KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fil‑21 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

Kawża C‑337/17

Feniks Sp. z o.o.

vs

Azteca Products & Services SL

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin, il-Polonja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja — Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali — Ġurisdizzjoni speċjali — Materji kuntrattwali — Actio pauliana

I. Introduzzjoni

1.

Fil-perijodu bikri tal-istorja Rumana kull barrani kien għadu tal-Istat. Barranin ma setgħu jgawdu minn ebda dritt jew protezzjoni tal-ius civile, riżervata biss għal ċittadini Rumani ( 2 ). Iktar tard, b’mod partikolari matul il-perijodu imperjali, kien awtorizzat ċertu grad ta’ pluralità legali, l-iktar fil-provinċji tal-Imperu li kienu dejjem qegħdin jiġu estiżi. Minbarra dan, l-applikazzjoni tal-ius civile għal dawk li ma kinux ċittadini setgħet bil-mod il-mod issir permezz ta’ diversi interpretazzjonijiet legali, bħalma kienet “il-finzjoni ta’ ċittadinanza” ( 3 ), iddikjarata minn Gaius b’dan il-kliem: “[…] għalhekk ikun hemm finzjoni ta’ ċittadinanza Rumana għal barrani li jressaq jew li jitressaq għal kawża stabbilita skont il-liġijiet tagħna jekk ikun sewwa li dik il-kawża tkun estiża għal barrani […]” ( 4 ).

2.

F’kull każ, tali kawża setgħet tinstema’ skont jew fil-qafas tal-istituzzjonijiet tal-Imperu Ruman kif huwa ġeneralment mifhum. Politikament ma kienx hemm stati sovrani ġewwa l-Imperu, li bejniethom setgħu jinħolqu kunflitti ta’ liġi fis-sens modern (bejn sistemi legali sovrani b’mod ugwali). Hekk li meta madwar is-snin 150 sa 125 QK pretur jismu Paulus mid-dehra kien ippermetta kawża li biha kreditur seta’ jikkontesta kull att magħmul b’mod frawdolenti mid-debitur b’detriment għal dak il-kreditur, kawża li wara saret magħrufa bħala l-actio pauliana ( 5 ), il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni għal tali azzjoni sempliċement ma nqalgħetx.

3.

Fl-2018 Anno Domini is-sitwazzjoni hija differenti. Il-kumpanniji Pollakki Feniks Sp. z o.o., stabbilita f’Szczecin (iktar ’il quddiem “Feniks”) u COLISEUM 2101 Sp. z o.o., stabbilita wkoll f’Szczecin (iktar ’il quddiem “COLISEUM”), daħlu f’relazzjoni kuntrattwali relatata ma’ proġett ta’ żvilupp fil-Polonja. COLISEUM ikkonkludiet iktar kuntratti ma’ sottokuntratturi, iżda ma setgħetx tħallashom. Dawk is-sottokuntratturi minflok tħallsu minn Feniks. B’riżultat ta’ dan COLISEUM saret id-debitriċi ta’ Feniks.

4.

Sussegwentement COLISEUM biegħet biċċa art li kienet tinsab fil-Polonja lil Azteca Products & Services SL, stabbilita f’Alcora (Spanja) (iktar ’il quddiem “Azteca”). Il-prezz tal-bejgħ tnaqqas mid-dejn li kien hemm li COLISEUM kellha tħallas lil Azteca.

5.

Feniks bdiet proċeduri legali kontra Azteca skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Ċivili Pollakk li kienet tipprovdi għall-istrument magħruf bħala actio pauliana, fejn talbet għal dikjarazzjoni li l-bejgħ tal-proprjetà immobbli ma jkunx effettiv fir-rigward ta’ Feniks. Il-kawża tressqet quddiem is-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin), il-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti għandha dubji jekk il-qrati Pollakki għandhomx ġurisdizzjoni internazzjonali. Fil-fehma tagħha l-ġurisdizzjoni tista’ tiġi stabbilita biss jekk it-talba inkwistjoni tkun tista’ tiġi kklassifikata “bħala relatata ma’ kuntratt” skont ir-Regolament Nru 1215/2012 ( 6 ). F’dan in-nuqqas ġurisdizzjoni internazzjonali tiġi ddeterminata skont ir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-konvenuta, f’dan il-każ fi Spanja, fejn hija stabbilita Azteca.

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Il-liġi tal-Unjoni

6.

Meta bdiet il-kawża prinċipali fil‑11 ta’ Lulju 2016, kien japplika ratione temporis ir-Regolament (UE) Nru 1215/2012 ( 7 ).

7.

Il-premessi 15 u 16 tar-Regolament Nru 1215/2012 jgħidu li:

“(15)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom ikunu prevedibbli ħafna u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut. Il-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq il-bażi ta’ din ir-raġuni ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tat-tilwima jew ta’ awtonomija tal-partijiet ikunu jeħtieġu fattur ta’ konnessjoni differenti […]

(16)

Barra d-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm raġunijiet alternattivi ta’ ġurisdizzjoni bbażati fuq konnessjoni mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.”

8.

Skont l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, dan tal-aħħar ma japplikax għal “falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi”.

9.

L-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 jgħid li “Soġġetti għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jitressqu quddiem il-qrati ta’ dak l-Istat Membru”.

10.

L-Artikolu 5(1) jgħid li: “Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jitressqu quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla fit-Taqsimiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

11.

L-Artikolu 7, li jagħmel parti mit-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tal-istess regolament, jistabbilixxi li “Persuna domiċiljata fi Stat Membru tista’ tiġi mħarrka fi Stat Membru ieħor:

(1)   

(a)

fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt, fil-qrati tal-post tat-twettiq tal-obbligazzjoni in kwistjoni;

(b)

għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni u sakemm ma jkunx miftiehem mod ieħor, il-post tat-twettiq tal-obbligi f’dak il-każ għandu jkun:

fil-każ ta’ bejgħ ta’ oġġetti, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, l-oġġetti ġew ikkonsenjati jew suppost li kienu kkonsenjati,

[fil-każ ta’ provvista ta’ servizzi, il-post fl-Istat Membru fejn, skont il-kuntratt, is-servizzi kienu ġew ipprovduti jew messhom kienu pprovduti];

(c)

jekk il-punt (b) ma japplikax, japplika l-punt (a).”

B.   Il-liġi nazzjonali

12.

L-Artikolu 527 et seq. tal-ustawa z dnia 23 kwietnia 1964 – Kodeks cywilny (il-Liġi tat‑23 ta’ April 1964, li tistabbilixxi l-Kodiċi Ċivili, Dziennik Ustaw tal‑2017, inċiż 459) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Ċivili”) jistabbilixxi l-istrument imsemmi bħala actio pauliana fil-liġi Pollakka. L-Artikolu 527 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Jekk, bħala riżultat ta’ att legali ta’ debitur magħmul għad-detriment ta’ kredituri, parti terza tkun kisbet vantaġġ ekonomiku, kull wieħed mill-kredituri jista’ jitlob li dak l-att jiġi ddikjarat ineffettiv fir-rigward tiegħu, meta d-debitur konxjament ikun aġixxa b’detriment għall-kreditur, u l-parti terza kienet taf jew, fl-eżerċizzju ta’ diliġenza dovuta, setgħet kienet taf bih.

2.   Att legali ta’ debitur isir b’detriment għal kredituri jekk, b’riżultat ta’ tali att, id-debitur isir insolventi jew insolventi fi grad ogħla milli kien qabel ma jkun sar l-att.

3.   Jekk, bħala riżultat ta’ att legali ta’ debitur magħmul b’detriment għal kredituri, persuna li jkollha rabta mill-qrib mad-debitur tkun kisbet vantaġġ ekonomiku, għandu jkun hemm preżunzjoni li dik il-persuna kienet taf li d-debitur konxjament aġixxa b’detriment għall-kredituri.

4.   Jekk, b’riżultat ta’ att legali ta’ debitur magħmul b’detriment għal kredituri impriża b’rabta kummerċjali permanenti mad-debitur tkun kisbet vantaġġ ekonomiku, għandu jkun hemm preżunzjoni li hija kienet taf li d-debitur konxjament aġixxa b’detriment għall-kredituri”.

13.

Skont l-Artikolu 530 tal-Kodiċi Ċivili, “id-dispożizzjonijiet tal-artikoli preċedenti għandhom japplikaw mutatis mutandis meta debitur ikun aġixxa bl-intenzjoni li jikkawża detriment għal kredituri futuri. Jekk, madankollu, parti terza tkun kisbet vantaġġ ekonomiku bi tpattija għal ħlas, kreditur jista’ jitlob li l-att jiġi ddikjarat ineffettiv biss jekk il-parti terza kienet taf bl-intenzjoni tad-debitur”.

14.

L-Artikolu 531 tal-Kodiċi Ċivili jgħid dan li ġej:

“1.   Att ta’ debitur magħmul b’detriment għal kredituri għandu jiġi ddikjarat ineffettiv permezz ta’ azzjoni jew talba magħmula kontra l-parti terza li tkun kisbet vantaġġ ekonomiku bħala riżultat ta’ dak l-att.

2.   Meta parti terza tkun ittrasferixxiet il-vantaġġ miksub, il-kreditur jista’ direttament iħarrek lill-persuna li lilha jkun sar l-att dispożittiv jekk dik il-persuna kienet taf b’ċirkustanzi li kienu jiġġustifikaw li l-att tad-debitur jiġi ddikjarat ineffettiv jew li l-att dispożittiv kien mingħajr ħlas.”

15.

L-Artikolu 533 tal-Kodiċi Ċivili jgħid li “[a] parti terza li tkun kisbet vantaġġ ekonomiku b’riżultat ta’ att legali tad-debitur magħmul b’detriment għal kredituri tista’ tiġi eżentata milli tissodisfa talba magħmula minn kreditur li jitlob li l-att jiġi ddikjarat ineffettiv jekk hija tissodisfa lil dak il-kreditur, jew tindikalu proprjetà tad-debitur li tkun biżżejjed biex tissodisfah.”

III. Il-fatti, il-proċeduri nazzjonali u d-domandi preliminari

16.

Il-kumpannija COLISEUM 2101 Sp. z o.o. hija stabbilita f’Szczecin (il-Polonja). Bħala kuntrattur ġenerali hija kkonkludiet kuntratt mal-kumpannija Feniks Sp. z o.o., stabbilita wkoll f’Szczecin, bħala investitriċi (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”). Il-kuntratt kien dwar xogħlijiet li kellhom isiru fi Gdańsk (il-Polonja). COLISEUM kienet ikkonkludiet għadd ta’ kuntratti ma’ sottokuntratturi iżda sussegwentement kienet naqset tħares l-obbligi tagħha fir-rigward tagħhom kollha.

17.

Skont regoli dwar responsabbiltà in solidum tal-liġi Pollakka, Feniks ħallset, skont ftehimiet kundizzjonali u ftehimiet dwar akkwist ta’ dejn, 757 828.10 zlote Pollakki (PLN) dovuti minn COLISEUM lis-sottokuntratturi. Bħala riżultat Feniks saret il-kreditriċi ta’ COLISEUM għal ammont totali ta’ PLN 1396 495.48.

18.

Bis-saħħa ta’ kuntratt datat 30 ta’ Jannar 2012, iffirmat f’Szczecin, COLISEUM biegħet proprjetà immobbli li kienet tinsab f’Szczecin lil Azteca Products & Services SL, stabbilita f’Alcora (Spanja) (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”).

19.

Il-konvenuta b’hekk saret id-debitriċi ta’ COLISEUM għal ammont ta’ PLN 6079275. Fl-istess waqt, COLISEUM kienet id-debitriċi tal-konvenuta bis-saħħa ta’ kuntratti ta’ self għall-ammont ta’ PLN 4987 861.30. F’kuntratt differenti konkluż f’Szczecin fil‑31 ta’ Jannar 2012, il-konvenuta u COLISEUM qablu li jpaċu t-talbiet tagħhom. Bħala riżultat il-konvenuta kien jeħtiġilha tħallas lil COLISEUM l-ammont ta’ PLN 1091 413.70.

20.

Ir-rikorrenti qieset li COLISEUM kienet insolventi; li l-kuntratt ta’ bejgħ kien żied dik l-insolvenza, u li meta COLISEUM kienet ikkonkludietu hija konxjament aġixxiet b’detriment għal kredituri attwali u futuri.

21.

Fil‑11 ta’ Lulju 2016 ir-rikorrenti, għalhekk, fetħet kawża kontra l-konvenuta quddiem is-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin), li permezz tagħha hija talbet għal dikjarazzjoni li l-kuntratt tal-bejgħ kien ineffettiv fil-konfront tar-rikorrenti.

22.

Biex tistabbilixxi l-ġurisdizzjoni internazzjonali ta’ dik il-qorti r-rikorrenti straħet fuq l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012. Hija nnotat li t-terminu “sprawy dotyczące umowy” (“materji kuntrattwali”) għandu jiġi interpretat bħala li kien relatat ma’ sitwazzjoni fejn kuntratt ikun ir-raġuni biex jitressqu proċeduri, bil-għan li tkun riżolta t-talba relatata direttament miegħu. Dan huwa l-każ tal-actio pauliana mressqa kontra l-konvenuta.

23.

Il-konvenuta tallega li l-qrati Pollakki ma għandhomx ġurisdizzjoni u sostniet li t-talba kellha tiġi miċħuda. Fil-fehma tagħha dikjarazzjoni li att ikun ineffettiv ma hijiex “materja kuntrattwali” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2012. Lanqas ma qieset jekk it-talba inkwistjoni kinitx koperta minn xi kap ieħor ta’ ġurisdizzjoni speċjali jew esklużiva pprovduta mir-Regolament Nru 1215/2012. Hija qieset li minħabba li l-konvenuta kienet stabbilita fi Spanja, il-kawża kellha titressaq f’dak l-Istat Membru, skont ir-regola ġenerali tal-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1215/2012.

24.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġonali ta’ Szczecin) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(a)

Kawża li tirriżulta minn azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ ineffettività, diretta kontra xerrej stabbilit fi Stat Membru, inkonnessjoni ma’ kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, minħabba l-ħsara kkawżata lill-kredituri tal-bejjiegħ, liema kuntratt ġie konkluż u eżegwit fl-intier tiegħu fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor, tikkostitwixxi kawża ‘fi kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt’, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat‑12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali?

(b)

Ir-risposta għad-domanda preċedenti għandha tingħata billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ ‘acte éclairé’, billi jsir riferiment għas-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268), minkejja li din is-sentenza tikkonċerna r-responsabbiltà ta’ produttur għal difetti tal-oġġett, liema produttur ma kienx f’pożizzjoni jipprevedi lil minn dan l-oġġett seta’ sussegwentement jinbiegħ u, konsegwentement, min seta’ jipproċedi kontra tiegħu, filwaqt li l-azzjoni mressqa kontra xerrej għal ‘dikjarazzjoni ta’ ineffettività u li tirrigwarda kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli’ minħabba l-ħsara kkawżata lill-kredituri tal-bejjiegħ, tirrikjedi (bil-għan li tirnexxi) li x-xerrej kien konsapevoli tal-fatt li l-att legali (il-kuntratt ta’ bejgħ) kien qiegħed isir bi ħsara għall-kredituri u li, konsegwentement, ix-xerrej għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-possibbiltà li titressaq tali azzjoni mill-kreditur personali tal-bejjiegħ?”

25.

Sottomissjonijiet bil-miktub kienu ppreżentati mir-rikorrenti, mill-konvenuta, mill-Gvern Pollakk, mill-Gvern tal-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Kummissjoni. Ir-rikorrenti, il-konvenuta, il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta li saret fil‑11 ta’ April 2018.

IV. Analiżi

26.

Il-Qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk talba li timplika l-actio pauliana, kif previst fil-Kodiċi Ċivili Pollakk, tistax titqies bħala “materja kuntrattwali” skont it-tifsira tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1215/2015. Hija tistaqsi wkoll jekk id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Handte ( 8 ) testendix għal din is-sitwazzjoni.

27.

Ser nindirizza ż-żewġ domandi flimkien. L-ewwel nett, ser niddeskrivi fil-qosor l-oriġini u l-forom differenti tal-actio pauliana li jeżistu (A). It-tieni nett, ser neżamina r-regoli ġurisdizzjonali tal-Unjoni dwar l-actio pauliana u nispjega għaliex l-actio pauliana ma tistax tkun ikklassifikata, fil-kuntest speċifiku ta’ din il-kawża, bħala “materja kuntrattwali” (B). Fl-aħħar nett nerġa’ ngħaddi għall-istess kwistjoni f’livell ġenerali: wara diversi deċiżjonijiet ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja li jistabbilixxu dak li l-actio pauliana ma hijiex, forsi wasal iż-żmien li tkun indirizzata l-kwistjoni ta’ x’inhi fil-fatt l-actio pauliana bħal dik fil-kawża prinċipali, u kif għandha tiġi ttrattata għal finijiet ġurisdizzjonali (C).

A.   L-oriġini u l-ħafna uċuħ tal-actio pauliana

28.

L-għeruq tal-actio pauliana jinsabu fid-dritt Ruman (1). Illum, għalkemm għad fadal karatteristiċi komuni attribwibbli lil dak il-preċedent, fil-fatt hemm għadd ta’ forom nazzjonali differenti tal-actio pauliana fl-Istati Membri (2).

1. Id-dritt Ruman

29.

Kif poġġieha l-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer, anki fi żmien ir-Rumani, l-actio pauliana kienet diġà evolviet minn dik li kienet “strument eżekuttiv li kien jagħti d-dritt lill-kreditur li jbiegħ id-debitur bħala lsir” għal kunċett “li kien jippermetti lill-kreditur li jħassar l-atti li huma ta’ preġudizzju għalih li jkun għamel id-debitur b’intenzjoni qarrieqa” billi jressaq “azzjoni […] kontra xerrej terz tal-oġġett inkwistjoni” ( 9 ).

30.

Fil-perijodu klassiku aktarx jidher li kienu jeżistu żewġ rimedji partikolari biex jindirizzaw it-trasferiment frawdolenti ta’ assi: restitutio in integrum ob fraudem u interdictum fraudatorium ( 10 ).

31.

L-ewwel nett, ir-restitutio in integrum ob fraudem kien jippermetti lill-amministratur tal-insolvenza (curatur bonorum) jitlob lill-maġistrat rispettiv jordna l-integrazzjoni mill-ġdid tal-assi ttrasferiti b’mod frawdolenti billi dawn jgħaddu lura għall-patrimonju tad-debitur. Dan ir-rimedju s-soltu kien jibda jseħħ wara li jkunu bdew il-proċeduri ta’ insolvenza iżda qabel l-eżekuzzjoni tal-assi. Kien jippermetti jitqiesu l-assi ttrasferiti b’mod frawdolenti fl-eżekuzzjoni tal-patrimonju tad-debitur.

32.

It-tieni nett, l-interdictum fraudatorium kien rimedju għal kreditur partikolari. Il-kreditur milqut seta’ jitlob lill-maġistrat joħroġ ordni (interdictum) biex l-assi ttrasferiti b’mod frawdolenti jgħaddu lura għall-patrimonju tad-debitur, biex il-kreditur milqut ikun jista’ jitlob għad-danni kkawżati minn tali trasferiment.

33.

Il-kodifikazzjoni Ġustinjana tidher li kienet għaqqdet dawn iż-żewġ rimedji f’azzjoni waħda msejħa Pauliana ( 11 ). Ħaġa tassew interessanti (u forsi b’xi rilevanza llum) hija li mid-dehra kien maħsub li n-natura tal-azzjoni kienet biżżejjed simili, irrispettivament minn jekk kinitx tiġi ppreżentata fil-proċedura ta’ insolvenza jew minn kreditur individwali, biex b’hekk tkun iġġustifikata l-għaqda taħt isem wieħed taż-żewġ rimedji li qabel kienu separati.

34.

F’kull każ, jidher li hemm qbil dwar tliet elementi determinanti ta’ azzjoni bħal din ( 12 ). L-ewwel nett, ħsara effettiva (ta’ natura oġġettiva) li kienet teżisti fil-mument tal-preżentata tal-azzjoni (eventus damni); it-tieni nett, l-intenzjoni tad-debitur li jagħmel ħsara lill-kredituri tiegħu (consilium fraudis), jiġifieri, rieda min-naħa tad-debitur li jwettaq eventus damni; u t-tielet nett mala fede tal-parti terza (scientia fraudis), li l-parti terza kienet tkun taf li l-att frawdolenti kien ikun twettaq bil-consilium fraudis tad-debitur.

2. Forom nazzjonali attwali

35.

Illum l-actio pauliana ġeneralment tintuża bħala referenza għal tip speċifiku ta’ rimedju legali li jagħti lil kreditur l-opportunità li jkollu att iddikjarat ineffettiv fir-rigward ta’ dak il-kreditur, liema att ikun twettaq minn debitur biex inaqqaslu l-assi tiegħu billi jgħaddihom lil parti terza. Il-kreditur tipikament iressaq l-azzjoni direttament kontra l-parti terza. Il-kunċett tal-actio pauliana huwa deskritt bħala “sensiela ta’ atti tekniċi biex tingħata protezzjoni lil kredituri f’każijiet fejn id-debitur inaqqas l-assi tiegħu ta’ ċertu daqs biex jevita jħallas id-djun tiegħu” ( 13 ).

36.

Madankollu, ħarsa iktar mill-qrib turi li l-elementi komuni jagħtu lok għal ħafna differenzi. Forsi mhux f’dak li hu tip, iżda ċertament fil-mod kif l-istrument jiġi eżegwit. Metaforikament, simili ħafna għal Cloud Atlas ( 14 ), għadd ta’ temi u motivi (ġenerali) jibqgħu l-istess tul il-film kollu, filwaqt li ż-żminijiet, l-uċuħ u l-postijiet (attwali) li fihom iseħħu u jittennew jibqgħu jinbidlu. Minn perspettiva komparattiva, bħalissa hemm żewġ elementi komuni, iżda wkoll mill-inqas, żewġ diverġenzi sinjifikattivi fost l-Istati Membri.

37.

L-ewwel element komuni huwa r-relazzjoni trijangulari bejn it-tliet partijiet ibbażata fuq (i) l-eżistenza ta’ dejn bejn debitur u kreditur, (ii) att bejn id-debitur u l-parti terza, u (iii) l-eżistenza ta’ “intenzjoni frawdolenti” min-naħa tad-debitur - kif ukoll li l-konċessjonarju jkun jaf b’dan il-fatt. F’din ir-relazzjoni trijangulari l-funzjoni tal-actio pauliana hija essenzjalment waħda ta’ protezzjoni fis-sistemi kollha: li tillimita l-effetti legali vis-à-vis il-kreditur fil-mod kif id-debitur jiddisponi mill-assi tiegħu biex meta jiddisponi minnhom huwa ma jfixkilx lill-kreditur mill-possibbiltajiet tiegħu li jiġbor id-dejn ( 15 ).

38.

It-tieni karatteristika relattivament komuni hija d-diviżjoni interna tal-actio pauliana bejn il-forma iktar ġenerali tagħha fil-kuntest tal-liġi ċivili u l-espressjoni iktar speċifika tagħha fil-kuntest ta’ insolvenza ( 16 ). Id-differenza ewlenija bejn dawn iż-żewġ kategoriji “tikkonsisti fl-effetti tal-azzjonijiet rispettivi”: minħabba li fil-liġi ċivili effetti jkunu limitati “għall-kredituri individwali rikorrenti”, filwaqt li skont ir-regoli ta’ insolvenza l-benefiċċju jkun għall-kredituri kollha li jkollhom x’jaqsmu fil-proċeduri ta’ insolvenza ( 17 ).

39.

Sa fejn jirrigwarda d-differenzi, l-ewwel nett, fil-livell tal-klassifikazzjoni kunċettwali tal-actio pauliana, ma jidhirx li hemm qbil dwar jekk l-actio pauliana tikkostitwixxi dritt in rem, marbut mal-assi ttrasferiti b’mod frawdolenti, jew dritt in personam, marbut mal-kreditur partikolari. Skont xi wħud, jidher li jipprevali dan l-aħħar kunċett “anki jekk huma rrikonoxxuti ċerti effetti ta’ proprjetà [tal-actio pauliana]” ( 18 ).

40.

Din id-differenza fil-fatt għandha għeruq wisq iktar fondi. Għandha rabta mal-perċezzjoni u l-klassifikazzjoni sistemiċi tal-actio pauliana fis-sistema legali rispettiva. Xi liġijiet nazzjonali jipprovdu għal din l-azzjoni skont id-dispożizzjonijiet proċedurali għal eżekuzzjoni ta’ assi. Sistemi oħra jirregolawha b’regoli tal-liġi sostantiva bħal dawk li japplikaw għal kuntratti u obbligi. Hemm ukoll sistemi legali li jqisu l-azzjoni bħala rimedju ġenerali, marbuta sistematikament mal-kwistjoni tal-validità jew tal-possibbiltà ta’ atti legali. Dan l-aħħar kuntest jidher ukoll li huwa l-każ tar-regoli Pollakki ċċitati fid-digriet tar-rinviju.

41.

It-tieni nett u iktar importanti għal din il-kawża, studju komparattiv juri iktar differenzi dwar il-klassifikazzjoni tal-actio pauliana biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali u l-liġi applikabbli għaliha ( 19 ). Għaż-żewġ raġunijiet, il-fatt li l-actio pauliana tirrigwarda relazzjoni trijangolari bejn il-kreditur, id-debitur u l-konċessjonarju joħloq diffikultajiet fil-klassifikazzjoni tar-relazzjonijiet ġuridiċi maħluqa f’dan il-kuntest. Dawn id-diffikultajiet joħorġu minn għadd ta’ fatturi u interessi ta’ konnessjoni inkwistjoni u dan l-għadd jagħmilha iktar bi tqila li jiġi ddeterminat “xi wieħed minn dawn l-interessi bħala predominanti u ta’ gwida” ( 20 ).

B.   L-actio pauliana u r-regoli ġurisdizzjonali tal-Unjoni

42.

Fil-livell ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali d-domanda prinċipali li wieħed għandu jistaqsi, l-ewwel u qabel kollox, hija jekk talba speċifika abbażi tal-actio pauliana tiġix ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza jew barra minn dak il-kuntest. Skont xi tkun ir-risposta japplikaw regoli ġurisdizzjonali u tal-liġi differenti.

43.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċarat pjuttost kmieni li l-actio pauliana ppreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ insolvenza ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (u tal-predeċessuri legali tiegħu) minħabba li l-Artikolu 1(2)(b) tiegħu jeskludi kwistjonijiet relatati ma’ insolvenza ( 21 ).

44.

Ir-regoli ġurisdizzjonali speċifiċi li japplikaw fil-kuntest ta’ insolvenza huma ddefiniti mir-Regolament dwar l-Insolvenza ( 22 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja tat gwida ulterjuri dwar meta talba biex jitħassar att tkun taqa’ fil-kuntest ta’ insolvenza. Minħabba li tkun tiddependi ħafna mill-kuntest fattwali u legali ta’ kull każ individwali, l-applikazzjoni ta’ dik il-gwida tista’ ma tkunx dejjem sempliċi ( 23 ).

45.

Fil-kuntest ta’ din il-kawża d-digriet tar-rinviju jsemmi li COLISEUM hija insolventi. Madankollu jidher li rikors li kien ġie ppreżentat għall-insolvenza ta’ dik il-kumpannija ma rnexxiex. Dan kien ikkonfermat ukoll fis-seduta. Isegwi li meta r-rikorrenti fetħet il-kawża kontra l-konvenuta, COLISEUM ma kinitx suġġetta għal xi proċeduri ta’ insolvenza. Minħabba dan ir-regoli rilevanti biex tiġi ddeterminata l-ġurisdizzjoni internazzjonali għandha tinstab fir-Regolament Nru 1215/2012.

46.

Madankollu, la r-Regolament Nru 1215/2012 u lanqas il-predeċessuri legali tiegħu ma għandu jew kellhom xi regola dwar liema qorti għandha ġurisdizzjoni fuq talba bħall-actio pauliana inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod ir-Regolamenti Ruma I ( 24 ) u Ruma II ( 25 ), rispettivament dwar il-liġi applikabbli għal relazzjonijiet kuntrattwali u extrakuntrattwali, ma jgħidu xejn dwar il-kwistjoni u, għalhekk, ma joffru ebda għajn ta’ ispirazzjoni dwar kif għandha tiġi ttrattata l-actio pauliana ( 26 ).

47.

Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha opportunità tieħu pożizzjoni fuq diversi kapi ta’ ġurisdizzjoni meqjusa (u esklużi) f’dan il-kuntest (1). Il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża hija jekk f’kawża bħal din tal-lum jistax japplika kap ta’ ġurisdizzjoni li ma kienx eżaminat espliċitament (jiġifieri dak għal “materji kuntrattwali”) (2).

1. Kapi ta’ ġurisdizzjoni diġà esklużi

48.

Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li azzjoni simili bil-karatteristiċi ewlenin tagħha bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża ( 27 ), ma tistax taqa’ taħt il-kapi ta’ ġurisdizzjoni esklużiva jew speċjali dwar id-drittijiet in rem fi proprjetà immobbli ( 28 ), fl-eżekuzzjoni ta’ sentenzi ( 29 ), f’miżuri provviżorji ( 30 ) u f’delitt ( 31 ).

49.

Fis-sentenza tagħha fil-kawża Reichert I ( 32 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-actio pauliana fil-liġi ċivili Franċiża ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni esklużiva dwar drittijiet in rem fi proprjetà immobbli. F’dik il-kawża l-koppja Reichert, iddomiċiljata fil-Ġermanja, kienet tat b’donazzjoni proprjetà immobbli fi Franza lil binthom. Il-kreditur tal-koppja, Dresdner Bank, kien ikkontesta dak it-trasferiment quddiem qorti Franċiża.

50.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-ġurisdizzjoni esklużiva in rem“ma tinkludix l-azzjonijiet kollha li jikkonċernaw drittijiet in rem fi proprjetà immobbli, iżda dawk biss li […] ikunu intiżi biex jiddeterminaw id-daqs, il-kontenut, is-sid jew min ikollu fil-pussess tiegħu proprjetà immobbli jew jekk ikunx hemm drittijiet oħra in rem fiha, u biex tagħti lil min ikollu dawk id-drittijiet il-protezzjoni tas-setgħat relatati mal-interessi tiegħu”. Dan ma kienx il-każ fil-kawża inkwistjoni, minħabba li din tal-aħħar “hija bbażata fuq it-talba personali tal-kreditur kontra d-debitur bil-għan li jitħares kull titolu li huwa jista’ jkollu fuq il-patrimonju tad-debitur. Jekk tirnexxi l-effett tagħha jkun li jirrendi l-att li bih id-debitur ikun iddispona b’mod frawdolenti kontra d-drittijiet tal-kreditur ineffettiv fir-rigward tal-kreditur biss”. Minbarra dan, “is-smigħ ta’ tali azzjoni, […] ma jinvolvix l-eżami tal-fatti jew l-applikazzjoni ta’ regoli u prattiki tal-locus rei sitae b’mod li jkun iġġustifikat li tingħata ġurisdizzjoni lil qorti tal-pajjiż fejn tkun tinsab il-proprjetà” ( 33 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet billi nnotat li dik il-konstatazzjoni ma kinitx affettwata mill-fatt li d-dritt nazzjonali li jirregola r-reġistrazzjoni pubblika ta’ drittijiet fi proprjetà immobbli tista’ tkun jeħtiġilha li jittieħdu azzjonijiet fil-pajjiż li fih tkun tinsab dik il-proprjetà ( 34 ).

51.

Ftit wara l-Qorti tal-Ġustizzja żiedet fis-sentenza fil-kawża Reichert II ( 35 ) li l-istess actio pauliana la kienet miżura provviżorja u lanqas azzjoni li twassal proċeduri inkwistjoni għall-eżekuzzjoni ta’ sentenza. Lanqas ma kienet kwistjoni relatata ma’ delitt u kważi-delitt.

52.

Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, l-ewwel nett, l-azzjoni inkwistjoni ma setgħetx titqies l-istess bħal miżura provviżorja jew protettiva u li, it-tieni nett, “għalkemm [hija] tippreseva l-interessi tal-kreditur bil-għan […] li wara jkun hemm infurzar tal-obbligu, hija ma hijiex intiża biex tinkiseb deċiżjoni fi proċeduri li jirrigwardaw ‘l-użu tal-forza, il-limitazzjoni jew is-sekwestru ta’ propjetà mobbli jew immobbli biex tkun żgurata l-implementazzjoni effettiva ta’ sentenzi u ta’ atti awtentiċi’” ( 36 ). It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja qalet ukoll li l-kap ta’ ġurisdizzjoni għal delitti ma setax japplika minħabba li l-għan tal-actio pauliana“ma huwiex li d-debitur jiġi ordnat jagħmel tajjeb għad-dannu li huwa jkun ikkawża lill-kreditur tiegħu bl-aġir frawdolenti tiegħu, iżda li jagħmel ineffettiv, fil-konfront tal-kreditur tiegħu, l-att dispożittiv li d-debitur ikun għamel. Huwa dirett mhux biss kontra d-debitur iżda wkoll kontra l-benefiċjarju tal-att, li ma jkunx jagħmel parti mir-relazzjoni ta’ obbligu bejn il-kreditur u d-debitur tiegħu, anki f’każ fejn l-att ikun ġie stipulat b’titolu gratwitu, meta huwa jkun aġixxa b’intenzjoni tajba” ( 37 ).

53.

F’dawn iż-żewġ sentenzi l-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-applikabbiltà tal-kapi ta’ ġurisdizzjoni esklużiva li possibbilment setgħu jkunu previsti fil-kuntest tal-actio pauliana bl-eċċezzjoni tal-kap dwar materji kuntrattwali. L-applikabbiltà potenzjali ta’ dak il-kap ta’ ġurisdizzjoni, li dwaru ngħaddi biex nitkellem fit-taqsima li jmiss, hija l-qofol ta’ din il-kawża.

2. Din il-kawża: “materja kuntrattwali”?

54.

Skont ġurisprudenza stabbilita “[i]l-kunċett ta’ ‘materji kuntrattwali’ għandu jiġi interpretat b’mod awtonomu sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi [tiegħu] fl-Istati Membri kollha” ( 38 ). Fil-kawża Handte, deċiżjoni msemmija mill-qorti tar-rinviju, kif ukoll f’ġurisprudenza relatata, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li l-applikabbiltà ta’ dak il-kap ta’ ġurisdizzjoni titlob li jkun hemm “obbligu li jkun ittieħed liberament minn parti waħda għal parti oħra” ( 39 ) li fuqu tkun ibbażata t-talba tar-rikorrent, għalkemm ma titlobx il-konklużjoni ta’ kuntratt ( 40 ). Fi kliem ieħor il-possibbiltà li jsir riferiment għal dak il-kap ta’ ġurisdizzjoni hija bbażata fuq il-kawża tal-azzjoni ( 41 ), u mhux fuq l-identità tal-partijiet ( 42 ). Madankollu, tkun meħtieġa l-identifikazzjoni ta’ obbligu “minħabba li l-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali tiġi ddeterminata […] mill-post fejn jitwettaq l-obbligu inkwistjoni” ( 43 ).

55.

Skont xi wħud il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eskludiet b’mod impliċitu l-applikabbiltà ta’ kap ta’ ġurisdizzjoni għal kwistjonijiet kuntrattwali għall-actio pauliana Franċiża fil-kawża Reichert. F’dan is-sens l-Avukat Ġenerali Gulmann fil-kawża Reichert II irrileva li “probabbli la jkun sewwa u lanqas xieraq jitqies li l-azzjoni revokatorja hija bbażata fuq il-liġi tal-kuntratti. Dan huwa minnu anki jekk it-talba tal-kreditur kontra d-debitur ikollha […] bażi kuntrattwali u anki jekk it-transazzjoni inkwistjoni tkun trasferiment ta’ proprjetà” ( 44 ). Opinjoni simili kienet espressa mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Deko Marty Belgium meta kkummenta li “għalkemm [fil-kawża Reichert I], dik id-deċiżjoni ma fihiex dikjarazzjoni espliċita f’dan is-sens, wieħed jislet minnha l-ġurisdizzjoni tal-Istat fejn ikun [i]ddomiċiljat il-konvenut” ( 45 ). Xi studjużi wkoll esprimew opinjoni simili ( 46 ).

56.

Madankollu jibqa’ l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma eskludiet b’mod espliċitu l-kap ta’ ġurisdizzjoni għal materji kuntrattwali. Ir-raġuni prammatika għal dan hija li fil-kuntest speċifiku taż-żewġ sentenzi fil-kawżi Reichert dik il-kwistjoni ma ssemmietx mill-qorti tar-rinviju. Għall-kuntrarju, saret domanda dwar dan il-kap ta’ ġurisdizzjoni f’din il-kawża.

57.

Huwa ċertament minnu li fis-sitwazzjonijiet kważi kollha l-att allegatament frawdolenti (bejn id-debitur u l-konċessjonarju) x’aktarx li jkun ta’ natura kuntrattwali. Sikwit id-dritt bażiku li l-kreditur ikun irid jipproteġi permezz tal-actio pauliana jkun ukoll kuntrattwali.

58.

Kuntest simili jista’ jingħad li jeżisti f’din il-kawża, għalkemm ma huwiex ċar għalkollox jekk ir-rikorrenti ħallsitx id-djun ta’ COLISEUM bħala riżultat tal-obbligi kuntrattwali tar-rikorrenti, u ta’ obbligi statutorji (minħabba r-responsabbiltà in solidum imposta statutorjament) jew ta’ taħlita tat-tnejn.

59.

Madankollu, anki jekk wieħed jassumi li ż-żewġ relazzjonijiet involuti f’dan il-każ (Rikorrenti-COLISEUM, COLISEUM-Konvenuta) huma ta’ natura kuntrattwali, din il-bażi kuntrattwali hija raġuni tajba biżżejjed biex wieħed jikkonkludi li l-actio pauliana inkwistjoni taqa’ taħt il-kap ta’ ġurisdizzjoni għal “materji kuntrattwali”?

60.

Il-konvenuta, il-Gvern Pollakk u l-Gvern Svizzeru, kif ukoll il-Kummissjoni huma tal-fehma li l-actio pauliana inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taqax taħt l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012.

61.

Jiena naqbel mar-riżultat li dawk il-partijiet intervenjenti jipproponu għalkemm għal raġunijiet differenti.

62.

Jekk wieħed jassumi li kellha titqies l-applikabbiltà tal-kap ta’ ġurisdizzjoni għal materji kuntrattwali, il-kwistjoni li tinqala’ immedjatament hija liema wieħed miż-żewġ kuntratti potenzjalment involuti għandu jitqies bħala rilevanti? Għal liema wieħed miż-żewġ kuntratti tkun relatata l-actio pauliana?

63.

Teoretikament jistgħu jiġu kkontemplati tliet għażliet.

64.

L-ewwel nett, l-actio pauliana jista’ jingħad li hija relatata mal-kuntratt li kien seħħ l-ewwel fiż-żmien, bejn ir-rikorrenti (bħala l-kreditriċi) u COLISEUM (bħala d-debitriċi). Il-loġika li torbot l-actio pauliana ma’ dak il-kuntratt tkun waħda li tiżgura ċerti drittijiet u obbligi li joħorġu minn dak l-ewwel kuntratt, jiġifieri li jinkiseb lura l-ammont imħallas li jkun jikkorrispondi għad-dejn ta’ COLISEUM. Għalhekk il-ġurisdizzjoni għat-tieni azzjoni (actio pauliana) għandha ssegwi l-ġurisdizzjoni tal-ewwel kuntratt ( 47 ).

65.

Jekk inħallu barra kemm il-kwistjoni jekk tali approċċ ikunx wara kollox possibbli skont il-liġi nazzjonali rispettiva, kif ukoll x’kienet ir-relazzjoni legali preċiża bejn ir-rikorrenti u COLISEUM fuq il-livell nazzjonali ( 48 ), jibqa’ l-fatt li tali rabta hija sempliċement wisq dgħajfa u wisq remota. Trasferiment ta’ proprjetà lil parti terza sempliċement ftit għandu x’jaqsam mal-ewwel, jew mal-kuntratt oriġinali. Li “materja kuntrattwali” tiġi ddefinita b’tali mod tant wiesa’ huwa kuntrarju għal-loġika ta’ kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni. Ikun ukoll ifisser biss li kull att legali li jiġi wara minn kull waħda mill-partijiet għall-kuntratt oriġinali jista’ dejjem ikun “materja kuntrattwali”, minħabba li t-tnaqqis fl-assi ta’ kull parti għall-kuntratt ikun dejjem, skont din il-loġika, kwistjoni relatata mal-kuntratt oriġinali.

66.

It-tieni nett, il-konnessjoni tal-actio pauliana mal-kuntratt li kien ġie konkluż wara fiż-żmien, bejn COLISEUM u l-konvenuta, allegatament b’detriment għar-rikorrenti, tista’ jidher li tkun iktar xierqa. Tkun, f’ċertu livell, iktar loġika: l-għan tal-actio pauliana huwa li tagħmel element ta’ dak it-tieni kuntratt ineffettiv - l-att dispożittiv fir-rigward tal-assi li kienu s-suġġett tal-kuntratt sussegwenti.

67.

It-tieni approċċ, madankollu, huwa wkoll problematiku. Dak li r-rikorrenti fl-aħħar mill-aħħar qiegħda titlob ma huwiex li tagħmel ineffettiv il-kuntratt sussegwenti, jew anki null, iżda li d-drittijiet tagħha jkunu protetti. Bħala prinċipju ma huwiex rilevanti jekk dawk id-drittijiet jiġux issalvagwardjati permezz tal-bejgħ tal-assi milquta mill-kuntratt sussegwenti jew b’xi mod ieħor, bħal meta l-konċessjonarja taqbel li tissodisfa lir-rikorrenti “jew jindikalu proprjetà tad-debitur [bħalma hija COLISEUM] li tkun biżżejjed biex jissodisfah” ( 49 ). Fi kliem ieħor, din l-actio pauliana hija wkoll maqtugħa minn kull obbligu speċifiku u konkret li joriġina mill-kuntratt sussegwenti. L-uniku element li ż-żewġ atti legali jidher li għandhom komuni bejniethom huwa l-iffissar ta’ ċertu ammont monetarju.

68.

Hu x’inhu, għandu jingħad u jiġi enfasizzat ukoll li ż-żewġ approċċi deskritti fil-qosor iktar ’il fuq jonqsu milli jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ “obbligu meħud liberament minn parti waħda għal parti oħra” ( 50 ), jiġifieri mill-konvenuta għar-rikorrenti. Anki jekk il-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja ma titlobx li jkun hemm identità bejn il-partijiet fil-kawża u għall-kuntratt rispettiv, jidher diffiċli jitqies li l-preżentata biss tal-actio pauliana toħloq relazzjoni fil-liġi sostantiva bejn ir-rikorrenti u l-konvenuta li tkun tirriżulta minn, pereżempju, xi forma ta’ surroga legali abbażi ta’ att ta’ COLISEUM (bħala d-debitriċi inizjali tar-rikorrenti) ( 51 ).

69.

It-tielet nett, forsi jista’ jiġi wkoll argumentat, bħalma kien issuġġerit mill-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ergo Insurance ( 52 ), fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ rkupru minn assiguratur kontra assiguratur ieħor (relatati reċiprokament b’ebda kuntratt iżda kull wieħed minnhom kellu kuntratt mal-parti responsabbli għal aċċident), li l-importanti huwa li jkun hemm obbligi kuntrattwali li fihom it-talba rispettiva ssib l-għeruq tagħha u li mingħajrha r-rikorrent ma jkollu ebda bażi legali biex iħarrek. Għalhekk ma jkunx hemm ħtieġa li jintgħażel wieħed miż-żewġ kuntratti. Minn din il-perspettiva, minħabba li hija f’kull każ tkun tinsab “f’orbita” ta’ kuntratt, l-actio pauliana ssir kwistjoni relatata ma’ kuntratt, mingħajr ma jkun hemm il-ħtieġa li jkun identifikat liema kuntratt.

70.

Filwaqt li approċċ bħal dan jista’ jkun soluzzjoni prammatika fil-kuntest speċifiku ta’ assigurazzjoni, meta tabilħaqq, fl-aħħar mill-aħħar, il-partijiet ikunu relatati l-wieħed mal-ieħor b’netwerk ta’ kuntratti, f’din il-kawża bilkemm tkun aċċettabbli l-konklużjoni li s-sitwazzjoni hija ta’ natura “kuntrattwali”, irrispettivament minn liema kuntratt jippermetti tali konklużjoni. Dan mhux biss minħabba li risposta bħal din tkun ibbażata fuq għadd ta’ assunzjonijiet pjuttost dubjużi, iżda wkoll minħabba l-mod tassew prammatiku: biex japplika l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa meħtieġ ikun identifikat il-post rilevanti ta’ eżekuzzjoni. Iż-żewġ kuntratti involuti f’dawn il-proċeduri għandhom oġġett distint u, għalhekk, postijiet ta’ eżekuzzjoni ddefiniti b’mod awtonomu.

71.

Fil-qosor, f’dan il-każ speċifiku, ma jidhirx li huwa possibbli li wieħed jistrieħ fuq il-kuntratt il-wieħed jew l-ieħor li jista’ jkun hemm bejn ir-rikorrenti u COLISEUM u bejn COLISEUM u l-konvenuta, biex jikkonkludi li japplika l-kap ta’ ġurisdizzjoni għal materji kuntrattwali.

72.

Għal dawn ir-raġunijiet l-ewwel konklużjoni interim tiegħi hija, għalhekk, li l-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” f’dik id-dispożizzjoni ma jkoprix azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li biha tinfetaħ kawża kontra xerrej stabbilit fi Stat Membru wieħed, b’talba għal dikjarazzjoni li kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, ikun ineffettiv abbażi ta’ detriment għall-kredituri tal-bejjiegħ.

C.   X’inhija l-actio pauliana għall-finijiet ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali?

73.

Maż-żmien, fil-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq ( 53 ), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet talbiet għall-actio pauliana minn diversi kapi ta’ ġurisdizzjoni: delitt; miżuri provviżorji; eżekuzzjoni ta’ sentenzi u ġurisdizzjoni esklużiva għal drittijiet in rem fi proprjetà immobbli. Fit-taqsima ta’ qabel din ta’ dawn il-konklużjonijiet jiena pproponejt, fil-kuntest ta’ din il-kawża, li jkun eskluż ukoll il-kap għal materji kuntrattwali.

74.

Il-minimaliżmu ġudizzjarju huwa virtù. Madankollu, bħal ħafna affarijiet oħra tajbin il-kundizzjoni minn qabel biex huma jibqgħu tajbin hija l-moderazzjoni. Wara snin ta’ logħob ġudizzjarju bejn l-irrikonċiljabbli li wassal (verament bir-raġun, minħabba l-formulazzjoni eżatta tad-domandi preliminari) għal risposti negattivi, biex jiġi eliminat kap ta’ ġurisdizzjoni wara ieħor, u sakemm ma jkunx hemm ix-xewqa li għall-ġejjieni jinstabu kapi oħra ta’ ġurisdizzjoni b’metodu simili (għalkemm l-għajn ta’ kapi ta’ ġurisdizzjoni konċepibbilment raġonevoli pjuttost ċkienet issa), forsi issa ż-żmien li tingħata wkoll xi gwida pożittiva: mhux biss dwar dak li l-actio pauliana ma hijiex, iżda wkoll, f’termini ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, x’tista’ tkun.

75.

Dan il-mod ta’ azzjoni wkoll ta’ min jirrakkomandah għal żewġ raġunijiet oħra. L-ewwel nett, wara li kienu analizzati kważi l-kapi ta’ ġurisdizzjoni speċjali (u esklużivi) raġonevolment konċepibbli u disponibbli, jidher li qiegħda tirriżulta b’mod ċar issa spjegazzjoni abbażi ta’ prinċipji għaliex, fir-rigward tal-actio pauliana bħal dik fil-kawża prinċipali, huwa l-kap ta’ ġurisdizzjoni ġenerali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 li għandu japplika (1). It-tieni nett, minkejja li potenzjalment jistgħu jinqalgħu diffikultajiet prattiċi minħabba tali riżultat f’każ speċifiku, iżda minħabba li jkun meqjus li dawn ma jkunux jistgħu jibdlu r-risposta mogħtija bbażata fuq prinċipji, id-diskussjoni ta’ tali kwistjonijiet tista’, madankollu, tipprovdi biex potenzjalment jitqanqlu riflessjonijiet leġiżlattivi għall-ġejjieni fil-livell tal-Unjoni (2).

1.  In-natura ta ’ kamaleonte tal-actio pauliana

76.

Fi ftit kliem, ir-raġuni abbażi ta’ prinċipji għaliex l-actio pauliana tat-tip fil-kawża prinċipali ma hijiex adatta għall-ebda waħda mis-sitwazzjonijiet (speċjali jew esklużivi) tar-Regolament Nru 1215/2012 hija n-natura ta’ kamaleonte ta’ din l-azzjoni. Il-kapi individwali ta’ ġurisdizzjoni speċjali, b’mod partikolari bħal dawk għal kuntratti jew delitti, huma essenzjalment ibbażati fuq titolu (ex ante). Għall-kuntrarju, l-actio pauliana bħal dik fil-kawża prinċipali, iżda mid-dehra tinsab ukoll f’għadd ta’ Stati Membri oħra, hija ma hijiex determinata minn titolu (ex ante): kull att legali, mhux biss kuntratt, magħmul b’detriment għall-kreditur, jista’ jiġi kkontestat.

77.

X’aktarx ħafna li fil-prattika l-actio pauliana sikwit tkun relatata, b’xi mod jew ieħor, ma’ kuntratt. Madankollu, ma jfissirx neċessarjament li dik il-bażi dejjem tkun hemm. Jista’ jkun hemm, fil-fatt, differenza doppja. L-ewwel nett, id-dritt bażiku tal-kreditur jista’ jkun ta’ natura differenti: jista’ jkun ta’ oriġini statutorju jew jista’ jkun dritt li l-kreditur jirċievi kumpens għal ħsara kkawżata minn jew ibbażata fuq obbligu statutorju. It-tieni nett, u forsi iktar importanti, l-att stess allegatament frawdolenti magħmul mid-debitur li jkun qiegħed jiġi kkontestat jista’ jkun ta’ natura mhux kuntrattwali. Jista’ jkun delitt. Jista’ wkoll ikun att legali unilaterali ieħor bil-għan li jinħoloq żvantaġġ għall-kredituri.

78.

Meta wieħed jeżamina d-dettalji ta’ dan il-każ, l-actio pauliana bħal dik deskritta fid-digriet tar-rinviju jidher li għandha kamp ta’ applikazzjoni wiesa’. Ibbażata fuq l-Artikolu 527 et seq. tal-Kodiċi Ċivili Pollakk, tidher li tagħti rimedju legali kontra kull att legali tad-debitur magħmul għad-detriment ta’ kredituri. Kif tabilħaqq enfasizza l-Gvern Pollakk fis-seduta, dak il-kliem juri li l-actio paulina tista’ tintuża mill-kreditur biex jipproteġi d-drittijiet tiegħu indipendentement minn natura kuntrattwali jew mhux kuntrattwali tal-att allegatament frawdolenti ( 54 ).

79.

Għajr meta u sa meta tiġi ippreżentata, dik l-azzjoni ma jkollhiex kontenut kuntrattwali speċifiku jew kontenut ieħor. B’mod metaforiku, ħafna bħal kamaleonte, l-actio pauliana bħal dik fil-kawża prinċipali tidher li tista’ tibdel lewnha skont it-tip ta’ att legali li hija tkun tixtieq tikkontesta. Qabel il-kuntatt tal-kamaleonte mal-isfond rispettiv inkwistjoni, ikun impossibbli jingħad, b’mod ġenerali, liema lewn ikun ser jieħu. Dik il-ħila unika, madankollu, ma tħallix issir il-klassifikazzjoni tal-actio pauliana skont ir-Regolament Nru 1215/2012, li sabiex il-kapi ta’ ġurisdizzjoni speċjali jkunu applikabbli jeħtieġ li dak il-lewn ikun magħruf u previst ex ante.

80.

Jidher li din il-problema diġà refgħet rasha fil-kuntest tal-proċess ta’ esklużjoni gradwali magħmul mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-snin, li fi ftit kliem ifisser li dak it-tip ta’ azzjoni ma jistax sempliċement jiġi kklassifikat b’mod astratt, b’mod ġenerali, u ex ante biex jaqa’ taħt kap ta’ ġurisdizzjoni astratt. Anki jekk naturalment jitwettqu fir-rigward ta’ forma nazzjonali ddefinita tal-actio pauliana, dawk l-esklużjonijiet ukoll jibqgħu fuq livell iktar ġenerali, fir-rigward tar-risposta bbażata fuq prinċipji.

81.

Forsi jeħtieġ isiru żewġ osservazzjonijiet oħra. L-ewwel nett, dwar il-kap ġurisdizzjonali għal delitt ( 55 ) huwa minnu li n-natura frawdolenti tat-trasferiment ta’ proprjetà taqleb l-actio pauliana qrib ħafna lejn il-qasam tal-liġi dwar delitti. Jista’ jiġi ssuġġerit li, irrispettivament minn liema att legali tad-debitur ikun eżattament qiegħed jiġi kkontestat, l-actio pauliana tista’ dejjem titqies bħala tip ta’ delitt: essenzjalment tip ta’ frodi ( 56 ).

82.

Minkejja dan, indipendentement mir-raġunijiet li għalihom il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eskludiet dan il-kap ta’ ġurisdizzjoni fil-kawża Reichert II ( 57 ), li l-actio pauliana titqies bħala li hija dejjem tip ta’ delitt għadu joħloq problema doppja: kunċettwali kif ukoll prammatika. Fil-livell kunċettwali, il-possibbiltà ta’ applikazzjoni għall-actio pauliana meqjusa b’mod ġeneriku (“qisha kamaleonte”) twassal għal problemi simili bħall-applikazzjoni tal-kap ta’ ġurisdizzjoni għal materji kuntrattwali ( 58 ). Fuq livell prammatiku, li l-actio pauliana titqies bħala dejjem tammonta għal delitt iwassal biex ikun stabbilit għal darba oħra post ta’ ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 potenzjalment differenti minn dak skont l-Artikolu 7(1) u/jew l-Artikolu 4(1).

83.

It-tieni nett, fl-istess sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet ukoll l-applikazzjoni ta’ kap ta’ ġurisdizzjoni għal miżuri provviżorji ( 59 ). Madankollu, jista’ jiġi ssuġġerit li l-actio pauliana toħloq tip ta’ ipoteka bħala piż fuq il-proprjetà li tkun is-suġġett ta’ att dispożittiv frawdolenti sakemm il-pretensjoni tal-kreditur tkun ġiet issodisfatta. Minn din il-perspettiva hija għandha l-istess funzjoni.

84.

Meqjusa r-rekwiżiti sostantivi dwar miżuri provviżorji, hija pjuttost karatteristika komuni li liġijiet nazzjonali jagħmlu l-għoti ta’ dawk il-miżuri bla ħsara għar-rekwiżit ta’ fumus boni iuris (preżunzjoni ta’ bażi legali suffiċjenti li ġeneralment tkun taqbel mal-kunċett tal-liġi komuni ta’ każ dibattibbli sewwa), u ta’ periculum in mora (ir-riskju li d-dritt tar-rikorrent jista’ jiddgħajjef minħabba li jkun għadda ż-żmien) ( 60 ). Rekwiżiti simili kienu wkoll ġew stabbiliti fil-livell tal-Unjoni ( 61 ).

85.

B’hekk, minħabba x-xebh tal-funzjoni tal-actio pauliana, minn naħa, u tal-miżuri ta’ protezzjoni, min-naħa l-oħra, wieħed jista’ forsi jissuġġerixxi li kriterji simili għal fumus boni iuris u periculum in mora jkunu jistgħu jintużaw ukoll fil-kuntest tal-actio pauliana. Dan ikun biex ġurisdizzjoni internazzjonali tinqaleb favur ir-rikorrent meta jkun hemm indikazzjonijiet li dik l-azzjoni jkollha bażi tajba, u meta jkun hemm elementi li juru l-intenzjoni li t-trasferiment frawdolenti jkun strutturat b’mod biex il-litigazzjoni tkun iktar diffiċli għar-rikorrent (billi jintgħażel konċessjonarju domiċiljat fi Stat Membru li altrimenti ma jkollux rabta mar-relazzjoni legali eżistenti minn qabel bejn id-debitur u l-kreditur).

86.

Attraenti kemm hu tali approċċ, huwa jonqos milli jqis il-fatt li l-actio pauliana ma tistitwixxix proċeduri “inċidentali” li ma jippreġudikawx il-merti (deċiżi fi proċeduri differenti) ( 62 ). Huwa pjuttost bil-maqlub: l-għan tal-actio pauliana huwa li jkun hemm u twassal għal deċiżjoni (meta tirnexxi) dwar il-merti minnha nfisha. L-ipoteka de facto li tinħoloq bħala riżultat tagħha hija stess tikkostitwixxi r-riżultat dwar il-merti mitlub mill-kreditur. Għalhekk, bħala prinċipju, hija (bla ħsara għar-regoli nazzjonali rispettivi) azzjoni kompleta dwar merti li ma ġġerraħx applikazzjoni ta’ testijiet eħfef tal-oneru tal-prova li l-fumus boni iuris u l-periculum in mora presumibbilment jikkostitwixxu.

87.

Fi ftit kliem, in-natura unika tal-actio pauliana li, anki meta titqies f’livell iktar astratt, ma tiġġustifikax il-ftuħ mill-ġdid ta’ xi wieħed mill-kapi ta’ ġurisdizzjoni diġà eskluż mill-Qorti tal-Ġustizzja, twassalni għat-tieni konklużjoni interim tiegħi li l-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq azzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali għandha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.

2. Diffikultajiet li jista’ jkun hemm fl-applikazzjoni tar-regola ġenerali

88.

Applikata għall-fatti fil-kawża prinċipali r-regola ġenerali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 effettivament għandha twassal biex il-ġurisdizzjoni fuq it-talba tar-rikorrenti tiġi attribwita lill-qrati Spanjoli. Kif ġie eżaminat fid-dettall fis-seduta orali, din is-soluzzjoni tista’ tidher li ma hijiex prattika minħabba li kemm ir-rikorrenti kif ukoll COLISEUM għandhom id-domiċilju tagħhom fil-Polonja, u minħabba li elementi oħra ta’ din il-kawża jinsabu wkoll f’dak l-Istat Membru (il-post tal-eżekuzzjoni tal-proġett ta’ żvilupp, il-post fejn tinsab il-proprjetà immobbli inkwistjoni, il-konklużjoni tal-ftehim tal-bejgħ ta’ dik il-proprjetà). Huwa “biss” il-post fejn tinsab il-konvenuta li huwa fi Spanja.

89.

Minbarra dan, kif tfakkar il-qorti tar-rinviju, il-kreditur jista’ mhux biss ikun obbligat jagħmel talba abbażi tal-actio pauliana kontra l-konċessjonarju (bħalma hija l-konvenuta) iżda wkoll kontra akkwirenti potenzjali oħra tal-assi inkwistjoni. Jekk il-ġurisdizzjoni għandha tkun iddeterminata abbażi tad-domiċilju tal-konvenuta, il-kreditriċi jkollha tressaq iktar azzjonijiet fil-qrati ta’ (potenzjalment) diversi Stati Membri. Dan jista’ jwassal għal spejjeż sproporzjonati, u d-detriment għall-kreditriċi jkun aggravat minħabba r-regoli tal-ġurisdizzjoni.

90.

Għalhekk jista’ jiġi argumentat li l-għan ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja li ġeneralment jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ kapi speċjali ta’ ġurisdizzjoni, miġbura fil-qosor fil-premessa 16 tar-Regolament Nru 1215/2012, għandu jaqleb il-forum kompetenti lejn il-Polonja minħabba li jkun hemm konnessjoni eqreb bejn dak l-Istat Membru u t-tilwima fil-kawża prinċipali.

91.

Dan ir-raġunament ma huwiex konvinċenti.

92.

L-ewwel nett, ir-riferiment għall-għan iddikjarat fi premessa li fuqha jistrieħu kapi speċjali ta’ ġurisdizzjoni ma jistax, waħdu, jieħu post l-applikazzjoni tar-regola prinċipali meta l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-kap speċjali ta’ ġurisdizzjoni ma jkunux issodisfatti.

93.

It-tieni nett, id-domiċilju tal-konvenuta huwa preċiżament il-fattur ewlieni ta’ konnessjoni għall-fini tal-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012. Għalhekk, il-fatt li d-domiċilju “biss” tal-konvenuta jinsab fi Stat Membru A, filwaqt li l-elementi l-oħra kollha jinsabu fi Stat Membru B, ma jistabbilixxix il-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru B, fejn ma jista’ japplika ebda wieħed mill-kapi speċjali jew esklużivi ta’ ġurisdizzjoni. Barra minn dan, id-dikjarazzjoni (li impliċitament weriet li mhux tingħata importanza) li d-domiċilju biss tal-konvenuta jinsab fi Spanja ma tqisx il-fatt li minħabba li l-konvenuta taf bl-intenzjoni allegatament frawdolenti ta’ COLISEUM, dan jikkostitwixxi element li jeħtieġlu jkun aċċertat u dan jista’ jkollu, għal finijiet ta’ prova, konnessjoni ma’ Spanja.

94.

It-tielet nett, l-għoti ta’ ġurisdizzjoni speċjali abbażi tal-fatti ta’ każ partikolari (apparti li jiksru r-regoli ta’ ġurisdizzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012) effettivament ikun ekwivalenti għall-preżunzjoni tal-għarfien tal-frodi min-naħa tal-konċessjonarju (bħalma hija l-konvenuta). Deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ ġurisdizzjoni b’dan il-mod effettivament tippreġudika s-suċċess tal-actio pauliana kollha kemm hi. Madankollu, jekk ikunux stabbiliti dan l-għarfien u kundizzjonijiet oħra biex l-actio pauliana tirnexxi hija kwistjoni ta’ evalwazzjoni tal-każ fuq il-merti.

95.

Fuq livell strutturali, dan effettivament ikun ifisser (filwaqt li ma nagħmel ebda dikjarazzjoni hi x’inhi dwar il-fatti ta’ dan il-każ) li jkun hemm “preżunzjoni ta’ frodi” għal skopijiet ġurisdizzjonali, li tkun tippermetti li l-konvenut jinġibed lejn il-forum tar-rikorrent. Dan forsi jista’ jseħħ jekk ikun hemm każ ibbażat sewwa fuq l-actio pauliana. Iżda x’jiġri dwar dawk il-każijiet li ma jkollhomx dik il-bażi? X’jiġri dwar proċeduri potenzjalment vessatorji? Dan jerġa’ juri kemm il-propożizzjoni tista’ tinbidel; li effettivament ifisser li l-ewwel ikun hemm deċiżjoni dwar il-merti u mbagħad deċiżjoni dwar il-ġurisdizzjoni.

96.

Ir-raba’ nett, hu kemm hu attraenti li ssib argumenti favur r-rikorrenti f’tilwima b’ċirkustanzi simili għal dawk f’din il-kawża, dan il-mod jidher li huwa kompletament mhux ġustifikat f’sitwazzjonijiet fejn fatti differenti jirrigwardaw diversi Stati Membri. X’jiġri jekk kumpannija Ċeka kellha tibda proġett ta’ żvilupp ma’ kuntrattur Pollakk dwar proprjetà li tkun tinsab fis-Slovakkja, bil-kumpannija Pollakka tiddisponi minn proprjetà immobbli li tkun tinsab fl-Awstrija billi tittrasferiha lill-kumpannija Ġermaniża?

97.

Fi kliem ieħor, dak li wieħed għandu jfittex huwa risposta abbażi ta’ prinċipji li tkun tapplika ġeneralment indipendentement mill-fatti f’każ partikolari. Filwaqt li wieħed jirrikonoxxi u jirrakkomanda l-flessibbiltà attraenti ta’ regoli bħal forum (non) conveniens li jippermettu deroga fid-dawl tal-fatti ta’ każ speċifiku, jibqa’ l-fatt li l-istruttura u l-loġika tal-Konvenzjoni ta’ Brussell u tar-regolamenti hija tabilħaqq mibnija fuq premessi differenti ( 63 ). Dak li wieħed jifhem li huwa meħtieġ fi spazju legali magħmul minn tmienja u għoxrin sistema legali differenti huma regoli li jkunu raġonevolment previsti ex ante u, għalhekk, forsi xi drabi regoli kemxejn inflessibbli, u inqas spjegazzjoni ex post facto (l-iktar dwar għaliex wieħed jiddikjara lilu nnifsu kompetenti) li tkun tiddependi ħafna fuq firxa ta’ elementi fattwali.

98.

Kollox ma’ kollox, fl-istat attwali tal-liġi tal-Unjoni, l-actio pauliana tidher li hija waħda mill-eżempji rari li jippermettu biss l-applikabbiltà tar-regola ġenerali, u daqstant konferma rari tal-fatt li “[…] ma hemm l-ebda bażi ovvja għall-idea li għandu jkun hemm dejjem jew almenu ta’ spiss alternattiva għall-qrati tad-domiċilju tal-konvenut” ( 64 ).

V. Konklużjoni

99.

Fid-dawl ta’ dak espost iktar ’il fuq, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta għad-domandi magħmula mis-Sąd Okręgowy w Szczecinie (il-Qorti Reġjonali ta’ Szczecin, il-Polonja) kif ġej:

L-Artikolu 7(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat bħala li jfisser li l-kunċett ta’ “materji kuntrattwali” f’dik id-dispożizzjoni ma jkoprix azzjoni, bħal dik fil-kawża prinċipali, li biha tinfetaħ kawża kontra xerrej stabbilit fi Stat Membru wieħed, li biha tintalab li ssir dikjarazzjoni li kuntratt ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli li tkun tinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor ikun ineffettiv minħabba detriment għall-kreditur tal-bejjiegħ.

Il-qorti li jkollha ġurisdizzjoni fuq tali azzjoni għandha tiġi ddeterminata skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 1215/2012.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Ara, pereżempju, Rattigan, W. H., De Iure Personarum or A Treatise on the Roman Law of Persons, Wildy & Sons, Londra, 1873, p. 126 sa 130, jew Rein, W., Das Römische Privatrecht und der Civilprozess bis in das erste Jahrhundert der Kaiserherrschaft, K. F. Koehler, Leipzig, 1836, p. 47 sa 48 u p. 106.

( 3 ) Ara, pereżempju, Sullivan, W.P., “Consent in Roman Choice of Law”, Critical Analysis of Law, Vol. 3, Nru 1, 2016, p. 165 sa 166, jew Aldo, C., “Legal Pluralism in Practice”, Plessis, P.J., Aldo, C. u Tuori, K. (edituri), The Oxford Handbook of Roman Law and Society, Oxford University Press, Oxford, 2016, p. 286 sa 287.

( 4 ) Gaius, Institutiones, Book 4:37: “Item civitas romana peregrino fingitur, si eo nomine agat aut cum eo agatur quo nomine nostris legibus actio constituta est, si modo iustum sit eam actionem etiam ad peregrinum extendi […]”. The Institutes of Gaius, Translated with an Introduction by Gordon, W. M. and Robinson, O. F., Duckworth, Londra, 1988, p. 431.

( 5 ) Kif deskritta b’mod ċar mill-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Deko Marty Belgium (C‑339/07, EU:C:2008:575, punti 24 sa 26).

( 6 ) Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 7 ) Artikolu 66(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑12 ta’ Diċembru 2012 (ĠU 2012, L 351, p. 1).

( 8 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte (C‑26/91, EU:C:1992:268).

( 9 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Deko Marty Belgium (C‑339/07, EU:C:2008:575, punti 24 sa 26).

( 10 ) Għal deskrizzjoni ta’ dawn iż-żewġ rimedji ara, pereżempju, Talamanca, M., Istituzioni di Diritto Romano, Dott. A. Giuffrè Editore, Milano, 1990, p. 659; Kaser, M., Das römische Privatrecht, Erster Abschnitt, Das altrömische, das vorklassische und das klassische Recht, it-tieni edizzjoni, C. H. Beck’sche Verlagsbuchhandlung, München, 1971, p. 252; Marrone, M., Lineamenti di Diritto Privato Romano, G. Giappichelli Editore, Torino, 2001, p. 299; Guarino, A., Diritto Privato Romano, Editore Jovene Napoli, Napoli, 2001, p. 1020; Impallomeni, G., “Azione Revocatoria (Diritto Romano)”, Novíssimo Digesto Italiano, Vol. II, 1957, Unione Tipografico – Editrice Torinese, Torino, p. 147; Fernández Barreiro, A. u Paricio Serrano, J., Fundamentos de Derecho Privado Romano, id-disa’ edizzjoni, Marcial Pons, Ediciones Jurídicas y Sociales, Madrid, 2016, p. 105.

( 11 ) Ara, pereżempju, Marrone, M., Lineamenti di Diritto Privato Romano, G. Giappichelli Editore, Torino, 2001, p. 300; Guarino, A., Diritto Privato Romano, Editore Jovene Napoli, Napoli, 2001, p. 1020; Kaser, M., Das römische Privatrecht, Zweiter Abschnitt, Die nachklassischen Entwicklungen, it-tieni edizzjoni, C. H. Beck’sche Verlagsbuchhandlung, München, 1975, p. 94 sa 95; Kaser, M., Knütel, R., Lohsse, S., Römisches Privatrecht – Ein Studienbuch, il-wieħed u għoxrin edizzjoni, C. H. Beck, München, 2017, punt 9.12; Fernández Barreiro, A. u Paricio Serrano, J., Fundamentos de Derecho Privado Romano, id-disa’ edizzjoni, Marcial Pons, Ediciones Jurídicas y Sociales, Madrid, 2016, p. 106.

( 12 ) Ara, pereżempju, Marrone, M., Lineamenti di Diritto Privato Romano, G. Giappichelli Editore, Torino, 2001, p. 299; Guarino, A., Diritto Privato Romano, Editore Jovene Napoli, Napoli, 2001, p. 1021; Talamanca, M., Istituzioni di Diritto Romano, Dott. A. Giuffrè Editore, Milano, 1990, p. 659; Impallomeni, G., “Azione Revocatoria (Diritto Romano)”, Novíssimo Digesto Italiano, Vol. II, 1957, Unione Tipografico – Editrice Torinese, Torino, p. 148; Fernández Barreiro, A. u Paricio Serrano, J., Fundamentos de Derecho Privado Romano, id-disa’ edizzjoni, Marcial Pons, Ediciones Jurídicas y Sociales, Madrid, 2016, p. 105; Carballo Piñeiro, L., “Acción Pauliana e integración Europea: una propuesta de ley aplicable”, Revista Española de Derecho Internacional, Vol. LXIV, 2012, p. 48.

( 13 ) Ara, pereżempju, Pretelli, I., “Cross-Border Credit Protection Against Fraudulent Transfers of Assets: Actio Pauliana in the Conflict of Laws”, Yearbook of Private International Law, Vol. 13, 2011, p. 590. Għal deskrizzjoni simili ara Linna, T., “Actio Pauliana – ‘Actio Europensis?’ Some Cross-Border Insolvency Issues”, Journal of Private International Law, Vol. 10, 2014, p. 69. Ara wkoll Virgós Soriano, M. u Garcimartín Alférez, F., Derecho procesal civil internacional: litigación internacional, it-tieni edizzjoni, Thomson Civitas, Cizur Menor, 2007, p. 704 sa 705 jew Göranson, U., “Actio pauliana outside bankruptcy and the Brussels Convention”, Sumampouw, M. et (edituri), Law and Reality: Essays on National and International Procedural Law in Honour of Cornelis Carel Albert Voskuil, T.M.C. Asser Instituut, Den Haag, 1992, p. 91.

( 14 ) Cloud Atlas, diretturi Tykwer, T., Wachowski, L. u Wachowski, L., 2012.

( 15 ) Virgós Soriano, M. u Garcimartín Alférez, F., Derecho procesal civil internacional: litigación internacional, it-tieni edizzjoni, Thomson Civitas, Cizur Menor, 2007, p. 704 sa 705, f’24.44.

( 16 ) Ara, f;dan is-sens, McCormack, G., Keay, A., Brown, S., European Insolvency Law: Reform and Harmonization, Edward Elgar Publishing Ltd, Cheltenham, 2017, p. 159; Göranson, U., “Actio pauliana outside bankruptcy and the Brussels Convention”, Sumampouw, M. et (edituri), Law and Reality: Essays on National and International Procedural Law in Honour of Cornelis Carel Albert Voskuil, T.M.C. Asser Instituut, Den Haag, 1992, p. 90; Linna, T., “Actio Pauliana – ‘Actio Europensis?’ Some Cross-Border Insolvency Issues”, Journal of Private International Law, Vol. 10, 2014, p. 69; Pretelli, I., “Cross-Border Credit Protection Against Fraudulent Transfers of Assets: Actio Pauliana in the Conflict of Laws”, Yearbook of Private International Law, Vol. 13, 2011, p. 598 sa 599.

( 17 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Deko Marty Belgium (C‑339/07, EU:C:2008:575, punt 27 u d-duttrina ulterjuri ċċitata).

( 18 ) Ara, pereżempju, Göranson, U., “Actio pauliana outside bankruptcy and the Brussels Convention”, Sumampouw, M. et (edituri), Law and Reality: Essays on National and International Procedural Law in Honour of Cornelis Carel Albert Voskuil, T.M.C. Asser Instituut, Den Haag, 1992, p. 92.

( 19 ) Għal sinteżi komparattiva, ara, pereżempju, Pretelli, I., “Cross-Border Credit Protection Against Fraudulent Transfers of Assets: Actio Pauliana in the Conflict of Laws”, Yearbook of Private International Law, Vol. 13, 2011, p. 590.

( 20 ) Ara, pereżempju, Göranson, U., “Actio pauliana outside bankruptcy and the Brussels Convention”, Sumampouw, M. et (edituri), Law and Reality: Essays on National and International Procedural Law in Honour of Cornelis Carel Albert Voskuil, T.M.C. Asser Instituut, Den Haag, 1992, p. 93.

( 21 ) Ara s-sentenza tat‑22 ta’ Frar 1979, fil-kawża Gourdain (133/78, EU:C:1979:49, punti 4 sa 6) dwar dikjarazzjoni ġenerali dwar proċeduri dwar kwistjonijiet ta’ insolvenza. Għall-applikazzjoni ta’ dik id-dikjarazzjoni ġenerali għal proċeduri ta’ insolvenza ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2009, Deko Marty Belgium (C‑339/07, EU:C:2009:83).

( 22 ) Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Mejju 2015 dwar proċedimenti ta’ insolvenza (ĠU 2015, L 141, p. 19). Dan ir-regolament ħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad‑29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

( 23 ) Ara, f’dan il-kuntest is-sentenzi tat‑12 ta’ Frar 2009, Deko Marty Belgium (C‑339/07, EU:C:2009:83); tal‑10 ta’ Settembru 2009, German Graphics Graphische Maschinen (C‑292/08, EU:C:2009:544), u tad‑19 ta’ April 2012, F‑Tex (C‑213/10, EU:C:2012:215). Ara wkoll ir-Rapport Virgos-Schmit dwar il-Konvenzjoni dwar Proċedimenti ta’ Insolvenza tat‑3 ta’ Mejju 1996, dokument tal-Kunsill Nru 6500/1/96 REV1 DRS 8 (CFC), punt 77, disponibbli f’Moss, G., Fletcher, I. F. u Isaacs, S., The EC Regulation on Insolvency proceedings A Commentary and Annotated Guide, it-tieni edizzjoni, Oxford University Press, 2009, p. 381 et seq..

( 24 ) Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6).

( 25 ) Regolament (KE) Nru 864/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Lulju 2007 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet mhux kuntrattwali (“Ruma II”) (ĠU 2007, L 199, p. 40).

( 26 ) Madankollu hemm element wieħed mill-istorja leġiżlattiva tar-Regolament Ruma II li jindika li l-kwistjoni kienet tqieset. Verżjoni proposta (iżda mhux adottata) tal-Artikolu 10 (bl-isem ta’ “Actio Pauliana”) kienet tgħid li “Il-kundizzjonijiet u l-effetti li jirriżultaw minn obbligazzjoni fejn kreditur ikun jista’ jikkontesta kuntratt konkluż minn debitur ma’ terzi, li jqiegħed f’riskju li l-kreditur jiġi ssodisfatt [eżekuzzjoni tat-talba], għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi applikabbli għall-obbligazzjoni eżistenti bejn il-kreditur u d-debitur tiegħu.” Ara n-Nota tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill lill-Kumitat tal-Liġi Ċivili (Ruma II), (Nru tad-dokument preċedenti: 10231/99 JUSTCIV 112) 11982/99 JUSTCIV 150, tad‑9 ta’ Diċembru 1999.

( 27 ) Il-qorti tar-rinviju ssemmi dik il-ġurisprudenza u tinnota li l-actio pauliana Pollakka hija differenti minn dik Franċiża li kienet diskussa fil-kawżi msemmija f’din it-taqsima tal-konklużjonijiet (noti ta’ qiegħ il-paġna 32 u 35). Tabilħaqq, kif diġa ngħad fil-qosor iktar ’il fuq fil-punti 36 sa 41, sa fejn għandhom x’jaqsmu r-rekwiżiti proċedurali u sostantivi ddettaljati, kull żewġ varjetajiet tal-actio pauliana aktarx li jkunu differenti. Madankollu huwa daqstant minnu li fil-karatteristiċi ġenerali tagħhom, kif deskritt fil-qosor b’mod partikolari fil-punt 35 iktar ’il fuq, iż-żewġ sistemi huma tassew komparabbli.

( 28 ) Artikolu 16(1) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (illum l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 1215/2012).

( 29 ) Artikolu 16(5) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (illum l-Artikolu 24(5) tar-Regolament Nru 1215/2012).

( 30 ) Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (illum l-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012).

( 31 ) Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (illum l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012).

( 32 ) Sentenza tal‑10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler (C‑115/88, EU:C:1990:3).

( 33 ) Sentenza tal‑10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler (C‑115/88, EU:C:1990:3, punti 1112).

( 34 ) Sentenza tal‑10 ta’ Jannar 1990, Reichert u Kockler (C‑115/88, EU:C:1990:3, punt 13).

( 35 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149).

( 36 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 35 kif ukoll punti 27 u 28).

( 37 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 19).

( 38 ) Reċentement, pereżempju, is-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 58).

( 39 ) Sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1992, Handte & Co (C‑26/91, EU:C:1992:268, punt 15). Kif innotat fil-punt 17 ta’ dik is-sentenza, dik il-kawża kienet dwar katina ta’ kuntratti dwar prodotti internazzjonali li fihom l-obbligi kuntrattwali tal-partijiet kienu jistgħu jvarjaw minn kuntratt għal ieħor, b’mod li d-drittijiet kuntrattwali li s-subakkwirent jista’ jasserixxi kontra l-bejjiegħ immedjat tiegħu ma humiex neċessarjament l-istess bħal dawk li l-produttur assuma fir-relazzjonijiet tiegħu mal-ewwel xerrej. Ara wkoll is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 22), u tal‑21 ta’ Jannar 2016, ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2016:40, punt 44).

( 40 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punti 58 sa 60 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 41 ) Sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għal perspettiva oħra, ara wkoll is-sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2014, Brogsitter (C‑548/12, EU:C:2014:148, punti 2425), u tal‑14 ta’ Lulju 2016, Granarolo (C‑196/15, EU:C:2016:559, punt 21).

( 42 ) B’kuntrast mal-ġurisdizzjoni fuq kuntratti tal-konsumatur skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament Nru 1215/2012, disponibbli għall-partijiet kuntrattwali biss, ara s-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37, punti 43 sa 45).

( 43 ) Sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2002, Tacconi (C‑334/00, EU:C:2002:499, punt 22).

( 44 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Gulmann fil-kawża Reichert II (C‑261/90, EU:C:1992:78, p. I‑2164).

( 45 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Ruiz-Jarabo Colomer fil-kawża Deko Marty Belgium (C‑339/07, EU:C:2008:575, punt 32).

( 46 ) Ancel, B., “De la loi applicable à une donation attaquée par la voie de l’action paulienne”, Revue critique de droit international privé, 1992, p. 714, punt 12. Tal-istess fehma huwa Forner Delaygua, J., “The Actio Pauliana under the ECJ - a critical look on Reichert II”, Gemeinsame Prinzipien des Europäischen Privatrechts, 2003, p. 291 sa 301.

( 47 ) Hekk b’xi mod tagħmel tagħha l-loġika li kienet proposta dwar il-liġi applikabbli fl-abbozz imsemmi iktar ’il fuq tal-Artikolu 10 tar-Regolament Ruma II (iktar ’il fuq, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 26).

( 48 ) Iktar ’il fuq, punt 58.

( 49 ) Kif jgħid l-Artikolu 533 tal-Kodiċi Ċivili (iċċitat iktar ’il fuq fil-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 50 ) Iktar ’il fuq (in-nota ta’ qiegħ il-paġna 39).

( 51 ) Hekk, kuntrarju għal, pereżempju, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2018, flightright et (C‑274/16, C‑447/16 u C‑448/16, EU:C:2018:160), jew tal‑20 ta’ Lulju 2017, MMA IARD SA (C‑340/16, EU:C:2017:576).

( 52 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawżi magħquda ERGO Insurance u Gjensidige Baltic (C‑359/14 u C‑475/14, EU:C:2015:630, punti 57 sa 62).

( 53 ) Punti 48 sa 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 54 ) Ara l-punti 12 sa 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.

( 55 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149).

( 56 ) Għalhekk tabilħaqq tmur lura għall-għeruq tal-liġi Rumana ta’ fraus fid-diversi forom tagħha (iktar ’il fuq, punt 30).

( 57 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 19).

( 58 ) Diskussa iktar ’il fuq fil-punti 57 sa 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Sentenza tas‑26 ta’ Marzu 1992, Reichert u Kockler (C‑261/90, EU:C:1992:149, punt 35). Ir-regola attwali dwar ġurisdizzjoni għal miżuri provviżorji tinsab fl-Artikolu 35 tar-Regolament Nru 1215/2012.

( 60 ) Calvo Caravaca, A.‑L. u Carrascosa González, J., Litigación internacional en la Unión Europea I, Competencia judicial y validez de resoluciones en materia civil y mercantil en la Unión Europea. Comentario al Reglamento Bruselas I Bis, Cizur Menor (Navarra), Editorial Aranzadi, 2017, p. 535.

( 61 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad‑9 ta’ Novembru 1995, Atlanta Fruchthandelsgesellschaft et (I) (C‑465/93, EU:C:1995:369, punt 32), u tas‑17 ta’ Lulju 1997, Krüger (C‑334/95, EU:C:1997:378, punt 44).

( 62 ) Dan huwa rifless ukoll permezz ta’ żewġ kundizzjonijiet ewlenin li l-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat biex dak il-kap ta’ ġurisdizzjoni japplika –ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1998, Van Uden (C‑391/95, EU:C:1998:543, punti 3740).

( 63 ) Ara, f’dan il-kuntest, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2005, Owusu (C‑281/02, EU:C:2005:120, punti 37 sa 46). Għal diskussjoni usa’ ara Briggs, A., “Some Points of Friction between English and Brussels Convention Jurisdiction”, Andenas, M. u Jacobs, F., (edituri), European Community Law in the English Courts, Clarendon Press, Oxford, 1998, p. 278 sa 279; Briggs, A., The Conflict of Laws, it-tielet edizzjoni., Oxford University Press, Oxford, 2013, p. 52 sa 54; Dickinson, A., “Legal Certainty and the Brussels Convention – Too Much of a Good Thing?”, De Vareilles-Sommières, P. (editur), Forum Shopping in the European Judicial Area, Hart Publishing, Oxford and Portland, 2007, p. 115 et seq.; Fentiman, R., “Foreign Law and the Forum Conveniens”, Nafziger, J. u Symeonides, S., (edituri), Law and Justice in a Multistate World, Essays in Honor of Arthur T. Von Mehren, Transnational Publishers Inc, Ardsley, New York, 2002, p. 291.

( 64 ) Göranson, U., “Actio pauliana outside bankruptcy and the Brussels Convention”, Sumampouw, M. et (edituri), Law and Reality: Essays on National and International Procedural Law in Honour of Cornelis Carel Albert Voskuil, T.M.C. Asser Instituut, Den Haag, 1992, p. 97.