SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

8 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età – Direttiva 2000/78/KE – Esklużjoni tal-esperjenza professjonali miksuba qabel l-età ta’ 18‑il sena – Sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz – Żamma tad-differenza fit-trattament – Moviment liberu tal-ħaddiema – Artikolu 45 TFUE – Regolament (UE) Nru 492/2011 – Artikolu 7(1) – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi teħid inkunsiderazzjoni parzjali tal-perijodi ta’ attività preċedenti”

Fil-Kawża C‑24/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Jannar 2017, fil-proċedura

Österreichischer Gewerkschaftsbund, Gewerkschaft Öffentlicher Dienst

vs

Republik Österreich,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi Presidenta tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħda taġixxi bħala Presidenta tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev (Relatur), E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Settembru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Österreichischer Gewerkschaftsbund, Gewerkschaft Öffentlicher Dienst, minn M. Riedl u M V. Treber-Müller, Rechtsanwälte,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse u J. Schmoll, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn B.-R. Killmann u D. Martin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Diċembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE, tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (ĠU 2011, L 141, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 1, 2, 6 u 17 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 5, Vol. 4, p. 79).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Österreichischer Gewerkschaftsbund, Gewerkschaft öffentlicher Dienst (il-Konfederazzjoni Awstrijaka tas-sindakati, is-Sindakat tas-Servizz Pubbliku, iktar ’il quddiem il-“Gewerkschaftsbund”), u r-Republik Österreich (ir-Repubblika tal-Awstrija) dwar il-legalità tas-sistema federali ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku adottata mil-leġiżlatur Awstrijak sabiex itemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 492/2011

3

Il-Kapitolu I tar-Regolament Nru 492/2011, intitolat “L-Impjieg, l-Ugwaljanza fit-Trattament u l-Familji tal-Ħaddiema”, jinkludi t-Taqsima 2 tiegħu, dwar l-impjieg u l-ugwaljanza fit-trattament. F’din it-taqsima hemm l-Artikolu 7 ta’ dan ir-regolament, li jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Ħaddiem ċittadin ta’ xi Stat Membru ma jistax, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun trattat b’mod differenti minn ħaddiema nazzjonali minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu fir-rigward ta’ kwalunkwe kondizzjoni tal-impjieg u tax-xogħol, partikolarment fir-rigward ta’ paga, tkeċċija u jekk hu jisfa’ mingħajr xogħol, ingaġġ mill-ġdid jew impjieg mill-ġdid.”

Id-Direttiva 2000/78

4

Skont l-Artikolu 1 tagħha, “[l]-iskop [tad-Direttiva 2000/78] huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”

5

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

(a)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

(b)

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

(i)

meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, jew

[...]”

6

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.   Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

(a)

l-istabbiliment ta’ kondizzjonijiet speċjali għall-aċċess għall-impjieg u t-taħriġ professjonali, l-impjieg u x-xogħol, inkluzi l-kundizzjonijiet ta’ sensji u pagi, għaż-żgħażagħ, ħaddiema ta’ età, u persuni li jkollhom responsabbilitajiet li jieħdu ħsieb persuni oħra sabiex jippromwovu l-integrazzjoni professjonali tagħhom jew jiżguraw il-protezzjoni tagħhom;

(b)

L-iffissar ta’ kondizzjonijiet minimi ta’ età, esperjenza professjonali jew anzjanità f’servizz għall-aċċess ta’ mpjieg jew għal ċerti vantaġġi marbuta ma’ l-impjieg;

(c)

l-iffissar ta’ età massima għal reklutaġġ li tkun ibbażata fuq ħtiġiet ta’ formazzjoni tal-post inkwistjoni jew fuq il-ħtieġa ta’ perijodu raġjonevoli ta’ mpjieg qabel l-irtirar.

2.   Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

7

L-Artikolu 17 ta’ din l-istess direttiva jistipula:

“L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kumissjoni dwar dawk id-dispożizzjonijet sa mhux aktar tard mit‑2 ta’ Diċembru 2003 u għandhom jinnotifikawha mingħajr dewmien b’kull emenda sussegwenti li taffettwahom.”

Id-dritt Awstrijak

8

Il-qorti tar-rinviju tesponi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Istat ġiet emendata diversi drabi, minħabba li ċerti dispożizzjonijiet kienu kuntrarji għad-dritt tal-Unjoni. Is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz ta’ dawn il-membri tal-persunal, wara emendi leġiżlattivi li saru matul is-snin 2015 u 2016, hija intiża li ttemm b’mod partikolari diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li kienet tirriżulta mis-sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz fis-seħħ preċedentement.

Il-Liġi dwar l-Istatus tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt

9

L-Artikolu 19 tal-Vertragsbedienstetengesetz 1948 (il-Liġi tal‑1948 dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt), kif emendata bil-Liġi Federali tat‑30 ta’ Awwissu 2010 (BGBl. I, 82/2010) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt”), kien jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-avvanz huwa ddeterminat skont data ta’ referenza. Ħlief għal dispożizzjoni kuntrarja f’dan l-artikolu, il-perijodu neċessarju għal avvanz għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg huwa ta’ ħames snin u ta’ sentejn għall-iskali l-oħra.”

10

L-Artikolu 26(1) tal-Liġi dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt kien jiddisponi:

“Bla ħsara għar-restrizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 4 sa 8, id-data ta’ referenza li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-avvanz fl-iskala għandha tiġi kkalkolata billi wieħed imur lura għall-jum tar-reklutaġġ fir-rigward ta’ perijodi sussegwenti għat‑30 ta’ Ġunju tas-sena li matulha jkunu twettqu disa’ snin ta’ skola jew kienu jitwettqu wara ammissjoni fl-ewwel livell ta’ tagħlim:

1.

il-perijodi elenkati fil-paragrafu 2 għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom;

2.

il-perijodi l-oħrajn [...]”

Il-Liġi Emendata dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt

11

Bil-għan li tiġi rrimedjata d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età kkonstatata fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑18 ta’ Ġunju 2009, Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381), u tal‑11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359), il-Liġi dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt ġiet emendata b’effett retroattiv bil-Bundesbesoldungsreform 2015 (il-Liġi Federali dwar ir-Riforma fis-Salarji tal‑2015, BGB1. I, 32/2015) u bil-Besoldungsrechtsanpassungsgesetz (il-Liġi li Tirriforma s-Salarji) tas‑6 ta’ Diċembru 2016 (BGB1. I, 104/2016) (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt”).

12

Taħt it-titolu “Klassifikazzjoni u avvanz”, l-Artikolu 19 tal-Liġi Emendata dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“[...] Il-klassifikazzjoni u l-avvanz fil-karriera ulterjuri huma stabbiliti abbażi tal-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni.”

13

Skont l-Artikolu 26 tal-Liġi Emendata dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt, intitolat “Anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni”:

“1.   L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni tinkludi l-perijodi ta’ servizz utli għall-avvanz, miżjuda bil-perijodi ta’ servizz preċedenti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni.

2.   L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, bħala perijodi ta’ servizz preċedenti, il-perijodi mwettqa

1)

fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera;

2)

fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ korp tal-Unjoni Ewropea jew ma’ organizzazzjoni intergovernattiva li r-Repubblika tal-Awstrija hija membru tagħhom;

3)

il-perijodi li matulhom il-membru tal-persunal bil-kuntratt kellu dritt għal pensjoni tal-invalidità bis-saħħa tal-Heeresversorgungsgesetz (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Forzi Armati) [...], u

4)

il-perijodi mwettqa:

a)

fis-servizz militari [...],

b)

fis-servizz ta’ taħriġ militari [...],

c)

fis-servizz ċivili [...],

d)

fis-servizz militari obbligatorju, fis-servizz ta’ taħriġ militari paragunabbli jew fis-servizzi ċivili ta’ sostituzzjoni fi Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera.

[...]

3.   Minbarra l-perijodi msemmija fil-paragrafu 2, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni, bħala perijodi ta’ servizz preċedenti, il-perijodi ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali jew ta’ stage ma’ amministrazzjoni rilevanti, għal mhux iktar minn total ta’ għaxar snin. [...]”

14

L-Artikolu 94a tal-Liġi Emendata dwar il-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt tipprevedi li, fit-trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, għandhom jiġu applikati l-Artikoli 169d, 169e u 169f tal-Gehaltsgesetz 1956 (il-Liġi dwar is-Salarji tal‑1956, BGB1. 54/1956), kif emendata bil-Liġi Federali dwar ir-Riforma fis-Salarji tal‑2015 u bil-Liġi li Tirriforma s-Salarji tal‑2016 (iktar ’il quddiem il-“Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni”), li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni mill-ġdid tal-membri tal-persunal diġà fis-servizz f’din is-sistema l-ġdida.

15

Skont il-punt 3 tal-Artikolu 100(70) tal-Liġi Emendata dwar l-Istatus tal-Membri tal-Persunal bil-Kuntratt, l-Artikoli 19 u 26 ta’ din il-liġi, inklużi it-titoli tagħhom, jidħlu fis-seħħ fil-verżjoni tal-Liġi Federali dwar ir-Riforma fis-Salarji tal‑2015, ippubblikata fil-BGB1. I, 32/2015, “fl‑1 ta’ Lulju 1948; il-verżjonijiet kollha ta’ dawn id-dispożizzjonijiet ippubblikati qabel il‑11 ta’ Frar 2015 ma jistgħux jiġu applikati iktar fil-proċeduri pendenti jew futuri”.

Il-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni

16

Skont l-Artikolu 169d tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni:

“(1)   L-uffiċjali kollha ta’ kategoriji ta’ remunerazzjoni u ta’ impjieg imsemmija fl-Artikolu 169e, li huma fis-servizz fil‑11 ta’ Frar 2015, ser jiġu kklassifikati mill-ġdid, skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin u abbażi biss tas-salarju preċedenti tagħhom, fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni maħluqa b’din il-liġi federali. Fl-ewwel stadju, l-uffiċjali ser jiġu kklassifikati, skont is-salarju preċedenti tagħhom, fi skala tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni li fiha jinżamm is-salarju preċedenti. [...]

(2)   It-trasferiment tal-uffiċjal fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni jsir permezz ta’ kalkolu globali tal-anzjanità tiegħu fis-sistema ta’ remunerazzjoni. L-ammont ta’ trasferiment huwa determinanti għall-kalkolu globali. L-ammont ta’ trasferiment jikkorrispondi għas-salarju sħiħ mingħajr eventwali avvanz eċċezzjonali, kif użat għall-kalkolu tas-salarju tal-uffiċjal għax-xahar ta’ Frar 2015 (ix-xahar tat-trasferiment). [...]

(2a)   L-ammont li għandu jintuża bħala ammont ta’ trasferiment huwa dak tal-iskala ta’ salarju li kien effettivament determinanti għar-remunerazzjoni mħallsa għax-xahar tat-trasferiment (klassifikazzjoni skont id-dikjarazzjoni tas-salarju). Huwa eskluż li jsir eżami dwar il-korrettezza tal-bażi tas-salarju kif ukoll tal-ammont tiegħu. Ma għandhiex tiġi kkunsidrata korrezzjoni ulterjuri tas-salarji mħallsa għall-kalkolu tal-ammont ta’ trasferiment ħlief jekk

1.

din il-korrezzjoni ssir minħabba żbalji fattwali li saru meta d-data ddaħħlet f’sistema awtomatika ta’ trattament tal-informazzjoni, u

2.

id-data mdaħħla bi żball hija differenti b’mod ċar mid-data li kellha tiddaħħal, kif jipprovaw d-dokumenti diġà eżistenzi fil-mument meta ddaħħlet.

(2b)   Meta, fir-rigward tal-ammont, il-klassifikazzjoni effettiva konformement mal-livell tas-salarju tkun inqas mill-klassifikazzjoni ggarantita mil-liġi, għall-kalkolu tal-ammont ta’ trasferiment tinżamm, fuq it-talba tal-uffiċjal, il-klassifikazzjoni ggarantita bil-liġi, jekk ma jkunx possibbli li wieħed jipproċedi skont l-Artikolu 169e(5), minħabba l-eżistenza ta’ sempliċi klassifikazzjoni provviżorja. Il-klassifikazzjoni ggarantita mil-liġi hija dik li tikkorrispondi mal-iskala ta’ remunerazzjoni fid-data ta’ referenza. Id-data ta’ referenza hija dik tal-ġurnata li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni, billi wieħed imur lura fiż-żmien qabel l-ewwel ġurnata tax-xahar ta’ trasferiment, tal-perijodi li ġejjin. Hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni b’lura:

1.

il-perijodi mwettqa bħala perijodi ta’ attività sad-data tal-bidu tax-xahar tat-trasferiment, sa fejn dawn jiġu wara l-età ta’ 18‑il sena u jkunu saru utli għall-avvanz kif ukoll

2.

il-perijodi ta’ wara il-jum tar-reklutaġġ, sa fejn dawn ikunu saru utli għall-avvanz.

It-teħid inkunsiderazzjoni b’lura ta’ perijodi oħrajn huwa eskluż. Meta jkunu għaddew sentejn sa mid-data ta’ referenza, tiġi applikata bħala klassifikazzjoni ggarantita mil-liġi l-iskala ta’ remunerazzjoni superjuri li jmiss. Skala ta’ remunerazzjoni titqies li ntlaħqet fl‑1 ta’ Jannar jew fl‑1 ta’ Lulju fl-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn, sa fejn l-avvanz ma jkunx ġie pospost jew sospiż f’dik id-data. It-terminu ta’ sentejn jitqies li jkun skada fl‑1 ta’ Jannar jew fl-1 ta’ Lulju, rispettivament, meta huwa jintemm qabel l-iskadenza tal‑31 ta’ Marzu jew tat‑30 ta’ Settembru ta’ wara, rispettivament.

(2b)   Il-paragrafi 2a u 2b jittrasponu fid-dritt Awstrijak, fil-qasam tar-Regolamenti tal-Persunal federali u tal-għalliema tal-Länder, l-Artikoli 2 u 6 tad-[Direttiva 2000/78] kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fis-sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005). Il-modalitajiet ta’ trasferiment tal-uffiċjali innominati qabel id-dħul fis-seħħ tar-riforma federali tar-remunerazzjonijiet tal‑2015 għaldaqstant ġew stabbiliti fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u jipprevedu li, minn naħa, l-iskala ta’ remunerazzjoni li issa huma marbuta magħha hija ddeterminata biss abbażi tas-salarju li kellhom taħt is-sistema ta’ remunerazzjoni l-antika, minkejja li din is-sistema kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni minħabba l-età tal-uffiċjal u li, min-naħa l-oħra, l-avvanz ulterjuri għal skala ta’ remunerazzjoni ogħla issa hija kkalkolata biss skont l-esperjenza professjonali miksuba mid-dħul fis-seħħ tar-riforma tar-remunerazzjonijiet tal‑2015.

(3)   L-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-uffiċjal ikklassifikat mill-ġdid hija stabbilita abbażi tal-perijodu neċessarju għall-avvanz mill-ewwel skala ta’ remunerazzjoni (mill-ewwel ġurnata) sal-iskala ta’ remunerazzjoni tal-istess kategorija ta’ impjieg li għaliha huwa previst, fil-verżjoni fis-seħħ fit‑12 ta’ Frar 2015, is-salarju inqas l-iktar qrib tal-ammont ta’ trasferiment. Jekk l-ammont ta’ trasferiment jikkorrispondi għall-ammont l-iktar baxx ta’ skala ta’ remunerazzjoni fl-istess kategorija ta’ impjieg, allura tinżamm din l-iskala. L-ammonti kollha pparagunati għandhom jitqarrbu għall-eqreb unità f’EUR.

(4)   L-anzjanità fil-livell ta’ remunerazzjoni stabbilita fil-paragrafu 3 għandha tiġi miżjuda bil-perijodu ta’ bejn id-data tal-aħħar żieda fis-salarju u l-iskadenza tax-xahar ta’ trasferiment sa fejn dan il-perijodu huwa utli għall-avvanz.

[...]

(6)   [...] Jekk is-salarju l-ġdid tal-uffiċjal huwa inqas mill-ammont ta’ trasferiment, huwa jitħallas allowance sad-differenza tal-ammont, meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, bħala allowance kumplimentari [...], sakemm jilħaq skala ta’ remunerazzjoni ogħla mill-ammont ta’ trasferiment. Il-paragun tal-ammonti jinkludi l-eventwali allowances ta’ anzjanità u l-avvanzi straordinarji.

[...]

(9)   Sabiex jiġu protetti l-aspettativi għall-avvanz suċċessiv, għall-avvanz straordinarju jew għall-allowance ta’ anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni l-antika, meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-pensjoni tal-irtirar, l-uffiċjal huwa intitolat għal allowance kumplimentari [...], malli jilħaq l-iskala tranżitorja [...]

[...]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

It-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn, minn naħa, il-Gewerkschaftsbund, sindakat li jirrappreżenta, b’mod partikolari, il-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-servizz pubbliku u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Awstrija, fil-kwalità tagħha ta’ persuna li timpjega.

18

Il-Gewerkschaftsbund ippreżenta rikors quddiem l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema, l-Awstrija), skont l-Artikolu 54(2) tal-Arbeits- und Sozialgerichtsgesetz (il-Liġi dwar il-Qrati Industrijali u d-Dritt Soċjali), intiż sabiex jiġi kkonstatat li s-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-membri tal-persunal bil-kuntratt hija kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

19

Insostenn tar-rikors tiegħu, il-Gewerkschaftsbund argumenta li s-sistema l-ġdida żammet id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, għar-raġuni li r-remunerazzjoni dovuta għax-xahar ta’ Frar 2015 ittieħdet bħala punt ta’ referenza għas-sistema l-ġdida sabiex issir il-klassifikazzjoni salarjali mill-ġdid tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernati. Huwa żied li t-tħassir retroattiv tad-“data ta’ referenza għall-finijiet tal-avvanz”, li sa dak iż-żmien kienet applikabbli għal dawn il-membri tal-persunal, kien iċaħħad lil dawn tal-aħħar mill-possibbiltà li jitolbu stħarriġ tal-legalità tal-imsemmija remunerazzjoni.

20

L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tistaqsi, minn naħa, jekk il-modalitajiet tat-trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz lejn is-sistema l-ġdida, b’mod partikolari sa fejn din ma tipprevedi ebda kumpens finanzjarju għall-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati u li s-sistema l-ġdida tipprekludi lill-membri tal-persunal bil-kuntratt ikklassifikati mill-ġdid milli jiksbu eżami mill-ġdid tad-data ta’ referenza tagħhom skont ir-regoli tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, humiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni.

21

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tar-regoli tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, skont liema, l-esperjenza professjonali preċedenti tittieħed inkunsiderazzjoni skont modalitajiet li jvarjaw skont il-persuna li timpjega li magħha tkun ġiet akkwistata tali esperjenza.

22

Dik il-qorti tosserva li l-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni hija intiża li tevita li jkun hemm tnaqqis sostanzjali fil-livell ta’ remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ittrasferiti. L-imsemmija qorti żżid li din ir-riforma tissodisfa wkoll għan ta’ newtralità fir-rigward ta’ spejjeż. Barra minn hekk, minħabba n-numru kbir ħafna ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernati, ma kienx ikun possibbli li jitwettaq, f’terminu qasir, eżami individwali tas-sitwazzjoni ta’ kull wieħed minn dawn il-membri tal-persunal qabel il-klassifikazzjoni mill-ġdid tagħhom.

23

L-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) tqis li hemm differenza kbira bejn ir-riforma li tirriżulta mil-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni u s-sistemi ta’ remunerazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat fil-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561). B’mod iktar partikolari, skont dik il-qorti, is-sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz inkwistjoni f’dawn il-kawżi kienet diskriminatorja minħabba l-età, sa fejn l-età tal-impjegati kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni bħala kriterju ta’ referenza. Ebda kategorija ta’ impjegati ma ġiet ivvantaġġata b’dan il-mod. Minħabba dan il-fatt, l-impjegati kollha fis-servizz, jew għall-inqas parti kbira minnhom, kienu affettwati bis-sistema diskriminatorja l-antika. Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, taħt il-kappa tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, kategorija ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt ġiet żvantaġġata, jiġifieri l-kategorija tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li akkwistaw esperjenza qabel l-età ta’ 18‑il sena.

24

Fil-kuntest tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, dawn il-membri tal-persunal bil-kuntratt ma jistgħux jiksbu eżami mill-ġdid tad-data ta’ referenza hekk kif tirriżulta mill-applikazzjoni tar-regoli tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz. Madankollu, din is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz ma ċċaħħadhomx mid-dritt li jippreżentaw quddiem qorti rikors effettiv sabiex tiġi mistħarrġa l-validità ta’ regola ta’ din is-sistema fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u tad-dritt Kostituzzjonali Awstrijak.

25

Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Oberster Gerichtshof (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva [2000/78], moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li (fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18‑il sena) tissostitwixxi sistema ta’ remunerazzjoni diskriminatorja abbażi tal-età b’sistema ġdida ta’ remunerazzjoni, iżda li tipprevedi t-trasferiment tal-impjegati eżistenti lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni billi tiffissa b’mod retroattiv id-dħul fis-seħħ tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni għad-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi inizjali, filwaqt li tiddetermina l-ewwel klassifikazzjoni fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni skont is-salarju effettivament imħallas konformement mas-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni, għal xahar ta’ trasferiment speċifiku (Frar 2015), b’tali mod li d-diskriminazzjoni eżistenti preċedentement abbażi tal-età tinżamm fl-effetti finanzjarji tagħha?

b)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda [il-punt (a)]:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 tad-Direttiva [2000/178], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impjegati eżistenti li ġew iddiskriminati fis-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ servizz imwettqa qabel ma għalqu t-18‑il sena, għandhom jiksbu kumpens finanzjarju jekk din id-diskriminazzjoni abbażi tal-età tinżamm fl-effetti finanzjarji tagħha anki wara t-trasferiment lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni?

c)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda [il-punt (a)]:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 47 tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv li huwa msemmi fih jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li s-sistema preċedenti ta’ remunerazzjoni diskriminatorja ma tistax tibqa’ tiġi applikata fil-proċeduri pendenti jew futuri u li r-riklassifikazzjoni salarjali tal-impjegati eżistenti fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni hija ddeterminata biss abbażi tas-salarju li għandu jiġi kkalkolat u mħallas għax-xahar tat-trasferiment?

2)

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari [l-Artikolu] 45 TFUE, [l-Artikolu] 7(1) tar-Regolament [Nru 492/2011], u [l-Artikoli] 20 et seq tal-[Karta], għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tipprevedi li l-perijodi ta’ servizz imwettqa preċedentement minn membru tal-persunal bil-kuntratt għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni

fl-integralità tagħhom meta jkunu twettqu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, ma’ korp tal-Unjoni Ewropea jew ma’ organizzazzjoni intergovernattiva li l-Awstrija hija membru tagħhom, jew ma’ entitajiet simili oħra,

għal mhux iktar minn total ta’ għaxar snin meta jkunu twettqu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ persuna oħra li timpjega, biss meta l-attività professjonali jew l-istage ma’ amministrazzjoni jkunu rilevanti?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq il-punt (a) tal-ewwel domanda

26

Permezz tal-punt (a) tal-ewwel domanda tagħa, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li daħlet fis-seħħ b’mod retroattiv, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tipprevedi trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li fil-kuntest tagħha l-ewwel klassifikazzjoni ta’ dawn il-membri tal-persunal bil-kuntratt hija ddeterminata skont l-aħħar remunerazzjoni li huma rċevew taħt is-sistema l-antika.

27

L-ewwel nett, għandu jiġi mistħarreġ jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkunsidrata toħloqx differenza fit-trattament fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2000/78.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-prinċipju ta’ “ugwaljanza fit-trattament” ifisser li ma għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta bbażata fuq xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva. L-Artikolu 2(2)(a) tagħha jippreċiża li, għall-finijiet tal-paragrafu 1 tagħha, għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli minn persuna oħra f’sitwazzjoni paragunabbli, abbażi ta’ xi waħda mir-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

29

Fil-kawża prinċipali, il-kategoriji ta’ persuni rilevanti għall-finijiet ta’ dan il-paragun huma, minn naħa, il-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz fil-mument tat-trasferiment li l-esperjenza professjonali tagħhom ġiet akkwistata, anki parzjalment, qabel l-età ta’ 18-il sena (iktar ’il quddiem il-“membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati bis-sistema l-antika”) u, min-naħa l-oħra, dawk li kisbu, wara li laħqu din l-età, esperjenza tal-istess natura u ta’ perijodu paragunabbli (iktar ’il quddiem il-“membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati bis-sistema l-antika”).

30

Mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-leġiżlatur Awstrijak, permezz tal-adozzjoni tal-Artikolu 169d tal-Liġi emendata dwar ir-remunerazzjoni, daħħal mekkaniżmu ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid magħmul skont “ammont ta’ trasferiment” ikkalkulat skont r-regoli tas-sistema preċedenti. B’mod iktar partikolari, dan l-“ammont ta’ trasferiment” li, skont l-Artikolu 169d(2) ta’ din il-liġi, huwa determinanti għall-iffissar globali tal-anzjanità tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ittrasferiti fis-sistema ta’ remunerazzjoni, huwa kkalkolat abbażi tar-remunerazzjoni mħallsa lil dawn il-membri tal-persunal fix-xahar ta’ qabel it-trasferiment tagħhom fis-sistema l-ġdida.

31

Issa, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tippreżenta karatteristiċi simili għal dawk tas-sistema inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359).

32

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dik is-sentenza, li leġiżlazzjoni nazzjonali li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-konfront tal-uffiċjali, tieħu inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ taħriġ u ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18‑il sena iżda li, fl-istess waqt, iddaħħal fil-konfront biss tal-uffiċjali vittmi ta’ din id-diskriminazzjoni, estensjoni ta’ tliet snien għall-perijodu neċessarju sabiex wieħed ikun jista’ jgħaddi mill-ewwel għat-tieni skala ta’ kull kategorija ta’ impjieg u ta’ kull kategorija salarjali, iżżomm diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(a) u tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

33

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess użat fl-Artikolu 169d(2d) tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni jirriżulta li s-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz kienet ibbażata fuq diskriminazzjoni bbażata fuq l-età tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

34

F’dawn il-kundizzjonijiet, mekkaniżmu ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid, bħal dak stabbilit mil-Liġi emendata dwar ir-remunerazzjoni, espost fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, jista’ jżomm l-effetti prodotti mis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, minħabba r-rabta li huwa jistabbilixxi bejn l-aħħar salarju rċevut skont din is-sistema u l-klassifikazzjoni fis-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

35

Għaldaqstant għandu jitqies li l-Artikolu 169d tal-Liġi emendata dwar ir-remunerazzjoni żżomm differenza fit-trattament bejn il-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati bis-sistema l-antika u l-membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati b’din is-sistema, sa fejn l-ammont tar-remunerazzjoni li ser jiġi rċevut minn dawk tal-ewwel ser ikun inqas minn dak li ser jitħallas lil dawk tal-aħħar, u dan biss minħabba l-età li huma kellhom fid-data tar-reklutaġġ tagħhom, minkejja li huma jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland, C‑20/13, EU:C:2015:561, punt 40).

36

Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk din id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

37

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78 jippreċiża li l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li differenzi fit-trattament abbażi tal-età ma jikkostitwixxux diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, huma oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati b’għanijiet leġittimi, b’mod partikolari b’għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u tat-taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu xierqa u neċessarji.

38

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’mod irrepetut iddeċidiet li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ fl-għażla mhux biss tat-tfittxija ta’ għan partikolari fost għanijiet oħra fil-qasam tal-politika soċjali u tal-impjieg, iżda wkoll fid-definizzjoni tal-miżuri li kapaċi jilħquh (sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija, qabelxejn, intiża sabiex tistabbilixxi sistema ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz mhux diskriminatorja. Dik il-qorti tippreċiża li l-imsemmija leġiżlazzjoni tfittex għanijiet ta’ newtralità finanzjarja, ta’ ekonomija amministrattiva, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

40

F’dak li jirrigwarda, minn naħa, l-għan ta’ newtralità finanzjarja tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li l-Istati Membri jieħdu inkunsiderazzjoni ta’ kunsiderazzjonijiet baġitarji b’mod parallel ma’ kunsiderazzjonijiet pubbliċi, soċjali jew demografiċi, sa fejn meta jagħmlu dan, huma josservaw, b’mod partikolari, il-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età. F’dan ir-rigward, minkejja li kunsiderazzjonijiet baġitarji jistgħu jkunu l-bażi tal-għażliet ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru u jinfluwenzaw in-natura jew il-portata tal-miżuri li huwa jkun jixtieq jadotta, tali kunsiderazzjonijiet waħedhom ma jistgħux jikkostitwixxu għan leġittimu, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78. L-istess jgħodd f’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet amministrattivi msemmija mill-qorti tar-rinviju u mill-Gvern Awstrijak (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 36).

41

Fir-rigward, minn naħa, tar-rispett tad-drittijiet kweżiti u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tal-membri tal-persunal bil-kuntratt vantaġġati bis-sistema l-antika f’dak li jikkonċerna r-remunerazzjoni tagħhom, għandu jiġi rrilevat li dawn jikkostitwixxu għanijiet leġittimi ta’ politika tal-impjieg u tas-suq tax-xogħol li jistgħu jiġġustifikaw, għal perijodu tranżitorju, iż-żamma tar-remunerazzjonijiet preċedenti u, konsegwentement, dik ta’ differnza fit-trattament ibbażata fuq l-età (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Novembru 2014, SchmitzerC‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 42).

42

Madankollu, dawn l-għanijiet ma jistgħux jiġġustifikaw miżura li żżomm b’mod definittiv, anki jekk għal ċerti persuni biss, id-differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età li r-riforma li din il-miżura tagħmel parti minnha hija intiża li telimina. Tali miżura ma hijiex xierqa sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-kategorija tal-persuni żvantaġġati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-każ, l-Artikolu 169d tal-Liġi Emendata dwar ir-Remunerazzjoni jipprevedi diversi mekkaniżmi sabiex jiġi evitat tnaqqis sinjifikanti tar-remunerazzjoni tal-membri tal-persunal bil-kuntratt ikklassifikati mill-ġdid. Fost dawn il-mekkaniżmi hemm il-ħlas ta’ allowance sad-differenza bejn l-ammont tas-salarju l-ġdid irċevut mill-membru tal-persunal bil-kuntratt ittrasferit u l-ammont ta’ trasferiment. Dan l-allowance jingħata minħabba l-fatt li, wara t-trasferiment tiegħu, il-membru tal-persunal bil-kuntratt ikun jaqa’ taħt skala tas-salarju tas-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li tikkorrispondi ma’ livell ta’ salarju li jiġi eżatt taħt dak li kien jirċievi skont is-sistema l-antika. Fost l-imsemmija mekkaniżmi hemm ukoll iż-żieda ta’ bejn 6 u 18‑il xahar tal-anzjanità fis-sistema ta’ remunerazzjoni tal-membru tal-persunal bil-kuntratt ittrasferit.

44

Issa, bħalma ppreċiża l-Gvern Awstrijak matul is-seduta, dawn il-mekkaniżmi kollha japplikaw, mingħajr distinzjoni, għall-membri tal-persunal bil-kuntratt kollha li ġew ittrasferiti b’mod sħiħ lejn is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz, irrispettivament minn jekk ġewx żvantaġġati jew le bis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz.

45

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jitqies li, b’differenza għall-kawżi li taw lok għas-sentenzi tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005), kif ukoll tad‑9 ta’ Settembru 2015, Unland (C‑20/13, EU:C:2015:561), li fihom id-differenza fis-salarju bejn iż-żewġ kategoriji ta’ membri tal-persunal inkwistjoni f’dawn il-kawżi naqset jew anki, f’ċerti każijiet, tneħħiet gradwalment, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża odjerna ma jirriżultax li l-mekkaniżmi previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jippermettu konverġenza progressiva tas-salarju rriżervat għall-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati bis-sistema l-antika lejn is-salarju mogħti lill-membri tal-persunal vantaġġati, b’tali mod li tal-ewwel jibbenefikaw fi żmien medju, jew anki fi żmien qasir, minn aġġustament tal-benefiċċji mogħtija lil dawn tal-aħħar. Konsegwentement, l-imsemmija mekkaniżmi ma għandhomx l-effett li jtaffu, wara perijodu ddeterminat, id-differenza fis-salarju li teżisti bejn il-membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati u l-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati.

46

B’dan il-mod, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex xierqa sabiex tistabbilixxi sistema nondiskriminatorja għall-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati bis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz. Għall-kuntrarju, din iżżomm fil-konfront tagħhom id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tirriżulta mis-sistema l-antika.

47

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 1, 2 u 6 tad-Direttiva 2000/78, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li daħlet fis-seħħ b’mod retroattiv, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tipprevedi trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li fil-kuntest tagħha l-ewwel klassifikazzjoni ta’ dawn il-membri tal-persunal bil-kuntratt hija ddeterminata skont l-aħħar remunerazzjoni li huma rċevew taħt is-sistema preċedenti.

Fuq il-punt (b) tal-ewwel domanda

48

Il-punt (b) tal-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju jirrigwarda l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78.

49

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw is-sistema tas-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li jiġu applikati. Is-sanzjonijiet, li jistgħu jinvolvu l-pagament ta’ kumpens lill-vittma, għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

50

Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan l-artikolu għandu l-għan li jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprevedu sistema ta’ sanzjonijiet għal kwalunkwe ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ April 2013, Asociația Accept, C‑81/12, EU:C:2013:275, punt 61).

51

Issa, fil-kawża prinċipali, mill-proċess fid-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li inkwistjoni hemm ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati għall-finijiet tat-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva.

52

Għaldaqstant l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2000/78 ma hijiex neċessarja għall-finijiet tas-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali.

53

Konformement mal-possibbiltà rrikonoxxuta minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, u b’mod partikolari mis-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2017, Beshkov (C‑171/16, EU:C:2017:710, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), għandu jiġi fformulat mill-ġdid il-punt (b) tal-ewwel domanda, bħala li jirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpetat fis-sens li, sa fejn tkun ġiet ikkonstatata diskriminazzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-istabbiliment mill-ġdid ta’ ugwaljanza fit-trattament, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvolvi l-għoti lill-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati bis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-istess vantaġġi bħal dawk li setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati b’din is-sistema, f’dak li jirrigwarda kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18‑il sena, kif ukoll l-avvanz fil-livell ta’ remunerazzjoni u, konsegwentement, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-membri tal-persunal bil-kuntratt iddiskriminati.

54

F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, huma l-qrati nazzjonali li għandhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni tar-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u skont il-metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mad-Direttiva 2000/78 mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 74).

55

Jekk ma jkunx possibbli li tingħata interpretazzjoni u applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mal-eżiġenzi ta’ din id-direttiva, għandu jitfakkar ukoll li, skont il-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni, li jibbenefika minnu wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni abbażi tal-età, leġiżlazzjoni nazzjonali kuntrarja li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma għandhiex tiġi applikata (sentenza tad‑19 ta’ Ġunju 2014, Specht et, C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 89).

56

Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, meta diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jista’ biss jiġi żgurat permezz tal-għoti lill-persuni tal-kategorija żvantaġġata tal-istess vantaġġi bħal dawk li jibbenefikaw minnhom il-persuni tal-kategorija pprivileġġata. Il-persuni żvantaġġati għandhom għalhekk jitqiegħdu fl-istess sitwazzjoni tal-persuni li jibbenefikaw mill-vantaġġ ikkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

F’sitwazzjoni bħal din, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha mil-leġiżlatur, u għandha tapplika għall-kategorija tal-persuni li huma żvantaġġati l-istess sistema li minnha jibbenefikaw il-persuni tal-kategorija l-oħra. Il-qorti nazzjonali għandha dan l-obbligu indipendentement mill-eżistenza, fid-dritt intern, ta’ dispożizzjonijiet li jagħtuha l-kompetenza sabiex tagħmel dan (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Madankollu, tali soluzzjoni tista’ tapplika biss fil-preżenza ta’ sistema ta’ riferiment valida (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan il-każ, minn naħa, bħalma jirriżulta mir-risposta għall-punt (a) tal-ewwel domanda, u b’mod partikolari mill-punti 32 u 33 ta’ din is-sentenza, ir-regoli tas-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz jistabbilixxu diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età, fis-sens tad-Direttiva 2000/78.

60

Min-naħa l-oħra, ir-regoli ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz applikabbli għall-membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati huma dawk li jippermettu lill-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati li javvanzaw fl-iskali mingħajr ebda diskriminazzjoni.

61

Għaldaqstant, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid l-ugwaljanza fit-trattament, l-istabbiliment mill-ġdid tagħha, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvolvi l-għoti lill-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati mis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-istess vantaġġi bħal dawk li setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati b’din is-sistema, f’dak li jirrigwarda kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18‑il sena kif ukoll l-avvanz fil-livell tar-remunerazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Jannar 2015, Starjakob, C‑417/13, EU:C:2015:38, punt 48).

62

Minn dan isegwi wkoll li membru tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġat bis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz għandu dritt jikseb il-ħlas, mill-persuna li timpjegah, ta’ kumpens li jammonta għad-differenza bejn l-ammont tar-remunerazzjoni li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat kien jirċievi li kieku ma ġiex ittrattat b’mod diskriminatorju u r-remunerazzjoni li huwa effettivament irċieva.

63

Għandu jitfakkar li kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 61 u 62 ta’ din is-sentenza japplikaw biss sakemm miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament ma jkunux ġew adottati mil-leġiżlatur nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 87).

64

Fil-fatt, għandu jitqies li, għalkemm l-Istati Membri, konformement mal-Artikolu 16 tad-Direttiva 2000/78, għandhom l-obbligu li jħassru l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi kuntrarji għall-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan l-artikolu madankollu ma jimponilhomx jadottaw miżuri speċifiċi fil-każ ta’ ksur tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni, iżda jħallilhom il-libertà jagħżlu, minn fost id-diversi soluzzjonijiet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, dak li huma jqisu bħala l-iktar adatt għal dan il-għan, skont is-sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu (sentenza tat‑22 ta’ Jannar 2019, Cresco Investigation, C‑193/17, EU:C:2019:43, punt 88).

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (b) tal-ewwel domanda għandha tkun li, fl-ipoteżi li dispożizzjonijiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jiġu interpretati b’mod li jkun konformi mad-Direttiva 2000/78, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tiżgura, fil-qafas tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġudizzjarja li tirriżulta għall-partijiet f’kawża minn din id-direttiva u li tiggarantixxi l-effettività sħiħa tagħha, billi tħalli jekk ikun hemm bżonn mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja. Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvolvi l-għoti lill-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati bis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-istess vantaġġi bħal dawk li setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati b’din is-sistema, f’dak li jirrigwarda kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18‑il sena, kif ukoll l-avvanz fil-livell ta’ remunerazzjoni u, konsegwentement, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-membri tal-persunal bil-kuntratt iddiskriminati li jammonta għad-differenza bejn l-ammont ta’ remunerazzjoni li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat kien jirċievi li kieku ma kienx ġie ttrattat b’mod diskriminatorju u l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa effettivament irċieva.

Fuq il-punt (c) tal-ewwel domanda

66

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-punt (a) tal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għall-punt (c) tal-ewwel domanda.

Fuq it-tieni domanda

67

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li bis-saħħa tagħha, sabiex tiġi ddeterminata l-anzjanità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sistema ta’ remunerazzjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom il-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, korp tal-Unjoni jew dak ta’ organizzazzjoni intergovernattiva li r-Repubblika tal-Awstrija hija membru tagħha, jew ma’ entitajiet simili oħrajn, filwaqt li kull perijodu ieħor ta’ attività preċedenti jittieħed inkunsiderazzjoni biss sa għaxar snin u sa fejn huwa rilevanti.

68

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 45(2) TFUE jipprevedi li l-moviment liberu tal-ħaddiema jinvolvi t-tneħħija ta’ kull diskriminazzjoni, ibbażata fuq in-nazzjonalità, bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri, f’dak li jirrigwarda l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra ta’ xogħol.

69

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 jikkostitwixxi biss l-espressjoni partikolari tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 45(2) TFUE fil-qasam speċifiku tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, u li għalhekk, għandu jiġi interpretat bl-istess mod bħal dan l-artikolu tal-aħħar (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 23).

70

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jidħol kemm fl-Artikolu 45 TFUE kif ukoll fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011 u jipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni diretta, ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda wkoll il-forom kollha ta’ diskriminazzjoni indiretta li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħra ta’ distinzjoni, iwasslu fil-fatt għall-istess riżultat (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 35).

71

B’dan il-mod, dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, għalkemm applikabbli b’mod indistint skont in-nazzjonalità, għandha titqies bħala indirettament diskriminatorja meta hija tista’, min-natura tagħha stess, taffettwa kemm lill-ħaddiema migranti kif ukoll lill-ħaddiema nazzjonali u, konsegwentement, toħloq ir-riskju li toħloq żvantaġġ b’mod iktar partikolari lil tal-ewwel, sakemm ma tkunx oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata għall-għan imfittex (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Eschenbrenner, C‑496/15, EU:C:2017:152, punt 36).

72

F’dan il-każ, minn naħa, huwa evidenti li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni tapplika għall-membri tal-persunal bil-kuntratt mingħajr distinzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità tagħhom.

73

Għaldaqstant, ma jidhirx li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali toħloq differenza fit-trattament direttament ibbażata fuq in-nazzjonalità, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 492/2011.

74

Min-naħa l-oħra, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kriterju li abbażi tiegħu ssir id-differenza fit-trattament huwa dak dwar jekk il-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat eżerċitax l-attivitajiet li talab li jittieħdu inkunsiderazzjoni, mal-persuni li jimpjegaw elenkati fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt u ma’ dawk imsemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu, ikun xi jkun l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa eżerċitahom.

75

Issa, tali kriterju ma jidhirx li jista’ jaffettwa iktar il-ħaddiema ta’ Stati Membri oħrajn mill-ħaddiema Awstrijaċi.

76

Madankollu, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprekludu jew jiskoraġġixxu ħaddiem ċittadin ta’ Stat Membru li jitlaq l-Istat ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu jikkostitwixxu ostakoli għal din il-libertà anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 30).

77

Għandu jiġi miżjud f’dan ir-rigward li d-dispożizzjonijiet kollha tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-persuni, kif ukoll dawk tar-Regolament Nru 492/2011, huma intiżi li jiffaċilitaw, għaċ-ċittadini tal-Istati Membri, l-eżerċizzju ta’ attivitajiet professjonali ta’ kwalunkwe natura fit-territorju tal-Unjoni u jipprekludu miżuri li jistgħu jqiegħdu fi żvantaġġ lil dawn iċ-ċittadini meta jkunu jixtiequ jeżerċitaw attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 32).

78

Fil-kawża prinċipali, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività rilevanti preċedenti mwettqa mal-persuni li jimpjegaw minbarra dawk elenkati fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt huwa limitat għal għaxar snin.

79

B’dan il-mod, il-persuni li għandhom esperjenza professjonali ta’ iktar minn għaxar snin ma’ dawn il-persuni li jimpjegaw oħrajn ser ikunu skoraġġuti milli japplikaw għal post ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt Awstrijak minħabba l-livell tas-salarju iktar baxx li ser ikunu kklassifikati fih, peress li l-perijodi ta’ attività rilevanti li huma akkwistaw ma’ tali persuni li jimpjegaw mhux ser jittieħdu totalment inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-anzjanità tagħhom fis-sistema ta’ remunerazzjoni

80

Fil-fatt, ħaddiem migrant li jkun akkwista esperjenza professjonali rilevanti ta’ iktar minn għaxar snin ma’ persuna li timpjega differenti minn dawk elenkati fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt ser tiġi kklassifikata fl-istess skala ta’ remunerazzjoni bħal dak li fiha ser jiġi kklassifikat ħaddiem li jkun akkwista esperjenza tal-istess natura, iżda ta’ perijodu ta’ għaxar snin jew inqas.

81

Barra minn hekk, ħaddiem migrant li għandu esperjenza professjonali ta’ għaxar snin li tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni fis-sens tal-Artikolu 26(3) tal-Liġi emendata dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt jista’ jkun kostrett ifittex impjieg mal-persuni li jimpjegaw elenkati fl-Artikolu 26(2) ta’ din il-liġi sabiex jikseb esperjenza professjonali rilevanti li tippermettilu ma jitlifx il-possibbiltà li jibda’ jaħdem bħala membru tal-persunal bil-kuntratt Awstrijak.

82

Minn dan isegwi li, billi teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi ta’ attività rilevanti kollha mwettqa minn ħaddiem migrant ma’ persuna li timpjega differenti minn dawk elenkati fl-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiskoraġġixxi lill-ħaddiema migranti li jkunu akkwistaw jew qegħdin jakkwistaw esperjenza professjonali rilevanti ma’ persuni li jimpjegaw oħrajn, milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu.

83

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tagħmel inqas attraenti l-moviment liberu tal-ħaddiema, bi ksur tal-Artikolu 45 TFUE u tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011.

84

Miżura bħal din tista’ tiġi aċċettata biss jekk tfittex wieħed mill-għanijiet leġittimi stipulati fit-Trattat FUE u tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. F’każ bħal dan, ikun meħtieġ ukoll li l-applikazzjoni tagħha tkun adatta sabiex tiggarantixxi t-twettiq tal-għan inkwistjoni u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 36).

85

F’dan ir-rigward, il-Gvern Awstrijak josserva li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà aċċettat li l-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza akkwistata fil-qasam ikkonċernat, li jpoġġi lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jissodisfa aħjar id-dmirijiet mogħtija lilu, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika salarjali, u l-persuni li jimpjegaw jistgħu, konsegwentement, jieħdu biss inkunsiderazzjoni ta’ din l-esperjenza akkwistata meta huma jistabbilixxu remunerazzjoni. Min-naħa l-oħra, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża li tikkumpensa l-lealtà tal-membri tal-persunal bil-kuntratt.

86

Fir-rigward tal-ewwel motiv miġjub bħala ġustifikazzjoni mill-Gvern Awstrijak, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-fatt li tiġi kkumpensata l-esperjenza miksuba fil-qasam ikkonċernat, li jpoġġi lill-ħaddiem f’pożizzjoni li jkun jista’ jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar, jikkostitwixxi għan leġittimu ta’ politika salarjali (sentenza tal‑14 ta’ Marzu 2018, Stollwitzer, C‑482/16, EU:C:2018:180, punt 39).

87

Issa, tali esperjenza għandha tittieħed inkunsiderazzjoni għall-klassifikazzjoni u l-kalkolu tar-remunerazzjoni ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fit-totalità tagħha.

88

B’dan il-mod, miżura nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tieħu inkunsiderazzjoni b’mod limitat l-esperjenza rilevanti ma tistax titqies li hija intiża li tapprezza din l-esperjenza b’mod sħiħ u, konsegwentement, ma hijiex adatta sabiex tiggarantixxi li dan l-għan jintlaħaq.

89

F’dak li jirrigwarda t-tieni motiv miġjub bħala ġustifikazzjoni mill-Gvern Awstrijak, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ssegwi effettivament l-għan li l-ħaddiema jkunu leali lejn il-persuni li jimpjegawhom, minkejja li tali għan jista’ jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2013, Zentralbetriebsrat der gemeinnützigen Salzburger Landeskliniken, C‑514/12, EU:C:2013:799, punt 38), għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-imsemmija leġiżlazzjoni, l-ostakolu li din tinvolvi ma jidhirx li huwa xieraq sabiex jiggarantixxi li dan l-għan jintlaħaq.

90

Fil-fatt, hemm lok jitqies li, fid-dawl tan-numru kbir ta’ persuni li jimpjegaw koperti mill-Artikolu 26(2) tal-Liġi emendata dwar il-membri tal-persunal bil-kuntratt, is-sistema l-ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz hija intiża li tippermetti mobbiltà massima fi ħdan grupp ta’ persuni li jimpjegaw legalment separati u mhux li tikkumpensa l-lealtà ta’ persuna impjegata lejn persuna li timpjega ddeterminata (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑30 ta’ Novembru 2000, Österreichischer Gewerkschaftsbund, C‑195/98, EU:C:2000:655, punt 49).

91

F’dawn il-kundizzjonijiet, hemm lok jitqies li din il-limitazzjoni ratione temporis ma hijiex iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali bħal dawk imfakkra fil-punti 86 u 89 ta’ din is-sentenza.

92

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 492/2011 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema, sabiex tiġi ddeterminata l-anzjanità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sistema ta’ remunerazzjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom il-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, korp tal-Unjoni jew ma’ organizzazzjoni intergovernattiva li r-Repubblika tal-Awstrija hija membru tagħha, jew ma’ entitajiet simili oħrajn, filwaqt li kull perijodu ieħor ta’ attività preċedenti jittieħed inkunsiderazzjoni biss sa għaxar snin u sa fejn huwa rilevanti.

Fuq l-ispejjeż

93

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 1, 2, u 6 u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqrija flimkien mal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li daħlet fis-seħħ b’mod retroattiv, li, sabiex ittemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, tipprevedi trasferiment tal-membri tal-persunal bil-kuntratt fis-servizz lejn sistema ġdida ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz li fil-kuntest tagħha l-ewwel klassifikazzjoni ta’ dawn il-membri tal-persunal bil-kuntratt hija ddeterminata skont l-aħħar remunerazzjoni li huma rċevew taħt is-sistema preċedenti.

 

2)

Fl-ipoteżi li dispożizzjonijiet nazzjonali ma jkunux jistgħu jiġu interpretati b’mod li jkun konformi mad-Direttiva 2000/78, il-qorti nazzjonali hija obbligata li tiżgura, fil-qafas tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġudizzjarja li tirriżulta għall-partijiet f’kawża minn din id-direttiva u li tiggarantixxi l-effettività sħiħa tagħha, billi tħalli jekk ikun hemm bżonn mhux applikata kwalunkwe dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja. Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta diskriminazzjoni, kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni, tkun ġiet ikkonstatata u sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jerġgħu jistabbilixxu l-ugwaljanza fit-trattament, l-istabbiliment mill-ġdid tal-ugwaljanza fit-trattament, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jinvolvi l-għoti lill-membri tal-persunal bil-kuntratt żvantaġġati bis-sistema l-antika ta’ remunerazzjoni u ta’ avvanz tal-istess vantaġġi bħal dawk li setgħu jibbenefikaw minnhom il-membri tal-persunal bil-kuntratt ivvantaġġati b’din is-sistema, f’dak li jirrigwarda kemm it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi ta’ servizz imwettqa qabel l-età ta’ 18‑il sena, kif ukoll l-avvanz fil-livell ta’ remunerazzjoni u, konsegwentement, l-għoti ta’ kumpens finanzjarju lill-membri tal-persunal bil-kuntratt iddiskriminati li jammonta għad-differenza bejn l-ammont ta’ remunerazzjoni li l-membru tal-persunal bil-kuntratt ikkonċernat kien jirċievi li kieku ma kienx ġie ttrattat b’mod diskriminatorju u l-ammont tar-remunerazzjoni li huwa effettivament irċieva.

 

3)

L-Artikolu 45 TFUE u l-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema, sabiex tiġi ddeterminata l-anzjanità ta’ membru tal-persunal bil-kuntratt fis-sistema ta’ remunerazzjoni, jittieħdu inkunsiderazzjoni fit-totalità tagħhom il-perijodi ta’ attività preċedenti mwettqa fil-qafas ta’ relazzjoni ta’ xogħol ma’ kollettività territorjali jew ma’ komun ta’ Stat Membru taż-Żona Ekonomika Ewropea, tar-Repubblika tat-Turkija jew tal-Konfederazzjoni Svizzera, korp tal-Unjoni Ewropea jew ma’ organizzazzjoni intergovernattiva li r-Repubblika tal-Awstrija hija membru tagħha, jew ma’ entitajiet simili oħrajn, filwaqt li kull perijodu ieħor ta’ attività preċedenti jittieħed inkunsiderazzjoni biss sa għaxar snin u sa fejn huwa rilevanti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.