprovax l-eżistenza ta’ talba, fil-Polonja, għall-materjal inkwistjoni bħala kombustibbli għas-simenteriji peress li, f’dan l-Istat Membru, ix-xerrej ma biegħx it-taħlita stokkjata skont l-istipulazzjonijiet kuntrattwali. Fid-dawl tat-tnaqqis tal-kwantità tat-taħlita preżenti fis-sit ikkonċernat, li ġiet ikkonstatata mill-ispetturi Pollakki, parti minn din tal-aħħar probabbilment ġiet esportata mill-ġdid.

34

Fi kwalunkwe każ, mill-kliem stess tal-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet Ċeki u l-awtoritajiet Pollakki, it-taħlita inkwistjoni kellha tiġi trattata bħala li tikkostitwixxi skart. Huwa b’mod ġust li l-awtoritajiet Pollakki kkonkludew, fid-dawl tal-eżamijiet li huma wettqu fil-laboratorju, li t-taħlita inkwistjoni kienet skart skont l-Anness IV ta’ dan ir-Regolament u skont il-leġiżlazzjoni Pollakka.

35

Fir-risposta tagħha, ir-Repubblika Ċeka ssostni li l-Istati Membri ma jistgħux jagħmlu użu diskrezzjonarju mill-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006. Din id-dispożizzjoni tista’ tiġi applikata biss meta Stat Membru jkollu dubji raġunati dwar il-kwalità ta’ skart tal-materjal kkonċernat. Li kieku kien permess li Stat Membru jinvoka, mingħajr ma jipproduċi l-prova, l-Artikolu 28 ta’ dan ir-regolament, minn dan kien jirriżulta preġudizzju serju għall-moviment liberu. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mis-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2016, Nutrivet (C‑69/15, EU:C:2016:425). Issa, il-Kummissjoni ma tipproduċi l-ebda prova li t-taħlita inkwistjoni hija skart, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98.

36

Mid-definizzjoni ta’ “skart”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98 u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 1997, Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 26, kif ukoll tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punti 5797), jirriżulta li, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ materjal bħala skart, huwa l-mod kif id-detentur tiegħu jkollu l-intenzjoni li jittrattah li huwa importanti, b’tali mod li wieħed u l-istess materjal jista’ jew ma jistax jiġi kklassifikat bħala skart. Konsegwentement, għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ materjal bħala skart, il-kompożizzjoni waħedha ta’ dan tal-aħħar ma hijiex determinanti. Għaldaqstant lanqas l-eżamijiet imwettqa fil-laboratorju mill-awtoritajiet Pollakki ma huma rilevanti għall-finijiet tal-klassifikazzjoni tat-taħlita inkwistjoni.

37

Il-Kummissjoni ma tistax tipprevalixxi ruħha mill-fatt li r-Repubblika Ċeka ma ppreżentat l-ebda deċiżjoni nazzjonali li skontha t-taħlita inkwistjoni waqfet titqies bħala skart. Fil-fatt, dan l-argument tal-Kummissjoni huwa bbażat fuq l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/98, li ma huwiex applikabbli ratione temporis għal din it-taħlita. Fil-fatt, it-terminu ta’ traspożizzjoni ta’ din id-direttiva skada fit-12 ta’ Diċembru 2010, filwaqt li l-imsemmija taħlita ġiet prodotta qabel dik id-data.

38

Barra minn hekk, it-taħlita inkwistjoni qatt ma ġiet ikklassifikata bħala skart. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li din it-taħlita kienet meqjusa bħala skart fir-Repubblika Ċeka ma hijiex sostnuta. Għall-kuntrarju, il-permess integrat marbut mal-istallazzjonijiet li fihom ġiet prodotta din it-taħlita kien jindika b’mod ċar li t-trattament li kien jipprevedi kien intiż li joħloq kombustibbli. Id-domanda għal dan tal-aħħar kienet teżisti mhux biss fir-Repubblika Ċeka, iżda wkoll fil-Polonja.

39

B’mod partikolari, huwa manifest li, fid-data tat-trasferiment ikkonċernat, it-taħlita inkwistjoni ma kinitx skart. Id-detentur tagħha ma kellux l-intenzjoni li jarmiha, kif jixhdu, fl-ewwel lok, ir-reġistrazzjoni ta’ din it-taħlita bħala kombustibbli, skont ir-Regolament REACH, qabel l-esportazzjoni tagħha lejn il-Polonja. Issa, skont is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri (C‑358/11, EU:C:2013:142), ir-reġistrazzjoni tal-imsemmija taħlita skont ir-Regolament REACH għandha tittieħed inkunsiderazzjoni bħala fattur li jistabbilixxi l-intenzjoni tad-detentur li juża l-istess taħlita mhux bħala skart, iżda għal għanijiet ekonomiċi.

40

Fit-tieni lok, l-esportazzjoni tat-taħlita inkwistjoni fil-Polonja saret abbażi ta’ kuntratt ta’ bejgħ bi ħlas wara li tkun inbiegħet il-kunsinna konkluż ma’ impriża Pollakka stabbilita f’Sosnowiec (il-Polonja) għall-finijiet tal-produzzjoni ta’ siment. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li din it-taħlita probabbilment ġiet esportata mill-ġdid ma hija sostnuta bl-ebda mod. Għall-kuntrarju, il-multa imposta fuq ix-xerrejja Pollakki u l-konstatazzjoni, mill-awtoritajiet Pollakki, ta’ tnaqqis sostanzjali tal-volum tal-imsemmija taħlita kienu jistabbilixxu li t-taħlita inkwistjoni, fil-Polonja, intuża b’mod konformi mal-proġett inizjali.

41

L-assenza ta’ possibbiltajiet attwali ta’ użu minn din it-taħlita fl-imsemmi Stat Membru, skont l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet tal-imsemmi Stat Membru, ma hijiex rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni dwar jekk, waqt l-esportazzjoni mill-ġdid tagħha, l-imsemmija taħlita kinitx tikkostitwixxi skart jew le. Barra minn hekk, l-użu ta’ sustanza rreġistrata skont ir-Regolament REACH ma jistax ikun limitat għat-territorju ta’ Stat Membru wieħed.

42

Il-Kummissjoni ma pprovdiet l-ebda prova li t-taħlita ttrasferita ma intużatx b’mod konformi mal-kuntratt konkluż u li din kienet ġiet esportata mill-ġdid.

43

B’hekk, il-Kummissjoni ma tipproduċi ebda prova li t-taħlita inkwistjoni kienet, fiż-żmien tal-fatti, skart, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2008/98. Konsegwentement, hija ma ssodisfatx l-oneru tal-prova impost fuqha fil-kuntest ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

44

Ir-Regolament Nru 1013/2006 jistabbilixxi l-proċeduri u s-sistemi ta’ verifika applikabbli għat-trasferiment ta’ skart, b’mod partikolari bejn Stati Membri tal-Unjoni.

45

L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 jissuġġetta t-trasferimenti fi ħdan l-Unjoni tal-iskart kollu maħsub li jintrema u ta’ ħafna skart maħsub li jiġi rkuprat, b’mod partikolari dak li jinsab fl-Anness IV ta’ dan ir-regolament, għal proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens bil-miktub minn qabel. Skont l-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament, it-trasferimenti l-oħra ta’ skart għandhom ikunu akkumpanjati minn informazzjoni bl-istabbiliment ta’ formula inkluża fl-Anness VII tal-istess regolament, dment li ma jkunx fi kwantitajiet minimi, li ma jeċċedux l-20 kg.

46

L-Artikolu 2(35)(a) u (g) tar-Regolament Nru 1013/2006 jikklassifika bħala “vjeġġ illegali” b’mod partikolari trasferiment ta’ skart li la jkun ġie nnotifikat u lanqas kien akkumpanjat minn informazzjoni.

47

Fil-każ ta’ trasferiment illegali minħabba r-raġunijiet imsemmija iktar ’il fuq, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprevedi li l-awtorità responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ dan ir-regolament fl-Istat Membru li minnu joriġina l-iskart, imsejħa “l-awtorità kompetenti tad-dispaċċ”, għandha tiżgura li, f’terminu fil-prinċipju ta’ 30 jum dekorribbli mill-jum li fih tiġi informata, l-iskart jiġi meħud lura min-“notifikatur de iure”, jiġifieri l-persuna li fuqha huwa impost l-obbligu ta’ notifika jew ta’ informazzjoni, jew, fin-nuqqas ta’ dan, tibgħatu lura jew tieħu l-iskart lura hija stess.

48

F’dan il-każ, it-trasferiment, bejn l-aħħar tas-sena 2010 u l-bidu tas-sena 2011, ta’ 20000 tunnellata ta’ TPS-NOLO (Geobal) tar-Repubblika Ċeka lejn il-Polonja la ġie nnotifikat u lanqas ma kien akkumpanjat minn informazzjoni. Meta, fix-xahar ta’ Settembru 2011, l-awtoritajiet Pollakki ġibdu l-attenzjoni tal-ministeru tal-ambjent Ċek dwar dan it-trasferiment, dan tal-aħħar irrifjuta li jordna lill-kunsinnatur Ċek jipproċedi bit-teħid lura tat-taħlita inkwistjoni fil-Polonja, billi sostna li din tal-aħħar ma kinitx tikkostitwixxi skart. Din il-persistenza f’dan ir-rifjut wasslet għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, u sussegwentement għall-ftuħ mill-Kummissjoni tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

49

Din tal-aħħar tenfasizza li, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Nru 1013/2006, is-suġġett ta’ trasferiment huwa preżunt li huwa skart meta l-awtoritajiet kompetenti ta’ dispaċċ u ta’ destinazzjoni, bħal fil-każ odjern, ma jaqblux fuq il-punt dwar jekk is-suġġett ta’ dan it-trasferiment għandux jiġi kklassifikat bħala skart. Għaldaqstant, it-trasport tat-taħlita inkwistjoni fil-kawża odjerna kellu jitqies bħala trasferiment ta’ skart li, fl-assenza tat-twettiq tal-formalitajiet imfakkra fil-punt 4 ta’ din is-sentenza, kien wieħed illegali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika Ċeka, indirizzata b’talba f’dan is-sens mill-awtoritajiet Pollakki, kienet obbligata li tiżgura t-teħid lura tal-iskart skont il-kliem stess tal-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 1013/2006. Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li billi rrifjutat tagħmel dan, ir-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligu tagħha.

50

Skont ir-Repubblika Ċeka, il-Kummissjoni ma pproduċiet l-ebda prova li t-taħlita inkwistjoni kienet skart.

Fuq l-oneru tal-prova

51

Fil-kuntest tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, hija l-Kummissjoni, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li għandha tistabbilixxi l-eżistenza tan-nuqqas allegat (sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1982, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, 97/81, EU:C:1982:193, punt 6, u tal-11 ta’ Lulju 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑356/15, EU:C:2018:555, punt 25). Hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi neċessarji għall-verifika minnha tal-eżistenza ta’ dan in-nuqqas, mingħajr ma tista’ tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni (sentenzi tal-10 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑37/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:331, punt 28; tat-22 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑90/10, mhux ippubblikata, EU:C:2011:606, punt 47, u tat-13 ta’ Frar 2014, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑530/11, EU:C:2014:67, punt 60).

52

Fil-każ odjern, kieku t-taħlita inkwistjoni ma hijiex skart, ir-Regolament Nru 1013/2006 ma huwiex applikabbli għat-trasferiment tagħha mir-Repubblika Ċeka lejn il-Polonja u l-Kummissjoni ma tistax tinvoka l-ksur tiegħu mill-ewwel wieħed minn dawn l-Istati Membri. Konsegwentement, il-klassifikazzjoni bħala skart ta’ din it-taħlita hija neċessarja għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu bbażat fuq l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-Regolament u hija tifforma parti, sussegwentement, mill-elementi sottomessi għall-verifika tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża odjerna.

53

Barra minn hekk, peress li, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, il-Kummissjoni ma tistax tibbaża ruħha fuq xi preżunzjoni sabiex tipproduċi l-prova ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, din l-istituzzjoni ma tistax sempliċiment tipprevalixxi ruħha mill-preżunzjoni prevista fl-Artikolu 28(1) tar-Regolament Nru 1013/2006 u lanqas tiddikjara li hija tibbaża ruħha fuq il-konstatazzjoni waħedha tad-diżgwid eżistenti bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ dispaċċ u ta’ destinazzjoni fuq il-klassifikazzjoni tat-taħlita inkwistjoni bħala skart sabiex tistabbilixxi li din hija tassew skart.

54

Minn dak li ntqal jirriżulta li kien b’mod żbaljat li l-Kummissjoni ssostni li ma huwiex kompitu tagħha li tipproduċi l-prova li t-taħlita inkwistjoni għandha tiġi kklassifikata bħala “skart” għall-finijiet tal-proċedura odjerna ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu.

Fuq il-prova tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu

55

Peress li huwa stabbilit li ma twettqet l-ebda waħda mill-formalitajiet rikjesti għat-trasferiment ta’ skart inkonnessjoni mat-trasport tat-taħlita inkwistjoni, din għandha titqies li ġiet issuġġettata għal trasferiment illegali, fis-sens tal-Artikolu 2(35) tar-Regolament Nru 1013/2006, bil-kundizzjoni li tista’ tiġi kklassifikata bħala skart. F’dan il-każ, l-awtorità kompetenti ta’ dispaċċ kellha tiżgura t-teħid lura, fuq it-talba tal-awtoritajiet Pollakki, skont l-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament. Ċertament jeħtieġ li ssir riżerva għall-ipoteżi, prevista fl-Artikolu 24(2)(d) tal-imsemmi regolament, li fiha dan it-teħid lura jkun impossibbli, iżda tali impossibbiltà ma ġiet invokata mill-ebda waħda mill-partijiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-klassifikazzjoni tat-taħlita inkwistjoni tal-iskart hija deċiżiva għall-finijiet tal-istabbiliment tal-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu invokat.

56

Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1013/2006, id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “skart”, għall-finijiet ta’ dan ir-regolament, hija dik mogħtija fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12 kif ġej: “kwalunkwe sustanza jew oġġett fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness I li d-detentur jarmi jew bi ħsiebu jew huwa meħtieġ li jarmi”. Peress li l-lista hija espressament mhux eżawrjenti, il-lista ta’ kategoriji ta’ skart imsemmija fl-Anness I ta’ din id-direttiva għandha portata prinċipalment illustrattiva (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 35).

57

Id-Direttiva 2008/98, li ssostitwixxiet id-Direttiva 2006/12, essenzjalment irriproduċiet din id-definizzjoni fl-Artikolu 3(1) tagħha. Madankollu, jeħtieġ li jiġi indikat li l-applikabbiltà ta’ din id-Direttiva għall-kawża odjerna ma tirriżultax mill-inkartament tal-proċess. Fil-fatt, il-partijiet ma jipproduċu l-ebda element li kapaċi jistabbilixxi li l-imsemmija direttiva kienet ġiet trasposta fid-dritt Ċek fid-data tat-trasferiment kontenzjuż, li l-partijiet jaqblu li sar, mingħajr iktar speċifikazzjonijiet, bejn l-aħħar tas-sena 2010 u l-bidu tas-sena 2011. Issa, kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni waqt is-seduta, hija d-data ta’ dan it-trasferiment li jeħtieġ li titqies sabiex tiġi kklassifikata jew le bħala skart it-taħlita inkwistjoni, peress li l-legalità tat-trasferiment għandha tiġi evalwata f’dik l-istess data.

58

Kif jirriżulta mid-definizzjoni mfakkra iktar ’il fuq, il-klassifikazzjoni bħala “skart” tirriżulta qabel xejn mill-aġir tad-detentur u mit-tifsira tal-kliem “li jarmi” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C‑188/07, EU:C:2008:359, punt 53, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C‑263/05, EU:C:2007:808, punt 32).

59

Fir-rigward tal-kliem “li jarmi”, jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li dan għandu jiġi interpretat billi jittieħed kont tal-għan tad-Direttiva 2006/12, li jikkonsisti, skont il-premessa 2 tagħha, fil-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent kontra l-effetti dannużi kkawżati mill-ġbir, mit-trasport, mill-ipproċessar, mill-ħażna u mit-tbattil tal-iskart, kif ukoll fid-dawl tal-Artikolu 191(2) TFUE, li jistabbilixxi li l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent tirrigwarda livell ta’ protezzjoni għoli u hija bbażata, b’mod partikolari, fuq il-prinċipji ta’ prekawzjoni u ta’ azzjoni preventiva (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 38 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

60

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-eżistenza ta’ skart, fis-sens tad-Direttiva 2006/12, għandha tiġi vverifikata fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha, billi jittieħed kont tal-għan ta’ din id-direttiva u billi jiġi żgurat li l-effikaċja tagħha ma tiġix ippreġudikata (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2013, Shell Nederland, C‑241/12 u C‑242/12, EU:C:2013:821, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

61

F’dan il-każ, jeħtieġ li l-eżami tal-provi prodotti mill-Kummissjoni jiġi ppreċedut minn żewġ osservazzjonijiet preliminari. Fl-ewwel lok, peress li qiegħda tiġi evalwata l-kwalità tal-iskart tat-taħlita ttrasferita, iċ-ċirkustanzi rilevanti li fid-dawl tagħhom jeħtieġ li ssir din l-evalwazzjoni huma dawk eżistenti fid-data tat-trasferiment, u mhux iċ-ċirkustanzi preċedenti jew suċċessivi għal din id-data. Fit-tieni lok, peress li ġie meqjus li hija r-Repubblika Ċeka li għandha tipproduċi l-prova li t-TPS-NOLO (Geobal) ma kinitx skart, il-Kummissjoni inqas stinkat, fl-inkartamenti tagħha, sabiex tipprovdi hi stess il-provi li din is-sustanza hija skart milli sabiex twieġeb għall-argumenti vantati mill-Istat Membru konvenut, matul il-proċedura ta’ nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu, bil-ħsieb li tipprova l-kuntrarju.

62

Fost iċ-ċirkustanzi ppreżentati mill-Kummissjoni bħala ta’ natura li jistabbilixxu n-natura ta’ skart tat-taħlita inkwistjoni, hija ssemmi, fl-ewwel lok, il-fatt li TPS-NOLO (Geobal) hija prodott li jirriżulta minn skart li joriġina minn raffinerija antika, fis-sit ta’ Ostrava.

63

Dan il-punt ġie kkonfermat, waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, mir-Repubblika Ċeka, li wkoll ammettiet li l-aċidu tal-qatran, komponent prinċipali tal-imsemmija taħlita, jirriżulta mill-attività ta’ raffinerija antika taż-żejt stabbilita fis-sit ta’ Ostrava u jikkorrispondi għal “[f]dalijiet ta’ skart imċappas bil-qatran (minbarra siment ta’ l-asfalt) li jiġu minn raffinar, distillazzjoni jew kwalunkwe trattament pirolitiku ieħor ta’ materjali organiċi” inkluża fl-intestatura A3190 tal-Lista A li tinsab fil-Parti 1 tal-Anness V tar-Regolament Nru 1013/2006. Madankollu, dan l-Istat Membru jsostni li, bit-taħlita tiegħu mat-trab tal-karbonju u l-ossidu tal-kalċju sabiex jifforma t-TPS-NOLO (Geobal), dan il-qatran għadda minn trasformazzjoni li wasslitu sabiex jitlef in-natura tiegħu ta’ skart u ppermettietlu li jintuża bħala kombustibbli fis-simenteriji.

64

Issa, il-fatt li sustanza hija r-riżultat ta’ operazzjoni ta’ rkupru fis-sens tad-Direttiva 2008/98 jikkostitwixxi biss wieħed mill-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit jekk din is-sustanza għadhiex skart, iżda ma jippermettix, bħala tali, li minnu wieħed jasal għal konklużjoni definittiva f’dan ir-rigward (sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 2000, ARCO Chemie Nederland et, C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punt 97, kif ukoll tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri, C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 58). Konsegwentement, iċ-ċirkustanza waħedha li t-TPS-NOLO (Geobal) hija prodott li joriġina minn skart ma tippermettix li jiġi stabbilit li hija stess hija skart.

65

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tenfasizza l-perikolożità tal-aċidu tal-qatran li minnu joriġina t-TPS-NOLO (Geobal) u ta’ din it-taħlita stess.

66

Qabel xejn, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li l-kunċett ta’ skart ma huwiex dedott mill-perikolożità tas-sustanzi (sentenza tat-18 ta’ April 2002, Palin Granit u Vehmassalon kansanterveystyön kuntayhtymän hallitus, C‑9/00, EU:C:2002:232, punt 48). Fir-rigward tal-konsegwenzi li għandhom jiġu dedotti mill-perikolożità allegata tal-aċidu tal-qatran inkwistjoni, id-dritt tal-Unjoni ma jeskludix bħala prinċipju li skart meqjus bħala perikoluż jista’ ma jibqax skart jekk operazzjoni ta’ rkupru tippermetti li huwa jkun jista’ jerġa’ jintuża mingħajr ma titqiegħed fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent u jekk, minbarra dan, ma jiġix ikkonstatat li l-proprjetarju tal-oġġett inkwistjoni jarmih jew għandu l-intenzjoni jew l-obbligu li jarmih (sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri, C‑358/11, EU:C:2013:142, punt 60).

67

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ skart perikoluż tat-TPS-NOLO (Geobal) stess, allegata mill-Kummissjoni, din l-istituzzjoni tagħmel riferiment għall-multa imposta minn qorti Pollakka fuq wieħed mix-xerrejja ta’ din it-taħlita minħabba l-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar bħala skart perikoluż. Madankollu, jeħtieġ li jiġu enfasizzati l-limiti tal-argument ibbażat fuq il-klassifikazzjoni ta’ sustanza li ma hijiex dik inkwistjoni u f’ċirkustanzi li ma humiex speċifikati. Fir-rigward tat-taħlita inkwistjoni, ir-Repubblika Ċeka ammettiet waqt is-seduta li l-kwantità mhux użata li baqgħet imferrxa fis-sit ta’ Katowice għal diversi snin, f’kundizzjonijiet ta’ konservazzjoni ta’ ħsara għall-ambjent u s-saħħa pubblika, għandha bla dubju titqies bħala skart. Madankollu, kif intqal fil-punt 61 tas-sentenza odjerna u kif sostniet ir-Repubblika Ċeka, iċ-ċirkustanzi attwali ma humiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-kwalità ta’ skart tat-taħlita fid-data tat-trasferiment tagħha.

68

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni ssostni li t-TPS-NOLO (Geobal) hija meqjusa bħala skart fir-Repubblika Ċeka kif ukoll fil-Polonja.

69

Ir-Repubblika Ċeka tikkontesta din id-dikjarazzjoni sa fejn tikkonċernaha. Skont dan l-Istat Membru, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema), fis-sentenza tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2015 li ġiet iċċitata mill-Kummissjoni bħala prova tal-klassifikazzjoni bħala skart ta’ TPS-NOLO (Geobal) fir-Repubblika Ċeka, ma adottatx pożizzjoni fuq dan il-punt, iżda sempliċiment irrapportat, fis-sinteżi tal-osservazzjonijiet tal-partijiet, li dawn tal-aħħar kienu kklassifikaw din it-taħlita bħala skart.

70

Il-Kummissjoni ssemmi wkoll, insostenn tal-argument tagħha, l-emenda Nru 20 tal-permess integrat marbut mal-istallazzjoni ta’ Litvínov, li fiha t-taħlita inkwistjoni ġiet maħżuna qabel it-trasferiment tagħha fil-Polonja. Hija tirrileva li din id-deċiżjoni telenka bħala skart il-“Geobal 4”. Madankollu, ix-xebh bejn l-ismijiet ta’ dawn is-sustanzi ma huwiex suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-identiċità ta’ “Geobal 4” u t-taħlita inkwistjoni. Barra minn hekk, kif ġie mfakkar fil-punt 60 tas-sentenza odjerna, il-kwalità ta’ skart għandha tiġi evalwata in concreto, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ.

71

Fir-rigward tal-klassifikazzjoni tat-TPS-NOLO (Geobal) fid-dritt Pollakk, jeħtieġ li jiġi indikat li l-gvern Pollakk la pparteċipa fil-proċedura bil-miktub u lanqas fil-proċedura orali u li l-pożizzjoni tagħha hija magħrufa mill-Qorti tal-Ġustizzja sempliċiment minn żewġ ittri, tal-21 ta’ Lulju 2015 u tal-11 ta’ Mejju 2016, indirizzati lir-Repubblika Pollakka lill-Kummissjoni, li daħħlithom fil-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn dawn jirriżulta li, f’dan l-Istat Membru, din it-taħlita kienet meqjusa, f’dawk id-dati, bħala skart li l-użu tagħha bħala kombustibbli kien ipprojbit. Madankollu, ir-Repubblika Ċeka sostniet waqt is-seduta, mingħajr ma ġiet kontradetta, li l-użu tal-imsemmija taħlita bħala kombustibbli fis-simenteriji ġie ipprojbit, fil-Polonja, biss mix-xahar ta’ Mejju 2011, jiġifieri wara t-trasferiment inkwistjoni. Barra minn hekk, il-kuntratt ta’ bejgħ bi ħlas wara li tkun inbiegħet il-kunsinna konkluż jidher li jikkonferma li, fid-data tal-iffirmar tiegħu, fix-xahar ta’ Diċembru 2010, it-TPS-NOLO (Geobal) kellha fil-Polonja, skont l-importatur Pollakk ikkonċernat, utilità u valur ekonomiku.

72

Fir-raba’ lok, il-Kummissjoni ssostni li ma jistax jiġi dedott mir-reġistrazzjoni tat-taħlita inkwistjoni skont ir-Regolament REACH qabel it-trasferiment tagħha li din tal-aħħar ma kinitx għadha skart.

73

F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament, l-iskart ma huwiex sustanza, taħlita jew oġġett fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament. Ċertament, kif sostniet il-Kummissjoni, it-taħlita inkwistjoni setgħet tiġi rreġistrata b’mod żbaljat skont ir-Regolament REACH, bi ksur tal-klassifikazzjoni tagħha bħala skart. Xorta jibqa’ l-fatt li din l-ipoteżi ma tistax tagħti prova tan-natura ta’ skart ta’ din it-taħlita. Mingħajr ma tawtorizza xi konklużjoni definittiva fis-sens invers, ir-reġistrazzjoni ta’ sustanza skont ir-Regolament REACH madankollu tixħet dawl fuq il-kwistjoni dwar jekk din is-sustanza għadhiex skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Marzu 2013, Lapin ELY-keskus, liikenne ja infrastruktuuri, C‑358/11, EU:C:2013:142, punti 6364).

74

Fil-ħames lok, il-Kummissjoni tinvoka l-kompożizzjoni tat-taħlita inkwistjoni u l-perikolu li din kienet tippreżenta għall-ambjent jew is-saħħa umana. F’dan ir-rigward, jeħtieġ jiġi rrilevat qabel xejn, li l-perizji ta’ din it-taħlita li tipprevalixxi ruħha minnhom il-Kummissjoni, mingħajr ma tipproduċihom, twettqu mill-awtoritajiet Pollakki b’mod mhux kontradittorju u li r-Repubblika Ċeka ma tinsabx f’pożizzjoni li tipproċedi b’kontraperizja, peress li l-imsemmija taħlita tinsab fit-territorju Pollakk. Barra minn hekk, kif jirriżulta mid-definizzjoni ta’ skart, sustanza hija skart mhux min-natura tagħha, iżda b’konsegwenza tal-intenzjoni jew tal-obbligu tad-detentur tagħha li jarmiha, jiġifieri mill-volontà tad-detentur jew tal-leġiżlatur. Minn dan isegwi li l-kompożizzjoni kimika tas-sustanza kkonċernata l-iktar l-iktar tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni tan-natura tagħha ta’ skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Van de Walle et, C‑1/03, EU:C:2004:490, punt 42). Fl-aħħar ir-riskji li sustanza jkollha fuq l-ambjent jew is-saħħa tal-bniedem ma jinċidux b’mod determinanti fuq il-klassifikazzjoni tagħha bħala skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ġunju 2000, Arco Chemie Nederland et, C‑418/97 u C‑419/97, EU:C:2000:318, punt 66).

75

Fis-sitt lok, il-Kummissjoni ssostni li, anki jekk jiġi preżunt li t-TPS-NOLO (Geobal) seta’ tiġi ssuġġettata għal użu mill-ġdid ekonomiku, din iċ-ċirkustanza ma hijiex inkompatibbli mal-klassifikazzjoni ta’ skart (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Marzu 1990, Vessoso u Zanetti, C‑206/88 u C‑207/88, EU:C:1990:145, punt 13, kif ukoll tat-18 ta’ Diċembru 1997,Inter-Environnement Wallonie, C‑129/96, EU:C:1997:628, punt 31). Madankollu, dan l-argument ma jistax, inversament, jitqies bħala prova u lanqas bħala indizju tan-natura ta’ skart tat-taħlita inkwistjoni.

76

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkontesta l-utilità ekonomika tat-taħlita inkwistjoni. Mit-tnaqqis tal-kwantità tat-taħlita preżenti fis-sit ikkonċernat, ikkonstatat mill-ispetturi Pollakki, jirriżulta li x-xerrej ma biegħx din it-taħlita fil-Polonja, kif kien jipprevedi il-kuntratt konkluż, u li din tal-aħħar ġiet parzjalment esportata mill-ġdid. Minn dak hija kkonkludiet li ma kienx hemm domanda għall-imsemmija taħlita bħala kombustibbli għas-simenteriji f’dak l-Istat Membru.

77

Skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Pollakki, il-kwantità ta’ TPS-NOLO (Geobal) maħżuna f’Katowice, matul is-sena 2016, kienet ta’ madwar mhux iktar minn 6000 tunnellata, mill-20 000 tunnellata ta’ din it-taħlita ittrasferiti matul is-sena 2011. Madankollu jidher diffiċli li jiġi dedott minn din il-konstatazzjoni waħedha li l-bejgħ bi ħlas wara li tkun inbiegħet il-kunsinna tat-taħlita inkwistjoni ma twettaqx u li din tal-aħħar ġiet parzjalment esportata mill-ġdid. Kif tissuġġerixxi r-Repubblika Ċeka, it-tnaqqis tal-kwantitajiet ta’ taħlita preżenti fis-sit ikkonċernat jista’ wkoll ikun dovut għall-użu minn din tal-aħħar bħala kombustibbli fis-simenteriji Pollakki, skont id-destinazzjoni tagħha, billi dan l-użu kien wieħed awtorizzat. Fi kwalunkwe każ, l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq dan il-punt ma huma sostnuti minn ebda prova.

78

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Kummissjoni ma tistax titqies li pproduċiet, sal-grad rikjest mil-liġi, il-prova tan-natura ta’ skart, fis-sens tad-Direttiva 2006/12, tat-taħlita inkwistjoni. Konsegwentement, hija ma stabbilixxietx li t-trasferiment ta’ din tal-aħħar mir-Repubblika Ċeka lejn il-Polonja bejn l-aħħar tas-sena 2010 u l-bidu tas-sena 2011 ikkostitwixxa, fid-data li fih twettaq, trasferiment ta’ skart, fis-sens tar-Regolament Nru 1013/2006, u lanqas, konsegwentement, li r-Repubblika Ċeka naqset mill-obbliga tagħha naxxenti mid-dispożizzjonijiet meqjusa flimkien tal-Artikolu 24(2) u tal-Artikolu 28(1) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni għandu jiġi miċħud.

Fuq l-ispejjeż

79

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-Repubblika Ċeka.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-rikors huwa miċħud.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek.