SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Awwissu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Artikolu 4a(1) li jirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI – Mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Proċedura ġudizzjarja li tbiddel jew tikkombina pieni mogħtija preċedentement – Deċiżjoni li tistabilixxi piena globali – Deċiżjoni mogħtija mingħajr ma l-persuna kkonċernata tkun dehret personalment – Persuna kkundannata li ma tkunx dehret personalment fil-proċess fil-kuntest tal-kundanna tagħha inizjali, la fl-ewwel istanza u lanqas fil-grad tal-appell – Persuna li kienet difiża minn avukat matul l-istanza tal-appell – Mandat ta’ arrest li ma jipprovdi ebda informazzjoni f’dan ir-rigward – Konsegwenzi għall-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni”

Fil-Kawża C-271/17 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Sławomir Andrzej Zdziaszek,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal S.A. Zdziaszek, minn M. Bouwman u B.J. Polman, avukati,

għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u U.E.A. Weitzel, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn J. Quaney, bħala aġent, assistita minn C. Noctor, BL,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u M. Nowak kif ukoll minn K. Majcher, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti.

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mis-Sąd Okręgowy w Gdańsku (qorti reġjonali ta’ Gdańsk, il-Polonja) kontra S.A. Zdziaszek fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Polonja, ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-KEDB

3

L-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, intitolat “Dritt għal smigħ xieraq”, jipprevedi:

“1.   Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. Is-sentenza għandha tingħata pubblikament iżda l-istampa u l-pubbliku jistgħu jiġu esklużi mill-proċeduri kollha jew minn parti minnhom fl-interess tal-morali, tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali f’soċjetà demokratika, meta l-interessi tal-minuri jew il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-partijiet hekk jeħtieġu, jew sa fejn ikun rigorożament meħtieġ fil-fehma tal-qorti f’ċirkustanzi speċjali meta l-pubbliċità tista’ tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja.

2.   Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi.

3.   Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

(a)

li jkunu infurmati fil-pront u fid-dettall b’lingwa li jifhmu bin-natura u l-kaġun tal-akkuża miġjuba kontrihom;

(b)

li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;

(ċ)

li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

(d)

li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;

(e)

li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti”.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

4

Skont l-Artikoli 47 u 48 Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jiffurmaw parti mit-Titolu VI tagħha intitolat “Ġustizzja”.

5

Skont l-Artikolu 47 tal-Karta intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.

[…]”

6

L-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, (ĠU 2007, C 303, p. 17, iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”) jispeċifikaw li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, jikkorrispondi għal-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

7

L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jżidu, fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 47 li “[f]id-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal tribunal ma huwiex limitat għal tilwim konness ma’ drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili. Huwa wieħed mill-konsegwenzi tal-fatt li l-Unjoni hija Komunità ibbażata fuq l-istat tad-dritt kif ġie dikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament Ewropew (294/83, EU:C:1986:166)). Madankollu, fir-rigward tal-aspetti kollha barra dak tal-kamp tal-applikazzjoni tagħhom, il-garanziji mogħtija mill-KEDB japplikaw b’mod simili għall-Unjoni”.

8

L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprevedi:

“1.   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2.   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

9

L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta jispeċifikaw f’dan ir-rigward:

“L-Artikolu 48 huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB […]

[…]

Skont l-Artikolu 52(3), dan id-dritt għandu l-istess sens u ambitu bħad-dritt garantit mill-KEDB.”

10

L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni” jipprevedi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni.”

11

L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprovdi:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.   Sa fejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli jipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]

7.   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

Id-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2009/299

12

Il-premessi 5, 6, 8, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(5)

[…][L]-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni […]

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

(8)

Id-deċiżjonijiet fuq l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[…]

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE li sar wara l-emenda, l-Artikolu 2 TUE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE li sar, wara l-emenda, l-Artikolu 7(2) TUE] bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta, […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

[…]”

13

L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew fuq il-bażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

14

L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

15

Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tispeċifika r-raġunijiet li abbażi tagħhom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ sentenza Ewropea meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-kawża tagħha. Il-premessi tagħha 1, 2, 4, 6 sa 8, 14 u 15 jiddikjaraw:

“(1)

Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-kawża huwa inkluż fid-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-[KEDB], kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. [Din tal-aħħar] ddikjarat ukoll li dan id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża mhuwiex assolut u li taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt.

(2)

Id-diversi Deċiżjonijiet Kwadru li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali ma jitrattawx b’mod konsistenti l-kwistjoni ta’ deċiżjonijiet li ngħataw wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-diversità tista’ tikkomplika l-ħidma tal-prattikant fil-qasam u tfixkel il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(4)

Hu għalhekk meħtieġ li jingħataw raġunijiet ċari u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tirraffina d-definizzjoni ta’ tali raġunijiet komuni li jippermettu lill-awtorità tal-eżekuzzjoni tesegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna. Din id-DeċiżjoniQafas m’hijiex imfassla biex tirregola l-forom u l-metodi, inklużi l-ħtiġiet proċedurali, li huma użati biex jinkisbu riżultati speċifikati fid-Deċiżjoni Qafas, li huma kwistjoni li tirrigwarda l-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

[…]

(6)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li temenda Deċiżjonijiet Kwadru oħrajn jistabbilixxu kondizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx pesonalment, m’għandhomx jiġu miċħuda. Dawn huma kondizzjonijiet alternattivi; meta tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet, l-awtorità li toħroġ il-mandat, billi timla t-taqsima korrispondenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew taċ-ċertifikat relevanti taħt id-Deċiżjonijiet Kwadru l-oħra, tagħti l-assigurazzjoni li l-ħtiġiet kienu jew ser jiġu sodisfatti, li għandu jkun biżżejjed għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

(7)

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment, m’għandhomx jinċaħdu jekk hu jew hi kienu ikkonvokati personalment u għaldaqstant kien b’hekk infurmati bid-data u l-post skedati tal-kawża li rriżultat fid-deċiżjoni, jew jekk hu jew hi fil-fatt irċeviet, b’mezzi oħrajn, informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hu jew hi kienet konxja mill-kawża skedata. F’dan il-kuntest, hu mifhum li l-persuna kellha tirċievi tali informazzjoni ‘fi żmien debitu’, li jfisser fi żmien biżżejjed li jippermettilha tipparteċipa fil-kawża u teżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ difiża tiegħu jew tagħha.

(8)

Id-dritt għal smigħ xieraq ta’ persuna akkużata huwa ggarantit mill-[KEDB], u tal-Libertajiet Fundamentali, kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan id-dritt jinkludi d-dritt tal-persuna konċernata li tidher personalment waqt il-kawża. Sabiex teżerċita dan id-dritt, il-persuna konċernata teħtieġ li tkun konxja mill-kawża skedata. Skond din id-Deċiżjoni Qafas l-għarfien tal-persuna dwar il-kawża għandu jiġi żgurat minn kull Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, waqt li jkun mifhum li dan għandu jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ dik il-Konvenzjoni. F’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta jkun qed jiġi kkunsidrat jekk il-mod kif l-informazzjoni tingħata hux biżżejjed biex jiżgura l-għarfien tal-persuna dwar il-proċess, tista’ tingħata wkoll, jekk ikun opportun, attenzjoni partikolari lid-diliġenza eżerċitata mill-persuna konċernata sabiex tirċievi informazzjoni indirizzata lilu jew lilha.

[…]

(14)

Din id-Deċiżjoni Qafas hija limitata għar-raffinazzjoni tad-definizzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent fi strumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Għalhekk, dispożizzjonijiet bħal dawk relatati mad-dritt għal kawża mill-ġdid għandhom kamp ta’ applikazzjoni li huwa limitat għad-definizzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet ta’ non-rikonoxximent. Dawn mhumiex imfassla sabiex jarmonizzaw il-leġislazzjoni nazzjonali. Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għall-istrumenti futuri tal-Unjoni Ewropea mfassla biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi kriminali.

(15)

Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent huma fakultattivi. Madankollu, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jittrasponu dawn ir-raġunijiet fil-liġi nazzjonali hija regolata b’mod partikolari mid-dritt għal smigħ xieraq, filwaqt li jittieħed kont tal-objettiv ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali tal-persuni u li tiffaċilita kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali […]”.

16

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/299, intitolat “Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni”:

“1   L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huma li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat, inkluż id-dritt ta’ difiza ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut.

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli komuni għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi Stat Membru wieħed (l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni) maħruġa minn Stat Membru ieħor (l-Istat Membru li toħroġ il-mandat) wara l-proċedimenti li għalihom il-persuna konċernata ma kenitx preżenti […]”

17

L-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ġie inkluż permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa redatt kif ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li toħroġ il-mandat:

(a)

fi żmien debitu,

(i)

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

(ii)

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

(b)

konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(c)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

(i)

iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

(ii)

ma talbitx kawża [proċess] mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

(d)

ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

(i)

ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

(ii)

ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża [proċess] mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.”

18

L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skont il-forma li tinsab fl-Anness:

a)

l-identità u nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

b)

l-isem, indirizz, numri tat-telefon u l-fax u indirizz ta’ l-e-mail ta’ l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat;

c)

l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

e)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru li toħroġ il-mandat;

g)

jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.”

19

L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jipprevedi:

“1   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru li toħroġ il-mandat mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin tibgħat kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

20

Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas:

“1   Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

2   F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali fuq l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill-għoti tal-kunsens.

3   F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali fuq l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4   Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament l-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi bi 30 jum ieħor.

[…]”

21

Il-parti (d) tal-mudell uniformi tal-mandat ta’ arrest Ewropew jissemma fl-anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u huwa fformulat kif ġej

Image Image

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

22

L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja), tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), tittrasponi fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

23

L-Artikolu 12 tal-OLW huwa fformulat kif ġej:

“Il-konsenja ma hijiex awtorizzata meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż sabiex jeżegwixxi sentenza, meta l-akkużat ma jkunx deher personalment fil-proċess li wassal għal dik is-sentenza, ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li, skont ir-rekwiżiti proċedurali tal-Istat Membru li toħroġ il-mandat:

(a)

L-akkużat kien imħarrek fi żmien utli u għalhekk ġie personalment infurmat bid-data u l-post tal-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni, jew ġie infurmat uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post iffissati għal dawn il-proċeduri, b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li kien jaf bil-proċeduri skedati u ġie infurmat li setgħet ukoll tingħata deċiżjoni jekk huwa jonqos milli jidher; jew

(b)

l-akkużat kien informat bis-seduta u inkariga avukat tal-għażla tiegħu jew inkarigat mill-Istat sabiex jiggarantixxi d-difiża tiegħu liema avukat iddefendieh waqt is-seduta; jew

(c)

l-akkużat, wara li kien innotifikat bid-deċiżjoni u kien infurmat espressament dwar id-dritt għal proċedura ġdida, jew appell, li fihom huwa għandu d-dritt li jipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inklużi provi ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

1

iddikjara espressament li huwa ma jikkontestax id-deċiżjoni; jew

2

ma talabx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli; jew

(d)

l-akkużat ma ġiex innotifikat personalment bid-deċiżjoni, iżda:

1

ser ikun innotifikat personalment biha mingħajr dewmien wara l-konsenja u ser ikun infurmat espressament dwar id-dritt tiegħu kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inklużi provi ġodda, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

2

ser ikun infurmat bil-perijodu taż-żmien li fih huwa għandu jitlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.”

24

Il-punt D tal-Anness 2 tal-OLW, intitolat “Mudell ta’ mandat ta’ arrest Ewropew […]” jikkorrispondi mal-punt d) tal-Anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

25

Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tas-17 ta’ Jannar 2017, il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita mill-officier van justitie bij de Rechtbank (prosekutur pubbliku tal-qorti) b’talba għal eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit-12 ta’ Ġunju 2014 mis-Sąd Okręgowy w Gdańsku (qorti reġjonali ta’ Gdańsk, il-Polonja) (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni”).

26

Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jitlob l-arrest u l-konsenja ta’ S.A. Zdziaszek, ċittadin Pollakk residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fil-Polonja ta’ żewġ pieni ta’ ċaħda tal-libertà.

27

F’dan ir-rigward, l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew isemmi l-eżistenza ta’ sentenza li timponi piena globali (sentenza li tistabilixxi piena globali) mogħtija fil-25 ta’ Marzu 2014 mis-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo, il-Polonja). Din id-deċiżjoni tirrigwarda ħames fatti, previsti minn 1 sa 5, li jikkostitwixxu diversi reati kontra d-dritt Pollakk li wettaq S.A. Zdziaszek.

28

Fid-deċiżjoni tagħha tal-25 ta’ Marzu 2014, is-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo, il-Polonja) ex officio wettqet dan li ġej:

ġabret f’piena li ċċaħħad il-libertà ta’ sena u sitt xhur il-piena li għaliha ġiet ikkundannata persuna mitluba għall-fatt 1 permezz tas-sentenza definittiva mogħtija fil-21 ta’ April 2005 mis-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo) min-naħa waħda, u l-piena li ċċaħħad il-libertà li għaliha ġiet ikkundannata din l-istess persuna għall-fatt 2 permezz ta’ sentenza finali tas-16 ta’ Ġunju 2006 mis-Sąd Rejonowy w Gdyni (qorti tad-distrett ta’ Gdynia, il-Polonja). Min-naħa l-oħra, u

ikkonvertiet f’piena waħda piena li ċċaħħad il-libertà akkumulata f’tliet snin u sitt xhur il-piena li ċċaħħad il-libertà akkumulata ta’ erba’ snin li għaliha l-S.A. Zdziaszek ġie ikkundannat għall-fatti 3 sa 5 permezz tas-sentenza finali tal-10 ta’ April 2012 tas-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo) peress li kienet imposta permess ta’ emenda leġiżlattiva favorevoli għall-persuna kkonċernata.

29

Fir-rigward tal-piena li ċċaħħad il-libertà dwar il-fatti 1 u 2, permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ April 2017, il-qorti tar-rinviju:

rrifjutat il-konsenja ta’ S.A. Zdziaszek għal dak li jikkonċerna l-piena ta’ piena li ċċaħħad il-libertà fir-rigward tal-fatt 1 inkwantu dak il-fatt, kif deskritt fil-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, ma kienx punibbli fid-dritt Olandiż, u

issospendiet id-deċiżjoni fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew il-proċeduri inkwantu din il-piena li ċċaħħad il-libertà tirrigwarda l-fatt 2 sabiex titlob informazzjoni addizzjonali lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.

30

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari ma tirrigwardax il-piena li ċċaħħad il-libertà relatata mar-reati li jikkostitwixxu l-fatti 3 sa 5.

31

Il-parti (d) tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni tindika li S.A. Zdziaszek ma deherx personalment fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet b’mod finali l-piena li kellha tiġi skontata minnu.

32

L-awtorità li toħroġ il-mandat iddikjarat applikabbli biss fil-punt 3.2 ta’ din il-parti (d), li hija redatta kif ġej:

“konxja mill-kawża skedata kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża”.

33

Dejjem taħt l-imsemmija parti (d) l-awtorità li toħroġ il-mandat lestiet il-punt 4, intiż li jippermettilha li tispeċifika r-raġuni li għaliha hija tikkunsidra li l-kundizzjoni msemmija fil-punt 3.2 hija sodisfatta:

“Iż-żamma tas-smigħ ġiet debitament innotifikata lill [S.A. Zdziaszek] konformement mal-kodiċi ta’ proċedura kriminali Pollakk. In-notifika ntbagħtet fl-indirizz ikkomunikat mill-persuna kkundannata matul il-fażi preparatorja tal-kawża. Huwa kien imwissi dwar il-konsegwenzi ta’ jekk ma jinfurmax lill-awtoritajiet ġudizzjarji b’bidla fl-indirizz ta’ residenza jew soġġorn. Matul il-kawża, [S.A. Zdziaszek] irrikorra għal avukat fil-qafas tal-għajnuna legali, liema avukat kien preżenti kemm waqt il-kawża kif ukoll waqt l-għoti tas-sentenza.”

34

Mill-informazzjoni addizzjonali kkomunikata mill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat li

il-punt 3.2 u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-punt 4 jirrigwardaw il-proċedura li wasslet għall-sentenza li timponi piena globali tal-25 ta’ Marzu 2014 u mhux għal-tliet kundanni li jiffurmaw il-bażi tagħha;

fid-dritt Pollakk, fil-kuntest ta’ proċeduri bħal dik li wasslet għad-deċiżjoni tal-25 ta’ Marzu 2014:

(a)

“lis-suġġett tal-kawża f’din il-proċedura” ma għadux dibattut,

(b)

“il-pieni imposti permezz ta’ kundanna legalment vinkolanti huma l-bażi ta’ sentenza li timponi piena globali”,

(ċ)

sentenza li timponi piena globali tirrigwarda biss “kwistjonijiet relatati mal-kombinazzjoni ta’ dawn il-pieni f’waħda (jew) f’piena(i) globali u l-kwistjoni tal-imputazzjoni ta’ ċerti perijodi skontati mill-piena globali”, u

(d)

tali sentenza li timponi piena globali hija “min-natura tagħha favorevoli għall-persuna kkundannata” peress li “tikkombina pieni unitarji f’piena globali intiża fil-prattika li tqassar b’mod sinjifikattiv it-tul tal-piena skontata”;

notifika għall-ewwel istanza fit-28 ta’ Jannar 2014 intbagħtet lil S.A. Zdziaszek fl-indirizz li huwa indika. Dan tal-aħħar ma ġabarx in-notifika u ma deherx. Is-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo) ħatret avukat ex officio sabiex jirrappreżenta lil S.A. Zdziaszek u ssospendiet il-kumplament tal-proċeduri. Dan tal-aħħar ġie msejħa bl-istess mod għat-tieni seduta fil-25 ta’ Marzu 2014, li ma dehritx għaliha. L-avukat maħtur ex officio pparteċipa f’din is-seduta, li fi tmiemha ġie mogħti s-sentenza li timponi piena globali.

35

Abbażi l-provi pprovduti mill-awtorità li toħroġ il-mandat, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-fatt imsemmi fl-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li jikkorrispondi għas-sitwazzjoni msemmija fil-punt 3.2(d) tal-mudell uniformi tal-mandat ta’ arrest Ewropew anness ma’ din id-Deċiżjoni Qafas, ma tapplikax f’dan il-każ, peress li ma jirriżultax mill-imsemmija provi li l-persuna mitluba “li hija kienet konxja mill-kawża skedata” li lanqas li hija “kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna [mitluba] jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża”.

36

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, l-ewwel nett, jekk deċiżjoni bħalma hija s-sentenza li timponi piena globali tal-25 ta’ Marzu 2014 li tbiddel, favur il-persuna kkonċernata, piena li ċċaħħad il-libertà akkumulata li kienet ġiet ikkundannata għaliha b’mod finali minn qabel u tikkonverti f’piena li ċċaħħad il-libertà waħda l-pieni li jċaħħdu l-libertà distinti li għalihom kienet ġiet ikkundannata b’mod finali minn qabel, iżda fil-kuntest ta’ liema l-kwistjoni ta’ jekk il-persuna kkonċernata wettqitx jew le r-reati ma għadhiex ikkontestata, taqa’ taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

37

F’każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju, tkun awtorizzata li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, minħabba li l-kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 4a(1)(b) tad-Deċiżjoni Qafas ma tkunx ġiet sodisfatta.

38

Madankollu, din il-qorti tqis li l-mistoqsija invokata għandha titwieġeb fin-negattiv, essenzjalment minħabba l-kliem tal-punti (ċ) u (d) tal-Artikolu 4a(1) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas, li jużaw kull darba l-espressjoni “li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida”.

39

Skont l-imsemmija qorti, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li hija tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-qorti kriminali tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, billi tiddeċiedi fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata fid-dawl tar-reat li hija akkużata bih u billi timponilha, jekk ikun il-każ, sanzjoni minħabba r-reat imwettaq. Min-naħa l-oħra, dan ma jkunx il-każ f’sentenza li timponi piena globali, bħal dik mogħtija fil-25 ta’ Marzu 2014 mis-Sąd Rejonowy w Wejherowie (qorti tad-distrett ta’ Wejherowo), peress li il-kwistjoni ta’ ħtija tal-persuna kkonċernata ma hijiex iktar ikkontestata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ dan it-tip.

40

Il-qorti tar-rinviju, tispeċifika, madankollu li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat Pollakka tidher, għall-kuntrarju, li hija tal-fehma li deċiżjoni ta’ din in-natura tinkwadra ruħha sew fl-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li dan isemmi, fil-punt (d) tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, li l-informazzjoni dwar il-proċedura li wasslet għas-sentenza li timponi piena globali, bl-esklużjoni ta’ dawk li jirrigwardaw il-konstatazzjoni ta’ dikjarazzjoni ta’ ħtija tal-persuna kkonċernata li hija l-bażi ta’ din tal-aħħar.

41

F’każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din l-ewwel mistoqsija, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, sussegwentement, li hija għandha teżamina jekk, fil-fażi tad-dikjarazzjoni ta’ ħtija li hija l-bażi għas-sentenza li timponi piena globali, il-persuna kkonċernata dehritx personalment fil-kawża li wasslet għal din id-dikjarazzjoni ta’ ħtija u, jekk dan ma jkunx il-każ, jekk seħħitx waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

42

F’dan il-każ, fir-rigward tas-sentenza bażi, l-awtoritajiet ġudizzjarji Pollakki, fuq talba tal-awtoritajiet Olandiżi, intalbu jipprovdu informazzjoni addizzjonali li minnha jirriżulta li S.A. Zdziaszek ma deherx personalment fl-ebda seduta tal-kawża fuq il-mertu la fl-ewwel istanza u lanqas fil-grad tal-appell.

43

Fir-rigward tal-applikabbiltà ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ma użatx il-punt 2(d) tal-formularju tal-mandat ta’ arrest Ewropew u lanqas ma indikat il-kategorija applikabbli tal-punt 3(d) ta’ dan il-formularju tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

44

Tqum għaldaqstant il-kwistjoni ta’ jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju tistax tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, minħabba din ir-raġuni.

45

Din il-qorti tqis li jeżistu provi li jippermettu li tingħata risposta fil-affermattiv għal din id-domanda.

46

B’hekk, jista’ jiġi dedott li l-espressjoni “sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li”, użata fis-sentenza tal-bidu tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li l-informazzjoni dwar l-applikabbiltà ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu speċifikati bħala prinċipju fil-parti (d) tal-formularju tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew, tal-inqas, konformement mal-formulazzjoni tal-kategoriji li huma deskritti fih.

47

Interpretazzjoni simili taqbel ukoll mal-għanijiet segwiti minn din id-Deċiżjoni Qafas, li tikkonsisti l-ewwel nett, li jiġi żgurat li d-deċiżjoni finali fuq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tittieħed fit-terminu impost, b’tali mod li jkun meħtieġ li jitnaqqsu għall-minimu l-każijiet li jeħtieġu talbiet għal informazzjoni addizzjonali, it-tieni nett, li tiġi prevista raġuni ta’ rifjut preċiża u uniformi kif ukoll, it-tielet nett, sabiex jiġi permess lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiżgura ruħha b’mod sempliċi u trasparenti mir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata.

48

Il-qorti tar-rinviju tispeċifika madankollu li jeżistu provi insostenn tat-teżi opposta. L-awtoritajiet ġudizzjarji tal-ħruġ tal-mandat ta’ arrest jidhru li ġeneralment jikkunsidraw li ma huwiex indispensabbli li jintużaw kategoriji tal-punt 3(d) tal-formularju tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

49

Barra dan, risposta fl-affermattiv għal din id-domanda tista’ tirriżulta f’numru ikbar ta’ rifjuti u, għaldaqstant, għal inqas konsenji, kuntrarjament għall-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

50

Fil-każ fejn ir-risposta li tingħata għall-ewwel żewġ domandi tkun fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li għandha tivverifika l-applikazzjoni, għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija li hija l-bażi għas-sentenza li timponi piena globali, ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d), tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

51

F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni addizzjonali pprovduti mill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat jirriżulta li fil-Polonja, proċedura fl-ewwel istanza, li tkun wasslet għall-kundanna ta’ S.A. Zdziaszek fid-data tal-10 ta’ April 2012, kif ukoll għal proċedura ta’ appell, li ma tkun iddeterminat il-bidla ta’ din il-kundanna.

52

Fir-rigward tal-proċedura fl-ewwel istanza, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ikkomunikat il-provi li ġejjin:

27 seduta seħħew fl-ewwel istanza;

il-persuna mitluba ma dehret fl-ebda seduta;

il-persuna mitluba kellha, inizjalment, peress li ġiet irrappreżentata suċċessivament minn żewġ avukati maħtura ex officio, u wara, sussegwentement, minn avukat ieħor magħżul minnha u li deher fis-seduti li segwew, u

il-persuna mitluba u l-avukat li għażlet ma kinux dehru fis-seduta tad-deċiżjoni tal-kundanna, iżda jkunu ġew informati bil-kontenut tas-sentenza mogħtija dwar il-mertu peress li kienu ppreżentaw talba ta’ predispożizzjoni ta’ “ġustifikazzjoni legali” ta’ din is-sentenza.

53

Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju ma jistax jiġi dedott minn dawn il-provi li, matul il-fażi tal-proċedura fejn hija kellha avukat maħtura ex officio, S.A. Zdziaszek “kien[…] konxj[u] mill-kawża skedata” fis-sens tal-Artikolu 4a(1)(b), tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

54

Madankollu, kien ikun differenti għall-fażi tal-proċedura li matulha l-avukat li għażel jkun deher, billi din il-qorti tikkonkludi li din id-dehra li, matul din il-fażi, S.A. Zdziaszek effettivament “kien[…] konxj[u] mill-kawża skedata” u li hija “ta[…] mandat” lil dan l-avukat “biex jiddefendiha fil-kawża”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

55

L-informazzjoni ipprovduta mill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ma timplikax madankollu S.A. Zdziaszek “kien[…] fil-fatt ġie[…] difiż[…] minn dak il-konsulent fil-kawża”, iżda biss li l-imsemmi avukat deher fis-seduti dwar il-proċedura fl-ewwel istanza. Barra dan, fost is-27 seduta miżmuma fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma ġiex bl-ebda mod speċifikat liema minnhom l-avukat magħżul minn S.A. Zdziaszek deher fihom u lanqas ta’ x’kien is-suġġett ta’ dawn is-seduti. Konsegwentement, ma jistax jiġi dedott minn din l-informazzjoni biss li dan l-avukat magħżul deher fis-seduti u li fihom dan ukoll effettivament iddefenda lill-persuna kkonċernata.

56

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra għalhekk li S.A. Zdziaszek ma deherx personalment fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni tal-ewwel istanza li l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d), tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tapplika għal din il-proċedura.

57

Fir-rigward tal-proċedura tal-appell, l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat ikkomunikat il-provi li ġejjin:

il-persuna mitluba ma dehritx fis-seduta fl-appell;

hija ġiet debitament imħarrka għal din is-seduta, u

l-avukat tal-persuna mitluba deher fis-seduta tal-appell.

58

Abbażi tal-informazzjoni addizzjonali kkomunikata mill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat li tindika li S.A. Zdziaszek u l-avukat tagħha kienu informati bil-kontenut tas-sentenza tal-10 ta’ April 2012, il-qorti tar-rinviju minn dan iddeduċiet li l-persuna mitluba “kienet konxja mill-kawża skedata” fl-appell u li hija “tat mandat biex jiddefendiha fil-kawża”. Peress li nżammet istanza waħda fl-appell, hija tikkonkludi minn din l-istess informazzjoni li tindika li dan l-avukat deher fis-seduta tal-appell li S.A. Zdziaszek “kien[…] fil-fatt ġie[…] difiż[…] minn dak il-konsulent” matul din is-seduta.

59

Fid-dawl ta’ dawn il-provi, is-sitwazzjoni tippreżenta ruħha, għaldaqstant, b’mod differenti skont jekk issir enfasi fuq il-proċedura fl-ewwel istanza jew fuq dik tal-appell, jekk jiġi preżuppost li l-kawża fl-appell tkun ġiet eżaminata fuq il-mertu.

60

Qabel ma l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat sabiex tiċċara dan l-aħħar punt, hija tistaqsi dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-istanza tal-appell taqax taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

61

Din il-qorti tikkunsidra li jeżistu diversi provi li jimmilitaw favur risposta fl-affermattiv.

62

F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li ma jillimitax il-portata tagħha għall-proċedura tal-ewwel istanza, peress li l-punti (c) u (d) tagħha jagħmlu riferiment espress kemm għal “kawża mill-ġdid” kif ukoll għal “appell”. Issa, fid-dritt Pollakk proċedura tal-appell timplika eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża.

63

Barra dan, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas hija kkorroborata bl-għan segwit mill-imsemmija dispożizzjoni, li kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, (C-399/11, EU:C:2013:107) u tal-punt 37 tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346) hija intiża li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tawtorizza l-konsenja minkejja l-assenza tal-persuna mitluba fil-kawża li wasslet għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu rrispettati b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża.

64

Fil-fatt, id-drittijiet tad-difiża jiffurmaw parti mid-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta, b’tali mod li, meta Stat Membru jkun stabbilixxa proċedura ta’ appell, ikun obbligat li jissorvelja li l-persuna kkonċernata tibbenefika, fil-kuntest tagħha, mill-garanziji fundamentali stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjonijiet. Għalhekk, jekk il-persuna kkonċernata għandha l-fakultà li tirrinunzja għad-drittijiet tad-difiża tagħha, madankollu jibqa’ l-fatt li, kif il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem diġà ddeċidiet, il-qorti kriminali, adita sabiex tiddeċiedi mill-ġdid dwar il-ħtija tal-persuna kkonċernata, ma tistax tiddeċiedi mingħajr evalwazzjoni diretta tal-provi prodotti personalment mill-akkużat li jrid jipprova li ma wettaqx l-att li jikkostitwixxi allegatament reat kriminali. F’sitwazzjoni bħal din, il-fatt biss li l-persuna kkonċernata setgħet teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża fl-ewwel istanza huwa, għaldaqstant, insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-KEDB u l-Artikolu 47 tal-Karta ġew osservati.

65

Jekk il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kawża fl-appell u jekk tkun saret evalwazzjoni fuq il-mertu fl-istanza tal-appell, li tikkundanna (mill-ġdid) lill-persuna kkonċernata jew li tikkonferma l-kundanna stabbilita fl-ewwel istanza, il-qorti tar-rinviju tqis li dan huwa konformi mal-għan tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li tali proċedura taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

66

Il-qorti tar-rinviju, madankollu, tirrileva li tali interpretazzjoni ma hijiex kondiviża minn ċertu numru ta’ Stati Membri li jikkunsidraw li appell ma huwa, fl-ebda każ, rilevanti għall-finijiet tal-istħarriġ li għandu jitwettaq skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584. Jista’ jiġi sostnut ukoll li, peress li huwa stabbilit li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata ġew irrispettati b’mod sħiħ fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka jimponi li l-awtoritajiet tal-Istat Membru li joħroġ il-mandat ma jkunux kisru d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċeduri eventwali oħra. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx f’dan ir-rigward.

67

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

Proċedura

li fil-kuntest tagħha l-qorti tal-Istat Membru emittenti tiddeċiedi li takkumula pieni ta’ priġunerija distinti li l-persuna kkonċernata tkun diġà ġiet ikkundannata għalihom b’mod definittiv f’piena waħda ta’ priġunerija u/jew dwar l-emenda ta’ piena ta’ priġunerija akkumulata li l-persuna kkonċernata tkun ġiet preliminarjament ikkundannata għaliha b’mod definittiv u

li fil-kuntest tagħha din il-qorti ma teżaminax iżjed il-kwistjoni tal-ħtija,

bħalma hija l-proċedura li wasslet għas-sentenza kumulattiva [sentenza li tiddeċiedi piena globali] tal-25 ta’ Marzu 2014, tikkostitwixxi ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) tad-[D]eċiżjoni [Q]afas [2002/584]?

2)

L-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’:

f’każ fejn il-persuna mitluba ma tkunx dehret personalment fil-proċess li wassal għad-deċiżjoni,

iżda fejn, la fil-[mandat ta’ arrest Ewropew], u lanqas fl-informazzjoni kumplimentari mitluba abbażi tal-Artikolu 15(2) tad-[D]eċiżjoni [Qafas 2002/584], l-awtorità ġudizzjarja emittenti ma indikat l-applikabbiltà ta’ waħda jew iktar miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-[D]eċiżjoni [Q]afas [2002/584], skont il-formulazzjoni ta’ waħda jew iktar mill-kategoriji msemmija fil-punt 3 tal-parti (d) tal-formula tal-[mandat ta’ arrest Ewropew],

tikkonkludi, għal din ir-raġuni, li ebda waħda mill-kundizzjonijiet tas-sentenza introduttiva tal-Artikolu 4a(1) u tal-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-[D]eċiżjoni [Q]afas [2002/584], ma hija ssodisfatta u tirrifjuta, għal din ir-raġuni, l-eżekuzzjoni tal-[mandat ta’ arrest Ewropew]?

3)

Proċedura ta’ appell

li fiha jkun sar eżami fuq il-mertu u

li tat lok għal kundanna (ġdida) tal-persuna kkonċernata u/jew il-konferma tal-kundanna deċiża fl-ewwel istanza,

filwaqt li l-[mandat ta’ arrest Ewropew] jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-imsemmija kundanna,

tikkostitwixxi ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-[D]eċiżjoni [Q]afas [2002/584]?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

68

Il-qorti tar-rinviju titlob li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

69

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tinvoka il-fatt li S.A. Zdziaszek huwa attwalment detenut fil-Pajjiżi l-Baxxi, jistenna biex jara x’ser jiġri bl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni maħruġ kontra tiegħu mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja.

70

Il-qorti tar-rinviju tesponi barra dan li hija ma tistax tieħu deċiżjoni f’dan ir-rigward qabel li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi magħmula għandhom impatt dirett u determinanti fuq it-tul tad-detenzjoni ta’ S.A. Zdziaszek fil-Pajjiżi l-Baxxi fid-dawl tal-konsenja eventwali tiegħu fl-eżekuzzjoni ta’ dan il-mandat ta’ arrest Ewropew.

71

Għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ fl-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari

72

It-tieni nett, fir-rigward għall-kriterju dwar l-urġenza, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa importanti li tittieħed inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment imċaħħda mil-libertà u ż-żamma f’detenzjoni tagħha tiddependi fuq is-soluzzjoni tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata hija li tiġi evalwata kif inhi fid-data tal-eżami tat-talba sabiex tikseb li d-domanda preliminari hija ssottomessa għall-proċedura b’ urġenza (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

73

F’dan il-każ, minn naħa waħda, huwa stabbilit li, f’din id-data S.A. Zdziaszek ġie mċaħħad mil-libertà. Min-naħa l-oħra, iż-żamma f’detenzjoni ta’ dan tal-aħħar jiddependi mill-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li l-miżura ta’ detenzjoni li kien is-suġġett tagħha kienet ġiet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.

74

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fit-8 ta’ Ġunju 2017 fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel u t-tielet domandi

75

Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett “process li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat fis-sens li hija tirrigwarda proċedura tal-appell u/jew li tirrigwarda bidla ta’ piena waħda jew iktar pieni li jċaħħdu l-libertà deċiżi preċedentement, bħal dik li wasslet għas-sentenza li timponi piena globali inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

76

Bil-għan li tingħata risposta għal dawn id-domandi hekk ifformulati mill-ġdid, fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-punti 81, 90 u 98 tas-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas (C-270/17 PPU), għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 il-kunċett ta’ “process li rriżulta fid-deċiżjoni” għandu jinftiehem bħala li jirrigwarda, fil-każ fejn il-proċedura tinvolvi diversi istanzi li jwasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi li minn tal-inqas waħda minnhom ingħatat mingħajr ma l-persuna kkonċernata, l-istanza tal-appell biss, sa fejn id-deċiżjoni mogħtija fi tmiem din l-istanza tkun iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata, kif ukoll fuq il-kundanna għal piena, bħalma hija miżura li ċċaħħad il-libertà, wara eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża fil-fatt kif ukoll fid-dritt.

77

Huwa minnu li, fil-prinċipju, din id-deċiżjoni ta’ kundanna, tinkludi żewġ komponenti, distinti iżda relatati, jiġifieri d-dikjarazzjoni ta’ ħtija u d-deċiżjoni ta’ piena, piena li ċċaħħad il-libertà f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas, C-270/17 PPU, punti 78 u 83).

78

Xorta jibqa’ l-fatt li, anki fl-ipoteżi fejn, bħal fil-kawża prinċipali, il-quantum tal-piena imposta jinbidel f’proċedura sussegwenti, id-deċiżjoni li tirriżulta mill-istanza tal-appell li tissodisfa l-karatteristiċi stabbiliti fil-punt 76 ta’ din is-sentenza tibqa’ rilevanti għall-finijiet tal-verifiki li għandhom jitwettqu mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni skont l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

79

Fil-fatt, għal raġunijiet identiċi għal dawk li jissemmew fil-punti 83 u 84 tas-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas (C‑270/17 PPU), id-dikjarazzjoni finali ta’ ħtija magħmula fi tmiem l-istanza tal-appell taffettwa direttament lis-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata, iktar u iktar minħabba li din tikkostitwixxi l-bażi legali għall-piena li ċċaħħad il-libertà u li hija għandha tiskonta.

80

Għaldaqstant, huwa essenzjali li l-persuna kkonċernata tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha qabel tittieħed deċiżjoni finali li tirrigwarda l-ħtija tagħha.

81

Għandu jiżdied li, kif jirriżulta wkoll mill-punti 85 u 86 tas-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas (C-270/17 PPU), l-istanza tal-appell hija iktar u iktar determinanti fil-kuntest tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 milli r-rispett sħiħ u effettiv tad-drittijiet tad-difiża f’dan l-istadju tal-kawża huwa ta’ natura li jirrimedja għal ksur eventwali tal-istess drittijiet matul stadju preċedenti tal-proċedura kriminali.

82

Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż f’dak li jirrigwarda dan l-aspett tal-ewwel u t-tielet domandi li l-kunċett ta’ “process li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda l-istanza tal-appell li wasslet għad-deċiżjoni li, fi tmiem eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża fil-fatt kif ukoll fid-dritt, b’mod finali ddeċidiet il-ħtija tal-persuna kkonċernata u l-kundanna għal piena, bħalma hija piena li ċċaħħad il-libertà, anki meta l-piena imposta tkun ġiet mibdula minn deċiżjoni sussegwenti.

83

Fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk deċiżjoni, li sseħħ fi stadju sussegwenti tal-proċedura u li tirrigwarda l-bidla ta’ waħda jew iktar pieni li jċaħħdu l-libertà deċiżi preċedentement, bħas-sentenza li timponi piena globali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistax taqa’ taħt l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

84

Kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, qabelxejn, tali sentenza, anki jekk tingħata wara, li deċiżjoni waħda jew iktar, ikunu kkundannaw lill-persuna kkonċernata għal piena waħda jew iktar, madankollu ma taffettwax id-dikjarazzjoni ta’ ħtija li tirriżulta minn deċiżjonijiet preċedenti, peress li din tkun, għalhekk, miksuba b’mod finali.

85

Sussegwentement, tali deċiżjoni tbiddel il-quantum tal-piena jew pieni imposti. Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn il-miżuri ta’ dan it-tip minn dawk dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà. Barra minn hekk mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-Artikolu 6(1) tal-KEDB ma japplikax għall-kwistjonijiet dwar il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw it-tqegħid fil-libertà provviżorja (ara, f’dan is-sens, il-QEDB, tat-3 ta’ April 2012, Boulois vs Luxembourg, CE:ECHR:2012:0403JUD003757504, § 87).

86

Fl-aħħar nett, proċedura li twassal għal deċiżjoni bħas-sentenza li timponi piena globali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti b’mod partikolari li tikkonverti f’piena ġdida unika waħda jew iktar pieni deċiżi preċedentement kontra l-persuna kkonċernata, bil-għan neċessarjament ta’ riżultat iktar favorevoli għal din tal-aħħar. B’hekk, pereżempju, l-applikazzjoni iktar ħafifa tista’ tiġi deċiża wara d-dħul fis-seħħ ta’ leġiżlazzjoni ġdida li tissanzjona b’mod inqas strett ir-reat previst. Jew ukoll, bħala riżultat ta’ diversi kundanni, li kull waħda minnhom kienet tinvolvi l-impożizzjoni ta’ piena, il-pieni imposti jistgħu jiġu akkumulati sabiex tinkiseb piena globali li l-quantum tagħha huwa inqas mis-somma tal-pieni differenti imposti bid-deċiżjonijiet distinti preċedenti.

87

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta li l-garanziji tal-Artikolu 6 tal-KEDB japplikaw mhux biss għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija, iżda wkoll għad-determinazzjoni tal-piena (ara, f’dan is-sens, il-QEDB, tat-28 ta’ Novembru 2013, Dementyev vs Ir-Russja, CE:ECHR:2013:1128JUD004309505, § 23). B’hekk, l-osservanza tal-korrettezza tal-kawża timplika d-dritt, għall-persuna kkonċernata, li tattendi għad-dibattiti minħabba l-konsegwenzi importanti li dawn jista’ jkollhom fuq il-quantum tal-piena li se tkun imposta fuqha (ara, f’dan is-sens, il-QEDB, 21 ta’ Settembru 1993, Kremzov vs L-Awstrija, CE:ECHR:1993:0921JUD001235086, § 67).

88

Dan huwa l-każ, fir-rigward ta’ proċedura speċifika ta’ ffissar ta’ piena globali meta din ma tikkostitwixxix biss eżerċizzju purament formali u aritmetiku, iżda tkun tinvolvi setgħa diskrezzjonali għad-determinazzjoni tal-livell tal-piena permezz, b’mod partikolari, ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni jew tal-personalità tal-persuna kkonċernata, jew iċ-ċirkustanzi mitiganti jew aggravanti (ara, f’dan is-sens, l-QEDB, tal-15 ta’ Lulju 1982, Eckle vs Il-Ġermanja, CE:ECHR:1983:0621JUD000813078, § 77, u tat-28 ta’ Novembru 2013, Dementyev vs Ir-Russja, CE:ECHR:2013:1128JUD004309505, § 25 u 26).

89

Barra dan, ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward il-punt dwar jekk il-qorti kkonċernata għandhiex jew le s-setgħa li tiggrava l-piena deċiża preċedentement (ara, f’dan is-sens, s-sentenzi QEDB, tas-26 ta’ Mejju 1988, Ekbatani vs L-Isvezja, CE:ECHR:1988:0526JUD001056383, § 32, u tat-18 ta’ Ottubru 2006, Hermi vs L-Italja, CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, § 65).

90

Minn dan isegwi li proċedura, li twassal għal sentenza li timponi piena globali, bħal dik fil-kawża prinċipali, li tirriżulta għal determinazzjoni mill-ġdid tal-livell ta’ pieni li jċaħħdu l-libertà deċiżi preċedentement għandha tiġi kkunsidrata bħala rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, peress li tagħti, f’dan is-sens, lill-awtorità kompetenti setgħa diskrezzjonali fis-sens tal-punt 88 ta’ din is-sentenza u li hija tirriżulta f’deċiżjoni li tiddeċiedi b’mod finali fuq il-piena.

91

Fil-fatt, peress li din il-proċedura tiddetermina l-quantum tal-piena li l-persuna kkundannata għandha fl-aħħar mill-aħħar tiskonta, din tal-aħħar għandha tkun tista’ teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha sabiex tkun tista’ tinfluwenza b’mod favorevoli d-deċiżjoni li tintervjeni f’dan ir-rigward.

92

Il-fatt li l-iffissar mill-ġdid tal-piena huwa, ipotetikament, iktar favorevoli għall-persuna kkonċernata huwa irrilevanti, peress li l-livell ta’ piena ma huwiex iddeterminat minn qabel, iżda jiddependi fuq l-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni mill-awtorità kompetenti u li huwa preċiżament il-livell li jkun finalment impost tal-piena li għandha tiġi skontata li huwa importanti b’mod deċiżiv għall-persuna kkonċernata.

93

Fid-dawl tar-raġunijiet esposti iktar ‘il fuq, għandu jiġi kkunsidrat li, f’każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn, wara istanza tal-appell li matulha l-kawża tkun suġġetta għal eżami mill-ġdid tal-mertu, deċiżjoni tkun iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata u tkun imponiet ukoll fuqha minħabba dan il-fatt piena li ċċaħħad il-libertà, li madankollu l-livell tagħha jkun inbidel permezz ta’ deċiżjoni sussegwenti meħuda mill-awtorità kompetenti wara li hija tkun eżerċitat s-setgħa diskrezzjonali tagħha f’dan il-qasam u li tkun stabbiliet b’mod finali l-piena, dawn iż-żewġ deċiżjonijiet għandhom, l-waħda u l-oħra, jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

94

Kif jirriżulta rispettivament mill-punti 76 sa 80 u 90 sa 92 ta’ din is-sentenza, huwa importanti, fil-fatt, li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża kemm għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija kif ukoll għall-iffissar aħħari tal-piena u, meta dawn iż-żewġ aspetti, li barra minn hekk huma intimament relatati, huma separati, id-deċiżjonijiet finali mogħtija f’dan ir-rigward għandhom, it-tnejn li huma bl-istess mod, ikunu suġġetti għal verifiki imposti mill-imsemmija dispożizzjoni. Fil-fatt, din hija intiża preċiżament sabiex isaħħaħ id-drittijiet proċedurali tal-persuni kkonċernati billi tiżgura li d-dritt fundamentali tagħhom għal smigħ xieraq jiġi ggarantit (ara f’dan is-sens, is-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas, (C-270/17 PPU) punti 58 u 61 sa 63), u kif intqal fil-punt 87 ta’ din is-sentenza, dawn ir-rekwiżiti huma imposti kemm għad-dikjarazzjoni ta’ ħtija kif ukoll għall-iffissar tal-piena.

95

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma għandha l-ebda inkonvenjent ta’ natura prattika, sa fejn, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-formularju li jirrigwarda mudell uniformi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew anness mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jimponi provvista ta’ informazzjoni li tirrigwarda waħda jew l-oħra minn dawn l-aspetti. L-interpretazzjoni preċedenti ma hijiex konsegwentement probabbli li ttaqqal il-kompitu tal-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat.

96

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u t-tielet domandi magħmula hija li, il-kunċett ta’ “process li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirreferix biss għall-istanza li wasslet għad-deċiżjoni fl-appell, peress li din, wara eżami mill-ġdid tal-kawża fir-rigward tal-mertu, iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll għall-proċedura sussegwenti, bħal dik li wasslet għas-sentenza li timponi piena globali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fi tmiemha ttieħdet id-deċiżjoni li bidlet b’mod finali l-livell tal-piena inizjalment mogħtija, sakemm l-awtorità li adottat din tal-aħħar deċiżjoni kellha f’dan ir-rigward ċerta setgħa diskrezzjonali.

Fuq it-tieni domanda

97

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tawtorizza lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, għall-unika raġuni li la l-formularju li jirrigwarda l-mudell uniformi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u lanqas l-informazzjoni addizzjonali miksuba mingħand l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas ma jipprovdu biżżejjed provi li jippermettulha li tistabilixxi l-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-istess Deċiżjoni Qafas.

98

Bil-għan li tingħata risposta effettiva għal din id-domanda, għandu jitfakkar li l-verifiki rikjesti mill-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jirrigwardaw, fil-prinċipju, l-aħħar istanza li matulha jkun ġie eżaminat il-mertu tal-kawża u li twassal għal kundanna finali tal-persuna kkonċernata (ara, f’dan is-sens, s-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas, C-270/17 PPU, punti 81, 90 u 91). Fl-ipoteżi partikolari, eżaminata fil-kuntest tar-risposta mogħtija fl-ewwel u t-tielet domandi, fejn il-livell tal-piena inizjalment imposta kien ġie mibdul b’mod finali skont proċedura ġdida li tinvolvi l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali, dawn il-proċeduri huma kif jirriżulta mill-punti 93, 94 u 96 ta’ din is-sentenza, tnejn li huma rilevanti f’dan ir-rigward.

99

Konsegwentement, huwa fir-rigward tal-ewwel waħda minn dawn il-proċeduri jew, jekk ikun il-każ, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ proċeduri li l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat hija obbligata li tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

100

Minn dan isegwi li bħala konsegwenza, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tillimita l-eżami tagħha għall-proċeduri, imsemmija fil-punt preċedenti għall-finijiet tal-applikazzjoni l-Artikolu 4a(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

101

Fid-dawl tas-sistema stabbilita b’din id-dispożizzjoni u kif jirriżulta mill-kliem tagħha stess, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena jew ta’ miżura ta’ ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kawża li wasslet għal deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti (a), (b), (c) jew (d) tal-imsemmija dispożizzjoni huma sodisfatti.

102

B’hekk, meta l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-imsemmija punti (a) sa (d) tiġi stabbilita, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-obbligu li tipproċedi għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas, C-270/17 PPU, punti 50, 55 u 95).

103

Fil-każ fejn din l-awtorità tikkunsidra li hija ma għandhiex biżżejjed provi għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi b’mod validu l-konsenja tal-persuna kkonċernata, hija obbligata li tuża l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, billi tinvoka quddiem l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat il-provvista b’urġenza ta’ informazzjoni addizzjonali li hija tqis neċessarja qabel tkun tista’ tieħu deċiżjoni fuq il-konsenja.

104

Fil-każ li, f’dan l-istadju, hija tkun għadha ma kisbitx il-garanziji mitluba fir-rigward tar-rispett tad-difiża tal-persuna kkonċernata matul il-proċedura rilevanti, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

105

Fil-fatt, din l-awtorità mhux biss ma tkunx tista’ tittollera ksur tad-drittijiet fundamentali, iżda, kif jipprevedi fl-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hija obbligata wkoll tiżgura r-rispett tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tagħha għat- teħid tad-deċiżjoni dwar is-segwitu li għandu jingħata lill-mandat ta’ arrest Ewropew, b’tali mod li ma jkunx hemm obbligu li hija tuża, mill-ġdid, l-imsemmi Artikolu 15(2) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punt 97).

106

Madankollu għandu jiġi enfasizzat f’dan il-kuntest li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-każijiet previsti fil-paragrafu (1)(a) sa (d), tal-imsemmi artikolu ġew ikkonċepiti bħala eċċezzjonijiet għal din ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent fakultattiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ta’ dan il-jum, Tupikas, C-270/17 PPU, punti 50 u 96).

107

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tippreċiża li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, anki wara li tkun ikkonstatat li dawn il-każijiet ma jkoprux is-sitwazzjoni tal-persuna suġġetta għall-mandat tal-arrest Ewropew, tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jippermettulha li tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 5051).

108

B’hekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprekludix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża li tkun adita biha, inkluża l-informazzjoni li għandha għad-dispożizzjoni tagħha hi stess.

109

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda hija li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment għall-proċedura rilevanti jew, jekk ikun il-każ, għall-proċeduri rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas u fejn l-informazzjoni li tinsab fil-formularju li jirrigwarda l-mudell uniformi tal-mandat ta’ arrest Ewropew u anness mad-Deċiżjoni Qafas u lanqas dik miksuba b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) tal-istess Deċiżjoni Qafas ma jipprovdu l-provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

110

Madankollu, din id-Deċiżjoni Qafas ma tipprekludix lil din l-awtorità li tieħu inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża li biha hija adita sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata matul il-proċedura jew proċeduri rilevanti.

Fuq l-ispejjeż

111

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

F’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunċett ta’ “process li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirreferix biss għall-istanza li wasslet għad-deċiżjoni fl-appell, peress li din, wara eżami mill-ġdid tal-kawża fir-rigward tal-mertu, iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata, iżda wkoll għall-proċedura sussegwenti, bħal dik li wasslet għas-sentenza li timponi piena globali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fi tmiemha ttieħdet id-deċiżjoni li bidlet b’mod finali l-livell tal-piena inizjalment mogħtija, sakemm l-awtorità li adottat din tal-aħħar deċiżjoni kellha f’dan ir-rigward ċerta setgħa diskrezzjonali.

 

2)

L-imsemmija Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-każ fejn il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment għall-proċedura rilevanti jew, jekk ikun il-każ, għall-proċeduri rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, kif emendata, u fejn l-informazzjoni li tinsab fil-formularju li jirrigwarda l-mudell uniformi tal-mandat ta’ arrest Ewropew u anness mal-imsemmija Deċiżjoni Qafas u lanqas dik miksuba b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(2) kif emendata, tal-istess Deċiżjoni Qafas ma jipprovdu l-provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, kif emendata, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha l-fakultà li tirrifjuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew.

Madankollu, din id-Deċiżjoni Qafas kif emendata, ma tipprekludix lil din l-awtorità li tieħu inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża inkwistjoni sabiex tiżgura r-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata matul il-proċedura jew proċeduri rilevanti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.