KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOBEK

ippreżentati fid-19 ta’ Diċembru 2018 ( 1 )

Kawża C‑40/17

Fashion ID GmbH & Co.KG

vs

Verbraucherzentrale NRW e.V.

fil-preżenza ta’:

Facebook Ireland Limited,

Landesbeauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit Nordrhein-Westfalen

(talba għal deċiżjoni preliminari mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Direttiva 95/46/KE — Protezzjoni tad-data personali tal-utenti tas-siti internet — Locus Standi ta’ assoċjazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumaturi li tippreżenta azzjoni — Responsabbiltà tal-operatur tas-sit internet — Trasferiment ta’ data personali lit-terz — Plug-in integrat — Buttuna ‘jogħġobni’ ta’ Facebook — Interessi leġittimi — Kunsens tas-suġġett tad-data — Obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni”

I. Introduzzjoni

1.

Fashion ID GmbH & Co. KG hija bejjiegħa online li tbiegħ prodotti tal-moda. Hija integrat plug‑in fis-sit internet tagħha: il-buttuna “jogħġobni [Like]” ta’ Facebook. Bħala riżultat, meta utent jasal fuq is-sit internet ta’ Fashion ID, l-informazzjoni dwar l-indirizz IP u l-browser string tal-utent tiġi ttrasferita lil Facebook. Dan it-trasferiment iseħħ b’mod awtomatiku meta jitla’ s-sit internet ta’ Fashion ID, irrispettivament minn jekk l-utent ikunx għafas il-buttuna “jogħġobni” u jekk għandux kont tal-Facebook.

2.

Il-Verbraucherzentrale NRW e.V., l-assoċjazzjoni Ġermaniża għall-protezzjoni tal-konsumaturi, ippreżentat azzjoni għal mandat ta’ inibizzjoni kontra Fashion ID fuq il-bażi li l-użu ta’ dan il-plug-in jirriżulta fi ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

3.

Adita bil-kawża, il-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja), qed titlob l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 95/46”). ( 2 ) Bħala kwistjoni preliminari, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din id-direttiva tippermettix lil leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti locus standi lil assoċjazzjoni tal-konsumatur sabiex tippreżenta azzjoni bħal din fil-kawża preżenti. Fir-rigward tas-sustanza, id-domanda prinċipali magħmula hija jekk Fashion ID għandhiex tiġi kklassifikata bħala “kontrollur” fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li jkun qed iseħħ, u jekk ikun il-każ, kif b’mod preċiż għandhom jiġu ssodisfatti l-obbligi individwali imposti mid-Direttiva 95/46 f’dan ix-xenarju. Liema huma l-interessi leġittimi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-eżerċizzju tal-ibbilanċjar tal-interessi li għandu jsir skont l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46? Fashion ID għandha l-obbligu li tinforma lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar? Barra minn hekk, hija wkoll Fashion ID li għandha tiġbor il-kunsens infurmat tas-suġġetti tad-data f’dan ir-rigward?

II. Il-kuntest ġuridiku

A.   Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 95/46

4.

L-għan tad-Direttiva 95/46 huwa stabbilit fl-ewwel artikolu tagħha. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jinqara kif ġej: “Stati Membri għandhom jipproteġu d-drittijiet fundamentali u l-libertajiet ta’ persuna naturali, u partikolarment tad-dritt tagħhom għall-ħajja privata dwar l-ipproċessar ta’ data personali”. Skont il-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-“[I]Stati Membri m’għandhomx jirrestrinġu jew jipprojbixxu it-tixrid ħieles ta’ data personali bejn Stati Membri għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu mal-protezzjoni mogħtija fil-paragrafu 1”.

5.

L-Artikolu 2 jinkludi t-tifsiriet li ġejjin:

“(a)

‘data personali’ tfisser kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu;

(b)

‘ipproċessar ta’ data personali’ (‘ipproċessar’) tfisser kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni;

[…]

(d)

‘kontrollur’ tfisser persuna naturali jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li waħdu jew flimkien ma’ oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali; meta l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ikunu determinati minn liġijiet jew regolament nazzjonali jew tal-Komunità, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għan-nomina tiegħu jistgħu jkunu stabbiliti b’liġijiet nazzjonali jew tal-Komunità;

[…]

(h)

‘il-kunsens tas-suġġett tad-data’ tfisser indikazzjoni speċifika u infurmata tax-xewqa tiegħu mogħtija liberament li biha s-suġġett tad-data jaqbel li jsir l-ipproċessar ta’ data personali dwaru.”

6.

L-Artikolu 7 jistabbilixxi l-kriterji li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex l-ipproċessar tad-data ikun leġittimu: “Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar; jew

[…]

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

7.

L-Artikolu 10 jistabbilixxi l-informazzjoni minima li għandha tingħata lis-suġġett tad-data:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jew ir-rappreżentant tiegħu għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data li mingħandu tinġabar id-data dwaru nnifsu, għall-inqas bl-informazzjoni li ħejja, ħlief meta huwa jkun diga jaf biha:

(a)

l-identità tal-kontrollur jew tar-rappreżentant tiegħu, jekk ikun hemm;

(b)

l-għanijiet ta’ l-ipproċessar li għalih id-data tkun maħsuba;

(c)

informazzjoni oħra bħal

ir-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri tad-data,

jekk tweġibiet għall-mistoqsijiet ikunux obbligatorji jew voluntarji, kif ukoll dwar x’aktarx ikunu l-konsegwenzi fin-nuqqas ta’ tweġiba,

l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għal u d-dritt ta’ rettifika ta’ dwaru

sakemm dik l-informazzjoni tkun meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data.”

8.

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 95/46 jirrigwarda r-rimedji ġudizzjarji, ir-responsabbiltà u s-sanzjonijiet. L-Artikoli 22 sa 24 tiegħu jipprovdu kif ġej:

“L-Artikolu 22

Rimedji

Bla ħsara għal kull rimedju amministrattiv li dwaru tista’ ssir dispożizzjoni, inter alia quddiem l-awtorità ta’ superviżjoni msemmija fl-Artikolu 28, qabel ma ssir referenza lill-awtorità ġudizjarja, Stati Membri għandhom jipprovdu għad-dritt ta’ kull persuna għal rimedju ġudizjarju għal kull ksur tad-drittijiet garantiti lilha bil-liġi nazzjonali li tkun tapplika għall-ipproċessar in kwistjoni.

L-Artikolu 23

Responsabbilità

1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li persuna li tkun sofriet ħsara minħabba operazzjoni ta’ ipproċessar illegali jew att li ma jkunx jaqbel mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skond din id-direttiva, għandha tkun intitolata li tirċievi kumpens mill-kontrollur għall-ħsara li tkun sofriet.

2.   Il-kontrollur jista’ jkun eżentat minn din ir-responsabbiltà, kollha jew parti minnha, jekk hu jagħti prova li ma kienx responsabbli għall-inċident li ta lok għall-ħsara.

L-Artikolu 24

Sanzjonijiet

L-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri xierqa biex jassiguraw l-implementazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u għandhom partikolarment jistabbilixxu s-sanzjonijiet li għandhom jingħataw f’każ ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skond din id-Direttiva.”

B.   Id-dritt Ġermaniż

Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb

9.

L-Artikolu 3(1) tal-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (il-Liġi Kontra l-Kompetizzjoni Żleali) (iktar ’il quddiem l-“UWG”) jipprovdi li kull prattika kummerċjali illegali għandha tiġi pprojbita.

10.

L-Artikolu 8(1) u l-punt 3 tal-Artikolu 8(3) tal-UWG jistabbilixxu li prattika kummerċjali illegali tista’ twassal għal ordni ta’ waqfien, jew għal ordni ta’ projbizzjoni, li jistgħu jintalbu mill-“entitajiet ikkwalifikati” elenkati fil-lista tal-Unterlassungsklagengesetz (il-Liġi dwar l-Inġunzjonijiet) jew fil-lista tal-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 2009/22/KE dwar inġunzjonijiet għall-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi. ( 3 )

Unterlassungsklagengesetz

11.

L-Artikolu 2(1) u l-punt 11 tal-Artikolu 2(2) tal-Unterlassungsklagengesetz (il-Liġi dwar l-Inġunzjonijiet) jipprovdu:

“(1)   Kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet stabbiliti għall-protezzjoni tal-konsumaturi (il-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur), bl-eċċezzjoni tal-applikazzjoni jew tar-rakkomandazzjoni tal-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, tista’ tkun suġġetta għall-impożizzjoni ta’ ordni ta’ waqfien u ordni ta’ projbizzjoni fl-interessi tal-protezzjoni tal-konsumatur.

(2)   Għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni, ‘il-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur’ tfisser, b’mod partikolari:

[…]

11.

id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-legalità

(a)

tal-ġbir tad-data personali tal-konsumatur minn negozjant, jew

(b)

tal-ipproċessar jew tal-użu tad-data personali li ġiet miġbura dwar il-konsumatur minn negozjant

jekk id-data tkun inġabret, ġiet ipproċessata jew użata għall-finijiet tar-reklamar, ir-riċerka dwar is-suq u l-opinjoni, l-operazzjoni ta’ aġenzija tal-kreditu, il-preparazzjoni tal-profili tal-personalità u tal-użu, l-iskambju tal-indirizz, l-iskambju ta’ data oħra jew għal skopijiet kummerċjali paragunabbli.”

Telemediengesetz

12.

L-Artikolu 2(1) tat-Telemediengesetz (il-Liġi dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi) (iktar ’il quddiem it-“TMG”) jipprovdi kif ġej:

“Għall-finijiet ta’ din il-Liġi,

1.   fornitur tas-servizz huwa kull persuna naturali jew entità legali li għandha l-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi tagħha jew ta’ partijiet terzi għall-użu jew li tippermetti l-aċċess għall-użu; […]”

13.

L-Artikolu 12(1) tat-TMG jistipula: “Fornitur tas-servizz jista’ jiġbor u juża d-data personali sabiex jagħmel il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi disponibbli sa fejn din il-Liġi jew dispożizzjoni leġiżlattiva oħra tippermetti li jsir dan jew l-utent ikun ta l-kunsens tiegħu għal dan.”

14.

L-Artikolu 13(1) tat-TMG jipprovdi kif ġej:

“Fil-bidu tas-sessjoni l-fornitur tas-servizz għandu jinforma lill-utent, b’mod ġeneralment komprensibbli, dwar in-natura, il-portata u l-iskop tal-ġbir u l-użu ta’ data personali u dwar l-ipproċessar tad-data tiegħu fi Stati li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 95/46/], sakemm l-utent ma jkunx diġà ġie informat dwar dan. Fil-każ ta’ proċedura awtomatizzata li tippermetti l-identifikazzjoni sussegwenti tal-utent u li tipprepara l-ġbir jew l-użu tad-data personali, l-utent għandu jiġi informat fil-bidu b’din il-proċedura. Il-kontenut ta’ din l-informazzjoni għandu jkun aċċessibbli lill-utent f’kull ħin.”

15.

Skont l-Artikolu 15(1) tat-TMG:

“Il-fornitur tas-servizz jista’ jiġbor u juża d-data personali tal-utent biss sa fejn dan ikun meħtieġ sabiex jiffaċilita l-użu, u jintalab il-ħlas għall-użu tal-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi (id-data li tirrigwarda l-użu). Id-data li tirrigwarda l-użu tinkludi, b’mod partikolari:

1.

il-karatteristiċi li jippermettu l-identifikazzjoni tal-utent,

2.

l-informazzjoni dwar il-bidu, it-tmiem u l-portata tal-użu partikolari, u

3.

l-informazzjoni dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni elettroniċi użati mill-utent.”

III. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

16.

Fashion ID GmbH (iktar ’il quddiem il-“konvenuta”) hija impriża ta’ bejgħ online. Hija tbiegħ prodotti tal-moda fuq is-sit internet tagħha. Il-konvenuta inkludiet l-plug-in “jogħġobni” ipprovdut minn Facebook Ireland Limited (iktar ’il quddiem “Facebook Ireland”) ( 4 ) fuq is-sit internet tagħha. Bħala riżultat, l-hekk imsejħa buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook tidher fuq is-sit internet tal-konvenuta.

17.

Id-deċiżjoni tar-rinviju tispjega ulterjorment kif taħdem il-parti (li mhijiex viżibbli) tal-plug-in: meta persuna taċċedi għas-sit internet tal-konvenuta fejn tkun tinsab il-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook, il-browser tagħha jibgħat b’mod awtomatiku l-informazzjoni li tirrigwarda l-indirizz IP u l-string lil Facebook Ireland. It-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni sseħħ mingħajr il-ħtieġa li tingħafas il-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook. Jidher ukoll li mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li meta wieħed jaċċedi s-sit internet tal-konvenuta, Facebook Ireland tpoġġi tipi differenti ta’ cookies (session, datr u fr cookies) fuq l-apparat tal-utent.

18.

Verbraucherzentrale NRW (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”), assoċjazzjoni li tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi, ressqet proċeduri ġudizzjarji kontra l-konvenuta quddiem il-Landgericht (il-Qorti Distrettwali, il-Ġermanja). Ir-rikorrenti talbet li l-konvenuta tiġi ordnata li tieqaf milli jintegra l-plug-in soċjali “jogħġobni” minn Facebook fuq il-bażi li l-konvenuta allegatament:

“ma spjegatx b’mod espliċitu u ċar l-iskop tal-ġbir u l-użu tad-data trażmessa b’dan il-mod lill-utenti tal-paġna tal-internet qabel il-fornitur tal-plug-in jibda jaċċedi l-indirizz IP u l-browser string tal-utent, u/jew

ma kisbitx il-kunsens tal-utenti tal-paġna tal-internet biex ikollha aċċess għall-indirizz IP u l-browser string tagħhom u għall-użu tad-data, f’kull każ qabel iseħħ l-aċċess, u/jew

ma informatx lill-utenti li jkunu taw il-kunsens tagħhom, fis-sens tat-tieni kap tat-talbiet, li dan jista’ jiġi rrevokat f’kull żmien b’effett għall-futur, u/jew

ma informatx li ‘Jekk inti utent ta’ netwerk soċjali u ma tixtieqx li dan in-netwerk soċjali jiġbor data dwarek permezz tas-sit internet tagħna u jorbotha mad-data tal-utent irreġistrata tiegħek fuq in-netwerk soċjali, inti għandek toħroġ min-netwerk soċjali qabel taċċedi s-sit internet tagħna”.

19.

Ir-rikorrenti sostniet li Facebook Inc. jew Facebook Ireland tirreġistra l-indirizz IP u l-browser string u torbothom (link) ma’ utent speċifiku (membru jew mhux membru). L-argument tal-konvenuta bi tweġiba huwa n-nuqqas ta’ għarfien f’dan ir-rigward. Facebook Ireland targumenta li l-indirizz IP huwa kkonvertit għal indirizz IP ġeneriku u jiġi rreġistrat biss f’din il-forma u li ma hemm ebda allokazzjoni tal-indirizz IP u l-browser string għall-kontijiet tal-utenti.

20.

Il-Landgericht (il-Qorti Distrettwali) tat deċiżjoni kontra l-konvenuta fir-rigward tal-ewwel tliet eċċezzjonijiet. Il-konvenuta ppreżentat appell. Appell inċidentali ġie ppreżentat mir-rikorrenti fir-rigward tar-raba’ eċċezzjoni.

21.

Huwa f’dan il-kuntest fattwali u legali li l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf) iddeċidiet li tirreferi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1.

Ir-regoli tal-Artikoli 22, 23 u 24 tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355) jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li, flimkien mas-setgħat ta’ intervent tal-awtoritajiet ta’ protezzjoni tad-data u mal-azzjonijiet legali tas-suġġett tad-data, tawtorizza lill-assoċjazzjonijiet bi skop ta’ servizz pubbliku li jiddefendu l-interessi tal-konsumatur sabiex, fil-każ ta’ ksur, jaġixxu kontra l-awtur ta’ tali ksur?

Fil-każ li għall-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

2.

F’każ bħalma huwa dan inkwistjoni, fejn xi ħadd jinkludi fis-sit tiegħu kodiċi ta’ promozzjoni li jippermetti lill-browser tal-utent jitlob kontenut mingħand terz u, għal dan l-għan, jittrażmetti lit-terz data personali, il-persuna li tagħmel din l-inklużjoni hija ‘kontrollur’ fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-[Direttiva 95/46], meta tali persuna ma jistax ikollha, hija stess, effett fuq dan il-mod ta’ pproċessar ta’ data?

3.

Fil-każ li għat-tieni domanda tingħata risposta negattiva: l-Artikolu 2(d) tad-[Direttiva 95/46] għandu jiġi interpretat fis-sens li jirregola b’mod eżawrjenti r-responsabbiltà fis-sens li jipprekludi azzjonijiet ċivili kontra terz li ċertament ma huwiex ‘kontrollur’ iżda kien l-oriġini ta’ dan il-mod ta’ pproċessar ta’ data mingħajr ma għandu effett fuqu?

4.

F’kuntest bħalma huwa dak tal-każ ineżami, liema huwa l-‘interess leġittimu’ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-ibbilanċjar tal-interessi li għandu jsir skont l-Artikolu 7(f) tad-[Direttiva 95/46]? L-interess li jiġi inkluż kontenut jew l-interess tat-terz?

5.

F’kuntest bħalma huwa dak tal-każ ineżami, lil min għandu jingħata l-kunsens previst fl-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 2(h) tad-[Direttiva 95/46]?

6.

L-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi informat skont l-Artikolu 10 tad-[Direttiva 95/46] f’sitwazzjoni bħalma hija dik tal-każ ineżami jaqa’ wkoll fuq il-ġestjonarju tas-sit li inkluda [integra] l-kontenut ta’ terz u li b’hekk kien l-oriġini tal-ipproċċessar ta’ data personali li sar minn terz?”

22.

Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub mir-rikorrenti, il-konvenuta, Facebook Ireland, il-Landesbeauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit Nordrhein-Westfalen (il-Kummissarju tal-Istat għall-Protezzjoni tad-Data u l-Libertà tal-Informazzjoni ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja) (iktar ’il quddiem il-“LDI NW”), il-Gvernijiet tal-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, l-Awstrija, u l-Polonja kif ukoll il-Kummissjoni. Fis-seduta li nżammet fis‑6 ta’ Settembru 2018, ir-rikorrenti, il-konvenuta, Facebook Ireland, il-LDI NW, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Awstrija u l-Kummissjoni ppreżentaw sottomissjonijiet orali.

IV. Evalwazzjoni

23.

F’dawn il-Konklużjonijiet, nipproponi li d-Direttiva 95/46 ma tipprekludix li leġiżlazzjoni nazzjonali tagħti locus standi lil assoċjazzjoni inkarigata bil-protezzjoni tal-konsumaturi, bħar-rikorrenti, biex tippreżenta azzjoni kontra l-allegat awtur tal-ksur tal-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data (A). Inqis ukoll li l-konvenuta hija kontrollur, flimkien ma’ Facebook Ireland, fejn madankollu r-responsabbiltà tagħha hija limitata għal stadju speċifiku tal-ipproċessar tad-data (B). It-tielet nett, jiena tal-fehma li l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar previst fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 jeħtieġ li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interessi leġittimi tal-konvenuta iżda wkoll ta’ Facebook Ireland (kif ukoll, ċertament, id-drittijiet tas-suġġetti tad-data) (Ċ). Ir-raba’ nett, il-kunsens infurmat tas-suġġett tad-data għal stadju speċifiku tal-ipproċessar tad-data għandu jiġi ddikjarat lill-konvenuta. Il-konvenuta għandha wkoll l-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data (D).

A.   Il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti locus standi lill-assoċjazzjonijiet inkarigati bil-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi

24.

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-Direttiva 95/46 tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tippermetti li l-assoċjazzjonijiet inkarigati bil-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi jressqu proċeduri legali kontra persuna li allegatament tkun kisret il-liġijiet dwar il-protezzjoni tad-data. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikoli 22 sa 24 tad-Direttiva 95/46 b’mod speċifiku. Hija tinnota li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala “miżuri xierqa” taħt l-Artikolu 24. Barra minn hekk, hija tenfasizza li r-Regolament (UE) 2016/679 (iktar ’il quddiem il-“GDPR”), ( 5 ) li ssostitwixxa d-Direttiva 95/46, issa espliċitament jagħti dan id-dritt lill-assoċjazzjonijiet fl-Artikolu 80(2) tiegħu. ( 6 )

25.

Il-konvenuta u Facebook Ireland isostnu li d-Direttiva 95/46 ma tippermettix locus standi lil dawn l-assoċjazzjonijiet, għaliex dan il-locus standi ma huwiex previst espressament, filwaqt li l-għan tad-Direttiva 95/46 huwa, fil-fehma tagħhom, l-armonizzazzjoni sħiħa. Skont il-konvenuta, l-għoti ta’ locus standi b’tali mod ikun jhedded l-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji minħabba l-pressjoni pubblika li jiġu esposti għaliha dawn l-awtoritajiet.

26.

Ir-rikorrenti, il-LDI NW, u l-gvernijiet kollha li ħadu pożizzjoni fil-kawża preżenti jikkondividu l-fehma li d-Direttiva 95/46 ma tipprekludix il-leġiżlazzjoni inkwistjoni.

27.

Jiena naqbel mal-fehma tal-aħħar. ( 7 )

28.

Inqis li huwa importanti nfakkar, qabel kollox, ir-regola kostituzzjonali (ġenerali) imdaħħla fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 288 TFUE li tistipula li d-“Direttiva għandha torbot l-Istati Membri, f’dak li għandu x’jaqsam mar-riżultat li jrid jinkiseb, iżda tħalli l-għażla ta’ forom u metodi f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali” li jiżguraw bl-aħjar mod ir-riżultat li għandu jintlaħaq mid-direttiva. ( 8 )

29.

Għalhekk sabiex jiġu implimentati l-obbligi taħt direttiva, l-Istati Membri huma liberi li jadottaw kull miżura li huma jqisu li tkun xierqa, sakemm dawn il-miżuri ma jkunux espressament esklużi mid-direttiva stess, jew ma jidħlux f’kunflitt mal-għanijiet tad-direttiva.

30.

It-test tad-Direttiva 95/46 ma jeskludix b’mod espress il-possibbiltà taħt id-dritt nazzjonali li jingħata locus standi lill-assoċjazzjonijiet inkarigati bil-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumaturi.

31.

Meta wieħed iħares lejn l-għanijiet li jridu jintlaħqu mid-Direttiva 95/46, dawn jinkludu “li tiżgura protezzjoni effikaċi u kompleta tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari tad-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali”. ( 9 ) Minbarra hekk, skont il-premessa 10 tad-Direttiva “l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet m’għandhiex bħala riżultat ta’ dan tnaqqas mill-protezzjoni minnhom mogħtija, imma għandha, għall-kuntrarju, tfittex li tassigura grad għoli ta’ protezzjoni fil-Komunità”. ( 10 )

32.

Wieħed jista’ jifhem mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Ġermanja tat locus standi lill-assoċjazzjonijiet, bħar-rikorrenti, sabiex jikkontestaw dak li dawn l-assoċjazzjonijiet jikkunsidraw bħala prattika kummerċjali illegali jew prattika li tikser il-liġijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, fejn dawn il-liġijiet tal-aħħar jinkludu l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data.

33.

F’dan il-kuntest, ma narax kif l-għoti ta’ dan il-locus standi jista’ b’xi mod jikkontradixxi l-għanijiet tad-Direttiva 95/46 jew idgħajjef l-isforz sabiex jinkisbu dawn l-għanijiet. Jekk xejn, l-għoti ta’ locus standi lil din it-tip ta’ assoċjazzjoni pjuttost jidher li jsaħħaħ it-twettiq tal-għanijiet u l-implimentazzjoni tad-direttiva billi b’mod effettiv jikkontribwixxi għat-tisħiħ tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data permezz tar-rimedju kollettiv. ( 11 )

34.

Inqis li għalhekk l-Istati Membri ma humiex preklużi milli jipprovdu regola dwar il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet, bħal dik li tippermetti lir-rikorrenti tippreżenta l-azzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jekk l-Istati Membri jixtiequ jagħmlu dan.

35.

Fid-dawl ta’ din ir-risposta, inqis li d-diskussjoni li żviluppat matul din il-kawża, li tiffoka dwar jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni għandhiex taqa’ b’mod speċifiku taħt l-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46 bħala tip ta’ “miżura xierqa”, jew jekk tistax taqa’ taħt l-Artikolu 22, tiżvija kemmxejn. Jekk l-Istati Membri huma mistennija li jimplimentaw direttiva b’kull mod li huma jaraw xieraq, u fejn dan il-mod partikolari ta’ implimentazzjoni ma jkunx prekluż kemm permezz tat-test kif ukoll permezz tal-għanijiet u l-iskop tad-direttiva, l-artikolu speċifiku tad-direttiva li taħtu l-miżura nazzjonali partikolari tista’ tiġi kklassifikata huwa ta’ importanza sekondarja. ( 12 ) Madankollu, inżid ngħid li l-“miżuri xierqa biex jassiguraw l-implementazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva” taħt l-Artikolu 24 jistgħu ċertament jiġu interpretati fis-sens li jinkludu d-dispożizzjonijiet nazzjonali bħal dawk inkwistjoni f’dan il-każ.

36.

Ma naħsibx li din il-konklużjoni ġenerali hija b’xi mod imdgħajfa mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin, li ġew diskussi matul il-kawża.

37.

L-ewwel nett, huwa minnu li d-Direttiva 95/46 ma tidhirx fil-lista pprovduta mill-Anness I tad-Direttiva 2009/22. Din tal-aħħar tistabbilixxi r-regoli dwar l-inġunzjonijiet li jistgħu jsiru mill-hekk imsejħa “entità kwalifikata” sabiex tiżgura l-protezzjoni tal-interess kollettiv tal-konsumaturi. ( 13 ) Il-lista fl-Anness I tinkludi diversi direttivi u d-Direttiva 95/46 ma hijiex fosthom.

38.

Madankollu, u kif isostni l-Gvern Ġermaniż, il-lista fl-Anness I għad-Direttiva 2009/22 ma tistax titqies bħala eżawrjenti fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali milli tipprovdi azzjonijiet għal inġunzjoni li jirrigwardaw l-osservanza tar-regoli li jinsabu f’direttivi minbarra dawk imsemmija fl-Anness I għad-Direttiva 2009/22. A fortiori, ikun pjuttost sorprendenti li kieku din il-lista illustrattiva li tkun tinsab f’leġiżlazzjoni sussidjarja kellha f’daqqa waħda tiġi interpretata f’sens li ċċaħħad lill-Istati Membri mill-għażla tagħhom dwar kif għandhom jimplimentaw direttiva prevista mit-Trattat.

39.

It-tieni nett, ser neżamina issa l-argument sottomess mill-konvenuta u minn Facebook Ireland li jirrigwarda l-armonizzazzjoni sħiħa mwettqa mid-Direttiva 95/46 li, fl-opinjoni tagħhom, teskludi kull azzjoni espliċitament imprevista.

40.

Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet konsistentement li l-armonizzazzjoni li tirriżulta mid-Direttiva 95/46 ma hijiex limitata għal armonizzazzjoni minima iżda hija ekwivalenti għal armonizzazzjoni li “fil-prinċipju, hija kompleta”. ( 14 ) Fl-istess waqt, ġie wkoll aċċettat li l-istess direttiva “tirrikonoxxi lill-Istati Membri marġni ta’ manuvra f’ċerti oqsma”, sakemm jibqgħu konformi mad-Direttiva 95/46. ( 15 )

41.

Kif issuġġerejt bnadi oħra, ( 16 ) il-kwistjoni dwar jekk hemmx “armonizzazzjoni sħiħa” fuq il-livell tal-Unjoni (fis-sens tal-prelazzjoni leġiżlattiva li tipprekludi kull azzjoni leġiżlattiva min-naħa tal-Istati Membri) ma tistax tiġi indirizzata b’mod ġenerali, fir-rigward ta’ qasam ġuridiku kollu jew ta’ suġġett ta’ direttiva. Minflok, din l-evalwazzjoni għandha titwettaq fir-rigward ta’ kull dispożizzjoni speċifika (regola partikolari jew aspett speċifiku) tad-direttiva inkwistjoni.

42.

Meta wieħed iħares lejn id-dispożizzjonijiet “proċedurali” speċifiċi tad-Direttiva 95/46 li huma inkwistjoni fil-kawża preżenti, b’mod speċifiku l-Artikoli 22 sa 24, dawn huma fformulati f’termini ġenerali ħafna. ( 17 ) Meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-livell ta’ ġeneralità u astrazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, ikun fil-fatt pjuttost impressjonanti li jiġi ssuġġerit li dawn id-dispożizzjonijiet jiġġeneraw l-effett tal-prelazzjoni leġiżlattiva, li teskludi kull miżura li tista’ tittieħed mill-Istati Membri iżda li ma tkunx imsemmija b’mod speċifiku f’dawn l-artikoli. ( 18 )

43.

It-tielet nett, argument ieħor imqajjem mill-konvenuta kien jirrigwarda t-theddida għall-indipendenza tal-awtoritajiet superviżorji. ( 19 ) Dan essenzjalment issuġġerixxa li kieku kellu jingħata locus standi lill-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi, dawn l-assoċjazzjonijiet jippreżentaw azzjonijiet b’mod parallel u/jew minflok l-awtorità superviżorja, li jwassal għal pressjoni pubblika u parzjalità min-naħa tal-awtorità superviżorja, u li eventwalment jikser ir-rekwiżit ta’ indipendenza sħiħa tal-awtoritajiet superviżorji stabbilit fl-Artikolu 28(1) tad-Direttiva.

44.

Dan l-argument ma għandu ebda piż. Sakemm din l-awtorità superviżorja tkun fil-fatt verament indipendenti, ( 20 ) ma nistax nara, bħall-Gvern Ġermaniż, kif azzjoni bħal din fil-kawża prinċipali tista’ thedded l-indipendenza tagħha. Assoċjazzjoni ma tistax tinforza l-liġi fis-sens li tagħmel l-opinjoni tagħha vinkolanti fuq l-awtoritajiet superviżorji. Din hija l-prerogattiva esklussiva tal-qrati. Assoċjazzjoni tal-konsumaturi tista’ biss, b’dan il-mod bħal kull assoċjazzjoni individwali, tippreżenta azzjoni. Għalhekk, l-affermazzjoni li kull azzjoni (privata) ppreżentata minn individwu jew minn assoċjazzjoni tal-konsumatur tqiegħed pressjoni fuq l-entitajiet inkarigati bl-infurzar (pubbliku) u għalhekk ma tistax tkun permessa li tikkoeżisti b’mod parallel mas-sistema tal-infurzar pubbliku huwa ta’ natura tant stramba li ma hemmx il-ħtieġa li nindirizza ulterjorment dan l-argument. ( 21 )

45.

Ir-raba’ u fl-aħħar nett, neżamina l-argument li jqis li l-Artikolu 80(2) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li jbiddel (u jaqleb) is-sitwazzjoni preċedenti billi jippermetti xi ħaġa (il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet) li ma kinitx permessa qabel.

46.

Dan l-argument ma huwiex konvinċenti.

47.

Jeħtieġ li jitfakkar li permezz tas-sostituzzjoni tad-Direttiva 95/46 bil-GDPR, in-natura tal-istrument legali li jinsabu fih ir-regoli nbidlet minn dik ta’ direttiva għal dik ta’ regolament. Din il-bidla tfisser ukoll li b’kuntrast ma’ direttiva, fejn l-Istati Membri jibqgħu liberi li jagħżlu kif jimplimentaw il-kontenut ta’ dan l-istrument leġiżlattiv, ir-regoli nazzjonali li jimplimentaw regolament jistgħu, bħala prinċipju, jiġu adottati biss meta awtorizzati espressament.

48.

Minn din il-perspettiva, l-argument li d-dispożizzjoni espliċita dwar il-locus standi tal-assoċjazzjonijiet, issa inkluża fil-GDPR, ifisser li dan il-locus standi kien eskluż taħt id-Direttiva 95/46 iqajjem dubji. Li kieku kellu jinsilet argument minn din is-sovrappożizzjoni, ( 22 ) dan ikun pjuttost f’sens kuntrarju: kieku l-provvista ta’ regoli li jippermettu dan il-locus standi ma kinitx prekluża mill-aħħar direttiva (skont l-argumenti li jiena għamilt iktar ’il fuq), il-bidla tal-forma ġuridika minn direttiva għal regolament tkun tiġġustifika l-inklużjoni ta’ din id-dispożizzjoni sabiex jiġi ċċarat li fil-fatt tibqa’ din il-possibbiltà.

49.

Għalhekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, l-ewwel konklużjoni interim tiegħi hija li d-Direttiva 95/46 ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tawtorizza lill-assoċjazzjonijiet bi skop ta’ servizz pubbliku locus standi biex iressqu proċeduri legali kontra l-allegat awtur tal-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-konsumatur.

B.   Fashion ID hija kontrollur tad-data?

50.

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-konvenuta, minħabba li integrat plug-in fuq is-sit internet tagħha li jġiegħel lill-browser tal-utent jitlob kontenut mingħand terz u jittrażmetti data personali lil dak it-terz, għandhiex tiġi kkunsidrata bħala “kontrollur” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, anki jekk il-konvenuta ma jkollhiex effett fuq l-operazzjoni ta’ pproċessar ta’ data.

51.

Nifhem, fil-kuntest tal-kawża preżenti, li d-dikjarazzjoni magħmula mill-qorti tar-rinviju fid-domanda tagħha, dwar in-nuqqas ta’ abbiltà li jkollha effett fuq l-operazzjoni tal-ipproċessar tad-data, ma kinitx tirrigwarda l-kawża tal-proċess tat-trażmissjoni ta’ din id-data (u fuq il-livell fattwali, il-konvenuta b’mod ċar għandha effett peress li hija inkluda l-plug-in ikkonċernat). Jidher pjuttost li tirrigwarda l-ipproċessar sussegwenti possibbli tad-data minn Facebook Ireland.

52.

Kif ġie rrimarkat mill-qorti tar-rinviju, ir-risposta għat-tieni domanda tagħha għandha implikazzjonijiet li jmorru lil hinn mill-kawża preżenti u n-netwerk soċjali operat minn Facebook Ireland. Numru ta’ siti jinkludu kontenut ta’ terz ta’ natura varjata. Jekk persuna bħall-konvenuta kellha tiġi kklassifikata bħala “kontrollur”, responsabbli (b’mod konġunt) għal kull ipproċessar (sussegwenti) li jseħħ fir-rigward tad-data miġbura għaliex l-operatur tas-sit internet integra kontenut ta’ terz li jippermetti t-trasferiment ta’ din id-data, tali dikjarazzjoni jkollha għalhekk implikazzjonijiet iktar wiesa’ fuq il-mod kif il-kontenut ta’ terz jiġi ttrattat.

53.

Fl-istruttura tal-kawża preżenti, it-tieni domanda hija wkoll id-domanda ewlenija li tinsab fil-qalba tal-kwistjoni: fil-każijiet fejn jiġi integrat kontenut ta’ terz fuq sit, min għandu r-responsabbiltà u għal xiex b’mod preċiż? Hija wkoll l-(im)preċiżjoni fit-tweġiba għal din il-mistoqsija li għandha impatt fuq ir-risposti għad-domandi li ġejjin dwar l-interess leġittimu, il-kunsens, u l-obbligu li s-suġġett tad-data jiġi infurmat.

54.

F’din is-sezzjoni, ser nagħmel xi ftit rimarki introduttorji dwar il-kunċett ta’ data personali li huma rilevanti għall-kawża preżenti (1). Sussegwentement ser nippreżenta l-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja li tissuġġerixxi kif għandha tingħata r-risposta għat-tieni domanda, jekk għandhom jiġu adottati d-deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr mistoqsijiet ulterjuri (2). Sussegwentement ser nispjega għalfejn għandhom forsi jsiru iktar mistoqsijiet u, fil-kuntest tal-kawża preżenti, għalfejn għandha tiġi rfinata l-analiżi (3). Nikkonkludi billi nenfasizza, għall-finijiet tat-tifsira tal-kunċett ta’ kontroll (konġunt), l-importanza tal-unità tal-“finijiet u l-mezzi” li għandu jkun hemm bejn il-kontrolluri (konġunti) fir-rigward tal-istadju rispettiv tal-ipproċessar tad-data personali (l-operazzjoni tal-ipproċessar tad-data) inkwistjoni (4).

1. Id-data personali fil-kawża preżenti

55.

Għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “data personali” huwa mfisser fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’)”. Il-premessa 26 tal-istess direttiva tispjega f’dan ir-rigward li “biex ikun stabbilit jekk persuna tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktarx jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna”.

56.

Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkjarifikat li l-indirizz IP jista’, taħt ċirkustanzi partikolari, jikkostitwixxi data personali. ( 23 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat ulterjorment li għal dawn il-finijiet, sabiex ikun hemm “persuna identifikabbli” skont l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, “ma huwiex neċessarju li din l-informazzjoni tippermetti, waħedha, li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata”, u li l-użu ta’ data addizzjonali jista’ għalhekk ikun meħtieġ. Hija rrimarkat ukoll li “ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata għandha tkun f’idejn persuna waħda” sa fejn il-possibbiltà li tiġi kkombinata d-data rispettiva “tikkostitwixxi mezz li jista’ raġonevolment jiġi implementat sabiex tiġi identifikata l-persuna kkonċernata”. ( 24 )

57.

Il-qorti tar-rinviju ma tiddiskutix jekk l-indirizz IP, waħdu jew flimkien mal-browser string, li huwa trażmess ukoll, jikkostitwixxix data personali fis-sens ta’ dan il-kriterju. Jidher li Facebook Ireland qiegħda tikkontesta din il-kwalifika. ( 25 )

58.

Huwa ċar li tali evalwazzjoni għandha ssir mill-qorti nazzjonali. B’mod ġenerali, fir-rigward ta’ kull plug-in li jista’ jiġi inkluż jew ta’ kull kontenut ta’ terz, sabiex l-informazzjoni tiġi kklassifikata bħala personali huwa indispensabbli li din id-data tippermetti li s-suġġett tad-data jiġi identifikat (b’mod dirett jew b’mod indirett). Għall-finijiet tal-kawża preżenti, inqis li huwa paċifiku, kif jidher li jirriżulta mid-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju, li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, l-indirizz IP u l-browser string fil-fatt jikkostitwixxu u jissodisfaw il-kriterji tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 kif ikkjarifikat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

2. Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein locuta, causa finita?

59.

Sa fejn jirrigwarda t-tieni domanda, il-konvenuta u Facebook Ireland isostnu li l-konvenuta ma tistax titqies bħala kontrollur inkwantu hija ma għandhiex effett fuq id-data personali li tkun ser tiġi pproċessata. Għalhekk, Facebook Ireland biss tista’ tiġi kklassifikata bħala tali. Bħala argument sussidjarju, Facebook Ireland issostni li l-konvenuta taġixxi flimkien magħha, bħala kontrollur konġunt, iżda li r-responsabbiltà tal-persuna bħall-konvenuta hija limitata għaż-żona attwali tagħha ta’ effett.

60.

Ir-rikorrenti, il-LDI NW, u l-gvernijiet kollha li intervjenew fil-kawża preżenti kif ukoll il-Kummissjoni, essenzjalment, jikkondividu l-pożizzjoni li l-kunċett ta’ “kontrollur” għandu tifsira wiesgħa u jinkludi l-konvenuta. Madankollu, il-fehmiet tagħhom dwar il-portata preċiża tar-responsabbiltà tal-konvenuta jvarjaw b’mod kunsiderevoli f’dawn is-sottomissjonijiet. Il-varjazzjonijiet jirrigwardaw il-kwistjoni dwar jekk il-konvenuta u Facebook Ireland għandhomx jitqiesu responsabbli b’mod konġunt jekk ir-responsabbiltà in solidum tagħhom għandhiex tkun limitata għall-istadju tal-ipproċessar tad-data personali fejn hija fil-fatt involuta l-konvenuta, u jekk hijiex ser issir distinzjoni f’dan il-kuntest bejn dawk li jaċċedu s-sit internet tal-konvenuta li għandhom kont tal-Facebook u dawk li ma jaċċedux.

61.

Bħala punt tat-tluq, huwa ċar li taħt l-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46, il-kunċett ta’ “kontrollur” ikopri l-persuna li “waħdu jew flimkien ma oħrajn jiddetermina l-finijiet u l-mezzi ta’ l-ipproċessar ta’ data personali”. ( 26 ) Il-kunċett ta’ kontrollur għalhekk jista’ jkopri diversi atturi li huma involuti fl-ipproċessar tad-data personali ( 27 ) u għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. ( 28 )

62.

Il-kwistjoni tar-responsabbiltà konġunta ġiet reċentement indirizzata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein. ( 29 ) Fir-rigward tal-irwol tal-amministratur ta’ paġna tal-fans ospitata fuq Facebook, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-amministratur aġixxa bħala kontrollur, flimkien ma’ Facebook Ireland, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Dan kien għaliex l-amministratur ikkontribwixxa għad-determinazzjoni, flimkien ma’ Facebook Ireland, tal-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali ta’ min jaċċedi l-paġna tal-fans. ( 30 )

63.

B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat li billi ħoloq il-paġna tal-fans inkwistjoni, l-amministratur offra lil Facebook Ireland “il-possibbiltà li jiġu mqiegħda cookies fuq il-kompjuter jew fuq kwalunkwe apparat ieħor tal-persuna li aċċessat il-paġna tal-fans”, u għalhekk ipproċessa d-data personali. ( 31 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li “l-ħolqien ta’ paġna tal-fans fuq Facebook jimplika li jkun hemm bidla fil-parametri min-naħa tal-amministratur tagħha abbażi, b’mod partikolari, tal-udjenza fil-mira tiegħu kif ukoll tal-għanijiet ta’ ġestjoni jew ta’ promozzjoni tal-attivitajiet tiegħu, li taffettwa l-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet tal-istatistiċi miġbura mill-aċċess tal-paġna tal-fans”. ( 32 ) L-ipproċessar inkwistjoni ppermetta lil Facebook Ireland “jtejjeb is-sistema tiegħu tar-reklamar” filwaqt li offra lill-amministratur il-mezzi sabiex ikollu ġestjoni aħjar, permezz ta’ statistiċi anonimizzati, tal-promozzjoni tal-attività tiegħu stess. ( 33 )

64.

Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li permezz tal-“bidla fil-parametri”, l-amministratur inkwistjoni kien involut fid-determinazzjoni tal-finijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali ta’ min jaċċedi l-paġna tal-fans tiegħu. Għalhekk, huwa kellu jitqies bħala kontrollur responsabbli għal dan l-ipproċessar flimkien ma’ Facebook Ireland (ir-responsabbiltà fir-rigward tad-data personali tal-persuni li ma humiex utenti ta’ Facebook Ireland “għandha saħansitra iktar imporatanza”). ( 34 )

65.

Fis-sentenza Jehovan todistajat, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat kjarifika importanti oħra fir-rigward tal-kunċett ta’ kontrollur konġunt: sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà konġunta, ma huwiex meħtieġ li kull kontrollur ikollu aċċess għad-data personali (kollha) ikkonċernata. Għalhekk, il-komunità reliġjuża wkoll tista’ tkun kontrollur konġunt f’każijiet fejn il-komunità stess ma tidhirx li kellha aċċess għad-data miġbura inkwistjoni. F’dan il-każ kienu l-membri individwali tal-komunità tax-Xhieda ta’ Ġeħova li kienu fil-pussess fiżiku tad-data personali. Kien biżżejjed li l-attività ta’ ppriedkar, li fil-kuntest tagħha d-data kienet miġbura, ġiet organizzata, ikkoordinata u inkoraġġuta mill-komunità. ( 35 )

66.

Ikkunsidrata minn livell ogħla ta’ astrazzjoni, u jekk wieħed jiffoka biss fuq il-kunċett ta’ responsabbiltà konġunta, ikolli naqbel li fid-dawl ta’ dawn id-deċiżjonijiet reċenti, għandu jiġi kkonstatat li l-konvenut jaġixxi bħala kontrollur, u huwa koresponsabbli ma’ Facebook Ireland għall-ipproċessar tad-data. ( 36 )

67.

L-ewwel nett jidher li l-konvenuta offriet il-possibbiltà lil Facebook Ireland li tikseb id-data personali tal-utenti tas-sit internet tal-konvenuta billi tuża l-plug-in inkwistjoni.

68.

It-tieni nett, huwa minnu li, meta mqabbel mal-amministratur ikkonċernat fis-sentenza Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, il-konvenuta ma tidhirx li tiddetermina l-parametri ta’ kull informazzjoni dwar l-utenti tas-sit internet tagħha li jirritornaw għalih f’forma anonimizzata jew xort’oħra. Il-“benefiċċju” mfittex jidher li huwa r-reklamar mingħajr ħlas tal-prodotti tagħha li jidher li jseħħ meta l-utenti tas-sit tagħha tiddeċiedi li tagħfas il-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook sabiex tikkondividi, permezz tal-kont tal-Facebook tagħha, il-ħsibijiet tagħha dwar, per eżempju, libsa sewda. Għalhekk, u bla ħsara għall-verifika fattwali mill-qorti tar-rinviju, l-użu tal-plug-in jippermetti lill-konvenuta ttejjeb ir-reklamar tal-prodotti tagħha billi tkun tista’ tagħmilhom viżibbli fuq Facebook.

69.

Alternattivament, minn perspettiva oħra, jista’ jingħad li l-konvenuta tkun qiegħda tikkodetermina l-parametri tad-data miġbura bis-sempliċi fatt li tintegra l-plug-in inkwistjoni fuq is-sit tagħha. Huwa l-plug-in innifsu li jipprovdi l-parametri tad-data personali li għandha tinġabar. Għalhekk, billi tintegra b’mod volontarju din l-għodda fis-sit tagħha, il-konvenuta stabbilixxiet dawk il-parametri fir-rigward ta’ min jaċċedi s-sit internet tagħha.

70.

It-tielet nett u fi kwalunkwe każ, fid-dawl tas-sentenza Jehovan todistajat, kontrollur konġunt jista’ xorta waħda jiġi kklassifikat bħala tali mingħajr ma jkollu l-aċċess għall-“frott tax-xogħol konġunt”. Għalhekk, il-fatt li l-konvenuta ma għandhiex aċċess għad-data mgħoddija lil Facebook jew li milli jidher ma tirċevix statistiċi iktar speċifiċi jew aggregati bħala korrispettiv, ma jidhirx li huwa deċiżiv.

3. Il-problemi: Min għalhekk ma huwiex kontrollur konġunt?

71.

Il-protezzjoni effettiva tiżdied jekk kulħadd isir responsabbli milli jiżgura tali protezzjoni?

72.

Dan, fi ftit kliem, huwa l-moral iktar profond u d-dilemma prattika li ntwerew bil-kawża preżenti u espressi f’termini legali mill-kamp ta’ applikazzjoni tat-tifsira ta’ kontrollur (konġunt). Bix-xewqa evidenti li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tad-data personali, il-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja kienet inklussiva ħafna meta ntalbet tiddefinixxi, b’xi mod jew ieħor, il-kunċett ta’ kontrollur (konġunt). Madankollu sa issa, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ġietx affaċċjata bl-implikazzjonijiet prattiċi ta’ tali approċċ ta’ definizzjoni wiesa’ fir-rigward tal-passi sussegwenti tal-obbligi preċiżi u r-responsabbiltà speċifika tal-partijiet ikklassifikati bħala kontrolluri konġunti. Peress li din il-kawża toffri preċiżament tali opportunità, nissuġġerixxi li din tintlaqa’ sabiex tiżdied il-preċiżjoni tat-tifsiriet li għandhom jeżistu għall-kunċett ta’ kontrollur (konġunt).

a) Dwar l-obbligu u r-responsabbiltà

73.

Meta wieħed iħares lejn it-test applikabbli sabiex jiġi identifikat il-“kontrollur konġunt” minn perspettiva kritika, jidher li l-kriterju kruċjali wara s-sentenzi Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein u Jehovan todistajat huwa li l-persuna inkwistjoni “toffri l-possibbiltà” li tinġabar u tiġi trażmessa d-data personali, potenzjalment flimkien ma’ input li dan il-kontrollur konġunt għandu fir-rigward tal-parametri (jew għall-inqas ikun hemm l-approvazzjoni taċita tagħha). ( 37 ) Jekk dan fil-fatt ikun il-każ, għalhekk minkejja intenzjoni ddikjarata b’mod ċar f’dan is-sens li din tiġi eskluża fis-sentenza Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, ( 38 ) huwa diffiċli li wieħed jara kif l-utenti normali ta’ applikazzjoni (ibbażata) online, sew jekk tkun netwerk soċjali jew tkun pjattaforma kollaborattiva oħra, iżda wkoll programmi oħra, ( 39 ) ma jsirux ukoll kontrolluri konġunti. Utent tipikament jikkonfigura l-kont tiegħu, u jipprovdi l-parametri lill-amministratur dwar kif il-kont tiegħu għandu jkun strutturat, x’informazzjoni huwa jixtieq jirċievi, dwar liema suġġetti u mingħand min. Huwa jistieden ukoll lill-ħbieb tiegħu, il-kollegi u oħrajn sabiex jikkondividu bejniethom l-informazzjoni fil-forma ta’ data personali (ħafna mid-drabi pjuttost sensittiva), permezz tal-applikazzjoni, u għalhekk ma tkunx qed tiġi pprovduta biss data li tikkonċerna lil dawn il-persuni, iżda l-persuni nfushom jkunu qed jiġu wkoll mistiedna jinvolvu lilhom infushom, b’tali mod li jkun hemm kontribut ċar għall-ġbir u l-ipproċessar tad-data personali ta’ dawn il-persuni.

74.

Barra minn hekk, x’inhi s-sitwazzjoni fir-rigward tal-persuni l-oħra fil-“katina ta’ data personali”? Fl-agħar ipoteżi, jekk il-kriterju relevanti għall-kontroll konġunt huwa biss li toffri l-possibbiltà għall-ipproċessar tad-data, u għalhekk li effettivament tikkontribwixxi għal dan l-ipproċessar fi kwalunkwe stadju, il-fornitur tal-aċċess għall-internet, li joffri l-possibbiltà għall-ipproċessar tad-data minħabba li jipprovdi aċċess għall-internet, jew anki l-fornitur tal-elettriku, ma jitqiesx ukoll li huwa l-kontrollur konġunt potenzjalment koresponsabbli għall-ipproċessar tad-data personali?

75.

Ir-risposta intuwittiva hija ċertament “le”. Il-problema hija li sa issa d-delineazzjoni tar-responsabbiltà ma tirriżultax mit-tifsira wiesgħa ta’ kontrollur. Il-perikolu ta’ din it-tifsira huwa li hija tirriżulta f’numru ta’ persuni li huma koresponsabbli għall-ipproċessar tad-data personali.

76.

Madankollu, b’kuntrast mal-każijiet imsemmija fis-sezzjoni preċedenti, id-domandi tal-qorti tar-rinviju fil-kawża preżenti ma humiex biss dwar it-tifsira li għandha tingħata lill-“kontrollur”. Huma jibdew u jkomplu mal-esplorazzjoni ta’ kwistjonijiet relatati fis-sens tal-allokazzjoni ta’ obbligi reali imposti mid-Direttiva 95/46. Dawn il-kwistjonijiet infushom juru l-problemi ta’ tifsira ta’ kontrollur li tkun eċċessivament inklużiva, speċjalment flimkien man-nuqqas ta’ regola preċiża dwar x’inhuma l-obbligi u r-responsabbiltajiet speċifiċi tal-kontrolluri taħt id-Direttiva 95/46. Is-sottomissjonijiet tal-partijiet interessati fir-rigward tad-domandi 5 u 6, li jikkonċernaw l-allokazzjoni preċiża tar-responsabbiltajiet taħt id-Direttiva, jillustraw dan tajjeb.

77.

Id-domanda 5 essenzjalment tistaqsi min għandu jikseb il-kunsens tas-suġġett tad-data u għal liema raġuni. Ir-risposti ssuġġeriti għal din id-domanda jvarjaw b’mod kunsiderevoli.

78.

Ir-rikorrenti u l-LDI NRW iqisu li l-obbligu li jinkiseb il-kunsens informat tas-suġġett tad-data huwa tal-konvenuta, li ddeċidiet li tinkludi l-plug-in inkwistjoni. Dan huwa, fl-opinjoni tar-rikorrenti, iktar importanti għal dawk li ma humiex utenti ta’ Facebook li ma aċċettawx it-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali ta’ Facebook. Il-pożizzjoni tal-konvenuta hija li l-kunsens għandu jingħata lit-terz li jipprovdi l-kontenut inkluż, jiġifieri Facebook Ireland. Facebook Ireland tqis li l-kunsens ma għandux għalfejn jingħata lil destinatarju partikolari, inkwantu d-Direttiva 95/46 tistabbilixxi biss li l-kunsens għandu jkun liberu, speċifiku u informat.

79.

L-Awstrija, il-Ġermanja u l-Polonja jsostnu li l-kunsens għandu jingħata qabel iseħħ l-ipproċessar tad-data u, skont l-Awstrija għandu jirrigwarda kemm il-ġbir kif ukoll it-trażmissjoni possibbli tad-data. Il-Polonja tinsisti li l-kunsens għandu jingħata lill-konvenuta. Il-Ġermanja ssostni li dab għandu jingħata lill-konvenuta jew lit-terz li jipprovdi l-kontenut integrat (Facebook Ireland) inkwantu t-tnejn huma koresponsabbli mill-ipproċessar. Il-konvenuta għandha biss tirċievi l-kunsens għat-trażmissjoni tad-data lit-terz peress li hija ma tibqax taġixxi bħala kontrollur fir-rigward ta’ kull ipproċessar u użu ulterjuri tad-data miġbura. Madankollu dan ma jeskludix il-possibbiltà għall-operatur tas-sit internet li jirċievi kunsens dwar l-ipproċessar mit-terz, li jista’ jkun irregolat minn ftehim bejniethom it-tnejn. L-Italja ssostni li l-kunsens għandu jingħata lil dawk kollha li huma involuti fl-ipproċessar tad-data personali, b’mod speċifiku l-konvenut u Facebook Ireland. Il-Belġju u l-Kummissjoni jinsistu li d-Direttiva 95/46 ma tispeċifikax lil min għandu jingħata l-kunsens.

80.

Teżisti diversità simili ta’ opinjonijiet fir-rigward tal-kwistjoni dwar min għandu l-obbligu ta’ informazzjoni skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 u fir-rigward ta’ xiex b’mod preċiż, indirizzata mis-sitt domanda tal-qorti tar-rinviju.

81.

Skont ir-rikorrenti, huwa l-operatur tas-sit internet li għandu l-obbligu li jikkomunika l-informazzjoni neċessarja lis-suġġett tad-data. Il-konvenuta targumenta bil-kontra, fejn tenfasizza li l-obbligu ta’ informazzjoni huwa ta’ Facebook Ireland għaliex il-konvenuta ma għandhiex l-għarfien preċiż. B’mod simili, Facebook Ireland tenfasizza li hija l-konvenuta li għandha l-obbligu li tipprovdi l-informazzjoni, ġaladarba dan l-obbligu huwa indirizzat biss lill-kontrollur (jew lir-rappreżentant tiegħu). Hija tinnota li r-risposta għad-domanda 6 hija marbuta mill-qrib ma’ jekk l-operatur tas-sit internet huwiex il-kontrollur. L-Artikolu 10 juri li ma huwiex xieraq li l-operatur tas-sit internet jiġi kklassifikat bħala kontrollur għaliex dan tal-aħħar ma huwiex f’pożizzjoni li jipprovdi din l-informazzjoni. L-LDI NW issostni li l-informazzjoni għandha tingħata mill-operatur tas-sit internet, iżda tirrikonoxxi d-diffikultà li jiġi ddeterminat x’informazzjoni għandha tingħata, għaliex il-konvenuta ma għandha l-ebda influwenza fuq l-ipproċessar tad-data minn Facebook Ireland. Ir-rabta tal-finijiet tal-ipproċessar ta’ data tissuġġerixxi li l-operatur tas-sit internet għandu jkun koresponsabbli għall-ipproċessar li hu għamel possibbli.

82.

Il-Belġju, l-Italja u l-Polonja jirrimarkaw li l-obbligu ta’ informazzjoni japplika wkoll għall-operatur tas-sit internet bħal dan inkwistjoni, għaliex huwa jikkwalifika bħala kontrollur. Il-Belġju jżid li l-operatur tas-sit internet jista’ wkoll ikollu l-obbligu li jivverifika l-iskop tal-ipproċessar tad-data sussegwenti u jadotta l-miżuri xierqa sabiex jiggarantixxi l-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi. Il-Gvern Ġermaniż jargumenta li l-obbligu ta’ informazzjoni japplika għall-operatur tas-sit internet sa fejn huwa responsabbli għall-ipproċessar, jiġifieri għat-trażmissjoni tad-data lill-fornitur estern tal-kontenut integrat, iżda mhux għall-istadji tal-ipproċessar tad-data sussegwenti kollha, li huma r-responsabbiltà tal-fornitur estern. Fl-opinjoni tal-Awstrija u tal-Kummissjoni kemm l-operatur tas-sit kif ukoll il-fornitur estern huma suġġetti għall-obbligu ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46.

83.

Lil hinn mill-kwistjonijiet imqajma mid-domandi 5 u 6, wieħed jista’ jżid li ser iqumu diffikultajiet kunċettwali simili meta jiġu kkunsidrati l-obbligi l-oħra ddefiniti mid-Direttiva 95/46, bħal pereżempju d-dritt ta’ aċċess taħt l-Artikolu 12 tagħha. Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja rrimarkat fis-sentenza Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein li d-“Direttiva 95/46 ma teżiġix, meta teżisti responsabbiltà konġunta ta’ diversi operaturi għall-istess ipproċessar, li kull wieħed minn dawn ikollu aċċess għad-data personali kkonċernata”. ( 40 ) Madankollu, kontrollur li ma għandux aċċess għad-data, iżda li huwa kklassifikat bħal kontrollur (konġunt) fir-rigward tagħha, ma jistax, loġikament, jipprovdi dan l-aċċess lil kull suġġett tad-data (biex ma nsemmix operazzjonijiet ulterjuri oħra, bħal pereżempju r-rettifika jew it-tneħħija).

84.

Għalhekk, f’dan l-istadju, in-nuqqas kunċettwali ta’ ċarezza minn qabel (min huwa l-kontrollur u fir-rigward ta’ xiex b’mod preċiż) li jista’ jwassal f’ċerti ċirkustanzi għal nuqqas ta’ ċarezza iktar ’il quddiem (min huwa suġġett għal liema obbligu), jidħol fl-isfera tal-impossibbiltà reali għall-kontrollur konġunt potenzjali li jikkonforma lilu nnifsu ma’ leġiżlazzjoni valida.

85.

Jista’ ċertament jiġi ssuġġerit li sabiex ikun hemm allokazzjoni preċiża tar-responsabbiltà bejn il-kontrolluri (potenzjali pjuttost milli diversi kontrolluri konġunti), jeħtieġ li jiġu konklużi kuntratti. Dan ma jkunx jipprovdi biss għall-allokazzjoni tar-responsabbiltà, iżda jkun jidentifika wkoll il-parti li għandha suppost għandha tkun konformi ma’ kull wieħed mill-obbligi previsti mid-Direttiva, inklużi dawk li jistgħu jiġu eżegwiti b’mod fiżiku minn parti waħda biss.

86.

Inqis tali propożizzjoni problematika ħafna. L-ewwel nett, huwa kompletament irrealistiku, meta tittieħed inkunsiderazzjoni x-xibka densa tal-kuntratti formali u standard li jkollhom jiġu ffirmati minn kull tip ta’ parti, inkluż, x’aktarx, in-numru ta’ utenti normali. ( 41 ) It-tieni nett, l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni valida, u l-allokazzjoni tar-responsabbiltà prevista minnha, tkun ikkundizzjonata mill-ftehimiet privati, li għalihom it-terzi li jkunu qegħdin jipprovaw jinforzaw id-drittijiet tagħhom ma jkollhomx aċċess.

87.

It-tielet nett, jista’ jkun li bl-antiċipazzjoni parzjali ta’ wħud minn dawn il-kwistjonijiet, il-GDPR jidher li qiegħed jintroduċi sistema ġdida ta’ responsabbiltà konġunta fl-Artikolu 26 tiegħu. Huwa ċertament minnu li l-GDPR ma kienx applikabbli ratione temporis għall-każijiet diskussi f’din is-sezzjoni, jew fil-kawża preżenti. Madankollu, sakemm ma jkunx hemm deroga speċifika jew sistematika fil-leġiżlazzjoni l-ġdida fir-rigward tat-tifsiriet relevanti, li ma jidhirx li huwa l-każ għaliex l-Artikolu 4 tal-GDPR iżomm fil-parti l-kbira l-istess termini ewlenin bħall-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46 (filwaqt li żżid numru ta’ termini ġodda), ikun pjuttost sorprendenti jekk l-interpretazzjoni ta’ dawn il-kunċetti ewlenin, inkluż il-kunċett ta’ kontrollur, ipproċessar, jew data personali, kellhom ivarjaw b’mod sinjifikattiv (mingħajr raġuni valida ħafna) mill-ġurisprudenza eżistenti.

88.

Li kieku dan kellu jkun fil-fatt il-każ, allura dik li tidher li hija sistema ta’ responsabbiltà konġunta għal kontrolluri konġunti introdotta fl-Artikolu 26(3) tal-GDPR tista’ tirriżulta pjuttost ikkumplikata. Minn naħa, l-Artikolu 26(1) tal-GDPR jagħmilha possibbli għall-kontrolluri konġunti li “jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi”. Iżda, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26(3) tal-GDPR jagħmilha ċara li “is-suġġett tad-data jista’ jeżerċita d-drittijiet tiegħu”“fir-rigward ta’, u kontra, kull wieħed mill-kontrolluri” irrispettivament minn kull arranġament tali. Kull wieħed mill-kontrolluri konġunti jista’ għalhekk jinżamm responsabbli għall-ipproċessar tad-data inkwistjoni.

b) L-istampa globali

89.

Żmien ilu (forsi l-fans ta’ ċertu frankiġja sci-fi jixtiequ jżidu “f’galassija ’l bogħod ħafna”), kienet moda li wieħed ikun fuq netwerk soċjali. Imbagħad, b’mod gradwali, bdiet issir moda li ma tkunx fuq netwerk soċjali. Illum il-ġurnata, jidher li huwa reat li tkun fuq wieħed (u li fil-konfront tagħhom għandhom jiġu stabbiliti forom ġodda ta’ responsabbiltà indiretta).

90.

Ma jistax jiġi miċħud li l-proċess deċiżjonali ġudizzjarju jseħħ f’kuntest soċjali li jevolvi. Ċertament huwa għandu jirreaġixxi għal dan il-kuntest, iżda ma għandux jiġi kkontrollat minnu. Netwerk soċjali, bħal kull applikazzjoni jew programmi oħrajn, huwa għodda. B’mod simili għal sikkina jew karozza, jista’ jintuża b’diversi modi. Ma hemmx dubju wkoll li jekk jintuża għal skopijiet ħżiena, dan l-użu għandu jkun suġġett għal prosekuzzjoni. Iżda jista’ jkun li ma tkunx l-aħjar idea li jiġi kkastigat kull minn xi darba għamel użu minn sikkina. Il-persuna li normalment tkun suġġetta għal prosekuzzjoni hija dik li jkollha pussess tas-sikkina meta jiġu kkawżat id-dannu.

91.

Għalhekk għandu jkun hemm, forsi mhux dejjem qbil perfett, iżda għall-inqas korrelazzjoni raġonevoli bejn setgħa, kontroll u responsabbiltà. Naturalment, il-liġi moderna tinkludi diversi forom ta’ responsabbiltà oġġettiva, li jiġu attivati sempliċiment meta jseħħu ċerti riżultati. Iżda dawn għandhom tendenza li jkunu eċċezzjonijiet iġġustifikati. Jekk, mingħajr ebda spjegazzjoni raġunata, ir-responsabbiltà tiġi attribwita lil xi ħadd li ma kellu ebda kontroll fuq ir-riżultat, tali allokazzjoni ta’ responsabbiltà x’aktarx tkun tidher li ma hijiex raġonevoli jew li hija inġusta. ( 42 )

92.

Barra minn hekk, bi tweġiba għall-mistoqsija magħmula fil-bidu ta’ din is-sezzjoni (punt 71), persuna xettika mill-iktar partijiet tal-Lvant tal-Unjoni Ewropea tista’ forsi tissuġġerixxi, fid-dawl tal-esperjenza storika tagħha, li l-protezzjoni effettiva ta’ xi ħaġa għandha t-tendenza li tonqos drammatikament meta kulħadd isir responsabbli għaliha. Li kulħadd isir responsabbli jfisser fil-fatt li ħadd ma jkun responsabbli. Jew pjuttost, l-unika parti li kellha tinżamm responsabbli għal ċertu mod ta’ azzjoni, jiġifieri dik li effettivament teżerċita l-kontroll, x’aktarx li tistaħba wara dawk uffiċjalment “koresponsabbli”, u b’hekk il-protezzjoni effettiva x’aktarx li tiġi dilwita b’mod sinifikanti.

93.

Fl-aħħar nett, ebda (interpretazzjoni) tajba tal-liġi ma għandha tilħaq riżultat fejn l-obbligi imposti fiha ma jistgħux fil-fatt jiġu implimentati mid-destinatarji tagħha. Għalhekk, sakemm it-tifsira robusta ta’ kontroll (konġunt) ma jkollhiex tinbidel f’ordni b’appoġġ ġudizzjarju għal skonnessjoni, applikabbli għall-atturi kollha, u għal deżistenza mill-użu ta’ kull netwerk soċjali, plug-in, u kontenut ta’ terz potenzjali ieħor, ir-realtà għandu jkollha rwol fid-definizzjoni tal-obbligi u tar-responsabbiltajiet, fejn jerġgħu jiġu inklużi l-kwistjonijiet ta’ għarfien u ta’ setgħa ta’ kuntrattazzjoni ġenwina u l-abbiltà li tiġi influwenzata xi waħda mill-attivitajiet ikkontestati. ( 43 )

4. Lura lejn l-oriġini (leġiżlattivi): L-unità tal-finijiet u tal-mezzi fir-rigward ta’ ċerta operazzjoni ta’ pproċessar

94.

Għalkemm pjuttost robusta fl-approċċ tagħha għat-tifsira ta’ kontroll konġunt fis-sentenza Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, il-Qorti tal-Ġustizzja ssuġġeriet li hemm il-bżonn li tiġi limitata r-responsabbiltà ta’ kontrollur (konġunt). B’mod iktar speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat li “l-eżistenza ta’ responsabbiltà konġunta mhux bilfors tfisser responsabbiltà ekwivalenti għall-operaturi differenti kkonċernati fl-ipproċessar ta’ data personali. […] dawn l-operaturi jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti ta’ dan l-ipproċessar u bi gradi differenti, b’tali mod li l-livell ta’ responsabbiltà ta’ kull wieħed minnhom għandu jiġi evalwat billi jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha rilevanti tal-każ”. ( 44 )

95.

Filwaqt li ma kienx hemm bżonn li tiġi indirizzata din il-kwistjoni speċifika fis-sentenza Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein, jeħtieġ li tiġi indirizzata f’dan il-każ, fejn il-qorti tar-rinviju tistieden direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata l-obbligi possibbli tal-konvenuta li jirriżultaw mill-istatus tagħha bħala kontrollur.

96.

Fid-dawl tal-introduzzjoni tas-sistema ġdida ta’ responsabbiltà konġunta fl-Artikolu 26 tal-GDPR, jista’ jkun diffiċli li jiġi kkontemplat kif responsabbiltà konġunta tista’ timplika, fir-rigward tal-istess riżultat f’termini ta’ trattament (il)legali ta’ data personali, responsabbiltà mhux ekwivalenti. Dan huwa b’mod partikolari fid-dawl tal-Artikolu 26(3) tal-GDPR, li jidher li jmur fid-direzzjoni tar-responsabbiltà in solidum. ( 45 )

97.

Madankollu naħseb li d-dikjarazzjoni ewlenija tal-Qorti tal-Ġustizzja hija t-tieni waħda, jiġifieri li “l-operaturi jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti ta’ dan l-ipproċessar u bi gradi differenti”. Dan is-suġġeriment huwa ssostanzjat bit-tifsiriet li jinsabu fid-Direttiva 95/46, b’mod partikolari fir-rigward tat-tifsira (i) tal-kunċett ta’ pproċessar fl-Artikolu 2(b), u (ii) tal-kunċett ta’ kontrollur fl-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46.

98.

L-ewwel nett, il-kunċett ta’ pproċessar ta’ data personali jinkludi “kull operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li jsiru fuq data personali, b’mezzi awtomatiċi jew mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, reġistrazzjoni, organizzazzjoni, ħażna, adattament jew bdil, rkupru, konsultazzjoni, użu, żvelar bi trasmissjoni, tixrid jew li xort’oħra jagħmlu l-ipproċessar disponibbli jew li jġibu allineament, taħlita, imblokk, tħassir jew distruzzjoni”.

99.

Anki jekk il-kunċett ta’ pproċessar huwa, b’mod simili għall-kunċett ta’ kontrollur, pjuttost wiesa’, ( 46 ) huwa jenfasizza b’mod ċar u jimmira għal stadju fl-ipproċessar: huwa jirreferi għal operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet, flimkien ma’ lista illustrattiva dwar x’jistgħu jkunu tali operazzjonijiet individwali. Madankollu mbagħad loġikament, il-kwistjoni ta’ kontroll għandha pjuttost tiġi evalwata fir-rigward tal-operazzjoni diskreta inkwistjoni, mhux fir-rigward ta’ dak kollu li jissejjaħ ipproċessar. ( 47 )

100.

It-tieni nett, il-kunċett ta’ kontroll konġunt ma huwiex iddefinit b’mod speċifiku mid-Direttiva 95/46. Iżda, loġikament, il-kunċett jibni fuq il-kunċett ta’ kontrollur fl-Artikolu 2(d): is-sitwazzjoni tal-kontroll konġunt tidher meta żewġ persuni jew iktar jiddeterminaw il-mezzi u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data personali flimkien. ( 48 ) Fi kliem ieħor, sabiex żewġ persuni (jew iktar) jikkwalifikaw bħala kontrolluri konġunti, għandu jkun hemm identità tal-finijiet u tal-mezzi tal-ipproċessar tad-data personali bejniethom.

101.

Hija l-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ tifsiriet li għandha, fl-opinjoni tiegħi, tiddetermina l-obbligi u r-responsabbiltà potenzjali tal-kontrolluri konġunti. Kontrollur (konġunt) huwa responsabbli għall-operazzjoni jew sett ta’ operazzjonijiet li fir-rigward tagħhom jikkondividi jew jiddetermina b’mod konġunt il-finijiet u l-mezzi sa fejn hija kkonċernata l-operazzjoni speċifika ta’ pproċessar. B’kuntrast, din il-persuna ma tista’ tinżamm responsabbli la għall-istadji preċedenti u lanqas għall-istadji ulterjuri tal-katina globali ta’ pproċessar, li fir-rigward tagħhom hija ma kinitx f’pożizzjoni li tiddetermina jew il-finijiet jew il-mezzi ta’ dan l-istadju ta’ pproċessar.

102.

Fil-kawża preżenti, l-istadju relevanti (operazzjonijiet) tal-ipproċessar jikkorrispondi għall-ġbir u t-trażmissjoni ta’ data personali li sseħħ permezz tal-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook.

103.

L-ewwel nett, sa fejn huma kkonċernati l-mezzi ta’ dawn l-operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data, kif issuġġerit mir-rikorrenti, il-LDI NRW u l-Gvern Ġermaniż, jidher li huwa paċifiku li l-konvenuta tiddeċiedi dwar l-użu tal-plug-in inkwistjoni, li jservi bħala strument għall-ġbir u t-trażmissjoni tad-data personali. Tali ġbir u trażmissjoni huma attivati meta wieħed jaċċedi s-sit internet tal-konvenuta. Dan il-plug-in ġie pprovdut lill-konvenuta minn Facebook Ireland. Kemm Facebook Ireland kif ukoll il-konvenuta għalhekk jidhru li kkawżaw b’mod volontarju l-istadju tal-ġbir u t-trażmissjoni tal-ipproċessar tad-data. Dan ovvjament huwa, fuq il-livell fattwali, għall-qorti nazzjonali li tivverifika.

104.

It-tieni nett, meta wieħed iħares lejn il-finijiet tal-ipproċessar tad-data, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tiddikjarax ir-raġunijiet li wasslu lill-konvenuta tiddeċiedi li tintegra l-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook fuq is-sit internet tagħha. Madankollu, u suġġett għall-verifika mill-qorti tar-rinviju, din id-deċiżjoni tidher li hija ispirata mix-xewqa li tiżdied il-viżibbiltà tal-prodotti tal-konvenuta permezz tan-netwerk soċjali. Fl-istess waqt, jidher ukoll li d-data ttrasferita lil Facebook Ireland hija użata għall-iskopijiet kummerċjali ta’ din tal-aħħar.

105.

Minkejja l-fatt li l-użu kummerċjali speċifiku tad-data jista’ ma jkunx l-istess, b’mod ġenerali kemm il-konvenuta kif ukoll Facebook Ireland jidhru li jsegwu finijiet kummerċjali b’tali mod li jidher reċiprokament kumplimentari. B’dan il-mod, għalkemm mhux b’mod identiku, hemm unità ta’ finijiet: hemm finijiet kummerċjali u dawk ta’ reklamar.

106.

Fuq il-fatti tal-kawża preżenti, jidher li l-konvenuta u Facebook Ireland jiddeċiedu flimkien dwar il-mezzi u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data fl-istadju tal-ġbir u t-trażmissjoni tad-data personali inkwistjoni. F’dan is-sens, il-konvenuta taġixxi bħala kontrollur u r-responsabbiltà tagħha hija, f’dan is-sens ukoll, konġunta ma’ dik ta’ Facebook Ireland.

107.

Fl-istess waqt, inqis li r-responsabbiltà tal-konvenuta għandha tkun limitata għall-istadju tal-ipproċessar ta’ data, li hija involuta fih u li ma tistax tinfirex għal stadji sussegwenti potenzjali ta’ pproċessar ta’ data, jekk tali pproċessar iseħħ barra l-kontroll u, kif jidher, ukoll mingħajr l-għarfien tal-konvenuta.

108.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, it-tieni konklużjoni interim tiegħi hija għalhekk li persuna, bħall-konvenuta, li tkun integrat plug-in ta’ terz fuq is-sit internet tagħha, li tikkawża l-ġbir u t-trażmissjoni tad-data personali tal-utent (fejn dan it-terz ikun ipprovda l-plug-in), għandha titqies bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Madankollu, din ir-responsabbiltà (konġunta) ta’ tali kontrollur hija limitata għal dawk l-operazzjonijiet li dwarhom effettivament huwa jiddeċiedi b’mod konġunt fir-rigward tal-mezzi u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data personali.

109.

Għandu jingħad ukoll li din il-konklużjoni tirrispondi wkoll it-tielet domanda magħmula. Permezz ta’ din id-domanda l-qorti tar-rinviju tixtieq tikkonstata, essenzjalment, jekk id-Direttiva 95/46 tipprekludix l-applikazzjoni tal-kunċett tad-dritt nazzjonali ta’ Störer (l-interferenti) fuq il-konvenuta f’każ li jiġi stabbilit li l-konvenuta ma tistax titqies bħala kontrollur. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, il-kunċett ta’ Störer jirrikjedi li l-persuna li ma tiksirx dritt iżda li toħloq jew iżżid ir-riskju ta’ tali ksur minn terz għandha tagħmel dak kollu li huwa raġonevoli u fis-setgħa tagħha sabiex tipprevjeni dan il-ksur. Jekk il-konvenuta ma tistax titqies bħala kontrollur, il-qorti tar-rinviju tissuġġerixxi li l-prerekwiżiti għall-applikazzjoni tal-kunċett ta’ Störer ġew issodisfatti inkwantu, bl-integrazzjoni tal-plug-in għall-buttuna “jogħġobni” ta’ Facebook, il-konvenuta ħolqot, mill-inqas, ir-riskju ta’ ksur minn Facebook.

110.

Fid-dawl tar-risposta mogħtija għat-tieni domanda tal-qorti tar-rinviju, ma hemmx bżonn li tiġi indirizzata t-tielet waħda. Ladarba jiġi stabbilit li persuna speċifika għandha tiġi kklassifikata bħala kontrollur taħt id-Direttiva 95/46, l-obbligi tagħha bħala kontrollur għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-obbligi ddefiniti minn din id-direttiva. Il-konklużjoni opposta twassal għar-responsabbiltà ddifferenzjata tal-kontrolluri għal ċertu ksur fl-Istati Membri differenti. F’dan is-sens, u b’rigward tat-tifsira ta’ kontrollur, id-Direttiva 95/46 fil-fatt twettaq armonizzazzjoni sħiħa fir-rigward tad-destinatarji tal-obbligi ddefiniti. ( 49 )

C.   Interessi leġittimi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni taħt l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46

111.

Ir-raba’ domanda magħmula fil-kawża preżenti tirrigwarda l-leġittimità tal-ipproċessar tad-data personali fin-nuqqas tal-kunsens tas-suġġett tad-data fis-sens tal-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46.

112.

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46 li taħtu tista’ tiġi pproċessata d-data personali jekk dan ikun “meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data […]”. B’mod iktar speċifiku l-qorti tar-rinviju tixtieq li tikkonstata ta’ min għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi fil-kuntest tal-kawża preżenti: dawk tal-konvenuta li inkludiet il-kontenut ta’ terz, jew dawk ta’ dak it-terz (jiġifieri Facebook Ireland). ( 50 )

113.

Preliminarjament, għandu jiġi rrimarkat li l-Kummissjoni tqis li r-raba’ domanda hija irrilevanti għaliex in casu il-kunsens tal-utent għandu jingħata fi kwalunkwe każ, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni li timplimenta d-Direttiva 2002/58/KE dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (iktar ’il quddiem id-“Direttiva E‑Privacy”). ( 51 )

114.

Naqbel mal-Kummissjoni li d-Direttiva E‑Privacy (li skont l-Artikolu 1(2) tagħha tikkjarifika u tissupplimenta d-Direttiva 95/46 fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika) ( 52 ) tidher li tapplika għas-sitwazzjoni preżenti, sa fejn isir it-tqegħid tal-cookies fuq l-apparati tal-utenti. ( 53 ) Barra minn hekk l-Artikolu 2(f) u l-premessa 17 tad-Direttiva E‑Privacy jiddefinixxu l-kunsens b’riferiment għall-kunċett ta’ kunsens fid-Direttiva 95/46.

115.

Jekk seħħx it-tqegħid tal-cookies fil-kawża prinċipali preżenti kien is-suġġett ta’ dibattitu sostanzjali fis-seduta. Din il-kjarifika fattwali għandha tagħmilha l-qorti nazzjonali. Madankollu, u fi kwalunkwe każ, kif deskritt fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-qorti tar-rinviju tqis li d-data trażmessa tikkostitwixxi data personali. ( 54 ) Il-kwistjoni tal-cookies ma tidhirx għalhekk li tipprovdi s-soluzzjoni għall-kwistjonijiet kollha li jidher li jqumu fil-kawża preżenti fir-rigward tal-ipproċessar tad-data. ( 55 )

116.

Għalhekk jiena tal-opinjoni li d-domanda 4 teħtieġ iktar kunsiderazzjoni.

117.

Ir-rikorrenti ssostni li l-interess leġittimu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-konvenuta. Hija żżid li la l-konvenuta u lanqas Facebook Ireland ma jistgħu jinvokaw l-interess leġittimu fil-kawża preżenti.

118.

Il-konvenuta u Facebook Ireland isostnu, essenzjalment, li l-interessi leġittimi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma dawk tal-persuna li tintegra l-kontenut ta’ terzi kif ukoll dawk tat-terz innifsu, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-interessi ta’ dawk li jaċċedu s-sit internet li d-drittijiet fundamentali tagħhom jistgħu jiġu affettwati.

119.

Il-LDI NRW, il-Polonja, il-Ġermanja u l-Italja jqisu li kemm l-interessi leġittimi tal-konvenuta kif ukoll dawk ta’ Facebook Ireland għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għaliex it-tnejn li huma offrew il-possibbiltà tal-ipproċessar inkwistjoni. L-Awstrija tadotta opinjoni simili. B’mod simili, u b’riferiment għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Google Spain, il-Belġju jenfasizza li l-interessi leġittimi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni huma dawk tal-kontrollur kif ukoll tat-terzi li lilhom tkun ġiet ikkomunikata d-data personali kkonċernata.

120.

Għandu jitfakkar mill-bidu nett li l-ipproċessar tad-data personali għandu bħala prinċipju jkun konformi, fost kundizzjonijiet oħra, ma’ wieħed mill-kriterji li jagħmlu l-ipproċessar ta’ data leġittimu, li huma elenkati fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46. ( 56 )

121.

B’mod speċifiku fir-rigward tal-Artikolu 7(f), il-Qorti tal-Ġustizzja tfakkar li dan “jipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun legali, jiġifieri, l-ewwel nett, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew mit-terz jew terzi li lilhom id-data tkun ikkomunikata, it-tieni nett, il-ħtieġa tal-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-interess leġittimu mfittex u, it-tielet nett, il-kundizzjoni li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux prevalenti”. ( 57 )

122.

Id-Direttiva 95/46 ma tiddefinixxix jew telenka “interessi leġittimi”. Il-kunċett jidher li huwa pjuttost elastiku u miftuħ. ( 58 ) Ma hemmx tip ta’ interess li fih innifsu huwa eskluż, sakemm ovvjament dan ikun legali. Kif ġie essenzjalment diskuss fis-seduta u kif ġie stabbilit iktar ’il fuq, ( 59 ) jidher li fil-kawża preżenti huma inkwistjoni l-ġbir u t-trażmissjoni tad-data personali għall-finijiet tat-titjib tar-reklamar, minkejja li jista’ jkun li l-għanijiet aħħarija kemm tal-konvenuta kif ukoll ta’ Facebook Ireland ma humiex preċiżament l-istess.

123.

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, naqbel li l-kummerċjalizzazzjoni jew ir-reklamar jistgħu, fihom infushom, jikkostitwixxu tali interess leġittimu. ( 60 ) Huwa pjuttost diffiċli li wieħed imur lil hinn minn din id-dikjarazzjoni fil-kuntest tal-kawża preżenti, għaliex ma hemmx informazzjoni speċifika dwar il-modi preċiżi li bihom id-data trażmessa u miksuba qiegħda tintuża, lil hinn minn dawn id-dikjarazzjonijiet ġenerali.

124.

Madankollu, il-qorti tar-rinviju la tiddiskuti u lanqas titlob gwida dwar l-evalwazzjoni li għandha ssir tal-interess leġittimu li tressaq fil-kawża prinċipali. Fid-domanda 4 tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tistabbilixxi biss l-interess leġittimu ta’ min għandu jiġi kkunsidrat sabiex ikun jista’ jsir l-eżerċizzju tal-ibbilanċjar taħt l-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46.

125.

Fid-dawl tar-risposta nissuġġerixxi għad-domanda 2 iktar ’il fuq, inqis li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni kemm l-interess leġittimu tal-konvenuta kif ukoll ta’ Facebook Ireland inkwantu t-tnejn li huma jaġixxu bħala kontrolluri konġunti għall-operazzjoni ta’ pproċessar tad-data personali rispettiva.

126.

Peress li l-istatus ta’ kontrolluri konġunti jimplika li huma jikkondividu wkoll l-għanijiet ta’ pproċessar tad-data personali, l-eżistenza tal-interess leġittimu għandha tiġi stabbilita fir-rigward tat-tnejn li huma, għall-inqas fil-livell ġenerali kif spjegat iktar ’il fuq. Dan l-interess għandu sussegwentement jiġi bbilanċjat kontra d-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif previst mill-aħħar parti tal-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, ( 61 ) fejn dan l-ibbilanċjar jiddependi “fil-prinċipju, miċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari”. ( 62 ) Infakkar li l-ipproċessar tad-data taħt dawn iċ-ċirkustanzi għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni ta’ neċessità. ( 63 )

127.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, it-tielet konklużjoni interim tiegħi hija li għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà li tiġi pproċessata d-data personali taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, l-interessi leġittimi tal-kontrolluri konġunti inkwistjoni għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u għandhom jiġu bbilanċjati kontra d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

D.   L-obbligi tal-konvenuta dwar il-kunsens li s-suġġett tad-data għandu jipprovdi, u l-informazzjoni li dan għandu jirċievi

128.

Permezz tad-domanda 5, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf lil min għandu jingħata l-kunsens li għandu jiġi ddikjarat taħt l-Artikolu 7(a) u l-Artikolu 2(h) tad-Direttiva 95/46, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

129.

Permezz tad-domanda 6 il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-obbligu ta’ informazzjoni taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 japplikax, f’din is-sitwazzjoni, għall-operatur ta’ sit internet (bħall-konvenuta) li integra l-kontenut ta’ terz u għalhekk ikkawża l-ipproċessar ta’ data personali minn dan it-terz.

130.

Kif intwera iktar ’il fuq, ( 64 ) hemm diversi risposti proposti għal dawn id-domandi. Madankollu, ladarba tiġi ddeterminata n-natura preċiża tal-obbligu taħt id-domanda 2, kemm fir-rigward tad-detentur (ta’ min) u n-natura tal-obbligu (għal xiex), u din il-kwistjoni għalhekk tiġi ċċarata minn qabel, ir-risposti għad-domandi 5 u 6, li jirrigwardaw ċerti obbligi iktar ’il quddiem, isiru iktar ċari.

131.

L-ewwel nett, inqis li kemm il-kunsens kif ukoll l-informazzjoni mogħtija għandhom ikopru l-aspetti kollha tal-operazzjoni(jiet) tal-ipproċessar tad-data li għaliha huma responsabbli l-kontrolluri konġunti, b’mod speċifiku l-ġbir u t-trażmissjoni. Għall-kuntrarju, dawn l-obbligi tal-kunsens u tal-informazzjoni ma jestendux għall-istadji sussegwenti tal-ipproċessar tad-data li fihom il-konvenuta ma hijiex involuta u li b’mod loġiku ma jiddeterminax il-mezzi jew il-finijiet.

132.

It-tieni nett, taħt dawn il-kundizzjonijiet, wieħed jista’ jissuġġerixxi li l-kunsens jista’ jingħata lil kull wieħed mill-kontrolluri konġunti. Madankollu, meta wieħed jikkunsidra din is-sitwazzjoni, dan il-kunsens għandu jingħata lill-konvenuta, peress li l-operazzjoni ta’ pproċessar hija attivata meta jkun hemm aċċess fis-sit internet tagħha. Ovvjament, ma jkunx konformi mal-protezzjoni effiċjenti u fil-ħin li kieku l-kunsens kellu jingħata biss lill-kontrollur konġunt li huwa involut iktar tard (jekk għandu jingħata), meta l-ġbir u t-trażmissjoni jkunu diġà seħħew.

133.

Għandha tingħata risposta simili fir-rigward tal-obbligu ta’ informazzjoni li għandha l-konvenuta taħt l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-lista minima ta’ informazzjoni li għandha tiġi kkomunikata lis-suġġett tad-data mill-kontrollur (jew mir-rappreżentant tiegħu). Hija tinkludi l-elementi li ġejjin: l-identità tal-kontrollur (jew tar-rappreżentant tiegħu); l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija intiża d-data u kull informazzjoni ulterjuri oħra li tkun “meħtieġa, meħud kont taċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom id-data jkun inġabar, biex ikun garantit ipproċessar ġust dwar is-suġġett tad-data”. L-Artikolu 10 jipprovdi eżempji ta’ tali informazzjoni ulterjuri u jinkludi, għal dak li jista’ jkun relevanti għall-kawża preżenti, l-informazzjoni dwar ir-riċevitur tad-data jew dwar l-eżistenza tad-dritt ta’ aċċess għad-data u d-dritt ta’ rettifika tad-data li tikkonċerna s-suġġett tad-data.

134.

Meta wieħed iqis din il-lista, il-konvenuta tidher b’mod ċar li tinsab f’pożizzjoni li tipprovdi l-informazzjoni dwar l-identità tal-kontrolluri konġunti, dwar l-għan tal-istadju rispettiv tal-ipproċessar (l-operazzjoni(jiet) li fil-konfront tagħhom hemm il-kontroll konġunt); kif u ukoll dwar il-fatt li din id-data ser tiġi trażmessa.

135.

B’kuntrast, sa fejn jirrigwarda d-dritt ta’ aċċess u d-dritt ta’ rettifika, nifhem li l-konvenuta nnifisha ma għandhiex aċċess għad-data li qed tiġi trażmessa lil Facebook Ireland, inkwantu hija ma hijiex involuta fiż-żamma tad-data. Għalhekk, jista’ jiġi ssuġġerit per eżempju li din il-kwistjoni għandha tkun suġġetta għal ftehim ma’ Facebook Ireland.

136.

Madankollu dawn il-proposti, lil hinn mill-argumenti esposti iktar ’il fuq, ( 65 ) għal darb’oħra jkunu intiżi li jestendu l-obbligi u r-responsabbiltà tal-kontrollur(i) konġunt(i) għall-operazzjonijiet li għalihom huma ma humiex responsabbli. Jekk il-kontroll konġunt ifisser responsabbiltà għal dawk l-operazzjoni(jiet) li għalihom hemm l-unità tal-finijiet u l-mezzi bejn il-kontrolluri, allura loġikament l-obbligi l-oħra li jsegwu taħt id-Direttiva, bħal per eżempju l-kunsens, l-informazzjoni, l-aċċess jew ir-rettifika għandhom jikkorrispondu mal-iskop ta’ dan l-obbligu oriġinali. ( 66 )

137.

Ġie nnotat ukoll mill-Kummissjoni fis-seduta li dawk li jaċċedu s-sit, li jkollhom kont tal-Facebook setgħu preċedentement taw il-kunsens tagħhom sabiex isseħħ tali trażmissjoni. Dan jista’ jwassal għal responsabbiltà ddifferenzjata tal-konvenuta, bil-Kummissjoni li tidher li tissuġġerixxi li d-dmir tal-konvenuta li tinforma u li titlob il-kunsens japplika biss għal dawk li ma humiex utenti ta’ Facebook li jżur s-sit internet tal-konvenuta.

138.

Jiena ma naqbilx. Insibha diffiċli li naċċetta l-idea li għandu jkun hemm trattament (inqas protettiv) iddifferenzjat fir-rigward tal-“utenti ta’ Facebook” fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti għaliex huma jkunu diġà aċċettaw il-possibbiltà li d-data personali tagħhom (kollha u ta’ kull tip) tiġi pproċessata minn Facebook. Fil-fatt, tali argument jimplika li kif jiġi rreġistrat kont Facebook wieħed jaċċetta minn qabel kull ipproċessar ta’ data fir-rigward ta’ kull attività online ta’ dawn l-“utenti ta’ Facebook” minn kull terz li għandu kwalunkwe konnessjoni ma’ Facebook. Dan huwa il-każ ukoll f’sitwazzjoni fejn ma hemmx sinjal viżibbli li tali ipproċessar tad-data qiegħed iseħħ (kif jidher li huwa l-każ meta wieħed sempliċiment jaċċedi s-sit tal-konvenut). Fi kliem ieħor, jekk jiġi aċċettat is-suġġeriment tal-Kummissjoni, dan effettivament ikun ifisser li bir-reġistrazzjoni ta’ kont ta’ Facebook, l-utent ikun effettivament irrinunzja għal kull protezzjoni tad-data personali online fil-konfront ta’ Facebook.

139.

Għalhekk inqis li r-responsabbiltà u l-kunsens li jsegwi u l-obbligi ta’ informazzjoni tal-konvenuta għandhom ikunu l-istess fil-konfront tas-suġġetti tad-data irrispettivament minn jekk għandhomx kont ta’ Facebook jew le.

140.

Barra minn hekk, huwa għal darb’oħra ċar li l-kunsens għandu jingħata u l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta qabel iseħħ il-ġbir u t-trażmissjoni tad-data. ( 67 )

141.

Għalhekk, fil-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, il-konklużjoni interim finali tiegħi b’risposta għad-domandi 5 u 6 hija li, f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża preżenti, il-kunsens tas-suġġett tad-data li jinkiseb skont l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jingħata lil operatur tas-sit internet, bħal per eżempju l-konvenuta, li jkun integra l-kontenut ta’ terz. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni taħt din id-dispożizzjoni japplika wkoll għal dan l-operatur tas-sit internet. Il-kunsens tas-suġġett tad-data taħt l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jingħata, u l-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10 tal-istess direttiva għandha tiġi pprovduta, qabel iseħħu l-ġbir u t-trażmissjoni tad-data. Madankollu, il-portata ta’ dawn l-obbligi għandhom jikkorrispondu mar-responsabbiltà konġunta tal-operatur għall-ġbir u t-trażmissjoni tad-data personali.

V. Konklużjoni

142.

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi tal-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Düsseldorf, il-Ġermanja):

Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995, dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-assoċjazzjonijiet bi skop ta’ servizz pubbliku locus standi sabiex iressqu proċeduri legali kontra l-allegat awtur tal-ksur tal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiddefendu l-interessi tal-konsumatur.

Persuna li tintegra plug-in ta’ terz fuq is-sit internet tagħha, li tikkawża l-ġbir u t-trażmissjoni tad-data personali tal-utent (fejn dan it-terz ikun ipprovda il-plug-in), għandha tiġi kkunsidrata bħala kontrollur fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 95/46. Madankollu, ir-responsabbiltà tal-kontrollur konġunt hija limitata għal dawk l-operazzjonijiet li dwarhom jiddeċiedi b’mod konġunt dwar il-mezzi u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data personali.

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-possibbiltà li tiġi pproċessata d-data personali skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 7(f) tad-Direttiva 95/46, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi taż-żewġ kontrolluri konġunti inkwistjoni li għandhom jiġu bbilanċjati kontra d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

Il-kunsens tas-suġġett tad-data miksub taħt l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jingħata lil operatur ta’ sit internet li inkluda il-kontenut ta’ terz. L-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu ta’ informazzjoni taħt din id-dispożizzjoni japplika wkoll għal dan l-operatur tas-sit internet. Il-kunsens tas-suġġett tad-data taħt l-Artikolu 7(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jingħata, u l-informazzjoni fis-sens tal-Artikolu 10 tal-istess direttiva għandha tiġi pprovduta, qabel iseħħ il-ġbir u t-trażmissjoni tad-data. Madankollu, il-portata ta’ dawn l-obbligi għandhom jikkorrispondu mar-responsabbiltà konġunta tal-operatur għall-ġbir u t-trażmissjoni tad-data personali.


( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.

( 2 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 3 ) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU 2009 L 110, p. 30).

( 4 ) Ninnota li d-deċiżjoni tar-rinviju tistipula li l-plug-in tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-konvenuta minn Facebook Ireland jew mill-kumpannija omm ta’ din tal-aħħar, Facebook Inc., ikkostitwita fl-Istati Uniti tal-Amerika. Madankollu, jidher li kemm quddiem il-qorti tar-rinviju, kif ukoll quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja, Facebook Ireland tassumi r-responsabbiltà possibbli taħt id-Direttiva 95/46 fil-kuntest tal-proċeduri preżenti. Għalhekk, ma narax li hemm raġuni għalfejn għandha tiġi diskussa l-applikabbiltà potenzjali tad-Direttiva 95/46 fir-rigward tal-kumpannija omm ta’ Facebook Ireland.

( 5 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016 L 119 p. 1).

( 6 )

( 7 ) Filwaqt li nżid, għall-finijiet ta’ kompletezza, li għalkemm is-sentenza tat‑28 ta’ Lulju 2016, Verein für Konsumenteninformation (C‑191/15, EU:C:2016:612) kienet tirrigwarda l-kwistjoni tal-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46 li qamet fil-proċeduri nazzjonali mressqa minn assoċjazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx il-kwistjoni tal-locus standi tal-assoċjazzjoni f’din il-kawża sempliċiment għaliex din id-domanda speċifika ma tqajmitx.

( 8 ) Kif ġie rripetut per eżempju fis-sentenzi tat‑23 ta’ Mejju 1985, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑29/84, EU:C:1985:229, punt 22); tal‑14 ta’ Frar 2012, Flachglas Torgau (C‑204/09, EU:C:2012:71, punt 60); u tad‑19 ta’ April 2018, CMR (C‑645/16, EU:C:2018:262, punt 19).

( 9 ) Sentenza tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 53).

( 10 ) Ara wkoll is-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 50).

( 11 ) Għalhekk, b’kuntrast mas-sentenza tal‑25 ta’ Jannar 2018, Schrems (C‑498/16, EU:C:2018:37), li ma kinitx tinvolvi trasferiment ta’ drittijiet lil persuna partikolari u li kellha milli jidher bażi legali ċara fid-dritt nazzjonali għal dak li jidher li hu tip ta’ rappreżentazzjoni tal-interess kollettiv tal-konsumaturi.

( 12 ) Jew, fi kliem ieħor, l-Istati Membri huma wkoll meħtieġa li jipprovdu, b’mod speċjali sa fejn huma kkonċernati l-istruttura istituzzjonali u l-proċeduri, għal numru ta’ affarijiet oħra, li ma jkunux imsemmija b’mod espliċitu f’direttiva (pereżempju, fir-rigward tal-eżekuzzjoni ġudizzjarja ta’ dritt, mhux biss il-kwistjonijiet dwar locus standi, iżda wkoll pereżempju t-terminu għall-preżentata ta’ azzjoni; il-ħlasijiet (jekk ikun hemm); il-ġurisdizzjoni tal-qrati, eċċ.). Jista’ għalhekk jiġi sostnut ukoll li peress li la l-Artikolu 22, u lanqas l-Artikolu 24 tad-Direttiva 95/46 ma jsemmu dawn il-kwistjonijiet, l-Istat Membru huwa prekluż ukoll milli jipprovdi għal dawn l-affarijiet fid-dritt nazzjonali?

( 13 ) Kif imfissra fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/22.

( 14 ) Ara per eżempju, is-sentenzi tas‑6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C-101/01, EU:C:2003:596, punt 96); tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Huber (C‑524/06, EU:C:2008:724, punt 51); tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 29); u tas‑7 ta’ Novembru 2013, IPI (C‑473/12, EU:C:2013:715, punt 31).

( 15 ) Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2003, Lindqvist (C‑101/01, EU:C:2003:596, punt 97).

( 16 ) Ara l-Konklużjonijiet tiegħi f’Dzivev (C‑310/16, EU:C:2018:623, punit 72 u 74).

( 17 ) Riprodott iktar ’il fuq fil-punt 8.

( 18 ) Erġa’ ara l-eżempji mogħtija iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 12.

( 19 ) Li huma, skont l-Artikolu 28 tad-Direttiva 95/46, responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-direttiva.

( 20 ) Dwar l-istandard meħtieġ taħt l-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 95/46, ara s-sentenzi tad‑9 ta’ Marzu 2010, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja (C‑518/07, EU:C:2010:125, punti 18 sa 30), u tas‑16 ta’ Ottubru 2012, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija (C‑614/10, EU:C:2012:631, punti 41 sa 66).

( 21 ) B’analoġija ma’ qasam ġuridiku ieħor, l-infurzar privat tal-liġi tal-kompetizzjoni għalhekk jista’ pereżempju jhedded ukoll l-indipendenza tal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni (nazzjonali)? Ara s-sentenzi tal‑20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan (C‑453/99, EU:C:2001:465, punti 26, 2729), u tat‑13 ta’ Lulju 2006, Manfredi et (C‑295/04 sa C‑298/04, EU:C:2006:461, punti 5960). Ara wkoll il-premessa 5 tad-Direttiva 2014/104/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Novembru 2014 dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2014 L 349 p. 1).

( 22 ) B’mod ġenerali (irrispettivament mill-kwistjoni speċifika dwar il-forma ġuridika li nbidlet), xi jfisser il-fatt li l-leġiżlatur ma inkludiex xi ħaġa f’leġiżlazzjoni sussegwenti li ma kinitx preżenti fl-inkorporazzjonijiet preċedenti ta’ din il-leġiżlazzjoni għall-interpretazzjoni ta’ din tal-aħħar? Jista’ jkun li dan il-prinċipju kien fil-fatt “preżenti b’mod inerenti” fl-inkorporazzjoni preċedenti u issa għadu kif ġie kkjarifikat. Madankollu jista’ jfisser ukoll li preċiżament għaliex din id-dispożizzjoni ma kinitx preżenti qabel, il-ġdida hija emenda. Fid-dawl tal-użu (żbaljat) frekwenti u kontestabbli tal-argument li “kien minn dejjem hemm, u issa huwa biss espliċitu”, li effettivament iwassal għall-estensjoni ta’ regola ġdida sew qabel l-applikabbiltà ratione temporis tiegħu, tali tip ta’ argumenti, jekk hemm lok li jintużaw, għandhom jintużaw b’mod prudenti.

( 23 ) Fir-rigward tal-kwistjoni tal-indirizzi IP dinamiċi, ara s-sentenza tad‑19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punt 33 et seq). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Scarlet Extended (C‑70/10, EU:C:2011:771, punt 51).

( 24 ) Sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer (C‑582/14, EU:C:2016:779, punti 41 sa 45).

( 25 ) Iktar ’il fuq, punt 19.

( 26 ) Enfasi miżjuda.

( 27 ) Sentenzi tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 29) u tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 65).

( 28 ) Ara s-sentenzi tat‑13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punti 3453), u tal‑10 ta’ Lulju 2018, Jehovan todistajat (C‑25/17, EU:C:2018:551, punt 66).

( 29 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018 (C‑210/16, EU:C:2018:388).

( 30 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 39).

( 31 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 35).

( 32 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 36).

( 33 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punti 3438).

( 34 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punti 3941).

( 35 ) Sentenza tal‑10 ta’ Lulju 2018 (C‑25/17, EU:C:2018:551, punti 68 sa 72).

( 36 ) Kif issuġġerit mill-Avukat Ġenerali Bot fil-konklużjonijiet tiegħu f’Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2017:796, punti 66 sa 72).

( 37 ) Milli jidher b’analoġija mal-protezzjoni tal-konsumatur, din it-tifsira f’termini ta’ negozjar, li l-parti “mhux professjonista” għandu jkollha l-istess opportunità li tagħti b’mod ġenwin l-opinjoni tagħha fin-negozjar tat-termini, ma tidhirx li hija applikabbli f’dan il-kuntest. Għalhekk, huwa dibattibbli kemm fil-fatt hemm “bidla fil-parametri” għall-amministratur tal-paġna tal-fans (u kemm hija biss għafsa u għażla bejn għażliet ippreparati, bħal fil-każ ta’ kull “konsumatur” ieħor).

( 38 ) Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 35).

( 39 ) Illum il-ġurnata, numru ta’ programmi u applikazzjonijiet, kultant bi ftehim espliċitu u kultant forsi inqas espliċitu, tal-utent, jittrażmettu informazzjoni analitika, li tista’ tinkludi d-data personali, lill-iżviluppatur jew il-bejjiegħ tas-software.

( 40 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 38).

( 41 ) Għal darb’oħra, taħt liema kundizzjonijiet preċiżi u b’liema setgħa ta’ negozjar huwa effettivament suġġett għal diskussjoni (ara wkoll iktar ’il fuq in-nota ta’ qiegħ il-paġna 37).

( 42 ) Jew, kif irrimarkat f’termini inqas kandida minn Sir Humphrey Appleby (li hu stess jidher li qiegħed jistrieħ fuq kwotazzjoni iktar qadima u mhux attribwita lil xi ħadd): “Responsibility without power - the prerogative of the eunuch throughout the ages” [Responsabbiltà mingħajr poter – il-prerogattiva tal-ewnuku tul iż-żminijiet] (Fl-episodju 7 tal-istaġun 2 ta’ “Yes, Prime Minister”, “The National Education Service”, trażmess għall-ewwel darba fil‑21 ta’ Jannar 1988).

( 43 ) Kif ukoll fis-sens enfasizzat iktar ’il fuq fil-punt 73 u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 38 u 42.

( 44 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2018, Wirtschaftsakademie Schleswig-Holstein (C‑210/16, EU:C:2018:388, punt 43).

( 45 ) Ara iktar ’il fuq, punti 87 u 88.

( 46 ) Ara wkoll l-Opinjoni 4/2007 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-kunċett ta’ data personali (korp konsultattiv stabbilit mill-Artikolu 29 tad-Direttiva 95/46, issa ssostitwit mill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, stabbilit skont l-Artikolu 68 tal-GDPR), 01248/07/MT WP 136 adottata fl‑20 ta’ Ġunju 2007, p. 4.

( 47 ) Anki fid-dawl tas-sempliċi fatt li l-ipproċessar diffiċilment jista’ jkun lineari, jekk l-operazzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 2(b) jiġu eżaminati waħda waħda, b’sekwenza, u minn persuna waħda. Pjuttost, il-ħajja tad-data personali x’aktarx tkun ċiklika, li ddur f’ċirku kontinwu, b’diviżjoni ’l hawn u ’l hemm, b’settijiet tad-data miġbura f’partijiet differenti, ikkonsultata minn persuna differenti, sussegwentement amalgamata u kkonsultata, u ulterjorment forsi jerġgħu jiġu kkombinati u trażmessi lil persuni differenti eċċ.

( 48 ) Il-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-protezzjoni tad-data ssuġġerixxa li “jkun hemm kontroll konġunt meta l-partijiet differenti jiddeterminaw – rigward operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar – jew il-fini jew dawk l-elementi essenzjali tal-mezzi”. Ara l-Opinjoni 1/2010 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-kunċetti ta’ “kontrollur” u “proċessur”, adottata fis‑16 ta’ Frar 2010, 00264/10/MT WP 169, p. 19.

( 49 ) B’kuntrast mas-sitwazzjoni diskussa fir-rigward tad-domanda 1 iktar ’il fuq fil-punti 39 sa 42.

( 50 ) Meta naqra l-verżjoni Ġermaniża oriġinali tar-raba’ domanda, nifhem li l-portata tad-domanda tal-qorti tar-rinviju hija limitata għall-identifikazzjoni tal-interessi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni u mhux, kif qiegħda timplika t-traduzzjoni bl-Ingliż tad-domanda bil-Ġermaniż, tal-interessi li huma deċiżivi (fis-sens potenzjali li jista’ jkollhom iktar piż) f’dan l-ibbilanċjar tal-interessi. Għalhekk id-domanda tidher li qiegħda tistaqsi dwar l-input tal-eżerċizzju tal-ibbilanċjar, mhux dwar x’għandu jkun l-output tiegħu.

( 51 ) Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 355).

( 52 ) Ara wkoll is-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 2011, Deutsche Telekom (C‑543/09, EU:C:2011:279, punt 50). Skont il-premessa 10 tad-Direttiva E-Privacy, “Fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika, id-Direttiva 95/46/KE tapplika b’mod partikolari għall-materji kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-drittijiet u libertajiet fondamentali, li mhumiex speċifikament koperti mid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, inklużi l-obbligazzjonijiet fuq il-kontrollur u drittijiet ta’ l-individwi. Id-Direttiva 95/46/KE tgħodd għal servizzi ta’ komunikazzjoni mhux pubbliċi”.

( 53 ) Ara, f’dan il-kuntest, l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva E-Privacy li jistabbilixxi li “[l]-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ħżin tal-informazzjoni, jew il-ksib tal-aċċess għall-informazzjoni diġà maħżuna, fit-tagħmir terminali ta’ abbonat jew utent huma permessi biss bil-kondizzjoni li l-abbonat jew l-utent ikkonċernati ikunu taw il-kunsens tagħhom, wara li jkunu ġew provduti b’informazzjoni ċara u komprensiva skont id-Direttiva 95/46/KE, dwar inter alia l-għanijiet tal-ipproċessar […]”.

( 54 ) F’dan il-kuntest terġa’ ssir kontroreferenza għas-Sezzjoni introduttorja B.1. (punti 55 sa 58 iktar ’il fuq) u l-ħtieġa għal verifika fattwali ta’ x’qiegħed b’mod preċiż jiġi trażmess u jekk din l-informazzjoni fil-fatt tammontax għal data personali.

( 55 ) Ara wkoll id-Dokument ta’ Ħidma 02/2013 tal-Grupp ta’ Ħidma dwar il-protezzjoni tad-data li jipprovdi gwida dwar il-ksib tal-kunsens għall-cookies, 1676/13/EN WP 208, adottat fit‑2 ta’ Ottubru 2013, p. 5 u 6, li jissuġġerixxi li “peress li ż-żamma tal-informazzjoni jew il-ksib tal-informazzjoni diġà miżmuma fuq l-apparat tal-utent permezz tal-cookies jista’ jwassal għall-ipproċessar tad-data personali, f’dan il-każ japplikaw b’mod ċar ir-regoli dwar il-protezzjoni tad-data”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

( 56 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2014, Google Spain u Google (C‑131/12, EU:C:2014:317, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata) u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 25).

( 57 ) Sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 28). Ara wkoll is-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2011, Asociación Nacional de Establecimientos Financieros de Crédito (C‑468/10 u C‑469/10, EU:C:2011:777, punt 38).

( 58 ) Ara l-Konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:43, punti 6465). Kif infakkar hemmhekk, it-trasparenza (sentenza tad‑9 ta’ Novembru 2010, Volker und Markus Schecke u Eifert (C‑92/09 u C‑93/09, EU:C:2010:662, punt 77), il-protezzjoni tal-proprjetà, is-saħħa u l-ħajja tal-familja (sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2014, Ryneš (C‑212/13, EU:C:2014:2428, punt 34) ġew irrikonoxxuti bħala tali mill-Qorti tal-Ġustizzja. Ara wkoll is-sentenzi tad‑29 ta’ Jannar 2008, Promusicae (C‑275/06, (EU:C:2008:54, punt 53), u tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme, (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 29).

( 59 ) Ara iktar ’il fuq, il-punti 104 u 105 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 60 ) Ara wkoll l-Opinjoni 06/2014 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-protezzjoni tad-dejta dwar il-kunċett ta’ interessi leġittimi tal-kontrollur tad-dejta skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE (844/14/MT WP 217), p. 25.

( 61 ) Kif issuġġerejt f’postijiet oħra, “l-interessi leġittimi kompetituri jeħtieġ li mhux biss jiġu stabbiliti, iżda li jieħdu preċedenza fuq l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data” rispettivi, li jirriżultaw mill-Artikolu 7 u 8 tal-Karta. Ara l-Konklużjonijiet tiegħi fis-sentenza ta’ Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:43, punt 56 u punti 66 sa 69 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 62 ) Sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 63 ) Għandu jkun hemm relazzjoni adegwata bejn l-għanijiet (l-interess leġittimu mitlub) u l-mezzi magħżula (id-data personali pproċessata). Ara f’dan is-sens is-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Rīgas satiksme (C‑13/16, EU:C:2017:336, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 64 ) Iktar ’il fuq, il-punti 76 sa 82 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

( 65 ) Iktar ’il fuq, punti 84 sa 88.

( 66 ) Li ovvjament ma jipprekludix li kontrolluri oħra potenzjali (u sussegwenti) jkollhom dan id-dmir fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data rispettivi tagħhom.

( 67 ) Iktar ’il fuq, punt 132. Ara d-Dokument 02/2013 tal-Grupp ta’ Ħidma li jipprovdi gwida dwar il-ksib tal-kunsens għall-cookies, 1676/13/EN WP 208, 2 ta’ Ottubru 2013, p. 4. Ara wkoll l-Opinjoni 15/2011 tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-protezzjoni tad-data dwar id-definizzjoni tal-kunsens 1197/11/MT WP187, adottata fit‑13 ta’ Lulju 2011, p. 9.