Edizzjoni Provviżorja

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fit‑28 ta’ Frar 2019 (1)

Kawża C658/17

WB

fil-preżenza ta’

Notariusz Przemysława Bac

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 3(1)(g) u (i) – Kunċett ta’ ‘deċiżjoni’ u ta’ ‘strument awtentiku’ fil-qasam tas-suċċessjoni – Artikolu 3(2) – Kunċett ta’ ‘qorti’ fil-qasam tas-suċċessjoni – Assenza ta’ komunikazzjoni mill-Istat Membru kkonċernat ta’ nutara bħala qrati – Kunċett ta’ ‘funzjonijiet ġudizzjarji’ – Klassifikazzjoni ġuridika taċ-ċertifikat ta’ eredità nazzjonali – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1329/2014 – Formola u attestazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1)(g) u (i), u l-Artikolu 3(2), kif ukoll l-Artikolu 39(2), l-Artikolu 46(3)(b), u l-Artikolu 79 tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (2), kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-Annessi 1 u 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament Nru 650/2012 (3).

2.        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn WB u nutar Pollakk li rrifjuta li jagħtiha, bl-għan tar-rikonoxximent ta’ kopja taċ-ċertifikat ta’ eredità relatat mas-suċċessjoni ta’ missierha li hija l-ereditarja tiegħu, waħda mill-attestazzjonijiet, previsti mir-Regolament Nru 650/2012, li jikkonfermaw li dan iċ-ċertifikat huwa kemm deċiżjoni, kif ukoll strument awtentiku, fil-qasam tas-suċċessjoni.

3.        Skont id-dritt nazzjonali, iċ-ċertifikat ta’ eredità fih il-lista tal-werrieta jew tal-legatarji kif ukoll id-dettalji utli relatati mal-portata tad-drittijiet ta’ suċċessjoni tagħhom (4) u jikkostitwixxi, f’dan ir-rigward, parti ewlenija tar-regolament tas-suċċessjoni.

4.        Din il-kawża toffri l-okkażjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tagħti preċiżazzjonijiet utli dwar l-isfumaturi tal-kunċetti ta’ “deċiżjoni” u ta’ “qorti”, fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012, billi tiddeċiedi, b’mod partikolari, jekk nutar li lilu d-dritt nazzjonali jagħtih is-setgħa li jagħti ċertifikati ta’ eredità jeżerċitax “funzjonijiet ġudizzjarji”.

5.        Fi tmiem tal-analiżi tiegħi, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi lis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja) li n-nutar Pollakk, responsabbli mill-għoti ta’ ċertifikat ta’ eredità, ma jeżerċitax funzjonijiet ġudizzjarji. L-att li huwa jistabbilixxi, fil-fehma tiegħi, huwa strument awtentiku, li l-għoti ta’ kopja tiegħu jista’ jiġi akkumpanjat mill-formola, intiża fl-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 650/2012, li tinsab fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, fuq it-talba ta’ kwalunkwe persuna interessata mill-użu ta’ dan l-att fi Stat Membru ieħor.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Ir-Regolament Nru 650/2012

6.        Il-premessi 7, 20 sa 22, 62, 67, 69 u 76 tar-Regolament Nru 650/2012 jistabbilixxu:

“(7)      Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

[...]

(20)      Dan ir-Regolament għandu jirrispetta s-sistemi differenti biex jiġu ttrattati kwistjonijiet ta’ suċċessjoni applikati fl-Istati Membri. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament it-terminu ‘qorti’ għandu għalhekk jingħata tifsira wiesgħa sabiex ikopri mhux biss il-qrati fil-veru sens tal-kelma, li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji, iżda wkoll in-nutara jew l-uffiċċji tar-reġistru f’xi Stati Membri li, f’ ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħal qrati, u n-nutara u l-professjonisti legali li, f’xi Stati Membri, jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji f’suċċessjoni speċifika permezz tad-delega tas-setgħa minn qorti. Il-qrati kollha kif iddefiniti f’dan ir-Regolament għandhom ikunu marbutin bir-regoli tal-ġuriżdizzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament. Kuntrarjament, it-terminu ‘qorti’ ma għandux ikopri l-awtoritajiet mhux ġudizzjarji ta’ Stat Membru bis-setgħa skont il-liġi nazzjonali li jittrattaw kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, bħan-nutara fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri fejn, bħal ma ssoltu jkun il-każ, huma ma jkunux qed jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

(21)      Dan ir-Regolament għandu jippermetti lin-nutara kollha li għandhom kompetenza fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri biex jeżerċitaw tali kompetenza. Jekk in-nutara fi Stat Membru partikolari jkunux marbutin bir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni msemmijin f’dan ir-Regolament, għandu jiddependi minn jekk humiex koperti mit-terminu ‘qorti’ għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

(22)      L-atti maħruġin min-nutara fi kwistjonijiet ta’ suċċessjoni fl-Istati Membri għandhom jiċċirkolaw skont dan ir-Regolament. Meta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji huma marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u d-deċiżjonijiet li jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet. Meta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, mhumiex marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u l-istrumenti awtentiċi li huma joħorġu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar strumenti awtentiċi.

[...]

(62)      L-‘awtentiċità’ ta’ strument awtentiku għandha tkun kunċett awtonomu li jkopri elementi bħall-ġenwinità tal-istrument, il-prerekwiżiti formali tal-istrument, is-setgħat tal-awtorità li qed tfassal l-istrument u l-proċedura skont liema jitfassal l-istrument. Huwa għandu jkopri wkoll l-elementi fattwali rreġistrati fl-istrument awtentiku mill-awtorità kkonċernata, bħall-fatt li l-partijiet indikati jkunu dehru quddiem dik l-awtorità fid-data indikata u li jkunu għamlu d-dikjarazzjonijiet indikati. Parti li tixtieq tikkontesta l-awtentiċità ta’ strument awtentiku għandha tagħmel dan quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru tal-oriġini tal-istrument awtentiku skont il-liġi ta’ dak l-Istat Membru.

[...]

(67)      Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju [tas-suċċessjoni] għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. Biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat uniformi, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni [...] li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor. Sabiex jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post ta’ dokumenti interni li jistgħu jeżistu għal finijiet simili fl-Istati Membri.

[...]

(69)      L-użu taċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] ma għandux ikun mandatorju. Dan ifisser li l-persuni intitolati biex japplikaw għal Ċertifikat ma huma taħt l-ebda obbligu li jagħmlu dan, iżda huma ħielsa li juzaw l-istrumenti l-oħrajn disponibbli skont dan ir-Regolament (deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u soluzzjonijiet bil-qorti). Madankollu, l-ebda awtorità jew persuna ppreżentata b’Ċertifikat maħruġ fi Stat Membru ieħor ma għandha tkun intitolata titlob li tiġi ppreżentata deċiżjoni, strument awtentiku jew soluzzjoni bil-qorti minflok iċ-Ċertifikat.

[...]

(76)      Kemm biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament kif ukoll biex ikunu jistgħu jintużaw teknoloġiji moderni ta’ komunikazzjoni, għandhom jiġu preskritti formoli standard għall-attestazzjonijiet li għandhom jingħataw b’rabta mal-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ infurzabbiltà ta’ deċiżjoni, strument awtentiku jew soluzzjoni bil-qorti u għall-applikazzjoni għal Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni kif ukoll għaċ-Ċertifikat innifsu.”

7.        Skont l-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

[...]

(g)      ‘deċiżjoni’ tfisser kwalunkwe deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, ikun xi jkun l-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni tal-ispejjeż jew l-infiq minn uffiċjal tal-qorti;

[...]

(i) ‘strument awtentiku’ tfisser dokument fi kwistjoni ta’ suċċessjoni li jkun tfassal jew ġie rreġistrat formalment bħala strument awtentiku fi Stat Membru u li l-awtentiċità tiegħu:

(i)      tirrigwarda l-firma u l-kontenut tal-istrument awtentiku; kif ukoll

(ii)      tkun ġiet stabbilita minn awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru tal-oriġini.

2.      Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, it-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja dment li dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u dment li d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)      jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)      għandhom forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.

L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn imsemmijin fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 79.”

8.        Il-Kapitolu IV tal-imsemmi regolament, intitolat “Rikonoxximent, infurzabbiltà u infurzar ta’ deċiżjonijiet”, jinkludi l-Artikolu 39(1) u (2), li jipprevedi:

“1.      Deċiżjoni mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda proċedura speċjali.

2.      Fil-każ ta’ kontestazzjoni, kull parti interessata li tinvoka bħala talba prinċipali r-rikonoxximent ta’ deċiżjoni, tista’ titlob li jiġi kkonstatat, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58, li d-deċiżjoni tiġi rikonoxxuta.”

9.        Skont l-Artikolu 43 tal-istess regolament:

“Id-deċiżjonijiet mogħtija fi Stat Membru u infurzabbli f’dak l-Istat għandhom ikunu infurzabbli fi Stat Membru ieħor meta, bl-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessata, ikunu ġew iddikjarati infurzabbli fi Stati Membri oħrajn f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58.”

10.      L-Artikolu 46(3) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi:

“L-applikazzjoni [għal dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva] għandha tkun akkumpanjata mid-dokumenti li ġejjin:

(a)      kopja tad-deċiżjoni li tissodisfa l-kondizzjonijiet meħtieġa biex tiġi stabbilita l-awtentiċità tagħha;

(b)      l-attestazzjoni maħruġa mill-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-oriġini bl-użu tal-formola stabbilita f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2), mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 47.”

11.      L-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Strument awtentiku stabbilit fi Stat Membru għandu jkollu l-istess effetti evidenzjarji fi Stat Membru ieħor bħal ma għandu fl-Istat Membru tal-oriġini jew l-aktar effetti komparabbli, dment li dan ma jkunx manifestament kuntrarju għall-ordni pubbliku (‘ordre public’) fl-Istat Membru kkonċernat.

Persuna li tixtieq tagħmel użu minn strument awtentiku fi Stat Membru ieħor tista’ titlob lill-awtorità li tistabbilixxi l-istrument awtentiku fl-Istat Membru tal-oriġini biex timla l-formola tiġi stabbilita [timla l-formola stabbilita] f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2) li tiddeskrivi l-effetti evidenzjarji li l-istrument awtentiku jipproduċi fl-Istat Membru tal-oriġini.”

12.      Skont l-Artikolu 60(1) u (2) tal-imsemmi regolament:

“1.      Att awtentiku li huwa infurzabbli fl-Istat Membru tal-oriġini għandu jiġi ddikjarat bħala infurzabbli fi Stat Membru ieħor mal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessata f’konformità mal-proċedura prevista fl-Artikoli 45 sa 58.

2.      Għall-finijiet tal-punt (b) tal-Artikolu 46(3) l-awtorita’ li stabilixxiet l-istrument awtentiku għandha, fuq l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe parti interessati, toħroġ attestazzjoni bl-użu tal-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2).”

13.      L-Artikolu 62 tal-istess regolament jipprevedi:

“1.      Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni […] li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.      L-użu taċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] ma għandux ikun mandatorju.

3.      Iċ-Ċertifikat [Ewropew tas-Suċċessjoni] ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.”

14.      L-Artikolu 79(1) u (2) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdi:

“1.      Il-Kummissjoni, abbażi ta’ notifiki mill-Istati Membri, għandha tistabbilixxi l-lista tal-awtoritajiet u professjonisti legali oħrajn imsemmijin fl-Artikolu 3(2).

2.      L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe bidliet sussegwenti għall-informazzjoni li tinsab f’dik il-lista. Il-Kummissjoni għandha temenda l-lista skont dan.”

15.      Il-Kummissjoni Ewropea ma rċeviet ebda informazzjoni mir-Repubblika tal-Polonja dwar l-eżerċizzju tal-funzjonijiet ġudizzjarji min-nutara (5).

2.      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014

16.      L-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 jipprovdi:

“1.      Il-formola li trid tintuża għall-attestazzjoni li tikkonċerna deċiżjoni f’materja ta’ suċċessjoni msemmija fl-Artikolu 46(3)(b) tar-Regolament [...] Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 1 bħala l-Formola I.

2.      Il-formola li trid tintuża għall-attestazzjoni li tikkonċerna strument awtentiku f’materja ta’ suċċessjoni msemmija fl-Artikolu 59(1) u l-Artikolu 60(2) tar-Regolament [...] Nru 650/2012 tkun kif stabbilit fl-Anness 2 bħala l-Formola II.”

B.      Id-dritt Pollakk

1.      Il-Kodiċi Notarili

17.      Ir-redazzjoni ta’ ċertifikati ta’ eredità min-nutara Pollakki hija rregolata mill-Artikoli 95a sa 95p tal-Prawo o notariacie (il-Liġi dwar il-Kodiċi Notarili, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Notarili”) (6), tal‑14 ta’ Frar 1991, kif emendata bil-Liġi tat‑13 ta’ Diċembru 2013 (7).

18.      Skont l-Artikolu 95b tal-Kodiċi Notarili:

“Qabel ma jiġi stabbilit iċ-ċertifikat ta’ eredità, in-nutar għandu jfassal il-proċess verbal tas-suċċessjoni bil-parteċipazzjoni tal-persuni kkonċernati kollha, bit-teħid inkunsiderazzjoni tal-Artikolu 95ca.”

19.      L-Artikolu 95c(1) u (2) tal-Kodiċi Notarili jipprovdi:

“1.      Qabel ma jfassal il-proċess verbal, in-nutar għandu javża lill-partijiet parteċipanti dwar l-obbligu li jiżvelaw il-fatti kollha intiżi mill-proċess verbal u dwar ir-responsabbiltà kriminali mġarrba fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet foloz.

2.      Il-protokoll tas-suċċessjoni fih b’mod partikolari:

1)      it-talba bi qbil intiża sabiex jiġi stabbilit iċ-ċertifikat ta’ eredità, imressqa mill-persuni parteċipanti fir-redazzjoni tal-protokoll.

[...]”

20.      L-Artikolu 95ca(1) u (3) tal-Kodiċi Notarili jipprevedi:

“1.      In-nutar għandu jfassal l-abbozz ta’ protokoll tas-suċċessjoni fuq it-talba u bil-parteċipazzjoni tal-persuna kkonċernata.

[...]

3.      Il-persuna kkonċernata tista’ tikkonferma, fid-dikjarazzjoni magħmula quddiem in-nutar li fassal l-abbozz ta’ protokoll tas-suċċessjoni, jew quddiem kwalunkwe nutar ieħor, l-informazzjoni li tinsab fl-abbozz tal-protokoll tas-suċċessjoni u tagħti l-kunsens tagħha li jitfassal il-protokoll tas-suċċessjoni konformement mal-abbozz tiegħu.”

21.      Skont l-Artikolu 95e tal-Kodiċi Notarili:

“1.      Wara li jkun fassal il-protokoll tas-suċċessjoni, in-nutar għandu jfassal iċ-ċertifikat ta’ eredità meta ma jkun hemm l-ebda dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, il-kontenut tad-dritt barrani applikabbli, l-identità tal-eredi, l-ammont tal-partijiet tas-suċċessjoni u, fl-ipoteżi fejn id-deċedut ikun wettaq legat ‘rivendikatorju’, ma jkunx hemm dubju dwar l-identità tal-legatarju ‘b’rivendikazzjoni’ u lanqas dwar is-suġġett tal-legat.

2.      In-nutar għandu jirrifjuta li jfassal iċ-ċertifikat ta’ eredità:

1)      meta jkun jeżisti diġà ċertifikat ta’ eredità jew digriet tas-suċċessjoni;

2)      meta tingħata prova, mar-redazzjoni tal-protokoll tas-suċċessjoni, li l-persuni kollha li jistgħu jitqiesu bħala eredi legali, legatarji tat-testment jew anki legatarji ‘b’rivendikazzjoni’, ma kinux preżenti fit-tfassil tal-protokoll jew jekk ikunu jeżistu jew kienu jeżistu testmenti li ma kinux infetħu jew li ma ġewx iddikjarati;

[...]

4)      fl-assenza ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali[ (8)].

3.      Meta s-suċċessjoni taqa’ taħt il-komun jew is-Skarbowi Państwa [it-Teżor Pubbliku, il-Polonja] bħala eredi legali u l-provi prodotti mill-parti kkonċernata ma jkunux suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit iċ-ċertifikat ta’ eredità, in-nutar jista’ jfassal l-att inkwistjoni biss wara konvokazzjoni tal-eredi permezz ta’ opinjoni għall-ispejjeż tal-parti kkonċernata. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 673 u 674 tal-Kodeks postępowania cywilnego (il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili), japplikaw rispettivament.”

22.      Skont l-Artikolu 95j tal-Kodiċi Notarili:

“Iċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat jipproduċi l-istess effetti bħad-digriet ta’ suċċessjoni definittiv.”

23.      L-Artikolu 95p tal-Kodiċi Notarili jipprovdi:

“Kull dispożizzjoni oħra li ssemmi d-digriet tas-suċċessjoni tapplika wkoll għaċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat. Meta t-terminu legali jibda jiddekorri jew jintemm f’jum li fih id-digriet tas-suċċessjoni jsir definittiv, dan għandu jitqies wkoll bħala d-data li fiha ġie rreġistrat iċ-ċertifikat ta’ eredità.”

2.      Il-Kodiċi Ċivili

24.      L-Artikolu 1025(2) tal-Kodeks Cywilny (il-Kodiċi Ċivili), jipprevedi:

“Il-persuna li kisbet id-digriet tas-suċċessjoni jew iċ-ċertifikat ta’ eredità tiġi preżunta li għandha l-kwalità ta’ eredi.”

25.      Skont l-Artikolu 1027 tal-Kodiċi Ċivili:

“Id-digriet tas-suċċessjoni jew iċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat biss jattestaw id-drittijiet tas-suċċessjoni tal-eredi fir-rigward ta’ terzi li ma jinvokaw ebda pretensjoni tas-suċċessjoni.”

26.      L-Artikolu 1028 tal-Kodiċi Ċivili jipprovdi:

“Meta l-persuna li kisbet id-digriet tas-suċċessjoni jew iċ-ċertifikat ta’ eredità, iżda li ma għandhiex il-kwalità ta’ eredi, ikollha dritt li jaqa’ taħt is-suċċessjoni favur terz, dan tal-aħħar jikseb id-dritt jew jiġi eżentat mill-obbligu, sakemm ma jkunx aġixxa b’mala fide.”

3.      Il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili

27.      L-Artikolu 669 1 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprevedi:

“1.      Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għas-suċċessjoni għandha tannulla ċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat fil-każ li jkun hemm diġà digriet tas-suċċessjoni li jirrigwarda l-istess suċċessjoni.

2.      Meta jkun ġie rreġistrat ċertifikat ta’ eredità wieħed jew iktar għall-istess suċċessjoni, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għas-suċċessjoni għandha tannulla, fuq it-talba tal-parti kkonċernata, iċ-ċertifikati ta’ eredità kollha u toħroġ digriet tas-suċċessjoni.

3.      Minbarra fil-każijiet intiżi fil-paragrafi 1 u 2, iċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat jista’ jiġi annullat biss fil-każijiet previsti mil-liġi.”

28.      Skont l-Artikolu 679 ta’ dan il-kodiċi:

“1.      Il-prova li l-persuna li kisbet id-digriet tas-suċċessjoni ma għandhiex il-kwalità ta’ eredi jew li l-parti tagħha fis-suċċessjoni hija differenti minn dik li ġiet stabbilita, tista’ tiġi prodotta biss fil-kuntest ta’ proċedura għal annullament jew għal reviżjoni tad-digriet tas-suċċessjoni, bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu. Madankollu, il-parti fil-proċedura ta’ digriet tas-suċċessjoni tista’ tippreżenta rikors intiż għar-riforma tad-digriet biss bil-kundizzjoni li r-rikors tagħha jkun ibbażat fuq elementi li hija ma setgħetx tinvoka matul l-imsemmija proċedura u li ma tipproduċihomx iktar tard minn sena mill-jum fejn hija kellha l-possibbiltà li tagħmel dan.

2.      Kull persuna kkonċernata tista’ titlob il-ftuħ ta’ din il-proċedura.

3.      Meta tiġi prodotta l-prova li persuna differenti minn dik li ġiet indikata fid-digriet tas-suċċessjoni definittiv irċeviet is-suċċessjoni jew parti minnha, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għas-suċċessjoni, filwaqt li tirriforma d-digriet inkwistjoni, għandha toħroġ deċiżjoni tas-suċċessjoni konformi mas-suċċessjoni legali reali.

4.      Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 3 japplikaw rispettivament għaċ-ċertifikat ta’ eredità rreġistrat u għad-digriet tal-kisba tal-legat ‘b’invokazzjoni’.”

III. Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

29.      WB, ir-rikorrenti, kienet waħda mill-partijiet fil-proċedura relatata mas-suċċessjoni ta’ missierha, ċittadin Pollakk, li miet fis‑6 ta’ Awwissu 2016 u li kellu l-aħħar residenza abitwali tiegħu fil-Polonja, intiża sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ eredità. Dan l-att tfassal fil‑21 ta’ Ottubru 2016 minn nutar Pollakk, konformement mad-dritt Pollakk.

30.      Peress li d-deċedut kien imprenditur li kien jeżerċita attività ekonomika qrib il-fruntiera bejn il-Ġermanja u l-Polonja, ir-rikorrenti xtaqet tkun taf jekk kien hemm kapital miżmum minn bank Ġermaniż wieħed jew iktar u, fl-affermattiv, liema kien l-ammont li seta’ jidħol fl-assi ereditarji.

31.      Għal dan il-għan, fis‑7 ta’ Ġunju 2017, WB talbet li tingħatalha kopja taċ-ċertifikat tal-eredi stabbilit min-nutar, flimkien mal-attestazzjoni li tikkonferma li din kienet deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012, ippreżentata permezz ta’ formola, kif previst fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014. Sussidjarjament, fil-każ ta’ ċaħda tat-talba prinċipali, ir-rikorrenti talbet li l-kopja tal-att mogħtija tingħata flimkien mal-Formola II li tinsab fl-Anness 2 ta’ dan ir-regolament sabiex tintuża għall-attestazzjoni li tirrigwarda strument awtentiku fil-qasam tas-suċċessjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012.

32.      Permezz ta’ proċess verbal tas‑7 ta’ Ġunju 2017, l-iskrivan tan-nutar irrifjuta li jagħti kopja taċ-ċertifikat ta’ eredità flimkien ma’ waħda mill-attestazzjonijiet mitluba. Insostenn ta’ dan ir-rifjut, huwa afferma, f’dokument tat‑12 ta’ Ġunju 2017, li dan iċ-ċertifikat kien “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 u li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni tar-Repubblika tal-Polonja lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament, li tikkonċerna n-nutara li jemettu ċertifikati ta’ eredità bħala eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji, kien impossibbli li huwa jipproċedi għaċ-ċertifikazzjoni permezz tal-formola li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014. Fir-rigward tat-talba sussidjarja tar-rikorrenti, l-iskrivan tan-nutar indika li l-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat ta’ eredità bħala “deċiżjoni” kienet teskludi dik ta’ “strument awtentiku”, b’tali mod li, minkejja li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 ikunu ssodisfatti, l-għoti tal-attestazzjoni korrispondenti, permezz tal-formola li tinsab fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, ma kinitx possibbli.

33.      Insostenn tar-rikors tagħha ppreżentat quddiem is-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski), WB sostniet li ċ-ċertifikat ta’ eredità kien josserva l-kundizzjonijiet sabiex jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012.

34.      WB affermat, qabel kollox, li ċ-ċertifikat ta’ eredità jipproduċi l-istess effett bħad-digriet tas-suċċessjoni definittiv li jservi bħala prova tal-kwalità ta’ eredi. Hija nnotat, sussegwentement, li l-klassifikazzjoni ta’ “strument awtentiku” tesponiha għar-riskju li taffaċċja iktar motivi ta’ nuqqas ta’ rikonoxximent, filwaqt li l-eżistenza ta’ dan l-att jipprekludiha milli tikseb sussegwentement digriet tas-suċċessjoni. Hija qieset, finalment, li l-ommissjoni tar-Repubblika tal-Polonja li tinforma lill-Kummissjoni li n-nutara li jistabbilixxu ċ-ċertifikati ta’ eredità huma professjonisti tal-liġi li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “qorti”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 moqri flimkien mal-Artikolu 79 ta’ dan ir-regolament, ma tippreġudikax in-natura ġuridika ta’ dawn l-atti.

35.      Il-qorti tar-rinviju tqis li, sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors ta’ WB, hija għandha, preliminarjament, tikseb konferma li l-attestazzjoni li tikkorrispondi għall-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 tista’ tingħata għal deċiżjonijiet li ma għandhomx saħħa eżekuttiva.

36.      Insostenn ta’ din l-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tafferma, essenzjalment, li qari tal-Artikolu 46(3)(b) tar-Regolament Nru 650/2012, moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) tiegħu, jiffavorixxi l-użu tal-attestazzjoni għal kull deċiżjoni, inklużi dawk li ma għandhomx saħħa eżekuttiva jew għandhom saħħa eżekuttiva parzjalment biss. Din is-soluzzjoni hija kkorroborata mill-punt 5.1. tal-Formola I li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1349/2014.

37.      Fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tispjega li d-definizzjoni tal-kunċetti ta’ “deċiżjoni” u ta’ “qorti” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012 għandha tiġi ppreċiżata. Hija tqis, minn naħa, li n-nutara Pollakki li jemettu ċertifikati ta’ eredità jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji fis-sens tal-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012, fejn dan il-kunċett fil-każ ta’ “leġittimazzjoni tal-eredi” għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu fil-kuntest ta’ dan ir-regolament. Hija tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-verifika tal-kwalità ta’ eredi tikkostitwixxi l-essenza tal-proċedura fil-qasam tas-suċċessjoni.

38.      Min-naħa l-oħra, hija tistaqsi dwar jekk it-terminu “deċiżjoni” li jinsab fl-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012 jimplikax li din għandha tingħata minn awtorità kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni ta’ kawża potenzjalment kontenzjuża. Hija tqis li dan il-punt huwa determinanti fir-rigward tal-analiżi magħmula mill-iskrivan tan-nutar tar-rwol tiegħu u tal-effetti taċ-ċertifikat li huwa jistabbilixxi. F’dan ir-rigward, hija tqis li huma l-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-proċedura relatata maċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità ta’ eredi li għandhom ikunu l-bażi tal-klassifikazzjoni ġuridika u mhux jekk l-awtorità emittenti hijiex marbuta mit-talba tal-partijiet għall-proċedura jew minn jekk din it-talba għandhiex issir bi ftehim komuni.

39.      Fir-rigward tat-tielet domanda preliminari, li tirrigwarda l-assenza ta’ komunikazzjoni magħmula mill-Istati Membri skont l-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 650/2012, il-qorti tar-rinviju tqis li l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni ma jippermettix li tingħata risposta ċara għad-domanda dwar jekk din il-komunikazzjoni għandhiex valur kostituttiv jew purament indikattiv. Hija tenfasizza li din il-klassifikazzjoni ma għandhiex tiddependi mid-deċiżjoni ta’ Stat Membru.

40.      Fir-rigward tar-raba’ u l-ħames domanda magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tippreċiża, essenzjalment, li, għalkemm iċ-ċertifikat ta’ eredità mfassal minn nutar Pollakk ma għandux jitqies bħala “deċiżjoni”, huwa inkonstestabbli l-fatt li dan josserva l-kundizzjonijiet sabiex jiġi kklassifikat bħala “strument awtentiku” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012.

41.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 46(3)(b) moqri flimkien mal-Artikolu 39(2) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jinftiehem fis-sens li l-ħruġ ta’ ċertifikazzjoni marbuta ma’ deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni, li l-mudell għaliha tinsab fl-Anness I tar-[Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014] huwa permess ukoll fir-rigward tad-deċiżjonijiet li jikkonfermaw l-attribut bħala eredi, iżda li ma humiex (anki parzjalment) eżekuttivi?

2)      L-Artikolu 3(1)(g) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar fuq talba bil-qbil tal-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, li jipproduċi l-effetti legali ta’ digriet definittiv tal-qorti li jiddikjara l-kisba ta’ suċċessjoni, bħalma huwa ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar Pollakk, jikkostitwixxi deċiżjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?

u, konsegwentement,

l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Nru 650/2012 għandu jinftiehem] fis-sens li n-nutar li jirrediġi dan it-tip ta’ ċertifikat ta’ suċċessjoni għandu jitqies bħala qorti fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni?

3)      It-tieni sentenza tal-Artikolu 3(2) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li n-notifika minn Stat Membru konformement mal-Artikolu 79 tar-Regolament għandha valur ta’ informazzjoni u ma hijiex kundizzjoni għar-rikonoxximent ta’ rappreżentant tal-professjoni legali kompetenti f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċita funzjonijiet ġudizzjarji bħala qorti fis-sens [tal-ewwel subparagrafu] tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament meta dan ikun jissodisfa l-kundizzjonijiet li jirriżultaw minn din l-aħħar dispożizzjoni?

4)      Fil-każ li r-risposta għad-domandi 1, 2 jew 3 tkun fin-negattiv:

L-Artikolu 3(1)(i) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jinftiehem fis-sens li r-rikonixximent ta’ strument proċedurali nazzjonali li jiċċertifika l-attribut bħala eredi, bħal ma huwa ċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Pollakk, bħala deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-[Regolament Nru 650/2012], jipprekludi li dan jiġi kkunsidrat bħala dokument awtentiku?

5)      Fil-każ li r-risposta għad-domanda 4 tkun fl-affermattiv:

L-Artikolu 3(1)(i) tar-[Regolament Nru 650/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar fuq talba bil-qbil tal-partijiet kollha fil-proċeduri ta’ ċertifikazzjoni, bħalma huwa ċertifikat ta’ suċċessjoni redatt minn nutar Pollakk, jikkostitwixxi dokument awtentiku fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni?”

IV.    L-evalwazzjoni tiegħi

42.      Il-kawża tirrigwarda l-għoti ta’ waħda mill-attestazzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 650/2012 relatati kemm ma’ deċiżjoni, kif ukoll ma’ strument awtentiku, fil-qasam tas-suċċessjoni.

43.      Jidhirli li huwa importanti li jiġi enfasizzat li r-rikors għal tali attestazzjonijiet huwa previst kemm, għad-deċiżjonijiet, għall-finijiet ta’ rikonoxximent jew ta’ dikjarazzjoni li tikkonstata s-saħħa eżekuttiva tagħhom (Artikolu 39(2), Artikolu 43 u Artikolu 46(3)(b) ta’ dan ir-regolament), kif ukoll, għall-atti awtentiċi, għall-bżonnijiet tal-użu tagħhom fi Stat Membru ieħor (Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament) jew għall-finijiet ta’ dikjarazzjoni relatata mas-saħħa eżekuttiva ta’ dawn l-atti (Artikolu 60(2) tal-istess regolament).

44.      Mill-fatti tal-kawża jirriżulta li t-talba għal attestazzjoni ta’ WB tressqet bl-għan li tiġi rrikonoxxuta fil-Ġermanja l-prova tal-kwalità tagħha ta’ eredi li hija kkostitwita biċ-ċertifikat ta’ eredità stabbilit minn nutar Pollakk (9).

45.      Madankollu, għalkemm fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 59(1) tar-Regolament Nru 650/2012 huwa previst li attestazzjoni tista’ tiġi mehmuża ma’ strument awtentiku sabiex jintuża fi Stat Membru ieħor, dan ma huwiex il-każ għad-deċiżjonijiet maħruġa fi Stat Membru. Konformement mal-Artikolu 39(2) u mal-Artikolu 46(3)(b) ta’ dan ir-regolament huwa biss wara kontestazzjoni li attestazzjoni tkun meħtieġa insostenn ta’ talba ta’ rikonoxximent li tista’ titressaq minn kull parti kkonċernata, prinċipalment jew sussidjarjament.

46.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi nnotat li l-qorti tar-rinviju ma ssemmi l-ebda rifjut ta’ rikonoxximent fil-konfront ta’ WB mill-banek Ġermaniżi li fihom il-missier deċedut fetaħ kontijiet li jiġġustifika t-talba ta’ attestazzjoni tagħha, filwaqt li hija ssostni, prinċipalment, li ċ-ċertifikat ta’ eredità jista’ jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012.

47.      Għaldaqstant, jistgħu jsiru diversi osservazzjonijiet fir-rigward tal-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari.

A.      Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

48.      L-ewwel nett, bħalma fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Oberle, ir-Regolament Nru 650/2012 għandu japplika għas-suċċessjonijiet b’implikazzjonijiet transkonfinali (10). Hija affermat ukoll li ċ-ċertifikati nazzjonali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu (11). Madankollu, bl-għan tat-talba għal attestazzjoni sabiex tiġi rrikonoxxuta deċiżjoni jew jintuża strument awtentiku, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit li l-beni jkunu jinsabu fi Stat Membru ieħor. Preċiżament, din il-kawża turi l-fatt li jista’ jkun neċessarju li tiġi ġġustifikata l-kwalità tagħha ta’ eredi sabiex isiru l-verifiki tal-eżistenza ta’ beni fi Stat Membru ieħor (12).

49.      It-tieni nett, it-talba ta’ għoti ta’ attestazzjoni ma hijiex suġġetta għall-prova tal-impenn fi Stat Membru ieħor ta’ azzjoni intiża sabiex tiġi rrikonoxxuta deċiżjoni.

50.      It-tielet nett, bħalma tenfasizza l-qorti tar-rinviju permezz tar-raba’ domanda tagħha, l-għażliet tal-klassifikazzjoni taċ-ċertifikat ta’ eredità bħala “strument awtentiku” jew bħala “deċiżjoni” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012 jeskludu lil xulxin.

51.      F’dawn il-kundizzjonijiet, kull dubju dwar il-karattru purament ipotetiku tad-domandi, u għaldaqstant, dwar l-ammissibbiltà tagħhom jidhirli li jista’ jiġi miċħud.

B.      Fuq il-mertu

52.      Fil-fehma tiegħi, għandhom jiġu eżaminati, qabel kollox, it-tieni u t-tielet domanda preliminari flimkien peress li dawn jistiednu lill-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża jekk iċ-ċertifikat ta’ eredità, mogħti minn nutar Pollakk, jistax jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” mogħtija minn “qorti” fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012 u li l-eżitu tal-ewwel domanda, bħal dik tar-raba’ u l-ħames, jiddependi direttament minn din il-klassifikazzjoni.

1.      Kunċetti ta’ “deċiżjoni” u ta’ “qorti”

53.      Hemm lok li jitfakkar li d-“deċiżjoni” hija ddefinita fl-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament bħala kwalunkwe deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni mogħtija minn qorti ta’ Stat Membru, indipendentement mill-isem li jingħatalha, inkluża deċiżjoni dwar id-determinazzjoni mir-reġistratur tal-ammont tal-ispejjeż tal-proċess.

54.      Għaldaqstant, minn naħa, għandu jiġi enfasizzat li, b’differenza mid-deċiżjoni tar-reġistratur relatata mal-ispejjeż tal-proċess li jista’ jkun li jkollha tiġi eżegwita fi Stat Membru ieħor, li hemm riferiment għaliha f’dan l-artikolu (13), ma ngħatat l-ebda preċiżazzjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-kwalità ta’ eredi, minkejja li din tikkostitwixxi l-bażi tal-operazzjonijiet tas-suċċessjoni. Minn dan jirriżulta, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-qorti tar-rinviju u l-iskrivan tan-nutar, li ma hemmx lok li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tad-deċiżjoni jew l-importanza tagħha.

55.      Min-naħa l-oħra, hemm lok li jitqies li l-leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi żewġ kriterji, wieħed sostantiv u l-ieħor organiku.

56.      L-eżami tal-ewwel wieħed minn dawn il-kriterji ma jqajjem l-ebda diffikultà, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fis-sentenza Oberle, li ċ-ċertifikati nazzjonali jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 minħabba s-suġġett tagħhom (14).

57.      Konsegwentement, għadu jrid jiġi eżaminat it-tieni kriterju, stabbilit fl-Artikolu 3(1)(g) ta’ dan ir-regolament, jiġifieri dak li jirrigwarda l-korp li jagħti d-deċiżjoni, jiġifieri qorti.

58.      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi li “[t]-terminu ‘qorti’ jfisser kull awtorità ġudizzjarja u awtoritajiet u professjonisti legali oħra kollha bħal dawn b’kompetenza f’materji ta’ suċċessjoni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji jew jaġixxu taħt delegazzjoni ta’ setgħa minn xi awtorità ġudizzjarja jew jaġixxu taħt il-kontroll ta’ xi awtorità ġudizzjarja [...]”.

59.      Għalhekk, ma humiex koperti biss l-awtoritajiet li l-istatus tagħhom jiggarantixxi l-indipendenza tagħhom fil-konfront tal-korpi l-oħrajn tal-Istat, iżda wkoll dawk li huma suġġetti għal rekwiżiti ekwivalenti, minħabba l-funzjonijiet li huma jeżerċitaw jew l-intervent tal-awtorità ġudizzjarja.

60.      Minn dan jirriżulta li l-kunċetti ta’ “deċiżjoni” u ta’ “funzjonijiet ġudizzjarji” huma marbuta mill-qrib bħalma tikkonferma l-premessa 22 tar-Regolament Nru 650/2012. Din tistabbilixxi li, “[m]eta n-nutara jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji huma marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni[ (15)], u d-deċiżjonijiet li jagħtu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet” (16), u sussegwentement, biex tiċċara kull ekwivoku, li, “[m]eta n-nutara ma jeżerċitawx funzjonijiet ġudizzjarji, mhumiex marbutin mir-regoli ta’ ġuriżdizzjoni, u l-istrumenti awtentiċi li huma joħorġu għandhom jiċċirkolaw skont id-dispożizzjonijiet dwar strumenti awtentiċi” (17).

61.      Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jindikaw lill-Kummissjoni liema awtoritajiet mhux ġudizzjarji jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji bħall-qrati.

62.      Fil-każ ineżami, għandu jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Pollakki ma indikawx in-nutara bħala persuni li jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji (18).

63.      Konsegwentement, hemm lok li tingħata risposta għad-domandi tal-qorti tar-rinviju li jirrigwardaw il-konsegwenzi ta’ din l-assenza ta’ komunikazzjoni, espressi fit-tielet domanda tagħha, li ser jiddeterminaw in-neċessità li tittieħed deċiżjoni dwar il-kunċett ta’ “funzjonijiet ġudizzjarji”, li hija koperta mit-tieni domanda tagħha.

2.      Konsegwenzi tal-assenza ta’ komunikazzjoni kif prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012

64.      Il-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kellhiex l-okkażjoni li tiddeċiedi dwar il-kwistjoni tal-portata tal-komunikazzjonijiet magħmula mill-Istati Membri konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012. Madankollu, ġiet eżaminata problema analoga fil-qasam tas-sigurtà soċjali. Din kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (19), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2012 (20), li jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea d-dikjarazzjonijiet relatati mal-benefiċċji nazzjonali u n-nuqqas ta’ sistema tal-assigurazzjoni, koperti minn dispożizzjonijiet differenti tar-Regolament Nru 883/2004. Jidhirli li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam tista’ tiġi trasposta għad-dikjarazzjonijiet previsti fir-Regolament Nru 650/2012, minkejja d-differenzi relatati mas-suġġett tal-istrumenti applikabbli, peress li hija tidentifika kriterji komuni għall-analizi fuq bażijiet li ma jistgħux jiġu preklużi (21).

65.      Għalhekk, fir-rigward tal-iktar deċiżjonijiet reċenti, mis-sentenzi tat‑3 ta’ Marzu 2016, Il‑Kummissjoni vs Malta (22), u tat‑30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński (23), jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dikjarazzjonijiet tal-Istati Membri joħolqu preżunzjoni li l-leġiżlazzjonijiet nazzjonali ddikjarati jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tar-Regolament Nru 883/2004 inkwistjoni u li, min-naħa l-oħra, il-fatt li Stat Membru naqas milli jiddikjara leġiżlazzjoni nazzjonali skont dan ir-regolament ma jistax, minnu nnifsu, jistabbilixxi li din il-liġi ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (24). Sakemm id-dikjarazzjonijiet magħmula minn Stat Membru ma jkunux ġew emendati jew irtirati, dawn għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri l-oħra (25).

66.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet ukoll li, f’każ ta’ dubju fir-rigward tal-eżattezza tad-dikjarazzjonijiet magħmula minn Stat Membru ieħor, b’mod partikolari fir-rigward tal-klassifikazzjoni li seta’ jipproċedi għaliha dan l-Istat (26), “qorti nazzjonali, adita b’tilwima rigward leġiżlazzjoni nazzjonali, dejjem tista’ tkun meħtieġa tiddeċiedi dwar [din] il-klassifikazzjoni [...] fil-kawża mressqa quddiemha u, jekk ikun il-każ, tagħmel domanda preliminari dwar din il-kwistjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja” (27).

67.      Barra minn hekk, għalkemm il-klassifikazzjoni għandha ssir b’mod awtonomu mill-qorti nazzjonali kkonċernata, id-dikjarazzjoni stabbilita mill-awtorità nazzjonali kompetenti ma torbotx lil din il-qorti (28). L-istess japplika, fil-fehma tiegħi, fil-każ ta’ nuqqas ta’ dikjarazzjoni.

68.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata, b’risposta għat-tielet domanda preliminari, li l-assenza ta’ komunikazzjoni, kif prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, mir-Repubblika tal-Polonja dwar l-eżerċizzju min-nutara ta’ funzjonijiet ġudizzjarji ma għandhiex karattru definittiv.

69.      Konsegwentement, għandha tiġi eżaminata t-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju li permezz tagħha hija tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 650/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-Polonja, in-nutara li jaġixxu fil-kuntest ta’ kompetenzi mogħtija lilhom mid-dritt nazzjonali fil-proċedura ta’ redazzjoni ta’ ċertifikat ta’ eredità jeżerċitaw funzjonijiet ġudizzjarji.

3.      Kunċett ta’ “funzjonijiet ġudizzjarji”

70.      Il-Gvernijiet ta’ Spanja u tal-Ungerija jqisu li t-terminu “qorti” li jinsab fir-Regolament Nru 650/2012 ma jkoprix biss lill-qrati fil-veru sens tal-kelma, skont l-espressjoni użata fil-premessa 20 ta’ dan ir-regolament, iżda wkoll, b’mod ġenerali, kull awtorità meta din teżerċita funzjoni f’kundizzjonijiet ekwivalenti, li huwa l-każ, fil-kawża ineżami, tan-nutar li jagħti ċertifikat ta’ eredità konformement mad-dritt Pollakk. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni, bħar-Repubblika tal-Polonja, għandha opinjoni kuntrarja, peress li ppreċiżat, matul is-seduta, fid-dawl tal-motivi tas-sentenza Oberle, li, għall-awtoritajiet mhux ġudizzjarji, dan it-terminu huwa intiż biss għall-proċeduri kontenzjużi.

71.      Il-kunċett ta’ “funzjonijiet ġudizzjarji” għandu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-assenza ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati Membri għad-determinazzjoni tas-sens u tal-portata tiegħu, ikun suġġett għal interpretazzjoni awtonoma u uniformi, li għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-formulazzjoni tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 650/2012, iżda wkoll l-istruttura u l-iskop ta’ dan ir-regolament (29).

a)      Il-formulazzjoni

72.      Fl-ewwel lok, għandha tiġi enfasizzata s-singularità tal-kunċett ta’ “qorti” fir-Regolament Nru 650/2012. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punt 4.1. tal-Artikolu 2 tal-memorandum ta’ spjegazzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni (30), “[i]l-kunċett ta’ qorti kif użat minn dan ir-Regolament huwa f’sens estiż u jinkludi awtoritajiet oħrajn meta dawn iwettqu funzjoni ta’ qorti, b’mod partikolari permezz ta’ delega, li jinkludi, b’mod partikolari, in-nutara u r-reġistraturi”.

73.      Għalhekk, kuntrarjament, pereżempju, għar-Regolamenti Nru 805/2004 u Nru 1215/2012, li ma fihom l-ebda dispożizzjoni ġenerali dwar dan il-punt (31), ir-Regolament Nru 650/2012 jippreċiża, fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2), li t-terminu “qorti” (32) jinkludi mhux biss l-awtoritajiet ġudizzjarji, iżda wkoll kull awtorità kompetenti oħra fil-qasam tas-suċċessjoni li teżerċità funzjonijiet ġudizzjarji u li tissodisfa ċerti kundizzjonjiet li telenka din l-istess dispożizzjoni (33).

74.      Din il-kundizzjoni dwar il-funzjonijiet eżerċitati minn awtoritajiet mhux ġudizzjarji għandha titqabbel mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li skontha, “fir-rigward tal-funzjonijiet tan-nutara, [jeżistu] differenzi fundamentali bejn il-funzjonijiet ġudizzjarji u dawk notarili” (34).

75.      Il-kriterji ta’ klassifikazzjoni tal-funzjonijiet eżerċitati huma elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, jiġifieri “dawn l-awtoritajiet u l-professjonisti legali l-oħrajn [għandhom] joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità u d-dritt tal-partijiet kollha li jinstemgħu u [...] d-deċiżjonijiet tagħhom jittieħdu skont il-liġi tal-Istat Membru li fih joperaw:

(a)      [għandhom ikunu] jistgħu jkunu s-suġġett ta’ appell jew reviżjoni minn awtorità ġudizzjarja; kif ukoll

(b)      [għandu jkollhom] forza u effett simili bħal deċiżjoni ta’ awtorità ġudizzjarja dwar l-istess materja.”

b)      L-istruttura tar-Regolament Nru 650/2012 u l-għan li għandu jintlaħaq

76.      Il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jiggarantixxu l-osservanza tal-prinċipju ta’ aspettattivi leġittimi fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja fl-Istati Membri tal-Unjoni li huwa l-bażi tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament relatati mar-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi fi Stat Membru ieħor, ispirati mir-Regolament (KE) Nru 44/2001 (35).

77.      Dawn il-kundizzjonijiet huma l-bażi tad-differenza fis-sistema legali applikabbli għaċ-ċirkulazzjoni ta’ “deċiżjonijiet” u ta’ “atti” fl-Istati Membri, li ġiet iċċarata, b’mod speċjali, fl-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 650/2012 (36).

78.      Konsegwentement, minbarra l-kundizzjoni ta’ imparzjalità, il-kriterju fundamentali li għandu jitqies huwa, fil-fehma tiegħi, dak tas-setgħa, mogħtija lill-awtorità kompetenti, li tiddeċiedi dwar kawża possibbli (37) jew li tiddeċiedi skont l-awtorità tagħha fuq il-bażi tal-evalwazzjoni tagħha, li tiġġustifika l-osservanza tal-prinċipji proċedurali fundamentali, fosthom dak tal-kontradittorju, kif ukoll l-eżistenza ta’ rimedji ġudizzjarji, li jiggarantixxu l-moviment liberu tas-sentenzi, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja (38). Għal dawn ir-raġunijiet, inqis li ma hemmx lok li ssir derogazzjoni minn din l-interpretazzjoni, fil-qasam tas-suċċessjoni, li għandha tapplika għad-deċiżjonijiet kontenzjużi jew mhux kontenzjużi (39).

79.      Għaldaqstant, fir-rigward tal-awtoritajiet mhux ġudizzjarji intiżi fir-Regolament Nru 650/2012, l-uniku kriterju utli huwa dak tal-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali (40). Fi kliem ieħor, il-kompetenza tal-awtorità mhux ġudizzjarja inkwistjoni ma għandhiex tiddependi mir-rieda biss tal-partijiet. Fil-fatt, f’tali każ, minkejja li din l-awtorità għandha tipproċedi għal verifiki, ir-rwol tagħha huwa r-reġistrazzjoni tal-qbil tagħhom u t-trażmissjoni tagħhom lill-awtorità ġudizzjarja f’każ ta’ diffikultajiet (41).

80.      Il-konstatazzjoni tal-bażi kunsenswali tal-proċedura li l-korollarju tagħha huwa l-assenza ta’ rimedji ġudizzjarji twassal sabiex tiġi miċħuda kwalunkwe diskussjoni dwar l-ekwivalenza tal-effetti ta’ att mogħti ma’ dawk ta’ deċiżjoni maħruġa minn awtorità ġudizzjarja fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012, peress li l-kriterji ta’ klassifikazzjoni stabbiliti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament huma kumulattivi.

81.      Għalhekk, nipproponi interpretazzjoni li tista’ titqabbel ma’ dik li tirriżulta mis-sentenza Oberle, mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja reċentement. Madankollu, din teħtieġ ċerti preċiżazzjonijiet terminoloġiċi.

82.      F’din il-kawża, li kienet tikkonċerna l-ġurisdizzjoni ta’ qorti Ġermaniża li tagħti ċertifikat ta’ eredità ta’ portata limitata lill-parti tas-suċċessjoni li tinsab fil-Ġermanja, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx prijorità lin-natura jew lill-importanza tal-konstatazzjonijiet relatati mal-kwalità ta’ eredi għall-iżvolġiment sussegwenti tal-operazzjonijiet ta’ suċċessjoni, iżda liċ-ċentralizzazzjoni fi Stat Membru wieħed tal-proċeduri, fejn qorti, fil-veru sens tal-kelma, kienet ġiet adita, “indipendentement min-natura kontenzjuża jew mhux kontenzjuża ta[l-]proċeduri” (42).

83.      Hija kkonstatat li “r-regola ta’ ġurisdizzjoni [internazzjonali tal-qrati tal-Istati Membri fir-rigward ta’ proċeduri dwar miżuri li jikkonċernaw suċċessjoni fl-intier tagħha (43)] stabbilita [fl-]Artikolu 4 [tar-Regolament Nru 650/2012] tkopri wkoll il-proċeduri li ma jwasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja” (44). Il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet deċiżjoni f’dan is-sens fir-rigward tal-għan li għandu jintlaħaq mir-Regolament Nru 650/2012, jiġifieri dak li tiġi evitata frammentazzjoni tas-suċċessjoni (45).

84.      Minn dan nislet żewġ tagħlimiet. Minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja tat prijorità lill-kriterju organiku, dak tal-kwalità tal-awtorità kompetenti li kellha tagħti ċ-ċertifikat tas-suċċessjoni, u mhux lill-kriterju funzjonali intiż għan-natura tal-proċedura, peress li din kienet il-qorti li seta’ jkollha ġurisdizzjoni f’każ ta’ kontestazzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni (46). Minn dan jirriżulta li l-kriterju deċiżiv għall-analiżi tal-funzjonijiet tal-awtorità mhux ġudizzjarja jibqa’ dak tal-eżerċizzju ta’ setgħa deċiżjonali irrispettivament min-natura tal-proċedura, kontenzjuża jew mhux kontenzjuża.

85.      Min-naħa l-oħra, bħalma kkonfermaw id-diskussjonijiet matul is-seduta, għandha tingħata attenzjoni, minħabba din id-duwalità tal-proċeduri li hemm riferiment għaliha fir-Regolament Nru 650/2012, lill-kundizzjonijiet ta’ użu tal-espressjoni “funzjonijiet ġudizzjarji”. Fil-fatt, fis-sentenza Oberle, fil-punt 38, il-Qorti tal-Ġustizzja għażlet din l-espressjoni fejn ikkuntrastatha mal-proċedura nazzjonali ta’ natura mhux kontenzjuża. Fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, fl-istess kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja użat l-espressjoni “l-fatt li tiġi adottata deċiżjoni ta’ natura esklużivament ġudizzjarja”. Barra minn hekk, fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, wara li rreferiet għad-dikjarazzjonijiet tas-suċċessjoni li waslu lill-qrati, hija qieset li “r-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita [fl-]Artikolu 4 tkopri wkoll il-proċeduri li ma jwasslux għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġudizzjarja” (47), espressjoni ġeneralment mifhuma fis-sens li tkopri l-eżistenza ta’ kawża, b’mod partikolari fil-każ ta’ eżami tal-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari (48).

86.      Konsegwentement, nirrakkomanda, konformement mal-ispjegazzjonijiet preċedenti tiegħi, li l-espressjoni “funzjonijiet ġudizzjarji” tkopri kemm proċeduri kontenzjużi kif ukoll dawk mhux kontenzjużi, sa fejn dawn tal-aħħar ma humiex ibbażati biss fuq ir-rieda tal-partijiet.

87.      Fi kwalunkwe każ, il-portata tas-sentenza Oberle għandha tkun limitata għall-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qrati li ħadet deċiżjoni dwarha billi tat il-firxa kollha tagħha lill-kontribut ewlieni tar-Regolament Nru 650/2012, jiġifieri dak li jtemm id-disparità tal-motivi ta’ ġurisdizzjoni fil-qasam tas-suċċessjoni. Fil-fatt, għalkemm din id-deċiżjoni ma għandhiex tiġi rriżervata għall-awtoritajiet ġudizzjarji, dawn il-motivi, madankollu, ma jippermettux li jitqies li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-intenzjoni li tibdel dan il-kunċett ta’ “funzjonijiet ġudizzjarji” billi testendih għall-atti li għandhom bħala effett ir-reġistrazzjoni ta’ manifestazzjoni ta’ rieda privata.

88.      Fi kliem ieħor, din is-sentenza ma ssostnix interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” li tista’ tiġi kkorrelatata ma’ dik tal-kunċett ta’ “qorti”, li huwa partikolari fil-qasam tas-suċċessjoni.

89.      Għaldaqstant, mill-imsemmija sentenza li tirrigwarda proċedura mhux kontenzjuża ma jistax jiġi dedott li kwalunkwe awtorità mhux ġudizzjarja li temetti ċertifikati ta’ eredità, fl-assenza ta’ kontestazzjoni, tagħti deċiżjonijiet bħal qorti fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tar-Regolament Nru 650/2012.

90.      Bl-istess mod, bħalma jissuġġerixxi l-iskrivan tan-nutar Pollakk, minn dan ma jistax jinsilet l-argument li t-terminu “deċiżjoni” huwa użat fl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 650/2012 dwar ir-rikors li jista’ jiġi eżerċitat wara li jkun ingħata ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni, peress li dan iċ-ċertifikat igawdi minn sistema legali awtonoma, bħalma ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Oberle (49), u li dan it-terminu huwa użat irrispettivament mill-awtorità emittenti li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, li għandu jinqara flimkien mal-Artikolu 64 tiegħu.

91.      Huwa fid-dawl ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet li issa għandhom jiġu kklassifikati l-funzjonijiet eżerċitati min-nutar Pollakk meta jistabbilixxi ċertifikat ta’ eredità.

4.      Eżami tal-funzjonijiet tan-nutar Pollakk fir-rigward tal-kriterji stabbiliti

92.      Bħalma jirriżulta mir-riċerki tiegħi, skont l-Artikolu 4 u l-Artikolu 5(1) tal-Kodiċi Notarili, in-nutara jwettqu studju (50) għalihom infushom u jeżerċitaw l-attività prinċipali tagħhom għal remunerazzjoni fuq il-bażi ta’ ftehim mal-partijiet, fil-limitu ta’ skala.

93.      Fir-rigward tal-attivitajiet notarili fil-qasam tas-suċċessjoni, għandu jitfakkar, qabel kollox, li, skont l-Artikolu 1027 tal-Kodiċi Ċivili, id-drittijiet tas-suċċessjoni tal-eredi fil-konfront ta’ terzi li ma humiex suċċessuri huma attestati permezz ta’ digriet tas-suċċessjoni jew ċertifikat ta’ eredità. Il-qorti tar-rinviju spjegat (51) li din l-alternattiva nħolqot fl‑2009 għas-suċċessjonijiet mhux kontenzjużi.

94.      Għalhekk, in-nutar jista’ jiġi adit bil-proċedura għall-finijiet ta’ ċertifikazzjoni tal-kwalità ta’ eredi biss fil-każ ta’ qbil tal-partijiet ikkonċernati kollha (52) jew ta’ nuqqas ta’ dubju (53) dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, il-kontenut tad-dritt barrani applikabbli, l-identità tal-eredi u d-drittijiet tas-suċċessjoni. Huwa għandu jirrifjuta li jikteb iċ-ċertifikat ta’ eredità, b’mod partikolari, jekk is-suċċessuri kollha ma kinux preżenti matul it-tfassil tal-protokoll tas-suċċessjoni (54). Jekk ingħataw diversi ċertifikati, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni għas-suċċessjoni għandha tannullahom u temetti digriet tas-suċċessjoni (55). Skont l-Artikolu 6691(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-eżistenza ta’ digriet tas-suċċessjoni hija l-bażi tal-annullament ta’ ċertifikat ta’ eredità diġà rreġistrat. Barra minn hekk, għalkemm iċ-ċertifikat jipproduċi l-istess effetti bħad-digriet tas-suċċessjoni (56), dan ma għandux l-awtorità ta’ res judicata (57) u ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors. Jista’ biss jiġi annullat, b’mod partikolari fil-każijiet stabbiliti fl-Artikoli 6691 u 679 (58) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.

95.      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod ċar li l-kompiti fdati lin-nutar fil-qasam tas-suċċessjoni huma eżerċitati fuq bażi kunsenswali li hija bbażata fuq l-eżistenza minn qabel ta’ kunsens tal-partijiet ikkonċernati jew ta’ ftehim dwar ir-rieda bejniethom u jħallu intatti l-prerogattivi tal-imħallef fl-assenza ta’ ftehim. Konsegwentement, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala li jagħmlu parti, bħala tali, direttament u speċifikament mill-eżerċizzju ta’ funzjonijiet ġudizzjarji.

96.      Barra minn hekk, bħalma ddeċidiet diġà l-Qorti tal-Ġustizzja fl-okkażjoni tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu (59), din il-konklużjoni ma tinbidilx mill-fatt li n-nutar għandu l-obbligu li jipproċedi għall-verifika tal-osservanza tal-kundizzjonijiet legalment meħtieġa, li jinvoka l-iskrivan tan-nutar, peress li huwa ma jeżerċita l-ebda setgħa deċiżjonali, minbarra dik li jirrifjuta li jistabbilixxi ċ-ċertifikat ta’ eredità, jew li l-atti stabbiliti jipproduċu effetti ekwivalenti għal dawk tas-sentenzi.

97.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 350/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nutar li jfassal ċertifikat ta’ eredità fuq talba bi qbil tal-partijiet kollha fil-proċedura notarili, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, iċ-ċertifikat ta’ eredità Pollakk, imfassal min-nutar, ma jikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tal-imsemmi regolament li miegħu għandha tinhemeż l-attestazzjoni li tirrigwarda deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni li tikkorrispondi għall-Formola I li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014.

98.      Għaldaqstant, la hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju u lanqas għar-raba’ domanda, li issa saru mingħajr skop. Għalhekk jifdal li tiġi eżaminata l-ħames u l-aħħar domanda dwar il-klassifikazzjoni tal-att inkwistjoni bħala “strument awtentiku”.

5.      Klassifikazzjoni taċ-ċertifikat ta’ eredità bħala “strument awtentiku”

99.      Skont id-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012, il-klassifikazzjoni ta’ “att awtentiku” tirriżulta mill-fatt li l-awtentiċità tal-att tirrigwarda l-firma kif ukoll il-kontenut tal-istrument awtentiku u li tkun ġiet stabbilita mill-awtorità pubblika jew awtorità oħra bis-setgħa li tagħmel dan mill-Istat Membru kkonċernat.

100. Din id-definizzjoni, li hija ispirata minn dik ikkonstatata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1999 Unibank (60), b’riferiment għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 50 (61) tal-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, iffirmata f’Lugano fis‑16 ta’ Settembru 1988 (62), ma tirriproduċix il-kundizzjoni relatata man-natura eżekuttiva tal-att (63). Din tinsab fl-istess termini, fl-Artikolu 4(3)(a) tar-Regolament Nru 805/2004, fl-Artikolu 2(1)(3)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009 tat‑18 ta’ Diċembru 2008 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (64), fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament Nru 1215/2012 u fl-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/1103 tal‑24 ta’ Ġunju 2016 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ deċiżjonijiet f’materji ta’ reġimi ta’ proprjetà matrimonjali (65).

101. Fil-premessa 62 tar-Regolament Nru 650/2012 huwa ppreċiżat li għandha titqies bħala kunċett awtonomu l-“awtentiċità” ta’ strument awtentiku ddefinit bħala li għandu jirriżulta mill-osservanza tar-rekwiżiti differenti relatati mal-formaliżmu, mal-preżenza tal-partijiet u maċ-ċertifikazzjoni, marbuta mas-setgħat eżerċitati mill-awtorità li tistabbilixxihom.

102. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 650/2012 u, b’mod speċjali, tal-Artikolu 3(1)(i)(ii) għall-applikazzjoni tar-Regolament Nru 44/2001, l-ewwel kriterju li għandu jiġi vverifikat huwa dak tal-“intervent ta’ awtorità pubblika jew awtorità oħra mogħtija s-setgħa mill-Istat Membru tal-oriġini” (66). Bħal fil-każ tad-deċiżjonijiet, l-għan li għandu jintlaħaq huwa li tiġi ffaċilitata ċ-ċirkulazzjoni ta’ dawn l-atti (67).

103. It-tieni kriterju li għandu jiġi eżaminat, stabbilit fl-Artikolu 3(1)(i)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 jirrigwarda r-rwol tal-awtorità pubblika. Hija ma għandhiex tillimita ruħha li tawtentika l-firem. Hija għandha tawtentika wkoll il-kontenut tal-att, u dan ifisser, fil-fehma tiegħi, li dan ma għandux jirriżulta mis-sempliċi dikjarazzjonijiet jew mill-manifestazzjonijiet tar-rieda u li, konsegwentement, ir-responsabbiltà tal-awtorità kompetenti tista’ tiġi stabbilita fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet magħmula fl-att.

104. Għaldaqstant, huwa fir-rigward ta’ dawn ir-rekwiżiti li għandhom jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet ta’ awtentiċità previsti fid-dritt Pollakk.

105. Fil-każ ineżami, huwa stabbilit, fl-ewwel lok, li, fl-ordinament ġuridiku Pollakk, in-nutara għandhom is-setgħa jistabbilixxu atti awtentiċi.

106. Fit-tieni lok, matul l-għoti taċ-ċertifikat ta’ eredità, in-nutar mhux sempliċement jiġbor id-dikjarazzjonijiet bi qbil tal-eredi, iżda għandu jwettaq il-verifiki li jistgħu jwassluh sabiex jirrifjuta li jfassal iċ-ċertifikat ta’ eredità (68).

107. Fit-tielet lok, dan iċ-ċertifikat huwa rreġistrat u jipproduċi, skont l-Artikolu 95j tal-Kodiċi Notarili, l-istess effetti bħad-digriet tas-suċċessjoni definittiv.

108. Minn dan jirriżulta li l-kundizzjonijiet li fihom in-nutar Pollakk jistabbilixxi ċertifikat ta’ eredità għandhom iwasslu sabiex jikklassifikawh bħala “strument awtentiku” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012.

109. Konsegwentement, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ħames domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 3(1)(i) ta’ dan ir-regolament għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat ta’ eredità stabbilit min-nutar Pollakk huwa strument awtentiku fejn mal-għoti ta’ kopja tista’ tinhemeż il-formola, li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 59(1) tal-imsemmi regolament, li tikkorrispondi għal dik li tinsab fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014.

V.      Konklużjoni

110. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mis-Sąd Okręgowy w Gorzowie Wielkopolskim (il-Qorti Reġjonali ta’ Gorzów Wielkopolski, il-Polonja) bil-mod li ġej:

1)      L-assenza ta’ komunikazzjoni, kif prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, mir-Repubblika tal-Polonja dwar l-eżerċizzju min-nutara ta’ funzjonijiet ġudizzjarji ma għandhiex karattru definittiv.

2)      L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 350/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li n-nutar li jfassal ċertifikat ta’ eredità fuq talba bi qbil tal-partijiet kollha għall-proċedura notarili, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Pollakk, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “qorti” fis-sens ta’ dan ir-regolament. Konsegwentement, iċ-ċertifikat ta’ eredità Pollakk, imfassal min-nutar, ma jikkostitwixxix “deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(g) tal-imsemmi regolament li miegħu għandha tinhemeż l-attestazzjoni li tirrigwarda deċiżjoni fil-qasam tas-suċċessjoni li tikkorrispondi għall-Formola I li tinsab fl-Anness 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament Nru 650/2012.

3)      L-Artikolu 3(1)(i) tar-Regolament Nru 650/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċertifikat ta’ eredità stabbilit min-nutar Pollakk huwa att awtentiku fejn mal-għoti ta’ kopja tista’ tinhemeż il-formola, li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 59(1) ta’ dan ir-regolament, li tikkorrispondi għal dik li tinsab fl-Anness 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140.


3      ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14.


4      Ara, fir-rigward tad-diversi ċertifikati ta’ suċċessjoni nazzjonali fl-Istati Membri differenti u tad-definizzjoni tagħhom, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:89, punti 23 sa 25). Fir-Regolament Nru 650/2012, fl-Artikolu 62(3) relatat maċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Ewropew, tintuża l-espressjoni “dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri”.


5      Ara l-punt 62 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Dz. U. Nru 22, pożizzjoni 91.


7      Dz. U. tal‑2014, pożizzjoni 164.


8      Mid-diskussjonijiet matul is-seduta jirriżulta li din l-espressjoni mit-traduzzjoni tal-kliem “jurysdykcja krajowa” tintuża ġeneralment biex isir riferiment għall-kriterji tal-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ qorti Pollakka li għandha tiġi distinta mill-ġurisdizzjoni interna “właściwość”.


9      Għandu jiġi osservat li WB għażlet li ma titlobx l-għoti ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni li huwa maħsub preċiżament sabiex jissodisfa l-bżonnijiet tal-eredi li faċilment jagħtu prova tal-istatus tagħhom u tad-drittijiet tagħhom (ara l-premessa 67 tar-Regolament Nru 650/2012). Kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle (C‑20/17, iktar ’il quddiem is-“sentenza Oberle”, EU:C:2018:485, punt 47), l-użu ta’ dan iċ-ċertifikat ma huwiex obbligatorju u dan ma għandux jissostitwixxi dokumenti nazzjonali. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati ftit wara s-sentenza tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138), l-iskrivan tan-nutar afferma li din il-kawża turi d-diffikultajiet ta’ interpretazzjoni dwar il-portata tad-drittijiet tal-eredi li xi drabi għandhom jingħelbu u għalhekk jagħtu prijorità lil dawn id-dokumenti nazzjonali.


10      Punt 32 tas-sentenza Oberle. Ara, speċjalment, fir-rigward tat-terminu “transkonfinali”, il-formulazzjoni tal-premessi 7 u 67, li hemm riferiment għalihom f’dan il-punt.


11      Punt 30 tas-sentenza Oberle.


12      F’dan ir-rigward, jidher rilevanti mill-ġdid li ssir approssimazzjoni mal-mandat ta’ arrest Ewropew bħalma pproponejt jiena fil-punt 32 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2016:654). Barra minn hekk, qabel is-sentenza Oberle, id-dibattitu dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012 seta’ jkun il-bażi leġittima tal-ilment li ma jiġux irrikonoxxuti l-effetti ta’ ċertifikat nazzjonali.


13      Id-determinazzjoni mir-reġistratur tal-ammont tal-ispejjeż tal-proċess għandu jiġi kklassifikat bħala “deċiżjoni” għaliex “ir-reġistratur jaġixxi bħala korp tal-qorti li jkun jaf il-mertu tal-kawża u li, f’każ ta’ kontestazzjoni, korp ġudizzjarju fil-veru sens tal-kelma għandu jiddeċiedi dwar l-ispejjeż” (sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, Solo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 16)).


14      Punt 30 tas-sentenza Oberle.


15      Ara, ukoll dwar dan il-punt, il-premessa 21.


16      Korsiv miżjud minni.


17      Korsiv miżjud minni.


18      Il-lista skont il-pajjiż tal-awtoritajiet l-oħrajn u l-professjonisti tad-dritt, li jieħdu l-funzjoni ta’ qorti, innotifikati lill-Kummissjoni, hija aċċessibbli fuq l-indirizz elettroniku li ġej: https://e-justice.europa.eu/content_succession-380-mt.do?clang=mt. Barra minn hekk, l-ipoteżi ta’ delega ta’ poteri ta’ awtorità ġudizzjarja jew taħt il-kontroll tagħha ma tissemmiex f’dawn il-konklużjonijiet, peress li din ma ġietx invokata.


19      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


20      ĠU 2012, L 149, p. 4, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 883/2004”.


21      Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jsostni Wautelet, P., f’Bonomi, A., u Wautelet, P., Le droit européen des succession, Commentaire du règlement (UE) nº 650/2012, du 4 juillet 2012, it-tieni edizzjoni, Bruylant, Brussell, 2016, punt 71, nota ta’ qiegħ il-paġna 89, p. 173, ma naħsibx li tista’ ssir approssimazzjoni mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 603/2005 tat‑12 ta’ April 2005 (ĠU 2006, L 159M, p. 377) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1346/2000”), u lanqas mas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2010, MG Probud Gdynia (C‑444/07, EU:C:2010:24, punt 40). Fil-fatt, l-Anness A tar-Regolament Nru 1346/2000 fih il-lista ta’ proċeduri li għalihom japplika dan ir-regolament u jifforma parti integrali minnu. L-istess japplika għall-Artikolu 4(7) tar-Regolament (KE) Nru 805/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ April 2004 li joħloq Ordni Ewropew ta’ Infurzar għal talbiet mhux kontestati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 38), u tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, peress li dawn l-artikoli jirrigwardaw speċifikament l-awtoritajiet li dawn isemmu jew jelenkaw, in-nutara fil-Kroazja ma jaqgħux taħthom (ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 34), u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 46)).


22      C‑12/14, EU:C:2016:135.


23      C‑517/16, EU:C:2018:350.


24      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński (C‑517/16, EU:C:2018:350, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).


25      Ara s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2016, Il‑Kummissjoni vs Malta (C‑12/14, EU:C:2016:135, punt 39).


26      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński (C‑517/16, EU:C:2018:350, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


27      Sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński (C‑517/16, EU:C:2018:350, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


28      Ara s-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2018, Czerwiński (C‑517/16, EU:C:2018:350, punti 38 u 39).


29      Ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 32), u tal‑1 ta’ Marzu 2018, Mahnkopf (C‑558/16, EU:C:2018:138, punt 32).


30      Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u l-ħolqien ta’ ċertifikat Ewropew tas-suċċessjoni (COM(2009) 154 final). Ara wkoll il-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012.


31      Dan għandu jitqabbel mas-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 35), u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 48). Ara wkoll il-preċiżazzjonijiet dwar il-verżjonijiet lingwistiċi differenti li jinsabu fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2016:825, punti 68 u 71).


32      Ara, għal spjegazzjoni fid-dettall tad-diversi definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “qorti”, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2016:654, punti 67 et seq.).


33      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 35), u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 48), kif ukoll il-premessa 20 tar-Regolament Nru 650/2012.


34      Sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Regolament tal-Kunsill tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42). Ara, fir-rigward tal-ġenesi tar-Regolament Nru 50/2012, il-proposta għal regolament iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet, speċjalment, il-punt 4.4. tal-memorandum ta’ spjegazzjoni. Ara wkoll il-premessa 59 tar-Regolament Nru 650/2012: “Fid-dawl tal-objettiv ġenerali tiegħu, li hu r-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet mogħtija fl-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ suċċessjonijiet, irrispettivament minn jekk tali deċiżjonijiet kinux mogħtija fi proċedimenti kontenzjużi jew mhux kontenzjużi, dan ir-Regolament għandu jistabbilixxi regoli relatati mar-rikonoxximent, l-infurzabbiltà u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet simili għal dawk ta’ strumenti oħra tal-Unjoni fil-qasam tal-koperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili.” F’dan ir-rigward, ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punti 40 sa 43), u tad‑9 ta’ Marzu 2017, Pula Parking (C‑551/15, EU:C:2017:193, punt 54).


36      Ara, bħala paragun, il-formulazzjoni tal-Artikolu 46 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63): “Id-dokumenti li jkunu ġew formalment magħmula jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u li jkunu nfurzabbli fi Stat Membru wieħed u kif ukoll il-ftehim bejn il-partijiet li huma nfurzabbli fl-Istat Membru fejn ġew konkluzi għandhom jiġu rikonoxxuti u ddikjarati li huma nfurzabbli taħt l-istess kondizzjonijiet tas-sentenzi.”


37      Dan għandu jitqabbel mas-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Gambazzi (C‑394/07, EU:C:2009:219, punt 25). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BUAK Bauarbeiter-Urlaubs- u. Abfertigungskasse (C‑579/17, EU:C:2018:863, punt 51).


38      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2017, Zulfikarpašić (C‑484/15, EU:C:2017:199, punt 43).


39      Dan għandu jitqabbel mas-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2012, Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:719, punti 31 u 32). Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat, essenzjalment, li interpretazzjoni restrittiva tal-kunċett ta’ “deċiżjoni” għandha l-konsegwenza li toħloq kategorija ta’ atti adottati mill-qrati li l-qrati tal-Istati Membri l-oħra ma humiex obbligati li jirrikonoxxu u li l-klassifikazzjoni tad-deċiżjoni ma għandhiex tintrabat ma’ dik misluta mid-dritt ta’ Stat Membru ieħor.


40      Dan għandu jitqabbel mas-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑53/08, EU:C:2011:338, punt 85), u tal‑1 ta’ Frar 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).


41      Ara s-sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994, olo Kleinmotoren (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 18), il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Gothaer Allgemeine Versicherung et (C‑456/11, EU:C:2012:554, punt 38), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-kawża Oberle (C‑20/17, EU:C:2018:89, punt 74 u l-kummenti dottrinali ċċitati). Dan għandu jitqabbel mas-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑53/08, EU:C:2011:338, punt 103), u tal‑1 ta’ Frar 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73, punt 116).


42      Punt 44 tas-sentenza Oberle. Fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li, skont “[id]-deċiżjoni tar-rinviju[, il-]proċedura tal-ħruġ ta’ ċertifikati tas-suċċessjoni nazzjonali hija proċedura ta’ natura mhux kontenzjuża u [...] [i]d-deċiżjonijiet dwar il-ħruġ ta’ tali ċertifikati jinkludu biss konstatazzjonijiet ta’ fatt, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe element li jista’ jikseb il-forza ta’ res judicata” (korsiv miżjud minni).


43      Espressjoni misluta mill-punt 44 tas-sentenza Oberle.


44      Punt 42 tas-sentenza Oberle.


45      Ara l-punt 56 tas-sentenza Oberle.


46      Tali kriterju jista’ jitqabbel mal-kundizzjoni li tinsab fl-Artikolu 42(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1215/2012 bl-għan tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni li tordna miżura provviżorja. Iċ-ċertifikat mogħti għal dak l-għan mill-qorti tal-oriġini għandu jattesta l-fatt li din il-qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu.


47      Korsiv miżjud minni.


48      Ara, bħala tfakkira tal-iżvilupp tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens ta’ interpretazzjoni wiesgħa, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża BUAK Bauarbeiter-Urlaubs- u. Abfertigungskasse (C‑579/17, EU:C:2018:863, punt 34).


49      Punt 46 ta’ din is-sentenza.


50      It-terminu Pollakk huwa “kancelaria”.


51      Taħt il-punt 3 “Dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali” tad-deċiżjoni tar-rinviju (p. 10 tat-traduzzjoni għal-lingwa Franċiża).


52      Artikolu 95c(2)(1) tal-Kodiċi Notarili. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li t-talba ta’ għoti ta’ ċertifikat notarizzat hija rriżervata għall-eredi biss li għandhom jaqblu dwar il-kontenut speċifiku (p. 10 tat-traduzzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-aħħar żewġ paragrafi).


53      Artikolu 95e(1) tal-Kodiċi Notarili.


54      Artikolu 95e(2)(2) tal-Kodiċi Notarili.


55      Artikolu 6691(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.


56      Artikolu 95j tal-Kodiċi Notarili.


57      Artikoli 363 et seq. tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, skont l-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Gvern Pollakk.


58      Ara wkoll, skont id-duttrina ċċitata mill-Gvern Pollakk (“Komentarz do art. 95j Prawa o notariacie”, f’Szereda, A., Czynności notarialne. Komentarz do art. 79-112 Prawa o notariacie, Legalis, Varsavja, 2018), każijiet oħra kif ġej:


-      ċertifikat ta’ eredità ġie rreġistrat għas-suċċessjoni ta’ persuna ddikjarata deċeduta jew li l-mewt tagħha ġie kkonstatat permezz ta’ digriet ġudizzjarju, u dan id-digriet ta’ dikjarazzjoni jew ta’ konstatazzjoni tal-mewt tad-deċedut ġie annullat (Artikolu 678 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili);


-      wara validazzjoni definittiva mill-qorti tal-annullament tad-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rifjut tas-suċċessjoni, issir modifika fir-rigward tal-persuni li ċ-ċertifikat ta’ eredità ġie rreġistrat fil-konfront tagħhom (Artikolu 690(2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili).


59      B’mod partikolari, is-sentenzi tal‑1 ta’ Frar 2017, Il‑Kummissjoni vs L‑Ungerija (C‑392/15, EU:C:2017:73, punti 118 ut 121 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Marzu 2018, Il‑Kummissjoni vs Ir‑Repubblika Ċeka (C‑575/16, mhux ippubblikata, EU:C:2018:186, punti 124 u 126). F’din l-aħħar kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat fil-punt 90 tas-sentenza tagħha li “[d]an l-Istat Membru jafferma, fis-sitt nett, li n-nutar, meta jaġixxi bħala kummissarju ġudizzjarju, għandu jitqies bħala ‘qorti’, fis-sens tar-Regolament Nru 650/2012, sa fejn, fl-ordinament ġuridiku Ċek, in-nutara jeżerċitaw, għal ċerti kwistjonijiet ta’ suċċessjoni, funzjonijiet ġudizzjarji bl-istess mod bħall-qrati. Ir-Repubblika Ċeka tosserva li, in-nutar, fil-funzjoni tiegħu ta’ kummissarju ġudizzjarju, billi huwa inkarigat mill-missjoni tar-regolazzjoni tas-suċċessjonijiet, huwa marbut mir-regoli ffissati minn dan ir-regolament, peress li huwa jeżerċita funzjoni ġudizzjarja. F’dan ir-rigward, in-nutar jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jitqies bħala ‘qorti’, fis-sens tal-Artikolu 267 TFUE u jista’, skont din id-dispożizzjoni, jadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari relatata mal-interpretazzjoni tal-imsemmi regolament. Għaldaqstant, l-attività tiegħu jkollha titqies bħala marbuta mal-eżerċizzju tal-awtorità pubblika għall-finijiet tar-Regolament Nru 650/2012”.


60      C‑260/97, EU:C:1999:312, punti 16 u 17.


61      Ara, dwar dan il-punt, ir-rapport ta’ Jenard, P. u Möller, G. dwar il-Konvenzjoni dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni tas-Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali magħmula f’Lugano fis‑16 ta’ Settembru 1988 (ĠU 1990, C 189, p. 57, punt 72).


62      ĠU 1988, L 319, p. 9.


63      Ara Wautelet, P., f’Bonomi, A., u Wautelet, P., op.cit., punt 60, p. 168.


64      ĠU 2009, L 7, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2011, L 131, p. 26, fil-ĠU 2013, L 8, p. 19 u fil-ĠU 2013, L 281, p. 29.


65      ĠU 2016, L 183, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2017, L 113, p. 62 u fil-ĠU 2018, L 167, p. 36.


66      Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Unibank (C‑260/97, EU:C:1999:312, punt 15). Ara wkoll il-punt 18 ta’ din is-sentenza.


67      Ara l-Artikoli 59 u 60 tar-Regolament Nru 650/2012.


68      Ara l-punt 94 ta’ dawn il-konklużjonijiet.