KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fit‑22 ta’ Marzu 2018 ( 1 )

Kawżi magħquda C‑47/17 u C‑48/17

X (C‑47/17),

X (C‑48/17)

vs

Staatssecretaris van Veiligheid en Justitie

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali, Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 604/2013 – Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz – Regolament (KE) Nru 1560/2003 – Artikolu 5(2) – Talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura ta’ applikant għal ażil – Tweġiba negattiva tal-Istat Membru mitlub – Talba għal eżami mill-ġdid – Terminu għat-tweġiba – Nuqqas ta’ osservanza – Konsegwenzi”

I. Introduzzjoni

1.

Dawn id-domandi preliminari ppreżentati lir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 u t-3 ta’ Frar 2017 mir-Rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali, Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi), jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz ( 2 ).

2.

Dawn id-domandi tressqu fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ applikanti għal ażil u l-iStaatssecretaris van Veiligheid en Justitie (is-Segretarju tal-Istat għas-Sigurtà u l-Ġustizzja, il-Pajjiżi l-Baxxi, iktar ’il quddiem is-“Segretarju tal-Istat”).

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

1. Ir-Regolament Dublin III

3.

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 ( 3 ) jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 4 ). L-artikoli rilevanti ta’ dan ir-regolament huma dawn li ġejjin:

4.

L-Artikolu 3(2):

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

[…]

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

5.

L-Artikolu 17(1):

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz [jew persuna apolida], ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

[…]”

6.

L-Artikolu 20(1) u (5):

“1.   Il-proċess biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli għandu jibda hekk kif applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali tkun iddepożitata għall-ewwel darba għand Stat Membru.

[…]

5.   Applikant li jkun preżenti fi Stat Membru ieħor mingħajr dokument ta’ residenza jew li hemm iddepożita applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali wara li jirtira l-ewwel applikazzjoni tiegħu magħmula fi Stat Membru ieħor matul il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli għandu jittieħed lura, taħt il-kondizzjonijiet preskritti fl-Artikolu 23, 24, 25 u 29, mill-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet l-ewwel iddepożitata, bil-ħsieb li jtemm il-proċess li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli.

[…]”

7.

L-Artikolu 21:

“1.   Fejn Stat Membru li għandu kienet iddepożitata applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membru ieħor huwa responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni, jista’, kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien tliet xhur mid-data li fiha l-applikazzjoni kienet iddepożitata fit-tifsira tal-Artikolu 20(2), jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu inkarigu [jieħu r-responsabbiltà] tal-applikant.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, f’każ ta’ ‘hit’ mill-Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-‘Eurodac’ għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament [Dublin III] u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja ( 5 )], it-talba għandha tintbagħat fi żmien xagħrejn minn meta tiġi riċevuta l-‘hit’ skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.

Fejn it-talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ma ssirx fi żmien il-perijodi stabbiliti fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi, ir-responsibilità biex tkun eżaminata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li għandu l-applikazzjoni kienet iddepożitata.

2.   L-Istat Membru li jagħmel it-talba jista’ jitlob tweġiba urġenti f’każijiet fejn l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata wara li permess biex jidħol jew jibqa’ kien irrifjutat, wara arrest minħabba soġġorn illegali jew wara preżentazzjoni jew eżekuzzjoni ta’ ordni ta’ tneħħija.

It-talba għandha tiddikjara r-raġunijiet li jiġġustifikaw tweġiba urġenti u l-perijodu li fih tweġiba tkun mistennija. Dak il-perijodu għandu jkun għall-inqas ta’ ġimgħa.

3.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, it-talba li jittieħed inkarigu minn Stat Membru ieħor għandha ssir billi tintuża formola standard u tinkludi prova jew xhieda ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi relevanti mid-dikjarazzjoni tal-applikant, li jagħmlu possibbli għall-awtoritajiet tal-Istat Membru li tkun saritlu t-talba li jikkontrollaw jekk hux responsabbli fuq il-bażi tal-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta kondizzjonijiet uniformi dwar il-preparazzjoni u s-sottomissjoni ta’ talbiet għal inkarigu. […]”.

8.

L-Artikolu 22:

“1.   L-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa, u għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu [tittieħed ir-responsabbiltà] ta’ applikant fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba.

[…]

3.   Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tistabbilixxi, u tirrevedi perjodikament, żewġ listi, li juru l-elementi ta’ prova u xhieda ċirkostanzjali relevanti […].

[…]

6.   Fejn l-Istat Membru li jagħmel it-talba jkun ġab l-urġenza bħala raġuni […], l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba għandu jagħmel kull sforz biex jikkonforma mal-limitu ta’ żmien mitlub. F’każijiet eċċezzjonali, fejn jista’ jkun muri li l-eżami ta’ talba biex jittieħed inkarigu ta’ applikant ikun partikolarment kompless, l-Istat Membru li tkun saritlu t-talba jista’ jagħti t-tweġiba tiegħu wara l-limitu ta’ żmien mitlub, imma f’kull każ fi żmien xahar. […]

7.   Nuqqas ta’ azzjoni fi żmien il-perijodu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 u l-perijodu ta’ xahar imsemmi fil-paragrafu 6 għandu jkollu effett ugwali ta’ aċċettazzjoni tat-talba, u jinvolvi l-obbligu li tittieħed inkarigu tal-persuna, inklużi l-obbligu biex jipprovdi għal arranġamenti xierqa għal wasla.”

9.

L-Artikolu 23:

“1.   Meta Stat Membru fejn persuna kif imsemmi ja fl-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d) iddepożitat applikazzjoni ġdida għal protezzjoni internazzjonali jikkunsidra li Stat Membu ieħor huwa responsabbli skont l-Artikolu 20(5) u l-Artikolu 18(1)(b), (c) jew (d), dan jista’ jitlob lill-Istat Membru l-ieħor biex jieħu lura dik il-persuna.

2.   Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva l-‘hit’ mill-Eurodac kif iddefinit mill-Artikolu 9(5) tar-Regolament [Eurodac].

Jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq evidenza li mhix data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tkun mibgħuta lill-Istat Membru li saritlu t-talba fi żmien tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fit-tifsira tal-Artikolu 20(2).

3.   Meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fil-perijodi stipulati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali suċċessiva għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.

4.   Talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir permezz ta’ formola standard u għandha tinkludi provi jew evidenza ċirkostanzjali kif deskritt fiż-żewġ listi msemmija fl-Artikolu 22(3) u/jew elementi rilevanti mid-dikjarazzjonijiet tal-persuna konċernata, li jippermettu lill-awtoritajiet tal-Istat Membru rikjest jivverifikaw jekk huwiex responsabbli abbażi tal-kriterji stabbiliti minn dan ir-Regolament.

Il-Kummissjoni għandha, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni, tadotta kondizzjonijiet uniformi għall-preparazzjoni u s-sossotmissjoni [s-sottomissjoni] ta’ talbiet biex tittieħed lura persuna. […]”

10.

L-Artikolu 25:

“1.   L-Istat Membru rikjest għandu jagħmel il-kontrolli meħtieġa u jagħti deċiżjoni dwar it-talba biex jieħu lura l-persuna kkonċernata kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux aktar tard minn xahar mid-data meta kienet rċevuta t-talba. Meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dak il-limitu ta’ żmien għandu jitnaqqas għal ġimagħtejn.

2.   Nuqqas ta’ azzjoni fil-perijodu ta’ xahar jew fil-perijodu ta’ ġimagħtejn imsemmija fil-paragrafu 1, għandha tfisser aċċettazzjoni tat-talba, u għandha tinvolvi l-obbligu li jieħu lura l-persuna kkonċernata, inkluż l-obbligu li jipprovdi arranġamenti xierqa għall-wasla.”

11.

L-Artikolu 29:

“1.   It-trasferiment tal-applikant […] mill-Istat Membru rikjedenti lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jkun eżegwit skont id-dritt nazzjonali tal-Istat Membru rikjedenti, wara konsultazzjoni bejn l-Istati Membri kkonċernati, mill-aktar fis li jkun prattikament possibbli, u l-aktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor biex jieħu inkarigu [jieħu r-responsabbiltà] ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata jew tad-deċiżjoni finali wara appell jew reviżjoni [eżami mill-ġdid] fejn ikun hemm effett sospensiv […].

[…]

2.   Fejn it-trasferiment ma jsirx fiż-żmien limitu ta’ sitt xhur, l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi biex jieħu inkarigu ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun trasferita lill-Istat Membru rikjedenti. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax‑il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet.

[…]”

12.

L-Artikolu 37:

“1.   Fejn l-Istati Membri ma jistgħux isolvu tilwima, dwar kwalunke kwestjoni relatata mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jistgħu jirrikorru għall-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista mill-paragrafu 2.

2.   Il-proċedura ta’ konċiljazzjoni għandha tinbeda b’talba minn wieħed mill-Istati Membri fit-tilwima lill-President tal-Kumitat imwaqqaf mill-Artikolu 44. Meta jaqblu li jużaw il-proċedura ta’ konċiljazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati jintrabtu li jagħtu l-ogħla konsiderazzjoni lis-soluzzjoni proposta.

Il-President tal-Kumitat għandu jaħtar tliet membri tal-Kumitat li jirrappreżentaw tliet Stati Membri mhux konnessi mal-affari. Huma għandhom jirċievu l-argumenti tal-partijiet jew bil-miktub jew verbalment u, wara deliberazzjoni, għandhom jipproponu soluzzjoni fi żmien xahar, fejn meħtieġ wara vot.

[…]

Tkunx adottata jew miċħuda mill-partijiet, is-soluzzjoni proposata għandha tkun finali u irrevokabbli.”

2. Ir-Regolament Nru 1560/2003

13.

L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1560/2003 jipprovdi:

“1.   Fejn, wara li kontrolli jiġu mwettqa’, l-Istat Membru mitlub jistabbilixxi li l-evidenza mogħtija ma tistabbilixxiex ir-responsabbiltà tiegħu, ir-risposta negattiva li jibgħat lill-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba għandha tistqarr raġunijiet sħaħ u dettaljati għaċ-ċaħda tiegħu.

2.   Fejn l-Istat Membru li jkun qed jagħmel it-talba jħoss li din iċ-ċaħda hija bbażata fuq apprezzament żbaljat, jew fejn għandu provi addizzjonali x’jipprovdi, jista’ jitlob li t-talba tiegħu tiġi mistħarrġa mill-ġdid. Din l-għażla trid tiġi eżerċitata fi żmien tliet ġimgħat wara li jirċievi r-risposta negattiva. L-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-għalmu tiegħu biex jirrispondi fi żmien ġimagħtejn. F’kull każ, din il-proċedura addizzjonali m’għandhiex testendi l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u (6) u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament [Dublin II].”

3. Id-Direttiva 2013/32

14.

L-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali ( 6 ), jipprovdi dan li ġej:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni.

Fejn applikazzjoni tkun suġġetta għall-proċedura stabbilita fir-Regolament [Dublin III], il-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi determinat f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu.

L-Istati Membri jistgħu jestendu l-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur stabbilit f’dan il-paragrafu għal perjodu li ma jaqbiżx disa’ xhur oħra, meta:

(a)

jkun hemm kwistjonijiet kumplessi ta’ fatt u/jew liġi;

(b)

għadd kbir ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi japplikaw simultanjament għall-protezzjoni internazzjonali, bir-riżultat li jsir diffiċli ħafna fil-prattika li l-proċedura tiġi ffinalizzata fil-limitu ta’ żmien ta’ sitt xhur;

[…]

Permezz ta’ eċċezzjoni, l-Istati Membri jistgħu, f’ċirkostanzi ġustifikati kif xieraq, jaqbżu l-limiti taż-żmien stabbiliti li jinsabu f’dan il-paragrafu b’massimu ta’ tliet xhur meta dan ikun meħtieġ sabiex jiġi żgurat eżami adegwat u sħiħ tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.”

B.   Id-dritt Olandiż

15.

L-artikoli rilevanti tal-Algemene wet bestuursrecht (il-Liġi Ġenerali dwar il-Proċedura Amministrattiva, iktar ’il quddiem l-“Awb”) huma dan li ġejjin:

16.

L-Artikolu 4:17(1):

“Jekk hija ma tiddeċidix fi żmien xieraq dwar applikazzjoni, l-awtorità amministrattiva hija obbligata tħallas pagamenti ta’ penalità lill-applikant għal kull ġurnata ta’ dewmien, fejn madankollu dan it-tul taż-żmien ma jistax jaqbeż it‑42 ġurnata”.

17.

L-Artikolu 6:2(b):

“Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali fil-qasam tar-rikors u tal-ilment, in-nuqqas li tittieħed deċiżjoni fi żmien xieraq huwa ekwivalenti għal deċiżjoni.”

18.

L-Artikolu 6:12(2):

“Jista’ jiġi ppreżentat rikors malli l-awtorità amministrattiva ma tkunx iddeċidiet fi żmien xieraq u jkun skada t-terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri mill-għada tal-ġurnata li fiha l-parti kkonċernata tkun innotifikat bil-miktub lill-awtorità amministrattiva bin-nuqqas tagħha.”

19.

L-Artikolu 8:55b(1):

“Meta rikors jiġi ppreżentat kontra nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni fi żmien xieraq, il-qorti amministrattiva għandha tiddeċiedi, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8:54 tal-Awb, f’terminu ta’ tmien ġimgħat mir-riċezzjoni tat-talba u b’osservanza tal-kriterji previsti fl-Artikolu 6:5 tal-Awb, sakemm hija ma tqisx meħtieġ li tinżamm seduta.”

20.

L-Artikolu 8:55c:

“Il-qorti amministrattiva għandha tiddetermina wkoll, meta tiġi mistiedna tagħmel dan u meta r-rikors ikun fondat, l-ammont tal-pagamenti ta’ penalità dovuti.”

21.

B’applikazzjoni tal-Artikolu 8:55d(1) tal-Awb, jekk ir-rikors ikun fondat u ma tkun għadha ġiet innotifikata ebda deċiżjoni, il-qorti amministrattiva għandha tordna lill-awtorità amministrattiva tinnotifika deċiżjoni f’terminu ta’ ġimagħtejn li jibda jiddekorri mill-għada tan-notifika tas-sentenza. Skont il-paragrafu 2, il-qorti amministrattiva għandha tistabbilixxi, flimkien mas-sentenza tagħha, pagamenti ta’ penalità supplimentari għal kull ġurnata ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tas-sentenza mill-awtorità amministrattiva.

III. Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

A.   Il-Kawża C‑47/17

22.

Fl‑24 ta’ Jannar 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Sirjana, ippreżenta, lis-Segretarju tal-Istat tal-Pajjiżi l-Baxxi, applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil. Fl-istess ġurnata, is-Segretarju tal-Istat irċieva riżultat pożittiv (“hit”) mill-Eurodac dwar dan ir-rikorrent li kien jindika li dan, fit‑22 ta’ Jannar 2016, kien ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ( 7 ).

23.

Fl‑24 ta’ Marzu 2016, abbażi tal-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III, is-Segretarju tal-Istat ressaq quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi talba għal teħid lura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

24.

Fis‑7 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu t-talba għal teħid lura ( 8 ).

25.

Fl‑14 ta’ April 2016, konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003, is-Segretarju tal-Istat ressaq, quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi, talba għal eżami mill-ġdid li baqgħet mingħajr tweġiba.

26.

Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Awwissu 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali talab lis-Segretarju tal-Istat jeżamina l-applikazzjoni tiegħu u jqis bħala definittiv ir-rifjut tas‑7 ta’ April 2016 tal-awtoritajiet Ġermaniżi. Is-Segretarju tal-Istat ma weġibx dwar il-mertu ta’ din it-talba.

27.

Fl‑14 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali beda strajk tal-ġuħ u tal-għatx.

28.

Fis‑17 ta’ Novembru 2016, huwa ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn invoka l-assenza ta’ deċiżjoni, fi żmien xieraq, dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil u talabha tikkundanna lis-Segretarju tal-Istat għall-ħlas ta’ pagamenti ta’ penalità mill-ġurnata tan-nuqqas tiegħu li jagħti deċiżjoni, tordnalu jagħti deċiżjoni fi żmien xieraq li hija ser tistabbilixxi u żżid ma’ din l-ordni pagamenti ta’ penalità supplimentari ta’ EUR 100 għal kull ġurnata ta’ dewmien ( 9 ).

29.

Madwar it‑23 ta’ Novembru 2016, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali reġa’ beda jiekol u jixrob.

30.

Fit‑22 ta’ Diċembru 2016, is-Segretarju tal-Istat informa lill-qorti tar-rinviju bil-fatt li, fl‑14 ta’ Diċembru 2016, dan tal-aħħar kien irtira t-talba għal teħid lura mressqa quddiem l-awtoritajiet Ġermaniżi u li l-applikazzjoni għal ażil tar-rikorrent fil-kawża prinċipali minn issa ’l quddiem kienet ser tiġi pproċessata skont in-Nederlandse Algemene Asielprocedure (il-proċedura ġenerali ta’ ażil Olandiża).

31.

Permezz ta’ deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2017, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kiseb l-istatus ta’ refuġjat.

32.

Il-partijiet fil-kawża prinċipali ma jaqblux dwar jekk it-terminu li fih is-Segretarju tal-Istat kellu jagħti deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil, ippreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fl‑24 ta’ Jannar 2016, kienx skada fil-frattemp.

33.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari, isostni li wara l-iskadenza tat-termini ffissati mill-Artikoli 23 u 25 tar-Regolament Dublin III għall-proċedura ta’ teħid lura, kellu jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli. Jekk l-Istat Membru mitlub jagħti, fit-termini, tweġiba negattiva għat-talba ta’ teħid lura, ir-responsabbiltà taqa’, minn dan il-mument, f’idejn l-Istat Membru rikjedent. Għaldaqstant, it-terminu ta’ sitt xhur biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal ażil jibda jiddekorri minn dan il-mument. Peress li, fis‑7 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Ġermaniżi rrifjutaw it-talba għal teħid lura, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien, minn din l-istess data, responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil tar-rikorrent, b’tali mod li t-terminu stabbilit biex tittieħed deċiżjoni dwar din l-applikazzjoni skada fis‑7 ta’ Ottubru 2016.

34.

Min-naħa l-oħra, skont is-Segretarju tal-Istat, it-terminu biex tittieħed deċiżjoni dwar l-imsemmija applikazzjoni beda jiddekorri biss mill‑14 ta’ Diċembru 2016, id-data li fiha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi ddikjara ruħu responsabbli għall-ipproċessar tagħha.

35.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Istat Membru mitlub għandu, fid-dawl tal-għan, tal-kontenut u tal-portata tar-Regolament [Dublin III] u tad-Direttiva [2013/32], jirrispondi fi żmien ġimagħtejn għat-talba għal eżami mill-ġdid kif prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003]?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, għandu jiġi applikat, fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], il-perijodu massimu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament [Dublin II] (li issa huwa l-Artikolu 25(1) tar-Regolament [Dublin III])?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Istat Membru mitlub għandu, bħala konsegwenza tal-espressjoni ‘għandu jagħmel l-għalmu tiegħu’ li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], terminu raġonevoli sabiex jirrispondi għat-talba għal eżami mill-ġdid?

4)

Jekk jikkostitwixxi effettivament terminu raġonevoli li fih l-Istat Membru mitlub għandu jirrispondi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], għat-talba għal eżami mill-ġdid, jibqa’ jikkostitwixxi terminu raġonevoli, meta jgħaddu iktar minn sitt xhur, bħal fil-każ inkwistjoni? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, x’għandu jinftiehem b’terminu raġonevoli?

5)

Liema konsegwenzi għandhom jiġu dedotti mill-fatt li l-Istat Membru mitlub ma jirrispondix għat-talba għal eżami mill-ġdid fi żmien ġimagħtejn, fi żmien xahar jew f’terminu raġonevoli? Huwa l-Istat li qiegħed jagħmel it-talba, f’dak il-każ, responsabbli li jeżamina fil-mertu l-applikazzjoni għal ażil ta’ barrani, jew huwa responsabbli l-Istat Membru mitlub?

6)

Jekk għandu jitqies li l-Istat Membru mitlub isir responsabbli għall-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni għal ażil bħala konsegwenza tal-fatt li ma rrispondiex fil-ħin għat-talba għal eżami mill-ġdid, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], f’liema terminu għandu l-Istat Membru li qiegħed jagħmel it-talba — il-konvenut f’dan il-każ — jinforma lill-barrani b’dan?”

B.   Il-Kawża C‑48/17

36.

Fit‑22 ta’ Settembru 2015, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Eritrea, ippreżenta applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil fil-Pajjiżi l-Baxxi. Skont id-database Eurodac, huwa kien diġà ppreżenta, fid‑9 ta’ Ġunju 2015, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Isvizzera.

37.

Għalkemm it-talba għal deċiżjoni preliminari ma fihiex informazzjoni dwar dan is-suġġett, mill-proċess nazzjonali li jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali wasal fl-aħħar tax-xahar ta’ Mejju 2015 fl-Italja, billi qasam il-Mediterran, fejn madankollu ma tteħdux il-marki tas-swaba’ diġitali tiegħu. Huwa sussegwentement mar lejn l-Isvizzera, fejn wasal fit‑8 ta’ Ġunju 2015. Fis‑17 ta’ Settembru 2015, huwa telaq mill-Isvizzera u mar, wara li għadda minn Franza, lejn il-Pajjiżi l-Baxxi.

38.

Fl‑20 ta’ Novembru 2015, is-Segretarju tal-Istat ressaq, quddiem l-awtoritajiet Svizzeri, talba għal teħid lura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III.

39.

Fil‑25 ta’ Novembru 2015, l-awtoritajiet Svizzeri ċaħdu din it-talba, minħabba li l-Konfederazzjoni Svizzera, qabel dan, kienet ressqet quddiem ir-Repubblika Taljana talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura, li kienet baqgħet mingħajr tweġiba, b’tali mod li, mill‑1 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika Taljana saret responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal ażil.

40.

Fis‑27 ta’ Novembru 2015, is-Segretarju tal-Istat ressaq, quddiem l-awtoritajiet Taljani, talba skont l-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III għat-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

41.

Fit-30 ta’ Novembru 2015, l-awtoritajiet Taljani ċaħdu din it-talba.

42.

Fl‑1 ta’ Diċembru 2015, is-Segretarju tal-Istat ressaq quddiem l-awtoritajiet Taljani talba għal eżami mill-ġdid skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003, u fit‑18 ta’ Jannar 2016, huwa bagħat ittra ta’ tfakkira lil dawn l-awtoritajiet.

43.

Fis‑26 ta’ Jannar 2016, l-awtoritajiet Taljani aċċettaw it-talba għal teħid lura tar-rikorrent fil-kawża prinċipali ( 10 ).

44.

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ April 2016, is-Segretarju tal-Istat irrifjuta li jeżamina l-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil ippreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, minħabba li r-Repubblika Taljana kienet responsabbli għall-ipproċessar tal-imsemmija applikazzjoni.

45.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Barra minn hekk huwa talab lill-imħallef għal miżuri provviżorji biex jipprojbixxi, permezz ta’ miżura provviżorja, lis-Segretarju tal-Istat milli jkeċċih qabel l-iskadenza ta’ terminu ta’ erba’ ġimgħat mill-ġurnata li fiha l-qorti tar-rinviju tkun tat deċiżjoni dwar ir-rikors. Permezz ta’ digriet tat‑30 ta’ Ġunju 2016, l-imħallef għal miżuri provviżorji laqa’ din it-talba għal miżuri provviżorji.

46.

Il-partijiet ma jaqblux, b’mod partikolari, dwar jekk is-Segretarju tal-Istat sarx responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal permess ta’ residenza temporanja bħala applikant għal ażil ippreżentata mir-rikorrent fil-kawża prinċipali, fit‑22 ta’ Settembru 2015, minħabba l-fatt li l-awtoritajiet Taljani, wara li ċaħdu inizjalment it-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura mressqa mis-Segretarju tal-Istat, ma wieġbux għat-talba għal eżami mill-ġdid fit-terminu stabbilit.

47.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Istat Membru mitlub għandu, fid-dawl tal-għan, tal-kontenut u tal-portata tar-Regolament [Dublin III] u tad-Direttiva [2013/32], jirrispondi fi żmien ġimagħtejn għat-talba għal eżami mill-ġdid kif prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003]?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, għandu jiġi applikat, fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], il-perijodu massimu ta’ xahar previst fl-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament [Dublin II] (li issa huwa l-Artikolu 25(1) tar-Regolament [Dublin III])?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u għat-tieni domanda, l-Istat Membru mitlub għandu, bħala konsegwenza tal-espressjoni ‘għandu jagħmel l-għalmu tiegħu’ li tinsab fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], terminu raġonevoli sabiex jirrispondi għat-talba għal eżami mill-ġdid?

4)

Jekk jikkostitwixxi effettivament terminu raġonevoli li fih l-Istat Membru mitlub għandu jirrispondi, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], għat-talba għal eżami mill-ġdid, jibqa’ jikkostitwixxi terminu raġonevoli, meta jgħaddu iktar minn sitt xhur [meta jgħaddu seba’ ġimgħat u nofs], bħal fil-każ inkwistjoni? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din id-domanda, x’għandu jinftiehem b’terminu raġonevoli?

5)

Liema konsegwenzi għandhom jiġu dedotti mill-fatt li l-Istat Membru mitlub ma jirrispondix għat-talba għal eżami mill-ġdid fi żmien ġimagħtejn […] jew f’terminu raġonevoli? Huwa l-Istat li qiegħed jagħmel it-talba, f’dak il-każ, responsabbli li jeżamina fil-mertu l-applikazzjoni għal ażil ta’ barrani, jew huwa responsabbli l-Istat Membru mitlub?

6)

Jekk għandu jitqies li l-Istat Membru mitlub isir responsabbli għall-eżami fil-mertu tal-applikazzjoni għal ażil bħala konsegwenza tal-fatt li ma rrispondiex fil-ħin għat-talba għal eżami mill-ġdid, kif huwa stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], f’liema terminu għandu l-Istat Membru li qiegħed jagħmel it-talba — il-konvenut f’dan il-każ — jinforma lill-barrani b’dan?”

IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

48.

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat‑13 ta’ Frar 2016, il-Kawża C‑47/17 ingħaqdet mal-kawża C‑48/17 għall-finijiet tal-fażijiet bil-miktub u orali tal-proċedura kif ukoll tas-sentenza, fejn id-domandi preliminari magħmula mill-istess qorti f’dawn iż-żewġ kawżi huma, essenzjalment, identiċi ( 11 ).

49.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑47/17, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Ungerija, tar-Renju Unit u tal-Konfederazzjoni Svizzera, kif ukoll mill-Kummissjoni.

50.

Permezz ta’ ittra tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑16 ta’ Ottubru 2017, il-partijiet ikkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja ntalbu jagħtu tweġiba fil-qosor għal xi mistoqsijiet bil-miktub.

51.

Ġew ippreżentati tweġibiet bil-miktub mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi magħquda C‑47/17 u C‑48/17, mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u tal-Ġermanja kif ukoll mill-Kummissjoni.

52.

Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fil-Kawżi magħquda C‑47/17 u C‑48/17, il-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-Ġermanja u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet orali matul is-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2018.

V. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

53.

Il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li huwa l-bażi tas-sistema Ewropea komuni tal-ażil wassal lil-leġiżlatur tal-Unjoni biex jadotta, b’mod partikolari, ir-Regolament Dublin III bil-għan li qabel kollox, jiġi rrazzjonalizzat l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u jiġi evitat xogħol żejjed għas-sistema minħabba l-obbligu tal-Istati li jipproċessaw applikazzjonijiet multipli ppreżentati mill-istess applikant, u sussegwentement tiżdied iċ-ċertezza legali fir-rigward tad-determinazzjoni tal-Istat responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal ażil u b’hekk jiġi evitat “forum shopping”, u dan kollu fid-dawl tal-għan prinċipali li jitħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet fl-interess kemm tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil u kif ukoll fl-interess tal-Istati parteċipanti ( 12 ).

54.

Ir-Regolament Dublin III b’hekk għandu bħala għan, skont l-Artikolu 1 tiegħu, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi ddeterminat liema jkun l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ( 13 ).

1. Proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u teħid lura

55.

“[S]kont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Dublin III, applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew minn persuna apolida fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri, irrispettivament minn dak li jkun, bħala prinċipju tiġi eżaminata unikament mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament juru li huwa responsabbli” ( 14 ). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Dublin III jippreċiża li l-kriterji li jiddeterminaw l-Istat Membru responsabbli għandhom ikunu applikati fl-ordni li fiha huma ddikjarati fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament. Madankollu, minbarra l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III, sabiex jiġi indikat Stat Membru wieħed bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament jistabbilixxi proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u teħid lura minn Stat Membru ieħor li jikkontribwixxu, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli ( 15 ).

56.

Id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u teħid lura stabbiliti mir-Regolament Dublin III jipprevedu sensiela ta’ termini obbligatorji kif ukoll konsegwenzi fil-każ ta’ skadenza ta’ dawn it-termini. Fil-fehma tiegħi, l-għan li jitħaffef l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-interessi kemm tal-applikanti għal ażil kif ukoll tal-Istati parteċipanti huwa l-bażi tat-termini obbligatorji ffissati fil-Kapitolu VI tar-Regolament Dublin III.

57.

Għalhekk, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li t-talba minn Stat Membru għal teħid ta’ responsabbiltà, minn Stat Membru ieħor, għandha tiġi fformulata kemm jista’ jkun malajr u, fi kwalunkwe każ, f’terminu ta’ tliet xhur li jibda jiddekorri mid-data ta’ sottomissjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 16 ). Il-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-effetti tal-iskadenza ta’ dawn it-termini billi ppreċiża, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III li, jekk din it-talba ma hijiex ifformulata f’dawn it-termini, ir-responsabbiltà tal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali taqa’ fuq l-Istat Membru li lilu din l-applikazzjoni kienet ġiet sottomessa ( 17 ).

58.

Fil-punt 62 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li bl-applikazzjoni tal-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III, applikant għal protezzjoni internazzjonali jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ rikors eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-iskadenza ta’ terminu stabbilit fl-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament.

59.

Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 22(1) tar-Regolament Dublin III, l-Istat Membru mitlub għandu terminu ta’ xahrejn biex jaċċetta b’mod espliċitu talba għal teħid ta’ responsabbiltà ( 18 ). Skont l-Artikolu 22(7) tar-Regolament Dublin III, jekk l-Istat Membru mitlub ma jweġibx għal din it-talba fi żmien it-terminu ta’ xahrejn imsemmi fil-paragrafu 1 ( 19 ), dan ikun ekwivalenti għal aċċettazzjoni impliċita tat-talba u jinvolvi l-obbligu li tittieħed ir-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata.

60.

Bl-applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(2) tar-Regolament Dublin III, talba biex persuna tittieħed lura għandha ssir kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ fi żmien xahrejn minn meta rċieva r-riżultat pożittiv mill-Eurodac. Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 23(2) ta’ dan ir-regolament, jekk it-talba biex tittieħed lura persuna tkun ibbażata fuq provi li ma humiex data meħuda mis-sistema tal-Eurodac, din għandha tintbagħat lill-Istat Membru mitlub f’terminu ta’ tliet xhur mid-data li fiha kienet iddepożitata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. L-Artikolu 23(3) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li meta t-talba biex tittieħed lura persuna ma ssirx fit-termini ffissati fil-paragrafu 2, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha tkun tal-Istat Membru li fih tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni l-ġdida.

61.

Skont l-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III, jekk l-Istat Membru mitlub ma jweġibx għal talba għal teħid lura fi żmien it-terminu ta’ xahar jew it-terminu ta’ ġimagħtejn meta t-talba tkun ibbażata fuq data miksuba mis-sistema Eurodac, dan ikun ekwivalenti għall-aċċettazzjoni impliċita tat-talba u jinvolvi l-obbligu li tittieħed ir-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata.

62.

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li meta l-Istat Membru mitlub iwieġeb fin-negattiv għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura fit-termini ffissati mill-Artikolu 22(1) u (6) u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III, dan ir-regolament ma jiddefinixxix l-effetti ta’ din it-tweġiba ( 20 ).

63.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Dublin III ma jipprevedix li tali tweġibiet negattivi joħolqu neċessarjament ir-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedent għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 21 ). Barra minn hekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Regolament Dublin III ma jippreċiżax it-terminu li matulu għandu jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 22 ).

64.

Minkejja din l-assenza ta’ preċiżjoni, inqis li meta Stat Membru jimplimenta r-Regolament Dublin III, id-dritt għal amministrazzjoni tajba, b’mod partikolari d-dritt li kull persuna jkollha l-kawżi tagħha meqjusa f’terminu raġonevoli, li jikkostitwixxi prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, japplika fil-kuntest ta’ proċeduri mmexxija minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti ( 23 ). Konsegwentement, minkejja l-assenza f’ċerti każijiet ta’ terminu obbligatorju, id-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għandha ssir f’terminu raġonevoli.

2. It-trasferimenti

65.

Fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tagħmel diversi riferimenti għas-sistema ta’ trasferiment prevista fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III u għad-dritt għal azzjoni legali previst fl-Artikolu 27 tal-imsemmi regolament.

66.

Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Dublin III, it-trasferiment tal-persuna kkonċernata għandu jsir hekk kif dan ikun prattikament possibbli, u l-iktar tard fi żmien sitt xhur mill-aċċettazzjoni tat-talba minn Stat Membru ieħor sabiex jieħu r-responsabbiltà ta’ jew jieħu lura lil din il-persuna jew mid-deċiżjoni finali wara appell jew eżami mill-ġdid fejn ikun hemm effett sospensiv.

67.

L-Artikolu 29(2) tal-imsemmi regolament jispeċifika li, fejn it-trasferiment ma jsirx fit-terminu ta’ sitt xhur ( 24 ), l-Istat Membru responsabbli għandu jitneħħewlu l-obbligi li jieħu r-responsabbiltà ta’ jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata u r-responsabbiltà għandha tkun ittrasferita lill-Istat Membru rikjedent. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, dan it-trasferiment lill-Istat Membru rikjedent huwa ipso jure, mingħajr ma jkun neċessarju li l-Istat Membru responsabbli jirrifjuta li jieħu r-responsabbiltà ta’ jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata ( 25 ).

68.

L-Artikolu 27(1) tar-Regolament Dublin III jipprevedi li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, fil-forma ta’ appell jew eżami mill-ġdid, fil-fatt u fil-liġi, minn din id-deċiżjoni. Iktar minn hekk, konformement mal-Artikolu 27(3)(c) tar-Regolament Dublin III, meta d-dritt nazzjonali jipprevedi li l-persuna kkonċernata jkollha l-opportunità li titlob lil qorti tissospendi l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment sakemm jintlaħaq l-eżitu tal-appell jew tat-talba għal eżami mill-ġdid tagħha, il-qorti adita għandha tiddeċiedi dwar din it-talba f’terminu raġonevoli u timmotiva d-deċiżjoni tagħha jekk hija tiċħad l-imsemmija talba.

69.

Fir-rigward tat-terminu ta’ sitt xhur, iffissat fl-Artikolu 29(1) u (2) tar-Regolament Dublin III, mill-punt 44 tas-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805) jirriżulta li l-applikant għal protezzjoni internazzjonali għandu jkollu rimedju ġudizzjarju effettiv u rapidu li jippermettilu jinvoka l-iskadenza ta’ dan it-terminu.

70.

Peress li fil-Kawża C‑47/17, l-awtoritajiet Ġermaniżi ċaħdu t-talba tas-Segretarju tal-Istat għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura tal-parti kkonċernata ( 26 ) u lanqas ma taw tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid tas-Segretarju tal-Istat ( 27 ), jidhirli li fl-assenza ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli, il-kwistjoni ta’ trasferiment bl-applikazzjoni tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III hija prematura, saħansitra mhux rilevanti.

71.

Ninnota wkoll li fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha dwar il-Kawża C‑48/17, il-Kummissjoni nnotat li “[f]il‑31 ta’ Marzu 2016, l-awtoritajiet Olandiżi informaw lill-avukat tal-parti kkonċernata bl-intenzjoni tagħhom li ma jipproċessawx l-applikazzjoni għal ażil ta’ din tal-aħħar u li jittrasferixxuha lejn l-Italja. […] Fit‑8 ta’ April 2016, l-avukat tal-persuna kkonċernata sostna li r-Repubblika Taljana ma saritx responsabbli fis‑26 ta’ Jannar 2016, iżda fl‑1 ta’ Settembru 2015. It-terminu ta’ sitt xhur għat-trasferiment, intiż fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, kien għalhekk diġà skada. […] Fis‑27 ta’ Settembru 2016, biex jikkumplimenta l-motivi tar-rikors, l-avukat tal-parti kkonċernata issuġġerixxa li tkun utli domanda preliminari għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1560/2003 kif ukoll tal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III – tqum fil-fatt il-kwistjoni dwar sa fejn ir-Repubblika Taljana hija responsabbli għall-applikazzjoni għal ażil tal-parti kkonċernata peress li ma ġiex stabbilit li l-Konfederazzjoni Svizzera estendiet it-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 29 billi informat lir-Repubblika Taljana li l-parti kkonċernata ma setgħetx tiġi ttrasferita mill-Konfederazzjoni Svizzera peress li kienet telqet mill-pajjiż għal destinazzjoni mhux magħrufa.”

72.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-qorti tar-rinviju ma għamlet l-ebda domanda dwar l-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III. Fil-fatt, id-domandi tagħha jirrigwardaw biss l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003. Minn dan isegwi li d-domanda dwar jekk it-termini ta’ trasferiment previsti fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III ġewx osservati fil-Kawżi magħquda C‑47/17 u C‑48/17 ma saritx lill-Qorti tal-Ġustizzja.

3. L-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32

73.

L-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi li “[l]-Istati Membri għandhom jipproċessaw l-applikazzjonijet għall-protezzjoni internazzjonali fi proċedura ta’ eżami […]”. Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 31(3) ta’ din id-direttiva “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tkun konkluża fi żmien sitt xhur mill-preżentata tal-applikazzjoni”. Skont din l-istess dispożizzjoni, it-terminu ta’ sitt xhur għandu jibda jiddekorri mill-mument li l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tagħha jiġi ddeterminat f’konformità mar-Regolament Dublin III, l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità responsabbli tkun ħadet responsabbiltà tiegħu.

74.

Minn dan isegwi li l-ipproċessar ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huwa ċarament sussegwenti għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli konformement mar-Regolament Dublin III u, jekk ikun il-każ, mat-trasferiment tal-parti kkonċernata ( 28 ). Madankollu, minkejja l-iffissar mir-Regolament Dublin III ta’ ċerti termini obbligatorji, din id-determinazzjoni u t-trasferiment jistgħu jkunu relattivament twal minkejja l-obbligu ta’ ħeffa jekk jinbdew il-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà jew ta’ teħid lura u ta’ trasferiment u jekk il-parti kkonċernata tuża rimedji ġudizzjarji jew ta’ eżami mill-ġdid b’effett sospensiv li jkunu disponibbli għaliha ( 29 ). Għalhekk huwa impossibbli li jiġi ddeterminat b’mod astratt terminu massimu, jew saħansitra raġonevoli, għal din id-determinazzjoni ( 30 ) minkejja t-tentattivi magħmula f’dan is-sens mill-qorti tar-rinviju. Kull kawża għandha tiġi evalwata każ b’każ.

75.

Hemm lok ukoll li jiġi nnotat li, fis-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 102), il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2013/32 jimplimentaw proċeduri differenti, li jippreżentaw rekwiżiti proprji u li huma suġġetti, b’mod partikolari fil-qasam ta’ terminu, għal sistemi distinti.

76.

Huwa f’dan il-kuntest li għandhom jiġu eżaminati d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju dwar il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, kif prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003.

B.   Fuq l-ewwel domanda preliminari

77.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Istat Membru mitlub għandux, fid-dawl tal-għan, tal-kontenut u tal-portata tar-Regolament Dublin III u tad-Direttiva 2013/32, iwieġeb f’terminu ta’ ġimagħtejn għat-talba għal eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003. Din id-domanda hija intiża b’mod partikolari biex tiddetermina jekk it-terminu għal tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 jikkostitwixxix terminu obbligatorju għall-Istat Membru mitlub fejn in-nuqqas ta’ osservanza jwassal għar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

78.

Qabel l-eżami ta’ din id-domanda, huwa meħtieġ li tiġi eżaminata n-natura tal-proċedura stabbilita mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 kif ukoll il-bażi legali eventwali tiegħu ( 31 ).

79.

Mill-premessa 1 tar-Regolament Nru 1560/2003 jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż biex jippreċiża ċerti modalitajiet konkreti ta’ implimentazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III “sabiex jiffaċilitaw koperazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri kompetenti biex jimplimetaw dak ir-Regolament f’dak li għandu x’jaqsam mat-trasmissjoni u l-ipproċessar ta’ talbiet bl-għan li tieħu l-inkarigu [tieħu r-responsabbiltà] u tieħu lura, talbiet għal informazzjoni u t-twettiq ta’ trasferimenti”.

80.

Bħalma jindika l-Gvern Ungeriż, “ir-Regolament Nru 1560/2003 ma għandux l-għan li jistabbilixxi regoli fil-qasam tar-responsabbiltà li ma jiġux stabbiliti mir-Regolament [Dublin III]” ( 32 ).

81.

Fil-fatt, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid stabbilita mir-Regolament Nru 1560/2003 ma hijiex prevista b’mod espliċitu mir-Regolament Dublin III li bħalma jenfasizza l-Gvern Ġermaniż fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi l-ebda awtorizzazzjoni espressa għall-implimentazzjoni ta’ tali proċedura ( 33 ). L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 jippreċiża huwa nnifsu li l-proċedura li huwa jistabbilixxi hija proċedura addizzjonali li l-għan tagħha huwa, fil-fehma tiegħi, li jippermetti applikazzjoni aħjar tar-Regolament Dublin III ( 34 ). Dan jimplika li talba għal eżami mill-ġdid ma tikkostitwixxix talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura ( 35 ). Barra minn hekk, ir-regoli ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huma ffissati mir-Regolament Dublin III biss ( 36 ).

82.

Huwa veru li skont l-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1560/2003 l-Istat Membru mitlub li jkun adit b’talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura għandu jimmotiva r-rifjut tiegħu, fejn il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jiddisponi li, meta l-Istat Membru rikjedent iħoss li dan ir-rifjut huwa bbażat fuq evalwazzjoni żbaljata, jew meta jkollu provi addizzjonali x’jipprovdi, jista’ jitlob li t-talba tiegħu tiġi eżaminata mill-ġdid u dan f’terminu obbligatorju ( 37 ) ta’ tliet ġimgħat wara r-riċezzjoni tat-tweġiba negattiva ( 38 ). L-istess dispożizzjoni tipprevedi, barra minn hekk, li l-Istat Membru mitlub “għandu jagħmel l-għalmu tiegħu ( 39 ) biex jirrispondi fi żmien ġimagħtejn” ( 40 ).

83.

Jien inżid żewġ riflessjonijiet oħrajn. Fl-ewwel lok, minbarra l-fatt li skont il-formulazzjoni nnifisha tat-test, it-terminu ta’ ġimagħtejn ma huwiex obbligatorju ( 41 ), l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jorbot l-ebda konsegwenza legali man-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu jew mal-assenza ta’ tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid ( 42 ). Fil-fatt, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jipprevedix, għall-kuntrarju tal-Artikolu 22(7) u tal-Artikolu 25(2) tar-Regolament Dublin III, li l-Istat Membru huwa obbligat jieħu r-responsabbiltà jew jieħu lura lill-persuna kkonċernata.

84.

Fit-tieni lok, ir-Regolament Dublin III ma jiddefinixxix l-effetti ta’ tweġiba negattiva għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura fit-termini ffissati fl-Artikolu 22(1) u (6) u fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III. Fil-fehma tiegħi, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 tistabbilixxi biss konsultazzjoni jew djalogu strutturat bejn l-Istat Membru rikjedent u l-Istat Membru mitlub wara l-istess tweġiba negattiva sabiex, konformement mar-Regolament Dublin III, tiġi ffaċilitata d-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u b’dan jintlaħqu l-għanijiet tar-Regolament Dublin III. Jekk din il-proċedura addizzjonali tingħalaq f’terminu raġonevoli u, konsegwentement, ma tmurx kontra l-għan ta’ ħeffa fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-interess kemm tal-applikanti għal ażil kif ukoll tal-Istati parteċipanti, din tikkostitwixxi strument li jaqbel ma’ applikazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III. Fil-fehma tiegħi, l-assenza ta’ kwalunkwe natura imperattiva tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ( 43 ) u l-għan tiegħu li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III, jippermettu li tiġi evitata kwalunkwe oġġezzjoni ta’ invalidità.

85.

Konsegwentement, inqis li għandha tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda preliminari: għalkemm l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-almu tiegħu biex iwieġeb għal talba għal eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 f’terminu ta’ ġimagħtejn, huwa ma għandux l-obbligu legali li jwieġeb f’dan it-terminu. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jorbot l-ebda konsegwenza legali mal-assenza ta’ tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid f’dan l-istess terminu.

C.   Fuq it-tieni domanda preliminari

86.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, li tiġi magħmula jekk l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk għandux jiġi applikat, fid-dawl tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003, it-terminu massimu ta’ xahar previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III.

87.

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 jipprevedi terminu obbligatorju ta’ tliet ġimgħat għall-introduzzjoni ta’ talba għal eżami mill-ġdid u terminu mixtieq ta’ ġimagħtejn biex tingħata tweġiba għaliha. Għandu jiġi nnotat li l-aħħar sentenza ta’ din id-dispożizzjoni tipprevedi li fl-ebda każ, it-termini previsti fl-Artikolu 22(1) u (6) u fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III ( 44 ) ma jinfetħu mill-ġdid jew jiġu mmodifikati mill-proċedura “addizzjonali” li dan jipprevedi.

88.

Fil-fatt, il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid hija distinta b’mod ċar mill-proċeduri ta’ teħid ta’ responsabbiltà u teħid lura msemmija mir-Regolament Dublin III u ma għandha l-ebda effett fuq it-termini stabbiliti mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

89.

Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni ċara u netta, inqis li t-termini ffissati mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma humiex immodifikati b’mod partikolari mill-proċedura ta’ teħid lura msemmija fl-Artikolu 25 tar-Regolament Dublin III ( 45 ). It-termini previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament Dublin III għalhekk ma jistgħux jiġu ttrasposti għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003.

90.

Konsegwentement, inqis li għandha tingħata risposta negattiva għat-tieni domanda preliminari: it-terminu massimu ta’ xahar previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III ma għandux japplika fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003.

D.   Fuq it-tielet u r-raba’ domandi preliminari

91.

Permezz tat-tielet domanda tagħha, li tiġi magħmula jekk it-tieni domanda tingħata risposta negattiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk l-Istat Membru mitlub għandux terminu raġonevoli biex iwieġeb għat-talba għal eżami mill-ġdid. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, li tiġi magħmula jekk it-tielet waħda tingħata risposta pożittiva, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk tul taż-żmien ta’ seba’ ġimgħat u nofs ( 46 ) jew ta’ sitt xhur ( 47 ) jikkostitwixxix tul taż-żmien raġonevoli. F’każ ta’ risposta negattiva għar-raba’ domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar x’inhuwa terminu raġonevoli.

92.

Fid-dawl tal-konnessjoni tagħhom, inqis li huwa xieraq li dawn iż-żewġ domandi jiġu eżaminati flimkien.

93.

L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 jipprevedi li l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-almu tiegħu biex iwieġeb għat-talba għal eżami mill-ġdid f’terminu ta’ ġimagħtejn. Permezz ta’ din l-eżortazzjoni, l-Istat Membru mitlub huwa mistieden jaġixxi fi spirtu ta’ kooperazzjoni sabiex jiġi ddeterminat malajr l-Istat Membru responsabbli ( 48 ). Huwa ċar li jekk l-Istat Membru mitlub ma josservax dan it-terminu indikattiv, huwa xorta waħda għandu jwieġeb għal talba għal eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli, sabiex ma jikkompromettix l-għan ta’ ħeffa fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u ta’ osservanza tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kif ukoll il-prinċipju ta’ effettività.

94.

Għaldaqstant, dak li jikkostitwixxi terminu raġonevoli fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jistax jiġi ffissat minn qabel u għandu jiġi evalwat każ b’każ skont iċ-ċirkustanzi partikolari ( 49 ) tal-każ filwaqt li tiġi osservata l-ħtieġa ta’ ħeffa li tikkostitwixxi l-prinċipju prinċipali tar-Regolament Dublin III ( 50 ). Peress li din l-analiżi teżiġi evalwazzjoni fattwali taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, inqis li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tevalwa f’każ partikolari, b’kunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha ( 51 ), jekk l-Istat Membru mitlub huwiex marbut minn terminu raġonevoli biex iwieġeb għal talba għal eżami mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, bħalma ser jirriżulta mit-tweġiba tiegħi għall-ħames u s-sitt domandi preliminari, l-assenza ta’ tweġiba f’terminu raġonevoli għal talba għal eżami mill-ġdid timplika li l-Istat Membru rikjedent għandu jieħu r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 52 ).

95.

Madankollu, għandu jitfakkar li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jorbot l-ebda konsegwenza legali man-nuqqas ta’ osservanza tat-terminu ta’ ġimagħtejn u lanqas, barra minn hekk, ta’ terminu raġonevoli għall-Istat Membru mitlub.

96.

Minn dak li ntqal joħroġ li risposta għat-tielet u r-raba’ domandi preliminari għandha tkun li l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-almu tiegħu biex iwieġeb għal talba għal eżami mill-ġdid f’terminu ta’ ġimagħtejn u fi kwalunkwe każ f’terminu raġonevoli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, f’kull każ konkret, wara li tkun evalwat iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk it-terminu meħud mill-Istat Membru mitlub kienx raġonevoli.

E.   Fuq il-ħames u s-sitt domandi preliminari

1. Sottomissjonijiet

97.

Permezz tal-ħames u s-sitt domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-konsegwenzi tal-assenza ta’ tweġiba ta’ Stat Membru mitlub għat-talba għal eżami mill-ġdid u, b’mod iktar partikolari, dwar jekk, f’dan il-każ, huwiex l-Istat Membru rikjedent jew l-Istat Membru mitlub li jkun responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

98.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑47/17 iqis li jekk l-Istat Membru mitlub ma jweġibx f’terminu ta’ ġimagħtejn ( 53 ) jew ma jweġibx, l-Istat Membru rikjedent isir definittivament responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal ażil. Huwa jqis li “[p]eress li l-konsegwenzi tal-adozzjoni tardiva ta’ deċiżjoni relatata ma’ talba inizjali għal teħid lura huma previsti b’mod ċar fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament [Dublin III], din id-dispożizzjoni ma tistax tapplika b’mod impliċitu għall-proċedura ta’ eżami mill-ġdid. Konsegwentement, għandu […] jiġi konkluż li, peress li t-trasferiment tar-responsabbiltà lejn l-Istat Membu ikun estremament radikali, dispożizzjoni espressa biss tista’ tipprevedi dan it-trasferiment. Fl-assenza ta’ dispożizzjoni speċifika li skontha, fil-kuntest ta’ talba għal eżami mill-ġdid, l-assenza ta’ tweġiba toħloq ir-responsabbiltà tal-Istat Membru mitlub, huwa l-Istat Membru rikjedent li jibqa’ responsabbli. Barra minn hekk, [huwa] jinnota li teżisti differenza fundamentali bejn iż-żewġ proċeduri. Fil-fatt, fil-każ ta’ proċedura ta’ eżami mill-ġdid, diġà jeżisti rifjut espliċitu ta’ teħid lura, li jistabbilixxi għalhekk ir-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedent. Tweġiba pożittiva għal talba għal eżami mill-ġdid (f’terminu raġonevoli) biss tista’ minkejja kollox toħloq ir-responsabbiltà tal-Istat Membru mitlub.”

99.

Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑48/17 ( 54 ) iqis li, f’każ ta’ tweġiba negattiva tal-Istat Membru mitlub għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura, huwa l-Istat Membru rikjedent li jkun responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Huwa jqis li l-fatt li l-Istat Membru mitlub ibiddel fehmtu sussegwentement u jkun lest jieħu r-responsabbiltà ta’ jew jieħu lura l-persuna kkonċernata, ma jistax iktar ibiddel ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 55 ). Skont ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑48/17, l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali huwa ddeterminat, skont il-każ, mhux iktar tard minn xahrejn u nofs, tliet xhur u nofs, erba’ jew ħames xhur wara l-preżentata tal-applikazzjoni għal protezzjoni. Huwa jqis li skont l-Artikolu 31(1) tad-Direttiva 2013/32, il-proċedura ta’ eżami għandha tintemm fis-sitt xhur. Barra minn hekk, huwa jqis li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ma tistax tapplika wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 22(1) u (6) u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III.

100.

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑48/17 iqis li l-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid, stabbilita mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003, ma ġietx adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 21(3), tal-Artikolu 23(3), tal-Artikolu 23(4) jew tal-Artikolu 24(5) tar-Regolament Dublin III, iċċitati bħala bażi legali fil-preambolu tar-Regolament Nru 1560/2003. “Peress li r-Regolament Dublin III ma jagħtix lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex tadotta l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003] huwa invalidu peress li jmur kontra l-Artikoli 290 u 291 TFUE”. Huwa jqis ukoll li din id-dispożizzjoni ma hijiex valida għar-raġuni supplimentari li l-proċedura ta’ eżami mill-ġdid li hija tipprevedi tmur kontra l-għan espost fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III ( 56 ) u l-ħtieġa ta’ protezzjoni effettiva tad-dritt għal ażil u tad-dritt ta’ kull persuna li jkollha l-każ tagħha ttrattat b’mod imparzjali, ekwu u fi żmien raġonevoli. Fl-aħħar nett, dan ir-rikorrent iqis li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament Dublin III ma tistax tapplika sabiex jiġi rregolat nuqqas ta’ ftehim fil-każ konkret ta’ applikant individwali għal protezzjoni internazzjonali.

101.

Skont il-Gvern Olandiż “[l]-Istat Membru mitlub, meta ma jagħtix tweġiba fi żmien xieraq għat-talba għal eżami mill-ġdid, ma jiġix indikat bħala l-Istat Membru responsabbli”. “Mill-assenza ta’ indikazzjoni ta’ tali konsegwenza ċara fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003] jirriżulta li l-Istat Membru mitlub ma jsirx responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’każ ta’ skadenza tat-terminu biex iwieġeb.”“Bl-istess mod, l-Istat Membru rikjedent ma jsirx direttament l-Istat Membru responsabbli meta l-Istat Membru mitlub ma jweġibx fit-terminu msemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003]. La r-Regolament [Nru 1560/2003] u lanqas ir-Regolament [Dublin III] ma jippreċiżaw li l-Istat Membru rikjedent ikun responsabbli f’każ ta’ skadenza tat-terminu għal tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid”.

102.

Dan l-istess Gvern iqis li s-sistema implimentata mir-Regolament Dublin III jimplika “li r-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedent ma tirriżultax neċessarjament mill-iskadenza tat-terminu msemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003]. Fil-fatt, l-Istat Membru rikjedent ikollu possibbiltajiet oħrajn jekk it-talba għal eżami mill-ġdid ma twassalx għall-aċċettazzjoni tal-Istat Membru mitlub. […] [L]-Istat Membru mitlub jista’ jikkonkludi, pereżempju fir-rigward ta’ informazzjoni miksuba ġdida, li Stat Membru ieħor għadu responsabbli […]. Dan kien il-każ fil-Kawża C‑48/17, fejn l-awtoritajiet Olandiżi ressqu quddiem l-Italja talba għal teħid lura abbażi tal-informazzjoni li rċevew mill-awtoritajiet Svizzeri bi tweġiba għal talba għal teħid lura. Bl-istess mod, informazzjoni ġdida li tindika li Stat Membru ieħor huwa responsabbli xorta waħda tista’ tidher matul il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid. […] L-Istat Membru rikjedent ser ikollu qabel kollox jistabbilixxi li, abbażi tal-kriterji msemmija fir-Regolament [Dublin III], ma jista’ jiġi indikat l-ebda Stat Membru responsabbli, jew li t-trasferiment lejn l-ewwel Stat Membru li lilu ġiet ippreżentata l-applikazzjoni huwa impossibbli. Huwa minn dan il-mument ’il quddiem biss li l-Istat Membru li jipproċedi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jsir l-Istat Membru responsabbli (it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Dublin III]).”

103.

Il-Gvern tar-Renju Unit iqis li “t-tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid isseħħ wara li l-kwistjoni tar-responsabbiltà għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tkun diġà ġiet iddeterminata. Fid-definizzjoni, l-Istat Membru mitlub ikun diġà ċaħad it-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura, li toħloq ir-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedent. Is-sistema msejħa ‘Dublin III’ għalhekk laħqet l-objettiv intiż li huwa li jiġi ddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli. Il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid ddefinita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003] tipprevedi l-possibbiltà għall-Istat Membru rikjedent li jikkontesta d-deċiżjoni tal-Istat Membru mitlub, iżda, u dan il-punt huwa essenzjali, f’kuntest fejn ir-responsabbiltà tkun diġà ġiet stabbilita.”

104.

Skont il-Gvern Ungeriż, “jekk Stat Membru ma jweġibx għal talba għal eżami mill-ġdid ta’ talba għal teħid lura, hija t-tweġiba mogħtija b’mod espliċitu jew impliċitu għat-talba għal teħid lura inizjali li tippermetti li jiġi ddeterminat liema huwa l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Jekk l-Istat Membru mitlub ma jweġibx fit-terminu ta’ xahar jew ta’ ġimagħtejn għat-talba għal teħid lura, għalhekk, konformement mal-Artikolu 25 tar-Regolament [Dublin III], l-assenza ta’ tweġiba tiegħu timplika l-aċċettazzjoni tal-imsemmija talba u timplika fiha nnifisha l-obbligu ta’ teħid lura għall-Istat Membru mitlub. Huwa evidenti li, għall-kuntrarju, tweġiba negattiva ma tirriżultax fir-responsabbiltà tal-Istat Membru mitlub”.

105.

Il-Kummissjoni tqis, konformement mar-risposta tagħha għat-tieni domanda preliminari “li żmien mhux raġonevoment twil li l-Istat Membru mitlub ikun ħa biex iwieġeb għal talba għal eżami mill-ġdid ma jistax iwassal għal trasferiment ta’ responsabbiltà”. Hija tqis li “fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑47/17, ma hija marbuta l-ebda konsegwenza legali għall-Istat Membru mitlub mal-fatt li dan ma jweġibx għat-talba għal eżami mill-ġdid f’terminu ta’ ġimagħtejn jew f’terminu raġonevoli, peress li dan l-Istat Membru mitlub kien diġà rrifjuta t-talba għal teħid lura fit-terminu previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament [Dublin III] u sussegwentement ma jseħħ l-ebda trasferiment awtomatiku tar-responsabbiltà lejn l-Istat Membru mitlub minħabba ż-żmien li għadda. Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk tal-kawżi prinċipali, lanqas ma hemm trasferiment tar-responsabbiltà lejn l-Istat Membru rikjedent abbażi tar-Regolament [Dublin III] jew tar-Regolament Nru 1560/2003: fil-Kawża C‑48/17, ir-responsabbiltà kienet diġà ġiet iddeterminata abbażi ta’ aċċettazzjoni taċita ta’ talba għal teħid ta’ responsabbiltà, filwaqt li fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-Kawża C‑47/17, l-Istat Membru rikjedent kellu d-dritt li jqis riżultat pożittiv ipprovdut mill-Eurodac bħala prova affidabbli li skontha l-Istat Membru mitlub kien responsabbli bħala l-Istat Membru tal-ewwel applikazzjoni għal ażil.

106.

Skont il-Kummissjoni, “[g]ħall-kuntrarju ta’ dak li tidher li qiegħda taħseb il-qorti tar-rinviju, l-awtoritajiet Olandiżi ma kinux obbligati jiddikjaraw ruħhom immedjatament responsabbli mal-iskadenza tat-terminu indikattiv ta’ ġimagħtejn mogħti lill-Istat Membru mitlub biex iwieġeb għal talba għal eżami mill-ġdid. Il-Pajjiżi l-Baxxi bl-ebda mod ma adottaw aġir mhux raġonevoli billi stennew għal diversi xhur biex l-awtoritajiet Ġermaniżi jsolvu l-problema […] li kienu ħolqulhom it-talbiet għal eżami mill-ġdid. Finalment, il-Pajjiżi l-Baxxi ddikjaraw ruħhom kompetenti fl‑14 ta’ Diċembru 2016, li jista’ jiġi ġġustifikat abbażi tal-Artikolu 3(1) jew tal-Artikolu 17 tar-Regolament Dublin III”.

107.

Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż iqis li “t-tweġiba negattiva tal-Istat Membru mitlub għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura, fit-termini ffissati rispettivament fl-Artikolu 22(1) u (6) u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III, toħloq fil-prinċipju r-responsabbiltà tal-Istat Membru rikjedent għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Din ir-responsabbiltà sseħħ fil-mument tar-riċezzjoni mill-Istat Membru rikjedent taċ-ċaħda tat-talba.” Huwa jżid li jekk “l-Istat Membru mitlub ma jweġibx fit-terminu ta’ ġimagħtejn previst mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003] […] dan ma jkollux bħala konsegwenza […] trasferiment tar-responsabbiltà lill-Istat Membru mitlub. L-Istat rikjedent jibqa’ responsabbli. Għalkemm ma jkunx għadu possibbli li jintalab mill-ġdid it-teħid ta’ responsabbiltà jew it-teħid lura lill-Istat Membru mitlub f’każ ta’ ċirkustanzi ġodda […], id-data taċ-ċaħda tal-eżami mill-ġdid jew l-iskadenza mingħajr suċċess tat-terminu għal tweġiba previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003] tiġġustifika tmiem il-proċedura ta’ eżami mill-ġdid u tagħti bidu għat-terminu għal ipproċessar previst fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva [2013/32].”

2. Analiżi

108.

Inqis li, peress li l-Artikolu 22(1) u (6) u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III ma jiddefinixxux l-effetti legali ta’ tweġiba negattiva tal-Istat Membru mitlub għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura, l-Istat Membru rikjedent ma jsirx awtomatikament, minn dak il-mument ’il quddiem, responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 57 ).

109.

Fil-fatt, sakemm it-termini obbligatorji previsti fl-Artikoli 21 u 23 tar-Regolament Dublin III jiġu osservati, l-Istat Membru rikjedent xorta waħda jkun jista’ jressaq talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura quddiem Stat Membru differenti mill-ewwel Stat Membru mitlub, talba li eventwalment tista’ twassal għar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

110.

Barra minn hekk, meta jqis li t-tweġiba negattiva tibbaża fuq żball ta’ evalwazzjoni jew meta jkollu provi addizzjonali x’jipprovdi ( 58 ), l-Istat Membru rikjedent jista’ jitlob, fi żmien tliet ġimgħat wara r-riċezzjoni ta’ din it-tweġiba, eżami mill-ġdid tat-talba tiegħu għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura konformement mal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003.

3. Aċċettazzjoni espliċita min-naħa tal-Istat Membru tar-responsabbiltà tal-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali

111.

Inqis ukoll li, sakemm il-kriterji li jistabbilixxu l-Istat Membru responsabbli stabbiliti mir-Regolament Dublin III, b’mod partikolari fil-Kapitolu III tiegħu, jiġu osservati, l-Istat Membru mitlub, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003, ikun responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jekk jaċċetta din ir-responsabbiltà b’mod espliċitu f’terminu raġonevoli ( 59 ) fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari għall-każ inkwistjoni ( 60 ).

112.

Barra minn hekk tqum il-kwistjoni dwar x’inhuwa terminu raġonevoli biex tingħata tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid. Bħalma indikajt diġà fil-punti 94 sa 96 ta’ dawn il-konklużjonijiet, fil-fehma tiegħi, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat minn qabel u fl-astratt x’inhuwa terminu raġonevoli. Madankollu, huwa xieraq, sabiex tiġi żgurata bl-aħjar mod iċ-ċertezza legali, li jingħataw xi indikazzjonijiet ( 61 ) dwar dan is-suġġett lill-qorti nazzjonali.

113.

Peress li l-Istat Membru mitlub diġà wieġeb fin-negattiv għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura u li t-tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid għandha tingħata f’terminu indikattiv ta’ ġimagħtejn, inqis li f’każ ta’ nuqqas ta’ tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid li tirrigwarda l-istess persuna għal iktar minn xahar, terminu li jista’ jiġi estiż għal xahrejn f’każ ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, l-Istat Membru rikjedent għandu jieħu r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Min-naħa l-oħra, jekk l-Istat Membru mitlub jaċċetta b’mod espliċitu din ir-responsabbiltà f’terminu raġonevoli, huwa jsir responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

114.

F’dan ir-rigward, infakkar li fil-Kawża C‑48/17, l-awtoritajiet Taljani aċċettaw, fis‑26 ta’ Jannar 2016, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata wara talba għal eżami mill-ġdid tas-Segretarju tal-Istat bid-data tal‑1 ta’ Diċembru 2015 u tfakkira bid-data tat‑18 ta’ Jannar 2016, jiġifieri, f’terminu ta’ inqas minn xahrejn wara li saret l-imsemmija talba.

115.

Minkejja li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, skont iċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, is-Segretarju tal-Istat aġixxiex bil-ħeffa meħtieġa, jidhirli li meta l-Istat Membru mitlub jaċċetta b’mod espliċitu r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, l-Istat Membru rikjedent għandu jinforma lill-persuna kkonċernata fl-iqsar żmien possibbli.

116.

Fil‑31 ta’ Marzu 2016 meta l-awtoritajiet Olandiżi informaw lill-avukat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑48/17 bl-intenzjoni tagħhom li ma jipproċessawx l-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali u li jittrasferixxuh lejn l-Italja, jiġifieri, iktar minn xahrejn wara l-aċċettazzjoni mill-awtoritajiet Taljani, tas‑26 ta’ Jannar 2016, tar-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

117.

Jidhirli, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li l-awtoritajiet Olandiżi ma aġġixxewx f’dan ir-rigward bil-ħeffa meħtieġa. Jekk ikun il-każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tapplika s-sanzjonijiet previsti mid-dritt nazzjonali.

4. Assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-Istat Membru mitlub għal talba għal eżami mill-ġdid

118.

Peress li l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jorbot l-ebda konsegwenza legali mal-assenza ta’ tweġiba min-naħa tal-Istat Membru mitlub għal talba għal eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli, din l-assenza ta’ tweġiba ma hijiex ekwivalenti għall-aċċettazzjoni minn dan l-Istat Membru tar-responsabbiltà li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

119.

Fil-fehma tiegħi, jekk l-Istat Membru mitlub ma jweġibx ( 62 ) għal talba għal eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli jew jekk jirrifjuta li jaċċetta r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 63 ), l-Istat Membru rikjedent ikun responsabbli ( 64 ) għal dan l-eżami u jkollu jinforma b’dan lill-persuna kkonċernata fl-iqsar żmien possibbli, taħt piena li din titħalla f’tip ta’ vojt legali ( 65 ) fejn la l-Istat Membru rikjedent u lanqas l-Istat Membru mitlub ma jkunu responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħha għal protezzjoni internazzjonali. Tali sitwazzjoni tkun totalment inaċċettabbli fil-kuntest tas-“sistema Dublin III”, ikkaratterizzata mill-ħtieġa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali u, b’hekk, timponi kundizzjoni ta’ ħeffa.

120.

Għandu jiġi nnotat li fil-Kawża C‑47/17, għaddew tmien xhur mit-talba għal eżami mill-ġdid tas-Segretarju tal-Istat indirizzata lill-awtoritajiet Ġermaniżi fl‑14 ta’ April 2016 u l-14 ta’ Diċembru 2016, data li fiha r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi finalment iddikjara ruħu responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ( 66 ), peress li l-awtoritajiet Ġermaniżi ma kinux wieġbu għat-talba għal eżami mill-ġdid ( 67 ).

121.

Inqis, bla ħsara għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, li dan it-terminu huwa sproporzjonat u ma jistax jiġi ġġustifikat anki meta l-Istati Membri jaffaċċjaw fluss sinjifikattiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, u dan taħt piena ta’ sanzjoni finanzjarja, bħal dik prevista fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

122.

Minn dak li ntqal joħroġ li l-ħames u s-sitt domandi preliminari jeħtieġu r-risposti li jmiss:

peress li l-Artikolu 22(1) u (6) u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III ma jiddefinixxux l-effetti legali ta’ tweġiba negattiva tal-Istat Membru mitlub għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura, l-Istat Membru rikjedent ma jsirx awtomatikament, minn dak il-mument, responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

sakemm it-termini obbligatorji previsti fl-Artikoli 21 u 23 tar-Regolament Dublin III jiġu osservati, l-Istat Membru rikjedent xorta waħda jista’ jressaq talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura quddiem Stat Membru differenti mill-ewwel Stat Membru mitlub, talba li eventwalment tista’ twassal għar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali:

wara tweġiba negattiva għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura fit-termini ffissati fl-Artikolu 22(1) u (6) u fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III, jekk l-Istat Membru mitlub b’talba għal eżami mill-ġdid bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 jaċċetta b’mod espliċitu f’terminu raġonevoli r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, dan ikun responsabbli għal dan l-eżami u għandu jinforma b’dan lill-persuna kkonċernata fl-iqsar żmien possibbli:

min-naħa l-oħra, jekk l-Istat Membru mitlub ma jweġibx għat-talba għal eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli jew jekk jirrifjuta li jaċċetta r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru rikjedent ikun responsabbli għal dan l-eżami u jkollu jinforma b’dan lill-persuna kkonċernata fl-iqsar żmien possibbli.

VI. Konklużjoni

123.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi preliminari magħmula mir-rechtbank Den Haag zittingsplaats Haarlem (il-Qorti Distrettwali, Den Haag, sedenti f’Haarlem, il-Pajjiżi l-Baxxi) kif ġej:

għalkemm l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-almu tiegħu biex iwieġeb f’terminu ta’ ġimagħ0tejn għal talba għal eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1560/2003 tat‑2 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-asil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz, huwa ma għandux l-obbligu legali li jwieġeb f’dan it-terminu. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jorbot l-ebda konsegwenza legali mal-assenza ta’ tweġiba għal talba għal eżami mill-ġdid fl-imsemmi terminu;

it-terminu massimu ta’ xahar previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida ma għandux japplika fil-kuntest tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid prevista fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003;

l-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-almu tiegħu biex iwieġeb għal talba għal eżami mill-ġdid bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 f’terminu ta’ ġimagħtejn u fi kwalunkwe każ f’terminu raġonevoli. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, f’kull każ konkret, wara li tkun evalwat iċ-ċirkustanzi kollha rilevanti, jekk it-terminu meħud mill-Istat Membru mitlub kienx raġonevoli;

peress li l-Artikolu 22(1) u (6) u l-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jiddefinixxux l-effetti legali ta’ tweġiba negattiva tal-Istat Membru mitlub għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura, l-Istat Membru rikjedent ma jsirx awtomatikament, minn dak il-mument ’il quddiem, responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Sakemm it-termini obbligatorji previsti fl-Artikoli 21 u 23 tar-Regolament Nru 604/2013 jiġu osservati, l-Istat Membru rikjedent xorta waħda jista’ jressaq talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura quddiem Stat Membru differenti mill-ewwel Stat Membru mitlub, talba li eventwalment tista’ twassal għar-responsabbiltà ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Wara tweġiba negattiva għal talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew għal teħid lura fit-termini ffissati fl-Artikolu 22(1) u (6) u fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Nru 604/2013, jekk l-Istat Membru mitlub b’talba għal eżami mill-ġdid bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 jaċċetta b’mod espliċitu f’terminu raġonevoli r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, dan ikun responsabbli għal dan l-eżami u għandu jinforma b’dan lill-persuna kkonċernata fl-iqsar żmien possibbli. Min-naħa l-oħra, jekk l-Istat Membru mitlub ma jweġibx għat-talba għal eżami mill-ġdid f’terminu raġonevoli jew jekk jirrifjuta li jaċċetta r-responsabbiltà li jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-Istat Membru rikjedent ikun responsabbli għal dan l-eżami u jkollu jinforma b’dan lill-persuna kkonċernata fl-iqsar żmien possibbli.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 200. Ir-Regolament Nru 1560/2003 ġie emendat b’mod partikolari bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 118/2014 tat‑30 ta’ Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1560/2003 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex jiġi determinat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU 2014, L 39, p. 1). Ma saret l-ebda modifika għall-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1560/2003.

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU 2013, L 180, p. 31, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin III”).

( 4 ) Ir-Regolament Dublin III ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003 tat‑18 ta’ Frar 2003 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Dublin II”).

( 5 ) ĠU 2013, L 180, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Eurodac”. Is-sistema Eurodac tikkonsisti f’sistema ċentrali, li tħaddem b’mod partikolari database ċentrali u kompjuterizzata magħmula minn marki tas-swaba’ li jikkostitwixxu element importanti biex tiġi stabbilita l-identità eżatta tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u ta’ persuni maqbuda b’konnessjoni mal-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll minn mezzi elettroniċi ta’ trażmissjoni bejn l-Istati Membri u s-sistema ċentrali. Wieħed mill-għanijiet prinċipali tas-sistema Eurodac huwa l-applikazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III. Id-database Eurodac ġiet implimentata sabiex “kull Stat Membru jitħalla jiċċekkja jekk ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jinstabu joqogħdu b’mod illegali fit-territorju tiegħu jkunux applikaw għall-protezzjoni internazzjonali fi Stat Membru ieħor” (ara l-premessi 4 sa 6 tar-Regolament Eurodac. Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Eurodac, “[k]ull Stat Membru għandu jieħu fil-pront il-marki tas-swaba’ tas-swaba’ kollha ta’ kull applikant għall-protezzjoni internazzjonali li jkollu tal-inqas 14‑il sena u għandu, mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li tiġi ddepożitata l-applikazzjoni tiegħu għall-protezzjoni internazzjonali, kif iddefinit mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament [Dublin III] jittrażmettihom […]”.

( 6 ) ĠU 2013, L 180, p. 60.

( 7 ) Fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ppreżentax applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja. Hija tinnota li “[i]ttra tal-avukat tal-parti kkonċernata lill-awtoritajiet Olandiżi ssemmi ittra tal‑4 ta’ Lulju 2016 tal-Bundesamt für Migration und Flüchtlinge (l-Uffiċċju Federali Ġermaniż għall-Migrazzjoni u r-Refuġjati […]), li tindika li jittieħdu l-marki tas-swaba’ diġitali tal-barranin kollha li jidħlu fil-Ġermanja u li dawn kollha jiġu rreġistrati taħt il-‘Kategorija 1’ tas-sistema Eurodac – dik tal-applikanti għal ażil, b’distinzjoni mill-kategorija tal-persuni maqbuda b’konnessjoni mal-qsim irregolari ta’ fruntiera esterna –, irrispettivament minn jekk ġietx ippreżentata effettivament applikazzjoni għal ażil jew le. Dawn il-modalitajiet ta’ reġistrazzjoni fil-frattemp kellhom bħala konsegwenza li l-awtoritajiet Ġermaniżi, bħal fil-każ inkwistjoni, ċaħdu t-talbiet tad-dipartiment Olandiż minħabba li ma kienet ġiet ippreżentata ebda applikazzjoni għal ażil” (ara l-punt 8 ta’ dawn l-osservazzjonijiet).

( 8 ) Skont il-Kummissjoni, fis‑7 ta’ April 2016, l-awtoritajiet Ġermaniżi wieġbu “għalissa fin-negattiv sabiex jiġi osservat it-terminu għal tweġiba previst fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III. It-tweġiba [kienet] teħtieġ eżami iktar fil-fond fil-Ġermanja, li bih [l-awtoritajiet Olandiżi] jiġu informati mingħajr il-ħtieġa li ssir talba” (ara l-punt 5 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha).

( 9 ) Matul is-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2018, l-avukat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kawża C‑47/17 ikkonferma li l-pagamenti ta’ penalità għandhom jinftiehmu fis-sens li jkunu somma li għandha titħallas għal kull ġurnata ta’ dewmien, inkluż fil-passat, fit-terminu impost għat-teħid ta’ deċiżjoni mill-awtorità amministrattiva.

( 10 ) Għalkemm mill-proċess jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma ppreżentax applikazzjoni għal ażil fl-Italja, b’tali mod li dan il-każ kien jirrigwarda teħid ta’ responsabbiltà (u mhux teħid lura), l-avviż ta’ aċċettazzjoni tat-trasferiment tal-awtoritajiet Taljani jirreferi għall-Artikolu 18(1)(b) tar-Regolament Dublin III. Nosserva wkoll li, skont il-Kummissjoni, “fit‑8 ta’ April 2016, l-avukat tal-parti kkonċernata sostna li l-Italja ma [kinitx saret] responsabbli fis‑26 ta’ Jannar 2016, iżda fl‑1 ta’ Settembru 2015. It-terminu ta’ sitt xhur għat-trasferiment, imsemmi fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, kien għalhekk diġà skada” (ara l-punt 23 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni).

( 11 ) Fir-raba’ domanda fil-Kawża C‑47/17, il-kliem “iktar minn sitt xhur” ġie ssostitwit fil-Kawża C‑48/17 bil-kliem “iktar minn sitt xhur [seba’ ġimgħat u nofs]” u fil-ħames domanda tal-Kawża C‑47/17 il-kliem “fi żmien xahar” ma jinsabx fl-ewwel sentenza tal-ħames domanda fil-Kawża C‑48/17.

( 12 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punti 5354 u l-ġurisprudenza ċċitata). Enfasi miżjuda minni.

( 13 ) Mill-premessa 4 tar-Regolament Dublin III jirriżulta li s-sistema Ewropea komuni tal-ażil għandha tinkludi metodu ċar u li jiffunzjona biex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil. Skont il-premessa 5 ta’ dan ir-regolament “[m]etodu tali għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti kemm għall-Istati Membri kif ukoll għall-persuni kkonċernati. B’mod partikolari, dan il-metodu għandu jiddetermina minnufih l-Istat Membru responsabbli, biex ikun iggarantit aċċess effettiv għall-proċeduri għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali u ma jkunx kompromess l-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali”.

( 14 ) Sentenza tas‑16 ta’ Frar 2017, C. K. et (C‑578/16 PPU, EU:C:2017:127, punt 56). Il-Kapitolu IV tar-Regolament Dublin III jidentifika s-sitwazzjonijiet li fihom Stat Membru jista’ jitqies li huwa responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal ażil b’deroga minn dawn il-kriterji.

( 15 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punt 39). Fil-punt 53 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament huma intiżi sabiex ifasslu l-proċedura ta’ teħid inkarigu [teħid ta’ responsabbiltà], dawn jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli, fis-sens tal-istess regolament. Għalhekk, deċiżjoni ta’ trasferiment lejn Stat Membru li ma huwiex dak li lilu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet sottomessa ma tistax tiġi validament adottata ladarba jiskadu t-termini li jinsabu f’dawn id-dispożizzjonijiet.”

( 16 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 51). Minkejja dan l-ewwel terminu, fil-każ ta’ riżultat pożittiv Eurodac b’data rreġistrata skont l-Artikolu 14 tar-Regolament Eurodac, din it-talba għandha tiġi fformulata f’terminu ta’ xahrejn li jibda jiddekorri mir-riċezzjoni ta’ dan ir-riżultat. Fil-punt 67 tas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III jirriżulta li t-talba għal teħid ta’ responsabbiltà għandha imperattivament tiġi fformulata fl-osservanza tat-termini stabbiliti f’din id-dispożizzjoni.

( 17 ) Ara s-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 52). Fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “[t-tielet subparagrafu] tal-Artikolu 21(1) ta’ dan ir-regolament […] jipprevedi, fil-każ ta’ skadenza tat-termini stabbiliti fiż-żewġ subparagrafi li jippreċeduh, trasferiment ipso jure tar-responsabbiltà tal-Istat Membru li miegħu l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet sottomessa, mingħajr ma dan it-trasferiment jiġi suġġett għal kwalunkwe reazzjoni tal-Istat Membru mitlub”. Fil-punt 54 tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[d]-dispożizzjonijiet [tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Dublin III] jikkontribwixxu għalhekk, b’mod determinanti, għat-twettiq tal-għan tal-ipproċessar bil-ħeffa tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, imsemmi fil-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, billi jiggarantixxu, f’każ ta’ dewmien fit-twettiq tal-proċedura ta’ teħid inkarigu [teħid ta’ responsabbiltà], li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jseħħ fl-Istat Membru fejn din l-applikazzjoni ġiet sottomessa, sabiex dan l-eżami ma jiġix imdewwem iktar permezz tal-adozzjoni u tal-eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni ta’ trasferiment”.

( 18 ) L-Artikolu 22(6) tar-Regolament Dublin III jipprevedi terminu ta’ xahar f’ċerti ċirkustanzi għal tweġiba għat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà.

( 19 ) Jew tat-terminu ta’ xahar previst fil-paragrafu 6.

( 20 ) Skont il-Kummissjoni, “[i]r-Regolament Dublin III ma fihx dispożizzjoni ta’ applikazzjoni ġenerali għat-terminu li fih għandha tiġi ddeterminata r-responsabbiltà ta’ Stat Membru meta l-Istat Membru mitlub ikun ittrażmetta t-tweġiba negattiva tiegħu fit-terminu previst mill-Artikolu 22(1) u (6) u l-Artikolu 25(1)” (ara l-punt 3 tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet bil-miktub).

( 21 ) Fil-fatt, il-kwistjoni hija jekk il-kriterji stabbiliti mill-Kapitolu III tar-Regolament Dublin III japplikawx dejjem jew jekk ir-responsabbiltà tiġix ittrasferita awtomatikament lill-Istat Membru rikjedent.

( 22 ) Jidhirli f’dan ir-rigward li r-Regolament Dublin III fih xi lakuni.

( 23 ) Sentenza tat‑8 ta’ Mejju 2014, N. (C‑604/12, EU:C:2014:302, punti 4950).

( 24 ) Konformement mal-Artikolu 29(2) tar-Regolament Dublin III, “[d]an il-limitu ta’ żmien [ta’ sitt xhur] jista’ jkun estiż sa massimu ta’ sena jekk it-trasferiment ma setax ikun eżegwit minħabba priġunerija tal-persuna kkonċernata jew sa massimu ta’ tmintax-il xahar jekk il-persuna kkonċernata tkun ħarbet”. Enfasi miżjuda minni.

( 25 ) Sentenza tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Shiri (C‑201/16, EU:C:2017:805, punti 272934). Fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja affermat li “[l]-proċeduri ta’ teħid ta’ inkarigu [teħid ta’ responsabbiltà] jew ta’ teħid lura stabbiliti bir-Regolament Dublin III għandhom, b’mod partikolari, jitmexxew b’osservanza ta’ numru ta’ termini imperattivi, li fosthom hemm it-terminu ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 29(1) u (2) ta’ dan ir-regolament. Filwaqt li dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi li jipprovdu qafas għal dawn il-proċeduri, huma jikkontribwixxu wkoll, bl-istess mod bħall-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi stabbilit l-Istat Membru responsabbli.” Barra minn hekk, fil-punt 41 ta’ din l-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “it-termini stipulati fl-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III [ikollhom] l-għan li jipprovdu qafas mhux biss għall-adozzjoni iżda wkoll għall-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni ta’ trasferiment”.

( 26 ) Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 27 ) Ara l-punt 25 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 28 ) Skont il-Kummissjoni, “[m]it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta b’mod ċar li t-terminu (li jista’ jiġġedded) ta’ sitt xhur għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-ażil għandu jibda japplika mill-mument li l-Istat Membru responsabbli jiġi ddeterminat f’konformità mar-Regolament [Dublin III], l-applikant ikun fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru u l-awtorità kompetenti tkun ħadet responsabbiltà tiegħu” (ara l-punt 72 tal-osservazzjonijiet tagħha).

( 29 ) Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż iqis li minkejja l-fatt li r-Regolament Dublin III għandu għan ta’ pproċessar rapidu tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali “[m]adankollu ma huwiex possibbli li titqassar il-proċedura għall-iqsar tul taż-żmien possibbli fil-każijiet kollha peress li l-proċedura tista’ tiġi estiża f’każ ta’ rikors mill-applikant kontra [d]-deċiżjoni jew f’każ ta’ ħarba jew ta’ priġunerija. F’dawn il-każijiet, ir-Regolament Dublin III jipprevedi huwa nnifsu bidu tardiv jew estensjoni tat-terminu ta’ sitt xhur previst fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 29(1)” (ara l-punt 5 tat-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet).

( 30 ) U konsegwentement, it-terminu massimu għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li jibda jiddekorri biss mid-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli u dan biss jekk jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet l-oħrajn previsti fl-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32.

( 31 ) Fil-fatt, permezz tal-ittra tagħha tas‑16 ta’ Ottubru 2017 indirizzata lill-partijiet ikkonċernati imsemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja saqsiethom dwar il-bażi legali tal-proċedura addizzjonali ta’ eżami mill-ġdid stabbilita fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑48/17 iqis li r-Regolament Dublin III ma jagħti l-ebda kompetenza lill-Kummissjoni biex tintroduċi proċedura ta’ eżami mill-ġdid. Il-Gvern Ġermaniż iqis li għalkemm ir-Regolament Dublin III ma jinkludi l-ebda awtorizzazzjoni espressa għall-adozzjoni tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, ir-Regolament Nru 1560/2003 “jippreċiża [fl-ewwel premessa tiegħu] li hemm lok li jiġi ppreċiżat ċertu numru ta’ modalitajiet speċifiċi għall-implementazzjoni effettiva tar-Regolament Dublin III. L-għan huwa b’mod partikolari li jiġi ffaċilitat l-‘ipproċessar’ tat-talba. L-Artikolu 5 tar-Regolament [Nru 1560/2003], li jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-ipproċessar ta’ talbiet fil-każ ta’ ċaħda tagħhom jaqa’ wkoll taħt dan l-għan”. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑48/17 indika matul is-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2018 li huwa kien iqis li l-bażi legali tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid inkwistjoni ma setgħetx tkun l-Artikolu 29(4) tar-Regolament Dublin III. Matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-Artikolu 17(3) tar-Regolament Dublin II (li jikkorrispondi b’mod imperfett għall-Artikolu 21(3) tar-Regolament Dublin III) kif ukoll l-Artikolu 29(4) tar-Regolament Dublin III kienu jikkostitwixxu l-bażi legali tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003. F’dan ir-rigward, il-Gvern Olandiż appoġġja l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

( 32 ) Ara l-punt 17 tal-osservazzjonijiet tal-Gvern Ungeriż.

( 33 ) L-istess bħar-Regolament Dublin II.

( 34 ) U r-Regolament Dublin II fil-passat. Ara, f’dan is-sens, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 1560/2003.

( 35 ) Jien inqis, konformement mal-Artikolu 21(1) u mal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Dublin III, kif ukoll mas-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 67) li wara tweġiba negattiva mill-Istat Membru mitlub, l-Istat Membru rikjedent jista’ jagħmel talba ġdida għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura, bil-kundizzjoni li jiġu osservati t-termini obbligatorji stabbiliti mill-Artikoli 21 u 23 tar-Regolament Dublin III. Minn dan isegwi li l-possibbiltà ta’ talbiet għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura paralleli tista’ tiġi prevista, mill-inqas fit-teorija. Madankollu, jekk it-termini inkwistjoni jiskadu, l-Istat Membru rikjedent ma jkunx għadu jista’ jressaq talba simili. It-tweġiba tal-Kummissjoni għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja tindika li “[l]-proċedura tat-talba għal eżami mill-ġdid tintuża f’numru ta’ każijiet li ma jistax jiġi injorat (2903 talbiet fl‑2015, 8442 fl‑2016) u twassal għal aċċettazzjoni f’madwar terz tal-każijiet (fil-każ ta’ 1 019–il talba mressqa fl‑2015 u f’dak ta’ 2489 talba mressqa fl‑2016)”.

( 36 ) Bħalma ser nindika fil-punt 111 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-Istat Membru mitlub bl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma jkunx responsabbli għall-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ħlief jekk jaċċetta din ir-responsabbiltà b’mod espliċitu f’terminu raġonevoli.

( 37 ) F’dan ir-rigward, il-formulazzjoni tat-test ma tħalli l-ebda dubju fir-rigward tal-użu ta’ kliem imperattiv: “[d]in l-għażla trid tiġi eżerċitata fi żmien tliet ġimgħat wara li jirċievi r-risposta negattiva”.

( 38 ) Fil-punt 53 tal-osservazzjonijiet tagħha, il-Kummissjoni tinnota li “[r]-Regolament Dublin III u r-Regolament Nru 1560/2003, adottat bl-eżekuzzjoni ta’ dan, jinkludu sensiela ta’ termini vinkolanti b’mod ċar, iżda mhux kollox huwa rregolat minn termini vinkolanti. Huwa preċiżament għal din ir-raġuni li ma tistax tiġi adottata interpretazzjoni li tmur kontra test ċar. Fil-każ tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], jista’ effettivament ikun hemm sitwazzjonijiet fejn l-awtoritajiet tal-Istat Membru mitlub ikollhom jeżaminaw każijiet kumplessi, marbuta pereżempju ma’ minuri mhux akkumpanjati u ma’ membri tal-familja potenzjali; f’tali sitwazzjonijiet, terminu qasir u vinkolanti jmur kontra l-għan li huwa intiż sabiex l-Istat Membru responsabbli jiġi indikat b’mod korrett. Għalhekk hemm kunsiderazzjoni politika fil-bażi tal-kliem ċar tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003.”

( 39 ) Fil-verżjonijiet tal-lingwa Spanjola: “se esforzará”; fil-lingwa Daniża: “bestraeber”; fil-lingwa Inġliża: “shall endeavour”; fil-lingwa Taljana: “procura di”; fil-lingwa Ungeriża: “törekszik”, fil-lingwa Olandiża: “zich beijveren”.

( 40 ) Inqis, bħall-Kummissjoni, li l-kliem “għandu jagħmel l-almu tiegħu” u “l-espressjonijiet simili użati fil-maġġoranza assoluta tal-verżjonijiet lingwistiċi tar-regolament huma perfettament ċari” u ma jimponux obbligu ta’ tweġiba fi żmien ġimagħtejn (ara l-punti 51 u 52 tal-osservazzjonijiet tagħha). Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑47/17 iqis li l-kliem “zich beijveren” (“għandu jagħmel l-għalmu tiegħu”), bħalma jinsab fil-verżjoni Olandiża tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003, jista’ jiġi interpretat biss bħala li jfisser li l-Istat Membru mitlub huwa obbligat jagħmel l-ikbar sforzi tiegħu. L-obbligu li jagħmel l-ikbar sforzi tiegħu ma jistax ifisser li l-Istat Membru mitlub irid iwieġeb (ara l-punt 3.1 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Il-Gvern Olandiż iqis li t-terminu ta’ ġimagħtejn imsemmi fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 ma huwiex terminu obbligatorju u li l-Istat Membru mitlub ma huwiex obbligat iwieġeb fi żmien ġimagħtejn (ara l-punti 36 sa 38 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Skont il-Gvern tar-Renju Unit “l-Istat Membru mitlub għandu jipprova jwieġeb f’terminu ta’ ġimagħtejn, iżda [ma] huwiex obbligat jagħmel dan. […] Il-kliem ‘għandu jagħmel l-għalmu tiegħu’ jitneħħielu kull sinjifikat kieku l-Istat Membru mitlub kien suġġett għal obbligu assolut li jwieġeb fi żmien ġimagħtejn. Dan jindika li għandhom isiru sforzi serji u reali biex tingħata tweġiba f’dan it-terminu, iżda jirrikonoxxi li dan ma jkunx dejjem possibbli u dan għal għadd kbir ta’ raġunijiet bħal, pereżempju, il-pressjoni marbuta mal-volum ta’ każijiet ipproċessati mill-Istat Membru mitlub jew id-diffikultajiet tal-każ eżaminat. L-Istat Membru mitlub ma huwiex marbut b’mod assolut mill-perijodu ta’ ġimagħtejn imsemmi. […] Bl-istess mod, is-sitwazzjoni tista’ tkun distinta minn ċerti termini identifikati fir-Regolament Dublin III: għalhekk, skont l-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, l-Istat Membru mitlub ‘għandu jagħti deċiżjoni fuq it-talba biex jittieħed inkarigu [tittieħed ir-responsabbiltà] ta’ applikant fi żmien xahrejn mill-irċevuta tat-talba’. Skont l-Artikolu 25(1), l-Istat Membru mitlub ‘għandu […] jagħti deċiżjoni […] kemm jista’ jkun malajr u f’kull każ mhux aktar tard minn xahar mid-data meta kienet rċevuta t-talba’”. “Meta l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jimponi obbligu assolut, huwa għamel dan fi kliem ċar ħafna. L-obbligu previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003] huwa ta’ natura oħra”. (Ara l-punti 11, 12 u 14 ta’ dawn l-osservazzjonijiet, u enfasi miżjuda minni).

( 41 ) Skont il-Gvern Olandiż, dan it-terminu “huwa biss linja gwida fir-rigward tal-Istat Membru mitlub”. Skont il-Kummissjoni, ir-Regolament Nru 1560/2003 ma “huwiex intiż biex jimponi terminu strettament obbligatorju, iżda jadotta gwida li għandha tiġi segwita sa fejn ikun possibbli”. Dan għalhekk huwa terminu purament indikattiv. Il-Konfederazzjoni Svizzera, li ppreżentat osservazzjonijiet biss dwar l-ewwel domanda preliminari, hija inqas assoluta sa fejn hija tqis li “[l]-kliem tad-dispożizzjoni jsostni f’dan is-sens li t-terminu stabbilit fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003] huwa sempliċiment terminu indikattiv u mhux terminu ta’ dekadenza. Għalhekk jidher b’mod ċar, b’mod partikolari abbażi ta’ ċerti verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5(2) […] li l-obbligu tal-[Istat Membru] mitlub li jwieġeb f’terminu ta’ ġimagħtejn ma jistax jinftehem fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan it-terminu għandu jkollu immedjatament konsegwenzi legali. L-obbligu li wieħed ‘għandu jagħmel l-għalmu tiegħu’ jimplika għall-kuntrarju ċerta flessibbiltà fiż-żmien biex tingħata tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid. L-Istat mitlub jista’ għalhekk b’mod validu jwieġeb għat-talba anki wara l-iskadenza tat-terminu ta’ ġimagħtejn. Is-suġġett tar-Regolament Dublin III isostni madankollu f’dan is-sens li t-terminu previst fl-Artikolu 5(2) tar-Regolament […] Nru 1560/2003 huwa obbligu ta’ prinċipju li għandu jiġi osservat u mhux biss indikazzjoni ta’ żmien mingħajr rilevanza”. Enfasi miżjuda minni.

( 42 ) Il-Gvern tar-Renju Unit jinnota li “għall-kuntrarju, pereżempju, tal-Artikoli 22 u 25 tar-Regolament Dublin III, ma huwa previst l-ebda trasferiment awtomatiku tar-responsabbiltà meta Stat Membru mitlub ma jweġibx […] f’terminu ta’ ġimagħtejn […]” (ara l-punt 20 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Skont il-Gvern Ungeriż “[g]ħandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament [Dublin III] u lanqas ir-Regolament Nru 1560/2003 ma jorbtu b’mod ċar konsegwenzi legali mal-assenza ta’ tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid jew mal-iskadenza tat-terminu ta’ ġimagħtejn previst għal dan l-għan, u għalhekk lanqas ma għandu jkun hemm konsegwenza li jkollha effett fuq ir-responsabbiltà relatata mal-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali” (ara l-punt 18 tal-osservazzjonijiet tiegħu). Fit-tweġibiet tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Ġermaniż iqis li “[r]-Regolament Dublin III ma jipprevedi l-ebda konsegwenza legali f’każ li ma tingħatax tweġiba għat-talba għal eżami mill-ġdid tat-talba għal teħid ta’ responsabbiltà jew teħid lura. […]. Għandu jiġi nnotat li, fin-nuqqas ta’ bażi legali fir-Regolament Dublin III, l-assenza ta’ tweġiba ma jistax ikollha bħala konsegwenza trasferiment ta’ responsabbiltà.”

( 43 ) Bħalma jirriżulta mill-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni, b’mod partikolari l-kliem “għandu jagħmel l-għalmu tiegħu”.

( 44 ) L-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1560/2003 jiddisponi li “[l]-Istat Membru mitlub għandu jagħmel l-għalmu tiegħu biex jirrispondi fi żmien ġimagħtejn. F’kull każ, din il-proċedura addizzjonali m’għandhiex testendi l-limiti taż-żmien stabbiliti fl-Artikolu 18(1) u (6) u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament [Dublin II]”. Enfażi miżjuda minni. L-Artikolu 18(1) u (6) u l-Artikolu 20(1)(b) tar-Regolament Dublin II jikkorrispondu għall-Artikolu 22(1) u (6) u għall-Artikolu 25(1) tar-Regolament Dublin III.

( 45 ) Il-Kummissjoni tqis li dawn it-termini għalhekk la jistgħu jiġu estiżi u lanqas “iwasslu għal trasferiment tar-responsabbiltà. Fi kliem ieħor, dan ifisser li wara tweġiba negattiva fis-sens tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1560/2003, Stat Membru mitlub ma jistax isir responsabbli ħlief jekk jaċċetta dan huwa nnifsu. Dan jiġi spjegat mill-fatt li talba għal eżami mill-ġdid ma tikkostitwixxix talba ġdida għal teħid lura. Talba għal eżami mill-ġdid tobbliga lill-Istat Membru mitlub jeżamina mill-ġdid is-sitwazzjoni u jivverifika jekk ikunx ser iżomm it-tweġiba negattiva tiegħu, xejn iżjed. Interpretazzjoni differenti barra minn hekk tmur kontra l-ġerarkija tar-regoli, peress li din tkun tikkonsisti fil-fatt li regolament ta’ implimentazzjoni jidderoga minn regolament bażiku”. Enfasi miżjuda minni.

( 46 ) Kawża C‑48/17.

( 47 ) Kawża C‑47/17. Fil-Kawżi magħquda C‑47/17 u C‑48/17, il-qorti tar-rinviju tinnota li l-Artikolu 31(3) tad-Direttiva 2013/32 jiddisponi li “l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċedura ta’ eżami tat-talba għal ażil tkun konkluża fi żmien sitt xhur li jibdew jiddekorru mill-preżentata tal-applikazzjoni. Għalhekk ma jkunx loġiku li jitqies li t-tul taż-żmien tal-eżami mill-ġdid, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament [Nru 1560/2003], tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni għal ażil ikun itwal mit-terminu stabbilit biex tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal ażil innifisha, li tkun għadha trid tiġi ppreżentata wara li tkun ittieħdet deċiżjoni dwar liema huwa l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar tal-applikazzjoni”. Inqis, konformement mal-osservazzjonijiet tiegħi fil-punt 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li t-termini previsti fid-Direttiva 2013/32 u, b’mod partikolari, fl-Artikolu 31(3) tagħha, huma distinti b’mod ċar minn dawk iffissati mir-Regolament Dublin III u, konsegwentement, minn dawk iffissati mir-Regolament Nru 1560/2003.

( 48 ) Fil-fatt, konformement mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, l-Istati Membri għandhom b’mod partikolari jiffaċilitaw it-twettiq mill-Unjoni tal-kompitu tagħha.

( 49 ) Skont il-Gvern tar-Renju Unit, “[m]a huwiex possibbli li jiġi ddeterminat x’jikkostitwixxi ‘tul taż-żmien raġonevoli’, peress li dan il-kunċett huwa, fid-definizzjoni, strettament marbut mal-fatti. X’inhuwa raġonevoli jiddependi mill-kuntest” (ara l-punt 22 tal-osservazzjonijiet tiegħu).

( 50 ) Fil-Kawża C‑47/17, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma weġbux għat-talba għal eżami mill-ġdid tas-Segretarju tal-Istat tal‑14 ta’ April 2016. Hemm lok li jitfakkar li fil-Kawża C‑48/17, l-awtoritajiet Taljani aċċettaw, fis‑26 ta’ Jannar 2016, ir-responsabbiltà għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tal-persuna kkonċernata wara talba għal eżami mill-ġdid tas-Segretarju tal-Istat bid-data tal‑1 ta’ Diċembru 2015, u tfakkira bid-data tat‑18 ta’ Jannar 2016, jiġifieri, inqas minn xahrejn wara li saret l-imsemmija talba.

( 51 ) Il-Kummissjoni rrimarkat b’mod indikattiv li l-fatti u l-fatturi li jistgħu eventwalment ikunu rilevanti għal din l-evalwazzjoni huma “b’mod partikolari […] il-portata tal-investigazzjoni u tal-approċċi meħtieġa għall-eżami tat-talba, kif ukoll żieda eventwali fil-ħidma tal-awtoritajiet kompetenti”. Il-Gvern Olandiż iqis li “ċ-ċirkustanzi li jmiss jistgħu, b’mod partikolari, jikkostitwixxu elementi rilevanti biex tingħata risposta għad-domanda dwar jekk it-terminu huwiex raġonevoli: [1] l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istat Membru rikjedent jew tal-Istat Membru mitlub kellhom iwettqu diversi riċerki dwar il-persuna inkwistjoni; [2] l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istat Membru rikjedent u tal-Istat Membru mitlub kellhom jiddiskutu diversi drabi, pereżempju, biex isolvu diverġenza ta’ fehmiet; [3] l-awtoritajiet ikkonċernati tal-Istat Membru mitlub affaċċjaw piż ta’ ħidma iktar sinjifikattiv, bħal, pereżempju, influss enormi ta’ applikanti għal ażil”.

( 52 ) Ara l-punt 113 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 53 ) Jew f’terminu raġonevoli.

( 54 ) Ninnota li huwa kkonferma matul is-seduta tas‑16 ta’ Jannar 2018 li, fir-rikors tiegħu fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑48/17 jitlob li t-talba tiegħu tiġi eżaminata mill-awtoritajiet Olandiżi u mhux mill-awtoritajiet Taljani.

( 55 ) Ara, b’analoġija, l-punt 59 tas-sentenza tas-26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587).

( 56 ) Skont il-premessa 5 tar-Regolament Dublin III, il-metodu sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli “għandu jkun ibbażat fuq kriterji oġġettivi u ġusti”.

( 57 ) Ara l-punti 62 u 63 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 58 ) Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 5(1) tar-Regolament Nru 1560/2003, tweġiba negattiva għandha tiġi mmotivata bis-sħiħ.

( 59 ) Għandu jitfakkar li t-terminu ta’ ġimagħtejn huwa biss terminu indikattiv. Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, tweġiba fi żmien xieraq hija ekwivalenti għal tweġiba f’terminu raġonevoli.

( 60 ) Huwa f’dan il-mument li l-Istat Membru mitlub isir responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Barra minn hekk, huwa minn din l-aċċettazzjoni espliċita min-naħa tal-Istat Membru mitlub li, konformement mal-Artikolu 29 tar-Regolament Dublin III, jibda jiddekorri t-terminu ta’ sitt xhur għall-eżekuzzjoni tat-trasferiment tal-persuna kkonċernata.

( 61 ) Li fl-ebda każ ma jistgħu jiġu interpretati bħala limiti massimi imperattivi.

( 62 ) Inqis li għalkemm tweġiba tista’ tinvoka ċirkustanzi ġenerali bħal fluss sinjifikattiv ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali, fi kwalunkwe każ din għandha tkun intiża speċifikament għall-persuna kkonċernata.

( 63 ) Din is-sitwazzjoni ma hijiex inkwistjoni fil-kawżi prinċipali.

( 64 ) Minħabba ċ-ċirkustanzi.

( 65 ) Jew mill-inqas f’“limbu legali”.

( 66 ) Għandu jitfakkar li r-rikorrent fil-kawża prinċipali f’din il-kawża beda strajk tal-ġuħ u tal-għatx u ppreżenta rikors quddiem il-qorti tar-rinviju minħabba t-tardività tad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tiegħu għal protezzjoni internazzjonali.

( 67 ) F’dan il-każ preċiż tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Kawża C‑47/17, jidher li ma ntbagħtitx tfakkira lill-awtoritajiet Ġermaniżi. Barra minn hekk, jidher li, minkejja l-kuntatti bejn l-awtoritajiet Olandiżi u Ġermaniżi dwar it-teħid tal-marki tas-swaba’ diġitali għas-sistema Eurodac, il-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 37 tar-Regolament Dublin III ma kinitx inbdiet. Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, din il-proċedura hija mfassla għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil persistenti bejn l-Istati Membri dwar kwistjoni marbuta mal-applikazzjoni tar-Regolament Dublin III. Hija tinnota li din il-proċedura għadha qatt ma ġiet applikata.