KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fil-25 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C‑310/17

Levola Hengelo BV

vs

Smilde Foods BV

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem‑Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2001/29/KE – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Kunċett ta’ ‘xogħol’ – Togħma ta’ prodott tal-ikel”

1. 

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tat-23 ta’ Mejju 2017, ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Mejju 2017 mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni ( 2 ).

2. 

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-kumpannija Levola Hengelo BV, (iktar ’il quddiem “Levola”) u l-kumpannija Smilde Foods BV (iktar ’il quddiem “Smilde”), żewġ impriżi li jipproduċu ikel, fir-rigward tal-allegat ksur minn Smilde tad-drittijiet tal-awtur ta’ Levola fir-rigward tat-togħma ta’ ġobon tad-dlik bil-krema friska u ħwawar fini, imsejjaħ “Heksenkaas” jew “Heks’nkaas” (iktar ’il quddiem il-“Heksenkaas”) ( 3 ).

3. 

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li, sabiex tiġi deċiża t-tilwima quddiemha, huwa neċessarju li tkun taf b’mod partikolari, jekk id-dritt tal-Unjoni, u b’mod iktar partikolari d-Direttiva 2001/29, jipprekludix il-protezzjoni, permezz tad-drittijiet tal-awtur, tat-togħma ta’ prodott tal-ikel.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt internazzjonali

1. Il-Konvenzjoni ta’ Berna

4.

L-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Bern għall-Protezzjoni tax-Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iffirmata f’Bern fid-9 ta’ Settembru 1886 (Att ta’ Pariġi tal-24 ta’ Lulju 1971), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mill-emenda tat-28 ta’ Settembru 1979 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Bern”), jistipula:

“1.   It-termini ‘xogħlijiet letterarji u artisitiċi’ jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni, bħal: kotba, fuljetti u kitbiet oħra; konferenzi, indirizzi, priedki jew xogħlijiet oħra tal-istess natura; xogħlijiet drammatiċi jew drammatiċi-mużikali; xogħlijiet ta’ korjografija u pantomimi; kompożizzjonijiet mużikali bi kliem jew mingħajr kliem; xogħlijiet ċinematografiċi, li magħhom huma inklużi x-xogħlijiet espressi permezz ta’ proċessi analogi għaċ-ċinematografija; xogħlijiet ta’ disinn, ta’ pittura, ta’ arkitettura, ta’ skultura, ta’ tinqix, ta’ litografija; xogħlijiet fotografiċi, li magħhom huma inklużi x-xogħlijiet espressi permezz ta’ proċessi analogi għall-fotografija; xogħlijiet tal-arti applikata; illustrazzjonijiet, mapep ġeografiċi; pjanti, skeċċjar jew xogħlijiet ta’ mudelli tal-plastik relatati mal-ġeografija, mat-topografija, mal-arkitettura jew max-xjenzi.

2.   Madankollu, il-fakultà li jippreskrivu li x-xogħlijiet letterarji u artistiċi jew kategorija waħda jew diversi kategoriji minnhom ma humiex protetti jekk ma jkunux ġew iffissati f’forma materjali, hija rriżervata għal-leġiżlazzjonijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni.

[…]

5.   Il-ġabriet ta’ xogħlijiet letterarji jew artistiċi bħal enċiklopediji u antoloġiji li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali huma protetti bħala tali, bla ħsara għad-drittijiet tal-awtur fuq kull wieħed mix-xogħlijiet li jagħmlu parti minn dawn il-ġabriet.

6.   Ix-xogħlijiet imsemmija iktar ’il fuq igawdu mill-protezzjoni fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni. Din il-protezzjoni hija eżerċitata favur l-awtur u l-aventi kawża tiegħu.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.

Skont l-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni ta’ Bern:

“L-awturi ta’ xogħlijiet letterarji u artistiċi protetti minn din il-[k]onvenzjoni jgawdu mid-dritt esklużiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet, bi kwalunkwe mod jew taħt kwalunkwe forma.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

2. It-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur

6.

Fl-20 ta’ Diċembru 1996, l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève t-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur (iktar ’il quddiem it-“Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur”), li daħal fis-seħħ fis-6 ta’ Marzu 2002 u li ġie approvat f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni 2000/278/KE ( 4 ).

7.

Skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, intitolat “Relazzjoni mal-[k]onvenzjoni ta’ Berne”:

“Il-Partijiet Kontraenti għandhom iħarsu l-Artikoli 1 sa 21 u l-Appendiċi tal-[k]onvenzjoni ta’ Berne”.

8.

L-Artikolu 2 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, intitolat “L-għan tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur” jipprovdi:

“Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur tkopri l-espressjoni iżda mhux l-ideja, proċeduri, metodi ta’ operazzjoni jew kunċetti matematiċi bħala tali”.

9.

L-Artikolu 4 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, intitolat “Programmi għall-kompjuter” jipprovdi:

“Programmi għall-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens ta’ l-Artikolu 2 tal-[k]onvenzjoni ta’ Berne. Din il-protezzjoni tapplika għall-programmi għall-kompjuter, jkunu xi jkunu l-mod u l-għamla ta’ l-espressjoni tagħhom”.

10.

Skont l-Artikolu 5 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur intitolat, “Kompilazzjonijiet ta’ data (databases)”:

“Kumpilazzjonijiet ta’ data jew materjal ieħor, f’kull għamla, li minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, ikunu jikkostitwixxu kreazzjonijiet intelletwali, huma protetti bħala tali. Din il-protezzjoni ma tkoprix id-data jew il-materjal innifsu u hija mingħajr preġudizzju għal kull dritt ta’ l-awtur li jibqa’ jeżisti fil-kontenut innfisu tal-kumpilazzjoni”.

3. Il-Ftehimiet WTO u TRIPS

11.

Il-Ftehim dwar l-aspetti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mal-kummerċ (TRIPs) tal-15 ta’ April 1994 (ĠU 1994, l 336, p. 214, iktar ’il quddiem il-“Ftehim TRIPs”), li jikkostitwixxi l-Anness 1 C tal-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) (ĠU 1994, L 336, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim WTO”), ġie approvat permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-konklużjoin f’isem il-Komunità Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ negozjati multilaterali fl-Urugwaj (1986-1994) ( 5 ).

12.

L-Artikolu 9 tal-Ftehim TRIPs intitolat “Relazzjoni mal-Konvenzjoni ta’ Berne” jistabbilixxi:

“1.   Il-Membri [tal-WTO] għandhom iħarsu lejn l-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berne (1971) u l-Appendiċi tagħha […].

2.   Il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur għandhom jestendu għall-espressjonijiet u mhux għall-ideat, metodi ta’ ħidma jew konċetti matematiċi per se”.

13.

L-Artikolu 10 tal-Ftehim TRIPs, intitolat “Programmi tal-Kompjuter u l-Kompilazzjoni ta’ Data” jipprovdi:

“1.   Programmi tal-kompjuter, jekk huma fil-kodiċi tas-sors jew ta’ l-oġġett, għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu xogħlijiet letterarji taħt il-Konvenzjoni ta’ Berne (1971).

2.   Il-kompilazzjoni ta’ data jew materjal ieħor, jekk jista’ jinqara minn magna jew xi forma oħra, li permezz ta’ l-għażla jew arranġament tal-kontenut tagħhom jistgħu jkunu kreazzjonijiet intelletwali għandhom ikunu protetti bħal li kieku kienu dawk stess. Protezzjoni bħal din, li ma tistax tkopri d-data jew il-materjal stess, għandu jkun mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe drittijiet ta’ l-awtur li jkunu dwar data jew materjal stess”.

B.   Id-dritt tal-Unjoni

14.

L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ riproduzzjoni” jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt esklussiv li jawtorizza jew jipprojbixxi riproduzzjoni diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti b’kull mezz u f’kull forma, kollha jew parti:

a)

għall-awturi, tax-xogħolijiet tagħhom;

[…]”

15.

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor” jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]”

16.

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni” jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.

[…]”

C.   Id-dritt nazzjonali

17.

L-Artikolu 1 tal-Auteurswet (il-Liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi dwar id-drittijiet tal-awtur, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur”) jipprovdi:

“Id-dritt tal-awtur huwa d-dritt esklużiv tal-awtur ta’ xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku, jew tal-aventi kawża tiegħu, li jirrendih pubbliku u li jirripproduċih, bla ħsara għar-restrizzjonijiet previsti mil-liġi.”

18.

L-Artikolu 10 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur huwa fformulat kif ġej:

“1.   Għall-finijiet ta’ din il-liġi, xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku jfisser:

1)

il-kotba, fuljetti, ġurnali, perjodiċi jew kull materjal miktub ieħor;

2)

ix-xogħlijiet drammatiċi jew drammtiċi-mużikali;

3)

il-konferenzi u l-indirizzi;

4)

ix-xogħlijiet korjografiċi u l-pantomimi;

5)

il-kompożizzjonijiet mużikali bil-kliem jew mingħajr kliem;

6)

ix-xogħlijiet ta’ disinni, pittura, arkitettura, skultura, litografija, tinqix u kollezzjonijiet oħra;

7)

il-mapep ġeografiċi;

8)

il-pjanti, l-iskeċċjar u xogħlijiet tal-plastik marbuta mal-arkitettura, mal-ġeografija, mat-tipografija jew max-xjenzi l-oħra;

9)

ix-xogħlijiet fotografiċi;

10)

ix-xogħlijiet ċinematografiċi;

11)

ix-xogħlijiet tal-artijiet applikati u d-disinni u mudelli industrijali;

12)

il-programmi tal-kompjuter u l-materjal preparatorju;

u b’mod ġenerali l-produzzjonijiet kollha fil-qasam letterarju, xjentifiku jew artistiku, irrispettivament mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni.

[…]”

II. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19.

Il-Heksenkaas huwa ġobon tad-dlik bil-krema friska u bil-ħwawar fini. Huwa nħoloq minn negozjant Olandiż tal-ħaxix u tal-prodotti friski fl-2007. Permezz ta’ kuntratt konkluż fis-sena 2011 u b’korrispettiv għal remunerazzjoni marbuta mad-dħul mill-bejgħ tiegħu, l-oriġinatur tiegħu ċeda lil Levola d-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fuq dan il-prodott.

20.

Fl-10 ta’ Lulju 2012 ingħatat privattiva għall-metodu ta’ produzzjoni tal-Heksenkaas u t-trade mark verbali “Heksenkaas” ġiet ippreżentata f’nofs is-sena 2010.

21.

Sa mix-xahar ta’ Jannar 2014, Smilde timmanifattura prodott imsejjaħ “Witte Wievenkaas” għal katina ta’ supermarkets fil-Pajjiżi l-Baxxi.

22.

Billi kkunsidrat li l-produzzjoni u l-bejgħ ta’ Witte Wievenkaas kienu jippreġudikaw id-drittijiet tal-awtur tagħha fuq it-“togħma” tal-Heksenkaas, Levola ressqet lil Smilde quddiem ir-rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland, il-Pajjiżi l-Baxxi). Levola ddefinixxiet id-drittijiet tal-awtur fuq togħma bħala l-“impressjoni ġenerali kkawżata mill-konsum ta’ prodott tal-ikel fuq l-organi sensorjali tat-togħma, inkluża s-sensazzjoni fil-ħalq ipperċepita mis-sens ta’ mess”.

23.

Levola talbet lir-rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland) tiddeċiedi, minn naħa, li t-togħma tal-Heksenkaas tikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-manifattur tagħha u għalhekk tibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur bħala “xogħol”, fis-sens tal-Artikolu 1 tal-Liġi dwar id-drittijiet tal-awtur, u min-naħa l-oħra, li t-togħma tal-prodott immanifatturat minn Smilde tikkostitwixxi riproduzzjoni ta’ dan ix-“xogħol”. Hija talbet ukoll li l-istess qorti tordna lil Smilde twaqqaf u tipprojbixxi kull preġudizzju għad-drittijiet tal-awtur tagħha, inkluż il-produzzjoni, ix-xiri, il-bejgħ u kull kummerċjalizzazzjoni oħra tal-prodott imsejjaħ “Witte Wievenkaas”.

24.

Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2015, ir-rechtbank Gelderland (il-Qorti Distrettwali ta’ Gelderland) ikkunsidrat li, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar jekk it-togħma tal-Heksenkaas setgħetx tingħata l-protezzjoni tad-drittijet tal-awtur, l-allegazzjonijiet ta’ Levola, għandhom, fi kwalunkwe każ, jiġu miċħuda peress li din tal-aħħar ma indikatx liema elementi jew kombinazzjoni ta’ elementi tat-togħma tal-Heksenkaas jagħtuh karattru proprju oriġinali u timbru personali.

25.

Levola appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

26.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kwistjoni ċentrali mqajma fil-kawża hija dik dwar jekk it-togħma ta’ prodott tal-ikel tistax tiġi protetta mid-drittijiet tal-awtur. Hija żżid li l-partijiet fil-kawża quddiemha jiddefendu pożizzjonijiet dijametrikament opposti dwar din il-kwistjoni.

27.

Skont Levola, it-togħma ta’ prodott tal-ikel tista’ tiġi kklassifikata bħala xogħol letterarju, xjentifiku jew artistiku protett mid-drittijiet tal-awtur. Levola tibbaża ruħha, b’mod partikolari, fuq is-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2006 tal-Hoge Raad des Nederlanden (il-Qorti Suprema tal-Pajjiżi l-Baxxi), Lancôme (ECLI:NL:HR:2006:AU8940) li fiha din l-aħħar qorti aċċettat, fil-prinċipju, il-possibbiltà li jingħataw drittijiet tal-awtur fuq ir-riħa ta’ fwieħa.

28.

Min-naħa l-oħra, skont Smilde, il-protezzjoni tat-togħmiet ma hijiex konformi mas-sistema tad-drittijiet tal-awtur li tkopri biss il-kreazzjonijiet viżivi u tas-smigħ. Barra minn hekk, l-instabbilità ta’ prodott tal-ikel u n-natura suġġettiva tal-perċezzjoni tat-togħma jostakolaw il-klassifikazzjoni ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel bħala xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur. Minbarra dan, id-drittijiet esklużivi tal-awtur ta’ xogħol ta’ proprjetà intellettwali u r-restrizzjonijiet tagħhom huma prattikament inapplikabbli għat-togħmiet.

29.

Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Kassazzjoni (Franza) ċaħdet kategorikament il-possibbiltà ta’ protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ riħa, b’mod partikolari fis-sentenza tagħha tal-10 ta’ Diċembru 2013 ( 6 ). Il-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali supremi fi ħdan l-Unjoni hija għalhekk diverġenti fir-rigward tal-kwistjoni, simili għal dik fil-qalba tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju, tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ riħa.

30.

Huwa għalhekk li l-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

(a)

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi t-togħma ta’ prodott tal-ikel, inkwantu kreazzjoni intellettwali proprja tal-awtur tiegħu, milli tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur? B’mod partikolari:

(b)

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija prekluża mill-fatt li l-espressjoni ‘xogħlijiet litterarji u artistiċi’ fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li hija vinkolanti fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, tinkludi ‘kull produzzjoni fil-qasam litterarju, xjentifiku u artistiku, ikun xi jkun il-mod jew il-forma tal-espressjoni tagħha’, iżda fejn l-eżempji ċċitati f’din id-dispożizzjoni jirreferu biss għal kreazzjonijiet li jistgħu jiġu pperċepiti mill-ħars u/jew mis-smigħ?

(c)

L-instabbiltà (possibbli) ta’ prodott tal-ikel u/jew in-natura suġġettiva ta’ esperjenza ta’ togħma tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

(d)

Is-sistema ta’ drittijiet esklużivi u ta’ restrizzjonijiet, kif irregolata mill-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29, tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

2.

Jekk ir-risposta għad-domanda 1(a) tkun fin-negattiv:

(a)

X’inhuma r-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

(b)

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma hija bbażata unikament fuq it-togħma fiha nfisha jew (ukoll) fuq ir-riċetta tal-prodott tal-ikel?

(c)

Fi proċedimenti (ta’ ksur), xi provi għandha tipproduċi l-parti li ssostni li tkun ħolqot togħma protetta mid-drittijiet tal-awtur? Huwa suffiċjenti għal din il-parti, li tippreżenta l-prodott tal-ikel inkwistjoni fl-imsemmija proċedimenti lill-qorti sabiex din il-qorti, billi dduq u xxomm, tkun tista’ tifforma l-opinjoni tagħha dwar jekk it-togħma ta’ prodott tal-ikel tissoddisfax ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur? Jew inkella r-rikorrent għandu (wkoll) jipprovdi deskrizzjoni tal-għażliet kreattivi involuti fil-kompożizzjoni tat-togħma u/jew tar-riċetta li abbażi tagħhom it-togħma tista’ tiġi kkunsidrata li hija l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur?

(d)

Fi proċedimenti ta’ ksur il-qorti kif għandha tiddetermina jekk it-togħma tal-prodott tal-ikel tal-konvenut tikkorrispondix sa tali punt mat-togħma tal-prodott tal-ikel tar-rikorrent li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur? Il-fattur deċiżiv hawnhekk huwa (ukoll) dak li l-impressjoni ġenerali taż-żewġ togħmiet hija l-istess?”.

III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

31.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Levola, Smilde, il-Gvern Franċiż, il-Gvern Taljan u mill-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Levola, Smilde, il-Gvern Olandiż, il-Gvern Franċiż u l-Gvern tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta tal-4 ta’ Ġunju 2018.

IV. Analiżi

32.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-togħma ta’ prodott tal-ikel tikkostitwixxix “xogħol” u tistax tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur permezz tad-Direttiva 2001/29 ( 7 ).

A.   Fuq l-ammissibbiltà

33.

Smilde ssostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli. Hija tqis li, barra l-fatt li Levola ma ssodisfatx l-obbligu tagħha ta’ allegazzjoni u ta’ prova fil-kawża prinċipali, din il-kawża tista’ diġà tingħalaq abbażi tal-fatt li t-togħma tal-prodott Heksenkaas ma hijiex oriġinali.

34.

Fl-opinjoni tiegħi, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma minn Smilde ma tistax tintlaqa’ għar-raġunijiet segwenti.

35.

Huma biss il-qrati nazzjonali li quddiemhom tressqet it-tilwima u li huma responsabbli għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandhom jevalwaw, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kull kawża, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li huma jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, meta d-domandi magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala regola, obbligata tagħti deċiżjoni. Minn dan isegwi li d-domandi li jirrigwardaw id-dritt tal-Unjoni jgawdu minn preżunzjoni ta’ rilevanza. Iċ-ċaħda mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ domanda magħmula minn qorti nazzjonali hija possibbli biss jekk ikun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandhiex x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tat-tilwima fil-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-punti ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jsirulha ( 8 ).

36.

Għandu jiġi enfasizzat li din it-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29. Fl-assenza ta’ kwalunkwe indizju, jew anki allegazzjoni, li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha xejn x’taqsam mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali jew li l-problema hija ta’ natura ipotetika, jiena nikkunsidra li d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinvju rigward l-interpretazzjoni ta’ din id-direttiva u l-kunċett ta’ “xogħol”, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala inammissibbli għas-sempliċi fatt li waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali tikkunsidra li l-kawża prinċipali għandha tiġi riżolta abbażi ta motivi u argumenti oħra.

B.   Fuq il-mertu

1. Il-kunċett ta’ “xogħol” – kunċett “uniformi u awtonomu tad-dritt tal-Unjoni”

37.

Il-kunċett ta’ “xogħol” fis-sens tal-Artikolu 2(a), tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29 ma huwiex iddefinit minn din id-direttiva ( 9 ). Barra minn hekk, dawn id-dispożizzjonijiet ma jinkludu ebda riferiment għad-dritt nazzjonali għal dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “xogħol” ( 10 ).

38.

F’tali ċirkustanza, skont ġurisprudenza stabbilita tal‑Qorti tal‑Ġustizzja, mir-rekwiżiti kemm tal‑applikazzjoni uniformi tad‑dritt tal‑Unjoni kif ukoll mill‑prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t‑termini ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal‑Unjoni li ma tinkludi l‑ebda riferiment espress għad‑dritt tal‑Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati s‑sens u l‑portata tagħha għandhom normalment, fl‑Unjoni Ewropea kollha, jiġu interpretati b’mod awtonomu u uniformi fejn din l‑interpretazzjoni tkun waħda studjata fid‑dawl tal‑kuntest tad‑dispożizzjoni u tal‑għan imfittex mil‑leġiżlazzjoni inkwistjoni ( 11 ).

39.

Minn din il‑ġurisprudenza jirriżulta li l‑kunċett ta’ “xogħol” għandu jiġi kkunsidrat bħala kunċett awtonomu tad‑dritt tal‑Unjoni, li s-sens u l-portata tiegħu għandhom ikunu identiċi fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tagħti lil dan it-terminu interpretazzjoni uniformi fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni ( 12 ).

40.

Minn dan isegwi li l-kunċett ta’ “xogħol”, inkwantu kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni, ma jippermettix li l-Istati Membri jipprevedu, f’dan ir-rigward, regoli differenti jew addizzjonali. Għaldaqstant, id-dritt tal-Unjoni jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li, barra mill-qafas previst mid-Direttiva 2001/29 ( 13 ), tipprevedi l-possibbiltà li tingħata l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lit-togħmiet ta’ prodotti tal-ikel ( 14 ).

2. Il-kunċett ta’ “xogħol” u r-rekwiżit ta’ kreazzjoni intellettwali

41.

Il-Gvern Franċiż iqis li, sabiex jiġi ddeterminat jekk togħma tal-ikel tistax tibbenefika mill-protezzjoni mogħtija mid-drittijiet tal-awtur permezz tad-Direttiva 2001/29, għandu jiġi ddeterminat jekk hija tistax tkun ikkunsidrata bħala xogħol, jiġifieri oġġett li huwa oriġinali fis-sens li huwa kreazzjoni intellettwali proprja tal-awtur tiegħu.

42.

Fil-punt 34 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465), il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “mill‑istruttura ġenerali tal‑Konvenzjoni ta’ Berna, b’mod partikolari mill‑paragrafi 5 u 8 tal‑Artikolu 2 tagħha, jirriżulta li l‑protezzjoni ta’ ċerti oġġetti bħala xogħlijiet letterarji jew artistiċi tippreżupponi li dawn jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali” ( 15 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-drittijiet tal-awtur, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29, jistgħu japplikaw biss fir‑rigward ta’ oġġett li huwa oriġinali fis‑sens li huwa kreazzjoni intellettwali tal‑awtur tiegħu ( 16 ).

43.

Fil-punt 88 tas-sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Painer (C‑145/10, EU:C:2011:798), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li kreazzjoni intellettwali hija tal-awtur innifsu jekk tkun tirrifletti l-personalità tiegħu. Skont il-punt 39 tas-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et (C‑604/10, EU:C:2012:115) il-kriterju ta’ oriġinalità ma huwiex issodisfatt meta l-ħolqien ta’ database huwa impost minn kunsiderazzjonijiet tekniċi, regolatorji jew minn restrizzjonijiet li ma jħallux post għal libertà kreattiva. Barra minn hekk, fil-punt 42 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-ħolqien ta’ database kien jeħtieġ, indipendentement mill-ħolqien tad-data li hija tinkludi, xogħol u sengħa sinjifikattiva tal-awtur tagħha ma jistax, bħala tali, fil-każ li dan ix-xogħol u din is-sengħa ma jkunu jesprimu l-ebda oriġinalità fl-għażla jew fl-arranġament tal-imsemmija data, jiġġustifika l-protezzjoni tagħha permezz tad-drittijiet tal-awtur.

44.

Madankollu nikkunsidra li minkejja li l-fatt li oġġett ikun oriġinali huwa kundizzjoni neċessarja sabiex jibbenefika mill-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur, ma jidhirlix li huwa suffiċjenti. Minbarra r-rekwiżit li l-oġġett inkwistjoni jkun oriġinali, huwa għandu jkun “xogħol”.

45.

Fil-punt 33 tas-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465) il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]‑Artikolu 2(a) tad‑Direttiva 2001/29 jipprovdi li l‑awturi għandhom id‑dritt esklużiv li jawtorizzaw jew li jipprojbixxu r‑riproduzzjoni sħiħa jew parzjali tax‑xogħlijiet tagħhom. Minn dan jirriżulta li l‑protezzjoni tad‑dritt li tiġi awtorizzata jew ipprojbita r‑riproduzzjoni li jgawdi awtur għandha bħala suġġett ‘xogħol’” ( 17 ).

46.

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta b’mod ċar li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 jeżiġi minn naħa, l-eżistenza ta’ “xogħol” ( 18 ) u min-naħa l-oħra, li dan ix-xogħol ikun oriġinali. Huwa importanti li dawn iż-żewġ kunċetti li huma distinti ma jiġux magħquda jew amalgamati.

47.

Għalhekk nikkunsidra, bħall-Kummissjoni, li l-fatt li “xogħol jista’ jkun protett mid-drittijiet tal-awtur taħt l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 2001/29 biss jekk jissodisfa dan il-kriterju ta’ oriġinalità ma jistax madankollu jiġi interpretat fis-sens li b’mod invers dan jimplika li kull oġġett li jissodisfa dan il-kriterju għandu ‘awtomatikament’ jiġi kkunsidrat, minħabba f’hekk, bħala ‘xogħol’ protett mid-drittijiet tal-awtur fis-sens tal-imsemmija direttiva” ( 19 ).

3. Togħma tikkostitwixxi xogħol?

48.

Peress li d-Direttiva 2001/29 ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ xogħol, nikkunsidra li huwa opportun li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Bern. Fil-fatt, minkejja l-fatt li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti tal-Konvenzjoni ta’ Bern, hija “għandha madankollu l-obbligu, skont l-Artikolu 1(4) tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet tal-awtur, li għalih hija parti, li jagħmel parti mill-ordinament ġuridiku tagħha u li d-Direttiva 2001/29 għandha l-għan li timplementa, li tikkonforma ruħha mal-Artikoli 1 sa 21 tal-Konvenzjoni ta’ Berna” ( 20 ).

49.

Konsegwentement, l-Unjoni għandha tikkonforma ruħha, b’mod partikolari, mal-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Bern li jiddetermina dak li huwa kopert b’xogħlijiet “letterarji u artistiċi” li jistgħu jkunu protetti mid-drittijiet tal-awtur. Skont din id-dispożizzjoni, it-termini “xogħlijiet letterarji u artistiċi”, “jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni”. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Bern jinkludi lista mhux eżawrjenti ( 21 ) tax-xogħlijiet “letterarji u artistiċi” li huma protetti ( 22 ).

50.

Din il-lista ma tagħmel l-ebda riferiment għat-togħmiet, u lanqas għal xogħlijiet analogi għat-togħmiet bħall-irwejjeħ/fwejjaħ, iżda lanqas ma teskludihom espressament.

51.

Madankollu nirrileva li, minkejja l-fatt li skont l-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Bern, it-termini “xogħlijiet letterarji u artistiċi jkopru kull produzzjoni fil-qasam letterarju, xjentifiku u artistiku, indipendentement mill-mod jew mill-forma ta’ espressjoni”, din id-dispożizzjoni tagħmel riferiment biss għax-xogħlijiet li huma pperċepiti permezz tal-ħars jew tas-smigħ, bħall-kotba u l-kompożizzjonijiet mużikali, bl-esklużjoni tal-produzzjonijiet li jistgħu jiġu pperċepiti permezz ta’ sensi oħra bħat-togħma, ix-xamm jew il-mess.

52.

Barra minn hekk, fil-każ ta’ dubji persistenti dwar il-protezzjoni ta’ ċerti produzzjonijiet mid-drittijiet tal-awtur, il-Komunità internazzjonali spiss intervjeniet sabiex tistabbilixxi b’mod ċar li dawn ix-“xogħlijiet” kienu protetti mid-drittijiet tal-awtur – bil-kundizzjoni li jkunu oriġinali – jew permezz ta’ emendi lill-Konvenzjoni ta’ Bern, jew permezz ta’ ftehim multilaterali oħra ( 23 ).

53.

Huwa b’dan il-mod li ġie adottat it-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, li huwa arranġament partikolari fis-sens tal-Konvenzjoni ta’ Bern, b’mod partikolari sabiex jipproteġi x-xogħlijiet fl-ambjent diġitali ( 24 ), bħall-programmi tal-kompjuter u l-kompilazzjonijiet tad-data jew elementi oħra (id-databases) ( 25 ).

54.

It-togħma ta’ prodott tal-ikel ma tista’ titqabbel mal-ebda “xogħol” protett minn dan it-trattat u, sa fejn naf jien, ebda dispożizzjoni oħra tad-dritt internazzjonali ma tipproteġi, permezz tad-drittijiet tal-awtur, it-togħma ta’ prodott tal-ikel ( 26 ).

55.

Barra minn hekk, b’konformità mal-osservazzjonijiet tal-Gvern Franċiż u tal-Kummissjoni, nikkunsidra li minkejja li l-proċess ta’ elaborazzjoni ta’ togħma tal-ikel jew ta’ fwieħa jeħtieġ xogħol u jaqa’ taħt sengħa, dawn ma jikkostitwixxux oġġetti li l-protezzjoni tagħhom tista’ tkun żgurata mid-drittijiet tal-awtur, ħlief jekk ikunu oriġinali ( 27 ). Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tkopri l-espressjonijiet oriġinali u mhux l-ideat, il-proċeduri, il-metodi ta’ funzjonament jew il-kunċetti matematiċi, inkwantu tali ( 28 ). Nikkunsidra li, minkejja li l-forma li fiha riċetta tiġi espressa (l-espressjoni) tista’ tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur jekk din l-espressjoni tkun oriġinali, id-drittijiet tal-awtur ma jipproteġux ir-riċetta innifisha (l-idea). Bl-Ingliż din id-distinzjoni hija msejħa “idea/expression dichotomy”.

56.

Barra minn hekk, dawn l-espressjonijiet oriġinali għandhom ikunu identifikabbli bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti. Huwa b’dan il-mod li fis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2002, Sieckman (C‑273/00, EU:C:2002:748, punt 55), li tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk sinjal, f’dan il-każ riħa, li fih innifsu ma jistax ikun ipperċepit b’mod viżiv, jistax jikkostitwixxi trade mark, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huwa possibbli “bil-kundizzjoni li dan jista’ jkun s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika, b’mod partikolari permezz ta’ figuri, linji jew karattri, li tkun ċara, preċiża, kompleta fiha nnifisha, faċilment aċċessibbli, li tinftiehem, durabbli u oġġettiva” ( 29 ).

57.

Madankollu, jidher li fid-dawl tal-istat attwali tat-teknika, l-identifikazzjoni preċiża u oġġettiva ta’ togħma jew ta’ riħa hija attwalment impossibbli. F’dan ir-rigward, il-Gvern Taljan jirrileva li “minkejja l-isforzi xjentifiċi magħmula sal-lum sabiex jiġu ddefiniti mingħajr ekwivoku l-proprjetajiet organuleptiċi ta’ prodotti tal-ikel, fl-istat attwali tal-affarijiet, it-‘togħma’ hija essenzjalment element kwalitattiv, marbut primarjament man-natura suġġettiva tal-esperjenza tat-togħma. Fil-fatt, il-proprjetajiet organuleptiċi tal-ikel huma intiżi sabiex jiġu pperċepiti u evalwati mill-organi sensorjali, prinċipalment mit-togħma u r-riħa iżda wkoll mill-mess, abbażi tal-esperjenza suġġettiva u tal-impressjonijiet mħollija mill-ikel fuq l-imsemmija organi sensorjali. Karatterizzazzjoni oġġettiva ta’ dawn l-esperjenzi għadha ma teżistix” ( 30 ). Ma neskludix li t-tekniki futuri għall-identifikazzjoni preċiża u oġġettiva ta’ togħma jew ta’ riħa jistgħu jiżviluppaw, u dan jista’ jwassal lil-leġiżlatur sabiex jintervjeni u jipproteġihom bid-drittijiet tal-awtur jew b’mezzi oħra.

58.

Fl-opinjoni tiegħi, il-possibbiltà li l-identifikazzjoni ta’ togħma tiġi fdata lil qorti jew lil espert li din tinnomina, kif tissuġġerixxi Levola fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, ma tneħħi xejn mill-fatt li din l-identifikazzjoni ( 31 ) tibqa’, min-natura tagħha stess, eżerċizzju suġġettiv ( 32 ). Issa, il-possibbiltà li jiġi identifikat, bi preċiżjoni u oġġettività suffiċjenti, xogħol u, konsegwentement, il-portata tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tiegħu, hija imperattiva sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ ċertezza legali fl-interess tad-detentur tad-drittijiet tal-awtur, u b’mod iktar partikolari, ta’ terzi li jistgħu jkunu esposti għal azzjonijiet ġudizzjarji, b’mod partikolari, azzjonijiet kriminali jew għal ksur tal-proprjetà intellettwali ( 33 ), minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur.

59.

L-argument li l-prodotti tal-ikel huma potenzjalment instabbli ma huwiex fih innifsu konvinċenti. Fil-fatt, għandu jiġi enfasizzat li, barra l-fatt li d-Direttiva 2001/29 ma tipprevedi l-ebda obbligu li jiġi stabbilit xogħol ( 34 ), ma huwiex il-medium li fuqu jew fih jinsab ix-xogħol li huwa s-suġġett tad-drittijiet tal-awtur, iżda x-xogħol innifsu.

60.

Madankollu, il-fatt li t-togħmiet infushom huma effimeri, volatili u instabbli jimmilita, fil-fehma tiegħi, kontra l-identifikazzjoni preċiża u oġġettiva tagħhom kif ukoll, konsegwentement, kontra l-klassifikazzjoni tagħhom bħala xogħlijiet għall-finijiet tad-drittijiet tal-awtur.

61.

Konsegwentement, nikkunsidra li t-togħma ta’ prodott tal-ikel ma tikkostitwixxix “xogħol” fis-sens tad-Direttiva 2001/29. Għaldaqstant, togħma ma tistax tibbenefika mid-dritt ta’ riproduzzjoni ( 35 ), mid-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħlijiet u mid-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor ( 36 ) u mid-dritt ta’ distribuzzjoni ( 37 ) fis-sens tad-Direttiva 2001/29, li tapplika biss għal xogħlijiet. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-eċċezzjonijiet u r-restrizzjonijiet previsti fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/29 huma intiżi biss għax-xogħlijiet protetti minn dawn id-drittijiet.

62.

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li d-Direttiva 2001/29 tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tat-togħma ta’ prodott tal-ikel. Peress li t-tieni domanda saret biss fil-każ li d-Direttiva 2001/29 ma tipprekludix il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tat-togħma ta’ prodott tal-ikel u tirrigwarda, b’mod partikolari, ir-rekwiżiti għal din il-protezzjoni u l-portata ta’ din il-protezzjoni, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

V. Konklużjoni

63.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Qorti tal-Appell ta’ Arnhem-Leeuwarden, il-Pajjiżi l-Baxxi) bil-mod segwenti:

Id-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tat-togħma ta’ prodott tal-ikel.


( 1 ) Langwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol 1, p. 230.

( 3 ) Bil-Malti “ġobon tas-sħaħar”.

( 4 ) Deċiżjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Marzu 2000 dwar l-approvazzjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tat-Trattat WIPO dwar id-Dritt ta’ l-Awtur u tat-Trattat WIPO dwar il-Preżentazzjonijiet u l-Fonogrammi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 33, p. 208).

( 5 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 80.

( 6 ) Il-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Kummerċjali, 10 ta’ Diċembru 2013, Nru 11‑19.872, mhux ippubblikata fil-Bulettin (ECLI:FR:CCASS:2013:CO01205).

( 7 ) Skont Levola “[i]l-kwistjoni fit-tilwima […] bejn Levola u Smilde hija l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur tat-togħma tal-Heksenkaas inkwantu tali. Din tirrigwarda l-impressjoni sensorjali li minnha tagħha tgħaddi l-esperjenza ta’ din it-togħma inkwantu tali, u mhux il-mezzi li permezz tagħhom tinħoloq din l-impressjoni. Għalhekk mhux qed tintalab il-protezzjoni ta’ sustanza konkreta jew ta’ lista ta’ ingredjenti. Ix-xogħol li għalih qed tintalab il-protezzjoni hija t-togħma nnifisha, u mhux il-medium tagħha” (punt 9 tal-osservazzjonijiet tagħha). Levola żżid li “ma huwiex eskluż li t-togħma tista’ tiġi rriprodotta permezz ta’ medium ieħor bl-istess mod li l-immaġini maħluqa mill-artist bil-pittura biż-żejt tista’ tiġi imitata u rriprodotta fuq medium ieħor. Fil-fatt, xogħol protett mid-drittijiet tal-awtur huwa kkostitwit mill-impressjoni immaterjali u mhux mill-medium fiżiku li fuqu ssir din l-espressjoni” (punt 86 tal-osservazzjonijiet tagħha).

( 8 ) Ara s-sentenza tal-1 ta’ Lulju 2010, Sbarigia (C‑393/08, EU:C:2010:388, punti 1920 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Barra minn hekk, il-protezzjoni permezz tad-drittijiet tal-awtur, ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel ma hijiex irregolata b’mod speċifiku mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

( 10 ) Skont Levola, “[j]ekk id-dritt tal-Unjoni jirrikonoxxi kunċett uniformi u awtonomu ta’ xogħol li ma jħallix lill-Istati Membri l-libertà li jistabbilixxu fuq il-livell nazzjonali kundizzjonijiet addizzjonali sabiex jagħtu protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur […], id-dritt tal-Unjoni għandu jsolvi wkoll il-kwistjoni dwar jekk l-Istati Membri għandhomx jagħtu l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil kreazzjonijiet oriġinali li huma pperċepiti b’modi oħra għajr bil-ħars jew bis-smigħ, bħal togħma jew riħa jew jekk dawn ma jistgħu lanqas jagħtu protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil dawn il-kreazzjonijiet ta’ togħma jew riħa, anki jekk din it-togħma jew din ir-riħa tirriżulta minn xogħol intellettwali kreattiv li permezz tiegħu l-awtur ta’ espressjoni lill-kreattività personali tiegħu” (punt 41 tal-osservazzjonijiet tagħha). “Madankollu, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja riedet tistabbilixxi biss minimu kwalitattiv għall-finijiet tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur fil-forma ta’ rekwiżit ta’ ‘kreazzjoni intellettwali proprja’ – kif, pereżempju, taċċetta l-ġurisprudenza Ġermaniża – huwa għalhekk evidenti li l-Istati Membri huma liberi li jagħtu jew ma jagħtux il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur lil xogħol li jikkonsisti fit-togħma ta’ kreazzjoni tal-ikel, jekk din it-togħma tista’ tal-inqas tiġi kklassifikata bħala kreazzjoni intellettwali proprja tal-awtur tagħha. Fil-fatt, il-livell kwalitattiv minimu stabbilit ta’ ‘kreazzjoni intellettwali proprja’ ma jeskludi neċessarjament l-ebda sens uman, b’tali mod li d-determinazzjoni tar-rilevanza tal-mod sensorjali li bih tiġi pperċepita kreazzjoni intellettwali proprja taqa’ fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri” (punt 42 tal-osservazzjonijiet tagħha).

( 11 ) Ara s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Omejc (C‑536/09, EU:C:2011:398, punt 19). Ara, ukoll, is-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punt 33).

( 13 ) Jew permezz ta’ dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni li tista’ eventwalment tiġi adottata jekk din tkun id-deċiżjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni.

( 14 ) Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465, punti 27 sa 29), u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Padawan (C‑467/08, EU:C:2010:620, punti 29 sa 37).

( 15 ) Fis-sentenza tagħha Feist Publications, Inc. vs Rural Telephone Service Co., Inc. 499 U.S. 340, il-Qorti Suprema tal-Istati Uniti ddeċidiet li s-sine qua non tad-drittijiet tal-awtur hija l-oriġinalità.

( 16 ) Punt 37 tas-sentenza Infopaq International. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, “xogħlijiet bħal programmi tal‑kompjuter, databases u fotografiji huma biss protetti bid‑drittijiet tal‑awtur jekk ikunu oriġinali fis‑sens li huma kreazzjoni intellettwali tal‑awtur stess”, (punt 35 tal-imsemmija sentenza u enfasi miżjud minni).

( 17 ) L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29 dwar id-“dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor” u l-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva dwar id-“[d]ritt ta’ [d]istribuzzjoni” wkoll jagħmlu riferiment għal “xogħol”.

( 18 ) Skont il-Gvern tar-Renju Unit, ikun għal kollox żbaljat li s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Infopaq International (C‑5/08, EU:C:2009:465) tiġi interpretata “bħala li tfisser li kull tip ta’ xogħol, ikun x’ikun, għandu jkun protett mid-drittijiet tal-awtur, ladarba jirrigwarda kreazzjoni intellettwali ta’ awtur. Ir-raġunament fil-punt 37 għandu jkun moqri fid-dawl tal-punti 34 sa 36 li fihom huwa ddikjarat b’mod ċar li s-sistema li d-Direttiva 2001/29 tipproteġi tapplika biss għal ċerti oġġetti kklassifikati bħala xogħlijiet letterarji jew artistiċi skont il-Konvenzjoni ta’ Bern jew skont element ieħor tad-dritt tal-Unjoni bħad-Direttiva dwar il-programmi tal-kompjuter” (punt 19 tal-osservazzjonijiet tiegħu).

( 19 ) Punt 33 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni. Fis-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et (C‑403/08 u C‑429/08, EU:C:2011:631, punti 96 sa 99), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-logħbiet sportivi ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala kreazzjonijiet intellettwali li jistgħu jiġu kklassifikati bħala xogħlijiet għaliex sabiex jaqa’ taħt din il-klassifikazzjoni, l-oġġett inkwistjoni għandu jkun oriġinali fis-sens li jikkostitwixxi kreazzjoni intellettwali tal-awtur tiegħu stess. Minkejja li huwa minnu li l-formulazzjoni ta’ dawn il-punti tas-sentenza inkwistjoni tagħti l-impressjoni li “xogħol” huwa sinonomu ma’ “kreazzjoni intellettwali” u li l-uniku rekwiżit sabiex jiġu sostnuti d-drittijiet tal-awtur huwa l-eżistenza ta’ “kreazzjoni intellettwali”, nikkunsidra li minn din is-sentenza jirriżulta li l-logħbiet sportivi, b’mod partikolari l-logħob tal-football, ma humiex protetti mid-drittijiet tal-awtur, għaliex isiru fil-kuntest ta’ regoli tal-logħob, li ma jħallux libertà kreattiva fis-sens tad-drittijiet tal-awtur. Fil-fatt, il-logħob sportiv inkwantu tali jonqos mill-oriġinalità. Il-kwistjoni dwar jekk logħbiet sportivi jikkostitwixxux “xogħlijiet” (mhux oriġinali) ma ġietx eżaminata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

( 20 ) Ara s-sentenza tad-9 ta’ Frar 2012, Luksan (C‑277/10, EU:C:2012:65, punt 59).

( 21 ) Fl-opinjoni tiegħi, it-termini “telles que”, fil-verżjoni bil-lingwa Franċiża u “such as” fil-verżjoni bil-lingwa Ingliża, jindikaw in-natura mhux eżawrjenti u għalhekk ta’ eżempju tax-xogħlijiet “letterarji u artistiċi” li jistgħu jkunu protetti mid-drittijiet tal-awtur.

( 22 ) Ara l-Artikolu 2(6) tal-Konvenzjoni ta’ Bern.

( 23 ) Ara f’dan is-sens, p. 25 tal-Gwida għat-Trattati dwar id-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati amministrati mill-WIPO, ippubblikata fl-2003 u disponibbli fuq is-sit tal-internet fl-indirizz segwenti: http://www.wipo.int/edocs/pubdocs/fr/copyright/891/wipo_pub_891.pdf.

( 24 ) Ara l-premessa 15 tad-Direttiva 2001/29. L-Artikolu 4 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur jipprovdi espressament li l-programmi tal-kompjuter huma protetti bħala xogħlijiet letterarji fis-sens tal-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni ta’ Bern. L-Artikolu 5 ta’ dan l-istess trattat jipprevedi li d-databases, indipendentement mill-forma tagħhom, li, permezz tal-għażla jew tal-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjonijiet intellettwali, huma protetti wkoll bl-istess mod u bl-istess kwalità. Ara, ukoll, l-Artikolu 10 tat-TRIPs.

( 25 ) Id-Direttiva 2001/29 tirrigwarda l-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-awtur u d-drittijiet relatati bl-eċċezzjoni, b’mod partikolari, tal-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter u tal-protezzjoni legali tad-databases. Fil-fatt, id-Direttiva 2009/24/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU 2009, L 111, p. 16) tirrigwarda b’mod speċifiku l-protezzjoni legali tal-programmi tal-kompjuter. Mill-ewwel premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 91/250/KEE tal-14 ta’ Mejju 1991 dwar il-protezzjoni legali ta’ programmi tal-kompjuter (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 114), li tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2009/24, jirriżulta li “[b]illi programmi tal-kompjuter mhumiex fil-preżent protetti b’mod ċar fl-Istati Membri kollha bil-leġislazzjoni eżistenti u din il-protezzjoni, fejn teżisti, għandha attributi differenti”. F’dan ir-rigward, nirrileva li ċ-ċifrarju oġġett ta’ programm tal-kompjuter ma huwiex, fil-prinċipju, perċepibbli minn persuna umana. Madankollu, iċ-ċifrarju oġġett ta’ programm tal-kompjuter huwa produzzjoni preċiża u stabbli li tista’ “tinqara” jew tkun “ipperċepita” b’mod konkret u oġġettiv minn magna. Barra minn hekk, id-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459) tirrigwarda b’mod speċifiku l-protezzjoni legali tad-databases. L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/9 li jirrigwarda d-drittijiet tal-awtur jipprovdi li “databases li, minħabba l-għażla jew l-arranġament tal-kontenut tagħhom, jikkostitwixxu kreazzjoni intellettwali ta’ l-awtur innifsu għandhom ikunu protetti bid-dritt ta’ l-awtur. L-ebda kriterji oħra m’għandhom ikunu applikati biex tkun stabbilita l-eliġibilità tagħhom għal dik il-protezzjoni”. L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 96/9 jipproteġi permezz ta’ dritt sui generis id-databases li l-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut tagħhom turi investiment sostanzjali mil-lat kwalitattiv jew kwantitattiv.

( 26 ) Skont Smilde “[l-e]bda leġiżlatur (la dawk li fformolaw il-Konvenzjoni ta’ Bern, la dawk li nnegozjaw il-Ftehim TRIPs, la l-awturi tal-Konvenzjonijiet WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur, u ċertament lanqas il-partijiet involuti fil-proċess leġiżlattiv li wassal għad-Direttiva [2001/29]) qatt ma kellu l-intenzjoni li jippermetti l-monopolizzazzjoni, permezz tad-drittijiet tal-awtur, ta’ xi ħaġa suġġettiva, li tispiċċa, impreċiża, varjabbli, diffiċli li tinstab u teknikament determinata bħat-togħma” (punt 91 tal-osservazzjonijiet tagħha).

( 27 ) Jiġifieri kreazzjonijiet intellettwali. Ara s-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2012, Football Dataco et (C‑604/10, EU:C:2012:115, punt 42).

( 28 ) Ara f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2012, SAS Institute (C‑406/10, EU:C:2012:259, punt 33). Ara wkoll, l-Artikolu 2 tat-Trattat tal-WIPO dwar id-Drittijiet tal-Awtur u l-Artikolu 9(2) tal-Ftehim TRIPs.

( 29 ) Huwa minnu li l-kundizzjoni li sinjal għandu jkun s-suġġett ta’ rappreżentazzjoni grafika ma għadhiex teżisti fid-dritt tal-Unjoni. Madankollu, għandu jiġi nnotat li l-Artikolu 3(b) tad-Direttiva (UE) 2015/2436 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta-16 ta’ Diċembru 2015 biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (ĠU 2015, L 336, p. 1), li daħlet fis-seħħ fit-12 ta’ Jannar 2016, u r-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 dwar it-trade mark Komunitarja u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità, u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2869/95 dwar id-drittijiet pagabbli lill-Uffiċċju tal-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trademarks u Disinji) (ĠU 2015, L 341, p. 21), li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2016, jeżiġu li s-sinjali jkunu xierqa sabiex jiġu rrappreżentati fir-reġistru b’mod li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti u lill-pubbliku jiddetermina b’mod preċiż u ċar l-oġġett li jibbenefika mill-protezzjoni mogħtija lill-proprjetarju tagħhom.

( 30 ) Ara l-punt 34 ta’ dawn l-osservazzjonijiet.

( 31 ) Qed nitkellem hawnhekk dwar l-identifikazzjoni tax-xogħol u mhux dwar l-evalwazzjoni tal-oriġinalità tiegħu li huwa eżerċizzju miftuħ għal opinjonijiet diverġenti u jimplika grad ta’ suġġettività. Madankollu, jekk l-identifikazzjoni preċiża u oġġettiva ta’ xogħol ma tkunx possibbli, l-evalwazzjoni tal-oriġinalità tiegħu hija wkoll impossibbli.

( 32 ) Il-Kummissjoni tikkunsidra li s-sensazzjonijiet u l-impressjonijiet imħollija minn togħma “huma […] suġġettivi, mhux konkreti u (għalhekk) mhux riproduċibbli, fi kwalunkwe każ b’ċertezza, oġġettività u b’mod speċifiku suffiċjenti sabiex jippermettu protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur” (punt 41 tal-osservazzjonijiet tagħha).

( 33 ) Il-premessa 28 tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32 u rettifika ĠU 2004, L 195, p. 16) tgħid li “[m]al-miżuri, il-proċeduri u r-rimedji civili u amministrattivi stipulati f’din id-Direttiva, sanzjonijiet kriminali jikkostitwixxu wkoll, f’każijiet xierqa, il-mezzi biex jiġi assigurat l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali”.

( 34 ) Ara, ukoll, l-Artikolu 2(2) tal-Konvenzjoni ta’ Bern.

( 35 ) Ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2001/29.

( 36 ) Ara l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2001/29.

( 37 ) Ara l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2001/29.