KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SHARPSTON

ippreżentati fid-19 ta’ April 2018 ( 1 )

Kawża C‑123/17

Nefiye Yön

vs

Landeshauptstadt Stuttgart

fil-preżenza ta’:

Vertreter des Bundesinteresses beim Bundesverwaltungsgericht

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja))

“Talba għal deċiżjoni preliminari — Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija — Deċiżjoni Nru 2/76 — Artikolu 7 — Klawżola ta’ standstill — Restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg — Riunifikazzjoni tal-familja — Protokoll Addizzjonali — Artikolu 59 — Ġustifikazzjoni — Raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali”

1. 

Rekwiżiti iktar restrittivi dwar l-immigrazzjoni introdotti mill-Ġermanja f’Ottubru 1980, għal ċittadini Torok, li jimpedixxu r-riunifikazzjoni tal-familja bejn ħaddiem Tork li ilu residenti f’dak l-Istat Membru u l-konjuġi Torka tiegħu huma preklużi bl-arranġamenti bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija? Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) tistaqsi dwar il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis u ratione materiae tal-klawżola ta’ standstill tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 ( 2 ) li timplimenta l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ta’ Assoċjazzjoni”) ( 3 ), dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Din tagħti l-opportunità lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża l-kamp tal-applikazzjoni ratione temporis ta’ żewġ deċiżjonijiet suċċessivi tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija ( 4 ) — id-Deċiżjoni Nru 2/76 u d-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 5 ) — u biex tispjega iktar kif dawn id-deċiżjonijiet għandhom jiġu interpretati.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali

2.

Il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ġie ffirmat fl-1963. Skont l-Artikolu 2(1) tiegħu l-għan tal-Assoċjazzjoni huwa li jiġi promoss it-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tal-kummerċ u r-relazzjonijiet ekonomiċi bejn il-Partijiet Kontraenti. L-Assoċjazzjoni kellha tinkludi stadju preparatorju, stadju tranżitorju u stadju finali ( 6 ). Matul il-fażi preparatorja, it-Turkija kellha ssaħħaħ l-ekonomija tagħha sabiex tkun tista’ tassumi l-obbligi tagħha matul iż-żewġ fażijiet l-oħrajn ( 7 ). Il-fażi tranżitorja kellha bħala għan li titwaqqaf progressivament unjoni doganali bejn il-partijiet u sabiex il-politika ekonomika tagħhom tiġi allinjata ( 8 ). L-istadju finali, ibbażat fuq unjoni doganali, kellu jinvolvi koordinazzjoni iktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi tat-Turkija u l-Unjoni Ewropea ( 9 ).

3.

L-Artikolu 9 jipprovdi li fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dispożizzjonijiet speċjali skont l-Artikolu 8, kull tip ta’ diskriminazzjoni fuq bażi ta’ ċittadinanza hija pprojbita skont il-prinċipju stabbilit f’dak li issa huwa l-Artikolu 18 TFUE.

4.

Il-Kapitolu 3 għandu t-titolu “Dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra”. F’dak il-Kapitolu, l-Artikolu 12 jipprovdi li “l-Partijiet Kontraenti jaqblu li ser ikunu ggwidati [mill-Artikoli 45, 46 u 47 TFUE] sabiex bejniethom jintlaħaq progressivament il-moviment liberu tal-ħaddiema”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.

Fl-1970 il-KEE u t-Turkija ffirmaw il-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, li jimmarka l-mogħdija mill-istadju preparatorju għall-istadju tranżitorju ( 10 ).

6.

L-Artikolu 36 jipprovdi li l-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u t-Turkija għandu jiġi żgurat b’fażijiet progressivi skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Huwa jagħti s-setgħa lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni maħluq taħt dak il-ftehim biex jiddeċiedi dwar ir-regoli meħtieġa għal dan l-għan.

7.

L-Artikolu 41(1) introduċa klawżola ta’ standstill li tipprojbixxi lill-Partijiet Kontraenti fil-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni milli jintroduċu bejniethom “xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi”.

8.

L-Artikolu 59 jipprovdi li “[f]l-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi il-Komunità”.

9.

Bis-saħħa tal-Artikolu 62, il-Protokoll Addizzjonali u l-Annessi tiegħu jifformaw parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

Id-Deċiżjoni Nru 2/76

10.

Id-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilixxiet numru ta’ miżuri intiżi sabiex jippromwovu l-moviment liberu tal-ħaddiema. Speċifikament, stabbilixxiet “r-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali” għall-ewwel stadju li “għandu jdum erba’ snin, minn Diċembru 1976” ( 11 ) [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, id-dispożizzjonijiet tiegħu kellhom jibqgħu japplikaw sal-bidu tal-istadju sussegwenti ( 12 ).

11.

L-Artikolu 7 jipprovdi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għall-ħaddiema legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.

L-Artikolu 9 jippermetti derogi mid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

13.

Id-Deċiżjoni Nru 2/76 daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 1976 ( 13 ).

Id-Deċiżjoni Nru 1/80

14.

Id-Deċiżjoni Nru 1/80 ġiet adottata wkoll mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex jippromwovi l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema. It-tielet premessa tgħid li, fil-qasam soċjali, huwa “neċessarju li jittejjeb it-trattament mogħti [lill-] ħaddiema u lill-membri tal-familji tagħhom fir-rigward tal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 2/76” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

15.

L-Artikolu 13 jipprovdi:

“L-Istati Membri tal-Komunità u t-Turkija ma jistgħux jintroduċu restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għall-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati fit-territorji rispettivi tagħhom” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16.

L-Artikolu 14(1) jippermetti li ssir deroga mid-dispożizzjonijiet tad-deċiżjoni għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

17.

L-Artikolu 16 jipprevedi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jeżamina r-riżultati tal-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet “bil-għan li jippreparaw soluzzjonijiet li jistgħu japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 1983” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madanakollu, dawn il-miżuri l-oħra ma ġewx adottati ( 14 ).

18.

Id-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Deċiżjoni Nru 1/80 applikaw mill-1 ta’ Diċembru 1980 ( 15 ).

Id-dritt Ġermaniż

19.

Fl-1 ta’ Lulju 1980, l-Artikolu 1 tal-Elfte Verordnung zur Änderung der Verordnung zur Durchführung des Ausländergesetzes (il-Ħdax-il Regolament li emenda r-Regolament li jimplimenta l-Liġi dwar il-Barranin) introduċa rekwiżit ġenerali ta’ viża għaċ-ċittadini Torok b’effett mill-5 ta’ Ottubru 1980. Qabel dik l-emenda, iċ-ċittadini Torok kienu obbligati li jkollhom permess ta’ residenza taħt il-forma ta’ viża biss għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali fil-Ġermanja ( 16 ).

20.

Skont l-Artikolu 4 tal-Aufenthaltsgesetz (il-Liġi dwar ir-Residenza), fin-nuqqas ta’ kwalunkwe dispożizzjoni kuntrarja fid-dritt tal-Unjoni jew ta’ strument statutorju u ħlief meta jkun jeżisti dritt ta’ residenza bis-saħħa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi għandu jkollhom permess ta’ residenza sabiex jidħlu u jirrisjedu fil-Ġermanja.

21.

L-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar ir-Residenza jipprovdi li permess ta’ residenza għal żmien limitat jista’ jingħata biss meta ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ikun daħal fil-Ġermanja bil-viża meħtieġa u fl-applikazzjoni tiegħu għal dik il-viża jkun diġà pprovda l-informazzjoni meħtieġa biex jinħareġ dak il-permess ta’ residenza. Dawk ir-rekwiżiti jistgħu jitneħħew jekk ir-rekwiżiti sostantivi għal permess ta’ residenza jkunu ssodisfatti jew jekk, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun irraġonevoli li terġa’ tinbeda l-proċedura għall-ħruġ ta’ viża. L-Artikolu 6(3) jipprovdi li, għal soġġorni ta’ tul ta’ żmien itwal, tenħtieġ viża nazzjonali mogħtija qabel ma ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jidħol fil-Ġermanja.

22.

L-Artikolu 30 tal-Liġi dwar ir-Residenza jirrigwarda r-riunifikazzjoni tal-konjuġi. Il-konjuġi ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jingħata permess ta’ residenza jekk il-persuna kkonċernata tista’ tikkomunika bil-Ġermaniż mill-inqas fil-livell bażiku ( 17 ). Permess ta’ residenza għal żmien limitat jingħata minkejja dak ir-rekwiżit jekk il-konjuġi ma jkunx jista’ jipprovdi evidenza ta’ għarfien bażiku tal-Ġermaniż minħabba mard fiżiku, mentali jew psikoloġiku; jew fejn fiċ-ċirkustanzi tal-każ partikolari ma huwiex possibbli jew raġonevoli li huwa jkun mistenni li jikseb għarfien bażiku tal-Ġermaniż qabel ma jidħol fil-Ġermanja ( 18 ).

Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

23.

Nefiye Yön hija ċittadina Torka. Żewġha, ukoll ta’ nazzjonalità Torka, ilu joqgħod il-Ġermanja mill-1995. Huwa ressaq talba inizjali għal ażil li ġiet miċħuda. Sussegwentement, huwa żżewweġ ċittadina Ġermaniża li mbagħad iddivorzjaha. Huwa mbagħad iżżewweġ lil N. Yön fl-2004. Huwa kellu permess ta’ residenza permanenti mill-inqas mill-2005 u ġie impjegat f’forn mill-2009. Il-koppja għandha tliet ulied adulti li jgħixu fl-Awstrija, fil-Ġermanja u fit-Turkija.

24.

N. Yön għamlet l-ewwel applikazzjoni lill-ambaxxata Ġermaniża f’Ankara għal viża biex tingħaqad mar-raġel tagħha għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja fl-2007. Hija għamlet żewġ applikazzjonijiet oħra fl-2011. It-tliet applikazzjonijiet ġew miċħuda fuq il-bażi li hija ma kellhiex għarfien biżżejjed tal-lingwa Ġermaniża. F’Marzu 2013, hija daħlet fil-Pajjiżi l-Baxxi b’viża ta’ Schengen Olandiża biex iżżur lil oħtha li kienet tgħix hemm. F’April 2013 hija vvjaġġat lejn il-Ġermanja biex tingħaqad mar-raġel tagħha. F’Mejju 2013 hija applikat fil-Ġermanja għal permess ta’ residenza temporanju għall-iskop tar-riunifikazzjoni tal-familja. Jingħad li għandha problemi tas-saħħa u hija illitterata; bħala riżultat, jingħad li hija dipendenti fuq l-appoġġ tar-raġel tagħha.

25.

Il-Landeshauptstadt Stuttgart (il-belt ta’ Stuttgart, il-kapitali tal-Land) ċaħdet l-applikazzjoni ta’ N. Yön f’Marzu 2014 għar-raġuni li hija ma kinitx uriet li setgħet tikkomunika bil-Ġermaniż f’livell bażiku u li kienet daħlet fil-Ġermanja mingħajr il-viża nazzjonali meħtieġa.

26.

Il-Verwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva) laqgħet ir-rikors ta’ M. Yön kontra dik id-deċiżjoni. Hija qieset li r-raġunijiet li għalihom l-applikazzjoni tagħha ġiet miċħuda kien imur kontra l-klawżoli ta’ standstill tad-Deċiżjonijiet 2/76 u 1/80.

27.

Il-Landeshauptstadt Stuttgart appellat minn din is-sentenza quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“qorti tar-rinviju”).

28.

Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li jekk ir-rekwiżit lingwistiku għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza għal żmien limitat stabbilit fl-Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza kellu jikkostitwixxi “restrizzjoni ġdida” f’termini tal-klawżoli ta’ standstill, jista’ madankollu jkun iġġustifikat fuq il-bażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Il-Liġi dwar ir-Residenza ġiet emendata sabiex tikkonforma mal-prinċipju ta’ proporzjonalità billi introduċiet il-possibbiltà li applikant jiġi eżentat mir-rekwiżit tal-lingwa. Madankollu, il-qorti tar-rinviju tispjega li r-rinviju ineżami ma jikkonċernax ir-rekwiżit lingwistiku, peress li dik il-kwistjoni għadha ma ġietx indirizzata mill-qrati nazzjonali, imma pjuttost ir-rekwiżit (taħt l-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar Residenza) biex wieħed jidħol fit-territorju nazzjonali bil-viża meħtieġa, li huwa prerekwiżit għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza.

29.

Il-qorti tar-rinviju mbagħad tosserva li r-rekwiżit tal-viża jista’ jiġi kkunsidrat li huwa “restrizzjoni ġdida” fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema Torok. F’dan l-isfond, il-qorti tar-rinviju qed tagħmel dawn id-domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.

Il-klawżola ta’ ‘standstill’ tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 1/80 issostitwiet għal kollox il-klawżola ta’ ‘standstill’ tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni Nru 2/76, jew il-legalità ta’ restrizzjonijiet ġodda għal-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema, introdotti bejn id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u d-data li fiha l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sar applikabbli, għandha tibqa’ tiġi evalwata skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76?

2.

Fil-każ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 ma ġiex issostitwit għal kollox: il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha wkoll tiġi trasposta għal kollox għall-applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, b’tali mod li l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 japplika bħala prinċipju wkoll għal regola nazzjonali, introdotta b’effett mill-5 ta’ Ottubru 1980, li tissuġġetta r-riunifikazzjoni ma’ konjuġi ħaddiem Tork għall-ħruġ ta’ viża nazzjonali?

3.

L-introduzzjoni ta’ tali regola nazzjonali hija ġġustifikata permezz ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari permezz tal-għan ta’ kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u tal-amministrazzjoni tal-flussi ta’ migrazzjoni, meta klawżola eċċessivament rigoruża tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi partikolari tal-każ inkwistjoni?”

30.

N. Yön ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub fil-qosor ħafna. Saru wkoll osservazzjonijiet bil-miktub iktar iddettaljati mil-Landeshauptstadt Stuttgart, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni Ewropea. Il-Landeshauptstadt Stuttgart, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni għamlu sottomissjonijiet orali fis-seduta tat-18 ta’ Jannar 2018.

Evalwazzjoni

Osservazzjonijiet ġenerali

L-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-implimentazzjoni gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema

31.

L-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa li jistabbilixxi rabtiet dejjem eqreb mat-Turkija u jippromwovi t-tisħiħ kontinwu u bbilanċjat tar-relazzjonijiet kummerċjali u ekonomiċi bejn it-Turkija u l-Unjoni Ewropea ( 19 ). Filwaqt li l-adeżjoni tat-Turkija fl-Unjoni Ewropea hija għan fit-tul ( 20 ), l-għan tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni huwa essenzjalment ekonomiku ( 21 ). Dawn iż-żewġ aspetti tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma humiex inkonsistenti ma’ xulxin. L-“istadju definittiv” tal-Assoċjazzjoni huwa espressament iddikjarat bħala unjoni doganali u l-kliem u l-istruttura tal-ftehim jirriflettu n-natura ekonomika tagħha ( 22 ). Imma l-ftehim jirreferi wkoll espressament għall-possibbiltà li t-Turkija taderixxi mal-Unjoni Ewropea ( 23 ). Dak l-għan futur huwa maħsub biex jibni fuq il-kisbiet ekonomiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni filwaqt li jeħtieġ azzjoni ulterjuri mill-partijiet.

32.

Il-Kapitolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (“Dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra”) jiftaħ bl-Artikolu 12, li jidentifika l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema. L-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali mbagħad jistabbilixxi skeda ta’ għaxar snin biex jiżgura l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema “fi stadji progressivi” u jipprovdi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu jiddeċiedi dwar “ir-regoli meħtieġa għal dan il-għan”. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta debitament id-Deċiżjoni Nru 2/76 li tistabbilixxi l-kontenut tal-ewwel minn dawk l-“istadji progressivi” ( 24 ). Iktar “rivitalizzazzjoni u żvilupp tal-Assoċjazzjoni” seħħew fl-1980, bl-adozzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ( 25 ). U hemm il-proċess leġiżlattiv waqaf. Għalkemm l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ta struzzjonijiet lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni biex “jeżamina r-riżultati tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet [dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema] bil-għan li jippreparaw soluzzjonijiet li jistgħu japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 1983” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ma ġie fis-seħħ l-ebda strument leġiżlattiv għall-iżvilupp ulterjuri tal-moviment liberu tal-ħaddiem. Għaldaqstant, kif irrilevat il-Qorti tal-Ġustizzja, ċerti aspetti fundamentali ta’ dik l-ambizzjoni għadhom ma nkisbux u l-istabbiliment progressiv tal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema għadu ma tlestiex ( 26 ).

33.

B’mod differenti minn ftehim ieħor bħall-Ftehim ŻEE u l-Ftehim mal-Isvizzera dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni ( 27 ), il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ma jipprovdi għall-ebda estensjoni ġenerali tad-dispożizzjonijiet tas-suq intern għat-Turkija. Ma joħloqx il-libertà ta’ moviment għall-ħaddiema bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija. Huwa sempliċement jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ dik il-libertà tal-moviment ( 28 ). Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li, b’differenza mill-ħaddiema mill-Unjoni Ewropea, iċ-ċittadini Torok ma humiex attwalment intitolati għal-libertà tal-moviment fi ħdan l-Unjoni Ewropea; il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni jiggarantixxi t-tgawdija ta’ ċerti drittijiet biss fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti ( 29 ).

L-interpretazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

34.

Ftehim internazzjonali konkluż mill-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat mhux biss fuq il-bażi tal-kliem tiegħu iżda wkoll fid-dawl tal-għanijiet tiegħu ( 30 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati ( 31 ) jipprovdi li trattat għandu jiġi interpretat bil-bona fide skont is-sens ordinarju tat-termini tiegħu fil-kuntest tagħhom u fid-dawl tal-għan u l-iskop tiegħu ( 32 ). Il-kliem identiku tad-dispożizzjonijiet li jinsabu fit-Trattati tal-Unjoni u fi ftehim internazzjonali ma jfissirx uniformità awtomatika tal-interpretazzjoni (“il-prinċipju stabbilit fis-sentenza Polydor”) ( 33 ).

35.

Il-prinċipju Polydor japplika wkoll fil-kuntest tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-istrumenti ta’ implimentazzjoni tiegħu. Għalhekk, jekk huwiex possibbli li tiġi applikata l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni għal dispożizzjoni ta’ ftehim paragunabbli, miktuba bl-istess mod jew saħansitra identika, ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ Stat mhux Membru jiddependi, inter alia, mill-għan imfittex minn kull dispożizzjoni fil-kuntest partikolari tagħha stess. Sabiex jiġi deċiż jekk dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni tippermettix applikazzjoni b’analoġija fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, huwa importanti li jsir paragun bejn l-għan segwit mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kif ukoll il-kuntest li tinsab fih, minn naħa, u dak segwit mill-istrument inkwistjoni tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra ( 34 ). Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ għan ta’ adeżjoni ma tfissirx li d-dispożizzjonijiet ta’ interpretazzjoni tal-ġurisprudenza tat-Trattati tal-Unjoni awtomatikament għandhom jiġu estiżi għal Ftehim ma’ Stat mhux Membru ( 35 ).

36.

Fl-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, il-partijiet qablu li “ser ikunu ggwidati” minn dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema. Kif osserva l-Avukat Ġenerali Cruz Villalón, il-frażi “ser ikunu ggwidati” turi li l-libertà ekonomika identifikata mid-dritt primarju tal-Unjoni hija maħsuba biex isservi ta’ mudell. Madankollu, il-kliem magħżul jagħmilha ċara wkoll li l-libertà ekonomika identifikata mid-dritt primarju tal-Unjoni ma għandhiex tiġi estiża fl-intier tagħha għar-relazzjoni ta’ assoċjazzjoni. L-espressjoni “ser ikunu ggwidati” ma timplikax uniformità — minflok, tippermetti, bħala prinċipju, interpretazzjonijiet differenti ( 36 ).

37.

Sa mis-sentenza Bozkurt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipji aċċettati fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema għandhom jiġu estiżi, kemm jista’ jkun, għaċ-ċittadini Torok li jgawdu drittijiet taħt il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ( 37 ). Madankollu, il-Partijiet Kontraenti ma humiex obbligati japplikaw dawk ir-regoli bħala tali ( 38 ). Pjuttost, dawk il-prinċipji għandhom jiġu applikati fid-dawl tal-kliem u l-għan tad-dispożizzjoni speċifika interpretata u tas-sistema li tistabbilixxi ( 39 ).

38.

Il-Qorti tal-Ġustizzja uriet ruħha lesta li tapplika l-formula “kemm jista’ jkun” b’mod liberali u ma eżitatx li tirrikorri għad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni meta tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u leġiżlazzjoni relatata ( 40 ). Għalhekk, sabiex jiġi interpretat il-kunċett ta’ “membru tal-familja” fl-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għar-Regolament (KEE) Nru 1612/68 ( 41 ). Meta ddeterminat il-portata tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku fl-Artikolu 14 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “għandha ssir referenza għall-interpretazzjoni li din l-istess eċċezzjoni ngħatat fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema ċittadini ta’l-Istati Membri” u b’mod iktar speċifiku għad-Direttiva tal-Kunsill 64/221/KEE ( 42 ).

39.

Is-sentenza Toprak saħansitra għamlet analoġiji bejn il-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u klawżola ta’ standstill fis-Sitt Direttiva tal-VAT ( 43 ). (Dik il-kawża ġiet deċiża mingħajr konklużjonijiet mill-Avukat Ġenerali u jiena stess għandi xi ftit ta’ dubju dwar jekk huwiex verament xieraq li tiġi applikata l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni fiskali b’analoġija mad-dispożizzjonijiet tas-suq tax-xogħol li jiffurmaw parti mill-arranġamenti ta’ assoċjazzjoni bejn l-Unjoni u pajjiż terz).

40.

Il-Qorti tal-Ġustizzja applikat ukoll il-prinċipji tal-analoġija mill-ġurisprudenza tagħha dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea għall-moviment liberu tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri u t-Turkija. Sa kmieni mis-sentenza Kus, il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-prinċipji stabbiliti fis-sentenza Antonissen ( 44 ) biex ġie deċiż li ħaddiem Tork jista’ jinvoka direttament l-Artikolu 6(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 sabiex jikseb it-tiġdid mhux biss tal-permess tax-xogħol tiegħu imma wkoll tal-permess ta’ residenza tiegħu ( 45 ).

41.

Il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet ukoll għall-ġurisprudenza tagħha li tittratta ftehimiet internazzjonali oħra konklużi ma’ pajjiżi terzi, irrispettivament min-natura tagħhom (kemm jekk kienu ftehim ta’ assoċjazzjoni jew le) u l-għan tagħhom (kemm jekk kienu jikkonċernaw l-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea jew le) ( 46 ).

42.

Madankollu, il-ġurisprudenza rrikonoxxiet ukoll xi limiti importanti għall-applikazzjoni tal-formula “kemm jista’ jkun”.

43.

L-ewwel nett, fis-sentenza Demirkan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, inklużi dawk tat-Trattat, dwar is-suq intern, ma tistax tiġi awtomatikament trasposta għall-interpretazzjoni ta’ ftehim konkluż mill-Unjoni ma’ Stat Membru terz, ħlief għal dispożizzjonijiet espliċiti f’dan is-sens previsti mill-Ftehim innifsu” ( 47 ).

44.

Għalhekk, meta ma jkun hemm ebda dispożizzjoni speċifika fil-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija li tindirizza kwistjoni partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja espressament irrifjutat li testendi d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal dik il-kwistjoni b’analoġija. Fis-sentenza Bozkurt iddeċidiet li fl-assenza ta’ kwalunkwe dispożizzjoni speċifika li tagħti lill-ħaddiema Torok dritt li jibqgħu fit-territorju ta’ Stat Membru wara li jkunu ħadmu hemm, id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin Tork ma jibqax jeżisti jekk il-persuna kkonċernata ġġarrab, totalment u permanentement, inkapaċità għax-xogħol. Peress li l-kundizzjonijiet li taħthom il-ħaddiema tal-Unjoni setgħu jeżerċitaw id-dritt li jibqgħu kienu, skont dak li issa huwa l-Artikolu 45(3)(d) TFUE, suġġetti għar-regolamenti li kellhom jitfasslu mill-Kummissjoni, ir-regoli applikabbli taħt dawk ir-regolamenti ma setgħux sempliċement jiġu trasposti għall-ħaddiema Torok ( 48 ).

45.

It-tieni nett, meta l-għanijiet u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni jaqbżu dawk tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet l-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar b’analoġija ma’ dik tal-ewwel. Pereżempju, l-iskema ta’ protezzjoni kontra t-tkeċċija li jgawdu ċ-ċittadini tal-Unjoni taħt l-Artikolu 28(3)(a) tad-Direttiva 2004/38/KE ( 49 ) ma tistax tiġi trasposta mutatis mutandis għall-garanziji kontra tkeċċija mogħtija liċ-ċittadini Torok skont l-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Meta ddeċidiet hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-għan tad-Direttiva 2004/38 ma kienx biss ekonomiku imma anki biex jissaħħu d-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni; li l-bażi legali tagħha kienet usa’ mid-dispożizzjonijiet dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema; u li ż-żewġ skemi legali inkwistjoni ma setgħux jitqiesu bħala ekwivalenti ( 50 ).

46.

It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tittrasponi l-interpretazzjoni ta’ libertà tal-Unjoni fil-ġurisprudenza tagħha għall-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija meta dik l-interpretazzjoni saret f’sentenza maħruġa wara l-adozzjoni tar-regoli tal-assoċjazzjoni u ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-Partijiet Kontraenti, meta ffirmaw il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Protokoll Addizzjonali, kellhom l-intenzjoni li dawk l-istrumenti jiġu interpretati b’dan il-mod. Għalhekk, l-interpretazzjoni fid-dritt tal-Unjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi bħala li tinkludi l-libertà “passiva” għal dawk li jirċievu servizzi biex imorru fi Stat Membru ieħor sabiex jirċievu servizz hemmhekk, irrikonoxxuta mill-ġurisprudenza fl-1984 ( 51 ), ma setgħetx tiġi trasposta għall-klawżola ta’ standstill dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, iffirmat fl-1970 ( 52 ).

In-natura u l-funzjoni tal-klawżoli ta’ standstill fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni

47.

Il-klawżoli ta’ standstill fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni kienu s-suġġett ta’ numru ta’ talbiet għal deċiżjoni preliminari li bdew mas-sentenza Sevince. F’dik is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali klawżoli għandhom effett dirett ( 53 ).

48.

Klawżola ta’ standstill fiha nnifisha ma toħloqx drittijiet ( 54 ). L-obbligu li din tistabbilixxi jammonta fid-dritt għal dmir li wieħed ma jaġixxix. Ma taħdimx bl-istess mod bħal regola sostantiva billi tirrendi inapplikabbli l-liġi sostantiva rilevanti li tissostitwixxi. Pjuttost, hija regola kważi-proċedurali li tispeċifika, ratione temporis, id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandu jsir riferiment għalihom sabiex tiġi evalwata l-pożizzjoni ta’ ċittadin Tork li jixtieq jeżerċita l-libertajiet ekonomiċi tiegħu fi Stat Membru ( 55 ). Dawk id-dispożizzjonijiet jistgħu jirregolaw, inter alia, il-kundizzjonijiet sostantivi jew proċedurali li jirregolaw l-ewwel dħul fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadini Torok li għandhom il-ħsieb li jeżerċitaw dawn il-libertajiet ekonomiċi ( 56 ).

49.

Il-klawżoli ta’ standstill fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma joħolqux dubji dwar il-kompetenza, bħala prinċipju, tal-Istati Membri biex imexxu l-politika nazzjonali tagħhom dwar l-immigrazzjoni ( 57 ). Huma sempliċement jipprekludu l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali li jistgħu jpoġġu ostakoli ulterjuri fil-mod tat-twaqqif gradwali tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema bejn l-Istati Membri u t-Turkija. Biex nagħmilha ċara: huma jiffriżaw, fil-mument meta l-klawżola ta’ standstill daħlet fis-seħħ, il-liġi applikabbli f’kull Stat Membru fir-rigward ta’ restrizzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg għal ċittadini Torok.

L-ewwel domanda

50.

L-ewwel domanda tirrigwarda l-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tal-klawżola ta’ standstill fid-Deċiżjoni Nru 2/76. Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk dik id-deċiżjoni għadhiex applikabbli għal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, li ġiet introdotta fil-5 ta’ Ottubru 1980 (jiġifieri qabel id-Deċiżjoni Nru 1/80 daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 1980).

51.

Il-Landeshauptstadt Stuttgart u l-Gvern Ġermaniż isostnu li d-Deċiżjoni Nru 2/76 u l-klawżola ta’ standstill tagħha ma jistgħux jiġu applikati iktar. Huma jargumentaw li l-Artikolu 59(1)(a) tal-KVLT u l-ġurisprudenza ta’ din il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Bozkurt jappoġġjaw dak l-approċċ ( 58 ). Il-Gvern Ġermaniż sostna waqt is-seduta li ladarba d-Deċiżjoni Nru 1/80 daħlet fis-seħħ din issosstitwixxiet b’mod retroattiv id-Deċiżjoni Nru 2/76 għall-finijiet kollha u għalhekk saret l-uniku punt ta’ riferiment għall-evalwazzjoni tal-validità ta’ restrizzjonijiet ġodda. Madankollu, peress li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni kienet diġà teżisti meta d-Deċiżjoni Nru 1/80 daħlet fis-seħħ, hija ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 ta’ dik id-Deċiżjoni.

52.

Il-Kummissjoni ssostni li l-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 tkompli tapplika għal miżuri nazzjonali introdotti bejn l-1 ta’ Diċembru 1976 u t-30 ta’ Novembru 1980, dati inklużi.

53.

Jiena naqbel mal-Kummissjoni.

54.

Il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Deċiżjoni Nru 2/76 huwa espressament iddefinit minn dik id-deċiżjoni moqrija flimkien mad-Deċiżjoni Nru 1/80. Id-Deċiżjoni Nru 2/76 daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Diċembru 1976 ( 59 ) u applikat għall-“ewwel stadju” ta’ erba’ snin, mill-1 ta’ Diċembru 1976. Id-Deċiżjoni Nru 2/76 kellha “tkompli tapplika sal-bidu tal-istadju sussegwenti” ( 60 ). Id-Deċiżjoni Nru 1/80 immarkat il-bidu tal-istadju sussegwenti. Dik id-deċiżjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1980 ( 61 ) imma t-Taqsima 1 (“Kwistjonijiet relatati mal-impjieg u l-moviment liberu tal-ħaddiema”) tal-Kapitolu II (“Dispożizzjonijiet soċjali”) ġew applikati mill-1 ta’ Diċembru 1980 ( 62 ).

55.

It-testi taż-żewġ deċiżjonijiet u s-sistema ta’ implimentazzjoni gradwali tal-moviment liberu tal-ħaddiema kkontemplata mil-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija jagħmluha ċara li d-Deċiżjoni Nru 1/80 kellha tieħu post id-Deċiżjoni Nru 2/76 bla ebda interruzzjoni. Id-Deċiżjoni Nru 2/76 għalhekk ġiet applikata mill-20 ta’ Diċembru 1976 sat-30 ta’ Novembru 1980 ( 63 ). It-taqsima rilevanti tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ġiet applikata mill-1 ta’ Diċembru 1980 ( 64 ).

56.

Xejn fid-Deċiżjoni Nru 1/80 jew fl-iskema ġenerali tal-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija ma jindika li dik id-deċiżjoni kienet intiża li jkollha effett retroattiv fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Deċiżjoni Nru 2/76 jew li tiġi annullata ex tunc. Is-sostituzzjoni ta’ att legali b’wieħed li jiġi warajh jiżviluppa l-effetti tiegħu ex nunc, sakemm l-att legali suċċessiv ma jingħatax effett retroattiv jew jannulla l-att preċedenti ex tunc ( 65 ).

57.

Barra minn hekk, l-interpretazzjoni proposta mill-Gvern Ġermaniż toħloq vojt legali ex post. Id-Deċiżjoni Nru 1/80 ma tistax tapplika retroattivament għal sitwazzjonijiet li jirriżultaw qabel l-1 ta’ Diċembru 1980. Sitwazzjonijiet bħal dawn, li qabel kienu koperti bid-Deċiżjoni Nru 2/76, — bil-loġika tal-Gvern Ġermaniż — isiru mhux irregolati meta d-Deċiżjoni Nru 1/80 daħlet fis-seħħ u jibqgħu mhux irregolati minn hemm ’il quddiem. Dan ma jistax ikun korrett.

58.

Fis-sentenza Bozkurt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li d-Deċiżjoni Nru 1/80 tikkostitwixxi stadju ulterjuri fl-iżgurar tal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u ssostitwixxiet, mid-dħul fis-seħħ tagħha, id-dispożizzjonijiet korrispondenti, li kienu inqas favorevoli, tad-Deċiżjoni Nru 2/76 ( 66 ). Meta qrajt dik is-sentenza, madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja mkien ma ssuġġerixxiet li meta daħlet fis-seħħ, id-Deċiżjoni Nru 1/80 ħassret l-effetti ġuridiċi eżerċitati mid-Deċiżjoni Nru 2/76 fir-rigward ta’ avvenimenti (hawnhekk, id-dħul fis-seħħ tar-regoli Ġermaniżi kkontestati fil-5 ta’ Ottubru 1980) li sseħħew matul il-validità ta’ din tal-aħħar.

59.

Għaldaqstant, nikkonkludi li l-legalità ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema introdotti minn Stat Membru bejn id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

It-tieni domanda

60.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, il-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 għandhiex tiġi interpretata bħala li tipprekludi l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja għal membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok.

61.

Il-Landeshauptstadt Stuttgart u l-Gvern Ġermaniż isostnu li r-riunifikazzjoni tal-familja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, peress li din id-dispożizzjoni ma tikkonċernax membri tal-familja ta’ ċittadini Torok. Il-Landeshauptstadt Stuttgart iżżid li ċ-ċittadini Torok huma suġġetti wkoll għal ħtieġa ta’ viża bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni ( 67 ).

62.

Il-Kummissjoni ssostni li, bħall-klawżoli ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 ikopri wkoll ir-riunifikazzjoni tal-familja. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dawk id-dispożizzjonijiet l-oħra ( 68 ) għandha issa tiġi trasposta għall-klawżola ta’ standstill fid-Deċiżjoni Nru 2/76.

63.

Kif tosserva ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, jekk it-terminu “restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg” għandux jinkludi restrizzjonijiet fuq riunifikazzjoni tal-familja, ma ġiex irregolat b’xi att leġiżlattiv tal-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija. Għaldaqstant, l-ewwel ser nanalizza l-portata u l-interpretazzjoni ta’ dik il-frażi u mbagħad neżamina jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-tifsira ta’ dik l-espressjoni fil-kuntest tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandhiex tiġi trasposta għad-Deċiżjoni Nru 2/76 preċedenti.

Il-portata u l-interpretazzjoni ta’ “restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg” fid-Deċiżjoni Nru 1/80

64.

Il-kwistjoni tar-riunifikazzjoni tal-familja fil-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija dwar il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema ġiet indirizzata għall-ewwel darba fis-sentenza Demirel ( 69 ), fejn il-mara ta’ ċittadin Tork li kien jgħix u jaħdem fil-Ġermanja kienet ġiet ordnata titlaq mill-pajjiż meta skadiet il-viża tagħha. Il-viża inkwistjoni kienet valida biss għall-iskopijiet ta’ żjara u mhux għar-riunifikazzjoni tal-familja.

65.

Fil-konklużjonijiet tiegħu, l-Avukat Ġenerali Darmon eżamina l-portata tal-klawżola ta’ standstill fid-Deċiżjoni Nru 1/80 fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja. Huwa rrimarka li d-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja għal ħaddiema li kienu ċittadini ta’ Stat Membru kellu jiġi introdott permezz ta’ dispożizzjoni espressa fir-Regolament Nru 1612/68. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni analoga fil-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, dritt bħal dan ma jistax jitqies li jirriżulta b’implikazzjoni. Għalkemm ir-riunifikazzjoni tal-familja hija ċertament element neċessarju biex jingħata effett lill-moviment liberu tal-ħaddiema, ma ssirx dritt sakemm il-libertà li tirrappreżenta tkun bdiet isseħħ u tkun ġiet adottata dispożizzjoni speċjali dwar il-kwistjoni. L-Avukat Ġenerali Darmon ikkonkluda li l-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 “tikkonċerna l-aċċess għax-xogħol u mhux ir-riunifikazzjoni tal-familja. Tagħmel ir-residenza tal-membri tal-familja suġġetta għall-awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Partijiet Kontraenti. Għalhekk, ma jistax jiġi interpretat bħala li jkopri dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja […]” ( 70 ).

66.

Il-Qorti tal-Ġustizzja approvat dik il-konklużjoni. Hija nnotat li d-Deċiżjoni Nru 1/80 kienet l-unika deċiżjoni adottata għall-kisba progressiva tal-moviment liberu tal-ħaddiema mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ( 71 ), u li dik id-deċiżjoni kienet tipprojbixxi iktar restrizzjonijiet fuq il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-aċċess għall-impjiegi għal ħaddiema Torok li diġà kienu integrati sew fil-forza tax-xogħol ta’ Stat Membru. L-ebda deċiżjoni ma ġiet adottata fl-isfera tar-riunifikazzjoni tal-familja ( 72 ). Għalhekk il-Qorti tal-Ġustizzja pproċediet biex tanalizza l-każ quddiemha esklużivament fuq il-bażi tal-Artikoli 7 u 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali. Hija ddeċidiet li l-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali “essenzjalment iservu biex jistabbilixxu programm u ma humiex preċiżi u inkundizzjonati biżżejjed biex ikunu kapaċi jirregolaw direttament il-moviment tal-ħaddiema”; u li “ma huwiex possibbli li wieħed jiddeduċi mill-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni projbizzjoni fuq l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ulterjuri għar-riunifikazzjoni tal-familja” ( 73 ). Għalhekk huwa ċar daqs il-kristall li l-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Demirel qieset li d-Deċiżjoni Nru 1/80 (inkluża l-klawżola ta’ standstill li tinsab fl-Artikolu 13 tagħha) ma kinitx tkopri restrizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għall-ħaddiema Torok.

67.

Disgħa u għoxrin sena wara, il-kwistjoni ġiet lura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Genc ( 74 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja għaqqdet l-erba’ domandi ddettaljati ħafna mill-qorti tar-rinviju f’domanda waħda b’żewġ partijiet: (i) miżura nazzjonali li tirrendi r-riunifikazzjoni tal-familja iktar diffiċli hija koperta mill-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u (ii) jekk iva, ir-restrizzjoni li tinsab fil-miżura nazzjonali kkontestata xorta waħda setgħet tkun iġġustifikata? B’differenza mid-deċiżjoni ċara tagħha f’Demirel (mingħajr madankollu ma rreferiet għal dik is-sentenza), il-Qorti tal-Ġustizzja wieġbet għal dawn iż-żewġ partijiet, rispettivament, “iva” u “le”. Ta’ min wieħed jistudja b’attenzjoni t-triq segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja meta waslet għall-ewwel parti ta’ dik il-konklużjoni, qabel ma ssir il-mistoqsija jekk għandhiex tiġi trasposta mid-Deċiżjoni Nru 1/80 għall-predeċessur tagħha, id-Deċiżjoni Nru 2/76.

68.

Il-Qorti tal-Ġustizzja bdiet billi ċċitat, bħala ġurisprudenza stabbilita, sentenza fuq il-libertà ta’ stabbiliment KEE‑Turkija (is-sentenza Savas) ( 75 ) u każ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li kien jinvolvi ħlasijiet għall-ħruġ ta’ permess ta’ residenza (Sahin) ( 76 ) għall-proposta li “l-klawżoli ta’ ‘Standstill’ stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprojbixxu b’mod ġenerali l-introduzzjoni ta’ kwalunkwe miżura interna ġdida li jkollha l-għan jew l-effett li tissuġġetta l-eżerċizzju minn ċittadin Tork ta’ libertà ekonomika fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal kundizzjonijiet iktar restrittivi minn dawk li kienu applikabbli għalih fid-data ta’ dħul fis-seħħ tal-imsemmija deċiżjoni jew tal-imsemmi protokoll fir-rigward ta’ dan l-Istat Membru” ( 77 ). Fis-sentenza Savas (punti 56 sa 63), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet qagħdet b’mod estensiv fuq id-deċiżjonijiet li jikkonċernaw id-Deċiżjoni Nru 1/80 għall-prinċipji li “għandhom japplikaw ukoll, b’analoġija, fil-kuntest ta’ […] id-dritt ta’ stabbiliment”. Fis-sentenza Sahin (fil-punt 65) il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddikjarat li “peress li […] il-klawżola ta’ ‘standstill’ stabbilita fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 hija tal-istess natura bħal dik stabbilita fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali u li dawn iż-żewġ klawżoli għandhom għan identiku (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas, C‑37/98, Ġabra p. I‑2927, punt 50, kif ukoll Abatay et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 sa 74), l-interpretazzjoni [tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali] msemmija fil-punt preċedenti [ ( 78 )] għandha tapplika wkoll fir-rigward tal-obbligu ta’ statu quo [standstill] li jikkostitwixxi l-bażi tal-imsemmi Artikolu 13 fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema”.

69.

Nieqaf ftit biex ninnota li fis-sentenza Abatay et il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà kkonfondiet il-kliem tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, li jipprekludi f’termini ġenerali l-introduzzjoni ta’ “xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi” u l-kliem tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li jipprojbixxi “restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għall-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati [fl-Unjoni u t-Turkija]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (enfasi miżjuda minni) ( 79 ). Madankollu, huwa evidenti li t-test taż-żewġ dispożizzjonijiet huwa ferm differenti. L-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ interpretazzjoni sanċiti mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza preċedenti — b’mod partikolari l-prinċipju Polydor u l-prinċipji ġenerali ta’ interpretazzjoni kif ukoll il-prinċipju ta’ “kemm jista’ jkun possibbli” ( 80 ) — ikun meħtieġ li tingħata kunsiderazzjoni xierqa għal dik id-diverġenza testwali kif ukoll il-kuntest u l-iskema ġenerali tal-miżuri (il-libertà ta’ stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi f’termini ġenerali fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali; il-kisba tal-moviment liberu tal-ħaddiema permezz ta’ stadji progressivi fl-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, li fuqhom hija bbażata d-Deċiżjoni Nru 1/80). Kemm approċċ testwali kif ukoll dak teleoloġiku jindikaw b’hekk li ż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet ma għandhomx jingħataw eżattament l-istess interpretazzjoni u portata.

70.

Fis-sentenza Genc, il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ikkonfermat li l-punt ta’ riferiment għall-analiżi skont l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma huwiex il-membru tal-familja li jkun ġej, imma pjuttost il-ħaddiem Tork li joqgħod fl-Istat Membru kkonċernat ( 81 ). F’dan il-każ, il-kwistjoni hija għalhekk jekk ir-raġel ta’ N. Yön, huwiex affettwat ħażin mill-miżuri kkontestati (jekk wieħed jassumi li huma restrizzjonijiet “ġodda”) — mhux jekk N. Yön hijiex b’hekk affettwata. L-enfasi għandha titqiegħed fuq id-drittijiet ta’ moviment liberu tal-ħaddiem.

71.

Il-Qorti kompliet iġġib ir-raġunament mid-deċiżjoni reċenti tagħha fis-sentenza Dogan. F’dak il-każ, il-mara ta’ negozjant Tork (id-direttur maniġerjali ta’ kumpannija żgħira) stabbilit fil-Ġermanja u residenti hemmhekk mill-1998 kienet applikat fit-Turkija għal viża għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja. L-applikazzjoni tagħha kienet ġiet miċħuda fuq il-bażi li ma kellhiex l-għarfien bażiku meħtieġ tal-Ġermaniż biex tingħata viża għall-finijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja ( 82 ). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dik il-kundizzjoni, introdotta wara li daħal fis-seħħ il-Protokoll Addizzjonali, kienet prekluża mill-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 41(1) tagħha ( 83 ).

72.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ċċitat is-sentenza Dogan u rrilevat li “d-deċiżjoni ta’ ċittadin Tork li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru biex fih jeżerċita attività ekonomika b’mod stabbli tista’ tiġi influwenzata b’mod negattiv meta l-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru trendi diffiċli jew impossibbli r-riunifikazzjoni tal-familja, b’mod li l-imsemmi ċittadin jista’, jekk ikun il-każ, jiġi obbligat li jagħżel bejn l-attività tiegħu fl-Istat Membru kkonċernat u l-ħajja tal-familja tiegħu fit-Turkija” ( 84 ). Fuq il-bażi li l-klawżoli ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali huma tal-istess tip u jsegwu għan identiku, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-interpretazzjoni mogħtija lill-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali fis-sentenza Dogan tista’ tiġi trasposta fis-sentenza Genc ( 85 ). Il-Qorti żiedet minnufih li “huwa biss sa fejn leġiżlazzjoni nazzjonali twebbes il-kundizzjonijiet tar-riunifikazzjoni tal-familja, […] li hija ta’ natura li taffettwa l-eżerċizzju mill-ħaddiema Torok, […] li hemm lok li jitqies li tali leġiżlazzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-[…] Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80” u li l-“klawżoli ta’ ‘Standstill’ stabbiliti fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 u fl-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma jinkludu ebda rikonoxximent ta’ dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja u lanqas ta’ dritt ta’ stabbiliment u ta’ residenza favur membri tal-familja tal-ħaddiema Torok” ( 86 ).

73.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni mis-sentenza Demirkan ( 87 ) fuq il-fatti (peress li l-kawża kienet tirrigwarda benefiċjarja passiva tad-dritt li tirċievi servizzi, ma kienx hemm rabta mal-eżerċizzju tal-attività ekonomika) u ddikjarat li l-interpretazzjoni li kienet qed tagħti issa, ibbażata fuq is-senenza Dogan, kienet “koerenti ma’ dik żviluppata mill-Qorti tal-Ġustizzja, dwar l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 li tgħid li l-għan ta’ din id-dispożizzjoni […] tikkonsisti sabiex tgħin ir-riunifikazzjoni tal-familja fl-Istat Membru ospitanti bl-għan li jiġu ffaċilitati l-impjieg u r-residenza tal-ħaddiem Tork li jappartjeni għas-suq regolari tal-impjieg fl-Istat Membru kkonċernat” ( 88 ).

74.

Bl-ikbar rispett lejn il-Qorti tal-Ġustizzja, jistgħu jiġu identifikati ċerti diffikultajiet fl-approċċ meħud fis-sentenza Genc.

75.

L-ewwel nett, tinjora d-differenza sinifikanti fil-kliem bejn żewġ klawżoli ta’ standstill li jinsabu f’żewġ strumenti ta’ status ġerarkiku differenti. Il-Partijiet Kontraenti qablu li jinkludu, fil-Protokoll Addizzjonali, klawżola ta’ standstill ġenerali dwar “xi restrizzjonijiet ġodda rigward il-libertà ta’ l-istabbiliment u l-libertà tal-provvediment ta’ servizzi” ( 89 ). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, li uża setgħat iddelegati bbażati fuq l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali sabiex jiżgura l-libertà tal-moviment għal ħaddiema “permezz ta’ stadji progressivi”, ifformola klawżola ta’ standstill ferm iktar limitata fid-Deċiżjoni Nru 1/80 li tkopri biss “restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg applikabbli għall-ħaddiema u l-membri tal-familja tagħhom legalment residenti u impjegati [fl-Unjoni u t-Turkija]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

76.

It-tieni nett, is-sentenza Genc tikkunfliġġi kemm mas-sentenza Demirel kif ukoll mal-ġurisprudenza iktar reċenti tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni espressa f’deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni hija meħtieġa biex tagħti dritt addizzjonali lil ħaddiem Tork ( 90 ). Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jista’, kif naraha jiena, ċarament jilleġiżla fuq il-bażi tal-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali biex jittratta l-kundizzjonijiet li jfixklu r-riunifikazzjoni tal-familja għall-ħaddiema Torok — imma sa issa ma għamilx hekk. Alternattivament, il-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tindirizza s-sentenzi Demirel u Bozkurt fis-sentenza tagħha Genc u, kieku xtaqet titbiegħed minnhom, kienet tagħmel argument iktar iddettaljat (forsi ibbażat fuq l-evoluzzjoni ġenerali tal-ġurisprudenza, ir-rwol tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, eċċ.). Imma ma għamlitx hekk.

77.

It-tielet nett, ta’ min jinnota li d-dritt primarju tal-Unjoni dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) ma jkoprix id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja. Dak id-dritt għall-ħaddiema li huma ċittadini tal-Unjoni ġie introdott espressament permezz tad-dritt sekondarju ( 91 ). Fir-Regolament Nru 1612/68 (diġà użat bħala gwida mill-Qorti tal-Ġustizzja meta interpretat id-Deċiżjoni Nru 1/80) ( 92 ), huwa t-Titolu I tal-Parti 1 li jirrigwarda l-aċċess għall-impjieg. Taqsima sussegwenti (Titolu III tal-Parti 1, intitolata “Familji tal-Ħaddiema”) tirregola r-riunifikazzjoni tal-familja fir-rigward ta’ ħaddiema li huma ċittadini ta’ Stat Membru u li diġà huma impjegati fi Stat Membru ieħor. Għalhekk, ir-Regolament Nru 1612/68 ma jorbotx ir-riunifikazzjoni tal-familja mal-aċċess għall-impjieg (l-uniku suġġett identifikat mit-test tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80).

78.

Ir-raba’ nett, dispożizzjonijiet oħra tad-Deċiżjoni Nru 1/80 dwar il-membri tal-familja tal-ħaddiema jirreferu għal persuni li “kienu awtorizzati li jingħaqdu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ma’ dawk il-ħaddiema ( 93 ) jew li huma legalment residenti fl-Istat Membru ospitanti ( 94 ). Dan jissuġġerixxi li l-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ma kellux l-intenzjoni li d-Deċiżjoni Nru 1/80 tirregola l-ewwel dħul ta’ membri tal-familja. U l-Qorti tal-Ġustizzja fil-fatt iddeċidiet espressament xi mkien ieħor li fil-kuntest tal-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija r-“riunifikazzjoni tal-familja ma tikkostitwixxix dritt għall-membri tal-familja tal-ħaddiem immigrant Tork, iżda tiddependi, għall-kuntrarju, minn deċiżjoni ta’ l-awtoritajiet nazzjonali meħuda biss b’applikazzjoni tal-liġi ta’ l-Istat Membru kkonċernat” ( 95 ) u li l-“Istati Membri żammew ukoll il-kompetenza tagħhom li jirregolaw […] id‑dħul fit-territorju tagħhom ta’ membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork” ( 96 ).

79.

Fl-aħħar nett, is-sentenza Genc stess ittenni li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jiffoka fuq is-sitwazzjoni tal-ħaddiem Tork, u mhux tal-membru tal-familja ( 97 ). L-ewwel dħul ta’ ċittadin Tork fi Stat Membru jiddependi mill-intenzjoni tiegħu li jeżerċita l-libertà ekonomika tiegħu li jaħdem hemmhekk ( 98 ). B’mod kurjuż, id-dħul sussegwenti ta’ membru tal-familja għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ dak il-ħaddiem issa jidher li huwa suġġett għal inqas rekwiżiti mid-dritt prinċipali tal-ħaddiem innifsu.

80.

Meta nagħmel dawn l-osservazzjonijiet, mhux qed nissuġġerixxi li l-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta’ membri tal-familja ta’ ċittadin Tork għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja b’xi mod ma jaffettwawx id-deċiżjonijiet li jagħmel dwar jekk u għal kemm żmien jeżerċita attività ekonomika fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Dażgur li ser jaffettwaw dan. Il-kwistjoni hawnhekk hija sempliċement jekk, b’interpretazzjoni testwali u teleoloġika, l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 għandux b’mod konvinċenti t-tifsira attribwita lilu mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Genc.

81.

Lanqas ma qiegħda nargumenta kontra l-approċċ liberali li ttieħed mill-Qorti tal-Ġustizzja meta sabet “restrizzjonijiet ġodda” fuq il-libertajiet ekonomiċi tal-ħaddiema Torok b’rabta, inter alia, mar-rekwiżit ta’ permess tax-xogħol għal sewwieqa ta’ trakkijiet ( 99 ); rekwiżiti tal-viża għal sewwieqa tat-trakkijiet mhux stabbiliti fi Stat Membru ( 100 ); u l-introduzzjoni ta’ ħlasijiet amministrattivi biex jinkiseb permess ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti ( 101 ). Dawk id-deċiżjonijiet kollha kienu jinvolvu restrizzjonijiet li setgħu jidħlu, mingħajr ħafna diffikultajiet, fil-kliem u t-teleoloġija tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Ma naħsibx li l-istess jista’ jingħad dwar restrizzjonijiet ġodda li jaffettwaw ir-riunifikazzjoni tal-familja.

Il-portata u l-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ standstill fid-Deċiżjoni Nru 2/76

82.

Il-punt tat-tluq tiegħi huwa li l-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija tipprevedi titjib progressiv fil-kundizzjonijiet li jirregolaw l-impjieg ta’ ħaddiema Torok fl-Unjoni Ewropea.

83.

Id-Deċiżjoni Nru 2/76 stabbilixxiet ir-regoli ddettaljati għall-“ewwel stadju” wara l-adozzjoni tal-Protokoll Addizzjonali ( 102 ). L-Artikolu 3 ta’ dik id-deċiżjoni jiddikjara li “tfal Torok li huma residenti legalment mal-ġenituri tagħhom fi Stat Membru […] għandhom jingħataw aċċess […] għal korsijiet ta’ edukazzjoni ġenerali” u għalhekk jagħtihom id-dritt li jgawdu “l-vantaġġi previsti f’dan ir-rigward taħt liġijiet nazzjonali” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 103 ). Fil-fatt, ma hemm ebda riferiment għall-membri tal-familja tal-ħaddiema Torok fid-Deċiżjoni Nru 2/76. It-test tal-klawżola ta’ standstill f’dik id-deċiżjoni (Artikolu 7) ma fih l-ebda indikazzjoni li kien maħsub biex ikopri r-riunifikazzjoni tal-familja.

84.

Id-Deċiżjoni Nru 1/80 tgħid li huwa “neċessarju li jittejjeb it-trattament mogħti [lill-]ħaddiema u lill-membri tal-familji tagħhom fir-rigward tal-arranġamenti stabbiliti fid-Deċiżjoni Nru 2/76” [traduzzjoni mhux uffiċjali] ( 104 ). L-unika differenza fil-kliem bejn iż-żewġ klawżoli ta’ standstill — l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 u l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 — hija tabilħaqq li tal-aħħar jinkludi, wara l-frażi “restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg tal-ħaddiema”, ħames kelmiet oħra: “u l-membri tal-familji tagħhom”.

85.

Peress li ż-żewġ deċiżjonijiet jirrappreżentaw passi sekwenzjali fl-“istadji progressivi” tal-kisba tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema u li d-Deċiżjoni Nru 1/80 hija intiża biex “itejjeb it-trattament” mogħti lill-ħaddiema u lill-familji tagħhom bid-Deċiżjoni Nru 2/76, it-tendenza matul iż-żmien għandha tkun minn “trattament inqas favorevoli” għal “trattament iktar favorevoli”. Għalhekk, ma jkunx mhux tas-soltu li d-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Nru 2/76 jiġu interpretati b’mod inqas estensiv fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw il-ħajja familjari u l-membri tal-familja minn dawk tad-Deċiżjoni Nru 1/80, li ssostitwixxietha.

86.

Għar-raġunijiet li identifikajt iktar ’il fuq ( 105 ), l-analiżi tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Genc fir-rigward tal-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma hijiex robusta daqs kemm wieħed ikun jixtieq. Jiena nistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja biex ma tittrasponix dik l-interpretazzjoni għall-klawżola ta’ standstill predeċessur dwar restrizzjonijiet fuq kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg għall-ħaddiema, jiġifieri l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

87.

Jiena nżid ngħid li r-riżultat ma huwiex biex iċaħħad lill-ħaddiema Torok minn xi dritt li l-membri tal-familja tagħhom jingħaqdu magħhom fit-territorju tal-Unjoni Ewropea. Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE fiha lex generalis li tirregola r-riunifikazzjoni tal-familja ( 106 ). Il-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija hija lex specialis, li tintroduċi dispożizzjonijiet iktar speċifiċi applikabbli għaċ-ċittadini Torok fir-rigward tal-materji li tapplika għalihom ( 107 ). Jekk il-ħaddiema Torok ma humiex koperti mil-lex specialis, xorta jistgħu jiddependu fuq il-lex generalis.

L-impatt potenzjali tal-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali

88.

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja, kuntrarjament għall-fehmiet li jiena esprimejt, tqis li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni taqa’ taħt l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, għandu jiġi eżaminat jekk l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jipprevalixxix fuq il-klawżola ta’ standstill.

89.

L-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali jgħid li “[f]l-oqsma koperti b’dan il-Protokoll, it-Turkija m’għandhiex tirċievi trattament aktar favorevoli minn dak li l-Istati Membri jagħtu lil-xulxin permezz tat-Trattat li jistabbilixxi [l-Unjoni Ewropea]”. Għalhekk jirrifletti l-prinċipju li l-adeżjoni fl-Unjoni Ewropea hija r-relazzjoni l-iktar profonda u speċjali li Stat jista’ jikseb; u li kwalunkwe relazzjoni oħra bejn pajjiż terz u l-Unjoni Ewropea (bħall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija) għandha neċessarjament, bħala konsegwenza, tkun inqas ipprivileġġata.

90.

Il-Protokoll Addizzjonali huwa l-liġi primarja fi ħdan il-ġerarkija tal-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija. Id-deċiżjonijiet adottati mill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni li jeżerċitaw il-poteri delegati għandhom għalhekk jiġu interpretati b’mod li jkun konsistenti mar-regola ta’ “trattament [mhux] aktar favorevoli” li din tistabbilixxi. Jiena ninnota li sentenzi reċenti li inkludew ir-riunifikazzjoni tal-familja fil-portata tal-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 ma jidhrux li indirizzaw dan it-test ulterjuri u meħtieġ ta’ interpretazzjoni ( 108 ).

91.

Wara li ngħad dan, il-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement applikat l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali fil-kuntest tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema Torok u ddeċidiet b’mod konsistenti li ċ-ċittadini Torok ma jistgħux jitqiegħdu f’pożizzjoni iktar favorevoli minn dik taċ-ċittadini tal-Unjoni ( 109 ). Hemm żewġ linji ta’ ġurisprudenza, waħda dwar id-drittijiet sostantivi (pożittivi) stabbiliti għall-ħaddiema Torok u l-membri tal-familja tagħhom u l-oħra dwar l-obbligu negattiv impost fuq l-Istati Membri mill-klawżoli ta’ standstill.

92.

Fl-ewwel waħda, il-Qorti tal-Ġustizzja eżaminat l-istampa ġenerali iktar milli l-ekwivalenza preċiża f’termini tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini Torok u dawk mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni ( 110 ). Għalhekk, pereżempju, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tqabbel is-sitwazzjoni ta’ tifel ta’ ħaddiem Tork ma’ dik ta’ dixxendent ta’ ċittadin ta’ Stat Membru, fid-dawl tad-differenzi sinjifikattivi bejn is-sitwazzjonijiet legali rispettivi tagħhom ( 111 ).

93.

Fit-tieni waħda, li tikkonsisti f’żewġ każijiet li jikkonċernaw l-introduzzjoni ta’ spejjeż amministrattivi biex jinkiseb permess ta’ residenza fil-Pajjiżi l-Baxxi, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet approċċ differenti. Hija ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80, applikat flimkien mar-regola “trattament [mhux] aktar favorevoli”, ma jipprekludix l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni li tissuġġetta l-għoti ta’ permess ta’ residenza jew estensjoni tal-perijodu ta’ validità tiegħu fuq il-ħlas ta’ spejjeż amministrattivi minn ċittadini Torok li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti. Il-Qorti tal-Ġustizzja mbagħad ħarset lejn il-proporzjonalità tar-restrizzjoni l-ġdida li altrimenti kienet tkun prekluża mill-klawżola ta’ standstill ( 112 ).

94.

Jiena nislet il-prinċipji li ġejjin mill-eżami tiegħi tal-ġurisprudenza: (i) l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali ma jipprekludix l-adozzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda li japplikaw bl-istess mod għaċ-ċittadini Torok u għaċ-ċittadini tal-Unjoni; (ii) madankollu, huwa meħtieġ li titqabbel is-sitwazzjoni legali li tirriżulta għal ċittadini Torok, minn naħa waħda, u għaċ-ċittadini tal-Unjoni, min-naħa l-oħra; (iii) ir-restrizzjonijiet il-ġodda għall-ħaddiema Torok ma għandhomx għalfejn ikunu identiċi għal dawk li għandhom x’jaqsmu maċ-ċittadini tal-Unjoni, imma għandhom ikunu ekwivalenti, wara li jitqiesu s-sitwazzjonijiet differenti taż-żewġ kategoriji ( 113 ); (iv) ir-restrizzjonijiet il-ġodda għall-ħaddiema Torok ma għandhomx ikunu sproporzjonati ma’ dawk applikabbli għaċ-ċittadini tal-Unjoni ( 114 ); (v) restrizzjonijiet ġodda sproporzjonati jiksru wkoll il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni ( 115 ).

95.

F’dan il-każ, il-paragun xieraq huwa bejn ħaddiem Tork li jaħdem fil-Ġermanja u x-xewqa li jingħaqad ma’ martu Torka u ċittadin tal-Unjoni mhux Ġermaniż li jaħdem fil-Ġermanja li jixtieq jingħaqad mal-konjuġi tiegħu ta’ pajjiż terz, inkluż minn konjuġi li huwa ċittadin Tork.

96.

Sakemm il-membru tal-familja inkwistjoni ma jkollux diġà permess ta’ residenza validu, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 jeħtieġ viża għad-dħul skont ir-Regolament Nru 539/2001 jew, fejn xieraq, skont il-liġi nazzjonali ( 116 ). Minn meta din id-direttiva daħlet fis-seħħ, jidhirli li l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jintroduċu rekwiżit ta’ viża simili għal membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok, sakemm ir-rekwiżiti imposti fuqhom ma kinux sproporzjonati meta pparagunati mar-rekwiżit ta’ viża introdott mid-Direttiva 2004/38 ( 117 ).

97.

Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi li meta membru tal-familja ta’ ċittadin tal-Unjoni ma jkollux id-dokumenti neċessarji jew il-viża tad-dħul, ma għandux jintbagħat lura awtomatikament imma għandu jingħata kull opportunità raġonevoli biex jikseb id-dokumenti meħtieġa. Għall-istess kategorija ta’ persuni, l-Artikolu 9(3) jipprovdi li n-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit li ssir applikazzjoni għal permess ta’ residenza jista’ jagħmel lill-persuna kkonċernata responsabbli għal sanzjonijiet proporzjonati u nondiskriminatorji. Għalhekk, il-Kummissjoni ssostni li membri tal-familja ta’ ħaddiema Torok ma humiex f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn membri tal-familja ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, peress li għal dawn tal-aħħar id-dħul illegali fi Stat Membru ma jiġġustifikax ir-rifjut ta’ permess ta’ residenza. Minn dan isegwi li l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali ma jintervjenix sabiex ibiddel ir-riżultat miksub bl-applikazzjoni tal-klawżola standstill. Madankollu, jekk ir-riżultat tal-applikazzjoni tal-klawżola standstill ikun li membri tal-familja ta’ ċittadin Tork li huma ċittadini ta’ pajjiż terz imbagħad ma jkunux suġġetti għal rekwiżit ta’ viża, filwaqt li membri tal-familja ta’ ċittadin tal-UE li huma ċittadini ta’ pajjiż terz ikunu suġġetti għal rekwiżit ta’ viża, dan ikun prekluż mill-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

98.

Il-fatt li rekwiżit impost fuq ċittadin Tork huwa iktar strett minn dak impost fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni minnu nnifisu ma jfissirx li dak tal-ewwel huwa sproporzjonat ( 118 ). Is-sitwazzjoni partikolari taċ-ċittadini Torok bħala ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-ħtieġa li l-Istati Membri joħorġu awtorizzazzjoni skont il-liġi nazzjonali sabiex il-membri tal-familja jkunu jistgħu jingħaqdu ma’ ħaddiem Tork u l-proċedura għall-implimentazzjoni ta’ tali rekwiżit, għandhom jiġu kkunsidrati.

99.

Jeħtieġ ukoll li jiġi eżaminat jekk il-konsegwenzi għall-ksur tar-regoli humiex sproporzjonatament severi għal membru tal-familja ta’ ħaddiem Tork meta mqabbel ma’ dawk applikabbli għal membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li huma ċittadin ta’ pajjiż terz. Hawnhekk, ninnota li l-Artikolu 5(2) tal-Liġi dwar ir-Residenza jipprovdi li r-rekwiżit tal-viża qabel id-dħul fil-Ġermanja jista’ jiġi rrinunzjat jekk, wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, ma jkunx raġonevoli li terġa’ tinbeda l-proċedura tal-viża. Dan jidhirli li jittratta b’mod adegwat il-proporzjonalità.

100.

Bħala konklużjoni fir-rigward tat-tieni domanda preliminari: nikkunsidra li r-risposta għal dik id-domanda għandha tkun li l-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ viża għall-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li jixtieq jingħaqad ma’ dak il-ħaddiem għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

It-tielet domanda

101.

It-tielet domanda hija rilevanti biss jekk, kuntrarjament għall-fehmiet li għadni kemm esprimejt, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li tittrasponi d-deċiżjoni tagħha fis-sentenza Genc għall-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76. Fit-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-miżura nazzjonali li teħtieġ viża tistax tiġi ġġustifikata abbażi ta’ raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, b’mod partikolari l-għan ta’ kontroll effettiv tal-immigrazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi migratorji, fejn iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ individwali jittieħdu inkunsiderazzjoni permezz tal-operazzjoni ta’ klawżola eċċessivament rigoruża.

102.

Il-Landeshauptstadt Stuttgart, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kollha jsostnu li l-klawżola ta’ standstill fid-Deċiżjoni Nru 2/76 ma tipprekludix l-introduzzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali adottata b’dak l-għan, sakemm dik il-leġiżlazzjoni tirrispetta l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

103.

Jiena naqbel ma’ dawk is-sottomissjonijiet.

104.

L-ewwel nett, dik l-interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipji tat-TFUE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema li għandhom jiġu applikati, kemm jista’ jkun, għal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema fil-kuntest tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija ( 119 ).

105.

Il-Qorti tal-Ġustizzja introduċiet il-kunċett ta’ għanijiet leġittimi li jistgħu jiġġustifikaw miżuri nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea minħabba l-portata wiesgħa ta’ dak li issa huwa l-Artikolu 45 TFUE u l-fatt li d-derogi mil-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fl-Artikolu 45(3) TFUE għandhom jiġu interpretati b’mod strett. B’hekk, ostakolu għal dik il-libertà jista’ madankollu jkun kompatibbli mal-Artikolu 45 TFUE sakemm dan ikollu għan leġittimu kompatibbli mat-Trattat u jkun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali u li l-applikazzjoni tiegħu hija tali li tiżgura li l-għan inkwistjoni jintlaħaq u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dak il-għan ( 120 ).

106.

Bl-istess mod, fil-kuntest tal-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, l-interpretazzjoni wiesgħa mogħtija lill-moviment liberu tal-ħaddiema fid-Deċiżjoni Nru 2/76 u d-Deċiżjoni Nru 1/80, flimkien ma’ interpretazzjoni restrittiva tad-derogi għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika u saħħa pubblika (fl-Artikoli 9 u 14 ta’ dawk id-deċiżjonijiet, rispettivament) ( 121 ), tagħmel il-kunċett ta’ rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali meħtieġa biex jintlaħaq bilanċ korrett fis-sistema ta’ moviment liberu għall-ħaddiema fl-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, b’analoġija mas-sitwazzjoni fis-suq intern.

107.

It-tieni nett, il-ġurisprudenza diġà rrikonoxxiet din il-ġustifikazzjoni fil-kuntest tal-projbizzjoni ta’ kundizzjonijiet ġodda għar-riunifikazzjoni tal-ħaddiema Torok mal-membri tal-familja tagħhom, sa fejn ir-restrizzjonijiet li jirriżultaw huma adatti biex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex dan jintlaħaq ( 122 ).

108.

Dawn li ġejjin diġà ġew irrikonoxxuti fil-ġurisprudenza bħala li jirrappreżentaw rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali li jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ restrizzjonijiet ġodda għall-eżerċizzju tal-libertajiet ekonomiċi taħt il-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE‑Turkija: prevenzjoni ta’ dħul u residenza illegali ( 123 ); prevenzjoni ta’ żwiġijiet imġiegħla ( 124 ); li tiġi żgurata l-integrazzjoni b’suċċess ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ( 125 ); u l-ġestjoni tal-flussi migratorji b’mod effiċjenti ( 126 ). Il-lista ma hijiex eżawrjenti u naqbel mal-Avukat Ġenerali Mengozzi li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħraf li l-Istati Membri jgawdu diskrezzjoni f’dan il-qasam ( 127 ).

109.

F’dan il-każ, il-Ġermanja tinvoka l-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji sabiex tiġġustifika l-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ viża għall-finijiet ta’ riunifikazzjoni tal-familja ma’ ħaddiem Tork. Dak l-għan diġà ġie aċċettat bħala rekwiżit imperattiv ta’ interess ġenerali li jsegwi għan kompatibbli mat-Trattat. Għaldaqstant, huwa, bħala prinċipju, kapaċi jiġġustifika restrizzjoni ġdida minkejja l-klawżola ta’ standstill ( 128 ). Madankollu, ikun ukoll meħtieġ għall-qorti nazzjonali li tivverifika jekk ir-rekwiżit inkwistjoni jissodisfax it-test tal-proporzjonalità ( 129 ). Meta tagħmel dan, hija għandha teżamina jekk il-miżura nazzjonali hijiex adatta biex tilħaq l-għan imfittex u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-għan ( 130 ).

110.

Fir-rigward tal-adegwatezza tal-miżura, jidhirli li l-ġurisprudenza diġà aċċettat li rekwiżit ta’ viża, li jippermetti li l-flussi migratorji jiġu mmonitorjati, huwa adatt biex jintlaħaq l-għan tal-ġestjoni tal-flussi migratorji b’mod effiċjenti ( 131 ).

111.

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-miżura inkwistjoni tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq, il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li, bħala regola, ir-rekwiżit li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkollhom viża sabiex jidħlu u jirrisjedu fi Stat Membru ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala sproporzjonat fir-rigward tal-għan imfittex. Madankollu, il-prinċipju ta’ proporzjonalità jirrikjedi wkoll li l-proċedura għall-implimentazzjoni ta’ tali rekwiżit ma teċċedix dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-għan mixtieq ( 132 ).

112.

F’dak ir-rigward, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża inkwistjoni teħtieġ li ċittadin ta’ pajjiż terz li jixtieq jikseb permess ta’ residenza jkun daħal fil-pajjiż bil-viża meħtieġa u li, fl-applikazzjoni tal-viża tiegħu, ikun diġà ta l-informazzjoni ewlenija meħtieġa għall-permess ta’ residenza. Ir-rekwiżit tal-viża jista’, madankollu, jiġi rrinunzjat jekk ċirkustanzi speċjali relatati mal-każ individwali jagħmluha mhux raġonevoli li tintalab applikazzjoni għal viża sussegwenti.

113.

Inqis li meta tipprevedi eżenzjoni f’każ individwali xieraq, il-proċedura stabbilita fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża li timplimenta r-rekwiżit tal-viża tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

114.

Ser ikun il-kompitu tal-qorti nazzjonali, li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni meħtieġa, li tevalwa jekk il-każ ta’ N. Yön jurix il-karatteristiċi speċjali meħtieġa biex tiġi attivata dik l-eżenzjoni. Fatturi rilevanti x’aktarx jinkludu l-età ta’ N. Yön, il-kundizzjoni tas-saħħa tagħha, il-livell ta’ dipendenza tagħha fuq ir-raġel tagħha u l-kapaċità tagħha li tivvjaġġa ( 133 ).

115.

Għaldaqstant nikkonkludi li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni ġdida fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg għal ħaddiema Torok fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76, dik ir-restrizzjoni tista’ tkun iġġustifikata fuq il-bażi ta’ rekwiżiti imperattivi fl-interess ġenerali, bħall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji. Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun adegwata biex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit u ma għandhiex tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.

Konklużjoni

116.

Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda tal-Bundesverwaltungsgericht (il-Qorti Amministrattiva Federali, il-Ġermanja) bil-mod li ġej:

Il-legalità ta’ restrizzjonijiet ġodda fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema introdotti minn Stat Membru bejn id-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija u d-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE‑Turkija, għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

L-introduzzjoni ta’ rekwiżit ta’ viża għall-konjuġi ta’ ħaddiem Tork li jrid jissieħeb ma’ dak il-ħaddiem għall-iskop tar-riunifikazzjoni tal-familja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

Restrizzjonijiet ġodda fuq il-kundizzjonijiet ta’ aċċess għall-impjieg għal ħaddiema Torok skont it-tifsira tal-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni Nru 2/76 jistgħu jiġu ġġustifikati fuq il-bażi ta’ rekwiżiti imperattivi ta’ interess ġenerali, bħal ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji. Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun adegwata biex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Deċiżjoni Nru 2/76 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tal-20 ta’ Diċembru 1976 dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 2/76”). Id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Madankollu hija disponibbli f’ġabra utli ta’ testi rilevanti, ippubblikati taħt l-awtorità tal-Kunsill fl-1992: ara https://www.ab.gov.tr/files/ardb/evt/EEC-Turkey_association_agreements_and_protocols_and_other_basic_texts.pdf (iktar ’il quddiem il-“kumpilazzjoni ta’ testi tal-Kunsill”).

( 3 ) Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija u l-Protokoll Addizzjonali, iffirmat f’Ankara fit-12 ta’ Settembru 1963 (ĠU 1973 C 113, p. 1).

( 4 ) Għall-istabbiliment u l-funzjonament tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni, ara l-Artikolu 22 et seq. tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 5 ) Deċiżjoni Nru 1/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-iżvilupp tal-Assoċjazzjoni, maħluqa skont il-Ftehim li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u t-Turkija (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni Nru 1/80”). Id-deċiżjoni ma ġietx ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea imma hija disponibbli fil-ġabra tat-testi tal-Kunsill.

( 6 ) L-Artikolu 2(3) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-ewwel u t-tieni wieħed minn dawn l-istadji ntemmu rispettivament fl-1 ta’ Jannar 1973 (bid-dħul fis-seħħ tal-Protokoll Addizzjonali għall-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, iffirmat fi Brussell fit-23 ta’ Novembru 1970 (ĠU 1973 C 113, p. 17) (iktar ’il quddiem il-“Protokoll Addizzjonali”)) u fil-31 ta’ Diċembru 1995 (bid-dħul fis-seħħ tad-Deċiżjoni Nru 1/95 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni KEE-Turkija tat-22 ta’ Diċembru 1995 li timplimenta l-fażi finali tal-Unjoni Doganali) [prevista mill-Artikolu 2(2) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni] (ĠU 1996 L 35, p. 1).

( 7 ) Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 8 ) Artikolu 4(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 9 ) Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 10 ) Ara t-tielet premessa tal-Protokoll Addizzjonali.

( 11 ) L-Artikolu 1(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 2/76. Għalhekk, għalkemm it-titolu tad-deċiżjoni jindika li hija deċiżjoni “dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12 tal-[Ftehim ta’ Assoċjazzjoni]”, it-tieni premessa tagħha u l-Artikolu 1(1) jagħmluha ċara li l-bażi leġiżlattiva vera hija l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali.

( 12 ) Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

( 13 ) Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

( 14 ) Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta miżuri oħra, li ma humiex rilevanti għal dan il-każ, dwar id-drittijiet tal-ħaddiema Torok, b’mod partikolari d-Deċiżjoni 3/80 tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni tad-19 ta’ Settembru 1980 dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej għal ħaddiema Torok u membri tal-familji tagħhom (ĠU 1983 C 110, p. 60).

( 15 ) Artikolu 16(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

( 16 ) Artikolu 5(1)(1) tal-Verordnung zur Durchführung des Ausländergesetzes.

( 17 ) Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza.

( 18 ) Artikolu 30(1) tal-Liġi dwar ir-Residenza.

( 19 ) L-ewwel premessa fil-preambolu u l-Artikolu 2(1) tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 20 ) Ir-raba’ premessa u l-Artikolu 28 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. Dan tal-aħħar huwa limitat biex isemmi li ladarba l-operazzjoni ta’ dak il-ftehim tippermetti li tiġi prevista l-aċċettazzjoni sħiħa mit-Turkija tal-obbligi li jirriżultaw mit-TFUE, il-Partijiet għandhom jeżaminaw il-possibbiltà li t-Turkija taderixxi mal-Unjoni. Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 1999, Sürül, C‑262/96, EU:C:1999:228, punt 70.

( 21 ) Sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 64); tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punti 5051); u tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 52).

( 22 ) Ara, f’dan is-sens, l-Artikoli 2(1) u (2), 3, 4 u 5 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni. L-iskop ekonomiku jidher ukoll mit-titoli tal-Kapitoli 1, 2 u 3 fit-Titolu II tal-ftehim, li jirrigwardaw l-implimentazzjoni tal-fażi tranżitorja. Dawk il-kapitoli huma intitolati “Unjoni doganali”, “Agrikoltura” u “Dispożizzjonijiet ekonomiċi oħra”, rispettivament. Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 51).

( 23 ) Ara r-raba’ premessa tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni.

( 24 ) Ara l-ħames premessa u l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

( 25 ) Ara t-tieni premessa u l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Ara wkoll, f’dak is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 14).

( 26 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 52). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fl-istess kawża (EU:C:2014:2114, punt 79).

( 27 ) Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3) u Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni (ĠU 2009 L 353, p. 71). Ara wkoll f’dak ir-rigward il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Kokott fil-kawża Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2114, punti 74 sa 80).

( 28 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 50).

( 29 ) Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 30 ) Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 31 ) Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati, iffirmata fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 1155, p. 331 (iktar ’il quddiem il-“KVLT”).

( 32 ) Opinjoni 1/91 (L-ewwel opinjoni dwar il-Ftehim ŻEE) tal-14 ta’ Diċembru 1991, (EU:C:1991:490, punt 14).

( 33 ) Sentenza tad-9 ta’ Frar 1982, Polydor u RSO Records (270/80, EU:C:1982:43, punt 15). Dik il-kawża kienet tikkonċerna l-ftehim konkluż bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Repubblika Portugiża, iffirmat fit-22 ta’ Lulju 1972 (ĠU 1972 L 301, p. 164).

( 34 ) Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 62).

( 35 ) Ara f’dak is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2001, Gloszczuk (C‑63/99, EU:C:2001:488, punt 52), fil-kuntest tal-Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Polonja, min-naħa l-oħra (ĠU 1993, L 348, p. 2). Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón għall-kawża Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:237, punt 63).

( 36 ) Ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Cruz Villalón fil-kawża Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:237, punt 60).

( 37 ) Ara f’dan is-sens is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 20). Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 52 u l-ġurisprudeza ċċitata).

( 38 ) Sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2014, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑81/13, EU:C:2014:2449, punt 51).

( 39 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2012, Kahveci (C‑7/10 u C‑9/10, EU:C:2012:180, punt 25); ara wkoll il-prinċipji stabbiliti fil-punt 35 iktar ’il fuq.

( 40 ) L-ewwel pass f’dik id-direzzjoni ttieħed fis-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 1994, Eroglu (C‑355/93, EU:C:1994:369, punt 21), dwar il-possibbiltà għal ħaddiema Torok li jestendu l-permessi ta’ residenza tagħhom. Ara wkoll is-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, EU:C:2000:77, punti 5657), dwar il-portata tal-eċċezzjoni ta’ ordni pubbliku prevista mill-Artikolu 14(1) tad-Deċiżjoni Nru 1/80. Fil-kuntest tal-moviment liberu tas-servizzi, ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punti 4748), li qagħad fuq l-Artikolu 53 KE għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali.

( 41 ) Regolament tal-Kunsill tal‑15 ta’ Ottubru 1968 dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti. Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15). Ara s-sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Dülger (C‑451/11, EU:C:2012:504, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 42 ) Direttiva tal-25 ta’ Frar 1964 dwar il-koordinazzjoni ta’ miżuri speċjali rigward il-moviment u r-residenza ta’ ċittadini barranin li huma ġġustifikati għal raġunijiet ta’ politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 11). Ara s-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2007, Polat (C‑349/06, EU:C:2007:581, punti 3031 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 43 ) Is-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ ‐ Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23). Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Toprak (C‑300/09 u C‑301/09, EU:C:2010:756, punti 56 sa 58).

( 44 ) Sentenza tas-26 ta’ Frar 1991, Antonissen (C‑292/89, EU:C:1991:80). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 13 li l-prinċipji tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jimplikaw id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni li jibqgħu fi Stati Membri oħra sabiex ifittxu impjieg.

( 45 ) Sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1992, Kus (C‑237/91, EU:C:1992:527, punt 35). Ir-riferiment għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema skont id-dritt tal-Unjoni sar minn dak iż-żmien prassi uniformi. Ara, inter alia, is-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2000, Nazli (C‑340/97, EU:C:2000:77, punt 57), u tal-11 ta’ November 2004, Cetinkaya (C‑467/02, EU:C:2004:708, punt 4445).

( 46 ) Ara, pereżempju, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 81), dwar l-interpretazzjoni tal-klawżola ta’ standstill fl-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet ispirazzjoni mill-ġurisprudenza tagħha dwar l-Assoċjazzjoni mal-Greċja (sentenza tat-23 ta’ Marzu 1983, Peskeloglou,77/82, EU:C:1983:92). Ara wkoll id-digriet tal‑25 ta’ Lulju 2008, Real Sociedad de Fútbol u Kahveci (C‑152/08, EU:C:2008:450, punt 21 et seq.) fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-ġurisprudenza tagħha dwar il-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mas-Slovakkja u l-Ftehim ta’ Sħubija mar-Russja (Ftehim Ewropew li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Repubblika Slovakka, min-naħa l-oħra (ĠU 1994 L 359, p. 2) u Ftehim fuq Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi Sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u l-Federazzjoni Russa, min-naħa l-oħra (ĠU 1997 L 327, p. 3)) u qieset li l-analoġiji kienu ovvji biżżejjed biex tiddeċiedi l-każ b’digriet motivat. Madankollu, fis-sentenza (mhux relatata) tad-29 ta’ Marzu 2012, Kahveci (C‑7/10 u C‑9/10, EU:C:2012:180, punt 34), il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn id-Deċiżjoni Nru 1/80 minn naħa waħda, u l-Ftehim ta’ Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u r-Renju tal-Marokk (ĠU 1978 L 264, p. 2), min-naħa l-oħra, minħabba l-għanijiet ġenerali differenti li huma segwew f’materji soċjali.

( 47 ) Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 44).

( 48 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168, punti 4041).

( 49 ) Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46) (iktar ’il quddiem id-“Directive 2004/38”.

( 50 ) Sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, Ziebell (C‑371/08, EU:C:2011:809, punt 60 et seq.)

( 51 ) Sentenza tal-31 ta’ Jannar 1984, Luisi u Carbone (286/82 u 26/83, EU:C:1984:35).

( 52 ) Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583, punt 59 et seq.)

( 53 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 1990, Sevince (C‑192/89, EU:C:1990:322, punt 15 et seq.)

( 54 ) Fis-sistema maħluqa mill-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni, l-istabbiliment ta’ drittijiet jew privileġġi ġodda għaċ-ċittadini tal-Partijiet Kontraenti jitħalla f’idejn il-kompetenza leġiżlattiva tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (ara l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali).

( 55 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Novembru 2011, Dereci et (C‑256/11, EU:C:2011:734, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Oguz (C‑186/10, EU:C:2011:509, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 57 ) Ara s-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari (C‑16/05, EU:C:2007:530, punt 58) (fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment).

( 58 ) Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168).

( 59 ) Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

( 60 ) Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 2/76; ara wkoll il-ħames premessa ta’ dik id-deċiżjoni.

( 61 ) Artikolu 30 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

( 62 ) Artikolu 16 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

( 63 ) Jista’ jkun hemm xi dubju dwar jekk id-Deċiżjoni Nru 2/76 ġietx applikata retroattivament bejn l-1 ta’ Diċembru 1976 u l-20 ta’ Diċembru 1976 (qabbel u kkuntrasta l-Artikoli 1(2) u 13 ta’ dik id-Deċiżjoni). Fortunatament, ma huwiex meħtieġ li tiġi deċiża dik il-kwistjoni sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula mill-qorti nazzjonali.

( 64 ) L-Artikolu 16(2) tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jipprovdi li l-adozzjoni ta’ strument ġdid li fih “soluzzjonijiet li jistgħu japplikaw mill-1 ta’ Diċembru 1983” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Madankollu, l-ebda strument ġdid bħal dan ma ġie adottat; u d-Deċiżjoni Nru 1/80 ma fiha l-ebda “data ta’ waqfien” għat-Taqsima 1 tal-Kapitolu II.

( 65 ) Kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta dik hija wkoll is-soluzzjoni adottata mill-KVLT. Skont l-Artikolu 70 tal-KVLT (dwar il-konsegwenzi tat-terminazzjoni ta’ Trattat), it-terminazzjoni ta’ trattat “ma taffettwa ebda dritt, obbligu jew sitwazzjoni legali tal-partijiet maħluqa permezz tal-eżekuzzjoni tat-trattat qabel it-terminazzjoni tiegħu” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (Artikolu 70(1)(b)). Il-Landeshauptstadt Stuttgart u l-Gvern Ġermaniż invokaw l-Artikolu 59 tal-KVLT (terminazzjoni jew sospensjoni tal-operazzjoni ta’ trattat b’konsegwenza tal-konklużjoni ta’ trattat sussegwenti), imma ma nikkunsidrax li xi waħda mill-kundizzjonijiet stabbiliti hemmhekk hija ssodisfatta fil-każ preżenti. B’mod partikolari, ma hemm l-ebda indikazzjoni li l-partijiet kellhom l-intenzjoni li d-Deċiżjoni Nru 1/80, barra li tirregola l-futur, ikollha effett retroattiv.

( 66 ) Sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995, Bozkurt (C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 14).

( 67 ) Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65), kif emendat l-iktar reċenti bir-Regolament (UE) 2017/850 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2017 li jemenda r-Regolament Nru 539/2001 (ĠU 2017 L 133, p. 1).

( 68 ) Sentenzi tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247), u tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066).

( 69 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400).

( 70 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Darmon fil-kawża Demirel (12/86, EU:C:1987:232, punti 2728). Ir-Regolament Nru 15 dwar il-miżuri inizjali għall-kisba ta’ moviment liberu ta’ ħaddiema fil-Komunità (ĠU 1961, 57, p. 1073) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 15”) kien fih ukoll xi dispożizzjonijiet dwar ir-riunifikazzjoni tal-familja għal ċittadini tal-Istati Membri li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

( 71 ) Skont l-Artikolu 36 tal-Protokoll Addizzjonali, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni għandu s-setgħa esklużiva li jistabbilixxi regoli ddettaljati għal dak il-għan.

( 72 ) Ara s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punt 22).

( 73 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400, punti 2324).

( 74 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 46).

( 75 ) Sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224).

( 76 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009(Sahin,C‑242/06, EU:C:2009:554).

( 77 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 33). Jidher li dik il-formula ġiet miżjuda għall-ewwel darba fir-rigward tal-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali b’sentenza tal-11 ta’ Mejju 2000, Savas (C‑37/98, EU:C:2000:224, punt 69) (fejn tidher bħala “li għandha l-għan jew l-effett ta’” – l-espressjoni użata b’mod kostanti mill-Qorti tal-Ġustizzja). L-espressjoni “hija intiża li” fis-sentenza Genc tidher li hija varjazzjoni fit-traduzzjoni. Il-ġurisprudenza sussegwenti tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet konsistenti f’dak ir-rigward. Ara, inter alia, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 78 ) Il-paragrafu preċedenti jgħid hekk: “[…] l-Artikolu 41(1) tal-Protokoll Addizzjonali jipprekludi l-adozzjoni, mid-data tad-dħul fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti tal-att legali li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnu, ta’ kwalunkwe restrizzjonijiet ġodda fuq l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment u tal-liberità li jiġu pprovduti servizzi, inkluż dawk li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet sostantivi u/jew proċedurali dwar l-ewwel dħul fit-territorju ta’ dan l-Istat taċ-ċittadini Torok li jixtiequ jagħmlu użu hemmhekk mill-imsemmija libertajiet ekonomiċi (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Settembru 2007, Tum u Dari, C‑16/05, Ġabra p. I‑7415, punt 69, kif ukoll Soysal u Savatli, iċċitata iktar ’il fuq, punti 47 u 49)”.

( 79 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 117). Il-konfużjoni inżammet f’ġurisprudenza sussegwenti. Ara, inter alia, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 80 ) Ara l-punti 34 sa 37 iktar ’il fuq.

( 81 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 4546).

( 82 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066). Għalkemm ippreżentat ċertifikat mill-Istitut Goethe li jiċċertifika li kienet għaddiet test tal-lingwa fil-livell A1, sar magħruf li kienet illitterata u kienet għamlet it-test billi rrispondiet il-kwestjonarju b’għażla multipla każwali u billi tgħallmet tliet sentenzi standard bl-amment. Ara l-paragrafi 17 sa 23 tas-sentenza għal rakkont iktar sħiħ tal-ġrajjiet li wasslu għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

( 83 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 36). Dik is-sentenza kienet ġiet ikkritikata. Ara, pereżempju, Hailbronner, K., “The stand still clauses in the EU-Turkey Association Agreement and their impact upon immigration law in the EU Member States”, f’Rights of third-country nationals under EU association agreements, Brill, Nijhoff, Leiden, Boston, 2015, p. 186‑201, speċjalment 194 sa 197.

( 84 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 40), li tiċċita s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 35).

( 85 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 4142), li tiċċita s-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 48).

( 86 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 4445).

( 87 ) Sentenza tal-24 ta’ Settembru 2013, Demirkan (C‑221/11, EU:C:2013:583).

( 88 ) Sentenza tal-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 49), li tiċċita s-sentenza tas-17 ta’ April 1997, Kadiman (C‑351/95, EU:C:1997:205, punti 34 sa 36); sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2000, Eyüp (C‑65/98, EU:C:2000:336, punt 26, u s-sentenza tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz, C‑275/02, EU:C:2004:570 punt 41.

( 89 ) Huwa veru li l-Artikolu 41(2) jagħti lill-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni s-setgħa li jiddetermina r-regoli progressivament biex jabolixxi r-restrizzjonijiet eżistenti dwar il-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Ovvjament, l-abolizzjoni tar-restrizzjonijiet eżistenti hija kwistjoni separata milli jiġi żgurat, permezz ta’ klawżola ta’ standstill, li ma jiġux introdotti restrizzjonijiet ġodda.

( 90 ) Sentenza tat-30 ta’ Settembru 1987, Demirel (12/86, EU:C:1987:400). Fis-sentenza Bozkurt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrifjutat li tirrikonoxxi d-dritt ta’ ħaddiem Tork li jibqa’ fl-Istat Membru fejn ħadem wara li kien ġarrab permanentement inkapaċità għax-xogħol, minħabba li ma kien hemm ebda dispożizzjoni espressa tal-liġi tal-Assoċjazzjoni KEE-Turkija li tagħti dak id-dritt. Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ġunju 1995 (C‑434/93, EU:C:1995:168, punt 40).

( 91 ) Ara r-Regolament Nru 15 (Artikoli 11 sa 15) u r-Regolament Nru 1612/68 (Artikoli 10 sa 12). Il-ħames premessa tar-regolament tal-aħħar jirrikonoxxi li l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema jirrikjedi li jiġu eliminati ostakoli għad-dritt tal-ħaddiem li tingħaqad miegħu l-familja tiegħu.

( 92 ) Fis-sentenzi tad-19 ta’ Lulju 2012, Dülger (C‑451/11, EU:C:2012:504, punt 49), u tat-30 ta’ Settembru 2004, Ayaz (C‑275/02,, EU:C:2004:570, punt 45), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1612/68 sabiex tinterpreta l-kunċett ta’ “membru tal-familja” fid-Deċiżjoni Nru 1/80.

( 93 ) L-ewwel paragrafu tal-Artikoli 7 u l-Artikolu 11 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

( 94 ) L-ewwel u t-tieni inċiżi tal-ewwel paragrafu tal-Artikoli 7 u l-Artikoli 9 u 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

( 95 ) Sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 64).

( 96 ) Sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, Bekleyen (C‑462/08, EU:C:2010:30, punt 36), li tiċċita s-sentenza tas-16 ta’ Marzu 2000, Ergat (C‑329/97, EU:C:2000:133, punt 42).

( 97 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punti 4546).

( 98 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 34). Fi stadju anterjuri, f’sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572, punt 84), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 13 tad-Deċiżjoni Nru 1/80 jista’ jkun ta’ benefiċċju għal ċittadin Tork biss jekk ikun ikkonforma mar-regoli tal-Istat Membru ospitanti dwar dħul, residenza u, fejn xieraq, impjieg u jekk, għalhekk, ikunx residenti legalment fit-territorju ta’ dak l-Istat.

( 99 ) Sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2003, Abatay et (C‑317/01 u C‑369/01, EU:C:2003:572).

( 100 ) Sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Soysal u Savatli (C‑228/06, EU:C:2009:101).

( 101 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin (C‑242/06, EU:C:2009:554).

( 102 ) Ara t-tieni u l-ħames premessi tad-Deċiżjoni Nru 2/76.

( 103 ) Il-kliem tat-test bl-Ingliż huwa kurjuż, għax jgħid “They (jiġifieri t-tfal Torok) may also be entitled” (Huma jistgħu wkoll ikunu intitolati) igawdu minn dawk il-vantaġġi. Fortunatament ma hemmx għalfejn napprofondixxi iktar dan il-punt hawnhekk.

( 104 ) Ara r-raba’ premessa tad-Deċiżjoni Nru 1/80.

( 105 ) Ara l-punti 74 sa 81 iktar ’il fuq.

( 106 ) Direttiva 2003/86/KE tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar id-dritt għal riunifikazzjoni tal-familja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 224).

( 107 ) L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2003/86 jiddikjara espressament li huwa mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta’, inter alia, “ftehim bilaterali […] bejn il-Komunita jew il-Komunita u l-Istati Membri tagħha, fuq in-naħa l-waħda, u pajjiżi terzi, fuq l-oħra”. Dawn il-ftehimiet bilaterali ovvjament jinkludu l-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni u d-Deċiżjoni Nru 1/80. Jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dawn tal-aħħar huma iktar favorevoli, fi kwalunkwe każ dawn jipprevalu. Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pehlivan (C‑484/07, EU:C:2010:410, punt 65).

( 108 ) Ara s-sentenzi tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247), u tad‑29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239).

( 109 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2011, Akdas et (C‑485/07, EU:C:2011:346, punt 59), fil-kuntest partikolari tal-benefiċċji soċjali għall-ħaddiema Torok.

( 110 ) Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Pehlivan (C‑484/07, EU:C:2010:410, punt 63).

( 111 ) Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Derin (C‑325/05, EU:C:2007:442, punt 68), u tas-16 ta’ Ġunju 2011, Pehlivan (C‑484/07, EU:C:2011:395, punt 65). Għal analiżi iktar iddettaljata tal-linja ta’ raġunament fis-sentenza Derin, ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bozkurt (C‑303/08, EU:C:2010:413, punt 50).

( 112 ) Sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Sahin (C‑242/06, EU:C:2009:554, punt 67 et seq.) Dak l-approċċ kien ikkonfermat fis-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 55 et seq.)

( 113 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 114 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 115 ) Sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 75).

( 116 ) L-Anness I tar-Regolament Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Dik il-lista tinkludi t-Turkija.

Ir-riferiment fl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 2004/38 għal-liġi nazzjonali għandu l-għan li jkopri s-sitwazzjoni tal-Istati Membri li ma japplikawx dak ir-regolament. Ara l-Proposta emendata għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-dritt taċ-ċittadini tal-Unjoni u l-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqalqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri (ippreżentata mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 250(2) tat-Trattat KE) COM(2003) 199 finali.

( 117 ) Nirreferi hawnhekk għad-Direttiva 2004/38 sempliċement biex neżamina l-pożizzjoni taħt l-Artikolu 59 tal-Protokoll Addizzjonali.

( 118 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ April 2010, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C‑92/07, EU:C:2010:228, punt 71).

( 119 ) Ara l-punt 36 iktar ’il fuq.

( 120 ) Ara, inter alia, is-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Lyyski (C‑40/05, EU:C:2007:10, punt 38).

( 121 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2004, Cetinkaya (C‑467/02, EU:C:2004:708, punt 42 sa 48).

( 122 ) Ara s-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 37), fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment. Dak il-każ segwa r-raġunament stabbilit fis-sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 40 et seq.) dwar l-ammissjoni fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ ċittadin Tork li jkun beħsiebu jidħol għal impjieg bi ħlas. Ara wkoll is-sentenza tat-12 ta’ April 2016Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 57).

( 123 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2013, Demir (C‑225/12, EU:C:2013:725, punt 41).

( 124 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 38). Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja ma rrikonoxxietx espressament dik ir-raġuni ta’ ġustifikazzjoni, hija pproċediet “fuq l-assunzjoni” li l-prevenzjoni ta’ żwiġijiet imġiegħla tista’ tkun raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali.

( 125 ) Sentenza tat-12 ta’ April 2016, Genc (C‑561/14, EU:C:2016:247, punt 56).

( 126 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 39).

( 127 ) Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fis-sentenza Genc (C‑561/14, EU:C:2016:28, punt 34).

( 128 ) Sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 35 sa 39).

( 129 ) Fis-sentenzi Tekdemir u Genc, ir-regoli nazzjonali inkwistjoni ma kinux jippermettu eċċezzjonijiet u l-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi li dawn il-miżuri kienu sproporzjonati. Hawnhekk, min-naħa l-oħra, ir-regoli nazzjonali jipprovdu għal eċċezzjoni f’ċirkustanzi xierqa. Il-qorti nazzjonali biss ser ikollha l-materjal meħtieġ biex tistħarreġ il-legalità tad-deċiżjoni tal-awtoritajiet kompetenti. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Jannar 2007, Lyyski (C‑40/05, EU:C:2007:10, punt 48).

( 130 ) Sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Dogan (C‑138/13, EU:C:2014:2066, punt 37).

( 131 ) Ara, f’dak is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punt 41).

( 132 ) Ara, f’dak is-sens, fir-rigward tar-rekwiżit li jkollok permess ta’ residenza, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239, punti 4243).

( 133 ) Skont il-fatti, is-sitwazzjoni ta’ N. Yön hija ferm differenti minn dik tar-rikorrenti fis-sentenza Tekdemir. Furkan Tekdemir kien tarbija, imwieled fil-Ġermanja bilkemm xahar qabel ma l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza ġiet ippreżentata f’ismu. Huwa kien legalment residenti hemm ma’ missieru, li kien ħaddiem Tork (ara s-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2017, Tekdemir (C‑652/15, EU:C:2017:239)). B’kuntrast, N. Yön kienet toqgħod fit-Turkija (sa fejn huwa rilevanti hawnhekk) bejn id-data taż-żwieġ tagħha lil żewġha Yön (2004) u meta daħlet fil-Pajjiżi l-Baxxi b’viża Schengen maħruġa minn dak l-Istat Membru (Marzu 2013).