KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-8 ta’ Mejju 2019 ( 1 )

Kawża C‑674/17

Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola Pohjois-Savo – Kainuu ry

fil-preżenza ta’:

Risto Mustonen,

Kai Ruhanen,

Suomen riistakeskus

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 92/43/KEE (“Direttiva habitats”) – Konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-fawna u tal-flora selvaġġi – Artikolu 12(1)(a) – Projbizzjoni ta’ qtil volontarju tal‑ispeċi msemmija fl-Anness IV(a) – Speċi Canis lupus (lupu) – Artikolu 16(1)(e) – Deroga – Kundizzjonijiet – Prattika msejħa ‘kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni’”

I. Introduzzjoni

1.

Permezz tat-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) tistaqsi lill‑Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1)(e) tad‑Direttiva 92/43/KEE ( 2 ), magħrufa bħala d-“Direttiva habitats”.

2.

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn il‑Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola – Pohjois-Savo Kainuu ry (l-Assoċjazzjoni għall-Protezzjoni tal-Ambjent Tapiola – Pohjois-Savo Kainuu, iktar ’il quddiem “Tapiola”) u s-Suomen riistakeskus (l‑Uffiċċju Finlandiż tal-Fawna Selvaġġa, iktar ’il quddiem “l‑Uffiċċju”). Tapiola titlob lill-qorti tar-rinviju sabiex tannulla ż-żewġ deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-Uffiċċju kien, għas-sena tal-kaċċa 2015‑2016, awtorizza l-qtil ta’ lpup fil-kuntest tal-prattika tal-kaċċa msejħa “għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni”.

3.

Din il-prattika essenzjalment kellha l-għan li żżid it-“tolleranza soċjali” tal-abitanti taż-żoni viċini għal dawk okkupati mill-ilpup minħabba l‑preżenza ta’ dawn tal-aħħar, bil-għan li tonqos il-kaċċa illegali fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor u b’hekk jitjieb l-istat ta’ konservazzjoni tal‑popolazzjoni tal-ilpup. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, u jekk ikun il‑każ, b’liema kundizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw il‑kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni abbażi tal‑Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats. Din id-dispożizzjoni tippermetti, jekk jiġu ssodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligu li jiżguraw il-projbizzjoni tal-qtil volontarju tal-ilpup bħala kampjuni ta’ speċi protetta b’mod strett bis-saħħa ta’ din id-direttiva.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

4.

Skont l-Artikolu 1(g) tad-Direttiva habitats, l-“ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità” huma dawk li, fit-territorju msemmi fl‑Artikolu 2 ta’ din id-direttiva huma “fil-periklu”, “vulnerabbli”, “rari” jew “endemiċi u jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba n-natura speċifika ta’ l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt qawwi ta’ l‑isfruttament tagħhom fuq l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt potenzjali ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom”. Dawn l-ispeċi “huma elenkati jew jistgħu jiġu elenkati fl‑Anness II u/jew l-Anness IV jew V”.

5.

L-Artikolu 1(i) tal-imsemmija direttiva jiddefinixxi “l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi” bħala “l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2” u jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi kkunsidrat l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi bħala “favorevoli”.

6.

L-Artikolu 2 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l‑habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

7.

L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva habitats jistabbilixxi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

[…]”

8.

Fil-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva tinsab, flimkien ma’ numru ta’ speċi tal-annimali li huma ta’ interess għall-Komunità u li jeħtieġu ħarsien strett, l-ispeċi Canis lupus, magħruf bħala lupu, bl‑eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-“popolazzjonijiet tal-Finlandja ġewwa ż-żona ta’ kontroll [ġestjoni] tar-renni […]”.

9.

L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15(a) u (b):

a)

fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l‑habitat naturali;

b)

biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

c)

fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

d)

għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il‑popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e)

biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

B.   Id-dritt Finlandiż

1. Il-liġijiet dwar il-kaċċa

10.

Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 37 tal-Liġi Nru 615/1993 dwar il-Kaċċa, kif emendata bil-Liġi Nru 159/2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kaċċa”), il-lupu huwa kopert b’sistema ta’ protezzjoni permanenti. Madankollu, l-ewwel paragrafu tal‑Artikolu 41 ta’ din il-liġi jawtorizza lill-Uffiċċju sabiex jagħti derogi mill-protezzjoni kif prevista bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 41a sa 41c tal-imsemmija liġi.

11.

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-Kaċċa jipprevedi li digriet tal-Gvern jista’ jistabbilixxi r-regoli prinċipali li jirrigwardaw il-proċeduri tal-għoti, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet tad-derogi. Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 41 ta’ din il-liġi, l‑ammont annwali ta’ teħid li jsir abbażi ta’ derogi jista’ jiġi llimitat permezz ta’ deċiżjoni tal‑Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Foresti.

12.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa jittrasponi fid-dritt Finlandiż l-Artikolu 16(1)(a) sa (d) tad-Direttiva habitats. It‑tielet paragrafu tal-Artikolu 41a ta’ din il-liġi jittrasponi l‑Artikolu 16(1)(e) ta’ din id-direttiva billi jipprevedi li “[t]ista’ tingħata deroga fir-rigward tal-lupu […] sabiex jinqabdu jew jinqatlu fuq bażi selettiva u limitata ċerti kampjuni taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta”.

2. Id-Digriet tal-Gvern Nru 452/2013

13.

L-Artikolu 3 tad-Digriet tal-Gvern Nru 452/2013 jipprevedi li tista’ tingħata deroga skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa sabiex jinqabdu jew jinqatlu lpup fiż-żona ta’ ġestjoni tar-renni bejn l-1 ta’ Ottubru u l-31 ta’ Marzu u, fil‑kumplament tal-pajjiż, bejn l-1 ta’ Novembru u l-31 ta’ Marzu.

14.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 ta’ dan id-digriet jipprevedi li deroga tista’ tingħata biss għal territorju ddelimitat li fih ir-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa huma ssodisfatti. It-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tal-imsemmi digriet jispjega li d‑derogi previsti fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa jistgħu jingħataw biss għall-kaċċa f’żoni fejn l-ispeċi kkonċernata hija rrappreżentata b’mod sinjifikattiv.

3. Id-deċiżjonijiet tal-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Foresti

15.

Għas-sena tal-kaċċa 2015‑2016, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1488/2015 tal-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Foresti dwar il-kaċċa għal-lupu awtorizzata b’deroga barra miż-żona ta’ ġestjoni tar-renni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1488/2015”), adottata abbażi tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-Kaċċa, stabbilixxiet li l-ammont massimu ta’ kampjuni li t-teħid tagħhom seta’ jiġi awtorizzat bis-saħħa tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a ta’ din il-liġi kien ta’ 46.

16.

Fir-rigward ta’ kull waħda mis-snin tal-kaċċa fil-perijodu 2016‑2018, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1335/2016 tal-Ministeru għall‑Agrikoltura u għall-Foresti dwar il-kaċċa għal-lupu awtorizzata b’deroga barra miż-żona ta’ ġestjoni tar-renni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1335/2016”) illimita għal 53 l-ammont ta’ kampjuni li jistgħu jinqabdu abbażi tad-derogi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-Kaċċa kollha kemm huma. Skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, dan l-ammont kien jinkludi wkoll l-ilpup maqtula fuq ordni tal-Pulizija, b’inċidenti tat‑traffiku jew b’xi mod ieħor.

4. Il-pjan ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup

17.

Fit-22 ta’ Jannar 2015, il-Ministeru għall-Agrikoltura u għall-Foresti adotta pjan ta’ ġestjoni ġdid tal-popolazzjoni tal-ilpup fil-Finlandja (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ġestjoni”) ( 3 ). Dan il-pjan kien intiż sabiex jerġa’ jistabbilixxi u jżomm din il-popolazzjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Fil-pjan, id-daqs minimu ta’ popolazzjoni tal-ilpup vijabbli ġie stmat bħala 25 koppja riproduttiva. L-imsemmi pjan kien jipprevedi ġestjoni lokali tal-popolazzjoni tal-ilpup intiża sabiex tiżgura l-vijabbiltà ta’ kull grupp ta’ lpup filwaqt li tiffavorixxi l‑koeżistenza tal-bniedem u l-lupu.

18.

Il-pjan ta’ ġestjoni fakkar li mill-2007 ma kienet ingħatat ebda deroga bis-saħħa tal-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni (iktar ’il quddiem “deroga ta’ ġestjoni”) sabiex jinqatlu lpup. Issa, wara l-2007, il-popolazzjoni tal-ilpup fil-Finlandja naqset sabiex laħqet l‑iktar livell baxx fl-2013 b’ammont stmat ta’ madwar 120 kampjun. Matul dan il-perijodu, kien hemm tentattiv ta’ żieda ta’ din il‑popolazzjoni permezz ta’ politika ta’ protezzjoni stretta. Kienu previsti biss derogi għall-prevenzjoni ta’ ħsara. Minkejja li l‑popolazzjoni tal-ilpup kienet qiegħda tonqos, il-kritika fiż-żona rurali dwar il-preżenza tal-ilpup u l-ħsara kkawżata minnhom kienet kompliet, jew saħansitra żdiedet. Il-konstatazzjoni li din il-politika ma kinitx ta’ suċċess hija spjegabbli bin-nuqqas ta’ kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jirrispondu għall-problemi tal-persuni li joqogħdu fil-qrib tal-ilpup. Il-frustrazzjoni saħħet l-aċċettazzjoni soċjali tal-qtil illegali tal-ilpup.

19.

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-pjan ta’ ġestjoni kien ibbażat fuq il-premessa li s-suċċess tal-politika ta’ konservazzjoni tal‑popolazzjoni tal-ilpup tippreżupponi t-teħid inkunsiderazzjoni tal‑problemi u l-bżonnijiet ta’ dawn il-persuni. Sabiex dawn jiġu kkunsidrati u jiġi stabbilit approċċ legali ta’ ġestjoni ta’ din il‑popolazzjoni li jippermetti intervent kontra kampjuni li jikkawżaw inkonvenjenzi u, b’hekk, ma jkunx hemm kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, il-pjan ta’ ġestjoni kien jipprevedi l-possibbiltà li jingħataw derogi ta’ ġestjoni. Dawn id-derogi ma għandhomx jeċċedu l-ammont massimu annwali ta’ kampjuni li jistgħu jinqatlu fit-territorju Finlandiż bis-saħħa tal-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni li l-Ministeru għall‑Agrikoltura u għall-Foresti jistabbilixxi permezz ta’ deċiżjoni abbażi ta’ informazzjoni mogħtija mil-Luonnonvarakeskus (l-Istitut tar-Riżorsi Naturali, il-Finlandja).

20.

Id-derogi ta’ ġestjoni setgħu jingħataw biss sabiex jinqabdu jew jinqatlu ċerti kampjuni ta’ lpup, b’mod selettiv u limitat, f’żoni fejn l‑ispeċi kienet irrappreżentata b’mod sinjifikattiv, u dan taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta. L-Uffiċċju għandu jevalwa każ b’każ il-vijabbiltà tal-qatla kkunsidrata. F’ċerti każijiet, deroga ta’ ġestjoni setgħet, barra minn hekk, tingħata fiż-żoni fejn jgħixu l‑kampjuni li jikkawżaw ħsara jew inkonvenjenzi, sakemm l-ispeċi hemmhekk tkun irrappreżentata b’mod sinjifikattiv.

21.

B’mod partikolari, l-għażla tal-ispeċi li setgħu jinqatlu kienet meqjusa meħtieġa sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-grupp tal-ilpup. F’dan ir-rigward, il-pjan ta’ ġestjoni kien jipprevedi li l-kaċċa kellha tkopri kampjun żagħżugħ tal-grupp jew, jekk ikun il-każ, l-ispeċi li tikkawża ħsara jew inkonvenjenzi lill-abitanti tat-territorji kkonċernati jew il‑proprjetà tagħhom. L-Uffiċċju għandu jevalwa każ b’każ jekk kienx hemm alternattivi sodisfaċenti minbarra l-għoti ta’ deroga.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22.

Permezz tad-deċiżjonijiet tat-18 ta’ Diċembru 2015 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), l-Uffiċċju ta lil Risto Mustonen u Kai Ruhanen, skont l-Artikolu 41 u t-tielet paragrafu tal‑Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa, permessi tal-kaċċa li jawtorizzawhom joqtlu lpup matul il-perijodu ta’ bejn it-23 ta’ Jannar u l‑21 ta’ Frar 2016 fir-reġjun ta’ Pohjois-Savo.

23.

Id-deċiżjonijiet indirizzati lil R. Mustonen u K. Ruhanen awtorizzaw, rispettivament, il-qtil ta’ erba’ u tliet ilpup. Għal kull qabda, l-awtorizzazzjoni kienet limitata għat-territorju ta’ grupp partikolari identifikat f’dawn id-deċiżjonijiet. Kull wieħed mill-gruppi inkwistjoni kien fih minn ħames sa seba’ kampjuni u kien ikkunsidrat bħala vijabbli u stabbli. Ċertu numru ta’ gruppi oħra kienu stabbiliti madwar iż-żoni msemmija fil-permessi tal-kaċċa.

24.

F’dawn id-deċiżjonijiet, l-Uffiċċju kkonstata li ċerti kampjuni fil‑gruppi li kienu jokkupaw dawn iż-żoni kienu, b’mod rikorrenti, ikkawżaw ħsara jew inkonvenjenzi. B’mod partikolari, ilpup kienu kkawżaw grieħi lil klieb waqt il-kaċċa. Minkejja li ż-żamma ta’ klieb fil‑gaġġa kienet ippermettiet li jiġu limitati dawn id-danni, din is‑soluzzjoni ma tqisitx bħala adattata fil-kuntest tal-kaċċa. L‑imsemmija żoni, minkejja li iżolati, kienu abitati minn familji bl-ulied. Xi ġenituri kienu inkwetati għas-sigurtà ta’ wliedhom.

25.

Id-deċiżjonijiet kontenzjużi kien fihom xi rakkomandazzjonijiet. L-ewwel nett, kien irrakkomandat li jiġi evitat il-qtil ta’ lupu maskili li jmexxi l-grupp u li l-kaċċa għandha tkun iffukata fuq kampjuni żgħażagħ jew li jikkawżaw inkonvenjenzi. It-tieni nett, dawn id-deċiżjonijiet kienu jirrakkomandaw li għandu jiġi evitat il-qtil ta’ kampjun li jkun ġie mmarkat. It-tielet nett, l-imsemmija deċiżjonijiet kienu jinkoraġġixxu lid‑destinatarji tagħhom sabiex jikkunsidraw, jekk ikun il-każ, il‑mortalità subita minn kampjuni tal-gruppi li kienu s-suġġett ta’ deroga u kkonstatata mill-awtoritajiet qabel id-data tal-bidu tal-kaċċa awtorizzata. Għalhekk kien irrakkomandat li l-ammont ta’ teħid għandu jitnaqqas b’mod li l-mortalità totali ma teċċedix l-ammont ta’ kampjuni inizjalment koperti bil-permessi tal-kaċċa.

26.

L-istess deċiżjonijiet kienu jirreferu għall-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli kif ukoll għall-pjan ta’ ġestjoni. L-Uffiċċju fihom indika li, fl-opinjoni tiegħu, it-teħid li seta’ jsir bis-saħħa ta’ derogi ta’ ġestjoni mogħtija fil-limiti tal-kontinġenza massima ta’ 46 kampjun stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1488/2015 ma huwiex ta’ preġudizzju għaż-żamma jew ir-ripristinazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ispeċi fil-firxa naturali tagħha. Barra minn hekk, l-Uffiċċju eċċepixxa l-assenza ta’ alternattiva sodisfaċenti minbarra dik tal-adozzjoni ta’ derogi ta’ ġestjoni fiż-żoni kkonċernati. Il-kaċċa għandha ssir f’kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta. In-natura selettiva u limitata tagħha hija kkonkretizzata permezz ta’ restrizzjonijiet ġeografiċi u kwantitattivi stabbiliti fid-deċiżjonijiet ikkontestati u bl-osservanza tal-metodu tal-kaċċa preskritt fihom.

27.

Fil-31 ta’ Diċembru 2015, Tapiola ppreżentat rikors quddiem l‑Itä-Suomen hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva tal-Itä-Suomen lääni) għall-annullament tad-deċiżjonijiet kontenzjużi u sabiex dawn ma jiġux implimentati. Permezz tad-deċiżjonijiet tal-11 ta’ Frar 2016, din il-qorti ddikjarat dawn ir-rikorsi inammissibbli. Tapiola ppreżentat rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet. Permezz tad-digrieti tad‑29 ta’ Mejju 2017, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) awtorizzat parzjalment dan ir-rikors.

28.

Insostenn tar-rikors tagħha, Tapiola ssostni li d-deċiżjonijiet kontenzjużi jiksru, b’mod partikolari, l-Artikoli 12 u 16 tad-Direttiva habitats. L-Artikolu 16(1)(e) ta’ din id-direttiva jkopri esklużivament il‑każijiet fejn l-istat tajjeb ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata jirrikjedi jew jawtorizza deroga mill-obbligi ta’ protezzjoni stretta ta’ din l-ispeċi. Issa, skont Tapiola, il-kaċċa tista’ tikkawża dannu għall-istat ta’ konservazzjoni tal-imsemmija speċi, diġà mhedda b’mod serju fil-Finlandja. Mill-bqija, ma ġiex ipprovat li l-kaċċa għal-lupu tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet li l-pjan ta’ ġestjoni kien assenjalha. Tapiola żżid li l-Uffiċċju adotta kull deroga ta’ ġestjoni abbażi ta’ evalwazzjoni relatata biss mat-territorju kkonċernat minnha, mingħajr ma ħa inkunsiderazzjoni l-effett akkumulat tad-derogi kollha li jkopru territorji differenti fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu.

29.

Fir-risposta tiegħu, l-Uffiċċju jirrileva li l-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni kienet ġejja minn esperiment, marbut mal‑implimentazzjoni tal-pjan ta’ ġestjoni, limitat għal tul ta’ sentejn. Dan l-esperiment ma kienx estiż, kif tixhed l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1335/2016. L-Uffiċċju jsostni li vverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1)(e) tad‑Direttiva habitats b’mod iddettaljat. Dan tal-aħħar iżid li l-livell li fih għandu jiġu evalwat l-effett ta’ deroga jiddependi mill-bijoloġija tal‑ispeċi. Fir-rigward tal-ilpup, dan il-livell ma kienx jikkorrispondi mal-grupp iżda mal-popolazzjonijiet kollha, inklużi dawk li jaqsmu lil hinn mill-fruntieri nazzjonali.

30.

F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tfakkar li l-ispeċi Canis lupus hija mhedda serjament fil-Finlandja. L-ammont ta’ lpup f’dan il-pajjiż varja b’mod kunsiderevoli matul is-snin, u dawn il-varjazzjonijiet preżumibbilment kienu marbuta mal-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor. Id-daqs żgħir tal-popolazzjoni tal-ilpup jagħmilha, fuq kollox, vulnerabbli għar‑riskji.

31.

Din il-qorti tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar l-effett, fuq il-konformità ta’ deroga mal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, peress li kienet taqa’ fil-kuntest ta’ pjan ta’ ġestjoni nazzjonali u ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi ammont massimu annwali ta’ teħid awtorizzat fuq it-territorju kollu tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, l‑imsemmija qorti tistaqsi jekk din id-dispożizzjoni tippermettix li l‑kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni tkun iffukata fuq popolazzjoni lokali li l-istat ta’ konservazzjoni tagħha hija favorevoli, mingħajr ma jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal‑ilpup fil-livell tat-territorju nazzjonali. L-istess qorti tixtieq tkun taf ukoll jekk tistax tingħata deroga ta’ ġestjoni anki meta l-istat ta’ konservazzjoni ta’ din il-popolazzjoni ma hijiex favorevoli, sakemm din id-deroga ma tikkawżalhiex iktar ħsara.

32.

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar jekk id‑deċiżjonijiet ikkontestati josservawx ir-rekwiżit previst taħt l‑Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats, dwar in-nuqqas ta’ alternattiva sodisfaċenti. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li l-ebda prova xjentifika ma turi li l-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni hija tali li tnaqqas il-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor sa fejn hija teżerċita effett globalment pożittiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal‑lupu. L-imsemmija qorti żżid li d-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellhom ukoll l-għan li jevitaw li jseħħu d-danni lill-klieb u li jitjieb is‑sentiment ġenerali ta’ sigurtà tal-abitanti tat-territorji kkonċernati. Madankollu, ma hemmx indikazzjonijiet espressi li dawn id-derogi jaqgħu fl‑eżempji msemmija fl-Artikolu 16(1)(b) u (c) tad-Direttiva habitats.

33.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Korkein hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet, permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Diċembru 2017, li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Huwa possibbli li jingħataw, skont il-formulazzjoni tal‑Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats […], abbażi ta’ talbiet minn kaċċaturi individwali, derogi għal [kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni]?

a)

Sabiex tiġi evalwata din id-domanda, huwa rilevanti li d‑diskrezzjoni eżerċitata meta tingħata deċiżjoni dwar derogi għal liċenzji hija rregolata skont pjan ta’ ġestjoni tal‑popolazzjoni nazzjonali kif ukoll skont in-numru massimu ta’ annimali kkaċċjati stabbilit permezz ta’ regolament, li jipprovdi li derogi għal liċenzji jistgħu jingħataw kull sena fit-territorju tal-Istati Membri?

b)

Għal din l-evalwazzjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra, bħall-għan ta’ prevenzjoni ta’ dannu lil klieb u ż-żieda ta’ sens ta’ sigurtà ġenerali?

2)

Huwa possibbli li jiġi stabbilit l-għoti ta’ derogi għal liċenzji għall-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni fis-sens tal‑ewwel domanda, peress li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats għall‑prevenzjoni tal-kaċċa fil-proprjetà ta’ ħaddieħor?

a)

Huwa possibbli f’dan il-każ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d‑diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw mill-kontroll ta’ kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor?

b)

L-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ dannu lil klieb u fiż‑żieda ta’ sens ta’ sigurtà ġenerali huwa eventwalment rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra?

3)

Kif għandu jiġi evalwat ir-rekwiżit stabbilit fil-Artikolu 16(1) tad‑Direttiva habitats li jikkonċerna l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjonijiet tal-ispeċi, meta jingħataw derogi għal liċenzji restrittivi reġjonali?

a)

L-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi għandu jiġi evalwat kemm b’riferiment għas-sit partikolari kif ukoll għat‑territorju kollu tal-Istat Membru jew b’riferiment għal firxa dejjem iktar wiesgħa tal-ispeċi kkonċernati?

b)

Huwa possibbli li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 16(1) tad‑Direttiva habitats dwar l-għoti ta’ deroga għal liċenzja jiġu ssodisfatti, minkejja li l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ma jistax jitqies bħala favorevoli fis-sens tad-Direttiva habitats abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa?

ċ)

Jekk tingħata risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, f’liema sitwazzjoni jista’ dan jittieħed inkunsiderazzjoni?”

34.

Tapiola, l-Uffiċċju, il-Gvern Finlandiż u dak Daniż, u l‑Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn tal-aħħar, flimkien ma’ K. Ruhanen u l-Gvern Svediż, instemgħu fis-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2019.

IV. Analiżi

A.   Kunsiderazzjonijiet preliminari

35.

Id-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu jippermettu, flimkien, il-qtil ta’ sebat ilpup abbażi tad-dispożizzjoni tad-dritt Finlandiż li tittrasponi l‑Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats. Huma għalhekk kienu parti mill-implimentazzjoni tal-fakultà, prevista fil-pjan ta’ ġestjoni, li l‑Uffiċċju jawtorizza l-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni fil‑limiti stabbiliti bil-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ 46 kampjun għas-sena tal-kaċċa 2015‑2016.

36.

Fil-pjan ta’ ġestjoni, l-Uffiċċju kien ikkritika, bħala ostakolu għas-suċċess tal-politika ta’ protezzjoni tal-ilpup, in-nuqqas ta’ adeżjoni tal-popolazzjonijiet rurali stabbiliti qrib iż-żoni okkupati mill-ilpup. In‑nuqqas ta’ leġittimità ta’ din il-politika f’għajnejn dawn il‑popolazzjonijiet kien ħoloq fenomenu qawwi ta’ kaċċa illegali fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor. Il-pjan ta’ ġestjoni kien esperiment intiż sabiex jiġi evalwat jekk il-legalizzazzjoni tal-kaċċa ta’ ammont predefinit ta’ lpup kinitx twassal għal tnaqqis fil-kaċċa illegali fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor u, finalment, għal titjib fl-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup. B’hekk kif jirriżulta mid‑deċiżjoni tar-rinviju, f’dan il-kuntest ġew ikkunsidrati wkoll l‑għanijiet li l-klieb ma jibqgħux jiġu feruti minn ilpup u t-titjib fis‑sentiment ġenerali ta’ sigurtà tal-popolazzjonijiet rurali.

37.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju indikat li dan l-esperiment ma ppermettiex li jiġi konkluż li l-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal‑popolazzjoni kienet ser tkun effikaċi fil-ġlieda kontra l-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor b’tali mod li ttejjeb l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup, kif ikkonferma l-Gvern Finlandiż waqt is-seduta. Barra minn hekk, l-imsemmi esperiment ma reġax sar, peress li d-derogi mill-projbizzjoni tal-qtil volontarju tal-ilpup ingħataw sussegwentement sempliċement għar-raġunijiet stipulati fid‑dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l‑Artikolu 16(1)(b) u (c) tad-Direttiva habitats.

38.

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk id-deċiżjonijiet kontenzjużi, sa fejn jidderogaw mill-obbligu li tiġi żgurata l-projbizzjoni tal-qtil volontarju tal-lupu, prevista fl-Artikolu 12(1)(a) moqri flimkien mal-Anness IV(a) tad‑Direttiva habitats, kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl‑Artikolu 16(1)(e) tagħha u, għalhekk, kinux konformi ma’ dawn id‑dispożizzjonijiet ( 4 ).

39.

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats jissuġġetta kull deroga għal dan l‑obbligu ta’ osservanza ta’ żewġ kundizzjonijiet ġenerali. L-ewwel nett, l-adozzjoni ta’ deroga tissupponi l-assenza ta’ alternattiva sodisfaċenti (Taqsima B). It-tieni nett, id-deroga ma tistax tikkawża dannu għall-ħarsien, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal‑popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom (Taqsima C).

40.

L-użu ta’ din id-dispożizzjoni għandu, barra minn hekk, jaqa’ taħt waħda mid-derogi previsti taħt il-punti (a) sa (e) tiegħu. L‑Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, rilevanti f’dan il-każ, jippermetti l-adozzjoni ta’ derogi intiżi, b’mod partikolari, sabiex jippermettu l-qtil ta’ kampjuni ta’ speċi msemmija fl-Anness IV(a) ta’ din id‑direttiva ( 5 ), permezz tal-osservanza ta’ ċerti kundizzjonijiet speċifiċi (Taqsima D).

41.

Il-verifika tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet kollha timplika applikazzjonijiet fattwali li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tal-qorti tar‑rinviju biss. Ir-risposti tal-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi preliminari madankollu jippermettu li tingħata għajnuna sabiex twettaq dan.

42.

Qabel ma nibda l-analiżi ta’ dawn id-domandi, nemmen li jkun utili li nfakkar f’ċerti prinċipji ta’ natura ġenerali, diġà stabbiliti fil‑ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li ser jiggwidawni f’din l‑analiżi.

43.

Qabelxejn, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut li l‑Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats, peress li jipprevedi sistema derogatorja għall-obbligi ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi msemmija fl‑Anness IV(a) ta’ din id-direttiva, għandu jingħata interpretazzjoni restrittiva ( 6 ).

44.

Sussegwentement, peress li din id-dispożizzjoni tistabbilixxi sistema ta’ eċċezzjoni, l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet mitluba jinsab, għal kull deroga, fuq l-awtorità tal-Istat Membru li jieħu d-deċiżjoni. Barra minn hekk, deroga tista’ tkun awtorizzata biss abbażi ta’ deċiżjonijiet li għandhom motivazzjoni preċiża u adegwata li tirreferi għall-motivi, għall-kundizzjonijiet u għar-rekwiżiti previsti fl‑imsemmija dispożizzjoni ( 7 ).

45.

Finalment, il-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 9 tad‑Direttiva għasafar ( 8 ), li jawtorizza lill-Istati Membri jidderogaw mill-obbligi ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar selvaġġi f’kundizzjonijiet komparabbli ma’ dawk previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats, hija rilevanti wkoll għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni ( 9 ). B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kull deroga adottata skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva għasafar għandha tkun ibbażata fuq data xjentifika ta’ natura ġeografika, klimatika, ambjentali u bijoloġika ( 10 ). Dan il-prinċipju, bħall‑evalwazzjonijiet li jirriżultaw mill-ġurisprudenza relatata ma’ din id-dispożizzjoni li ser insemmi fil-kumplament tal-espożizzjoni tiegħi ( 11 ), huwa, fl‑opinjoni tiegħi, trasponibbli fil-kuntest tal-Artikolu 16(1) tad‑Direttiva habitats.

B.   Fuq il-portata tar-rekwiżit relatat mal-assenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti

46.

Skont l-introduzzjoni u l-punt (b) tal-ewwel domanda tagħha, kif ukoll it-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-għan tal-ġlieda kontra l-kaċċa illegali fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-għanijiet li l-ilpup ma jikkawżawx ġrieħi lil klieb u li l-popolazzjonijiet lokali jingħataw serħan il-moħħ, jistax jiġġustifika l-adozzjoni ta’ deroga ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats. B’mod partikolari, hija tistaqsi jekk, fid-dawl tad-diffikultajiet prattiċi li hemm għall-kontroll tal-kaċċa illegali fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor, l-adozzjoni ta’ tali deroga tosservax ir-rekwiżit, stipulat fl-introduzzjoni tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, li deroga hija awtorizzata biss sakemm “ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti”.

47.

Fl-opinjoni tiegħi, din il-kundizzjoni tista’ tkun ikkunsidrata bħala espressjoni tal-prinċipju ġenerali ta’ proporzjonalità li jirregola d‑dritt tal-Unjoni ( 12 ). Fil-fatt, hija tirrikjedi li l-Istat Membru li għandu l‑intenzjoni li jadotta deroga għandu jidentifika b’mod ċar l-għan leġittimu li għandu jintlaħaq (Sottotaqsima 1). Ladarba dan il-għan jiġi identifikat, dan l-Istat Membru għandu jistabbilixxi li d-deroga hija adattata (Sottotaqsima 2) u neċessarja (Sottotaqsima 3) sabiex jintlaħaq ( 13 ).

1. Fuq l-identifikazzjoni tal-għanijiet li għandhom jintlaħqu mid‑derogi ta’ ġestjoni

48.

Kif tindika d-deċiżjoni tar-rinviju, id-derogi inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, kif ukoll il-pjan ta’ ġestjoni li fil-kuntest tiegħu huma jaqgħu, għandhom jilħqu simultanjament l-għanijiet ta’ tnaqqis tal‑kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, li jiġi evitat li jseħħ dannu lil klieb u li jitjieb is-sentiment ġenerali ta’ sigurtà tal-persuni li jabitaw qrib iż-żoni okkupati mill-ilpup. Dawn l-aħħar żewġ għanijiet kienu ppreżentati bħala marbuta mill-qrib mal-ewwel wieħed, sa fejn it‑twettiq tagħhom jikkontribwixxi, skont l-Uffiċċju, sabiex tiżdied it‑“tolleranza soċjali” tal-popolazzjonijiet umani lokali fir-rigward tal‑lupu u, konsegwentement, sabiex titnaqqas il-kaċċa illegali. L-għan tad-derogi ta’ ġestjoni jikkonverġi, għalhekk, mal-għan ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ilpup u ta’ interessi umani opposti.

49.

Kif jirriżulta minn interpretazzjoni letterali, sistematika u teleoloġika tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, l-għanijiet hawn fuq imsemmija jikkostitwixxu, fl-opinjoni tiegħi, għanijiet leġittimi li jistgħu jiġu invokati insostenn ta’ deroga bbażata fuq din id‑dispożizzjoni.

50.

Fl-ewwel lok, nosserva li, b’mod differenti minn kapijiet ta’ derogi oħra elenkati fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva, il-punt (e) ta’ din id‑dispożizzjoni ma jistipulax l-għanijiet li jistgħu jintlaħqu permezz tal-adozzjoni ta’ deroga. Madankollu, huwa jipprevedi rekwiżiti addizzjonali relatati essenzjalment mal-ammont limitat ta’ speċi maqbuda, man-natura selettiva tat-teħid u l-kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta tad-deroga. Dawn ir-rekwiżiti partikolari jikkumpensaw is‑setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri sabiex jiddefinixxu l-għanijiet imfittxija permezz tad-deroga.

51.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-għanijiet li jistgħu jiġġustifikaw l‑adozzjoni ta’ deroga bis-saħħa tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats jistgħu jinkludu kemm it-tfittxija għal titjib tal-istat ta’ konservazzjoni tal‑ispeċi kif ukoll il-protezzjoni ta’ interessi li jopponuh. Dawn l‑interessi jinkludu dawk imsemmija fil-punti (a) sa (d) ta’ din id‑dispożizzjoni, mingħajr limitazzjonijiet fiha. Fir-rigward tal‑kundizzjonijiet partikolarment stretti stipulati fil-punt (e), l‑adozzjoni ta’ deroga fuq din il-bażi sabiex jintlaħqu għanijiet li huma sovvrapposti fuq dawk stipulati fil-punti (a) sa (d) tal-imsemmija dispożizzjoni ma twassalx, kuntrarjament għal dak li jsostnu Tapiola u l-Kummissjoni, biex jiġu evitati l-kapijiet ta’ derogi previsti fiha.

52.

Fil-prattika, kif irrilevaw il-Gvern Finlandiż u dak Daniż, peress li l-modalitajiet previsti fl-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats huma iktar eżiġenti minn dawk tal-kapijiet ta’ deroga l-oħra, l-użu ta’ din id‑dispożizzjoni sabiex jintlaħqu għanijiet diġà koperti mill‑Artikolu 16(1)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva huwa maħsub meta ma jintweriex li r-rekwiżiti li jippermettu l-applikazzjoni ta’ dawn il‑kapijiet ta’ deroga huma ssodisfatti ( 14 ).

53.

Fit-tieni lok, l-interpretazzjoni li nipproponi tikkorrispondi mal‑għan tal-Artikolu 16(1)(e) moqri fid-dawl tal-Artikolu 2 tad‑Direttiva habitats. Dan huwa li jagħti marġni ta’ flessibbiltà li tippermetti lill-Istati Membri jikkunsidraw rekwiżiti soċjali, ekonomiċi u kulturali u karatteristiċi reġjonali u lokali ( 15 ), filwaqt li jiġi żgurat li t‑twettiq tal-għan ġenerali tas-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ interess Komunitarju – jiġifieri ż-żamma jew ir-ripristinar tagħhom fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli – ma jiġix kompromess ( 16 ).

54.

Minkejja dan, kif sostniet il-Kummissjoni, l-għanijiet invokati insostenn ta’ deroga għandhom ikunu ddefiniti b’mod ċar, preċiż u sostnuti fid-deċiżjoni tad-deroga ( 17 ). Fil-fatt, hija biss tali definizzjoni li tippermetti l-istħarriġ tan-natura adattata u neċessarja tad-deroga, li jiddependi mill-għanijiet li għandhom jintlaħqu ( 18 ). Kif jirriżulta minn applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza relatata mal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva għasafar, deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats għandha tkun “applikata b’mod konkret u fil-ħin sabiex tissodisfa rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi” ( 19 ).

55.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex intiżi sabiex isolvu problemi speċifiċi ddefiniti b’mod ċar u preċiż fid-deċiżjonijiet li huma l-bażi tad-derogi. L-osservazzjonijiet segwenti jistgħu jiggwidawha fil-kuntest ta’ dan l-eżami.

56.

Minn naħa waħda, ma hemm l-ebda kontestazzjoni, kif ikkonstata l-Uffiċċju fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li l-kaċċa illegali fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor kienet tirrappreżenta, fil-mument tal-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet, sfida kunsiderevoli għas-suċċess tal-politika ta’ konservazzjoni tal-ilpup – konstatazzjoni li l-qorti tar-rinviju ddeċidiet li hija kredibbli. Barra minn hekk, fihom l-Uffiċċju osserva li kien hemm klieb li ġew feruti minn ilpup. Anki jekk jiġi preżunt li dan seħħ, il-fatt, allegat minn Tapiola, li l-Uffiċċju ma stabbilixxiex l‑eżistenza ta’ riskju statistikament għoli ta’ danni lill-klieb ma jikkontestax ir-realtà tal-problema, anki jekk ta’ daqs limitat, ikkonstatata minnu.

57.

Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju, kif tallega l-Kummissjoni, l‑għan li jitjieb is-sentiment ġenerali tas-sigurtà tal-abitanti taż-żoni msemmija mid-derogi kien probabbilment ifformulat f’termini wisq ġenerali sabiex jippermetti li tiġi eżaminata l-proporzjonalità fir‑rigward ta’ dan il-għan li għandu jintlaħaq. Barra minn hekk, mid‑deċiżjoni tar-rinviju ma jirriżultax li l-Uffiċċju sostna r-realtà u l‑grad tal-biża’ ta’ dawn l-abitanti u lanqas, qabelxejn, it-theddid għas‑sigurtà tagħhom ( 20 ).

2. Fuq l-adattabbiltà tad-derogi ta’ ġestjoni sabiex jilħqu l‑għanijiet li għandhom jintlaħqu

58.

Id-determinazzjoni tal-grad ta’ prova rikjest sabiex jiġi stabbilit li d-deroga hija tali li tilħaq l-għanijiet identifikati minn qabel tqajjem diffikultajiet partikolari fil-kuntest ta’ din il-kawża.

59.

Fl-ewwel lok, sakemm id-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali rriżultaw minn esperiment intiż sabiex jiġi vverifikat jekk awtorizzazzjoni limitata għall-kaċċa legali setgħetx tikkontribwixxi sabiex tnaqqas il-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor u, in fine, sabiex ittejjeb l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup, l‑adattabbiltà tagħhom biex jilħqu dawn l-għanijiet ma kinitx ċerta fil‑mument tal-adozzjoni tagħhom mill-Uffiċċju.

60.

F’dan il-kuntest, kuntrarjament għal dak li ssostni Tapiola, fl‑opinjoni tiegħi, ma għandux jiġi mitlub li jiġi pprovat, mill-mument tal-adozzjoni ta’ tali derogi, mingħajr ma tkun teżisti xi inċertezza xjentifika dwar dan il-punt, li kellhom inaqqsu l-kaċċa illegali u li dan l-effett kien ser ikun daqstant sinjifikattiv li kienet tonqos il-mortalità totalment imputabbli għall-bniedem.

61.

Kif diġà esponejt ( 21 ), l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats jipprevedi, fl-opinjoni tiegħi, bażi legali għall-adozzjoni ta’ derogi intiżi sabiex itejbu l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal‑ispeċi kkonċernata meta l-effikaċja tagħhom sabiex jintlaħaq dan il‑għan ma tkunx ċerta. Kif sostna l-Gvern Finlandiż, derogi ta’ ġestjoni bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħu jinftiehmu bħala li jsegwu l-għan ta’ ġlieda kontra l-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor billi jippermettu li jiġi evalwat l-effett tal-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni fuq il-livell ta’ kaċċa illegali. F’din il‑perspettiva, il-fatt li l-esperiment ma kienx konklużiv ma jrendix fih innifsu tali derogi inadattati sabiex jintlaħaq l-għan hekk deskritt.

62.

Fl-opinjoni tiegħi, sabiex jiġi stabbilit jekk dawn id-derogi ta’ ġestjoni jistgħux jilħqu dan il-għan, l-awtorità nazzjonali kompetenti hija, skont il-prinċipji mfakkra fil-punti 44 u 45 ta’ dawn il‑konklużjonijiet, obbligata biss li ssostni, abbażi ta’ data xjentifika rigoruża, l-ipoteżi li l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni ser tnaqqas il-kaċċa illegali, u dan sa fejn hija għandha effett pożittiv nett fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal‑popolazzjoni tal-ilpup ( 22 ). Din l-ipoteżi għandha tiġi eżaminata, b’mod partikolari, billi jiġi kkomparat in-numru ta’ derogi ppjanati mal-istimi l-iktar reċenti tal-ammont ta’ qbid illegali.

63.

Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata mill-prinċipju ta’ prekawzjoni li invokat Tapiola. Fil-kuntest tad-Direttiva habitats, dan il‑prinċipju jimplika essenzjalment li, fil-preżenza ta’ dubji raġonevoli, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku fil-qasam, fir-rigward tal-assenza ta’ effetti dannużi ta’ attività umana fuq il-konservazzjoni tal-habitats u speċi protetti, din l-attività ma għandhiex tkun awtorizzata ( 23 ). Issa, kif ser nesponi iktar ’il quddiem, dan ir-rekwiżit huwa diġà integrat fil‑kundizzjoni, stipulata wkoll fl-introduzzjoni tal-Artikolu 16(1) tad‑Direttiva habitats, li tipprevedi li għandu jintwera, qabel l‑adozzjoni ta’ deroga, li ma hijiex ser tikkawża ħsara għaż-żamma jew għar-ripristinazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fi stat ta’ konservazzjoni favoreli ( 24 ). Il-prinċipju ta’ prekawzjoni ma jobbligax lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jipprovaw li d-deroga ser ittejjeb l-istat ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-popolazzjonijiet.

64.

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma fihiex indikazzjonijiet li juru li l-Uffiċċju, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kontenzjużi, sostna, abbażi ta’ data xjentifika, l-ipoteżi msemmija iktar ’il fuq. Il-qorti tar-rinviju għandha, għalhekk, tevalwa jekk l‑Uffiċċju kienx wettaq dan il-kompitu.

65.

F’dan ir-rigward, l-Uffiċċju jallega li kien ser jintwera li l‑kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni hija tali li tnaqqas il‑kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, għall-inqas f’terminu qasir. Tapiola u l-Kummissjoni jsostnu li x-xogħlijiet xjentifiċi disponibbli għandhom tendenza li jindikaw il-kuntrarju ( 25 ).

66.

Barra minn hekk, skont l-informazzjoni li dawn tal-aħħar għandhom, matul is-sena tal-kaċċa 2015‑2016, fil-Finlandja nqatlu 43 jew 44 lupu abbażi ta’ derogi ta’ ġestjoni, fuq popolazzjoni li fit-totalità tagħha tgħodd bejn 275 u 310 kampjuni. Jekk jiġi preżunt li din id‑data hija kkonfermata mill-qorti tar-rinviju, l-argument li l-qtil ta’ kważi 15 % ta’ din il-popolazzjoni – mingħajr ma tikkunsidra l‑mortalità kkonstatata għal raġunijiet oħrajn imputabbli għall-bniedem – seta’ jtejjeb l-istat ta’ konservazzjoni tagħha għandu jagħti lok min‑naħa tiegħu, għall-inqas, għal ċerta kawtela.

67.

Tapiola żżid, f’dan ir-rigward, li l-ammont ta’ lpup koperti bid‑derogi kien jeċċedi l-ammont annwali ta’ teħid illegali, stmat bħala madwar 30 kampjun skont il-pjan ta’ ġestjoni ( 26 ). Il-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni għalhekk wasslet għall-qtil ta’ 14‑il kampjun iktar minn dawk li nqatlu minħabba l-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, u dan jekk jiġi preżunt li l-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal‑popolazzjoni kienet – fatt li jista’ jqajjem dubju – temmet il-kaċċa illegali kollha. Din id-data, li l-korrettezza tagħha għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, għandha tendenza li tirrileva l‑inadattabbiltà ta’ dawn id-derogi sabiex jilħqu l-għan tagħhom tal‑ġlieda kontra l-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor fl-interess tal-protezzjoni tal-ispeċi.

68.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kapaċità tad-derogi ta’ ġestjoni li jipprekludu li klieb ma jiġux feruti minn ilpup, din tiddependi, bħala regola, kif enfasizzat ukoll il-Kummissjoni, mill-punt dwar jekk dawn id-derogi jkoprux l-ispeċi li kkawżaw il-ġrieħi kkontestati. Issa, skont id-deċiżjoni tar-rinviju u kif ikkonferma l-Gvern Finlandiż waqt is‑seduta, id-deċiżjonijiet kontenzjużi kienu limitati sabiex jirrakkomandaw lid-destinatarji tagħhom sabiex jimmiraw fuq l-ispeċi li jikkawżaw inkonvenjenzi, mingħajr ma jobbligawhom.

69.

Madankollu, konformement mas-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja ( 27 ), ma jistax jiġi eskluż li l-qtil ta’ lupu wieħed minn grupp ta’ lpup, li fosthom hemm dawk li jikkawżaw ħsara, jista’ – anki jekk il-mira ma tkunx fuq il-kampjuni li jikkawżaw il-ħsara – jipprevjeni jew inaqqas il-ħsara filwaqt li jnissel il-biża’ mill-bniedem fil-lupu. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità li tiddeċiedi dwar deroga għandha, madankollu, issostni din l-ipoteżi permezz ta’ provi konkreti. Il-qorti tar-rinviju ma spjegatx jekk tali provi ġewx prodotti f’dan il‑każ, xi ħaġa li għandha tiġi vverifikata minnha.

3. Fuq l-eżami tas-soluzzjonijiet alternattivi eventwali

70.

Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ( 28 ), l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats jimponi fuq l-Istati Membri li jagħtu motivazzjoni preċiża u adegwata dwar l-assenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet invokati insostenn tad-deroga ( 29 ).

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat ukoll li l-obbligu ta’ motivazzjoni simili marbut mal-użu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva għasafar ma huwiex issodisfatt meta d-deroga ma ssemmi xejn dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti u lanqas ma tirreferi għar-rapporti tekniċi, legali jew xjentifiċi rilevanti ( 30 ).

72.

F’dan il-każ, kif urew Tapiola u l-Kummissjoni, id-deċiżjoni tar‑rinviju ma fiha l-ebda prova li turi li l-Uffiċċju kien ta xi raġunijiet għaliex l-uniku mod sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati insostenn tad‑derogi ta’ ġestjoni kien il-legalizzazzjoni parzjali tal‑kaċċa għal‑lupu, u lanqas għaliex numru daqstant kbir ta’ derogi kien neċessarju għal dan il-għan.

73.

F’dan ir-rigward, kif enfasizzat il-Kummissjoni, din id-deċiżjoni ma turix li l-Uffiċċju pproċeda b’analiżi ddettaljata tad-diffikultajiet prattiċi li hemm fil-kontroll tal-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor li setgħet wasslitu sabiex jikkonkludi li politika ta’ kontroll u ta’ sanzjonijiet iktar stretti, flimkien ma’ miżuri oħra ta’ prevenzjoni, ma kinux jirrappreżentaw għażla sodisfaċenti ( 31 ). Il-qorti tar-rinviju lanqas ma spjegat jekk is-soluzzjonijiet alternattivi rrakkomandati minn Tapiola, bħaż-żieda ta’ self sabiex jinxtraw xatbiet bl-elettriku u t-twettiq ta’ politika iktar attiva ta’ informazzjoni għall-popolazzjonijiet lokali ( 32 ), kinux ġew ikkunsidrati u miċħuda b’motivazzjoni għal dan.

74.

Mingħajr ma espressament jikkontesta din l-assenza ta’ analiżi minn qabel, l-Uffiċċju jsostni li l-fatt li s-sanzjonijiet jiħraxu ma kienx ser jiddisswadi mill-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor għaliex dawn is-sanzjonijiet huma kkunsidrati inġusti. Għall‑kumplament, skont l-Uffiċċju, kif irrilevaw ukoll K. Ruhanen u l‑Gvern Finlandiż, il-pjan ta’ ġestjoni kien jipprevedi, minbarra li jkun hemm il-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni, miżuri addizzjonali meħtieġa għall-prevenzjoni tal-kaċċa illegali fil‑proprjetà ta’ ħaddieħor għal perijodu itwal. Dawn il-miżuri kienu jinkludu kampanji ta’ informazzjoni, il-konsultazzjoni mal-popolazzjonijiet lokali u l-kumpens għad-danni kkawżati mill-ilpup.

75.

Barra minn hekk, fir-rigward tal-għan li jiġi evitat li klieb jiġu feruti minn ilpup, kif enfasizzat il-Kummissjoni, id-deċiżjoni tar‑rinviju ma tindikax li l-Uffiċċju kien spjega kif derogi mmirati lejn il-kampjuni li jikkawżaw il-ħsara, li jimplika jekk ikun il-każ il-qatla tagħhom minn professjonisti, ma setgħux jilħqu dan il-għan.

76.

F’każ li l-qorti tar-rinviju tikkonferma li l-Uffiċċju adotta d‑derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali mingħajr ma ta raġuni minn qabel, b’mod preċiż u adegwat, li l-ebda soluzzjoni oħra ma setgħet twassal sabiex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija, hija għandha tikkonkludi li dawn id-derogi jiksru l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats.

C.   Fuq l-effett tad-derogi fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi

1. Fuq il-livelli ġeografiċi li fuqhom għandu jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati

77.

Sabiex jiġi vverifikat jekk ir-rekwiżit, stipulat fl-introduzzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats, li d-deroga “mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom”, ġiex osservat, l‑awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom, fl-ewwel lok, jeżaminaw l-istat ta’ konservazzjoni li fih jinsabu dawn il‑popolazzjonijiet. Huwa biss fi tmiem dan l-eżami li dawn l-awtoritajiet ikunu jistgħu jevalwaw l-effett li d-deroga jista’ jkollha fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-imsemmija popolazzjonijiet ( 33 ).

78.

Il-punt (a) tat-tielet domanda jirrigwarda l-livelli ġeografiċi li fir-rigward tagħhom, f’dan il-kuntest, għandu jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjoni ta’ lpup. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din l-evalwazzjoni għandhiex issir, apparti fil-livell taż-żona lokali msemmija fid-deroga, fil-livell tat-territorju tal-Istat Membru kollu kemm hu, jew inkella fil-livell transkonfinali meta l-firxa naturali tal‑popolazzjoni inkwistjoni testendi fuq it-territorju ta’ diversi pajjiżi.

79.

F’dan ir-rigward, peress li d-Direttiva habitats la tiddefinixxi l‑kunċett ta’ “popolazzjoni” u lanqas ta’ “firxa naturali”, it-tifsira tagħhom fil-kuntest tal-Artikolu 16(1) tagħha tista’ tingħata fid-dawl tal-għan ta’ din id-direttiva. Skont l-Artikolu 2(1) u (2) moqrija flimkien, dan il-għan jikkonsisti, b’mod partikolari, f’li jiġi żgurat li jinżammu jew jiġu rripristinati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, speċi li huma ta’ interess għall-Komunità, “fit-territorju Ewropew ta’ l‑Istati Membri”. Il-kunċett ta’ “stat ta’ konservazzjoni favorevoli” huwa, barra minn hekk, iddefinit fl-Artikolu 1(i) tal-imsemmija direttiva, b’riferiment għall-popolazzjonijiet li jokkupaw dan l-istess territorju.

80.

Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-kunċett ta’ “popolazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats, ma għandux jiġi limitat għall-grupp ta’ lpup lokali msemmija fid-deroga. F’din il-perspettiva, il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja ( 34 ), evalwat l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fil-livell tat-territorju nazzjonali ( 35 ).

81.

Fuq din l-istess linja, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni jiddefinixxi l-kunċett ta’ “popolazzjoni” bħala li jinkludi grupp ta’ kampjuni tal-istess speċi li jgħixu flimkien fl-istess żona ġeografika u li jistgħu jirriproduċu bejniethom ( 36 ). Skont dan id-dokument, il-kunċett ta’ “firxa naturali” huwa limitat, min-naħa tiegħu, għall-ispazji li fihom il‑popolazzjoni tikber ( 37 ).

82.

F’din il-perspettiva, kif jirrakkomandaw dan id-dokument u l-Linji Gwida tal-LCIE u kif sostnew Tapiola, il-Gvern Finlandiż u dak Daniż kif ukoll il‑Kummissjoni, l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati, kif ukoll l-effett li d-deroga ppjanata jista’ jkollha fuqu, għandhom jiġu evalwati fil-livell tat-territorju tal-Istat Membru jew, jekk ikun il-każ, tar-reġjun bijoġeografiku inkwistjoni meta l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru jissovrapponu diversi reġjuni bijoġeografiċi ( 38 ).

83.

Fuq kollox, kif enfasizzaw il-persuni kkonċernati li ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub u kif jipprevedi d-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni ( 39 ), l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ deroga fil-livell tat‑territorju tal-grupp ta’ lpup lokali ġeneralmanet issir neċessarja sabiex jiġi stabbilit l-effett fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal‑popolazzjoni inkwistjoni fuq livell ikbar. Fil-fatt, peress li deroga għandha tindirizza problema speċifika f’sitwazzjoni partikolari ( 40 ), l‑effetti tagħha, minnhom innifishom, jistgħu jinħassu bl-iktar mod immedjat fiż-żona lokali koperta minnha. Issa, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjoni fil-livell nazzjonali jew bijoġeografiku jiddependi fuq l‑effett akkumulat ta’ derogi differenti li jaffettwaw żoni lokali kif ukoll, jekk ikun il-każ, kawżi oħra ta’ mortalità dovuti għall-intervent tal‑bniedem lokalment ( 41 ).

84.

Għall-kuntrarju, jiena ma naqbilx mal-argument, imressaq mill‑Uffiċċju quddiem il-qorti tar-rinviju, li jipprevedi li jkun biżżejjed, sabiex jiġi pprovat li r-rekwiżit eżaminat hawnhekk ġie ssodisfatt f’dan il-każ, li jiġi stabbilit li d-deroga ma tpoġġix f’perikolu ż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni tal-ilpup fil-firxa naturali tagħhom iddefinita fil-livell transkonfinali. Minkejja li l-Uffiċċju ma spjegax il-portata tal-firxa naturali tal-popolazzjoni tal-ilpup inkwistjoni, mill-informazzjoni mogħtija minn Tapiola jirriżulta li din kienet tkopri ċerti partijiet tat-territorji tal-Finlandja u tar-Russja ( 42 ).

85.

Dwar dan, infakkar, l-ewwel nett, li d-Direttiva habitats hija intiża biss sabiex tiżgura l-konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità fit-territorju tal-Istati Membri. It‑tieni nett, l-Istati terzi ma humiex marbuta b’obbligi ta’ protezzjoni stretta ta’ dawn l-ispeċi li jirriżultaw minn din id-direttiva. Għalhekk, Stat Membru ma għandux, fil-prattika, il-possibbiltà li jivverifika u lanqas li raġonevolment jipprevedi l-ammont u t-tip ta’ kampjuni tal‑imsemmija speċi li tagħhom Stat terz jista’ jawtorizza jew jippermetti l-qatla ( 43 ). Peress li l-effett ta’ deroga fuq l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjoni jiddependi fuq l-effett akkumulat tad‑diffikultajiet differenti tad-diversi kawżi ta’ mortalità dovuti għall-bniedem, dan ma għandux jiġi evalwat fil-livell ta’ territorju li jaqsam il-fruntieri ta’ pajjiż terz.

86.

Dan l-approċċ huwa l-bażi, jidhirli, tal-evalwazzjoni tal-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il‑Finlandja ( 44 ). Kif irrilevat Tapiola, il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is‑sentenza ddeċidiet biss fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu fil‑livell tat-territorju Finlandiż, u mhux fuq il-livell tal‑popolazzjoni transkonfinali.

87.

Din il-konklużjoni ma tippreġudikax il-kwistjoni dwar jekk Stat Membru jistax jistabbilixxi li l-popolazzjoni inkwistjoni għandha stat ta’ konservazzjoni favorevoli, meta l-firxa naturali tagħha tolqot it‑territorju ta’ diversi Stati Membri, billi jipproduċi l-prova li tinsab f’tali stat fil‑livell taż-żona transkonfinali kkonċernata ( 45 ).

88.

Minn dan nikkonkludi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats ma għandhiex tkun adottata mingħajr ma jiġi evalwat l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata kif ukoll l-impatt li d-deroga maħsuba jista’ jkollha fuq dak l-istat, fil-livell tat-territorju tal-Istat Membru fit-totalità tiegħu jew tar-reġjun bijoġeografiku fi ħdanu li fih din id-deroga hija maħsuba li tiġi implimentata.

2. Fuq il-portata tal-kundizzjoni relatata mal-assenza ta’ inkonvenjent għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet inkwistjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli

89.

Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tat-tielet domanda tagħha, li ser neżamina flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l‑Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats jipprekludix neċessarjament l‑adozzjoni ta’ deroga meta l-istat ta’ konservazzjoni tal‑popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati ma huwiex favorevoli.

90.

F’dan ir-rigward, il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, inkwantu jsemmi “ħarsien […] fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli” tal‑popolazzjonijiet koperti b’deroga, jista’ jagħti x’tifhem li l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ dawn il-popolazzjonijiet jikkostitwixxi prerekwiżit għall-adozzjoni tagħha.

91.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet din l-interpretazzjoni fis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja ( 46 ). Hija ddeċidiet li l-kundizzjoni hawn fuq imsemmija hija ssodisfatta, anki meta l-popolazzjonijiet inkwistjoni ma jinsabux fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, sakemm ikun stabbilit debitament li d-deroga ma hijiex tali li taggrava l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom diġà mhux favorevoli u lanqas li tipprekludi li jerġgħu jitpoġġew fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Huwa għalhekk biżżejjed li d-deroga tkun, għall-inqas, newtrali mill-perspettiva tal-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi – eżempju li jkopri, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

92.

Inżid li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva habitats għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl‑Artikolu 191(2) TFUE ( 47 ), li għalih irreferew Tapiola u l‑Kummissjoni. Dan il-prinċipju jimplika li jekk wara l-eżami tal-aħjar data xjentifika sinjifikattiva disponibbli jibqa’ dubju dwar jekk deroga hijiex ser tagħmel ħsara jew le għaż-żamma jew ir-ripristinar tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-Istat Membru għandu jastjeni milli jadottaha jew jimplimentaha ( 48 ).

3. Fuq l-effett tal-pjan ta’ ġestjoni u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi l-ammont massimu ta’ kampjuni li jistgħu jinqatlu

93.

Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar‑rinviju tistaqsi jekk huwiex rilevanti, sabiex tiġi evalwata l‑konformità ta’ deroga mal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, li hija taqa’ fil-kuntest ta’ pjan ta’ ġestjoni u ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kwota massima ta’ kampjuni li jistgħu jinqatlu għal sena tal-kaċċa partikolari fit-territorju nazzjonali abbażi ta’ din id‑dispożizzjoni.

94.

Bħal Tapiola, l-Uffiċċju, il-Gvern Finlandiż u dak Daniż kif ukoll il‑Kummissjoni, inqis li dan il-fatt jikkostitwixxi fattur rilevanti għal dan il-għan. Fil-fatt, l-iffissar ta’ ammont massimu ta’ annimali li t‑teħid tagħhom jista’ jiġi awtorizzat f’dan it-territorju jista’ jiżgura li l‑effett kumulattiv annwali ta’ derogi individwali ma jippreġudikax iż‑żamma jew ir-ripristinar tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ( 49 ). Barra minn hekk, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni jirrakkomanda l-adozzjoni ta’ pjani ta’ ġestjoni peress li jirrappreżentaw “l-aħjar mod li tipprova l-konformità mar‑rekwiżiti stretti tal-Artikolu 16 [ta’ din id-direttiva]” ( 50 ).

95.

Naturalment, il-modalitajiet tal-pjan ta’ ġestjoni u tal‑leġiżlazzjoni inkwistjoni għandhom, għal dan il-għan, effettivament jiżguraw l-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti. B’mod partikolari, sabiex il-qtil ta’ ammont ta’ kampjuni li jissodisfa l-kwota massima stabbilita minn qabel ikun konformi mal-imsemmija rekwiżiti, din il-kwota għandha tkun ġiet stabbilita billi jiġi kkunsidrat l-effett kumulattiv tad‑derogi bbażati fuq l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, ta’ dawk mogħtija abbażi ta’ kapi oħra ta’ deroga kif ukoll ta’ kawżi ta’ mortalità oħra attribwibbli lill-bniedem ( 51 ). Kif irrilevat Tapiola, mill‑perspettiva tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni inkwistjoni, huma rilevanti biss l-ammont u t-tip ta’ kampjuni li jkunu mietu, filwaqt li l‑kawża tal-mewt tagħhom hija irrilevanti.

96.

F’dan il-każ, l-Uffiċċju indika, fid-deċiżjonijiet kontenzjużi, li l‑limitu ta’ 46 kampjun stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1488/2015 jippermetti li jiġi żgurat li ż-żamma jew ir-ripristinar tal‑popolazzjoni tal-ilpup fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ma jkunux mhedda.

97.

Tapiola u l-Kummissjoni jiddubitaw din il-konstatazzjoni fir‑rigward, b’mod partikolari, tad-data pprovduta fil-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Minn naħa waħda, Tapiola ssostni li dan il‑limitu kien għoli wisq fid-dawl tad-daqs tal-popolazzjoni tal-ilpup u l‑istat ta’ konservazzjoni tagħha. Min-naħa l-oħra, hija tallega li l‑kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni, kuntrarjament għar‑rakkomandazzjonijiet li jinsabu fil-pjan ta’ ġestjoni u d-derogi mogħtija abbażi tagħha, kienet tkopri ammont sinjifikattiv ta’ kampjuni li jirriproduċu. Madwar nofs it-43 jew 44 lupu maqtula abbażi ta’ dawn id-derogi – u, b’mod partikolari, erba’ minn seba’ lpup maqtula minn R. Mustonen u K. Ruhanen – kienu kampjuni li jirriproduċu. Issa, infakkar li skont il‑pjan ta’ ġestjoni, il-vijabbiltà ta’ grupp ta’ lpup irrikjediet li jiġu kkaċċjati biss il-kampjuni li ma jirriproduċux ( 52 ). Tapiola u l-Kummissjoni josservaw li l-popolazzjoni tal-ilpup naqset drastikament wara l-implimentazzjoni tal-imsemmija derogi.

98.

Id-data li jirreferu għaliha dawn tal-aħħar, jekk tiġi kkonfermata mill-qorti tar-rinviju, tikkostitwixxi indizju qawwi li l‑kwota massima stabbilita minn qabel fil-leġiżlazzjoni Finlandiża, flimkien mal-assenza ta’ projbizzjoni ta’ qtil ta’ kampjuni li jirriproduċu, ma kinux jiżguraw li d-derogi ta’ ġestjoni adottati fil-limiti ta’ din il-kwota, inklużi dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jagħmlux ħsara għaż-żamma jew ir-ripristinar tal-popolazzjoni tal-ilpup fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

D.   Fuq il-portata tar-rekwiżiti speċifiċi stipulati fl‑Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats

99.

L-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats jissuġġetta l-użu ta’ kap ta’ deroga prevista fih għall-osservanza tar-rekwiżiti relatati man‑natura selettiva tat-teħid, mal-fatt li l-ammont ta’ kampjuni meħuda jkun limitat u speċifiku għal-limitazzjoni, u mas-sorveljanza stretta tal-kundizzjonijiet li fihom isir it-teħid. Sabiex tingħata risposta kompluta għall-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lill-qorti tar-rinviju ċerti spjegazzjonijiet dwar il‑kontenut ta’ dawn ir-rekwiżiti f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil‑kawża prinċipali.

100.

Kif urew il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-kundizzjoni ġenerali preliminari li għaliha l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva jissuġġetta kull deroga, dwar l-assenza ta’ inkonvenjent għaż-żamma jew l-irripristinar tal-popolazzjonijiet inkwistjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, timponi diġà ċerti rekwiżiti fir-rigward tal‑ammont u, jekk ikun il-każ, tat-tipi ta’ kampjuni li jistgħu jiġu meħuda.

101.

Sabiex jingħata kontenut proprju għar-rekwiżiti speċifiċi stipulati fl-Artikolu 16(1)(e) u b’hekk tiġi żgurata l-effettività tagħhom, fl‑opinjoni tiegħi dawn għandhom jiġu interpretati bħala li jillimitaw, barra minn hekk, il-fakultà ta’ deroga mill-obbligi ta’ protezzjoni stretta tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati anki meta d-deroga kkunsidrata la tipprekludi ż-żamma u lanqas ir-ripristinar ta’ dawn il‑popolazzjonijiet fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

102.

F’din il-perspettiva, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni jindika li l-kap ta’ deroga previst fl-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats fih limitazzjonijiet supplimentari “sinjifikattivi” meta mqabbla ma’ dawk fil-kawżi ta’ derogi stipulati fil-punti l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni, anki jekk l-applikazzjoni tagħha “fil-prattika tidher eċċezzjonali” ( 53 ).

103.

F’dan id-dokument il-Kummissoni tipproponi, ġustament fl‑opinjoni tiegħi, test li jipprevedi li deroga ma għandhiex tkun adottata abbażi tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats meta jkun hemm riskju ta’ “impatt negattiv sinjifikattiv fuq il-popolazzjoni kkonċernata f’termini kwantitattivi jew kwalitattivi (jiġifieri impatt negattiv fuq l‑istruttura ta’ popolazzjoni)” ( 54 ). Fil-preżenza ta’ tali riskju, id-deroga ma għandhiex tingħata anki jekk ma twassalx sabiex tipprekludi ż‑żamma jew ir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

104.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi stabbilita l-portata tat-tliet rekwiżiti speċifiċi mitluba fl‑Artikolu 16(1)(e).

105.

Fl-ewwel lok, l-interpretazzjoni tar-rekwiżit relatat mal-“ammont limitat” ta’ teħid awtorizzat skont l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, tista’ tkun iċċarata bil-ġurisprudenza dwar ir-rekwiżit komparabbli relatat man-“numri żgħar” ta’ kampjuni meħuda, stipulat fl‑Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva għasafar.

106.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ammont ta’ għasafar li jistgħu jiġu kkaċċjati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni jiddependi mil-livell tal-popolazzjoni tal-ispeċi, mill-istat ta’ konservazzjoni tagħha u mill-karatteristiċi ġeografiċi tagħha. Dan l‑ammont għandu jiġi stabbilit fid-dawl ta’ data ta’ natura ġeografika, klimatika, ambjentali u bijoloġika kif ukoll tal-evalwazzjoni tas-sitwazzjoni fir-rigward tar-riproduzzjoni u tal-mortalità annwali totali minħabba raġunijiet naturali tal-ispeċi kkonċernata ( 55 ).

107.

Fit-tieni lok, skont id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni ( 56 ), ir‑rekwiżit relatat man-natura selettiva tat-teħid tal-kampjuni tal‑ispeċi kkonċernata jirreferi primarjament għall-kaċċa ta’ speċi waħda bl‑esklużjoni tal-oħrajn kollha ( 57 ). Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-rekwiżit, interpretat fid-dawl tal-portata ġenerali tal‑kundizzjonijiet speċifiċi stipulati fl-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, kif deskritt fil‑punt 103 ta’ dawn il-konklużjonijiet, jista’ wkoll, skont iċ‑ċirkustanzi, jirrikjedi li jiġu mmirati b’mod iktar preċiż speċi jew kategoriji ta’ speċi speċifiċi ( 58 ).

108.

Minn din il-perspettiva, il-livell ta’ selettività mitlub jiddependi, min-naħa tiegħu wkoll, kif isostnu, essenzjalment, il-Gvern Daniż u dak Svediż kif ukoll il-Kummissjoni, mil-livell tal-popolazzjoni inkwistjoni, mill-istat ta’ konservazzjoni tagħha u mill-karatteristiċi bijoloġiċi tagħha ( 59 ). Għal ċerti speċi jew popolazzjonijiet, jista’ jkun meħtieġ li jiġu mmirati ċerti speċi identifikati b’mod individwali, abbażi ta’ ċerti karatteristiċi bijoloġiċi (b’mod partikolari għal raġunijiet ġenetiċi jew abbażi tar-rwol tagħhom fil-grupp ( 60 )) jew inkella għaliex jappartjenu għal grupp jew gruppi li jokkupaw territorju partikolari.

109.

Fit-tielet lok, ir-rekwiżit li d-derogi bbażati fuq l‑Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats għandhom jingħataw taħt kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta jimplika, b’mod partikolari, li dawn il‑kundizzjonijiet u l-mod kif l-osservanza tagħhom tiġi ssorveljata għandhom jiżguraw in-natura selettiva u limitata tat-teħid tal-kampjuni tal-ispeċi kkonċernati.

110.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li l‑proċeduri amministrattivi għandhom jiġu organizzati b’tali mod li kemm id-deċiżjonijiet li jawtorizzaw derogi ta’ kaċċa skont l‑Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva għasafar u l-mod kif dawn id‑deċiżjonijiet huma applikati huma suġġetti għal kontroll effettiv fi żmien utli ( 61 ).

111.

Id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni jikkorrobora dan l‑approċċ meta jindika li d-derogi għandhom ikunu s-suġġett ta’ awtorizzazzjonijiet ċari li jispeċifikaw il-kampjuni jew il-gruppi ta’ kampjuni li jistgħu jinqatlu u l-ammonti tagħhom, kif ukoll il-postijiet u d-dati tat-teħid awtorizzati ( 62 ). Barra minn hekk, għal kull deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura l-osservanza tar-rekwiżiti hemm previsti qabel l-adozzjoni tagħha u għandha tissorvelja l-impatt tagħha a posteriori ( 63 ).

112.

Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-Uffiċċju stabbilixxiex, abbażi ta’ data xjentifika, li l-limiti territorjali u kwantitattivi imposti fuq id-derogi ta’ ġestjoni, fid-dawl ukoll tal-mod li bih l-osservanza tagħhom ġiet ivverifikata, kinux suffiċjenti sabiex jiżguraw li ma kellhomx impatt negattiv sinjifikattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup. Fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex probabbli li dan kien il-każ, fid-dawl, l-ewwel nett, tal-ammont kbir ta’ kampjuni mmirati meta mqabbla mal-popolazzjoni totali tal-ilpup skont iċ-ċifri mressqa minn Tapiola u l-Kummissjoni (jekk jiġi preżunt li huma kkonfermati) ( 64 ), u, min-naħa l-oħra, tal-assenza ta’ projbizzjoni ta’ kaċċa ta’ kampjuni li jirriproduċu.

V. Konklużjoni

113.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill‑Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat‑13 ta’ Mejju 2013, ma jipprekludix li Stat Membru jidderoga mill‑obbligu tiegħu li jiżgura l-projbizzjoni ta’ qtil volontarju ta’ kampjuni tal-ispeċi msemmija fl-Anness IV(a) tad-Direttiva 92/43, fosthom l-ispeċi Canis lupus, prevista fl-Artikolu 12(a) tal‑imsemmija direttiva, billi jawtorizza l-kaċċa għall-ilpup bil‑għan li jiġġieled kontra l-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor, li jipprevjeni l-ħsara lill-klieb u/jew itejjeb is‑sentiment ġenerali ta’ sigurtà tal-popolazzjoni, sakemm dan l-Istat Membru juri li r-rekwiżiti kollha stipulati fl-Artikolu 16(1)(e) tal-istess direttiva ġew issodisfatti.

2)

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17/UE, sa fejn jipprevedi li deroga bbażata fuq din id-dispożizzjoni tista’ tiġi adottata biss jekk ma teżisti l-ebda soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru għandu, għal dan il-għan, jidentifika l-għanijiet li għandhom jintlaħqu permezz tad-deroga b’mod ċar u preċiż fid-deċiżjoni tad-deroga, jistabbilixxi li d-deroga hija adatta għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet u juri li l-ebda soluzzjoni alternattiva oħra ma setgħet tilħaqhom.

3)

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 92/43, kif emendata bid-Direttiva 2013/17/UE, sa fejn jipprevedi li deroga bbażata fuq din id-dispożizzjoni tista’ tiġi adottata biss bil‑kundizzjoni li ma tikkawżax ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fil-firxa naturali tagħhom, għandu jiġi interpretat fis‑sens li:

jipprekludi li Stat Membru jadotta tali deroga meta l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni jkun ġie evalwat biss fil‑livell taż-żona lokali koperta mid-deroga, u l-ebda evalwazzjoni ma tkun saret fil-livell ta’ dan l-Istat Membru jew tar-reġjun bijoġeografiku kopert bid-deroga fi ħdan l‑imsemmi Stat Membru.

ma jipprekludix li Stat Membru jadotta tali deroga meta l‑istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernata ma huwiex favorevoli, sakemm id-deroga ma tagħmilx dak l-istat agħar jew tipprekludi r-ripristinar ta’ dik il-popolazzjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

il-fatt li deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1)(e) tad‑Direttiva 92/43/KEE, kif emendata bid‑Direttiva 2013/17, taqa’ fil-kuntest ta’ pjan ta’ ġestjoni nazzjonali u ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi kwota massima annwali ta’ kampjuni li jistgħu jinqatlu fit-territorju nazzjonali abbażi tiegħu jiżgura biss li dan ir-rekwiżit ġie ssodisfatt sakemm din il-kwota hija stabbilita f’livell li n-numru ta’ derogi adottati li jilħqu l-ogħla limiti ta’ din il-kwota, fid-dawl ukoll tad-derogi eventwalment adottati abbażi tal‑Artikolu 16(1)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva u kawżi oħra ta’ mortalità attribwibbli lill‑bniedem, ma jagħmilx ħsara għaż-żamma jew ir‑ripristinar ta’ dawn il-popolazzjonijiet fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

4)

L-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva 92/43, sa fejn jipprevedi li deroga bbażata fuq din id-dispożizzjoni tista’ tiġi adottata sabiex tippermetti, f’kundizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, b’mod selettiv u limitat, it-teħid ta’ numru limitat u speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ta’ ċerti speċi li jinsabu fl-Anness IV ta’ din id-direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li dawn l-awtoritajiet għandhom, qabel jadottaw tali deroga, jistabbilixxu li tali deroga ma għandhiex riskju li jkun hemm impatt negattiv sinjifikattiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni kkonċernata. L-assenza ta’ tali riskju għandha tkun żgurata permezz tal-limitazzjoni tal-ammont tal-kampjuni koperti bid-deroga u tan-natura selettiva tagħha, skont modalitajiet li jiddependu mil-livell ta’ din il-popolazzjoni, l-istat ta’ konservazzjoni tagħha u l-karatteristiċi bijoloġiċi tagħha. Dawn il-kundizzjonijiet għandhom ikunu spjegati b’mod preċiż fid-deċiżjoni tad-deroga. L-osservanza tagħhom għandha tkun issorveljata b’mod strett.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).

( 3 ) Il-pjan ta’ ġestjoni huwa disponibbli fuq l-internet: https://mmm.fi/documents/1410837/1720364/Suomen_susikannan_hoitosuunnitelmat.pdf/cf2138e7-6a9b-4955-9b93-d719c734590f.

( 4 ) Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat, l-Artikoli 12, 13 u 16 tad-Direttiva habitats jifformaw totalità koerenti ta’ normi intiżi sabiex tiġi żgurata l‑protezzjoni tal-ispeċi kkonċernati. Konsegwentement, kull deroga li tkun inkompatibbli mal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva tikser ukoll l-Artikoli 12 jew 13. Ara s-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 112).

( 5 ) Jiena ma naqbilx mal-perspettiva, espressa minn Tapiola, li l-kunċett ta’ “teħid”, fis-sens tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, ma jinkludix il-qtil ta’ kampjuni tal-ispeċi kkonċernati. Kif isostnu l-persuni kkonċernati l-oħra li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett jikkostitwixxi terminu ġeneriku li jkopri kemm il-qbid kif ukoll il-qtil. Kif isostnu l-Gvern Daniż u dak Svediż, l-użu ta’ dan it-terminu jista’ jiġi spjegat, b’mod partikolari, bil-fatt li l‑ispeċi msemmija fl-Anness IV ta’ din id-direttiva jinkludu, barra l-ispeċi tal‑annimali, speċi veġetali li fir-rigward tagħhom l-espressjoni “qtil” ma kinitx tkun adegwata. Id-dokument ta’ gwida fuq il-protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali ta’ interess Komunitarju previst mid- [Direttiva habitats] (Frar 2007, http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/guidance/pdf/guidance_fr.pdf, p. 59, punt 33, iktar ’il quddiem id-“dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni”) jikkorrobora din l-interpretazzjoni. Minkejja li ma għandux saħħa vinkolanti, dan id-dokument fih indikazzjonijiet iddettaljati li jistgħu jitfgħu dawl fuq l‑interpretazzjoni tad-Direttiva habitats. L-interpretazzjoni li nirrakkomanda tirriżulta wkoll minn applikazzjoni b’analoġija tal-ġurisprudenza relatata mal‑Artikolu 9(1)(c) tad‑Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), magħrufa bħala d-“Direttiva għasafar”. Fil-fatt, il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni, li tippermetti deroga mill-obbligi ta’ protezzjoni li jirriżultaw minn din id-direttiva f’kundizzjonijiet komparabbli għal dawk stipulati fl-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, tista’ tiġġustifika l‑awtorizzazzjoni tal‑kaċċa tal-għasafar selvaġġi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et (C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 10), kif ukoll tal-15 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑344/03, EU:C:2005:770, punt 31)).

( 6 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 111); tal-10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑508/04, EU:C:2007:274, punt 110); u tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 25).

( 7 ) Sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 25). Ara wkoll, fost l-oħrajn u b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 34), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477, punt 47).

( 8 ) Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 5 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 9 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 25). Ara, ukoll, id-dokument ta’ gwida tal‑Kummissjoni, p. 53, punt 4.

( 10 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 25), kif ukoll tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477, punt 62).

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 54, 71, 106 u 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-Kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2006:752, punt 24).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 60, punt 36. Test ta’ “proporzjonalità fis-sens strett”, li jikkonsisti fil-verifika li l-inkonvenjenzi ta’ deroga ma humiex sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet koperti, fl-opinjoni tiegħi, jinsab diġà integrat fil-kundizzjoni, prevista wkoll fl-introduzzjoni tal‑Artikolu 16(1) tad-Direttiva habitats, li jipprevedi li deroga ma tistax tkun ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli (ara l-punti 77 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet). Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, b’hekk, il-limitu li għandu jintlaħaq fl-ibbilanċjar bejn l-interess tal-protezzjoni tal-ispeċi u l‑interessi opposti, li għandu neċessarjament ikun favur tal-ewwel.

( 14 ) Pereżempju, Stat Membru jista’ juża l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats sabiex jipprevjeni ċerti danni jew inkonvenjenzi meta dawn ma jikkwalifikawx bħala ħsara “serja” fis-sens tal-punt (b) ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, l‑għan ta’ konservazzjoni tal-ispeċi, minkejja li jista’ jintlaħaq ukoll fil-qafas tal‑Artikolu 16(1)(a) jew (d) tad-Direttiva habitats, jista’ jiġġustifika deroga abbażi tal-punt (e) ta’ din id-dispożizzjoni meta l-effett pożittiv mistenni tad-deroga dwar l‑istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ma huwiex stabbilit b’mod sodisfaċenti sabiex jawtorizza l-applikazzjoni tal-punti (a) sa (d) tal-imsemmija dispożizzjoni (nerġa’ nirreferri għal dan fil-punti 61 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 15 ) Ara l-Artikolu 2(3) tad-Direttiva habitats.

( 16 ) Ara l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva habitats. Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 29).

( 17 ) Ara, f’dan ir-rigward, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 56, punt 14.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2006:752, punt 25), u tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2017:613, punt 67). Barra minn hekk, l-identifikazzjoni ċara u sostnuta tal‑għanijiet tad-deroga tippermetti li jiġi evitat li Stat Membru jista’ jiddefinixxi l‑problema li għaliha qed ifittex rimedju b’mod artifiċjali li jeskludi eventwali soluzzjonijiet sodisfaċenti alternattivi oħra (ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Il-Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2017:613, punt 68)).

( 19 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-8 ta’ Lulju 1987, Il-Kummissjoni vs Il‑Belġju (247/85, EU:C:1987:339, punt 7); tas-7 ta’ Marzu 1996, Associazione Italiana per il WWF et (C‑118/94, EU:C:1996:86, punt 21); u tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑164/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:672, punt 28). Ara, ukoll, id-dokument ta’ gwida tal‑Kummissjoni, p. 56, punt 14.

( 20 ) Dwar dan is-suġġett, il-Kummissjoni tallega li l-ebda lupu qatt ma attakka bniedem minn kważi seklu ’l hawn. Skont id-data li għandha Tapiola, mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn, fil-Fennoskandja ma ġie rrappurtat l-ebda attakk minn lupu fuq bniedem.

( 21 ) Ara l-punt 52 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 22 ) Tali provi jistgħu jinkludu studji ta’ natura soċjoloġika magħmula fl-Istat Membru inkwistjoni jew inkella data xjentifika relatata mal-konsegwenzi tal-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni awtorizzata f’pajjiżi oħra dwar l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu.

( 23 ) Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44); tat‑8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, punt 66); u tas‑17 ta’ April 2018, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (Foresta ta’ Białowieża) (C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 117). Dawn is-sentenzi jirrigwardaw l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva habitats inkwantu jipprevedu li pjan jew proġett li ma huwiex direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit “Natura 2000” iżda li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv ma jistax jiġi awtorizzat ħlief bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti tkun żgurata li mhux ser ikun hemm dannu għall-integrità tal-imsemmi sit. Il-prinċipji li l-Qorti tal‑Ġustizzja użat fihom jidhirli li huma applikabbli b’analoġija għall‑interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva inkwantu jissuġġettaw l-adozzjoni ta’ kull deroga għall-obbligi ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ interess Komunitarju fl-assenza ta’ inkonvenjent għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċi fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

( 24 ) Ara l-punti 89 sa 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 25 ) Tapiola tirreferi, b’mod partikolari, għall-artikoli ta’ Benítez-López, A., Alkemade, R., Schipper, A. M., Ingram, D. J., Verweij, P. A., Eikelboom, J. A. J. u Huijbregts, M. A. J., “The impact of hunting on tropical mammal and bird populations”, Science, 356 (6334), 2017, pp. 180 sa 183, u ta’ Epstein, Y., “Killing Wolves to Save Them? Legal Responses to ‘Tolerance Hunting’ in the European Union and United States”, Review of European Community & International Environmental Law, Vol. 26, Nru 1, 2017, pp. 19 sa 29. Il-Kummissjoni tiċċita wkoll dan l-aħħar artikolu.

( 26 ) Pjan ta’ ġestjoni, p. 15.

( 27 ) C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 42.

( 28 ) Ara l-punt 44 ta’ dawn il-konklużjonijiet kif ukoll is‑sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 31).

( 29 ) Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 16(3)(a) tad-Direttiva habitats, li jirrikjedi li r-rapporti dwar l-implimentazzjoni tad-derogi skont il-paragrafu 1 ta’ dan l‑artikolu, li l-paragrafu 2 tiegħu jipprevedi li għandhom jiġu sottomessi mill-Istati Membri lill-Kummissjoni, għandhom jinkludu “r-raġuni għad-deroga […], u jekk xieraq, b’referenza għall-alternattivi miċħuda u l-fatti xjentifiċi magħrufa li ntużaw”.

( 30 ) Sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477, punti 5051). Ara, ukoll, id-dokument ta’ gwida tal‑Kummissjoni, p. 61, punt 40.

( 31 ) Il-Kummissjoni ssemmi, bħala eżempju, il-programm LIFE implimentat fir-reġjun tal-Alpi (ara s-sit internet http://www.lifewolfalps.eu/en/anti-poaching/).

( 32 ) Barra minn hekk, Tapiola tenfasizza li Stati Membri oħra, jiġifieri l-Ġermanja u l‑Isvezja, adottaw, abbażi tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva habitats, derogi għall‑prevenzjoni tal-kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor mingħajr il-qtil tal‑ilpup. Fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li Stati Membri oħra setgħu, jekk ikun il-każ, jirriżolvu problema identika mingħajr l-użu ta’ deroga, filwaqt li ma huwiex konklużiv, huwa indizju qawwi tal-eżistenza ta’ soluzzjoni alternattiva għad‑deroga inkwistjoni. Ara, f’dan is-sens, b’analoġija, il-konklużjonijiet tal‑Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża LRBPO u AVES (C‑10/96, EU:C:1996:430, punt 39).

( 33 ) Ara, f’dan is-sens, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 62, punt 43.

( 34 ) C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 27.

( 35 ) F’dak li jirrigwarda t-territorju Finlandiż, infakkar li l-ispeċi Canis lupus ma hijiex speċi ta’ interess għall-Komunità strettament protetta barra miż-żona ta’ ġestjoni tar-renni (ara l-Anness IV(a) tad-Direttiva habitats).

( 36 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 62, punt 43. Ara, ukoll, id-dokument tal‑grupp ta’ esperti Large Carnivore Initiative for Europe (LCIE) intitolat “Guidelines for Population Level Management Plans for Large Carnivores” (1 ta’ Lulju 2008, http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/carnivores/pdf/guidelines_for_population_level_management.pdf, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida tal‑LCIE”, pp. 7 u 8). Dan id-dokument tħejja fuq talba tal-Kummissjoni sabiex jirrifletti l-aħjar prattiċi għall-ġestjoni tal-karnivori kbar. Għal dan il-għan, il‑Kummissjoni tirrakkomanda l-gwida li fih lill-Istati Membri (ara l-Kummissjoni, “Note to the Guidelines for Population Level Management Plans for Large Carnivores”, 1 ta’ Lulju 2008, http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/carnivores/pdf/guidelines_for_population_level_management_ec_note.pdf). Dan id-dokument, minkejja li ma huwiex vinkolanti, jagħti wkoll indikazzjonijiet rilevanti sabiex tiġi interpretata d-Direttiva habitats.

( 37 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 11, punt 19. Skont il-Linji Gwida tal‑LCIE (p. 9), dawn il-limiti jistgħu jestendu għal mijiet ta’ kilometri kwadri fir‑rigward ta’ popolazzjoni ta’ lpup.

( 38 ) Ara d-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 63, punti 45 u 46, kif ukoll il-Linji Gwida tal-LCIE, p. 22. Skont l-Artikolu 1(c)(iii) tad-Direttiva habitats, it-territorju tal-Unjoni fih disa’ reġjuni bijoġeografiċi, li huma r-reġjuni Alpin, Atlantiku, tal-Baħar l-Iswed, Boreali, Kontinentali, Mediterranju, Makaroneżjan, Pannoniku u Steppiku. Id-dokument intitolat “Reporting Under Article 17 of the Habitats Directive – Explanatory Notes and Guidelines for the Period 2013‑2018” (Mejju 2017, http://cdr.eionet.europa.eu/help/habitats_art17, p. 18) jipprevedi li meta t-territorju ta’ Stat Membru jestendi fuq diversi reġjuni bijoġeografiċi, ir‑rapporti dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva habitats, li l-Artikolu 17(1) jipprevedi li jiġu ppreżentati kull sitt snin, għandhom jinkludu evalwazzjoni fil-livell ta’ kull wieħed minn dawn ir-reġjuni. Il-portata tal-obbligu ta’ eżami tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi ta’ interess Komunitarju skont l‑Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva tirrifletti, għalhekk, dik tal-obbligi ta’ sorveljanza u ta’ rappurtar li għandhom l-Istati Membri skont l-Artikolu 17(1) tal‑istess direttiva.

( 39 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 63, punt 46. Fih il-Kummissjoni tirrakkomanda li l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjoni għandha ssir fil-livell lokali u, sussegwentement, b’mod parallel mas-sitwazzjoni fuq livell nazzjonali u bijoġeografiku.

( 40 ) Ara l-punt 54 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara l-punt 95 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) Ninnota wkoll li, skont it-tabella 4 u l-appendiċi 1 tal-Linji Gwida tal-LCIE (pp. 48, 65 u 66), l-ilpup li jgħixu fit-territorju Finlandiż jagħmlu parti mill-popolazzjoni tal-Karjala, li tinkludi l-ilpup li jinsabu fil-Finlandja u fuq parti mit-territorju Russu. Ara, ukoll, Commission, “Key actions for large carnivore populations”, 4 ta’ Frar 2015, http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/species/carnivores/pdf/key_actions_large_carnivores_2015.pdf, p. 46. Minkejja dan, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tindikax li l-Uffiċċju kien wera li l-popolazzjoni hekk iddefinita kienet tinsab fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

( 43 ) Dan japplika iktar u iktar meta l-Istat terz inkwistjoni ma huwiex, bħal b’mod partikolari r-Russja, parti mill-Konvenzjoni ta’ Berna, iffirmata fid‑19 ta’ Settembru 1979, konkluża f’isem il-Komunità bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 82/72/KEE tat‑3 ta’ Diċembru 1981 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 14, p. 280, rettifika fil-ĠU 2018, L 311, p. 38) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Berna”).

( 44 ) C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 27.

( 45 ) Il-Linji Gwida tal-LCIE (pp. 23, 26 u 27) jimmilitaw favur tali approċċ u jenfasizzaw l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Istati għall-ġestjoni tal‑popolazzjonijiet tal-karnivori kbar. Ara, ukoll, f’dan is-sens, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 63, punt 46.

( 46 ) C-342/05, EU:C:2007:341, punt 29.

( 47 ) Sentenza tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punt 44).

( 48 ) Ara l-punt 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 49 ) Ara, f’dan ir-rigward, il-Linji Gwida tal-LCIE, p. 31.

( 50 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 59, punt 33 (ara, ukoll, p. 65, punt 54). Ara, ukoll, il-Linji Gwida tal-LCIE, p. 30 u 31.

( 51 ) Ara d-dokument intitolat “LCIE Policy Support Statement – Lethal Control and Hunting of Large Carnivores”, anness mal-Linji Gwida tal-LCIE, p. 72.

( 52 ) Ara l-punt 21 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 58, punt 26, u p. 59, punt 30.

( 54 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 58, punt 28.

( 55 ) Ara s-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C‑60/05, EU:C:2006:378, punti 2529), u tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il-Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477, punt 62). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tal-kundizzjoni relatata mat-teħid f’“numri żgħar” prevista fl‑Artikolu 9(1)(c) tad-Direttiva għasafar, proporzjon ta’ 1 % jew inqas tal‑mortalità annwali totali, skont jekk l-ispeċi setgħetx tiġi kkaċċjata jew le, jikkostitwixxi bażi ta’ referenza fid-dawl ta’ xogħlijiet xjentifiċi disponibbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Il-Kummissjoni vs Il‑Finlandja (C‑344/03, EU:C:2005:770, punti 5354), u tal-21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta (C‑557/15, EU:C:2018:477, punti 63 sa 65 u l‑ġurisprudenza ċċitata)).

( 56 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 59, punt 32.

( 57 ) Ara, ukoll, f’dan is-sens, ir-reviżjoni tar-Riżoluzzjoni Nru 2 (1993) dwar il-portata tal-Artikoli 8 u 9 tal-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni ta’ Annimali Slavaġ u Ambjenti Naturali Ewropej, adottata fit-2 ta’ Diċembru 2011 (T‑PVS (2011), p. 36), p. 38. Din ir-riżoluzzjoni hija dokument interpretattiv tal‑Konvenzjoni ta’ Berna. Sa fejn id-Direttiva habitats tispira ruħha fil-biċċa l-kbira minn din il-konvenzjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-parir tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali dwar il-proposta ta’ direttiva tal-Kunsill dwar il-protezzjoni ta’ habitats naturali u seminaturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi u dwar l-annessi kumplimentari (ĠU 1991, C 31, p. 1, punt 1.2), u d-dokument ta’ gwida tal‑Kummissjoni, pp. 7 u 8, punti 7 u 8), l-imsemmija riżoluzzjoni, u b’mod partikolari l-anness tagħha, tista’ tiggwida lill-Qorti tal-Ġustizzja waqt l‑interpretazzjoni ta’ din id-direttiva.

( 58 ) Nirrileva, f’dan ir-rigward, li skont il-gwida dwar il-kaċċa sostenibbli skont id‑Direttiva għasafar (2008, http://ec.europa.eu/environment/nature/conservation/wildbirds/hunting/docs/hunting_guide_fr.pdf, p. 67), il-kundizzjoni ta’ selettività prevista fl-Artikolu 9(1)(c) ta’ din id-direttiva tirreferi għall-ispeċi, jew is-sottospeċi, is-sess jew il-kategorija tal‑età koperti mid-deroga.

( 59 ) Dan huwa l-każ mingħajr preġudizzju għan-neċessità bħala regola, enfasizzata mill-Gvern Daniż u l-Kummissjoni, li jiġi kkaċċjat speċifikament il-kampjun li qed jikkawża l-problemi meta d-deroga hija intiża sabiex tipprevjeni ċerti danni. Madankollu, dan ir-rekwiżit jirriżulta diġà mill-kundizzjoni relatata mal-assenza ta’ soluzzjoni oħra sodisfaċenti (fil-kuntest, b’mod iktar preċiż, tat-test ta’ adattabbiltà, kif espost fil-punti 68 u 69 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 60 ) Skont il-Kummissjoni, ir-rwol primordjali tal-ispeċi li jirriproduċu għall‑ekwilibriju fil-grupp jitlob li dawn jiġu protetti. Ara, ukoll, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja (C‑342/05, EU:C:2006:752, punt 49).

( 61 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et (C-60/05, EU:C:2006:378, punt 47).

( 62 ) Dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 59, punt 31.

( 63 ) Dan l-obbligu jirriżulta wkoll mill-Artikolu 16(3)(d) u (e) tad-Direttiva habitats, li jirrikjedi li r-rapport tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu jsemmu “l-awtorità mogħtija s-setgħa biex tiddikjara u tivverifika li jeżistu l-kondizzjonijiet meħtieġa” u “il-miżuri ta’ sorveljanza użati u r-riżultati miksuba”. Ara, barra minn hekk, id-dokument ta’ gwida tal-Kummissjoni, p. 67, punt 59.

( 64 ) Ara l-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.