KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-20 ta’ Frar 2018 ( 1 )

Kawża C-441/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Polonja

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Ambjent – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 6(1) u (3) – Artikolu 12(1) – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 2009/147/KE Artikoli 4 u 5 – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Emenda għall-pjan ta’ ġestjoni forestali – Sit Natura 2000 Puszcza Białowieska (il-Polonja) – Żoni speċjali ta’ konservazzjoni”

1. 

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:

billi adottat anness għall-pjan ta’ ġestjoni forestali tad-distrett forestali ta’ Białowieża (Il-Polonja) mingħajr ma żgurat ruħha li dan l-anness ma jippreġudikax l-integrità tas-sit ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”) u taż-żona ta’ protezzjoni speċjali, (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS”) PLC200004 Puszcza Białowieska, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva 92/43/KEE ( 2 );

billi naqset milli tistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji li jissodisfaw ir-rekwiżiti ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitats naturali tal-Anness I u tal-ispeċi tal-Anness II tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll tal-għasafar tal-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE ( 3 ) tal-ispeċi migratorji li jirrikorru regolarment li ma humiex inklużi fl-imsemmi anness, li għalihom intgħażlu s-SIK u ż-ŻPS PLC200004 Puszcza Białowieska, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” u taħt l-Artikolu 4(1) u (2), tad-Direttiva “għasafar”;

billi naqset milli tiżgura protezzjoni stretta tal-ħanfus saprossiliku [Cucujus vermillon (Cucujus cinnaberinus), tal-Buprestis splendens, Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis ( 4 )] imsemmija fl-Anness IV tad-Direttiva “habitats”, jiġifieri ma pprojbixxietx il-qtil intenzjonat jew id-disturb tagħhom, id-deterjorazzjoni jew il-qirda tas-siti ta’ riproduzzjoni tagħhom fid-distrett forestali ta’ Białowieża, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva “habitats”, u

billi naqset milli tiżgura l-protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva “għasafar”, b’mod partikolari t-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops leucotos), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum) u l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), jiġifieri ma żguratx li ma jkunx hemm qtil jew disturb ta’ tali speċi matul il-perijodi ta’ tgħammir u ta’ trobbija u li ma jkunx hemm qirda, ħsara jew tneħħija ta’ bejtiet u bajd tagħhom fid-distrett forestali ta’ Białowieża, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha abbażi tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”.

2. 

B’hekk, il-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ser tagħtiha, minn naħa, possibbiltà ġdida sabiex tenfasizza dak li jiddistingwixxi l-pjanijiet li jikkonċernaw sit Natura 2000, li jaqa’ taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”, minn dawk li ma humiex direttament marbuta jew neċessarji mat-tmexxija tas-sit iżda li jistgħu jkollhom effett sinjifikanti fuqu, hekk kif previst mill-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, din ser twassal sabiex jitfakkar il-grad ta’ rigorożità li huwa impost fuq l-Istati Membri waqt il-ħolqien u l-implementazzjoni ta’ dawn il-pjanijiet jew proġetti, minħabba r-rekwiżiti partikolarment stretti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tad-direttivi invokati mill-Kummissjoni, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

3. 

F’dawn il-konklużjonijiet preżenti, ser nesponi ruħi fuq ir-raġunijiet li permezz tagħhom, naħseb li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa ammissibbli u għandu jiġi milqugħ.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.  Id-Direttiva “habitats

4.

L-ewwel, it-tielet, is-sitt, l-għaxar u l-ħmistax-il premessa tad-Direttiva “habitats” jipprovdu kif ġej:

“Billi l-preservazzjoni, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, inkluża l-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, huma għan essenzjali ta’ interess ġenerali mfittex min-naħa tal-Komunità, kif jidher fl-Artikolu 130r tat-Trattat; [li sar l-Artikolu 174 KE, u wara l-Artikolu 191 TFUE];

[…]

Billi, l-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa li tippromwovi l-manteniment ta’ biodiversità, billi tqis il-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali, kulturali u reġjonali, din id-Direttiva tikkontribwixxi għall-għan ġenerali ta’ l-iżvilupp sostenibbli; billi l-manteniment ta’ dik il-biodiversità f’ċerti każijiet teħtieġ li jsiru, jew saħansitra jiġu mħajra, l-attivitajiet umani;

[…]

Billi, sabiex ikun żgurat li l-habitat naturali u l-ispeċi li huma ta’ interess Komunitarju jkunu restawrati jew miżmuma sew f’livell favorevoli ta’ konservazzjoni, jeħtieġ li jiġu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni sabiex jinħoloq network Ekoloġiku Ewropew koerenti skond skeda speċifikata;

[…]

Billi jrid jiġi evalwat b’mod xieraq kull pjan jew programm li x’aktarx jaffettwa b’mod sinifikanti l-għanjiet ta’ konservazzjoni ta’ sit li ġie nnominat jew se jkun nominat fil-ġejjieni;

[…]

Billi hi meħtieġa sistema ġenerali ta’ protezzjoni għal ċerti speċi ta’ flora u fawna biex tikkumplimenta d-Direttiva 79/409/KEE [ ( 5 )], billi jrid isir provdiment għal miżuri ta’ l-immaniġġjar għal ċerti speċi, jekk l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom hekk jitlob, inkluża l-projbizzjoni ta’ ċerti mezzi ta’ qbid jew qtil, filwaqt li tagħti lok biex ikun hemm il-possibbiltà għal derogi skond ċerti kondizzjonijiet;

[…]”

5.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva jinqara kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

a)

konservazzjoni tfisser għadd ta’ miżuri meħtieġa biex jiġu mantnuti jew ripristinati l-habitat naturali u l-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa fi stat favorevoli kif imfisser f’(e) u (i);

b)

habitat naturali jfissru żoni terrestri jew akwatiċi distinti permezz ta’ fatturi ġeografiċi, abiotiċi u biotiċi, sew jekk huma totalment naturali jew parzjalment naturali;

[…]

d)

tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità tfisser tipi ta’ habitat naturali li qegħdin fil-periklu li jgħibu għal kollox, li jinsabu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2 u li l-Komunità għandha responsabbiltà partikolari għall-konservazzjoni tagħhom minħabba l-proporzjon tal-firxa naturali tagħhom li tinsab fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2; dawn it-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità huma indikati b’asterisk (*) fl-Anness I;

e)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jfisser l-influwenzi kollha li jagħfsu fuq l-habitat naturali u l-ispeċi tipiċi tiegħu li jistgħu jaffettwaw it-tqassim naturali tiegħu fit-tul, l-istruttura u l-funzjonijiet kif ukoll l-għajxien fit-tul ta’ l-ispeċi tipiċi tiegħu fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2.

‘L-istat ta’ konservazzjoni’ ta’ habitat naturali jitqies ‘favorevoli’ meta:

il-medda naturali tiegħu u ż-żoni li jkopri f’dik il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu,

u

l-istruttura speċifika u l-funzjonijiet li huma meħtieġa biex ikun mantenut fit-tul jeżistu u x’aktarx jibqgħu jeżistu fil-ġejjieni prevedibbli,

u

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ l-ispeċi tipiċi hu favorevoli kif imfisser f’(i);

[…]

g)

l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità jfissru dawk l-ispeċi li, fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2, huma:

i)

fil-periklu […]

jew

ii)

vulnerabbli, jiġifieri x’aktarx maħsuba li qed jersqu lejn il-kategorija fil-periklu fil-ġejjieni qrib jekk il-fatturi kawżattivi jibqgħu jaħdmu;

jew

iii)

rari, jiġifieri b’popolazzjonijiet żgħar li bħalissa mhumiex fil-periklu jew vulnerabbli, iżda li jinsabu f’riskju. L-ispeċi jinsabu f’żoni ġeografiċi ristretti jew huma mifruxa bil-ftit fuq medda aktar kbira;

jew

iv)

endemiċi u jeħtieġu attenzjoni partikolari minħabba n-natura speċifika ta’ l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt qawwi ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-habitat naturali tagħhom u/jew l-impatt potenzjali ta’ l-isfruttament tagħhom fuq l-istat ta’ konservazzjoni tagħhom.

Dawk l-ispeċi huma elenkati jew jistgħu jiġu elenkati fl-Anness II u/jew l-Anness IV jew V;

h)

speċi ta’ priorità jfissru dawk l-ispeċi msemmija f’(g)[,] (i) li l-Komunità għandha responsabbiltà għall-konservazzjoni tagħhom minħabba d-daqs tal-firxa naturali tagħhom li tinsab fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2; dawn l-ispeċi ta’ priorità huma indikati permezz ta’ asterisk (*) fl-Anness II;

i)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2:

‘L-istat ta’ konservazzjoni’ jitqies ‘favorevoli’ meta:

l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha,

u

il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli,

u

hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il-popolazzjonijiet tagħha fit-tul;

j)

sit tfisser żona definita ġeografikament li dwarha hemm indikat b’mod ċar sa fejn twassal;

k)

sit ta’ importanza għall-Komunità tfisser sit li, fir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi li jinsab fih, jgħin b’ mod sinifikanti fil-manteniment jew fir-ripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew ta’ speċi fl-Anness II u jista’ wkoll jgħin b’ mod sinifikanti għall-koerenza ta’ Natura 2000 imsemmija fl-Artikolu 3, u/jew jgħin b’mod sinifikanti fil-ħarsien tad-diversità bioloġika fi ħdan ir-reġjun bioġeografiku jew reġjuni bioġeografiċi konċernati.

Għall-ispeċi ta’ l-annimali li jimirħu fuq żoni kbar, is-siti ta’ importanza għall-Komunità għandhom jaqblu mal-postijiet fil-medda naturali ta’ dawk l-ispeċi li joffru l-fatturi fiżiċi jew bioloġiċi essenzjali għall-għijxien u r-riproduzzjoni tagħhom;

l)

żona speċjali ta’ konservazzjoni tfisser sit ta’ importanza għall-Komunità nnominat mill-Istati Membri permezz ta’ att statutorju, amministrattiv u/jew kuntrattwali li bih il-miżuri meħtieġa ta’ konservazzjoni huma applikati għall-manteniment jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u/jew il-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi li għalihom is-sit ġie nominat;

[…]”

6.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi kif ġej:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

7.

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “habitats” jiddisponi:

“1.   Għandu jiġi stabbilit network ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.

In-network Natura 2000 se jkun fiha ż-[ŻPS] klassifikati mill-Istati Membri skond id-Direttiva 79/409 […].”

8.

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi, fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu (2) tiegħu u fil-paragrafi (4) u (5):

“2.   […]

Il-lista tas-siti magħżula bħala [SIK], li tidentifika dawk li jilqgħu fihom waħda jew aktar mit-tipi ta’ habitat naturali ta’ priorità jew l-ispeċi ta’ priorità, għandha tiġi adottata mill-Kummissjoni skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 21.

[…]

4.   Ladarba [SIK] jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.

5.   Hekk kif sit jitniżżel fil-lista msemmija fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 dan ikun suġġett għall-Artikolu 6(2), (3) u (4).”

9.

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.   Għal żoni speċjali ta’ konservazzjoni, l-Istati Membri għandhom jistabilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa li jinkludu, jekk hemm bżonn, pjanijiet ta’ tmexxija xierqa disinjati speċifikament għas-siti jew imdaħħla fil-pjanijiet ta’ żvilupp l-oħra, u miżuri xierqa statutorji, amminstrattivi jew kuntrattwali li jaqblu mal-ħtiġiet ekoloġiċi tat-tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u l-ispeċi fl-Anness II li hemm fis-siti.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament ta’ l-habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi kif ukoll t-tfixkil ta’ l-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skond l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u skond id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

10.

L-Artikolu 7 tad-Direttiva “habitats” jindika:

“L-obbligi li joħorġu mill-Artikolu 6(2), (3) u (4)[,] ta’ din id-Direttiva għandhom jissostitwixxu kull obbligu li joħroġ mill-ewwel sentenza ta’ l-Artikolu 4(4)[,] tad-Direttiva 79/409[…] dwar iż-żoni klassifikati skond l-Artikolu 4(1)[,] jew meqjusa bl-istess mod skond l-Artikolu 4(2) tiegħu, mid-data ta’ l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva jew mid-data tal-klassifikazzjoni jew għarfien minn Stat Membru skond id-Direttiva 79/409[…], meta d-data ta’ l-aħħar tiġi aktar tard.”

11.

Taħt it-titolu “Ħarsien ta’ l-ispeċi”, l-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva jipprevedi fil-paragrafu (1) tiegħu:

“1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

[…]

d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

12.

L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.   Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u 15(a) u (b):

[…]

b)

biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

c)

fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

[…]”

13.

L-Anness I tad-Direttiva “habitats”, intitolat “Tipi ta’ Habitat Naturali ta’ interess għall-Komunita li biex ikunu kkonservati jeħtieġ li jkunu nnominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni”, jipprevedi, taħt il-punt 9, dwar il-“Veġetazzjoni tal-foresti (sotto) naturali magħmula minn speċi endemiċi li joħolqu foresti ta’ siġar twal, b’xi siġar tipiċi li ma tantx jikbru, u li jilħqu l-kriterji li ġejjin: rari jew tal-post, u/jew li jżommu fihom l-ispeċi li huma ta’ interess għall-Komunità”, u, taħt it-titolu 91, dwar il-“Foresti fl-Ewropa moderata”, il-foresti tal-ballut sotto kontinentali (foresti tal-ballut hornbeam Galio-Carpinetum, Kodiċi Natura 2000 9170) bħalma huma l-foresti mistagħdra (Kodiċi Natura 2000 91D0) u foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu [foresti alluvjali Alnus glutinosa u Fraxinus excelsior (Alno-Padion, Alnion incanae, Salicion albae), Kodiċi Natura 2000 91E0], fejn dawn il-foresti tal-aħħar huma partikolarment maħtura bħala tipi ta’ habitats prijoritarji.

14.

L-Annessi II u IV ta’ din id-direttiva huma intitolati, rispettivament “Speċi ta’ annimali u pjanti li huma ta’ interess għall-Komunità li l-konservazzjoni tagħhom titlob li jkunu nominati żoni speċjali ta’ konservazzjoni” u “Annimali u speċi ta’ pjanti ta’ interess għall-Komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-Qrib”. Taħt il-punt (a) ta’ kull wieħed minn dawn iż-żewġt annessi, li jipprevedu t-tnejn l-“annimali”“invertebrati”, tidher lista ta’ speċi ta’ “insetti”, kif ukoll ta’ koleopterani, li fosthom jidhru, b’mod partikolari, il-Buprestis splendens, il-Cucujus vermillon, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis, bil-preċiżazzjoni fl-Anness II, li dan l-eżempju tal-aħħar huwa ta’ prijorità. F’dan l-istess anness, jidhru wkoll ir-Rhysodes sulcatus u l-Boros schneideri ( 6 ).

B.   Id-Direttiva “għasafar”

15.

Il-premessi 6 u 8 tad-Direttiva “għasafar” jinqraw kif ġej:

“(6)

Il-miżuri li għandhom jittieħdu għandhom japplikaw għal fatturi varji li jistgħu jaffetwaw in-numru tal-għasafar, prinċipalment rigward ir-riperkussjonijiet tal-attivitajiet tal-bniedem u partikolarment il-qerda u t-tniġġis tal-ambjent naturali tagħhom, qbid u qtil mill-bniedem u l-kummerċ li jirriżulta minn din il-prattika. Is-strettezza ta’ dawn il-miżuri għandhom ikunu adattati għas-sitwazzjoni partikolari tal-ispeċi varji fil-qafas ta’ politika tal-konservazzjoni.

[…]

(8)

Il-preżervazzjoni, il-manutenzjoni jew ir-restawrazzjoni ta’ diversità u ta’ żoni ta’ habitat suffiċjenti huma essenzjali għall-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar. Ċerti speċi tal-għasafar għandhom ikunu suġġetti għal miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bl-għan li jassiguraw is-sopravvivenza tagħhom u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żoni tad-distribuzzjoni tagħhom. Miżuri simili għandhom jieħdu wkoll in kunsiderazzjoni l-ispeċi li jemigraw u għandhom ikunu koordinati bl-għan li jirriżultaw f’koerenza sħiħa.”

16.

L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva tiddisponi:

“1.   Din id-Direttiva hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat. Din tkopri l-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

2.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-għasafar, il-bajd, il-bejtiet u l-ambjent naturali tagħhom.”

17.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex iżommu jew jadattaw il-popolazzjoni tal-ispeċi kollha msemmija fl-Artikolu 1 fil-livell li jikkorrispondi partikolarment għall-ħtiġiet ekoloġiċi, xjentifiċi u kulturali, filwaqt li tittieħed kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet ekonomiċi u rekreazzjonali.”

18.

L-Artikolu 3 tad-direttiva “għasafar” jipprevedi:

“1.   Fid-dawl tal-ħtiġiet msemmija fl-Artikolu 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jippreżervaw, imantnu jew jistabbilixxu mill-ġdid diversità u żoni ta’ ambjent naturali suffiċjenti għall-ispeċi kollha tal-għasafar msemmija fl-Artikolu 1.

2.   Il-preżervazzjoni, iż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid tal-bijotopi u l-ambjent naturali għandhom jinkludu primarjament il-miżuri li ġejjin:

a)

kreazzjoni ta’ żoni ta’ protezzjoni;

b)

żamma u l-iżvilupp bi qbil mal-bżonnijiet ekoloġiċi tal-ambjent naturali ġewwa u barra ż-żoni ta’ protezzjoni;

c)

l-istabbiliment mill-ġdid tal-bijotopi meqruda;

[…]”

19.

L-Artikolu 4(1), (2) u (4), tad-Direttiva “għasafar” jiddisponi:

“1.   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

a)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala [ŻPS] għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. […]

[…]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

20.

L-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 9, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ġenerali ta’ protezzjoni għall-ispeċi kollha tal-għasafar imsemmija fl-Artikolu 1, li tipprojbixxi partikolarment:

[…]

b)

il-qerda, jew il-ħsara intenzjonata lill-bejtiet u l-bajd tagħhom jew it-tneħħija tal-bejtiet tagħhom;

[…]

d)

it-tfixkil intenzjonat ta’ dawn l-għasafar partikolarment waqt il-perjodu tat-tgħammir u tkabbir, sakemm dan it-tfixkil jista jkun sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ din id-Direttiva;

[…]”

21.

L-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva jiddisponi:

“1.   L-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonjiet tal-Artikoli 5 sa 8, fejn ma hemm ebda soluzzjoni oħra sodisfaċenti għar-raġunijiet li ġejjin:

a)

– fl-interess tas-saħħa u s-siġurtà tal-pubbliku,

[…]

biex ikunu prevenuti l-ħsarat serji tal-uċuħ, tal-bhejjem, tal-foresti, tas-sajd u tal-ilma,

[…]

2.   Id-derogi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jispeċifikaw:

a)

l-ispeċi li huma suġġetti għad-derogi;

[…]

c)

il-kondizzjonjiet tar-riskju u ċ-ċirkostanzi taż-żmien u l-post skont liema derogi bħal dawn jistgħu jingħataw;

d)

l-awtorità li jkollha s-setgħa li tiddikjara li l-kundizzjonijiet meħtieġa jkunu sodisfatti u li tiddeċidi liema mezzi, arranġamenti jew metodi jistgħu jkunu użati, f’liema limiti u minn min;

e)

il-kontrolli li se jkunu magħmula.

3.   Kull sena l-Istati Membri għandhom jibagħtu rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-paragrafi 1 u 2.

4.   Fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha u partikolarment fl-informazzjoni kommunikata skont il-paragrafu 3, il-Kummissjoni għandha dejjem tassigura li l-konsegwenzi tad-derogi previsti fil-paragrafu 1 ma humiex inkompatibbli ma’ din id-Direttiva. Din għandha tieħu passi xierqa għal dan l-iskop.”

22.

Fost l-ispeċi diversi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” jidhru t-tektiek is-siġar dorsoblank (Dendrocops leucotos), it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ (Picoides tridactylus), il-kokka nana (Glaucidium passerinum) u l-kokka ta’ Tengmalm (Aegolius funereus), tal-kuċċardi (Pernis apivorus), taż-żanżarell pitiross (Ficedula parva) u taż-żanżarell tal-kullar (Ficedula albicollis).

II. Il-fatti preċedenti

A.   Il-fatti li wasslu għall-kawża

23.

Permezz tad-Deċiżjoni 2008/25/KE, tat-13 ta’ Novembru 2007, li tadotta, skont id-Direttiva [“habitats”], l-ewwel elenku aġġornat ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Kontinentali ( 7 ), wara xi proposti mill-Istati Membri, il-Kummissjoni approvat l-għażla tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska (il-Polonja), skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva “habitats”, bħala SIK, fejn il-kodiċi kien PLC200004, minħabba l-preżenza ta’ habitats naturali u ta’ habitats ta’ ċerti speċi ta’ annimali ta’ prijorità. Dan is-sit, li nħoloq sabiex jiġu protetti għaxar tipi ta’ habitats natural u 55 speċi ta’ pjanti u annimali, jikkostitwixxi wkoll ŻPS magħżula skont id-Direttiva “għasafar”.

24.

Is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska huwa wieħed mill-foresti naturali l-aħjar ikkonservati tal-Ewropa, li huwa kkaratterizzat minn kwantitajiet kbar ta’ injam mejjet u ta’ siġar antiki, li wħud minnhom għandhom iktar minn mitt sena. It-territorju tiegħu jinkludi habitats naturali li huma ddefiniti bħala “ta’ priorità”, fis-sens tal-Anness I tad-Direttiva “habitats”, bħalma huma foresti mistagħdra (Kodiċi Natura 2000 91D0) u foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu (Kodiċi Natura 2000 91E0), kif ukoll habitats oħra ta’ “importanza għall-Komunità”, b’mod partikolari foresti subkontinentali, tal-ballut u tal-karpin (Kodiċi Natura 2000 9170). Il-Kummissjoni tippreċiża li, skont rapport ta’ Forest Europe, fl-2015, il-foresti mhux iddisturbati mill-bniedem ma jirrappreżentawx iktar minn madwar 3 % tas-superfiċi forestali totali fl-Ewropea, u li, fil-Polonja, dawn jirrappreżentaw 0.63 % tas-superfiċi forestali totali ( 8 ).

25.

Fuq it-territorju tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jeżistu ħafna speċi tal-ħanfus saprossiliku, li jidhru fl-Anness II tad-Direttiva “habitats”, partikolarment, il-Boros schneideri u r-Rhysodes sulcatus, jew ukoll dawk imniżżla wkoll fl-Anness IV(a) ta’ din id-direttiva, bħala speċi li jeħtieġu protezzjoni stretta, tal-Phryganophilus ruficollis bħala ma huma l-Cucujus vermillon, il-Bupreste splendide, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis. Huma wkoll ippreżentati l-ispeċi tal-għasafar previsti, minn naħa, fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, li l-habitat tagħhom huwa kkostitwit mill-prinjoli moribondi u mejtin, inklużi dawk okkupati mill-ħanfus tal-prinjol (Ips typographus), bħalma huma, partikolarment, il-kuċċardi, iż-żanżarell pitiross, iż-żanżarell tal-kullar, it-tektieka s-siġar dorsoblank, it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, il-kokka nana, il-kokka ta’ Tengmalm u, min-naħa l-oħra, fl-Anness II, parti B ta’ din id-direttiva, bħalma huma l-ħamiem tal-barr (Columba oenas), speċi migratorja li taqa’ taħt l-Artikolu 4(2) tal-imsemmija direttiva.

26.

B’teħid inkunsiderazzjoni tal-valur naturali tagħha, il-Puszcza Białowieska (iktar ’il quddiem il-“foresta ta’ Białowieża”) hija inkluża wkoll fil-Lista tal-Patrimonju Dinji tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (Unesco).

27.

Is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, li huwa mifrux fuq 63 471.58 ettaru, jaqa’ taħt l-awtorità ta’ żewġ entitajiet differenti, jiġifieri, minn naħa, l-Białowieski Park Narodowy (id-Direttur tal-Park Nazzjonali ta’ Białowieża), li jamministra territorju li jirrappreżenta 17 % tas-superfiċi tas-sit, jiġifieri madwar 10500 ettaru. L-awtorità l-oħra, il-Lasy Państwowe (l-Uffiċċju tal-Foresti, il-Polonja) ( 9 ), jamministra, fuq 52 646.88 ettaru, it-tliet distretti forestali ta’ Białowieża (12 586.48 ettaru), ta’ Browsk (20 419.78 ettaru) u ta’ Hajnówka (19 640.62 ettaru) ( 10 ). Id-distrett forestali ta’ Białowieża jirrappreżenta madwar 20 % tas-superfiċi totali tal-imsemmi sit, jiġifieri superfiċi ekwivalenti għal dik tal-park nazzjonali, li tikkorrispondi għal madwar 24 % tas-superfiċi tat-tliet distretti forestali flimkien.

28.

Fis-17 ta’ Mejju 2012, il-Minister Środowiska (il-Ministru għall-Ambjent, il-Polonja) ħareġ rakkomandazzjoni għall-esklużjoni mill-miżuri ta’ ġestjoni tal-ħażniet li għandhom iktar minn mitt sena. Skont ir-Repubblika tal-Polonja, din ir-rakkomandazzjoni kienet tipprevjeni, fil-prattika, l-eżekuzzjoni ta’ attivitajiet ta’ konservazzjoni effikaċji f’dawn il-ħażniet, li jikkonsistu fit-tneħħija fi żmien qasir tal-prinjoli okkupati mill-ħanfus tal-prinjol barra miż-żona taħt riskju f’volum suffiċjenti tat-tip li l-possibbiltajiet għal reazzjoni mgħaġġla sabiex iż-żieda fil-firxa tal-ħanfus tal-prinjol tiġi ostakolata.

29.

Fid-9 ta’ Ottubru 2012, il-Ministru għall-Ambjent approva, fuq talba tar-Regionalna Dyrekcja Lasów Państwowych w Białymstoku (id-Direttorat Reġjonali tal-Uffiċċju tal-Foresti ta’ Białystok, il-Polonja), u b’risposta għall-investigazzjoni qabel il-ksur EU Pilot ( 11 ) mibdija mill-Kummissjoni fix-xahar ta’ Ġunju 2011, il-Plan Urządzenia Lasu (il-Pjan ta’ Ġestjoni Forestali) flimkien ma xi previżjonijiet fir-rigward tal-impatt fuq l-ambjent (iktar ’il quddiem, il-“PGF tal-2012”).

30.

Dan il-pjan kien fih, għad-distrett forestali ta’ Bialowieża, deskrizzjoni tal-foresti u tal-artijiet intiżi għat-tisġir ta’ superfiċi totali ta’ 12 592.71 ettaru, analiżi tal-ekonomija forestali, programm ta’ protezzjoni tan-natura u definizzjoni tal-missjonijiet li jikkonċernaw:

il-volum tal-prodotti forestali (mill-qtugħ preċedenti għat-twaqqigħ tas-siġra u mill-qtugħ għat-twaqqigħ) sa livell ta’ 63471 m3 ta’ injam isserrat net;

is-superfiċi prevista ta’ tisġir u ta’ tisġir mill-ġdid (jiġifieri 12.77 ettaru);

is-superfiċi prevista għall-manteniment forestali (jiġifieri 2 904.99 ettaru);

il-protezzjoni tal-foresti, fosthom xi miżuri ta’ protezzjoni kontra n-nirien;

l-ekonomija tal-kaċċa, u

il-bżonnijiet fir-rigward tal-infrastrutturi tekniċi.

31.

Dan il-pjan, li jnaqqas il-volum ta’ estrazzjoni ta’ foresti awtorizzat għat-tliet distrett forestali għal madwar 470.000 m3 f’għaxar snin, f’proporzjoni importanti fil-konfront tal-1 500000 m3 ta’ foresti estratti bejn is-snin 2003 u 2012, b’hekk iffissa l-limitu ta’ 63471 m3 għad-distrett forestali ta’ Białowieża ( 12 ).

32.

Madankollu, huwa stabbilit li, minħabba l-estrazzjoni kbira tal-foresti bejn is-snin 2012 u 2015, il-volum massimu awtorizzat fil-PGF ta’ 2012 għall-perijodu ta’ għaxar snin intlaħaq fid-distrett forestali ta’ Białowieża fi kważi tliet snin. Fl-istess waqt l-uffiċċju tal-foresti ddikjara firxa tal-ħanfus tal-prinjol f’dan il-perijodu.

33.

Fis-6 ta’ Novembru 2015, ir-Regionalny Dyrektor Ochrony Środowiska w Białymstoku (id-Direttorat Reġjonali tal-Protezzjoni tal-Ambjent ta’ Białystok, il-Polonja) adotta l-Plan Zadań Ochronnych (il-Pjan ta’ Ġestjoni) ( 13 ) (iktar ’il quddiem il-“PZO tal-2015”) ( 14 ), li jiffissa l-għanijiet ta’ konservazzjoni u jistabbilixxi l-miżuri ta’ konservazzjoni li jirrigwardaw lis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska għat-territorju tat-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, konformement mal-għanijiet elenkati fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”. Dan il-PZO tal-2015 huwa att ta’ dritt lokali u għandu jiġi kkunsidrat, skont il-Kummissjoni bħala pjan “neċessarju għall-ġestjoni tas-sit” fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

34.

Fl-Anness 3 tal-PZO tal-2015, l-awtoritajiet Pollakki ppreċiżaw, skont il-habitats naturali u l-habitats tal-ispeċi tal-annimali u tal-għasafar previsti fl-Anness I tad-Direttiva “habitats” kif ukoll tal-habitats tal-ispeċi tal-annimali previsti fl-Anness II ta’ din id-direttiva u tal-għasafar previsti fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, il-prattiċi ta’ ġestjoni forestali li jikkostitwixxu perikolu potenzjali għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Abbażi ta’ dan, ġie stabbilit, b’mod partikolari, il-qtugħ tas-siġar fil-ħażniet li għandhom iktar minn mitt sena ta’ żewġ tipi ta’ habitats (tal-ballut u tal-karpin u foresti alluvjali), it-tneħħija ta’ siġar mejta jew morda, jew affettwati (siġar żnuber jew tal-prinjol okkupati mill-ħanfus tal-prinjol) ta’ iktar minn mitt sena, kif ukoll il-qtugħ tal-foresti, ir-rijabilitazzjoni tal-foresti u tal-foresti mħallta mill-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali.

35.

L-Anness 5 tal-PZO tal-2015 jistabbilixxi kif ġej il-miżuri ta’ konservazzjoni intiżi sabiex jipprevjenu l-perikoli potenzjali identifikati fl-Anness 3 tal-PZO għall-habitats u l-ispeċi protetti fit-tliet distretti forestali:

esklużjoni tal-attivitajiet tal-ġestjoni forestali (bħala ma huma l-qtugħ, riforestazzjoni, manutenzjoni) fil-ħażniet tas-siġar kollha tal-habitats 91D0 (foresti mistagħdra) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu);

esklużjoni tal-attivitajiet tal-ġestjoni forestali fil-ħażniet ta’ speċi komposta minn mill-inqas 10 % ta’ speċi ċentenarji fl-habitat 9170 (tal-ballut u tal-karpin subkontinentali), fil-habitats tal-kuċċardi, tat-tektieka s-siġar dorsoblank, tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, taż-żanżarell pitiross u taż-żanżarell tal-kullar, tal-Bupreste splendide u tal-Cucujus vermillon, tal-Boros schneideri u tal-ħanfusa Osmoderma eremita;

esklużjoni ta’ attivitajiet ta’ ġestjoni forestali fil-ħażniet ta’ speċi komposta minn mill-inqas 10 % ta’ speċi ċentenarji (ħażniet ta’ prinjoli, ta’ żnuber, jew li jgħaqqdu flimkien prinjoli u żnuber) għall-habitats tal-kokka nana u tal-kokka ta’ Tengmalm;

għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-habitats tal-Pytho kolwensis, tal-Phryganophilus ruficollis u tar-Rhysodes sulcatus, konservazzjoni tas-siġar mejta fil-ħażniet forestali esplojtati, b’mod partikolari mill-manteniment tal-prinjoli mejta ta’ iktar minn 100 sena sal-mineralizzazzjoni kompleta, ħlief fil-każ ta’ perikolu għas-sigurtà pubblika.

36.

Fil-25 ta’ Marzu 2016, il-Ministru għall-Ambjent approva, fuq talba tad-Direttorat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti, anness għall-PGF tal-2012 (iktar ’il quddiem, l-“Anness tal-2016”) stabbilit mid-Direttorat Reġjonali tal-Uffiċċju tal-Foresti ta’ Białystok, li jemenda l-partijiet tal-PGF tal-2012 li jirrigwardaw, fl-ewwel lok, is-superfiċi totali tal-foresti u tal-artijiet intiżi sabiex jiġu msaġġra, skont l-istat tagħhom fil-1 ta’ Jannar 2016, li togħla (wara emenda), sa 12 585.30 ettaru, fit-tieni lok, il-volum tal-esplojtazzjoni tal-prodotti forestali prinċipali (li jirriżultaw mill-qtugħ preċedenti għat-twaqqigħ u mill-qtugħ għat-twaqqigħ), li jogħlew (wara emenda) sa 188000 m3 ta’ injam isserrat net u, fit-tielet lok, għas-superfiċi prevista ta’ afforestazzjoni u ta’ afforestazzjoni mill-ġdid, li togħla (wara emenda) għal 28.63 ettaru.

37.

L-approvazzjoni tal-Anness tal-2016 hija ġġustifikata mill-“preżenza ta’ dannu serju fi ħdan il-ħażniet forestali, wara l-firxa kostanti tal-ħanfus [tal-prinjol] fil-prinjoli, li twassal (waqt il-kors tal-perijodu tal-implementazzjoni tal-PGF [tal-2012]) għall-ħtieġa li jiżdied l-użu tal-injam (prodotti okkażjonali) bil-għan li jinżammu l-foresti fi stat sanitarju adattat, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tal-ekosistema forestali, sabiex tiġi interotta d-deterjorazzjoni u sabiex jinbeda proċess ta’ rijabilitazzjoni tal-habitats naturali, inklużi l-habitats ta’ interess għall-Komunità”.

38.

Huwa indikat f’dan l-anness li hija “tiffoka fuq it-tneħħija tal-prinjoli okkupati, fid-dawl li tiġi llimitata l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol (il-ħtieġa li jitwettaq żbir sanitarju)”.

39.

Huwa ppreċiżat ukoll li ser issir “it-tneħħija tas-siġar sabiex tiġi żgurata s-sigurtà tal-persuni preżenti fil-foresta ta’ Białowieża, peress li l-kumulu ta’ siġar moribondi jikkostitwixxi perikolu pubbliku”, fuq “il-passaġġi turistiċi kif ukoll fiż-żoni ta’ mistrieħ u ta’ rikreazzjoni fil-foresta”.

40.

Fl-aħħar, huwa rrilevat fl-imsemmi anness li “n-nixfa waqt dawn l-aħħar snin żiedet it-tnaqqis tas-siġar u tal-ħażniet tal-prinjoli, li wasslet b’hekk għal żieda fir-riskju ta’ nirien fil-foresta ta’ Bialowieża”.

41.

L-Anness ta’ 2016 jippermetti b’hekk li jiżdied bi kważi tliet darbiet l-isfruttar tal-foresta fid-distrett forestali ta’ Białowieża, b’żieda minn 63471 m3 sa 188000 m3 għall-perijodu ta’ bejn is-sena 2012 u s-sena 2021, u li jitwettqu attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attivi, bħalma huma l-iżbir sanitarju, l-afforestazzjoni mill-ġdid, u l-qtugħ ta’ rijabilitazzjoni, fiż-żoni fejn kull intervent kien sa dak iż-żmien eskluż.

42.

Bħal fil-każ tal-adozzjoni tal-PGF tal-2012, l-opinjoni pożittiva tad-direttur reġjonali tal-protezzjoni tal-ambjent ta’ Białystok intlaqgħat. Barra minn hekk, huwa stabbilit li, għall-għanijiet tal-adozzjoni tal-anness tal-2016, id-Direttorat Reġjonali tal-Uffiċċju tal-Foresti ta’ Białystok ipproċeda, fl-2015, għal evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent tal-miżuri previsti, fejn irriżulta li dawn ma kellhom “l-ebda impatt negattiv sinifikanti fuq l-ambjent u l-anqas, b’mod partikolari, fuq l-għanijiet ta’ konservazzjoni u tal-integrità tas-sit Natura 2000”.

43.

Permezz ta’ dokument tad-data tal-25 ta’ Marzu 2016 ukoll, il-Ministru għall-Ambjent u d-direttur ġenerali tal-uffiċċju tal-foresti, bil-għan li jiġu riżolti xi differenzi f’opinjoni fuq il-metodu ta’ ġestjoni tal-foresta ta’ Bialowieża “billi bbażaw ruħhom fuq għarfien xjentifiku”, fasslu programm ta’ rimedju, intitolat “programm li jirrigwarda l-foresta ta’ Bialowieża bħala wirt kulturali u naturali tal-U[nesco] u bħala sit li jaqa’ taħt in-netwerk Natura 2000”. Dan il-programm kien intiż sabiex “jiddokumenta b’rigorożità il-perspettivi differenti, kif ukoll sabiex jiddetermina r-responsabbiltà tal-persuni kkonċernati, fir-rigward tal-deċiżjonijiet meħuda”. Ġie deċiż għal dan il-għan sabiex:

“jitwettqu u jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-opinjoni pubblika” id-dokumenti xjentifiċi u legali relattivi għall-foresta ta’ Bialowieża;

l-implementazzjoni ta’ programm ta’ studju u ta’ monitoraġġ, li fih identifikazzjoni u deskrizzjoni ta’ biċċiet ta’ art li kienu s-suġġett ta’ ħażna mill-bniedem u ta’ miżuri ta’ ġestjoni forestali, b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti habitats u speċi protetti. Fi ħdan kull ħażna forestali ser ikun, minn naħa, ikkalkolat in-numru u l-volum ta’ siġar mejta, u min-naħa l-oħra, imkejjel il-kontenut ta’ karbonju organiku tal-firxa forestali kif ukoll tal-profil tal-art, u

li tiġi stabbilita dokumentazzjoni fotografika.

44.

Ġie previst ukoll f’dan il-programm, sabiex tintemm il-kontroversja xjentifika fuq l-opportunità ta’ intervent mill-bniedem u tal-qtugħ tas-siġar, li jitwettaq esperiment fuq tul ta’ żmien twil, li jikkonsisti fir-riżerva ta’ terz tas-superfiċi tad-distretti forestali li fih jiġu evalwati l-effetti tan-nuqqas tal-implementazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni forestali bil-għan li jitqabblu ma’ dawn tal-“attivitajiet ta’ qtugħ u ta’ sfruttar tas-siġar (fost oħrajn)” previsti mill-2016 li seħħew fil-parti l-oħra. Analiżi tal-impatti ekonomiċi hija prevista wkoll.

45.

Fil-31 ta’ Marzu 2016, id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti adotta, konformement mal-missjoni tiegħu u “b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti marbuta mad-diversifikazzjoni tar-riskji ta’ tibdil sinifikanti fil-habitats naturali u tat-tmiem tal-eżistenza tal-bijodiversità, minħabba waħda mill-ikbar firxiet tal-ħanfus tal-prinjol fl-istorja, fit-territorju tal-foresta ta’ Białowieża”, id-Deċiżjoni Nru 52 li permezz tagħha ġew stabbiliti xi “żoni funzjonali ta’ referenza” fuq it-territorju tad-distretti forestali ta’ Białowieża u ta’ Browsk. Huma jirrappreżentaw madwar 33 % tas-superfiċi tad-distrett forestali ta’ Białowieża, jiġifieri 4 137.28 ettaru, u huma ġestiti skont il-miżuri ddefiniti fil-PGF tal-2012. Din id-Deċiżjoni Nru 52 tipprevedi, li fi ħdan dawn iż-żoni ta’ referenza, mill-1 ta’ April 2016, u b’teħid inkunsiderazzjoni tal-pjani ta’ ġestjoni forestali fis-seħħ f’dawn id-distretti, tiġi mwettqa “ġestjoni forestali intiża sabiex jimmassimizzaw l-effetti tal-formazzjoni tal-bijodiversità, (fil-prattika) esklussivament wara xi proċessi naturali”. Huwa ppreċiżat fl-imsemmija deċiżjoni li din l-attività ta’ ġestjoni ser tkun limitata:

“1)

għall-qtugħ tas-siġar li huma ta’ perikolu għas-sigurtà pubblika kif ukoll fil-każ ta’ nirien, marbuta mal-abbandun tas-siġar maqtugħa fil-post;

2)

sabiex jitħallew iż-żoni msemmija iktar ’il fuq sabiex jirrabilitaw lilhom infushom naturalment, fis-sens tar-regoli dwar il-foresterija;

3)

sabiex jinżammu ir-riżorsi forestali fi stat li jillimita għall-massimu l-penetrazzjoni tal-foresti mill-bniedem, sabiex tiġi ostakolata bidla fil-proċessi naturali msemmija iktar il fuq, bla ħsara għall-aċċess għall-foresta prevista fil-punt 4);

4)

għat-twettiq tal-funzjonijiet mhux prodottivi tal-foresta, bħall-art li titqiegħed għad-dispożizzjoni sabiex jitwettqu studji xjentifiċi u azzjonijiet simili;

5)

għall-ħolqien ta’ linja ta’ protezzjoni, twila daqs il-limiti ta’ dawn iż-żoni, billi jiġi installati nases bil-feromoni, jiġifieri soluzzjonijiet intiżi sabiex jostakolaw il-firxa minn (u lejn) dawn iż-żoni ta’ organiżmi ta’ ħsara sa grad li jipperikola s-sopravivenza tal-foresti”.

Id-Deċiżjoni Nru 52 tipprovdi li ż-żoni b’hekk previsti ma jinkludux madankollu lir-riżervi naturali.

46.

Taħt it-taqsima 2 ta’ din id-deċiżjoni, huwa previst li, fil-foresti li jaqgħu taħt id-distretti forestali ta’ Białowieża u ta’ Browsk li jinsabu barra miż-żoni ta’ referenza, l-attività ta’ ġestjoni bbażata fuq il-pjanijiet ta’ ġestjoni forestali titwettaq skont il-prinċipji ta’ ġestjoni forestali sostenibbli. Huwa ppreċiżat li, “madankollu, din il-ġestjoni titwettaq b’mod li tiġi żgurata, fil-fatt, il-protezzjoni tan-natura, billi jiġu applikati metodi ta’ ġestjoni forestali”.

47.

Skont il-kliem tat-taqsima 3 tal-imsemmija deċiżjoni, “l-attivitajiet fil-ġurisdizzjoni territorjali tad-distretti forestali ta’ Białowieża u ta’ Browsk jirrigwardaw l-inventarju ta’ riżorsi naturali, il-monitoraġġ tal-bijodiversità, l-istat tal-habitats naturali u l-bilanċ tal-karbonju fl-ekosistemi forestali kif ukoll il-ġabra ta’ kull dokument fattwali, li huma rregolati minn digriet distint tad-direttur ġenerali tal-uffiċċju tal-foresti, dwar l-inventarju naturali tal-artijiet kollha ġesiti mill-imsemmi uffiċċju”. Id-direttur reġjonali tal-uffiċċju tal-foresti ta’ Białystok, skont il-paragrafu 2 ta’ din it-taqsima, jippreżenta kull sentejn rapport (mill-31 ta’ Jannar 2017), li jirrigwarda l-monitoraġġ tal-attivitajiet u l-istat ta’ konservazzjoni tal-bijodiversità fi ħdan il-foresta ta’ Białowieża.

48.

Abbażi tat-Taqsima 4(b) tad-Deċiżjoni Nru 52, huwa possibbli li ssir deroga mill-esklużjoni ta’ dawn is-superfiċi mill-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva fil-każ ta’ “twettiq ta’ xogħlijiet, meta l-obbligu sabiex jitwettaq l-imsemmi xogħol jirriżulta mid-dispożizzjonijiet legali ta’ evalwazzjoni ġenerali, inkluż il-PZO li jirrigwarda s-sit Natura 2000”.

49.

Fis-17 ta’ Frar 2017 ( 15 ), id-direttur ġenerali tal-uffiċċju tal-foresti adotta, għat-tliet distretti forestali, id-Deċiżjoni Nru 51 “dwar il-qtugħ tas-siġar okkupati mill-ħanfus tal-prinjol u għall-ġabra tas-siġar li jikkostitwixxu perikolu għas-sigurtà pubblika li huma riskju għan-nirien, fil-klassijiet kollha tal-etajiet tal-ħażniet forestali fid-distretti forestali ta’ Białowieża, [ta’] Browsk u [ta’] Hajnówka” ( 16 ).

50.

L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprovdi li, “[f]id-dawl tas-sitwazzjoni straordinarja u katastrofika kkawżata mill-firxa tal-ħanfus tal-prinjol fuq is-sit ta’ Puszcza Białowieska, id-direttur tad-direttorat reġjonali tal-uffiċċju tal-foresti ta’ Białystok, u l-ispetturi forestali tad-distretti forestali [ta’] Białowieża, [ta’] Browsk u ta’ Hajnówka huma marbuta:

1.

sabiex jipproċedu mingħajr dewmien, fil-foresti ġestiti mill-uffiċċju tal-foresti, għall-qtugħ tas-siġar li jipperikolaw lis-sigurtà pubblika, primarjament tul it-toroq ta’ aċċess u l-passaġġi turistiċi, billi jiżguraw b’mod essenzjali u prijoritarju r-rispett għas-sigurtà pubblika;

2.

li jipproċedu għat-tneħħija kontinwa tas-siġar niexfa, kif ukoll xi fdalijiet wara ħażna, skont id-dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti, inkluż permezz tat-trasport, jew ta’ qtugħ u trasport;

3.

li jipproċedu għall-qtugħ kontinwu u fi żmien qasir tas-siġar okkupati mill-ħanfus tal-prinjol, f’kull klassi ta’ età ta’ ħażniet forestali, kif ukoll il-ġabra tal-injam u t-trasport tiegħu fi żmien qasir (jew għat-tneħħija tal-qoxra tiegħu u l-ħażna);

4.

li jipproċedu – billi jużaw ir-riżultati tal-inventarju naturali tal-foresti ta’ Puszcza Białowieska imwettqa mill-uffiċċju tal-foresti fl-2016 – għall-implementazzjoni u l-aġġornar kostanti tal-istrateġiji ta’ restawr tal-ħażniet forestali wara l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol fil-massa forestali ta’ Puszcza Białowieska, billi jirrikorru għal metodi differenti ta’ rijabilitazzjoni (reġenerazzjoni naturali, afforestazzjoni permezz taż-żrigħ jew it-tħawwil) u ta’ protezzjoni, fid-dawl tar-rikostituzzjoni u r-restawr tal-gruppi ta’ pjanti, u b’mod partikolari l-protezzjoni tal-habitats naturali prezzjużi li jaqgħu taħt il-protezzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, u, fil-każ tal-bżonn ta’ rijabilitazzjoni artifiċjali, li jużaw siġar u arbuxxelli li joriġinaw minn Puszcza Białowieska;

5.

li jipproċedu sabiex isegwu l-effetti previsti fil-punt 4, billi jwettqu b’mod regolari l-inventarju tal-istat tal-foresti u tal-evalwazzjoni tal-bijodiversità, inkluż billi jirrikorru għal netwerk ta’ superfiċi ta’ inventarju naturali fuq skala kbira;

6.

li jintegraw l-injam miġbur wara l-qtugħ previst fil-punti 1 sa 3, fit-twettiq tal-proġett Leśne Gospodarstwa Węglowe (irziezet forestali tal-karbonju), previsti fis-sentenza Nru 2 tad-direttur ġenerali tas-17 ta’ Jannar 2017 [proġett intiż sabiex jiżdied il-livell ta’ assorbiment tas-CO2 u ta’ gassijiet serra oħra permezz tal-foresti]. L-injam niexef mhux okkupat [mill-ħanfus tal-prinjol] (injam mejjet sterili) jista’ jinħażen f’xi installazzjonijiet tranżitorji stabbiliti fuq spazji li saru vojta u fl-artijiet miftuħa. L-injam okkupat jeħtieġ li titneħħielu l-qoxra u li jinħażen f’konformità mar-regoli previsti mill-istruzzjoni fuq il-protezzjoni tal-foresti. Iż-żoni ta’ ħażna tal-injam huma protetti kontra n-nirien;

7.

li jorganizzaw sistema ta’ bejgħ tal-injam migbur permezz tal-qtugħ previst fil-punti 1 sa 3 sabiex jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tal-abitanti tal-komuni li jinsabu fiż-żona territorjali tal-Puszcza Białowieska”.

51.

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li “hemm deroga, għall-qtugħ previst fl-Artikolu 1, mir-restrizzjonijiet marbuta mal-età tas-siġar u fil-konfront tal-ħażniet forestali għall-foresti mqegħda taħt il-ġestjoni tal-uffiċċju tal-foresti proprjetà pubblika fiż-żona ta’ Puszcza Białowieska”.

52.

Huwa kostanti li, wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 51, seħħet it-tneħħija ta’ siġar niexfa u ta’ siġar okkupati mill-ħanfus tal-prinjol fit-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, f’“żona ta’ restawr forestali” ta’ madwar 34000 ettaru, li tirrappreżenta kważi 54 % tas-superfiċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

53.

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, li bbażat ruħha fuq id-data maħruġa mill-uffiċċju tal-foresti, il-qtugħ fil-foresta ta’ Białowieża, imwettaq wara l-bidu tas-sena 2017, irrappreżenta total ta’ iktar minn 35000 m3 ta’ injam, fosthom 29000 m3 ta’ prinjol (jiġifieri madwar 29000 siġra). Skont l-informazzjoni pprovduta minn xi organizzazzjonijiet mhux governattivi, li użaw id-data tal-uffiċċju tal-foresti, il-qtugħ tal-ħażniet ta’ iktar minn 100 sena li twettqu sax-xahar ta’ Mejju 2017 kien ipproduċa 2 385.13 m3 ta’ injam fid-distrett forestali ta’ Białowieża, 1874 m3 f’dak ta’ Browsk u 6540 m3 f’dak ta’ Hajnówka.

B.   Il-proċedura prekontenzjuża

54.

Wara li ġiet informata bl-approvazzjoni tal-Anness tal-2016, il-Kummissjoni bagħtet lill-awtoritajiet Pollakki, fis-7 ta’ April 2016, permezz tas-sistema ta’ komunikazzjoni elettronika qabel il-ksur EU Pilot ( 17 ), talba għal xi kjarifikazzjonijiet fuq serje ta’ domandi dwar l-impatt taż-żieda fl-estrazzjoni tal-injam fil-qasam forestali ta’ Białowieża fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċi ta’ fawna selvaġġa ta’ interess għall-Komunità fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

55.

Fir-risposta tagħhom tat-18 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Pollakki ġġustifikaw iż-żieda fil-volum ta’ injam estratt permezz ta’ firxa li qatt ma kien hemm bħala ta’ ħanfus tal-prinjol.

56.

Fid-9 u fl-10 ta’ Ġunju 2016, is-servizzi tal-Kummissjoni żaru l-foresta ta’ Białowieża sabiex jinvestigaw fuq xi għaxar setturi differenti tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

57.

Fis-17 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni indirizzat lill-awtoritajiet Pollakki, skont l-Artikolu 258 TFUE, b’ittra ta’ intimazzjoni, minħabba l-fatt li l-miżuri approvati fl-Anness tal-2016 ma kinux iġġustifikati, li dawn l-awtoritajiet naqsu milli jiżguraw li dawn il-miżuri ma kinux jippreġudikaw l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, u li, billi awtorizzaw żieda fl-estrazzjoni tal-injam, huma naqsu milli jwettqu l-obbligi li huma għandhom taħt id-Direttivi “habitats” u “għasafar”.

58.

B’ittra tas-27 ta’ Ġunju 2016, indirizzata lill-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Ambjent, il-Ministru Pollakk għall-Ambjent għarraf li l-elementi ta’ informazzjoni addizzjonali li jikkonċernaw il-habitats u l-ispeċi preżenti fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska kienu neċessarji, u li l-inventarju tagħhom kien qed jiġi mfassal.

59.

L-awtoritajiet Pollakki rrispondew għall-ittra ta’ intimazzjoni fit-18 ta’ Lulju 2016, billi ċaħdu kompletament l-ilmenti tal-Kummissjoni.

60.

Bejn ix-xahar ta’ Frar u x-xahar ta’ Marzu 2017, skambju ta’ korrispondenza seħħ bejn il-Ministru Pollakk għall-Ambjent u l-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Ambjent. Il-Ministru għall-Ambjent indika li l-ewwel riżultati tal-inventarju kienu magħrufa diġà u li kien iddeċieda, fuq din il-bażi, li jibda l-qtugħ previst fl-Anness tal-2016.

61.

B’ittra tat-28 ta’ April 2017, il-Kummissjoni indirizzat lir-Repubblika tal-Polonja b’opinjoni mmotivata, fejn akkużatha li naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 6(1) u (3) u l-Artikolu 12(1)(a) u (b) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1) u (2) u l-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”. Il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jikkonformaw ruħhom ma’ din l-opinjoni motivata f’terminu ta’ xahar li beda jiddekorri mir-riċeviment tagħha. Hija ġġustifikat lil dan it-terminu, partikolarment, permezz tal-informazzjoni li tipprovdi li l-qtugħ tas-siġar kien beda u minħabba r-riskju dirett li s-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska kien ser jissubixxi, minħabba dan, dannu gravi u irreparabbli.

62.

Fis-26 ta’ Mejju 2017, ir-Repubblika tal-Polonja rrispondiet għall-opinjoni motivata, billi allegat li n-nuqqasijiet akkużati ma kinux fondati.

63.

Billi ma kinitx issodisfatta b’din it-tweġiba, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

C.   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

64.

Permezz ta’ att separat, ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat talba għal miżuri provviżorji skont l-Artikolu 279 TFUE u l-Artikolu 160(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intiża sabiex ir-Repubblika tal-Polonja tiġi ordnata, fl-istennija tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu, minn naħa, twaqqaf, ħlief fil-każ ta’ perikolu għas-sigurtà pubblika, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attivi fil-habitats 91D0 (foresta mistagħdra) u 91E0 (foresti alluvjali b’siġar taż-żafżafa, tal-luq, tal-alnu u tal-fraxxnu), u, fil-ħażniet forestali ta’ iktar minn mitt sena tal-habitat 9170 (tal-ballut u tal-karpin subkontinentali), kif ukoll fil-habitats tat-tektieka s-siġar dorsoblank, tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm, tal-kuċċardi, taż-żanżarell pitiross, taż-żanżarell tal-kullar u tal-ħamiem tal-barr, u fl-habitats tal-ħanfus saprossiliku, jiġifieri l-Cucujus vermillon, tal-Boros schneideri, tal-Phryganophilus ruficollis, tal-Pytho kolwensis, tar-Rhysodes sulcatus kif ukoll tal-Bupreste splendide u, min-naħa l-oħra, ittemm it-tneħħija tal-prinjoli li għandhom iktar minn mitt sena mejta u l-qtugħ tas-siġar fil-kuntest taż-żieda fil-volum tal-injam li jista’ jiġi sfruttat fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, liema attivitajiet jaqgħu taħt l-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51.

65.

Il-Kummissjoni talbet ukoll, abbażi tal-Artikolu 160(7) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għoti tal-miżuri provviżorji msemmija iktar ’il fu q anki qabel ma l-konvenuta tkun tista’ tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward tar-riskju ta’ dannu gravi u irreparabbli għall-habitats u l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

66.

B’Digriet tas-27 ta’ Lulju 2017 ( 18 ), il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ provviżorjament lil din it-talba tal-aħħar sal-għoti tad-digriet li kien ser itemm il-proċedura għal miżuri provviżorji.

67.

Fit-13 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni kkompletat it-talba tagħha għal miżuri provviżorji billi talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tordna wkoll lir-Repubblika tal-Polonja sabiex tħallas penalità fil-każ fejn hija ma tikkonformax mal-ordnijiet mogħtija fil-kuntest tal-proċedura.

68.

Fit-28 ta’ Settembru 2017, ir-Repubblika tal-Polonja talbet sabiex din il-kawża tiġi assenjata lill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’applikazzjoni tal-Artikolu 161(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja għadda l-kawża quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li, fid-dawl tal-importanza tagħha, assenjatha, konformement mal-Artikolu 60(1) tal-imsemmija regoli, lill-Awla Manja.

69.

Permezz ta’ Digriet tal-20 ta’ Novembru 2017 ( 19 ), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet it-talba tal-Kummissjoni, sal-għoti tas-sentenza li ser ittemm lill-kawża preżenti, billi awtorizzat, b’mod eċċezzjonali, lir-Repubblika tal-Polonja sabiex timplementa lill-attivitajiet previsti fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51, meta dawn ikunu strettament neċessarji u sa fejn dawn ikunu proporzjonati, sabiex tiġi żgurata b’mod dirett u immedjat, is-sigurtà pubblika tal-persuni, u dan bil-kundizzjoni li miżuri oħra inqas radikali ma jkunux possibbli minħabba raġunijiet oġġettivi. Il-Qorti tal-Ġustizzja ordnat ukoll lill-Polonja, sabiex tikkomunika lill-Kummissjoni, sa mhux iktar tard minn ħmistax-il ġurnata min-notifika ta’ dan id-digriet, il-miżuri kollha li hija tkun adottat sabiex tosservah bis-sħiħ, billi tippreċiża, b’mod immotivat, l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiva li hija setgħat tipprevedi li ser twettaq minħabba l-bżonn tagħhom sabiex tiżgura s-sigurtà pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat id-deċiżjoni tagħha li tikkonċerna lit-talba supplimentari tal-Kummissjoni intiża sabiex jiġi ordnat il-ħlas ta’ penalità ( 20 ).

70.

Barra minn hekk, permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni talbet li l-kawża preżenti tiġi ttrattata bħala prijorità, konformement mal-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja. B’deċiżjoni tad-9 ta’ Awwissu 2017, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ lil din it-talba. Madankollu, permezz tad-Digriet tal-11 ta’ Ottubru 2017 ( 21 ), il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċieda jissottometti ex officio lill-kawża preżenti għal proċedura mħaffa prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 133 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

III. L-argumenti tal-partijiet

A.   Fuq l-ammissibbiltà

71.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li t-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi mressqa mill-Kummissjoni huma inammissibbli, sa fejn jirrigwardaw l-attivitajiet ta’ implementazzjoni fuq it-territorji tad-distretti forestali ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, previsti fid-Deċiżjoni Nru 51. Effettivament, minn naħa, dawn il-motivi jwessgħu b’mod mhux ġustifikat il-portata tal-ilmenti ddefiniti fl-opinjoni motivata, peress li dawn tal-aħħar jirreferu biss għall-konsegwenzi tal-adozzjoni tal-Anness tal-2016 dwar id-distrett forestali ta’ Białowieża. B’hekk, is-suġġett tal-kawża jitwessa’ rationae loci, iżda wkoll rationae materiae peress li l-attivitajiet previsti fid-Deċiżjoni Nru 51 kienu differenti minn dawk iddefiniti fl-Anness tal-2016. Min-naħa l-oħra, il-kliem ta’ dawn il-motivi ma huwiex ċar, b’mod partikolari fuq il-punt sabiex isir magħruf jekk il-motivi humiex marbuta mal-adozzjoni tal-Anness tal-2016 biss jew jekk jirrigwardawx ukoll lill-attivitajiet previsti mid-Deċiżjoni Nru 51.

72.

Insostenn tal-ammissibbiltà tal-motivi kollha tagħha, il-Kummissjoni esponiet, waqt is-seduta, li minn ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-suġġett tal-kawża jista’ jiġi estiż bejn il-fażi prekontenzjuża u l-fażi kontenzjuża, meta l-fatti akkużati jkunu tal-istess natura u jikkostitwixxu l-istess aġir. Mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li l-fatti li hija akkużata bihom ir-Repubblika tal-Polonja fl-opinjoni motivata jikkonċernaw biss id-distrett forestali ta’ Białowieża peress li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Pollakki, f’din id-data, ma kkonċernawx ħlief dan id-distrett. Madankollu, il-Kummissjoni tenfasizza li l-istess miżuri ġew adottati wkoll mir-Repubblika tal-Polonja għaż-żewġ distretti forestali l-oħra li huma parti mis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Peress li dawn huma fatti identiċi, li jikkostitwixxu l-istess aġir, hija tqis li jkun iġġustifikat li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jirrigwarda lit-territorju kollu li huwa kopert mill-miżuri kkontestati fil-jum li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ġiet adita. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li jekk ma tiġix ammessa l-ammissibbiltà tar-rikors tagħha, minħabba l-fatt li l-opinjoni motivata ma pprevedietx xi fatti li kienu sussegwenti għaliha, dan ikun irendi l-eżerċizzju tad-dritt tagħha għal azzjoni diffiċli ħafna, jekk mhux impossibbli. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-estenzjoni ġeografika mwettqa bejn l-opinjoni motivata u r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kienet biss il-konsegwenza tal-għażla tal-awtoritajiet Pollakki infushom li jieħdu deċiżjonijiet tal-istess natura, waqt il-proċedura prekontenzjuża, u li jorganizzaw ir-reklamar tagħha b’dewmien, fatt li jeskludi li din l-estensjoni tista’ tinżamm bħala motiv ta’ inammissibbiltà tar-rikors tagħha.

B.   Fuq il-mertu

1. Il-Kummissjoni

73.

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, billi approvat l-Anness tal-2016 u billi implementat l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali b’hekk previsti, mingħajr ma żgurat li dawn ma kinux jippreġudikaw l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

74.

Skont il-Kummissjoni, l-Anness tal-2016, sa fejn jemenda lill-PGF tal-2012, jikkostitwixxi pjan jew proġett mhux direttament marbut jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, iżda li jista’ jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikanti minħabba l-ittriplar tal-metri kubi ta’ injam li jista’ jiġi sfruttat fid-distrett forestali ta’ Białowieża li huwa jipprevedi. B’differenza mill-PZO, il-PGF ma humiex, effettivament, pjanijiet ta’ ġestjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”, peress li ma jiffissawx l-għanijiet u l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għas-siti Natura 2000. Il-PGF għandhom prinċipalment bħala għan li jirregolaw il-prattiċi ta’ ġestjoni forestali, billi jiffissaw b’mod partikolari l-volum massimu ta’ injam li jista’ jiġi estratt u billi jistabbilixxu xi miżuri ta’ protezzjoni tal-foresti. Għaldaqstant, kien neċessarju, qabel ma jiġu adottati jew emendati, li sseħħ evalwazzjoni adattata tal-impatti tagħhom fuq is-sit Natura 2000 ikkonċernat, fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit, konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, li kien barra minn hekk il-każ fil-kawża preżenti, peress li r-Repubblika tal-Polonja wettqet fil-2015 tali evalwazzjoni tal-impatti tal-proġett tal-Anness tal-2016 fuq il-konservazzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

75.

Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet Pollakki naqsu milli jiżguraw li l-Anness tal-2016 ma kienx ser jippreġudika lill-integrità ta’ dan is-sit Natura 2000, li jimplika li ż-żamma sostenibbli tal-karatteristiċi kostituttivi tiegħu, marbuta mal-preżenza ta’ habitat naturali fejn l-għan ta’ preżervazzjoni ġġustifika l-għażla ta’ dan is-sit bħala SIK u ŻPS. F’dan il-każ, il-karatteristiċi tal-integrità tal-imsemmi sit Natura 2000 ikunu dawk li ġejjin: il-proċessi naturali li jseħħu fih (riġenerazzjoni naturali tas-siġar, selezzjoni naturali tal-ispeċi, suċċessjoni ekoloġika naturali) id-diversità tal-kompożizzjoni fl-ispeċi u l-istruttura tal-età tal-ħażniet forestali tagħha, li jgħoddu fosthom proporzjoni importanti ta’ siġar fi fażi ottimali jew terminali, l-abbundanza ta’ injam mejjet u l-preżenza ta’ speċi tipiċi tal-foresti naturali mhux iddisturbati mill-bniedem u li jgħixu fl-habitats naturali msemmija iktar ’il fuq.

76.

Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li l-awtoritajiet Pollakki ma setgħux jeskludu l-eżistenza ta’ dubji xjentifiċi li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ effetti dannużi fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska billi bbażaw ruħhom fuq l-evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent ippreparata fl-2015 fid-dawl li jiġi stabbilit l-Anness tal-2016, minħabba l-fatt li din l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq dik imfassla fil-2012, fid-dawl tal-adozzjoni tal-PGF fl-2012, u kienet ikkonċentrata fuq il-ħażniet okkupati mill-ħanfus tal-prinjol. Hija ssostni wkoll li l-istabbiliment sussegwenti ta’ superfiċi ta’ referenza u ta’ xogħol ta’ inventarju lanqas ma setgħu jagħtu ċ-ċertezzi neċessarji għall-awtorizzazzjoni tax-xogħol ta’ ġestjoni forestali.

77.

Il-Kummissjoni tirrileva, b’mod iktar partikolari, li l-miżuri ta’ tneħħija tas-siġar mejta u moribondi, tal-ġestjoni forestali taħt il-forma ta’ żbir sanitarju, il-qtugħ ta’ siġar fil-każ ta’ ħażniet ta’ iktar minn mitt sena tal-ballut u tal-karpin subkontinentali u fil-foresti alluvjali, u t-tneħħija ta’ prinjoli li għandhom iktar minn mitt sena, moribondi jew mejta okkupati mill-ħanfus tal-prinjol, previsti fl-Anness tal-2016, jikkostitwixxu “perikol[i] potenzjal[i]” għall-habitats naturali u għall-habitats tal-ispeċi inkwistjoni, identifikati fil-PZO tal-2015. Bil-kontra, l-azzjoni tal-ħanfus tal-prinjol ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “perikolu potenzjali” peress li tkun, bil-kontra, it-tneħħija tal-prinjoli okkupati mill-ħanfus tal-prinjol li hija espliċitament ikkunsidrata, fl-Anness 3 tal-PZO tal-2015, bħala perikolu għall-habitats tat-tliet tipi ta’ għasafar protetti.

78.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tenfasizza li, fl-istat attwali tal-konoxxenzi xjentifiċi, il-fażijiet ta’ tixrid tal-ħanfus tal-prinjol ikunu parti miċ-ċikli naturali regolarment osservati f’dawn it-tipi ta’ foresti. Barra minn hekk, dawn ma kinux is-suġġett tal-ebda sorveljanza fil-park nazzjonali ta’ Białowieża, fejn l-istat ta’ konservazzjoni tal-habitats huwa aħjar minn dak tad-distretti forestali ġestiti mill-uffiċċju tal-foresti li fihom twettaq żbir sanitarju. Xi studji xjentifiċi jattestaw ukoll l-istat ta’ konservazzjoni aħjar tal-habitats tal-foresta ta’ Białowieża li huma esklużi minn kull intervent mill-bniedem. Barra minn hekk, ix-xjentisti jemmnu li t-tneħħija tas-siġar mejta jew moribondi tiżbilanċja l-istruttura tal-età tal-ħażniet forestali, tnaqqas id-diversità tal-ispeċi u tal-habitats protetti, u ġġiegħel li jisparixxu sorsi ta’ ikel importanti għal diversi speċi ta’ annimali protetti. It-tneħħija tal-injam mejjet fil-kuntest tal-iżbir sanitarju tkun għaldaqstant inkompatibbli mal-għanijiet ta’ konservazzjoni taż-żoni protetti, peress li ż-żamma ta’ injam mejjet fil-foresta hija neċessarja sabiex tinżamm il-bijodiversità.

79.

Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, mir-risposta tal-awtoritajiet Pollakki għad-domanda EU Pilot jirriżulta li l-miżuri approvati fl-Anness tal-2016 ser ikunu implementati fuq superfiċi ta’ 5100 ettaru, li jirrappreżenta 58 % tad-distrett forestali ta’ Białowieża u 8 % tas-superfiċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li, fir-risposta tagħhom għall-opinjoni motivata, l-awtoritajiet Pollakki indikaw li, wara t-teħid inkunsiderazzjoni tas-superfiċi ta’ referenza, iż-żona ta’ applikazzjoni tal-Anness tal-2016 ser jestendi fuq 3401 ettaru, jiġifieri 5.4 % tas-superfiċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Il-Kummissjoni tenfasizza li l-miżuri b’hekk implementati jkollhom fir-realtà impatt ħafna iktar importanti peress li l-awtoritajiet Pollakki kienu huma stess irrikonoxxew li l-attivitajiet intiżi sabiex jostakolaw il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol kienu estiżi fuq superfiċi totali ta’ 34000 ettaru, filwaqt li s-superfiċi ta’ referenza li fuqhom dawn il-miżuri ma ġewx implementati jkopru 17000 ettaru. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-impatti ta’ dawn il-miżuri fuq il-protezzjoni tal-ambjent ma jistgħux jiġu ppreżentati bħala li huma negliġibbli, sa fejn, billi ffissaw, fil-PGF tal-2012, volum ta’ injam li jista’ jiġi sfruttat ta’ 63471 m3 sal-2021, l-awtoritajiet kompetenti kienu sabu, mingħajr ma evalwaw l-impatti fuq l-ambjent, livell ekwilibrat ta’ sfruttar fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tal-imsemmi sit Natura 2000.

80.

Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-awtoritajiet Pollakki, fl-ebda mument tal-proċess deċiżjonali, ma ħadu inkunsiderazzjoni tar-riżervi u tal-opinjonijiet maħruġa mill-organi xjentifiċi. F’dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent tal-2015 kienet ibbażata, minn naħa, fuq metodu żbaljat, peress li ma għamlitx referenza għal għanijiet speċifiċi tal-konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi tal-annimali li kienu s-suġġett tal-PZO tal-2015, u min-naħa l-oħra, fuq evalwazzjoni tal-2012, u kkonċentrat fuq il-ħażniet okkupati mill-ħanfus tal-prinjol. Din l-evalwazzjoni lanqas ma ddefinixxiet xi tfisser l-integrità tas-sit Natura 2000 inkwistjoni u lanqas ma indikat kif l-attivitajiet previsti setgħu jippreġudikawhom. Kien jeżisti r-riskju li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali previsti jiġu eżegwiti mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni suffiċjentement ir-rekwiżiti u l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dawn il-habitats u dawn l-ispeċi. Barra minn hekk, l-Anness tal-2016 ma kienx ġie adottat fuq il-bażi ta’ informazzjoni aġġornata, peress li, sabiex isiru jafu aħjar il-postijiet tal-firxa ta’ dawn l-ispeċi, l-awtoritajiet Pollakki kienu pproċedew fl-2016, għal inventarju tas-sit fejn ir-riżultati kienu għadhom mhux definittivi fil-mument li fih inħarġet l-opinjoni motivata.

81.

Insostenn ta’ dan l-argument tal-aħħar, il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, huwa fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni li awtorizzat it-twettiq tal-proġett li ma għandux jeżisti l-ebda dubju xjentifiku raġonevoli li jikkonċerna n-nuqqas ta’ effetti dannużi għall-integrità tas-sit ikkonċernat ( 22 ). Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Polonja kienet kisret l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, jekk biss għas-sempliċi raġuni li l-Ministru għall-Ambjent, billi approva l-Anness tal-2016, ma setgħax ikun ċert li l-attivitajiet previsti f’dan l-anness ma kellhomx effetti dannużi fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Minn dan jirriżulta wkoll li l-ebda miżura ma setgħat tirrimedja l-ksur ta’ din id-dispożizzjoni, lanqas fil-każ tal-istabbiliment sussegwenti ta’ nuqqas ta’ effetti dannużi, peress li l-kundizzjonijiet tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni pożittiva ma ġewx sodisfatti meta l-anness ġie approvat.

82.

Konsegwentement, il-Kummissjoni ssostni li l-istabbiliment ta’ “superfiċi ta’ referenza”, fuq 33 % tat-territorju ta’ dan is-sit Natura 2000, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala miżura li timminimizza l-effetti dannużi tal-implementazzjoni tal-Anness tal-2016. Minn naħa, dawn is-superfiċi ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent mwettqa fl-2015. Min-naħa l-oħra, l-istabbiliment tal-imsemmija superfiċi ma ppermettiex li jiġu evitati jew li jitnaqqsu l-effetti dannużi kkawżati mill-implementazzjoni ta’ dan l-anness. Effettivament, huma kienu limitati sabiex jippreżervaw is-sitwazzjoni preċedenti f’parti mid-distrett forestali ta’ Białowieża, iżda ma llimitawx l-effetti dannużi li rriżultaw mill-attivitajiet previsti fl-Anness tal-2016 fuq il-bqija tat-territorju ta’ dan id-distrett li l-estent tiegħu kien ikbar. Is-“superfiċi ta’ referenza” intgħażlu, barra minn hekk, b’mod arbitrarju. Fir-realtà, l-għażla ta’ tali superfiċi ma jkollha l-ebda impatt fuq il-volum massimu totali tal-estrazzjoni ta’ injam stabbilit fl-anness, peress li d-determinazzjoni ta’ dawn iż-żoni twassal għal intensifikazzjoni fil-qtugħ fil-bqija tat-territorju tad-distrett forestali ta’ Białowieża.

83.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni rrilevat li kien possibbli li ssir deroga mill-esklużjoni ta’ dawn is-superfiċi, peress li d-Deċiżjoni Nru 52 ippermettiet, fil-paragrafu (4)(b) tagħha, sabiex jitwarrbu l-limitazzjonijiet ammessi f’dawn is-superfiċi ta’ referenza, u li d-Deċiżjoni Nru 51 ordnat il-qtugħ u t-tneħħija tas-siġar niexfa kif ukoll tas-siġar ta’ kull klassi ta’ età okkupati mill-ħanfus tal-prinjol mingħajr teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn is-superfiċi.

84.

Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” u tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”, billi implementat l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attivi previsti fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51.

85.

Hija ssostni li, konformement mal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”, għall-ispeċi ta’ għasafar tal-Anness I ta’ din id-direttiva li tat lok għall-għażla ta’ ŻPS u għall-ispeċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-anness, l-Istati Membri jkunu marbuta sabiex jadottaw miżuri ta’ konservazzjoni speċjali li jikkonċernaw il-habitat naturali tagħhom, sabiex jiżguraw is-sopravivenza tagħhom u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom. Iż-żamma fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, tikkonċerna, konformement mal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “għasafar”, b’mod partikolari, l-ispeċi li ġejjin: il-kuċċardi, it-tektiek is-siġar dorsoblank, it-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, il-kokka nana, il-kokka ta’ Tengmalm, iż-żanżarell pitiross u ż-żanżarell tal-kullar. Il-ħamiem tal-barr jingħaqdu mal-ispeċi migratorji previsti fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva.

86.

Il-Kummissjoni tenfasizza li l-għan tad-Direttivi “għasafar” u “habitats” huwa li jippermetti ż-żamma u l-istabbiliment mill-ġdid fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats ta’ dan l-ispeċi u mhux sempliċiment li jevita l-estinzjoni. L-argument li jipprovdi li l-intensifikazzjoni fil-qtugħ tas-siġar huwa konformi mad-dispożizzjonijiet relattivi għall-konservazzjoni tal-għasafar, peress li n-numru minimu ta’ koppji jinżammu fuq is-sit inkwistjoni jkun għaldaqstant nieqes minn mertu.

87.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li, l-inklużjoni sempliċi tal-miżuri ta’ konservazzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska fil-PZO tal-2015, mingħajr il-possibbiltà reali li jiġu applikati, ma tkunx suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li ġie ssodisfat l-obbligu li jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, previsti fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”. Dan l-“istabbiliment” jimplika effettivament, li dawn il-miżuri jistgħu jiġu applikati effettivament u jgawdu b’hekk minn effett utli. Din l-interpretazzjoni hija valida wkoll għall-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”.

88.

Issa, l-eżekuzzjoni tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali attiv, bħall-qtugħ tas-siġar, l-iżbir sanitarju u l-afforestazzjoni, fil-habitats fejn l-istat ta’ konservazzjoni jeskludi formalment lil tali attivitajiet, billi jqabbilhom ma’ perikoli, imorru kontra l-miżuri ta’ konservazzjoni li jirrakkomandaw, b’mod partikolari l-“esklużjoni mill-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali l-ħażniet kollha ta’ speċi komposta minn mill-inqas 10 % ta’ eżempji ta’ 100 sena u iktar”, ta’ “konservazzjoni ta’ siġar mejta” kif ukoll iż-“żamma tal-prinjoli ta’ iktar minn mitt sena mejta sal-mineralizzazzjoni kompleta tagħhom”. F’dan ir-rigward, il-post fejn dawn l-attivitajiet huma ppjanati, jikkoinċidi mas-siti tal-ħażniet forestali li għandhom iktar minn mitt sena u l-habitats tal-ħanfus saprossiliku, essenzjalment il-Cucujus vermillon u l-Boros schneideri. Barra minn hekk, il-multiplikazzjoni bi tliet darbiet tal-isfruttar tal-foresti minn issa sal-2021 u t-tneħħija tas-siġar li din timplika tkun kuntrarja għall-miżuri ta’ konservazzjoni u tostakolahom milli jipproduċu l-effett utli tagħhom. Dawn l-attivitajiet, minħabba n-natura tagħhom, jikkostitwixxu perikolu għall-habitats naturali u għall-habitats tal-għasafar u tal-ħanfus saprossiliku, hekk kif elenkati fl-Anness 3 tal-PZO tal-2015.

89.

Għaldaqstant, l-imsemmija attivitajiet mhux biss isaħħu lil dawn il-perikoli, iżda barra minn hekk jikkomplikaw iktar l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti fil-PZO tal-2015. Huma jistgħu wkoll ikollhom impatt dannuż fuq l-istat ġenerali tal-konservazzjoni ta’ ċerti speċi tal-ħanfus saprossiliku, speċifikament il-Phryganophilus ruficollis u l-Bupreste splendide, fil-Polonja u fl-Ewropa, filwaqt li s-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jikkostitwixxi wieħed mill-aħħar jew wieħed mill-iktar żoni ta’ distribuzzjoni importanti fl-Unjoni.

90.

Permezz tat-tielet motiv, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 12(1)(a) u d, tad-Direttiva “habitats”, billi implementat l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali previsti fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51 peress li dawn ma ppermettewx li jiġu evitati d-deterjorazzjoni jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew iż-żoni ta’ mistrieħ tal-ħanfus saprossiliku li jidhru fl-Anness IV(a), ta’ din id-direttiva, jiġifieri l-Cucujus vermillon, il-Bupreste splendide, il-Phryganophilus ruficollis u l-Pytho kolwensis, u jikkostitwixxu, konsegwentement, perikolu serju għas-sopravivenza tagħhom.

91.

L-Artikolu 12 tad-Direttiva “habitats” timponi fuq l-Istati Membri kemm l-adozzjoni ta’ qafas leġiżlattiv komplet u kemm l-implementazzjoni ta’ miżuri konkreti sabiex ma jitħalliex ikompli t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-ispeċi li jidhru f’dan l-anness. Sistema ta’ protezzjoni stretta tippreżupponi l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva, ta’ natura li tippermetti li jiġu evitati effettivament id-deterjorazzjoni u l-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ ta’ dawn l-ispeċi ( 23 ).

92.

Il-Kummissjoni ssostni li l-ispeċi kollha tal-ħanfus saprossiliku koperti minn din il-protezzjoni stretta jkollhom bżonn, fil-kors taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, siġar moribondi jew mejta, li għadhom bil-wieqfa jew mal-art. Diversi studji xjentifiċi jikkonfermaw li l-prinjoli mejta jifformaw il-habitat maġġuri tal-Cucujus vermillon u huma element primordjali taċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu. Sentejn jew tlieta wara l-mewt tal-prinjol jew fil-fażi sussegwenti tad-dekompożizzjoni tagħha, is-siġra tkun okkupata minn speċi oħra tal-ħanfus saprossiliku, fosthom il-Pytho kolwensis u l-Phryganophilus ruficollis. B’hekk, l-intensifikazzjoni fil-qtugħ tal-ħażniet, b’mod partikolari tal-prinjoli, u t-tneħħija tal-injam mejjet u tas-siġar moribondi okkupati mill-ħanfus tal-prinjol iwasslu għall-mewt tal-ispeċi strettament protetti u għall-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni tagħhom u taż-żoni ta’ mistrieħ tagħhom. Dawn l-ispeċi li jgħixu normalment fiz-zkuk u taħt il-qoxra tas-siġar ma tantx huma viżibbli, u għaldaqstant ikun impossibbli li jintgħażlu l-miżuri ta’ rimedju effikaċji, bħal qtugħ selettiv pereżempju. L-unika miżura relevanti, li tista’ tipprevjeni d-deterjorazzjoni tas-siti ta’ riproduzzjoni jew ta’ mistrieħ ta’ dawn l-ispeċi tkun li ma jkunx hemm intervent fil-habitats li fihom nafu li jinsabu.

93.

Il-projbizzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 12 tad-Direttiva “habitats” ikunu assoluti, indipendentement min-numru jew il-preżenza ta’ eżempji ta’ speċi ta’ annimali li għandhom ikunu s-suġġett ta’ miżuri ta’ konservazzjoni stretti. Il-preżenza mifruxa iktar tal-Cucujus vermillon ma tistax għaldaqstant tiġġustifika l-intensifikazzjoni tal-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali li twassal għall-ksur ta’ dawn il-projbizzjonijiet. Barra minn hekk, il-Phryganophilus ruficollis hija speċi eċċezzjonalment rari, li għaliha ma jeżistux iktar minn erba’ habitats magħrufa fil-Polonja, fejn tnejn minnhom huma fid-distrett forestali ta’ Białowieza, sal-punt li t-telf ta’ habitat wieħed biss jista’ jkollu dannu kunsiderevoli fuq iż-żamma tal-istat ta’ konservazzjoni tiegħu fl-Ewropa. Fir-rigward tal-Bupreste splendide, dan huwa preżenti biss fil-Polonja fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Fl-aħħar, dan is-sit ikun l-aħħar u tassew l-iktar habitat importanti tal-Pytho kolwensis fil-Polonja, bil-konoxxenza li, barra minn hekk, ma huwiex preżenti fl-Unjoni ħlief fl-Isvezja u fil-Finlandja.

94.

Permezz tar-raba’ ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 5(b) u (d), tad-Direttiva “għasafar” billi ma stabbilixxietx sistema ġenerali ta’ konservazzjoni ta’ natura sabiex tipprevjeni, speċifikament, il-qerda intenzjonali tal-bejtiet, u t-tfixkil fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska tat-tektiek s-siġar dorsoblank, tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’, tal-kokka nana kif ukoll tal-kokka ta’ Tengmalm, peress li dawn l-ispeċi jidhru fl-Anness I ta’ din id-direttiva.

95.

Il-Kummissjoni ssostni li, bħall-Artikolu 12 tad-Direttiva “habitats”, l-Artikolu 5 tad-Direttiva “għasafar” jimponi fuq l-Istati Membri, mhux biss l-istabbiliment ta’ qafas leġiżlattiv komplet, iżda wkoll it-teħid ta’ miżuri ta’ konservazzjoni konkreti u ddettaljati, fosthom xi miżuri ta’ eżekuzzjoni effikaċi. Din is-sistema tirriżulta mill-obbligu li ma jitħalliex ikompli t-tnaqqis fl-ispeċi tal-għasafar. Issa, ikun evidenti li l-intensifikazzjoni sinjifikanti tat-tneħħija tal-injam f’xi habitats ta’ importanza kbira għar-riproduzzjoni u għall-mistrieħ tal-ispeċi li jgħixu naturalment fi stat selvaġġ fuq is-sit Natura 2000 inkwistjoni jżid ir-riskju tal-qerda tal-bejtiet tagħhom u t-tfixkil intenzjonali, inkluż waqt il-perijodu ta’ riproduzzjoni tagħhom.

96.

Effettivament, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska hija ż-żona l-iktar importanti għall-preżenza tat-tektiek tas-siġar dorsoblank u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’ fil-Polonja. Is-siġar moribondi u mejta, u speċifikament il-prinjoli li għandhom iktar minn mitt sena, ikun l-post tal-ikel u ta’ riproduzzjoni l-iktar importanti ta’ dawn iż-żewġ speċi. It-tneħħija ta’ eluf ta’ siġar okkupati mill-ħanfus tal-prinjol twassal għall-qerda intenzjonali tal-habitats ta’ dawn l-ispeċi ta’ tektieka kif ukoll għal tfixkil fuq skala kbira ta’ dawn l-ispeċi. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Pollakki ma ppreżentawx provi li juru li dawn iż-żewġ speċi ta’ tektieka bbenefikaw mill-intensifikazzjoni fil-qtugħ tas-siġar fil-habitats tagħhom, filwaqt li, bil-kontra, din kienet ta’ natura li taċċellera t-tnaqqis ta’ dawn l-ispeċi. Barra minn hekk, ma teżistix data li tindika jekk, wara t-tmiem tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, il-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi ta’ tektieka tkunx tista’ tilħaq livelli ftit jew wisq sinjifikanti. Ikun hemm bżonn li jgħaddu għexieren ta’ snin, billi jitħawlu prinjoli żgħażagħ, sabiex jerġgħu jaslu għal stat ta’ habitat xieraq għal dawn it-tektieka bħal dawk ikkostitwit mill-ħażniet li għandhom iż-żmien, speċifikament dawk li għandhom iktar minn mitt sena. Fl-aħħar, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-prinjoli jiġġeneraw ruħhom huma stess fiż-żoni attakkati mill-ħanfus tal-prinjol, mingħajr ma jkun neċessarju l-intervent mill-bniedem.

97.

Il-Kummissjoni ssostni wkoll li s-siġar moribondi u mejta jkunu wkoll siti importanti għall-bejta tal-kokka nana u tal-kokka ta’ Tengmalm, li tiddependi mill-preżenza ta’ toqob ifformati mit-tektieka. L-eliminazzjoni fuq skala kbira tal-prinjoli okkupati mill-ħanfus tal-prinjol tkun fattur ta’ qerda maġġuri taż-żoni ta’ riproduzzjoni tagħhom. Issa, is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska huwa wieħed miż-żoni ta’ tqassim l-iktar popolati tal-kokka nana u tal-kokka ta’ Tengmalm. Il-fatt li l-konċentrazzjoni tal-kokka nana hija iktar importanti mill-konċentrazzjoni medja tagħha fil-Polonja ma jiġġustifikax li jseħħu attivitajiet ta’ ġestjoni attivi li jistgħu jfixklu lil dawn l-ispeċi u li jeqirdu l-bejtiet tagħhom.

98.

Mill-informazzjoni miksuba jirriżulta wkoll li t-tneħħija u l-qtugħ tas-siġar seħħew waqt il-perijodu ta’ riproduzzjoni tal-erba’ speċi ta’ tektieka u ta’ kokki inkwistjoni. Issa, l-Anness tal-2016 u d-Deċiżjoni Nru 51 jawtorizzaw it-tneħħija mingħajr limitu ta’ żmien. Il-ksur tal-projbizzjoni li jiġu ddisturbati l-ispeċi waqt il-perijodu ta’ riproduzzjoni ma jistax, għaldaqstant, jiġi eskluż.

2. Ir-Repubblika tal-Polonja

99.

Fuq l-ewwel ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, qabel kollox, li fir-rigward tal-istatut tal-Anness tal-2016, li l-PGF tal-2012, bħal dan l-anness, huwa “pjan ta’ ġestjoni”, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”. Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-PGF huwa għodda teknika tal-implementazzjoni tal-PZO. Peress li l-PZO ma jirreferix għal volum ta’ tneħħija ta’ injam fuq it-territorju tad-distretti forestali differenti, iżda jindika biss il-postijiet għat-twettiq tal-attivitajiet neċessarji għall-bżonnijiet tal-konservazzjoni tal-ispeċi u tal-habitats, l-applikazzjoni tiegħu ma tkunx possibbli fin-nuqqas ta’ PGF. Wara, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza, li l-evalwazzjoni strateġika tal-impatti fuq l-ambjent imwettqa fil-2015, uriet li l-implementazzjoni tal-miżuri ta’ ġestjoni forestali tal-Anness tal-2016 ma kellha l-ebda impatt negattiv fuq l-ispeċi u fuq il-habitats protetti tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, kif ukoll fuq il-koerenza u fuq l-integrità ta’ dan is-sit.

100.

F’dan il-każ, il-ħtieġa li jiżdied il-volum tal-injam sfruttabbli msemmija fil-PGF tal-2012 tirriżulta, b’mod partikolari, mill-impossibbiltà li jitwettqu kompletament il-miżuri ta’ konservazzjoni previsti f’dak iż-żmien fil-proġett ta’ PZO. L-Anness tal-2016 jippermetti b’hekk li jitwettqu l-missjonijiet ta’ konservazzjoni li jikkonsistu fl-illimitar tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-livell ta’ sfruttar tal-injam previst fl-Anness tal-2016, jiġifieri 188000 m3, huwa ħafna inqas mil-livelli mniżżla fil-PGF għall-perijodi 1992-2001 (308000 m3) u 2002-2011 (302000 m3). Il-Kummissjoni ma tippreċiżax minħabba liema raġuni l-isfruttar tal-injam sa livell ħafna iktar għoli kien ammissibbli preċedentement fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit Natura 2000.

101.

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li jipprovdi li n-nuqqas ta’ impatti dannużi tal-Anness tal-2016 fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska ma kienx ġiet evalwat, ir-Repubblika tal-Polonja tindika li, konformement mal-ustawa o udostępnianiu informacji o środowisku i jego ochronie, udziale społeczeństwa w ochronie środowiska oraz o ocenach oddziaływania na środowisko (il-Liġi fuq l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ambjent u l-protezzjoni tiegħu, fuq il-parteċipazzjoni tas-soċjetà fil-protezzjoni tal-ambjent u fuq l-evalwazzjonijiet tal-impatt fuq l-ambjent), tat-3 ta’ Ottubru 2008 ( 24 ), evalwazzjoni strateġika tal-impatti ta’ dan l-anness fuq l-ambjent sar neċessarju peress li d-direttur reġjonali tal-protezzjoni tal-ambjent ta’ Białystok iddeċieda li kien probabbli li l-implementazzjoni tal-imsemmi anness jista’ jkollu impatt potenzjali fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Konsegwentement, l-Anness tal-2016 ma setgħax jiġi awtorizzat ħlief wara li kien ġie żgurat li l-attivitajiet previsti ma kienx ser ikollhom impatt negattiv fuq dan is-sit. B’hekk wara l-evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent, l-ewwel proġett ta’ anness, li rrigwarda l-volum tal-isfruttar tal-injam sa 317894 m3, twarrab minħabba l-opinjoni negattiva tad-direttur reġjonali responsabbli għall-protezzjoni tal-ambjent ta’ Białystok. Finalment, l-isfruttar tal-injam ġie limitat sa 129000 m3 fl-Anness tal-2016, wara evalwazzjoni ġdida li kienet uriet in-nuqqas ta’ impatt negattiv sinjifikanti fuq l-integrità tal-imsemmi sit. Konsegwentement, hekk kif irrikonoxxiet il-Kummissjoni wkoll, seħħet evalwazzjoni. L-Anness tal-2016, kellu wkoll impatt pożittiv sinjifikanti, għall-inqas fuq perijodu medju, fuq serje ta’ elementi previsti fil-PZO tal-2015, peress li l-emenda tal-volum tal-isfruttar kien indispensabbli sabiex jiġu implementati miżuri ta’ konservazzjoni previsti f’dan tal-aħħar. Barra minn hekk, dan l-anness, ma jipprevedix il-qtil intenzjonali, il-qbid jew ukoll it-tfixkil ta’ dawn l-annimali. L-istat attwali ta’ konservazzjoni tas-siti ta’ riproduzzjoni u taż-żoni ta’ mistrieħ huwa ppreżervat, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-PZO tal-2015.

102.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li l-Kummissjoni kienet, fir-realtà, ippreżumiet inġustament li l-miżuri elenkati fl-Anness tal-2016 kien fihom, fihom infushom, riskju ta’ effetti dannużi fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, permezz tal-evalwazzjoni strateġika tal-impatti tal-Anness tal-2016, imwettaq konformement mal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, it-totalità tad-data empirika, kif ukoll id-dokumenti xjentifiċi u storiċi li jirrigwardaw lil dan is-sit Natura 2000 kif ukoll l-aspett l-iktar importanti tal-imsemmi sit Natura 2000. Dan jirrigwarda l-konstatazzjoni li l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska ġie ifformat waqt is-sekli mill-bniedem, permezz tal-effett ta’ sfruttar sostenibbli tal-foresti. B’mod partikolari, l-istat u l-perċentwali tal-kopertura tal-habitats u tal-ispeċi preżenti waqt l-għażla tas-sit PLC200004 Puszcza Białowieska bħala element tan-netwerk Natura 2000 huma r-riżultat tal-isfruttar preċedenti tal-foresta ta’ Białowieża, jiġifieri, it-tneħħija tal-injam fil-ħażniet forestali mħawla fil-passat. Fir-realtà, kien dan it-tnaqqis drastiku, taħt il-pressjoni tal-Kummissjoni, fl-isfruttar tal-injam fi ħdan il-ħażniet forestali li qed jixjieħu fil-PGF tal-2012, li kien wassal għal ħela tal-ħażniet forestali, b’mod partikolari tal-prinjoli. L-interruzzjoni tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-foresta ta’ Białowieża kienet ibbenefikat il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Konsegwentement, il-habitats protetti kienu bdew jissubixxu xi tibdil. Pereżempju, il-foresti tal-ballut u tal-karpin, jiġifieri l-habitat dominanti, kien beda jinbidel f’art mistagħdra u mergħat. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Pollakki kienu fasslu programm ta’ rimedju, sabiex jaffaċċjaw il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, li kellu bħala punt ta’ tluq inventarju globali tal-istat tal-habitats u tal-ispeċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, fejn ir-riżultati kienu għadhom mhux disponibbli fid-data tal-preżentata tar-risposta tar-Repubblika tal-Polonja. F’dan il-kuntest, l-adozzjoni tal-Anness tal-2016 jikkostitwixxi attentat ta’ ritorn lejn il-metodu antik ta’ ġestjoni.

103.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-interruzzjoni tal-miżuri ta’ konservazzjoni li tipperikola l-integrità ta’ dan is-sit Natura 2000 u l-kontinwità tal-habitats li jinsabu fih. Għaldaqstant, il-Kummissjoni wettqet żball billi bbażat ruħha fuq in-natura primarja tal-foresta ta’ Białowieża, u billi affermat li l-ispeċi preżenti f’din il-foresta huma speċi tipiċi ta’ żoni mhux imfixkla mill-bniedem. Pereżempju, speċi bħalma hija l-Euphydryas aurinia, li kienet preżenti fil-passat minħabba r-ragħa tal-bhejjem, ilha ma tkun preżenti minn mindu dan intemm.

104.

L-għażla ta’ ġestjoni forestali attiva titwettaq wkoll fi Stati Membri oħra. B’hekk, fir-Repubblika tal-Awstrija, kien ġie implementat programm dwar il-limitazzjoni tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol fil-parks nazzjonali u fuq l-artijiet ta’ valur naturali għoli, fil-kuntest li fih il-projbizzjoni li jitwettqu xogħlijiet inżammet fiċ-“ċentri ta’ bijodiversità”, billi ġew protetti fl-istess ħin il-foresti ta’ produzzjoni ġirien billi intużaw tekniċi ta’ ġestjoni forestali. Huwa rrakkomandat ġeneralment li l-artijiet li fuqhom il-proċessi naturali huma protetti, bħall-parks nazzjonali, jinqasmu b’mod ċar f’żona libera ta’ intervent u f’żoni periferali, fejn isiru attivitajiet intiżi sabiex tiġi ristretta l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Billi ħolqot lil dawn iż-żoni ta’ referenza, ir-Repubblika tal-Polonja implementat approċċ identiku. Barra minn hekk, skont dan l-Istat Membru, meta tassew ikun hemm effetti negattivi fuq id-daqs tal-popolazzjoni tat-tektieka kkawżati mill-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali, l-impatt tagħhom ikun limitat peress li n-numru ta’ tektieka jkun jista’ jinżamm f’livell relattivament għoli, konformement mal-PZO għas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Barra minn hekk, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, l-installazzjoni ta’ superfiċi ta’ referenza ma tista’ fl-ebda każ tiġi kkunsidrata bħala prova tal-eżistenza ta’ impatti negattivi tal-attivitajiet mwettqa fuq l-ambjent jew bħala attentat ta’ mitigazzjoni tal-effetti ta’ tali impatti.

105.

Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni wkoll li l-attivitajiet previsti fl-Anness tal-2016 huma konformi mal-PZO tal-2015. Effettivament, konformement ma’ dan il-pjan, l-attivitajiet ta’ ġestjoni, bħalma huma l-qtugħ tas-siġar jew il-qtugħ preċedenti għat-tneħħija tas-siġra jkunu esklużi mill-ħażniet ta’ speċi komposta minn mill-inqas 10 % ta’ siġar ta’ 100 sena u iktar. F’dawn il-ħażniet forestali, iseħħ biss xi żbir sanitarji sabiex jiġi eliminat l-injam tal-prinjoli okkupat mill-ħanfus tal-prinjol. L-injam niexef ma jitneħħiex. Barra minn hekk, l-ebda żbir sanitarju ma jista’ jitwettaq fir-riżervi naturali u fl-habitats mistagħdra u umdi. Iż-żoni mhux previsti miż-żbir sanitarju jirrappreżentaw 7123 ettaru, jiġifieri 58 % tas-superfiċi tad-distrett forestali ta’ Białowieża. Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-fatt li l-attivitajiet previsti fl-Anness tal-2016 jirrigwardaw biss fuq 5.4 % (jiġifieri 3401 ettaru) tas-superfiċi tas-sit inkwistjoni ttieħed inkunsiderazzjoni meta saret id-deċiżjoni sabiex jiġu implementati dawn l-attivitajiet. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent imwettqa fl-2015, abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, kienet eskludiet li l-perikolu potenzjali, identifikat fil-PZO tal-2015, marbut mat-tneħħija tas-siġar mejta u moribondi, setgħa jseħħ.

106.

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza, fir-rigward tal-ħanfus saprossiliku, li hija ma kinitx ser twettaq it-tneħħija tas-siġar taż-żnuber mejta li jikkostitwixxu l-habitat tal-Bupreste splendide. Fir-rigward tal-popolazzjonijiet tal-Cucujus vermillon, hija kkonċentrat fuq is-siġar tal-luq u tal-fraxxnu, skont l-istudji mwettqa bejn is-snin 2016 u 2017 fuq kważi 12000 siġra analizzata.

107.

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-inventarju mwettaq mix-xahar ta’ April 2016, jikkostitwixxi l-ewwel proġett ta’ din in-natura, fil-kuntest li fih elementi kostituttivi differenti tal-bijodiversità li ġew evalwati b’mod oġġettiv u statistikament ivverifikat, fuq 1400 żona mqassma fi ħdan netwerk regolari, li jinfirex fuq it-totalità tas-sit tal-foresta ta’ Białowieża. Fir-rigward tal-Boros schneideri, l-ikbar perikolu jkun b’mod partikolari t-tnaqqis tas-siġar taż-żnuber fiż-ŻPS tal-parks. Fir-rigward tal-Pytho kolwensis, tal-Phryganophilus ruficollis u tar-Rhysodes sulcatus, il-perikolu l-iktar gravi jkun l-interruzzjoni tal-provvista kontinwa ta’ injam mejjet ta’ daqs kbir li tkun ikkawżata mit-tneħħija immedjata tal-ħażniet tal-prinjoli li għandhom l-iktar żmien minħabba l-fatt tal-okkupazzjoni tal-ħanfus tal-prinjol.

108.

Barra minn hekk, l-implementazzjoni tal-qtugħ tas-siġar marbut mat-tneħħija ta’ prinjoli mejta jkollha impatt pożittiv fuq il-habitat tal-ħanfusa u tal-Bupreste splendide billi żżid l-aċċess għad-dawl fil-foresta. Fir-rigward tal-ispeċi l-oħra, (il-Cucujus vermillon, il-Boros schneideri u r-Rhysodes sulcatus), il-prinjol ma huwiex il-habitat favorit tagħhom. Illum il-ġurnata, fil-foresta ta’ Białowieża, ngħoddu medja ta’ madwar 64 m3 ta’ injam mejjet għal kull ettaru. B’rigward għad-dehra kontinwa ta’ injam mejjet fl-ambjent, dan l-element jiżgura kompletament is-sigurtà tal-habitats tal-ispeċi ta’ koleopterani inkwistjoni. Ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża li, fil-kors tal-proċess tal-evalwazzjoni strateġika tal-impatti fuq l-ambjent, l-impatt tal-attivitajiet previsti fuq l-elementi kollha protetti fi ħdan tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska kienet ġiet evalwata.

109.

Skont ir-Repubblika tal-Polonja, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll is-superfiċi ta’ referenza, li ma humiex intiżi bl-ebda mod sabiex jikkumpensaw jew inaqqsu l-impatt allegatament negattiv tal-attivitajiet ta’ ġestjoni attivi inkwistjoni. Dawn iż-żoni kienu ġew stabbiliti konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, previst fl-Artikolu 4(3) TUE, għall-finijiet ta’ paragun fil-konfront taż-żoni l-oħra tal-foresta ta’ Białowieża. Barra minn hekk, l-imsemmija żoni ta’ referenza ma ntgħażlux bl-addoċċ. Il-pożizzjoni tagħhom hija marbuta mal-istat tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u fin-nuqqas tal-bżonn li jitwettqu missjonijiet ta’ konservazzjoni li jirriżultaw mill-PZO tal-2015. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ takkuża lill-awtoritajiet Pollakki li ma ssuġġettawx lis-superfiċi ta’ referenza għal evalwazzjoni tal-impatt fuq l-ambjent. Effettivament, jekk tali raġunament jiġi adottat, kritika identika jkollha tiġi indirizzata kontra l-interuzzjoni tal-isfruttar fil-foresta kollha ta’ Białowieża mitluba mill-Kummissjoni.

110.

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tiżbalja meta tikkunsidra li n-nuqqas ta’ azzjoni jkollu impatt pożittiv fuq il-bijodiversità. B’hekk, mir-riżultati tal-inventarju mwettaq mix-xahar ta’ April 2016 jirriżulta li, pereżempju, fiż-żona ta’ protezzjoni stretta tal-park nazzjonali ta’ Białowieża, ġiet ikkonstata l-preżenza ta’ kolonja waħda ta’ Boros schneideri filwaqt li, fit-territorju tad-distretti forestali ta’ Białowieża, tali preżenza ġiet ikkonstatata 70 darba. Sitwazzjoni analoga tista’ sseħħ għal kwalunkwe speċi oħra.

111.

Fir-rigward tat-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar konoxxenzi xjentifiċi disponibbli, ir-Repubblika tal-Polonja tirrileva li, skont interpretazzjoni li wettqet ta’ dan il-kunċett, hija rreferiet għaċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ, billi ħadet inkunsiderazzjoni id-deċiżjonijiet kollha u billi ħadet inkunsiderazzjoni r-restrizzjonijiet proprja għas-sit ikkonċernat. Hija ħadet inkunsiderazzjoni wkoll lid-data li tirriżulta mill-evalwazzjoni strateġika tal-impatti fuq l-ambjent qabel ma implementat il-miżuri ta’ konservazzjoni. Peress li dan huwa proċess dinamiku, il-konoxxenzi jibqgħu jiġu akkwistati.

112.

F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Polonja tippreċiża li l-foresta ta’ Białowieża hija ekosistema li tant hija speċifika u unika, li r-riżultati tal-istudji, li jirrigwardaw l-interdipendenza bejn dawn l-organiżmi differenti mwettqa għal ekosistemi oħra, ma jistgħux jiġu trasposti sempliċiment għas-sitwazzjoni ta’ din il-foresta. Effettivament, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja tammetti li parti miċ-ċrieki xjentifiċi jopponu t-trattament tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol permezz tal-qtugħ tas-siġar okkupati hija tfakkar li jeżistu wkoll serje ta’ studji xjentifiċi li jipprovdu li n-nuqqas ta’ intervent kontra l-ħanfus tal-prinjol, fil-foresta ta’ Białowieża, tirriżulta preċiżament f’probabbiltà qawwija tas-sopravivenza tal-effetti gravi u irreparabbli ta’ dannu għall-habitats naturali u għall-habitats tal-ispeċi tal-annimali li kien għall-konservazzjoni tagħhom li ntgħażel is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. Barra minn hekk, hija tikkwota pubblikazzjoni ( 25 ) li tipprovdi li “jirriżulta b’mod ċar mill-istudji multiannwali li twettqu fiż-żoni ta’ studju permanenti tal-park nazzjonali ta’ Białowieża li l-protezzjoni stretta għandha tikkostitwixxi biss supplement u mhux l-element prinċipali tal-istrateġija ta’ konservazzjoni u taż-żamma ta’ livell għoli ta’ bijodiversità”.

113.

Fir-rigward tat-tieni lment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” u tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Anness tal-2016 huwa konformi mal-PZO tal-2015, li jikkorrispondi għall-eżekuzzjoni tal-obbligu li jiġu stabbiliti l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji, konformement mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”. L-Anness tal-2016 jikkostitwixxi l-implementazzjoni prattika ta’ dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni. Huwa jiżgura ż-żamma jew l-istabbiliment mill-ġdid ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli, fil-habitats naturali jew tal-ispeċi li għalihom intgħażel is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska. In-nuqqas tal-implementazzjoni ta’ dawn il-miżuri jwassal għad-degradazzjoni tal-habitats naturali prezzjużi protetti.

114.

B’hekk, il-miżuri ta’ konservazzjoni elenkati fil-PZO tal-2015 għall-habitat “tal-ballut u tal-karpin subkontinentali” jikkonsistu, speċifikament, fl-adattament tal-kompożizzjoni tal-ħażna forestali b’tali mod li jkun konformi mal-habitat naturali fi ħdan il-ħażniet forestali ddominati mill-luq, mill-betula, miż-żnuber u, iktar rarament, mill-prinjoli. Dawn il-miżuri jikkonsistu wkoll mit-twettiq ta’ indukrar tas-siġar u ta’ konservazzjoni, intiżi sabiex jiġu skoperti u kkurati n-nebbieta u s-siġar iżolati li jappartjenu mal-ispeċi bil-weraq. Dawn il-miżuri kienu ġew trasposti direttament fil-PGF tal-2012. Issa, l-eżekuzzjoni ta’ dawn il-miżuri ta’ konservazzjoni tkun ikkorelatata mal-estrazzjoni ta’ massa ta’ injam.

115.

L-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni fuq in-nuqqas ta’ fondatezza tal-argument dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata fil-livelli indikati fil-formularju standard tad-data tal-2007 (iktar ’il quddiem il-“FSD”) u fil-PZO tal-2015 ikunu kuntrarji għall-bażi tal-“għarfien ekoloġiku” jagħmel sens. Effettivament, jekk il-livell kwantitattiv ta’ kull speċi protetta fuq sit Natura 2000 partikolari jkollu jikber konsistentement lil hinn mil-livell tal-FSD, jirriżulta tfixkil imprevedibbli tas-sistema ekoloġika fuq it-territorju kkonċernat. Għaldaqstant, titqajjem id-domanda tal-livell aċċettabli.

116.

Il-bidliet kwantitattivi osservati fi ħdan parti mill-populazzjonijiet protetti fil-foresta ta’ Białowieża jkunu r-riżultat ta’ aċċess aħjar għall-ikel, marbuta ma’ tfixkil ta’ dewmien qasir, jiġifieri firxa fuq livell għoli tal-ħanfus tal-prinjol. Iktar fit-tul, il-konsegwenza naturali ta’ din is-sitwazzjoni tkun tnaqqis aggressiv. Id-daqs tal-populazzjonijiet tat-tektieka bi tliet swaba’ u t-tektieka dorsoblank iżżomm ruħha f’livell relattivament għoli. Ma jkun hemm l-ebda bidla kwantitattiva aggressiva fil-fruntieri tal-park nazzjonali, peress li l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol ma hijiex ta’ natura kbira. Din is-sitwazzjoni tirriżulta kemm mill-parti dgħajfa li tirrappreżenta lill-prinjoli fi ħdan dawn il-ħażniet forestali u kemm min-natura differenti tal-habitats forestali. Minn dan jirriżulta li, fil-habitats ikkaratterizzati minn parametri differenti li jikkundizzjonaw il-propensità sabiex jissubixxu firxa kbira tal-ħanfus tal-prinjol, il-bilanċ dinamiku jkun jista’ jinżamm permezz ta’ miżuri speċifiċi ta’ ġestjoni forestali.

117.

L-Anness tal-2006 u d-Deċiżjoni Nru 51 ma humiex barra minn hekk suxxettibbli sabiex ikollhom impatt dannuż fuq l-istat tal-konservazzjoni ta’ ċerti speċi tal-ħanfus saprossiliku. Effettivament, il-perikolu għall-ispeċi bħalma huma l-Phryganophilus ruficollis u l-Bupreste splendide jirriżulta essenzjalment mil-limitazzjoni u mit-tħassir tal-effetti tan-nirien. Xi speċi oħra bħal, pereżempju, il-Cucujus vermillon u l-Boros schneideri, isibu kundizzjonijiet tajbin ta’ żvilupp fil-foresta ta’ Białowieża. Fir-rigward tal-Boros schneideri, ir-riskju fuq tul ta’ żmien itwal jirriżulta min-nuqqas ta’ rinnovazzjoni tal-iżnuber fil-park nazzjonali ta’ Białowieża.

118.

Fuq it-tielet ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 12(1)(a) u (d), tad-Direttiva “habitats”, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-ispeċi kollha tal-ħanfus saprossiliku preżenti fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska għandhom bżonn, fil-kors taċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, siġar mejta u moribondi, u li huwa impossibbli li tiġi kkonstata l-preżenza tal-fażijiet larvali tagħhom mingħajr ma jiġi ppreġudikat dan il-habitat. Sabiex jiġi żgurat stat adattat ta’ protezzjoni, l-awtoritajiet Pollakki adottaw sistema ta’ konservazzjoni fuq tul ta’ żmien twil tal-kontinwità tal-habitat tal-ispeċi taħt il-forma ta’ netwerks ta’ oqsma ta’ pjantazzjonijiet forestali fir-riżervi u żoni ta’ protezzjoni madwar l-ispeċi protetti, fil-habitats umdi, fiż-żona ta’ referenza u fil-parti permanenti u naturali tas-siġar mejta fil-ħażniet kollha tal-foresta ta’ Białowieża. L-effikaċja ta’ din l-attività tintwera mir-riżultati tal-inventarju mwettaq fl-2016 mill-Instytut Badawczy Leśnictwa (l-Istitut tal-Istudji Forestali, il-Polonja).

119.

Minn dan jirriżulta li l-Cucujus vermillon, hija speċi komuni fuq-sit kollu tal-foresta ta’ Białowieża, fejn huwa inqas possibbli li jkun hemm il-prinjoli minn speċi ta’ siġar oħra, u li fir-rigward tagħha s-siġar mejta u moribondi ma jikkostitwixxux habitat essenzjali. Fir-rigward tal-Boros schneideri, dawn l-istess riżultati juru li hija speċi li tippreferi l-iżnuber, li għaliha prinjoli mejta jew moribondi ma humiex habitat essenzjali, u li tinsab, barra minn hekk, mifruxa sew fil-foresta kollha ta’ Białowieża. L-unika lokalizzazzjoni kkontrollata fuq is-sit tal-foresta ta’ Białowieża tar-Rhysodes sulcatus huwa l-park nazzjonali ta’ Białowieża. Il-lokalizzazzjonijiet kollha tal-Phryganophilus ruficollis jinsabu fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, fejn iż-żona essenzjali tinsab fil-park nazzjonali ta’ Białowieża. Barra minn hekk, il-lokalizzazzjonijiet fil-foresta sfruttati, iddefiniti fuq il-bażi ta’ informazzjoni storika, tinsab fiż-żona ta’ referenza. Barra minn hekk, il-kawża essenzjali tal-għajbien ta’ speċi, l-Phryganophilus ruficollis hija n-nuqqas ta’ injam maħruq. L-istess, il-preżenza tal-Pytho kolwensis ma ġietx innotata barra minn dan il-park nazzjonali. Bil-kontra, l-attività tal-ħanfus tal-prinjol tista tipperikola l-kontinwità tal-ambjent okkupat minn din l-ispeċi, jiġifieri, il-prinjoli mejta, anzjani, maqtugħa, fil-habitats umdi. Fl-aħħar, fir-rigward tal-Bupreste splendide, il-kawża prinċipali tal-għajbien tagħha fl-Ewropa, kien in-nuqqas ta’ żnuber anzjani mejta wara nirien, li jikkostitwixxu l-habitat ipprivileġġat tagħha. Minħabba n-nuqqas ta’ rinnovazzjoni tal-iżnuber, fl-imsemmi park nazzjonali, il-futur ta’ dan l-ispeċi ma jistax jiġi żgurat ħlief fil-foresti sfruttati, li fihom l-iżnuber ġiet irrinnovata artifiċjalment.

120.

Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, l-attivitajiet previsti fl-Anness tal-2016 ma jkollhomx impatt negattiv sinjifikanti fuq il-popolazzjoni ta’ dawn l-ispeċi. Iż-żamma ta’ dawn trid iseħħ mal-kontinwità ta’ ċerti habitats li jirriżultaw minn tfixkil, bħal nirien. Fin-nuqqas ta’ dawn, huma biss l-intervenzjonijiet ta’ protezzjoni attivi li jkunu f’pożizzjoni sabiex jippreżervaw il-habitat ta’ dawn l-ispeċi.

121.

Fir-rigward tar-raba’ ilment ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-evalwazzjoni strateġika tal-impatti fuq l-ambjent tal-Anness tal-2016 jidher li turi li l-miżuri neċessarji sabiex tiġi stabbilita sistema ġenerali ta’ protezzjoni tal-ispeċi ta’ għasafar kollha li jgħixu b’mod naturali fi stat selvaġġ kienu twettqu, u kien fihom fost oħrajn, il-projbizzjoni ta’ qerda jew ta’ ħsara intenzjonali tal-bejtiet u l-bajd tagħhom, u t-tneħħija tal-bejtiet u t-tfixkil intenzjonali, b’mod partikolari waqt il-perijodu ta’ riproduzzjoni u ta’ dipendenza, sa fejn it-tfixkil ikollu effett sinjifikanti fir-rigward tal-għanijiet tad-Direttiva “habitats”. Mill-erba’ speċi ta’ għasafar immirati mill-Kummissjoni, misjuba fis-sit tal-foresta ta’ Białowieża, jirriżulta li fil-kuntest tad-data li tidher fil-FSD, li la l-preżenza u lanqas l-istil ta’ ħajja ta’ waħda minnhom ma tista’ tiġi pperikolata. Barra minn hekk, l-awtoritajiet Pollakki ntrabtu sabiex iżommu mill-inqas 60 koppja ta’ kull wieħed minn dawn l-ispeċi. Barra minn hekk, fuq is-siti kollha Natura 2000 tal-Polonja, huwa possibbli li jinsabu eżempji taż-żewġ speċi ta’ tektieka iktar importanti minn dawk li jidhru fil-FSD.

122.

B’mod partikolari, il-valur tal-indiċi globali tal-abbundanza tal-popolazzjoni tal-għasafar forestali kien żdied b’25 % fil-perijodu 2000-2014. Effettivament, konformement mal-prinċipji tal-indukrar tas-siġar u għall-orjentazzjonijiet għall-konservazzjoni tal-foresti fis-seħħ, l-effetti negattivi tal-attivitajiet kummerċjali fuq il-bijodiversità tnaqqsu. B’hekk, l-għażla li jitħallew bukketti ta’ siġar antiki fi spazji vojta, li jiġu kkonservati s-siġar bijoċenotiċi, li jiġu applikati metodi ta’ qtugħ tas-siġar kumplessi, li titħalla ż-żerriegħa fi spazji vojta u li tintuża kemm ikun possibbli r-riġenerazzjoni naturali li tkun ta’ benefiċċju għall-għasafar. Dawn il-prinċipji huma applikati fid-distretti forestali tal-uffiċċju tal-foresti kollha. Minn ċerti studji jirriżulta li ż-żbir sanitarju ma jkollux, b’mod ġenerali, l-ebda impatt negattiv fuq il-ħofor fis-siġar u l-ispeċi forestali l-oħra tal-annimali vertebrati.

123.

Skont ir-Repubblika tal-Polonja, l-impatt pożittiv tal-firxa fuq skala kbira tal-ħanfus tal-prinjol fuq is-sopravivenza u r-riproduzzjoni tat-tektieka ma jistax ikun iktar minn temporanju, peress li, fuq tul ta’ żmien twil, twassal għall-għajbien tal-livelli tal-art moxa l-iktar antika. Id-data disponibbli tindika telf ta’ diversità u tnaqqis tal-eżempji tal-ispeċi li jippopolaw lis-siġar vojta fil-kundizzjonijiet tal-mortalità tas-siġar minn 70 sa 100 % fil-foresti tal-koniferi. Bil-kontra, fil-foresti mħallta, l-effetti negattivi fuq il-mortalità tal-koniferi huma ta’ grad inqas għoli. It-tnaqqis kostanti tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol tista’ tkun fattur ta’ żamma ta’ sitwazzjoni relattivament stabbli fir-rigward tal-populazzjonijiet tat-tektieka.

124.

Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, li l-fenomenu tal-kollass tal-populazzjonijiet tal-karnivori minħabba n-nuqqas tal-ikel huwa fatt xjentifiku. Issa, il-Kummissjoni ma ppreżentat l-ebda data xjentifika li ddaħħal inkwistjoni ix-xenarju preżenti ta’ trasformazzjoni tal-ambjent wara l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Huwa biss impossibbli li titkejjel it-trasformazzjoni, jiġifieri dik li tippermetti li jsir magħruf jekk it-tnaqqis fin-numri tal-ispeċi li jibbenefikaw mill-firxa ta’ speċi preċiża ta’ insetti hijiex limitata għar-ritorn għas-sitwazzjoni preċedenti għall-firxa jew jekk, fir-rigward tal-għajbien tal-ikel u l-impossibbiltà għall-ħanfusa sabiex tinfirex fuq siġar oħra, in-numru tat-tektieka wara dan it-tnaqqis huwiex iktar dgħajjef minn dak deskritt fl-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit fil-pjan tal-attivitajiet ta’ protezzjoni.

125.

Il-Kummissjoni tinjora li l-proċessi naturali li jseħħu fis-siti 2000 huma proċessi fuq tul ta’ żmien twil. Issa, limitazzjoni permanenti tal-firxa tal-ħanfus tal-prinjol, jiġifieri limitazzjoni tal-kopertura territorjali tagħha jew iż-żamma ta’ numru ogħla tal-prinjoli fil-ħażniet, tista’ tkun attività ta’ protezzjoni attiva li tmantni sitwazzjoni relattivament stabbli fil-konfront tal-populazzjonijiet tat-tektieka, taħt perspettiva fuq tul ta’ żmien twil. Minkejja l-effetti negattivi potenzjali fuq il-populazzjonijiet tat-tektieka kkawżati mill-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali inkwistjoni, id-daqs tal-popolazzjoni tinżamm f’livell relattivament għoli, konformement mal-PZO tal-2015, u l-emendi eventwali fiż-żoni ta’ tqassim tal-ispeċi tal-għasafar, li tirriżulta mill-mudelli ta’ previżjoni tal-bidla fil-klima, jinfirxu fuq tul ta’ żmien. Konsegwentement, l-effett finali tal-attivitajiet temporanji implementati bil-metodi applikati fil-ġestjoni forestali jistgħu jwasslu sabiex jiġi rrimedjat it-tnaqqis sinjifikanti preċedenti fin-numru ta’ tektieka.

126.

Fir-rigward tal-kokka nana, it-telf tal-lok ta’ riproduzzjoni minħabba t-tnaqqis tal-prinjoli fuq 5 % tas-sit ikun illużorju. Effettivament, din l-ispeċi, li tbid fil-ħofor imħaffra mit-tektieka, ġeneralment id-(Dendrocopos major), hija speċi li l-ammonti tagħha huwa numeruż, peress li ma turix preferenzi fir-rigward tal-ispeċi tas-siġra fejn tirriproduċi. Barra minn hekk, il-kokka nana tidher ta’ spiss fl-ambjenti degradati. B’hekk il-preżenza tagħha tkun iktar frekwenti fil-pajsaġġi tal-foresta ta’ Białowieża milli fir-riżerva barra mill-ambjent foresti, li jippermetti li jintlaħaq l-għan tal-PZO tal-2015, minkejja li l-inventarju waqt l-istaġuni tal-2016 kien żvela tqassim inugwali fid-distrett forestali ta’ Browsk fil-konfront tat-tnejn l-oħra. Bl-istess mod, fir-rigward tal-kokka ta’ Tengmalm, din l-ispeċi tokkupa spiss it-toqob imħaffra mid-(Dryocopus martius). L-impatt eventwali li jirriżulta mit-tnaqqis tal-prinjoli fuq 5 % tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jista’ għaldaqstant jiġi kkunsidrat bħala ineżistenti għan-numri li jokkupaw il-foresta ta’ Białowieża.

127.

Barra minn hekk, konformement ma’ xi data Finlandiża, il-ġestjoni forestali permezz tal-ispazji żgumbrati, taħt il-kundizzjoni li l-porzjoni maqtugħa ma taqbiżx 50 % tal-ispazju foresti taħt perspettiva fuq tul ta’ żmien twil, mhux biss ma jkollhiex impatt negattiv fuq dawn l-ispeċi, iżda twassal, billi żżid l-aċċessibbiltà għall-ikel, għal żieda fir-riproduzzjoni. Barra minn hekk, id-daqs tal-populazzjonijiet ta’ dawn l-ispeċi jiżdied u jestendi lejn żoni ġodda. L-aspetti pożittivi tal-ġestjoni forestali huma msemmija fost il-kawżi ta’ dan il-fenomenu. Is-siġar imsejħa bħala “bijoċenotiċi”, fosthom is-siġar vojta, jitħallew sabiex imutu bijoloġikament. Konsegwentement, il-postijiet potenzjali għall-bejtiet tal-kokka tal-barbaġann u ta’ Tengmalm jibqgħu aċċessibbli, speċjalment peress li l-PZO tal-2015 jipprevedi xi attivitajiet intiżi sabiex “jikkonservaw, waqt xi intervenzjonijiet ta’ ġestjoni, l-iżnuber u s-siġar li fihom xi ħofor evidenti, ħlief fil-każ ta’ perikolu għall-pubbliku”.

IV. L-analiżi tiegħi

128.

Wara li neżamina l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tanalizza b’mod konġunt lill-ewwel u t-tieni motivi mqajma mill-Kummissjoni, u wara, konġuntement, lit-tielet u r-raba’ motivi li jiddependu fuqhom.

A.   Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

129.

Ir-Repubblika tal-Polonja kkontestat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, l-ammissibbiltà tat-tieni, it-tielet u r-raba’ motivi tar-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu, minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet wessgħat is-suġġett tal-kawża fir-rikors tagħha fir-rigward ta’ dak li ġie invokat fil-kors tal-fażi prekontenzjuża, u, b’mod iktar partikolari, fl-opinjoni motivata.

130.

Huwa stabbilit li l-fażi prekontenzjuża tikkonċerna biss lid-deċiżjoni meħuda mill-awtoritajiet Pollakki meta ntbagħtet l-opinjoni motivata, jiġifieri l-Anness tal-2016 dwar miżuri ta’ ġestjoni forestali limitati għad-distrett forestali ta’ Białowieża, filwaqt li r-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu jipprevedi lis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska kollu, u jikkonċerna b’hekk lit-tliet distretti forestali ta’ Białowieża, Browsk u ta’ Hajnówka, li fihom il-miżuri ta’ ġestjoni forestali ġew estiżi mid-Deċiżjoni Nru 51 tas-17 ta’ Frar 2017.

131.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni sabiex tippreċiża li s-suġġett tal-kawża jista’ jiġi estiż għal fatti li ġraw wara l-opinjoni motivata sakemm huma tal-istess natura u kostituttivi tal-istess aġir tal-fatti msemmija minn din l-opinjoni, sabiex tiddeduċi li r-rikors huwa ammissibbli ( 26 ).

132.

Fil-kawża preżenti, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet Pollakki fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51 huma tal-istess natura, sa fejn jikkonsistu fl-awtorizzazzjoni tal-qtugħ u t-tneħħija tas-siġar bil-għan, speċifikament, sabiex tiġi miġġielda l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska kollu.

133.

Konsegwentement, minkejja li l-opinjoni motivata tat-28 ta’ April 2017 ma tipprevedix ħlief l-Anness tal-2016, approvat fil-25 ta’ Marzu 2016, dwar miżuri ta’ ġestjoni forestali limitati għad-distrett forestali ta’ Białowieża biss, hemm lok li jiġi ammess li l-ammissibbiltà tar-rikors tal-Kummissjoni, li jirrigwarda wkoll lid-Deċiżjoni Nru 51 tas-17 ta’ Frar 2017, peress li din estendiet, lejn id-distretti forestali l-oħra ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, l-implementazzjoni ta’ miżuri tal-istess natura u li jikkostitwixxu l-istess aġir ( 27 ).

B.   Fuq il-fondatezza tar-rikors

134.

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li d-dibattitu ma jistax jirrigwarda lin-natura primarja jew naturali tal-foresti tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, peress li huwa stabbilit li dan is-sit ġie kklassifikat, fuq proposta tar-Repubblika tal-Polonja, bħala SIK, bl-applikazzjoni tad-Direttiva “habitats” ( 28 ), mid-Deċiżjoni 2008/25, meħuda mill-Kummissjoni fit-13 ta’ Novembru 2007, u tikkostitwixxi wkoll ŻPS tal-għasafar magħżula konformement mad-Direttiva “għasafar”. Barra minn hekk, id-data kwantitattiva uffiċjali, li sservi bħala referenza fid-dibattitu li jikkonċerna l-habitats u l-ispeċi eżistenti f’dawn iż-żoni, ġiet ipprovduta mir-Repubblika tal-Polonja, fil-FSD. B’hekk, id-Direttivi “habitats” u “għasafar” huma applikabbli għall-kawża, tkun xi tkun il-klassifikazzjoni tal-foresti tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska u jinkludu, b’mod obbligatorju, il-ġestjoni forestali ta’ dan tal-aħħar.

135.

Dan ir-rikors jagħti l-opportunità mill-ġdid lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-obbligi li jirriżultaw minn dawn id-direttivi, u b’mod iktar partikolari, skont il-pjanijiet u proġetti li jaqgħu taħt l-Artikolu 6(1) jew l-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”.

1. Fuq l-ewwel u t-tieni lmenti

136.

Permezz tal-ewwel u t-tieni motivi, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 6(1) u (3) tad-Direttiva “habitats” kif ukoll tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”.

137.

Sabiex tevalwa l-fondatezza ta’ dawn iż-żewġ motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha tiddeċiedi fuq il-punt sabiex isir magħruf jekk l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali inkwistjoni jaqgħux taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” jew tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, u jekk, billi adottat u implementat il-miżuri ta’ ġestjoni forestali li hemm fid-deċiżjonijiet ikkontestati, il-konvenuta stabbilixxietx, effettivament, il-miżuri ta’ konservazzjoni stabbiliti mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” u mill-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”.

138.

Effettivament, ir-Repubblika tal-Polonja sostniet, qabel kollox, li l-miżuri li hemm fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51, jikkostitwixxu xi miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”, qabel ma tikkunsidra wkoll, jidhirli sussidjarjament, li dawn il-miżuri jistgħu jaqgħu taħt il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.

139.

Issa, l-għażla ta’ klassifikazzjoni tad-deċiżjonijiet kkontestati teskludi l-oħra. Effettivament, għalkemm l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi li l-Istati Membri jistabbilixxu l-miżuri ta’ konservazzjoni neċessarji għaż-żoni ta’ konservazzjoni, il-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni jistabbilixxi l-kundizzjonijiet dwar il-pjanijiet jew proġetti mhux marbuta jew neċessarji għall-ġestjoni tas-siti protetti, iżda li jistgħu jaffettwaw lil dawn is-siti b’mod sinjifikanti, individwalment jew konġuntement ma’ pjanijiet u proġetti oħra. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-kamp ta’ applikazzjoni rispettiv ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

140.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 1(e) tad-Direttiva “habitats”, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali huwa kkunsidrat bħala favorevoli, b’mod partikolari, meta l-medda naturali tiegħu kif ukoll iż-żona li huwa jkopri f’din il-medda huma stabbli jew qed jiżdiedu u meta l-istruttura u l-funzjonijiet speċifiċi neċessarji għaż-żamma fit-tul tiegħu jeżistu u jistgħu jkomplu jeżistu f’ġejjieni prevedibbli. B’hekk, f’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva “habitats” huma intiżi sabiex l-Istati Membri jieħdu miżuri ta’ protezzjoni adattati sabiex jinżammu l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-siti li fihom dan it-tip ta’ habitats naturali ( 29 ). Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet, li fin-nuqqas ta’ preskrizzjonijiet iddettaljati f’din id-dispożizzjoni, li din timponi fuq l-Istati Membri sensiela ta’ obbligi u ta’ proċeduri speċifiċi intiżi sabiex tiġi żgurata, iż-żamma jew, jekk meħtieġ, ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u, b’mod partikolari, taż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni ( 30 ).

141.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva għandhom jiġu interpretati bħala totalità koerenti fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni b’hekk stabbiliti, fejn il-paragrafi (2) u (3) ta’ dan l-artikolu huma intiżi sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi, filwaqt li l-paragrafu (4) tal-imsemmi artikolu jikkostitwixxi biss dispożizzjoni derogatorja għall-paragrafu 3 tagħha ( 31 ).

142.

Huwa għaldaqstant fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li għandhom jiġu kklassifikati l-miżuri previsti fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51, li jikkonsistu, speċifikament, fil-qtugħ u t-tneħħija tas-siġar mejta jew moribondi.

143.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li huwa stabbilit li d-distretti forestali kkonċernati bl-imsemmija miżuri huma żoni speċjali ta’ konservazzjoni u ta’ SIK, magħżula mir-Repubblika tal-Polonja, fejn għandhom jiġu applikati l-miżuri neċessarji għaż-żamma jew għar-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-habitats naturali u/jew tal-populazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom intgħażel dan is-sit, fis-sens tad-Direttiva “habitats” ( 32 ).

144.

Fit-tieni lok, huwa stabbilit ukoll li l-miżuri inkwistjoni wasslu għat-telf ta’ parti mill-ħażniet forestali ( 33 ). Minn dan isegwi li tali miżuri, minħabba n-natura tagħhom stess, ma jistgħux jikkostitwixxu miżuri li jiżguraw l-konservazzjoni tas-sit Natura 2000 ikkonċernat. Madankollu, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni xi ċirkustanzi speċifiċi, jiġifieri l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol li ma kellhiex preċedent, ta’ natura li pperikola l-integrità ta’ dan is-sit Natura 2000, sabiex tiġġustifika d-deċiżjonijiet meħuda mis-sena 2016.

145.

Issa, mill-kliem tal-kawża jirriżulta li kontroversja xjentifika tippersisti fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk il-miżuri b’hekk meħuda, minn naħa, kellhomx effett fuq il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol u, min-naħa l-oħra, jekk ikkostitwewx metodu ta’ konservazzjoni adattat tal-habitats protetti. F’dan ir-rigward, jista’ jiġi rrilevat li l-programm ta’ rimedju tal-25 ta’ Marzu 2016, intitolat, “programm dwar il-foresta ta’ Białowieża bħala wirt kulturali u naturali tal-U[nesco] u bħala sit li jaqa’ taħt in-netwerk Natura 2000”, jiddikjara espliċitament differenzi ta’ opinjoni fuq dan il-punt.

146.

Barra minn hekk, għalkemm l-awtoritajiet Pollakki adottaw PZO fil-2015, intiż sabiex jistabbilixxi l-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Polonja, l-Anness tal-2016 ma jistax jikkostitwixxi l-implementazzjoni konkreta tal-PZO peress li huwa jipprevedi miżuri li huma kkunsidrati minn dan il-PZO bħala perikoli potenzjali għall-konservazzjoni tal-habitats u tal-ispeċi protetti. Effettivament, mill-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, li ma ġewx innegati mir-Repubblika tal-Polonja fuq dan il-punt, jirriżulta li għalkemm il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol ma ġietx identifikata bħala perikolu eżistenti jew potenzjali għaż-żamma tal-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u tal-ispeċi tal-annimali u tal-għasafar imsemmija fl-Anness 3 tal-PZO, bil-kontra, it-tneħħija tal-prinjoli okkupati mill-ħanfus tal-prinjol hija kkunsidrata espliċitament f’dan l-anness, bħala perikolu potenzjali għaż-żamma ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats u b’mod partikolari għall-protezzjoni tal-kokka nana, tal-kokka ta’ Tengmalm u tat-tektiek is-siġar ta’ tliet swaba’.

147.

B’hekk, il-miżuri li jirriżultaw mill-Anness tal-2016 u mid-Deċiżjoni Nru 51 ma jistgħux jiġu analizzati bħala li jipproċedu mill-implementazzjoni tal-PZO tal-2015. Paradossalment, dawn għandhom ukoll bħala konsegwenzi potenzjali li jċaħħdu lil din tal-aħħar minn effett utli, jiġifieri li jippermettu lill-awtoritajiet Pollakki li jiksru l-preskrizzjonijiet tagħhom ( 34 ).

148.

Isegwi li tali miżuri ma jistgħux bl-ebda mod jiġu kkunsidrati bħala miżuri ta’ konservazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats”. Minn dan jirriżulta li r-Repubblika tal-Polonja ma implementatx il-miżuri neċessarji għall-konservazzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska wara l-adozzjoni tal-PZO tal-2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hmm lok li jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li r-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha kemm taħt l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva “habitats” u kemm taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” u, konsegwentement, sabiex tiddeċiedi li t-tieni motiv, imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat.

149.

Fir-rigward tal-ewwel ilment imqajjem mill-Kummissjoni, dan ikollu madankollu jiġi eżaminat mill-Qorti tal-Ġustizzja peress li r-Repubblika tal-Polonja sostniet ukoll li l-miżuri ta’ ġestjoni forestali previsti fl-Anness tal-2016 jirrappreżentaw xi pjanijiet jew xi proġetti, fis-sens tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, li għall-adozzjoni tagħhom hija pproċediet għal evalwazzjoni tal-impatti ta’ dawn il-miżuri fuq l-ambjent fl-2015.

150.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżuri li jidhru fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51 ġewx adottati u implementati konformement mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, jidher opportun li jiġi mfakkar, fl-ewwel lok, li din id-dispożizzjoni tipprovdi proċedura ta’ evalwazzjoni intiża sabiex, bis-saħħa ta’ kontroll minn qabel, tiggarantixxi li pjan jew proġett li ma jkunx marbut direttament jew neċessarju għall-ġestjoni tas-sit ikkonċernat, iżda li jista’ jaffettwa lil dan tal-aħħar b’mod sinjifikanti, jkun awtorizzat biss jekk dan ma jkunx ser jaffettwa ħażin lill-integrità tas-sit ( 35 ).

151.

Fit-tieni lok, hekk kif enfasizzat ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja, l-imsemmija dispożizzjoni torganizza żewġ fażijiet. L-ewwel teżiġi li l-Istati Membri jwettqu evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett fuq sit protett meta jkun hemm il-probabbiltà li dan il-pjan jew dan il-proġett jaffettwa lil dan is-sit b’mod sinjifikattiv ( 36 ). B’mod partikolari, meta jkun hemm riskju li pjan jew proġett, li ma huwiex direttament marbut ma’ jew neċessarju għall-ġestjoni ta’ sit, jikkomprometti l-għanijiet ta’ konservazzjoni tiegħu, dan għandu jiġi meqjus bħala li jista’ jaffettwa dan is-sit b’mod sinjifikattiv. L-evalwazzjoni ta’ dan ir-riskju għandu jsir, b’mod partikolari, fid-dawl tal-karatteristiċi u tal-kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi tas-sit ikkonċernat minn dan il-pjan jew proġett ( 37 ).

152.

It-tieni fażi, prevista fit-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, li tiġi wara l-evalwazzjoni xierqa deskritta fil-punt preċedenti ta’ dawn il-konklużjonijiet, tillimita l-awtorizzazzjoni ta’ tali pjan jew proġett għall-kundizzjoni li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit ikkonċernat, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (4) ta’ dan l-artikolu ( 38 ).

153.

Il-Qorti tal-Ġustizzja b’hekk iddeċidiet li l-fatt li ma jkunx hemm effett ħażin fuq l-integrità ta’ sit inkwantu habitat naturali, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, jippreżupponi li dan jinżamm fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, li jimplika ż-żamma fit-tul tal-karatterisitiċi kostituttivi tas-sit ikkonċernat, marbuta mal-preżenza ta’ tip ta’ habitat naturali li l-għan ta’ preżervazzjoni tiegħu ġġustifika li dan is-sit jitniżżel fil-lista tas-SIK, fis-sens ta’ din id-direttiva ( 39 ).

154.

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-evalwazzjoni mwettqa abbażi tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” ma tistax għaldaqstant tinkludi lakuni u għandha tinkludi konstatazzjonijiet u konklużjonijiet kompleti, preċiżi u definittivi, ta’ natura li jneħħu kull dubju xjentifiku raġonevoli fir-rigward tal-effetti tax-xogħlijiet previsti fuq is-sit protett ikkonċernat ( 40 ). Hija ddeċidiet ukoll li din l-evalwazzjoni xierqa tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq is-sit ikkonċernat li għandha titwettaq timplika li, fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam, għandhom jiġu identifikati l-aspetti kollha tal-pjan jew tal-proġett inkwistjoni li jistgħu, fihom infushom jew flimkien ma’ pjanijiet jew proġetti oħra, jaffettwaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit ( 41 ).

155.

Il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li, bħala regola ġenerali, l-effetti pożittivi possibbli tal-iżvilupp futur ta’ habitat ġdid, intiż li jikkumpensa t-telf ta’ superfiċi u tal-kwalità ta’ dan l-istess tip ta’ habitat fuq sit protett, huma biss diffiċilment prevedibbli u, fi kwalunkwe każ, ser ikunu viżibbli biss fi ftit snin ( 42 ).

156.

Għaldaqstant, hemm lok li jiġi eżaminat, fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, jekk il-fatti li jiġġustifikaw lir-rikors humiex suffiċjentement stabbiliti. Fl-opinjoni tiegħi, mis-sempliċi eżami tal-kronoloġija tad-deċiżjonijiet ikkontestati u tal-koerenza tad-dokumenti ta’ sostenn ippreżentati, li l-evalwazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats” ma setgħatx titwettaq.

157.

Fl-ewwel lok, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li ftit qabel l-adozzjoni tal-Anness tal-2016 li jemenda lill-PGF tal-2012, l-awtoritajiet Pollakki kienu adottaw lill-PZO tal-2015, li minnu jirriżulta li l-qtugħ u t-tneħħija tas-siġar okkupati mill-ħanfus tal-prinjol kienu jirrappreżentaw perikolu potenzjali fir-rigward tal-konservazzjoni tas-sit Natura 2000 kkonċernat.

158.

Għalkemm li mid-dibattiti waqt is-seduta rriżulta li għandu jinstab ċertu bilanċ bejn il-miżuri ta’ ġestjoni attivi u l-miżuri ta’ ġestjoni passivi intiżi sabiex jiġġieldu kontra l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol u sabiex jissodisfaw l-għanijiet ta’ konservazzjoni previsti fid-Direttivi “habitats” u “għasafar”, dan l-ibbilanċjar ma jinstab bl-ebda mod fil-preskrizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 51, sa fejn din tippermetti l-implementazzjoni ta’ miżuri ta’ qtugħ u ta’ tneħħija ta’ ħażniet forestali mingħajr restrizzjoni.

159.

Barra minn hekk, mid-dokumenti kkomunikati mir-Repubblika tal-Polonja jirriżulta li, fil-ġurnata stess tal-adozzjoni tal-Anness tal-2016, l-awtoritajiet Pollakki kienu adottaw ukoll programm ta’ rimedju, intitolat “programm dwar il-foresta ta’ Białowieża bħala wirt kulturali u naturali tal-U[nesco] u bħala sit li jaqa’ taħt in-netwerk Natura 2000”, li kellu bħala għan, essenzjalment, hekk kif ġie kkonfermat waqt is-seduta, sabiex jevalwa, għall-futur, l-impatti tal-miżuri meħuda fuq il-konservazzjoni tas-sit, billi jimplementa b’mod partikolari żoni ta’ referenza li fi ħdanhom, l-ebda miżura ta’ ġestjoni forestali ma setgħat tiġi implementata.

160.

Fit-tieni lok, għalkemm ir-Repubblika tal-Polonja sostniet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, kif ukoll waqt is-seduta, li l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol bejn is-snin 2012 u 2015 kienet dovuta għat-tnaqqis tal-volumi ta’ sfruttar deċiż waqt l-adozzjoni tal-PGF tal-2012, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta madankollu li l-volumi tal-isfruttar deċiżi bejn is-snin 2012 u 2015 kienu identiċi għal dawk tas-snin preċedenti u li l-volum ta’ injam estratt mid-distrett ta’ Białowieża kien, fir-realtà, baqa’ stabbli waqt dan il-perijodu. B’hekk, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li l-firxa tal-ħanfus tal-prinjol kienet dovuta għat-tnaqqis tal-volumi ta’ injam sfruttat bejn is-snin 2012 u 2015.

161.

Fit-tielet lok, għalkemm l-awtoritajiet Pollakki jsostnu li kienu wettqu evalwazzjoni adattata fuq l-impatti tal-Anness tal-2016, fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, mid-dokumenti tal-fajl jirriżulta li din l-evalwazzjoni seħħet effettivament matul is-sena 2015, iżda li rrigwardat biss lill-miżuri previsti fl-Anness tal-2016, li kkonċernaw biss lid-distrett forestali ta’ Białowieża u mhux, konsegwentement, dawk li hemm fid-Deċiżjoni Nru 51 meħuda fis-17 ta’ Frar 2017 sabiex jiġu estiżi, ġeografikament u b’mod kwantitattiv, il-miżuri ta’ qtugħ u ta’ tneħħija tas-siġar fit-totalità tat-tliet distretti forestali tal-foresta ta’ Białowieża. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-impatti tal-miżuri ta’ ġestjoni forestali, adottati fid-Deċiżjoni Nru 51, fuq il-konservazzjoni tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska fit-totalità tagħhom ma kienu s-suġġett ta’ ebda evalwazzjoni. L-istess, mid-dokumenti tal-fajl ma jirriżulta bl-ebda mod li l-effetti kumulattivi eventwali tal-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51 kienu ġew previsti u evalwati mill-awtoritajiet Pollakki ( 43 ).

162.

Barra minn hekk, mit-termini stess ta’ din l-evalwazzjoni tal-impatti tal-Anness tal-2016 fuq l-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska jirriżulta li din twettqet fuq il-bażi ta’ data tal-2012, u mhux fuq il-bażi ta’ data aġġornata sal-2015, kif jirrikjedu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja ( 44 ). Effettivament, huwa ppreċiżat fil-punt 4.2 ta’ dan id-dokument li “[i]d-dispożizzjonijiet dwar l-impatti fuq is-sit Natura 2000 li jinsabu fl-‘evalwazzjoni dwar l-impatti fuq l-ambjent’ tas-snin 2012-2021, ma għandhomx, bħala prinċipju, jiġu aġġornati. Madankollu, hemm lok li jiġi rrilevat li l-attivitajiet jikkonċernaw prinċipalment lill-ħażniet forestali degradati”.

163.

Fl-aħħar, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-Repubblika tal-Polonja jirriżulta li inventarju tal-bijodiversità ppreżentat fuq is-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska kien għadu għaddej fil-mument li fih ittieħdet l-aħħar deċiżjoni kkontestata u tal-fażi prekontenzjuża.

164.

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-awtoritajiet Pollakki assiguraw ruħhom, lanqas fil-ġurnata li fiha ġie approvat l-Anness tal-2016, li l-miżuri li kien fih ma setgħax ikollhom impatti fuq l-integrità tas-sit Natura 2000, li jkun suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li l-ewwel motiv huwa fondat.

165.

Madankollu, ser nippreċiża li dan jiġġustifika, barra minn hekk, li jitwarrbu l-argumenti l-oħra sostnuti mir-Repubblika tal-Polonja. Effettivament, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-evalwazzjonijiet xierqa tal-effetti ta’ pjan jew proġett fuq is-sit ikkonċernat għandha titwettaq fid-dawl tal-aħjar għarfien xjentifiku f’dan il-qasam ( 45 ). Issa, mid-dokumenti tal-fajl kif ukoll mid-dibattiti li seħħew waqt is-seduta jirriżulta li ppersistiet fid-data tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati kontroversja xjentifika fuq il-metodi l-iktar adattati sabiex titwaqqaf il-firxa tal-ħanfus tal-prinjol. Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li din id-differenza ta’ opinjoni xjentifika tirrigwarda wkoll l-opportunità tal-ġlieda kontra l-firxa tal- ħanfus tal-prinjol ( 46 ), u li, skont uħud fosthom, din hija ċiklu naturali li tikkorrispondi għal tendenzi perjodiċi adattati għall-karatteristiċi tas-sit fejn l-għan ta’ preżervazzjoni jiġġustifika l-għażla tagħha fil-lista tas-SIK bħala ŻPS.

166.

Minħabba dan, lanqas ma jista’ jiġi sostnut b’mod validu li l-evalwazzjoni tal-impatti fuq l-ambjent imwettqa qabel l-adozzjoni tal-miżuri kkontestati tissodisfa lir-rekwiżiti imposti mill-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, hekk kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja.

167.

Fit-tieni lok, il-Qorti tal-Ġustizzja żammet li l-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva jinkorpora wkoll il-prinċipju ta’ prekawzjoni u jippermetti li jiġu evitati, effettivament, il-ħsara fuq l-integrità tas-siti protetti minħabba l-pjanijiet jew il-proġetti li jkunu qed jiġu kkunsidrati. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kriterju ta’ awtorizzazzjoni inqas strett minn dak stabbilit f’din id-dispożizzjoni ma jistax jiggarantixxi b’mod daqstant effettiv it-twettiq tal-għan ta’ protezzjoni tas-siti mfittex minn din id-dispożizzjoni ( 47 ). L-applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-Artikolu 6(3) tal-imsemmija direttiva tirrikjedi mill-awtorità nazzjonali kompetenti li tevalwa l-implikazzjonijiet tal-proġett għas-sit ikkonċernat fid-dawl tal-għanijiet ta’ konservazzjoni ta’ dan is-sit u filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-miżuri ta’ protezzjoni mdaħħla f’dan il-proġett intiżi li jevitaw jew inaqqsu l-effetti ħżiena possibbli kkawżati direttament fuq dan tal-aħħar, sabiex jiġi żgurat li ma jaffettwax ħażin l-integrità ta’ dan is-sit ( 48 ).

168.

Fil-kawża preżenti, din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi ffinalizzata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-kontroversja xjentifika li għadha teżisti, tal-miżuri ta’ inventarju li kienu għadhom għaddejjin fil-ġurnata li fiha ttieħdu d-deċiżjonijiet, kif ukoll l-għan tad-Deċiżjoni Nru 52, li huwa intiż sabiex jiġu stabbiliti superfiċi ta’ referenza flimkien mal-għan, skont l-osservazzjonijiet orali tar-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta, li tiġi evalwata l-evoluzzjoni tal-karatteristiċi tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska apparti minn kull intervent mill-bniedem.

169.

Peress li, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet kkontestati, ir-realtà u l-gravità tar-riskju potenzjali ta’ dannu għall-konservazzjoni u għall-integrità tas-sit Natura 2000 kienu għadhom mhux identifikati kompletament, evalwati, u jekk ikun il-każ, imwarrba, l-awtoritajiet Pollakki ma setgħu jadottaw la l-Anness tal-2016, u lanqas id-Deċiżjoni Nru 51, mingħajr ma jiksru, ukoll, il-prinċipju ta’ prekawzjoni.

170.

Fit-tielet lok, fir-rigward tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, invokata mir-Repubblika tal-Polonja abbażi tal-kwistjonijiet ta’ sigurtà pubblika li nneċessitaw l-adozzjoni tad-deċiżjonijiet ikkontestati, hemm lok li jiġi mfakkar li, bħala deroga, din id-dispożizzjoni għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta u tista’ tapplika biss wara li l-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett jiġu analizzati konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu ( 49 ).

171.

Effettivament, sabiex jiġu ddeterminati it-tip ta’ miżuri eventwali ta’ kumpens, l-effetti ħżiena fuq is-sit ikkonċernat għandhom jiġu identifikati bi preċiżjoni. L-għarfien tal-effetti ta’ pjan jew ta’ proġett, fir-rigward tal-għanijiet ta’ konservazzjoni tas-sit inkwistjoni jikkostitwixxi kundizzjoni preċedenti indispensabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, għaliex, fl-assenza ta’ dawn l-elementi, ebda kundizzjoni ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni derogatorja ma tista’ tiġi evalwata. L-eżami eventwali ta’ raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku prevalenti u dak tal-eżistenza ta’ alternattivi inqas dannużi, fil-fatt jeħtieġ ibbilanċjar fir-rigward tad-danni kkawżati lil dan is-sit mill-pjan jew mill-proġett ikkunsidrat ( 50 ).

172.

B’hekk, konformement mal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats”, fil-każ fejn, fin-nuqqas ta’ konklużjonijiet negattivi tal-evalwazzjoni mwettqa konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 6(3) ta’ din id-direttiva, pjan jew proġett għandu madankollu jitwettaq, minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku maġġuri, inklużi ta’ natura soċjali u ekonomika, u meta ma jeżistux soluzzjonijiet alternattivi l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu kull miżura ta’ kumpens neċessarja sabiex jiżgura l-koerenza globali ta’ Natura 2000 tkun protetta. Għaldaqstant, f’dan il-kuntest, l-awtoritajiet kompetenti ma jistgħux jagħtu awtorizzazzjoni abbażi tal-Artikolu 6(4) tal-imsemmija direttiva ħlief sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li huma stabbiliti fih ( 51 ).

173.

Fil-kawża preżenti, kemm mill-konstatazzjonijiet preċedenti fuq in-nuqqas ta’ rispett tal-fażi preċedenti ta’ evalwazzjoni, ibbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, u kemm minn-nuqqas ta’ dokumenti oħra speċifiċi fil-fajl, jirriżulta li l-awtoritajiet Pollakki ma kinux evalwaw l-użu ta’ miżuri alternattivi jew ta’ kumpens ( 52 ) għall-miżuri ta’ ġestjoni forestali adottati u implementati fuq il-bażi tal-Anness tal-2016, kif ukoll tad-Deċiżjoni Nru 51. Konsegwentement, jista’ jiġi kkonstatat ukoll li, għalkemm l-awtoritajiet Pollakki invokaw raġunijiet ta’ sigurtà pubblika bil-għan li jiġġustifikaw l-adozzjoni u l-implementazzjoni tal-miżuri kkontestati, fejn l-impatti negattivi ġew ammessi impliċitament, il-preskrizzjonijiet derogatorji tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “habitats” ma ġewx irrispettati.

174.

Minħabba r-raġunijiet esposti preċedentement, hemm lok li jiġi propost lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li l-ewwel motiv imqajjem mill-Kummissjoni huwa fondat, bħat-tieni wieħed, peress li, billi ma rrispettawx lill-preskrizzjonijiet tal-Artikolu 6(3) tad-Direttiva “habitats”, u billi implementaw il-miżuri b’hekk deċiżi, li ma setgħux jikkostitwixxu pjan ta’ konservazzjoni fis-sens tal-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva, l-awtoritajiet Pollakki naqsu milli jwettqu l-obbligi li għandhom taħt dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”.

2. Fuq it-tielet u r-raba’ motivi

175.

Permezz tat-tielet u r-raba’ motivi tagħha, il-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Polonja naqset ukoll milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt, rispettivament, l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva “habitats” u tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”, li ser iwassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tistaqsi fuq il-kwistjoni sabiex isir magħruf jekk l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali kkontestati jistgħux jiddeterjoraw jew jeqirdu lill-ispeċi tal-ħanfus saprossiliku u l-għasafar selvaġġi protetti speċifikament minn dawn id-direttivi.

176.

Il-konstatazzjonijiet u l-kunsiderazzjonijiet preċedenti li kkonċernaw l-ewwel u t-tieni motivi wassluni sabiex nikkonkludi li l-attivitajiet ta’ ġestjoni forestali inkwistjoni neċessarjament jistgħu jwasslu għad-deterjorazzjoni tas-siti ta’ riproduzzjoni tal-ispeċi protetti li jgħixu fis-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska.

177.

Minħabba dan, huwa propost lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddikjara bħala fondati lit-tielet u r-raba’ motivi mqajma mill-Kummissjoni.

178.

Konsegwentement, minn dak kollu li ntqal preċedentement, jirriżulta li ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi adottat u billi implementat il-miżuri ta’ ġestjoni forestali li hemm fl-Anness tal-2016 u fid-Deċiżjoni Nru 51 mingħajr ma żgurat li dawn il-miżuri ma jippreġudikawx lill-integrità tas-sit Natura 2000 Puszcza Białowieska, u billi naqset milli tiżgura l-konservazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-habitats u tal-ispeċi protetti, previsti fir-rikors tal-Kummissjoni, li għalihom dan is-sit intgħażel bħala sit ta’ interess Komunitarju u ŻPS, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 6(1) u (3) u l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva “habitats”, kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (2) u tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva “għasafar”.

V. Fuq l-ispejjeż

179.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

VI. Konklużjoni

180.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ser nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi kif ġej:

1)

Billi adottat u implementat il-miżuri ta’ ġestjoni forestali li hemm fl-anness għall-pjan ta’ ġestjoni forestali tad-distrett forestali ta’ Białowieża tad-9 ta’ Ottubru 2012, approvat, fil-25 ta’ Marzu 2016, mill-Minister Środowiska (il-Ministru għall-Ambjent, il-Polonja), u d-Deċiżjoni Nru 51 tad-Dyrektor Generalny Lasów Państwowych (id-Direttorat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti, il-Polonja), tas-17 ta’ Frar 2017, dwar il-qtugħ tas-siġar okkupati mill-ħanfus tal-prinjol u għall-ġabra ta’ siġar li jikkostitwixxu perikolu għas-sigurtà pubblika u li huma riskju għan-nirien, f’kull klassi tal-etajiet tal-ħażniet forestali tad-distretti forestali ta’ Białowieża, ta’ Browsk u ta’ Hajnówka, mingħajr ma żgurat li l-miżuri ma jippreġudikawx lill-integrità tas-sit Natura 2000 PLC200004 Puszcza Białowieska (il-Polonja), u billi naqset milli tiżgura l-konservazzjoni kif ukoll il-protezzjoni tal-habitats u tal-ispeċi protetti, previsti fir-rikors tal-Kummissjoni, li għalihom dan is-sit intgħażel bħala sit ta’ interess Komunitarju u żona ta’ protezzjoni speċjali, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha taħt l-Artikolu 6(1) u (3) u l-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva 92/43/KEE tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, kif ukoll l-Artikolu 4(1) u (2) u tal-Artikolu 5(b) u (d) tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi.

2)

Ir-Repubblika tal-Polonja hija kkundannata għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Direttiva tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102) kif emendata l-aħħar bid-Direttiva tal-Kunsill 2013/17/UE tat-13 ta’ Mejju 2013 (ĠU L 158, p. 193) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7), kif emendata bid-Direttiva 2013/17) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”).

( 4 ) Traduzzjoni fil-lingwa Maltija mhux disponibbli.

( 5 ) Direttiva tal-Kunsill, tat-2 ta’ April 1979, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 98).

( 6 ) Traduzzjoni fil-lingwa Maltija mhux disponibbli.

( 7 ) ĠU 2008, L 12, p. 383.

( 8 ) State of Europe’s forests 2015, Forest Europe, 2015, Anness 8, Tabella Nru 28, p. 274.

( 9 ) Iktar ’il quddiem, l-“Uffiċċju tal-foresti”.

( 10 ) Hekk kif jirriżulta mill-Anness 1 tad-Deċiżjoni tad- Dyrektor Generalny Lasów Państwowych (id-Direttorat Reġjonali tal-Uffiċċju tal-Foresti, il-Polonja), tat-31 ta’ Marzu 2016 (iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni Nru 52”).

( 11 ) Fajl EU Pilot Nru 2210/11/ENVI.

( 12 ) Il-limiti ġew iffissati għad-distrett forestali ta’ Browsk sa 214218 m3 u għad-distrett forestali ta’ Hajnówka sa 192291 m3.

( 13 ) Iktar ’il quddiem “PZO”.

( 14 ) Il-park nazzjonali ta’ Białowieża kien is-suġġett ta’ PZO distinta, adottata fis-7 ta’ Novembru 2014, mill-Ministru għall-Ambjent.

( 15 ) Il-proċedura prekontenzjuża bdiet fis-7 ta’ April 2016, ara l-punti 54 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet. Skont il-Kummissjoni din id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata ħlief fix-xahar ta’ Ġunju 2017 fil-Biuletyn Informacyjny Lasów Państwowych (il-Bulletin tal-Uffiċċju tal-Foresti) Nru 6 (294).

( 16 ) Iktar ’il quddiem, id-“Deċiżjoni Nru 51”.

( 17 ) Fajl EU Pilot Nru 8460/16/ENVI.

( 18 ) Digriet tal-Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Lulju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-441/17 R, mhux ippubblikat, EU:C:2017:622).

( 19 ) Digriet tal-20 ta’ Novembru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-441/17 R, EU:C:2017:877).

( 20 ) Fil-punt 118, il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li, “[j]ekk kellu jiġi kkonstatat il-ksur, il-Qorti tal-Ġustizzja tordna lir-Repubblika tal-Polonja tħallas lill-Kummissjoni pagamenti ta’ penalità ta’ mill-inqas EUR 100,000 kuljum, u dan mid-data tan-notifika tiegħu lir-Repubblika tal-Polonja u sakemm dan l-Istat Membru josserva dan id-digriet jew sal-għoti tas-sentenza li ttemm il-Kawża”.

( 21 ) Digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Ottubru 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Polonja (C-441/17, mhux ippubblikat, EU:C:2017:794).

( 22 ) Sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-142/16, EU:C:2017:301, punt 42).

( 23 ) Sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Il-Kummissjoni vs Franza (C-383/09, EU:C:2011:369, punti 18 sa 21).

( 24 ) Dz. U. tal-2008, Nru 199, pożizzjoni 1227.

( 25 ) B. Brzeziecki, “Dinamika multiannwali tal-ħażniet forestali tal-foresta ta’ Białowieża (taħt kundizzjonijiet ta’ protezzjoni stretta)”, Stan Ekosystemów leśnysh Puszczy Białowieskiej, Centrum Informacyjne Lasów Państwowych, Varsovie, 2016, p. 45 sa 58.

( 26 ) Sentenzi tal-4 ta’ Frar 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja (113/86, EU:C:1988:59, punt 11), u tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (C-236/05, EU:C:2006:707, punt 12).

( 27 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Bulgarija (C-488/15, EU:C:2017:267, punt 46).

( 28 ) Ara, b’mod partikolari, il-premessi 1, 8 u 9 kif ukoll l-Anness ta’ din id-deċiżjoni (p. 645), li tattribwixxi lil dan is-sit il-kodiċi SIC PLC200004 Puszcza Białowieska.

( 29 ) Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C-258/11, EU:C:2013:220, punti 37 u 38), u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 et C-388/15, EU:C:2016:583, punti 35 u 36).

( 30 ) Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C-258/11, EU:C:2013:220, punt 36), u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 et C-388/15, EU:C:2016:583, punt 31).

( 31 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

( 32 ) Ara d-definizzjonijiet li jidhru fl-Artikolu 1(k) u (l) ta’ din id-direttiva.

( 33 ) Ara l-punt 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 34 ) Jista’ wkoll jiġi nnotat li jekk tiġi ammessa l-konformità tal-miżuri li jirriżulta mill-Anness tal-2016 u tad-Deċiżjoni Nru 51 mal-PZO tal-2015, dan iwassal sabiex jiġi aċċettat li l-awtoritajiet Pollakki jistgħu jemendaw lil dan il-PZO mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-għanijiet ta’ konservazzjoni li tali att ikollu jissodisfa normalment.

( 35 ) Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C-258/11, EU:C:2013:220, punt 28), u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 43).

( 36 ) Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C-258/11, EU:C:2013:220, punt 29), u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 et C-388/15, EU:C:2016:583, punt 44).

( 37 ) Sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C-521/12, EU:C:2014:330, punt 20), u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 45).

( 38 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 46).

( 39 ) Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C-258/11, EU:C:2013:220, punt 39), u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 et C-388/15, EU:C:2016:583, punt 47).

( 40 ) Sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2011, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-404/09, EU:C:2011:768, punt 100), tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C-258/11, EU:C:2013:220, punt 44), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 et C-388/15, EU:C:2016:583, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Sentenza 21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Ara, abbażi ta’ eżempju ta’ dan ir-rekwiżit, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-142/16, EU:C:2017:301, punti 61 u 62).

( 44 ) Ara s-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-142/16, EU:C:2017:301, punt 42).

( 45 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 46 ) Ara, f’dan is-sens, il-programm ta’ rimedju intitolat “program dwar il-foresta ta’ Białowieża bħala wirt kulturali u naturali tal-U[nesco] u bħala sit li jaqa’ taħt in-netwerk Natura 2000”, stabbilit mill-Ministru għall-Ambjent u d-Direttorat Ġenerali tal-Uffiċċju tal-Foresti, fil-25 ta’ Marzu 2016.

( 47 ) Sentenzi tal-11 ta’ April 2013, Sweetman et (C-258/11, EU:C:2013:220, punti 41 sa 43 u l-ġurisprudenza ċċitata), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 48 ) Sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C-521/12, EU:C:2014:330, punt 28), tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 54), u tas-26 ta’ April 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-142/16, EU:C:2017:301, punt 34).

( 49 ) Sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C-521/12, EU:C:2014:330, punt 35), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 50 ) Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2012, Nomarchiaki Aftodioikisi Aitoloakarnanias et (C-43/10, EU:C:2012:560, punti 114 u 115), kif ukoll tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 u C-388/15, EU:C:2016:583, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 51 ) Sentenzi tal-15 ta’ Mejju 2014, Briels et (C-521/12, EU:C:2014:330, punt 37), u tal-21 ta’ Lulju 2016, Orleans et (C-387/15 et C-388/15, EU:C:2016:583, punt 63).

( 52 ) Minbarra l-installazzjoni ta’ nases tal-feromoni li ġew innotati l-ineffiċjenzi tagħhom.