SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

10 ta’ Awwissu 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni mill-pulizija u ġudizzjarja f’materji kriminali – Mandat ta’ arrest Ewropew – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri – Kundizzjonijiet għall-eżekuzzjoni – Raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni fakultattiva – Artikolu 4a(1) li jirriżulta mid-Deċiżjoni Qafas 2009/299/ĠAI – mandat ta’ arrest maħruġ għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ piena li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà – Kunċett ta’ ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ – Persuna kkonċernata li dehret personalment fl-ewwel istanza – Proċedura fil-grad tal-appell li tinvolvi eżami ġdid tal-kawża fir-rigward tal-mertu – Mandat ta’ arrest li ma jipprovdi ebda informazzjoni li tippermetti li jiġi vverifikat jekk id-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkundannata ġew irrispettati matul il-proċedura tal-appell”

Fil-Kawża C-270/17 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

Tadas Tupikas,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, M. Berger, A. Borg Barthet, E. Levits u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ Lulju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Tupikas, minn B. Kuppens, avukat,

għall-Openbaar Ministerie, minn K. van der Schaft u U.E.A. Weitzel, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn M. Noort u M. Bulterman bħala aġenti,

għall-Irlanda, minn J. Quaney, bħala aġent, assistita minn C. Noctor, BL,

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters u S. Grünheid, bħala aġenti.

wara li semgħet il-Konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2002/584/ĠAI, tat-13 ta’ Ġunju 2002, dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34) kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI, tas-26 ta’ Frar 2009 (ĠU 2009, L 81, p. 24) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Qafas 2002/584”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ mill-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) kontra Tadas Tupikas fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Litwanja, ta’ piena ta’ ċaħda tal-libertà.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

Il-KEDB

3

L-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), iffirmat f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), jipprevedi:

“(1)   Fid-deċiżjoni tad-drittijiet ċivili u ta’ l-obbligi tiegħu jew ta’ xi akkuża kriminali kontra tiegħu, kulħadd huwa intitolat għal smigħ imparzjali u pubbliku fi żmien raġonevoli minn tribunal indipendenti u imparzjali mwaqqaf b’liġi. Is-sentenza għandha tingħata pubblikament iżda l-istampa u l-pubbliku jistgħu jiġu esklużi mill-proċeduri kollha jew minn parti minnhom fl-interess tal-morali, tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali f’soċjetà demokratika, meta l-interessi tal-minuri jew il-protezzjoni tal-ħajja privata tal-partijiet hekk jeħtieġu, jew sa fejn ikun rigorożament meħtieġ fil-fehma tal-qorti f’ċirkustanzi speċjali meta l-pubbliċità tista’ tippreġudika l-interessi tal-ġustizzja.

2   Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu jiġi meqjus li jkun innoċenti sakemm ma jiġix pruvat ħati skont il-liġi.

3   Kull min ikun akkużat b’reat kriminali għandu d-drittijiet minimi li ġejjin:

(a)

li jkun informat minnufih, b’lingwa li jifhem u bid-dettall, dwar in-natura u r-raġuni tal-akkuża kontra tiegħu;

(b)

li jkollu żmien u faċilitajiet xierqa għall-preparazzjoni tad-difiża tiegħu;

(ċ)

li jiddefendi ruħu persunalment jew permezz ta’ assistenza legali magħżula minnu stess jew, jekk ma jkollux mezzi biżżejjed li jħallas l-assistenza legali, din għandha tingħata lilu b’xejn meta l-interessi tal-ġustizzja jeħtieġu hekk;

(d)

li jeżamina jew li jara li jiġu eżaminati xhieda kontra tiegħu u li jottjeni l-attendenza u l-eżami ta’ xhieda favur tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet bħax-xhieda kontra tiegħu;

(e)

li jkollu assistenza b’xejn ta’ interpretu jekk ma jkunx jifhem jew jitkellem il-lingwa użata fil-qorti”.

Id-dritt tal-Unjoni

Il-Karta

4

L-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, (iktar ’il quddiem il-“Karta”) jiffurmaw parti mit-Titolu VI tagħha, intitolat “Ġustizzja”.

5

Skont l-Artikolu 47 tal-Karta intitolat “Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali”:

“Kull persuna li d-drittijiet u l-libertajiet tagħha garantiti mil-liġi ta’ l-Unjoni jiġu vjolati għandha d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti skond il-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Kull persuna għandha d-dritt għal smigħ ġust u pubbliku fi żmien raġjonevoli minn qorti indipendenti u imparzjali, stabbilita minn qabel bil-liġi. Kull persuna għandu jkollha l-possibbiltà li tieħu parir, ikollha difiża u tkun irrappreżentata.”

[…]”

6

L-ispjegazzjonijiet li jakkumpanjaw il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, (ĠU 2007, C 303, p. 17, iktar ’il quddiem l-“ispjegazzjonijiet dwar il-Karta”) jispeċifikaw fir-rigward tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, li din id-dispożizzjoni tikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

7

L-ispjegazzjonijiet dwar il-Karta jżidu, fir-rigward tal-imsemmi Artikolu 47 li “[f]id-dritt tal-Unjoni, id-dritt għal tribunal ma huwiex limitat għal tilwim konness ma’ drittijiet u obbligi ta’ natura ċivili. Huwa wieħed mill-konsegwenzi tal-fatt li l-Unjoni hija Komunità ibbażata fuq l-istat tad-dritt kif ġie dikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-[sentenza tat-23 ta’ April 1986, Les Verts vs Il-Parlament Ewropew (294/83, EU:C:1986:166)]. Madankollu, fir-rigward tal-aspetti kollha barra dak tal-kamp tal-applikazzjoni tagħhom, il-garanziji mogħtija mill-KEDB japplikaw b’mod simili għall-Unjoni”.

8

L-Artikolu 48 tal-Karta, intitolat “Il-preżunzjoni ta’ innoċenza u dritt għad-difiża”, jipprevedi:

“1   Kull imputat għandu jkun preżunt innoċenti sakemm jinstab ħati skond il-liġi.

2   Għandu jiġi ggarantit ir-rispett għad-drittijiet tad-difiża ta’ kull imputat.”

9

L-ispjegazzjonijiet relatati mal-Karta jispeċifikaw f’dan ir-rigward:

“L-Artikolu 48 huwa l-istess bħall-Artikolu 6(2) u (3) tal-KEDB […]

[…]

Skont l-Artikolu 52(3), dan id-dritt għandu l-istess sens u ambitu bħad-dritt garantit mill-KEDB.”

10

L-Artikolu 51 tal-Karta, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-Karta huma intiżi għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji ta’ l-Unjoni fir-rispett tal-prinċipju ta’ sussidjarjetà u għall-Istati Membri wkoll biss meta jkunu qed jimplimentaw il-liġi ta’ l-Unjoni. […]”

11

L-Artikolu 52 tal-Karta, intitolat “L-ambitu u l-interpretazzjoni ta’ drittijiet u ta’ prinċipji”, jipprevedi:

“1.   Kull limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju ta’ proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.

[…]

3.   Sa fejn din il-Karta fiha drittijiet li jikkorrispondu għal drittijiet iggarantiti mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali, it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-Konvenzjoni msemmija. Din id-dispożizzjoni ma żżommx lil-liġi ta’ l-Unjoni milli tipprevedi protezzjoni aktar estensiva.

[…]

7   L-ispjegazzjonijiet imfassla bħala gwida għall-interpretazzjoni ta’ din il-Karta għandhom jingħataw il-kunsiderazzjoni dovuta mill-qrati ta’ l-Unjoni u ta’ l-Istati Membri.”

Id-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2009/299

12

Il-premessi 1, 5, 6, 8, 10 u 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma fformulati kif ġej:

“(1)

Skont il-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-Tampere tal-15 u s-16 ta’ Ottubru 1999, u partikolarment il-punt 35 tagħhom, il-proċedura formali tal-estradizzjoni għandha tkun abolita fost l-Istati Membri fir-rigward ta’ persuni li qed jaħarbu mill-ġustizzja wara li jkunu ġew ikkundannati definittivament u l-proċeduri tal-estradizzjoni għandhom jiġu mħaffin fir-rigward ta’ persuni suspettati li wettqu reat.

[…]

(5)

[…][L]-introduzzjoni ta’ sistema ssimplifikata ġdida ta’ konsenja ta’ persuni kkundannati jew suspettati għall-finijiet ta’ esekuzzjoni ta’ sentenzi kriminali jew biex jiġu sottoposti għal azzjoni kriminali, jagħmilha possibbli li jitneħħew il-komplessità u l-potenzjal għad-dewmien inerenti fil-proċeduri preżenti ta’ l-estradizzjoni […]

(6)

Il-mandat ta’ arrest Ewropew previst f’din id-Deċiżjoni Kwadru hi l-ewwel miżura konkreta fil-qasam tal-liġi kriminali li timplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li l-Kunsill Ewropew irrefera għalih bħala l-‘punt ta’ referenza’ tal-koperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(8)

Id-deċiżjonijiet dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli suffiċjenti, li jfisser li awtorità ġudizzjarja ta’ l-Istat Membru fejn il-persuna rikjesta ġiet arrestata jkollha tieħu d-deċiżjoni dwar il-konsenja tagħha.

[…]

(10)

Il-mekkaniżmu tal-mandat ta’ arrest Ewropew hu bbażat fuq livell għoli ta’ kunfidenza bejn l-Istati Membri. L-implimentazzjoni tiegħu jista’ jiġi sospiż biss fil-każ ta’ ksur serju u persistenti minn wiehed mill-Istati Membri tal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 6(1) [UE li sar wara l-emenda, l-Artikolu 2 TUE], determinat mill-Kunsill skond l-Artikolu 7(1) [UE li sar, wara l-emenda, l-Artikolu 7(2) TUE] bil-konsegwenzi stabbiliti fl-Artikolu 7(2) tiegħu.

[…]

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] hi in konformità mad-drittijiet fondamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 [UE] u riflessi fil-Karta, […], b’mod partikolari l-Kapitolu VI tiegħu. Xejn f’din id-Deċiżjoni Kwadru ma jista’ jiġi interpretat bħala projbizzjoni tat-tiċħid tal-konsenja ta’ persuna li għaliha nħareġ mandat ta’ arrest Ewropew meta hemm raġunijiet biex jitwemmen, abbażi ta’ elementi oġġettivi, li l-mandat ta’ arrest imsemmi ġie maħruġ għall-fini ta’ l-issoktar ta’ l-azzjoni kriminali jew il-kastig ta’ persuna għal raġunijiet ta’ sess, razza, oriġini etnika, nazzjonalità, ilsien, opinjoni politika jew orjentazzjoni sesswali, jew li l-pożizzjoni ta’ dik il-persuna tista’ tiġi ppreġudikata għal kwalunkwe minn dawn ir-raġunijiet.

[…]”

13

L-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, intitolat “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi:

“1.   Il-mandat ta’ arrest Ewropew hi deċiżjoni ġudizzjarja maħruġa minn Stat Membru bl-iskop ta’ l-arrest u l-konsenja minn Stat Membru ieħor ta’ persuna rikjesta, għall-finijiet tat-tmexxija ta’ azzjoni kriminali jew l-esekuzzjoni ta’ piena ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni.

2.   L-Istati Membri għandhom jesegwixxu kwalunkwe mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku u skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 [UE].”

14

L-Artikoli 3, 4 u 4a tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jistipulaw ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja u fakultattiva tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

15

Id-Deċiżjoni Qafas 2009/299 tispeċifika r-raġunijiet li abbażi tagħhom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ sentenza Ewropea meta l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret fil-kawża tagħha. Il-premessi tagħha 1, 2, 4 sa 8, 14 u 15 jiddikjaraw:

“(1)

Id-dritt tal-akkużat li jkun preżenti waqt il-kawża huwa inkluż fid-dritt għal proċess ġust previst fl-Artikolu 6 tal-[KEDB], kif interpretat mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. [Din tal-aħħar], ddikjarat ukoll li dan id-dritt tal-persuna akkużata li tkun preżenti waqt il-kawża mhuwiex assolut u li taħt ċerti kondizzjonijiet l-akkużat jista’, bil-volontà tiegħu, espressament jew taċitament iżda inekwivokabbilment, jirrinunzja dak id-dritt.

(2)

Id-diversi Deċiżjonijiet Kwadru li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali ma jitrattawx b’mod konsistenti l-kwistjoni ta’ deċiżjonijiet li ngħataw wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-diversità tista’ tikkomplika l-ħidma tal-prattikant fil-qasam u tfixkel il-kooperazzjoni ġudizzjarja.

[…]

(4)

Hu għalhekk meħtieġ li jingħataw raġunijiet ċari u komuni għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment. Din id-Deċiżjoni Qafas għandha l-għan li tirraffina d-definizzjoni ta’ tali raġunijiet komuni li jippermettu lill-awtorità tal-eżekuzzjoni tesegwixxi d-deċiżjoni minkejja l-assenza tal-persuna fil-kawża, filwaqt li jiġi rrispettat id-dritt ta’ difiża tal-persuna. Din id-DeċiżjoniQafas m’hijiex imfassla biex tirregola l-forom u l-metodi, inklużi l-ħtiġiet proċedurali, li huma użati biex jinkisbu riżultati speċifikati fid-Deċiżjoni Qafas, li huma kwistjoni li tirrigwarda l-liġi nazzjonali tal-Istati Membri.

(5)

Dawn it-tibdiliet jeħtieġu l-emenda tad-Deċiżjoniet Kwadru eżistenti li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji finali. Id-dispożizzjonijiet il-ġodda għandhom iservu wkoll bħala bażi għal strumenti futuri f’dan il-qasam.

(6)

Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li temenda Deċiżjonijiet Kwadru oħrajn jistabbilixxu kondizzjonijiet li taħthom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment, m’għandhomx jiġu miċħuda. Dawn huma kondizzjonijiet alternattivi; meta tiġi sodisfatta waħda mill-kondizzjonijiet, l-awtorità emittenti, billi timla t-taqsima korrispondenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew jew taċ-ċertifikat relevanti taħt id-Deċiżjonijiet Kwadru l-oħra, tagħti l-assigurazzjoni li l-ħtiġiet kienu jew ser jiġu sodisfatti, li għandu jkun biżżejjed għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni abbażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku.

(7)

Ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija wara kawża li fiha l-persuna konċernata ma dehritx personalment, m’għandhomx jinċaħdu jekk hu jew hi kienu ikkonvokati personalment u għaldaqstant kien b’hekk infurmati bid-data u l-post skedati tal-kawża li rriżultat fid-deċiżjoni, jew jekk hu jew hi fil-fatt irċeviet, b’mezzi oħrajn, informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hu jew hi kienet konxja mill-kawża skedata. F’dan il-kuntest, hu mifhum li l-persuna kellha tirċievi tali informazzjoni ‘fi żmien debitu’, li jfisser fi żmien biżżejjed li jippermettilha tipparteċipa fil-kawża u teżerċita b’mod effettiv id-dritt ta’ difiża tiegħu jew tagħha.

(8)

Id-dritt għal smigħ xieraq ta’ persuna akkużata huwa ggarantit mill-[KEDB], kif interpretata mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan id-dritt jinkludi d-dritt tal-persuna konċernata li tidher personalment waqt il-kawża. Sabiex teżerċita dan id-dritt, il-persuna konċernata teħtieġ li tkun konxja mill-kawża skedata. Skond din id-Deċiżjoni Qafas l-għarfien tal-persuna dwar il-kawża għandu jiġi żgurat minn kull Stat Membru f’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, waqt li jkun mifhum li dan għandu jkun konformi mal-ħtiġiet ta’ dik il-Konvenzjoni. F’konformità mal-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, meta jkun qed jiġi kkunsidrat jekk il-mod kif l-informazzjoni tingħata hux biżżejjed biex jiżgura l-għarfien tal-persuna dwar il-proċess, tista’ tingħata wkoll, jekk ikun opportun, attenzjoni partikolari lid-diliġenza eżerċitata mill-persuna konċernata sabiex tirċievi informazzjoni indirizzata lilu jew lilha.

[…]

(14)

Din id-Deċiżjoni Qafas hija limitata għar-raffinazzjoni tad-definizzjoni tar-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent fi strumenti li jimplimentaw il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku. Għalhekk, dispożizzjonijiet bħal dawk relatati mad-dritt kawża mill-ġdid għandhom kamp ta’ applikazzjoni li huwa limitat għad-definizzjoni ta’ dawn ir-raġunijiet ta’ non-rikonoxximent. Dawn mhumiex imfassla sabiex jarmonizzaw il-leġislazzjoni nazzjonali. Din id-Deċiżjoni Qafas hija mingħajr preġudizzju għall-istrumenti futuri tal-Unjoni Ewropea mfassla biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-liġi kriminali.

(15)

Ir-raġunijiet għan-nuqqas ta’ rikonoxximent huma fakultattivi. Madankollu, id-diskrezzjoni tal-Istati Membri li jittrasponu dawn ir-raġunijiet fil-liġi nazzjonali hija regolata b’mod partikolari mid-dritt għal smigħ xieraq, filwaqt li jittieħed kont tal-objettiv ġenerali ta’ din id-Deċiżjoni Qafas li ssaħħaħ id-drittijiet proċedurali tal-persuni u li tiffaċilita kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali […]”

16

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/299, intitolat “Objettivi u kamp ta’ applikazzjoni”:

“1.   L-objettivi ta’ din id-Deċiżjoni Qafas huma li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, li tiffaċilita l-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, b’mod partikolari, li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri.

2.   Din id-Deċiżjoni Qafas m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif proklamati fl-Artikolu 6 tat-Trattat, inkluż id-dritt ta’ difiza ta’ persuni soġġetti għal proċedimenti kriminali, u kwalunkwe obbligu li jaqa’ fuq l-awtoritajiet ġudizzjarji f’dan ir-rigward m’għandux jiġi milqut.

3.   Din id-Deċiżjoni Qafas tistabbilixxi regoli komuni għar-rikonoxximent u/jew l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji fi Stat Membru wieħed (l-Istat Membru tal-eżekuzzjoni) maħruġa minn Stat Membru ieħor (l-Istat Membru emittenti) wara l-proċedimenti li għalihom il-persuna konċernata ma kenitx preżenti […]”

17

L-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584 ġie inkluż permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u intitolat “Deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu huwa redatt kif ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tiċħad l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ kustodja jew ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna ma dehritx personalment fil-proċess li rriżulta fid-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jiddikjarax li l-persuna, skond ħtiġiet proċedurali ulterjuri definiti fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru emittenti:

a)

fi żmien debitu,

i)

jew kienet ikkonvokata personalment u għaldaqstant infurmata bid-data u l-post skedati li rriżultaw fid-deċiżjoni, jew b’mezzi oħra fil-fatt irċeviet informazzjoni uffiċjali tad-data u l-post skedati ta’ dik il-kawża b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li hija kienet konxja mill-kawża skedata;

u

ii)

kienet infurmata li tista’ tingħata deċiżjoni jekk hija ma tidhirx għall-kawża;

jew

b)

konxja mill-kawża skedata, kienet tat mandat lil konsulent legali, li kien jew appuntat mill-persuna konċernata jew mill-Istat, biex jiddefendiha fil-kawża, u kienet fil-fatt ġiet difiża minn dak il-konsulent fil-kawża;

jew

(ċ)

wara li kienet innotifikata bid-deċiżjoni u kienet infurmata espressament dwar id-dritt kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

i)

iddikjarat espressament li huwa jew hija ma tikkontestax id-deċiżjoni;

jew

ii)

ma talbitx kawża [proċess] mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli;

jew

d)

ma kinitx notifikata personalment bid-deċiżjoni iżda:

i)

ser tkun innotifikata personalment biha mingħajr dewmien wara ċ-ċediment u ser tkun infurmata espressament dwar id-dritt tiegħu jew tagħha kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

u

ii)

ser tkun infurmata bil-perijodu taż-żmien li fih hija għandha titlob din il-kawża [proċess] mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.”

18

L-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi:

“Il-mandat ta’ arrest Ewropew għandu jkun jinsab fih l-informazzjoni li ġejja stabbilita skont il-forma li tinsab fl-Anness:

a)

l-identità u nazzjonalità tal-persuna rikjesta;

b)

l-isem, indirizz, numri tat-telefon u l-fax u indirizz ta’ l-e-mail ta’ l-awtorità ġudizzjarja li toħroġ il-mandat;

c)

l-indikazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ sentenza esegwibbli, mandat ta’ arrest jew kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja esegwibbli oħra li jkollhom l-istess effett, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikoli 1 u 2;

d)

in-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikolu 2;

e)

deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li fihom twettaq ir-reat, inkluż il-ħin, il-post u l-grad ta’ parteċipazzjoni fir-reat mill-persuna rikjesta;

f)

il-piena imposta, jekk hemm sentenza finali, jew l-iskala ta’ pieni stabbilita għar-reat skond il-liġi ta’ l-Istat Membru emittenti;

g)

jekk possibbli, konsegwenzi oħra tar-reat.”

19

L-Artikolu 15 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, intitolat “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, jipprevedi:

“1.   L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.

2.   Jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ssib li l-informazzjoni kkomunikata mill-Istat Membru emittenti mhijiex suffiċjenti biex tiddeċiedi dwar il-konsenja, għandha titlob li l-informazzjoni supplementarja meħtieġa, b’mod partikolari fir-rigward ta’ l-Artikoli 3 sa 5 u l-Artikolu 8, tiġi mogħtija bħala kwistjoni ta’ urġenza u tista’ tistabbilixxi limitu ta’ żmien għall-wasla tagħha, waqt li tittieħed f’konsiderazzjoni l-ħtieġa li jkunu mħarsin il-limiti ta’ żmien stabbiliti fl-Artikolu 17.

3.   L-awtorità ġudizzjarja emittenti tista’ fi kwalunkwe ħin tibgħat kwalunkwe informazzjoni utli addizjonali lill-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni.”

20

Skont l-Artikolu 17 tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas:

“1.   Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

2.   F’każijiet fejn il-persuna rikjesta tagħti l-kunsens għall-konsenja tagħha, id-deċiżjoni finali fuq l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 10 ijiem mill għoti tal-kunsens.

3.   F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali fuq l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.   Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tinforma immedjatament l-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi bi 30 jum ieħor.

[…]”

21

Fl-anness tal-istess Deċiżjoni Qafas hemm formola li tinkludi mudell uniformi tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

Id-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi

22

L-Overleveringswet (liġi dwar il-konsenja), tad-29 ta’ April 2004 (Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), tittrasponi id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 fid-dritt tal-Pajjiżi l-Baxxi.

23

L-Artikolu 12 tal-OLW huwa fformulat kif ġej:

“Il-konsenja ma hijiex awtorizzata meta l-mandat ta’ arrest Ewropew huwa intiż sabiex jeżegwixxi sentenza, meta l-akkużat ma jkunx deher personalment fil-proċess li wassal għal dik is-sentenza, ħlief jekk il-mandat ta’ arrest Ewropew jindika li, skont ir-rekwiżiti proċedurali tal-Istat Membru emittenti:

(a)

L-akkużat kien imħarrek fi żmien utli u għalhekk ġie personalment infurmat bid-data u l-post tal-proċeduri li wasslu għad-deċiżjoni, jew ġie infurmat uffiċjalment u effettivament b’mezzi oħra bid-data u l-post iffissati għal dawn il-proċeduri, b’tali mod li ġie stabbilit inekwivokabbilment li kien jaf bil-proċeduri skedati u ġie infurmat li setgħet ukoll tingħata deċiżjoni jekk huwa jonqos milli jidher; jew

(b)

l-akkużat kien informat bis-seduta u inkariga avukat tal-għażla tiegħu jew inkarigat mill-Istat sabiex jiggarantixxi d-difiża tiegħu liema avukat iddefendieh waqt is-seduta; jew

(c)

l-akkużat, wara li kien innotifikat bid-deċiżjoni u kien infurmat espressament dwar id-dritt għal proċedura ġdida, jew appell, li fihom huwa għandu d-dritt li jipparteċipa u li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inklużi provi ġdida, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali:

1

iddikjara espressament li huwa ma jikkontestax id-deċiżjoni; jew

2

ma talabx kawża mill-ġdid jew appell fil-perijodu ta’ żmien applikabbli; jew

(d)

l-akkużat ma ġiex innotifikat personalment bid-deċiżjoni, iżda:

1.

ser ikun innotifikat personalment biha mingħajr dewmien wara l-konsenja u ser ikun infurmat espressament dwar id-dritt tiegħu kawża mill-ġdid, jew appell, li fihom il-persuna kkonċernata għandha d-dritt li tipparteċipa u li jippermettu li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inklużi provi ġodda, u li jistgħu jwasslu biex tinbidel id-deċiżjoni oriġinali;

2.

ser ikun infurmat bil-perijodu taż-żmien li fih huwa għandu jitlob din il-kawża mill-ġdid jew l-appell, kif imsemmi fil-mandat ta’ arrest Ewropew rilevanti.”

24

L-Anness 2 tal-OLW, intitolat “Mudell ta’ mandat ta’ arrest Ewropew […]”, jikkorrispondi għall-anness tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

25

Mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tat-22 ta’ Frar 2017, il-qorti tar-rinviju, ir-Rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) ġiet adita mill-officier van justitie bij de Rechtbank (prosekutur pubbliku tal-qorti) b’talba għal eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fl-14 ta’ Frar 2017 mill-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni”).

26

Dan il-mandat ta’ arrest Ewropew jitlob l-arrest u l-konsenja ta’ T. Tupikas, ċittadin Litwan mingħajr la domiċilju u lanqas residenza stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni fil-Litwanja ta’ piena ta’ priġunerija ta’ sena u erba’ xhur.

27

F’dan ir-rigward, l-imsemmi mandat ta’ arrest Ewropew isemmi l-eżistenza ta’ sentenza eżegwibbli ta’ kundanna mogħtija fis-26 ta’ Awwissu 2016 mill-Klaipėdos miesto apylinkės teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda, il-Litwanja) li tikkundanna lil T. Tupikas għal din il-piena għal żewġ istanzi ta’ ksur tad-dritt Litwan. L-istess mandat ta’ arrest barra minn hekk, jispeċifika li l-persuna kkonċernata ppreżentat appell minn din id-deċiżjoni u li, permezz tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2016, il-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda) ċaħdet l-appell, anki jekk l-istanza tal-appell ma kinitx intiża għal riforma tal-kundanna imposta fl-ewwel istanza kontra T. Tupikas.

28

Huwa stabbilit li T. Tupikas deher personalment fil-kawża tal-ewwel istanza.

29

Madankollu, il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni ma kienx fih informazzjoni dwar il-kawża tal-appell, b’mod partikolari fir-rigward tal-punt ta’ jekk il-persuna kkonċernata dehret quddiem il-Klaipėdos apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Klaipėda), f’każ ta’ risposta negattiva, jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti f’wieħed mill-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ġew sodisfatti fir-rigward tal-kawża tal-appell.

30

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, għalhekk, jekk f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, din id-Deċiżjoni Qafas tapplikax biss għall-proċedura tal-ewwel istanza jew ukoll fil-kawża tal-appell.

31

Fl-ewwel ipoteżi, din il-qorti tikkunsidra li ma tistax f’dan il-każ tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, peress li l-persuna kkonċernata dehret personalment fil-kawża quddiem il-qorti tal-ewwel istanza.

32

Min-naħa l-oħra, fit-tieni ipoteżi, huwa neċessarju li jiġi mistoqsi lill-awtorità ġudizzjarja emittenti informazzjoni addizzjonali dwar il-proċedura tal-appell qabel tiddeċiedi fuq il-konsenja ta’ T. Tupikas.

33

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeżistu diversi provi li jsostnu interpretazzjoni skont liema l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huma applikabbli wkoll għall-proċedura fl-appell, peress li l-kawża hija eżaminata mill-ġdid fir-rigward tal-mertu fil-kuntest ta’ din il-proċedura.

34

Din il-qorti bbażat ruħha f’dan ir-rigward, fuq il-kliem tal-punti (c) u (d) tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li ssemmi b’mod partikolari “kawża mill-ġdid jew appell […] li jippermetti li jiġu eżaminati mill-ġdid il-merti tal-każ, inkluż evidenza ġdida”.

35

Skont il-qorti tar-rinviju, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li l-imsemmija dispożizzjoni tirreferi għal sitwazzjoni li fiha l-qorti kriminali ddeċieda fuq il-mertu tal-kawża, fis-sens li ddeċidiet fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata fir-rigward tar-reat li ġiet akkużata bih skont il-każ, imponiet sanzjoni skont ir-reat imwettaq. Min-naħa l-oħra, dan ma huwiex il-każ meta din il-qorti tkun tillimita ruħha li tiddeċiedi fuq punti ta’ liġi, bħal fil-kuntest ta’ appell fil-kassazzjoni.

36

Il-qorti tar-rinviju iżżid li l-kliem tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jillimitax il-portata ta’ din id-dispożizzjoni għall-proċedura tal-ewwel istanza, il-punti (c) u (d) tiegħu peress li jagħmlu espressament riferiment kemm għal “kawża mill-ġdid” kif ukoll għal “appell”.

37

Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, hija kkorroborata mill-għan segwit mill-imsemmija dispożizzjoni, li kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 43 tas-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni (C-399/11, EU:C:2013:107) u fil-punt 37 tas-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C-108/16 PPU, EU:C:2016:346) hija intiża li tippermetti lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tawtorizza l-konsenja minkejja l-assenza tal-persuna mħarrka għall-proċess li jkun wassal għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu rrispettata b’mod sħiħ id-drittijiet ta’ difiża tiegħu.

38

Fil-fatt, id-drittijiet tad-difiża jiffurmaw parti mid-dritt għal smigħ xieraq fis-sens tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta, b’tali mod li, meta Stat Membru jkun stabbilixxa proċedura ta’ appell, huwa jkollu l-obbligu li jiżgura l-persuna kkonċernata tibbenefika mill-garanziji fundamentali stabbiliti fl-imsemmija dispożizzjoni. Għalhekk, jekk il-persuna kkonċernata jkollha l-fakultà li tirrinunzja għal dawn id-drittijiet tad-difiża tagħha, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dak li, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-qorti kriminali, mitluba li tiddeċiedi mill-ġdid fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata, ma tistax tiddeċiedi mingħajr evalwazzjoni diretta tal-provi prodotti personalment mill-akkużat li jkun qed jipprova juri li ma wettaqx l-att li jikkostitwixxi r-reat allegat. F’sitwazzjoni bħal din, l-uniku ċirkustanza li fiha l-persuna kkonċernata, setgħet teżerċita d-drittijiet tagħha tad-difiża fl-ewwel istanza kienet, għaldaqstant, insuffiċjenti sabiex ikun jista’ jiġi konkluż li r-rekwiżiti tal-Artikolu 6 tal-KEDB u tal-Artikolu 47 tal-Karta jiġu sodisfatti.

39

Il-qorti tar-rinviju tirrileva madankollu, li din l-interpretazzjoni ma hijiex kondiviża minn ċertu numru ta’ Stati Membri oħra. Għalhekk, jista’ jiġi argumentat li, peress li huwa stabbilit li d-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata ġew irrispettati bis-sħiħ fil-kuntest tal-proċedura tal-ewwel istanza, il-prinċipju tal-fiduċja reċiproka jimponi li jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti ma kisrux id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mid-dritt tal-Unjoni fil-kuntest ta’ eventwali proċeduri oħra. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet għadha ma ddeċidietx f’dan ir-rigward.

40

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (qorti ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“Proċedura ta’ appell

li fiha jkun sar eżami fuq il-mertu u

li tat lok għal kundanna (ġdida) tal-persuna kkonċernata u/jew il-konferma tal-kundanna deċiża fl-ewwel istanza,

filwaqt li l-MAE jirrigwarda l-eżekuzzjoni tal-imsemmija kundanna,

tikkostitwixxi ‘proċess li rriżulta fid-deċiżjoni’ fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-[D]eċizjoni [Q]afas [2002/584]?”

Fuq il-proċedura b’urġenza

41

Il-qorti tar-rinviju titlob li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

42

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tinvoka l-fatt li T. Tupikas huwa attwalment detenut fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-istennija ta’ teħid ta’ azzjoni ulterjuri għall-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni maħruġ kontrih mill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika tal-Litwanja.

43

Il-qorti tar-rinviju tesponi barra minn hekk li hija ma tistax tiddeċiedi f’dan ir-rigward qabel li l-Qorti tal-Ġustizzja tkun iddeċidiet fuq din it-talba ta’ deċiżjoni preliminari. Ir-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domanda magħmula għandha għalhekk impatt dirett u determinanti fuq it-tul tad-detenzjoni ta’ T. Tupikas fil-Pajjiżi l-Baxxi bil-għan tal-konsenja eventwali tiegħu fl-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ dan l-arrest Ewropew.

44

Għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ fl-oqsma li jinsabu fit-Titolu V tat-tielet parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Konsegwentement, dan ir-rinviju huwa suxxettibbli li jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

45

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju tal-urġenza, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata fil-kawża prinċipali hija attwalment miċħuda mil-libertà u li ż-żamma tagħha f’detenzjoni tiddependi mis-soluzzjoni tal-kawża prinċipali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016, Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata fl-istat li tkun fiha fid-data tal-eżami tat-talba intiża biex jinkiseb li r-rinviju preliminari jkun is-suġġett ta’ proċedura b’urġenza (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Madankollu, f’dan il-każ, minn naħa, huwa stabbilit li, f’din id-data, T. Tupikas kien imċaħħad mil-libertà. Min-naħa l-oħra, iż-żamma f’detenzjoni ta’ dan tal-aħħar jiddependi mill-eżitu tal-kawża prinċipali, peress li l-miżura ta’ detenzjoni li kien is-suġġett tagħha kienet ġiet ordnata, skont l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni.

47

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ħames Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fit-8 ta’ Ġunju 2017, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jinstema’ bil-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

Fuq id-domanda preliminari

48

Permezz tad-domanda tagħha il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, li tiddetermina l-portata tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-każ fejn bosta deċiżjonijiet ġudizzjarji ingħataw fl-Istat Membru emittenti tal-mandat ta’ arrest Ewropew, li għallinqas f’waħda minnhom il-persuna kkonċernata ma dehritx personalment fil-kawża. Il-qorti tar-rinviju titlob speċifikament jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, hijiex il-proċedura tal-appell li għandha tiġi kkunsidrata bħala determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni.

49

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku li minnu nnifsu, huwa l-“ġebla tax-xewka” tal-kooperazzjoni ġudizzjarja, kif jirriżulta mill-premessa 6 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, huwa bbażat fuq il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri fid-dawl tat-twettiq tal-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2016Kovalkovas, C-477/16 PPU, EU:C:2016:861, punti 25 sa 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

Għal dan l-għan, l-imsemmija Deċiżjoni Qafas tistabilixxi, fl-Artikolu 1(2) tagħha, ir-regola skont liema l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jeżegwixxu kull mandat ta’ arrest Ewropew abbażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u konformement għad-dispożizzjonijiet ta’ din l-istess Deċiżjoni Qafas. Salv f’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni ma jistgħux għaldaqstant jirrifjutaw li jeżegwixxu tali mandat għajr fil-każijiet biss, elenkati b’mod eżawrjenti ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni previsti mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest tista’ tiġi suġġetta biss għal waħda mill-kundizzjonijiet li huma limitatament elenkati fiha. Konsegwentement, billi l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew jikkostitwixxi l-prinċipju, ir-rifjut ta’ eżekuzzjoni huwa mfassal bħala eċċezzjoni li għandha tkun suġġetta għal interpretazzjoni stretta (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, EU:C:2017:503, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Għalhekk l-imsemmija Deċiżjoni Qafas tiddikjara espliċitament, minn naħa, ir-raġunijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni obbligatorja (Artikolu 3) u fakultattiva (Artikoli 4 u 4a) tal-mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-garanziji li għandhom jiġu pprovduti mill-Istat Membru emittenti fil-każijiet partikolari (Artikolu 5).

52

Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-każ fejn il-mandat ta’ arrest Ewropew ikun jirrigwarda piena stabbilita permezz ta’ deċiżjoni adottata fl-assenza tal-persuna kkonċernata, il-punt 1 tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fil-verżjoni inizjali tiegħu, kien jipprevedi r-regola skont liema Stat Membru ta’ eżekuzzjoni seta’ f’dan il-każ, jissuġġetta l-konsenja tal-persuna kkonċernata, għall-kundizzjoni li kawża ġdida fil-preżenza ta’ din tal-aħħar tiġi ggarantita fl-Istat Membru emittenti.

53

Din id-dispożizzjoni ġiet abrogata bid-Deċiżjoni Qafas 2009/299 u ssostitwita, fid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 bl-Artikolu 4a ġdid li jillimita l-possibbiltà li tiġi rrifjutata l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew billi jelenka, b’mod speċifiku u uniformi, il-kundizzjonijiet li fihom ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija fi tmiem kawża li għaliha l-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment ma jistgħux jiġu rrifjutati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Melloni, C-399/11, EU:C:2013:107, punt 41).

54

Kif jirriżulta mill-kliem stess tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tista’ wkoll tirrifjuta l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ għall-finijiet li tiġi eżegwita sentenza ta’ piena jew ta’ miżura ta’ ordni ta’ detenzjoni jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċess li wasslet għad-deċiżjoni, sakemm il-mandat ta’ arrest Ewropew ma jkunx jindika l-kundizzjonijiet stabbiliti, rispettivament fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni ma jkunux sodisfatti.

55

Minn dan isegwi li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata li twettaq l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, minkejja l-assenza tal-persuna kkonċernata fil-kawża li wasslet għad-deċiżjoni, peress li l-eżistenza ta’ waħda miċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 4a(1)(a)(i) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas tkun ivverifikata.

56

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 4a(1)(a) u (b) tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas jipprevedi, li, ladarba l-persuna kkundannata fl-assenza tagħha kienet informata fi żmien xieraq, bil-kawża skedata u li kienet informata li deċiżjoni tista’ tittieħed f’każ ta’ nuqqas ta’ dehra jew li, konxja mill-kawża skedata, hija inkarigat avukat għad-difiża tagħha, l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni hija obbligata biex tipproċedi bil-konsenja ta’ dik il-persuna.

57

Barra minn hekk, l-Artikolu 4a(1)(ċ) u (d) tal-istess Deċiżjoni Qafas telenka l-każijiet li fihom l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija marbuta li teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew minkejja li l-persuna kkonċernata tkun intitolata li tibbenefika minn kawża mill-ġdid, peress li dan mandat ta’ arrest jindika li l-parti kkonċernata ma tkunx talbet il-benefiċċju ta’ kawża mill-ġdid jew peress li din tkun se tiġi espressament informata bid-dritt tagħha għal eżami mill-ġdid.

58

Kif iddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa intiż sabiex jiżgura livell għoli ta’ protezzjoni u sabiex jippermettu lill-awtorità ta’ eżekuzzjoni tipproċedi bil-konsenja tal-persuna kkonċernata minkejja l-assenza tagħha fil-proċess li wassal għall-kundanna tagħha, filwaqt li jiġu osservati bis-sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 37).

59

Fi kliem ieħor il-prinċipji ta’ fiduċja u rikonoxximent reċiproku li fuqhom hija bbażata din id-Deċiżjoni Qafas ma jistgħux jippreġudikaw bl-ebda mod ikun xi jkun, lid-drittijiet fundamentali ggarantiti lill-persuni kkonċernati.

60

Huwa importanti fil-fatt li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli tad-dritt sekondarju tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati f’konformità mad-drittijiet fundamentali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2017, C. K. et, C-578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 59), li jinkludu rispett integrali tad-drittijiet tad-difiża li jirriżultaw id-dritt għal smigħ xieraq, stabbilit fl-Artikoli 47 u 48 tal-Karta u l-Artikolu 6 tal-KEDB.

61

Ukoll, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi li “m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligazzjoni għar-rispett ta’ drittijiet fondamentali u prinċipji legali fondamentali kif miġbur fl-Artikolu 6 tat-Trattat fuq l-[UE]”.

62

L-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jispeċifika fil-paragrafu 1 tiegħu li l-għanijiet tad-direttiva huma “li jissaħħu d-drittijiet proċedurali ta’ persuni suġġetti għal proċedimenti kriminali, […] li ttejjeb ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bejn l-Istati Membri”. Fir-rigward tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li jirreferi għall-kontenut tal-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, jirreferi espliċitament għall-ħtieġa li jiġi ggarantit id-dritt ta’ difiża ta’ persuni suġġetti għal proċedura kriminali u jenfasizza l-obbligu tal-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ Stati Membri biex jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.

63

Għaldaqstant, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandu tkun suġġetta għal interpretazzjoni li tiżgura l-konformità għar-rekwiżiti tar-rispett tad-drittijiet fundamentali tal-persuni kkonċernati, mingħajr ma tiġi għalhekk ikkontestata l-effettività tas-sistema ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri li tagħha l-mandat ta’ arrest Ewropew kif previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni, jikkostitwixxi wieħed mill-elementi essenzjali.

64

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi interpretat il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fl-ipoteżi msemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza.

65

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll mill-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel ebda riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri fir-rigward tad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tagħha għandha normalment tingħata, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi, interpretazzjoni li għandha tiġi mistħarrġa fid-dawl tal-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u tal-għan segwit mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66

Madankollu, jekk huwa minnu li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, u b’mod partikolari l-Artikolu 4a(1), fihom diversi riferimenti espressi għad-dritt tal-Istati Membri, l-ebda wieħed minn dan ir-riferimenti ma jirrigwarda madankollu l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

67

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li din l-espressjoni, li hija suġġetta għat-talba għal deċiżjoni preliminari, għandha tinftiehem bħala kunċett awtonomu mid-dritt tal-Unjoni u interpretata b’mod uniformi fit-territorju ta’ din tal-aħħar, indipendentement mill-klassifikazzjoni fl-Istati Membri.

68

Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ħolqien tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-premessi 2 u 4 ta’ din tal-aħħar, li l-leġiżlatur tal-Unjoni, wara li kkonstata li l-assenza ta’ leġiżlazzjoni uniformi ta’ kwistjonijiet relatati ma’ deċiżjonijiet li ngħataw wara proċess li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx jistgħu, b’mod partikolari, ifixklu l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li kien meħtieġ li jiġu pprovduti raġunijiet għal nuqqas ta’ rikonoxximent, preċiżi u komuni, ta’ deċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna kkonċernata ma dehritx personalment, mingħajr ma jipproċedi għal leġiżlazzjoni ta’ forom u ta’ modalitajiet, inklużi r-rekwiżiti proċedurali relatati mad-drittijiet tal-Istati Membri, li huma użati sabiex jinkisbu r-riżultati intiżi fl-imsemmija Deċiżjoni Qafas.(ara s-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punt 31).

69

Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li l-kliem waħdu tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma jippermettix li jiġi ċċirkoskritt b’mod iktar speċifiku l-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li jissemma fih. Fil-fatt, din l-espressjoni la hija ddefinita u lanqas b’xi mod ieħor speċifikata, it-titolu tal-imsemmi artikolu jillimita ruħu, sadanittant, li jirreferi “[d]eċiżjonijiet mogħtija wara kawża li fiha l-persuna ma dehritx personalment”.

70

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-portata tal-kunċett inkwistjoni għandha tiġi ddeterminata billi tiġi ssostitwita fil-kuntest. Għal dan il-għan, huwa meħtieġ li jiġu kkunsidrati, fit-tielet lok, d-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ din id-Deċiżjoni Qafas, li fosthom jinserixxi ruħu dan l-Artikolu 4a(1).

71

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fit-tielet lok, li, jekk l-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, juża t-termini ta’ “sentenza li tista’ tiġi nfurzata” jew dawk ta’ “kwalunkwe deċiżjoni ġudizzjarja li tista’ tiġi nfurzata oħra, li għandha l-istess effett” u jekk tali natura eżekutorja hija deċiżiva sabiex tiddetermina l-mument li minnu mandat ta’ arrest Ewropew jista’ jinħareġ, tali karattru jkollu inqas rilevanza fil-kuntest tal-Artikolu 4a(1), ta’ din id-deċiżjoni qafas. Barra dan, terminoloġija xi ftit differenti tinsab, b’mod konverġenti, f’partijiet oħra, ta’ din id-Deċiżjoni Qafas. Min-naħa l-oħra, hija n-natura “finali: tad-“deċiżjoni” jew tas-“sentenza” li għandu jsir riferiment għall-ħtiġijiet tal-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 4a(1), kif jirriżulta b’mod konverġenti minn dispożizzjonijiet rilevanti oħra tal-imsemmija Deċiżjoni Qafas.

72

B’hekk, il-punt 2 tal-Artikolu 3 u l-Artikolu 8(f) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 isemmu id-“deċiżjoni definittiva” li tkun imponiet piena. Fir-rigward tal-Artikolu 2(1) tagħha, hija tirreferi għall-“kundanni mogħtija”, filwaqt li l-Artikolu 4 tal-istess Deċiżjoni Qafas, juża fil-punt 3, l-espressjoni ta’ “deċiżjoni definittiva” u, fil-punt 5, dik ta’ “persuna […] ġiet iġġudikata finalment”.

73

L-istess jista’ jingħad għal, diversi premessi tad-Deċiżjonijiet Qafas 2002/584 u 2009/299. Għalhekk, it-terminu ta’ “mogħtija sentenza finali” jidher fil-premessa 1 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, filwaqt li l-premessi 2 u 5 tad-Deċiżjoni Qafas 2009/299 jużaw, rispettivament, l-espressjonijiet “deċiżjonijiet ġudizzjarji finali” u “deċiżjonijiet ġudizzjarji finali”.

74

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “[proċess li wassal għad]-deċiżjoni” imsemmi l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi mifhum bħala li jindika l-proċedura li waslet għad-deċiżjoni ġudizzjarja li kkundannat b’mod finali lill-persuna li ntalbet il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

75

Din l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” huwa barra minn hekk konformi ma dak ta’ “proċess li wassal għall-kundanna” li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà semmiet fil-punt 37 tas-sentenza tagħha tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki (C‑108/16 PPU, EU:C:2016:346), għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

76

Barra minn hekk, jekk id-deċiżjoni ta’ kundanna finali tista’, f’ċerti każijiet, tiġi konfuża mad-deċiżjoni kriminali ta’ eżekuzzjoni, dan l-aspett jibqa’ rregolat mir-regoli proċedurali nazzjonali differenti, b’mod partikolari meta diversi deċiżjonijiet ikunu ngħataw termini ta’ istanzi suċċessivi.

77

Għalhekk, meta, bħalma kien il-każ fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru emittenti jkun stabbilixxa sistema ta’ gradi doppji ta’ qorti, b’tali mod li l-proċedura kriminali jkollha diversi istanzi u tista’ twassal għal deċiżjonijiet ġudizzjarji suċċessivi, għandu jiġi ddeterminat, fir-raba’ lok, liema fost dawn għandha tiġi kkunsidrata bħala li fiha l-kundanna finali, fis-sens tal-punt 74 ta’ din is-sentenza.

78

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, minn naħa, it-terminu ta’ “kundanna”, fis-sens tal-KEDB ikopri kemm dikjarazzjoni ta’ ħtija, sussegwenti għall-istabbiliment legali ta’ reat, u l-impożizzjoni ta’ piena jew ta’ miżura oħra li tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà (ara, f’dan is-sens, QEDB, tal-21 ta’ Ottubru 2013, Del Río Prada vs Spanja, CE:ECHR:2013:1021JUD004275009, § 123 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem iddeċidiet, kemm-il darba, li, jekk proċedura tal-appell hija prevista, din għandha tosserva l-garanziji li jirriżultaw mill-Artikolu 6 KEDB, b’mod partikolari meta r-rimedju mibdi kontra d-deċiżjoni mogħtija fl-ewwel istanza huwa ta’ ta’ ġurisdizzjoni sħiħa, peress li l-qorti tat-tieni grad għandha ġurisdizzjoni sabiex tipproċedi għal eżami mill-ġdid tal-kawża, billi tevalwa l-fondatezza tal-akkużi kemm fil-fatt kif ukoll fid-dritt, u għalhekk tiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-persuna kkonċernata skont il-provi prodotti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi QEDB, tas-26 ta’ Mejju 1988, Ekbatani vs L-Isvezja, CE:ECHR:1988:0526JUD001056383, § 24 u 32; tas-26 ta’ Ottubru 2000, Kudła vs Il-Polonja, CE:ECHR:1988:0526JUD001056383, § 122; tat-18 ta’ Ottubru 2006 Hermi vs L-Italja, CE:ECHR:2006:1018JUD001811402, § 64 u 65; tal-25 ta’ April 2013, Zahirović vs Il-Kroazja, CE:ECHR:2013:0425JUD005859011, § 56, kif ukoll tal-14 ta’ Frar 2017, Hokkeling vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2017:0214JUD003074912, § 56 u 58).

80

Minn din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem jirriżulta wkoll li, meta huma previsti żewġ istanzi, il-fatt li l-persuna kkonċernata setgħet effettivament teżerċita d-drittijiet tagħha ta’ difiża fl-ewwel istanza ma jippermettix li jiġi konkluż li hija neċessarjament bbenefikat mill-garanziji previsti fl-Artikolu 6 tal-KEDB, jekk l-istanza tal-appell żvolġiet fl-assenza tagħha (ara, f’dan is-sens, QEDB, tal-14 ta’ Frar 2017, Hokkeling vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, CE:ECHR:2017:0214JUD003074912, § 57, 58 u 61).

81

Konsegwentement, fil-każ fejn il-proċedura tinkludi diversi istanzi li jkunu wasslu għal deċiżjonijiet suċċessivi, li mill-inqas waħda minnhom tkun ingħatat fl-assenza tal-persuna kkonċernata, l-espressjoni “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, għandha tinftiehem fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-istanza li wasslet għall-aħħar waħda minn dawn id-deċiżjonijiet, sakemm il-qorti inkwistjoni tkun iddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata u tkun ikkundannata għal piena li ċċaħħad il-libertà, wara eżami ta’ fatt u ta’ dritt tal-każ inkwistjoni li jkun abbażi tal-provi kemm inkriminanti u skaġunanti, li jinkludi, jekk ikun il-każ, it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal-imsemmija persuna kkonċernata.

82

Din l-interpretazzjoni hija konformi b’mod sħiħ mar-rekwiżiti tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 huwa intiż preċiżament li jiżgura kif jirriżulta mill-punti 58 u 59 ta’ din is-sentenza.

83

Fil-fatt hija d-deċiżjoni ġudizzjarja mogħtija fi tmiem it-tieni fażi proċedurali u li tiddeċiedi b’mod definittiv il-kawża fir-rigward tal-mertu, sis-sens li ma tistax tinbidel permezz ta’ rimedju ordinarju, li hija determinanti għall-persuna kkonċernata, peress li taffettwa direttament is-sitwazzjoni personali tagħha fir-rigward tad-dikjarazzjoni ta’ ħtija kif ukoll, jekk ikun il-każ, fl-istabbiliment tal-piena ta’ ċaħda ta’ libertà li għandha tiskonta.

84

Għaldaqstant, huwa fil-livell ta’ din il-fażi proċedurali li l-persuna kkonċernata għandha tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha ta difiża b’mod sħiħ sabiex targumenta, b’mod effettiv, il-punt tagħha u teżerċita b’hekk influwenza fuq id-deċiżjoni finali li tista’ tinvolvi ċ-ċaħda tal-libertà personali tagħha. Ir-riżultat intiż minn din il-proċedura huwa nieqes mir-rilevanza f’dan il-kuntest.

85

F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk wieħed jippreżupponi li d-drittijiet ta’ difiża ma ġewx rrispettati b’mod sħiħ fl-ewwel istanza, jista’ jkun hemm rimedju validu matul it-tieni grad, sakemm jiġu ppreżentati l-garanziji kollha fir-rigward għar-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq.

86

Fi kliem ieħor, meta l-persuna kkonċernata tkun dehret quddiem qorti inkarigata bl-eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża, iżda mhux fl-ewwel istanza, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma japplikax. Bil-maqlub, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tipproċedi għall-verifiki previsti mill-imsemmi artikolu meta l-persuna kkonċernata kienet preżenti fl-ewwel istanza, iżda mhux quddiem il-qorti, adita bl-eżami mill-ġdid tal-kawża fir-rigward tal-mertu.

87

L-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni” li jissemma fil-punt 81sa 84 ta’ din is-sentenza hija, barra dan, ta’ natura li tiżgura bl-aħjar mod l-għan, segwit minn din id-Deċiżjoni Qafas, li jikkonsisti, f’li tiġi ffaċilitata u titħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bejn l-Istati Membri fuq il-bażi tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, peress li jiffoka fuq il-fażi proċedurali li, wara eżami mill-ġdid fir-rigward tal-mertu tal-kawża, hija determinanti għall-kundanna tal-persuna kkonċernata.

88

Min-naħa l-oħra, jekk deċiżjoni preċedenti kellha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-deċiżjoni finali setgħet tinvolvi l-applikazzjoni tal-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, interpretazzjoni bħal din x’aktarx ittawwal inevitabbilment, jew tostakola serjament, il-proċedura ta’ konsenja.

89

Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 57 tal-konklużjonijiet tal-avukat Ġenerali, qari tal-punt (d) tal-formola li tirrigwarda l-mudell uniformi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, anness mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, tikkonferma li l-informazzjoni li għandha tingħata fih mill-awtorità ġudizzjarja emittenti tittratta biss l-aħħar fażi proċedurali li matulha jiġi eżaminat il-mertu tal-kawża.

90

Fir-rigward, b’mod iktar speċifiku, ta’ xenarju, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-proċess żvolġa matul żewġ istanzi suċċessivi, jiġifieri l-ewwel istanza segwita bi proċedura ta’ appell, billi hija l-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni mogħtija fil-grad ta’ appell li għaldaqstant hija rilevanti biss għall-finijiet tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, sakemm din l-istanza kienet intiża għad-deċiżjoni li ma tistax tiġi suġġetta għal appell ordinarju li għaldaqstant ddeċidiet b’mod finali il-kawża fir-rigward tal-mertu.

91

Konsegwentement, f’kawża bħal dik prinċipali huwa b’rabta ma tali proċedura tal-appell li, minn naħa waħda, l-awtorità ġudizzjarja emittenti għandha tipprovdi l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, min-naħa l-oħra, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija awtorizzata, konformement mal-Artikolu 15(2) tal-istess deċiżjoni qafas, li titlob il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni addizzjonali li hija tqis neċessarja sabiex tieħu deċiżjoni fuq il-konsenja tal-persuna kkonċernata.

92

Għal dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari obbligi imposti fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, għandu jitfakkar li n-natura vinkolanti tad-deċiżjonijiet qafas timplika fil-kap tal-awtoritajiet tal-Istati Membri u b’mod partikolari tal-qrati nazzjonali, obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Ġunju 2005, Pupino, C-105/03, EU:C:2005:386, punt 34, u tad-29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C-579/15, EU:C:2017:503, punt 31).

93

Meta hija tapplika l-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx dehret personalment fil-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni li ddeċidiet b’mod finali fuq il-mertu u, għalhekk, fuq il-kundanna tagħha, tivverifika jekk is-sitwazzjoni li ġiet adita biha tikkorrispondix għal waħda minn dawk deskritti fil-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni.

94

Tali verifika għandha tal-indikazzjonijiet li jirriżultaw kemm minn mandat ta’ arrest Ewropew, kif ukoll minn informazzjoni addizzjonali eventwali jew supplimentari li tkun inkisbet skont l-Artikolu 15(2) u (3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

95

Jekk ikun jidher li s-sitwazzjoni li hija ġiet adita biha tikkorrispondi għal waħda minn dawk deskritti fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni hija obbligata teżegwixxi l-mandat ta’ arrest Ewropew u li tawtorizza l-konsenja tal-persuna rikjesta kif jirriżulta mill-punti 50 u 55 ta’ din is-sentenza.

96

Barra minn hekk, peress li l-Artikolu 4a tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi raġuni fakultattiva ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u x-xenarji msemmija fil-paragrafi (1)(a) sa (d) tal-imsemmi artikolu ġew ikkonċepiti bħala eċċezzjonijiet għal din ir-raġuni ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent fakultattiv, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tista’, anki wara li tkun ikkonstatat li dawn il-każijiet ma jkoprux is-sitwazzjoni tal-persuna li tkun suġġetta għall-mandat ta’ arrest, tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra li jippermettulha li tiżgura ruħha li l-konsenja tal-persuna kkonċernata ma timplikax ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2016, Dworzecki, C-108/16 PPU, EU:C:2016:346, punti 5051).

97

Għalhekk, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 ma tipprekludix lill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li tiżgura ruħha mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tal-persuna kkonċernata billi tieħu debitament inkunsiderazzjoni iċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw il-kawża li hija adita biha, inkluża l-informazzjoni li tkun tista’ tiddeċiedi hija stess, sakemm ma tiġix ikkontestata l-osservanza tat-termini previsti mill-Artikolu 17 ta’ din id-Deċiżjoni Qafas.

98

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li billi l-Istat Membru emittenti ippreveda proċedura kriminali li tinkludi diversi gradi ta’ qorti u li tista’ tirriżulta f’diversi deċiżjonijiet ġudizzjarji suċċessivi li minn tal-inqas waħda minnhom ingħatat fl-assenza tal-persuna kkonċernata, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss l-istanza li fi tmiemha tkun ingħatat id-deċiżjoni li ddeċidiet b’mod finali fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata kif ukoll fuq il-kundanna għal piena, bħalma hija miżura li ċċaħħad mil-libertà, wara eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża fil-fatt u fid-dritt.

99

Proċedura tal-appell bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija koperta fil-prinċipju minn dan il-kunċett. Madankollu, hija fl-istess ħin il-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li hija tippreżenta l-karatteristiċi msemmija iktar ’il fuq.

Fuq l-ispejjeż

100

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Billi l-Istat Membru emittenti ippreveda proċedura kriminali li tinkludi diversi gradi ta’ qorti u li tista’ tirriżulta f’deċiżjonijiet ġudizzjarji suċċessivi li minn tal-inqas waħda minnhom ingħatat fl-assenza tal-persuna kkonċernata, il-kunċett ta’ “proċess li rriżulta fid-deċiżjoni”, fis-sens tal-Artikolu 4a(1) tad-Deċiżjoni kwadru tal-Kunsill 2002/584/JHA tat-13 ta’ Ġunju 2002 fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ ċediment bejn l-Istati Membri, kif emendata bid-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2009/299/ĠAI tas-26 ta’ Frar 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrigwarda biss il-proċedura li fi tmiemha tkun ingħatat id-deċiżjoni fuq il-ħtija tal-persuna kkonċernata kif ukoll fuq il-kundanna għal piena, bħalma hija miżura li ċċaħħad mil-libertà, wara eżami mill-ġdid tal-mertu tal-kawża fil-fatt u fid-dritt.

 

Proċedura tal-appell bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija koperta fil-prinċipju minn dan il-kunċett. Madankollu, hija fl-istess ħin il-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li hija tippreżenta l-karatteristiċi msemmija iktar ’il fuq.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.