SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

17 ta’ April 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Trasport – Regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet – Regolament (KE) Nru 261/2004 – Artikolu 5(3) – Artikolu 7(1) – Dritt għal kumpens – Eżenzjoni – Kunċett ta’ ‘ċirkostanzi staordinarji’ – ‘Strajk selvaġġ’”

Fil-Kawżi magħquda C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa, minn naħa, mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjonijiet tas-6 (Kawżi C‑195/17 u C‑197/17 sa C‑203/17) u tad-19 ta’ April 2017 (Kawżi C‑226/17 u C‑228/17) kif ukoll tal-11 (Kawżi C‑254/17, C‑275/17, C‑278/17 u C‑281/17), tat-12 (Kawżi C‑274/17, C‑279/17, C‑280/17 u C‑282/17 sa C‑286/17), tas-16 (Kawża C‑291/17) u tas-17 ta’ Mejju 2017 (Kawża C‑290/17), li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 (Kawżi C‑195/17 u C‑197/17 sa C‑203/17) u fit-28 ta’ April 2017 (Kawżi C‑226/17 u C‑228/17) kif ukoll fil-15 (Kawża C‑254/17), fit-18 (Kawżi C‑274/17, C‑275/17 u C‑278/17 sa C‑286/17) u fit-22 ta’ Mejju 2017 (Kawżi C‑290/17 u C‑291/17) u, min-naħa l-oħra, mill-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Mejju 2017 (Kawża C‑292/17), li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Mejju 2017, fil-proċeduri

Helga Krüsemann et (C‑195/17),

Thomas Neufeldt et (C‑197/17),

Ivan Wallmann (C‑198/17),

Rita Hoffmeyer (C‑199/17),

Rudolf Meyer (C‑199/17),

Susanne de Winder (C‑200/17),

Holger Schlosser (C‑201/17),

Nicole Schlosser (C‑201/17),

Peter Rebbe et (C‑202/17),

Eberhard Schmeer (C‑203/17),

Brigitte Wittmann (C‑226/17),

Reinhard Wittmann (C‑228/17),

Regina Lorenz (C‑254/17),

Prisca Sprecher (C‑254/17),

Margarethe Yüce et (C‑274/17),

Friedemann Schoen (C‑275/17),

Brigitta Schoen (C‑275/17),

Susanne Meyer et (C‑278/17),

Thomas Kiehl (C‑279/17),

Ralph Eßer (C‑280/17),

Thomas Schmidt (C‑281/17),

Werner Ansorge (C‑282/17),

Herbert Blesgen (C‑283/17),

Simone Künnecke et (C‑284/17),

Marta Gentile (C‑285/17),

Marcel Gentile (C‑285/17),

Gabriele Ossenbeck (C‑286/17),

Angelina Fell et (C‑290/17),

Helga Jordan-Grompe et (C‑291/17),

EUflight.de GmbH (C‑292/17)

vs

TUIfly GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby (Relatur) u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Tanchev,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal T. Neufeldt et u għal E. Schmeer, minn P. Degott, Rechtsanwalt,

għal I. Wallmann, minn M. Kleinmann, Rechtsanwalt,

għal H. Schlosser, N. Schlosser, R. Lorenz u P. Sprecher, F. Schoen, B. Schoen kif ukoll għal EUflight.de GmbH, minn H. Deussen u M. Diekmann, Rechtsanwälte,

għal B. Wittmann, minn R. Weist, Rechtsanwalt,

għal R. Wittmann, minn M. Michel, Rechtsanwalt,

għal R. Eßer, minnu personalment,

għal W. Ansorge u H. Blesgen, minn J. Lucar-Jung, Rechtsanwältin,

għal S. Künnecke et, minn C. Steding, Rechstanwalt,

għal TUIfly GmbH, minn P. Kauffmann u K. Witt, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, M. Hellmann u M. Kall, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. de Moustier u I. Cohen, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn K.-Ph. Wojcik, K. Simonsson u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ April 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn passiġġieri u TUIfly GmbH, trasportatur bl-ajru, fir-rigward tar-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jikkumpensa lil dawn il-passiġġieri li t-titjiriet tagħhom kienu suġġetti għal dewmien twil jew kienu ġew ikkanċellati.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 1, 4, 14 u 15 tar-Regolament Nru 261/2004 jipprevedu

“(1)

Azzjoni mil-Komunitá fil-qasam ta’ transport permezz ta’ l-ajru għandha jkollha l-iskop, fost affarijiet oħrajn, li tassigura livell ogħli ta’ protezzjoni għall-passiġġieri. ’Il fuq minn dan, konsiderazzjoni sħiħa għandha tiġi meħuda tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni tal-konsumatur b’mod ġenerali.

[…]

(4)

[L-Unjoni] għandha għalhekk togħla l-istandards ta’ protezzjoni stabbiliti [mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 295/91 tal-4 ta’ Frar 1991, li jistabbilixxi regoli komuni għal sistema ta’ kumpens għal imbark miċħud fit-trasport bl-ajru skedat (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 306)], kemm biex issaħħaħ id-drittijiet ta’ passiġġieri u biex tassigura li trasportaturi ta’ l-ajru jaħdmu taħt kondizzjonijiet armonizzati f’suq illiberalizzat.

[…]

(14)

Bħal taħt il-Konvenzjoni [għall-unifikazzjoni ta’ ċerti regoli għat-trasport internazzjonali bl-ajru, konkluża f’Montreal fit-28 ta’ Mejju 1999 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/539/KE, tal-5 ta’ April 2001 (ĠU Edizzjoni speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 5, p. 491)], obbligazzjonijiet dwar trasportaturi ta’ l-ajru li jaħdmu għandhom ikunu limitati jew esklużi fejn xi ħaġa ġiet ikkawżata minn ċirkostanzi straordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri kollha raġonevoli kienu ttieħdu. Ċirkostanzi bħal dawn jistgħu, partikolarment, iseħħu f’każijiet ta’ nuqqas ta’ stabbilitá politika, kondizzjonijiet meteoroloġiċi li ma jaqblux ma’ l-operazzjoni tat-titjira in kwistjoni, riskji tas-sigurtá, nuqqasijiet mhux mistennijin fir-rigward tas-sigurtá tat-titjira u strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur ta’ l-ajru li jopera.

(15)

Ċirkostanzi straordinarji għandhom jiġu meqjusin li jeżistu fejn l-impatt ta’ deċiżjoni dwar il-ġestjoni tat-traffiku ta’ l-ajru fir-rigward ta’ inġenju ta’ l-ajru partikolari fuq ġurnata partikolari tikkawża dewmien twil, dewmien ta’ matul il-lejl, jew il-kanċellazzjoni ta’ titjira waħda jew aktar titjiriet ta’ dak l-inġenju ta’ l-ajru, anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ttieħdu mil-trasportatur ta’ l-ajru in kwistjoni biex jiġu evitati id-dewmien jew kanċellazzjonijiet.”

4

Bit-titolu “Kanċellazzjoni”, l-Artikolu 5 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“1.   Fil-każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, il-passiġġieri in kwistjoni għandhom:

[…]

ċ)

jkollhom id-dritt għal kumpens mil-trasportatur ta’ l-ajru li jopera skond l-Artikolu 7, kemm-il darba

i)

huma informati bil-kanċellazzjoni mill-inqas ġimgħatejn qabel il-ħin tat-tluq skedat;

ii)

huma informati bil-kanċellazzjoni bejn ġimgħatejn u sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn sagħtejn qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn erba’ sigħat wara l-ħin tal-wasla skedat; jew

iii)

huma informati bil-kanċellazzjoni inqas minn sebat ijiem qabel il-ħin tat-tluq skedat u huma offruti rotta differenti, li tħallihom jitilqu mhux aktar minn siegħa qabel il-ħin tat-tluq skedat u jaslu fid-destinazzjoni finali tagħhom inqas minn sagħtejn wara l-ħin tal-wasla skedat.

[…]

3.   Trasportatur ta’ l-ajru li jopera m’għandux ikun obbligat iħallas kumpens skond l-Artikolu 7, jekk jista’ juri li l-kanċellazzjoni hi kkawżata minn ċirkostanzi staordinarji li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha ġew meħudin.”

5

Bit-titolu “Dritt għall-kumpens”, l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Fejn referenza hi magħmula għal dan l-Artikolu, passiġġieri għandhom jirċievu kumpens li jammonta għal:

a)

EUR 250 għat-titjiriet kollha ta’ 1500 kilometru jew inqas;

b)

EUR 400 għat-titjiriet intra-Komunitarji kollha ta’ aktar minn 1500 kilometru, u għat-titjiriet oħrajn kollha bejn 1500 u 3500 kilomentru;

ċ)

EUR 600 għat-titjiriet kollha li ma jaqawx taħt (a) jew (b).

[…]”.

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

6

Ir-rikorrenti kollha fil-kawża prinċipali wettqu riservazzjonijiet ma TUIfly għal titjiriet li kellhom jitwettqu minn dan it-trasportatur bejn it-3 u t-8 ta’ Ottubru 2016.

7

Kif jirriżulta mid-deċiżjonijiet tar-rinviju, dawn it-titjiriet kollha jew ġew ikkanċellati, jew inkella kienu s-suġġett ta’ dewmien ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla minħabba numru eċċezzjonali ta’ assenzi ġġustifikati minn raġunijiet ta’ mard fi ħdan il-persunal ta’ TUIfly, wara li l-amministrazzjoni ta’ dan it-trasportatur bl-ajru kkomunikat lill-persunal tagħha, fit-30 ta’ Settembru 2016, il-pjanijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-impriża.

8

Minn dawn id-deċiżjonijiet jirriżulta wkoll li, filwaqt li, normalment, ir-rata ta’ assenteiżmu tal-persunal minħabba mard fi ħdan il-persunal ta’ TUIfly hija ta’ madwar 10 %, bejn l-1 ta’ Ottubru 2016 u l-10 ta’ Ottubru 2016 din ir-rata żdiedet kunsiderevolment biex laħqet l-34 % sa 89 % f’dak li jirrigwarda l-ekwipaġġ tat-titjira u l-24 % sa 62 % f’dak li jirrigwarda l-ekwipaġġ tal-kabina.

9

Konsegwentement, mit-3 ta’ Ottubru 2016, TUIfly abbandunat kompletament l-orarji inizjali tat-titjiriet tagħha, filwaqt li użat is-sub-chartering ma trasportaturi bl-ajru oħra u ordnat id-dħul lura għax-xogħol tal-persunal bil-vaganzi.

10

Madankollu, minħabba l-imsemmija assenzi fi ħdan il-persunal tagħha, fit-3 ta’ Ottubru 2016, 24 il-titjira kienu suġġetti għal dewmien twil. Fl-4 ta’ Ottubru 2016, 29 il-titjira oħra kienu suġġetti għal dewmien twil u 7 titjiriet ġew ikkanċellati. Mill-5 ta’ Ottubru 2016, parti kbira mit-titjiriet ġew ikkanċellati. Fis-7 u fit-8 ta’ Ottubru 2016, TUIfly ikkanċellat it-titjiriet kollha bi tluq mill-Ġermanja.

11

Fis-7 ta’ Ottubru 2016 filgħaxija, l-amministrazzjoni ta’ TUIfly informat lill-persunal tagħha li kien intlaħaq ftehim mar-rappreżentanti tagħhom.

12

Fid-dawl ta’ din is-sitwazzjoni li TUIfly ikklassifikat bħala “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, hija rrifjutat li tagħti lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali l-kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ)(iii), u fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

Il-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17

13

Fil-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17, il-qorti tar-rinviju, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover, il-Ġermanja), tosserva li, skont il-ġurisprudenza Ġermaniża, il-mard ta’ membru tal-ekwipaġġ, minn tal-inqas sakemm dan ma jirriżultax minn att ta’ sabotaġġ estern imwettaq minn terz, u l-fatt li jkun meħtieġ li dan il-membru jiġi ssostitwit ma jikkostitwixxux “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

14

Filwaqt li analizzat il-possibbiltà li s-sitwazzjonijiet ta’ fatt li taw lok għat-tilwimiet imressqa quddiemha jiġu kklassifikati bħala “ċirkostanzi staordinarji”, sa fejn dawn is-sitwazzjonijiet jirrigwardaw rata ta’ assenteiżmu li ma hijiex karatteristika għal attività normali ta’ trasportatur bl-ajru, iżda li jimmaterjalizzaw ruħhom, hekk kif issostni l-konvenuta fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari fil-każ ta’ “strajk selvaġġ” jew ta’ sejħa għal bojkott imnedija mill-membri tal-persunal infushom, dik il-qorti madankollu qieset li f’dan il-każ kellu jiġi deċiż li ma kien hemm ebda “ċirkostanzi staordinarji”.

15

Fil-fatt, minn naħa, l-imsemmija qorti tenfasizza l-fatt li t-trasportatur bl-ajru inkwistjoni fil-kawżi prinċipali kkontribwixxa potenzjalment sabiex ikun hemm tali rata ta’ assenteiżmu billi ħabbar miżuri ta’ ristrutturazzjoni tal-impriża. Min-naħa l-oħra, għalkemm il-parti l-kbira tal-qrati Ġermaniżi jaċċettaw l-eżistenza ta’ “ċirkostanzi staordinarji” kemm fil-każ ta’ strajk intern kif ukoll fil-każ ta’ strajk estern, madankollu fil-kawżi mressqa quddiem l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), l-assenza tal-persunal tirriżulta minn sejħa fejn ċerti membri tal-persunal tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat ġew mistiedna joħorġu fuq leave tal-mard u għalhekk ma toriġinax uffiċjalment minn sindakat. Għaldaqstant, tali moviment soċjali huwa differenti minn strajk uffiċjali u għandu jiġi kklassifikat bħala “strajk selvaġġ”, li fir-rigward tiegħu ma tapplikax il-libertà sindakali.

16

Barra minn hekk, jekk iċ-ċirkustanzi relatati mat-tilwimiet imressqa quddiem il-qorti tar-rinviju għandhom jiġu kklassifikati bħala “ċirkostanzi staordinarji”, din tal-aħħar għandha dubji dwar jekk dawn iċ-ċirkustanzi għandhomx jiġu aċċettati biss għat-titjiriet li ġew affettwati minnhom jew inkella jekk dawn jistgħux jiġu aċċettati wkoll għat-titjiriet sussegwenti għal dawn iċ-“ċirkostanzi staordinarji”, b’tali mod li t-trasportaturi bl-ajru kkonċernati jkunu jistgħu jirrifjutaw li jikkumpensaw lill-passiġġieri ta’ titjiriet sussegwenti milquta minn eventwali riorganizzazzjoni tat-titjiriet imwettqa sussegwentement għall-imsemmija “ċirkostanzi staordinarji”.

17

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ssemmi l-ġurisprudenza kontrastanti tal-qrati Ġermaniżi. Hija tqis madankollu li r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kif tirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 261/2004, kif ukoll id-duttrina li tirriżulta mis-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604) jippermettu, fl-opinjoni tagħha, li jitqies li t-trasportatur bl-ajru jista’ jinvoka l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004 biss għat-titjira affettwata miċ-“ċirkostanzi staordinarji” kkonċernati.

18

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizza:

“1)

L-assenza minħabba mard ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru tikkostitwixxi [‘ċirkostanzi staordinarji’] fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004]? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda: kemm għandha tkun ir-rata ta’ assenza [assenteiżmu] sabiex tali ċirkustanz[i jiġu ammessi]?]

2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv: l-assenza spontanja ta’ parti sostanzjali mill-persunal meħtieġ għat-twettiq tat-titjiriet tat-trasportatur bl-ajru, minħabba waqfien fix-xogħol mhux awtorizzat skont il-leġiżlazzjoni tax-xogħol jew skont ftehim kollettiv (‘strajk selvaġġ’), tikkostitwixxi [‘ċirkostanzi staordinarji’] fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004]? Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda: kemm għandha tkun ir-rata ta’ assenza [assenteiżmu] sabiex tali ċirkustanz[i jiġu ammessi]?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: iċ-[ċirkostanzi staordinarji kellhom ikunu preżenti] meta ġiet ikkanċellata t-titjira jew it-trasportatur bl-ajru jista’ jistabbilixxi skeda ġdida ta’ titjiriet għal raġunijiet ekonomiċi?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel jew għat-tieni domanda: il-kunċett ta’ natura evitabbli huwa marbut maċ-[‘ċirkostanzi staordinarji’] jew pjuttost mal-konsegwenzi tal-okkorrenza tal-imsemmija ċirkustanz[i]?”

Il-Kawża C‑292/17

19

Fil-Kawża C‑292/17, il-qorti tar-rinviju, l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), tosserva li, fis-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Finnair (C‑22/11, EU:C:2012:604), għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament iddeċidiet li l-fatt li passiġġier ma jitħalliex jitla’ fuq titjira li ma kinitx affettwata minn strajk, favur l-imbark ta’ passiġġier ieħor li t-titjira preċedenti tiegħu kienet ġiet affettwata minn strajk, jagħti lok għal kumpens. Madankollu, din is-sentenza ma hijiex neċessarjament trasponibbli fil-qasam ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira, sa fejn ir-Regolament Nru 261/2004 ma jipprevedix il-possibbiltà li t-trasportatur jinvoka “ċirkostanzi staordinarji” biex jevita milli jikkonforma ruħu mal-obbligu ta’ kumpens imposti fuqu fil-każ li passiġġier ma jitħalliex jitla’.

20

Dik il-qorti madankollu tikkonstata li l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jeżiġi li l-kanċellazzjoni tat-titjira kkonċernata tkun dovuta għal “ċirkostanzi staordinarji” u, għaldaqstant, li jkun hemm rabta kawżali bejn l-imsemmija ċirkustanzi u din il-kanċellazzjoni. Issa, il-kanċellazzjoni ta’ titjira li ma tkunx dovuta għal assenzi minħabba mard iżda għad-deċiżjoni tat-trasportatur bl-ajru li jorganizza mill-ġdid it-titjiriet kollha tiegħu fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, ma tippermettix li l-kanċellazzjoni tal-imsemmija titjira tiġi imputata direttament għal dawn l-istess ċirkustanzi. Tali interpretazzjoni tal-Artikolu 5(3) tal-imsemmi regolament tista’ tkun imsejjsa fuq il-premessa 15 tiegħu, li tipprevedi li ċ-“ċirkostanzi staordinarji” għandhom ikunu affettwaw titjira speċifika.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Düsseldorf (il-Qorti Distrettwali ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Il-kanċellament tat-titijira huwa wkoll dovut [jista’ jiġi imputat] għal [‘ċirkostanzi staordinarji’] fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004], meta ċ-ċirkustanzi (f’dan il-każ, ‘strajk selvaġġ’ jew ‘mewġa ta’ mard’) jaffettwaw biss indirettament lit-titjira inkwistjoni, minħabba li dawn iċ-ċirkustanzi wasslu lit-trasportatur bl-ajru sabiex jorganizza mill-ġdid il-pjanifikazzjoni tat-titjiriet kollha tiegħu u din ir-riorganizzazzjoni tinkludi wkoll il-kanċellazzjoni tat-titjira skedata?

2)

Trasportatur bl-ajru jista’ jkun eżentat [mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu] skont l-Artikolu 5(3) tar-Regolament [Nru 261/2004], fil-każ li t-titjira inkwistjoni setgħet titwettaq li kieku ma kienx hemm din ir-riorganizzazzjoni, peress li l-ekwipaġġ previst għal din it-titjira skedata kien ikun disponibbli li kieku ma ġiex assenjat għal titjiriet oħra minħabba din ir-riorganizzazzjoni?”

22

Permezz ta’ deċiżjonijiet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10, tat-18 u tad-29 ta’ Mejju 2017, il-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17 u C‑290/17 sa C‑292/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ammissibbiltà tad-domandi fil-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑254/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17

23

TUIfly issostni li l-ewwel, it-tielet u r-raba’ domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) huma inammissibbli. Fir-rigward tal-ewwel waħda, sa fejn din id-domanda hija intiża għall-ksib ta’ indikazzjonijiet fir-rigward tar-rata ta’ assenteiżmu li tippermetti li jiġu kkonstatati “ċirkostanzi staordinarji”, din tinvadi l-isfera ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti li għandha tiddeċiedi dwar il-fatti. Fir-rigward tat-tielet domanda, din ma għandha l-ebda rabta mas-suġġett tat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali, sa fejn TUIfly ma stabbilixxietx orarji ġodda għal “raġunijiet ekonomiċi speċifiċi għall-impriża”, iżda llimitat ruħha li torganizza mill-ġdid it-titjiriet tagħha mingħajr ma tat każ l-ispejjeż jew tali raġunijiet ekonomiċi. Fl-aħħar nett, ir-raba’ domanda hija astratta wisq.

24

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-domandi dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni magħmula mill-qorti nazzjonali fil-kuntest regolamentari u fattwali li hija tiddefinixxi taħt ir-responsabbiltà tagħha, u li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompitu li tivverifika l-eżattezza tiegħu, jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Ir-rifjut tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi fuq domanda mressqa minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex il-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (sentenza tat-28 ta’ Frar 2018, ZPT, C‑518/16, EU:C:2018:126, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) hija intiża għall-ksib, mill-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali. Issa, il-klassifikazzjoni fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni ta’ fatti stabbiliti mill-qorti tar-rinviju tippreżumi interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li fir-rigward tagħha, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi,C‑434/15, EU:C:2017:981, punt 20).

26

Fir-rigward tal-kritika kontra t-tielet domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), għandu jitfakkar li l-preżunzjoni ta’ rilevanza msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġu kkonfutata mis-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkontesta ċerti fatti relatati mat-tilwimiet fil-kawżi prinċipali li l-eżattezza tagħhom ma għandhiex tiġi vverifikata mill-Qorti tal-Ġustizzja u li minnhom tiddependi d-definizzjoni tas-suġġett tal-imsemmija kawża (sentenza tat-22 ta’ Settembru 2016, Breitsamer und Ulrich, C‑113/15, EU:C:2016:718, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27

Fl-aħħar nett, ma jistax jitqies li r-raba’ domanda magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover) hija ta’ natura astratta, dan peress li din għandha rabta diretta mas-suġġett tat-tilwima fil-kawżi prinċipali u għalhekk ma hijiex ipotetika. Din hija, fil-fatt, intiża għall-ksib, mill-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domandi magħmula minn din il-qorti, ta’ interpretazzjoni tal-modalitajiet li jippermettu li t-trasportaturi bl-ajru jeżentaw ruħhom mill-obbligu tagħhom li jikkumpensaw lill-passiġġieri abbażi tal-Artikolu 5(1)(ċ) u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004.

28

Għaldaqstant, l-eċċezzjonijiet ta’ TUIfly fir-rigward tal-inammissibbiltà tal-ewwel, tat-tielet u tar-raba’ domandi magħmula mill-Amtsgericht Hannover (il-Qorti Distrettwali ta’ Hannover), għandhom jiġu miċħuda.

Fuq il-mertu

Fuq l-ewwel żewġ domandi fil-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17 kif ukoll fuq id-domandi fil-Kawża C‑292/17 sa fejn dawn jirrigwardaw il-klassifikazzjoni bħala “ċirkostanzi staordinarji”

29

Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha fil-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17 kif ukoll permezz tad-domandi fil-Kawża C‑292/17, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qrati tar-rinviju essenzjalment jistaqsu jekk l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-assenza spontanja minn parti kunsiderevoli tal-ekwipaġġ (“strajk selvaġġ”), bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, hijiex koperta mill-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

30

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’każ ta’ kanċellazzjoni ta’ titjira jew ta’ dewmien twil, jiġifieri ta’ tul ta’ tliet sigħat jew iktar, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jistabbilixxi l-obbligi tat-trasportaturi bl-ajru previsti fl-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 261/2004 (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31

Skont il-premessi 14 u 15 kif ukoll l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, it-trasportatur bl-ajru huwa għalhekk eżentat mill-obbligu ta’ kumpens tiegħu lill-passiġġieri skont l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 261/2004 jekk dan ikun jista’ jipprova li l-kanċellazzjoni jew id-dewmien tat-titjira ta’ tliet sigħat jew iktar mill-wasla huwa dovut għal “ċirkostanzi staordinarji” li ma setgħux jiġu evitati anki jekk il-miżuri raġonevoli kollha kienu ttieħdu (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

Jistgħu jiġu kklassifikati bħala “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, l-avvenimenti li, minn natura tagħhom jew mill-oriġini tagħhom, ma humiex inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat u li jaħarbu mill-kontroll effettiv ta’ dan tal-aħħar (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Pešková u Peška, C‑315/15, EU:C:2017:342, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Skont il-premessa 14 tal-imsemmi regolament, jista’ jkun hemm tali ċirkustanzi, b’mod partikolari, fil-każ ta’ strajkijiet li jaffettaw l-operazzjoni ta’ trasportatur bl-ajru li jopera.

34

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tispeċifika li ċ-ċirkustanzi msemmija f’din il-premessa ma humiex neċessarjament u awtomatikament każijiet għall-eżenzjoni mill-obbligu ta’ kumpens previst fl-Artikolu 5(1)(ċ) tar-Regolament Nru 261/2004 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 22) u li, konsegwentement, għandha ssir evalwazzjoni, każ b’każ, jekk dawn jissodisfawx iż-żewġ kundizzjonijiet kumulattivi mfakkra fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

35

Fill-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull avveniment mhux mistenni ma għandux neċessarjamnet jiġi kklassifikat bħala “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens indikat fil-punt preċedenti, iżda li huwa possibbli li jitqies li tali avveniment huwa inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2015, van der Lans, C‑257/14, EU:C:2015:618, punt 42).

36

Barra minn hekk, fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 261/2004, li huwa dak li jiġi żgurat, hekk kif jirriżulta mill-premessa 1 tiegħu, livell ogħli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri, u fid-dawl tal-fatt li l-Artikolu 5(3) ta’ dan ir-regolament jidderoga mill-prinċipju tad-dritt għall-kumpens tal-passiġġieri fil-każ ta’ kanċellazzjoni jew ta’ dewmien twil ta’ titjira, il-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens ta’ dan l-aħħar paragrafu, għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Wallentin-Hermann, C‑549/07, EU:C:2008:771, punt 20).

37

Huwa fid-dawl ta’ dawn l-elementi li għandu jiġi ddeterminat jekk “strajk selvaġġ”, bħal dak inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004.

38

F’dan il-każ, mill-fajl ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-“istrajk selvaġġ” fi ħdan il-persunal tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat kien il-konsegwenza tat-tħabbir għall-għarrieda, minn dan it-trasportatur, ta’ ristrutturazzjoni tal-impriża. Dan it-tħabbir wassal sabiex, għal perijodu ta’ madwar ġimgħa, ir-rata ta’ assenteiżmu tal-ekwipaġġ tkun partikolarment għolja, insegwitu għal sejħa li ma kinitx imnedija mir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-impriża, iżda li kienet spontanja min-naħa tal-ħaddiema nfushom li ħarġu fuq leave tal-mard.

39

Għaldaqstant, huwa paċifiku li l-persunal ta’ TUIfly nieda dan l-“istrajk selvaġġ” biex jagħti leħen għat-talbiet tiegħu, f’dan il-każ dwar il-miżuri ta’ ristrutturazzjoni mħabbra mill-amministrazzjoni ta’ dan it-trasportatur bl-ajru.

40

Issa, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni Ewropea fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-ristrutturazzjonijiet u r-riorganizzazzjonijiet tal-impriżi huma parti mill-miżuri normali ta’ ġestjoni tal-istess impriża.

41

Għalhekk, it-trasportaturi bl-ajru jistgħu jkunu affaċjati, fl-eżerċizzju normali tal-attivitajiet tagħhom, minn nuqqas ta’ qbil, jew saħansitra minn kunflitti, mal-membri tal-persunal tagħhom jew ma parti minn dan il-persunal.

42

Għaldaqstant, fil-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti 38 u 39 ta’ din is-sentenza, ir-riskji li jirriżultaw mill-konsegwenzi industrijali li jakkumpanjaw tali miżuri għandhom jitqiesu li huma inerenti għall-eżerċizzju normali tal-attività tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

43

Barra minn hekk, l-“istrajk selvaġġ” inkwistjoni fil-kawżi prinċipali ma jistax jitqies li jaħrab mill-kontroll effettiv tat-trasportatur bl-ajru kkonċernat.

44

Minbarra l-fatt li dan l-“istrajk selvaġġ” huwa l-konsegwenza ta’ deċiżjoni tal-imsemmi trasportatur bl-ajru, għandu jiġi osservat li, minkejja r-rata ta’ assenteiżmu għolja msemmija mill-qrati tar-rinviju, l-imsemmi “strajk selvaġġ” intemm wara ftehim li huwa kkonkluda mar-rappreżentanti tal-ħaddiema.

45

Għalhekk, tali strajk ma jistax jiġi kklassifikat bħala “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, b’tali mod li t-trasportatur bl-ajru li jopera jkun jista’ jiġi eżentat mill-obbligu ta’ kumpens impost fuqu fl-Artikolu 5(1)(ċ) u fl-Artikolu 7(1) ta’ dan ir-regolament.

46

Din il-kunsiderazzjoni ma hijiex ikkonfutata mill-fatt li l-imsemmi moviment soċjali għandu jiġi kklassifikat, fis-sens tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli, bħala “strajk selvaġġ”, minħabba li dan ma kienx imniedi uffiċjalment minn sindakat.

47

Fil-fatt, il-konsegwanza tal-fatt li ssir distinzjoni bejn l-istrajkijiet li, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, huma legali u dawk li ma humiex legali sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn għandhomx jiġu kklassifikati bħala “ċirkostanzi staordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, tkun li d-dritt għall-kumpens tal-passiġġieri jiġi suġġett għal-leġiżlazzjoni industrijali rispettiva ta’ kull Stat Membru, a skapitu, għalhekk, tal-għanijiet tar-Regolament Nru 261/2004, previsti fil-premessi 1 u 4 tiegħu, li jiġi żgurat livell ogħli ta’ protezzjoni tal-passiġġieri u kundizzjonijiet armonizzati għall-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ trasportatur bl-ajru fit-territorju tal-Unjoni.

48

Fid-dawl ta’ dak li ġie espost iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel żewġ domandi magħmula fil-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17 kif ukoll għad-domandi magħmula fil-Kawża C‑292/17, għandha tkun li l-Artikolu 5(3) tar-Regolament Nru 261/2004, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza spontanja minn parti kunsiderevoli tal-ekwipaġġ (“strajk selvaġġ”), bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li hija l-konsegwenza tat-tħabbir għall-għarrieda minn trasportatur bl-ajru li jopera ta’ ristrutturazzjoni tal-impriża, insegwitu għal sejħa li ma kinitx imnedija mir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-impriża, iżda li kienet spontanja min-naħa tal-ħaddiema nfushom li ħarġu fuq leave tal-mard, ma hijiex koperta mill-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq it-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17 u fuq id-domandi fil-Kawża C‑292/17 sa fejn dawn jirrigwardaw il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-klassifikazzjoni tal-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali bħala “ċirkostanzi staordinarji”

49

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel u għat-tieni domandi fil-Kawżi C‑195/17, C‑197/17 sa C‑203/17, C‑226/17, C‑228/17, C‑274/17, C‑275/17, C‑278/17 sa C‑286/17, C‑290/17 u C‑291/17, la hemm lok li tingħata risposta għat-tielet u għar-raba domandi f’dawn l-istess kawżi u lanqas għad-domandi fil-Kawża C‑292/17 sa fejn dawn jirrigwardaw il-konsegwenzi li għandhom jinsiltu mill-klassifikazzjoni tal-fatti inkwistjoni fil-kawżi prinċipali bħala “ċirkostanzi staordinarji”.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91, moqri fid-dawl tal-premessa 14 tiegħu, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza spontanja minn parti kunsiderevoli tal-ekwipaġġ (“strajk selvaġġ”), bħal dik inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li hija l-konsegwenza tat-tħabbir għall-għarrieda minn trasportatur bl-ajru li jopera ta’ ristrutturazzjoni tal-impriża, insegwitu għal sejħa li ma kinitx imnedija mir-rappreżentanti tal-ħaddiema tal-impriża, iżda li kienet spontanja min-naħa tal-ħaddiema nfushom li ħarġu fuq leave tal-mard, ma hijiex koperta mill-kunċett ta’ “ċirkostanzi staordinarji” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.