KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MENGOZZI

ppreżentati fit-12 ta’ Lulju 2018 ( 1 )

Kawża C-221/17

M. G. Tjebbes

G. J. M. Koopman

E. Saleh Abady

L. Duboux

vs

Minister van Buitenlandse Zaken

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 20 TFUE – Artikoli 7 u 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Nazzjonalità ta’ Stat Membru u ta’ Stat terz – Telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru minħabba perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin ta’ residenza barra mill-Unjoni – Unità ta’ nazzjonalità fil-familja – L‑aħjar interess tal-wild”

I. Introduzzjoni

1.

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi), tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 u 21 TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2.

Essenzjalment, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-marġni ta’ diskrezzjoni li jużaw l-Istati Membri sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet ta’ telf tan-nazzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà eżaminat din il‑kwistjoni fis-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), f’kuntest legali u fattwali għalkollox differenti.

3.

F’din il-kawża, il-kwistjoni, essenzjalment, hija dwar jekk l-Artikolu 20 TFUE jipprekludix id-dispożizzjonijiet ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li jinvolvu t-telf ta’ nazzjonalità ta’ ċittadin maġġorenni ta’ Stat Membru, li jibbenefika wkoll minn nazzjonalità oħra, għar-raġuni li huwa kien residenti, mingħajr interruzzjoni, matul iktar minn għaxar snin fit‑territorju ta’ pajjiż terz. Barra minn hekk, tqajmet ukoll il-kwistjoni dwar jekk l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u l-aħjar interess tal-wild jippermettux lil Stat Membru jipprevedi li l-wild tal-imsemmi ċittadin jitlef fl-istess waqt in-nazzjonalità ta’ dan l-istess Stat Membru.

4.

Kif ser nargumenta f’dawn il-konklużjonijiet, nemmen li t‑tieni kwistjoni biss għandha tingħata risposta fl-affermattiv. Fir-rigward tal-ewwel domanda, inqis li ma hemmx raġuni għalfejn ma jintużawx ir-raġunijiet magħżula mil-leġiżlatur nazzjonali li jirregolaw it-telf taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni sabiex jiġi eżaminat jekk tali leġiżlazzjoni hijiex konformi, b’mod speċifiku, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. B’mod partikolari, l-osservanza ta’ dan il-prinċipju la jimplika, fl‑opinjoni tiegħi, evalwazzjoni ta’ konsegwenzi indiretti fuq is‑sitwazzjoni ta’ kull persuna kkonċernata li twassal għall-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni u lanqas jimplika ċirkustanzi partikolari għal kull każ ta’ natura barranija fir-rigward tal-kriterju ta’ rabta mal-Istat Membru kkonċernat magħżul mil-leġiżlatur nazzjonali. Bi qbil mal-pożizzjoni meħuda mill-Gvern Grieg matul is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, din is-soluzzjoni hija l-unika waħda, fl-opinjoni tiegħi, li tiżgura l‑osservanza tal-kompetenza tal-Istati Membri li jistabbilixxu l‑kundizzjonijiet ta’ kisba u ta’ telf taċ-ċittadinanza u li tibqa’ leali għall‑portata tal-istħarriġ tal-proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali li għandha bħala effett it-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni fir-rigward tad‑dritt ta’ din tal-aħħar.

II. Il-kuntest fattwali u legali u d-domanda preliminari

5.

Id-domanda preliminari li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha quddiemha tqajmet fil-kuntest ta’ tilwim bejn M. G. Tjebbes, G. J. M. Koopman, E. Saleh Abady u L. Duboux minn naħa u l-Minister van Buitenlandse Zaken (il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem il-“Ministru”) min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-deċiżjoni ta’ dan tal-aħħar li jirrifjuta li jeżamina t-talbiet tagħhom ta’ tiġdid ta’ passaport nazzjonali għar-raġuni li dawn il-persuni, filwaqt li jżommu n-nazzjonalità ta’ pajjiżi terzi fit-territorju li tagħhom huma residenti rispettivament, tilfu n-nazzjonalità Olandiża, skont l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ Rijkswet op het Nederlanderschap (il-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża).

6.

Fil-fatt, mill-kuntest legali espost mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jipprovdi li persuna maġġorenni titlef in-nazzjonalità Olandiża jekk ikollha wkoll nazzjonalità barranija u jekk ikollha r-residenza prinċipali tagħha għal perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin matul l-età maġġuri tagħha, meta kellha żewġ nazzjonalitajiet, barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u mit-territorji li għalihom it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) huwa applikabbli. L‑Artikolu 16(1)(d) tal-istess liġi jiddikjara li persuna minorenni titlef in‑nazzjonalità Olandiża jekk missierha jew ommha jitilfu n-nazzjonalità Olandiża fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 15(1)(c) tal-liġi msemmija.

7.

Konformement mal-Artikolu IV tar-Rijkswet van 21 december 2000 tot wijziging Rikjkswet op het Nederlanderschap (verkrijging, verlening en verlies van het Nederlanderschap) (il-Liġi tat‑2 ta’ Diċembru 2000 li temenda l-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża (akkwist, għoti u telf tan‑nazzjonalità Olandiża)), il-perijodu ta’ għaxar snin li jissemma fl‑Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża għandu jibda jiddekorri biss mill-1 ta’ April 2003.

8.

Barra minn hekk, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija mill-qorti tar‑rinviju jirriżulta li, skont l-Artikolu 15(3) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, it-terminu, previst fl-Artikolu 15(1) ta’ din il-liġi, huwa interrott jekk il-persuna kkonċernata għandha r-residenza prinċipali tagħha fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fit-territorji li għalihom it-Trattat UE hija applikabbli għal perijodu ta’ mill-inqas sena. Bl-istess mod, skont l‑Artikolu 15(4) ta’ din il-liġi, ikun hemm interruzzjoni tat-terminu jekk il-persuna kkonċernata titlob il-ħruġ ta’ dikjarazzjoni dwar il-pussess tan-nazzjonalità Olandiża jew ta’ dokument tal-ivvjaġġar (passaport) jew ta’ karta ta’ identità Olandiża, skont il-Paspoortwet (il-Liġi Olandiża dwar il‑Passaporti). Jibda jiddekorri terminu ġdid ta’ għaxar snin mill-ħruġ ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti.

9.

L-Artikolu 6(1)(f) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jippermetti lill-maġġorenni barranin li tilfu n-nazzjonalità Olandiża, fis‑sens tal-Artikolu 15(1)(c), tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, li jirkupraw din in-nazzjonalità billi jistabbilixxu lilhom infushom għal mill-inqas sena fil-Pajjiżi l-Baxxi jew f’pajjiż ieħor tar-Renju ( 2 ), billi jkollhom minn qabel permess għal perijodu ta’ żmien indeterminat.

10.

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tfakkar, essenzjalment, li l-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża tidħol fil-kuntest tal-obbligi internazzjonali meħuda mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. B’dan il-mod, il‑Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija, konkluża fi New York fit‑30 ta’ Awwissu 1961 u li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 1975 ( 3 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija”) tipprevedi, fl-Artikolu 7(3) tagħha, li bla ħsara, b’mod partikolari, għall‑paragrafu 4 tagħha, ħadd ma jista’ jitlef in-nazzjonalità tiegħu, jekk għal din ir-raġuni jsir persuna mingħajr stat, minħabba li huwa jħalli l‑pajjiż li tiegħu għandu n-nazzjonalità u jirrisjedi barra mill-pajjiż. L‑Artikolu 7(4) ta’ din il-Konvenzjoni jiddikjara li t-telf tan-nazzjonalità li taffettwa individwu naturalizzat jista’ jkun immotivat mir-residenza barra mill-pajjiż għal perijodu li ma jistax ikun ta’ inqas minn seba’ snin konsekuttivi. Barra minn hekk, il-Konvenzjoni Ewropea dwar in‑Nazzjonalità, iffirmata fi Strasbourg fis-6 ta’ Novembru 1997, adottata fil-qafas tal-Kunsill tal-Ewropa u li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Marzu 2000 ( 4 ) (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità”) tiddikjara, fl-Artikolu 7(1)(e) tagħha, li n-nazzjonalità tista’ tintilef ipso iure fin-nuqqas ta’ kull rabta effettiva bejn l‑Istat kontraenti u ċittadin li jirrisjedi barra mill-pajjiż. Barra minn hekk, l-Artikolu 7(2) ta’ din il-konvenzjoni jiddikjara li Stat kontraenti jista’ jipprevedi t-telf tan-nazzjonalità tiegħu mill-ulied li l-ġenituri tagħhom jitilfu n-nazzjonalità tagħhom, sakemm wieħed mill-ġenituri ma jżommhiex.

11.

Mill-fatti tal-kawżi prinċipali jirriżulta, li, sal-31 ta’ Marzu 2013, M. G. Tjebbes kellha n-nazzjonalità Olandiża u Kanadiża minħabba konsangwinità, G. J. M. Koopman kienet ta’ nazzjonalità Olandiża mit‑twelid tagħha u kienet akkwistat in-nazzjonalità Svizzera permezz taż-żwieġ u E. Saleh Abady kellha n-nazzjonalità Iranjana u kienet akkwistat in‑nazzjonalità Olandiża permezz tan-naturalizzazzjoni. Mill-1 ta’ April 2013, M. G Tjebbes kienet tirrisjedi fil-Kanada, G. J. M. Koopman fl-Isvizzera u E. Saleh Abady fl-Iran għal iktar minn għaxar snin. Huma kienu kollha maġġorenni f’dik id-data.

12.

Meta tressqu quddiemu talbiet għal tiġdid tal-passaporti rispettivi tagħhom, il-Ministru rrifjuta li jeżamina dawn it-talbiet, għar-raġuni li dawn it-tliet persuni kienu tilfu n-nazzjonalità Olandiża tagħhom bl-applikazzjoni tal‑Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża. Huwa nnota li huma kollha kellhom ir-residenza prinċipali tagħhom għal perijodu mhux interrott ta’ mhux inqas minn għaxar snin barra mill-Pajjiżi l-Baxxi jew mit-territorji li fihom it-Trattat UE huwa applikabbli. Il-Ministru kkonstata li kull waħda minnhom kellha nazzjonalità oħra u li, matul dan il-perijodu, ma kien inħarġilhom l-ebda dokument ta’ vvjaġġar Olandiż, karta ta’ identità Olandiża jew dikjarazzjoni li tirrigwarda l-pussess tan‑nazzjonalità Olandiża.

13.

Fir-rigward ta’ I. Duboux, li, fl-1 ta’ April 2013, kienet it-tifla minuri ta’ G. J. M. Koopman u li kellha n-nazzjonalità Olandiża u Svizzera, il-Ministru rrifjuta wkoll it-talba tagħha ta’ passaport għar‑raġuni li, peress li f’din id-data, ommha kienet tilfet in-nazzjonalità Olandiża, hija kienet ukoll prekluża min-nazzjonalità Olandiża tagħha, bis-saħħa tal-Artikolu 16(1)(d) ta’ din il-liġi.

14.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw erba’ rikorsi separati quddiem ir-rechtbank Den Haag (it-Tribunal ta’ Den Haag, il-Pajjiżi l-Baxxi) kontra d-deċiżjonijiet tal-Ministru. Permezz ta’ sentenzi separati, ir-rechtbank Den Haag (it-Tribunal ta’ Den Haag) iddikjara r-rikorsi ppreżentati minn M. G. Tjebbes, G. J. M. Koopman u E. Saleh Abady bħala infondati, filwaqt li ddikjara r-rikors ippreżentat minn I. Duboux bħala fondat u annulla d-deċiżjoni tal-Ministru li tikkonċernaha filwaqt li żamm l-effetti legali tagħha. Konsegwentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell b’mod separat kontra dawn is-sentenzi quddiem ir‑Raad van State (il-Kunsill tal-Istat).

15.

Il-qorti tar-rinviju tindika li hija adita bil-kwistjoni dwar jekk it‑telf sħiħ tad-dritt tan-nazzjonalità Olandiża huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikoli 20 u 21 TFUE, moqrija fid‑dawl tas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104). Fil-fatt, hija tqis li peress li dawn l-artikoli huma applikabbli, ftit jimporta li t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jkun dovut għal telf ipso iure tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru tal‑Unjoni jew għal deċiżjoni individwali kif kien il-każ fis‑sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104).

16.

Madankollu, għall-qorti tar-rinviju, il-mod li bih l-evalwazzjoni tal-proporzjonalità għandu jsir f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali ma jirriżultax mis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104). F’dan ir-rigward, tqum il-kwistjoni dwar jekk il‑konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li twassal għat-telf ipso iure tan-nazzjonalità tistax tiġi eżaminata b’mod ġenerali jew jekk dan il-prinċipju jinvolvix neċessarjament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ kull każ individwali.

17.

F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ persuni maġġorenni, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jeżistu argumenti konvinċenti biex jiġi aċċettat li l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża huwa konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, għaldaqstant, huwa kompatibbli mal-Artikoli 20 u 21 TFUE. Qabel kollox, l-oriġini tal‑Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jenfasizza li l-leġiżlatur nazzjonali kellu bħala għan li jikkontribwixxi għal “leġiżlazzjoni internazzjonali” intiża li twaqqaf jew tnaqqas l-apolidija u n-nazzjonalitajiet multipli u hija konformi mal-Artikolu 7 tal‑Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità.

18.

Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża jipprevedi terminu ta’ għaxar snin qabel it-telf tan-nazzjonalità Olandiża, fejn dan it-terminu jippermetti l-preżunzjoni li l‑persuni kkonċernati ma għandhomx aktar rabta jew sempliċement rabta dgħajfa ħafna mal-Pajjiżi l-Baxxi u, għaldaqstant, mal-Unjoni. Barra minn hekk, in-nazzjonalità Olandiża tista’ tinżamm b’mod relattivament sempliċi, għaliex it-terminu ta’ għaxar snin huwa interrott meta l-persuna kkonċernata, matul dan il-perijodu u għal mill-inqas sena mhux interrotta, tkun residenti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fl-Unjoni Ewropea jew tikseb dikjarazzjoni li għandha nazzjonalità Olandiża, karta ta’ identità jew dokument tal-ivvjaġġar Olandiż, skont il-liġi Olandiża dwar il‑passaporti. Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, kull persuna li tissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tibbenefika minn “għażla”, skont l-Artikolu 6 tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, għandu jkollha d-dritt li tirkupra n-nazzjonalità Olandiża.

19.

Fl-aħħar nett, minkejja li l-Artikolu 7 tal-Karta, dwar il‑ħajja privata u familjari, jista’ jiġi invokat, il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-leġiżlatur Olandiż jidher li ma aġixxiex arbitrarjament billi adotta l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża. Madankollu, skont l-opinjoni tal-qorti tar-rinviju, sa fejn ma huwiex eskluż li l-eżami tal-konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ eżami ta’ kull każ individwali, ma hemm l-ebda garanzija li sistema ġenerali statutorja, bħal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, hija konformi mal‑Artikoli 20 u 21 TFUE.

20.

F’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni ta’ persuni minuri, il-qorti tar-rinviju tindika li l-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jirrifletti l-kunsiderazzjoni tal-leġiżlatur nazzjonali li tipprovdi li l-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan il-familja hija importanti. Fir-rigward tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), il-qorti tar-rinviju ma għandhiex tevalwa jekk dan l-element jikkostitwixxix raġuni sabiex tiġi irtirata ipso iure n-nazzjonalità tal-persuna kkonċernata. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk huwiex proporzjonat li minuri jitneħħilu l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, u d-drittijiet li huma marbuta miegħu, unikament minħabba s-salvagwardja tal-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan il-familja. Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-minuri ftit għandu influwenza fuq is-salvagwardja tan-nazzjonalità Olandiża tiegħu u li l-possibbiltajiet ta’ interruzzjoni ta’ termini jew il-ksib, pereżempju, ta’ dikjarazzjoni dwar il-pussess tan-nazzjonalità Olandiża ma jikkostitwixxux raġunijiet ta’ eċċezzjoni għal minuri. Għalhekk, il-konformità tal-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża mal‑prinċipju ta’ proporzjonalità ma ġietx stabbilita b’mod ċar.

21.

Ir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat) għalhekk iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 20 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati, b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, fis-sens li minħabba l-assenza ta’ eżami individwali fil-kuntest tal-prinċipju ta’ proporzjonalità f’dak li jikkonċerna l-konsegwenzi li t-telf tan-nazzjonalità jġib miegħu fuq is‑sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, huma jipprekludu dispożizzjonijiet leġiżlattivi bħal dawk inkwistjoni fil‑kawża prinċipali, li skonthom:

1)

Persuna maġġuri, li għandha wkoll in-nazzjonalità ta’ Stat terz, titlef ipso iure n-nazzjonalità tal-Istat Membru tagħha u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, minħabba li matul perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin hija kellha r-residenza prinċipali tagħha f’pajjiż barrani u barra mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li jeżistu possibbiltajiet sabiex dan it-terminu ta’ għaxar snin jiġi interrott?

2)

Persuna minuri titlef ipso iure, taħt ċerti ċirkustanzi, in-nazzjonalità tal-Istat Membru tagħha u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni, bħala konsegwenza tat-telf tan-nazzjonalità mill-ġenitur tagħha, kif jidher fl-ipoteżi msemmija hawn fuq fil-punt [1]?”

22.

Din id-domanda kienet is-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Olandiż, Irlandiż, Grieg, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Is-sottomissjonijiet orali ta’ M.G. Tjebbes, tal‑Gvern Olandiż u dak Grieg kif ukoll tal‑Kummissjoni nstemgħu fis-seduta tal‑24 ta’ April 2018, filwaqt li l‑partijiet ikkonċernati l-oħra ma kinux irrappreżentati.

III. Analiżi

23.

Qabel ma tiġi eżaminata d-domanda magħmula fir-rigward tal-kompatibbiltà mal-Artikolu 20 TFUE tat-telf ta’ nazzjonalità ta’ ċittadini Olandiżi maġġorenni (titolu B) u minuri (titolu C), billi jiġu kkunsidrati l-indikazzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal‑Ġustizzja fis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), huwa essenzjali, fl-opinjoni tiegħi, fl-ewwel lok, u anke jekk din ma ġiet ikkontestata minn ebda parti kkonċernata, li tiġi vverifikata l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja biex twieġeb id-domanda preliminari magħmula (titolu A). Fl-aħħar nett, ser neżamina fil-qosor it-talba tal-Gvern Olandiż, spjegata waqt is-seduta, sabiex il‑Qorti tal-Ġustizzja tillimita ratione temporis l-effetti tas-sentenza tagħha li għandha tingħata fil-każ fejn hija tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża mal‑Artikolu 20 TFUE (titolu D).

A.   Fuq l-applikabilità tad-dritt tal-Unjoni u l-kompetenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja biex twieġeb id-domanda preliminari magħmula

24.

Kif għadni kif semmejt, l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni ma ġiet ikkontestata minn ebda parti kkonċernata. Madankollu ċerti dubji xorta jistgħu jqumu f’dan ir-rigward. Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi osservat li d-deċiżjonijiet ikkontestati fil-kawża prinċipali ma jikkonċernawx ir-revoka tan-nazzjonalità Olandiża u, għaldaqstant, dak taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iżda r-rifjut ta’ ħruġ ta’ passaporti Olandiżi, minħabba li dawn il-persuni ma għandhomx iktar in-nazzjonalità tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi. Min‑naħa l-oħra, mill-espożizzjoni tal-fatti mogħtija mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha residenti f’pajjiżi terzi, mingħajr, probabbilment, ma għamlu użu mill-moviment liberu tagħhom fi ħdan l-Unjoni.

25.

Dawn id-dubji jistgħu, fl-opinjoni tiegħi, jitwarrbu.

26.

Fir-rigward tal-ewwel punt, jista’ ċertament jiġi kkunsidrat li l‑kawża prinċipali ma għandhiex rabta mad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni li l-qorti tar-rinviju qed tintalab tagħti deċiżjoni biss dwar il-legalità tad‑deċiżjoni tal-Ministru li jirrifjuta l-ħruġ ta’ passaporti mitlub minn ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jkunu diġà mċaħħda min-nazzjonalità Olandiża u għalhekk imċaħħda mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

27.

Madankollu, mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li l-adozzjoni ta’ dan ir-raġunament, li barra minn hekk jidher li ġie sostnut mill-Ministru, ikollu l‑effett, fid-dritt nazzjonali, li jċaħħad lir-rikorrenti fil-kawża prinċipali minn kull rimedju ġudizzjarju effettiv fir-rigward tal-konstatazzjoni, magħmula mill-Ministru, li huma ma kellhomx iktar in‑nazzjonalità Olandiża fil-mument li fih tressqu t-talbiet ta’ tiġdid tal‑passaporti tagħhom. Fil-fatt, jidher li l-ebda deċiżjoni oħra li ssemmi r-revoka ta’ din in-nazzjonalità ma ġiet adottata mill-awtoritajiet Olandiżi kompetenti fir-rigward tagħhom. Huwa għalhekk li l-qorti tar-rinviju, li, infakkar, hija qorti tal-aħħar istanza, ikkunsidrat li hi neċessarjament ġiet adita bil-kwistjoni dwar jekk ir-rifjut tal-Ministru biex joħroġ il‑passaporti mitluba kienx ġustament ibbażat fuq il-premessa li r‑rikorrenti fil-kawża prinċipali kollha tilfu n-nazzjonalità Olandiża (u għalhekk iċ-ċittadinanza tal-Unjoni) fil-mument li ried jiddeċiedi u jekk din il-konstatazzjoni, abbażi tal-Artikolu 15(1)(c) u 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, kinitx konformi mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-prinċipju ta’ proporzjonalità ddikjarat fis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104).

28.

Konsegwentement, mill-pożizzjoni meħuda mill-qorti tar-rinviju jirriżulta b’mod ċar li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tilfux b’mod definittiv l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni mogħti mill-Artikolu 20 TFUE, iżda li tpoġġew f’sitwazzjoni li tista’ twassal għat-telf ta’ dan l-istatus.

29.

Issa, konformement mas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 42), tali sitwazzjoni taqa’, min-natura tagħha u mill-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

30.

Fir-rigward tat-tieni punt, il-fatt li jidher li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma kollha residenti f’pajjiż terz u li huma ma eżerċitawx id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu fi ħdan l-Unjoni ma jidhirx li jinvolvi konsegwenza differenti.

31.

L-Artikolu 20(1) TFUE jagħti lil kull persuna li għandha n‑nazzjonalità ta’ Stat Membru l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat f’diversi okkażjonijiet li l-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri ( 5 ).

32.

Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni f’kuntesti li fihom jidher li l-uniku punt ta’ rabta mad-dritt tal-Unjoni kien il-kwalità ta’ ċittadin ta’ din tal-aħħar.

33.

Huwa għalhekk li, fis-sentenza tat‑2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello (C‑148/02, EU:C:2003:539, punti 1327), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li s-sitwazzjoni ta’ wlied, li għandhom in-nazzjonalità ta’ żewġ Stati Membri, imwielda fit-territorju ta’ wieħed minnhom u li jirrisjedu hemm b’mod legali, mingħajr qatt ma għamlu użu mid-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, hija relatata mad-dritt tal-Unjoni.

34.

Bl-istess mod, fis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għall-Avukat Ġenerali tagħha ( 6 ), ma fittxitx rabta bejn ir-revoka tan-naturalizzazzjoni ta’ Janko Rottmann u l-eżerċizzju minn dan tal-aħħar tad-dritt tiegħu li jiċċaqlaq fl-Unjoni. Fil-fatt, fil-punt 42 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), il-Qorti tal-Ġustizzja waslet sabiex iżżomm din ir-rabta mad-dritt tal-Unjoni għar-raġuni li “s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal dik [ta’ J. Rottmann] li huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru u li tista’, wara li tilef iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru li oriġinaljament kellu, twassal sabiex jitlef l-istatus mogħti mill-Artikolu 17 KE [li sar l-Artikolu 20 TFUE] u d-drittijiet marbuta miegħu, taqa’, min-natura tagħha stess u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.”

35.

Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li, mis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 42), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat ir-rabta mad-dritt tal-Unjoni u l‑applikabbiltà tal-Artikolu 20 TFUE mas-sitwazzjoni ta’ ċittadini ta’ Stat Membru, li ma jkunux użaw id-dritt tagħhom ta’ moviment, li, minħabba deċiżjoni ta’ dan l-Istat Membru, huma mċaħħda mit-tgawdija effettiva tal-essenzjali tad-drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

36.

Huwa minnu li, fil-każ preżenti u kuntrarjament għall-kawżi ċċitati preċedentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali diġà huma kollha residenti f’pajjiż terz.

37.

Madankollu, dan il-fatt ma jidhirlix li jelimina s-sitwazzjonijiet tal-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.

38.

Fil-fatt, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex irriżervat għaċ‑ċittadini ta’ Stati Membri li huma residenti jew li huma preżenti fit‑territorju tal-Unjoni. Filwaqt li jipprevedi li kull ċittadin tal-Unjoni jibbenefika mill-protezzjoni diplomatika u konsulari ta’ kull Stat Membru fit-territorju ta’ pajjiż terz fejn l-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini ma huwiex irrappreżentat, l-Artikolu 20(2)(c) TFUE jiddikjara dan, fl-opinjoni tiegħi, f’termini ċari ferm.

39.

Issa, nirrileva li l-Artikoli 15(1)(c) u 16(1)(d) tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża jċaħħdu liċ-ċittadini Olandiżi li huma residenti f’pajjiż terz u li jissodisfaw ir-rekwiżiti l-oħra li dawn l-artikoli jipprevedu, mill-istatus stess ta’ ċittadini tal-Unjoni u, għaldaqstant, mit‑tgawdija effettiva, anki potenzjali, tad-drittijiet kollha marbuta ma’ dan l-istatus.

40.

Barra minn hekk, fl-opinjoni tiegħi, ikun paradossali li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiċħad l-applikabilità tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali minkejja li s-sitwazzjoni kkunsidrata hija l-unika waħda li fiha r-residenza barra mit-territorju tal-Pajjiżi l-Baxxi twassal għat-telf tal‑kwalità taċ-ċittadin tal-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, il-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża ma tapplikax għaċ-ċittadini Olandiżi, li għandhom nazzjonalità oħra, li huma residenti, saħansitra għal iktar minn għaxar snin, fit-territorju ta’ Stat Membru tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, kif diġà kien ikkonfermat waqt is-seduta mill-Gvern Olandiż, għalkemm l‑Artikoli 15(1)(c) u 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża japplikaw b’ċertezza għaċ-ċittadini Olandiżi li għandhom ukoll in‑nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor u li kienu residenti għal perijodu mhux interrott ta’ iktar minn għaxar snin fit-territorju ta’ pajjiż terz, il‑konsegwenzi tat-telf tan-nazzjonalità Olandiża ma humiex paragunabbli peress li dawn iċ-ċittadini jibqgħu, bħala regola, ċittadini tal-Unjoni bis-saħħa taż-żamma tan-nazzjonalità tal-Istat Membru l-ieħor ( 7 ).

41.

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li nqis li d-dritt tal-Unjoni huwa applikabbli għas-sitwazzjonijiet tal-kawża prinċipali, sakemm l-Istati Membri jibqgħu kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ akkwist u ta’ telf tan-nazzjonalità, konformement mad-dritt tal-Unjoni ( 8 ).

42.

F’dan ir-rigward, inżid li r-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tiffoka biss fuq l-Artikolu 20 TFUE u ma għandhiex tirreferi wkoll għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE. Fil‑fatt, sakemm il-kawża prinċipali titratta speċifikament it-telf ta’ status ta’ ċittadin tal-Unjoni u r-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma jkunux għamlu użu mid-drittijiet relatati mal-moviment liberu fi ħdan l-Unjoni, l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE ma tidhirx li hija direttament rilevanti, mingħajr, barra minn hekk, ma tagħti risposta differenti minn dik li tirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE biss. Dan l‑approċċ jidher li huwa dedott ukoll mis-sentenzi tat‑30 ta’ Ġunju 2016, NA (C‑115/15, EU:C:2016:487), tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675) u tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punti 4957), li fihom il‑Qorti tal-Ġustizzja rrispondiet għad-domandi li ġew magħmula lilha fid‑dawl tal-Artikolu 20 TFUE peress li s-sitwazzjonijiet inkwistjoni, li kienu jinvolvu ċittadini tal-Unjoni, ma kinux jaqgħu taħt l-applikazzjoni tal-Artikolu 21 TFUE ( 9 ).

43.

Sabiex nikkonkludi fuq dan il-punt, l-applikabbiltà tal‑Artikolu 20 TFUE u għalhekk tad-dritt tal-Unjoni fil-kawża prinċipali jimplika neċessarjament li d-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti mill‑Karta jistgħu jiġu invokati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, jiġifieri, dak, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, tal-ħarsien tal-ħajja privata u tal-familja, iggarantit mill-Artikolu 7 tal-Karta, kif ukoll, fir-rigward ta’ I. Duboux, id-drittijiet rikonoxxuti lill-ulied skont l-Artikolu 24 ta’ dan it‑test. Fil-fatt, kif diġà wrejt f’konklużjonijiet preċedenti, id-drittijiet fundamentali protetti mill-Karta, li r-rispett tagħhom huwa impost fuq l‑awtoritajiet kollha tal-Istati Membri li joperaw fil-qafas tad-dritt tal‑Unjoni, huma żgurati lid-destinatarji tal-atti adottati minn tali awtorità indipendentament minn kull kriterju ta’ territorjalità ( 10 ).

44.

Konsegwentament, bħalma speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 46), inqis li hija għandha tirrispondi d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tirrigwarda l-kundizzjonijiet li fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni jistgħu, minħabba t-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, jitilfu l-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni u, għalhekk, li jiġu mċaħħda mid-drittijiet li huma marbuta magħha.

45.

Dan issa jwassalni għall-ewwel parti tad-domanda magħmula mill‑qorti tar-rinviju li tirrigwarda t-telf ta’ nazzjonalità ta’ ċittadini Olandiżi maġġorenni.

B.   Fuq il-kompatibbilità mal-Artikolu 20 TFUE u mal-Artikolu 7 tal-Karta tat-telf ta’ nazzjonalità ta’ ċittadini Olandiżi maġġorenni prevista fl-Artikolu 15(1)(c) tal-liġi dwar in-nazzjonalità Olandiża

46.

Fl-ewwel parti tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 20 TFUE, moqri fid-dawl tas‑sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l‑Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, jiġifieri f’dak li jirrigwarda l-persuni maġġorenni.

47.

Infakkar li, fis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), il‑Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet b’mod partikolari l-prinċipju li deċiżjoni tar-revoka tan-naturalizzazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru kienet suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tad-dritt tal‑Unjoni.

48.

Inizjalment, fil-punti 50 sa 54 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), il-Qorti tal-Ġustizzja vverifikat, essenzjalment, jekk id‑deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni kellhiex għan li kien jeħtieġ protezzjoni, f’dan il-każ, ir-revoka tan-nazzjonalità minħabba atti frawdolenti mill-persuna kkonċernata fil-mument tal-akkwist tan-naturalizzazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li kien leġittimu li Stat Membru jkun irid jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u bejn iċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad‑dmirijiet, li huma l-bażi tar-rabta ta’ nazzjonalità. Il-Qorti tal‑Ġustizzja sostniet din il-konklużjoni dwar il-leġittimità ta’ tali miżura billi bbażat ruħha fuq il-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali li jipprevedi li ħadd ma jista’ jiġi mċaħħad arbitrarjament min-nazzjonalità tiegħu, kif ukoll fuq id-dispożizzjonijiet pertinenti tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija u fuq dawk tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in‑Nazzjonalità. Hija ddeċidiet, fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li din il‑konklużjoni tibqa’, bħala regola, valida meta r-revoka tan‑nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat ikollha bħala konsegwenza t-telf taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni.

49.

Sussegwentement, fil-mument li jitqajjmu l-mistoqsijiet tal-qorti tar‑rinviju, il‑Qorti tal-Ġustizzja kkwalifikat din il-konklużjoni ta’ prinċipju b’restrizzjoni, jiġifieri dik li tipprevedi li d-deċiżjoni tar-revoka tan-naturalizzazzjoni li kienet inkwistjoni fil-Kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) għandha tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità “fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din l-aħħar deċiżjoni fuq il-persuna kkonċernata skont id-dritt tal-Unjoni” ( 11 ) jew billi “jitqiesu, meta ssir eżaminazzjoni ta’ deċiżjoni għar-revoka tan-naturalizzazzjoni, il-konsegwenzi eventwali li din id-deċiżjoni jkollha fuq il-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq il-membri tal-familja tagħha f’dak li jikkonċerna t-telf tad-drittijiet li jgawdi kull ċittadin tal-Unjoni” ( 12 ).

50.

Għalkemm, kif ser nispjega iktar ’il quddiem f’dawn il-konklużjonijiet, il-portata tal-istħarriġ magħmul fil-punti 55 sa 58 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) hija diffiċli biex tiġi evalwata, xorta nqis li, konformement mar-raġunament li l-Qorti tal-Ġustizzja segwiet f’din is-sentenza, sabiex jiġi stabbilit jekk ir-revoka tan-nazzjonalità minn Stat Membru, li jimplika t-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni tal-persuna kkonċernata, huwiex konformi mal-Artikolu 20 TFUE, jaqbel li jsir, fl-ewwel lok, l-eżami tan-natura ta’ interess ġenerali tar-raġuni li għaliha hija dovuta din il-miżura u, fit-tieni lok, il-verifika tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

1. Fuq ir-raġuni ta’ interess ġenerali segwit mill-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża

51.

Sabiex it-telf tan-nazzjonalità previst fl-Artikolu 15(1)(c) tal‑Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jkun konformi mad-dritt tal‑Unjoni, hemm bżonn li jkollu raġuni ta’ interess ġenerali, li jimplika li t-telf ikun adattat sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u li r-revoka li dan l‑artikolu joħloq ma titqiesx bħala att arbitrarju ( 13 ).

52.

Infakkar li l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jipprevedi t-telf sħiħ tad-dritt tan-nazzjonalità għal kull ċittadin Olandiż li għandu wkoll in-nazzjonalità ta’ Stat ieħor u li jirrisjedi, mingħajr interruzzjoni, għal mill-inqas għaxar snin barra mill-Pajjiżi l‑Baxxi u mit-territorji li għalihom it-TUE huwa applikabbli.

53.

F’dan ir-rigward, qabel kollox jiena naqbel kompletament mal‑pożizzjoni difiża mill-Gvern Olandiż li, essenzjalment, fl‑eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu li tippermettilu jiddefinixxi l‑kundizzjonijiet ta’ akkwist u ta’ telf tan-nazzjonalità, Stat Membru huwa awtorizzat jitlaq mill-premessa li n-nazzjonalità tislet il-manifestazzjoni ta’ rabta effettiva bejnu u ċ-ċittadini tiegħu.

54.

Sussegwentement, inqis li ma huwiex irraġonevoli li leġiżlatur nazzjonali jagħżel, fost il-fatturi varji li jistgħu jirriflettu t-telf ta’ tali rabta effettiva, ir-residenza abitwali taċ-ċittadini tiegħu fit‑territorju ta’ pajjiż terz għal perijodu twil biżżejjed.

55.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li tali għażla hija aċċettata fuq livell internazzjonali. Fil-fatt, il-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal‑Apolidija tiddikjara, fl-Artikolu 7(4) tagħha, it-telf tan-nazzjonalità minħabba residenza fit-tul barra mill-pajjiż ta’ persuna, bil-kundizzjoni li minħabba dan it-telf ma jirriżultax f’li l-persuna tispiċċa mingħajr stat. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(1)(e) tal‑Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità jipprevedi li n‑nazzjonalità tista’ tintilef fin-nuqqas ta’ rabta effettiva bejn l-Istat u ċ‑ċittadin li huwa residenti barra mill-pajjiż. Ir-rapport ta’ spjegazzjoni ta’ din il-konvenzjoni jindika li din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tawtorizza lill-Istat li jixtieq jagħmel dan jipprekludi li ċ-ċittadini tiegħu li ilhom jgħixu fit-tul barra mill-pajjiż iżommu n-nazzjonalità ta’ dan l‑Istat minkejja li r-rabta ma’ dan tal-aħħar ma teżistix iktar jew tkun ġiet issostitwita minn rabta ma’ pajjiż ieħor, sakemm, bħal f’din il-kawża, dawn ikunu persuni li għandhom nazzjonalità doppja u għaldaqstant ma jkunx jeżisti riskju ta’ apolidija ( 14 ).

56.

Barra minn hekk, l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża huwa bbażat biss fuq kriterju ta’ tneħħija mit-territorju tal‑Unjoni, indipendentement min-nazzjonalità l-oħra li għandhom iċ‑ċittadini Olandiżi. Fil-fatt, kif ikkonferma l-Gvern Olandiż waqt is-seduta, kemm iċ-ċittadini Olandiżi li għandhom nazzjonalità doppja ta’ pajjiż terz kif ukoll dawk li għandhom nazzjonalità doppja ta’ Stat Membru ieħor huma affettwati bit-telf ipso iure, previst fl-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża meta dawn jissodisfaw il-kriterju tar‑residenza mingħajr interruzzjoni fit-territorju ta’ pajjiż terz għal perijodu ta’ għaxar snin.

57.

Fl-aħħar nett, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, l-ebda prova mill-fajl ma tindika li ċ-ċaħda tan-nazzjonalità prevista fl-Artikolu 15(1)(c) tal‑Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża hija miżura arbitrarja.

58.

Mingħajr ma nidħol, f’dan l-istadju ta’ raġunament, fl-eżami tal‑proporzjonalità taċ-ċaħda tan-nazzjonalità minħabba r-residenza ta’ ċittadin Olandiż, b’żewġ nazzjonalitajiet, f’pajjiż terz għal perijodu li jaqbeż l-għaxar snin, dan il-perijodu ma jidhirx qasir wisq. Fuq kollox, l-ebda parti kkonċernata ma kkontestat dan it-terminu. Barra minn hekk, indipendentement min-nuqqasijiet li dwarhom jilmentaw ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali li affettwaw l-informazzjoni preċedenti li huma kellhom dwar din il-leġiżlazzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-liġi li emendat il-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża ġiet adottata fis-sena 2000 sabiex tidħol fis-seħħ tliet snin wara. Għaldaqstant, nemmen li din kienet prevedibbli biżżejjed. Barra minn hekk, din il-proċedura turi b’mod suffiċjenti li ċ-ċaħda tan-nazzjonalità prevista fl-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża hija suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju.

59.

Konsegwentement, inqis li ċ-ċaħda tan-nazzjonalità prevista fl-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża għandha għan leġittimu.

2. Fuq il-proporzjonalità tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża

60.

Mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk hijiex awtorizzata sabiex sempliċiment tivverifika li l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża ġew issodisfatti jew jekk, skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif ġie interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 55 sa 58), hijiex obbligata li tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull każ inkwistjoni li jistgħu juru ż-żamma ta’ rabta effettiva mal-Istat Membru kkonċernat, kif isostnu r-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

61.

Fi kliem ieħor, dawn tal-aħħar jidhru li jikkunsidraw li s-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) kienet tirrikjedi, b’mod ġenerali, li, indipendentement mill-kriterju ta’ rabta magħżul mil-leġiżlatur ta’ Stat Membru sabiex jagħti jew jirtira n-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru, il‑qorti nazzjonali għandha teżamina ċ-ċirkustanzi individwali kollha ta’ kull każ sabiex turi ż-żamma ta’ rabta effettiva mal-imsemmi Stat Membru li tista’ tippermetti lill-persuna kkonċernata żżomm in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat.

62.

Jiena ma nikkondividix din il-pożizzjoni.

63.

Qabel kollox, mill-perspettiva tal-prinċipji, ma nara ebda problema sabiex, wara stħarriġ ta’ proporzjonalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, dispożizzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, b’mod ġenerali, tinstab li hija konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

64.

F’dan ir-rigward u mingħajr ma nfittex li nagħti lista eżawrjenti, ser insemmi biss is-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648) li kienet tirrigwarda l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li kellha bħala effett li awtomatikament iċċaħħad lil ċittadin tal‑Unjoni, ikkundannat għal piena kriminali, mid-dritt li jivvota fl‑elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

65.

Wara li ġie stabbilit li s-sitwazzjoni f’din il-kawża kienet taqa’ fil‑kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li tistħarreġ l-osservanza taċ-ċaħda tad-dritt tal-vot fir-rigward tad-dritt iggarantit fl-Artikolu 39(2) tal-Karta, kif ukoll, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ħarsien tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif previst fl‑Artikolu 52(1) tal-Karta.

66.

Fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-limitazzjoni tad-dritt tal-vot, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat, minn naħa, li l-imsemmija limitazzjoni kienet proporzjonata, peress li kienet tieħu inkunsiderazzjoni n-natura u l-gravità tar-reat kriminali mwettaq kif ukoll it-tul tal-piena, filwaqt tfakkar li l-projbizzjoni tad-dritt tal-vot kienet applikabbli biss, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali kkonċernata, għall-persuni kkundannati minħabba reat issanzjonat b’piena ta’ priġunerija ta’ mill-inqas ħames snin u li tista’ twassal għal sentenza ta’ għomor il-ħabs. Min-naħa l-oħra, il‑Qorti tal-Ġustizzja wriet li d-dritt nazzjonali kien espressament joffri l‑possibbiltà lil individwi kkundannati li jitolbu u li jakkwistaw ir-revoka tal-piena ta’ sanzjoni ċivika li twassal għaċ-ċaħda tad-dritt tal-vot. Abbażi ta’ dan il‑Qorti tal‑Ġustizzja kkonkludiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni ma kinitx kuntrarja għall-prinċipju ta’ proporzjonalità u ddeċidiet li l‑Artikolu 39(2) tal-Karta ma kienx jipprekludi din il-leġiżlazzjoni li kienet teskludi ipso iure minn fost il-benefiċjarji tad-dritt tal-vot fl-elezzjonijiet tal‑Parlament Ewropew il-kategorija taċ-ċittadini tal-Unjoni li għaliha jappartjeni Thierry Delvigne.

67.

Minn din il-kawża jista’ għalhekk jiġi dedott li ma huwiex meħtieġ li l-eżami tal‑proporzjonalità ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali jsir fir-rigward taċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull każ li kienu jippermettu l‑esklużjoni tal-applikazzjoni tal-limitazzjoni prevista minn din il‑leġiżlazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement innotat li T. Delvigne kien jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali, jiġifieri li huwa kien ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija bejn ħames snin sa għomor il-ħabs, mingħajr ma kompliet iktar bl-eżami tal-adegwatezza tal-limitazzjoni tad-dritt tal-vot mal-piena individwali (tnax–il sena) li għaliha T. Delvigne kien ġie kkundannat jew a fortiori t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċirkustanzi attenwanti eventwali li jirrigwardaw is‑sitwazzjoni ta’ dan l‑individwu.

68.

L-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità mwettaq fis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), minkejja ambigwitajiet indisputabbli dwar il-portata tiegħu, ma jidhirx li jinvalida dan l-approċċ.

69.

Qabel kollox, nirrileva li l-ebda wieħed mill-motivi tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) ma jsemmi t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi kollha ta’ kull każ inkwistjoni sabiex tiġi vverifikata l-proporzjonalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan‑naturalizzazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża.

70.

Ċertament, għal tliet darbiet, fil-punti 54, 55 u fl-ewwel sentenza tal-punt 56 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall‑konsegwenzi li ġġib magħha din id-deċiżjoni fir-rigward tal-persuna kkonċernata.

71.

L-artikolazzjoni ta’ dawn it-tliet punti tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) ma tidhirx daqstant faċli biex tinftiehem.

72.

Fil-fatt, filwaqt li l-punt 54 ta’ din is-sentenza jsemmi l‑konsegwenza immedjata għall-persuna kkonċernata tar-revoka tan‑nazzjonalità, jiġifieri t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, li jista’ jitqies komprensiv u loġiku, min-naħa l-oħra, il-punti 55 u l-ewwel sentenza tal-punt 56 ta’ din is-sentenza, jidhru li jirreferu għal tipi oħra ta’ konsegwenzi, iżjed indiretti, anke sempliċiment “eventwali”, differenti minn dik tat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, li fir-rigward tagħhom il‑qorti nazzjonali għandha twettaq stħarriġ ta’ proporzjonalità tad‑deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni u, barra minn hekk, mhux biss fir‑rigward tal-Artikolu 20 TFUE iżda tad-dritt tal-Unjoni b’mod ġenerali.

73.

F’dan ir-rigward, fin-nuqqas ta’ żball min-naħa tiegħi, fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), minbarra t-telf tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni, l-unika konsegwenza oħra diretta, li ġejja mir-revoka tan-naturalizzazzjoni, li kienet fil-qalba tad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali u li, mid-dehra, ma kinitx ipotetika, kienet ir-riskju li l‑persuna kkonċernata tispiċċa mingħajr stat.

74.

Issa, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ konsegwenzi diretti tad‑deċiżjoni tar-revoka tan-naturalizzazzjoni fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), il-Qorti tal-Ġustizzja ma tat l-ebda indikazzjoni li tissuġġerixxi li din id-deċiżjoni setgħet kienet sproporzjonata. Fil-fatt, fil-punt 57 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li Stat Membru li n‑nazzjonalità tiegħu ġiet akkwistata b’mod frawdolenti ma kienx obbligat, b’applikazzjoni tal-Artikolu 20 TFUE, li jastjeni mir-revoka tan-naturalizzazzjoni għas-sempliċi raġuni li l-persuna kkonċernata ma kinitx irkuprat in-nazzjonalità tal-Istat Membru ta’ oriġini u għalhekk il‑kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni. Barra minn hekk, fil-punt 58 tal-istess sentenza u b’mod pjuttost kurjuż, il-Qorti tal-Ġustizzja tat mandat lill-qorti nazzjonali sabiex tistabbilixxi hija stess il-portata tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li indikat li għandha tkun din tal-aħħar li tevalwa “jekk […] l-osservsanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlobx li, qabel it-tali deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni tidħol fis-seħħ, il-persuna kkonċernata tingħata terminu raġonevoli sabiex tkun tista’ tirkupra n-nazzjonalità tal-Istat Membru oriġinali tagħha.” ( 15 ).

75.

Għalhekk huwa diffiċli li wieħed jifhem liema konsegwenzi oħra dwar is‑sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata l-qorti nazzjonali kienet mitluba tikkunsidra fl-eżami tal-proporzjonalità tad-deċiżjoni tar-revoka tan‑naturalizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), anki jekk il-konsegwenzi diretti ta’ din id-deċiżjoni ma setgħux iwasslu lill-awtoritajiet Ġermaniżi milli jastjenu milli jadottaw din id-deċiżjoni.

76.

Ċertament, huwa perfettament possibbli wieħed jimmaġina li d-deċiżjoni tar-revoka tan-naturalizzazzjoni li jġib miegħu t-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni tista’ twassal għal bosta konsegwenzi fis-sitwazzjoni tal‑persuna kkonċernata jew tal-membri tal-familja tagħha, kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fl-ewwel sentenza tal-punt 56 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104). Pereżempju, huwa possibbli li t‑telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni jista’ jwassal għall-interruzzjoni jew it-telf ta’ ħlas ta’ benefiċċji soċjali favur il-persuna kkonċernata. Bl-istess mod, it-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jista’ jwassal sabiex il-persuna kkonċernata ma tkunx tista’ tgawdi iktar mid-dritt ta’ residenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, jew saħansitra, f’ċerti każijiet, f’dak tal-Unjoni. Jekk din il-persuna kkonċernata jkollha wlied li għandhom in-nazzjonalità ta’ dan l-Istat Membru u li tagħhom għandha l-kustodja esklużiva, dawn tal-aħħar jistgħu jsibu ruħhom għalhekk f’sitwazzjoni bħal dik eżaminata fil-kawża Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124).

77.

Madankollu, dawn il-konsegwenzi ma jirriżultawx mid-deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni tal-persuna kkonċernata iżda mid‑deċiżjonijiet amministrattivi sussegwenti li jistgħu jew ma jistgħux jiġu adottati u li, fi kwalunkwe każ, jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rimedji ġudizzjarji u, jekk ikun il-każ, ta’ stħarriġ ta’ proporzjonalità, inkluż fir‑rigward tad-dritt tal-Unjoni.

78.

Għaldaqstant, ma fhimtx, għalfejn, waqt l-eżami ta’ proporzjonalità tad-deċiżjoni tar-revoka tan-nazzjonalità fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, il-qorti nazzjonali adita kellha tieħu inkunsiderazzjoni tali konsegwenzi indiretti saħansitra ipotetiċi jekk dawn ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, iwassluha sabiex tannulla tali deċiżjoni jew sabiex tikkonstata li l-awtoritajiet nazzjonali jmisshom astjenew milli jadottaw din tal-aħħar.

79.

B’hekk, biex insemmi wieħed mill-eżempji msemmija preċedentement, jekk il-persuna kkonċernata, li tista’ titlef l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u l‑membri tal-familja tagħha, anke huma ċittadini tal-Unjoni, jinstabu f’sitwazzjoni bħal dik eżaminata fil-kawża Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124), dan ma jfissirx li l-Istat Membru kkonċernat għandu jastjeni, fir-rigward ta’ din il-persuna kkonċernata, milli jadotta d‑deċiżjoni ta’ revoka tan-nazzjonalità ta’ din tal-aħħar, iżda pjuttost li għandu jiżgura li l-persuna kkonċernata tista’ tibqa’ tirrisjedi fit-territorju tal-Unjoni, bħala membru tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni.

80.

Għaldaqstant, miż-żewġ affarijiet: jew l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-nazzjonalità tista’ tkun “innewtralizzata” minħabba t-telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni li din timplika ‐ li ċertament tqajjem numru ta’ diffikultajiet fir-rigward tan-natura kumplimentari ta’ dan l‑istatus fir-rigward tan-nazzjonalità tal-Istati Membri, kif inhu previst fl‑Artikolu 9 TUE u fl-Artikolu 20(1) TFUE ( 16 ), iżda li, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex impossibbli ( 17 ) ‐ jew l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni ma tistax tiġi “innewtralizzata” bit-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, iżda għalhekk għandi diffikultà biex nifhem għalfejn konsegwenzi indiretti, sussidjarji, jew saħansitra ipotetiċi dwar is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata u ta’ gravità inqas mit-telf ta’ dan l-istatus fundamentali u tad-drittijiet relatati miegħu, jimplikaw li d-deċiżjoni tar-revoka tan‑nazzjonalità ma tistax tiġi adottata.

81.

Ma nixtieqx li l-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta ħażin il-proposti tiegħi. Ma għandix il-ħsieb li neżenta lill-Istati Membri milli jwettqu stħarriġ ta’ proporzjonalità ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-nazzjonalità jew ta’ miżura, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonstataw it-telf tan-nazzjonalità ta’ ċittadini ta’ Stat Membru li jimplikaw it-telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

82.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, dan l-istħarriġ għandu, u konformement mal‑ġurisprudenza, jiġi limitat għall-verifika li l-miżura nazzjonali inkwistjoni, li għandha bħala konsegwenza diretta t-telf tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni, tkun adattata sabiex tiżgura l-għan ta’ interess ġenerali li hija ssegwi u li dan l-għan ma jistax jintlaħaq permezz ta’ miżuri inqas restrittivi, jiġifieri li l-miżura inkwistjoni ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dan l-għan ta’ interess ġenerali jintlaħaq ( 18 ).

83.

Il-punt 59 u d-dispożittiv tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), li jissuġġettaw, f’termini ġenerali, il-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 17 KE (li sar l‑Artikolu 20 TFUE), ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni għall‑osservanza tal-“prinċipju ta’ proporzjonalità”, isostnu din l‑interpretazzjoni.

84.

Fi kwalunkwe każ, l-istħarriġ tal-proporzjonalità li l-Qorti tal‑Ġustizzja stiednet lill-qorti nazzjonali sabiex twettaq fis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) ma jinkludix, fl-opinjoni tiegħi, l‑eżami taċ-ċirkustanzi kollha għal kull sitwazzjoni individwali li, minkejja li ġew issodisfatti l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal‑leġiżlazzjoni nazzjonali li jirregolaw ir-revoka tan-nazzjonalità, jistgħu juru ż-żamma ta’ rabta effettiva mal-Istat Membru kkonċernat.

85.

F’dan ir-rigward, jekk wieħed ikollu jieqaf biss, f’dan l-istadju, fuq il-punti elenkati espliċitament fit-tieni sentenza tal-punt 56 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-qorti nazzjonali tivverifika b’mod partikolari, jekk din it-telfa “hijiex iġġustifikata meta mqabbla mal-gravità tal-ksur imwettaq minnha, iż-żmien li għadda bejn id-deċiżjoni tan-naturalizzazzjoni u d‑deċiżjoni tar-revoka kif ukoll il-possibbiltà li l-parti kkonċernata terġa’ tirkupra ċ-ċittadinanza oriġinali tagħha.”

86.

Mingħajr dubju, minkejja li t-tieni sentenza tal-punt 56 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) hija fformulata b’mod ġenerali, l‑elementi identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja li għandhom jiġu eżaminati mill-qorti nazzjonali ma humiex neċessarjament applikabbli għas-sitwazzjonijiet kollha fejn hemm inkwistjoni t-telf tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-istħarriġ tal-proporzjonalità għandu jiġi eżerċitat skont ir-raġuni li abbażi tagħha oriġinat ir-revoka tan-nazzjonalità u tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni.

87.

Għaldaqstant, l-eżami ta’ tliet elementi msemmija fit-tieni sentenza tal-punt 56 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) ma jsostnix, fl-opinjoni tiegħi, l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li ċ-ċirkustanzi ta’ kull każ għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżami tal‑proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali li tirrevoka n-nazzjonalità ta’ Stat Membru lil individwu.

88.

Dan huwa biċ-ċar il-każ fir-rigward tal-istedina magħmula lill-qorti nazzjonali sabiex tivverifika jekk it-telfa tad-drittijiet marbuta mal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni kinitx “iġġustifikata meta mqabbla mal-gravità tal-ksur imwettaq”. Fil-fatt, l-eżami ta’ dan il-punt, relatat mar-raġuni (atti frawdolenti) li minnu oriġinat id-deċiżjoni ta’ revoka tan‑naturalizzazzjoni fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), jeħtieġ sempliċiment li tiġi vverifikata l-korrelazzjoni bejn it-telf tad‑drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni u n-natura suffiċjentement serja tal-ksur imwettaq mill-persuna kkonċernata, li tista’ perfettament issir in abstracto u li għalhekk ma timplikax eżami in concreto ( 19 ). B’hekk, f’każ estrem – u nispera kompletament ipotetiku ‐ fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tipprevedi r-revoka tan‑naturalizzazzjoni ta’ individwu, li għandu bħala effett it-telf taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni, minħabba kontravenzjoni tal-Kodiċi tat-Traffiku, in‑natura sproporzjonata ta’ din il-miżura tqum fir-rigward tal-assenza ta’ ekwivalenza bejn il-livell baxx ta’ gravità tal-ksur u l-konsegwenza drammatika tat-telf tal‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni. Tali stħarriġ ma jirrikjedi ebda teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni individwali tal‑persuna.

89.

Mingħajr dubju l-istess huwa l-każ tal-eżami, mill-qorti nazzjonali, tal‑kwistjoni dwar jekk il-persuna kkonċernata mċaħħda min‑nazzjonalità ta’ Stat Membru għandhiex “il-possibbiltà […] li terġa’ tirkupra ċ-ċittadinanza oriġinali tagħha”. Tali eżami jista’ jsir perfettament biss fid-dawl tal-possibbiltajiet previsti mid‑dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti, indipendentement mill-eżami taċ-ċirkustanzi speċifiċi għall-individwu. Qabel kollox, huwa interessanti li jiġi rrilevat li, anke jekk din is-silta tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) tidħol f’punt li jfakkar l-importanza li għandu d-dritt primarju fir-rigward tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, il-Qorti tal‑Ġustizzja la tiffoka fuq in-neċessità għall-persuna kkonċernata li żżomm dan l-istatus ( 20 ) u lanqas fuq il-fatt li l-persuna kkonċernata tista’ effettivament tirkupra n-nazzjonalità oriġinali tagħha, f’dan il-każ, in‑nazzjonalità Awstrijaka, li, fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), kienet tiżgura lir-rikorrenti li jirkupra wkoll iċ‑ċittadinanza tal-Unjoni ( 21 ).

90.

Fl-opinjoni tiegħi, dan huwa wkoll il-każ tal-eżami, mitlub mill‑Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni sentenza tal-punt 56 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), taż-“żmien li għadda bejn id-deċiżjoni tan-naturalizzazzjoni u d-deċiżjoni tar-revoka”, anki jekk din hija, nammetti, iktar inċerta. Din il-verifika li l-qorti nazzjonali ġiet mistiedna tagħmel tqajjem xi dubji fir-rigward tal-konklużjonijiet li din il‑qorti għandha tislet mill-mogħdija taż-żmien. Fil-fatt, ma huwiex ċar jekk il-mogħdija taż-żmien tistax tkun ta’ ostaklu, fiha nnifisha, għall‑adozzjoni stess tad-deċiżjoni ta’ revoka tan-nazzjonalità jew tistax eventwalment jkollha biss, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), impatt fuq in-natura retroattiva jew le ta’ din id-deċiżjoni. Fil-kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), iż-żmien li għadda bejn is-sentenza ta’ naturalizzazzjoni u s-sentenza ta’ revoka kien ta’ madwar sena u nofs. Barra minn hekk, id-dritt Ġermaniż rilevanti kien jipprevedi li att amministrattiv miksub bi frodi kien, bħala prinċipju, irrevokat b’mod retroattiv ( 22 ), liema fatt ħalla marġni ta’ interpretazzjoni lill-qorti nazzjonali adita li ppermettitilha tikkunsidra ċerti elementi marbuta mal-aġir tal-persuna kkonċernata matul il-perijodu li għadda kif ukoll ma’ dak tal‑amministrazzjoni, b’mod partikolari l-assenza ta’ diliġenza tagħha fil-konstatazzjoni tal‑azzjonijiet frawdolenti. Madankollu l-Qorti tal-Ġustizzja ma tatx indikazzjonijiet ċari li jissuġġerixxu li ż-żmien li għadda seta’ “jinnewtralizza” l-akkwist frawdolenti tan-nazzjonalità u, għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ deċiżjoni retroattiva ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni. Fi kliem ieħor, b’ebda mod ma jirriżulta mis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) li l-qorti nazzjonali ġiet mistiedna tivverifika jekk, minkejja l-azzjonijiet frawdolenti tal-persuna kkonċernata, din tal-aħħar kienet, minħabba ċirkustanzi speċifiċi, ikkonsolidat, matul iż-żmien li għadda bejn is-sentenza ta’ naturalizzazzjoni u s-sentenza ta’ revoka ta’ din tal-aħħar, rabta b’saħħitha biżżejjed mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tostakola r-revoka tan-naturalizzazzjoni.

91.

Konsegwentament, fid-dawl kemm tas-sentenza Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648) kif ukoll tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104), inqis li, fil-kawża prinċipali, l-istħarriġ tal-proporzjonalità tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża għandu jsir in abstracto u, fi kwalunkwe każ, indipendentement mill-konsegwenzi u miċ-ċirkustanzi individwali li jkollhom bħala effett l-esklużjoni tal-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ telf tan-nazzjonalità magħżula mil-leġiżlatur Olandiż.

92.

Dan iwassalni għall-eżami tal-proporzjonalità tal‑Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża.

93.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l‑applikazzjoni ta’ dan l-artikolu ma twassalx neċessarjament għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Fil-fatt, kif diġà wrejt, it-telf tan-nazzjonalità Olandiża li dan l-artikolu jipprevedi japplika wkoll għaċ-ċittadini tar‑Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi li għandhom ukoll in-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor u li huma residenti f’pajjiż terz. Minkejja t-telf tan‑nazzjonalità Olandiża, dawn il-persuni jżommu l-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni.

94.

It-tieni nett, kif il-qorti tar-rinviju indikat, l-Artikolu 15(4) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jipprevedi diversi possibbiltajiet biex jiġi interrott it-terminu ta’ għaxar snin ta’ residenza mhux interrotta f’pajjiż terz, permezz ta’ proċeduri sempliċi. Fil-fatt, dan it-terminu huwa interrott u, għaldaqstant, jibda jiddekorri terminu ġdid ta’ għaxar snin għal benefiċċju tal-persuna kkonċernata, minn meta din tal-aħħar tkun akkwistat jew dikjarazzjoni li tirrigwarda l-pussess tan-nazzjonalità Olandiża, jew dokument tal-ivvjaġġjar (passaport), jew ulterjorment karta ta’ identità Olandiża.

95.

Permezz tal-ħruġ ta’ wieħed minn dawn id-dokumenti, il-persuna kkonċernata tista’, permezz tal-inizjattiva tagħha, tevita t-telf tan‑nazzjonalità Olandiża kif ukoll, jekk ikun il-każ, dik taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

96.

Indipendentement mit-telf tan-nazzjonalità, il-fatt li ċittadin ta’ Stat Membru jintalab biex iġedded, b’effett mill-iskadenza tal-validità ta’ passaport jew ta’ karta ta’ identità nazzjonali, wieħed minn dawn id‑dokumenti jidher li b’ebda mod ma huwa irraġonevoli u sproporzjonat ( 23 ).

97.

Din il-konstatazzjoni hija iktar u iktar valida meta l-persuna tirrisjedi għal perijodu konsegwenti f’pajjiż terz fejn ir-rabta mal-Istat Membru ta’ oriġini tagħha tkun f’riskju li tiddgħajjef. Huwa fil-fatt fl-interess ta’ kull persuna li jkollha fil-pussess tagħha dokumenti ta’ identità u/jew tal‑ivvjaġġar validi, iktar u iktar meta l-ħruġ ta’ wieħed minn dawn id‑dokumenti jippermetti ż-żamma tan-nazzjonalità tagħha kif ukoll, jekk ikun il-każ, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni.

98.

Meta ċittadin Olandiż jitlob, matul il-perijodu ta’ għaxar snin ta’ residenza mhux interrotta f’pajjiż terz, il-ħruġ ta’ wieħed mit-tliet dokumenti msemmija fl-Artikolu 15(4) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, il-leġiżlatur Olandiż jassumi li dan iċ-ċittadin jixtieq iżomm rabta effettiva mal-Pajjiżi l-Baxxi.

99.

Min-naħa l-oħra, meta l-persuna kkonċernata ma tibdiex il-proċess sabiex tikseb wieħed minn dawn id-dokumenti matul il-perijodu ta’ residenza ta’ għaxar snin mhux interrott f’pajjiż terz, previst fl‑Artikolu 15(1)(c) ta’ din il-liġi, il-leġiżlatur Olandiż jassumi li din ir‑rabta tkun għebet ( 24 ).

100.

Dawn il-preżunzjonijiet ma jidhrux li jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan segwit mil-leġiżlatur Olandiż.

101.

It-tielet nett, it-telf tad-dritt sħiħ tan-nazzjonalità Olandiża u, jekk ikun il-każ, tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex irriversibbli. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(1)(f) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, meta persuna titlef in-nazzjonalità Olandiża, hija tista’ tiksibha mill-ġdid b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn ċittadin li qatt ma kellu n‑nazzjonalità Olandiża. Kif indikat il-Qorti tal-Ġustizzja fit-tieni sentenza tal-punt 56 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) u fir-rigward tal-istħarriġ tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità li wettqet fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648), inqis li l-possibbiltà li jiġu rkuprati d‑drittijiet marbuta mal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni hija wkoll proporzjonata bħal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża.

102.

F’din il-kawża, infakkar li l-ebda waħda mit-tliet rikorrenti maġġorenni ma tikkontesta l-fatt li huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża u li, għaldaqstant, huma għandhom jitilfu n-nazzjonalità Olandiża tagħhom kif ukoll, billi ma kellhomx nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor, il-kwalità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni ( 25 ).

103.

Fil-fatt, skont il-provi mibgħuta mill-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali stennew, inkredibbilment, bejn sitta u għaxar snin sabiex japplikaw għat-tiġdid tal-passaport tagħhom, peress li kollha ressqu t‑talba tagħhom għat-tiġdid matul is-sena 2014, filwaqt li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, huma kienu kollha tilfu n-nazzjonalità Olandiża tagħhom sa mir‑rebbiegħa tal-2013.

104.

Kif indikajt preċedentement, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkritikaw il-fatt li l-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża tipprojbixxi lill-qrati nazzjonali milli jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi individwali li juru li huma żammew rabta effettiva mal-Pajjiżi l-Baxxi, minkejja l‑kriterju użat mil-leġiżlatur Olandiż previst fl-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża. Fi kliem ieħor, huma jikkunsidraw li l‑prinċipju ta’ proporzjonalità jimponi lill-qorti nazzjonali tikkunsidra mhux biss ċirkustanzi individwali bħala parti mill-verifika li l‑kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża ġew issodisfatti, iżda wkoll u fuq kollox ċirkustanzi individwali li jirrelataw ma’ fatturi oħra ta’ rabta li juru ż‑żamma ta’ rabta effettiva mal-Pajjiżi l-Baxxi, bħall-kapaċità li titkellem il-lingwa Olandiża, iż-żamma ta’ rabtiet familjari u/jew affettivi f’dan l-Istat Membru u l-eżerċizzju tad-dritt tal-vot fl‑elezzjonijiet Olandiżi.

105.

Għal kemm din l-idea tista’ tidher attraenti, u lil hinn mid‑diskussjoni dwar il-portata tas-sentenzi Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) u Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648), dan l-argument iġorr miegħu, fl-opinjoni tiegħi, konsegwenzi partikolarment perikolużi, b’mod partikolari fuq it-tqassim tal-kompetenzi bejn l-Istati Membri u l-Unjoni.

106.

Fil-fatt, taħt il-pretest li jitlob l-eżami tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-dritt tal-Unjoni, dan l-argument, b’mod definittiv, jixtieq jimponi fuq il-qorti nazzjonali l-esklużjoni tar-raġuni li fuqha hija bbażata t-telf tan-nazzjonalità, magħżula mil-leġiżlatur nazzjonali, konformement mad-dritt internazzjonali u mingħajr ma jiġi ostakolat id-dritt tal-Unjoni, favur kriterji oħra ta’ rabta mal-Istat Membru kkonċernat, li huma ċertament possibbli mill-perspettiva teoretika jew mill-perspettiva ta’ Stat Membru ieħor, iżda li l-leġiżlatur nazzjonali ma kkunsidrax bħala rilevanti sabiex juri ż-żamma tar-rabta effettiva mal-Istat Membru kkonċernat.

107.

Issa, infakkar, li, skont il-ġurisprudenza, l-Istati Membri huma kompetenti sabiex jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ akkwist u ta’ telf tan‑nazzjonalità u li, skont l-Artikoli 9 TUE u 20(1) TFUE, iċ‑ċittadinanza tal-Unjoni tingħadd maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex. Li jiġu aċċettati l-argumenti tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali jfisser ukoll li l-Unjoni tikser id-dmir ta’ osservanza tal-identità nazzjonali tal-Istati Membri, iddikjarat fl-Artikolu 4(2) TUE, li element essenzjali tagħha huwa bla dubju l-kompożizzjoni tal-komunità nazzjonali ( 26 ).

108.

Kif diġà wrejt, is-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) lanqas ma ssostni l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, din is-sentenza ma għandhiex, fl-opinjoni tiegħi, tiġi interpretata fis-sens li tirrikjedi li l-qorti nazzjonali, fil-kuntest tal-eżami tal-osservanza tal‑prinċipju ta’ proporzjonalità, tivverifika li l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ revoka tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, ibbażata fuq raġuni ta’ interess ġenerali segwit mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, tista’ tiġi eskluża minħabba l-eżistenza ta’ ċirkustanzi partikolari tal-persuna kkonċernata li jfissru ż-żamma ta’ rabta effettiva mal-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament mir-raġuni li abbażi tagħha ġiet meħuda din id-deċiżjoni.

109.

Barra minn hekk, u b’mod korrelattiv, infakkar li n-neċessità u l‑proporzjonalità ta’ miżura nazzjonali, li jsegwi għan ta’ interess ġenerali, ma humiex esklużi għas-sempliċi unika raġuni li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ( 27 ) jew li jeżistu miżuri oħra immaġinabbli li jistgħu jilħqu dan l-għan iżda li l-leġiżlatur nazzjonali jkun, għal raġuni jew għal oħra, iddeċieda li ma kinux suffiċjenti sabiex jilħaqhom.

110.

Barra minn hekk, jekk jiġu aċċettati l-argumenti żviluppati mir‑rikorrenti fil-kawża prinċipali f’din il-kawża l-qorti nazzjonali jkollha tistabbilixxi, mingħajr indikazzjoni preċiża mil-leġiżlatur nazzjonali, liema huma l-kriterji ta’ rabta rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat, il-livell ta’ intensità tagħhom kif ukoll l-importanza tagħhom.

111.

Pereżempju, jekk l-abbiltà li tuża l-lingwa Olandiża titqies bħala kriterju rilevanti, il-qorti nazzjonali kif se tikkunsidra l-fatt li M. G. Tjebbes indikat, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li ma titkellimx l-Olandiż b’mod fluwenti u, jekk ikun il-każ, tiżen dan il‑kriterju man-numru ta’ vjaġġi li hija għamlet bejn il-Kanada u l-Pajjiżi l‑Baxxi fl-aħħar snin jew, jekk ikun il-każ, mar-rabtiet familjari eventwali, li l-grad tagħhom ma huwiex speċifikat, li hija għandha f’dan l‑Istat Membru?

112.

Bl-istess mod, fis-sitwazzjoni ta’ G. J. M. Koopman, li kellha ħakma perfetta tal-Olandiż, kemm bil-miktub kif ukoll orali u li tidher li kienet tivvjaġġa regolarment lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, il-qorti nazzjonali għandha wkoll tieħu dan l-element inkunsiderazzjoni u jekk iva, x’importanza għandu jingħata dan l-element, minħabba l-fatt li, skont l-osservazzjonijiet ta’ G. J. M. Koopman, binha, li sar maġġorenni qabel ir-rebbiegħa tal-2013, kien, kuntrarjament għal G. J. M Koopman, beda l-proċeduri li ppermettewlu jżomm in-nazzjonalità Olandiża?

113.

Billu jiġi rikjest li l-qrati nazzjonali jwettqu dan l-eżerċizzju l-individwi jkunu qed jiġu esposti għal sitwazzjonijiet ta’ inċertezza legali. Fi kwalunkwe każ, inqis li kieku, kuntrarjament għal dak li nipproponi, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha taċċetta l-argument tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, hija stess ikollha tistabblixxi l-għan tal-prinċipju ta’ proporzjonalità u, għaldaqstant, ikollha tindika lill-qorti tar-rinviju l-kriterji rilevanti ta’ rabta mal-Istat Membru kkonċernat li jkollhom jittieħdu inkunsiderazzjoni minn din tal-aħħar, li min-naħa tagħha jkollha tivverifika li dawn ġew issodisfatti f’kull waħda mis-sitwazzjonijiet tal-kawża prinċipali.

114.

Ma nistax ninkoraġġixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja ssegwi tali direzzjoni, peress li din tkun qed tinterferixxi fil-kompetenza tal-Istati Membri li jiddefinixxu l-kundizzjonijiet ta’ telf tan-nazzjonalità.

115.

Minħabba dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, inqis li l-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża ma jiksirx il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, hekk kif protett bid-dritt tal-Unjoni.

116.

Fl-aħħar nett, din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bil-ħtieġa li jiġi żgurat id-dritt ta’ kull persuna għar-rispett tal-ħajja privata u familjari tagħha, konformement mal-Artikolu 7 tal-Karta.

117.

Fil-fatt, l-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża bl-ebda mod ma ċċaħħad liċ-ċittadini Olandiżi li tilfu n-nazzjonalità Olandiża tagħhom u, jekk ikun il-każ, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, mit-tgawdija tal-ħajja privata u familjari tagħhom. B’mod partikolari, dawn jibqgħu jibbenefikaw mid-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ pajjiż terz li tiegħu għandhom in-nazzjonalità, ikomplu jivvjaġġaw u jiċċaqalqu liberament permezz tad-dokumenti tal‑ivvjaġġar maħruġa minn dan il-pajjiż terz u jkunu, skont il‑leġiżlazzjoni dwar id-dħul ta’ ċittadini barranin, aċċettati fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat ieħor, inklużi l-Istati Membri tal-Unjoni. Dawn l‑individwi jkomplu, barra minn hekk, igawdu bis-sħiħ il-ħajja familjari tagħhom, mingħajr riskju li jkollhom jitilqu mit-territorju tal-pajjiż terz li fih huma residenti. Tali evalwazzjoni hija valida fil-każijiet kollha inkwistjoni. Fi kliem ieħor, din ma tirrikjedix eżami in concreto tal‑impatt tat-telf tan-nazzjonalità, u jekk ikun il-każ, tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, dwar is-sitwazzjoni individwali ta’ kull persuna kkonċernata.

118.

Għaldaqstant, nipproponi li r-risposta għall-ewwel parti tad‑domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun fis-sens li l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Karta, ma jipprekludix dispożizzjoni leġiżlattiva, bħall-Artikolu 15(1)(c) u (4) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, li tipprevedi li, persuna maġġorenni, li għandha wkoll in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, titlef ipso iure n‑nazzjonalità ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal‑Unjoni, għar-raġuni li hija kellha r-residenza prinċipali tagħha għal perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin barra mill-pajjiż u barra mill‑Unjoni Ewropea.

C.   Fuq il-kompatibbiltà mal-Artikolu 20 TFUE u mal-Artikolu 24 tal-Karta tat-telf tan‑nazzjonalità ta’ ċittadini Olandiżi minuri, previst fl‑Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża

119.

It-tieni parti tad-domanda preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda t-telf tan-nazzjonalità ta’ ċittadini Olandiżi minuri, prevista fl-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża u tikkonċerna biss, fil-kawża prinċipali, is-sitwazzjoni ta’ I. Duboux, it-tifla ta’ G. J. M Koopman. Bħal fil-każ tal-eżami tal‑Artikolu 15(1)(c) ta’ din il-liġi, għandu jiġi vverifikat jekk it-telf ta’ nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 16(1)(d) ta’ din il-liġi jsegwix għan ta’ interess ġenerali u jmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan.

1. Fuq ir-raġuni ta’ interess ġenerali li jrid jintlaħaq mill-Artikolu 16(1)(d) tal-liġi dwar in-nazzjonalità Olandiża

120.

Skont l-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, minuri jitlef in-nazzjonalità Olandiża jekk wieħed mill-ġenituri tiegħu jitlef din in-nazzjonalità skont l-Artikolu 15(1)(c) ta’ din il-liġi u sakemm, skont il-qorti tar-rinviju, dan il-minuri ma jispiċċax mingħajr stat ( 28 ).

121.

Fir-rigward tal-għan ta’ interess ġenerali segwit mill‑Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, il-qorti tar‑rinviju tenfasizza li mill-oriġini tagħha jirriżulta li din id‑dispożizzjoni għandha bħala għan li terġa’ tistabbilixxi l-unità ta’ nazzjonalità fi ħdan il-familja.

122.

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża huwa ispirat mill-Artikolu 7(2) tal‑Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità li jipprovdi li Stat parti f’din il-konvenzjoni jista’ jipprevedi t-telf tan-nazzjonalità tal-ulied jekk wieħed mill-ġenituri tagħhom jitlef din in-nazzjonalità ( 29 ). Barra minn hekk, it-Tieni Protokoll li jemenda l-Konvenzjoni (Ewropea) dwar it-Tnaqqis ta’ Każijiet b’iktar minn Nazzjonalità Waħda u dwar l‑Obbligi ta’ Servizz Militari f’Każijiet ta’ iktar minn Nazzjonalità Waħda, iffirmat fi Strasbourg fit-2 ta’ Frar 1993 ( 30 ), isemmi, fit-tielet premessa tiegħu, l-inkoraġġiment sabiex tiġi żgurata l-unità tan-nazzjonalità fi ħdan l-istess familja.

123.

Huwa minnu li, anki fuq livell internazzjonali, il-leġittimità ta’ tali għan ġiet ikkontestata, minħabba n-neċessità li jiġu rrikonoxxuti lill‑minuri drittijiet proċedurali u sostantivi awtonomi meta mqabbla mal-ġenituri tagħhom ( 31 ).

124.

Mingħajr ma wasal sabiex jirrikonoxxi l-eżistenza ta’ tali drittijiet, il-Gvern Olandiż enfasizza diversi drabi fl-osservazzjonijiet tiegħu mressqa f’din il-kawża li l-għan tal-unità tan-nazzjonalità fi ħdan il‑familja għandu jinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess (superjuri) tal-wild, bħal ma ġie rrikonoxxut fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7(2) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità ( 32 ). Dan il-gvern iżid li l-interess superjuri tal-wild, stabbilit fl-Artikolu 24(2) tal‑Karta ( 33 ), ġie barra minn hekk meħud inkunsiderazzjoni mil-leġiżlatur nazzjonali meta dan tal-aħħar ippreveda, fl-Artikolu 16(2) tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża, numru ta’ eċċezzjonijiet għat-telf tan‑nazzjonalità fil-każ tal-minuri.

125.

Jiena naqbel mal-opinjoni tal-Gvern Olandiż li r-raġuni tal-unità tan-nazzjonalità fi ħdan il-familja għandu neċessarjament jinkludi l‑kunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-wild. Dan it-teħid inkunsiderazzjoni huwa ħafna iktar importanti meta, bit-telf tan-nazzjonalità Olandiża tiegħu, il-minuri jirriskja wkoll li jiġi mċaħħad mill-kwalità ta’ ċittadin tal‑Unjoni.

126.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, l-għan intiż li jiżgura jew li jistabbilixxi mill-ġdid l-unità tan-nazzjonalità fil-familja, filwaqt li jinkludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-wild, jikkostitwixxi, fl-opinjoni tiegħi, għan leġittimu li, bħala regola, jista’ jiġġustifika t-telf, minn minuri, tan-nazzjonalità ta’ Stat Membru, telf li min-naħa tiegħu jista’ jikkawża dak taċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

127.

Madankollu għandu jiġi vverifkat jekk il-miżura li biha l-leġiżlatur Olandiż ippreveda li jilħaq dan l-għan hijiex konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

2. Fuq il-proporzjonalità tal-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża

128.

Skont il-Gvern Olandiż, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-wild, ċittadin tal-Unjoni, ma jfissirx li t-telf tan-nazzjonalità Olandiża, li jwassal ukoll għal dik taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, qatt ma tista’ sseħħ. Huwa jżid, essenzjalment, li meta ġenitur ikun tilef rabta effettiva mal-Pajjiżi l-Baxxi, jista’ jiġi raġonevolment preżunt li l-wild, bħala regola ma għadx għandu rabta effettiva ma’ dak l-Istat Membru. Dan l-argument jispjega għalfejn it-telf ta’ nazzjonalità tal-minuri jkun, bħala regola, awtomatiku, sakemm ma jissodisfax l-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża.

129.

Dan ir-raġunament ma jikkonvinċinix.

130.

Ċertament, ma huwiex qed jiġi kkontestat li l-interess superjuri tal‑wild, ċittadin tal-Unjoni, jista’ jipprekludi bħala regola t-telf tan‑nazzjonalità ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, taċ-ċittadinanza tal‑Unjoni.

131.

Madankollu, minn naħa, nirrileva li l-leġiżlatur Olandiż telaq mill-preżunzjoni li l-unità tan-nazzjonalità fi ħdan il-familja tikkoinċidi dejjem mal-interess superjuri tal-wild, ħlief fil-każijiet eċċezzjonali li dan il-leġiżlatur innifsu aċċetta.

132.

Min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur Olandiż b’ebda mod ma jidher li ħa inkunsiderazzjoni l‑fatt li ċ-ċittadini tal-Unjoni minuri jgawdu din il-kwalità b’mod awtonomu. Huwa għalhekk evidenti li l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ma huwiex irriżervat għall-maġġorenni u li l-minuri ma humiex ċittadini tal-Unjoni tat-tieni klassi ( 34 ). Il-minuri huma, essenzjalment, intitolati għall-istess drittijiet li jirriżultaw minn dan l-istatus, indipendentement mill-fatt li l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet jiddependi ġeneralment mill-persuni li għandhom l-awtorità parentali. Il-minuri għalhekk ma għandhomx ċittadinanza tal-Unjoni dderivata minn dik tal-ġenituri tagħhom, li huma wkoll ċittadini tal-Unjoni, iżda jgawdu mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni b’mod awtonomu.

133.

Fl-opinjoni tiegħi, l-awtonomija tal-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni tal-minuri kif ukoll in-neċessità li jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑interess superjuri tal-wild jimplikaw li, fl-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li twassal, għaċ-ċittadini minuri ta’ dan l-Istat, għat‑telf tan-nazzjonalità kif ukoll dak taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, dawn il-minuri għandhom ikunu jistgħu jibbenefikaw mill-istess drittijiet proċedurali u sostantivi bħal dawk irrikonoxxuti lill-maġġorenni.

134.

Issa, kif osservat il-qorti tar-rinviju, l-ulied, ċittadini tal-Unjoni, ma għandhomx, kuntrarjament għall-maġġorenni, il-possibbiltà li jipprevjenu t-telf tan-nazzjonalità billi jitolbu d-dokumenti previsti mill‑Artikolu 15(4) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża.

135.

Ċertament, il-ġenitur, ċittadin Olandiż, jista’ jibda dawn il-proċeduri.

136.

Madankollu, dawn il-proċeduri mibdija f’isem il-wild huma sistematikament suġġetti għall-eżistenza ta’ proċeduri paralleli tal‑ġenitur f’ismu stess. Fin-nuqqas ta’ dan, it-telf tan-nazzjonalità tal‑ġenitur awtomatikament iwassal għal dak tal-wild.

137.

Għalhekk, ġenitur, ċittadin tal-Unjoni, li applika u akkwista t‑tiġdid ta’ passaport għall-wild tiegħu biss, ċittadin tal-Unjoni, fl‑2012, jiġifieri qabel l‑1 ta’ April 2013, iżda li, wara din id-data, tilef in‑nazzjonalità Olandiża, jara bl-istess mod u awtomatikament li l-wild tiegħu jitlef, minn dik id-data, din in-nazzjonalità u ċ-ċittadinanza tal‑Unjoni, minkejja li, formalment, dan il-wild għandu passaport maħruġ mill-awtoritajiet Olandiżi għal ħames snin, jiġifieri sal‑2017, li jista’ jwassal għall-preżunzjoni li dan il-wild jista’ jibbenefika mill-effetti tal‑att li jinterrompi t-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(4) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, jiġifieri sal‑2022 u, għaldaqstant, iżomm in-nazzjonalità Olandiża u ċ-ċittadinanza tal-Unjoni, għal mill-inqas, sa din id-data.

138.

Li sitwazzjoni bħal din tista’ tiżviluppa huwa ċertament realistiku.

139.

Fil-fatt huwa perfettament konċepibbli li, qabel l-iskadenza tat‑terminu ta’ għaxar snin, il-ġenitur ta’ nazzjonalità Olandiża ta’ minuri Olandiż, ċittadin tal-Unjoni, jekk ikun il-każ, bi ftehim ma’ dan tal-aħħar, jista’ jikkunsidra li huwa fl-interess tal-wild tiegħu li jżomm in-nazzjonalità Olandiża u għalhekk il-kwalità ta’ ċittadin tal‑Unjoni, qabel ma l-ġenitur ikkonċernat ikun huwa stess obbligat li jġedded il-passaport tiegħu jew il-karta ta’ identità tiegħu biex iżomm tiegħu stess.

140.

Barra minn hekk, huwa wkoll possibbli li, għal raġunijiet differenti, il-minuri jgħix, separat mill-ġenitur tiegħu, fl-Unjoni, jiġifieri fil-Pajjiżi l-Baxxi.

141.

Issa, minn naħa, l-ebda dispożizzjoni tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża ma tipprevedi li, f’dawn il-każijiet, it-telf awtomatiku tan‑nazzjonalità Olandiża tal-minuri, minħabba dak tal-ġenitur tiegħu, ikun eskluż, minkejja li dan jista’ jkun meħtieġ għall-interess superjuri tal-wild, ċittadin tal-Unjoni.

142.

Fil-fatt, kif spjegat il-qorti tar-rinviju u kif nerġa’ ntenni, l‑Artikolu 15(3) u (4) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, li jippermetti l-interruzzjoni tat-terminu ta’ għaxar snin ta’ residenza f’pajjiż terz, japplika biss f’każijiet ta’ persuni maġġorenni. Barra minn hekk, filwaqt li l-leġiżlatur Olandiż irrikonoxxa li l-għan tal-unità tan‑nazzjonalità fi ħdan il-familja jista’ jiġi affettwat minn xi eċċezzjonijiet, l-ebda wieħed mill-każijiet eċċezzjonali previsti fl‑Artikolu 16(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża ma japplika fl-eżempji msemmija preċedentement.

143.

Min-naħa l-oħra, billi ma jiħux inkunsiderazzjoni dan it-tip ta’ sitwazzjonijiet, il-leġiżlatur Olandiż jippreżupponi li l-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ minuri hija sistematikament aċċessorja għal dik ta’ maġġorenni, minbarra fil-każ ta’ ċerti sitwazzjonijiet eċċezzjonali previsti fl‑Artikolu 16(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża.

144.

Miżuri li jinterferixxu inqas fl-interess superjuri tal-wild u fl-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni ta’ dawn tal-aħħar huma, fl-opinjoni tiegħi, b’mod partikolari klawżola ġenerali li tippermetti lill-qorti nazzjonali tieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmi interess u l-imsemmi istatus fil-każijiet kollha ta’ applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża u/jew il-possibbiltà mogħtija lil ċittadini Olandiżi li jibdew il‑proċeduri sabiex jinterrompu t-terminu ta’ għaxar snin unikament għal uliedhom Olandiżi, ċittadini tal-Unjoni.

145.

Barra minn hekk, il-fatt li, ladarba jsir maġġorenni, wild jista’ jirkupra n-nazzjonalità Olandiża taħt ċerti kundizzjonijiet ma jistax, fih innifsu, jikkumpensa l-fatt li, matul is-snin li tkun għadha minuri, din il-persuna ma kellha qatt titlef in-nazzjonalità inkwistjoni li kieku l-interess superjuri tal-wild u l-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni ġew debitament meħuda inkunsiderazzjoni.

146.

Konsegwentement, inqis li, billi naqas milli jipprevedi li l‑interss superjuri tal-wild, ċittadin tal-Unjoni, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’kull deċiżjoni li tista’ twassal għat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni ta’ dan il-wild, minbarra f’xi każijiet eċċezzjonali previsti mill‑Artikolu 16(2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, il-leġiżlatur Olandiż mar lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jilħaq l-għan tal-unità tan-nazzjonalità fi ħdan il-familja, fid-dawl tal-interess superjuri tal-wild.

147.

Din il-konklużjoni, li tosserva l-kompetenza tal-leġiżlatur nazzjonali biex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tat-telf tan-nazzjonalità, ovvjament ma tikkontradixxix dik li nipproponi li tintuża f’dak li jirrigwarda l-persuni maġġorenni. Fil-fatt, hawnhekk ma jfissirx li jiġi eskluż il-kriterju li fuqu huwa bbażat it-telf tan-nazzjonalità tal-Istat Membru kkonċernat, magħżul mil‑leġiżlatur nazzjonali, bi kriterju ta’ sostituzzjoni li ma ġiex ikkunsidrat minn dan il-leġiżlatur, iżda li sempliċement isir stħarriġ dwar jekk il-miżuri adottati minn dan il-leġiżlatur sabiex jintlaħaq l-għan li huwa jixtieq isegwi jaqbżux dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq.

148.

Fi kliem ieħor, sabiex isir dan l-istħarriġ, la għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi individwali li juru li l-persuna kkonċernata għandha rabta mill-qrib mal-Istat Membru kkonċernat fuq il-bażi ta’ kriterju, mhux ikkunsidrat mil-leġiżlatur nazzjonali, li jippermetti li jiġi eskluż dak magħżul minn dan il‑leġiżlatur nazzjonali fil-kuntest tal-kompetenza tiegħu biex jiddefinixxi l-kundizzjonijiet tat-telf tan-nazzjonalità, u lanqas konsegwenzi eventwali konkreti u individwali li jwasslu għat-telf taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni ( 35 ).

149.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi li r‑risposta għat-tieni parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tkun fis-sens li l-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 24 tal-Karta jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva, bħall-Artikolu 16(1)(d) u (2) tal-Liġi dwar in‑Nazzjonalità Olandiża, li tipprevedi li persuna minuri titlef ipso iure, ħlief f’każ eċċezzjonali, in-nazzjonalità tal-Istat Membru u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’konsegwenza tat-telf tan‑nazzjonalità mill-ġenitur tiegħu.

D.   Fuq il-limitu tal-effetti ratione temporis tas-sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja

150.

Waqt is-seduta, il-Gvern Olandiż talab il-limitu ratione temporis tal‑effetti tas-sentenza li għandha tingħata fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li l-Artikoli 15(1)(c) u 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża jkunu sproporzjonati.

151.

Din it-talba ma tistax, fl-opinjoni tiegħi, tintlaqa’, anki li kieku l‑Qorti tal-Ġustizzja kellha fil-fatt tasal għal tali konklużjoni.

152.

Għandu jitfakkar li, sabiex tali limitazzjoni tkun tista’ tintlaqa’, ikun neċessarju li jiġu ssodisfatti żewġ kriterji essenzjali, jiġifieri l-bona fide tal-partijiet interessati u r-riskju ta’ diffikultajiet serji ( 36 ).

153.

B’mod iktar speċifiku, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minn sentenza mogħtija b’mod preliminari ma jiġġustifikawx, fihom infushom, il-limitu tal-effetti ratione temporis ta’ din is-sentenza.

154.

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja użat din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi speċifiċi ferm, b’mod partikolari meta kien hemm riskju ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi serji dovuti b’mod partikolari għan‑numru għoli ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fede abbażi ta’ leġiżlazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u meta kien jidher li l‑partijiet ikkonċernati u l-awtoritajiet nazzjonali kienu mitluba jadottaw aġir mhux konformi mad-dritt tal-Unjoni minħabba inċertezza oġġettiva u sinjifikattiva fir-rigward tal-portata tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal‑Unjoni, inċertezza li għaliha eventwalment ikkontribwixxa l-aġir innifsu adottat minn Stati Membri oħra jew mill-Kummissjoni ( 37 ).

155.

Insostenn tat-talba tiegħu, il-Gvern Olandiż ma pproduċa l-ebda prova fuq l-eventwali diffikultajiet serji u r-riperkussjonijiet ekonomiċi gravi li x’aktarx iwasslu għar-rikonoxximent mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑inkompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. B’mod partikolari, dan il-gvern indika biss b’mod lakoniku li kien hemm numru ta’ ċittadini Olandiżi li tilfu n‑nazzjonalità Olandiża sa minn bosta snin, mingħajr lanqas ma pproduċa l-iċken prova li tippermetti li jiġi stabbilit in-numru ta’ persuni kkonċernati kif ukoll liema jistgħu jkunu d-diffikultajiet u l-eventwali konsegwenzi ekonomiċi li għalihom jiġu esposti l-Pajjiżi l-Baxxi li jkunu jirriżultaw mill-irkupru tan‑nazzjonalità Olandiża mill-individwi kkonċernati.

156.

Għaldaqstant nipproponi li f’kull każ inkwistjoni tiġi miċħuda t-talba tal-Gvern Olandiż intiża sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza li għandha tingħata.

IV. Konklużjoni

157.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li tingħata r-risposta li ġejja għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Kunsill tal-Istat, il-Pajjiżi l-Baxxi):

1)

L-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux dispożizzjoni leġiżlattiva, bħall-Artikolu 15(1)(c) u 4 tar-Rijkswet op het Nederlanderschap (il‑Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża), li tipprevedi li persuna maġġorenni, li għandha wkoll in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, titlef ipso iure n-nazzjonalità ta’ Stat Membru u, għaldaqstant, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, għar-raġuni li hija kellha r-residenza prinċipali tagħha għal perijodu mhux interrott ta’ għaxar snin barra mill-pajjiż u barra mill‑Unjoni Ewropea.

2)

L-Artikolu 20 TFUE u l-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu dispożizzjoni leġiżlattiva, bħall-Artikolu 16(1)(d) u (2) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, li tipprevedi li persuna minuri, li għandha wkoll in-nazzjonalità ta’ pajjiż terz, titlef ipso iure, ħlief f’każ eċċezzjonali, in-nazzjonalità tal-Istat Membru tagħha u, għaldaqstant, l‑istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, b’konsegwenza tat-telf tan-nazzjonalità mill-ġenitur tagħha.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Din l-espressjoni tinkludi b’mod partikolari t-territorji tal-Antilli Olandiżi.

( 3 ) Ġabra tat-Trattati, Vol. 989, p. 175. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rratifika l‑Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija fit-13 ta’ Mejju 1985.

( 4 ) ETS Nru 166. Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi rratifika din il-Konvenzjoni fil‑21 ta’ Marzu 2001 u hija daħlet fis-seħħ fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru fl‑1 ta’ Lulju 2001.

( 5 ) Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk (C‑184/99, EU:C:2001:458, punt 31); tas‑17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R (C‑413/99, EU:C:2002:493, punt 82); tad‑19 ta’ Ottubru 2004, Zhu u Chen (C‑200/02, EU:C:2004:639, punt 25); tat‑2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 43); tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124, punt 41), kif ukoll tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punt 69).

( 6 ) Ara l-punt 13 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588).

( 7 ) Naturalment, bil-kundizzjoni li l-liġi tal-Istat Membru l-ieħor ma tkunx strettament identika mal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, f’liema każ ikun hemm ir-riskju li dawn il-persuni jsiru bla stat. Dan ir-riskju madankollu ma jidhirx realistiku.

( 8 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 3945).

( 9 ) Dan jidher li jirriżulta wkoll mis-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104) li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat biss l-Artikolu 17 KE (li sar l-Artikolu 20 TFUE) minkejja li hija ġiet mistoqsija, b’mod ġenerali, dwar l-interpretazzjoni “tad-dritt Komunitarju”, liema fatt seta’ jwassalha sabiex tinkludi fir-risposta tagħha l-Artikolu 18 KE (li sar l‑Artikolu 21 TFUE).

( 10 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 89 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża X u X (C‑638/16 PPU, EU:C:2017:93).

( 11 ) Sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 55) (enfasi miżjuda minni).

( 12 ) Sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 56) (enfasi miżjuda minni).

( 13 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2010, Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punti 51 sa 54).

( 14 ) Ara l-punt 70 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in‑Nazzjonalità. Dan ir-rapport huwa disponibbli fl-indirizz segwenti: https://rm.coe.int/16800cce80

( 15 ) Enfasi miżjuda minni. Għall-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ proporzjonalità għalhekk la jitlob li għandha tiġi introdotta proċedura intiża sabiex tipprevjeni t-telf taċ‑ċittadinanza tal-Unjoni u lanqas li l-proċedura ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni tkun sospiża sakemm il-persuna kkonċernata tkun effettivament irkuprat in-nazzjonalità tal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, li tippermettilha li żżomm iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

( 16 ) Tajjeb infakkru li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 9 TUE u l-Artikolu 20(1) TFUE jipprevedu t-tnejn li huma li “iċ-ċittadinanza tal-Unjoni tiżdied maċ-ċittadinanza nazzjonali u ma tissostitwixxihiex”.

( 17 ) Sew jekk minħabba raġuni li hija kkunsidrata bħala illeġittima fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni sew jekk minħabba r-raġuni tan-natura sproporzjonata tal-miżura nazzjonali, kif nipproponi li jiġi kkonstatat fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 16(1) (d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża lill-minuri: ara l-punti 128 sa 149 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 18 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2010, Sayn‑Wittgenstein (C‑208/09, EU:C:2010:806, punti 9093), kif ukoll tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C-438/14, EU:C:2016:401, punti 7274).

( 19 ) Bħall-istħarriġ imwettaq mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Delvigne (C‑650/13, EU:C:2015:648).

( 20 ) L-istess kif tagħmel fir-rigward tan-neċessità li jiġi evitat li l-persuna kkonċernata ssir mingħajr stat: ara, b’mod partikolari, f’dan is-sens, Marinai, S., Perdita della cittadinanza e diritti fondamentali: profili internazionalistici ed europei, Giuffrè, Milano, 2017, p. 162.

( 21 ) Hekk kif jikkonfermaw, kif diġà semmejt, il-punti 57 u 58 tas-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104).

( 22 ) Ara s-sentenza Rottmann (C‑135/08, EU:C:2010:104, punt 8).

( 23 ) L-istess jgħodd fir-rigward tal-ħruġ ta’ dikjarazzjoni li tirrigwarda l-pussess tan‑nazzjonalità Olandiża li tista’ tiġi ordnata mingħajr ivvjaġġar tal-persuna kkonċernata bl-għajnuna ta’ formola disponibbli permezz tas-sit internet tal‑Gvern Olandiż.

( 24 ) Ta’ min jinnota li l-punt 71 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità jindika wkoll li l-prova tan-nuqqas ta’ kull rabta effettiva ma’ Stat parti tista’ tirriżulta min-nuqqas ta’ twettiq b’mod partikolari ta’ talba għad‑dokumenti tal-identità jew tal-ivvjaġġar jew ta’ dikjarazzjoni li tesprimi x‑xewqa taż-żamma tan-nazzjonalità ta’ Stat parti.

( 25 ) Dan ifisser, bla dubju, li l-qorti nazzjonali stabbillixxiet, fir-rigward taċ-ċirkustanzi partikolari għal kull waħda mit-tliet rikorrenti fil-kawża prinċipali, li l‑kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża kienu ssodisfatti. F’dan ir-rigward, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm l-ebda dubju li kieku l-Ministru, pereżempju, kellu jonqos, f’każ partikolari, li jieħu inkunsiderazzjoni att ta’ interruzzjoni tat-terminu ta’ għaxar snin, il-qorti nazzjonali kien ikollha tannulla d‑deċiżjoni ta’ rifjut tal-ħruġ tal-passaport mitlub minħabba li ma jkunux ġew issodisfatti l‑kriterji tal-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża. Bl-istess mod, jekk individwu jesprimi l-impossibbiltà li jitlob it-tiġdid tal-passaport tiegħu, f’terminu raġonevoli, wara l-iskadenza tal-validità tal-passaport il-qadim tiegħu jew li jitlob il-ħruġ ta’ wieħed miż-żewġ dokumenti l-oħra li jippermettu l‑interruzzjoni tat-terminu ta’ għaxar snin previst fl-Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, din is-sitwazzjoni għandha tkun eżaminata mill-qorti nazzjonali. Fil-fatt, peress li xejn ma huwa impossibbli, il-qorti nazzjonali għandha għalhekk tiżgura ruħha, fid-dawl tal-provi prodotti mill-persuna kkonċernata, li l-allegazzjoni li kien impossibbli għaliha li tikseb id-dokumenti msemmija fl‑Artikolu 15(1)(c) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża, hija effettivament fondata.

( 26 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Poiares Maduro fil-Kawża Rottmann (C‑135/08, EU:C:2009:588, punt 25).

( 27 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ Ġunju 2016, Bogendorff von Wolffersdorff (C-438/14, EU:C:2016:401, punt 73 u l-ġurisprudenza msemmija).

( 28 ) Konformement mal-Artikolu 14(6), tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża.

( 29 ) Ta’ min jinnota wkoll li l-Artikolu 6 tal-Konvenzjoni dwar it-Tnaqqis tal-Apolidija ma jipprojbixxix din ir-raġuni ta’ telf tan-nazzjonalità minn minuri.

( 30 ) ETS Nru 149. Dan il-protokoll ġie rratifikat minn żewġ stati biss, jiġifieri r‑Repubblika Taljana u r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi.

( 31 ) Ara, b’mod partikolari, ir-rapport ippreparat minn Fuchs-Mair u Staudigl, intitolat, “Konvenzjoni Ewropea dwar in-Nazzjonalità – Prattiċi Tajba għall-Ulied”, it-3 Konferenza Ewropea dwar in-Nazzjonalità, li saret fi Strasbourg, fil-11 u fit-12 ta’ Ottubru 2004 [dok. CJ-S-NAT (2008) 2].

( 32 ) Ara l-punt 75 tar-Rapport ta’ Spjegazzjoni tal-Konvenzjoni Ewropea dwar in‑Nazzjonalità li jgħid li “billi jiġi applikat [l-Artikolu 7(2) ta’ din il-Konvenzjoni], l-Istati partijiet għandhom fi kwalunkwe każ ikunu ggwidati mill-interessi tal-ulied”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 33 ) Għandu jitfakkar li l-Artikolu 24(2) tal-Karta jipprevedi li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tat-tfal għandhom ikunu kunsiderazzjoni primarja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi li hija tiżgura l-osservanza tal-obbligu ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-wild irrikonoxxut mill-Artikolu 24(2) tal‑Karta: ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2016, Rendón Marín (C‑165/14, EU:C:2016:675, punti 76 sa 78), kif ukoll tal‑10 ta’ Mejju 2017, Chavez‑Vilchez et (C‑133/15, EU:C:2017:354, punt 60).

( 34 ) Il-ġurisprudenza stabbilita b’mod partikolari fis-sentenza tat‑8 ta’ Marzu 2011, Ruiz Zambrano (C‑34/09, EU:C:2011:124) tikkostitwixxi eżempju partikolarment evidenti.

( 35 ) Għalhekk, indipendentement mill-fondatezza tal-pretensjoni tagħha, il-fatt li I. Duboux issostni li t-telf tan-nazzjonalità Olandiża u taċ-ċittadinanza tal-Unjoni jfixkluha milli tmur tistudja fl-Unjoni Ewropea minħabba l-fatt li ċ-ċittadini Svizzeri ma għandhomx id-dritt għal borża ta’ studju Erasmus ma għandu, fl-opinjoni tiegħi, ebda rilevanza fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-Artikolu 16(1)(d) tal-Liġi dwar in-Nazzjonalità Olandiża.

( 36 ) Ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult (C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 37 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2017, Paper Consult (C‑101/16, EU:C:2017:775, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).