KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fl‑4 ta’ Ottubru 2018 ( 1 )
Kawża C‑557/17
Y.Z.,
Z.Z.,
Y.Y.,
Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2003/86/KE – Dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja – Direttiva 2003/109/KE – Status ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti għal perijodu twil – Irtirar tal-permess ta’ residenza jew telf tal-istatus minħabba frodi – Nuqqas ta’ għarfien”
I. Introduzzjoni
1. |
F’din il-kawża preżenti, permezz tal-ewwel domanda preliminari tiegħu, ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) jixtieq ikun jaf jekk il-permess ta’ residenza mogħti lil membru tal-familja ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat‑22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja ( 2 ), miksub abbażi ta’ informazzjoni qarrieqa pprovduta mill-isponsor ( 3 ), jistax jiġi rtirat meta l-possessur tiegħu ma kienx jaf bin-natura qarrieqa tal-imsemmija informazzjoni. Bl-istess mod, permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk, sabiex titlef l-istatus ta’ resident għal perijodu twil, kif joħroġ mid-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal‑25 ta’ Novembru 2003 dwar l-istatus ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul ( 4 ), huwiex meħtieġ li l-possessur tal-imsemmi status kienx jaf bil-frodi, minħabba li l-imsemmi status jkun ġie miksub abbażi tal-informazzjoni qarrieqa. |
2. |
Ċertament, kif osserva l-Avukat Ġenerali Elmer fil-konklużjonijiet tiegħu fil-Kawża Kol (C‑285/95, EU:C:1997:107, punt 19), li wieħed japprova l-frodi mwettqa bil-għan li jinkiseb permess ta’ residenza “ifisser li jingħata premju lil att kontestabbli, ħaġa li għal ħaddieħor tikkostitwixxi inkoraġġiment – flok dissważjoni – sabiex jingħataw dikjarazzjonijiet foloz lill-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mill-politika tal-barranin” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, fil-kawża prinċipali, il-benefiċjarji tal-permessi ta’ residenza kkontemplati mid-domandi preliminari ma kellhomx għarfien tan-natura qarrieqa tal-informazzjoni mogħtija insostenn tal-applikazzjonijiet ippreżentati għall-ksib tagħhom. Huma jbatu, għaldaqstant, il-konsegwenzi tal-frodi mwettqa minn ħaddieħor. |
3. |
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ppronunzjat ruħha fuq l-effett tal-ksib frawdolenti minn ħaddiem Tork tal-permess ta’ residenza tiegħu stess fuq id-drittijiet li l-membri tal-familja ta’ dak il-ħaddiem jisiltu mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija ( 5 ) tad‑19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u t-Turkija. Barra minn hekk, hija qatt ma saritilha domanda fuq il-punt dwar jekk, meta d-dokumenti qarrieqa ntużaw insostenn ta’ applikazzjonijiet għall-għoti ta’ permess ta’ residenza minħabba, minn naħa, ir-riunifikazzjoni tal-familja u, min-naħa l-oħra, ir-residenza għal perijodu twil, il-permessi hekk miksuba jistgħux ikunu rtirati b’mod retroattiv minħabba frodi, fil-każijiet fejn il-possessuri tal-permessi ma kellhomx għarfien tan-natura qarrieqa tal-imsemmija dokumenti. Din il-kawża ser tipprovdi għaldaqstant lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tiċċara dan il-punt li jeżiġi li tiġi eżaminata l-interazzjoni bejn il-frodi u l-intenzjoni frawdolenti. |
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
4. |
Skont l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86: “Stati Membri jistgħu wkoll jiċħdu applikazzjoni għad-dħul u residenza għall-għan ta’ riunifikazzjoni tal-familja, jew jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu l-permess ta’ residenza ta’ membru tal-familja, fejn jintwera li:
|
5. |
Skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, “[l]-Istati Membri għandhom iqisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini fil-każ li […] jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta’ residenza […]”. |
6. |
Il-punt (a) tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/109, intitolat “Irtirar jew telf ta’ status”, jiddisponi: “1. Ir-residenti għat-tul ma għandux ikollhom id-dritt li jżommu status ta’ residenti għat-tul fil-każi li ġejjin:
|
B. Id-dritt Olandiż
7. |
Il-parti inizjali u l-punt (c) tal-Artikolu 18(1) tal-Vreemdelingenwet 2000 (il-Liġi dwar il-barranin tal-2000, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Vw 2000”), moqri flimkien mal-Artikolu 19 ta’ dik l-istess liġi, jikkostitwixxu l-implimentazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86. Il-parti inizjali u l-punt (c) tal-Artikolu 18(1) tal-Vw 2000 jistabbilixxi: “Applikazzjoni sabiex tiġi estiża l-validità ta’ permess ta’ residenza għal żmien definit kif ikkontemplat fl-Artikolu 14 tista’ tiġi rrifjutata meta […] l-persuna barranija pprovdiet informazzjoni mhux eżatta jew ma pprovdietx informazzjoni fejn dik l-informazzjoni kienet twassal għar-rifjut tal-applikazzjoni inizjali għall-ksib jew għall-estensjoni”. |
8. |
L-Artikolu 19 tal-Vw 2000 jiddisponi: “Il-permess ta’ residenza għal żmien definit jista’ jiġi rtirat għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 18(1) bl-eċċezzjoni ta’ dik imsemmija fil-paragrafu (b), […]”. |
9. |
Skont l-Artikolu 20(1) tal-VW 2000 ( 6 ): “Il-ministru tagħna għandu l-kompetenza sabiex:
|
10. |
L-Artikolu 21(1) u (3) tal-Vw 2000, jistabbilixxu: “1. Skont l-Artikolu 8(2) tad-[Direttiva 2003/109], l-applikazzjoni għall-ksib jew bdil ta’ permess ta’ residenza b’terminu indefinit imsemmi fl-Artikolu 20 tista’ tiġi miċħuda biss jekk il-persuna barranija:
[…]
[…]
[…]” |
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11. |
Ir-rikorrent Y. Z., (iktar ’il quddiem il-“missier”), li huwa ċittadin ta’ pajjiż terz, ingħata diversi permessi ta’ residenza skont id-dritt nazzjonali, fil-kuntest tal-allegati attivitajiet ta’ diriġent ta’ kumpannija li rriżulta li huma fittizji ( 7 ). Ma huwiex ikkontestat li l-missier kiseb il-permessi ta’ residenza tiegħu b’mod qarrieqi. |
12. |
Fil‑31 ta’ Jannar 2002, fil-kuntest tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, ir-rikorrent Z. Z. (iktar ’il quddiem l-“iben”), li twieled fl‑1991, u r-rikorrenti Y. Y. (iktar ’il quddiem l-“omm”), it-tnejn li huma ċittadini ta’ pajjiż terz, ingħataw permess ta’ residenza ordinarju b’terminu fiss, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2003/86 ( 8 ) (iktar ’il quddiem il-“permess ta’ residenza għall-iskopijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja”). Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑21 ta’ Marzu 2007, l-omm u l-iben kisbu, b’effett mit‑18 ta’ Ottubru 2006, permess ta’ residenza ordinarju b’terminu indefinit li għandu l-kliem “resident għal perijodu twil - KE” (iktar ’il quddiem il-“permess ta’ residenza għal perijodu twil”) skont l-Artikoli 7 u 8 tad-Direttiva 2003/109. |
13. |
Permezz ta’ deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Jannar 2014, l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”) irtira b’effett retroattiv, minn naħa, il-permessi ta’ residenza minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja mogħtija lill-omm u lill-iben u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttva 2003/109, il-permessi ta’ residenza ta’ residenti għal perijodu twil li kienu ngħatawlhom (iktar ’il quddiem id-“deċiżjonijiet tal-irtirar tad‑29 ta’ Jannar 2014”). Huwa ordnalhom jitilqu immedjatament mill-Pajjiżi l-Baxxi u ordna projbizzjoni ta’ ritorn kontrihom. Id-deċiżjonijiet tal-irtirar tad‑29 ta’ Jannar 2014 kienu ġġustifikati minħabba l-fatt li l-permessi ta’ residenza minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja tal-omm u tal-iben kienu ngħataw abbażi tad-dikjarazzjonijiet qarrieqa magħmula mill-persuna li allegatament timpjega lill-missier, sabiex jiġġustifika li l-missier kellu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti, kif jeżiġi l-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86. Similarment, il-permessi ta’ residenza ta’ resident għal perijodu twil mogħtija lill-omm u lill-iben kienu wkoll inkisbu b’mod qarrieqi, peress li, minn naħa, kienu ngħataw abbażi tas-suppożizzjoni ineżatta li l-omm u l-iben kienu jirrisjedu legalment fil-kuntest tar-residenza tagħhom minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja u, min-naħa l-oħra, l-attestazzjonijiet qarrieqa ta’ mpjieg tal-missier kienu wkoll ġew prodotti sabiex jiġġustifikaw li huma kellhom riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109. Skont is-segretarju tal-Istat, il-fatt li l-omm u l-iben kienu jew ma kinux jafu bil-frodi mwettqa mill-missier u li huma kellhom jew ma kellhomx għarfien dwar in-natura qarrieqa tal-attestazzjonijiet kien irrilevanti għar-risposta għad-domanda dwar jekk il-permessi ta’ residenza tagħhom kinux inkisbu b’mod qarrieqi. Kien irrilevanti wkoll li l-iben, li kien minorenni fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-ksib tal-permessi ta’ residenza tiegħu, ma ffirmax huwa stess l-imsemmija applikazzjonijiet. |
14. |
Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2015, is-Segretarju tal-Istat ddikjara infondati l-ilmenti mressqa kontra d-deċiżjonijiet tad‑29 ta’ Jannar 2014. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑31 ta’ Mejju 2016, ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag b’sede f’Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) annullat parzjalment u kkonfermat parzjalment dawn id-deċiżjonijiet. Il-missier, l-omm, l-iben kif ukoll is-Segretarju tal-Istat appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi). |
15. |
Skont il-missier, l-omm u l-iben, ir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Den Haag b’sede f’Amsterdam) ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li, f’ebda mument, la l-omm u lanqas l-iben ma wettqu huma stessi atti frawdolenti. Barra minn hekk, huma jsostnu li l-prinċipju ta’ ċertezza legali ggarantit mid-dritt tal-Unjoni jipprekludi l-irtirar tal-permess ta’ residenza tagħhom bħala residenti għal perijodu twil. Huma jirreferu f’dan ir-rigward għas-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Altun (C‑337/07, EU:C:2008:744). |
16. |
Il-qorti tar-rinviju tirrileva li d-domanda dwar min irrikorra għall-frodi tidher irrilevanti fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 u tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109. Hija tenfasizza, madankollu, minn naħa, li l-kliem “informazzjoni falza u qarrieqa” u “frodi kienet b’xi mod ieħor kommessa”, li jinsabu fl-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, kif ukoll il-kelma “għarrieqi” li tinsab fl-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109, jindikaw li jrid ikun hemm ċerta element ta’ dolo jew culpa. Min-naħa l-oħra, hija tosserva li, fil-komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, tat‑2 ta’ Lulju 2009, dwar gwida għal traspożizzjoni u applikazzjoni aħjar tad-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38”) ( 9 ), il-kunċett ta’ “frodi” huwa ddefinit bħala “l-qerq intenzjonat jew pjan magħmula biex jinkiseb id-dritt ta’ moviment u reżidenza liberi (skont id-Direttiva). Fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, din ma tipprovdix, skont dik il-qorti, elementi suffiċjenti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “frodi”. |
17. |
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
IV. Analiżi
A. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86
18. |
Permezz tal-ewwel domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk, għall-irtirar tal-permessi ta’ residenza maħruġin għall-iskopijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja tal-omm u tal-iben, huwiex meħtieġ, skont l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, li jkun magħruf jekk dawn tal-aħħar kinux jafu fil-fatt li l-attestazzjonijiet ta’ impjieg tal-missier kienu frawdolenti ( 10 ). |
19. |
Hija ġurisprudenza stabbilita li l-individwi ma jistgħux jinvokaw in-normi tad-dritt tal-Unjoni għal finijiet frawdolenti jew abbużivi ( 11 ). Dan il-prinċipju, li ġie affermat ripetutament mill-Qorti tal-Ġustizzja indipendentement mis-settur ikkonċernat, jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li japplika indipendentement minn kwalunkwe implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni Ewropea jew nazzjonali ( 12 ). Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rifjut ta’ dritt jew ta’ vantaġġ minħabba l-fatti abbużivi jew frawdolenti huwa sempliċement konsegwenza tal-konstatazzjoni li, f’każ ta’ frodi jew abbuż ta’ dritt, il-kundizzjonijiet oġġettivi meħtieġa għall-kisba tal-vantaġġ mixtieq ma humiex, fir-realtà, issodisfatti u li, għaldaqstant, tali rifjut ma jirrikjedix bażi legali speċifika ( 13 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tidher tapplika din il-ġurisprudenza kemm għall-każ ta’ frodi kif ukoll fil-każ ta’ abbuż ta’ dritt ( 14 ). Huma l-qrati nazzjonali li għandhom, f’kull każ ineżami, waqt li jibbażaw ruħhom fuq provi oġġettivi, jieħdu inkunsiderazzjoni l-imġiba abbużiva jew frawdolenti tal-persuni kkonċernati sabiex jirrifjutawlhom, jekk ikun il-każ, il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni invokati, bil-kundizzjoni li, fl-evalwazzjoni ta’ din l-imġiba, jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet imfittxija mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni ( 15 ). |
20. |
Dan il-prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni kontra l-fordi u kontra l-abbużi tad-dritt japplika wkoll fil-qasam tal-immigrazzjoni legali. Jirriżulta mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament dwar gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja (iktar ’il quddiem il-“Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86”) ( 16 )“li huwa imperattiv li tittieħed azzjoni kontra l-abbuż jew il-frodi tad-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva. Fl-interessi tas-soċjetà kif ukoll ta’ applikanti ġenwini, il-Kummissjoni tinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni serja b’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 16(2) u 16(4)”. |
21. |
Fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 50 sa 53), il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża li “[l]-konstatazzjoni ta’ frodi hija bbażata fuq ġabra konkordanti ta’ evidenza li tistabbilixxi l-unjoni ta’ element oġġettiv u element suġġettiv” ( 17 ). L-element oġġettiv jikkonsisti fil-fatt li l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet tal-kisba tal-vantaġġ previst mid-dritt tal-Unjoni ma humiex issodisfatti ( 18 ). L-element suġġettiv jikkorrispondi għall-intenzjoni tal-persuni kkonċernati li jevitaw jew jevadu l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-imsemmi ċertifikat, fid-dawl tal-kisba tal-vantaġġ inkwistjoni ( 19 ). Il-kisba frawdolenti tista’ b’hekk tirriżulta minn “azzjoni volontarja”, bħal ma hija l-preżentazzjoni ta’ fatti li ma tikkorrispondix mar-realtà jew ta’ “ommissjoni volontarja”, bħal ma hija d-dissimulazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti bl-intenzjoni li tevadi l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 20 ). |
22. |
Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk l-elementi li jikkostitwixxu frodi humiex issodisfatti fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali. |
23. |
Jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li ntużaw dokumenti foloz jew qarrieqa fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja, bħala dokumenti ta’ prova ( 21 ) sabiex tiġi pprovata l-osservanza tal-kundizzjoni meħtieġa fl-Artikolu 7(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/86, dwar l-obbligu li wieħed ikollu riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kieku kellu jirriżulta li, fin-nuqqas tal-imsemmija dokumenti, il-kundizzjoni prevista minn dak l-artikolu ma kinitx issodisfatta, l-element oġġettiv neċessarju għall-konstatazzjoni tal-frodi, kif iddefinit fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63), ikun ipprovat. F’dan ir-rigward, infakkar li, fis-sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 72), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li, bħala prinċipju, huma r-riżorsi tal-isponsor li huma s-suġġett tal-eżami individwali tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja meħtieġ mid-Direttiva 2003/86 u mhux ir-riżorsi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu saret applikazzjoni sabiex jiġi rikonoxxut lilu d-dritt ta’ residenza. L-istess bħall-Kummissjoni Ewropea fil-Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86, jiena tal-fehma li, bl-użu tal-kliem “bħala prinċipju”, il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti x’tifhem, talinqas, li f’każijiet speċifiċi jistgħu jeżistu eċċezzjonijiet għar-regola li jrid jittieħed kont tar-riżorsi tal-isponsor, jekk dawn ikunu mmotivati b’ċirkustanzi partikolari ( 22 ). |
24. |
Fir-rigward tal-element suġġettiv neċessarju għall-konstatazzjoni tal-frodi, dan jikkorrispondi, skont id-definizzjoni mogħtija fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 52) applikata għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għall-intenzjoni tal-persuna kkonċernata li tevita jew tevadi l-kundizzjonijiet għall-ħruġ tal-permess ta’ residenza minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja sabiex tikseb il-vantaġġ marbut miegħu. Minn din id-definizzjoni jirriżulta li dan l-element għandu jkun evalwat fir-rigward tal-persuna li tkun trid il-vantaġġ li jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, din l-evalwazzjoni għandha għalhekk tirrigwarda l-persuna li tkun ippreżentat applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja. |
25. |
F’dan ir-rigward, il-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 16(a) tad-Direttiva 2003/86 hija magħmula fil-forma passiva (“dokumenti falzi jew iffalsifikati kienu ntużaw” u “frodi kienet b’xi mod ieħor kommessa”) ma jimplikax li huwa inutli li wieħed isir jaf min irrikorra għall-frodi, kif jissuġġerixxu l-qorti tar-rinviju, il-Kummissjoni Ewropea u l-Gvern Pollakk. Fil-fatt, din il-formulazzjoni saret hekk, fil-fehma tiegħi, minħabba l-fatt li, skont l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 2003/86, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja tiġi ppreżentata, kemm mill-isponsor, kif ukoll mill-membru tal-familja. |
26. |
Issa, fil-proċedura prinċipali, it-talba għar-riunifikazzjoni tal-familja tidher li ġiet ippreżentata mill-missier, bħala l-isponsor. Kieku dan kien effettivament il-każ, l-element suġġettiv tal-frodi ikun ipprovat ukoll peress li l-missier kellu għarfien tan-natura frawdolenti tad-dokumenti li huwa ppreżenta insostenn tat-talba għar-riunifikazzjoni tal-familja tiegħu. |
27. |
Madankollu, infakkar li, anki meta jkun ġie pprovat frodi fis-sens tal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma obbligati, qabel ma jiddeċiedu li jirtiraw il-permess ta’ residenza jew li jieħdu miżuri għat-tneħħija tal-isponsor jew tal-membri tal-familja tiegħu, li jagħmlu evalwazzjoni skont l-Artikolu 17 ta’ din id-direttiva ( 23 ). Dan jimponi fuq l-Istati Membri b’mod partikolari li “[j]qisu n-natura u s-solidità tar-relazzjonijiet familjali tal-persuna u t-tul tar-residenza tiegħu (tagħha) fl-Istat Membru u ta’ l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini […]” ( 24 ). |
28. |
Jeħtieġ li jitfakkar li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jimponi eżami individwali tal-applikazzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja ( 25 ) u li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta jimplimentaw id-Direttiva 2003/86 u meta wkoll jieħdu deċiżjoni għall-irtirar ta’ permess ta’ residenza maħruġ għar-riunifikazzjoni tal-familja, għandhom iwettqu evalwazzjoni bbilanċjata u raġonevoli tal-interessi kollha ( 26 ). Tali rtirar ma jistax għaldaqstant iseħħ awtomatikament. |
29. |
Il-qorti tar-rinviju ma għamlitx domandi fir-rigward tal-evalwazzjoni taħt l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 jew fir-rigward tal-legalità tal-miżura ta’ tneħħija li l-omm u l-iben huma d-destinatarji tagħha. Għaldaqstant, jien ser nillimita ruħi għaż-żewġ rimarki li ġejjin. |
30. |
Fl-ewwel lok, il-fatt li l-omm u l-iben ma humiex personalment responsabbli għall-frodi, iżda li huma jbatu l-konsegwenzi tiegħu għandu, fil-fehma tiegħi, jittieħed debitament inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni magħmula abbażi tal-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86. Fil-fatt, dan jimponi li jiġi żgurat li l-miżuri ta’ rtirar u ta’ tneħħija kkontemplati mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jkollhom natura proporzjonata, li għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi, fattwali u personali kollha tal-każ ineżami ( 27 ). |
31. |
Fit-tieni lok, jirriżulta mill-premessa 2 tad-Direttiva 2003/86, li din tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rrikonoxxuti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jinkludi drittijiet li jaqblu ma dawk iggarantiti bl-Artikolu 8(1) tal-KEDB, jirrikonoxxi d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata jew tal-familja ( 28 ). Issa, l-evalwazzjoni skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86 għandha ssir fid-dawl ta’ dan id-dritt, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, “[i]t-tul tar-residenza” ( 29 ) fl-Istat Membru kkonċernat tal-possessur tad-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja, u min-naħa l-oħra, ta’ “l-eżistenza ta’ rbit familjali, kulturali u soċjali ma’ pajjiżu/a ta’ oriġini” ( 30 ). |
32. |
It-tul tar-residenza bħala element li jiġi kkunsidrat sabiex jiġu bbilanċjati l-interessi involuti hija bbażata fuq il-preżunzjoni li iktar ma persuna tirrisjedi fit-tul fi Stat partikolari, iktar qawwija jkunu r-rabtiet ma’ dak l-Istat u iktar dgħajfa jkunu r-rabtiet mal-pajjiż tal-oriġini tagħha ( 31 ). F’dan il-kuntest, irid jittieħed kont, b’mod partikolari, tas-sitwazzjonijiet partikolari taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li qattgħu l-parti l-kbira ta’ ħajjithom fl-Istat Membru kkonċernat, li jkunu trabbew hemm u rċevew edukazzjoni hemmhekk ( 32 ). L-eżistenza jew in-nuqqas tagħha ta’ rabtiet familjari, kulturali jew soċjali tal-persuna kkonċernata mal-pajjiż tal-oriġini tagħha tiġi evalwata, min-naħa l-oħra, abbażi ta’ ċirkustanzi bħalma huma, b’mod partikolari, iċ-ċirku familjari preżenti f’dak il-pajjiż, bil-vjaġġi jew perijodi ta’ residenza f’dak il-pajjiż jew ukoll mil-grad ta’ għarfien tal-lingwa tal-imsemmij pajjiż ( 33 ). |
33. |
Issa, fil-kawża prinċipali, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-isponsor ilu jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi għal sbatax-il sena, u l-omm u l-iben għal iktar minn sittax-il sena, fejn dan tal-aħħar kellu biss 11–il sena meta wasal fil-Pajjiżi l-Baxxi ( 34 ). Għaldaqstant ma jistax jiġi eskluż li, matul dan il-perijodu, huwa stabbilixxa rabtiet mill-qrib mal-Pajjiżi l-Baxxi u li, min-naħa l-oħra, ir-rabtiet mal-pajjiż tal-oriġini tiegħu illum huma prattikament ineżistenti jew taliinqas dgħajfa ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, wieħed ma jistax jeskludi li l-konsegwenzi tal-irtirar tal-permess ta’ residenza tagħhom maħruġ għar-riunifikazzjoni tal-familja u tal-eventwali espulsjoni jkunu eċċessivament ħorox, jiġifieri sproporzjonati. |
34. |
Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda preliminari li l-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix l-irtirar ta’ permess ta’ residenza li jkun ingħata, bħala dritt sussidjarju, fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja li jkun inkiseb abbażi ta’ informazzjoni frawdolenti meta jiġi pprovat li l-persuna li ppreżentat l-applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja kellha l-intenzjoni li tevadi jew tevita l-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ dak il-permess, u dan, anki f’każ li l-possessur tal-istess permess ma kienx jaf bin-natura frawdolenti tal-imsemmija informazzjoni. Huma l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li għandhom l-obbligu li, qabel ma jipproċedu bl-irtirar tal-permess, jevalwaw, skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, l-interessi kollha involuti u li jagħmlu dik l-evalwazzjoni fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ ineżami, fosthom il-fatt li l-possessur tal-permess ta’ residenza ma kienx hu li wettaq il-frodi li wasslet għall-għoti ta’ dak il-permess, u lanqas kien jaf bih. |
B. Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109
35. |
Permezz tat-tieni domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja, jekk l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għandux ikun interpretat fis-sens li jipprekludi, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-irtirar tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil tal-omm u tal-iben ( 35 ). |
36. |
B’mod iktar preċiż, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi jekk il-fatt li l-iben u l-omm ma kellhomx għarfien tan-natura frawdolenti tal-attestazzjonijiet ta’ mpjieg tal-missier ippreżentati bħala dokumenti ta’ prova sabiex jikseb l-imsemmi status, kellux jittieħed inkunsiderazzjoni meta s-segretarju tal-Istat adotta d-deċiżjonijiet ta’ rtirar tal-permess tad‑29 ta’ Jannar 2014. |
37. |
Kif tindika l-premessa 2 tagħha, id-Direttiva 2003/109 hija intiża li timplimenta d-dikjarazzjoni ta’ Tampere tal‑15 u 16 ta’ Ottubru 1999, li fiha l-Kunsill Ewropew iddikjara li “l-istatus legali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu ikun approssimat għal dak ta’ ċittadini ta’ l-Istati Membri u li persuni li tkun irresjediet legalment fi Stat membru għal perjodu ta’ żmien li għandu jiġi stabbilit u li jkollha permess ta’ residenza għat-tul għandha tingħata f’dak l-Istat Membru sett ta’ drittijiet uniformi li jkunu kemm jista’ ikun viċin dawk li jgawdu iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea”. L-integrazzjoni taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil fl-Istati Membri hija l-għan prinċipali tad-Direttiva 2003/109, kif jirriżulta, b’mod partikolari mill-premessi 4, 6 u 12 tagħha ( 36 ). Għall-iskopijiet tat-twettiq ta’ dan l-għan, id-Direttiva 2003/109, tiggarantixxi liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li kisbu l-istatus ta’ resident għal perijodu twil, l-ugwaljanza fit-trattament maċ-ċittadini nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat fl-oqsma elenkati fl-Artikolu 11(1)(a) sa (h) tal-imsemmija direttiva, fil-limiti tat-territorju tal-Istat Membru ospitanti. |
38. |
Barra minn hekk, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 66 u 67 tas-sentenza tal‑24 ta’ April 2012, Kamberaj (C‑571/10, EU:C:2012:233), is-sistema stabbilita mid-Direttiva 2003/109, tissuġġetta l-kisba tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil mogħti skont din id-direttiva għal proċedura partikolari u għal kundizzjonijiet preċiżi. Għaldaqstant, l-Artikolu 4 tagħha jipprovdi li l-Istati Membri jirriżervaw l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu rrisjedew legalment u kontinwament fit-territorju tagħhom għal ħames snin minnufih qabel is-sottomissjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni ( 37 ); l-Artikolu 5 tagħha jissuġġetta l-kisba ta’ dan l-istatus għall-prova li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jitlob il-benefiċċju ta’ dan l-istatus jkollu riżorsi suffiċjenti kif ukoll assigurazzjoni għall-mard; fl-aħħar nett, l-Artikolu 7 tagħha jippreċiża r-rekwiżiti proċedurali li għandhom ikunu osservati. |
39. |
L-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 intitolat, “[i]rtirar jew telf ta’ status” jipprovdi li l-konstatazzjoni tal-kisba frawdolenti tal-istatus ta’ resident għat-tul twassal għat-telf tad-dritt għal dak l-istatus ( 38 ). |
40. |
Ebda element mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu ma jipprovdi speċifikament li l-kunċett ta’ “kisba frawdolenti” jeħtieġ element intenzjonali. |
41. |
Madankollu, kif fakkart fil-punti 21 sa 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-konstatazzjoni ta’ frodi, kif jirriżulta mis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 50), timplika l-verifika tal-eżistenza ta’ ġabra konkordanti ta’ evidenza li tistabbilixxi l-unjoni ta’ element oġġettiv u element suġġettiv. Għaldaqstant, hija biss il-frodi imwettqa fiżikament u intenzjonalment miċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li ppreżenta applikazzjoni għar-residenza għal perijodu twil li tista’ tiġi ssanzjonata. |
42. |
Il-fatt li, kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandu implikazzjonijiet kbar, partikolarment għar-residenza fi Stati Membri oħra ( 39 ), ma jippreġudikax in-neċessità li jiġi stabbilit li l-persuna li talbet il-kisba ta’ dan l-istatus kellha l-intenzjoni li tevadi d-dispożizzjonijiet applikabbli, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ frodi. Ninnota wkoll li, b’kuntrast mal-Artikolu 16(2)(a) tad-Direttiva 2003/86, li jinkludi fir-raġunijiet għall-irtirar ukoll is-sempliċi użu ta’ “informazzjoni falza u qarrieqa (li tiżgwida)” jew “dokumenti falzi jew iffalsifikati”, l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 isemmi biss il-każ ta’ “kisba b’mod għarrieqi”. Mingħajr preġudizzju għall-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2003/86, dan jirrifletti, fil-fehma tiegħi, l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jillimita t-telf tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil ikkontemplata fl-imsemmi Artikolu 9(1)(a), għall-każijiet biss fejn tkun ġiet ipprovata l-intenzjoni frawdolenti. Nenfasizza wkoll li l-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil jippreżumi grad għoli ta’ integrazzjoni ( 40 ) u ta’ investiment personali ( 41 ) tal-persuna kkonċernata fl-Istat Membru ospitanti, ħaġa li tipprekludi, fil-fehma tiegħi, interpretazzjoni eċċessivament wiesgħa tal-kundizzjonijiet ta’ rtirar tal-imsemmi status. |
43. |
Fl-aħħar nett, filwaqt li d-drittijiet ta’ dħul u ta’ residenza tal-membri tal-familja, mogħtija fil-kuntest ta’ riunifikazzjoni tal-familja huma drittijiet sussidjarji għal dak tal-isponsor, l-istatus ta’ resident għal perijodu twil mogħti skont id-Direttiva 2003/109 huwa dritt personali, li jinkiseb wara talba magħmula mill-persuna kkonċernata f’isimha proprja. Din id-distinzjoni għandha twassalna iktar u iktar fir-rigward ta’ dan l-istatus, sabiex jiġi miċħud l-argument, li ddefendew b’mod partikolari l-Kummissjoni waqt is-seduta u bbażat fuq il-massima “fraus omnia corrumpit”, li jwassal sabiex il-frodi mwettaq minn terza persuna jingħata effett determinanti għall-iskopijiet tal-irtirar tal-imsemmi status. Kontra dan l-argument taħdem bis-saħħa t-tradizzjoni tal-protezzjoni tad-drittijiet individwali tal-Qorti tal-Ġustizzja. |
44. |
Fil-kawża prinċipali, fir-rigward tal-element oġġettiv meħtieġ għall-konstatazzjoni tal-frodi, jirriżulta mid-digriet tar-rinviju li l-omm u l-iben ma kellhomx, b’mod awtonomu, riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 ( 42 ). Barra minn hekk, kif ġie enfasizzat mill-qorti tar-rinviju, peress li l-permessi ta’ residenza tal-omm u tal-iben minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja nkisbu abbażi ta’ dokumenti frawdolenti, il-kundizzjoni tar-residenza legali msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109 ma kinitx, bħala prinċipju, issodisfatta fil-mument tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal status ta’ resident għal perijodu twil. Minn dan isegwi li l-kundizzjonijiet meħtieġa minn dik id-direttiva ma kinux issodisfatti fir-rigward tal-omm u tal-iben u li, għaldaqstant, l-element oġġettiv meħtieġ għall-konstatazzjoni tal-frodi, kif iddefinit fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 51) huwa stabbilit. |
45. |
Għal dak li jikkonċerna l-element suġġettiv meħtieġ għall-konstatazzjoni tal-frodi, dan jikkorrispondi, skont id-definizzjoni mogħtija fis-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 52) applikata għaċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, għall-intenzjoni tal-applikant li jevita jew jevadi l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil sabiex jikseb il-vantaġġ marbut miegħu. Għaldaqstant, huwa biss l-għarfien min-naħa tal-omm u tal-iben tal-frodi mwettaq mill-missier u l-intenzjoni tagħhom li jieħdu vantaġġ minnu li kien iwassal għall-kisba frawdolenti fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109. Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-omm u l-iben ma kellhomx għarfien tan-natura frawdolenti tal-attestazzjonijiet tal-persuna li timpjega l-missier li ġew ippreżentati bħala dokumenti ta’ prova intiżi li juru li huma kienu jissodisfaw il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2003/109. Konsegwentement, ma jidhirx, fil-kawża prinċipali, li l-omm u l-iben ipprovaw deliberatament jevitaw din il-kundizzjoni. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dan huwiex effettivament il-każ. |
46. |
Salv din il-verifika, l-assenza, fir-rigward tal-omm u tal-iben, ta’ element intenzjonali intiż li jevita l-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandu jwassal sabiex tiġi eskluża l-eżistenza ta’ frodi. |
47. |
F’dan l-istadju, għandu jiġi rilevat li l-konstatazzjoni a posteriori tal-assenza tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istat ta’ resident għal perijodu twil ma tinsabx fost ir-raġunijiet li minħabba fihom jintilef jew jiġi rtirat l-imsemmi statut, liema raġunijiet jinsabu prevsiti, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109. Skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva “[l]-istatus ta’ residenti għat-tul għandu jkun permanenti, bla ħsara għall-Artikolu 9”, ħaġa li timplika li, barra mill-każijiet elenkati b’mod eżawrjenti f’dan l-aħħar artikolu ( 43 ), l-imsemmi status ma jistax jintilef jew jiġi rtirat ( 44 ). Fil-fatt, kif jirriżulta mix-xogħlijiet preparatorji tad-Direttiva 2003/109, l-istatus ta’ resident għal perijodu twil għandu jiżgura ċertezza legali massima għall-possessur tiegħu ( 45 ). |
48. |
Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat fis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punti 30 u 34), li l-kundizzjoni ta’ residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat matul il-ħames snin ta’ qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni, prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/109, hija kundizzjoni indispensabbli sabiex wieħed ikun jista’ jikseb l-istatus ta’ resident għal perijodu twil prevista f’din id-direttiva. Madankollu, din is-sentenza tikkonċerna biss ir-rifjut ta’ applikazzjoni għall-istatus ta’ resident għal perijodu twil. Din is-sentenza ma tippreċiżax li jekk ma tkunx issodisfatta din il-kundizzjoni kkonstatata a posteriori dan iwassal għat-telf tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. |
49. |
Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ sejbien ta’ frodi ma kienx hemm bażi legali fid-Direttiva 2003/109 għall-irtirar tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil tal-omm u tal-iben. |
50. |
Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-Artikolu 9(1)(a) tad-Direttiva 2003/109 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-irtirar tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil meta l-possessur ta’ dak l-istatus ma kienx jaf bin-natura frawdolenti tal-informazzjoni li huwa ppreżenta insostenn tal-applikazzjoni tiegħu u li abbażi tagħha ingħata l-imsemmi status. |
Konklużjoni
51. |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:
|
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 224.
( 3 ) L-Artikolu 2(ċ) tad-Direttiva 2003/86, jiddefinixxi lill-isponsor b’dan il-mod: “ċittadin ta’ pajjiż terz li joqgħod legalment fi Stat Membru u li japplika jew il-membri tal-familja tiegħu japplikaw għal riunifikazzjoni tal-familja biex jingħaqdu miegħu/magħha”.
( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol 6, p. 272.
( 5 ) Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 2008, Altun (C‑337/07, EU:C:2008:744, punti 51 sa 64). F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-aġir qarrieqi tal-ħaddiem Tork inkwistjoni jista’ joħloq effetti ġuridiċi fl-isfera tal-familja tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li dawn l-effetti għandhom, madankollu, ikunu evalwati fir-rigward tad-data tal-adozzjoni mill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ospitanti ta’ deċiżjoni ta’ rtirar tal-permess ta’ residenza tal-imsemmi ħaddiem. Kif jirriżulta mill-punt 59 tas-sentenza Altun imsemmija iktar ’il fuq, l-awtoritajiet kompetenti għandhom għalhekk jivverifikaw jekk il-membri tal-familja kisbux, f’din id-data, dritt legali ta’ aċċess għas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru ospitanti u, korrelativament, dritt ta’ residenza hemmhekk. Fil-punt 60 tas-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja żżid li kwalunkwe soluzzjoni oħra tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali.
( 6 ) Kie kienet applikabbli fil‑21 ta’ Marzu 2007, waqt il-ksib tal-permessi ta’ residenza għal perijodu twil.
( 7 ) Il-kumpannija ċertament li kienet teżisti fir-reġistri amministrattivi imma effettivament qatt ma operat.
( 8 ) Fis-sens tal-Artikolu 14 tal-Vw 2000.
( 9 ) COM (2009) 313 finali tat‑2 ta’ Lulju 2009, Titolu 4 “Abbuż u frodi”, p. 15.
( 10 ) Kif jirriżulta mill-elementi mibgħuta mill-qorti tar-rinviju, l-iben, li twieled fl‑1991, dak iż-żmien kellu 11-il sena meta d-deċiżjoni tal‑31 ta’ Jannar 2001 ittieħdet mis-segretarju tal-Istat. Madankollu, minkejja l-età minorenni tal-iben, id-domanda tal-qorti tar-rinviju saret b’mod ġenerali.
( 11 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 49, frodi għall-użu ta’ ċertifikat ta’ affiljazzjoni ma’ sigurtà soċjali li twassal għal preżunzjoni ta’ regolarità fid-dritt Ewropew); tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 27); tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Bozkurt (C‑303/08, EU:C:2010:800, punt 47, frodi dokumentarja għall-kundizzjonijiet ta’ residenza ta’ ħaddiem migrant Tork); tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68, frodi tal-VAT); tat‑23 ta’ Settembru 2003, Akrich (C‑109/01, EU:C:2003:491, punt 57, żwieġ ta’ konvenjenza ma’ ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni); tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, punt 24, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi); tas‑7 ta’ Lulju 1992, Singh (C‑370/90, EU:C:1992:296, punt 24, moviment liberu tal-ħaddiema), kif ukoll tat‑3 ta’ Diċembru 1974, van Binsbergen (33/74, EU:C:1974:131, punt 13, il-libertà li jiġu pprovduti s-servizzi). Ara wkoll, il-Linja gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38 (COM (2009) 313 finali tat‑2 ta’ Lulju 2009, Titolu 4, “Abbuż u frodi”, p. 15.
( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punti 27, 28 u 30), tal‑5 ta’ Lulju 2007, Kofoed (C‑321/05, EU:C:2007:408, punti 38 sa 48).
( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 35), tal‑4 ta’ Ġunju 2009, Pometon (C‑158/08, EU:C:2009:349, punt 28), tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke (C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 56) u tal‑21 ta’ Frar 2006, Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 93).
( 14 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Cussens et (C‑251/16, EU:C:2017:881, punt 34).
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Diċembru 2000, Emsland-Stärke,C‑110/99, EU:C:2000:695, punt 52) u tad‑9 ta’ Marzu 1999, Centros (C‑212/97, EU:C:1999:126, Centros, punt 25).
( 16 ) Ara, f’dan is-sens, il-Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 [COM(2014) 210 finali tat-3 ta’ April 2014, punt 7, “Abbuż u frodi”, p. 27.
( 17 ) Il-kawża li wasslet għal din is-sentenza kienet tinvolvi l-użu frawdolenti, minn impriża, ta’ ċertifikat li joħloq il-preżunzjoni ta’ regolarità tal-affiljazzjoni tal-ħaddiema kkollokati fl-iskema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-impriża li tkun ikkollokat dawn il-ħaddiema, u li jorbot lill-istituzzjoni kompetenti tal-Istat Membru li fih jiġu kkollokati dawn il-ħaddiema u jimplika neċessarjament li l-iskema ta’ dan l-aħħar imsemmi Stat Membru ma tistax tapplika. Għalkemm fid-data tal-għoti taċ-ċerifikati l-impriża kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet amministrattivi kollha, jiġifieri kellha attività effettiva fil-Bulgarija, iċ-ċertifikati nkisbu b’mod frawdolenti minħabba preżentazzjoni ta’ fatti li ma jikkorrispondux mar-realtà, u dan bil-għan li teludi l-kundizzjonijiet li għalihom il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tissuġġetta l-kollokament tal-ħaddiema.
( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 51). Il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-permess ta’ residenza minħabba r-riunifikazzjoni tal-familja huma elenkati fil-Kapitolu IV tad-Direttiva 2003/86, intitolat “Rekwiżiti għall-eżerċizzju tad-dritt tar-riunifikazzjoni tal-familja”.
( 19 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 52). In-neċessità ta’ element suġġettiv huwa enfasizzat mill-Kummissjoni fil-Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/38, iċċitati mill-qorti tar-rinviju, fejn il-frodi, iddefinita fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2004/38, hija kkontemplata bħala “qerq intenzjonat jew pjan magħmula biex jinkiseb id-dritt ta’ moviment u reżidenza liberi (skont id-Direttiva”. Barra minn hekk, skont dawn il-linji gwida, il-persuni li jkunu nħarġilhom dokument ta’ residenza biss bħala riżultat ta’ imġieba frawdolenti li dwarha jkunu nstabu ħatja jista’ jkollhom id-drittijiet tagħhom skont id-Direttiva miċħuda, itterminati, jew irtirati. Ara, ukoll, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2001, Gloszczuk (C‑63/99, EU:C:2001:488) u tal‑5 ta’ Ġunju 1997, Kol (C‑285/95, EU:C:1997:280), li jirrigwardaw aġir frawdolenti mwettaq personalment u l-permessi ta’ residenza tal-persuni kkonċernati ġew minħabba f’hekk irtirati.
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et (C‑359/16, EU:C:2018:63, punti 53 u 58).
( 21 ) Jirriżulta mil-Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 li għal applikazzjoni, id-dokumenti ta’ evidenza li jakkumpanjawha u n-natura “xierqa” u “neċessarja” tal-intervisti u investigazzjonijiet oħra għandha tkun evalwata każ b’każ, fil-kuntest tal-eżami individwalizzat ta’ kull applikazzjoni għar-riunifikazzjoni tal-familja (ara COM (2014) 210 finali tat‑3 ta’ April 2014, p. 10).
( 22 ) Ara, f’dan is-sens, il-Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 (COM (2014) 210 finali tat‑3 ta’ April 2014, p. 15).
( 23 ) Jirriżulta mill-proċess tal-qorti tar-rinviju li din tal-aħħar ikkunsidrat li l-ibbilanċjar tal-interessi fil-kuntest tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”) huwa f’sens sfavorevoli għall-iben, u dan b’konferma tad-deċiżjoni tas-Segretarju tal-Istat. Il-missier kellu jkun jaf li l-ħajja privata tal-iben kienet żviluppat matul perijodu ta’ residenza li tiegħu l-missier kien jaf il-prekarjetà, u li, għalhekk d-dritt ta’ residenza tiegħu kien prekarju. F’dan ir-rigward, ittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-iben kien għex fiċ-Ċina sakemm kellu 11-il sena, mar l-iskola hemmhekk, kien jaf iċ-Ċiniż u seta’ jiktbu xi ftit, li kien imur darba f’sena fiċ-Ċina wara li mar joqgħod fil-Pajjiżi l-Baxxi u li, flimkien mal-ġenituri tiegħu li kellhom ukoll jirritornaw fiċ-Ċina, seta’ jibni ħajtu hemmhekk. Barra minn hekk, ġiet enfasizzata l-possibbiltà li jitlob, permezz tal-iben, permess ta’ residenza għall-iskopijiet tal-kontinwazzjoni tal-istudji tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi. Is-segretarju tal-Istat kien ikkunsidra ġustament li la t-tul tal-perijodu ta’ residenza tal-iben fil-Pajjiżi l-Baxxi, u tqegħid tal-għeruq li jirriżulta minn dan, u lanqas iċ-ċirkustanza li huwa jistudja fil-Pajjiżi l-Baxxi bħala ċirkustanzi partikolari li jippermettu li jiġi konkluż li jeżisti l-obbligu, skont l-Artikolu 8 tal-KEDB, li l-ulied jitħallew isegwi l-ħajja privata tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-bilanċ tal-interessi tal-omm fir-rigward tal-permessi ta’ residenza tagħha ma ġewx eżaminati.
( 24 ) Fir-Rakkomandazzjoni tiegħu Rec(2002) 4, dwar l-istatus legali ta’ persuni ammessi għar-riunifikazzjoni tal-familja (Taqsima IV, intitolata “Protezzjoni effikaċi kontra l-espulsjoni tal-membri tal-familja”, paragrafu 1), il-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri esprima ruħu kif ġej: “Meta miżura bħalma hija l-irtirar jew in-nuqqas ta’ tiġdid ta’ permess ta’ residenza jew espulsjoni ta’ membru tal-familja tkun ikkontemplata, l-Istati Membri għandhom jieħdu debitament inkunsiderazzjoni l-kriterji bħalma huma l-post tat-twelid tiegħu, l-età tiegħu mad-dħul fl-Istat, it-tul tar-residenza, ir-relazzjonijiet familjari tiegħu, l-eżistenza ta’ familja fl-Istat ta’ oriġini tiegħu kif ukoll is-solidità tar-rabtiet soċjali u kulturali tiegħu mal-Istat tal-oriġini. L-interess u l-benesseri tat-tfal jimmeritaw kunsiderazzjoni partikolari”.
( 25 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2016, Khachab (C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 43), tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 48) kif ukoll tad‑9 ta’ Lulju 2015, K u A (C‑153/14, EU:C:2015:453, punt 60).
( 26 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ April 2016, Khachab (C‑558/14, EU:C:2016:285, punt 43), tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punt 81), u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi C u A (C‑257/17, EU:C:2018:503, punt 75) u K u B (C‑380/17, EU:C:2018:504, punt 70).
( 27 ) Ara, f’dan is-sens, il-Linji gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86 (COM (2014) 210 finali, tat‑3 ta’ April 2014, p. 29) li jirrakkomandaw li jiġu osservati l-prinċipji li ġejjin: iċ-ċirkustanzi speċifiċi kollha ta’ każ partikolari għandhom jiġu identifikati u l-ibbilanċjar tal-interessi individwali u tal-interess pubbliku għandu jkun simili għal dak li jitwettaq f’każijiet simili. Iktar minn hekk, l-ibbilanċjar tal-interessi individwali u tal-interessi pubbliċi kkonċernati għandu jkun raġonevoli u proporzjonat.
( 28 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Diċembru 2012, O et (C‑356/11 u C‑357/11, EU:C:2012:776, punti 75 u 76), tal‑4 ta’ Marzu 2010, Chakroun (C‑578/08, EU:C:2010:117, punt 44).
( 29 ) Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, korsiv miżjud minni.
( 30 ) Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/86, korsiv miżjud minni.
( 31 ) Evidentement, is-sitwazzjoni ma hijiex l-istess jekk il-persuna kkonċernata tkun waslet fil-pajjiż ospitanti, matul l-infanzja jew tfulija tagħha jew jekk hija tkun waslet hemmhekk ta’ età adulta. Ara, f’dan is-sens, fil-qasam tal-miżuri ta’ tneħħija, Qorti EDB, tat‑18 ta’ Frar 1991, Moustaquim vs Il‑Belġju (Awla Manja) (CE:ECHR:1991:0218JUD001231386, punt 45): f’dik il-kawża, Moustaquim kellu inqas minn sentejn fiż-żmien li wasal fil-Belġju. Minn dakinhar, qatta’ madwar 20 sena mal-familjari tiegħu jew mhux ’il bogħod minnhom, fil-Belġju u ma rritornax fil-Marokk ħlief f’żewġ okkażjonijiet, bħala vaganza; Qorti EDB, tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Gezginci vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2010:1209JUD001632705, punt 69): f’dik il-kawża r-rikorrent kien daħal fl-Isvizzera fl‑1990 u fejn kien qatta’ hemmhekk regolarment 18-il sena konsekuttivi fil-mument tal-espulsjoni tiegħu. Skont il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, huwa evidenti li dak kien perijodu twil wisq fil-ħajja ta’ individwu u, b’mod iktar konkret, ta’ iktar minn żewġ terzi tal-ħajja tar-rikorrent, li twieled fl‑1983.
( 32 ) Ara, b’mod partikolari, Qorti EDB, tat‑18 ta’ Ottubru 2006, Üner vs Il‑Pajjiżi l‑Baxxi (Awla Manja) (CE:ECHR:2006:1018JUD004641099, punt 58); tat‑23 ta’ Ġunju 2008, Qorti EDB Maslov, (Awla Manja),(CE:ECHR:2008:0623JUD000163803, punt 73, 74 u 86): ir-rikorrent kien wasal fl-Awstrija fl‑1990, tal-età ta’ 6 snin, huwa kien qatta’ l-bqija tat-tfulija u adoloxxenza tiegħu f’dak il-pajjiż; Qorti EDB, tat‑23 ta’ Settembru 2010, Bousarra vs Franza (CE:ECHR:2010:0923JUD002567207, punti 46 u 47). Ara wkoll, Qorti EDB, tad‑19 ta’ Frar 1998, Dalia vs Franza (Ġabra 1998‑I, p. 88 u 89, punti 42 sa 45): l-espulsjoni ta’ residenti għal perijodu twil tista’ tiġi analizzata wkoll kemm mill-aspett tal-“ħajja privata” kif ukoll taħt dak tal-“ħajja familjari”, fejn tingħata ċerta importanza f’dan il-qasam għall-grad ta’ integrazzjoni soċjali tal-persuni kkonċernati, u mfakkra fis-sentenza tal-Qorti EDB, tad‑9 ta’ Ottubru 2003, Slivenko vs Il‑Latvja (CE:ECHR:2003:1009JUD004832199, punt 96).
( 33 ) Ara, pereżempju, Qorti EDB, tat‑23 ta’ Ġunju 2008, Maslov, (Awla Manja) (CE:ECHR:2008:0623JUD000163803, punt 96 u 97) fejn ġie kkonstatat li r-rabtiet tar-rikorrent mal-pajjiż tal-oriġini, il-Bulgarija, kienu dgħajfa, peress li, fil-mument tal-espulsjoni tiegħu, huwa ma kienx jitkellem il-lingwa Bulgara, peress li l-familja tiegħu kienet tappartjeni lill-komunità Torka fil-Bulgarija u ma kienx jaqra u lanqas jikteb iċ-Ċirilliku, peress li qatt ma mar skola fil-Bulgarija, kif ukoll Qorti EDB, tat‑30 ta’ Novembru 1999, Baghli vs Franza (CE:ECHR:1999:1130JUD003437497, punt 48) fejn, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, wara li kkonstatat li r-rikorrent qatt ma wera li żamm relazzjonijiet stretti la mal-ġenituri tiegħu u lanqas ma ħutu subien u bniet li jirrisjedu fi Franza, li huwa żamm in-nazzjonalità Alġerina tiegħu, li huwa kien jaf il-lingwa Għarbija, li huwa kien qagħad għas-servizz militari fil-pajjiż tal-oriġini tiegħu, li huwa kien mar hemmhekk għal vaganzi f’diversi okkażjonijiet u li huwa qatt ma kien wera r-rieda li jsir Franċiż, ikkonkludiet li, anki jekk ir-rabtiet familjari u soċjali kienu jinsabu essenzjalment fi Franza, irriżulta li r-rikorrent kien żamm ma’ pajjiż twelidu rabtiet apparti s-sempliċi nazzjonalità.
( 34 ) F’dan ir-rigward, huwa interessanti li jiġi rilevat li, dejjem fir-rigward tal-qasam tal-miżuri ta’ tneħħija, fir-Rakkomandazzjoni (2000) 15 tiegħu, dwar is-sigurtà ta’ residenza tal-immigrati għal perijodu twil, il-Kumitat tal-Ministri għall-Istati Membri,jistabbilixxi fil-paragrafu 4, “Rigward il-protezzjoni kontra t-tkeċċija”, fis-subpargarafu (b) “B’applikazzjoni tal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fil-paragrafu 4(a), l-Istati Membri għandhom jieħdu d-debita kunsiderazzjoni tat-tul jew tan-natura tar-residenza kif ukoll tas-serjetà tar-reat imwettaq mill-immigrat għal perijodu twil. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu b’mod partikolari li immigrat għal perijodu twil ma għandux ikun imkeċċi: wara ħames snin ta’ residenza, sakemm ma jkunx ġie kkundannat għal reat kriminali punibbli bi priġunerija li taqbeż is-sentejn mhux sospiżi – wara għaxar snin ta’ residenza, sakemm ma jkunx ġie kkundannat għal reat kriminali punibbli bi priġunerija li taqbeż il-ħames snin mhux sospiżi. Wara 20 sena ta’ residenza, immigrat għal perijodu twil ma jkunx jista’ jiġi mkeċċi iktar.”
( 35 ) Kif jirriżulta mill-elementi mibgħuta mill-qorti tar-rinviju, l-iben, li twieled fl‑1991, kellu età dak iż-żmien ta’ 16-il sena meta d-deċiżjoni tal‑21 ta’ Marzu 2007 ttieħdet mis-Segretarju tal-Istat. Id-domanda tal-qorti tar-rinviju saret madankollu b’mod ġenerali.
( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2015, CGIL u INCA (C‑309/14, EU:C:2015:523, punt 21), tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094), punt 32, u tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 37 ) Kif jirriżulta mis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Tahir (C‑469/13, EU:C:2014:2094, punt 34), ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jippreżenta applikazzjoni, skont l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109, sabiex jikseb dan l-istatus unikament jekk ikun hu stess, personalment, jissoddisfa l-kundizzjoni tar-residenza legali u kontinwa fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal ħames snin qabel il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni inkwistjoni.
( 38 ) Nirrileva li, għalkemm it-titolu tal-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109 jikkontempla l-eventwalità ta’ rtirar jew telf tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil, il-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu issemmi biss il-każijiet ta’ telf. Barra minn hekk, inkwantu jipprekludi ż-żamma tad-dritt għall-imsemmi status, it-“telf” jidher li minnu nnifsu jinvolvi konsegwenzi biss għall-futur, kif isostnu Y.Z., Z.Z. u Y.Y. Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-verżjoni Ingliża (“no longer be entitled to maintain”), Ġermaniża (“ist nicht mehr berechtigt, die Rechtsstellung eines langfristig Aufenthaltsberechtigten zu behalten”) u Taljana (“I soggiornanti di lungo periodo non hanno più diritto allo status di soggiornante di lungo periodo nei casi seguenti”) tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2003/109. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex adita bil-kwistjoni dwar jekk l-irtirar retroattiv tal-permessi ta’ residenza għal perijodu twil tal-omm u tal-iben setgħux ikunu rtirati b’mod retroattiv, għaldaqstant jien mhux ser nittratta din il-kwistjoni.
( 39 ) Ara l-Kapitolu III tad-Direttiva 2003/109.
( 40 ) Għaldaqstant, il-preżenza skontinwa tar-resident għal perijodu twil fit-territorju tal-Istat Membru hija raġuni għat-telf tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil; ara l-Artikolu 9(1)(ċ) tad-Direttiva 2003/109.
( 41 ) F’dan ir-rigward, infakkar b’mod partikolari li, skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2003/109, l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li ċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jissodisfaw il-kundizzjonijiet ta’ integrazzjoni skont id-dritt nazzjonali tagħhom. Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, P u S (C‑579/13, EU:C:2015:369, punt 47): ma jistax jiġi kkontestat li l-akkwist ta’ għarfien kemm tal-lingwa u kif ukoll tas-soċjetà tal-Istat Membru ospitanti jiffaċilita ħafna l-komunikazzjoni bejn iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi u ċ-ċittadini nazzjonali u, barra minn hekk, jinkoraġġixxi l-interazzjoni u l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet soċjali bejniethom. Lanqas ma jistax jiġi kkontestat li l-akkwist tal-għarfien tal-lingwa tal-Istat Membru ospitanti jrendi inqas diffiċli l-aċċess taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz għas-suq tax-xogħol u t-taħriġ professjonali.
( 42 ) Il-kundizzjoni tar-riżorsi stabbli, regolari u suffiċjenti (Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/109), għandha tkun ipprovata waqt l-akkwist tal-istatus ta’ resident għal perijodu twil. F’dak il-mument, l-applikant għandu jipproduċi l-prova li huwa għandu u ser jibqa’ jkollu riżorsi ta’ ċerta livell u fuq bażi regolari.
( 43 ) In-natura eżawrjenti tal-elenku li jinsab fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/109 tirriżulta b’mod ċar mix-xogħlijiet preparatorji, jiġifieri, f’dan is-sens, il-kummenti fuq l-Artikolu 10 tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiż terz residenti għal perijodu twil, COM (2001) 127 finali (ĠU 2008, E 240, p. 79).
( 44 ) Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jistaqsi fuq il-possibbiltà li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jipproċedu għall-irtirar tal-permess ta’ residenza li jkun inħareġ għar-riunifikazzjoni tal-familja f’każ ta’ konstatazzjoni, a posteriori, tal-assenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa mid-Direttiva 2003/86, peress li l-Artikolu 16(1)(a) ta’ din id-direttiva jipprevedi li dan il-permess jista’ jiġi rtirat “fejn il-kondizzjonijiet preskritti b’din id-Direttiva mhumiex jew m’għadhomx iktar osservati”.
( 45 ) Ara l-kummenti fuq l-Artikolu 10 tal-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-istatus taċ-ċittadini ta’ pajjiż terzi residenti għal perijodu twil (COM (2001) 127 finali (ĠU 2008, E 240, p. 79)).