KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit‑22 ta’ Frar 2018 ( 1 )

Kawża C‑44/17

The Scotch Whisky Association, The Registered Office

vs

Michael Klotz

(talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Approssimazzjoni tal‑leġiżlazzjonijiet – Protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi ta’ spirti – Regolament (KE) Nru 110/2008 – Artikolu 16(a), (b) u (ċ) – Anness III – Indikazzjoni ġeografika rreġistrata ‘Scotch Whisky’ – Whisky prodott fil-Ġermanja u mibjugħ bl-isem ‘Glen Buchenbach’ – Kunċett ta’ ‘użu indirett’ ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata – Kunċett ta’ ‘evokazzjoni’ ta’ tali indikazzjoni – Kunċett ta’ ‘indikazzjoni falza jew li tinganna’ – Ħtieġa ta’ forma identika mal‑indikazzjoni, jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew kwalunkwe assoċjazzjoni fi ħdan il-pubbliku rilevanti – Eventwali teħid inkunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jidħol l-isem ikkontestat”

I. Introduzzjoni

1.

It-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) tirrigwarda l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id‑definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l‑protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 ( 2 ). L-imsemmi Artikolu 16 jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi kollha ( 3 ) li huma rreġistrati fl‑Anness III tar-Regolament Nru 110/2008 kontra l-prattiki qarrieqa fir-rigward tal-oriġini ta’ tali prodotti.

2.

Din it-talba saret fil-kuntest ta’ kawża bejn organizzazzjoni tar‑Renju Unit, li għandha l-għan li tippromwovi l-interessi tal-industrija tal-whisky Skoċċiż, kontra bejjiegħ Ġermaniż, sabiex dan tal-aħħar ma jkomplix ibiegħ whisky prodott fil-Ġermanja u msejjaħ “Glen Buchenbach”. Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ssostni li l-użu tat‑terminu “Glen” jippreġudika l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata “Scotch Whisky”, inkwantu jikkostitwixxi kemm użu kummerċjali indirett u evokazzjoni għal dan tal-aħħar, kif ukoll indikazzjoni falza jew li tinganna, li huma pprojbiti rispettivament permezz tal-Artikolu 16(a), (b) u (ċ) tar-Regolament Nru 110/2008.

3.

Il-qorti tar-rinviju tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex qabel xejn, tiddikjara jekk il-kunċett ta’ “użu […] indirett”, fis-sens tal‑Artikolu 16(a) ta’ dan ir-regolament jeżiġix li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew huwiex biżżejjed li t-terminu kkontestat iqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal‑imsemmija indikazzjoni. Barra minn hekk, hija tistaqsi jekk, f’każ li sempliċi assoċjazzjoni tkun suffiċjenti, għandux jiġi kkunsidrat, sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni, il-kuntest li fih jidħol it-terminu użat sabiex jiddeskrivi l-prodott ikkonċernat, u b’mod partikolari l‑fatt li l‑oriġini vera ta’ dan il-prodott hija indikata wkoll fit-tikketta tiegħu.

4.

Imbagħad, din il-qorti tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk il‑kunċett ta’ “evokazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 16(b) tal-imsemmi regolament jimplikax li hemm xebh fonetiku u/jew viżiv bejn l‑indikazzjoni ġeografika protetta u t-terminu inkwistjoni, jew inkella huwiex biżżejjed li dan tal-aħħar iqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-imsemmija indikazzjoni. Hija tistaqsi wkoll jekk, f’każ li tali assoċjazzjoni hija biżżejjed, il-kuntest li fih huwa użat dan it-terminu għandux jiġi kkunsidrat sabiex tiġi applikata l‑imsemmija dispożizzjoni.

5.

Finalment, hija tixtieq tkun taf jekk l-eżistenza ta’ “kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna” fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) tal‑istess regolament, tirrikjedix li jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih jintuża it-terminu kkontestat.

6.

Din il-kawża hija differenti minn dawk li fihom il-Qorti tal‑Ġustizzja diġà interpretat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 tar‑Regolament Nru 110/2008 ( 4 ), inkwantu għandha sitwazzjoni partikolari li ma kienx hemm bħalha qabel fejn – kif id-domandi magħmula f’din il-kawża juru – l-isem ikkontestat ma għandu l-ebda xebh, la fonetiku u lanqas viżiv, mal-indikazzjoni ġeografika protetta, iżda allegatament jista’ jwassal lill-konsumaturi sabiex jagħmlu rabta mhux dovuta ma’ din tal-aħħar. Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja indirettament intalbet tippreċiża kif għandhom jiġu applikati r-regoli ddefiniti fil-punti (a) sa (ċ) tal-imsemmi Artikolu 16, fir-rigward tal‑każijiet differenti hemm imsemmija.

II. Il-kuntest ġuridiku

7.

Ir-Regolament Nru 110/2008, fl-Artikolu 16 tiegħu intitolat “Protezzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi”, jipprevedi li “[…] l‑indikazzjonijiet ġeografiċi reġistrati fl-Anness III għandhom ikunu protetti kontra:

(a)

kull użu kummerċjali dirett jew indirett fir-rigward ta’ prodotti li m’humiex koperti bir-reġistrazzjoni sakemm dawk il-prodotti jkunu komparabbli max-xarba spirituża reġistrata taħt dik l-indikazzjoni ġeografika jew sakemm it-tali użu jisfrutta r-reputazzjoni ta’ l‑indikazzjoni ġeografika reġistrata;

(b)

kull użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni, anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata jew l-indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘bħal’, ‘tip’, ‘stil’, ‘magħmul’, ‘togħma’ jew kwalunkwe terminu simili ieħor;

(ċ)

kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna dwar il‑provenjenza, l-oriġini, in-natura jew il-kwalitajiet essenzjali fid‑deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott, li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu;

(d)

kwalunkwe prattika oħra li tista’ tinganna lill-konsumatur dwar l‑oriġini vera tal-prodott.”

8.

L-Anness III tar-Regolament Nru 110/2008, intitolat “Indikazzjonijiet ġeografiċi”, jindika li l-“iScotch Whisky” ġie rreġistrat bħala indikazzjoni ġeografika li taqa’ fil-kategorija ta’ prodotti Nru 2, jiġifieri dik ta’ “Whisky/Whiskey”, u li għandha bħala pajjiż ta’ oriġini r-“Renju Unit (Skozja)”.

III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

9.

The Scotch Whisky Association, The Registered Office (iktar ’il quddiem it-“TSWA”) hija organizzazzjoni rregolata mid-dritt Skoċċiż li għandha l-għan li tiżgura l-protezzjoni tal-kummerċ tal-whisky Skoċċiż kemm fl-Iskozja kif ukoll fl-esteru.

10.

Michael Klotz ibigħ, permezz ta’ sit internet, whisky bl-isem “Glen Buchenbach” li huwa prodott mid-distillerija Waldhorn, li tinsab f’Berglen, fil-wied ta’ Buchenbach, f’Souabe (Baden-Württemberg, il‑Ġermanja).

11.

It-tikketta fuq il-flixken tal-whisky inkwistjoni tinkludi, minbarra l-indirizz sħiħ tal-produttur Ġermaniż u d-disinn li juri qarn tal-kaċċa (imsejjaħ “Waldhorn” bil-Ġermaniż), l-informazzjoni segwenti: “Waldhornbrennerei [distillerija Waldhorn bil-Franċiż], Glen Buchenbach, Swabian Single Malt Whisky [whisky single malt ta’ Schwaben], 500 ml, 40 % vol, Deutsches Erzeugnis [prodott Ġermaniż], Hergestellt in den Berglen [magħmul f’Berglen]”.

12.

TSWA fetħet kawża quddiem il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) sabiex twaqqaf l-użu minn M. Klotz tal-isem “Glen Buchenbach” għall-whisky inkwistjoni, minħabba li dan l-użu huwa kuntrarju, b’mod partikolari, għall-Artikolu 16(a) sa (ċ) tar‑Regolament Nru 110/2008 ( 5 ), li jipproteġi l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, fosthom l-indikazzjoni “Scotch Whisky”. TSWA sostniet b’mod partikolari, minn naħa, li dawn id-dispożizzjonijiet ma jkoprux biss l-użu ta’ tali indikazzjoni fiha nnifisha iżda wkoll kull riferiment li jissuġġerixxi l-oriġini ġeografika protetta u, min-naħa l-oħra, li l-isem “Glen” f’moħħ il‑pubbliku jiġi assoċjat mal-Iskozja u mal-iScotch Whisky, minkejja li kien hemm riferimenti oħra li jirrigwardaw l-oriġini Ġermaniża tal‑prodott. M. Klotz talab li dan ir-rikors jiġi miċħud.

13.

F’dan il-kuntest, permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Jannar 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Jannar 2017, il-Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg) iddeċidiet li tissospendi l‑proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-‘użu kummerċjali […] indirett […] ta’ l-indikazzjoni ġeografika reġistrata [għal spirtu]’ skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008, jeżiġi li l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv[ ( 6 )], jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il‑pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?

Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal‑eżistenza ta’ ‘użu kummerċjali indirett’, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola l-użu kummerċjali indirett ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l‑oriġini vera tal-prodott?

2)

L-‘evokazzjoni’ ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont l‑Artikolu 16(b) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, teżiġi li xebh fonetiku u/jew viżiv ikun jeżisti bejn l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata u l-element kontenzjuż tas-sinjal, jew huwa biżżejjed li l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika?

Jekk l-alternattiva msemmija l-aħħar hija suffiċjenti: fil-verifika tal-eżistenza ta’ ‘evokazzjoni’, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu għalhekk ukoll rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola evokazzjoni illegali mill-element kontenzjuż tas-sinjal, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?

3)

Fil-verifika tal-eżistenza ta’ ‘kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna’ skont l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008, il-kuntest li fih huwa integrat l-element kontenzjuż tas-sinjal għandu rwol, jew dan il-kuntest ma jistax jostakola indikazzjoni li tinganna, anki meta l-element kontenzjuż tas-sinjal ikun akkumpanjat minn indikazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott?”

14.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn TSWA, minn M. Klotz, mill-Gvern Elleniku, Franċiż, Taljan u dak Olandiż kif ukoll mill‑Kummissjoni Ewropea. Ma saritx seduta għas-sottomissjonijiet orali.

IV. Analiżi

A.   Osservazzjonijiet preliminari

15.

Qabel xejn, nirrileva li ż-żewġ partijiet fil-kawża prinċipali jilmentaw dwar it-terminoloġija użata fid-deċiżjoni tar-rinviju.

16.

Minn naħa, M. Klotz jissottometti li l-qorti tar-rinviju ppreżentat il-fatti fil-qosor wisq u b’mod inkomplet u jagħti iktar informazzjoni sabiex jikkompleta din il-preżentazzjoni tal-fatti ( 7 ).

17.

F’dan ir-rigward, infakkar li, fil-kuntest tal-proċedura prevista fl‑Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni la sabiex tivverifika u lanqas sabiex tevalwa ċ-ċirkustanzi fattwali relatati mal-kawża prinċipali u li huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jistabbilixxu l-fatti li wasslu għall-kawża kif ukoll li jisiltu l‑konklużjonijiet minnhom għad-deċiżjoni li huma mitluba jagħtu ( 8 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, fi spirtu ta’ kooperazzjoni, tagħti lill-qorti tar-rinviju l-indikazzjonijiet kollha li hija tħoss li huma meħtieġa, sabiex tagħti risposta utli lil din il-qorti ( 9 ).

18.

Minn naħa l-oħra, TSWA tikkritika lill-qorti tar-rinviju li ma fformulatx b’mod tajjeb id-domandi preliminari ( 10 ). Fl-osservazzjonijiet tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, hija tippreżenta d-domandi kif ifformulati mill-ġdid minnha u hija tagħti xi risposti fir-rigward tagħhom ( 11 ).

19.

Issa, huma biss il-qrati nazzjonali, li huma aditi mill-kawża u li huma obbligati jassumu r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandhom jevalwaw kemm il-ħtieġa ta’ domanda preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jagħmlu lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, ma għandhiex tintlaqa’ t-talba ta’ parti fil-kawża prinċipali sabiex id‑domanda magħmula tiġi fformulata mill-ġdid skont kif tindika hija ( 12 ). Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti lil dawn il-qrati risposta utli li tippermettilhom jiddeċiedu l-kawża prinċipali u għalhekk hija r-responsabbiltà tagħha, jekk ikun il-każ, li tifformula mill-ġdid id‑domandi preliminari magħmula lilha ( 13 ).

20.

Sussegwentement, f’dak li jirrigwarda l-artikolazzjoni li għandu jkun hemm bejn il-punti differenti tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, qabel xejn nenfasizza li jidhirli, bħall-Gvern Franċiż, li dawn id-dispożizzjonijiet jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl-Anness III tal-imsemmi regolament billi jsemmu diversi każijiet li jirreferu iktar u iktar b’mod indirett għal dawn tal-aħħar.

21.

Fil-fatt, nikkunsidra li l-punt (a) ikopri l-każijiet fejn isir riferiment għall-indikazzjoni ġeografika rreġistrata stess; il-punt (b) jipprojbixxi kull użu, imitazzjoni jew evokazzjoni ta’ din l-indikazzjoni, anki jekk l‑isem ikkontestat ma jirreferix għaliha b’mod espliċitu; il-punt (ċ) jipprojbixxi kull riferiment ieħor falz fir-rigward tal-oriġini tal‑prodott, filwaqt li l-punt (d) ikopri kull prattika kummerċjali oħra li tista’ tinganna lill-konsumatur dwar din l‑oriġini. Ser nerġa’ nirreferi għall-karatteristiċi partikolari differenti bejn l-imsemmija punti (a) sa (ċ), imsemmija f’din it-talba għal deċiżjoni preliminari, u dwar l-interpretazzjoni li fl-opinjoni tiegħi toħroġ minnhom, bl-analiżi li ġejja ( 14 ).

B.   Fuq il-kunċett ta’ “użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 (l-ewwel domanda)

1. Fuq il-forma mitluba tal-“użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-rigward tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 (l-ewwel parti tal-ewwel domanda)

22.

L-ewwel domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi xi jfisser “użu kummerċjali […] indirett [ta’] indikazzjoni ġeografika rreġistrata” fir-rigward ta’ spirtu, skont l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008.

23.

L-ewwel parti ta’ din id-domanda essenzjalment tirrigwarda l-punt jekk, sabiex tkun ikkonstatata l-eżistenza ta’ tali użu, ipprojbit mill‑imsemmi punt (a), huwiex meħtieġ li l-isem ikkontestat ikollu forma identika għall-indikazzjoni ġeografika protetta jew ikun simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew jekk hux biżżejjed li dan l-isem iqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal‑indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.

24.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li jista’ jkun hemm żewġ interpretazzjonijiet tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008. Skont l-ewwel approċċ, li huwa ssuġġerit minn parti tad-duttrina Ġermaniża ( 15 ), “użu […] indirett”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ifisser li l‑indikazzjoni ġeografika rreġistrata tintuża taħt forma identika jew, tallinqas, simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, billi tissemma mhux fuq il-prodott jew fuq l-ippakkjar tiegħu, bħal fil-każ ta’ “użu […] dirett”, iżda f’kull kuntest ieħor bħal, pereżempju, f’reklamar jew f’dokumenti ta’ sostenn. Din il-qorti tindika li tali interpretazzjoni twassalha sabiex tiddeċiedi li l-imsemmi punt (a) ma huwiex applikabbli f’dan il-każ, peress li l-ismijiet “Glen” u “Scotch Whisky” la huma identiċi u lanqas simili. Għall-kuntrarju, skont it-tieni approċċ, huwa biżżejjed li s-sinjal ikkontestat iqajjem fil-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika jew maż-żona ġeografika inkwistjoni ( 16 ).

25.

TSWA kif ukoll il-Gvern Elleniku u dak Taljan jaqblu ma’ din it-tieni interpretazzjoni. Min-naħa l-oħra, M. Klotz, il-Gvern Franċiż u dak Olaniż kif ukoll il-Kummissjoni jikkunsidraw, essenzjalment, li ma għandux jiġi kkunsidrat li hemm “użu […] indirett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(a) meta jintuża isem b’forma differenti mill-indikazzjoni ġeografika rreġistrata inkwistjoni ( 17 ). Jiena naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni, għar-raġunijiet segwenti.

26.

Qabel xejn, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja, għall-finijiet tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, hemm lok li ma jittiħdux inkunsiderazzjoni biss kliemha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti ( 18 ).

27.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 16(a) tar‑Regolament Nru 110/2008, TSWA ssostni, fl-opinjoni tiegħi b’mod żbaljat, li din id-dispożizzjoni għandha tkun interpretata b’mod wiesa’, fis‑sens li użu kummerċjali “indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata tippresupponi mhux użu tal-imsemmija indikazzjoni bħala tali, fit-totalità tagħha jew parzjalment, iżda riferiment impliċitu għaliha, inkwantu dan l-użu huwa relatat ma’ “prodotti […] komparabbli” jew “jisfrutta r-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika reġistrata” inkwistjoni ( 19 ).

28.

F’dan ir-rigward, jiena tal-opinjoni li l-użu, fil-punt (a) tal‑imsemmi Artikolu 16 tal-espressjoni “użu kummerċjali dirett jew indirett [ta’] indikazzjoni ġeografika reġistrata” ( 20 ) jirrikjedi użu tal‑indikazzjoni kkonċernata fil-forma li hija kienet irreġistrata jew, tallinqas, f’forma li għandha rabtiet tant mill-qrib magħha li s-sinjal ikkontestat jidher b’mod ċar li ma jistax jiġi sseparat minnha ( 21 ). Fil-fatt, fl-opinjoni tiegħi, it-terminu “użu” jirrikjedi, bħala definizzjoni, li tintuża l-indikazzjoni ġeografika protetta stess, li għandha għalhekk tkun l-istess jew tallinqas simili ( 22 ), mil-lat fonetiku u/jew viżiv, fis-sinjal ikkontestat ( 23 ).

29.

Nirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat elementi ta’ definizzjoni fir-rigward tal-kunċett ta’ użu “dirett” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(a) billi aċċettat li jista’ jkun użu ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika jew terminu korrispondenti għal din l‑indikazzjoni u t-traduzzjoni tiegħu għal spirti li ma jissodisfax l-ispeċifikazzjonijiet korrispondenti, kif kien il-każ ta’ trade marks figurattivi li kienu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Għall-kuntrarju, il‑Qorti tal-Ġustizzja għadha ma ddeċidietx dwar dak li għandu jinftiehem b’użu “indirett” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni.

30.

Minn naħa tiegħi, nikkunsidra li din in-natura indiretta ma tirreferix għall-każijiet fejn l-isem ikkunsidrat ma jagħmilx riferiment espliċitu għal waħda mill-indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati fl‑Anness III tar-Regolament Nru 110/2008, kif tallega TSWA, iżda għall-każijiet fejn tali indikazzjoni tintuża b’xi mod ħażin. Fil-fatt, bħal M. Klotz, il-Gvern Olandiż u l-Kummissjoni, nikkunsidra li kuntrarjament għal użu “dirett”, li jimplika li l-indikazzjoni ġeografika protetta titpoġġa direttament fuq il-prodott ikkonċernat jew fuq l‑ippakkjar tiegħu stess, użu “indirett” jippresupponi li din l-indikazzjoni tidher f’mezzi komplementari ta’ marketing jew ta’ informazzjoni, bħal reklamar li jirrigwarda dan il-prodott ( 24 ) jew f’dokumenti relatati miegħu ( 25 ).

31.

It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih tidħol id-dispożizzjoni inkwistjoni, nenfasizza li l-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 neċessarjament għandu kump ta’ applikazzjoni distint mir-regoli li jiġu wara fl-istess artikolu. Għandha ssir distinzjoni, b’mod partikolari, bejn din l-ewwel dispożizzjoni u l-punt (b), li jirrigwarda l-każijiet ta’ “użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni”, jiġifieri l-każijiet li fihom l‑indikazzjoni ġeografika ma hijiex użata bħala tali iżda hija ssuġġerita, b’riferiment iktar sottili minn dik koperta bil-punt (a), fi ħdan il-pubbliku rilevanti.

32.

Issa, il-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 16 jitlef l-effett tiegħu jekk il-punt (a) tiegħu jiġi interpretat b’mod wiesa’, kif huwa maħsub fl‑ewwel domanda preliminari, fis-sens li jiġi applikat meta s-sinjal ikkontestat sempliċement iqajjem assoċjazzjoni ma’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika relatata. Għalhekk, mill‑istruttura ġenerali ta’ dan l-artikolu jirriżulta, kif il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni jenfasizzaw, li l-kunċett ta’ “użu kummerċjali dirett jew indirett [ta’] indikazzjoni ġeografika reġistrata”, fis-sens tal-imsemmi punt (a), ma għandux ikopri tali eżempji.

33.

Din il-konklużjoni jidhirli li hija sostnuta mill-ġurisprudenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja ( 26 ) li tipprovdi li hija mitluba rabta suffiċjenti mal‑indikazzjoni ġeografika protetta inkwantu tikkonċerna l-kunċett ta’ sempliċi “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) ( 27 ), rekwiżit li fl‑opinjoni tiegħi jgħodd ukoll a fortiori għall-kunċett ta’ “użu” fis-sens tal-punt (a) ta’ dan l-artikolu.

34.

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda l-għanijiet tar-Regolament Nru 110/2008, ninnota, qabel xejn, li l-premessa 4 tenfasizza li l‑leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea jfittex li “jiġi żgurat approċċ aktar sistematiku fil‑Leġiżlazzjoni li tirregola x-xorb spirituż”, filwaqt li jistabbilixxi “b’mod ċar kriterji”, b’mod partikolari, “għall-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi” ( 28 ).

35.

Niddubita kemm huwa kompatibbli ma’ dan it-tħassib espliċitu ta’ ċertezza legali li tiġi aċċettata r-rilevanza ta’ kriterju bħal dak indikat mill-qorti tar-rinviju, jiġifieri l-fatt li “iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika” ( 29 ), peress li huwa osservat li dan huwa kriterju li bl-ebda mod ma ġie introdott mil‑leġiżlatur u li d-delimitazzjonijiet tiegħu jidhirli li huma inċerti wisq. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà semmiet, fir-rigward tad‑dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, ir-riskju “li jqajjem fi ħdan il-pubbliku assoċjazzjoni fir-rigward tal-oriġini tal‑prodott” ( 30 ), iżda jidhirli li, madankollu, ma kellhiex l-intenzjoni li tistabblixxi din il-kunsiderazzjoni ġenerali bħala fattur ta’ evalwazzjoni deċiżiva sabiex tiġi applikata xi waħda mill-imsemmija dispożizzjonijiet.

36.

Sussegwentement, fuq livell iktar sostanzjali, nirrileva li l‑premessa 2 tar-Regolament Nru 110/2008 tipprevedi li l-miżuri previsti minn dan tal-aħħar “għandhom jikkontribwixxu sabiex jinkiseb livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, u jikkontribwixxu lejn il‑prevenzjoni ta’ prattika qarrieqa u l-kisba ta’ trasparenza fis-suq u ta’ kompetizzjoni ġusta”. Il-premessa 9 tiegħu żżid li dawn il-miżuri “għandhom jipprevjenu wkoll l-użu improprju […] ta’ l-ismijiet tax-xorb spirituż għal prodotti li ma jissodisfawx id-definizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament”. Il-premessa 14 tikkonstata li l-protezzjoni speċifika li minnha jibbenefikaw l-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma rreġistrati fl-Anness III tal-imsemmi regolament “fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra tax-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għal […] oriġini ġeografika [partikolari]”.

37.

Fir-rigward tal-għanijiet segwiti, b’mod partikolari, bl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, b’mod partikolari mit-titolu tiegħu jirriżulta li dan l-artikolu għandu l-għan li jiżgura l-“[p]rotezzjoni ta’ l‑indikazzjonijiet ġeografiċi” permezz ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn tal‑aħħar li hija intiża, minn naħa, sabiex tippermetti l‑identifikazzjoni ta’ spirti bħala li joriġinaw minn territorju partikolari fil-każijiet imsemmija fl-imsemmija premessa 14 u, min-naħa l-oħra, jikkontribwixxi sabiex jintlaħqu l-għanijiet iktar ġenerali msemmija fil-premessa 2 ( 31 ).

38.

B’hekk, jidhirli li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 110/2008, u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 16 tiegħu, huma intiżi sabiex jipprekludu użu abbużiv tal-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti, mhux biss fl-interess tax-xerrejja, iżda wkoll fl-interess tal‑produtturi li għamlu sforzi sabiex jiżguraw l-kwalitajiet mistennija ta’ prodotti li legalment għandhom tali indikazzjonijiet, kif diġà wriet il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ( 32 ) li għandha kliem analogu ( 33 ) għal dak tal-Artikolu 16 ta’ dan ir‑regolament ( 34 ). F’din il-perspettiva, il-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 jipprojbixxi b’mod iktar speċifiku, espressament, li operaturi oħra jużaw għall finijiet kummerċjali indikazzjoni ġeografika rreġistrata għal prodotti li ma jissodisfawx l-ispeċifikazzjonijiet kollha rikjesti ( 35 ), b’mod partikolari sabiex jieħdu vantaġġ mhux dovut mir-reputazzjoni ta’ din l‑indikazzjoni ġeografika ( 36 ).

39.

Fl-opinjoni tiegħi, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-protezzjoni tal-konsumaturi f’livell għoli hija, ċertament, waħda mill‑għanijiet tad-dispożizzjonijiet li għandhom jiġu interpretati, iżda madankollu, minn dan ma għandux jiġi dedott, kif jissuġġerixxu l-Gvern Elleniku u dak Taljan, li huwa biżżejjed, sabiex il-projbizzjoni li hija prevista fl-imsemmi punt (a) tiġi applikata, li l-isem ikkontestat ikun tali li jqarraq bil-konsumatur fir-rigward tal-oriġini, bi kwalunkwe mod, u li b’hekk jipproduċi l-istess effett bħallikieku din l-indikazzjoni ġeografika kienet intużat kif ġiet irreġistrata jew taħt forma simili. Fil-fatt, għandu jitfakkar li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom ukoll l-għan li jissalvagwardjaw il-kwalitajiet irrikonoxxuti tal-prodotti li għandhom tali indikazzjoni u, għalhekk, li jipproteġu l-interessi ekonomiċi tal-operaturi li investew sabiex jiżguraw dawn il-kwalitajiet kif ukoll, b’mod iktar ġenerali, li jipproteġu t-trasparenza tas-swieq u ta’ kompetizzjoni leali.

40.

Nipproponi għalhekk li r-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbit minn din id-dispożizzjoni, jirrikjedi li l-isem ikkontestat ikun identiku għall-indikazzjoni kkonċernata jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li tali isem ikun jista’ jqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.

2. Fuq l-effett ta’ eventwali informazzjoni madwar is-sinjal ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tieni parti tal-ewwel domanda)

41.

It-tieni parti tal-ewwel domanda hija suġġetta għall-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja biss fil-każ li din tiddeċiedi li sempliċi assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika inkwistjoni tista’ tkun biżżejjed sabiex tikkonstata l-eżistenza ta’ “użu kummerċjali […] indirett” ta’ din l-indikazzjoni, skont l‑Artikolu 16(a) tar-Regolament Nru 110/2008.

42.

Peress li jiena nirrakkomanda li tintuża l-interpretazzjoni kuntrarja, bħala risposta għall-ewwel parti ta’ din id-domanda, nikkunsidra li ma hemmx lok, għall-Qorti tal-Ġustizzja, li tiddeċiedi dwar it-tieni parti tagħha. Madankollu, ser nippreżenta xi osservazzjonijiet dwar din tal-aħħar.

43.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali użu, għandux jiġi kkunsidrat il-kuntest madwar l-isem ikkontestat, u b’mod partikolari l-fatt li dan huwa akkumpanjat minn spjegazzjoni li tikkonċerna l-oriġini veru tal-prodott, b’tali mod li l-informazzjoni mogħtija minn dan il-kuntest tippermetti li tiġi kkonfutata l-allegazzjoni li r-rekwiżiti li jinsabu fl-imsemmi Artikolu 16(a) ġew interpretati b’mod żbaljat. B’mod iktar konkret, hija tistaqsi jekk il-kelma kkontestata “Glen” għandhiex tiġi evalwata b’mod iżolat jew jekk għandhomx jiġu kkunsidrati wkoll id-diversi riferimenti tat-tikketta li jindikaw li l-prodott inkwistjoni joriġina mill-Ġermanja ( 37 ). Hija tikkunsidra li ma tistax tordna l-projbizzjoni pura u sempliċi mitluba minn TSWA, fil-kawża prinċipali, ħlief jekk l-imsemmi punt (a) kien interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sens li jipprojbixxi l-użu ta’ terminu li jwassal għal kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ikun x’ikun il‑kuntest ta’ dan l-użu.

44.

TSWA u l-Gvern Elleniku jsostnu li l-indikazzjonijiet addizzjonali li jagħtu l-ittikkettar u l-ippakkjar tal-prodott ( 38 ) huma irrilevanti sabiex titwarrab l-applikazzjoni tal-Artikolu 16(a). Skont il-Gvern Taljan, anki jekk il-kuntest li fih jidħol l-isem ikkontestat jista’ jkollu rwol, l‑eżistenza ta’ użu indirett, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma għandhiex tkun eskluża, anki meta l-imsemmi element huwa akkumpanjat minn informazzjoni dwar l-oriġini. Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li ma jistax ikun hemm tali użu meta ma jkunx hemm riferiment għall-indikazzjoni ġeografika protetta u, fuq kollox, it-tikketta turi b’mod ċar il-post fejn ix-xarba ġiet prodotta ( 39 ).

45.

Minn naħa tiegħi, nillimita ruħi sabiex nenfasizza, b’mod sussidjarju ( 40 ), li l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 fil-punt (a) tiegħu ma fihx riferiment espress bħal dak li jinsab fil-punt (b), li “użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata tista’ tiġi kkonstatata “anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata”.

46.

Fl-opinjoni tiegħi, din id-differenza fil-kliem hija spjegabbli bil‑fatt li filwaqt fil-punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 hija kwistjoni ta’ eventwali “użu kummerċjali dirett jew indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika protetta, peress li dan l-eżempju jippresupponi li din l-indikazzjoni tintuża bħala tali jew taħt forma simili, u mhux ta’ indikazzjoni ta’ kull tip ieħor ( 41 ). Għalhekk ma hemmx ambigwità possibbli li tirrigwarda l-fatt li hemm bżonn li l-analiżi tas-sitwazzjoni inkwistjoni tkun iffukata fuq il‑konstatazzjoni dwar l-użu li sar, jew li ma sarx, ta’ waħda mill‑indikazzjonijiet ġeografiċi li huma rreġistrati fl-Anness III tal-istess regolament.

47.

Għall-kuntrarju, fil-każ kopert fil-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 16, fejn hemm “użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni”, l-evalwazzjoni tas‑sitwazzjoni għandha turi li tmur lil hinn minn tali konstatazzjoni oġġettiva u tirrikjedi li titpoġġa f’perspettiva, li skont il-leġiżlatur tal‑Unjoni għandu turi espressament li ċerti fatturi ta’ evalwazzjoni potenzjali, b’mod partikolari l-fatt li tissemma “l-oriġini vera tal‑prodott” ( 42 ), ma għandhiex tippermetti li titwarrab xi waħda minn dawn it-tliet klassifikazzjonijiet ( 43 ). Fl-opinjoni tiegħi, l-istess għandu japplika, a fortiori, għall-każ iktar sempliċi msemmi fil-punt (a) tal-istess Artikolu 16, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li huwa meħtieġ li jiġi eżaminat il-kuntest li fih jidħol is-sinjal ikkontestat sabiex tapplika din id-dispożizzjoni.

C.   Fuq il-kunċett ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tieni domanda)

1. Fuq il-forma mitluba tal-“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fir-rigward tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (l-ewwel parti tat-tieni domanda)

48.

It-tieni domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi dwar il-kunċett ta’ “evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata relatata ma’ spirtu, fis-sens tal‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008.

49.

Permezz tal-ewwel parti ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, sabiex l-eżistenza ta’ tali evokazzjoni tkun ikkontestata, u għalhekk tkun ipprojbita skont l-imsemmi punt (b), is-sinjal ikkontestat għandu jkollu forma identika bħall-indikazzjoni ġeografika protetta jew forma simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv, jew jekk hux biżżejjed li dan is-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-imsemmija indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.

50.

Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti tispjega li l-Qorti tal‑Ġustizzja interpretat b’mod kostanti l-kunċett ta’ “evokazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, bl-istess mod bħal-leġiżlazzjonijiet analogi tad-dritt tal-Unjoni li ġew qabel, fis-sens li “jkopri każ fejn it-terminu utilizzat sabiex jidentifika prodott jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta, b’mod li l-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni” ( 44 ). Hija żżid li, sa fejn taf hija, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu għadha ma ddeċidietx dwar jekk ix‑xebh fonetiku u/jew viżiv bejn is-sinjali inkwistjoni ( 45 ) huwiex rekwiżit mandatorju sabiex tiġi kkonstatata evokazzjoni pprojbita. Hija tikkunsidra li risposta għal din id-domanda hija essenzjali f’din il-kawża, peress li tali xebh ma jeżistix f’dan il-każ ( 46 ).

51.

TSWA u l-Gvern Elleniku, Franċiż u dak Taljan jipproponu li għandha tingħata risposta li l-“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(b) ma titlobx li t-terminu kkontestat jippreżenta xebh fonetiku u/jew viżiv mal-indikazzjoni kkonċernata u li huwa biżżejjed li dan it-terminu jqajjem, fi ħdan il‑pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni jew maż-żona ġeografika. M. Klotz u l-Gvern Olandiż isostnu bil-kontra.

52.

Il-Kummissjoni tadotta pożizzjoni, b’xi mod intermedjarja, li l‑imsemmi kunċett ta’ “evokazzjoni” mhux neċessarjament jitlob xebh fonetiku u/jew viżiv jew sempliċement assoċjazzjoni ta’ idejat, iżda iktar, f’dan il-każ, “l-eżistenza, bejn l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata u s-sinjal ikkontestat, ta’ xebh kunċettwali li fil-kuntest tiegħu konsumatur normalment informat jistabbilixxi rabta diretta u univoka bejn is-sinja ikkontestat u [din] l-indikazzjoni” ( 47 ). Jiena naqbel ma’ interpretazzjoni qrib din l-aħħar pożizzjoni, għar-raġunijiet segwenti.

53.

Qabel xejn, ninnota li l-kliem tal-punt (b) inkwistjoni ma fihx elementi li jippermettu li jiġi ddefinit b’mod preċiż dak li għandu jinftiehem b’“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika protetta. Barra minn hekk, jekk jitqiegħdu fil-perspettiva ż-żewġ każijiet l-oħra msemmija qabel f’din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-“użu improprju” u l-“imitazzjoni”, jista’ jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “evokazzjoni” jimplika ċerta livell ta’ xebh mal-indikazzjoni ġeografika kkonċernata, anki jekk jidher li jitlob livell ta’ xebh inqas b’saħħtu minn fost it-tliet kunċetti.

54.

Barra minn hekk, ċertu numru ta’ tagħlimiet għandhom, fl‑opinjoni tiegħi, jiġu misluta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jew ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li huma fformulati bħalha.

55.

Kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jkun hemm “evokazzjoni”, fis-sens b’mod partikolari tal-imsemmi punt (b), meta l-isem ikkontestat “jinkorpora parti minn denominazzjoni protetta” ( 48 ). Jidhirli li tali inklużjoni parzjali ( 49 ), li kienet preżenti fil-kawżi prinċipali li wasslu għas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja inkwistjoni ( 50 ), madankollu, ma hijiex kundizzjoni sine qua non sabiex tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

56.

Fil-fatt, kif jindika l-Gvern Franċiż, mill-espressjoni “b’mod li”, li ssegwi l-formula hawn fuq imsemmija, jirriżulta li l-kriterju ċentrali u deċiżiv, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali “evokazzjoni”, huwa dak li jivverifika jekk “il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni [protetta]” ( 51 ). Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà enfasizzat li, “il-qorti nazzjonali essenzjalment għandha tibbaża ruħha fuq ir-reazzjoni preżunta, fir-rigward tat-terminu utilizzat sabiex jiġi identifikat il-prodott inkwistjoni, tal-konsumatur, peress li l-essenzjal huwa li dan tal-aħħar jistabbilixxi rabta bejn dan it-terminu u d‑denominazzjoni protetta” ( 52 ). Barra minn hekk, hija tippreċiża li din il-qorti għandha “tirreferi għall-perċezzjoni tal-konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u avżat” ( 53 ). Fil-fatt, anki jekk id‑denominazzjoni protetta inkwistjoni hija parti integrali mit-trade kkontestata, jibqa’ possibbli li l-konsumatur medju, meta jara prodott bl‑imsemmija trade mark, mhux neċessarjament jassoċjaha mal-prodott li jibbenefika mill-imsemmija denominazzjoni ( 54 ).

57.

Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet b’mod repetut ukoll “li kien leġittimu li jiġi kkunsidrat li teżisti evokazzjoni ta’ denominazzjoni protetta meta, fir-rigward tal-prodotti li jidhru simili, id-denominazzjoni ta’ bejgħ tippreżenta familjarità fonetika u viżiva” li “ma hijiex il-frott ta’ ċirkustanzi fortuwiti”, billi tippreċiża “tali familjarità kienet manifesta meta t-terminu użat sabiex jidentifika l-prodott inkwistjoni jispiċċa bl-istess żewġ sillabi bħad-denominazzjoni protetta u jinkludi l-istess numru ta’ sillabi bħalha” ( 55 ).

58.

Madankollu, bħall-maġġoranza tal-partijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet f’din il-kawża ( 56 ), nikkunsidra li l-identifikazzjoni ta’ familjarità fonetika u viżiva ma tikkosistwixxix kundizzjoni mandatorja sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, iżda iktar wieħed mit-testijiet, fost oħrajn indikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, li jippermettu li ssir din il-verifika. Jidhirli li r-riferiment ta’ “familjarità” jew “xebh” fonetiku u viżiv, mill-Qorti tal-Ġustizzja, kien marbut maċ-ċirkustanzi fattwali proprji għall-kawżi li wasslu għas-sentenzi li fihom hemm dan il-punt ( 57 ) u li għalhekk ma huwiex eskluż li jista’ jkun hemm “evokazzjoni” anki fin-nuqqas ta’ tali familjarità.

59.

Minbarra l-kriterju tal-inklużjoni parzjali ta’ denominazzjoni protetta hawn fuq imsemmi ( 58 ), fattur ieħor ta’ evalwazzjoni minn fost dawk li huma kkunsidrati rilevanti huwa dak tal-“prossimità kunċettwali li teżisti bejn termini li ġejjin minn lingwi differenti”. Nippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet distinzjoni bejn dan il-kriterju u dak tal-“familjarità fonetika u viżiva” u li, bħall-kriterji l-oħra, ġie marbut ma’ kif il‑konsumatur jipperċepixxi l-prodott, li għalhekk tidher li hija l‑kundizzjoni ċentrali u neċessarja sabiex jiġi stabbilit li teżisti “evokazzjoni” ( 59 ).

60.

Nikkunsidra għalhekk li, sabiex jiġi stabbilit li hemm “evokazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, l-uniku kriterju determinanti huwa jekk “il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, ix-xbieha li tiskatta f’moħħu hija dik tal-prodott li jibbenefika minn din id-denominazzjoni protetta” ( 60 ), kriterju li għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali li għandha tikkunsidra, jekk ikun il-każ, jew l‑inklużjoni parzjali ta’ denominazzjoni protetta fl-isem ikkontestat, jew familjarità fonetika u viżiva, jew prossimità kunċettwali.

61.

Għall-kuntrarju, fl-opinjoni tiegħi, ma huwiex konformi mal‑għanijiet hawn fuq imsemmija tad-dispożizzjonijiet hawnhekk interpretati ( 61 ) li jiġi aċċettat kriterju tant impreċiż u estensiv bħal dak li għalih sar riferiment fit-tieni domanda preliminari, jiġifieri, “l-element kontenzjuż tas-sinjal iqajjem fi ħdan il-pubbliku rilevanti kwalunkwe assoċjazzjoni kemm jekk tkun mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew maż-żona ġeografika” ( 62 ).

62.

Fuq kollox, fid-dawl tal-istruttura ta’ dan l-Artikolu 16, kif indikajt fir-rigward tal-punt (a) tiegħu ( 63 ), għandu jkun żgurat li ma ssirx interpretazzjoni tal-punt (b) tiegħu li twassal sabiex din l-aħħar dispożizzjoni tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punti segwenti tal‑imsemmi artikolu, jiġifieri l-punti (ċ) u (d), li jirreferu għal każijiet fejn ir-riferiment għall-indikazzjoni ġeografika protetta huwa inqas b’saħħtu minn “evokazzjoni” tagħha.

63.

Finalment, fir-rigward tal-kuntest iktar ġenerali li fih jaqa’ r‑Regolament Nru 110/2008, u b’mod partikolari l-Artikolu 16 tiegħu, M. Klotz korrettament jenfasizza, li jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li huwa biżżejjed, sabiex tikkostitwixxi “evokazzjoni”, li titqajjem kwalunkwe assoċjazzjoni, dan iwassal sabiex jestendi b’mod imprevedibbli l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u jagħti lok għal riskji sinjifikattivi għall-moviment liberu tal-merkanzija, peress li l‑protezzjoni tal-proprjetà industrijali u kummerċjali, bħal dik offruta mill-imsemmi regolament ( 64 ), hija waħda mill-ġustifikazzjonijiet possibbli ta’ restrizzjonijiet għal din il-libertà ( 65 ).

64.

B’mod iktar speċifiku, jekk il-protezzjoni tal-indikazzjoni ġeografika, hawnhekk “Scotch Whisky”, li tingħata permezz tal-punt (b) tal-imsemmi Artikolu 16 kellha tiġi estiża għall-użu ta’ terminu li ma huwa bl-ebda mod analogu ma’ dan tal-aħħar, il-prodotti jew it-trade marks li ma jagħmlu l-ebda riferiment għall-kliem tal-imsemmija indikazzjoni jaqgħu wkoll fil-projbizzjoni stabbilita f’din id‑dispożizzjoni. Minn dan jirriżulta, kif jindika l-Gvern Olandiż, li l‑possibbiltajiet għall-produtturi tal-whisky li ġejjin minn pajjiżi oħra minbarra r-“Renju Unit (Skozja)” ( 66 ) li jiddistingwu ruħhom permezz tal‑prodotti jew tat-trade marks tagħhom stess jonqsu b’mod sinjifikattiv ( 67 ).

65.

Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għall-ewwel parti tat‑tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(b) tar‑Regolament Nru 110/2008 għandu jkun interpretat fis-sens li l‑“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbita minn din id-dispożizzjoni, ma titlobx li l-isem ikkontestat jippreżenta neċessarjament familjarità fonetika u viżiva mal-indikazzjoni kkonċernata, iżda li madankollu ma huwiex biżżejjed li dan l-isem ikun tali li jqajjem, fi ħdan il-konsumatur rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni protetta jew maż-żona ġeografika relatata. Fin-nuqqas ta’ tali familjarità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prossimità kunċettwali eżistenti, jekk ikun il-każ, bejn l-indikazzjoni kkonċernata u l-isem ikkontestat, sa fejn din il-prossimità tkun tali li twassal sabiex f’moħħ il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, tiskatta x‑xbieha tal-prodott li jibbenefika mill-imsemmija indikazzjoni.

66.

Fir-rigward tal-implementazzjoni ta’ din il-konklużjoni fil-kuntest tal-kawża prinċipali, infakkar li hija l-qorti tar-rinviju biss li għandha tevalwa jekk, f’dan il-każ, hemmx “evokazzjoni” fis-sens tal-imsemmi Artikolu 16(b) ( 68 ), u mhux il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja li din tista’ madankollu tippreċiża sabiex tiggwida lill-qrati nazzjonali fl‑evalwazzjoni tagħhom ( 69 ).

67.

F’dan ir-rigward, ninnota li, wara li fakkret l-argumenti tal‑partijiet fil-kawża prinċipali ( 70 ), il-qorti tar-rinviju tindika li t-terminu “glen” huwa terminu ta’ oriġini Gaeliku li jfisser “wied dejjaq” u li 31 mill-116-il distillerija li jipproduċu l-“iScotch Whisky”, għalhekk whisky ta’ oriġini Skoċċiż, għandhom l-isem tal-wied li fih huma jinsabu. Din il‑qorti tenfasizza li, madankollu, jeżistu wkoll whiskys prodotti barra mill-Iskozja li għandhom it-terminu “glen” fl-isem tagħhom, bħall-whiskys “Glen Breton” li ġejjin mill-Kanada ( 71 ), “Glendalough” li ġejjin mill-Irlanda u “Glen Els” li ġejjin mill-Ġermanja ( 72 ). Barra minn hekk hija ssemmi sondaġġ, ippreżentat minn TSWA u kkonstestat minn M. Klotz, li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li 4.5 % tal-konsumaturi Ġermaniżi tal-whisky interrogati ddikjaraw li t-terminu “glen” għalihom jirreferi għall-whisky Skoċċiż jew xi ħaġa Skoċċiża.

68.

Fid-dawl ta’ dawn il-punti, naqbel mal-perspettiva tal‑Kummissjoni li ma hemmx ċertezza li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil‑kawża prinċipali, teżisti prossimità kunċettwali biżżejjed bejn l‑indikazzjoni ġeografika protetta u l-isem ikkontestat sabiex dan tal‑aħħar ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala “evokazzjoni” tal-ewwel fis‑sens tal‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 ( 73 ). F’dan ir‑rigward, għandha tkun il-qorti tar-rinviju, u hija biss, li tivverifika jekk konsumatur Ewropew medju ( 74 ) jaħsibx direttament fl-“iScotch Whisky” fil-preżenza ta’ prodott komparabbli li għandu l-isem “Glen”, minkejja l‑fatt li l-għażla ta’ dan tal-aħħar sabiex jissemma whisky mingħajr dubju ma hijiex fortuwita ( 75 ). Anki jekk din l-istess qorti tikkunsidra li l‑konsumaturi jassoċjaw b’mod sistematiku t-terminu “Glen” mal‑whisky, xorta jista’ jkun hemm nuqqas ta’ rabta mill-qrib mal‑whisky Skoċċiż, u għalhekk l-prossimità indispensabbli mal‑indikazzjoni “Scotch Whisky”.

2. Fuq l-effett ta’ eventwali informazzjoni madwar is-sinjal ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tieni parti tat-tieni domanda)

69.

It-tieni parti tat-tieni domanda preliminari saret lill-Qorti tal‑Ġustizzja sempliċement f’każ li din tiddeċiedi li familjarità fonetika u viżiva ma hijiex mandatorja u li sempliċi assoċjazzjoni ta’ ideat, tkun xi tkun, ma’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata jew iż-żona ġeografika inkwistjoni tista’ tkun suffiċjenti biex tikkonstata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” ta’ din l-indikazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 16(b) tar‑Regolament Nru 110/2008.

70.

Fid-dawl tar-risposta li nirrakkomanda li għandha tingħata għall‑ewwel parti ta’ din id-domanda ( 76 ), nikkunsidra li huwa neċessarju li nieħu pożizzjoni fuq it-tieni parti tagħha.

71.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk, sabiex tistabbilixxi jekk teżistix b’mod konkret “evokazzjoni” ipprojbita mill‑imsemmi Artikolu 16(b), għandux jiġi analizzat l-element ikkontestat tas-sinjal waħdu jew billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest li fih dan l-element huwa użat, b’mod partikolari meta dan huwa akkumpanjat b’indikazzjonijiet, imsejħa “delokalizzanti”, li jispeċifikaw l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat ( 77 ).

72.

Din il-qorti tinnota li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jispeċifika espressament li “kull […] evokazzjoni” hija pprojbita “anke jekk l-oriġini vera tal-prodott tkun indikata”, spjegazzjoni li tista’ tipprekludi li jittieħed inkunsiderazzjoni l-kuntest tal-element ikkontestat. Fl-opinjoni tagħha, madankollu dan mhux neċessarjament jeskludi tali teħid inkunsiderazzjoni, “waqt l-eżami preċedenti intiż sabiex tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ‘evokazzjoni’”.

73.

Il-Gvern Olandiż jikkunsidra li ma hemmx għalfejn tiġi indirizzata t-tieni parti tat-tieni domanda preliminari, minħabba r-risposta li jipproponi għall-ewwel parti tagħha. M. Klotz isostni li l-kuntest li fih huwa integrat l-isem ikkontestat għandu jkollu rwol fl-applikazzjoni tal‑imsemmi Artikolu 16(b) ( 78 ). Skont il-Gvern Taljan, dan jista’ jkun il‑każ, iżda “evokazzjoni” illegali skont din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi eskluża, anki meta l-provenjenza eżatta tal-prodott inkwistjoni hija espressament imsemmija fuq dan tal-aħħar. TSWA, il-Gvern Elleniku u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni essenzjalment jikkunsidraw li, waqt l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ “evokazzjoni”, l-indikazzjonijiet addizzjonali li jipprovdu t-tikkettar u l-ippakkjar ( 79 ) tal-prodott ikkonċernat ma jista’ jkollhom l-ebda rwol, inkluż meta l-element ikkontestat huwa akkumpanjat minn indikazzjonijiet li jirrigwardaw l‑oriġini vera tal-prodott. Jiena naqbel ma’ din l-aħħar pożizzjoni għar‑raġunijiet segwenti.

74.

L-ewwel nett, mill-kliem tal-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 jirriżulta, fl-opinjoni tiegħi mingħajr dubju, li l-fatt li l‑“oriġini vera tal-prodott” tinġab għall-attenzjoni tal‑konsumaturi msemmija ma jikkostitwixxix element li jippermetti li tiġi rrimedjata n‑natura qarrieqa tal-isem ikkontestat, u għalhekk l‑esklużjoni li dan jista’ joħloq mill-klassifikazzjoni ta’ “evokazzjoni” fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

75.

L-informazzjoni l-oħra li tidher fl-imsemmi punt (b), li tikkonċerna xi każijiet li fihom l-indikazzjoni ġeografika protetta hija użata fil-forma ta’ traduzzjoni jew akkumpanjata minn espressjoni attenwanti ( 80 ), tikkorrobora, fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni li huwa irrilevanti, fir-rigward ta’ din il-klassifikazzjoni, li l-informazzjoni addizzjonali fuq il-provenjenza hija pprovduta permezz tad-deskrizzjoni, il‑preżentazzjoni jew it-tikketta inkella l-ippakkjar ( 81 ) tal-prodott ikkonċernat.

76.

It-tieni nett, bħal TSWA, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi direzzjoni li hija konformi ma’ din l-interpretazzjoni.

77.

Fil-fatt il-Qorti tal-Ġustizzja indikat b’mod ċar li l-użu eventwali ta’ riferimenti espressament iċċitati fl-Artikolu 16(b), b’mod partikolari dawk li jikkonċernaw l-oriġini vera tal-prodott “ma huwiex ta’ natura li jibdel [il-]klassifikazzjoni” ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 ( 82 ).

78.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nuqqas ta’ kwalunkwe riskju ta’ konfużjoni bejn il-prodotti kkonċernati, min-naħa tal-pubbliku rilevanti, ma tistax tipprekludi din il-klassifikazzjoni ta’ “evokazzjoni” ( 83 ).

79.

Għaldaqstant, l-użu ta’ isem ikklassifikat bħala “evokazzjoni”, fis‑sens ta’ din id-dispożizzjoni, ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata fl‑Anness III ta’ dan ir-regolament ma għandux, madankollu, jiġi awtorizzat u fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li jirrigwardaw il-prodott li għandu dan l-isem illegali jew fl-assenza ta’ riskju ta’ konfużjoni ma’ prodott li għandu b’mod validu din l-indikazzjoni ġeografika ( 84 ). Il-qorti nazzjonali adita minn din il-kawża ma għandhiex għalhekk marġni ta’ diskrezzjoni kuntestwali sabiex tagħmel dan ( 85 ).

80.

B’mod iktar partikolari, minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fir‑rigward tal-imsemmi Artikolu 16(b), ma tagħmilx differenza li l-isem ikkontestat jikkorrispondi mal-isem tal-impriża u/jew mal-post fejn il‑prodott kien magħmul ( 86 ) kif jindika M. Klotz, li jsostni li l-isem “Glen Buchenbach” huwa logħob bil-kliem iffurmat mill-isem tal-post ta’ oriġini tax-xarba inkwistjoni fil-kawża prinċipali (Berglen) u l-isem ta’ xmara lokali (Buchenbach) ( 87 ).

81.

Il-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża wkoll li l-fatt li l-isem ikkontestat jirreferi għal post ta’ produzzjoni li huwa magħruf mill-konsumaturi tal‑Istat Membru fejn dan huwa magħmul, ma jikkostitwixxix fattur rilevanti fil‑kuntest tal-evalwazzjoni tal-kunċett ta’ “evokazzjoni”, fis-sens tal‑imsemmi punt (b), peress li din id‑dispożizzjoni tipproteġi l‑indikazzjonijiet ġeografiċi rreġistrati kontra kull evokazzjoni fit‑territorju kollu tal-Unjoni u li, fir-rigward tan‑neċessità li tiġi żgurata protezzjoni effettiva u uniformi tal-imsemmija indikazzjonijiet fuq dan, il-konsumaturi kollha ta’ dan it-territorju huma koperti ( 88 ).

82.

Dan l-assenza ta’ rilevanza hija, fl-opinjoni tiegħi, valida wkoll f’każ fejn ir-riferiment għall-post tal-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat ikun jinsab, kif jidher li huwa l-każ fil-kawża prinċipali, mhux biss fl-isem ikkontestat stess, iżda wkoll f’riferimenti li jikkomplementaw lil din tal‑aħħar ( 89 ).

83.

Għalhekk, jiena nipproponi li r-risposta għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ “evokazzjoni” pprojbita minn din id‑dispożizzjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni addizzjonali li tidher maġenb is-sinjal ikkontestat fid‑deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.

D.   Fuq l-effett ta’ eventwali informazzjoni madwar is-sinjal ikkontestat fir-rigward tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 (it-tielet domanda)

84.

It-tielet domanda preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi jekk, sabiex tistabbilixxi jekk teżistix “indikazzjoni falsa jew li tinganna […] li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” fis‑sens tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, għandux jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih ir-riferiment ikkontestat huwa użat, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar jinkludi indikazzjoni dwar l-oriġini vera tal-prodott ikkonċernat.

85.

Il-qorti tar-rinviju tispjega li hija tistaqsi jekk, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ indikazzjoni falza rigward il-provenjenza fil-kuntest tal‑kawża prinċipali, għandux jiġi kkunsidrat biss l-element ikkontestat tas-sinjal, jiġifieri “Glen”, jew jekk il-kuntest li fih dan l-element huwa inkluż għandux jiġi kkunsidrat ukoll. Dan il-kuntest jinkludi, f’dan il-każ, b’mod partikolari t-terminu “Buchenbach” li jsegwi t-terminu “Glen” fl‑isem ikkontestat kif ukoll ir-riferimenti l-oħra li jidhru fuq it-tikketta li jservu bħala delokalizzazzjoni ( 90 ).

86.

F’dan ir-rigward, M. Klotz u l-Kummissjoni, kif ukoll il-Gvern Olandiż essenzjalment ( 91 ), jikkunsidraw li, sabiex jiġi evalwat jekk teżistix “indikazzjoni […] falsa jew li tinganna” fis-sens ta’ dan l‑Artikolu 16(ċ) għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest tas-sinjal ikkontestat, u b’mod partikolari għandha ssir analiżi tat-tikketta kollha kemm hija. Skont il-Gvern Taljan, l-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest ma għandhiex teskludi li jista’ jkun hemm indikazzjoni li tinganna, anki jekk hemm indikazzjoni li turi l-oriġini vera tal-prodott. TSWA kif ukoll il‑Gvern Grieg u dak Franċiż isostnu li l-imsemmi kuntest huwa irrilevanti biex din id-dispożizzjoni tkun applikata, anki jekk l-element inkwistjoni huwa akkumpanjat minn informazzjoni fuq l-oriġini vera tal‑prodott. Jiena naqbel ma’ din l-aħħar opinjoni, għar-raġunijiet segwenti.

87.

L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 16(ċ) tar‑Regolament Nru 110/2008, nenfasizza, qabel xejn, li din id‑dispożizzjoni ma tagħmel l-ebda riferiment għall-elementi li jistgħu jakkumpanjaw u jikkompletaw, saħansitra jikkoreġu, id-deskrizzjoni ikkontestata.

88.

Sussegwentement, il-Kummissjoni ssostni, fl-opinjoni tiegħi b’mod żbaljat, li “kemm l-aġġettivi ‘l-oħrajn kollha’ kif ukoll il-kliem kollettiv ‘id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni jew it-tikketta tal-prodott’ jindikaw mingħajr dubju li għandhom jiġu kkunsidrati fil-totalità tagħhom l-indikazzjonijiet kollha tal-oriġini u, kollettivament, id‑deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikketta”, b’tali mod li, fil-kawża prinċipali, l-evalwazzjoni għandha tibbaża ruħha fuq l-informazzjoni kollha msemmija fuq it-tikketta.

89.

F’dan ir-rigward, nirrileva li fil-verżjoni bil-Ġermaniż ( 92 ) ta’ dan l‑Artikolu 16, il-punti (a) u (b), li jibdew bit-terminu “jede [kull]” segwit bis-singular, huma ċertament ifformulati b’mod differenti meta mqabbla mal-punti (ċ) u (d) tal-istess artikolu, fejn ġie użat it-terminu “alle [kollha]” segwit bil-plural, kostruzzjoni li tista’ forsi tissuġġerixxi idea ta’ totalità għal dawn l-aħħar żewġ punti.

90.

Madankollu, din il-varjazzjoni fil-formulazzjoni ta’ diversi każijiet imsemmija fl-imsemmi Artikolu 16 ma teżistix f’verżjonijiet lingwistiċi oħra, fejn it-terminu li essenzjalment ifisser “kull” u li huwa użat kemm fil-bidu tal-punt (ċ) kif ukoll fil-punti (a), (b) u (d) ta’ dan l‑artikolu, fl-opinjoni tiegħi, bl-ebda mod ma tfisser li hemm bżonn issir evalwazzjoni tal-informazzjoni kollha li tidher, f’dan il-każ, fuq it‑tikketta sabiex jiġi evalwat jekk sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali taqax speċifikament taħt il-projbizzjoni prevista fil-punt (ċ) ( 93 ).

91.

Issa, hija ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati u applikati b’mod uniformi, fid‑dawl tal-verżjonijiet stabbiliti fil-lingwi kollha tal-Unjoni Ewropea, u fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid‑dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha ( 94 ), u dawn il-kriterji jressquni lejn interpretazzjoni li tmur kontra dik proposta mill-Kummissjoni ( 95 ).

92.

Fir-rigward tal-espressjoni “indikazzjoni […] falsa jew li tinganna […] fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott”, jiena lanqas nara kif din l-aħħar lista, fejn tidher barra minn hekk il‑konġunzjoni ta’ koordinazzjoni “jew” ( 96 ) – li normalment tindika alternattiva –, wasslet lill-Kummissjoni biex minnha tiddeduċi li għandha ssir evalwazzjoni, ikklassifikata bħala “kollettiva”, li tinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-informazzjoni kollha li tirrigwarda l-prodott ikkonċernat li takkumpanja s-sinjal ikkontestat sabiex tistabbilixxi jekk dan tal-aħħar jikkostitwixxix “indikazzjoni falsa jew li tinganna” fis-sens tal‑Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 ( 97 ).

93.

Barra minn hekk, M. Klotz jinvoka t-termini “tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” li huma użati fl-aħħar tal‑imsemmi Artikolu 16(ċ). Huwa jargumenta li, f’każ li l-Qorti tal‑Ġustizzja tiddeċiedi li, biex tikkonstata l-eżistenza ta’ “evokazzjoni” fis-sens tal-punt (b) ta’ dan l-artikolu, għandu jsir riferiment għall-perċezzjoni sħiħa konkreta ta’ konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u diliġenti ( 98 ), dan jgħodd iktar u iktar sabiex tiġi evalwata l-preżenza ta’ “indikazzjoni falsa jew li tinganna” fis-sens tal-punt (ċ). Madankollu, fl-opinjoni tiegħi dan l‑argument ma huwiex effettiv, fid-dawl tar-risposta li nipproponi li għandha tingħata għat-tieni parti tat-tieni domanda preliminari ( 99 ).

94.

Personalment, nikkunsidra li jekk il-leġiżlatur tal-Unjoni kellu verament il-ħsieb li jippermetti li indikazzjoni li fiha nnifisha hija ta’ natura falza jew li tinganna, fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) ta’ dan ir‑regolament, tista’ xorta tkun awtorizzata minħabba informazzjoni addizzjonali li tingħata ma’ din l-indikazzjoni, tali restrizzjoni għall‑kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni kellha tkun prevista espressament, speċjalment fir-rigward tal-għanijiet ta’ protezzjoni li għandhom jintlaħqu ( 100 ).

95.

It-tieni nett, fir-rigward tal-kuntest li fih jaqa’ l-punt (ċ) tal‑imsemmi Artikolu 16, jiena naqbel mal-pożizzjoni espressa mill‑Kummissjoni inkwantu tinnota li l-każ previst f’din id-dispożizzjoni għandu jkun distint minn dawk previsti fil-punti (a) u (b) tal-istess artikolu ( 101 ), iżda, fl-opinjoni tiegħi, nikkunsidra li l-fatt li għandu jsir eżami tat-tikketta kollha ma jirriżultax mill-istruttura ġenerali tal‑punt (ċ).

96.

Kif ġie enfasizzat, mill-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona, fir-rigward ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni analoga mal‑Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 ( 102 ), jiena nikkunsidra li dan l-artikolu fih lista gradata ta’ aġir ipprojbit li fiha l-punt (ċ) huwa differenti miż-żewġ dispożizzjonijiet preċedenti. Fil-fatt, filwaqt li l‑punt (a) tal-imsemmi Artikolu 16 huwa limitat għal atti ta’ użu ta’ indikazzjoni ġeografika protetta u l-punt (b) tiegħu għal atti ta’ użu improprju, imitazzjoni jew evokazzjoni, il-punt (ċ) ikabbar il-parametru protett, billi jinkorpora l-“indikazzjonijiet” (jiġifieri l-informazzjoni li tingħata lill-konsumaturi) li jidhru fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, li, għalkemm fir-realtà ma jirreferux b’mod ċar għall‑indikazzjoni ġeografika protetta, huma kklassifikati bħala “foloz jew li jingannaw” fir-rigward tar-rabtiet tal‑prodott ma’ din tal-aħħar ( 103 ).

97.

Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, ma għandux jiġi dedott, kemm mid-distinzjoni li ġiet ikkonstatata kemm fil-kliem kif ukoll mill-portata tal-punti (a), (b) u (ċ) tal-Artikolu 16 li dan l-aħħar punt għandu neċessarjament jiġi interpretat fis-sens li hemm bżonn li tiġi kkunsidrata l-informazzjoni kollha li tidher, b’mod partikolari, fuq it-tikketta tal‑prodott ikkonċernat sabiex jiġi evalwat jekk l-isem inkwistjoni jikkostitwixxix “indikazzjoni falza jew li tinganna” fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni. Għall-kuntrarju, jidhirli li din l-evalwazzjoni għandha tkun iffukata fuq l-indikazzjoni inkwistjoni fiha nnifisha, meħuda waħedha, mingħajr ma informazzjoni li tingħata viċin tagħha ma tista’ terġa’ tikkontesta tali klassifikazzjoni, għax jekk le jkun hemm ir‑riskju li jintilef l-effett utli tal-imsemmi punt (ċ), li fl-opinjoni tiegħi għandu iktar tendenza li jiġi applikat b’mod wiesa’, kif ser nispjega.

98.

It-tielet nett, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-għanijiet imsemmija mir-Regolament Nru 110/2008 b’mod ġenerali u mid-dispożizzjonijiet analizzati b’mod partikolari jippermetti, fl-opinjoni tiegħi, li tiġi kkorroborata l-interpretazzjoni li jiena nirrakkomanda.

99.

Kif diġà semmejt ( 104 ), jidhirli li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 110/2008, u b’mod partikolari dawk tal-Artikolu 16 tiegħu, għandhom bħala għan li jipproteġu l-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma rreġistrati fl-Anness III ta’ dan ir-regolament, kemm fl-interess tal‑konsumaturi, li ma għandhomx jiġu żgwidati minn indikazzjonijiet skorretti, u fl-interess tal-operaturi ekonomiċi li jsostnu spejjeż ogħla sabiex jiggarantixxu l-kwalità ta’ prodotti li jistħoqqilhom ikollhom dawn l‑indikazzjonijiet, u dawn l-operaturi għandhom jiġu protetti kontra atti ta’ kompetizzjoni inġusta.

100.

Fir-rigward b’mod iktar speċifiku tal-punt (ċ) tal-Artikolu 16, jidhirli li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jagħtih kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ biżżejjed sabiex jiżgura li l-għanijiet imsemmija hawn fuq jistgħu jintlaħqu. Fil-fatt, bħall-Gvern Franċiż, jiena nikkunsidra li l-espressjoni “kwalunkwe indikazzjoni oħra”, użata f’din id-dispożizzjoni, tista’ tinkludi kwalunkwe indikatur jew sinjal, b’mod partikolari fi kliem, stampa jew kontenitur, li jista’ jipprovdi informazzjoni fuq il-karatteristiċi tal-prodott. Barra minn hekk, il-forma flessibbli ta’ lokalizzazzjoni li tidher fil-punt (ċ) ( 105 ) fl-opinjoni tiegħi tippermetti li jiġi kkunsidrat li kwalunkwe element mit-tliet eżempji ċċitati fih, f’dan il-każ riferiment fuq it-tikketta tax-xarba kkonċernata, jista’ waħdu “[j]agħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għalhekk, il-kontenut tal-kumplament tat-tikketta tal-prodott inkwistjoni ma jistax, fl-opinjoni tiegħi, jibbilanċja n-natura eventwalment falza jew li tinganna tal-indikazzjoni kkontestata, anki jekk din tal-aħħar hija akkumpanjata b’informazzjoni fuq l-oriġini vera tal-prodott.

101.

Fi kliem ieħor, kif enfasizza l-Gvern Franċiż, il-kisba ta’ dawn l‑għanijiet titqiegħed f’perikolu jekk il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tista’ tiġi limitata mill-fatt li tidher informazzjoni addizzjonali ma’ ġenb indikazzjoni falza jew li tinganna, fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) tar‑Regolament Nru 110/2008, peress li jekk tinżamm din l‑interpretazzjoni jfisser li jiġi aċċettat l-użu ta’ tali indikazzjoni peress li tkun akkumpanjata minn informazzjoni eżatta, li tista’, b’xi mod, tikkumpensa n-natura qarrieqa ta’ din tal-aħħar.

102.

Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-traspożizzjoni tal-ġurisprudenza relatata mad-Direttiva 2000/13/KE ( 106 ), imħassra bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 ( 107 ), li jidhirli li hija proposta mill-Kummissjoni ( 108 ), niddubita kemm din it-traspożizzjoni hija verament rilevanti sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.

103.

Fil-fatt, ir-Regolament Nru 110/2008 li tiegħu hawnhekk qed tintalab l-interpretazzjoni għandu suġġett differenti minn dak tad‑Direttiva 2000/13, fis-sens li din tal-aħħar tirregola b’mod ġenerali u orizzontali ( 109 )“l-tikkettjar ta’ oġġetti ta’ l-ikel […] li għandhom x’jaqsmu mal-preżentazzjoni u r-riklamar tiegħu” ( 110 ), filwaqt li r-Regolament Nru 110/2008, adottat iktar tard, jirregola b’mod speċifiku u vertikali “id-definizzjoni, id‑deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż” ( 111 ). Minnhom jirriżultaw xi differenzi kemm fir-rigward tal-għanijiet kif ukoll tal-portata tal‑protezzjoni li dawn iż-żewġ strumenti legali jikkonferixxu, differenzi li, fl-opinjoni tiegħi, għandhom jiġu kkunsidrati, minkejja l-fatt li l‑indikazzjoni ta’ denominazzjonijiet ġeografiċi fuq it-tikketta ta’ dan ix‑xorb tista’ xi kultant taqa’ simultanjament fil-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi tagħhom ( 112 ).

104.

B’mod partikolari, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13 li fuqu hija bbażata l-ġurisprudenza msemmija fl‑osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, jiena nikkunsidra li l-kontenut ta’ din id-dispożizzjoni, li jikkonċerna l-“[p]rassi ġusta dwar l‑informazzjoni” ( 113 ), fil-verità ma huwiex ekwivalenti, ħlief fil-mertu, għal dak tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, artikolu li jikkonċerna l-“[p]rotezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi” ( 114 ), li fuqha hija bbażata t-tielet domanda hawn magħmula.

105.

Barra minn hekk, nirrileva li, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal‑Ġustizzja ċertament iddikjarat ruħha favur eżami tas-sitwazzjoni kkontestata li tinkludi l-informazzjoni kollha li tidher fuq it-tikketta tal‑prodott ikkonċernat ( 115 ), saħansitra elementi fattwali esterni ( 116 ), sabiex jiġi evalwat jekk isem jistax iqarraq bil-konsumaturi ( 117 ), iżda hija madankollu għamlet dan biss fir-rigward ta’ elementi mhux irreġistrati bħala denominazzjoni ta’ oriġini jew indikazzjoni ġeografika li hija protetta fil-livell tal-Unjoni ( 118 ), każ li ma jikkorrispondix mal-fatti ta’ dan il-każ, fejn hija involuta protezzjoni ta’ dan it-tip. Għalhekk ma jidhirlix li huwa opportun li jsir raġonament b’analoġija mal-imsemmija ġurisprudenza f’tali kuntest.

106.

Konsegwentement, nipproponi li r-risposta għat-tielet domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tkun ikkonstatata l-eżistenza ta’ “indikazzjoni falza jew li tinganna” ipprojbita minn din id‑dispożizzjoni, ma hemmx għalfejn tiġi kkunsidrata l-informazzjoni addizzjonali li tinsab maġenb is-sinjal ikkontestat fid-deskrizzjoni, fil‑preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.

107.

Fir-rigward ta’ dan il-każ, fid-dawl tal-prinċipji diġà mfakkra ta’ tqassim ta’ kompetenzi bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja ( 119 ), jiena ser nindika sempliċement li jekk din l-interpretazzjoni proposta iktar ’il fuq tintuża minn din tal-aħħar, niddubita li jkun hemm bżonn li tiġi applikata din il-projbizzjoni f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, sakemm it-terminu kkontestat “Glen”, ma jippreżentax rabtiet diretti u mill-qrib biżżejjed mal-indikazzjoni ġeografika inkwistjoni, “Scotch Whisky”, u lanqas mal-pajjiż li miegħu huwa marbut, jiġifieri r-“Renju Unit (Skozja)”, biex dan it-terminu jkun ikkunsidrat bħala “indikazzjoni falza jew li tinganna […] li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu” ( 120 ).

108.

Sussidjarjament, f’każ li l-imsemmi punt (ċ) jiġi interpretat mill‑Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li għandha ssir evalwazzjoni li tinkludi l‑informazzjoni kollha madwar is-sinjal ikkontestat, jiena nikkunsidra li dan l-eżami għandu loġikament iwassal, a fortiori, għall-istess riżultat konkret. Fil-fatt, jekk f’dan il-każ, jiġu kkunsidrati l-elementi kollha li jidhru fuq it-tikketta li jsemmu b’mod espliċitu l-oriġini eżatta tal‑prodott inkwistjoni, kif il-Kummissjoni tenfasizza, jidher li huwa diffiċili li l-użu tat-terminu “Glen” għandu jiġi kkunsidrat bħala li jaqa’ fil-projbizzjoni msemmija f’din id-dispożizzjoni ( 121 ).

V. Konklużjoni

109.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mil‑Landgericht Hamburg (il-Qorti Reġjonali ta’ Hamburg, il-Ġermanja) bil-mod segwenti:

1)

L-Artikolu 16(a) tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2008 dwar id‑definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l‑protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“użu […] indirett” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbit minn din id-dispożizzjoni, jirrikjedi li l-isem ikkontestat ikun identiku għall-indikazzjoni kkonċernata jew simili mil-lat fonetiku u/jew viżiv. Għalhekk, ma huwiex biżżejjed li tali isem ikun jista’ jqajjem, fi ħdan il-pubbliku rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni jew maż-żona ġeografika relatata.

2)

L-Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-“evokazzjoni” ta’ indikazzjoni ġeografika rreġistrata, ipprojbita minn din id-dispożizzjoni, ma titlobx li l-isem ikkontestat jippreżenta neċessarjament familjarità fonetika u viżiva mal-indikazzjoni kkonċernata, iżda li madankollu ma huwiex biżżejjed li dan l-isem ikun tali li jqajjem, fi ħdan il‑konsumatur rilevanti, kwalunkwe assoċjazzjoni mal-indikazzjoni protetta jew maż-żona ġeografika relatata. Fin-nuqqas ta’ tali familjarità, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-prossimità kunċettwali eżistenti, jekk ikun il-każ, bejn l-indikazzjoni kkonċernata u l-isem ikkontestat, sa fejn din il-prossimità tkun tali li twassal sabiex f’moħħ il-konsumatur, li quddiemu jkollu l-isem tal-prodott, tiskatta x‑xbieha tal-prodott li jibbenefika mill‑imsemmija indikazzjoni.

Sabiex tiġi kkonstatata l‑eżistenza ta’ “evokazzjoni” pprojbita skont dan l-Artikolu 16(b), ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni l‑informazzjoni addizzjonali li tidher maġenb is-sinjal ikkontestat fid‑deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.

3)

L-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ “indikazzjoni […] falsa jew li tinganna” ipprojbita minn din id‑dispożizzjoni, ma hemmx lok li tiġi kkunsidrata l-informazzjoni addizzjonali li tinsab maġenb is-sinjal ikkontestat fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott ikkonċernat, b’mod partikolari dwar l-oriġini vera ta’ dan tal-aħħar.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) ĠU 2008, L 39, p. 16. Dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi, iżda d‑dispożizzjonijiet rilevanti f’din il-kawża ma kinux affettwati.

( 3 ) Skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 110/2008, “indikazzjoni ġeografika” hija “indikazzjoni li tidentifika xarba spirituża bħala oriġinarja ta’ territorju ta’ pajjiż, jew ta’ reġjun jew lokalità f’dak it-territorju, fejn xi kwalità, reputazzjoni jew karatteristika partikolari oħra ta’ dik ix-xarba spirituża tkun essenzjalment attribwibbli għall-oriġini ġeografika tagħha”.

( 4 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punti 216), u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 1011).

( 5 ) Skont TSWA, l-użu tas-sinjal ikkontestat jista’ jiġi kopert b’mod kumulattiv bit-tliet kunċetti previsti fil-punti (a), (b) u (ċ) ta’ dan l-Artikolu 16 li jissemmew fid‑domandi preliminari. F’dan ir-rigward, nosserva biss li l-qorti tar-rinviju ma stabbilixxietx prijorità bejn il-każijiet imsemmija rispettivament mill-imsemmija dispożizzjonijiet u ma staqsietx lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk tali kumulu ta’ klassifikazzjonijiet huwiex possibbli.

( 6 ) Nippreċiża li d-deċiżjoni tar-rinviju tuża l-aġġettiv Ġermaniż “optisch”, li litteralment huwa tradott bħala “optique” bil-Franċiż, iżda li jidhirli li jkun iktar preċiż, fuq il-livell lessiku, jekk jintuża t-terminu “visuel”, li ser nuża f’dawn il-konklużjonijiet, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza l-iktar reċenti tagħha f’dan il-qasam.

( 7 ) Ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 72 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 8 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑13 ta’ Frar 2014, Maks Pen (C‑18/13, EU:C:2014:69, punt 30); tat‑3 ta’ Settembru 2015, Costea (C‑110/14, EU:C:2015:538, punt 13), u tal‑10 ta’ Marzu 2016, Safe Interenvíos (C‑235/14, EU:C:2016:154, punt 119).

( 9 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 31), u tal‑5 ta’ Diċembru 2017, M.A.S. u M.B. (C‑42/17, EU:C:2017:936, punt 23).

( 10 ) Hija tippreċiża li ppreżentat rikors sabiex tirrimedja dan, iżda ġie ddikjarat inammissibbli minn din il-qorti.

( 11 ) Ara, b’mod partikolari, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 12 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑4 ta’ April 2000, Darbo (C‑465/98, EU:C:2000:184, punt 19).

( 13 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑1 ta’ Frar 2017, Município de Palmela (C‑144/16, EU:C:2017:76, punt 20).

( 14 ) Ara, b’mod partikolari, il-punti 31, 62 u 95 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 15 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tiċċita “Tilmann GRUR 1992, 829, 832 f.; Ströbele/Hacker, Markengesetz, 11. Aufl., § 135 Rn. 16”, billi tippreċiża li dawn l-awturi kkonstataw dwar dispożizzjoni analoga għall-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, jiġifieri l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1), u “Ingerl/Rohnke, Markengesetz, 3. Aufl., § 135 Rn. 4”.

( 16 ) Din il-qorti tosserva li sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat biss b’mod ġenerali li “l‑Artikolu 16(a) sa (d) tar-Regolament Nru 110/2008 jipprovdi każijiet varji li fihom il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott hija akkumpanjata minn riferiment espliċitu jew impliċitu għal indikazzjoni ġeografika taħt kundizzjonijiet li jistgħu jqarrqu bil-pubbliku, jew għallinqas, li joħolqu fl-essenza tagħhom assoċjazzjoni ta’ ideat dwar l-oriġini tal-prodott, jew li jippermettu lill-operatur jibbenefika indebitament mir-reputazzjoni ta’ din l-indikazzjoni ġeografika” (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 46 u 47).

( 17 ) B’mod iktar preċiż, skont M. Klotz, ir-riferiment ikkontestat għandu neċessarjament ikun “identiku” għall-indikazzjoni ġeografika protetta; skont il-Gvern Franċiż, għandu jkun “identiku [jew tallinqas] simili ħafna mill-perspettiva fonetika u/jew viżiva”; skont il-Gvern Olandiż, għandu “jirreferi” għall-indikazzjoni ġeografika, u dan anki jekk tista’ ssir assoċjazzjoni fi ħdan il-pubbliku rilevanti; skont il‑Kummissjoni, ma hemmx “użu” tal-indikazzjoni ġeografika meta jintuża “isem ieħor”.

( 18 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑15 ta’ Novembru 2017, Geissel u Butin (C‑374/16 u C‑375/16, EU:C:2017:867, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 19 ) F’dan ir-rigward, TSWA ssostni li l-isem “Glen” għandu jiġi pprojbit, f’dan il-każ, peress li huwa prodott li huwa “komparabbli” mal-“iScotch Whisky” iżda ma huwiex ta’ oriġini Skoċċiża. Hija tikkunsidra li l-kwistjoni mqajma tikkonċerna, madankollu, anki t-tieni każ kopert fl-imsemmi Artikolu 16(a), għaliex il-fatt li l-prodotti huma komparabbli ma jeskludix użu tar-reputazzjoni tal-indikazzjoni ġeografika protetta. Ninnota li l-qorti tar-rinviju ma ħaditx pożizzjoni dwar dan is-suġġett, iżda li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li “[meta] l-prodotti mhux koperti bl-indikazzjoni ġeografika huma xorb spirituż, jidher leġittimu li jiġi kkunsidrat li jista’ jirrigwarda prodotti komparabbli max-xarba spirituża rreġistrata taħt din l-indikazzjoni ġeografika” (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac, C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 54).

( 20 ) Enfasi miżjud minni.

( 21 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 114 et seq.), fejn issemmew kriterji ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal ikkontestat u l-isem protett li jinvolvu l-perċezzjoni, mill-pubbliku kkonċernat, “ta’ unità loġika u kunċettwali” jew ta’ “referenza ġeografika tal-inbid ta’ Porto li jibbenefika mid-denominazzjoni ta’ oriġini inkwistjoni”.

( 22 ) Bl-istess mod, fil-konklużjonijiet tiegħu relatati mal-kawża Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:581, punti 42 et seq.), l-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona kkunsidra wkoll, fir-rigward ta’ dispożizzjoni ekwivalenti għall-imsemmi Artikolu 16(a) li l-kunċett ta’ “użu kummerċjali dirett jew indirett” jista’ jkopri użu ta’ isem ta’ oriġini protetta (f’din il‑kawża, l-indikazzjoni ġeografika protetta) mhux biss f’forma identika, iżda wkoll f’forma simili.

( 23 ) Il-Kummissjoni tippreċiża li l-ħtieġa li l-indikazzjoni ġeografika stess tintuża madankollu ma teskludix traduzzjoni tagħha, filwaqt li żżid li dan l-eżempju xorta ma huwiex preżenti f’dan il-każ inkwistjoni.

( 24 ) Il-Gvern Olandiż jagħti l-eżempju – fittizju – ta’ użu kummerċjali indirett tal‑indikazzjoni ġeografika protetta “Scotch Whisky” fil-kuntest ta’ kampanja pubbliċitarja li ssir b’dan il-mod: “Glen Buchenbach għandu t-togħma tal-iScotch Whisky”.

( 25 ) Ara wkoll id-duttrina ċċitata fid-deċiżjoni tar-rinviju li hija msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 26 ) Ara s-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punti 5657), u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 33 sa 35).

( 27 ) Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 16(b) ara r-risposta għat-tieni domanda preliminari mogħtija fil-punti 48 et seq. ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 28 ) Ara, ukoll, il-premessa 1 tar-Regolament Nru 110/2008, kif ukoll l-espożizzjoni tal‑motivi tal-proposta tal-Kummissjoni, tal‑15 ta’ Diċembru 2005, li wasslet għall‑adozzjoni ta’ dan l-istrument [Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni u t-tikkettar ta’ xorb ta’ l-ispirtu COM(2005) 125 finali, p. 2], fejn kienet irrilevata l-ħtieġa li titjieb iċ-ċarezza tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni li sa dakinhar kienu applikabbli fil-qasam tal-ispirti.

( 29 ) Enfasi miżjud minni.

( 30 ) Ara l-punt iċċitat fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet, li fir‑rigward tiegħu TSWA ssostni li l-verżjoni bil-Ġermaniż (li ssemmi biss “assoċjazzjoni”) hija iktar restrittiva mill-verżjoni bl-Ispanjol, bl-Ingliż, bil-Franċiż jew dik bit-Taljan (li jsemmu “assoċjazzjoni ta’ idejat”) u li din l-aħħar formulazzjoni, iktar wiesgħa, għandha tingħata preferenza, b’tali mod li l-“assoċjazzjoni” hija relatata mal-ħsieb li tqajjem l-indikazzjoni ġeografika, u mhux assoċjazzjoni mal‑indikazzjoni ġeografika fiha nnifisha.

( 31 ) L-għanijiet hekk koperti bl-imsemmi Artikolu 16 huma enfasizzati fis-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interpraofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 47), kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 2324).

( 32 ) Jiġifieri l-Artikolu 118m(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat‑22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU 2007, L 299, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 491/2009, tal‑25 ta’ Mejju 2009 (ĠU 2009, L 154, p. 1).

( 33 ) Dwar ix-xebh li jeżisti bejn l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008 u l‑Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007, ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:991, punti 18, 34, 3940) u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:581, punt 60 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 16).

( 34 ) Skont is-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:991, punt 38), “fir-rigward tal-protezzjoni tad‑[denominazzjoni ta’ oriġini protetta] u tal-[indikazzjonijiet ġeografiċi protetti], ir-Regolament Nru 1234/2007 jikkostitwixxi strument tal-politika agrikola komuni intiż essenzjalment sabiex jiżgura lill-konsumaturi li prodotti agrikoli li għandhom indikazzjoni ġeografika rreġistrata skont dan ir-regolament jippreżentaw, minħabba l-provenjenza minn żona ġeografika speċifika, ċerti karatteristiċi partikolari u, għaldaqstant, joffru garanzija ta’ kwalità dovuta għall-provenjenza ġeografika tagħhom, bl-għan li jippermetti lill-operaturi agrikoli li jkunu għamlu sforzi kwalitattivi reali li jiksbu f’korrispettiv l-aħjar dħul u jipprekludu li terzi ma jibbenefikawx abbużivament mir-reputazzjoni li tirriżulta mill-kwalità ta’ dawn il-prodotti” (enfasi miżjud minni).

( 35 ) Infakkar li l-Artikolu 15(4) tar-Regolament Nru 110/2008 jirrikjedi li “[i]x-xorb spirituż li għandu indikazzjoni ġeografika reġistrata fl-Anness III għandu jikkonforma ma’ l-ispeċifikazzjonijiet kollha tal-fajl tekniku previst fl‑Artikolu 17(1)”.

( 36 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 46), u tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:991, punti 3940).

( 37 ) Jiġifieri, “Swabian […] Whisky” (bil-Franċiż, whisky souabe), “Deutsches Erzeugnis” (prodott Ġermaniż), “Hergestellt in den Berglen” (magħmul f’Berglen).

( 38 ) TSWA tipproponi li t-tieni parti tal-ewwel domanda preliminari tiġi fformulata mill‑ġdid, minħabba li l-kunċett ta’ “kuntest” (“Umfeld” fil-Ġermaniż, lingwa ta’ din il-proċedura) użat fiha mill-qorti tar-rinviju ma jirriżulta la mir-Regolament Nru 110/2008 u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, u li għalhekk għandu minflok isir riferiment għall-kunċetti ta’ “preżentazzjoni”, ta’ “ittikkettar” u ta’ “ippakkjar” iddefiniti fil-punti 15 sa 17 tal-Anness I ta’ dan ir-regolament, li jidhru li huma essenzjalment imsemmija f’din id-domanda, fid-dawl tal-motivi tad‑deċiżjoni tar-rinviju.

( 39 ) M. Klotz, il-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni ma jieħdu l-ebda pożizzjoni dwar dan is-suġġett, fir-rigward tar-risposta li qed jipproponu li jagħtu għall-ewwel parti tal‑ewwel domanda preliminari.

( 40 ) Għar-raġunijiet indikati fil-punt 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 41 ) Ara wkoll il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 42 ) L-imsemmi Artikolu 16(b) jispeċifika wkoll li ma tagħmilx differenza li “l‑indikazzjoni ġeografika tkun użata f’forma tradotta jew tkun akkumpanjata minn espressjoni bħal ‘bħal’, ‘tip’, ‘stil’, ‘magħmul’, ‘togħma’ jew kwalunkwe terminu simili ieħor”. Fil-fatt, minkejja l-użu ta’ tali espressjonijiet allegatament korretti, il‑konsumatur jiġi ingannat bil-messaġġ mogħti bl-isem prinċipali, li huwa marbut ma’ din l-indikazzjoni.

( 43 ) Fuq l-eventwali rilevanza tal-kuntest madwar is-sinjal ikkontestat fir-rigward tal‑Artikolu 16(b) tar-Regolament Nru 110/2008, ara r-risposta għat-tieni parti tat‑tieni domanda preliminari mogħtija fil-punti 69 et seq. ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 44 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 45 ) Kif jidher, skont l-eżempju mogħti mill-qorti tar-rinviju, bejn l-isem ikkontestat “Verlados” u l-indikazzjoni ġeografika rreġistrata “Calvados” fil-kawża li wasslet għas-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35).

( 46 ) Fil-fatt, l-isem ikkontestat “Glen” huwa differenti, b’mod ċar, kemm fonetikament kif ukoll viżwalment mill-indikazzjoni ġeografika rreġistrata “Scotch Whisky”.

( 47 ) Nippreċiża li l-Gvern Franċiż u dak Taljan jenfasizzaw ukoll il-kriterju tax-“xebh kunċettwali”, iżda, jiffukaw ir-risposta li jagħtu mhux fuq dan il-kriterju, iżda fuq il‑kriterju tal-“assoċjazzjoni” imsemmi mill-qorti tar-rinviju.

( 48 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 49 ) Għall-kuntrarju, ma hemmx sempliċi “evokazzjoni”, iżda “użu”, fis-sens ta’ dispożizzjoni analoga għall-punt (a) tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 110/2008, meta denominazzjoni protetta tiġi inkluża kollha kemm hija f’dik tal-prodott tal-ikel sabiex tiġi indikata t-togħma tiegħu (ara s-sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne, C‑393/16, EU:C:2017:991, punti 5758).

( 50 ) Fir-rigward tal-ismijiet ikkontestati “Cambozola”, “parmesan”, “KONJAKKI”, “Verlados” u “Port Charlotte”, ara, rispettivament, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 25); tas‑26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 44); tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punt 56); tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 21), u tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 122).

( 51 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 21, 32, 3548 u l-ġurisprudenza ċċitata). Skont il-Kummissjoni, dan il-kriterju ġurisprudenzjali jimplika li tinħoloq assoċjazzjoni, b’mod immedjat u preċiż, bejn il-prodott ikkonċernat u l-indikazzjoni ġeografika protetta.

( 52 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 22), enfasi miżjud minni.

( 53 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 25, 2848).

( 54 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 122 sa 125).

( 55 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 33, 34, 38 sa 4048 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 56 ) Jiġifieri l-partijiet kollha, ħlief M. Klotz u l-Gvern Olandiż.

( 57 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punt 27); tas‑26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punt 46); tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484, punti 5758), u tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 38 sa 40).

( 58 ) Ara l-punt 55 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 59 ) Ara s-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2008, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑132/05, EU:C:2008:117, punti 4748), u tal-21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 35).

( 60 ) Għandu jiġi ppreċiżat li ma tagħmilx differenza li l-konsumatur Ewropew medju ma għandux riskju li jbiddel il-prodott ikkontestat ma’ prodott li leġittimament għandu d-denominazzjoni protteta inkwistjoni (ara l-ġurisprudenza msemmija fil-punt 79 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 61 ) Għanijiet analizzati fil-punti 34 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 62 ) Enfasi miżjud minni.

( 63 ) Ara l-punti 31 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 64 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punti 8081).

( 65 ) F’dan ir-rigward, M. Klotz isemmi, b’mod partikolari, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2003, Consorzio del Prosciutto di Parma u Salumificio S. Rita (C‑108/01, EU:C:2003:296, punt 66 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 66 ) Pajjiż ta’ oriġini kif jidher, fl-Anness III tar-Regolament Nru 110/2008, għall-indikazzjoni ġeografika protetta“Scotch Whisky”.

( 67 ) Il-Gvern Olandiż isostni, korrettament, li r-rabtiet bejn il-protezzjoni mogħtija bir‑Regolament Nru 110/2008 lill-indikazzjonijiet ġeografiċi u l-libertà li għandhom l-impriżi li jagħżlu isem ta’ prodott, irrispettivament minn jekk ikunx protett jew le fid-dritt tat-trade marks, filwaqt li josserva li l-imsemmi regolament huwa intiż sabiex jevita li ma jsirx użu abbużiv tal-isem “Scotch Whisky” għal whisky li ma ġiex prodott fl-Iskozja, filwaqt li l-protezzjoni individwali tat-trade mark hija intiża sabiex tagħti lil impriża l-possibbiltà li tiddistingwi ruħha u li tipprevjeni lil terzi milli jużaw it-trade mark protetta (dwar ir-rabtiet stabbiliti mad-dritt dwar it-trade mark mill-Artikolu 23 ta’ dan ir-regolament, ara Blakeney, M., The protection of geographical indications, Law and practice, Edward Elgar Publishing, Cheltenham, 2014, p. 286).

( 68 ) Hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest ta’ proċedura msemmija fl‑Artikolu 267 TFUE, li tistrieħ fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti taqa’ fil-kompetenza esklużiva tal-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2008, Danske Svineproducenter, C‑491/06, EU:C:2008:263, punt 23, u tal‑25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 27), u dan iktar u iktar għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja mhux neċessarjament għandha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward (b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑21 ta’ Ġunju 2007, Omni Metal Service, C‑259/05, EU:C:2007:363, punt 15, u tad‑9 ta’ Frar 2017, Madaus, C‑441/15, EU:C:2017:103, punt 35).

( 69 ) Ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 70 ) Skont TSWA, is-sinjal kkontestat, jiġifieri “Glen”, huwa ta’ oriġini Gaeliku Skoċċiż u huwa użat b’mod partikolari fl-Iskozja bħala isem ta’ post normalment magħruf b’mod wiesa’ bħala isem tal-whiskys Skoċċiżi, li miegħu l-konsumaturi Ewropej u Ġermaniżi jassoċjaw mal-ewwel din il-kelma. Għall-kuntrarju, skont M. Klotz, dan it-terminu ma jirriflettix oriġini Skoċċiża, għaliex huwa kelma li normalment tintuża fl-Ingliż, li ġejja mill-Gaeliku Irlandiż u tintuża għal numru ta’ bliet, xmajjar u widien li jinsabu barra mill-Iskozja, kif ukoll minn whiskys prodotti fil-kumplament tad-dinja.

( 71 ) Il-Kummissjoni tindika li TSWA pprovat, mingħajr ma rnexxielha, tipprekludi r‑reġistrazzjoni tat-trade mark “Glen Breton” mid-distillerija Glenora stabbilita fin‑Nova Scotia (il-Kanada) [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Appell Federali, il-Kanada, tat‑22 ta’ Jannar 2009, Glenora Distillers International Ltd vs. The Scotch Whisky Association, 2009 FCA 16, (2010) 1 F.C.R. 195]. Hija żżid li, għall-kuntrarju, TSWA ma opponietx ir-reġistrazzjoni fil-Ġermanja, fl-2013, tat-trade mark “Glen Buchenbach” fil-kawża prinċipali. Nirrileva li TSWA lanqas irnexxielha tipprojbixxi, fi Franza, l-użu tat-trade mark “Wel Scotch” għal birra, abbażi tal‑Artikoli 10 u 16 tar-Regolament Nru 110/2008 (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Kassazzjoni, Awla Kummerċjali, tad‑29 ta’ Novembru 2011, 10‑25.703, ippubblikata fil-bulettin).

( 72 ) M. Klotz jippreċiża li din il-lista ma hijiex eżawrjenti, u jsemmi l-whisky “Old Glen Malt Whisky” prodott f’Kentucky (l-Istati Uniti) u l-whisky prodott fl-Awstralja minn Castle Glen Distillery. Madankollu, għandu jitfakkar li, sabiex tiġi stabbilita din l‑informazzjoni, għandu jiġi stabbilit li l-konsumatur Ewropew jaf biha.

( 73 ) Il-Kummissjoni ssostni li t-terminu “Glen” ma joħloqx rabta biżżejjed mal‑indikazzjoni ġeografika protetta “Scotch Whisky”, peress li l-whiskys Skoċċiżi ma humiex kollha kkummerċjalizzati taħt l-isem “Glen”, li dan it-terminu ma huwiex isem li huwa normalment użat mill-konsumaturi għall-whisky Skoċċiż, li lanqas huwa kelma ta’ oriġini Skoċċiża biss, iżda Gaeliku u użat ukoll fl-Irlanda, u li s-sondaġġ imsemmi kien limitat għas-suq Ġermaniż u ma jurix assoċjazzjoni ta’ ideat awtomatika.

( 74 ) Kif iddefinit fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 56 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 75 ) Il-Kummissjoni tirrileva li ma jistax jiġi eskluż li l-użu tal-kelma “Glen”, li ma għandhiex sinjifikat awtonomu fil-Ġermanja, għandu l-għan li jagħti ċertu prestiġju lill-prodott ikkonċernat, peress li huwa użat ukoll għal ċerti whiskys ta’ livell għoli, iżda li madankollu, jidher, li din hija biss strateġija kummerċjali intelliġenti, fid-dawl tan-nuqqas ta’ rabta suffiċjenti mal-indikazzjoni rreġistrata “Scotch Whisky”.

( 76 ) Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 77 ) Dwar l-indikazzjonijiet mogħtija fuq it-tikketta tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jikkonċernaw l-oriġini Ġermaniż tiegħu, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 78 ) Skont M Klotz, għandu neċessarjament jiġi kkunsidrat li l-element ikkontestat “Glen” huwa inkluż fis-sinjal “Glen Buchenbach” u li għandu, fuq it-tikketta, numru ta’ riferimenti li jindikaw l-oriġini vera tal-prodott, li l-konsumatur jara fl-istess ħin li jara s-sinjal “Glen Buchenbach” kollu kemm huwa.

( 79 ) Dwar din il-formulazzjoni partikolari tar-risposta proposta, ara l-osservazzjonijiet ta’ TSWA msemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 80 ) Ara r-riferiment ta’ dawn il-kjarifiki l-oħra magħmula fin-nota fil-qiegħ il-paġna 42 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 81 ) Mezzi possibbli ta’ informazzjoni msemmija mhux biss fil-punti 14 sa 17 tal‑Anness I tar-Regolament Nru 110/2008 (fejn dawn l-erba’ kunċetti huma ddefiniti), iżda wkoll espressament fl-Artikolu 16(ċ) tiegħu, li jirreferi għall‑indikazzjonijiet li jinsabu f’“fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit‑tikketta” tal-prodott (tliet termini li jinsabu wkoll fit-titolu tal-imsemmi regolament). Fuq l-interpretazzjoni mitluba minn din l-aħħar dispożizzjoni, ara l‑punti 84 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 82 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata) kif ukoll, b’analo[ija, is-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punti 2943).

( 83 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 45, 5152 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll, fir-rigward tal-isem ta’ oriġini protett “Porto/Port” u tat-trade mark “Port Charlotte”, konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:394, punti 95 et seq.), kif ukoll is-sentenza tal‑14 ta’ Settembru 2017, EUIPO vs Instituto dos Vinhos do Douro e do Porto (C‑56/16 P, EU:C:2017:693, punt 123).

( 84 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 11, 12, 29, 49 et seq.), li tikkonċerna xarba msejħa “Verlados”, li fir-rigward tagħha kien invokat li dan l-isem jirreferi għall-isem tal-impriża (Viiniverla) kif ukoll għall‑villaġġ (Verla, il-Finlandja) fejn din ix-xarba kienet magħmula, u mhux għall‑indizzjoni ġeografika Franċiża “Calvados”.

( 85 ) Fis-sentenza tal‑4 ta’ Marzu 1999, Consorzio per la tutela del formaggio Gorgonzola (C‑87/97, EU:C:1999:115, punti 2728), il-Qorti tal-Ġustizzja ċertament ikkunsidrat rilevanti li l-qorti nazzjonali tikkunsidra dokument pubbliċitarju li jidher li jindika li l-analoġija fonetika bejn l-ismijiet “Cambozola” u “Gorgonzola” ma kinitx ir-riżultat ta’ ċirkustanzi fortuwiti, iżda sempliċement sabiex tiġi kkonstatata din l-analoġija, u għalhekk sabiex fuqha tiġi bbażata l-klassifikazzjoni ta’ “evokazzjoni”.

( 86 ) Sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punti 42 et seq.).

( 87 ) Huwa wkoll irrilevanti l-fatt li l-prodott ikun, jekk ikun il-każ, ikkummerċjalizzat biss lokalment u/jew fi kwantitajiet żgħar (sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 46).

( 88 ) Ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla (C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 27).

( 89 ) F’dan il-każ, il-kliem “Swabian [souabe]”, “Deutsches Erzeugnis [prodott Ġermaniż]” u “Hergestellt in den Berglen [magħmul f’Berglen]”, li jinsabu fuq it-tikketta tal-prodott.

( 90 ) Din il-qorti tippreċiża li, fl-opinjoni tagħha, huwa biss jekk il-kuntest ma jkollu l‑ebda rwol li hija jkollha tiddeċiedi jekk it-terminu “Glen” iqarraqx bil-pubbliku rilevanti. Min-naħa l-oħra, jekk il-kuntest għandu jiġi kkunsidrat, TSWA ma tistax tibbaża r‑rikors tagħha fuq l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, peress illi dan ir‑rikors għandu bħala għan projbizzjoni pura u sempliċi tal-użu ta’ dan it-terminu, minkejja l-preżenza eventwali ta’ indikazzjonijiet imsejħa “delokalizzanti”.

( 91 ) B’mod iktar preċiż, skont il-Gvern Olandiż, “ma għandhiex tkun kwistjoni ta’ indikazzjoni falza jew li tqarraq, fis-sens tal-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008, jekk bl-ebda mod ma tirreferi għal indikazzjoni ġeografika, jew għal terminu li jikkorrispondi ma’ din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha, u li barra minn hekk it-tikketta tal-prodott tindika b’mod ċar il-provenjenza tal-ispirtu” (enfasi miżjud minni). Fir-rigward tal-ewwel punt tar-risposta hekk proposta, dan il-gvern jinvoka l-punt 60 tas-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2011, Bureau national interprofessionnel du Cognac (C‑4/10 u C‑27/10, EU:C:2011:484), fejn jissemma “l-użu ta’ trade mark li fiha indikazzjoni ġeografika, jew terminu li jikkorrispondi għal din l-indikazzjoni u t-traduzzjoni tagħha”, riferiment li madankollu jidhirli li huwa relatat maċ-ċirkustanza fattwali tal-imsemmija kawża (ara, b’mod partikolari, il-punti 16 u 38 tas-sentenza).

( 92 ) Lingwa ta’ din il-kawża.

( 93 ) Hemm ukoll varjazzjoni fil-verżjoni bl-Ispanjol [“todo” segwita mis-singular fil‑punti (a) u (b); “cualquier” fil-punti (ċ) u (d), iżda mingħajr l-użu tal-plural li jinsab fil-verżjoni bil-Ġermaniż]. Min-naħa l-oħra, kelma identika, li s-sens tagħha jissuġġerixxi element meħud waħdu f’sensiela, huwa użat, u huwa segwit mis-singular, kemm fil-punt (ċ) kif ukoll fil-punti (a), (b) u (d), b’mod partikolari, fil‑verżjonijiet bid-Daniż (“enhver”), bl-Ingliż (“any”), bil-Franċiż (“toute”), bit-Taljan (“qualsiasi”), bil-Portugiż (“qualquer”) u bl-Isvediż (“varje”).

( 94 ) Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑26 ta’ Lulju 2017, Mengesteab (C‑670/16, EU:C:2017:587, punt 82), u tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Lombard Ingatlan Lízing (C‑404/16, EU:C:2017:759, punt 21).

( 95 ) Fuq is-sistema leġiżlattiva li fiha huwa inkluż l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 u l-għanijiet ta’ dan tal-aħħar, ara l-punti 95 et seq. ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 96 ) Inkluż fil-verżjoni bil-Ġermaniż tal-imsemmi Artikolu 16(ċ).

( 97 ) Jidhirli li din l-espressjoni sempliċement tippreċiża li l-indikazzjoni li tista’ tkun falsa jew li tinganna tista’ tkun fuq xi wieħed mit-tliet każijiet imsemmija, mingħajr ma tkun deċiża l-kwistjoni jekk l-imsemmija indikazzjoni għandhiex tkun eżaminata waħidha jew flimkien mal-informazzjoni oħra eventwalment preżenti wkoll fid-deskrizzjoni, fil-preżentazzjoni jew fit-tikketta.

( 98 ) Il-Gvern Franċiż isostni wkoll li, sabiex tiġi evalwata jekk l-indikazzjoni inkwistjoni hijiex “ta’ natura li toħloq impressjoni ħażina fuq l-oriġini” fis-sens tal-punt (ċ) tal‑imsemmi Artikolu 16, il-perċezzjoni rilevanti għandha tkun dik ta’ “konsumatur medju normalment informat u raġonevolment attent u diliġenti”, kif il-Qorti tal‑Ġustizzja ddeċidiet dwar il-punt (b) tal-istess artikolu (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Jannar 2016, Viiniverla, C‑75/15, EU:C:2016:35, punt 28). Jiena ninnota, madankollu, li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet mistoqsijiet fuq dan is-suġġett f’din il‑kawża.

( 99 ) Risposta li tipprovdi li ma hemmx bżonn jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi ta’ kuntest li jinsabu madwar is-sinjal ikkontestat sabiex jiġi stabbilit jekk teżistix “evokazzjoni” fis-sens tal-punt (b) (ara l-punti 69 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 100 ) Fuq l-għanijiet koperti mir-regoli inkwistjoni, ara l-punti 98 et seq. ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

( 101 ) Skont il-Kummissjoni, “it-tielet każ ta’ protezzjoni, previst fil-punt (ċ), huwa differenti mill-ewwel tnejn inkwantu t-terminu kkontestat ma joħloqx awtomatikament assoċjazzjoni mal-indikazzjoni ġeografika rreġistrata f’moħħ il‑konsumatur”.

( 102 ) Jiġifieri l-Artikolu 118m(2) tar-Regolament Nru 1234/2007 (ara wkoll in-noti ta’ qiegħ il-paġna 32 u 33 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 103 ) Ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Campos Sánchez-Bordona fil-kawża Comité Interprofessionnel du Vin de Champagne (C‑393/16, EU:C:2017:581, punti 46104).

( 104 ) Ara l-punti 36 et seq. ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 105 ) Jiġifieri “kwalunkwe indikazzjoni oħra falsa jew li tinganna […] fid-deskrizzjoni, fil‑preżentazzjoni jew fit-tikketta tal-prodott”.

( 106 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑20 ta’ Marzu 2000 fuq l‑approsimazzjoni ta’ liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 5, p. 75).

( 107 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar l‑għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal‑Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id‑Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal‑Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18).

( 108 ) Il-Kummissjoni ssostni li l-opinjoni tagħha, li tirrakkomanda eżami tat-tikketta kollha kemm hija, “hija konsistenti mal-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal‑punt (a) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1169/20[1]1, li fiha l-impressjoni ġenerali tgħodd ukoll”, filwaqt li tiċċita s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punti 58 et seq.), kif ukoll tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punti 36 sa 42). Il-kwotazzjonijiet iċċitati jirrigwardaw, fil-fatt, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(1)(a)(i) tad-Direttiva 2000/13, li jipprevedi li l-ittikkettjar u l-metodi użati ma għandhomx ikunu b’tali mod li jqarrqu bix-xerrej, b’mod speċjali fuq il-karatteristiċi tal-prodott tal-ikel, b’mod partikolari fuq in-natura tiegħu, l-identità, il-kwalitajiet, il-kompożizzjoni, il-kwantità, iż‑żmien li jżomm, l-oriġini jew il-provenjenza, il-metodu tal-manifattura jew tal-produzzjoni ta’ dan il-prodott tal-ikel, dispożizzjoni li essenzjalment hija ekwivalenti għal dik, imsemmija iktar ’il fuq, tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011.

( 109 ) Skont il-premessi 4 u 5 tad-Direttiva 2000/13, din għandha bħala għan li “tagħmel regoli ta’ natura ġenerali tal-Komunità applikabli orizzontalment għall-prodotti kollha ta’ l-ikel li jitqiegħdu fis-suq”, filwaqt li “[r]egoli ta’ natura speċifika li japplikaw vertikalment għal ċerti prodotti partikolari biss għandhom jitniżżlu f’dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ dawk il-prodotti”.

( 110 ) Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2000/13.

( 111 ) Il-premessa 9 tar-Regolament Nru 110/2008 tenfasizza din id-differenza mid-Direttiva 2000/13, anki jekk ċerti dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament (b’mod partikolari l-Artikolu 8, l-Artikolu 9(9) u l-Artikolu 11(4)) jirreferu għaliha.

( 112 ) Ara wkoll, dwar id-differenzi bejn id-Direttiva 2000/13 u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2081/92 tal‑14 ta’ Lulju 1992 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni tal-oriġini tal-prodotti agrikoli u l-prodotti tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 4), sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punt 58), u l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Severi (C‑446/07, EU:C:2009:289, punti 47 sa 49).

( 113 ) Kif jirriżulta mit-titolu tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1169/2011, li jikkorrispondi mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/13 (ara n-nota ta’ qiegħ il‑paġna 108 ta’ dawn il-konklużjonijiet).

( 114 ) Kif jirriżulta mit-titolu tal-imsemmi Artikolu 16.

( 115 ) Fis-sentenza tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punti 37 sa 44), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali għandhom jipproċedu b’eżami tal-elementi differenti kollha li huma parti mit-tikketta, b’mod partikolari l‑lista ta’ ingredjenti fuq il-pakkett.

( 116 ) Fis-sentenza tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punti 6263), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-qrati nazzjonali jistgħu jikkunsidraw it-tul ta’ żmien tal-użu tal-isem, iżda mhux il-bona fede tal-produttur jew tal-bejjiegħ bl‑imnut.

( 117 ) Għandu jitfakkar li l-Artikolu 16(ċ) tar-Regolament Nru 110/2008 ikopri, min-naħa tiegħu, il-każ ta’ “indikazzjoni […] li tista’ tagħti impressjoni falza dwar l-oriġini tiegħu”.

( 118 ) Ara s-sentenzi tal‑10 ta’ Settembru 2009, Severi (C‑446/07, EU:C:2009:530, punti 5963), u tal‑4 ta’ Ġunju 2015, Teekanne (C‑195/14, EU:C:2015:361, punti 27 sa 29).

( 119 ) Ara, b’mod partikolari, il-punt 66 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 120 ) Ara wkoll in-nota ta’ qiegħ il-paġna 75 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 121 ) Il-Kummissjoni, korrettament tenfasizza, li t-tikketta, mhux talli ma ssaħħaħx l-effett vag tal-isem “Glen”, iżda għall-kuntrarju, tinkludi serje ta’ informazzjoni, b’ittri ta’ daqs suffiċjentement viżibbli, li jagħmluha impossibli li konsumatur jaħseb li l‑prodott huwa Skoċċiż. Fil-fatt, mhux biss il-kelma “Glen” hija użata flimkien mal‑isem tal-post “Buchenbach”, li għandu pronunzja manifestament Ġermaniża, iżda huwa barra minn hekk ippreċiżat li dan huwa whisky minn “Schwaben”, “prodott Ġermaniż”, magħmul mid-distillerija Waldhorn li tinsab f’Berglen, informazzjoni li tinsab fuq disinn ta’ qarn tal-kaċċa (“Waldhorn” bil-Ġermaniż) li, differenti minn bagpipes, ma huwiex tipiku tal-Iskozja.