SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea – Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 10(1) – Applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni – Ħruġ – Terminu – Adozzjoni u notifika tad-deċiżjoni – Konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ sitt xhur – Awtonomija proċedurali tal-Istati Membri – Prinċipju ta’ effettività”

Fil-Kawża C‑246/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ April 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑10 ta’ Mejju 2017, fil-proċedura

Ibrahima Diallo

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, C. G. Fernlund, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑11 ta’ Jannar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal I. Diallo, minn D. Andrien, avocat,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs, L. Van den Broeck u P. Cottin, bħala aġenti, assistiti minn F. Motulsky, avocat,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Wils u E. Montaguti, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑7 ta’ Marzu 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Ibrahima Diallo, ċittadin Ginean, u l-État belge (l-Istat Belġjan) dwar iċ-ċaħda tal-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Fil-Kapitolu 2, dwar il-membri tal-familja, l-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill Nru 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224), jipprevedi b’mod partikolari li:

“L-Istati Membri jistgħu, b’liġi jew regolament, jawtorizzaw id-dħul u residenza, skond din id-Direttiva u suġġetti għal konformita mal-kondizzjonijiet preskritti fil-Kapitolu IV, tal-membri tal-familja li ġejjin:

(a)

qraba ta’ l-ewwel grad fil-linja diretta axxendenti ta’ l-isponsor jew il-konjugi tagħha jew tiegħu, fejn huma dipendenti fuqhom u ma jgawdux appoġġ xieraq tal-familja fil-pajjiż ta’ oriġini”.

4

Il-premessa 5 tad-Direttiva 2004/38 hija fformulata kif ġej:

“Id-dritt taċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqalu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri għandu, jekk se jiġi eżerċitat taħt il-kondizzjonijiet objettivi tal-libertà u d-dinjità, jingħata wkoll lill-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza. […]”

5

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a)

il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u ta’ residenza fit-territorju ta’ l-Istati Membri miċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u mill-membri tal-familja tagħhom;

(b)

id-dritt ta’ residenza permanenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom;

(ċ)

il-limiti għad-drittijiet stabbiliti f’(a) u (b) minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.”

6

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

2.

‘membru tal-familja’ tfisser:

(a)

ir-raġel jew martu;

(b)

is-sieħeb/sieħba li daħal/daħlet f’kuntratt ta’ unjoni reġistrata maċ-ċittadin/a ta’ l-Unjon, skond il-bażi tal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, jekk il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru ospitanti tikkonsidra bħala ugwali għal żwieġ l-unjonijiet reġistrati u skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fil-leġislazzjoni rilevanti ta’ l-Istat Memrbu ospitanti;

(ċ)

id-dixxendenti diretti li għandhom inqas minn 21 sena jew li huma dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

(d)

il-qraba [axxendenti] diretti dipendenti u dawk tar-raġel jew tal-mara jew tas-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt (b);

3.

‘Stat Membru ospitanti’ tfisser l-Istat Membru li jmur fih ċittadin ta’ l-Unjoni sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu u residenza.”

7

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2004/38, “Benefiċjarji”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, li:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għaċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni li jiċċaqilqu jew li jgħixu fi Stat Membru għajr iċ-ċittadini ta’ l-istess Stat Membru, u għall-membri tal-familja tagħhom kif imfissra fil-punt 2 ta’ l-Artikolu 2 li jakkumpanjawhom jew li jingħaqdu magħhom.”

8

L-Artikolu 5 tal-istess direttiva, intitolat “Dritt ta’ dħul”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu, li:

“Il-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru għandhom jiġu mitluba biss li jkollhom visa ta’ dħul skond ir-[Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal‑15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65, rettifika fil-ĠU 2011, L 194, p. 39)] jew, fejn xieraq, skond il-liġi nazzjonali. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, il-pussess ta’ karta ta’ residenza valida msemmija fl-Artikolu 10 għandu jeżenta lil dawn il-membri tal-familja mill-ħtieġa ta’ visa.

L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw lil dawn il-persuni kull faċilità biex jiksbu l-visas neċessarji. Dawn il-visas għandhom jinħarġu b’xejn kemm jista’ jkun malajr u skond il-proċedura aċċelerata.”

9

L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li:

“1.   Id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat membru għandu jissaħħaħ [jiġi kkonstatat] bil-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ ‘Karta ta’ residenza [permess ta’ residenza] ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni’ mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni. Għandu immedjatament jinħareġ ċertifikat ta’ applikazzjoni għall-karta ta’ residenza.

2.   Biex tinħareġ il-karta ta’ residenza, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw id-dokumenti li ġejjin:

(a)

passaport validu;

(b)

dokument li juri l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ familja jew ta’ unjoni reġistrata;

(ċ)

iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jew, fin-nuqqas ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni, kwalunkwe evidenza oħra ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li qiegħdin jakkumpanjaw jew li se jingħaqdu miegħu;

(d)

fil-każijiet li jaqgħu taħt il-punti (ċ) u (d) ta’ l-Artikolu 2(2), l-evidenza dokumentata li qed jintlaħqu l-kondizzjonijiet stabbiliti;

[…]”

Id-dritt Belġjan

10

Kif tindika l-qorti tar-rinviju, skont l-Artikolu 42(1) tal-loi sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584) (il-Liġi dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija ta’ Barranin, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), id-dritt ta’ residenza fit-territorju Belġjan huwa rrikonoxxut mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-applikazzjoni.

11

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 52(4), tal-arrêté royal du 8 octobre 1981 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (Moniteur belge tas‑27 ta’ Ottubru 1981, p. 13740) (id-Digriet Irjali tat‑8 ta’ Ottubru 1981 dwar id-Dħul fit-Territorju, ir-Residenza, l-Istabbiliment u t-Tneħħija ta’ Barranin, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali tat‑8 ta’ Ottubru 1981”), jekk l-ebda deċiżjoni dwar id-dritt ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jkun ittieħed f’terminu ta’ sitt xhur wara l-applikazzjoni għar-rikonoxximent ta’ dan id-dritt, huwa għandu jingħata ex officio permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

12

Fil‑25 ta’ Novembru 2014, I. Diallo, ċittadin Ginean, ippreżenta, bħala axxendent ta’ wild ta’ nazzjonalità Olandiża ddomiċiljat fil-Belġju, applikazzjoni intiża għall-kisba ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

13

Fit‑22 ta’ Mejju 2015, l-Istat Belġjan ċaħad din it-talba u ordna lil I. Diallo jitlaq mit-territorju. Din id-deċiżjoni ġiet innotifikata lil I. Diallo fit‑3 ta’ Ġunju 2015.

14

Wara li I. Diallo ppreżenta rikors, il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), permezz ta’ sentenza tad‑29 ta’ Settembru 2015, annulla d-deċiżjoni tat‑22 ta’ Mejju 2015 fuq il-bażi ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni.

15

Fid‑9 ta’ Novembru 2015, l-awtoritajiet Belġjani kompetenti adottaw deċiżjoni ġdida ta’ rifjut ta’ residenza, flimkien ma’ ordni ta’ tluq mit-territorju. Din ġiet innotifikata lil I. Diallo fis‑26 ta’ Novembru 2015. Din id-deċiżjoni kienet tindika, essenzjalment, li I. Diallo ma weriex fit-terminu stabbilit li huwa seta’ jibbenefika minn permess ta’ residenza għal iktar minn tliet xhur fil-kwalità tiegħu bħala “membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni”. B’mod partikolari, l-Istat Belġjan qies, minn naħa, li I. Diallo ma kienx ipproduċa provi ta’ riżorsi suffiċjenti u, min-naħa l-oħra, huma ma weriex b’mod validu li l-wild tiegħu, ta’ nazzjonalità Olandiża, kien dipendenti fuqu jew li effettivament kellu l-kustodja tiegħu.

16

Fil‑11 ta’ Diċembru 2015, I. Diallo ppreżenta rikors għal annullament kontra d-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2015, quddiem il-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin). B’sentenza tat‑23 ta’ Frar 2016, din il-qorti ċaħdet l-imsemmi rikors.

17

Fil‑25 ta’ Marzu 2016, I. Diallo ppreżenta appell amministrattiv kontra din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, il-Belġju). Insostenn tar-rikors tiegħu, I. Diallo jsostni, b’mod partikolari, li mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 jirriżulta li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għar-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza għandha tiġi nnotifikata lill-applikant f’terminu ta’ sitt xhur wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni u li d-dritt intern għandu jiġi interpretat b’tali mod li jissodisfa tali rekwiżit. Huwa jqis wkoll li l-għoti lill-awtorità nazzjonali kompetenti ta’ terminu ġdid ta’ sitt xhur, wara l-annullament tal-ewwel deċiżjoni, iċaħħad l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 minn effett utli.

18

Min-naħa tiegħu, l-Istat Belġjan isostni, b’mod partikolari, li l-ebda dispożizzjoni legali jew regolamentarja ma timponi terminu ta’ notifika tad-deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza. Fl-opinjoni tiegħu, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha biss tadotta tali deċiżjoni fit-terminu ta’ sitt xhur. Barra minn hekk, huwa jsostni li, sa fejn id-Direttiva 2004/38 ma tirregolax l-effetti li jirriżultaw mis-sentenza ta’ annullament tad‑29 ta’ Settembru 2015, jiġifieri f’liema terminu għandha tittieħed deċiżjoni ġdida mill-awtorità nazzjonali kompetenti wara l-annullament ġudizzjarju tal-ewwel deċiżjoni, din il-kwistjoni taqa’ taħt id-dritt nazzjonali. Fi kwalunkwe każ, huwa jqis li ma ntweriex li l-ftuħ ta’ terminu ġdid ta’ sitt xhur sabiex tingħata deċiżjoni fuq applikazzjoni għal permess ta’ residenza wara annullament ġudizzjarju tal-ewwel deċiżjoni huwa irraġonevoli.

19

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva, qabelxejn, li d-dritt nazzjonali jipprevedi biss li d-dritt ta’ residenza għandu jiġi rrikonoxxut mhux iktar tard minn sitt xhur wara d-data tal-applikazzjoni, mingħajr ma jispeċifika jekk id-deċiżjoni dwar ir-rikonoxximent tad-dritt ta’ residenza għandiex tiġi nnotifikata lill-persuna kkonċernata f’dan it-terminu. Din il-qorti tqis li, sabiex jiġi applikat id-dritt nazzjonali skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, għandu jiġi ddeterminat jekk din id-dispożizzjoni għandhiex tiġi interpretata fis-sens li d-deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni tad-dritt għal residenza għandha tittieħed u tiġi nnotifikata fit-terminu ta’ sitt xhur.

20

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tindika li d-Direttiva 2004/38 ma tirregolax il-konsegwenzi tal-annullament ta’ deċiżjoni dwar applikazzjoni għal permess ta’ residenza. B’mod partikolari, hija għandha dubji dwar il-kwistjoni tat-terminu li l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha sabiex tiddeċiedi fuq applikazzjoni għal permess ta’ residenza wara l-annullament ġudizzjarju tal-ewwel deċiżjoni tagħha li tirrifjuta r-rikonoxximent tad-dritt inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija tqies li, sabiex jiġi ddeterminat dan it-terminu ġdid, għandu jiġi stabbilit jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix li l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha, wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha, it-terminu sħiħ ta’ sitt xhur previst fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

21

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont il-ġurisprudenza nazzjonali, meta tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura imperattiva tat-terminu indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 u l-effetti ta’ sentenza ta’ annullament, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha għad-dispożizzjoni tagħha, min-notifika tagħha, it-terminu sħiħ li hija kellha sabiex tiddeċiedi fuq applikazzjoni għal permess ta’ residenza u mhux biss iż-żmien li jifdal mid-data li fiha l-att annullat ikun ġie adottat.

22

Fl-aħħar nett, din il-qorti tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk id-Direttiva 2004/38 tipprekludix li permess ta’ residenza jinħareġ awtomatikament lill-applikant minħabba l-iskadenza tat-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10(1) ta’ din id-direttiva, anki jekk dan l-applikant ma jkunx jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex jibbenefika minnu. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li, jekk jirriżulta li t-terminu indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 kien effettivament skada f’dan il-każ, u li din id-direttiva ma tipprekludix li l-iskadenza ta’ dan it-terminu jkollha bħala konsegwenza l-obbligu ta’ ħruġ tal-permess ta’ residenza mitlub, id-deċiżjoni tad‑9 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha ġie rrifjutat li jingħata l-permess ta’ residenza lil I. Diallo, ikollha għalhekk titqies li hija illegali.

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva [2004/38] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirrikjedi li d-deċiżjoni dwar il-konstatazzjoni tad-dritt ta’ residenza għandha tittieħed u tiġi nnotifikata fit-terminu ta’ sitt xhur jew fis-sens li jippermetti li d-deċiżjoni tittieħed f’dan it-terminu iżda li tiġi nnotifikata sussegwentement? Fil-każ li d-deċiżjoni ċċitata iktar ’il fuq tkun tista’ tiġi nnotifikata sussegwentement, f’liema terminu għandha ssir tali notifika?

2)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva [2004/38], moqri flimkien mal-Artikolu 5 [ta’ din id-direttiva], mal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva [2003/86] u mal-Artikoli 7, 20, 21 u 41 tal-Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni [Ewropea], għandu jiġi interpretat u applikat fis-sens li d-deċiżjoni adottata fuq din il-bażi għandha biss tittieħed fit-terminu ta’ sitt xhur li huwa jipprevedi, mingħajr ma jeżisti l-ebda terminu għan-notifika tagħha, u lanqas l-ebda effett fuq id-dritt ta’ residenza fil-każ fejn in-notifika ssir wara l-iskadenza ta’ dan it-terminu?

3)

Sabiex tiġi ggarantita l-effettività tad-dritt ta’ residenza tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li awtorità nazzjonali jkollha mill-ġdid għad-dispożizzjoni tagħha, wara l-annullament ta’ deċiżjoni dwar id-dritt iċċitat iktar ’il fuq, it-terminu kollu ta’ sitt xhur li hija kellha bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva [2004/38]? Fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema terminu jkun għad għandha l-awtorità nazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni tagħha li tirrifjuta r-rikonoxximent tad-dritt inkwistjoni?

4)

L-Artikoli 5, 10 u 31 tad-Direttiva [2004/38], moqrija flimkien mal-Artikoli 8 u 13 tal-Konvenzjoni [Ewropea] għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali[, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950], mal-Artikoli 7, 24, 41 u 47 tal-[Karta tad-drittijiet fundamentali] u mal-Artikolu 21 [TFUE], huma kompatibbli ma’ ġurisprudenza u ma’ dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-[Artikolu] 39/2(2), [l-Artikoli] 40, 40a, 42 u 43 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 […] u l-Artikolu 52(4) tad-digriet irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981 […] li jwasslu għal sitwazzjoni fejn sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni li tirrifjuta r-residenza abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, mogħtija mill-Conseil du contentieux des étrangers, ikollha effett interruttiv u mhux sospensiv tat-terminu mandatorju ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38/KE, mill-Artikolu 42 tal-liġi tal-15 ta’ Diċembru 1980 u mill-Artikolu 52 tad-digriet irjali tat-8 ta’ Ottubru 1981?

5)

Id-Direttiva [2004/38] tirrikjedi li tkun tirriżulta konsegwenza fil-każ li jinqabeż it-terminu ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10(1) […] u, fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema għandha tkun tali konsegwenza? L-istess Direttiva [2004/38] tirrikjedi jew tippermetti li l-konsegwenza fil-każ li jinqabeż dan it-terminu tkun l-għoti awtomatiku tal-permezz ta’ residenza mitlub mingħajr ma jkun ġie kkonstatat jekk l-applikant jissodisfax effettivament il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex wieħed jibbenefika mid-dritt ta’ residenza li jkun qed jitlob?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u fuq l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari

24

Il-Gvern Belġjan isostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, peress li s-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

25

Dan il-gvern isostni, fl-ewwel lok, li I. Diallo ma jistax jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38, peress li ma huwiex “membru tal-familja”, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38. Fit-tieni lok, is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt id-Direttiva 2003/86, peress li I. Diallo talab permess ta’ residenza billi invoka biss il-kwalità tiegħu bħala axxendent ta’ ċittadin tal-Unjoni. Fit-tielet lok, il-Gvern Belġjan huwa tal-opinjoni li l-ebda dritt ta’ residenza ma jista’ jiġi rrikonoxxut lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fuq il-bażi tal-Artikoli 20 u 21 TFUE.

26

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, permezz tad-domandi magħmula, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra li jinsabu f’din id-direttiva, fid-Direttiva 2003/86, fit-Trattat FUE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

27

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2003/86 u/jew 2004/38 teżiġi l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2003/86 kif ukoll fl-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2004/38 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, CS, C‑304/14, EU:C:2016:674, punt 22, u tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 44).

28

Issa, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni tiddeċiedi, f’proċedura għal deċiżjoni preliminari, fuq l-interpretazzjoni, b’mod partikolari, tat-Trattati, tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll tad-direttivi msemmija fid-domandi preliminari.

29

Sa fejn, permezz tal-argument tiegħu, il-Gvern Belġjan qed jipprova jikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi preliminari, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha l-ebda konnessjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Associação Sindical dos Juízes Portugueses, C‑64/16, EU:C:2018:117, punt 23).

30

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju spjegat ir-raġunijiet għalfejn l-interpretazzjoni tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja sabiex tiddeċiedi dwar il-kawża prinċipali. Fil-fatt, mill-imsemmija spjegazzjonijiet jirriżulta li r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dawn id-domandi jista’ jkollha effett dirett fuq l-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni individwali ta’ I. Diallo, b’mod partikolari fuq il-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti kellhomx jagħtuh permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

31

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju u li dawn għandhom jitqiesu li huma ammissibbli.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

32

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 għandux jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għandha tiġi adottata u nnotifikata fit-terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni.

33

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li d-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat membru huwa kkonstatat permezz tal-ħruġ ta’ dokument imsejjaħ “Karta ta’ residenza [permess ta’ residenza] ta’ membru ta’ familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni” mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal dan il-permess ta’ residenza.

34

Għalhekk, mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta’ residenza lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2004/38, f’terminu massimu ta’ sitt xhur mill-applikazzjoni tagħhom.

35

Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-użu tal-frażi “mhux aktar tard minn sitt xhur mid-data li fiha jippreżentaw l-applikazzjoni” jindika b’mod ċar li l-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata f’dan it-terminu.

36

Issa, il-kunċett ta’ “ħruġ”, imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, jimplika, kif, essenzjalment, irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, li, fit-terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jeżaminaw l-applikazzjoni, jadottaw deċiżjoni u, fil-każ li l-applikant ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet sabiex jibbenefika mid-dritt ta’ residenza abbażi tad-Direttiva 2004/38, jipprovdu l-imsemmi permess ta’ residenza lil dan l-applikant.

37

Din l-interpretazzjoni hija, barra minn hekk, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 49 tal-konklużjonijiet tiegħu, sostnuta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li hija ddeċidiet, fir-rigward tal-ħruġ tal-permess ta’ residenza msemmija mid-Direttiva 2004/38, li l-leġiżlatur tal-Unjoni llimita ruħu, essenzjalment, li jelenka, fl-Artikolu 10 ta’ din id-direttiva, id-dokumenti li għandhom jiġu ppreżentati sabiex jinkiseb tali permess, liema permess għandu jiġi pprovdut mhux iktar tard minn sitt xhur wara l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni (sentenza tal‑5 ta’ Settembru 2012, Rahman et, C‑83/11, EU:C:2012:519, punt 42).

38

Minn dan isegwi li l-obbligu għall-Istati Membri li joħorġu permess ta’ residenza lil membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni fit-terminu mandatorju ta’ sitt xhur previst mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 jimplika neċessarjament l-adozzjoni u n-notifika ta’ deċiżjoni lill-persuna kkonċernata qabel l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

39

L-istess japplika meta l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jirrifjutaw li joħorġu permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata.

40

Fil-fatt, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38, intiża għall-verifika fit-terminu ta’ sitt xhur tas-sitwazzjoni individwali taċ-ċittadini ta’ Stati terzi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ta’ jekk dawn iċ-ċittadini jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tal-imsemmija direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu jadottaw kemm deċiżjoni pożittiva kif ukoll deċiżjoni negattiva.

41

F’dan il-kuntest, in-notifika tad-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma tistax tiġi nnotifikata lill-applikant f’termini differenti skont jekk id-deċiżjoni adottata mill-awtorità kompetenti tkunx waħda pożittiva jew negattiva.

42

Għaldaqstant, jekk, wara l-eżami tal-applikazzjoni intiża għall-kisba ta’ permess ta’ residenza, l-awtorità nazzjonali kompetenti tikkonstata li l-kundizzjonijiet stabbiliti għal dan il-għan ma humiex issodisfatti, din l-awtorità għandha tadotta u tinnotifika d-deċiżjoni tar-rifjut tal-ħruġ tal-permess ta’ residenza lill-applikant fl-istess terminu ta’ sitt xhur.

43

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għandha tiġi adottata u nnotifikata fl-istess terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni.

Fuq il-ħames domanda

44

Permezz tal-ħames domanda tagħha, li għandha tiġi eżaminata qabel it-tielet u r-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2004/38 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-ħruġ ex officio ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata, meta t-terminu ta’ sitt xhur, imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, ikun skada, mingħajr konstatazzjoni, minn qabel, li l-persuna kkonċernata effettivament tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza fl-Istat Membru ospitanti skont id-dritt tal-Unjoni.

45

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2004/38 ma fiha l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-konsegwenzi li jirriżultaw mill-iskadenza tat-terminu indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, peress li din il-kwistjoni taqa’, bħala prinċipju, taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri suġġetta għall-osservanza tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ ekwivalenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24).

46

F’dan il-kuntest, għalkemm id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi bl-ebda mod li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ aċċettazzjoni jew ta’ awtorizzazzjoni impliċita, xorta jibqa’ l-fatt li tali sistemi ma għandhomx jippreġudikaw l-effett utli tad-dritt tal-Unjoni.

47

F’dan ir-rigward, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva huwa “kkonstatat” bil-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni. Għal dan il-għan, l-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva jindika d-dokumenti meħtieġa għall-istabbiliment tal-kwalità ta’ “membru tal-familja”, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, li ċ-ċittadini ta’ Stati terzi għandhom jippreżentaw sabiex jiksbu dan il-permess ta’ residenza.

48

Issa, kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza, bħal dak indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, lil ċittadin ta’ Stat terz, ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, iżda bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ tali ċittadin fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias, C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 48, kif ukoll tat‑12 ta’ Marzu 2014, O. u B., C‑456/12, EU:C:2014:135, punt 60).

49

In-natura dikjaratorja tal-permessi ta’ residenza timplika li dawn huma intiżi għall-konstatazzjoni ta’ dritt ta’ residenza diġà eżistenti tal-persuna kkonċernata (sentenzi tal‑25 ta’ Lulju 2008, Metock et, C‑127/08, EU:C:2008:449, punt 52, kif ukoll tal‑21 ta’ Lulju 2011, Dias, C‑325/09, EU:C:2011:498, punt 54).

50

Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprekludi li permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni jingħata lil ċittadin ta’ Stat terz li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti minnha għall-għoti tiegħu.

51

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għalkemm xejn ma jipprekludi li leġiżlazzjoni nazzjonali tipprevedi li s-silenzju tal-amministrazzjoni kompetenti matul perijodu ta’ sitt xhur mid-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni jitqies bħala deċiżjoni ta’ ċaħda, il-kliem stess tad-Direttiva 2004/38 jipprekludi min-naħa l-oħra li huwa jitqies bħala deċiżjoni ta’ aċċettazzjoni.

52

Madankollu, fil-kawża prinċipali, minn naħa, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jinvoka l-kwalità ta’ “axxendent dirett dipendenti” taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 u tal-Artikolu 4(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, b’tali mod li huwa ma jistax jitqies li huwa “membru tal-familja”, fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 54).

53

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mhux iċ-ċittadini kollha ta’ Stati terzi jisiltu drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza fi Stat Membru abbażi tad-Direttiva 2004/38, iżda biss dawk li huma “membr[i] tal-familja” fis-sens tal-Artikolu 2(2) ta’ din id-direttiva, ta’ ċittadin tal-Unjoni li jkun eżerċita d-dritt ta’ moviment liberu tiegħu billi jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru minbarra l-Istat Membru li għandu n-nazzjonalità tiegħu (sentenza tat‑8 ta’ Novembru 2012, Iida, C‑40/11, EU:C:2012:691, punt 51).

54

Min-naħa l-oħra, mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll mill-ispeċifikazzjonijiet imwettqa mill-Gvern Belġjan waqt is-seduta, jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi sistema ta’ ħruġ awtomatiku ta’ permessi ta’ residenzi ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li abbażi tagħha l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha toħroġ ex officio tali permessi lill-applikanti meta t-terminu ta’ sitt xhur, imsemmi fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 ikun skada.

55

Tali sistema, sa fejn din tippermetti l-ħruġ tal-permess ta’ residenza lil persuna li ma tissodisfax il-kundizzjonijiet għall-kisba, tmur kontra l-għanijiet tad-Direttiva 2004/38.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li d-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-ħruġ ex officio ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni lill-persuna kkonċernata, meta t-terminu ta’ sitt xhur, indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, ikun skada, mingħajr konstatazzjoni, minn qabel, li l-persuna kkonċernata effettivament tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza fl-Istat Membru ospitanti skont id-dritt tal-Unjoni.

Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

57

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda preliminari tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha awtomatikament it-terminu sħiħ ta’ sitt xhur indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

58

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2004/38 ma fiha l-ebda dispożizzjoni dwar l-effetti tal-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet adottati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jirrifjutaw il-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’mod partikolari, dwar il-kwistjoni tat-terminu li dawn l-awtoritajiet għandhom sabiex jadottaw deċiżjoni ġdida wara tali annullament.

59

Għalhekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni f’dan il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku intern ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom, skont il-prinċipju ta’ awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal, C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24, u tat‑13 ta’ Diċembru 2017, El Hassani, C‑403/16, EU:C:2017:960, punt 26).

60

Fil-kawża prinċipali, tqum biss il-kwistjoni tal-osservanza tal-prinċipju ta’ effettività.

61

Il-qorti tagħmel riferiment għal ġurisprudenza nazzjonali li abbażi tagħha l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni meħuda minn awtorità amministrattiva f’terminu mandatorju jagħti awtomatikament lok għall-ftuħ, min-notifika tas-sentenza għal annullament, tat-terminu sħiħ li din l-awtorità kellha sabiex tiddeċiedi. Għalhekk, skont din il-ġurisprudenza, l-awtorità nazzjonali kompetenti kellha, wara l-annullament ġudizzjarju tad-deċiżjoni inizjali tagħha, terminu ġdid ta’ sitt xhur abbażi tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 sabiex tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni ta’ I. Diallo intiża għall-kisba ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni.

62

F’dan il-kuntest, il-ftuħ awtomatiku ta’ terminu ġdid ta’ sitt xhur wara l-annullament ġudizzjarju tad-deċiżjoni inizjali tal-awtorità nazzjonali kompetenti kien ta’ natura li jrendi eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-dritt tal-membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni li jikseb deċiżjoni fuq l-applikazzjoni tiegħu għal permess ta’ residenza skont l-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

63

Fil-fatt, fl-ewwel lok, kif tfakkar fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, il-proċedura amministrattiva stabbilita fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2004/38 hija intiża għall-verifika tas-sitwazzjoni individwali taċ-ċittadini ta’ Stati terzi fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’terminu mandatorju ta’ sitt xhur. B’mod partikolari, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom biss jivverifikaw f’dan it-terminu jekk iċ-ċittadin ta’ Stat terz jistax jipprova, permezz tal-preżentazzjoni tad-dokumenti indikati fl-Artikolu 10(2) tal-imsemmija direttiva, li jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, sabiex jibbenefika mill-permess ta’ residenza.

64

Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-Direttiva 2004/38 hija intiża li tiffaċilita l-eżerċizzju tad-dritt fundamentali u individwali li wieħed jiċċaqlaq u jirrisjedi b’mod liberu fit-territorju tal-Istati Membri mogħti direttament liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikolu 21(1) TFUE u li ssaħħaħ dan id-dritt. Il-premessa 5 ta’ din id-direttiva tenfasizza, barra minn hekk, li sabiex ikun jista’ jiġi eżerċitat f’kundizzjonijiet oġġettivi ta’ dinjità, l-imsemmi dritt għandu jingħata wkoll lill-membri tal-familja ta’ dawn iċ-ċittadini, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom (sentenza tal‑14 ta’ Novembru 2017, Lounes, C‑165/16, EU:C:2017:862, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

65

Dan l-għan jeżiġi li ċ-ċittadin ta’ Stat terz li jipproduċi l-prova li huwa jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “membru tal-familja” ta’ ċittadin tal-Unjoni, fis-sens tad-Direttiva 2004/38, ikun jista’ jingħata l-permess ta’ residenza li jipprova din il-kwalità fl-iqsar żmien possibbli.

66

Fil-fatt, minn naħa, kif tirrileva essenzjalment il-Kummissjoni Ewropea, in-natura dikjaratorja tal-permess ta’ residenza tippermetti liċ-ċittadin ta’ Stat terz, li jkun jinsab f’sitwazzjoni ta’ inċertezza legali dwar in-natura leġittima tar-residenza tiegħu, li juri, sakemm il-kundizzjonijiet sostantivi meħtieġa għall-finijiet tal-kisba tad-dritt ta’ residenza jkunu ssodisfatti, l-eżistenza tad-dritt ta’ residenza dderivat tiegħu, li jiffaċilita kemm l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt kif ukoll l-integrazzjoni tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

67

Min-naħa l-oħra, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38, huwa biss il-pussess ta’ permess ta’ residenza validu li jeżenta lill-membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, li ma għandhomx in-nazzjonalità ta’ Stat Membru, mill-obbligu li jiksbu visa ta’ dħul fit-territorju tal-Istati Membri. Kif jirriżulta mill-premessa 8 ta’ din id-direttiva, din l-eżenzjoni hija intiża li tiffaċilita l-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ Stati terzi, li jkunu membri tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni (sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2014, McCarthy et, C‑202/13, EU:C:2014:2450, punti 4041).

68

Għaldaqstant, il-ftuħ awtomatiku ta’ terminu ġdid ta’ sitt xhur, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ħruġ ta’ permess ta’ residenza, jidher sproporzjonat fid-dawl tal-għan tal-proċedura amministrattiva indikata fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38 kif ukoll tal-għan ta’ din id-direttiva.

69

Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ effettività kif ukoll l-għan ta’ ħeffa inerenti għad-Direttiva 2004/38 jipprekludu li l-awtoritajiet nazzjonali jerġa’ jkollhom awtomatikament terminu ġdid ta’ sitt xhur wara l-annullament ġudizzjarju tal-ewwel deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza. Huma għandhom jadottaw deċiżjoni ġdida f’terminu raġonevoli, li ma jistax, fi kwalunkwe każ, jeċċedi t-terminu indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

70

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha awtomatikament it-terminu sħiħ ta’ sitt xhur indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

Fuq l-ispejjeż

71

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni għandha tiġi adottata u nnotifikata fl-istess terminu ta’ sitt xhur previst minn din id-dispożizzjoni.

 

2)

Id-Direttiva 2004/38 għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-ħruġ ex officio ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea lill-persuna kkonċernata, meta t-terminu ta’ sitt xhur, indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38, ikun skada, mingħajr konstatazzjoni, minn qabel, li l-persuna kkonċernata effettivament tissodisfa l-kundizzjonijiet għal residenza fl-Istat Membru ospitanti skont id-dritt tal-Unjoni.

 

3)

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li abbażi tagħha, wara l-annullament ġudizzjarju ta’ deċiżjoni li tirrifjuta l-ħruġ ta’ permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea, l-awtorità nazzjonali kompetenti jerġa’ jkollha awtomatikament it-terminu sħiħ ta’ sitt xhur indikat fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2004/38.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.