KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fl-20 ta’ Settembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑430/17

Walbusch Walter Busch GmbH & Co. KG

vs

Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main eV

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja))

“Protezzjoni tal-konsumatur — Artikoli 6(1) u 8(4) tad-Direttiva 2011/83/UE — Rekwiżiti ta’ informazzjoni għal kuntratti mill-bogħod u konklużi lil hinn mill-post tan-negozju — Kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 u emenda tal-obbligi ta’ informazzjoni għall-kuntratti konklużi permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni — Prospett pubbliċitarju li jirreferi għal hyperlink għall-partikolaritajiet li jirrigwardaw id-dritt ta’ rtirar — Obbligu li tiġi pprovduta formola standard ta’ rtirar imsemmija fl-Artikolu 6(1)(h) u fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83 — Artikolu 16 tal-Karta u l-libertà ta’ intrapriża — Libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fil-kuntest ta’ reklamar taħt l-Artikolu 11 tal-Karta”

I. Introduzzjoni

1.

Essenzjalment din il-kawża tirrigwarda t-tifsira li għandha tingħata lill-frażi “permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni” fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83/UE ( 2 ), u għalhekk iċ-ċirkustanzi li fihom ir-rekwiżiti tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 jinbidlu fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kummerċjanti lill-konsumaturi qabel ma dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jintrabtu b’kuntratt mill-bogħod jew b’kuntratt konkluż lil hinn mill-post tan-negozju.

2.

Id-Direttiva 2011/83 ħassret u ssostitwixxiet kemm id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE tal-20 ta’ Diċembru 1985 biex tħares lill-konsumatur rigward kuntratti nnegozjati barra mil-lok tan-negozju ( 3 ), u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 1997 dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi in rigward ta’ kuntratti li jsiru mill-bogħod ( 4 ), u għalhekk issimplifikat u aġġornat id-drittijiet protetti minn dawn id-direttivi f’miżura waħda ta’ armonizzazzjoni massima ( 5 ). Dan irriżulta fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, u għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tinterpreta għall-ewwel darba il-frażi “permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni” kif din tapplika għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod.

3.

B’mod iktar speċifiku, kummerċjant li poġġa prospetti pubbliċitarji fir-rivisti għall-bejgħ ta’ kowts kontra l-ilma (li jinkludu karta postali li tinqala’ li biha jiġu ordnati l-prodotti) jargumenta li huwa intitolat li jinvoka l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83. Għalhekk, huwa affermat li l-kummerċjant huwa meħtieġ biss li jinforma lill-konsumaturi bid-dritt tagħhom li jirtiraw qabel jidħlu f’kuntratt mill-bogħod għall-bejgħ tal-kowts, pjuttost milli bid-dettalji l-oħra stabbiliti fl-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83. Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 hija kkontestata miz-Zentrale zur Bekämpfung des unlauteren Wettbewerbs eV (“L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Kompetizzjoni Inġusta”) fil-Ġermanja, li ressaq azzjoni legali f’dan l-Istat Membru li hija s-suġġett tal-kawża prinċipali.

4.

Fil-każ li l-kummerċjant jista’ jinvoka l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, il-kawża prinċipali ser tkun tikkonċerna wkoll jekk id-dettalji li jikkonċernaw id-dritt ta’ rtirar għandhomx jiġu pprovduti mill-kummerċjant fil-prospett innifsu, jew jekk il-provvista tal-indirizz fuq l-Internet fejn ikunu jistgħu jinsabu dawn id-dettalji hijiex suffiċjenti. L-istess kwistjoni ser tqum fir-rigward tal-formola standard ta’ rtirar li tidher fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83 u li ssir referenza għaliha fl-Artikoli 6(1)(h) u 11(1) tad-Direttiva 2011/83.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea

5.

L-Artikolu 11 tal-Karta huwa intitolat “Il-libertà ta’ l-espressjoni u ta’ l-informazzjoni”. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà ta’ l-espressjoni. Dan id-dritt jinkludi l-libertà ta’ opinjoni u l-libertà li tirċievi jew tagħti informazzjoni u ideat mingħajr indħil mill-awtorità pubblika u indipendentement mill-fruntieri.”

6.

L-Artikolu 16 tal-Karta huwa intitolat “Il-libertà ta’ intrapriża” u jipprovdi:

“Il-libertà ta’ intrapriża skond il-liġi ta’ l-Unjoni u l-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali hija rikonoxxuta.”

7.

L-Artikolu 38 tal-Karta huwa intitolat “Protezzjoni tal-konsumatur” u jipprovdi:

“Il-politika ta’ l-Unjoni għandha tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur.”

2. Id-Direttiva 2011/83

8.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83 huwa intitolat “Suġġett” u jipprovdi:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

9.

L-Artikolu 6(1)(a) sa (h) tad-Direttiva 2011/83 jipprovdu:

“1.   Qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju, jew bi kwanlunkwe offerta korrispondenti, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur l-informazzjoni li ġejja b’mod ċar u komprensibbli:

(a)

il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, safejn xieraq għall-mezz u għall-oġġett jew is-servizzi;

(b)

l-identità tal-kummerċjant, bħall-isem kummerċjali tiegħu;

(c)

l-indirizz ġeografiku fejn il-kummerċjant huwa stabbilit u n-numru tat-telefon, tal-fax u l-indirizz tal-posta elettronika tiegħu, fejn ikun disponibbli, biex il-konsumatur ikun jista’ jagħmel kuntatt malajr mal-kummerċjant u jikkomunika b’mod effikaċi miegħu u, jekk applikabbli, l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li f’ismu jkun qed jaġixxi;

(d)

jekk differenti mill-indirizz ipprovdut skont il-punt (c), l-indirizz ġeografiku tal-post tan-negozju tal-kummerċjant, u fejn applikabbli dak tal-kummerċjant li f’ismu qed jaġixxi, fejn il-konsumatur jista’ jirreferi kwalunkwe lment;

(e)

il-prezz totali tal-oġġetti jew servizzi inklużi t-taxxi, jew fejn in-natura tal-oġġetti jew tas-servizzi hija tali li l-prezz ma jistax b’mod raġonevoli jiġi kkalkolat minn qabel, il-mod li bih il-prezz għandhu jiġi kkalkolat, kif ukoll, fejn hu applikabbli, kull imposta addizzjonali għat-trasport ta’ merkanzija, ghall-kunsinna jew għall-posta jew kwalunkwe spejjeż oħra jew, fejn dawk l-imposti ma jistgħux jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, il-fatt li tali imposti addizzjonali jistgħu jkunu dovuti. Fil-każ ta’ kuntratt għal żmien indeterminat jew ta’ kuntratt li jkun fih abbonament, il-prezz totali għandu jinkludi l-ispejjeż totali għall-perjodu ta’ kontijiet. Meta l-ħlas għal tali kuntratti jkun tariffa fissa, il-prezz totali għandu jkun ekwivalenti anki għall-ispejjeż totali ta’ kull xahar. Jekk l-ispejjeż totali ma jkunux jistgħu jiġu raġonevolment ikkalkolati minn qabel, għandhom jiġu pprovduti l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezz;

(f)

l-ispiża tal-użu tal-mezz tal-komunikazzjoni mill-bogħod għall-konklużjoni tal-kuntratt meta tali kost huwa kkalkolat fuq bażi differenti mit-tariffa bażika;

(g)

l-arranġamenti għall-ħlas, kunsinna, eżekuzzjoni, id-data sa meta l-kummerċjanti jimpenja ruħu jikkunsinna l-oġġetti jew jagħti s-servizzi u, jekk ikun il-każ, il-politika ta’ ġestjoni tal-ilmenti tal-kummerċjant;

(h)

f’każ li jeżisti dritt ta’ reċess, il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ reċess stabbilita fl-Anness I(B);”

10.

L-Artikolu 8(1) u (4) sa (7) tad-Direttiva 2011/83 jipprovdi:

“1.   Fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu jagħti l-informazzjoni prevista fl-Artikolu 6(1) lill-konsumatur jew jagħmel dik l-informazzjoni disponibbli f’mod adegwat għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem. Sakemm dik l-informazzjoni tiġi pprovduta fuq mezz li jservi għal żmien twil, hija għandha tkun leġġibbli.

[…]

4.   Jekk il-kuntratt jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni, il-kummerċjant għandu jipprovdi, fuq dak il-mezz partikolari qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt bħal dan, tal-anqas l-informazzjoni prekuntrattwali dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-oġġetti jew tas-servizzi, l-identità tal-kummerċjant, il-prezz totali, id-dritt ta’ reċess, it-tul ta’ żmien tal-kuntratt u, fil-każ ta’ kuntratti għal żmien indeterminat, il-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 6(1), punti (a), (b), (e), (h) u (o). L-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tingħata mill-kummerċjant lill-konsumatur f’mod xieraq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

5.   Bla ħsara għall-paragrafu 4, jekk il-kummerċjant iċempel lill-konsumatur bil-għan li jikkonkludi kuntratt mill-bogħod, huwa għandu, fil-bidu tal-konversazzjoni mal-konsumatur, jiżvela l-identità tiegħu u, jekk applikabbli, l-identità ta’ dik il-peruna li f’isimha qed jagħmel it-telefonata, kif ukoll l-iskop kummerċjali tat-telefonata.

6.   Meta kuntratt mill-bogħod jiġi konkluż bit-telefon, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-kummerċjant għandu jikkonferma l-offerta lill-konsumatur, li huwa marbut biss ladarba jiffirma l-offerta jew ikun bagħat il-kunsens tiegħu bil-miktub. L-Istati Membri jistgħu wkoll jipprevedu li tali konfermi għandhom isiru b’mezz li jservi għal żmien twil.

7.   Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bil-konferma tal-kuntratt konkluż f’mezz li jservi għal żmien twil, fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux iktar tard mill-kunsinna tal-oġġetti jew qabel ma tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz. Dik il-konferma għandha tinkludi:

(a)

l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 6(1) ħlief jekk il-kummerċjant diġà ta dik l-informazzjoni lill-konsumatur f’mezz li jservi fit-tul qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u

(b)

fejn applikabbli, il-konferma tal-kunsens espliċitu minn qabel tal-konsumatur u tal-avviż ta’ riċeviment tal-konsumatur skont il-punt (m) tal-Artikolu 16.”

11.

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/83 huwa intitolat “Eżerċizzju tad-dritt ta’ reċess”. L-Artikolu 11(1) jipprovdi:

“Qabel ma jiskadi l-perjodu tad-dritt ta’ reċess, il-konsumatur għandu jinforma lill-kummerċjant bid-deċiżjoni ta’ reċess mill-kuntratt. Għal dan il-għan, il-konsumatur jista’:

(a)

juża formola standard ta’ reċess kif stipulata fl-Anness I(B); jew

(b)

jagħmel kwalunkwe dikjarazzjoni espliċita oħra tad-deċiżjoni tiegħu li jirreċedi mill-kuntratt.

L-Istati Membri ma għandhomx jipprovdu l-ebda rekwiżit formali applikabbli għall-formola standard ta’ reċess differenti minn dawk stabbiliti fl-Anness I(B).”

B.   Id-dritt nazzjonali

12.

L-Artikolu 355 tal-Bürgerliches Gesetzbuch (il-Kodiċi Ċivili, iktar ’il quddiem il-“BGB”) huwa intitolat “Id-dritt ta’ rtirar fil-kuntratti tal-konsumatur”. L-Artikolu 355(1) tal-BGB jipprovdi:

“Jekk il-konsumatur jingħata, bil-liġi, id-dritt ta’ rtirar skont din id-dispożizzjoni, il-konsumatur u l-kummerċjant ma jibqgħux marbuta bid-dikjarazzjonijiet tal-intenzjoni tagħhom li jikkonkludu l-kuntratt jekk il-konsumatur jirtira d-dikjarazzjoni tal-intenzjoni tiegħu fiż-żmien speċifikat. L-irtirar jitwettaq b’dikjarazzjoni li ssir lill-kummerċjant. Id-dikjarazzjoni għandha tirrifletti b’mod ċar id-deċiżjoni tal-konsumatur li jirtira mill-kuntratt. L-irtirar ma jeħtieġx xi motiv. Huwa suffiċjenti li l-irtirar jintbagħat fil-ħin biex jiġi osservat it-terminu.”

13.

L-Artikolu 312d tal-BGB huwa intitolat “Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni”. L-Artikolu 312d(1) tal-BGB jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant huwa obbligat li jinforma lill-konsumatur skont id-dikjarazzjonijiet tal-Artikolu 246a tal-Liġi Introduttorja għall-Kodiċi Ċivili (Einführungsgesetz zum Bürgerlichen Gesetzbuche, iktar ’il quddiem l-“EGBGB”). Sakemm il-partijiet kontraenti ma jkunux b’mod espliċitu qablu xort’oħra, l-informazzjoni li jipprovdi l-kummerċjant biex iwettaq dan l-obbligu għandha ssir parti mis-suġġett tal-kuntratt.”

14.

L-Artikolu 312g tal-BGB huwa intitolat “Id-dritt ta’ rtirar”. L-Artikolu 312g(1) tal-BGB jipprovdi:

“Fil-każ ta’ kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod, il-konsumatur għandu d-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355”.

15.

L-Artikolu 246a tal-EGBGB huwa intitolat “Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni għall-kuntratti konklużi lil hinn mill-post tan-negozju u kuntratti mill-bogħod minbarra l-kuntratti ta’ servizzi finanzjarji”. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa intitolat “Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni” u jipprovdi:

“[…]

(2)   Jekk il-konsumatur huwa intitolat għad-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 312g(1) tal-BGB, il-kummerċjant huwa obbligat li jinforma lill-konsumatur

1.

dwar il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċedura biex jiġi eżerċitat id-dritt ta’ rtirar skont l-Artikolu 355(1) tal-BGB kif ukoll il-formola standard ta’ rtirar stabbilita fl-Anness 2,

[…]”

16.

L-Artikolu 246a(3) tal-EGBGB huwa intitolat “Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni ffaċilitati fil-każ ta’ għażliet limitati ta’ preżentazzjoni” u jipprovdi:

“Jekk il-kuntratt mill-bogħod jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod, li jippermetti spazju jew ħin limitat biss biex tingħata l-informazzjoni lill-konsumatur, il-kummerċjant huwa obbligat li jipprovdi lill-konsumatur, minn tal-inqas, bl-informazzjoni li ġejja permezz ta’ dan il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod:

[…]

4.

Jekk applikabbli, l-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar u

[…]

L-informazzjoni addizzjonali skont il-paragrafu 1 għandha tingħata lill-konsumatur b’mod adattat skont il-paragrafu 4(3)”.

17.

L-Artikolu 246a(4) tal-EGBGB huwa intitolat “Ir-rekwiżiti formali sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti ta’ informazzjoni”. Huwa jipprovdi:

“(1)   Il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni speċifikata fil-paragrafi 1 sa 3 b’mod ċar u li jinftiehem qabel ma l-konsumatur jissottometti d-dikjarazzjoni tiegħu tal-kuntratt.

[…]

(3)   Fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur bl-informazzjoni b’mod li tiġi adattata għall-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod użat. Sa fejn l-informazzjoni tingħata fuq mezz dejjiemi, din għandha tkun leġġibbli u l-kummerċjant għandu jkun imsemmi. Minkejja l-ewwel sentenza, il-kummerċjant jista’ jagħmel l-informazzjoni speċifikata fit-tieni sentenza tal-paragrafu 3 aċċessibbli lill-konsumatur b’mod adattat.”

III. Il-fatti u d-domanda preliminari

18.

L-Uffiċċju għall-Prevenzjoni tal-Kompetizzjoni Żleali, Frankfurt am Main, huwa r-rikorrent fil-kawża prinċipali u l-konvenut fl-appell (iktar ’il quddiem ir-“rikorrent”). L-appell qiegħed jinstema’ fil-Ġermanja quddiem il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”).

19.

Fl-2014, Walbusch Walter Busch, il-konvenut fil-kawża prinċipali u l-appellant quddiem il-qorti tar-rinviju (iktar ’il quddiem il-“konvenut”) qassam bħala suppliment għal diversi rivisti u gazzetti, prospett pubbliċitarju li jintewa f’sitt partijiet tal-kejl ta’ 19 x 23.7 ċm (iktar ’il quddiem il-“prospett”). In-nofs t’isfel tan-naħa tal-lemin tal-prospett kien fih karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti li tinqala’. Kemm quddiem u wara tal-karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti kienu jagħmlu riferiment għad-dritt leġiżlattiv ta’ rtirar. In-numru tat-telefon, in-numru tal-fax, l-indirizz tal-internet u l-indirizz postali tal-konvenut ingħataw f’kolonna fil-ġenb ta’ quddiem tal-karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti, taħt l-intestatura “So bestellen Sie bei …” (Kif għandek tagħmel l-ordni mingħand …), bin-numru tat-telefon tiegħu u l-indirizz tal-internet jidhru taħt l-intestatura “Bestellservice” (Is-servizz li tordna bih) fil-parti t’isfel ta’ quddiem u wara tal-prospett meta mitwi. Meta kont tidħol fil-browser tal-internet, l-indirizz tal-internet kien itella’ l-paġna prinċipali tas-sit tal-internet tal-konvenut. L-istruzzjonijiet fuq l-irtirar u l-formola standard ta’ rtirar kienu aċċessibbli permezz tal-link għat-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali li kienu pprovduti taħt l-intestatura “Rechtliches” (materji legali).

20.

Ir-rikorrent joġġezzjona għall-prospett għaliex dan ma fihx istruzzjonijiet xierqa fuq l-irtirar, u l-formola standard ta’ rtirar ma hijiex annessa miegħu, iżda hija aċċessibbli permezz tas-sit tal-internet. Wara li l-ittra ta’ intimazzjoni li ntbagħtet ma kinitx ta’ suċċess, ir-rikorrent ressaq kawża għal inibizzjoni u għall-irkupru tal-ispejjeż tal-ittra ta’ intimazzjoni preliminari fl-ammont ta’ EUR 246.10 bl-interessi.

21.

Din il-kawża, imressqa quddiem il-Landgericht (il-Qorti Reġjonali) kienet, essenzjalment, ta’ suċċess. Madankollu, il-qorti tal-appell immodifikat parzjalment din id-deċiżjoni u kkonstatat, fost affarijiet oħra, li l-konvenut kien ordnat li jastjeni, fl-iżvolġiment tal-kummerċ, milli jippermetti lill-konsumaturi jikkonkludu kuntratti mill-bogħod għax-xiri ta’ prodotti permezz ta’ pubblikazzjoni stampata, mingħajr ma jipprovdi direttament fuq il-pubblikazzjoni stampata stess l-informazzjoni speċifika fuq: il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar, b’mod partikolari l-isem u l-indirizz tal-persuna lil min għandha tkun indirizzata n-notifika ta’ rtirar, u mingħajr ma jehmeż il-formola standard ta’ rtirar mal-pubblikazzjoni stampata.

22.

Permezz tal-appell fuq punt ta’ liġi lill-qorti tar-rinviju, il-konvenut żamm it-talba tiegħu li l-kawża għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi. Ir-rikorrent jitlob li l-appell fuq punt ta’ liġi għandu jiġi miċħud.

23.

Skont il-qorti tar-rinviju, is-suċċess tal-appell fuq punt ta’ liġi jiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(h) u l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83. Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li l-ewwel domanda li tqum għandha x’taqsam mal-kriterju biex jiġi evalwat jekk mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (f’dan il-każ prospett pubbliċitarju b’karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti) jippermettix spazju jew ħin limitati għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, kif ipprovdut fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi minn jekk (1) il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (b’mod astratt) jippermettix biss, min-natura tiegħu stess, spazju jew ħin limitati, jew minn jekk (2) dan il-mezz (f’dan il-każ partikolari), fil-forma tiegħu kif magħżula mill-kummerċjant, jipprovdix spazju jew ħin limitati (l-ewwel domanda).

24.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk il-libertà tal-kummerċjanti li jiddisinjaw ir-reklamar tagħhom kif jixtiequ, u l-libertà ta’ intrapriża, kif protetti mill-Artikolu 16 tal-Karta hijiex rilevanti għar-riżoluzzjoni tal-kwistjonijiet legali li jqumu fil-kawża prinċipali, flimkien mar-restrizzjonijiet tekniċi inerenti fin-natura tal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod inkwistjoni. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk l-interessi tal-konsumatur ikunux protetti aħjar jekk huma ma jirċevux informazzjoni komprensiva dwar l-eżerċizzju tad-dritt ta’ rtirar u l-formola standard ta’ rtirar biss wara li jkun ġie konkluż il-kuntratt mill-bogħod.

25.

Il-kwistjoni l-oħra li tqum hija jekk huwiex kompatibbli mal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83 li, fil-każ ta’ possibbiltà limitata ta’ preżentazzjoni ta’ tali informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83/UE, l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tkun limitata għal indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt. Għandha r-risposta għal din id-domanda tkun influwenzata mill-bżonn li tiġi evitata restrizzjoni sproporzjonata fuq il-libertà ta’ reklamar? Il-qorti tar-rinviju tosserva, fost l-oħrajn, li skont il-premessa 4 tad-Direttiva 2011/83, id-Direttiva tfittex li tiggarantixxi li l-bilanċ ġust jintlaħaq bejn livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-impriżi.

26.

Fl-aħħar nett, fil-każ li jkun hemm possibbiltà limitata ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni, u li l-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar ma tistax tiġi limitata għal indikazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt, id-domanda l-oħra li tqum hija jekk skont l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83 huwiex dejjem meħtieġ, b’mod imperattiv, li, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod, inkluż fil-każ ta’ possibbiltà limitata ta’ preżentazzjoni tal-informazzjoni, il-formola standard ta’ rtirar, prevista fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83, tiġi annessa mal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (it-tielet domanda)?

27.

Il-proċeduri ġew sospiżi, u ġew irrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:

“(1)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva [2011/83], il-kwistjoni ta’ jekk mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (f’dan il-każ prospett pubbliċitarju b’karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti) jippermettix spazju jew ħin limitati għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni, tiddependi minn jekk,

a)

il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (b’mod astratt) jippermettix biss, min-natura tiegħu stess, spazju jew ħin limitati,

jew minn jekk,

b)

dan il-mezz (b’mod konkret), fil-forma tiegħu kif magħżula mill-kummerċjant, jipprovdi biss spazju jew ħin limitati?

(2)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 8(4) u mal-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva [2011/83] li, fil-każ ta’ possibbiltà limitata ta’ preżentazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva [2011/83], l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tkun limitata għall-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt?

(3)

Skont l-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva [2011/83] huwa dejjem meħtieġ, b’mod imperattiv, li, qabel il-konklużjoni ta’ kuntratt mill-bogħod, inkluż fil-każ ta’ possibbiltà limitata ta’ preżentazzjoni, il-formola standard ta’ rtirar, prevista fil-Parti B tal-Anness I tad-Direttiva [2011/83], tiġi annessa mal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod?”

28.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja mir-rikorrent, mill-Gvern Ġermaniż, mill-Gvern Finlandiż u mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni. Ir-rikorrent, il-Ġermanja u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet fis-seduta li saret fis-7 ta’ Ġunju 2018, kif għamel ukoll il-konvenut.

IV. Sunt tal-osservazzjonijiet bil-miktub

29.

Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-Polonja tikkonstata li l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 ma tipprovdi l-ebda soluzzjoni għall-kwistjoni ppreżentata, u tinnota li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u il-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 6 ).

30.

Ir-rikorrent, il-Finlandja, il-Polonja u l-Kummissjoni jsostnu, fir-rigward tal-ewwel domanda li hija n-natura astratta tal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li hija deċiżiva fid-dawl, fost affarijiet oħra, tal-fatt li d-Direttiva 2011/83 għandha l-għan li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur. Fi kliem ieħor, huma jappoġġaw l-ewwel alternattiva mogħtija mill-qorti tar-rinviju.

31.

L-erbgħa kollha jargumentaw ukoll li din l-interpretazzjoni hija wkoll konsistenti mal-premessa 36 tad-Direttiva 2011/83, li tistabbilixxi, fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod, li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni “għandhom jiġu adattati biex jieħdu inkonsiderazzjoni l-limiti tekniċi ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni” ( 7 ). Ir-rikorrent jikkonstata li l-premessa 36 tirreferi, pereżempju, għall-opportunitajiet ta’ preżentazzjoni limitati fuq skrins tat-telefon ċellulari. Għalhekk, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried jenfasizza r-restrizzjonijiet tekniċi inerenti f’ċertu mezzi ta’ komunikazzjoni.

32.

Ir-rikorrent u l-Kummissjoni huma tal-opinjoni li kull ksur tad-drittijiet fundamentali tal-konvenut huwa proporzjonat, u li dawn għandhom ikunu ggarantiti, f’kull każ, fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur, li huwa protett mill-Artikolu 38 tal-Karta.

33.

Il-Finlandja u l-Kummissjoni jargumentaw li jekk il-“mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod” imsemmija fl-Artikolu 8(4) jirreferu għall-mezzi magħżula mill-kummerċjant fil-każ partikolari, il-kummerċjant seta’ jevita l-obbligi li hemm fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 permezz tal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod magħżul. Ikun hemm riskju li l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 jiġi mċaħħad miċ-ċertezza legali u mill-effett utli tiegħu.

34.

Il-Kummissjoni żżid li r-regola stabbilita mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 hija diretta għal sitwazzjonijiet li fihom il-mezzi ta’ komunikazzjoni fihom restrizzjonijiet tekniċi li jeskludu li jiddaħħlu testi itwal, bħar-restrizzjonijiet fuq l-għadd ta’ karattri li jistgħu jiġu murija fuq telefon ċellulari jew restrizzjonijiet bħalma huwa l-ħin fuq spots ta’ reklamar televiżiv. F’dawn il-każijiet, id-Direttiva 2011/83 tawtorizza li jingħata aċċess lill-konsumatur għal parti minn din l-informazzjoni permezz ta’ hyperlink jew billi jissemma numru tat-telefon b’xejn fejn din tista’ tinkiseb. Jekk dawn ir-restrizzjonijiet jgħibu minħabba progress fit-teknoloġija, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 ma jibqax japplika.

35.

Il-Kummissjoni ssostni li l-limitazzjoni fuq il-libertà tal-kummerċjant, li tissarraf f’obbligu li jintgħażel dejjem mezz ta’ reklamar li huwa suffiċjenti biex jinkludi l-informazzjoni kollha fuq l-irtirar mill-kuntratt u l-informazzjoni obbligatorja l-oħra hija ġustifikata mill-protezzjoni tal-konsumatur u ma hijiex sproporzjonata. L-istess japplika fil-kuntest tal-Artikolu 16 tal-Karta. Minbarra hekk, l-obbligi imposti mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 japplikaw biss għall-kuntratti mill-bogħod kif iddefiniti mill-Artikolu 2(7) tad-Direttiva 2011/83.

36.

Il-Kummissjoni tinvoka wkoll id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Canal Digital Danmark ( 8 ), u ssostni li ċertu punti ta’ din id-deċiżjoni, li jinterpretaw dispożizzjoni simili għall-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 li tidher fid-Direttiva 2005/29/KE ( 9 ), jappoġġjaw l-argument tagħha ( 10 ).

37.

Ir-rikorrent iżid li l-Artikolu 8(7)(a) tad-Direttiva 2011/83 ma jbiddilx ir-risposta proposta minnu għall-ewwel domanda. Huwa jobbliga lill-kummerċjanti jipprovdu lill-konsumaturi bil-konferma tal-kuntratt konkluż fuq mezz dejjiemi fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux iktar tard mill-kunsinna tal-oġġetti jew qabel ma tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz, inkluża l-informazzjoni fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, sakemm ma tkunx diġà ġiet ipprovduta fuq mezz dejjiemi. Jekk l-Artikolu 8(7)(a) kellu jiġi interpretat mod ieħor, l-Artikolu 8(4) ikun superfluwu.

38.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrent, il-Finlandja u l-Kummissjoni jargumentaw li l-Artikolu 8(4) huwa eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod ristrett.

39.

Fir-rigward tat-tieni domanda, ir-rikorrent, il-Finlandja, il-Polonja u l-Kummissjoni isostnu li mhuwiex biżżejjed li tiġi limitata l-informazzjoni pprovduta sempliċiment għall-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar, mingħajr ma jkun meħtieġ li tiġi kkomunikata l-informazzjoni supplimentari fuq il-mezz ta’ komunikazzjoni għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt li tidher fl-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83.

40.

Ir-rikorrent jenfasizza li l-ewwel sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 tindika b’mod ċar li fil-każijiet kollha għandha tiġi kkomunikata ċertu informazzjoni minima. Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83, skont liema din l-informazzjoni minima tfisser “il-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt”. Għalhekk, permezz tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, il-leġiżlatur tal-Unjoni ħaseb għal sistema espliċita u konkreta għall-provvista tal-informazzjoni li għandha tingħata irrispettivament mir-restrizzjonijiet tekniċi (ara l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 u l-frażi “fuq dak il-mezz partikolari”). Il-Finlandja u l-Polonja jieħdu pożizzjoni simili.

41.

Ir-rikorrent jikkonstata wkoll li r-riferiment fid-deċiżjoni tar-rinviju għal-libertà ta’ intrapriża għandu, f’dan il-kuntest, jitqies bl-istess mod kif kien meqjus fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-ewwel domanda; l-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur għandhom jipprevalu.

42.

Il-Finlandja żżid, fil-kuntest tat-tieni domanda, li wieħed ma jista’ jinferixxi l-ebda appoġġ mill-Artikolu 8(7)(a) tad-Direttiva 2011/83, li jipprovdi għal ċertu informazzjoni li tiġi pprovduta mill-kummerċjanti iktar tard “f’mezz li jservi fit-tul”, għall-provvista ta’ informazzjoni prekuntrattwali li tkun ristretta għall-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar. Il-Finlandja targumenta wkoll li l-informazzjoni pprovduta lil konsumatur li jkun qed jikkunsidra kuntratt mill-bogħod, hija ta’ importanza fundamentali, għaliex hija fuq din il-bażi li l-konsumatur jiddeċiedi jekk ikunx marbut minnu.

43.

Fir-rigward tat-tielet domanda, ir-rikorrent u l-Kummissjoni jargumentaw li, minħabba l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83, il-formola standard ta’ rtirar mill-kuntratt għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur anki meta jkun japplika l-Artikolu 8(4). Madankollu, il-Finlandja, b’sostenn mill-Polonja, issostni li l-formola ta’ irtirar stess ma tifformax parti mill-“informazzjoni” fuq id-dritt ta’ rtirar imsemmi fid-Direttiva 2011/83, u għalhekk m’għandhiex għalfejn tkun ipprovduta qabel ma l-konsumatur ikun marbut b’kuntratt konkluż mill-bogħod.

44.

Il-Ġermanja tipproponi soluzzjoni għad-domandi rrinvijati li hija differenti minn dik tar-rikorrent, il-Finlandja, il-Polonja u l-Kummissjoni. Fir-rigward tal-ewwel domanda, il-Ġermanja ssostni, fost affarijiet oħra, li l-mezz konkret ta’ komunikazzjoni magħżul mill-kummerċjant huwa determinanti biex jiġi deċiż jekk il-kuntratt konkluż mill-bogħod jaqax taħt l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, biex b’hekk l-obbligu ta’ informazzjoni mnaqqsa previst fl-Artikoli 8(4) u 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83 japplika għall-prospett inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

45.

Il-Ġermanja ssostni li la l-formulazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 u lanqas il-premessi tad-Direttiva 2011/83 ma jappoġġaw li tiġi limitata d-dispożizzjoni għal ċertu mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod. Il-metodi ta’ komunikazzjoni msemmija fil-premessa 36 huma biss eżempji.

46.

Il-Ġermanja ssostni li l-għan li jrid jintlaħaq mid-Direttiva 2011/83 ma jobbligax lill-kummerċjanti li dejjem jipprovdu informazzjoni kompleta fuq id-dritt ta’ rtirar qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. L-għan tad-Direttiva 2011/83 huwa li tipprovdi livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u li toħloq qafas legali b’saħħtu, għall-konsumatur daqs kemm għall-kummerċjant. Dan l-għan huwa daqstant ieħor żgurat mill-Artikolu 8(7)(a) tad-Direttiva 2011/83. B’mod realistiku, ma jistax jiġi eskluż li ħafna konsumaturi ma jżommux il-prospetti pubbliċitarji wara li jkunu għamlu l-ordnijiet tagħhom. Huwa għalhekk essenzjali li tiġi kkomunikata informazzjoni ddettaljata fuq id-dritt ta’ rtirar mhux iktar tard mill-kunsinna biex jiġi żgurat li l-konsumaturi huwa konsapevoli tad-dritt. L-Artikolu 8(7)(a) tad-Direttiva 2011/83 jiggarantixxi rispett sħiħ tad-drittijiet tal-konsumaturi.

47.

L-impożizzjoni ta’ obbligi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni mnaqqsa, prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-libertà tal-kummerċjanti ta’ intrapriża taħt l-Artikolu 16 tal-Karta mingħajr ma jingħata l-ebda vantaġġ lill-konsumaturi. Skont l-Artikolu 52(1) tal-Karta, il-libertà tal-kummerċjant li jagħżel il-mezz ta’ reklamar ma tistax tkun ristretta b’mod sproporzjonat. Jekk il-mezz ta’ komunikazzjoni magħżul mill-kummerċjant ma jkollu l-ebda effett fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, hemm riskju li l-kummerċjanti ma jkunux jistgħu jużaw ċertu forom ta’ reklamar għaliex it-tip ta’ reklamar jispiċċa jegħreq fl-isfond minħabba l-ammont kbir ta’ informazzjoni obbligatorja. Il-Ġermanja tenfasizza wkoll it-tieni sentenza tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, li tipprovdi li “[l]-informazzjoni l-oħra msemmija fl-Artikolu 6(1) għandha tingħata mill-kummerċjant lill-konsumatur b’mod xieraq skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu”.

48.

Fir-rigward tat-tieni domanda, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li, meta jintuża mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod “li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjanti huma għalhekk obbligati biss li jinfurmaw lill-konsumaturi bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar, u li dan ma jippreġudikax il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi. Obbligu iktar oneruż ieħor fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-konsumaturi fuq id-dritt ta’ rtirar ikun jikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata fuq id-dritt ta’ reklamar.

49.

Fid-dawl tal-volum tal-informazzjoni fuq id-dritt ta’ rtirar li għandha tiġi kkomunikata lill-konsumaturi, l-għan tad-Direttiva 2011/83 deskritt hawn fuq, u l-interessi tal-konsumaturi u l-kummerċjanti, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li t-titjib tal-ammont ta’ informazzjoni huwa xieraq meta hemm possibbiltajiet ta’ preżentazzjoni limitati.

50.

Il-Ġermanja tirreferi għall-premessa 4 tad-Direttiva 2011/83, li tipprovdi, fost affarijiet oħra, li għandu jintlaħaq bilanċ bejn il-livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u l-kompetittività tal-intrapriżi. L-eċċezzjoni fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 tieħu inkunsiderazzjoni l-ispazju u l-ħin imnaqqsa imposti mit-tekniki ta’ komunikazzjoni mill-bogħod u tirreaġixxi wkoll kontra restrizzjonijiet sproporzjonati fuq il-libertà ta’ reklamar tal-kummerċjanti. Hawn il-Ġermanja tosserva wkoll li, f’kull każ, huwa l-Artikolu 8(7)(a) tad-Direttiva 2011/83 li huwa essenzjali għall-konsumaturi.

51.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet domanda, il-Ġermanja targumenta li, fejn hemm spazju u ħin limitati għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni, id-dritt ta’ rtirar jista’ jkun ristrett għall-eżistenza ta’ dan id-dritt, u mhuwiex dejjem meħtieġ li tkun mehmuża mal-mezz tal-komunikazzjoni mill-bogħod il-formola standard ta’ rtirar stabbilita fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83.

V. Evalwazzjoni

A.   Kunsiderazzjonijiet ġenerali

52.

Il-punt ċentrali ta’ din il-kawża jinsab fl-ewwel domanda, u jekk japplikawx kriterji oġġettivi jew suġġettivi meta qorti ta’ Stat Membru tiddeċiedi li “il-kuntratt jiġi konkluż permezz ta’ mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju u ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni” taħt l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83.

53.

Jien wasalt għall-konklużjoni, fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, li l-ewwel alternattiva proposta mill-qorti tar-rinviju tapplika għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83. Jiġifieri, biex jiġi ddeterminat jekk il-prospett li fih biljett żgħir huwiex “mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju u ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni” jiddependi minn jekk il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (b’mod astratt) jippermettix biss, min-natura tiegħu stess, spazju jew ħin limitati. Kif jirriżulta mill-analiżi li ssegwi, dan l-approċċ oġġettiv jirrifletti s-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, iktar milli l-analiżi suġġettiva inerenti fil-kunsiderazzjoni ta’ jekk, fil-każ partikolari, il-mezz ta’ komunikazzjoni inkwistjoni joffrix spazju jew ħin limitati fid-disinn magħżul għalih mill-kummerċjant, li kienet it-tieni alternattiva msemmija għall-ewwel domanda.

54.

Il-qorti tar-rinviju staqsiet sabiex għat-tieni domanda, dwar il-kontenut tad-dritt ta’ rtirar fuq il-formola standard ta’ rtirar fl-Anness I(B), tingħata risposta biss fil-każ li t-tieni alternattiva msemmija fl-ewwel domanda tiġi adottata. Jien ser nirrispondi t-tieni u t-tielet domanda biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mar-risposta proposta għall-ewwel domanda.

55.

Qabel nagħmel hekk, jien ser nagħmel xi rimarki preliminari.

B.   Rimarki preliminari

56.

Huwa importanti li l-ewwel jiġi osservat li l-emenda fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni imposti mill-Artikolu 6(1) tagħha, hija waħda li tappartjeni biss għall-mezzi li bihom il-kummerċjanti jipprovdu lill-konsumaturi l-informazzjoni stabbilita fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 qabel ma dawn il-konsumaturi jintrabtu b’kuntratti mill-bogħod jew konklużi lil hinn mill-post tan-negozju, iżda mhux għall-kontenut ta’ x’għandu jiġi kkomunikat. Kif stabbilit fil-premessa 35 tad-Direttiva 2011/83, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta mill-kummerċjant lill-konsumatur għandha tkun mandatorja. L-informazzjoni li mhux imsemmija fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 bħala li taqa’ taħt l-emenda li ġiet maħluqa minn din id-dispożizzjoni għandha sempliċiment tiġi pprovduta, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 8(4), mill-kummerċjant lill-konsumatur “f’mod xieraq” skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/83. Minħabba r-riferiment għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/83, dan għandu jsir qabel ma l-konsumatur jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew konkluż lil hinn mill-post tan-negozju.

57.

Id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jagħmel eċċezzjoni fir-rigward tal-mezzi, pjuttost milli l-kontenut, huwa konsistenti mal-garanzija ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur fil-politiki kollha tal-Unjoni taħt l-Artikolu 38 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u appoġġat fl-Artikoli 12, 114(3) u 169 TFUE. Minbarra hekk, minħabba ż-żieda fil-prevalenza tal-kuntratti tal-konsumatur konklużi mill-bogħod, li saru possibbli permezz tat-teknoloġiji diġitali, il-garanzija tal-effet utli tad-Direttiva 2011/83 hija kkonfrontata bi sfidi dejjem iktar kumplessi.

58.

Minbarra hekk, parti sinjifikanti mill-argumentazzjoni tal-konvenut kienet ibbażata fuq il-libertà ta’ intrapriża taħt l-Artikolu 16 tal-Karta ( 11 ). Kultant dan jikkoinċidi mal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fil-kuntest tar-reklamar li hija protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta ( 12 ), u li l-qorti diġà kellha l-okkażjoni li tikkunsidra fir-rigward tal-imballaġġ u l-ittikkettjar ( 13 ). Dan id-dritt huwa wkoll rilevanti fejn il-liġi timponi restrizzjonijiet fir-rigward tal-pubbliċità u l-kummerċjalizzazzjoni, u l-mezzi u l-kundizzjonijiet li taħthom jistgħu jiġu ordnati l-prodotti u s-servizzi mill-konsumaturi, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali.

59.

Madankollu, huwa importanti li jiġi enfasizzat li meta jiġi invokat l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali f’kuntest li fih il-protezzjoni tal-konsumatur hija rilevanti, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll l-Artikolu 38 tal-Karta ( 14 ), irrispettivament minn jekk l-Artikolu 38 huwiex prinċipju, u għalhekk limitat taħt l-Artikolu 52(5) tal-Karta għal rwol fl-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE, jew dispożizzjoni li tagħti drittijiet suġġettivi ( 15 ). L-Artikolu 38 tal-Karta għandu l-istess rwol meta l-Artikolu 11 tal-Karta huwa rilevanti fir-rigward tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fil-kuntest tar-reklamar ( 16 ).

C.   Ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda

1. L-analiżi tal-ewwel domanda

60.

Kif indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Polonja, il-kliem tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 ma jipprovdi l-ebda indikazzjoni dwar jekk il-prospett inkwistjoni fil-kawża prinċipali jammontax għal “mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod li jippermetti spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni” taħt dak l-artikolu. Lanqas id-dokumenti rilevanti għall-oriġini tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, bħal pereżempju it-travaux préparatoires (xogħol preparatorju), ma huma ta’ għajnuna ( 17 ), iżda jiena nosserva li d-Dokument ta’ Gwida tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva 2011/83 jistabbilixxi f’paġna 33 li “L-Artikolu 8(4) għandu japplika primarjament għall-kuntratti konklużi bl-użu ta’ teknoloġiji bħall-SMS, li jimponu limiti tekniċi fuq l-ammont ta’ informazzjoni li jista’ jintbagħat” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 18 ).

61.

Madankollu, il-kuntest u l-għan tal-Artikoli 6(1) u 8(4) tad-Direttiva 2011/83 huma iktar sinjifikanti.

62.

Fir-rigward tal-għan, kif indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Finlandja u tal-Kummissjoni, li kieku kellhom jiġu użati l-kriterji “tal-każ partikolari” fir-rigward tad-disinn magħżul mill-kummerċjant, ċioè t-tieni alternattiva msemmija mill-qorti tar-rinviju fl-ewwel domanda, dan iħalli l-kwistjoni taċ-ċirkustanzi li fihom tapplika l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 f’idejn il-kummerċjanti, u fl-għażliet tagħhom tal-mezzi ta’ komunikazzjoni għar-reklamar u l-offerta tal-kuntratti mill-bogħod. Dan ikun inkonsistenti mal-għan li jidher fil-premessa 2 tad-Direttiva 2011/83 li ‘tistipula regoli standard għall-aspetti komuni tal-kuntratti’ u l-istabbiliment ta’ “qafas regolatorju uniku bbażat fuq kunċetti legali definiti” kif previst fil-premessa 7. Dan ikun jirriżulta wkoll fit-tnaqqis tal-effett utli tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, u jmur kontra r-regola li d-derogi mir-regoli tal-Unjoni Ewropea għall-protezzjoni tal-konsumaturi għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett ( 19 ).

63.

Minbarra hekk, jiena naqbel li l-għan tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, kif rifless fil-premessa 36, huwa li tiżgura l-provvista tal-informazzjoni kollha lill-konsumaturi meħtieġa mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, anki meta t-teknoloġiji ġodda użati mill-kummerċjanti biex jirreklamaw u joffru kuntratti mill-bogħod jagħmlu l-komunikazzjoni tagħhom diffiċli. Il-premessa 36 issemmi l-ħtieġa li jiġu adattati r-rekwiżiti ta’ informazzjoni “biex jieħdu inkonsiderazzjoni l-limiti tekniċi ta’ ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħar-restrizzjonijiet tal-għadd ta’ karattri fuq ċerti skrins tat-telefon ċellulari” (enfasi tiegħi). Il-pożizzjoni tad-Direttiva 2011/83 fuq il-mezzi (oġġettivi) ta’ komunikazzjoni użati hija wkoll riflessa fil-premessa 20 li tikkonferma li t-tifsira ta’ kuntratt mill-bogħod tkopri l-użu esklussiv tal-mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod bħalma huma l-“posta, Internet, telefon jew faks”.

64.

Fir-rigward tal-kuntest, kif jiena diġà semmejt f’konklużjonijiet mogħtija qabel, il-kuntest fl-interpretazzjoni tal-miżuri tal-Unjoni jkopri għadd ta’ punti ta’ riferiment differenti. Huwa jinkludi l-paragun ma’ leġiżlazzjoni li ġiet qabel il-miżura inkwistjoni iżda li tħassret minn din il-miżura. Huwa jinkludi l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni li hija relatata jew marbuta b’mod sostantiv mal-miżura inkwistjoni. Huwa wkoll jappartjeni għall-kuntest tad-dispożizzjoni kkonċernata fir-rigward tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-istrument tal-Unjoni li hija tinsab fih u l-arkitettura wiesgħa ta’ dan tal-aħħar ( 20 ).

65.

F’dan ir-rigward, l-użu mill-Kummissjoni tad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Canal Digital Danmark ( 21 ), huwa potenzjalment ta’ rilevanza ( 22 ). F’din il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja ġiet mistoqsija, fost affarijiet oħra, jekk l-Artikolu 7(1) u (3) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali għandux jiġi interpretat li jfisser li, għall-finijiet tal-evalwazzjoni ta’ jekk prattika kummerċjali għandhiex tiġi kkunsidrata bħala ommissjoni qarrieqa, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih isseħħ il-prattika, b’mod partikolari l-limiti tal-ħin u spazju imposti mill-mezz ta’ komunikazzjoni użat. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali jistabbilixxi li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, meta jiġi evalwat jekk prattika kummerċjali għandhiex titqies qarrieqa, il-kuntest fattwali tagħha u “tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni”.

66.

Filwaqt li jiena ma nistax naqbel li kull wieħed mill-punti fis-sentenza Canal Digital Danmark użati mill-Kummissjoni jappoġġaw l-approċċ oġġettiv fuq dak suġġettiv biex tingħata risposta għall-ewwel domanda ( 23 ) fil-punt 42 ta’ Canal Digital Danmark, fil-kunsiderazzjoni tat-tifsira ta’ “limitazzjonijiet ta’ spazju jew ta’ ħin marbuta mal-mezz ta’ komunikazzjoni użat”, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għar-restrizzjonijiet f’termini ta’ ħin “li għalihom jistgħu jkunu suġġetti ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni, bħalma huma r-reklami fuq it-televiżjoni” ( 24 ) Jiena għalhekk infakkar li l-għażla suġġettiva tal-kummerċjant fil-każ partikolari ma kinitx tidher li hi rilevanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 7(1) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali, iżda pjuttost il-kwalitajiet oġġettivi ta’ ċertu mezzi.

67.

B’żieda ma’ dan, ma hemmx dispożizzjoni fid-Direttiva 97/7, waħda mid-direttivi ta’ qabel id-Direttiva 2011/83, li hija suġġestiva ta’ attenwazzjoni tar-rekwiżiti tagħha fir-rigward ta’ mezzi tradizzjonali ta’ komunikazzjoni mill-bogħod bejn il-kummerċjanti u l-konsumaturi, bħal pereżempju permezz ta’ katalogi u rivisti bi prospett bħal dak li hu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Il-provvista ta’ miżura bħal din fid-direttiva suċċessiva, hawnhekk id-Direttiva 2011/83, tkun inkonsistenti ma’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u tkun teħtieġ lingwa ċara.

68.

Jiena għalhekk naqbel mal-osservazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni li din id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Verband Sozialer Wettbewerb ( 25 ) indirizzat konfigurazzjoni ta’ reklam fuq karta li ma jixbaħ xejn lill-kawża prinċipali u għalhekk, skont il-fatti distintivi, ma hija ta’ ebda assistenza biex tingħata risposta għall-ewwel domanda. L-invokazzjoni ta’ din id-deċiżjoni mill-konvenut hija barra minn lokha.

69.

Fil-kawża Verband Sozialer Wettbewerb il-Qorti tal-Ġustizzja kienet mistoqsija jekk l-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali għandux jiġi interpretat li jfisser li l-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant għandha tiġi inkluża f’reklam f’mezz stampat għal prodotti speċifiċi, fejn dawn il-prodotti kienu nxtraw mill-konsumaturi permezz ta’ sit tal-Internet, mogħti fir-reklam, tal-impriża li kienet l-awtur tar-reklam u din l-informazzjoni kienet faċilment aċċessibbli fuq jew permezz ta’ dak is-sit tal-Internet.

70.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-portata tal-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant li għandha tiġi kkomunikata, minn kummerċjant bħala parti minn stedina għax-xiri, għandha tiġi evalwata skont il-kuntest ta’ din l-istedina, in-natura u l-karatteristiċi tal-prodott kif ukoll il-mezz ta’ komunikazzjoni użat ( 26 ).

71.

Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad żiedet li fil-każ fejn “pjattaforma ta’ xiri online hija rreklamata f’publikazzjoni stampata u fil-każ fejn, b’mod partikolari, hemm fiha numru kbir ta’ possibbiltajiet ta’ xiri mingħand kummerċjanti differenti, jista’ jkun hemm limitazzjonijiet ta’ spazju fis-sens tal-Artikolu 7(3) tad-Direttiva 2005/29” ( 27 ).

72.

Madankollu ma hemm xejn fil-fajl tal-kawża li jissuġġerixxi li l-prospett inkwistjoni fil-kawża prinċipali għamel riferiment għal offerti mingħand iktar minn kummerċjant wieħed jew irrefera għal siti tal-Internet differenti permezz ta’ pjattaforma.

73.

Fl-aħħar nett, kif argumenta r-rikorrent, il-mezzi ta’ reklamar prodotti f’forom tradizzjonali ta’ komunikazzjoni, kif inhu l-każ fil-kawża prinċipali, huma spiss diretti lejn gruppi tas-soċjetà, bħal pereżempju l-anzjani, li mhumiex imdorrijin imorru fuq l-internet biex jiksbu aċċess għat-termini supplimentari tal-kuntratt propost.

74.

Il-premessa 34 tad-Direttiva 2011/83 tirrifletti l-protezzjoni ta’ dawn il-gruppi bħala għan ta’ dik id-direttiva. It-tieni sentenza tagħha tipprovdi li “il-kummerċjant għandu jikkunsidra l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ konsumaturi li huma partikolarment vulnerabbli minħabba l-infermità mentali, fiżika jew psikoloġika, età jew inġenwità tagħhom b’tali mod li l-kummerċjant jista’ raġonevolment jipprevedi”. Dan il-kuntest ukoll jimmira lejn li tiġi miċħuda l-għażla tad-disinn u tal-mezz tal-kummerċjant biex jiġi determinat jekk “mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod […] jippermetti[x] spazju jew ħin limitat biex tintwera l-informazzjoni” taħt l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, li jorbot lill-gruppi tas-soċjetà kollha sabiex jiksbu permezz tal-internet l-informazzjoni li l-kummerċjanti marbuta li jipprovdu skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83.

2. L-analiżi tat-tieni domanda

75.

Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, ladarba jkun japplika l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, ikunx biżżejjed għal kummerċjant li jinforma lill-konsumatur qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod bl-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar u xejn iktar.

76.

Kif semmejt iktar ’il fuq, jiena ser nirrispondi għat-tieni domanda biss fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-konklużjonijiet tiegħi fir-rigward tal-ewwel domanda, u li l-emenda fir-rekwiżiti tal-informazzjoni stabbiliti fl-Artikoli 6(1) u 8(4) tad-Direttiva 2011/83 japplikaw għall-prospett inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

77.

Fir-rigward tat-tieni domanda, jiena naqbel mal-pożizzjoni li ħadu r-rikorrent, il-Finlandja, il-Polonja u l-Kummissjoni. Il-kliem tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 jeħtieġ iktar minn notifika tal-eżistenza tad-dritt ta’ rtirar. Huwa jipprovdi li l-kummerċjant “għandu jipprovdi” lista ta’ informazzjoni, u dan jinkludi “il-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni tal-kuntratt” ( 28 ) kif imsemmi, fost oħrajn, fl-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83.

78.

Kif ġie indikat fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Finlandja, l-informazzjoni prevista mill-Artikoli 6(4) u 8(1) tad-Direttiva 2011/83 li għandha tingħata lill-konsumatur qabel jiġi konkluż il-kuntratt huwa, taħt il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ta’ importanza fundamentali ( 29 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fil-kuntest ta’ waħda mid-direttivi ta’ qabel id-Direttiva 2011/83, jiġifieri d-Direttiva 97/7/KE, li “meta l-informazzjoni li tkun tinsab fuq is-sit internet tal-bejjiegħ tkun aċċessibbli unikament permezz ta’ link li tintbagħat lill-konsumatur, din l-informazzjoni la tkun ġiet ‘ipprovduta’ lil dan il-konsumatur u lanqas ‘riċevuta’ minnu, fis-sens tal-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 97/7” ( 30 ). Dan huwa konsistenti mar-risposta proposta hawnhekk għat-tieni domanda.

79.

Bħall-Finlandja u r-rikorrent ( 31 ), jiena niċħad l-argumenti li l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2011/83, u l-obbligu tal-kummerċjanti li jipprovdu l-informazzjoni li tidher fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 lill-konsumaturi “bil-konferma tal-kuntratt konkluż f’mezz li jservi għal żmien twil, fi żmien raġonevoli wara l-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod, u mhux iktar tard mill-kunsinna tal-oġġetti jew qabel ma tibda l-eżekuzzjoni tas-servizz” huma rilevanti għall-obbligu impost taħt id-Direttiva 2011/83 biex il-kummerċjanti jipprovdu dettalji fuq id-dritt ta’ rtirar minn kuntratt mill-bogħod qabel ma jintrabtu l-konsumaturi.

80.

Fl-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2011/83, l-enfasi hija fuq il-“konferma” ta’ dak li ġie pprovdut qabel il-konklużjoni tal-kuntratt u fuq il-“mezz li jservi għal żmien twil”, għaliex id-Direttiva 2011/83 tippermetti l-provvista tal-informazzjoni rilevanti qabel il-kuntratt f’mezz mhux dejjiemi. Il-kummerċjanti huma eżenti mill-obbligu li jinsab fl-Artikolu 8(7)(a) tad-Direttiva 2011/83 biss jekk l-informazzjoni rilevanti tkun “diġà” ingħatat f’mezz dejjiemi. Dan joħroġ ċar mill-użu tal-kelma “ħlief” f’din l-istess dispożizzjoni. Il-premessa 23 hija wkoll rilevanti, għaliex din tindika li l-għan tal-provvista tal-informazzjoni f’mezz dejjiemi hija l-ħażna. Minbarra hekk, kif argumentat mir-rikorrent, jekk l-interpretazzjoni proposta mill-Ġermanja kellha tiġi aċċettata, l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 ikun superfluwu.

81.

Jien nenfasizza, iżda, illi li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha taqbel mar-rakkomandazzjonijiet tiegħi fir-rigward tar-risposta għall-ewwel domanda, il-konvenut ikun meħtieġ li jipprovdi fil-prospett il-formola standard ta’ rtirar prevista fl-Artikolu 11(1) u l-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83 fi kwalunkwe każ, għaliex huwa probabbli li l-modifika tal-obbligi ta’ informazzjoni prevista mill-imsemmija direttiva ma tkunx applikabbli għall-kawża prinċipali.

3. Ir-rilevanza tad-drittijiet fundamentali għall-ewwel u t-tieni domanda

82.

L-approċċ propost biex tingħata risposta għall-ewwel u t-tieni domanda jiġġenera ndħil mad-drittijiet fundamentali tal-konvenuti għaliex huwa jobbligahom jagħżlu disinn li bih jistgħu jintlaħqu l-obbligi ta’ informazzjoni imposti mid-Direttiva 2011/83, u b’tali mod li l-informazzjoni kollha tingħata lill-konsumatur “b’mod ċar u komprensibbli” inkonformità mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 u l-premessa 34. Dan jinkludi d-dettalji tad-dritt ta’ rtirar u mhux biss l-eżistenza tiegħu. Jekk tiġi aċċettata r-risposta proposta minni għall-ewwel domanda, dan ikun jinkludi wkoll l-obbligu li tiġi pprovduta l-formola standard ta’ rtirar fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83 fil-prospett inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

83.

Dan kollu jillimita l-possibbiltajiet tal-konvenut li juża b’mod liberu r-riżorsi ekonomiċi, teknoloġiċi u finanzjarji disponibbli għalih, kif protetti mill-Artikolu 16 tal-Karta ( 32 ). Dan jinterferixxi wkoll il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni fil-kuntest ta’ reklamar taħt l-Artikolu 11 tal-Karta għaliex il-kummerċjant huwa obbligat li jagħti l-informazzjoni speċifika.

84.

Madankollu, skont il-ġurisprudenza stabbilita, il-libertà ta’ intrapriża taħt l-Artikolu 16 tal-Karta ma hijiex assoluta. Hija tista’ tkun suġġetta għal firxa wiesgħa ta’ interventi mill-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jillimitaw l-eżerċizzju tal-attività ekonomika fl-interess pubbliku ( 33 ). Minbarra hekk, l-Artikolu 16 tal-Karta għandu jiġi kkunsidrat fir-rigward tal-funzjoni soċjali tiegħu ( 34 ).

85.

Minbarra hekk, id-drittijiet fundamentali protetti mill-Artikoli 11 u 16 tal-Karta mhumiex assoluti. Iż-żewġ dispożizzjonijiet huma suġġetti għal limitazzjonijiet iġġustifikati taħt l-Artikolu 52(1) tal-Karta ( 35 ) Huwa jipprovdi li kull “limitazzjoni fl-eżerċizzju tad-drittijiet u tal-libertajiet rikonoxxuti minn din il-Karta għandha tkun prevista mil-liġi u għandha tirrispetta l-essenza ta’ dawk id-drittijiet u l-libertajiet. Bla ħsara għall-prinċipju tal-proporzjonalità, jistgħu jsiru limitazzjonijiet f’dawk il-każijiet biss fejn ikun meħtieġ u fejn ġenwinament jintlaħqu l-objettivi ta’ interess ġenerali rikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

86.

Ir-rekwiżit li l-limitazzjoni tkun “prevista mil-liġi” huwa ssodisfatt mill-Artikoli 8(4) u 6(1) tad-Direttiva 2011/83. Lanqas il-qofol tal-Artikolu 16 jew 11 tal-Karta ma huwa pperikolat, u dan għaliex id-Direttiva 2011/83 ma tobbligax lill-kummerċjanti jagħmlu użu minn mezzi ta’ komunikazzjoni mill-bogħod speċifiċi. Il-kummerċjanti mhumiex imġiegħla jużaw prospetti pubbliċitarji tradizzjonali fuq il-karta. Il-kummerċjanti huma sempliċiment meħtieġa li josservaw it-test sħiħ tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 jekk huma jagħmlu hekk. Dan huwa simili għall-kontroll tal-informazzjoni dwar prodott f’qasam definit b’mod preċiż ( 36 ).

87.

Huwa rrikonoxxut fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur huwa għan leġittimu ta’ interess ġenerali li l-Unjoni Ewropea tfittex li twettaq ( 37 ). Għalhekk, il-qofol tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-partijiet dwar l-Artikolu 52(1) huwa dwar jekk kienx rispettat il-prinċipju ta’ proporzjonalità fit-tfittxija ta’ dan l-għan ( 38 ).

88.

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li “il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni, peress li meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti”. ( 39 )

89.

Jiena naqbel mal-argumenti magħmula fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni li l-limitazzjoni fuq il-libertà tal-kummerċjant tissarraf f’obbligu li jintgħażel dejjem mezz ta’ reklamar li hu suffiċjenti biex jinkludi l-informazzjoni kollha fuq l-irtirar. Huwa diffiċli biex nara kif il-fatt li jinżammu l-obbligi li jinsabu fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 dwar il-prospetti pubbliċitarji tradizzjonali fuq il-karta huwa adattat b’mod inadegwat biex jintlaħaq dan l-għan, jew kif jimponi piż fuq il-kummerċjanti li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju. Affermazzjonijiet ġenerali, bħal dawk li jidhru fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Ġermanja dwar il-volum ta’ informazzjoni meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, mhumiex biżżejjed ( 40 ), u d-dikjarazzjoni magħmula mill-konvenut fis-seduta, li l-ħtieġa li l-kummerċjanti li jużaw iktar minn 20 sa 30 % tal-ispazju ta’ reklamar dwar kuntratti mill-bogħod fuq l-obbligi ta’ informazzjoni tiskatta l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83 hija kemm arbitrarja kif ukoll mhux appoġġata mit-test tad-Direttiva 2011/83.

90.

Prospett pubbliċitarju fuq il-karta ma jsibx diffikultajiet taħt restrizzjonijiet tekniċi. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali fejn prodott wieħed li qed jinbiegħ minn kummerċjant wieħed qiegħed jiġi rreklamat fuq prospett tradizzjonali fuq il-karta li jinkludi karta postali li tinqala’ li biha jiġu ordnati l-prodotti, il-prospett jista’ sempliċiment ikun magħmul ikbar biex jiġi żgurat li l-informazzjoni tingħata “b’mod ċar u komprensibbli” kif meħtieġ mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83. Kuntrarjament għall-argumenti magħmula mill-konvenut fis-seduta, jiena ma nistax naqbel li l-“piż” kien previst mil-leġiżlatur tal-Unjoni bħala wieħed mir-restrizzjonijiet previsti mill-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, għaliex din id-dispożizzjoni tirreferi għall-“[i]spazju u ħin limitat”.

91.

Kif irrimarkat mill-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti mid-Direttiva 2011/83 japplikaw għall-kuntratti li jsiru mill-bogħod jew lil hinn mill-post tan-negozju biss. Għalhekk huma ma jmorrux lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq l-għan li tiġi ggarantita l-protezzjoni tal-konsumatur fir-rigward ta’ kuntratti mill-bogħod, u fejn il-konsumatur ma jistax jispezzjona l-prodotti kkonċernati jew jagħmel mistoqsijiet fil-post tan-negozju qabel il-konklużjoni tal-kuntratt. Kif argumentat mill-Finlandja, il-kummerċjant għandu obbligu msaħħaħ fil-każ ta’ kuntratti mill-bogħod għaliex il-konsumatur ma jistax jevalwa personalment il-prodotti inkwistjoni qabel jieħu deċiżjoni biex jixtrihom. Dan huwa rifless fil-premessa 37.

92.

Fl-aħħar nett, il-leġiżlatur tal-Unjoni għandu diskrezzjoni wiesgħa f’oqsma li jinvolvu għażliet politiċi, ekonomiċi u soċjali u li fihom huwa msejjaħ biex jagħmel evalwazzjonijiet kumplessi. Għalhekk, f’ċirkustanzi bħal dawk li jqumu fil-kawża prinċipali, l-indħil fid-drittijiet tal-konvenut taħt l-Artikolu 16 tal-Karta irid ikun manifestament sproporzjonat ( 41 ) sabiex dan ma jkunx jista’ jkun iġġustifikat mill-Artikolu 52(1) tal-Karta. Ma ġiex ipprovat li dan huwa l-każ.

4. Ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda

93.

Jiena għalhekk nipproponi r-risposti li ġejjin għall-ewwel u t-tieni domanda:

(1)

. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, ir-risposta għad-domanda dwar jekk il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (f’dan il-każ prospett pubbliċitarju b’karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti) jippermettix spazju jew ħin limitat għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni tiddependi minn jekk il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (b’mod astratt) jippermettix biss, min-natura tiegħu stess, spazju jew ħin limitat.

(2)

. Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fil-każ partikolari, kif magħżul mill-kummerċjant, li huwa rilevanti biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83 li l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tkun limitata għall-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

D.   Ir-risposta proposta għat-tielet domanda

94.

Jiena ser nagħti risposta għal din id-domanda fil-każ biss li, kuntrarjament għall-proposti msemmija hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fil-każ partikolari, għaliex huwa joffri spazju u ħin limitati fid-disinn li l-kummerċjant jagħżel, li jistabbilixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83.

95.

Ma hemmx qbil dwar ir-risposta għat-tielet domanda fuq l-aspetti li ġejjin.

96.

Minn naħa waħda, ir-rikorrent u l-Kummissjoni jargumentaw li, minħabba t-termini tad-Direttiva 2011/83, il-formola standard ta’ rtirar mill-kuntratt għandha tiġi kkomunikata lill-konsumatur anki meta japplika l-Artikolu 8(4). Ir-rikorrent ikkonstata li dan huwa rifless fil-formulazzjoni użata fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83, li jirreferi għal “din il-formola” bħala dik il-formola li għandha tiġi nnotifikata lill-kummerċjant li għamel ir-reklamar.

97.

Il-Kummissjoni ssostni li, skont l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83, qabel ma l-konsumatur jista’ jintrabat b’kuntratt mill-bogħod jew konkluż lil hinn mill-post tan-negozju, il-kummerċjant għandu jipprovdi lill-konsumatur, b’mod ċar u komprensibbli, fejn jeżisti dritt ta’ rtirar, bil-kundizzjonijiet, it-termini u l-proċeduri għall-eżerċizzju ta’ tali dritt skont l-Artikolu 11(1), kif ukoll il-formola standard ta’ rtirar stabbilita fl-Anness I(B) ( 42 ). Għalhekk, skont il-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, dawn iż-żewġ partijiet tal-obbligi tal-kummerċjant huma applikabbli għall-mezzi ta’ komunikazzjoni li jippermettu spazju jew ħin limitat għall-preżentazzjoni tal-informazzjoni. Il-Kummissjoni tirrileva li l-formola standard ta’ rtirar fl-Anness I(B) hija qasira, u minbarra hekk li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2011/83 jippermetti lill-kummerċjanti li jagħmlu l-informazzjoni prevista mill-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83 disponibbli b’mod li huwa xieraq għall-mezz ta’ komunikazzjoni użat. Dan jagħti flessibbiltà supplimentari lill-kummerċjant.

98.

Min-naħa l-oħra, il-Finlandja, b’sostenn mill-Polonja u mill-Ġermanja, issostni li l-formola ta’ rtirar stess ma tagħmilx parti mill-“informazzjoni” fuq id-dritt ta’ rtirar li tirreferi għalih id-Direttiva 2011/83, u għalhekk m’għandhiex għalfejn tkun ipprovduta qabel ma l-konsumatur jintrabat mill-kuntratt konkluż mill-bogħod ladarba l-Artikolu 8(4) ikun applikabbli. Il-formola hija pjuttost dokument li permezz tiegħu l-konsumatur jista’ jinforma lill-kummerċjant bix-xewqa tiegħu jew tagħha li jirtira mill-kuntratt. Li kieku l-leġiżlatur xtaq li jinkludi l-formola standard ta’ rtirar, din kienet tiġi espressament stabbilita mil-leġiżlatur fl-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83. Il-formola standard ta’ rtirar mhix “informazzjoni” li ser tinfluwenza d-deċiżjoni tax-xerrej dwar jekk għandux jixtri dak li qed jiġi offrut permezz ta’ kuntratt mill-bogħod.

99.

Il-Finlandja tirreferi wkoll għall-Artikolu 8(5) tad-Direttiva 2011/83, u għall-fatt li d-Direttiva 2011/83 hija applikabbli għall-bejgħ permezz tat-telefon. Dan juri li l-leġiżlatur ma kellux l-intenzjoni li jinkludi l-formola standard ta’ rtirar għaliex huwa teknikament impossibbli li tintbagħat il-formola permezz tat-telefon. Il-Finlandja tirrileva li l-formola standard ta’ rtirar tista’ tintbagħat iktar tard f’mezz dejjiemi taħt l-Artikolu 8(7) tad-Direttiva 2011/83. Il-Polonja tagħti l-eżempju ta’ kuntratt mill-bogħod konkluż permezz tat-telefon bħala teknika ta’ komunikazzjoni, fejn l-inklużjoni tal-formola standard ta’ rtirar ma tkunx possibbli.

100.

Jiena wasalt għall-konklużjoni li, meta japplika l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, il-kummerċjanti mhumiex obbligati li jipprovdu l-formola standard ta’ rtirar fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83 qabel il-konklużjoni tal-kuntratt mill-bogħod.

101.

Filwaqt li nammetti li mhuwiex sorprendenti li d-Dokument Gwida tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva 2011/83 ( 43 ) jappoġġa l-pożizzjoni li l-Kummissjoni ħadet fil-kawża prinċipali, billi pereżempju jgħid li, fir-rigward ta’ sejħiet telefoniċi, il-kontenut tal-formola għandu jiġi spjegat lill-konsumatur b’mod orali ( 44 ), ma hemm l-ebda kliem espress fid-Direttiva 2011/83 f’dan is-sens. Fi kliem ieħor, ma hemm l-ebda dispożizzjoni fid-Direttiva 2011/83 dwar liema mezzi ta’ komunikazzjoni li fuqhom huwa impossibbli jew diffiċli li tiġi pprovduta l-formola standard ta’ rtirar. Dan il-kuntest jissuġġerixxi li jista’ jkun li ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jobbliga lill-kummerċjanti li jipprovdu l-formola f’dawn iċ-ċirkustanzi.

102.

B’mod iktar ġenerali, li l-kummerċjanti jkunu meħtieġa li jipprovdu l-formola standard ta’ rtirar, anki meta japplika l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, jista’ jkun inkonsistenti mal-oriġini ta’ din id-dispożizzjoni u ma’ dawk tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2011/83, li jirreferu għall-ħtieġa li jiġi evitat il-piż bla bżonn fuq il-kummerċjanti ( 45 ).

103.

Fl-aħħar nett, skont l-Artikolu 11(1)(b) tad-Direttiva 2011/83, il-konsumatur għandu l-għażla li jirtira minn kuntratt mill-bogħod billi jagħmel dikjarazzjoni espliċita f’dan is-sens. Il-konsumaturi mhumiex marbuta li jużaw il-formola standard ta’ rtirar li tinsab fl-Anness I(B). Dan jappoġġa l-argument tal-Finlandja li l-kelma “informazzjoni” fid-Direttiva 2011/83 tista’ tinqara bħala li ma tinkludix il-mezz ta’ komunikazzjoni li l-konsumatur jagħżel biex jirtira minn kuntratt mill-bogħod. Għalhekk, is-soluzzjoni li jiena qed nissuġġerixxi ma tippreġudikax l-istandard għoli tal-protezzjoni tal-konsumatur.

104.

Jiena għalhekk nipproponi li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun kif ġej.

“(3)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fil-każ partikolari, kif magħżul mill-kummerċjant, li huwa rilevanti biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, il-formola standard ta’ rtirar, prevista fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83 m’għandhiex għalfejn tiġi annessa mal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt mill-bogħod”.

VI. Konklużjoni

105.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li r-risposta li għandha tingħata mill-Qorti tal-Ġustizzja għad-domandi rrinvijati mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja), għandha tkun kif ġej:

(1)

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-risposta għad-domanda dwar jekk il-mezz ta’ komunikazzjoni (f’dan il-każ prospett pubbliċitarju b’karta postali li biha jiġu ordnati l-prodotti) jippermettix spazju jew ħin limitat għall-preżentazzjoni ta’ informazzjoni tiddependi minn jekk il-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod (b’mod astratt) jippermettix biss, min-natura tiegħu stess, spazju jew ħin limitati.

(2)

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fil-każ partikolari, kif magħżul mill-kummerċjant, li huwa rilevanti biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, huwa inkompatibbli mal-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 6(1)(h) tad-Direttiva 2011/83 li l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ rtirar tkun limitata għall-informazzjoni dwar l-eżistenza ta’ dan id-dritt.

(3)

Fil-każ li r-risposta li tingħata għall-ewwel domanda tkun fis-sens li huwa l-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod fil-każ partikolari, kif magħżul mill-kummerċjant, li huwa rilevanti biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 2011/83, il-formola standard ta’ rtirar, prevista fl-Anness I(B) tad-Direttiva 2011/83 m’għandhiex għalfejn tiġi annessa mal-mezz ta’ komunikazzjoni mill-bogħod qabel ma jiġi konkluż il-kuntratt mill-bogħod.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU 2011 L 304, p. 64.

( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 262.

( 4 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 3, p. 319, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

( 5 ) Ara Weatherill, S. “The Consumer Rights Directive: how and why a quest for ‘coherence’ has (largely) failed”, 49 (2012) Common Market Law Review, 1279, p. 1290. Madankollu, kif stabbilit fil-premessa 2 tad-Direttiva 2011/83, l-Istati Membri għandhom jitħallew jippreservaw jew jadottaw regoli nazzjonali fir-rigward ta’ ċerti aspetti. Id-Direttiva 2011/83 tinkludi wkoll emendi iktar modesti għad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288, u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti aspetti tal-bejgħ ta’ oġġetti tal-konsum u garanziji assoċjati magħhom ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 223.

( 6 ) Il-Polonja tirreferi għas-sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Liffers (C‑99/15, EU:C:2016:173, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 7 ) Enfasi miżjuda minni.

( 8 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016 (C‑611/14, EU:C:2016:800).

( 9 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali), ĠU 2005 L 149, p. 22, rettifika fil-ĠU 2006, L 114, p. 86.

( 10 ) Ara iktar ’l isfel, punti 65 u 66.

( 11 ) Fir-rigward ta’ dan id-dritt, ara s-sentenzi tal-14 ta’ Marzu 2017, G4S Secure Solutions (C‑157/15, EU:C:2017:203); tas-26 ta’ Ottubru 2017, BB construct (C‑534/16, EU:C:2017:820); tal-20 ta’ Diċembru 2017Global Starnet (C‑322/16, EU:C:2017:985); tal-20 ta’ Diċembru 2017, Polkomtel (C‑277/16, EU:C:2017:989); tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498); tal-4 ta’ Mejju 2016, Pillbox 38 (C‑477/14, EU:C:2016:324); tal-21 ta’ Diċembru 2016, AGET Iraklis (C‑201/15, EU:C:2016:972); tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823); tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43); tat-22 ta’ Jannar 2013, Sky Österreich (C‑283/11, EU:C:2013:28); u tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli (C‑59/11,EU:C:2012:447).

( 12 ) Ara pereżempju is-sentenza fil-kawża Neptune Distribution ibid.

( 13 ) Fil-punt 147 tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands (C‑547/14, EU:C:2016:325), ġie deċiż li “L-Artikolu 11 tal-Karta jistabbilixxi l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni. Din il-libertà hija wkoll protetta konformement mal-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950, li japplika b’mod partikolari, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, għat-tixrid ta’ informazzjoni ta’ natura kummerċjali minn imprenditur, b’mod partikolari fil-forma ta’ reklami. Issa, peress li l-libertà ta’ espressjoni u ta’ informazzjoni prevista fl-Artikolu 11 tal-Karta għandha, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(3) tal-Karta u mill-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta marbuta mal-Artikolu 11 tagħha, l-istess tifsira u l-istess portata bħal din il-libertà ggarantita mill-KEDB, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija libertà tkopri l-użu, minn imprenditur, fuq l-imballaġ u fuq it-tikketti tal-prodotti tat-tabakk, ta’ indikazzjonijiet bħal dawk li huma s-suġġett tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/40 (sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution, C‑157/14, EU:C:2015:823, punti 6465).” Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2013:424, punti 120 sa 125).

( 14 ) Ara s-sentenza tal-31 ta’ Jannar 2013, McDonagh (C‑12/11, EU:C:2013:43, punt 63). Għandu jiġi enfasizzat li fil-punt 62 ta’ McDonagh, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “fil-każ ta’ kunflitt bejn diversi drittijiet protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, din l-evalwazzjoni għandha ssir fl-osservanza tal-konċiljazzjoni neċessarja tar-rekwiżiti marbuta mal-protezzjoni ta’ dawn id-diversi drittijiet u ta’ bilanċ ġust bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-29 ta’ Jannar 2008, Promusicae, C‑275/06, EU:C:2008:54, punti 6566, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Deutsches Weintor, C‑544/10, EU:C:2012:526, punt 47).”

( 15 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża OTP Bank u OTP Faktoring (C‑51/17, EU:C:2018:303, punt 64). L-influwenza tad-dritt għal protezzjoni tal-konsumatur jirriżulta mill-fatt li l-assenza tiegħu bħala għan f’miżura partikolari tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tista’ tkun determinanti għall-interpretazzjoni tagħha. Ara pereżempju s-sentenza tal-21 ta’ Mejju 2015, El Majdoub (C‑322/14, EU:C:2015:334, punti 36 sa 38).

( 16 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823).

( 17 ) Ara, fil-kuntest ta’ kuntratti mill-bogħod, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services Limited (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 32). Fir-rigward tat-travaux préparatoires li huma rilevanti għall-kawża prinċipali, jiena iżda nosserva li kultant issir referenza għal “żviluppi teknoloġiċi” f’dokumenti preparatorji rilevanti. Ara pereżempju Il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni ta’ l-Acquis tal-Konsumatur (ĠU 2007 C 61, p. 1, p. 3). Ara, b’analoġija, id-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet tal-konsumatur – Annessi – tat-8 ta’ Ottubru 2008, Doc. SEC(2008) 2547, p. 4.

( 18 ) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/crd_guidance_en_0.pdf

( 19 ) Sentenza tal-15 ta’ April 2010, E. Friz (C‑215/08, EU:C:2010:186, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 20 ) Pinckernelle (C‑535/15, EU:C:2016:996, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 21 ) Sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2016 (C‑611/14, EU:C:2016:800).

( 22 ) Kif indikat fil-punt 36 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:126), id-definizzjonijiet mogħtija għall-istess kunċett fid-direttivi minbarra din li hi inkwistjoni jistgħu jkunu ta’ “għajnuna” għall-proċess tal-interpretazzjoni.

( 23 ) Fis-seduta l-Kummissjoni ssemmi l-punti 80, 58 u 63. Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha l-Kummissjoni ssemmi l-punti 62 u 63.

( 24 ) Enfasi tiegħi.

( 25 ) Sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017 (C‑146/16, EU:C:2017:243).

( 26 ) Ibid. punt 28 u l–ġurisprudenza ċċitata.

( 27 ) Ibid. punt 29.

( 28 ) Enfasi tiegħi.

( 29 ) Il-Finlandja tagħmel riferiment għad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Settembru 2017, Andricuic et, (C‑186/16, EU:C:2017:703, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fuq l-importanza tad-dritt ta’ rtirar, ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:126, punt 28).

( 30 ) Sentenza tal-5 ta’ Lulju 2012, Content Services (C‑49/11, EU:C:2012:419, punt 37).

( 31 ) Jiena nammetti li r-rikorrent indirizza argumenti fir-rigward tal-Artikolu 8(7)(a) tad-Direttiva 2011/83 fil-kuntest tal-ewwel domanda.

( 32 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 33 ) Pereżempju s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, BB construct (C‑534/16, EU:C:2017:820, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 34 ) Pereżempju s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata); Eżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 35 ) Ara, l-iktar reċenti fir-rigward tal-libertà ta’ intrapriża s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2018, Spika et (C‑540/16, EU:C:2018:565, punt 36) u s-sentenza tas-26 ta’ Ottubru 2017, BB construct (C‑534/16, EU:C:2017:820, punt 37). Ara wkoll, pereżempju, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 31). Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għal-libertà tal-espressjoni ara s-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 149).

( 36 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2016, Philip Morris Brands et (C‑547/14, EU:C:2016:325, punt 151).

( 37 ) Sentenza tas-17 ta’ Diċembru 2015, Neptune Distribution (C‑157/14, EU:C:2015:823, punt 73). Ara wkoll pereżempju s-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 32).

( 38 ) Għal analiżi ddettaljata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-libertà ta’ intrapriża ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:169, punti 40 sa 62).

( 39 ) Sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 40 ) Ara f’dan ir-rigward is-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2017, Verband Sozialer Wettbewerb (C‑146/16, EU:C:2017:243).

( 41 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill (C‑358/14, EU:C:2015:848, punti 8789 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll id-diskussjoni fil-punt 42 tal-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bobek fil-kawża Lidl (C‑134/15, EU:C:2016:169).

( 42 ) Enfasi fis-sottomissjonijiet tal-Kummissjoni.

( 43 ) https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/crd_guidance_en_0.pdf

( 44 ) Ibid., paġna 34.

( 45 ) Ara, taħt l-intestatura “Ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni”, Nota mill-Presidenza, Grupp ta’ Ħidma dwar il-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Informazzjoni tat-13 ta’ Mejju 2009, 9833/09, CONSOM 113, JUSTCIV 122, CODEC 720, p. 11.