KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SZPUNAR

ippreżentati fl-10 ta’ Jannar 2019 ( 1 )

Kawża C-507/17

Google LLC, suċċessur fid-drittijiet ta’ Google Inc.

vs

Commission nationale de l’informatique et des libertés (CNIL),

fil-presenza ta’

Wikimedia Foundation Inc.,

Fondation pour la liberté de la presse,

Microsoft Corp.,

Reporters Committee for Freedom of the Press et,

Article 19 et,

Internet Freedom Foundation et,

Défenseur des droits

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Data personali – Portata tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza – Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google, C‑131/12 – Tneħħija ta’ referenza fuq l-estensjoni tal-isem tad-domain li jikkorrispondi għall-Istat Membru tat-talba jew fuq l-estensjonijiet tal-isem tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija li jikkorrispondi għall-estensjonijiet nazzjonali ta’ dan il-mutur għall-Istati Membri kollha”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza) hija sussegwenti għas-sentenza Google Spain u Google ( 2 ) u, b’mod partikolari, ser toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-okkażjoni li tippreċiża l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 95/46/KE ( 3 ). Huwa magħruf sew li f’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet “dritt li wieħed jintesa’” fis-sens li taħt ċerti kundizzjonijiet, individwu jista’ jkollu links tal-internet imneħħija mill-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mistiedna tippreċiża l-portata territorjali ta’ tneħħija ta’ referenza u tiddetermina jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 jeħtiġux tneħħija ta’ referenza fuq livell nazzjonali, Ewropew jew mondjali.

2.

F’din il-kawża, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tneħħija ta’ referenza Ewropea: l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandu jkun marbut ineħħi l-links tar-riżultati li jintwerew wara tfittxija magħmula minn post li jinsab fl-Unjoni Ewropea.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-Direttiva 95/46

3.

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Direttiva 95/46 għandha l-għan li tipproteġi l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ persuna fiżiċi, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-ostakoli għall-moviment liberu ta’ din id-data.

4.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 jipprovdi li “[g]ħall-finijiet [tagħha]:

a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’; persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

d)

‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolamenti nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]

h)

‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru”.

5.

L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Skop”, jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Din id-Direttiva għandha tkun applikabbli għall-ipproċessar ta’ data personali fl-intier tiegħu jew parti minnu b’mezzi awtomatiċi, u għall-ipproċessar b’mezzi oħra mhux awtomatiċi ta’ data personali li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar jew li tkun maħsuba li tagħmel parti minn sistema ta’ skedar”.

6.

L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva intitolat “Il-Liġi nazzjonali applikabbli”, jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu japplika d-dispożizzjonijiet nazzjonali li hu jadotta skond din id-Direttiva għall-ipproċessar ta’ data personali meta:

a)

l-ipproċessar isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju ta’ l-Istat Membru; meta l-istess kontrollur ikun stabbilit fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, hu għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jassigura li kull wieħed minn dawk l-istabbilimenti jkunu konformi ta’ l-obbligazzjonijiet meħtieġa mill-liġi nazzjonali li tkun tapplika;

[…]”

7.

Taħt it-Taqsima I tal-Kapitolu II intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, tad-Direttiva 95/46, l-Artikolu 6 jipprovdi:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)

ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)

miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

ċ)

adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)

eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)

miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.   Għandu jkun il-kontrollur li jiżgura l-konformità mal-paragrafu 1”.

8.

Taħt it-Taqsima II tal-Kapitolu II intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, tad-Direttiva 95/46, l-Artikolu 7 jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

[…]

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1)”.

9.

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

[…]

b)

skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

[…]”

10.

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

a)

li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

[…]”

11.

L-Artikolu 28 tal-istess direttiva, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

[…]

3.   Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:

setgħat investigattivi, bħalma huma setgħat ta’ aċċess għal data li tagħmel parti mis-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar u setgħat għal ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni,

setgħat effettivi ta’ intervent, bħalma hu, per eżempju, dak […] li tordna l-imblokk, tħassir jew distruzzjoni ta’ data, li ma tħallix għal xi żmien jew għal dejjem milli jsir ipproċessar […],

[…]

Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati.

4.   Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali.

[…]

6.   Kull awtorità ta’ superviżjoni hija kompetenti, tkun liema tkun il-liġi nazzjonali li tkun applika għall-ipproċessar in kwistjoni, li teżerċita, fit-territorju ta’ l-Istat Membru tagħha nfisha, is-setgħat mogħtija lilha skond il-paragrafu 3. Kull awtorità tista’ tintalab li teżerċita s-setgħat tagħha minn awtorità ta’ Stat Membru ieħor.

L-awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw ma xulxin f’dak li jkun meħtieġ biex iwettqu dmirijiethom, partikolarment billi jaqsmu flimkien kull informazzjoni utli.

[…]”

2. Ir-Regolament (UE) 2016/679

12.

Skont l-Artikolu 99(2) tiegħu, ir-Regolament (UE) 2016/679 ( 4 ) huwa applikabbli mill-25 ta’ Mejju 2018. L-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-Direttiva 95/46 tħassret b’effett minn din l-istess data.

13.

L-Artikolu 17 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt għal tħassir (‘dritt li wieħed jintesa’’)”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta’ data personali dwaru mingħajr dewmien żejjed u l-kontrollur għandu l-obbligu li jħassar data personali mingħajr dewmien żejjed jekk tkun tapplika waħda minn dawn ir-raġunijiet li ġejjin:

a)

id-data personali ma tkunx għadha meħtieġa fir-rigward tal-għanijiet li għalihom tkun inġabret jew ġiet ipproċessata mod ieħor id-data;

b)

is-suġġett tad-data jirtira l-kunsens li fuqu huwa bbażat l-ipproċessar skont l-Artikolu 6(1)(a) jew l-Artikolu 9(2)(a) u fejn ma jkun hemm l-ebda raġuni legali għall-ipproċessar;

c)

is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) u ma jkun hemm l-ebda raġuni leġittima prevalenti għall-ipproċessar, jew is-suġġett tad-data joġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(2);

d)

id-data personali tkun ġiet ipproċessata illegalment;

e)

id-data personali tkun trid titħassar biex ikun hemm konformità ma’ obbligu legali fil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

f)

id-data personali tkun inġabret fir-rigward tal-offerta ta’ servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(1).

2.   Fejn il-kontrollur ikun ippubblika d-data personali u jiġi obbligat skont il-paragrafu 1 li jħassar id-data personali, il-kontrollur, b’kont meħud tat-teknoloġija disponibbli u l-ispiża tal-implimentazzjoni, għandu jieħu passi raġonevoli, inklużi miżuri tekniċi, biex jinforma lill-kontrolluri li jkunu qegħdin jipproċessaw id-data personali, li s-suġġett tad-data talabhom iħassru kwalunkwe konnessjoni għal dik id-data personali, jew koppja jew replika tagħha.

3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw sakemm dak l-ipproċessar jkun meħtieġ:

a)

għall-eżerċizzju tad-dritt tal-libertà ta’ espressjoni u informazzjoni;

b)

għal konformità ma’ obbligu legali li jeħtieġ ipproċessar skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew għat-twettiq ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

c)

għal raġunijiet ta’ interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika f’konformità mal-punti (h) u (i) tal-Artikolu 9(2) kif ukoll mal-Artikolu 9(3);

d)

għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika skont l-Artikolu 89(1) sa fejn id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1 x’aktarx ikun ser jagħmel impossibbli jew ixekkel serjament il-ksib tal-objettivi ta’ dak l-ipproċessar; jew

e)

għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali”.

14.

L-Artikolu 18 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Dritt għal restrizzjoni tal-ipproċessar”, jipprovdi:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur ir-restrizzjoni tal-ipproċessar fejn tkun tapplika waħda minn dawn:

a)

is-suġġett tad-data jikkontesta l-eżattezza tad-data personali, għal perijodu li jippermetti li l-kontrollur jivverifika l-eżattezza tad-data personali;

b)

l-ipproċessar huwa illegali u s-suġġett tad-data jopponi t-tħassir tad-data personali u jitlob minflok ir-restrizzjoni tal-użu tagħha;

[…]

d)

is-suġġett tad-data jkun oġġezzjona għall-ipproċessar skont l-Artikolu 21(1) sakemm jiġi vverifikat jekk il-kriterji leġittimi tal-kontrollur jegħlbux dawk tas-suġġett tad-data.

2.   Fejn l-ipproċessar jkun ġie ristrett skont il-paragrafu 1, tali data personali tista’, bl-eċċezzjoni tal-ħażna, tiġi pproċessata biss bil-kunsens tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali jew għall-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuna fiżika jew ġuridika oħra jew għal raġunijiet ta’ interess pubbliku importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru.

3.   Is-suġġett tad-data li kiseb ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont il-paragrafu 1 għandu jiġi infurmat mill-kontrollur qabel ma titneħħa r-restrizzjoni tal-ipproċessar.”

15.

L-Artikolu 21 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Dritt ta’ oġġezzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li joġġezzjona, għal raġunijiet relatati mas-sitwazzjoni partikolari tiegħu, fi kwalunkwe mument għall-ipproċessar ta’ data personali li tikkonċerna lilu li hija bbażata fuq il-punt (e) jew (f) tal-Artikolu 6(1), inkluż it-tfassil ta’ profili abbażi ta’ dawk id-dispożizzjonijiet. Il-kontrollur ma għandux jibqa’ jipproċessa d-data personali sakemm il-kontrollur ma jagħtix raġunijiet leġittimi konvinċenti għall-ipproċessar li jegħlbu l-interessi, id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jew għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali.”

16.

L-Artikolu 85 tal-imsemmi regolament, intitolat “Ipproċessar u libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni” jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrikonċiljaw skont il-liġi d-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali skont dan ir-Regolament mad-dritt għal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni, inkluż l-ipproċessar għal finijiet ġurnalistiċi u l-finijiet ta’ espressjoni akkademika, artistika jew letterarja.

2.   Għall-ipproċessar li jsir għal finijiet ġurnalistiċi jew għall-fini ta’ espressjoni akkademika artistika jew dik letterarja, l-Istati Membri għandhom jipprevedu eżenzjonijiet jew derogi mill-Kapitolu II (prinċipji), il-Kapitolu III (drittijiet tas-suġġett tad-data), il-Kapitolu IV (kontrollur u proċessur), il-Kapitolu V (trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali), il-Kapitolu VI (awtoritajiet superviżorji indipendenti), il-Kapitolu VII (kooperazzjoni u konsistenza) u l-Kapitolu IX (sitwazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar tad-data) jekk dawn jinħtieġu għal rikonċiljazzjoni tad-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali mal-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni.

3.   Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġi tiegħu li jkun adotta skont il-paragrafu 2 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta’ emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom”.

B.   Id-dritt Franċiż

17.

L-implimentazzjoni tad-Direttiva 95/46 fid-dritt Franċiż hija żgurata mil-Liġi Nru 78-17 tas-6 ta’ Jannar 1978 dwar l-informatika, il-fajls u l-libertajiet (iktar ’il quddiem il-“Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978”).

III. Il-fatti u l-kawża prinċipali

18.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2015, il-President tal-Commission nationale de l’informatique et des libertés (il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Informatika u tal-Libertajiet, iktar ’il quddiem iċ-“CNIL”) intima lill-kumpannija Google LLC, peress li hija laqgħet talba ta’ persuna fiżika intiża għat-tneħħija mil-lista tar-riżultati, li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ isimha, ta’ links li jwasslu għal paġni tal-internet, sabiex tapplika din it-tneħħija fuq l-estensjonijiet kollha tal-isem tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija tagħha.

19.

Google rrifjutat li twettaq dan u neħħiet biss il-links inkwistjoni tar-riżultati li jintwerew bi tweġiba għal tfittxijiet imwettqa fuq il-verżjonijiet tal-mutur ta’ tfittxija tagħha li l-isem tad-domain tagħhom jikkorrispondi għal Stat Membru tal-Unjoni.

20.

Barra minn hekk, iċ-CNIL qieset insuffiċjenti l-proposta kumplimentarja msejħa “imblukkar ġeografiku”, magħmula minn Google wara l-iskadenza tat-terminu ta’ intimazzjoni, li tikkonsisti fit-tneħħija tal-possibbiltà li taċċedi, minn indirizz IP li jinsab fl-Istat ta’ residenza tas-suġġett tad-data, għar-riżultati kontenzjużi miksuba wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, irrispettivament mill-verżjoni tal-mutur ta’ tfittxija użat mill-utent tal-internet.

21.

Wara li kkonstatat li Google ma kinitx ikkonformat ruħha mal-imsemmija intimazzjoni fit-terminu mogħti, permezz ta’ deliberazzjoni datata l-10 ta’ Marzu 2016, iċ-CNIL imponiet fil-konfront tagħha sanzjoni, li saret pubblika, ta’ EUR 100000.

22.

Permezz ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza), Google talbet l-annullament ta’ din id-deliberazzjoni.

23.

Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-Kunsill tal-Istat ikkunsidra bħala ammissibbli l-interventi ta’ Wikimedia Foundation Inc., tal-Fondation pour la liberté de la presse, ta’ Microsoft Corp., ta’ Reporters Committee for Freedom of the Press et, tal-Article 19 et u tal-Internet Freedom Foundation et, peress li dawn kienu ġġustifikati minn interess suffiċjenti għall-annullament tad-deliberazzjoni kkontestata.

24.

Il-Kunsill tal-Istat jirrileva li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-mutur ta’ tfittxija operat minn Google, fid-dawl tal-attivitajiet ta’ promozzjoni u ta’ bejgħ ta’ spazji ta’ reklamar eżerċitati, fi Franza, mis-sussidjarja tagħha Google France, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978, li tiżgura t-traspożizzjoni tad-Direttiva 95/46 fid-dritt Franċiż.

25.

Barra minn hekk, il-Kunsill tal-Istat jikkonstata li l-mutur ta’ tfittxija operat minn Google juża ismijiet tad-domain differenti permezz ta’ estensjonijiet ġeografiċi, sabiex jaddatta r-riżultati li jintwerew għal partikolaritajiet, b’mod partikolari lingwistiċi, ta’ pajjiżi differenti li fihom din il-kumpannija teżerċita l-attività tagħha. Meta t-tfittxija titwettaq fuq “google.com”, Google, bħala prinċipju, jagħmel ridirezzjoni awtomatika ta’ dik it-tfittxija lejn l-isem tad-domain li jikkorrispondi għal pajjiż li minnu hija meqjusa li saret din it-tfittxija u dan grazzi għall-identifikazzjoni tal-indirizz IP tal-utent tal-internet. Madankollu, irrispettivament minn fejn jinsab, l-utent tal-internet xorta jista’ jwettaq it-tfittxijiet tiegħu fuq l-ismijiet tad-domain l-oħra tal-mutur ta’ tfittxija. Madankollu, minkejja li r-riżultati jistgħu jinbidlu skont l-isem tad-domain li minnu ssir it-tfittxija fuq il-mutur, huwa stabbilit li l-links li jintwerew bi tweġiba għal tfittxija joriġinaw minn bażi ta’ data u minn xogħol ta’ indiċjar komuni.

26.

Il-Kunsill tal-Istat iqis li meħuda inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-fatt li l-ismijiet tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija ta’ Google huma kollha aċċessibbli mit-territorju Franċiż u, min-naħa l-oħra, l-eżistenta ta’ passaġġi bejn dawn l-ismijiet tad-domain differenti, kif turi b’mod partikolari r-ridirezzjoni awtomatika, u barra minn hekk, il-preżenza ta’ cookies (xhieda ta’ konnessjoni) fuq estensjonijiet oħra tal-mutur minbarra dik li fuqha ntwerew oriġinarjament, dan il-mutur, li sal-lum kien is-suġġett ta’ dikjarazzjoni waħda taċ-CNIL, għandu jitqies li jwettaq ipproċessar ta’ data personali unika għall-applikazzjoni tal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978. Minn dan jirriżulta li l-ipproċessar ta’ data personali mill-mutur ta’ tfittxija operat minn Google jitwettaq fil-kuntest ta’ waħda mill-installazzjonijiet tiegħu, Google France, stabbilita fit-territorju Franċiż, u għalhekk huwa suġġett għal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978.

27.

Quddiem il-Kunsill tal-Istat, Google ssostni li s-sanzjoni kontenzjuża hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tal-Liġi tas-6 ta’ Jannar 1978 li jittrasponu l-Artikolu 12(b) u l-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46, li fuq il-bażi tagħhom, fis-sentenza Google Spain u Google ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet “dritt għat-tneħħija ta’ referenza”. Google targumenta li dan id-dritt ma jimplikax neċessarjament li l-links kontenzjużi jitneħħew, mingħajr limitu ġeografiku, minn fuq l-ismijiet tad-domain kollha tal-mutur tagħha. Barra minn hekk, permezz ta’ din l-interpretazzjoni, iċ-CNIL kisret l-prinċipji ta’ korteżija u ta’ nuqqas ta’ ndħil stabbiliti mid-dritt internazzjonali pubbliku u ppreġudikat b’mod sproporzjonat il-libertajiet ta’ espressjoni, ta’ informazzjoni, ta’ komunikazzjoni u tal-istampa ggarantiti, b’mod partikolari, mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

IV. Id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.

Peress li kkonstata li dan l-argument iqajjem diversi diffikultajiet serji ta’ interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46, il-Kunsill tal-Istat iddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha [Google Spain u Google ( 6 )] abbażi tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12(b) u 14(a) tad-Direttiva [95/46], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat, meta jilqa’ talba għal tħassir, iwettaq dan it-tħassir fil-konfront tal-ismijiet kollha ta’ domain mill-mutur ta’ tfittxija tiegħu b’tali mod li l-konnessjonijiet kontenzjużi ma jidhrux iktar irrispettivament minn fejn issir it-tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba, inkluż barra mill-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva [95/46]?

2)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għal din l-ewwel domanda, id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija huwa obbligat, meta jilqa’ talba għal tħassir, ineħħi l-konnessjonijiet kontenzjużi mir-riżultati li jintwerew wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba fuq isem ta’ domain li jikkorrispondi għall-Istat fejn it-talba titqies li tressqet jew, b’mod iktar ġenerali, fuq l-ismijiet ta’ domain tal-mutur ta’ tfittxija li jikkorrispondu għall-estenzjonijiet nazzjonali ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea?

3)

Barra minn hekk, flimkien mal-obbligu invokat fit-tieni domanda, id-“dritt għal tħassir” kif stabbilit mill-[Qorti tal-Ġustizzja] fis-sentenza tagħha ċċitata iktar ’il fuq għandu jiġi interpretat fis-sens li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jilqa’ talba għal tħassir huwa obbligat ineħħi, permezz tat-teknika magħrufa bħala “imblukkar ġeografiku”, minn indirizz IP meqjus li jinsab fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-“dritt għal tħassir”, ir-riżultati kontenzjużi tat-tfittxijiet imwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, jew inkella, b’mod iktar ġenerali, minn indirizz IP meqjus li jinsab f’wieħed mill-Istati Membri suġġetti għad-Direttiva [95/46], irrispettivament mill-isem ta’ domain użat mill-utent tal-internet li jwettaq it-tfittxija?”

29.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Google, iċ-CNIL, Wikimedia Foundation, il-Fondation pour la liberté de la presse, Reporters Committee for Freedom of the Press et, Article 19 et, Internet Freedom Foundation et, id-Défenseur des droits, il-Gvern Franċiż, dak Irlandiż, dak Grieg, dak Taljan, dak Awstrijak u dak Pollakk kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.

30.

Dawn il-partijiet kollha, bl-eċċezzjoni tad-Défenseur des droits u tal-Gvern Taljan, kif ukoll Microsoft instemgħu waqt is-seduta li nżammet fil-11 ta’ Settembru 2018.

V. Analiżi

31.

Id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju ma jirrigwardawx l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2016/679 iżda dawk tad-Direttiva 95/46. Madankollu, dan ir-regolament, li sar applikabbli fil-25 ta’ Mejju 2018 ( 7 ), ħassar id-Direttiva b’effett minn din l-istess data ( 8 ).

32.

Peress li jidher li, skont id-dritt proċedurali amministrattiv Franċiż, il-liġi applikabbli għal tilwima hija dik tal-jum ta’ deċiżjoni kkontestata, ma hemmx dubju li hija d-Direttiva 95/46 li hija applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali. Għaldaqstant, huma d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta.

A.   L-ewwel domanda preliminari

33.

Permezz tal-ewwel domanda preliminari tiegħu, il-Kunsill tal-Istat jistaqsi essenzjalment lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk meta jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandux iwettaq din it-tneħħija minn fuq l-ismijiet tad-domain kollha tal-mutur tiegħu b’tali mod li l-links kontenzjużi ma jidhrux iktar irrispettivament minn fejn issir it-tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba.

34.

Iċ-CNIL, id-Défenseur des droits kif ukoll il-Gvern Franċiż, dak Taljan u dak Awstrijak jinvokaw in-neċessità ta’ protezzjoni effikaċi u kompleta tad-dritt tal-protezzjoni ta’ data personali, iggarantit mill-Artikolu 8 tal-Karta, u l-effett utli tad-dritt għat-tneħħija ta’ referenza, li jirriżulta mill-Artikolu 12(b) u mill-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, filwaqt li jargumentaw li obbligu ta’ tneħħija ta’ referenza mondjali huwa neċessarju sabiex jiżgura l-effettività ta’ dawn id-drittijiet. Din tidher li hija wkoll il-pożizzjoni espressa mill-“Grupp ta’ Ħidma‘tal-Artikolu 29’ dwar il-protezzjoni tad-data” ( 9 ) fil-“Linji Gwida dwar l-Implimentazzjoni tas-Sentenza [Google Spain u Google ( 10 )]” tas-26 ta’ Novembru 2014 ( 11 ) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida”). Fil-fatt, dan il-grupp jirrileva li “[sabiex] jingħata effett sħiħ lid-drittijiet tas-suġġetti tad-data stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-deċiżjonijiet ta’ tneħħija ta’ referenza għandhom jiġu implimentati b’mod li jiżgura l-protezzjoni effikaċi u kompleta tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u b’mod li l-leġiżlazzjoni Ewropea ma tistax tiġi evitata. F’dan is-sens, il-limitazzjoni tat-tneħħija ta’ referenza għal domain tal-Unjoni Ewropea għar-raġuni li l-utenti għandhom tendenza jaċċedu għall-muturi ta’ tfittxija permezz tad-domains nazzjonali tagħhom, ma tistax għalhekk tiġi prevista bħala motiv suffiċjenti sabiex tiżgura b’mod sodisfaċenti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Fil-prattika, dan ifisser li kull tneħħija ta’ referenza għandha tapplika wkoll għad-domains kollha kkonċernati, inkluż id-domains.com” ( 12 ).

35.

Mill-banda l-oħra, Google, Wikimedia Foundation, il-Fondation pour la liberté de la presse, Reporters Committee for Freedom of the Press et, Article 19 et, Internet Freedom Foundation et, il-Gvern Irlandiż, dak Grieg u dak Pollakk kif ukoll il-Kummissjoni jsostnu essenzjalment, li l-istabbiliment ta’ dritt għat-tneħħija ta’ referenza mondjali fuq il-bażi tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex kompatibbli la ma dan id-dritt u lanqas mad-dritt internazzjonali pubbliku u jikkostitwixxi preċedent perikoluż li jistieden lil reġimi awtoritarji jeħtieġu wkoll implimentazzjoni fuq livell mondjali tad-deċiżjonijiet tagħhom ta’ ċensura.

36.

L-idea ta’ tneħħija ta’ referenza mondjali tista’ tidher attraenti minħabba r-radikalità, iċ-ċarezza, is-sempliċità u l-effettività tagħha. Madankollu, din is-soluzzjoni ma tikkonvinċinix, għaliex tieħu inkunsiderazzjoni naħa waħda biss tal-munita, jiġifieri l-protezzjoni tad-data personali ta’ individwu.

1. Fuq is-sentenza Google Spain u Google

37.

Il-punt tat-tluq tal-analiżi tiegħi huwa s-sentenza Google Spain u Google ( 13 ).

38.

Din is-sentenza ma tiddeterminax il-portata ġeografika tal-implimentazzjoni ta’ tneħħija ta’ referenza. Madankollu, hija tinkludi serje ta’ elementi, b’mod partikolari dwar il-kwistjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 95/46, li jistħoqqilhom jitfakkru hawnhekk.

39.

Waħda mill-kwistjonijiet kienet dik dwar taħt liema kundizzjonijiet tapplika territorjalment id-Direttiva 95/46 għall-ipproċessar ta’ data personali mwettaq fil-kuntest tal-attività ta’ mutur ta’ tfittxija bħal Google Search, li huwa operat minn Google Inc., kumpannija omm tal-grupp Google li s-sede tagħha huwa stabbilit fl-Istati Uniti.

40.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet – fuq il-bażi tal-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 95/46, li jipprovdi bħala kriterju li l-“ipproċessar [ta’ data personali] isir fil-kuntest ta’ l-attivitajiet ta’ stabbiliment tal-kontrollur fit-territorju [ta’] Stat Membru” – li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 95/46 ikopri każijiet fejn l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija joħloq fi Stat Membru fergħa jew sussidjarja maħsuba sabiex tiżgura l-promozzjoni u l-bejgħ tal-ispazji ta’ reklamar proposti minn dan il-mutur u li l-attività tagħha tkun orjentata lejn ir-residenti ta’ dan l-Istat Membru (bħal Google Spain, jew f’dan il-każ, Google France) ( 14 ).

41.

Billi għamlet dan, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-argument ta’ Google Spain u Google Inc. li permezz tiegħu argumentaw li l-ipproċessar ta’ data personali inkwistjoni kien imwettaq mhux “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet” ta’ Google Spain, iżda esklużivament minn Google Inc., li apparentament topera lil Google Search mingħajr ebda intervent min-naħa ta’ Google Spain, li l-attività tagħha hija limitata għall-provvista ta’ sostenn għall-attività ta’ reklamar tal-grupp Google, li hija distinta mis-servizz ta’ mutur ta’ tfittxija tiegħu.

42.

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat li l-għan tad-Direttiva 95/46 huwa li tiżgura protezzjoni effikaċi u kompleta tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u li l-espressjoni “fil-kuntest ta’ l-attivitajiet” ma għandhiex tingħata interpretazzjoni restrittiva ( 15 ). Barra minn hekk, mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li billi ppreveda kamp ta’ applikazzjoni territorjali partikolarment wiesa’, il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jevita li persuna tiġi eskluża mill-protezzjoni ggarantita minnha u li jevita li din il-protezzjoni tiġi ffrustrata ( 16 ).

2. Fuq il-lok minn fejn issir it-tfittxija

43.

Bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, fil-kawża Google Spain u Google ( 17 ), it-tilwima fil-kawża prinċipali kienet bejn Google ( 18 ) bħala rikorrenti u aġenzija statali għall-protezzjoni tad-data ( 19 ) fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ din l-aġenzija.

44.

Barra minn hekk, il-persuna fiċ-ċentru tas-sentenza Google Spain u Google ( 20 ) hija b’mod ċar dik li d-data personali tagħha għandha tiġi protetta. Il-Qorti tal-Ġustizzja tagħti prominenza lid-drittijiet ta’ din il-persuna. F’dik is-sentenza, il-perspettiva tal-persuna li tfittex l-informazzjoni tidher biss b’mod inċidentali ( 21 ). Għalhekk, billi semmiet biss “il-lista ta’ riżultati li tintwera wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna”, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreċiżatx il-kuntest li fih titwettaq din it-tfittxija, minn min u minn fejn.

45.

Għalhekk, minkejja li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 huma intiżi sabiex jipproteġu d-drittijiet fundamentli, skont l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta, tal-persuna “li dwarha ssir t-tfittxija”, u konsegwentement “irreferenzjata”, huma jibqgħu siekta dwar il-kwistjoni tat-territorjalità tat-tneħħija ta’ referenza. Pereżempju, la dawn id-dispożizzjonijiet u lanqas is-sentenza Google Spain u Google ( 22 ) ma jippreċiżaw jekk talba ta’ tfittxija li ssir minn Singapor għandhiex tingħata trattament differenti minn talba li ssir minn Pariġi jew Katowice.

46.

Fl-opinjoni tiegħi, għandu jkun hemm differenzazzjoni skont minn fejn issir it-tfittxija. It-talbiet ta’ tfittxija li jsiru minn barra t-territorju tal-Unjoni ma għandhomx isofru minn tneħħija ta’ referenza tar-riżultati ta’ tfittxija.

a) Fuq l-applikazzjoni territorjali tad-Direttiva 95/46

47.

Skont l-Artikolu 52(1) TUE, it-Trattati japplikaw għat-28 Stat Membru ( 23 ). It-territorju ta’ Stat Membru huwa ddefinit mid-dritt nazzjonali u mid-dritt internazzjonali pubbliku ( 24 ). L-Artikolu 52(2) TUE jżid li l-kamp ta’ applikazzjoni territorjali tat-Trattati huwa ppreċiżat fl-Artikolu 355 TFUE ( 25 ). Bħala prinċipju, id-dritt tal-Unjoni ma jistax japplika barra minn dan it-territorju u konsegwentement lanqas joħloq drittijiet u obbligi.

48.

Għalhekk, tqum il-kwistjoni dwar jekk, għal raġuni eċċezzjonali, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 jestendix lil hinn mill-fruntieri territorjali ċċitati iktar ’il fuq, jiġifieri jekk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu interpretati b’mod wiesa’ sal-punt li jkollhom effetti lil hinn minn dawn il-fruntieri.

49.

Jiena naħseb li dan ma huwiex il-każ.

50.

Huwa minnu li jeżistu ċerti sitwazzjonijiet li fihom huma aċċettati effetti extraterritorjali fid-dritt tal-Unjoni.

51.

Kif jenfasizza wkoll il-Gvern Franċiż, skont ġurisprudenza stabbilita fid-dritt tal-kompetizzjoni, il-fatt li impriża li tipparteċipa fi ftehim antikompettitiv jew timplimenta prattika ta’ tali natura, tinsab fi Stat terz ma jipprekludix l-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni skont l-Artikoli 101 u 102 TFUE, peress li tali ftehim jew tali prattika tipproduċi l-effetti tagħha fit-territorju tal-Unjoni ( 26 ).

52.

Fil-qasam tad-dritt tat-trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun ta’ ħsara għall-effettività tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ trade mark ( 27 ) jekk l-użu, f’offerta għall-bejgħ jew reklam fuq l-internet intiż għal konsumaturi li jinsabu fl-Unjoni, ta’ sinjal identiku jew simili għal trade mark irreġistrata fl-Unjoni jevita l-applikazzjoni ta’ dawn tal-aħħar sempliċement minħabba l-fatt li t-terz li għamel din l-offerta jew dan ir-reklam huwa stabbilit fi Stat terz, li s-server tas-sit tal-internet li huwa juża jinsab fi Stat terz jew inkellla li l-prodott li huwa s-suġġett tal-imsemmija offerta jew tal-imsemmi reklam jinsab fi Stat terz ( 28 ).

53.

Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet jikkostitwixxu sitwazzjonijiet estremi ta’ natura eċċezzjonali. Fiż-żewġ sitwazzjoniijiet, l-effett fuq is-suq intern huwa kruċjali (anki jekk swieqi oħra jistgħu jkunu affettwati wkoll). Is-suq intern huwa territorju ddelimitat b’mod ċar mit-Trattati. Mill-banda l-oħra, l-internet huwa, min-natura tiegħu, mondjali u, b’ċertu mod, huwa preżenti kullimkien. Għalhekk huwa diffiċli li jsiru analoġiji jew paraguni.

b) Fuq l-effetti extraterritorjali tad-drittijiet fundamentali

54.

Fil-fehma tiegħi, wieħed lanqas jista’ jinvoka, kif għamel id-Défenseur des droits, il-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-effetti extraterritorjali tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, fil-kuntest tal-estradizzjoni ta’ persuna lejn pajjiż terz ( 29 ), u dan għal żewġ raġunijiet.

55.

L-ewwel nett, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta huwa l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u mhux bil-maqlub, kif inhu espressament speċifikat fl-Artikolu 51(2) tal-Karta ( 30 ).

56.

It-tieni nett, din il-ġurisprudenza tirrigwarda l-każijiet speċifiċi tal-piena tal-mewt jew il-projbizzjoni tat-tortura, drittijiet tal-bniedem li huma l-bażi ta’ kull Stat tad-dritt u li minnhom ebda deroga ma hija possibbli ( 31 ).

57.

Mill-banda l-oħra, dak li b’xi mod huwa ċ-ċentru ta’ din il-kawża, id-“dritt li wieħed jintesa’” għandu jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra.

c) Fuq l-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali

58.

L-argument prinċipali kontra obbligu tat-tneħħija ta’ referenza fuq livell mondjali huwa dak tal-ibbilanċjar tad-drittijiet fundamentali u tat-tagħlim f’dan ir-rigward tas-sentenza Google Spain u Google ( 32 ). F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja tat importanza kbira lill-ibbilanċjar bejn, minn naħa, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata, u min-naħa l-oħra, l-interess leġittimu tal-pubbliku li jaċċedi għall-informazzjoni mfittxija.

59.

Huwa stabbilit li d-drittijiet għall-protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata huma drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u għandu jkollhom rabta mad-dritt tal-Unjoni u t-territorjalità tiegħu. L-istess japplika għall-interess leġittimu tal-pubbliku li jaċċedi għall-informazzjoni mfittxija. Fir-rigward tal-Unjoni, dan id-dritt jirriżulta mill-Artikolu 11 tal-Karta. Il-pubbliku previst ma huwiex pubbliku mondjali iżda jinsab fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Karta, u għalhekk huwa Ewropew.

60.

Jekk tiġi aċċettata tneħħija ta’ referenza mondjali, l-awtoritajiet tal-Unjoni ma jkunux f’pożizzjoni li jiddefinixxu u jiddeterminaw dritt li jirċievu informazzjoni, u ferm inqas li jibbilanċjawh mad-drittijiet fundamentali l-oħra tal-protezzjoni ta’ data personali u tal-ħajja privata. Dan iktar u iktar peress li tali interess tal-pubbliku li jaċċedi għal informazzjoni bilfors tvarja skont il-lokalizzazzjoni ġeografika tagħha, minn Stat terz għal ieħor.

61.

Barra minn hekk, ikun jeżisti periklu li l-Unjoni tipprekludi persuni f’pajjiżi terzi milli jaċċedu għall-informazzjoni. Jekk awtorità fi ħdan l-Unjoni tkun tista’ tordna tneħħija ta’ referenza fuq livell mondjali, jintbagħat sinjal fatali lill-pajjiżi terzi, li jkunu jistgħu jordnaw ukoll tneħħija ta’ referenza skont il-liġijiet proprji tagħhom. Immaġinaw li għal kwalunkwe raġuni, pajjiżi terzi jinterpretaw uħud mil-liġijiet tagħhom b’mod li jipprekludi l-persuni li jinsabu fi Stat Membru tal-Unjoni milli jaċċedu għal informazzjoni mfittxija. Ikun jeżisti riskju reali ta’ ġirja lejn il-qiegħ, għad-detriment tal-libertà ta’ espressjoni, fuq livell Ewropew u mondjali ( 33 ).

62.

Għalhekk l-isfidi inkwistjoni ma jeħtiġux li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 jiġu applikati lil hinn mit-territorju tal-Unjoni. Madankollu, dan ma jfissirx li d-dritt tal-Unjoni qatt ma jista’ jimponi lil operatur ta’ mutur ta’ tfittxija bħal Google li jieħu azzjonijiet fuq livell mondjali. Ma neskludix li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom l-interess tal-Unjoni jeħtieġ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 lil hinn mit-territorju tal-Unjoni. Iżda f’sitwazzjoni bħal dik ta’ din il-kawża, ma hemmx raġuni sabiex id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 jiġu applikati b’dan il-mod.

63.

Għalhekk, nipproponi li, għall-ewwel domanda preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(b) u tal-Artikolu 14(a) tad-Direttiva 95/46 għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija ma huwiex marbut li jwettaq din it-tneħħija ta’ referenza fil-konfront tal-ismijiet tad-domain kollha tal-mutur ta’ tfittxija tiegħu b’tali mod li l-links kontenzjużi ma jidhrux iktar irrispettivament minn fejn issir it-tfittxija fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba.

B.   It-tieni u t-tielet domanda preliminari

64.

Peress li nipproponi li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv, l-analiżi għandha titkompla billi t-tieni u t-tielet domanda jiġu ttrattati flimkien.

65.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk meta jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandux ineħħi biss il-links kontenzjużi tar-riżultati li jintwerew wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba fuq l-isem tad-domain li jikkorrispondi għall-Istat fejn it-talba titqies li tressqet jew, b’mod iktar ġenerali, fuq l-ismijiet tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija li jikkorrispondu għall-estensjonijiet nazzjonali ta’ dan il-mutur ta’ tfittxija għall-Istati Membri kollha tal-Unjoni.

66.

It-tielet domanda, li saret “flimkien” mat-tieni domanda, hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza għandux ineħħi, permezz tat-teknika magħrufa bħala “imblukkar ġeografiku”, minn indirizz IP meqjus li jinsab fl-Istat ta’ residenza tal-benefiċjarju tad-“dritt għat-tneħħija ta’ referenza”, ir-riżultati kontenzjużi tat-tfittxijiet imwettqa fuq il-bażi ta’ ismu, jew inkella, b’mod iktar ġenerali, minn indirizz IP meqjus li jinsab f’wieħed mill-Istati Membri suġġetti għad-Direttiva 95/46, irrispettivament mill-isem tad-domain użat mill-utent tal-internet li jwettaq it-tfittxija.

67.

Fid-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel rabta indissoċjabbli bejn minn naħa, l-isem tad-domain ta’ mutur ta’ tfittxija ( 34 ), u min-naħa l-oħra, minn fejn issir tfittxija fuq l-internet fuq il-bażi tal-isem ta’ persuna ( 35 ).

68.

Għal dak li jirrigwarda l-ewwel domanda preliminari, tali rabta hija naturali: jekk l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija jirrendi inaċċessibbli r-riżultati ta’ tfittxija fuq l-ismijiet tad-domain kollha tiegħu, huwa evidenti li l-links kontenzjużi ma jidhrux iktar irrispettivament mil-lok minn fejn issir it-tfittxija.

69.

Mill-banda l-oħra, ladarba r-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv, kif jiena nipproponi li jsir, tali rabta ma tibqax mandatorja. Fil-fatt, kif tirrileva l-qorti tar-rinviju stess, persuna tibqa’ libera li twettaq it-tfittxijiet fuq kull isem tad-domain tal-mutur ta’ tfittxija. Pereżempju, l-estensjoni google.fr ma hijiex limitata għat-tfittxijiet imwettqa minn Franza.

70.

Madankollu din il-possibbiltà tista’ tiġi limitata bit-teknoloġija msejħa “mblukkar ġeografiku”.

71.

L-imblukkar ġeografiku huwa teknika li tillimita l-aċċess għal kontenut tal-internet skont is-sitwazzjoni ġeografika tal-utent. F’sistema ta’ mblukkar ġeografiku, il-lokalizzazzjoni tal-utent hija ddeterminata bl-għajnuna ta’ tekniki ta’ ġeolokalizzazzjoni, bħal verifika tal-indirizz IP tal-utent. L-imblukkar ġeografiku, li jikkostitwixxi forma ta’ ċensura, huwa meqjus mhux iġġustifikat fid-dritt tas-suq intern tal-Unjoni, fejn b’mod partikolari huwa s-suġġett ta’ regolament intiż sabiex jipprekludi professjonisti li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru milli jimblukkaw jew jillimataw l-aċċess tal-klijenti li joriġinaw minn Stati Membri oħra li jixtiequ jwettqu tranżazzjonijiet transkonfinali għall-interfaċċi online tagħhom ( 36 ).

72.

Ladarba jiġi aċċettat l-imblukkar ġeografiku, l-isem tad-domain tal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija użat ftit jibqa’ importanti. Għalhekk jiena nipproponi li t-tielet domanda tiġi indirizzata qabel it-tieni waħda.

73.

Fis-sentenza Google Spain u Google ( 37 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandu jiżgura, fil-kuntest tar-responsabbiltajiet tiegħu, tal-kompetenzi tiegħu u tal-possibbiltajiet tiegħu, li l-attività tal-imsemmi mutur tissodisfa r-rekwiżiti tad-Direttiva 95/46 b’tali mod li l-garanziji previsti minnha jkun jista’ jkollhom l-effetti kollha tagħhom u b’tali mod li tkun tista’ effettivament tinkiseb protezzjoni effikaċi u kompleta tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata tagħhom ( 38 ).

74.

Ladarba jiġi kkonstatat dritt għat-tneħħija ta’ referenza, huwa l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija li għandu jieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura tneħħija ta’ referenza effikaċi u kompleta ( 39 ). Dan l-operatur għandu jieħu l-passi kollha teknikament possibbli għalih. Għal dak li jirrigwarda l-kawża prinċipali, dawn jinkludu, b’mod partikolari, it-teknika msejħa “mblukkar ġeografiku”, u dan irrispettivament mill-isem tad-domain użat mill-utent li jwettaq it-tfittxija.

75.

Kif ser nispjega fil-linji li ġejjin, tneħħija ta’ referenza għandha ssir mhux fuq livell nazzjonali, iżda fuq livell tal-Unjoni Ewropea.

76.

Peress li d-Direttiva 95/46 “tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni [fl-Unjoni]” ( 40 ), hija intiża sabiex tistabbilixxi sistema kompleta ta’ protezzjoni ta’ data personali li tmur lil hinn mill-fruntieri nazzjonali. Ibbażata fuq l-ex Artikolu 100a TCE ( 41 ), hija taqa’ fil-loġika tas-suq intern li nfakkar li jinkludi spazju mingħajr fruntieri interni ( 42 ). Għalhekk, tneħħija ta’ referenza fuq livell nazzjonali tmur kontra dan l-għan ta’ armonizzazzjoni u l-effett utli tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46 ( 43 ).

77.

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, taħt ir-Regolament 2016/679, din il-kwistjoni lanqas biss tqum, peress li dan ir-regolament huwa, fih innifsu “direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha” ( 44 ). Ibbażat fuq l-Artikolu 16 FUE, ir-Regolament 2016/679 imur lil hinn mill-approċċ tas-suq intern tad-Direttiva 95/46 u huwa intiż sabiex jiżgura sistema kompleta ta’ protezzjoni ta’ data personali fl-Unjoni ( 45 ). Dan ir-regolament jirreferi b’mod sistematiku għall-Unjoni, għat-territorju tal-Unjoni jew għall-Istati Membri ( 46 ).

78.

Għalhekk, jiena nipproponi li r-risposta għat-tieni u t-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandu jneħħi l-links kontenzjużi tar-riżultati li jintwerew wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba li ssir minn lok li jinsab fl-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, dan l-operatur għandu jieħu kull miżura għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura tneħħija ta’ referenza effikaċi u kompleta. Dan jinkludi, b’mod partikolari, it-teknika msejħa “mblukkar ġeografiku”, minn indirizz IP meqjus li jinsab f’wieħed mill-Istati Membri suġġetti għad-Direttiva 95/46, u dan irrispettivament mill-isem tad-domain użat mill-utent li jwettaq it-tfittxija.

VI. Konklużjoni

79.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari magħmula mill-Conseil d’État (il-Kunsill tal-Istat, Franza):

1)

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(b) u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta jilqa’ talba għat-tneħħija ta’ referenza, l-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija ma huwiex marbut li jwettaq din it-tneħħija ta’ referenza fuq l-ismijiet tad-domain kollha tal-mutur tiegħu b’tali mod li l-links kontenzjużi ma jidhrux iktar, irrispettivament minn fejn issir it-tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba.

2)

L-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija għandu jneħħi l-links kontenzjużi li jintwerew wara tfittxija mwettqa fuq il-bażi tal-isem tal-persuna li tressaq it-talba minn lok li jinsab fl-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest, dan l-operatur għandu jieħu l-miżuri kollha għad-dispożizzjoni tiegħu sabiex jiżgura tneħħija ta’ referenza effikaċi u kompleta. Dan jinkludi, b’mod partikolari, it-teknika msejħa “mblukkar ġeografiku”, minn indirizzi IP meqjus li jinsab f’wieħed mill-Istati Membri suġġetti għad-Direttiva 95/46, u dan irrispettivament mill-isem tad-domain użat mill-utent li jwettaq it-tfittxija.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1), u rettifika (ĠU 2016, L 127, p. 2).

( 5 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 6 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).

( 7 ) Skont l-Artikolu 99(2) tar-Regolament 2016/679.

( 8 ) Ara l-Artikolu 94(1) tar-Regolament 2016/679.

( 9 ) Mad-dħul fis-seħħ tar-Regolament 2016/679, dan il-grupp ta’ ħidma ġie issostitwit bil-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (ara l-Artikoli 68 u 94(2) tar-Regolament 2016/679).

( 10 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 11 ) Disponibbli fuq https://ec.europa.eu/justice/article-29/documentation/opinion-recommendation/files/2014/wp225_fr.pdf.

( 12 ) Ara l-punt 20 tal-Linji Gwida.

( 13 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C-131/12, EU:C:2014:317).

( 14 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 60 u l-punt 2 tad-dispożittiv).

( 15 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 53).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 54).

( 17 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 18 ) B’mod iktar preċiż, Google Spain SL u Google Inc.

( 19 ) L-Aġenzija Spanjola għall-Protezzjoni tad-Data fil-kawża Google Spain u Google u ċ-CNIL f’din il-kawża.

( 20 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 21 ) Bħal dik ta’ dak li inizjalment ipoġġiha online. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża C‑136/17, G.C. et (Tneħħija ta’ referenza ta’ data sensittiva) mogħtija fl-istess ġurnata ta’ dawn il-konklużjonijiet, punt 67.

( 22 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 23 ) Din id-dispożizzjoni tikkonferma prinċipju ġenerali tad-dritt internazzjonali pubbliku li l-organizzazzjonijiet internazzjonali ma għandhomx territorju proprju iżda huma komposti mit-territorji tal-Istati Membri tagħhom. Ara, Kokott, J., “Artikel 52 EUV”, fi Streinz, R. (editur), EUV/AEUV, Beck, It-Tieni Edizzjoni, Munich, 2012, punt 1.

( 24 ) Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN (C‑111/05, EU:C:2007:195, punt 54), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 299 KE, li sar l-Artikolu 355 TFUE, li “[f]in-nuqqas, fit-Trattat, ta’ definizzjoni aktar preċiża tat-territorju li jaqa’ taħt is-sovranità ta’ kull Stat Membru, huwa kull wieħed mill-Istati Membri li jrid jistabbilixxi l-estensjoni u l-limiti ta’ dan it-territorju, b’mod konformi mar-regoli tad-dritt internazzjonali pubbliku”.

( 25 ) Dwar l-Artikolu 355 TFUE, ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża The Gibraltar Betting and Gaming Association (C‑591/15, EU:C:2017:32, punti 54 et seq.).

( 26 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2017, Intel vs Il-Kummissjoni (C‑413/14 P, EU:C:2017:632, punt 43).

( 27 ) F’dak il-każ u f’dik l-epoka, l-Artikolu 5(3)(b) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(2)(b) u (d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).

( 28 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, L’Oréal et (C-324/09, EU:C:2011:474, punt 63).

( 29 ) Ara il-Qorti EDB, 7 ta’ Lulju 1989, Soering vs Ir-Renju Unit, CE:ECHR:1989:0707JUD001403888; Qorti EDB, 11 ta’ Lulju 2000, Jabari vs It-Turkija, CE:ECHR:2000:0711JUD004003598; Qorti EDB, 15 ta’ Marzu 2001, Ismaili vs Il-Ġermanja, Nru 58128/00, u Qorti EDB, 4 ta’ Settembru 2014, Trabelsi vs Il-Belġju, CE:ECHR:2014:0904JUD000014010.

( 30 ) Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2013, Åkerberg Fransson (C‑617/10, EU:C:2013:105, punt 19).

( 31 ) Ara, għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 4 tal-Karta, is-sentenza tal-5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C-404/15 u C-659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 8586 u referenzi espressi għall-Artikolu 3 u għall-Artikolu 15(2) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali).

( 32 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 33 ) Ara, ukoll, il-konklużjonijiet fil-kawża Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2013:424, punt 121), li fihom l-Avukat Ġenerali Jääskinen ikkunsidra li d-dritt fundamentali għall-informazzjoni jistħoqqlu protezzjoni speċjali mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari fid-dawl tat-tendenza dejjem tikber ta’ reġimi awtoritarji f’postijiet oħra li jillimitaw l-aċċess għall-internet jew li jiċċensuraw materjal li jista’ jinkiseb minn fuqu.

( 34 ) Pereżempju google.fr, google.lu, google.za jew google.com.

( 35 ) Pereżempju Franza, il-Lussemburgu, l-Afrika t’Isfel jew l-Istati Uniti.

( 36 ) Ara r-Regolament (UE) 2018/302 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Frar 2018 dwar l-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u forom oħrajn ta’ diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità, tal-post tar-residenza jew tal-post tal-istabbiliment tal-klijenti fi ħdan is-suq intern u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2006/2004 u (UE) 2017/2394 u d-Direttiva 2009/22/KE (ĠU 2018, L 601, p. 1).

( 37 ) Sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014 (C‑131/12, EU:C:2014:317).

( 38 ) Ara s-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 38).

( 39 ) Fis-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2016, Mc Fadden (C-484/14, EU:C:2016:689, punt 96), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat, fir-rigward tal-ksur tad-dritt għall-proprjetà intellettwali, li l-miżuri li jittieħdu mid-destinatarju ta’ ordni, waqt l-implimentazzjoni tagħha, għandhom ikunu effikaċi biżżejjed sabiex jiżguraw protezzjoni effettiva tad-dritt fundamentali inkwistjoni, jiġifieri għandu jkollhom l-effett li jimpedixxu jew, tal-inqas, li jrendu diffiċli t-twettiq tal-konsultazzjonijiet mhux awtorizzati tal-oġġetti protetti u li jiskoraġġixxu serjament lill-utenti tal-internet li jużaw is-servizzi tad-destinatarju ta’ din l-ordni milli jikkonsultaw dawn l-oġġetti mqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom bi ksur tal-imsemmi dritt fundamentali. Ara wkoll, is-sentenza tas-27 ta’ Marzu 2014, UPC Telekabel Wien (C‑314/12, EU:C:2014:192, punt 62). Tali raġunament huwa trasponibbli għal din il-kawża.

( 40 ) Ara l-premessa 10 tad-Direttiva 95/46.

( 41 ) Li sar l-Artikolu 114 TFUE.

( 42 ) Ara l-Artikolu 26(2) TFUE.

( 43 ) Mill-banda l-oħra, l-invokazzjoni tal-Karta hawnhekk, bħal ma għamlu wħud mill-partijiet, jidhirli li hija diffiċli peress li tapplika biss fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha huwa ddeterminat mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46, u mhux bil-maqlub.

( 44 ) Ara l-Artikolu 288(2) TFUE, kif ukoll b’mod dikjaratorju, ir-Regolament 2016/679 in fine.

( 45 ) Għall-finijiet ta’ ekwità, għandu jiżdied li d-dispożizzjoni tal-Artikolu 16 TFUE ma kinitx teżisti fil-mument tal-adozzjoni tad-Direttiva 95/46, raġuni li għaliha din tal-aħħar hija bbażata fuq l-Artikolu 114 TFUE (f’dak iż-żmien l-Artikolu 110a TKE).

( 46 ) Fil-plural.