KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-14 ta’ Ġunju 2018 ( 1 )

Kawża C‑171/17

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

L-Ungerija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 49 TFUE – Libertà ta’ stabbiliment – Artikolu 56 TFUE – Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Direttiva 2006/123/KE – Artikoli 15 u 16 – Restrizzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Neċessità – Proporzjonalità – Sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli – Dritt esklużiv – Monopolju – Servizz ta’ interess ekonomiku ġenerali”

1. 

Permezz ta’ dan ir-rikors, il-Kummissjoni Ewropea qiegħda titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, bil-fatt li introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, irregolata bin-nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló 2011. évi CC. törvény (il-Liġi Nru CC tal-2011 dwar is-Sistema Nazzjonali ta’ Ħlas Mobbli) ( 2 ) u bit-356/2012. (XII. 13.) Korm. Rendelet a nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló törvény végrehajtásáról (id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 li jimplimenta l-Liġi Nru CC tal-2011) ( 3 ), tat-13 ta’ Diċembru 2012, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skont, b’mod prinċipali, l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern ( 4 ) u, b’mod sussidjarju, l-Artikoli 49 u 56 TFUE.

2. 

F’dawn il-konklużjonijiet preżenti, ser nesponi r-raġunijiet li minħabba fihom jidhirli li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandu jiġi milqugħ.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Id-dritt primarju

3.

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt ir-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ ċittadini ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, għandhom jiġu projbiti. Tali projbizzjoni għandha testendi ruħha wkoll għal restrizzjonijiet fuq l-istabbiliment ta’ aġenziji, fergħat u sussidjarji, minn ċittadini ta’ Stat Membru stabbiliti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.”

4.

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE jipprevedi:

“Fil-qafas tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt, ir-restrizzjonijiet fuq il-liberta’ li jiġu provduti servizzi fl-Unjoni [Ewropea] għandhom jiġu projbiti fir-rigward ta’ ċittadini ta’ Stati Membri li jkunu stabbiliti fi Stat Membru li ma jkunx dak tal-persuna li lilha jingħataw is-servizzi”.

2. Id-Direttiva tas-“Servizzi”

5.

Il-premessi 8, 17 u 70 tad-Direttiva tas-“Servizzi” jindikaw:

“(8)

Huwa xieraq li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tas-servizzi għandu japplika biss sakemm l-attivitajiet trattati huma miftuħa għal kompetizzjoni, sabiex dawn ma jobbligawx lill-Istati Membri jew biex jilliberalizzaw servizzi ta’ interess ġenerali ekonomiku [iktar ’il quddiem is-‘SIEĠ’] jew biex jipprivatizzaw entitajiet pubbliċi li jipprovdu tali servizzi jew li jabolixxu monopolji eżistenti għal attivitajiet oħra jew ċerti servizzi ta’ distribuzzjoni.

[…]

(17)

Din id-Direttiva tkopri biss is-servizzi li huma mwettqa għal kunsiderazzjoni ekonomika. Servizzi ta’ interess ġenerali mhumiex koperti bid-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 50 [KE (li sar l-Artikolu 57 TFUE)] u għalhekk ma jaqgħux fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. [Is-SIEĠ] huma servizzi mwettqa għal konsiderazzjoni ekonomika u għalhekk jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Iżda ċerti [SIEĠ] bħal dawk li jistgħu jeżistu fil-qasam tat-trasport, huma esklużi mill-kamp ta’applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u ċerti [SIEĠ], pereżempju, li jistgħu jeżistu fil-qasam tas-servizzi postali, huma suġġetti għal deroga mid-dispożizzjoni dwar il-libertà għall-provvista ta’ servizzi mniżżla f’din id-Direttiva. . Din id-Direttiva ma tittrattax il-finanzjament tas-[SIEĠ] u ma tapplikax għas-sistemi ta’ għajnuna mogħtija mill-Istati Membri, b’mod partikolari fil-qasam soċjali, skond ir-regoli tal-Komunità dwar il-kompetizzjoni. Din id-Direttiva ma tittrattax is-segwitu tal-White Paper tal-Kummissjoni dwar is-servizzi ta’ Interess Ġenerali.

[…]

(70)

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16 [KE (li sar l-Artikolu 14 TFUE)], is-servizzi jistgħu jitqiesu lu huma [SIEĠ], biss jekk jiġu pprovduti fl-applikazzjoni ta’ ħidma speċjali fl-interess pubbliku fdata lill-fornitur mill-Istat Membru kkonċernat. Din il-ħidma għandha titwettaq permezz ta’ att wieħed jew aktar, li l-forma tiegħu għandha tkun iddeterminata mill-Istat Membru kkonċernat, u għandu jispeċifika n-natura preċiża tal-kompitu speċjali”.

6.

L-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-direttiva jistipula:

“2.   Din id-Direttiva ma tkoprix il-liberalizzazzjoni ta’ [SIEĠ], riżervata għall-entitajiet pubbliċi jew privati, lanqas [il-]privatizzazzjoni ta’ entitajiet pubbliċi li jipprovdu servizzi.

3.   Din id-Direttiva ma tkoprix l-abolizzjoni ta’ monopolji li jipprovdu servizzi lanqas l-għajnuniet mogħtija mill-Istati Membri li huma koperti mir-regoli Komunitarji dwar il-kompetizzjoni.

Din id-Direttiva ma taffettwax il-libertà ta’ l-Istati Membri li jiddefinixxu, bi qbil mal-liġi Komunitarja, x’jikkunsidraw bħala [SIEĠ], kif dawn is-servizzi għandhom jiġu organizzati u ffinanzjati, skond ir-regoli ta’ l-għajnuna mill-Istat, u liema obbligi speċifiċi għandhom ikunu soġġetti għalihom”.

7.

It-Taqsima 2, intitolata “ħtiġijiet [rekwiżiti] ipprojbiti jew suġġetti għal evalwazzjoni”, tal-Kapitolu III tad-Direttiva tas-“Servizzi”, dwar il-“[l]ibertà għall-istabbiliment ta’ fornituri”, hija komposta mill-Artikoli 14 u 15. L-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva, jirrigwarda l-“[ħtiġijiet] ipprojbiti”, filwaqt li l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva, li jirrigwarda r-“[r]ekwiżiti li għandhom jiġu evalwati”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk, taħt is-sistema legali tagħhom, kwalunkwe mir-rekwiżiti elenkati fil-paragafu 2 huma imposti u għandhom jiżguraw li tali rekwiżiti huma kompatibbli mal-kondizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 3. L-Istati Membri għandhom jaddattaw il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi tagħhom sabiex jagħmluhom kompatibbli ma’ dawk il-kondizzjonijiet.

2.   L-Istati Membri għandhom jeżaminaw jekk is-sistema legali tagħhom tagħmilx l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tagħha soġġetta għal konformità ma’ kwalunkwe minn dawn ir-rekwiżiti mhux-diskriminatorji:

[…]

d)

rekwiżiti, għajr dawk li jikkonċernaw kwistjonijiet koperti mid-Direttiva 2005/36/KE [ ( 5 )] jew previsti fi strumenti Komunitarji oħrajn, li jirriżervaw l-aċċess għall-attività ta’ servizz ikkonċernata għal fornituri speċifiċi skond in-natura speċifika ta’ l-attività;

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jivverifikaw li r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 jissodisfaw il-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżiti m’għandhomx ikunu diskriminatorji la direttament lanqas indirettament skond in-nazzjonalità jew, fir-rigward ta’ kumpanniji, skond il-post ta’ l-uffiċċju rreġistrat;

b)

bżonn: ir-rekwiżiti għandhom ikunu ġġustifikati b’raġuni aktar importanti li għandha x’taqsam ma’ l-interess pubbliku;

ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżiti għandhom ikunu adatti biex jiżguraw li jintlaħaq l-objettiv mixtieq; m’għandhomx imorru lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħaq dak l-objettiv; u ma għandux ikun possibbli li dawk ir-rekwiżiti jiġu sostitwiti minn miżuri oħrajn, anqas restrittivi li jwasslu għall-istess riżultat.

[…]”

8.

Taħt il-Kapitolu IV tad-Direttiva tas-“Servizzi”, intitolat “Moviment liberu ta’ servizzi”, l-Artikolu 16 tiegħu jirrigwarda l-“[l]ibertà tal-provvista ta’ servizzi”. Il-paragrafu 1 tiegħu jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jirrispettaw id-dritt tal-fornituri li jfornu servizzi fi Stat Membru ieħor għajr dak fejn huma stabbiliti.

L-Istat Membru fejn ġie provdut is-servizz għandu jiżgura aċċess liberu u eżerċizzju liberu ta’ attività ta’ servizz fi ħdan it-territorju tiegħu.

L-Istati Membri m’għandhomx jagħmlu l-aċċess għal jew l-eżerċizzju ta’ attività ta’ servizz fit-territorju tagħhom soġġett għal konformità ma’ xi rekwiżit li ma jirrispettax il-prinċipji li ġejjin:

a)

non-diskriminazzjoni: ir-rekwiżit m’għandux ikun diskriminatorju la direttament lanqas indirettament fir-rigward tan-nazzjonalità jew, f’każ ta’ persuni ġuridiċi, fir-rigward ta’ l-Istat Membru fejn huma stabbiliti,

b)

bżonn: il-bżonn għandu jkun ġusitifikat għal raġunijiet tal-politika pubblika, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni ta’ l-ambjent,

ċ)

proporzjonalità: ir-rekwiżit għandu jkun adatt biex jikseb l-objettivi mfittxa, u m’għandux imur lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkiseb dan l-objettiv.

[…]”

B.   Id-dritt Ungeriż

1. Il-Liġi Nru CC tal-2011

9.

Il-Liġi Nru CC tal-2011 emendat il-qafas legali tas-servizzi ta’ ħlas mobbli b’effett mill-1 ta’ April 2013, iżda b’effett obbligatorju biss mit-2 ta’ Lulju 2014.

10.

L-Artikolu 1(d) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din il-liġi, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet

[…]

d)

sistema ta’ ħlas mobbli: kull sistema li biha l-klijent jixtri s-servizz permezz tal-intermedjarju ta’ sistema ta’ kummerċjalizzazzjoni elettronika aċċessibbli mingħajr konnessjoni ma’ punt fiss, bl-għajnuna ta’ mezz ta’ telekomunikazzjoni, ta’ tagħmir diġitali jew xi għodda tal-informatika oħra”.

11.

L-Artikolu 2 tal-imsemmija liġi jipprevedi:

“Jitqies li huwa servizz suġġett għal kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli

a)

is-servizz pubbliku tal-ipparkjar (parking) skont il-liġi dwar il-közúti közlekedésről slózó 1988. évi. I. törvény (il-Liġi Nru I tal-1988 dwar it-Traffiku fit-Triq, iktar ’il quddiem il-‘Liġi dwar it-Traffiku fit-Triq’);

b)

il-provvista tan-netwerk tat-toroq għall-iskopijiet ta’ vjaġġar bil-korrispettiv ta’ tariffa għall-użu jew ta’ pedaġġ;

c)

is-servizz ta’ trasport ta’ vjaġġaturi pprovdut minn fornitur li fil-parti l-kbira huwa kkontrollat mill-Istat jew minn amministrazzjoni lokali, fil-forma ta’ servizz pubbliku,

[…]

d)

kull servizz li ma jaqax taħt il-kategoriji elenkati fil-punti (a) sa (c) hawn fuq, ipprovdut minn organu li huwa fil-parti l-kbira kkontrollat mill-Istat jew minn amministrazzjoni lokali, fil-forma ta’ servizz pubbliku”.

12.

L-Artikolu 3 tal-istess liġi jipprevedi:

“1.   Il-fornitur huwa obbligat li jiggarantixxi l-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli – ħlief għas-servizz ikkontemplat fl-Artikolu 2(d) – permezz ta’ sistema ta’ ħlas mobbli.

2.   Il-fornitur jissodisfa l-obbligu li għandu taħt il-paragrafu 1

a)

100 % proprjetà tal-Istat, jew

b)

100 % proprjetà ta’ organu li min-naħa tiegħu huwa kkontrollat 100 % mill-Istat, billi juża s-sistema nazzjonali uniformi (iktar ’il quddiem is-‘sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli’) użata mill-organu nnominat mill-gvern (iktar ’il quddiem l-‘organu nazzjonali ta’ ħlas mobbli’).

3.   Jekk il-fornitur jikkummerċjalizza s-servizz imsemmi fl-Artikolu 2(d) permezz ta’ sistema ta’ ħlas mobbli, huwa jista jipproċedi b’dik il-kummerċjalizzazzjoni biss billi jirrikorri għas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli.

4.   It-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huwa servizz pubbliku li fuqu l-Ministru għall-Informatika u l-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli jikkonkludu bejniethom ftehim ta’ servizz pubbliku.

5.   It-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huwa attività ekonomika esklużiva tal-Istat, li l-organu nazzjonali ta’ ħlas mobbli jmexxi mingħajr ma jiġi konkluż kuntratt ta’ konċessjoni.

[…]”

2. Id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012

13.

L-Artikolu 8 tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2013, jipprevedi:

“1.   Ħlief jekk jiġi pprovdut mod ieħor, it-tariffa li għandu jħallas il-klijent bħala tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli tikkorrispondi għat-tariffa li l-klijent ikollu jħallas kieku jkun xtara s-servizz mingħajr ma juża s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli. Il-fornitur jista’ jinkoraġġixxi l-akkwist tal-provvista bħala prodott ta’ ħlas mobbli permezz ta’ tnaqqis fil-prezz.

2.   Barra mit-tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli skont il-paragrafu 1, il-klijent iħallas lill-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli tariffa għall-kumdità fl-ammont indikat iktar ’l isfel, għas-servizzi indikati:

a)

50 forint [Ungeriż (HUF) (madwar EUR 0.16)] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz pubbliku ta’ pparkjar (parking),

b)

50 [HUF] [(madwar EUR 0.16)] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt għall-użu kkontemplat fl-Artikolu 33/A tal-Liġi […] dwar it-Traffiku fit-Triq,

[…]

3.   L-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli jitlob it-tariffa għall-kumdità – jekk iseħħ l-akkwist tas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli – lill-klijent fl-istess żmien bħat-tariffa li tikkorrispondi għas-servizz li huwa s-suġġett ta’ kummerċjalizzazzjoni ċċentralizzata u mobbli.

[…]”

14.

L-Artikolu 24/A(1) tal-imsemmi digriet jipprevedi:

“Barra mit-tariffa għall-prodott ta’ ħlas mobbli skont l-Artikolu 8(1), min jagħmel bejgħ mill-ġdid għandu jħallas lill-organu nazzjonali għall-ħlas mobbli tariffa għall-kumdità fl-ammont indikat hawn isfel, għas-servizzi indikati:

a)

40 [HUF] [(madwar EUR 0.13)] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz pubbliku ta’ pparkjar (parking),

b)

0 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt ta’ użu tat-toroq skont l-Artikolu 33/A tal-Liġi […] dwar it-Traffiku fit-Toroq,

c)

0 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt ta’ użu tat-toroq skont il-Liġi dwar il-Pedaġġ;

d)

0 [HUF] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ biljett tat-trasport pubbliku,

e)

75 [HUF] [madwar EUR 0.24)] għal kull tranżazzjoni fil-kuntest tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 2(d) tal-[Liġi Nru CC tal-2011]”.

15.

L-Artikolu 31 tal-istess digriet jikkonċerna t-tariffa għall-bejgħ mill-ġdid. Il-paragrafu 1 tiegħu huwa fformulat kif ġej:

“It-tariffa għall-bejgħ mill-ġdid hija kkalkolata abbażi tal-ammont eskluża l-VAT tat-tariffa li għandu jħallas klijent skont l-Artikolu 8(1) u ffissata fir-rata ta’:

a)

10 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizz pubbliku ta’ pparkjar (parking),

b)

5 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt għall-użu ta’ toroq skont l-Artikolu 33/A tal-Liġi […] dwar it-Traffiku fit-Toroq,

c)

5 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ biljett tat-trasport,

d)

5 % fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni tad-dritt għall-użu ta’ toroq skont il-Liġi dwar il-Pedaġġ”.

II. Il-proċedura prekontenzjuża

16.

Wara li tressaq ilment, il-Kummissjoni fetħet, fl-14 ta’ Diċembru 2012, proċedura EU Pilot ( 6 ) fir-rigward tal-ħolqien tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli fl-Ungerija. F’dan il-kuntest, hija bagħtet lil dak l-Istat Membru talba għal informazzjoni.

17.

L-awtoritajiet Ungeriżi wieġbu għal din it-talba fit-22 ta’ Frar 2013.

18.

Wara li qieset din it-tweġiba bħala insuffiċjenti u wara li kkunsidrat li, bl-adozzjoni tal-Artikolu 3(2) sa (5) tal-Liġi Nru CC tal-2011, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva tas-“Servizzi” u l-Artikoli 49 u 56 TFUE, il-Kummissjoni, fil-21 ta’ Novembru 2013, bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lil dak l-Istat Membru.

19.

L-Ungerija wieġbet b’ittra tat-22 ta’ Jannar 2014. Essenzjalment, hija sostniet, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tas-“SIEĠ”, li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fid-definizzjoni tas-SIEĠ li l-Kummissjoni tista’ tikkontesta biss f’każ ta’ żball manifest. Is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tkun SIEĠ peress li hija għandha karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla mal-attivitajiet ekonomiċi ordinarji, li hija aċċessibbli għal kulħadd u li l-forzi tas-suq waħedhom ma kinux waslu sabiex jipprovdu dan is-servizz b’mod sodisfaċenti. Barra minn hekk, l-Ungerija allegat li, grazzi għal standardizzazzjoni li tippermetti l-uniformizzazzjoni, l-individwalizzazzjoni u l-interoperabbiltà, hija kienet tissodisfa r-rekwiżiti fil-qasam tas-sistemi ta’ ħlas mobbli, li ġew iddefiniti b’mod partikolari mill-Kummissjoni fil-Green Paper tagħha intitolat “Lejn suq Ewropew integrat għal pagamenti bil-kard, bl-internet u bil-mowbajl” ( 7 ). Barra minn hekk, l-Ungerija sostniet li kienet neħħiet is-servizzi offruti bil-pjattaforma mill-kompetizzjoni fl-interess ġenerali, u mhux għal raġunijiet ekonomiċi. Il-ħlas mobbli fil-post tal-parkeġġ huwa l-uniku mod ta’ ħlas li jippermetti kalkolu tat-tariffa li tikkorrispondi għat-tul effettiv ta’ pparkjar. L-Ungerija żiedet li l-fornituri privati li kienu joffru dak is-servizz minn qabel ma kienu sofrew ebda telf li l-imsemmi Stat Membru għandu jikkumpensa, sa fejn huma jistgħu joperaw, bħala bejjiegħa mill-ġdid, il-pjattaforma u l-infrastruttura implimentati. Barra minn hekk, huwa biss permezz ta’ pjattaforma ċentrali, nazzjonali u bbażata fuq dritt esklużiv li jkun possibbli li jiġi offrut servizz uniformi u ggarantit lill-klijenti. Fl-aħħar nett, skont l-Ungerija, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tiffunzjona bħala monopolju li tipprovdi servizzi li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tas-“Servizzi” skont l-Artikolu 1(3) tagħha.

20.

Fil-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata, li fiha hija żammet ferma l-pożizzjoni espressa fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. L-Ungerija wieġbet għall-opinjoni motivata b’ittra datata 19 ta’ Settembru 2014, billi tenniet, essenzjalment, l-osservazzjonijiet li hija kienet ressqet fl-ittra tagħha tat-22 ta’ Jannar 2014.

21.

Peress li qieset dawn ir-risposti insuffiċjenti, il-Kummissjoni, b’talba tal-5 ta’ April 2017, ippreżentat dan ir-rikors.

III. It-talbiet tal-partijiet

22.

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

prinċipalment, tikkonstata li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli introdotta u miżmuma fis-seħħ mill-Ungerija, irregolata mil-Liġi Nru CC tal-2011 u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li ħolqot monopolju billi tat drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. u tostakola d-dħul fis-suq bl-ingrossa tal-ħlasijiet mobbli, li qabel kien miftuħ għall-kompetizzjoni, tmur kontra l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tas-“Servizzi”;

sussidjarjament, tikkonstata li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli introdotta u miżmuma fis-seħħ mill-Ungerija, irregolata mil-Liġi Nru CC tal-2011 u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li ħolqot monopolju billi tat drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési u tostakola d-dħul fis-suq bl-ingrossa tal-ħlas mobbli, li qabel kien miftuħ għall-kompetizzjoni, tmur kontra l-Artikoli 49 u 56 TFUE;

tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

23.

L-Ungerija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

IV. Ir-rikors

A.   L-argumenti prinċipali tal-partijiet

1. Il-Kummissjoni

24.

Bħala introduzzjoni, il-Kummissjoni tesponi t-tibdil fir-rigward tas-servizz tal-ħlas mobbli li seħħ wara l-Liġi Nru CC tal-2011.

25.

Għaldaqstant, fl-ewwel lok, hija tippreċiża li, mill-1 ta’ Lulju 2014, Nemzeti Mobilfizetési – li hija kompletament proprjetà ta’ Magyar Fejlesztési Bank u, permezz ta’ dan, proprjetà tal-Istat Ungeriż – hija responsabbli mit-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, li l-użu tagħha huwa obbligatorju għall-parkeġġi pubbliċi, il-provvista ta’ netwerk ta’ toroq għal finijiet ta’ trasport, it-trasport ta’ persuni minn impriża Statali u s-servizzi l-oħra offruti minn organu Statali. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tippreċiża li, għalkemm il-ħlas mobbli huwa possibbli biss għall-ewwel żewġ oqsma, il-proċedura tirrigwarda dawn l-erba’ oqsma.

26.

Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tindika li, għal dak li jikkonċerna l-parkeġġi pubbliċi, qabel l-1 ta’ Lulju 2014, l-utent tal-parkeġġ seta’ jixtri direttament is-servizz mill-fornitur tal-ħlas mobbli jew mill-bejjiegħ mill-ġdid tiegħu, li mbagħad jgħaddi dan il-ħlas lill-operatur tal-parkeġġ li miegħu jkun ikkonkluda kuntratt. Minħabba d-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru CC tal-2011 u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, l-operaturi tal-parkeġġ huma obbligati jikkonkludu kuntratt ma’ Nemzeti Mobilfizetési, li tbiegħ is-servizzi tal-parkeġġ mobbli kemm direttament lill-utenti finali, jew permezz tal-bejjiegħa mill-ġdid, bil-korrispettiv tat-tariffi stabbiliti f’dak id-digriet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tirrileva li l-fornituri ta’ ħlas mobbli attivi kellhom ibiddlu s-sistemi tagħhom sabiex isiru bejjiegħa mill-ġdid ta’ Nemzeti Mobilfizetési. Fir-rigward tal-provvista tan-netwerk ta’ toroq għall-finijiet ta’ trasport, il-Kummissjoni tirrileva li, fl-Ungerija, ċerti rotot jistgħu jintużaw biss jekk l-utent ikun ħallas tariffa għall-użu jew permezz tas-sistema HU-GO, jew fil-forma ta’ tikketta ta’ pedaġġ elettroniku, imsejħa “e-matrica”, u li, b’effett mill-1 ta’ Lulju 2014, it-tariffa għall-użu setgħat tinxtara biss minn Nemzeti Mobilfizetési jew mingħand l-imsieħba bejjiegħa mill-ġdid tagħha.

27.

Minn dan jirriżulta, skont il-Kummissjoni, li l-Liġi Nru CC tal-2011 ħolqot monopolju nazzjonali għas-servizzi ta’ ħlas mobbli, sa fejn Nemzeti Mobilfizetési tgawdi dritt esklużiv sabiex tikkonkludi kuntratti mal-operaturi ta’ parkeġġi kif ukoll sabiex tbiegħ id-dritt għall-użu tat-triq.

28.

Fir-rigward tal-ilmenti mressqa insostenn tar-rikors, il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li d-Direttiva tas-“Servizzi” hija applikabbli u li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tmur kontra l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva. Sussidjarjament, fil-każ li s-servizzi inkwistjoni jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, il-Kummissjoni ssostni li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tikser ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 49 u 56 TFUE.

29.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-argument Ungeriż fejn jingħad li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija SIEĠ la ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tas-“Servizzi”, il-Kummissjoni tindika qabel kollox li l-Artikolu 1(2) u (3) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mal-premessa 8 tagħha, tillimita l-applikazzjoni tal-imsemmija direttiva għas-SIEĠ u għall-monopolji diġà eżistenti, mentri l-Liġi Nru CC tal-2011 kienet tat dritt esklużiv lil Nemzeti Mobilfizetési wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva tas-“Servizzi”.

30.

Sussegwentement, il-Kummissjoni tenfasizza li s-servizzi kkonċernati ma jistgħux ikunu kklassifikati bħala “SIEĠ”. Filwaqt li tirreferi għall-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Unjoni Ewropea għall-kumpens mogħti għall-fornitura ta’ [SIEĠ] ( 8 ), il-Kummissjoni tfakkar li attività diġà pprovduta jew li tista’ tiġi pprovduta b’mod sodisfaċenti minn impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’ċirkustanzi kummerċjali normali ma tistax tkun konvenjentement mogħnija b’obbligi ta’ servizz pubbliku speċifiċi. Issa, is-servizzi ta’ ħlas mobbli inkwistjoni ġew ipprovduti b’mod sodisfaċenti minn impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’ċirkustanzi kummerċjali normali. Barra minn hekk, skont il-Kummissjoni, is-servizzi inkwistjoni ma humiex essenzjali għaċ-ċittadini. F’dan ir-rigward, hija żżid madankollu li, anki jekk dawn is-servizzi kienu kklassifikati bħala “SIEĠ”, id-Direttiva tas-“Servizzi” hija applikabbli, kif jikkonfermaw id-diversi garanziji u eċċezzjonijiet previsti minn dik id-direttiva favur is-SIEĠ.

31.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-applikabbiltà tar-regoli tat-Trattat FUE, il-Kummissjoni tirrileva li s-servizzi inkwistjoni jiġu pprovduti kontra korrispettiv u li l-attività li għaliha jirreferu kienet preċedentement eżerċitata mill-Ungerija minn kumpanniji kummerċjali. Konsegwentement, din l-attività hija attività ekonomika suġġetta għar-regoli ta’ dan it-trattat.

32.

Fir-rigward tan-natura restrittiva tal-leġiżlazzjoni Ungeriża dwar is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, il-Kummissjoni ssostni li l-Liġi Nru CC tal-2011, u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 għandhom effett restrittiv, sa fejn it-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli sar monopolju Statali u fejn il-fornituri ta’ ħlas mobbli u tat-telefonija mobbli ma għadhomx jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom ħlief bħala bejjiegħa mill-ġdid. Skont il-Kummissjoni, dawn id-dispożizzjonijiet jostakolaw l-aċċess għas-suq tal-ħlas mobbli bl-ingrossa, indipendentement mill-modalitajiet tal-provvista tas-servizzi.

33.

Konsegwentement, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni, għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment, li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tikkostitwixxi rekwiżit fis-sens tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva tas-“Servizzi” u restrizzjoni għall-Artikolu 49 TFUE, peress li d-drittijiet esklużivi mogħtija lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. jostakolaw id-dħul tal-impriżi, Ungeriżi u barranin, fis-suq tal-ħlas mobbli bl-ingrossa, li altrimenti kien miftuħ għall-kompetizzjoni.

34.

Min-naħa l-oħra, hija tqis, għal dak li tikkonċerna l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tmur kontra l-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-“Servizzi” u l-Artikolu 56 TFUE, peress li d-drittijiet esklużivi mogħtija lil Nemzeti Mobilfizetési jirrestrinġu l-provvista ta’ servizzi transkonfinali.

35.

Fir-rigward tal-ġustifikazzjonijiet imressqa mill-Ungerija, u b’mod partikolari tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tad-destinatarji tas-servizzi, tal-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali u tal-ġlieda kontra l-frodi, il-Kummissjoni ma tikkontestax li dawn jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Artikolu 4(8) tad-Direttiva tas-“Servizzi”. Madankollu, dawn ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ma jistgħux ikunu kapaċi li jiġġustifikaw ir-restrizzjonijiet introdotti mil-Liġi Nru CC tal-2011 u mid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 peress li la huma neċessarji u lanqas proporzjonati.

36.

Għaldaqstant, minn naħa, il-Kummissjoni ssostni li n-natura insodisfaċenti tal-funzjonament preċedenti tas-suq, fil-qasam tal-parkeġġi pubbliċi u tal-provvista ta’ netwerk ta’ toroq għall-finijiet ta’ trasport, ma ġietx ippruvata, b’mod li l-intervent tal-Istat Ungeriż ma jistax jitqies bħala neċessarju. F’dan ir-rigward, filwaqt li tammetti li l-istandardizzazzjoni tista’ tippreżenta ċerta vantaġġi għall-estensjoni tas-servizzi ta’ ħlas mobbli, il-Kummissjoni ssostni li l-ħolqien ta’ monopolju tal-Istat ma kienx l-uniku u lanqas l-aħjar mod li bih jintlaħaq dan l-għan.

37.

Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tenfasizza li kien hemm miżuri inqas restrittivi li kienu adattati sabiex isolvu d-diffikultajiet dwar il-funzjonament tas-suq invokati mill-Ungerija, b’mod li l-intervent fis-suq kien sproporzjonat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà setgħu jintlaħqu permezz ta’ leġiżlazzjoni, filwaqt li tiġi ppreżervata l-istruttura eżistenti tas-suq u li ma kienx neċessarju li jingħataw drittijiet esklużivi lill-organu l-ġdid li jappartjeni lill-Istat. Hija żżid li kellu jkun possibbli li jinħoloq monopolju temporanju jew tiġi implimentata sistema ta’ konċessjonijiet għat-tħaddim tal-pjattaforma tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli.

38.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li l-Ungerija twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tikkunsidra li s-servizz inkwistjoni huwa SIEĠ. Fil-fatt, id-definizzjoni tas-SIEĠ u d-drittijiet speċifiċi relatati miegħu ma jistgħux imorru lil hinn milli jiġi sodisfatt il-bżonn tas-soċjetà li jiġu rrimedjati l-insuffiċjenzi konkreti li jirriżultaw mill-funzjonament normali tas-suq. Issa, il-kompitu mogħti lil Nemzeti Mobilfizetési ma tistax tiġi kklassifikata bħala “missjoni partikolari” li l-impriżi preżenti fis-suq ma assumewx peress li, qabel l-introduzzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, kienet diġà teżisti sistema li tkopri l-parti l-kbira tal-pajjiż u li din kienet ċertament tkompli tiżviluppa.

39.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li l-effett restrittiv u n-natura sproporzjonata tal-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida ta’ ħlas mobbli jidhru fil-fatt li l-operaturi ta’ qabel ma ġewx ikkumpensati u, b’mod partikolari, mid-daqs tan-natura irrekuperabbli tal-investimenti magħmula fil-pjattaforma u t-terminazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali preċedenti, b’mod partikolari mal-operaturi tal-parkeġġi.

2. L-Ungerija

40.

Preliminarjament, l-Ungerija tenfasizza li l-politika ta’ kompetizzjoni sservi sabiex timmassimizza l-benesseri tal-konsumaturi u li l-introduzzjoni kif ukoll iż-żamma tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli żżid il-benesseri ta’ dawn tal-aħħar peress li s-servizz pubbliku tal-ipparkjar ikun jiswa’ inqas u aċċessibbli fit-territorju nazzjonali kollu. Hija tirrileva, insegwitu, li l-kompetizzjoni marret mis-suq bl-ingrossa għas-suq bl-imnut, fejn hija intensifikat kunsiderevolment. Fl-aħħar nett, l-Ungerija tindika li l-istruttura tas-suq kif kienet qabel l-1 ta’ Lulju 2014 ma tippermettix l-iżvilupp tal-kompetizzjoni, peress li EME, l-ikbar operatur dak iż-żmien, kien f’sitwazzjoni ta’ monopolju. Issa, l-interess ta’ dan l-operatur fis-suq upstream kien li jidħol f’kuntatt biss mal-komunitajiet lokali vijabbli għalih. Fir-rigward tas-suq downstream, l-Ungerija ssostni li, minħabba l-istruttura ta’ integrazzjoni vertikali ta’ EME Zrt., dan l-operatur ma kellux interess fl-iżvilupp tan-netwerk ta’ bejjiegħa mill-ġdid, peress li dawn tal-aħħar setgħu jikkompetulu.

41.

L-Ungerija ssostni li la d-Direttiva tas-“Servizzi” u lanqas l-Artikoli 49 u 56 TFUE ma japplikaw f’dan il-każ.

42.

L-ewwel nett, l-Ungerija, wara li fakkret li, skont l-Artikolu 106(2) TFUE, l-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 26) dwar is-servizzi ta’ interess ġenerali ( 9 ), anness mat-trattati, u l-Artikoli 1(3) tad-Direttiva tas-“Servizzi”, id-definizzjoni tal-attivitajiet li jistgħu jiġu kklassifikati bħala “SIEĠ” taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, issostni li t-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huwa SIEĠ. F’dan ir-rigward, l-Ungerija tindika li, skont il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Qafas tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ kumpens ta’; servizz pubbliku” ( 10 ), il-klassifikazzjoni ta’ “SIEĠ” hija suġġetta għall-osservanza ta’ diversi kundizzjonijiet, jiġifieri li s-servizz għandu jinvolvi karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma’ attivitajiet ekonomiċi oħra u jkun aċċessibbli għal kulħadd, u li l-forzi tas-suq biss ma jwasslux għal provvista sodisfaċenti ta’ dawn is-servizzi.

43.

Il-Kummissjoni ma kkontestatx li t-tieni kundizzjoni hija ssodisfatta. Fir-rigward tal-ewwel kundizzjoni, is-servizzi ta’ ħlas mobbli huma marbutin mal-użu ta’ servizzi pubbliċi li għalihom huwa l-Istat Membru li għandu l-obbligu li jiżgura li l-utenti jkunu jistgħu jaċċedu għalihom b’mod uniformi, komdu, immedjat u affordabbli, indipendentement mill-post tal-użu. Is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli ġiet għaldaqstant maħluqa għal raġunijiet ta’ interess ġenerali u mhux minħabba kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u li ma tikkostitwixxix servizz “ta’ kumdità”, imma, min-naħa l-oħra, l-unika għażla li tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-utenti, sa fejn dan il-mod ta’ ħlas jippermetti l-kalkolu tal-ammont tat-tariffa li jikkorrispondi mat-tul effettiv ta’ pparkjar.

44.

Fl-aħħar nett, l-Ungerija ssostni li s-sistema preċedenti ma tippermettix funzjonament sodisfaċenti tas-suq, b’mod li t-tielet kundizzjoni tkun issodisfatta. Għaldaqstant, peress li l-operaturi preżenti fis-suq ma jistgħux jimplimentaw pjattaforma ta’ ħlas mobbli u ma għandhomx interess li jagħmlu dan, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija intiża li timla l-lakuni tal-funzjonament preċedenti tas-suq permezz tal-implimentazzjoni ta’ kopertura fuq it-territorju nazzjonali kollu u l-ġestjoni ta’ pjattaforma teknika mill-Istat Ungeriż bl-aħjar mod mill-aspett ta’ spejjeż u b’mod mill-iktar uniformi possibbli.

45.

It-tieni nett, l-Ungerija ssostni li d-Direttiva tas-“Servizzi” ma tapplikax għal dan il-każ peress li hija limitata sabiex tipprovdi li hija ma tobbligax lill-Istati Membri jilliberalizzaw is-SIEĠ. Barra minn hekk, din id-direttiva ma tobbligax lill-Istati Membri sabiex jilliberalizzaw is-SIEĠ “eżistenti” u l-Artikolu 1(3) tagħha ma jinvolvix it-tneħħija tal-monopolji ta’ servizzi.

46.

L-Ungerija żżomm, għaldaqstant, il-pożizzjoni tagħha li, skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tas-“Servizzi”, is-servizzi inkwistjoni ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.

47.

Madankollu, jekk wieħed jippreżumi li d-Direttiva tas-“Servizzi” hija applikabbli, l-Ungerija ssostni li peress li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija SIEĠ, skont l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 15(2)(d) tal-imsemmija direttiva, peress li l-applikazzjoni tiegħu tostakola t-twettiq tal-kompitu li ngħata lil din is-sistema nazzjonali.

48.

It-tielet nett, fir-rigward tal-ksur tal-Artikoli 49 u 56 TFUE, l-Ungerija ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma japplikawx għas-servizzi inkwistjoni, peress li, min-naħa, l-Artikolu 106(2) TFUE jipprekludi li d-dispożizzjonijiet tat-trattat, kemm jekk huma regoli ta’ kompetizzjoni jew regoli li jirrigwardaw is-suq intern, ikunu applikabbli għas-SIEĠ jekk dawn jostakolaw it-twettiq, fid-dritt u fil-fatt, tal-kompitu partikolari li ngħata lill-impriżi kkonċernati u, min-naħa l-oħra, peress li s-sistema ta’ ħlas mobbli hija monopolju tal-Istat, din tal-aħħar għandha titqies fid-dawl tal-Artikolu 37 TFUE u mhux fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan it-trattat.

49.

Madankollu, anki jekk wieħed jippreżumi li l-Artikoli 49 u 56 TFUE japplikaw għas-servizzi inkwistjoni, l-Ungerija ssostni li dawn id-dispożizzjonijiet ma nkisrux.

50.

Qabel xejn, l-Ungerija ssostni li r-regoli li jirrigwardaw is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli ma humiex diskriminatorji, peress li l-Liġi Nru CC tal-2011 u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 japplikaw għall-fornituri kollha li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

51.

Imbagħad, l-Ungerija tenfasizza li r-raġunijiet li hija ressqet bħala ġustifikazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, b’mod partikolari l-protezzjoni tal-konsumaturi u l-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali jew il-ġlieda kontra l-frodi, huma kkunsidrati mill-Qorti tal-Ġustizzja bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

52.

FL-aħħar nett, l-implimentazzjoni u ż-żamma tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli huma neċessarji u proporzjonati. Għaldaqstant, l-Ungerija ssostni li, qabel dawn ir-riformi, is-suq ma kienx jiffunzjona b’mod sodisfaċenti minħabba li ma kienx ikopri t-territorju nazzjonali kollu, minħabba l-assenza ta’ interoperabbiltà u l-assenza ta’ tħaddim fil-forma ta’ pjattaforma. Skont l-Ungerija, fis-sistema preċedenti, EME ma kellhiex interess tiżviluppa s-suq tal-bejgħ mill-ġdid, minħabba l-istruttura ta’ integrazzjoni vertikali tagħha, jew li twessa’ ċ-ċirku tal-kuntratti magħmula mal-awtoritajiet lokali. Min-naħa l-oħra, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tiggarantixxi kopertura u interoperabbiltà totali, tistimula l-kompetizzjoni u tippermetti provvista ta’ servizzi sodisfaċenti minħabba l-funzjonament tagħha fil-forma ta’ pjattaforma miftuħa, aċċessibbli għall-fornituri ta’ ħlas mobbli permezz ta’ interface uniformi u standardizzat. B’mod partikolari, l-Ungerija tindika li, illum il-ġurnata, l-utent jista’ jagħżel liberament fost il-fornituri kollha tal-ħlas mobbli tal-ipparkjar dak li jagħti l-iktar offerta vantaġġjuża għalih u jibbenefika minn ipparkjar mobbli fit-territorju nazzjonali kollu, billi jinqeda bil-fornitur abitwali tiegħu. Barra minn hekk, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tiggarantixxi, skont l-Ungerija, kopertura tas-servizzi totali għall-fornituri ta’ ħlas mobbli kif ukoll għall-komunitajiet lokali. Fl-aħħar nett, din is-sistema tippermetti li jitneħħew l-ostakli għad-dħul tal-operaturi kollha, li jitnaqqsu l-ispejjeż tal-back-office u tal-iżvilupp tagħhom.

53.

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li s-sistemi fframmentati, ta’ qabel l-implimentazzjoni tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, setgħu jiġu integrati permezz ta’ obbligi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni, tal-kooperazzjoni jew tal-kompetizzjoni fis-suq, l-Ungerija tindika li dan l-argument ma huwa kkorroborat b’ebda eżempju konkret. Barra minn hekk, peress li s-servizz inkwistjoni jaqa’ fil-komunitajiet lokali, kien ikun meħtieġ li jintużaw il-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi. Minħabba dan il-fatt, is-sistema ta’ ħlas mobbli tal-parkeġġi kienet tiġi implimentata biss f’postijiet fejn il-fornitur seta’ jistenna dħul kbir, u għaldaqstant ma kienx ikun hemm kopertura tat-territorju nazzjonali kollu u kien ikun hemm fornituri differenti li jieħdu l-kuntratt mingħand komunitajiet lokali differenti, ħaġa li kienet tinvolvi assenza totali ta’ interoperabbiltà.

54.

Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni dwar il-possibbiltà li l-integrazzjoni tiġi implimentata permezz tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi u permezz ta’ aċċess obbligatorju għas-sistema eżistenti ta’ EME, l-Ungerija tqis li din ma hijiex reali peress li l-aċċess obbligatorju kien ikun possibbli kieku din il-kumpannija kienet tiffunzjona bħala pjattaforma.

B.   L-evalwazzjoni tiegħi

1. Fuq il-klassifikazzjoni ta’ “SIEĠ”

55.

Sabiex tiġi ffaċilitata l-analiżi tal-ilmenti mressqa mill-Kummissjoni, jidhirli li huwa neċessarju li jiġi stabbilit minn qabel jekk is-servizzi ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jikkostitwixxu SIEĠ jew le.

56.

Fil-fatt, għalkemm il-fatt li servizz jiġi kklassifikat bħala “SIEĠ” ma jostakolax l-applikabbiltà tad-Direttiva tas-“Servizzi” peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li attività ta’ servizz, anki jekk ikklassifikata bħala “SIEĠ”, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva ( 11 ), il-klassifikazzjoni bħala “SIEĠ” hija fundamentali, peress li, f’każ fejn is-servizzi inkwistjoni huma kklassifikati bħala “SIEĠ”, ċerti derogi partikolari previsti mid-Direttiva tas-“Servizzi” għandhom ikunu applikati. Għaldaqstant, għal dak li jikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment, l-Artikolu 15(4) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-paragrafi 1, 2 u 3 ta’ din id-dispożizzjoni japplikaw biss dment li l-applikazzjoni tagħhom ma xxekkilx it-twettieq, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari li għandu s-SIEĠ. Fir-rigward tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-Artikolu 17(1) tal-imsemmija direttiva tipprevedi li l-Artikolu 16 tagħha ma japplikax għas-SIEĠ li jiġu pprovduti fi Stat Membru ieħor.

57.

Għal dan il-għan, għal dak li jikkonċerna l-kriterji li fid-dawl tagħhom għandu jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta’ ħlas mobbli inkwistjoni jikkostitwixxu SIEĠ jew le, jidhirli li f’dan il-każ għandhom jiġu applikati l-kriterji stabbiliti mill-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, anki meta l-klassifikazzjoni ta’ “SIEĠ” ssir mill-angolu tal-libertà ta’ moviment u, b’mod partikolari, tad-Direttiva tas-“Servizzi” ( 12 ).

58.

Għalkemm, fil-kuntest ta’ din id-direttiva, il-ġurisprudenza għadha ma hijiex neċessarjament abbundanti, il-kriterji applikati ma humiex differenti minn dawk li għalihom tirreferi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ( 13 ).

59.

Barra minn hekk, l-użu ta’ kriterji differenti ma huwiex iġġustifikat.

60.

Fil-fatt, il-klassifikazzjoni ta’ “SIEĠ” ma tistax tiġi evalwata b’mod differenti skont jiġux applikati regoli fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, regoli fil-qasam tal-moviment liberu jew tad-Direttiva tas-“Servizzi”, peress li, finalment, il-kunċett ta’ “SIEĠ” huwa wieħed.

61.

Din l-analiżi hija kkorroborata wkoll mill-fatt li l-kliem użat fl-Artikolu 15(4) tad-Direttiva tas-“Servizzi”, u li skonthom l-paragrafi 1, 2 u 3 japplikaw biss għal-leġiżlazzjoni fil-qasam tas-SIEĠ biss dment li l-applikazzjoni ta’ dawn il-paragrafi ma xxekkilx il-prestazzjoni, fil-liġi jew fil-fatt, tal-kompitu partikolari allokat lilhom, huma preċiżament dawk tal-Artikolu 106(2) TFUE.

62.

Sabiex jiġi ddeterminat jekk, kif issostni l-Ungerija, is-servizzi inkwistjoni jistgħux jiġu kklassifikati bħala “SIEĠ”, għandu jitfakkar li l-Istati Membri għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jikkunsidraw bħala SIEĠ u li l-istħarriġ f’dan ir-rigward huwa limitat sabiex jiġi vverifikat li huma ma jwettqux żball manifest meta jikklassifikaw servizz bħala “SIEĠ” ( 14 ). Madankollu, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-kompitu tas-SIEĠ ikun jissodisfa ċerti kriterji minimi komuni għal kull kompitu ta’ dan it-tip u li juru li dawn il-kriterji huma ssodisfatti fil-każ preżenti ( 15 ).

63.

Fost dawn il-kriterji hemm l-eżistenza ta’ att tal-awtorità pubblika li tagħti lill-operaturi inkwistjoni kompitu ta’ SIEĠ u li jiddefinixxi b’mod ċar u trasparenti n-natura eżatta tal-obbligu ta’ servizz pubbliku mogħti kif ukoll in-natura universali u obbligatorju ta’ dan il-kompitu ( 16 ) u, b’mod partikolari, ir-rekwiżit li s-SIEĠ għandhom jiġu pprovduti fl-interess tas-soċjetà kollha kemm hi u għall-benefiċċju tal-utenti kollha ( 17 ).

64.

Huma wkoll l-Istati Membri li għandhom l-obbligu li jippreċiżaw ir-raġunijiet li għalihom jikkunsidraw li s-servizz inkwistjoni, minħabba n-natura speċifika tiegħu, għandu jiġi kklassifikat bħala “SIEĠ” u ssir distinzjoni bejnu u attivitajiet ekonomiċi oħra ( 18 ).

65.

Fl-aħħar nett, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Istati Membri jistgħu jagħtu lil operatur kompitu ta’ SIEĠ minħabba n-nuqqasijiet tas-suq. Madankollu, tali pass huwa limitat peress li, kif indikat ripetutament il-Kummissjoni, “ma jkunx xieraq li tinkludi obbligi speċifiċi ta’ servizz pubbliku ma’ attività li qed tiġi diġà pprovduta jew li tista’ tiġi pprovduta b’mod sodisfaċenti u taħt kundizzjonijiet, bħall-prezz, kriterji oġġettivi tal-kwalità, kontinwità u aċċess għas-servizz, konsistenti mal-interess pubbliku, kif definit mill-Istat, minn impriżi li joperaw skont il-kundizzjonijiet normali tas-suq” ( 19 ).

66.

F’dan il-każ, l-Ungerija ssostni li s-servizzi inkwistjoni jinvolvu karatteristiċi speċifiċi meta mqabbla ma’ attivitajiet ekonomiċi oħra. B’mod partikolari, l-Ungerija tindika li s-servizzi ta’ ħlas mobbli li huma s-suġġett ta’ din il-proċedura huma marbutin mal-użu ta’ servizzi pubbliċi li għalihom l-Istat għandu jiżgura l-aċċess b’mod uniformi, komdu, immedjat u affordabbli, indipendentement mill-post tal-użu. Hija żżid li l-forzi tas-suq biss ma kinux joffru provvista sodisfaċenti ta’ dawn is-servizzi u li s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli hija intiża li ttaffi l-insuffiċjenzi tal-funzjonament preċedenti tas-suq.

67.

Dan l-argument ma jikkonvinċinix.

68.

Fir-rigward tan-natura ta’ interess ġenerali tas-servizzi inkwistjoni, jidhirli li l-kunċett ta’ “SIEĠ” ma jistax ikun fiss u li huwa fundamentalment ibbażat fuq diversi parametri, bħalma huma l-bżonnijiet taċ-ċittadini, li huma speċifiċi għal kull Stat Membru, jew l-evoluzzjonijiet tekniċi u kummerċjali. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet għaldaqstant il-klassifikazzjoni ta’ “SIEĠ” għal servizzi daqstant differenti bħad-distribuzzjoni tal-ilma ( 20 ), tal-gass ( 21 ) u tal-elettriku ( 22 ), it-trasport bl-ambulanza ( 23 ), il-ġbir u d-distribuzzjoni tal-posta fit-territorju nazzjonali kollu ( 24 ) jew ukoll it-tmexxija tal-linji tal-ajru mhux vijabbli ( 25 ).

69.

Konsegwentement, meħud kont tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandhom l-Istati Membri fir-rigward tad-definizzjoni ta’ dak li huma jikkunsidraw bħala SIEĠ, is-sempliċi fatt li s-servizzi inkwistjoni jkunu servizzi marbutin mat-teknoloġiji l-ġodda ma jistax, fil-fehma tiegħi, jipprekludi li dawn ikunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “SIEĠ”. Ċertament, ma jistax jiġi miċħud li ċerti setturi, bħalma huma s-servizzi pprovduti minn qabel minn impriża li għandha dritt esklużiv, joqgħodu iktar faċilment għall-klassifikazzjoni bħala “SIEĠ”, dan ma jfissirx madankollu li, a contrario, ċerti servizzi ma jistgħux, minħabba n-natura stess tagħhom, jiġu kklassifikati bħala “SIEĠ”. Barra minn hekk, anki jekk is-suq tas-servizzi ta’ ħlas mobbli huwa marbut mill-qrib mat-teknoloġiji l-ġodda, xejn ma jippermetti li jingħad li dan ma huwiex intiż li jissodisfa bżonn tas-soċjetà u ma jikkostitwixxix interess pubbliku li l-Istat għandu jissalvagwardja peress li dawn il-bżonnijiet mhux biss huma diversi, imma fuq kollox evoluttivi.

70.

Madankollu, lil hinn min-natura tas-servizzi ta’ ħlas mobbli, jidhirli li dawn is-servizzi ma jistgħux ikunu kklassifikati bħala “SIEĠ” f’dan il-każ.

71.

Għaldaqstant, l-argument tal-Ungerija li s-servizzi ta’ ħlas mobbli inkwistjoni huma marbutin b’mod inseparabbli mas-servizz pubbliku ta’ parkeġġ jikkonferma, fil-fehma tiegħi, il-fatt li, fir-rigward tas-servizzi ta’ ħlas mobbli, wieħed ma jistax jiddetermina b’mod ċar jekk dawn jinvolvux huma stess dimensjoni ta’ interess ġenerali jew jekk huwiex biss indirettament, permezz tas-servizz pubbliku ta’ parkeġġ, li huma jaqgħu fil-kunċett ta’ “SIEĠ”. Fi kliem ieħor, ma huwiex biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li attività ta’ servizz tkun marbuta ma’ servizz pubbliku sabiex hija tkun tista’ tiġi kklassifikata bħala “SIEĠ”.

72.

Din l-analiżi ma hijiex imxejna mill-argumenti tal-Ungerija intiżi li juru li, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Kummissjoni, is-servizzi ta’ ħlas mobbli ma humiex servizzi ta’ kumdità. Għalkemm naqbel mal-Ungerija li l-fatt li l-leġiżlazzjoni Ungeriża tikklassifika hija stess l-provvista inkwistjoni bħala “provvista ta’ kumdità” ma jippermettix li jinstiltu konklużjonijiet fuq il-punt dwar jekk il-provvista korrispondenti hijiex SIEĠ jew le, jidhirli li, l-istess bħall-Kummissjoni, li din il-provvista ma hijiex indispensabbli għaċ-ċittadini, imma tirrappreżenta biss alternattiva għall-ħlas bi flus kontanti. F’dan ir-rigward, b’kuntrast ma’ dak li ssostni l-Ungerija, il-ħlas mobbli tat-tariffi għall-parkeġġ ma huwiex neċessarjament l-uniku mod ta’ ħlas li jippermetti l-kalkolu tal-ammont tat-tariffa korrispondenti għat-tul effettiv ta’ pparkjar. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li sistema ta’ ħlas ex ante, permezz ta’ meter, ma tippermettix li jiġi kkalkolat l-ammont tat-tariffa skont it-tul effettiv ta’ pparkjar, sistema ta’ ħlas ex post permezz ta’ sistema ta’ biljetti tippermetti tali kalkolu.

73.

Barra minn hekk, l-Ungerija ssostni li huwa minħabba raġunijiet ta’ interess ġenerali u mhux minħabba kunsiderazzjonijiet ekonomiċi li hija neħħiet is-servizzi pprovduti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi li kienu jirregolawhom sa dakinhar. F’dan ir-rigward, inqis li, fir-rigward tas-servizzi inkwistjoni, is-sistema l-ġdida ta’ ħlas mobbli u l-prerogattivi ta’ Nemzeti Mobilfizetési huma tali li joħolqu dubju fir-rigward tal-motivazzjoni tal-awtoritajiet Ungeriżi.

74.

Fil-fatt, min-naħa, għandu jiġi enfasizzat li l-kunċetti ta’ “drittijiet esklużivi” u ta’ “SIEĠ” ma jitħalltux, b’mod partikolari inkwantu l-għoti ta’ dritt speċjali jew esklużiv lil operatur jikkostitwixxi biss l-istrument li jippermetti lil dak l-operatur li jwettaq il-kompitu ta’ SIEĠ, l-għoti ta’ tali kompitu tista’ tikkostitwixxi wkoll obbligu impost fuq numru ta’ operaturi, jew saħansitra fuq l-operaturi kollha attivi fuq l-istess ( 26 ). Għaldaqstant, il-fatt li jingħata dritt esklużiv lil operatur ma jfissirx neċessarjament li dak l-operatur huwa responsabbli minn kompitu ta’ SIEĠ. Min-naħa l-oħra, is-sistema ġdida ta’ ħlas mobbli tinvolvi monopolizzazzjoni tas-suq bl-ingrossa, jiġifieri s-suq tas-servizzi pprovduti lil bejjiegħa mill-ġdid oħra li huma fornituri ta’ ħlas mobbli permezz ta’ kuntratti konklużi mal-fornituri ta’ servizzi ta’ parkeġġ jew ta’ servizzi pubbliċi oħra, favur entità kkontrollata mill-Istat filwaqt li tippermetti lil dik l-entità li tbiegħ is-servizzi ta’ parkeġġ mobbli kemm direttament lill-utenti finali, kif ukoll permezz tal-intermedjarji bejjiegħa mill-ġdid, kontra l-ħlas tat-tariffi stabbiliti fid-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012.

75.

Dan id-dubju huwa msaħħaħ bil-fatt li s-servizz ta’ ħlas mobbli kien, kif tammetti l-Ungerija, ipprovdut qabel mill-forzi tas-suq.

76.

Issa, infakkar li l-intervent tal-Istat huwa, fil-qasam tas-SIEĠ, normalment immotivat minħabba n-nuqqasijiet tas-suq u li, konsegwentement, is-servizz ma jistax ikun ikklassifikat bħala “SIEĠ” jekk l-attività tkun ipprovduta jew tista’ tkun ipprovduta b’mod sodisfaċenti minn impriżi li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom f’kundizzjonijiet kummerċjali normali.

77.

F’dan il-każ, huwa paċifiku li s-suq ma kienx qed ifalli fis-sens li s-servizz ta’ ħlas mobbli kien jeżisti. Madankollu, skont l-Ungerija l-funzjonament tas-suq ma kienx sodisfaċenti u s-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli kellha bħala għan l-implimentazzjoni ta’ kopertura fuq it-territorju nazzjonali kollu kif ukoll il-funzjonament tajjeb ta’ sistema uniformi u interoperabbli.

78.

Il-Kummissjoni ssostni, min-naħa l-oħra, li l-funzjonament preċedenti tas-suq kien sodisfaċenti, filwaqt li tirrikonoxxi li kellu xi insuffiċjenzi fir-rigward tal-assenza ta’ pjattaforma uniformi standardizzata u ta’ interoperabbiltà.

79.

F’dan ir-rigward, u f’dan il-kuntest, inqis li, għall-iskopijiet li tintwera l-eżistenza ta’ bżonn reali ta’ servizz pubbliku u n-neċessità ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, ma huwiex biżżejjed li l-Istat Membru jipprevalixxi ruħu minn funzjonament insodisfaċenti tas-suq, iżda li huwa għandu juri li s-servizz ma jistax ikun ipprovdut b’mod sodisfaċenti mis-suq.

80.

Issa, mingħajr il-bżonn li jiġi ddeterminat jekk, meħud kont tal-interess kummerċjali tagħhom stess, l-atturi li qabel kienu attivi fis-suq, u b’mod partikolari l-ex mexxejja tas-suq, EME, kinux jew le żguraw is-servizzi inkwistjoni taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk iddefiniti mill-Ungerija, jidhirli li dan l-Istat Membru ma weriex li dan is-servizz ma setax jiġi pprovdut b’mod sodisfaċenti mis-suq.

81.

Għaldaqstant, minn naħa, jidhirli li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ma huwiex eskluż li, l-istess bħall-evoluzzjoni fis-swieq l-oħra, l-iżvilupp tal-kompetizzjoni bejn il-pjattaformi jwassal sabiex ikun hemm servizzi uniformi standardizzati. Min-naħa l-oħra, naħseb li l-istandardizzazzjoni u l-interoperabbiltà setgħu wkoll ġew inkoraġġuti u implimentati b’intervent leġiżlattiv jew regolatorju tal-awtoritajiet Ungeriżi, filwaqt li tiġi ppreżervata l-istruttura tal-kompetizzjoni tas-suq u għaldaqstant mingħajr ma jingħataw drittijiet esklużivi lil operatur ikkontrollat mill-Istat. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jirrikonoxxi li l-għoti tad-drittijiet esklużivi lin-Nemzeti Mobilfizetési ippermetta l-interoperabbiltà u l-istandardizzazzjoni tas-suq, peress li qabel kull fornitur ta’ ħlas mobbli kien jużaw s-sistema tiegħu stess li ma kinitx konnessa mas-sistemi l-oħra, inqis li l-Ungerija setgħat waslet għall-istess riżultat billi tiffavorixxi, pereżempju, l-aċċess tal-kompetituri għas-sistemi rispettivi tagħhom.

82.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkunsidra li s-servizzi inkwistjoni ma jikkostitwixxux SIEĠ.

2. Fuq l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva tas-“Servizzi”

83.

Sabiex tingħata deċiżjoni dwar l-ilmenti mressqa b’mod prinċipali mill-Kummissjoni, jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi ddeterminat jekk is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tikkostitwixxix “rekwiżit” fis-sens tal-Artikolu 15(2)(d) u tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

84.

Infakkar li l-Liġi Nru CC tal-2011 u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 ħolqu monopolju nazzjonali tas-servizzi ta’ ħlas mobbli sa fejn in-Nemzeti Mobilfizetési tgawdi minn dritt esklużiv fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tas-servizzi ta’ ħlas mobbli.

85.

Minn dan jirriżulta, fil-fehma tiegħi, li, minn naħa, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tikkostitwixxi “rekwiżit” fis-sens tal-Artikolu 15(2)(d) tad-Direttiva tas-“Servizzi”, sa fejn id-drittijiet esklużivi mogħtija lin-Nemzeti Mobilfizetési għandhom bħala effett li jirriżervaw l-aċċess għall-attività tas-servizz ikkonċernat lil fornituri partikolari.

86.

Min-naħa l-oħra, is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tikkostitwixxi rekwiżit fis-sens tal-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva sa fejn id-drittijiet esklużivi u t-tħaddim tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli fil-forma ta’ monopolju Statali jaffettwaw neċessarjament l-aċċess għas-suq bl-ingrossa ta’ ħlas mobbli u l-fornitura ta’ servizzi transkonfinali.

87.

Madankollu, tali rekwiżiti ma jmorrux neċessarjament kontra l-Artikolu 15 u 16 tad-Direttiva tas-“Servizzi”.

88.

Fir-rigward tal-Artikolu 15(2)(d) u (3) ta’ din id-direttiva, minnhom jirriżulta li, meta r-regoli ġuridiċi nazzjonali jirriżervaw l-aċċess għall-attività tas-servizz ikkonċernat lil fornituri partikolari minħabba n-natura speċifika tal-attività, din ir-restrizzjoni għandha tkun mhux diskriminatorja, neċessarja u proporzjonata. Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat li l-leġiżlazzjoni Ungeriża hija ġġustifikata minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li huma adattati li jiggarantixxu t-twettiq tal-għan ta’ interess ġenerali li hija tfittex u ma teċċedix dak li huwa neċessarju biex tilħqu.

89.

Fir-rigward tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva, dan jipprojbixxi wkoll lill-Istati Membri milli jissuġġettaw l-aċċess għal attività ta’ servizz jew l-eżerċizzju tiegħu fit-territorju għal rekwiżiti diskriminatorji, mhux neċessarji, jiġifieri mhux iġġustifikati minħabba raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika, ta’ saħħa pubblika jew ta’ protezzjoni tal-ambjent u mhux proporzjonati.

90.

Sabiex tiġġustifika r-rekwiżiti li twieldu mil-Liġi Nru CC tal-2011 u tad-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, l-Ungerija tinvoka l-protezzjoni tal-konsumaturi, il-lealtà tat-tranżazzjonijiet kummerċjali kif ukoll il-ġlieda kontra l-frodi u l-ekonomija s-sewda.

91.

Issa, għalkemm dawn il-motivi jistgħu jitqiesu bħala raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali fis-sens tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva tas-“Servizzi”, għandu jiġi kkonstatat madankollu li dawn il-motivi ma jinsabux fost dawk elenkati fl-Artikolu 16(1) ta’ din id-direttiva.

92.

F’dan ir-rigward, kif diġà sostnejt ( 27 ), inqis li l-Artikolu 16 tad-Direttiva tas-“Servizzi” dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi għamel armonizzazzjoni eżawrjenti fir-rigward tas-servizzi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu. Minn dan jirriżulta li l-eżami tal-konformità tal-leġiżlazzjoni Ungeriża mal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tas-“Servizzi” għandu jsir fid-dawl ta’ din id-direttiva u mhux fid-dawl tad-dritt primarju u li l-użu tal-motivi li ma jissemmewx fl-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, bħal ċerti raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li joħorġu mill-ġurisprudenza, ma hijiex possibbli.

93.

Madankollu, f’dan il-każ, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit jekk l-Ungerija tistax tinvoka l-motivi li jinsabu fost dawk li jirreferi għalihom l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tas-“Servizzi”.

94.

Fil-fatt, huwa biżżejjed, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkonstatat li, anki fid-dawl tal-imsemmija għanijiet, ir-rekwiżiti inkwistjoni ma jissodisfawx, fi kwalunkwe każ, il-kundizzjoni ta’ proporzjonalità imsemmija fl-Artikolu 15(3) u fl-Artikolu 16(1)(ċ) ta’ din id-direttiva.

95.

Għaldaqstant, miżuri inqas vinkolanti u inqas restrittivi fuq il-libertà ta’ stabbiliment u fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minn dawk li joħorġu mill-imsemmija rekwiżiti jippermettu, jekk wieħed jippreżumihom konformi mad-dritt tal-Unjoni, li jilħqu l-għanijiet invokati mill-Ungerija.

96.

Mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja u, b’mod partikolari, mill-osservazzjonijiet tal-Ungerija jirriżulta li, waqt il-fażi prekontenzjuża, hija indikat lill-Kummissjoni li, anki jekk hija kienet tal-fehma li l-funzjonament tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli la kien jikser id-Direttiva tas-“Servizzi” u lanqas it-Trattat FUE, hija kienet lesta tbiddel is-sistema b’mod li timplimenta sistema ta’ konċessjonijiet. Issa, huwa ċar li tali sistema ta’ konċessjonijiet għat-tħaddim ta’ pjattaforma tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli tippermetti l-funzjonament tajjeb ta’ din is-sistema, filwaqt li tibqa’ l-kompetizzjoni u taffettwa inqas il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta’ stabbiliment. Għaldaqstant, inqis li kienu jeżistu miżuri inqas restrittivi li jippermettu li jintlaħaq l-istess riżultat u li r-rekwiżiti introdotti mil-leġiżlazzjoni Ungeriża jeċċedu dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet invokati minn dan l-Istat Membru.

97.

Minn dan isegwi li hemm lok, fil-fehma tiegħi, li jiġi kkonstatat li, bl-introduzzjoni u ż-żamma fis-seħħ tas-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, irregolata bil-Liġi Nru CC tal-2011 u d-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012, li toħloq monopolju billi tagħti drittijiet esklużivi lil Nemzeti Mobilfizetési Zrt. u tostakola d-dħul fis-suq tal-ħlas mobbli bl-ingrossa, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skont l-Artikoli 15 u 16 tad-Direttiva tas-“Servizzi”.

98.

Peress li jien nipproponi li jintlaqgħu l-ilmenti prinċipali tal-Kummissjoni u bbażati fuq ksur tal-Artikoli 15 sa 16 tad-Direttiva tas-“Servizzi”, fil-fehma tiegħi ma hemmx lok li jiġu eżaminati l-ilmenti bbażati fuq ksur tal-Artikoli 49 u 56 TFUE li l-imsemmija istituzzjoni għamlet sussidjarjament.

V. Fuq l-ispejjeż

99.

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Kummissjoni talbet il-kundanna tal-Ungerija u din tilfet fil-motivi tagħha, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż.

VI. Konklużjoni

100.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1)

Bil-fatt li introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli, irregolata bl-a nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló 2011. évi CC. törvény (il-Liġi Nru CC tal-2011 dwar is-sistema nazzjonali ta’ ħlas mobbli) u bit-356/2012. (XII. 13.) Korm. rendelet a nemzeti mobil fizetési rendszerről szóló törvény végrehajtásáról (id-Digriet tal-Gvern Nru 356/2012 għall-eżekuzzjoni tal-Liġi Nru CC tal-2011), tat-13 ta’ Diċembru 2012, l-Ungerija naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skont l-Artikolu 15(2)(d) u l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern.

2)

L-Ungerija hija kkundannata għall-ispejjeż.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Magyar Közlöny 2011/164, iktar ’il quddiem il-“Liġi Nru CC tal-2011”.

( 3 ) Iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-Gvern Nru 356/2012”.

( 4 ) ĠU 2006, L 376, p. 36, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tas-‘Servizzi’”.

( 5 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali (ĠU 2005, L 255, p. 22).

( 6 ) Dossier EU Pilot Nru 4372/12/MARK.

( 7 ) KUMM(2011) 941 finali.

( 8 ) ĠU 2012, C 8, p. 4.

( 9 ) ĠU 2016, C 202, p. 307.

( 10 ) ĠU 2012, C 8, p. 15.

( 11 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 43).

( 12 ) F’dan ir-rigward, ninnota li kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Ungerija rreferew fuq dan il-punt għall-ġurisprudenza fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat kif ukoll għall-komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.

( 13 ) Il-kriterji applikati mill-Qorti tal-Ġustizzja b’mod partikolari fil-punti 41 u 42 tas-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843), huma klassiċi u jaqgħu taħt il-linja tal-ġurisprudenza preċedenti fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat.

( 14 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punti 166 sa 169).

( 15 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T‑289/03, EU:T:2008:29, punt 172), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:472, punt 61).

( 16 ) Ara s-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2015, Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punti 4142).

( 17 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawża Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:472, punt 62).

( 18 ) Ara s-sentenzi tal-10 ta’ Diċembru 1991, Merci convenzionali porto di Genova (C‑179/90, EU:C:1991:464, punt 27), u tat-18 ta’ Ġunju 1998, Corsica Ferries France (C‑266/96, EU:C:1998:306, punt 45).

( 19 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet (punt 48). Ara, ukoll, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata “Linji Gwida tal-UE għall-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-implimentazzjoni rapida tan-netwerks tal-broadband” (ĠU 2013, C 25, p. 1, punt 19).

( 20 ) Sentenza tat-8 ta’ Novembru 1983, IAZ International Belgium et vs Il-Kummissjoni (96/82 sa 102/82, 104/82, 105/82, 108/82 u 110/82, EU:C:1983:310).

( 21 ) Sentenza tat-23 ta’ Ottubru 1997, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑159/94, EU:C:1997:501).

( 22 ) Sentenza tas-27 ta’ April 1994, Almelo (C‑393/92, EU:C:1994:171).

( 23 ) Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2001, Ambulanz Glöckner (C‑475/99, EU:C:2001:577).

( 24 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 1993, Corbeau (C‑320/91, EU:C:1993:198).

( 25 ) Sentenza tal-11 ta’ April 1989, Saeed Flugreisen u Silver Line Reisebüro (66/86, EU:C:1989:140).

( 26 ) Ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2008, BUPA et vs Il-Kummissjoni (T-289/03, EU:T:2008:29, punt 179).

( 27 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Il-Kummissjoni vs L-Ungerija (C‑179/14, EU:C:2015:619, punti 69 sa 74).