KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fis-6 ta’ Ġunju 2019 ( 1 )

Kawża C-659/17

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS)

vs

Azienda Napoletana Mobilità SpA

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte suprema di cassazione, Sezione Lavoro (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Diviżjoni tax-Xogħol, l-Italja)

“Talba għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 107(1) TFUE - Għajnuna mill-Istat - Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/128/KE - Għajnuna mogħtija mill-Italja biex tippromwovi l-impjiegi - Eżenzjoni u tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali - Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara ċerta għajnuna għal kuntratti ta’ taħriġ u esperjenza ta’ xogħol u għall-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ taħriġ u esperjenza ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat inkompatibbli mas-suq komuni - Applikabbiltà ta’ deċiżjoni għal persuna li timpjega li topera servizzi tat-trasport pubbliku lokali fuq bażi sostanzjalment mhux kompetittiva”

1. 

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE dwar l-għajnuna mill-Istat. It-tilwima qamet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-Istituto nazionale della previdenza sociale (iktar ’il quddiem l-“INPS”) (Istituzzjoni Nazzjonali tas-Sigurtà Soċjali, l-Italja) minn naħa, u Azienda Napoletana Mobilità SpA (iktar ’il quddiem l-“ANM”) min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ jekk din tal-aħħar kinitx obbligata tħallas kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali lill-INPS fir-rigward ta’ membri tal-persunal fuq kuntratti ta’ taħriġ u esperjenza ta’ xogħol bejn l-1997 u l-2001.

2. 

ANM hija kumpannija li hija kompletament proprjetà tal-Muniċipalità ta’ Napoli u li tipprovdi servizzi tat-trasport urban f’din il-muniċipalità ( 2 ).

3. 

Bid-deċiżjoni tagħha 2000/128/KE tal-11 ta’ Mejju 1999 dwar għajnuna mogħtija mill-Italja biex tippromwovi l-impjiegi ( 3 ), il-Kummissjoni Ewropea ddikjarat parzjalment inkompatibbli mas-suq komuni għajnuna mogħtija mill-Italja fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali pagabbli mill-persuni li jimpjegaw relatati ma’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol u l-konverżjoni ta’ kuntratti ta’ taħriġ u esperjenza ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat ( 4 ). Abbażi ta’ din id-deċiżjoni, l-INPS talab il-ħlas ta’ kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mingħand ANM relatati mal-perjodu 1997‑2001 sabiex tirkupra tali tnaqqis. Fil-kawża prinċipali, ANM ipprovat tistabbilixxi, inter alia, li hija ma kinitx obbligata tħallas dawn is-somom.

4. 

Id-domanda li għandha tingħata risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja hija dik jekk id-Deċiżjoni 2000/128 tapplikax għal kumpannija bħal ANM. Wara kollox, din il-kumpannija tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku lokali “taħt sistema essenzjalment mingħajr kompetizzjoni, minħabba n-natura esklużiva tas-servizz ipprovdut” ( 5 ). Kwistjoni kritika hija dik jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri huwiex affettwat u jekk il-kompetizzjoni hijiex imfixkla jew mhedda li tiġi mfixkla kif meħtieġ mill-Artikolu 107(1) TFUE.

Il-kuntest ġuridiku

5.

L-Artikoli 1 sa 3 tad-Deċiżjoni 2000/128 jipprovdu:

“Artikolu 1

1.   L-għajnuna mogħtija illegalment mill-Italja minn Novembru 1995 għall-ingaġġ ta’ ħaddiema permezz ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ esperjenza ta’ xogħol previsti mil-Liġijiet Nri 863/84, 407/90, 169/91 u 451/94, hija kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim taż-ŻEE sakemm tkun tikkonċerna:

il-ħolqien ta’ impjiegi fl-impriża benefiċjarja għal ħaddiema li għadhom ma sabux impjieg jew li tilfu l-impjieg preċedenti tagħhom, kif iddefiniti fil-linji gwida dwar għajnuna għax-xogħol,

l-ingaġġ ta’ ħaddiema li jesperjenzaw diffikultajiet partikolari biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol. Għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, ‘ħaddiema li jesperjenzaw diffikultajiet partikolari biex jidħlu jew jerġgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol’ huma żgħażagħ taħt il-25 sena, [gradwati] sa 29 sena u l-persuni qiegħda għal żmien twil, jiġifieri, dawk li ilhom qiegħda għal iktar minn sena.

2.   L-għajnuna mogħtija għal kuntratti ta’ taħriġ u ta’ esperjenza ta’ xogħol li ma tissodisfax ir-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 1 hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 2

1.   L-għajnuna mogħtija mill-Italja skont l-Artikolu 15 tal-Liġi Nru 196/97 għat-trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ esperjenza ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat hija kompatibbli mas-suq komuni u mal-Ftehim ŻEE sakemm jirrispettaw ir-rekwiżit ta’ ħolqien nett ta’ impjiegi kif iddefinit fil-linji gwida tal-Komunità dwar għajnuna għax-xogħol.

In-numru ta’ impjegati ta’ impriża għandu jiġi kkalkolat mingħajr ma jitqiesu l-impjiegi li rriżultaw mit-trasformazzjoni u l-impjiegi maħluqa permezz ta’ kuntratti għal żmien determinat jew li ma jiggarantixxux biżżejjed stabbilità tal-impjieg.

2.   L-għajnuna għat-trasformazzjoni ta’ kuntratti tat-taħriġ u ta’ esperjenza ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat li ma tissodisfax ir-rekwiżit imsemmi fil-paragrafu 1 hija inkompatibbli mas-suq komuni.

Artikolu 3

L-Italja għandha tadotta l-miżuri kollha neċessarji sabiex tirkupra mingħand il-benefiċjarji l-għajnuna li ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikoli 1 u 2 mogħtija diġà b’mod illegali.

L-irkupru għandu jsir skont il-proċeduri tal-liġi Taljana. L-ammonti li għandhom jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħaxijiet mid-data meta tħallset l-għjnuna sad-data tal-irkupru effettiv tagħha. L-imgħax għandu jiġi kkalkolat abbażi tar-rata ta’ referenza użata biex tiġi kkalkolata l-għotja ekwivalenti ta’ għajnuna reġjonali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

6.

Bejn Novembru 1995 u Mejju 2001 ( 6 ), ANM ingaġġat persunal għal skopijiet ta’ taħriġ vokazzjonali u wara integrathom fil-kumpannija. Dan ir-reklutaġġ sar fil-forma ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol, fis-sens tal-Liġi Taljana 863/1984, kif emendata bil-Liġijiet Taljani 407/1990, 169/1991 u 451/1994. Sussegwentement, ANM ittrasformat ċerti kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol f’kuntratti “għal żmien indeterminat” (kuntratti ta’ xogħol għal żmien indeterminat) skont il-Liġi Taljana 451/1994.

7.

Id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni stabbilixxew eżenzjoni totali mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għal perjodu ta’ taħriġ ta’ sentejn għall-kumpaniji li joperaw f’żoni fejn ir-rata tal-qgħad kienet ogħla mill-medja nazzjonali. L-eżenzjoni ġiet estiża b’sena fil-każ ta’ trasformazzjoni ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol f’kuntratti għal żmien indeterminat. ANM ibbenefikat minn dawn l-eżenzjonijiet fir-rigward tal-kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol inkwistjoni u t-trasformazzjoni sussegwenti tagħhom.

8.

Bid-Deċiżjoni 2000/128, il-Kummissjoni ddikjarat lil dak ir-regolament nazzjonali bħala parzjalment inkompatibbli mal-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 107(1) TFUE.

9.

L-INPS, bħala l-korp fdat bl-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128, bagħtet żewġ talbiet ta’ ħlas lill-ANM, wieħed għal EUR 7 429 436.76, fir-rigward ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol għall-perjodu bejn l-1997 u l-2001, u ieħor għal EUR 2 266 014.05, fir-rigward tat-trasformazzjoni sussegwenti ta’ tali kuntratti u li huma relatati mal-perjodu bejn l-1999 u l-2001.

10.

ANM ressqet rikors quddiem it-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja) fir-rigward tad-deċiżjoni tal-INPS li tirkupra dawn is-somom. Ir-rikors ta’ ANM ġie milqugħ minn dik il-qorti fuq il-bażi li d-Deċiżjoni 2001/128 ma kellhiex effett dirett minħabba li ma kinitx biżżejjed preċiża u mingħajr kundizzjonijiet.

11.

L-INPS appella quddiem il-Corte d’appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell, Napoli, l-Italja) li laqgħet id-deċiżjoni tat-Tribunale di Napoli (il-Qorti Distrettwali ta’ Napoli, l-Italja) iżda bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq motivi differenti. Il-Corte d’appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell, Napoli) qieset li d-Deċiżjoni 2000/128 hija parti mill-ordinament ġuridiku Taljan iżda li ma kinitx applikabbli fil-każ preżenti billi t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mogħti lil ANM ma kienx jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri u ma setax ifixkel il-kompetizzjoni peress li din il-kumpannija kienet tipprovdi servizzi ta’ trasport pubbliku lokali fuq bażi mhux kompetittiva.

12.

L-INPS appella mid-deċiżjoni tal-Corte d’appello di Napoli (il-Qorti tal-Appell, Napoli) quddiem il-Corte suprema di cassazione, Sezione Lavoro (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Diviżjoni tax-Xogħol, l-Italja) li rreferiet id-domanda li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-[Deċiżjoni 2000/128] tapplika wkoll fir-rigward tal-persuni li jimpjegaw li jeżerċitaw attività ta’ trasport pubbliku lokali – taħt sistema essenzjalment mingħajr kompetizzjoni, minħabba n-natura esklużiva tas-servizz ipprovdut – u li kienu bbenefikaw minn tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet soċjali bħala konsegwenza tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ taħriġ u ta’ xogħol, b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 407 tal-1990, fir-rigward, f’dan il-każ, tal-perijodu bejn [Mejju]1997 u Mejju 2001?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

13.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mill-INPS, minn ANM, mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni.

14.

Fl-aħħar tal-parti bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien meħtieġ li tintalab kjarifika mill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 101 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq tliet kwistjonijiet. Din it-talba ntbagħtet lill-qorti tar-rinviju fit-13 ta’ Diċembru 2018. Wara li ngħata numru ta’ estensjonijiet għat-terminu tar-risposta, il-qorti tar-rinviju ppreżentat ir-risposta tagħha għal din it-talba fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Marzu 2019.

15.

Fl-ewwel lok, il-qorti tar-rinviju ntalbet tiċċara t-termini “sistema essenzjalment mingħajr kompetizzjoni, minħabba n-natura esklużiva tas-servizz ipprovdut” imsemmija fid-domanda preliminari. B’mod partikolari, il-qorti tar-rinviju ntalbet tispeċifika jekk kinitx qedha tirreferi għall-allokazzjoni diretta lil ANM tas-servizzi tat-trasport lokali inkwistjoni u jekk il-Muniċipalità ta’ Napoli setgħetx legalment tagħti tali servizzi lil fornituri oħra. Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju ntalbet tindika jekk is-suq tat-trasport pubbliku lokali Taljan kienx miftuħ, fiż-żmien rilevanti, kompletament jew parzjalment, għall-kompetizzjoni u, jekk iva, sa liema punt. Fit-tielet lok, il-qorti tar-rinviju ntalbet tindika l-attivitajiet kollha eżerċitati minn ANM fiż-żmien rilevanti.

16.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lill-partijiet sabiex jadottaw pożizzjoni waqt is-seduta dwar ir-risposta tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifika u biex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet orali tagħhom fuq it-tliet kwistjonijiet inkwistjoni u kull impatt li t-tweġiba jista’ jkollha fuq id-domanda preliminari riferita.

17.

L-INPS, ANM, il-Gvern Taljan u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet waqt is-seduta tat-3 ta’ April 2019.

Osservazzjonijiet preliminari

18.

Għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel nett, għandu jkun hemm intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, l-intervent għandu jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet nett, l-intervent għandu jagħti vantaġġ selettiv lir-riċevitur. Ir-raba’ nett, l-intervent għandu jwassal għal distorsjoni jew jhedded li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 7 ).

19.

Huma t-tieni u r-raba’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE li huma s-suġġett tar-rinviju preliminari ( 8 ).

20.

Qabel kollox ninnota li ma hemm l-ebda suġġeriment fil-fajl quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-eżenzjonijiet mis-sigurtà soċjali mogħtija lil ANM kienu fid-dawl ta’ kumpens għall-provvista ta’ servizz pubbliku jew servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali ( 9 ). Miżura mill-Istat ma taqax taħt l-Artikolu 107(1) TFUE ( 10 ) jekk titqies bħala kumpens għas-servizzi pprovduti mill-impriżi benefiċjarji biex iwettqu obbligi ta’ servizz pubbliku, b’mod li dawk l-impriżi ma jgawdux minn vantaġġ finanzjarju reali u b’hekk il-miżura ma jkollhiex l-effett li tqegħdhom f’pożizzjoni kompetittiva iktar favorevoli minn dik tal-impriżi li jikkompetu magħhom. Sabiex tali kumpens ma jiġix ikklassifikat bħala għajnuna mill-Istat f’każ partikolari, għandhom ikunu ssodisfatti l-kriterji previsti fil-punti 88 sa 93 tas-sentenza tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415) ( 11 ).

21.

L-għajnuna inkwistjoni fid-Deċiżjoni 2000/128 kienet skema jew programm li kienu japplikaw għal diversi setturi u reġjuni pjuttost milli għal entità partikolari. Skont l-Artikolu 3 ta’ din id-deċiżjoni, l-Italja kienet obbligata tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tirkupra l-għajnuna illegali mingħand il-benefiċjarji.

22.

Fil-każ ta’ programm ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha li tistudja l-karatteristiċi tal-programm inkwistjoni sabiex tevalwa, fil-motivi tad-deċiżjoni tagħha, jekk, minħabba l-arranġamenti previsti minn dan il-programm, dan tal-aħħar jagħti vantaġġ sinjifikattiv lill-benefiċjarji meta pparagunat mal-kompetituri tagħhom u x’aktarx ikun ta’ profitt għal impriżi partikolari li jipparteċipaw fil-kummerċ bejn l-Istati Membri. B’hekk, f’deċiżjoni li tirrigwarda tali programm, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta li twettaq evalwazzjoni tal-għajnuna mogħtija f’każijiet individwali abbażi ta’ tali skema ( 12 ). Huwa biss fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna li jkun neċessarju li tiġi evalwata s-sitwazzjoni ta’ kull impriża kkonċernata. F’dan ir-rigward huwa l-Istat Membru li għandu jivverifika s-sitwazzjoni individwali ta’ kull impriża kkonċernata minn tali operazzjoni ta’ rkupru ( 13 ).

23.

Fil-premessi 64 sa 66 u 98 tad-Deċiżjoni 2000/128, il-Kummissjoni sabet li l-għajnuna inkwistjoni tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri jew x’aktarx tagħmel hekk “fejn l-impriżi li jirċievu l-għajnuna jesportaw uħud mill-prodotti tagħhom lejn Stati Membri oħra; bl-istess mod, anki meta dawn l-impriżi ma jesportawx il-prodotti tagħhom, il-produzzjoni nazzjonali tkun iffavorita għaliex impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra jkollhom inqas ċans li jesportaw il-prodotti tagħhom lejn is-suq Taljan” ( 14 ).

24.

Qabel ma jipproċedu għall-irkupru ta’ vantaġġ, l-awtoritajiet nazzjonali għandhom madankollu jivverifikaw, f’kull każ individwali, jekk il-vantaġġ mogħti kienx, f’idejn il-benefiċjarju tiegħu, kapaċi li jfixkel il-kompetizzjoni u jaffettwa l-kummerċ intra-Komunitarju. Din il-verifika addizzjonali hija essenzjali għall-klassifikazzjoni ta’ vantaġġi individwali riċevuti bħala għajnuna mill-Istat ( 15 ).

25.

Għalhekk, fil-kuntest preżenti, kien meta l-INPS fittxet li tirkupra l-għajnuna mogħtija lil benefiċjarju speċifiku bħal ANM li qamet il-kwistjoni dwar jekk il-kummerċ bejn l-Istati Membri kienx affettwat u jekk il-kompetizzjoni ġietx imfixkla minn dik l-għotja partikolari, u jekk deċiżjoni li ssib tali effett tistax tiġi kkontestata quddiem il-qrati nazzjonali ( 16 ).

Analiżi

Ġurisprudenza u prinċipji applikabbli

26.

Fil-fehma tiegħi, għall-inqas mal-ewwel daqqa t’għajn, ir-risposta għad-domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, tinsab fil-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja. Dawn il-prinċipji ġew iddikjarati mill-ġdid u applikati reċentement fil-qasam tat-trasport urban lokali fis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9). Din il-kawża kienet tikkonċerna l-prattika ta’ Transport for London li tippermetti lit-taxis ta’ Londra (taxis suwed) jużaw mogħdijiet tal-karozzi tal-linja f’toroq pubbliċi matul is-sigħat meta jkunu fis-seħħ ir-restrizzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ dawn il-mogħdijiet, filwaqt li jipprojbixxu vetturi tal-kiri privati (minicabs) milli jużaw dawn il-mogħdijiet, ħlief sabiex jittellgħu u jitniżżlu passiġġieri li jkunu pprenotaw dawn il-vetturi.

27.

Fil-punti 65 sa 69 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li hija ġurisprudenza stabbilita li għall-finijiet ta’ kategorizzazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala għajnuna mill-Istat, huwa meħtieġ, mhux li jiġi stabbilit li l-għajnuna għandha effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li l-kompetizzjoni ġiet attwalment distorta, iżda biss li jiġi eżaminat jekk l-għajnuna hijiex kapaċi li taffettwa l-kummerċ u toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni ( 17 ). B’mod partikolari, meta għajnuna mogħtija minn Stat Membru ssaħħaħ il-pożizzjoni ta’ impriża meta mqabbla ma’ impriżi oħra li jikkompetu fil-kummerċ intra-Komunitarju, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala milquta minn dik l-għajnuna. F’dan ir-rigward, ma huwiex meħtieġ li l-impriżi benefiċjarji jipparteċipaw huma stess fil-kummerċ intra-Komunitarju. Meta Stat Membru jagħti għajnuna lil impriża, l-attività kummerċjali tas-suq intern tista’ tibqa’ kif inhi jew tiżdied, bil-konsegwenza li l-opportunitajiet għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw is-suq ta’ dak l-Istat Membru jonqsu. Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma jeżisti ex ante ebda limitu jew perċentwali li taħthom jista’ jitqies li l-kummerċ bejn l-Istati Membri ma huwiex affettwat. L-ammont relattivament żgħir ta’ għajnuna jew id-daqs relattivament żgħir tal-impriża li tirċievi tali għajnuna, bħala tali, ma jeskludix il-possibbiltà li l-kummerċ bejn l-Istati Membri jista’ jiġi affettwat. Għaldaqstant, il-kundizzjoni li l-għajnuna għandha tkun ta’ natura li tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, ma tiddependix fuq in-natura lokali jew reġjonali tas-servizzi ta’ trasport ipprovduti jew mill-kobor tas-settur tal-attività kkonċernat ( 18 ).

28.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li kien konċepibbli li l-politika relatata mal-mogħdijiet tal-karozzi tal-linja kellha l-effett li tirrendi inqas attraenti l-provvista ta’ servizzi mill-minicabs f’Londra, bil-konsegwenza li jonqsu l-opportunitajiet tal-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jippenetraw dan is-suq ( 19 ).

29.

Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, fil-prinċipju, l-għajnuna intiża biex impriża ma tinħeles milli tidħol fi spejjeż li normalment kien ikollha tħallas għall-ġestjoni tagħha ta’ kuljum jew għall-attivitajiet normali tagħha, toħloq distorsjoni għall-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni ( 20 ).

30.

Mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq huwa ċar li l-livell minimu sabiex jiġi kkonstatat li miżura Statali tista’ taffettwa l-kummerċ u tfixkel il-kompetizzjoni huwa baxx ( 21 ). Dan huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-għajnuna mill-Istat inkwistjoni ma tkunx de minimis, f’liema każ l-għajnuna titqies li ma għandha l-ebda effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li ma tfixkilx jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni ( 22 ). Peress li l-valur għal ANM tal-miżura tal-Istat inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien ta’ madwar EUR 10 miljuni u ngħata fuq perijodu ta’ ħames snin, dan ma setax, fil-prinċipju, jitqies bħala de minimis, irrispettivament minn liema regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat de minimis setgħu kienu applikabbli ratione temporis ( 23 ).

31.

Għaldaqstant inqis li l-affermazzjoni ta’ ANM li, peress li ġiet stabbilita espressament għall-finijiet ta’ tmexxija ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku fil-Muniċipalità ta’ Napoli, din ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Deċiżjoni 2000/128 minħabba n-natura lokali tas-servizzi inkwistjoni, ma tistax, fil-prinċipju, tintlaqa’.

32.

Madankollu, sabiex it-tieni u r-raba’ kriterji li jinsabu fl-Artikolu 107(1) TFUE japplikaw fil-kawża prinċipali, huwa imperattiv fil-kuntest tal-kawża prinċipali li l-INPS turi li ANM tikkompeti ma’ impriżi oħra fi swieq li ma humiex de jure ( 24 ) magħluqa għall-kompetizzjoni.

33.

Fil-fehma tiegħi, jekk is-suq għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fil-Muniċipalità ta’ Napoli kien fiż-żmien rilevanti potenzjalment miftuħ għal ċertu livell ta’ kompetizzjoni ( 25 ), u għalhekk ma kienx suġġett għal monopolju legali jew, jekk ANM kienet attiva fi swieq oħra miftuħa għal ċertu livell ta’ kompetizzjoni, huwa probabbli li l-miżura statali inkwistjoni kienet kapaċi tfixkel il-kompetizzjoni u taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, minkejja n-natura lokali tas-servizzi tat-trasport ipprovduti li kienu limitati għall-muniċipalità ta’ Napoli.

34.

Għall-finijiet ta’ kjarezza, nemmen li huwa importanti li jiġi ddefinit il-kunċett ta’ “monopolju legali” fil-kuntest preżenti. F’dan ir-rigward, naħseb li ma tistax titejjeb id-definizzjoni mogħtija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 272 tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat kif imsemmi fl-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C/2016/2946) ( 26 ) li tiddikjara li “Monopolju legali jeżisti fejn servizz partikolari jkun riżervat mil-liġi jew minn miżuri regolatorji lil fornitur esklużiv, bi projbizzjoni ċara għal kull operatur ieħor li jipprovdi dan is-servizz (lanqas biex jissodisfa domanda residwa possibbli minn ċerti gruppi ta’ klijenti). Madankollu, is-sempliċi fatt li l-provvediment ta’ servizz pubbliku jingħata lil impriża speċifika ma jfissirx li tali impriża tgawdi monopolju legali”. Barra minn hekk, huwa ovvju li l-monopolju legali riżervat bil-liġi għandu jkun konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari, mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku.

35.

F’tali ċirkustanzi u fid-dawl tas-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 78), u tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 66 sa 70), jekk is-suq għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fil-Muniċipalità ta’ Napoli kien fiż-żmien rilevanti de jure miftuħ għal ċertu livell ta’ kompetizzjoni u għalhekk ma kienx suġġett għal monopolju legali, ma huwiex irrealistiku li wieħed jassumi li l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport minn entità bħal ANM setgħet ġiet miżmuma jew miżjuda minħabba l-miżura tal-Istat inkwistjoni bir-riżultat li l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra kien ikollhom inqas opportunità li jipprovdu servizzi tat-trasport tagħhom fil-Muniċipalità ta’ Napoli. Barra minn hekk, anki kieku s-suq għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport fil-muniċipalità ta’ Napoli kien fiż-żmien rilevanti de jure magħluq għall-kompetizzjoni ( 27 ), kieku l-attivitajiet ta’ ANM madankollu ma kinux limitati għal dak is-servizz u għal dak is-suq ġeografiku partikolari, il-miżura statali inkwistjoni setgħet tiffaċilita l-espansjoni tagħha għal swieq oħra miftuħa għall-kompetizzjoni ( 28 ) sakemm xi possibbiltà ta’ sussidju inkroċjat bejn is-suq li fuqu ANM setgħet tgawdi minn monopolju legali u kwalunkwe suq (swieq) ieħor li setgħet topera fih ma kienx eskluż b’mod effettiv u trasparenti permezz ta’ kontabbiltà separata fir-rigward tad-diversi attivitajiet ( 29 ).

Applikazzjoni tal-ġurisprudenza u tal-prinċipji għall-fatti fil-kawża prinċipali

36.

Għaldaqstant, id-domandi prinċipali li għandhom jiġu indirizzati mill-qorti tar-rinviju huma, fl-ewwel lok, jekk is-suq inkwistjoni kienx de jure miftuħ għal ċertu livell ta’ kompetizzjoni matul il-perijodu rilevanti inkwistjoni u, fit-tieni lok, jekk ANM operatx matul dak il-perijodu fi swieq oħra (ġeografiċi u/jew prodott/servizz) miftuħa għal ċertu livell ta’ kompetizzjoni u, jekk għamlet hekk, jekk ġietx eskluża kwalunkwe possibbiltà ta’ sussidju inkroċjat.

37.

Fir-rigward tal-ewwel domanda, fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifika indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li, skont is-sottomissjonijiet ta’ ANM dwar il-kwistjoni, it-termini “sistema essenzjalment mingħajr kompetizzjoni, minħabba n-natura esklużiva tas-servizz ipprovdut” jirreferu għall-fatt li, fil-prattika, ma kien hemm l-ebda kundizzjonijiet kompetittivi fis-suq ikkonċernat peress li n-netwerk kollu tas-servizzi tat-trasport urban fil-Muniċipalità ta’ Napoli ma kienx suġġett għal proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva ( 30 ), iżda pjuttost kien suġġett għal għotja diretta. ANM ikkonfermat li l-għoti dirett inkwistjoni kien konformi kemm mad-dritt tal-Unjoni kif ukoll dik nazzjonali ( 31 ). ANM ikkonfermat li kellha dritt esklużiv fir-rigward tas-servizzi kollha tat-trasport skedat fit-territorju inkwistjoni b’tali mod li ma kien hemm l-ebda servizz simili għaliha u ma setgħetx tiġi ssostitwita minn servizz simili.

38.

Fil-fehma tiegħi, is-sempliċi fatt li l-għoti dirett inkwistjoni seta’ kien konformi mal-liġi tal-akkwist pubbliku tal-Unjoni u dik nazzjonali ma jeskludix ukoll il-fatt li seta’ kien hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni potenzjali jew li l-kummerċ bejn l-Istati Membri seta ġie affettwat. Minflok għandha tiġi indirizzata d-domanda jekk ANM gawdietx minn monopolju legali fir-rigward tal-ġestjoni tat-trasport urban fil-Muniċipalità ta’ Napoli jew jekk taħt il-liġi nazzjonali l-konċessjoni inkwistjoni, jew parti minnha, setgħetx tingħata lil entità oħra permezz, inter alia, ta’ proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva. Kieku kien hemm il-possibbiltà li tintuża proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva ( 32 ), allura seta’ kien hemm xi kompetizzjoni għas-suq ikkonċernat u l-għotja diretta nnifisha setgħet tikkontribwixxi għal, jew taggrava, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni potenzjali jew setgħet affettwat il-kummerċ bejn l-Istati Membri ( 33 ).

39.

Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2019, kien hemm diverġenza kunsiderevoli bejn ANM u l-partijiet l-oħra fir-rigward tal-portata u t-tifsira reali tal-liġi Taljana dwar il-kwistjoni, b’mod partikolari, l-Artikolu 18 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 422/1997. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex il-kompetenza li tinterpreta l-liġi nazzjonali. Għalhekk inqis, abbażi tal-osservazzjonijiet tal-INPS, ta’ ANM, tal-Gvern Taljan u tal-Kummissjoni waqt is-seduta tat-3 ta’ April 2019, li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika, mhux biss jekk l-Artikolu 18 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 422/1997 u/jew dispożizzjonijiet oħra tal-liġi nazzjonali ppermettewx l-għotja diretta tal-konċessjoni inkwistjoni lil ANM, iżda fil-fatt kienet tirrikjedi dan. Jidher li huwa plawżibbli ( 34 ), minn qari ħafif tal-Artikolu 18(2) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 422/1997, li ċertu livell ta’ kompetizzjoni fir-rigward tas-suq inkwistjoni seta’ kien possibbli fiż-żmien relevanti ( 35 ). L-iskop ta’ dan l-eżerċizzju huwa li jiġi ddeterminat jekk ANM kellhiex monopolju legali fir-rigward tas-suq rilevanti.

40.

Fir-rigward tat-tieni domanda, ANM ikkonfermat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha li hija ma kinitx topera barra mill-provinċja ( 36 ) ta’ Napoli matul il-perijodu rilevanti. ANM sostniet ukoll li skont l-istatuti tagħha (li kienu fis-seħħ mis-27 ta’ Ġunju 1995 sal-2001) hija kienet topera biss fil-Muniċipalità ta’ Napoli. Barra minn hekk, hija sostniet li skont il-ġurisprudenza nazzjonali, hija ma setgħetx topera barra mill-provinċja ta’ Napoli. Madankollu ninnota li skont l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 3(3) tal-istatut tagħha datat 6 ta’ April 1992, ANM setgħet, f’ċerti ċirkustanzi, topera barra minn dik il-muniċipalità.

41.

ANM issostni wkoll li hija ma wettqet l-ebda attività oħra ħlief l-operazzjoni ta’ sistema ta’ trasport pubbliku urban sal-1 ta’ Jannar 2013 meta ngħaqdet ma’ kumpannija oħra, Napolipark, li tamministra faċilitajiet ta’ parkeġġ tal-karozzi. Minħabba d-data inkwistjoni u l-mogħdija kunsiderevoli ta’ żmien minn meta ngħatat il-miżura tal-Istat, ma nikkunsidrax li din l-attività hija ta’ rilevanza ratione temporis għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-impatt attwali jew potenzjali fuq il-kompetizzjoni jew il-kummerċ bejn l-Istati Membri tal-miżura inkwistjoni. Madankollu nixtieq ninnota li skont l-Artikolu 4 tal-contratto di servizio (kuntratt għal servizzi) tas-27 ta’ Ġunju 1997 bejn il-Muniċipalità ta’ Napoli u l-ANM, l-għan tal-konċessjoni huwa iktar milli sempliċement l-immaniġġjar tat-trasport urban, iżda jinkludi wkoll l-immaniġġjar ta’ lottijiet ta’ parkeġġ.

42.

Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk ANM operatx barra l-Muniċipalità ta’ Napoli jew f’suq ta’ prodott/servizz ieħor matul il-perjodu relevanti u, jekk iva, jekk ġietx eskluża kwalunkwe possibbiltà ta’ sussidju inkroċjat.

Konklużjoni

43.

Għalhekk nipproponi li d-domanda magħmula mill-Corte suprema di cassazione, Sezione Lavoro (il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni, Diviżjoni tax-Xogħol, l-Italja) għandha tiġi mwieġba kif ġej:

Id-Deċiżjoni 2000/128/KE tal-11 ta’ Mejju 1999 dwar għajnuna mogħtija mill-Italja biex tippromwovi l-impjiegi (ĠU L 42, p. 1) hija applikabbli għal persuna li timpjega bħal Azienda Napoletana Mobilità SpA li operat servizzi tat-trasport pubbliku lokali u li bbenefikat matul il-perijodu bejn Mejju 1997 u Mejju 2001 minn tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali wara li daħlet f’kuntratti ta’ taħriġ u ta’ esperjenza ta’ xogħol wara d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 407 tal-1990, sakemm ma bbenefikatx minn monopolju legali li rriżerva permezz tal-liġi jew permezz ta’ miżuri regolatorji, b’mod konformi mal-liġi tal-Unjoni, il-provvista ta’ dawk is-servizzi lil fornitur esklużiv bl-esklużjoni ta’ kull operatur ieħor u sakemm ma kienx jopera fuq ebda suq ġeografiku jew prodott/servizz ieħor.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Jidher, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, li ANM kienet oriġinarjament imwaqqfa fl-1995 bir-Riżoluzzjoni Nru 94 tas-6 ta’ April 1995 tal-Kunsill Muniċipali ta’ Napoli, skont l-Artikolu 22 tal-Liġi Nazzjonali Nru 142/1990 u l-Artikoli 54 sa 60 tal-Istatut tal-Muniċipalità ta’ Napoli bħala kumpanija speċjali ta’ dik il-muniċipalità sabiex tmexxi s-servizz tat-trasport pubbliku fi ħdan il-muniċipalità. Barra minn hekk, suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher ukoll li ANM ġiet ittrasformata f’kumpanija b’responsabbiltà limitata fl-2001 u, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18(1) tad-decreto legislativo n. 422 — Conferimento alle regioni ed agli enti locali di funzioni e compiti in materia di trasporto pubblico locale, a norma dell’articolo 4, comma 4, della legge 15 marzo 1997, n. 59 (Digriet Leġiżlattiv Nru 422 — Għoti ta’ obbligi u setgħat fil-qasam tat-trasport pubbliku fuq livell lokali lir-reġjuni u l-korpi lokali, skont l-Artikolu 4(4) tal-Liġi Nru 59 tal-15 ta’ Marzu 1997), tad-19 ta’ Novembru 1997 (GURI Nru 287, 10 ta’ Diċembru 1997, p. 4) (Digriet Leġiżlattiv Nru 422/1997), il-ġestjoni tan-netwerk kollu tas-servizzi tat-trasport urban tal-Muniċipalità ta’ Napoli ngħatat lil ANM mingħajr ebda proċedura ta’ sejħa għall-offerti kompetittiva.

( 3 ) ĠU 2000 L 42, p. 1

( 4 ) B’sentenza tas-7 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑310/99, EU:C:2002:143), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet rikors għal annullament mir-Repubblika Taljana kontra d-Deċiżjoni 2000/128. B’sentenza tal-1 ta’ April 2004, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja (C‑99/02, EU:C:2004:207), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, billi ma adottatx fil-limitu ta’ żmien preskritt il-miżuri kollha meħtieġa għall-irkupru mingħand min ibbenefika mill-għajnuna li, skont id-Deċiżjoni 2000/128, instabet li kienet illegali u inkompatibbli mas-suq komuni, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skont l-Artikoli 3 u 4 ta’ dik id-deċiżjoni.

( 5 ) Ara d-domanda msemmija fil-punt 12 iktar ’il quddiem.

( 6 ) Dawn id-dati ma humiex għal kollox ċerti.

( 7 ) Sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2018, Andres (insolvenza ta’ Heitkamp BauHolding) vs Il‑Kummissjoni (C‑203/16 P, EU:C:2018:505, punt 82 u ġurisprudenza ċċitata).

( 8 ) It-tieni u r-raba’ kriterji stabbiliti fl-Artikolu 107(1) TFUE huma żewġ kriterji distinti iżda relatati.

( 9 ) Tabilħaqq, kemm il-Gvern Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ddikjaraw waqt is-seduta tat-3 ta’ April 2019 li l-miżuri inkwistjoni ma sarux bħala kumpens għall-provvista ta’ servizz pubbliku jew ta’ servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ANM sostniet li għandha aspettattiva leġittima li t-tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali kien definittiv. Din id-domanda ma tqajmitx mill-qorti tar-rinviju. Għalhekk dan imur lil hinn mill-ambitu tad-domanda rrinvjata.

( 10 ) Sabiex miżura tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat, l-ewwel kriterji tal-Artikolu 107(1) TFUE jeħtieġ li jkun hemm vantaġġ mogħti lil impriża.

( 11 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Comunidad Autónoma del País Vasco et vs Il‑Kummissjoni (C‑66/16 P sa C‑69/16 P, EU:C:2017:999, punti 44 sa 46). Dan ma jfissirx li ANM ma tistax tkun intitolata li tirċievi kumpens għat-twettiq ta’ servizz pubbliku jew servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali fuq xi bażi oħra.

( 12 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punti 63130).

( 13 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 64).

( 14 ) Ara l-premessa 66 tad-Deċiżjoni 2000/128. Fil-fehma tiegħi, il-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti msemmija fil-premessa 66 huma purament eżemplifikattivi. Dan jirriżulta b’mod ċar mis-sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punti 65 sa 69). Ara l-punt 24 iktar ’il quddiem.

( 15 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivere et vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 115). Fil-punt 120 ta’ dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-verifika li għandha ssir mill-awtoritajiet nazzjonali dwar is-sitwazzjoni individwali ta’ kull benefiċjarju kkonċernat għandha tkun suffiċjentement inkwadrata mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar skema ta’ għajnuna li hija milquta minn ordni ta’ rkupru. Min-naħa waħda, […] tali deċiżjoni għandha tippermetti li tiġi identifikata b’mod ċar il-portata tagħha. Min-naħa l‑oħra, […] tali deċiżjoni għandu jkollha fiha nnifisha l‑elementi essenzjali kollha għall-implementazzjoni tagħha min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali, bl-esklużjoni għalhekk li l-kontenut reali ta’ din id‑deċiżjoni jkun stabbilit biss wara, permezz ta’ skambju ta’ ittri bejn il‑Kummissjoni u l-awtoritajiet nazzjonali.” Fis-sentenza tat-13 ta’ Frar 2014, Mediaset (C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li minħabba li, fid-deċiżjoni tagħha dwar skema ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni ma identifikatx lill-benefiċjarji individwali tal-għajnuna inkwistjoni jew ma ffissatx l-ammonti preċiżi tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata, kienet il-qorti nazzjonali, jekk il-kwistjoni titressaq quddiemha, li kellha tiddeċiedi fuq l-ammont ta’ għajnuna li l-Kummissjoni ordnat li tiġi rkuprata. Fejn ikun hemm diffikultajiet, il-qorti nazzjonali tista’ tikkuntattja lill-Kummissjoni għall-għajnuna skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni bona fide stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

( 16 ) Jista’ jkun li ANM seta’ kellha l-kapaċità li tressaq rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fejn tikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni 2000/128 peress li kienet direttament u individwalment ikkonċernata minn dik id-deċiżjoni minħabba ħsara kkawżata lis-sitwazzjoni legali tagħha permezz tal-ordni għall-irkupru tal-għajnuna kkonċernata li tinsab fl-Artikolu 3 tagħha. Ara b’analoġija, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Comitato Venezia vuole vivereet vs Il‑Kummissjoni (C‑71/09 P, C‑73/09 P u C‑76/09 P, EU:C:2011:368, punt 51). Peress li mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, suġġett għal verifika mill-qorti tar-rinviju, jidher li ANM ma hijiex qedha tikkontesta l-validità tad-Deċiżjoni 2000/128 per se, iżda pjuttost jekk l-għajnuna mogħtija lilha taffettwax il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif meħtieġ mill-Artikolu 107(1) TFUE, ma nikkunsidrax li r-regola dwar l-ammissibbiltà tar-rinviju preliminari fis-sentenza tad-9 ta’ Marzu 1994, TWD Textilwerke Deggendorf (C‑188/92, EU:C:1994:90, punti 13 sa 18) huwa applikabbli u ANM ma kinitx meħtieġa tressaq rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni 2000/128 quddiem il-Qorti Ġenerali.

( 17 ) Għandu jiġi enfasizzat li l-INPS ma hijiex meħtieġa tipprova li l-eżenzjonijiet inkwistjoni mogħtija lill-ANM kellhom effett reali fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri jew li l-kompetizzjoni hija fil-fatt distorta.

( 18 ) Ara wkoll, is-sentenzi tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punti 77 sa 82), tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia (C‑71/04, EU:C:2005:493, punt 41); u tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punti 7879). Fis-sentenza tagħha tal-24 ta’ Lulju 2003, Altmark Trans u Regierungspräsidium Magdeburg (C‑280/00, EU:C:2003:415, punt 77), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li ma huwiex impossibbli li sussidju pubbliku mogħti lil impriża li tipprovdi biss servizzi ta’ trasport lokali jew reġjonali u ma tipprovdi l-ebda servizz ta’ trasport barra mill-Istat ta’ oriġini tagħha jista’ xorta jkollu effett fuq il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

( 19 ) Sentenza tal-14 ta’ Jannar 2015, Eventech (C‑518/13, EU:C:2015:9, punt 70).

( 20 ) Sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania (C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 80), u tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia (C‑71/04, EU:C:2005:493, punt 44).

( 21 ) Fil-punti 42 u 43 tas-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Xunta de Galicia (C‑71/04, EU:C:2005:493), il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “għajnuna ta’ entità relattivament zgħira tista’ taffettwa tali kummerċ meta s-settur li fih joperaw l-impriżi li jibbenefikaw minnha huwa wieħed karatterizzat minn kompetizzjoni qawwija”. “Għalhekk, meta settur huwa kkaratterizzat minn numru kbir ta’ impriżi żgħar, għajnuna, anki jekk tkun relattivament żgħira fuq livell individwali iżda potenzjalment miftuħa għall-impriżi kollha jew għall-parti l-kbira sewwa mill-impriżi li joperaw fis-settur, jista’ jkollha riperkussjonijiet fuq il-kummerċ bejn Stati Membri”

( 22 ) Għar-regoli attwali dwar għajnuna mill-Istat de minimis, ara, pereżempju, ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1407/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis (ĠU 2013 L 352, p. 1). Ninnota li s-settur tat-trasport kien eskluż mill-ambitu tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 69/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar it-tħaddim ta’ l-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat tal-KE dwar għajnuna de minimis, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 138. Is-settur tat-trasport ma ġiex eskluż mill-ambitu tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1998/2006 tal-15 ta’ Diċembru 2006 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat dwar l-għajnuna de minimis (ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 654). Madankollu, il-limitu massimu ġenerali de minimis ġie adattat sabiex jittieħed kont tad-daqs żgħir medju ta’ impriżi attivi fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq u tal-passiġġieri. Dan il-limitu massimu iktar baxx ma għadux japplika għas-settur tat-trasport tal-passiġġieri bit-triq skont ir-Regolament Nru 1407/2013.

( 23 ) Sabiex ikollna idea tal-iskala tal-operazzjonijiet ta’ ANM, ta’ min jinnota li skont il-Kummissjoni, is-sistema tat-trasport pubbliku urban imħaddma minn ANM serviet madwar miljun abitant fiż-żmien rilevanti. Madankollu, fl-aħħar mill-aħħar, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk u sa liema punt huma applikabbli r-regoli dwar de minimis.

( 24 ) Il-fatt li s-suq huwa de facto magħluq għall-kompetizzjoni peress li ANM għandha drittijiet esklużivi wara l-għoti dirett tal-konċessjoni partikolari inkwistjoni dwar il-ġestjoni tan-netwerk tas-servizzi tat-trasport urban tal-Muniċipalità ta’ Napoli huwa irrilevanti.

( 25 ) Ara b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, ACEA vs Il‑Kummissjoni (T‑297/02, EU:T:2009:189, punt 90). Ara wkoll is-sentenza tad-29 ta’ April 2004, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni (C‑298/00 P, EU:C:2004:240, punt 66) li tirreferi għall-ftuħ tas-suq għal kompetizzjoni parzjali. Fil-punt 65 tas-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016, Orange vs Il‑Kummissjoni (C‑211/15 P, EU:C:2016:798) il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “il-fatt li settur ekonomiku kien is-suġġett ta’ liberalizzazzjoni fuq livell tal-Unjoni huwa ta’ natura li jikkaratterizza impatt reali jew potenzjali tal-għajnuna fuq il-kompetizzjoni, kif ukoll l-effett tagħha fuq il-kummerċ bejn Stati Membri.”

( 26 ) ĠU 2016 C 262, p. 1

( 27 ) U għalhekk suġġett għal monopolju legali.

( 28 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, ACEA vs Il‑Kummissjoni (T‑297/02, EU:T:2009:189, punt 94).

( 29 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Jannar 2019, Fallimento Traghetti del Mediterraneo (C‑387/17, EU:C:2019:51, punt 42).

( 30 ) Minkejja l-eżistenza ta’ monopolji lokali jew reġjonali, fejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali kompetenti jagħtu dawn il-monopolji permezz ta’ proċeduri ta’ sejħa għal offerti, il-kompetizzjoni tista’ tkun imfixkla u l-kummerċ bejn l-Istati Membri mdgħajjef permezz ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil impriża li tikkompeti għall-għoti ta’ tali monopolju minħabba li l-pożizzjoni finanzjarja ta’ dik l-impriza hija msaħħa fil-konfront ta’ kandidati potenzjali oħra. Sentenza tas-16 ta’ Lulju 2014, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (T‑295/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:675, punt 154).

( 31 ) Fir-risposta tagħha għat-talba għal kjarifika indirizzata lilha mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li skont ANM, fir-rigward tal-liberalizzazzjoni progressiva tas-suq għas-servizzi tat-trasport suġġetti għall-obbligi tas-servizz pubbliku, l-obbligu li jingħataw kuntratti skont ir-regoli l-ġodda skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1) kien applikabbli skont ir-regoli transitorji stabbiliti fl-Artikolu 8 ta’ dak ir-regolament mit-3 ta’ Diċembru 2019. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ANM iddikjarat li matul il-perjodu 1997 sa 2001, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91 tal-20 ta’ Ġunju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314) kienu applikabbli għall-konċessjoni inkwistjoni. ANM sostniet li dak ir-regolament kien jipprovdi għall-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku fir-rigward ta’ obbligi relatati mal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku lokali, mingħajr, madankollu, ma speċifika t-termini li fuqhom tali kuntratti għandhom jiġu konklużi, jew jekk is-suq tas-servizzi tat-trasport pubbliku għandhomx jinfetħu għall-kompetizzjoni. ANM iddikjarat ukoll li skont l-Artikolu 18 tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 422/1997, is-sistema ta’ konċessjonijiet kienet issostitwita bil-ftuħ tas-suq għall-kompetizzjoni mill-31 ta’ Diċembru 2005.

( 32 ) Anki fir-rigward ta’ parti mis-suq inkwistjoni.

( 33 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, ACEA vs Il‑Kummissjoni (T‑297/02, EU:T:2009:189, punt 92), fejn il-Qorti Ġenerali sabet li l-eżistenza stess ta’ skema ta’ għajnuna għal ċerti benefiċjarji setgħet “ħeġġet lill-komuni sabiex jafdawlhom direttament is-servizzi minflok ma jagħtu konċessjonijiet fil-kuntest ta’ proċeduri miftuħa.”

( 34 ) Suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju.

( 35 ) Ara l-Artikolu 18(2)(a) tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 422/1997 li jirreferi għall-possibbiltà ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti u l-Artikolu 18(2)(b) li, fil-każ ta’ għoti dirett tal-kuntratt, jillimita l-operat għal barra minn żona ġeografika.

( 36 ) Ninnota li xi drabi ssir referenza għall-provinċja ta’ Napoli u oħrajn għall-Muniċipalità ta’ Napoli. Ma huwiex ċar mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jekk dawn it-termini jirreferux għal żona ġeografika waħda fir-rigward tal-perjodu rilevanti.