SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

21 ta’ Marzu 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq – Regolament (KE) Nru 1370/2007 – Artikolu 5(1) u (2) – Għoti dirett – Kuntratti għal servizz pubbliku ta’ trasport tal-passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram – Kundizzjonijiet – Direttiva 2004/17/KE – Direttiva 2004/18/KE”

Fil-Kawżi magħquda C‑266/17 u C‑267/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑3 ta’ Mejju 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑17 ta’ Mejju 2017, fil-proċeduri

Rhein-Sieg-Kreis

vs

Verkehrsbetrieb Hüttebräucker GmbH,

BVR Busverkehr Rheinland GmbH,

fil-preżenza ta’:

Regionalverkehr Köln GmbH (C‑266/17),

u

Rhenus Veniro GmbH & Co. KG

vs

Kreis Heinsberg,

fil-preżenza ta’:

WestVerkehr GmbH (C‑267/17),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qiegħed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑31 ta’ Mejju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għar-Rhein-Sieg-Kreis, minn G. Landsberg u J. Struß, Rechtsanwälte,

għal Rhenus Veniro GmbH & Co. KG, minn C. Antweiler, Rechtsanwalt,

għal Verkehrsbetrieb Hüttebräucker GmbH, minn C. Antweiler, Rechtsanwalt,

għal BVR Busverkehr Rheinland GmbH, minn W. Tresselt, Rechtsanwalt,

għall-Kreis Heisberg, minn S. Schaefer, M. Weber u D. Marszalek, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn M. Fruhmann, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, P. Ondrůšek u J. Hottiaux, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑13 ta’ Settembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ tilwimiet bejn, l-ewwel waħda, minn naħa, ir-Rhein-Sieg-Kreis (id-distrett tar-Rhein-Sieg, il-Ġermanja) u min-naħa l-oħra, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker GmbH u BVR Busverkehr Rheinland GmbH u, it-tieni waħda, minn naħa, Rhenus Veniro GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “Rhenus Veniro”) u min-naħa l-oħra, il-Kreis Heinsberg (id-distrett ta’ Heinsberg, il-Ġermanja), dwar proġetti ta’ għoti dirett ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank.

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Nru 1370/2007

3

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1370/2007, intitolat “Skop u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   L-iskop ta’ dan ir-Regolament huwa li jiddefinixxi il-mod kif, skond ir-regoli tal-liġi Komunitarja, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaġixxu fil-qasam tat-trasport pubbliku ta’ passiġġieri biex jiggarantixxu l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali li huma fost l-affarijiet l-oħra iktar numerużi, iktar sikuri, ta’ kwalità għola jew ta’ prezz orħos minn dawk li l-forza tas-suq waħedha tista’ tippermetti.

Għal dan il-għan, dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet li taħthom l-awtoritajiet kompetenti, meta jimponu obbligi ta’ servizz pubbliku jew jikkonkludu kuntratti għal servizz pubbliku, jikkumpensaw lill-operaturi ta’ servizz pubbliku għall-ispejjeż li jkunu għamlu u/jew jagħtu drittijiet esklussivi bi tpattija għall-operat ta’ obbligi tat-trasport pubbliku.

2.   Dan ir-Regolament għandu japplika għall-operat nazzjonali u internazzjonali tas-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u b’mezzi ferrovjarji oħrajn u bit-triq, ħlief għas-servizzi li huma mħaddma prinċipalment għall-interess storiku tagħhom jew għall-valur turistiku tagħhom. […]

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Definizzjonijiet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)

‘trasport pubbliku għall-passiġġieri’ tfisser servizzi tat-trasport tal-passiġġieri ta’ interess ekonomiku ġenerali pprovduti lill-pubbliku fuq bażi non-diskriminatorja u kontinwa;

(b)

‘awtorità kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità pubblika jew grupp ta’ awtoritajiet pubbliċi ta’ Stat Membru jew Stati Membri li għandhom is-setgħa jintervjenu fit-trasport pubbliku għall-passiġġieri f’żona ġeografika partikolari, jew kwalunkwe korp li ngħata tali awtorità;

(ċ)

‘awtorità lokali kompetenti’ tfisser kwalunkwe awtorità kompetenti li ż-żona ġeografika ta’ kompetenza tagħha mhix nazzjonali;

[…]

(h)

‘għotja diretta’ tfisser l-għotja ta’ kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur partikolari ta’ servizz pubbliku mingħajr proċedura ta’ sejħa kompetittiva għal offerti minn qabel;

(i)

‘kuntratt għal servizz pubbliku” tfisser att wieħed jew iktar li jorbtu legalment li jikkonfermaw il-ftehim bejn awtorità kompetenti u operatur ta’ servizz pubbliku biex jafdaw lil dak l-operatur ta’ servizz pubbliku bil-ġestjoni u l-operat ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għall-passiġieri soġġetti għall-obbligi ta’ servizz pubbliku; skond il-liġijiet ta’ l-Istati Membri, il-kuntratt jista’ jikkonsisti wkoll f’deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti:

li tieħu l-forma ta’ att leġislattiv jew regolatorju individwali, jew

li fiha kondizzjonijiet li taħthom l-awtorità kompetenti nnifisha tipprovdi s-servizzi jew tafda l-forniment ta’ tali servizzi lil operatur intern;

(j)

‘operatur intern’, tfisser entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtoritajiet mill-inqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċita kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess;

[…]”

5

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, intitolat “L-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi]”, jipprevedi:

“1.   Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. Madankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi 2004/17/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 19),] jew 2004/18/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132)], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi. Fejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw.

2.   Sakemm mhux projbit mil-liġi nazzjonali, kwalunkwe awtorità lokali kompetenti, kemm jekk hi awtorità individwali jew grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pbbliku għall-passiġġieri u kemm jekk le, tista’ tiddeċiedi li tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri hija nfisha jew tagħti kuntratti għal servizz pubbliku direttament lill-entità ġuridikament distinta li fuqha l-awtorità lokali kompetenti, jew fil-każ ta’ grupp ta’ awtorijajiet mill-anqas awtorità lokali kompetenti waħda, teżerċità kontroll simili għal dak eżerċitat fuq id-dipartimenti tagħha stess. Fejn awtorità lokali kompetenti tieħu tali deċiżjoni, għandu japplika dan li ġej:

(a)

sabiex jiġi determinat jekk l-awtorità lokali kompetenti teżerċitax tali kontroll, fatturi bħal ma huma l-grad ta’ rappreżentazjoni fuq korpi amministrattivi, ta’ ġestjoni jew superviżorji, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ dan fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni, il-proprjetà, l-influwenza effettiva u l-kontroll fuq deċiżjonijiet strateġiċi u fuq deċiżjonijiet individwali ta’ ġestjoni. Skond il-liġi Komunitarja, proprjetà ta’ 100 % mill-awtorità pubblika kompetenti, b’mod partikolari fil-każ ta’ sħubiji pubbliċi-privati, m’hix ħtieġa mandatorja għall-istabbiliment ta’ kontroll fit-tifsira ta’ dan il-paragrafu, sakemm hemm influenza pubblika dominanti u jista’ jiġi stabbilit kontroll abbażi ta’ kriterji oħrajn;

(b)

il-kondizzjoni biex jiġi applikat dan il-paragrafu hija li l-operatur intern u kwalunkwe entità li fuqha dan l-operatur jeżerċita influwenza anke minima jwettqu l-attività pubblika kollha tiegħu tat-trasport ta’ passiġġieri fit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti, minkejja kwalunkwe linji ħerġin jew elementi anċillari oħra ta’ dik l-attività li jidħlu fit-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti ġirien, u ma jieħdux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra mit-territorju ta’ l-awtorità lokali kompetenti;

(ċ)

minkejja l-punt (b), operatur intern jista’ jieħu sehem f’sejħiet għall-offerti ġusti u kompetittivi minn sentejn qabel it-tmiem tal-kuntratt għal servizz pubbliku mogħti lilu direttament taħt il-kondizzjoni li deċiżjoni finali tkun ittieħdet li s-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri koperti minn kuntratt ta’ operatur intern jiġu suġġetti għal sejħa għall-offerti ġusta u kompetittiva u li l-operatur intern ma jkun ikkonkluda l-ebda kuntratt għal servizz pubbliku ieħor mogħti direttament;

(d)

fin-nuqqas ta’ awtorità lokali kompetenti, il-punti 2(a), (b) u (ċ) għandhom japplikaw għal awtorità nazzjonali għall-benefiċċju ta’ żona geografika li mhijiex nazzjonali, dment li l-operatur intern ma jieħux sehem f’sejħiet kompetittivi għal offerti rigward il-forniment ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri organizzati barra miż-żona li għalihom ikun ingħata l-kuntratt għal servizz pubbliku;

(e)

jekk jiġi kkunsidrat l-għoti ta’ sub-kuntratt skond l-Artikolu 4(7), l-operatur intern ikun meħtieġ li jipprovdi l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri huwa nnifsu.

3.   Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta’ offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista’ tinvolvi negozjati skond dawn il-prinċipji sabiex jiġi determinat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

[…]”

6

L-Artikolu 7 tal-istess regolament, intitolat “Pubblikazzjoni” jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li:

“Kull awtorità kompetenti għandha tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li, għall-inqas darba fis-sena qabel it-tnedija tal-proċedura tas-sejħa għall-offerti jew sena qabel l-għoti dirett, mill-inqas din l-informazzjoni li ġejja tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea:

(a)

l-isem u l-indirizz ta’ l-awtorità kompetenti;

(b)

it-tip ta’ għotja kkunsidrata;

(ċ)

is-servizzi u ż-żoni potenzjalment koperti mill-għotja.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li ma jippubblikawx din l-informazzjoni fejn kuntratt għal servizz pubbliku jikkonċerna l-forniment annwali ta’ anqas minn 50,000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri.

[…]”

Id-Direttiva 2004/17

7

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet dikjarati f’dan l-Artikolu għandhom japplikaw.

2.   

a)

‘Kuntratti ta’ provvista, xogħlijiet u servizz’ huma kuntratti għal interess ta’ flus (pecuniary) konklużi bil-miktub bejn waħda jew aktar mill-entitajiet kontraenti riferiti fl-Artikolu 2(2), u provveditur ta’ servizz, kuntrattur jew supplent wieħed jew aktar.

[…]

d)

‘Kuntratti ta’ [għal] servizz’ huma kuntratti oħra għajr kuntratti ta’ xogħol jew ta’ provvista li għandhom bħala l-għan tagħhom il-provvediment ta’ servizzi riferiti fl-Anness XVII.

[…]

3.   […]

b)

‘Konċessjoni ta’ [għal] servizz’ hija kuntratt ta’ l-istess tip tal-kuntratt ta’ [għal] servizz minbarra għall-fatt li l-konsiderazzjoni [korrispettiv] għall-provvediment ta’ servizzi tikkonsisti jew fid-dritt biex jiġi esplojtat is-servizz biss jew f’dak id-dritt flimkien ma’ ħlas.

[…]”

8

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, intitolat “Servizzi ta’ trasport”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal attivitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-provvediment jew l-operat ta’ xbieki li jipprovdi servizz lil pubbliku fil-qasam ta’ trasport bil-ferrovija, sistemi automated, bit-trammijiet, trolley bus, karozza tal-linja jew kejbil.

Rigward servizzi ta’ trasport, xibka għandha titqies li teżisti fejn is-servizz provvdut huwa skond kondizzjonijiet ta’ operat preskritti minn awtorita kompetenti ta’ Stat Membru, bħal ma huma kondizzjonijiet fir-rotti li jridu jiġu servuti, il-kapaċita li jsiru disponibbli jew il-frekwenza tas-servizz.”

9

L-Artikolu 18 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizz”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet ta’ xogħlijiet u servizz li huma mogħtija minn entitajiet kontraenti li qed iwettqu waħda jew aktar mill-attivitajiet riferiti fl-Artikoli 3 sa 7, fejn dawk il-konċessjonijiet huma mogħtija għat-twettieq ta’ dawk l-attivitajiet.”

10

L-Artikolu 31 tal-istess direttiva, intitolat “Kuntratti ta’ servizz imniżżla f’lista fl-Anness XVII A”, jipprevedi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-għan tagħhom servizzi mniżżla f’lista fl-Anness XVII A għandhom jingħataw bi qbil ma’ l-Artikoli 34 sa 59.”

11

L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/17, intitolat “Kuntratti ta’ servizz imniżżla f’lista fl-Anness XVII B”, jipprevedi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-għan tagħhom servizzi mniżżla f’lista fl-Anness XVII B għandhom jiġu regolati biss mill-Artikoli 34 u 43.”

12

L-Artikolu 34 ta’ din id-direttiva, intitolat “Speċifikazzjonijiet Tekniċi”, jistabbilixxi b’mod partikolari l-modalitajiet li abbażi tagħhom l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi għandhom jiġu fformulati fid-dokumenti tal-kuntratt.

13

Skont l-Artikolu 43 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Avviżi dwar l-għoti ta’ kuntratti”:

“1.   Entitajiet kontraenti li taw kuntratt jew qafas ta’ ftehim għandhom, fi żmien xahrejn mill-għoti tal-kuntratt jew tal-qafas ta’ ftehim, jibgħatu avviż ta’ għoti ta’ kuntratt kif riferit fl-Anness XVI fuq kondizzjonijiet li jridu jiġu preskritti mill-Kummissjoni bi qbil mal-proċedura riferita fl-Artikolu 68(2).

[…]

4.   Fil-każ ta’ kuntratti mogħtija għal servizzi mniżżla f’lista fl-Anness XVII B, l-entitajiet kontraenti għandhom jindikaw fl-avviż jekk jaqblux mal-pubblikazzjoni.

[…]”

14

L-Annessi XVII A u XVII B tad-Direttiva 2004/17, intitolati “Servizzi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 31” u “Servizzi fit-tifsira ta’ l-Artikolu 32”, it-tnejn jinkludu tabella li tirreferi, għall-kategoriji ta’ servizzi li huwa jiddetermina, għan-numri ta’ referenza tal-Klassifikazzjoni Proviżorja Ċentrali tan-Nazzjonijiet Uniti (iktar ’il quddiem “numri ta’ referenza CPC”). Fir-rigward tal-kategorija 2 tal-Anness XVII A, li jikkorrispondi għas-“servizzi ta’ trasport fuq l-art”, in-numri ta’ referenza CPC huma 712 (minbarra 71235), 7512 u 87304. Fir-rigward tal-kategorija 18 tal-Anness XVII B, li jikkorrispondi għas-“servizzi tat-trasport bil-ferrovija”, in-numru ta’ referenza CPC huwa 711. In-numru ta’ referenza CPC 712 jirreferi, b’mod partikolari, għat-trasport tal-passiġġieri urbani u suburbani regolari u speċjali kif ukoll għat-trasport tal-passiġġieri interurbani regolari minbarra s-servizzi tat-trasport interurbani, urbani, suburbani tal-passiġġieri bil-ferrovija, li għalihom jirreferi n-numru ta’ referenza CPC 711.

Id-Direttiva 2004/18

15

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Għall-għan ta’ din id-Direttiva, id-definizzjonijiet mdaħħla fil-paragrafi 2 sa 15 għandhom jgħoddu.

2.   […]

(d)

‘Kuntratti għal servizzi pubbliċi’ huma kuntratti pubbliċi barra kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi jew kuntratti għall-provvisti li għandhom bħala għan il-disposizzjoni tas-servizzi riferuti għalihom fl-Anness II.

[…]

4.   “Konċessjoni tas-servizz” huwa kuntratt ta’ l-istess tip bħal kuntratt għas-servizz pubbliku minbarra l-fatt illi l-konsiderazzjoni għall-disposizzjoni tas-servizzi jikkonsisti jew waħdu fid-dritt li jesplojta s-servizz jew f’dan id-dritt kif ukoll bi ħlas.

[…]”

16

Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Għoti ta’ drittijiet speċjali jew esklussivi: klawsola bla diskriminazzjoni [klawżola ta’ nondiskriminazzjoni]”

“Fejn l-awtorità kuntrattwali tagħti drittijiet speċjali jew esklussivi biex issir attività ta’ servizz pubbliku lil xi entità barra dik ta’ l-awtorità kuntrattwali, l-att li bih ingħata dan id-dritt se jipprovdi illi, fil-każ tal-kuntratti għal-provvisti, li tassenja lill-terzi persuni bħala parti mill-attivitajiet tagħha, l-entità kkonċernata trid tkun konformi mal-prinċipji ta’ bla diskriminazzjoni fuq il-bażi tan-nazzjonalità.”

17

L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kuntratti ta’ servizzi fis-setturi ta’ l-ilma, enerġija, trasport u posta”, jipprevedi, fl-ewwel paragrafu tiegħu:

“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal kuntratti pubbliċi li, taħt id-Direttiva 2004/17/KE, huma mogħtija minn awtoritajiet kontrattwanti li jkunu qed jeżerċitaw xi attività jew aktar li sar riferiment għalihom fl-Artikoli 3 sa 7 ta’ dik id-Direttiva u huma mogħtija għas-segwiment ta’ dawk l-attivitajiet, jew għal kuntratti pubbliċi esklużi mill-iskop ta’ dik id-Direttiva taħt l-Artikolu 5(2) u l-Artikoli 19, 26 u 30 tagħha.”

18

L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2004/18, intitolat “Konċessjonijiet ta’ servizz”, huwa fformulat kif ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 3, din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal konċessjonijiet ta’ servizz kif definit fl-Artikolu 1(4).”

19

L-Artikolu 20 ta’ din id-direttiva, intitolat “Kuntratti ta’ servizz elenkati f’Anness II A”, jipprovdi:

“Kuntratti li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II A għandhom jiġu mogħtija skond l-Artikoli 23 sa 55.”

20

L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kuntratti ta’ servizz elenkati f Anness II B”, jipprovdi:

“Kuntratti [għoti ta’ kuntratti] li għandhom bħala l-oġġettiv tagħhom servizzi elenkati fl-Anness II B għandhom ikunu suġġetti biss għall-Artikolu 23 u l-Artikolu 35(4).”

21

L-Annessi II A u II B tal-istess direttiva jinkludu tabella simili għal dawk li jinsabu, rispettivament, fl-Anness XVII A u fl-Anness XVII B tad-Direttiva 2004/17.

Id-Direttiva 2014/24/UE

22

Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65), skont l-Artikolu 91 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/18 b’effett mit‑18 ta’ April 2016.

23

L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Kuntratti pubbliċi bejn entitajiet fis-settur pubbliku”, jipprevedi:

“1.   Kuntratt pubbliku mogħti minn awtorità kontraenti lil persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew mid-dritt pubbliku għandu jaqa’ ‘l barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva meta jkunu ssodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

l-awtorità kontraenti teżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kkonċernata li huwa simili għal dak li teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess;

(b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika kkontrollata jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtorità kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati minn dik l-awtorità kontraenti; u

(c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Awtorità kontraenti għandha titqies li teżerċita kontroll fuq persuna ġuridika li huwa simili għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess skont it-tifisira tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu meta din teżerċita influwenza deċiżiva fuq iż-żewġ objettivi strateġiċi u deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata. Tali kontroll jista’ jkun ukoll eżerċitat minn persuna ġuridika oħra, li hija stess tkun ikkontrollata bl-istess mod mill-awtorità kontraenti.

2.   Il-paragrafu 1 japplika wkoll fejn persuna ġuridika kkontrollata, li hija awtorità kontraenti, tagħti kuntratt lill-awtorità kontraenti li tikkontrollaha, jew lil xi persuna ġuridika kkontrollata mill-istess awtorità kontraenti, sakemm ma jkun hemm l-ebda parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika li tingħatalha l-kuntratt pubbliku bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati rikjesti mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva dwar il-persuna ġuridika.

3.   Awtorità kontraenti, li ma teżerċitax kontroll fuq persuna ġuridika rregolata mid-dritt privat jew pubbliku skont it-tifsira tal-paragrafu 1, xorta waħda tista’ tagħti kuntratt pubbliku lil dik il-persuna ġuridika mingħajr ma tapplika din id-Direttiva meta jiġu sodisfatti il-kondizzjonijiet kollha li ġejjin.

(a)

l-awtorità kontraenti teżerċita b’mod konġunt ma’ awtoritajiet kontraenti oħrajn kontroll fuq dik il-persuna ġuridika li huwa simili għal dak li jeżerċitaw fuq id-dipartimenti tagħhom stess;

(b)

aktar minn 80 % tal-attivitajiet ta’ dik il-persuna ġuridika jitwettqu fi prestazzjoni tal-kompiti fdati lilha mill-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll jew minn persuni ġuridiċi oħra kkontrollati mill-istess awtoritajiet kontraenti; u

(c)

ma jkunx hemm il-parteċipazzjoni diretta ta’ kapital privat fil-persuna ġuridika kkontrollata bl-eċċezzjoni ta’ forom ta’ parteċipazzjoni ta’ kapital privat li ma jkunux kontrollati jew blokkati mid-dispożizzjonijiet leġislattivi nazzjonali applikabbli, f’konformità mat-Trattati, li ma jeżerċitawx influwenza deċisiva fuq il-persuna ġuridika kkkontrollata.

Għall-finijiet tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kontraenti jeżerċitaw kontroll konġunt fuq persuna ġuridika meta jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kolha li ġejjin:

(i)

il-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-persuna ġuridika kkontrollata huma magħmula minn rappreżentanti ta’ kull awtorità kontraenti parteċipanti. Rappreżentanti individwali jistgħu jirrappreżentaw l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti kollha, jew diversi minnhom;

(ii)

dawk l-awtoritajiet kontraenti huma kapaċi jeżerċitaw flimkien influwenza deċiżiva fuq l-objettivi strateġiċi u d-deċiżjonijiet sinifikanti tal-persuna ġuridika kkontrollata; u

(iii)

il-persuna ġuridika kkontrollata ma ssegwi l-ebda interess li jmur kontra minn dak tal-awtoritajiet kontraenti ta’ kontroll.

4.   Kuntratt konkluż b’mod esklussiv bejn żewġ awtoritajiet kontraenti jew aktar għandu jaqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, meta jiġu sodisfati l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

il-kuntratt jistabbilixxi jew jimplimenta kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti bil-għan li jiżgura li s-servizzi pubbliċi li għandhom iwettqu huma mogħtija biex jiksbu l-objettivi li għandhom komuni bejniethom;

(b)

l-implimentazzjoni ta’ dik il-kooperazzjoni hi rregolata unikament minn konsiderazzjonijiet li jirrigwardaw l-interess pubbliku; u

(c)

l-awtoritajiet kontraenti parteċipanti jwettqu fis-suq miftuħ inqas minn 20 % tal-attivitajiet ikkonċernati mill-kooperazzjoni.

5.   Għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ attivitajiet imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 u l-punt (c) tal-paragrafu 4, għandu jittieħed kont tal-fatturat totali medju, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet mġarrba minn persuna ġuridika rilevanti jew awtorità kontraenti fir-rigward ta’ servizzi, provvisti u xogħlijiet għat-tliet snin li jippreċedu l-għoti tal-kuntratt.

Fejn, minħabba d-data li fiha nħolqot il-persuna ġuridika rilevanti jew l-awtorità kontraenti jew meta bdew l-attivitajiet jew minħabba riorganizzazzjoni tal-attivitajiet tagħha, il-fatturat, jew miżura bbażata fuq attività alternattiva adatta bħal kostijiet, jew ma humiex disponibbli għat-tliet snin preċedenti jew m’għadhomx aktar rilevanti, ikun biżżejjed li jintwera li l-kejl ta’ attività hu kredibbli, b’mod partikolari permezz ta’ projezzjonijiet tan-negozju.”

Id-Direttiva 2014/25/UE

24

Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE s-servizzi postali (ĠU 2014, L 94, p. 243), skont l-Artikolu 107 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet id-Direttiva 2004/17, b’effett mit‑18 ta’ April 2016.

25

L-Artikolu 28 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Kuntratti bejn awtoritajiet kontraenti”, jinkludi dispożizzjonijiet essenzjalment simili għal dawk tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2014/24.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Kawża C‑266/17

26

Id-distrett tar-Rhein-Sieg, kollettività territorjali li għandha l-kwalità ta’ awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1370/2007, stabbilixxa, flimkien ma’ awtoritajiet territorjali oħra li għandhom l-istess kwalità, iz-Zweckverband Verkehrsverbund Rhein‑Sieg (is-Sindakat Interkomunali tal-Komunità tat-Trasport ta’ Rhein-Sieg, il-Ġermanja), għat-twettiq komuni tal-missjonijiet previsti mill-Gesetz über den öffentlichen Personennahverkehr in Nordrhein-Westfalen (il-Liġi dwar it-Trasport Pubbliku tal-Passiġġieri f’Nordrhein-Westfalen).

27

Skont l-istatuti tiegħu, dan is-sindakat interkomunali huwa, b’mod partikolari, responsabbli għall-istabbiliment tat-tariffi.

28

Regionalverkehr Köln GmbH hija kumpannija ta’ trasport pubbliku li hija direttament jew indirettament il-proprjetà tal-awtoritajiet organizzaturi tat-trasport tal-passiġġieri, inkluż fosthom id-distrett ta’ Rhein-Sieg.

29

Regionalverkehr Köln twettaq provvista ta’ servizzi tat-trasport pubbliku għad-distrett ta’ Rhein-Sieg, kif ukoll għal awtoritajiet oħra li għandhom fiha ishma diretti jew indiretti, abbażi ta’ missjonijiet mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007. Minbarra dawn l-attivitajiet, hija twettaq servizzi tat-trasport bix-xarabank għall-erba’ Komuni organizzaturi għan-netwerks rispettivi tagħhom ta’ xarabank urbani fuq il-bażi ta’ kuntratti konklużi qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament u mingħajr ma seħħet minn qabel proċedura ta’ sejħa għal offerti.

30

Fil‑21 ta’ Awwissu 2015, il-laqgħa ġenerali tal-membri ta’ Regionalverkehr Köln emenda l-istatuti ta’ din il-kumpannija, sabiex id-dritt tal-vot għall-konklużjoni, modifika jew xoljiment ta’ kuntratt ta’ trasport ikun limitat għal dak il-membru li jagħti kuntratt ta’ servizzi ta’ trasport, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, jew li l-proprjetarju dirett jew indirett jagħti tali kuntratt. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, din ir-riżoluzzjoni ġiet provviżorjament miċħuda minn validità permezz ta’ sentenza definittiva tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

31

Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, id-distrett ta’ Rhein-Sieg, fit‑30 ta’ Settembru 2015, ippubblika fis-suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż ta’ informazzjoni minn qabel dwar il-proġett ta’ għoti dirett ta’ kuntratt għal servizzi ta’ trasport pubbliku tal-passiġġieri bix-xarabank li ma għandux il-forma ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi, fis-sens tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18.

32

Dan il-kuntratt, li kien jirrigwarda l-eżekuzzjoni annwali ta’ diversi miljuni ta’ kilometri, kellu jingħata lil Regionalverkehr Köln bħala operatur intern, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, għal perijodu ta’ 120 xahar mit‑12 ta’ Diċembru 2016.

33

Wara l-pubblikazzjoni ta’ dan l-avviż, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker u BVR Busverkehr Rheinland ikkontestaw l-għoti dirett previst quddiem il-Vergabekammer (il-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi, il-Ġermanja) billi sostnew, b’mod partikolari, li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, sa fejn huwa ma kellux il-forma ta’ kuntratt ta’ konċessjoni għal servizzi.

34

Il-Vergabekammer (il-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi) ipprojbixxiet l-għoti dirett tal-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali lil Regionalverkehr Köln, peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma kinux issodisfatti. Għal dan il-għan, hija rrilevat li l-istħarriġ li kellu jagħmel id-distrett ta’ Rhein-Sieg fuq din il-kumpannija ma sarx u li, barra minn hekk, din il-kumpannija kienet twettaq servizzi ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’territorji oħra minbarra dak ta’ din il-kollettività territorjali, li kienet ta’ natura li tipprekludi kwalunkwe għoti dirett tal-kuntratt ta’ trasport.

35

Id-distrett ta’ Rhein-Sieg appella quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf).

36

L-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) issostni li, fir-rigward tal-kuntratti għal servizzi ta’ trasport li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa s-suġġett ta’ ġurisprudenza diverġenti fil-livell nazzjonali.

37

Fil-fatt, skont ċerti qrati, dawn id-dispożizzjonijiet ma humiex intiżi li japplikaw għal kuntratti ta’ servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bit-tram li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi, sa fejn l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi espressament li dawn il-kuntratti jibqgħu irregolati mid-Direttivi 2004/17 u 2004/18, li ma jipprekludihomx għalhekk milli jkunu s-suġġett ta’ għoti dirett, skont is-sistema ġenerali stabbilita fuq il-bażi ta’ dawn id-direttivi.

38

Għall-kuntrarju, qrati oħra, fosthom l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) stess, jikkunsidraw li, sa fejn l-għotjiet diretti ta’ kuntratt ma humiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 li jirregola l-għoti dirett tal-kuntratti li jirrigwardaw servizzi tat-trasport tal-passiġġieri għandu, bħala regola speċjali u skont is-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, Hörmann Reisen (C‑292/15, EU:C:2016:817), japplika għall-għotjiet diretti ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank anki meta dawn il-kuntratti ma għandhomx il-forma ta’ konċessjoni għal servizzi pubbliċi.

39

Fid-dawl ta’ tali diverġenza ta’ interpretazzjoni, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwiex, bħala prinċipju, applikabbli f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

40

Barra minn hekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni hijiex effettivament applikabbli fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi u konkreti msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, u hija tistaqsi dwar il-kwistjoni tad-data li fiha l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għandhom ikunu ssodisfatti.

41

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwa applikabbli għall-kuntratti li ma jkollhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi kif iddefiniti fid-Direttiva [2004/17] jew [2004/18]?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

Fil-każ fejn awtorità individwali kompetenti tagħti direttament kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur intern konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kontroll konġunt eżerċitat mill-imsemmija awtorità individwali flimkien mal-entitajiet assoċjati l-oħra tal-operatur intern ikun ostakolat meta l-fakultà ta’ intervent fit-trasport pubbliku ta’ passiġġieri f’żona ġeografika partikolari [Artikolu 2(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 1370/2007] tkun maqsuma bejn l-awtorità individwali kompetenti u grupp ta’ awtoritajiet li jipprovdu servizzi integrati għat-trasport pubbliku għall-passiġġieri, b’mod, pereżempju, li s-setgħa tal-għoti ta’ kuntratti għal servizzi pubbliċi lil operatur intern tibqa’ f’idejn l-awtorità individwali, filwaqt li x-xogħol relatat mat-tariffi jingħata lil sindakat interkomunali ta’ komunità tat-trasport, li tinkludi, minbarra l-awtorità individwali, awtoritajiet kompetenti oħra fiż-żoni ġeografiċi tagħhom?

3)

Fil-każ fejn awtorità individwali kompetenti tagħti direttament kuntratt għal servizz pubbliku lil operatur intern konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, il-kontroll konġunt eżerċitat mill-imsemmija awtorità individwali flimkien mal-entitajiet assoċjati l-oħra tal-operatur intern ikun ostakolat meta skont ir-regoli statutorji tal-imsemmi operatur, ikollha drittijiet ta’ vot sabiex tgħaddi, temenda jew ixxolji kuntratt għal servizz pubbliku skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 biss l-entità assoċjata li, hi stess, tagħti kuntratt għal servizzi lill-imsemmi operatur skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, jew li l-proprjetarju dirett jew indirett tagħha jagħti tali kuntratt?

4)

Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti li l-operatur intern jagħti wkoll servizzi pubbliċi ta’ trasport ta’ passiġġieri għal awtoritajiet lokali kompetenti oħra fit-territorju tagħhom (inklużi linji li jmorru lil hinn jew servizzi parzjali [anċillari] oħra li jwasslu għat-territorju ta’ awtoritajiet lokali kompetenti viċini), meta dawn ma jkunux ngħataw permezz ta’ proċedura organizzata ta’ sejħiet kompetittivi għal offerti?

5)

Il-punt (b) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 jippermetti li l-operatur intern jipprovdi, lil hinn mit-territorju tal-awtorità li inkarigatu, servizzi pubbliċi tat-trasport ta’ passiġġieri għal awtoritajiet organizzaturi ta’ servizzi oħra, fuq il-bażi ta’ kuntratti ta’ servizzi li jaqgħu taħt ir-regoli tranżitorji previsti fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007?

6)

F’liema data għandhom il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ikunu ssodisfatti?”

Kawża C‑267/17

42

Id-distrett ta’ Heinsberg, kollettività territorjali li għandha l-kwalità ta’ awtorità kompetenti, fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 1370/2007, huwa membru, flimkien ma’ kollettivitajiet territorjali oħra, taz-Zweckverband Aachener Verkehrsverbund (is-Sindakat Interkomunali tal-Komunità tat-Trasport ta’ Aachen, il-Ġermanja), stabbilit sabiex jippromwovi u jinkoraġġixxi t-trasport pubbliku ta’ passiġġieri tal-membri tiegħu.

43

Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, id-distrett ta’ Heinsberg, fil‑15 ta’ Marzu 2016, ippubblika fis-Suppliment għall-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea avviż ta’ informazzjoni minn qabel dwar il-proġett ta’ għoti dirett ta’ kuntratt għal servizzi ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri bix-xarabank u b’vetturi oħra bil-mutur.

44

Kien previst f’dan l-avviż ta’ informazzjoni minn qabel li dan il-kuntratt, li jirrigwarda diversi miljuni ta’ kilometri u li l-eżukuzzjoni tiegħu kellu jibda fl‑1 ta’ Jannar 2018, ikun is-suġġett ta’ għoti dirett lil operatur intern, f’dan il-każ WestVerkehr GmbH, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007.

45

Rhenus Veniro ressqet kawża quddiem il-Vergabekammer Rheinland (il-Kamra tal-Kuntratti Pubbliċi ta’Rheinland, il-Ġermanja) b’rikors kontra l-għoti dirett ppjanat, li din il-qorti ċaħdet.

46

Rhenus Veniro ippreżentat appell quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf), billi sostniet li, fil-qasam ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport bix-xarabank jew bit-tram, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 għandu japplika biss fil-każ fejn il-kuntratti kkonċernati jkollhom il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi.

47

Għall-istess raġunijiet bħal dawk invokati fil-kawża C‑266/17, din il-qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 huwiex, bħala prinċipju, applikabbli għal każ bħal dak inkwistjoni fil-Kawża C‑267/17.

48

Barra minn hekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, din il-qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni hijiex effettivament applikabbli fil-kawża prinċipali, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi u konkreti msemmija fid-deċiżjoni tar-rinviju, u hija tistaqsi dwar il-kwistjoni tad-data li fiha l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni għandhom ikunu ssodisfatti.

49

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 huwa applikabbli għal kuntratti pubbliċi għal servizzi, fis-sens tal-Artikolu 2(i) tal-imsemmi regolament, li għandhom jingħataw direttament u li, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament, ma jiħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni ta’ servizzi kif iddefiniti fid-Direttiva 2004/17/KE jew fid-Direttiva [2004/17] jew [2004/18]?

Jekk għall-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

2)

L-Artikolu 2(b) u l-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jipprevedu, minħabba l-użu tal-kelma “jew”, kompetenza esklużiva ta’ awtorità individwali jew ta’ grupp ta’ awtoritajiet, jew għandu jitqies li awtorità individwali tista’ wkoll, skont dawn id-dispożizzjonijiet, tkun membru ta’ grupp ta’ awtoritajiet u tgħaddi lil dan il-grupp ċerti funzjonijiet, filwaqt li madankollu żżomm is-setgħa li tintervjeni, fis-sens tal-Artikolu 2(b), u tkun l-awtorità lokali kompetenti fis-sens tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007?

3)

Sa fejn jeħtieġ li l-operatur intern jipprovdi huwa nnifsu l-parti l-kbira tas-servizz pubbliku tat-trasport tal-passiġġieri, il-punt (e) tat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jeskludi li l-operatur intern jiżgura t-twettiq tal-parti l-kbira ta’ dan is-servizz permezz ta’ kumpannija sussidjarja miżmuma minnu 100 %?

4)

Il-kundizzjonijiet għal għoti dirett previsti fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 għandhom ikunu ssodisfatti mal-pubblikazzjoni ta’ proġett ta’ għoti dirett skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 jew biss mal-għoti dirett innifsu?”

50

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑6 ta’ Marzu 2018, il-Kawżi C‑266/17 u C‑267/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq it-talba għal ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali

51

Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl‑20 ta’ Settembru 2018, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker u BVR Busverkehr Rheinland, fil-Kawża C‑266/17, u Rhenus Veniro, fil-kawża C‑267/17, talbu li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, skont l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

52

Insostenn tat-talbiet tagħhom, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker u Rhenus Veniro jsostnu li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, kif adottata mill-Avukat Ġenerali fil-konklużjonijiet tiegħu, ma tqisx biżżejjed l-argumenti li tressqu, b’mod partikolari, fis-seduta u li jimmilitaw kontra din l-interpretazzjoni. Barra minn hekk, ċerti argumenti żviluppati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom, b’mod partikolari dwar l-importanza li għandu l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tal-imsemmi regolament ma ġewx diskussi matul is-seduta.

53

Fir-rigward ta’ BVR Busverkehr Rheinland, hija ssostni li huwa b’mod żbaljat li l-Avukat Ġenerali kkunsidra li t-tielet domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju fil-Kawża C‑266/17 setgħet tkun ipotetika, filwaqt li l-emenda għall-istatuti ta’ Regionalverkehr Köln fil‑21 ta’ Awwissu 2015 issa hija applikabbli.

54

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jipprevedux il-possibbiltà, għall-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 ta’ dan l-Istatut, li jippreżentaw osservazzjonijiet b’risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55

Min-naħa l-oħra, bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 252 TFUE, l-Avukat Ġenerali għandu r-rwol li jippreżenta pubblikament, bl-ikbar imparzjalità u b’indipendenza sħiħa, konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li, konformement mal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la minn dawn il-konklużjonijiet u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha l-Avukat Ġenerali jasal għalihom. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ qbil ta’ parti kkonċernata mal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ikunu x’ikunu d-domandi li huwa jeżamina fihom, fih innifsu ma jistax jikkostitwixxi raġuni li tiġġustifika l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi kwalunkwe ħin, wara li tisma’ lill-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari jekk hija tqis li ma tkunx informata biżżejjed jew meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx diskuss mill-partijiet ikkonċernati (sentenza tas‑6 ta’ Marzu 2018, Achmea, C‑284/16, EU:C:2018:158, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, sabiex tintalab il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, Verkehrsbetrieb Hüttebräucker, BVR Busverkehr Rheinland u Rhenus Veniro jikkontestaw il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali permezz ta’ argumenti li diġà ġew żviluppati fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom jew waqt is-seduta.

58

Għaldaqstant, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-elementi kollha neċessarji sabiex tiddeċiedi fuq it-talbiet għal deċiżjoni preliminari, għandha, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tiċħad it-talbiet intiżi li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq l-ammissibbiltà

59

Fil-kawża C‑266/17, ir-Repubblika tal-Awstrija ssostni li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li l-qorti tar-rinviju ma speċifikatx, fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-mezz ta’ trasport ikkonċernat mill-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li għalhekk huwa impossibbli li jkun magħruf jekk it-trasport ikkonċernat huwiex servizz ta’ trasport bil-ferrovija jew bix-xarabank, jew jekk huwiex servizz li jgħaqqad dawn iż-żewġ mezzi ta’ trasport.

60

Fil-Kawża C‑267/17, ir-Repubblika tal-Awstrija tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija, parzjalment, inammissibbli, sa fejn, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, il-kuntratt pubbliku inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda mhux biss ix-xarabankijiet, iżda wkoll vetturi oħra bil-mutur. Rhenus Veniro tqajjem ukoll l-inammissibbiltà tal-ewwel domanda f’din il-kawża, minħabba li hija ipotetika.

61

F’dan il-każ, fir-rigward tal-Kawża C‑266/17, huwa veru li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax b’mod espliċitu li l-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda kuntratt ta’ servizzi tat-trasport bix-xarabank.

62

Madankollu, mill-atti tal-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, b’mod partikolari mill-avviż ta’ informazzjoni minn qabel tat‑30 ta’ Settembru 2015, imsemmi fid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-kawża C‑266/17 tirrigwarda kuntratt għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank.

63

Fir-rigward tal-Kawża C‑267/17, għalkemm il-kuntratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwarda fil-fatt servizz tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank “u vetturi oħra bil-mutur”, xorta jibqa’ l-fatt li t-talba għal deċiżjoni preliminari tibqa’ rilevanti fir-rigward tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank, b’tali mod li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tingħata abbażi ta’ din il-premessa.

64

Barra minn hekk, u kuntrarjament għal dak li ssostni Rhenus Veniro, id-deċiżjoni tar-rinviju tenfasizza r-rilevanza tal-ewwel domanda magħmula f’din il-kawża, peress li l-qorti tar-rinviju tesponi li hija adita bil-kontestazzjoni tal-għoti dirett ta’ kuntratt għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u li hija tistaqsi dwar liema hija s-sistema legali applikabbli għal tali għoti dirett.

65

Minn dan jirriżulta li ż-żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari huma ammissibbli.

Fuq id-domandi preliminari

66

Permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑266/17 u permezz tal-ewwel domanda tagħha fil-Kawża C‑267/17, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 japplikax għall-għoti dirett ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi fis-sens tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18.

67

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jipprevedi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li “[k]untratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament”, huwa jżid, fit-tieni sentenza tiegħu, li “[m]adankollu, kuntratti ta’ servizzi jew kuntratti għal servizz pubbliku, kif definiti fid-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], għal servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri bix-xarabank jew bit-tram għandhom jingħataw skond il-proċeduri previsti f’dawk id-Direttivi fejn tali kuntratti ma jieħdux il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjonijiet ta’ servizz kif definit f’dawk id-Direttivi”, u jispeċifika, fit-tielet sentenza tiegħu, li “[f]ejn kuntratti jridu jiġu mogħtija skond id-Direttivi [2004/17] jew [2004/18], id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw”.

68

F’dan il-każ, fiż-żewġ kawżi prinċipali, il-qorti tar-rinviju tidher li tikkunsidra l-ipoteżi li l-għoti dirett tal-kuntratti li jirrigwardaw servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank ma għandux jiġi rregolat, fil-każ li dawn il-kuntratti ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi, mir-regoli ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti mid-Direttivi 2004/17 u 2004/18, iżda minn dawk tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007, peress li dawn l-aħħar dispożizzjonijiet, bħala lex specialis, huma intiżi jissostitwixxu ruħhom għas-sistema ġenerali ta’ għotjiet diretti.

69

Madankollu, għandu jiġi osservat li l-istruttura ġenerali u l-oriġini tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam ta’ kuntratti pubbliċi ma jistgħux iwasslu għal tali interpretazzjoni.

70

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif enfasizzat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, skont l-Artikoli 5 u 31 tad-Direttiva 2004/17, moqrija flimkien mal-Anness XVII A, Kategorija 2, ta’ din id-direttiva, kif ukoll l-Artikoli 12 u 20 tad-Direttiva 2004/18, moqrija flimkien mal-Anness II A, Kategorija 2, ta’ din id-Direttiva, il-kuntratti għal servizzi tat-trasport bix-xarabank u bit-tram huma suġġetti għal proċeduri kollha ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi previsti minn dawn id-direttivi. Għall-kuntrarju, is-servizzi ta’ trasport bil-ferrovija u bil-metro huma suġġetti biss, b’applikazzjoni tal-Artikoli 5 u 32 tad-Direttiva 2004/17, moqrija flimkien mal-Anness XVII B, Kategorija 18, ta’ din id-direttiva, u tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2004/18, moqri flimkien mal-Anness II B, Kategorija 18, ta’ din id-direttiva, għal numru limitat ħafna ta’ dispożizzjonijiet ta’ dawn id-direttivi, b’mod partikolari l-Artikoli 34 u 43 tad-Direttiva 2004/17 u l-Artikolu 23 u 35 tad-Direttiva 2004/18. Fir-rigward tal-kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi tat-trasport, dawn ma huma suġġetti għal ebda dispożizzjoni tad-Direttiva 2004/17, skont l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, u huma suġġetti biss għall-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/18, b’applikazzjoni tal-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva.

71

Madankollu, huma l-kuntratti ta’ konċessjoni u l-kuntratti għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bil-metro li l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1370/2007 jissuġġetta għas-sistema stabbilita fil-paragrafi 2 sa 6 tiegħu, filwaqt li jirreferi, f’dak li jirrigwarda l-kuntratti għal servizzi tat-trasport bix-xarabank jew bit-tram, għad-Direttivi 2004/17 u 2004/18.

72

Minn dan jirriżulta li, fl-assenza ta’ regoli f’dawn id-direttivi li jirregolaw speċifikament l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi relatati ma’ kuntratti għal servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bil-metro, kif ukoll l-għoti ta’ kuntratti fil-forma ta’ konċessjoni ta’ servizzi, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fil-kuntest tal-Artikoli 5(2) sa (6) tar-Regolament Nru 1370/2007, stabbilixxa sett speċifiku ta’ regoli ta’ għoti applikabbli għal dawn il-kuntratti u għal dawn il-konċessjonijiet, inkluż fir-rigward tal-għoti dirett ta’ tali kuntratti.

73

Issa, peress li l-kuntratti għal servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank u bit-tram ma humiex konċessjonijiet li huma diġà, kif jirriżulta mill-punt 70 ta’ din is-sentenza, suġġetti għad-Direttivi 2004/17 u 2004/18 qabel l-adozzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007, ma kinitx neċessarja leġiżlazzjoni ġdida għall-għoti ta’ tali kuntratti li, konsegwentement, jibqgħu regolarment suġġetti, skont il-każ, għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/17 jew għal dik tad-Direttiva 2004/18.

74

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza dwar għotjiet diretti ta’ kuntratti pubbliċi ġiet żviluppata fuq il-bażi u b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn id-direttivi, li jimplika li r-raġuni u l-oriġini tas-sistema ta’ għotjiet diretti jirriżultaw minn dawn tal-aħħar.

75

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, is-sistema tal-għotjiet diretti li tapplika għas-sitwazzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18 tikkostitwixxi eċċezzjoni għall-applikazzjoni tal-proċeduri previsti minn dawn id-direttivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme, C‑15/13, EU:C:2014:303, punt 25) u hija, għaldaqstant, intrinsikament marbuta ma’ dawn iż-żewġ testi u mas-sistema legali tagħhom.

76

Fil-fatt, fis-sentenza tat‑18 ta’ Novembru 1999, Teckal (C‑107/98, EU:C:1999:562, punt 50), li kienet l-ewwel li rrikonoxxiet li l-ispeċifiċità tal-għotjiet diretti tiġġustifika l-assenza ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li għalkemm, fid-dawl tal-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/36/KEE ta’ l-14 ta’ Ġunju 1993 li tikkoordina l-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi ta’ provvista (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 2, p. 110), huwa biżżejjed, bħala prinċipju, li l-kuntratt ikun ġie konkluż bejn, minn naħa, kollettività territorjali u, min-naħa l-oħra, persuna ġuridikament distinta minn din tal-aħħar, jista’ jkun differenti fil-każ fejn l-awtorità pubblika, li hija awtorità kontraenti, teżerċita fuq l-entità distinta inkwistjoni kontroll analogu għal dak li hija teżerċita fuq id-dipartimenti tagħha stess u fejn din l-entità twettaq il-parti essenzjali tal-attività tagħha mal-awtorità jew l-awtoritajiet pubbliċi li jikkontrollawha. Wara din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ din is-sistema, b’mod partikolari, fis-sentenzi tal‑11 ta’ Jannar 2005, Stadt Halle u RPL Lochau (C‑26/03, EU:C:2005:5), u tal-11 ta’ Mejju 2006, Carbotermo u Consorzio Alisei (C‑340/04, EU:C:2006:308), sussegwentement, fil-kuntest tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18, fis-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Sea (C‑573/07, EU:C:2009:532), u tat‑8 ta’ Mejju 2014, Datenlotsen Informationssysteme (C‑15/13, EU:C:2014:303).

77

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li d-Direttivi 2014/24 u 2014/25, li ħassru u ssostitwixxew, rispettivament, id-Direttivi 2004/18 u 2004/17, kull waħda minnhom, fl-Artikolu 12 għall-ewwel waħda u fl-Artikolu 28 għat-tieni waħda, ikkodifikaw u speċifikaw il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ għoti dirett.

78

Din il-kodifikazzjoni tas-sistema ġenerali ta’ għotjiet diretti, minkejja li ma tapplikax ratione temporis għall-kawżi prinċipali, turi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried li din is-sistema tkun marbuta mad-Direttivi 2014/24 u 2014/25.

79

Din l-inkorporazzjoni tas-sistema tal-għoti dirett fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-direttivi fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi tfisser li, fil-prattika, kull użu ta’ dan it-tip ta’ għoti jippreżupponi l-applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

80

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma japplikax għall-għoti dirett ta’ kuntratti li jirrigwardaw servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bix-xarabank li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi.

81

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑266/17 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑267/17 għandha tkun li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 ma japplikax għall-għoti dirett tal-kuntratti li jirrigwardaw servizzi pubbliċi tat-trasport bix-xarabank li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi fis-sens tad-Direttivi 2004/17 u 2004/18.

82

Sa fejn ir-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑266/17 u għall-ewwel domanda fil-Kawża C‑267/17 hija negattiva, ma hemmx lok li tingħata risposta għad-domandi l-oħra magħmula.

Fuq l-ispejjeż

83

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq, ma japplikax għall-għoti dirett tal-kuntratti li jirrigwardaw servizzi pubbliċi ta’ trasport bix-xarabank li ma għandhomx il-forma ta’ kuntratti ta’ konċessjoni għal servizzi fis-sens tad-Direttiva 2004/17/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 li tikkoordina l-proċeduri ta’ akkwisti ta’ entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi ta’ l-ilma, l-enerġija, t-trasport u postali, u tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.