KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

WATHELET

ippreżentati fid-29 ta’ Mejju 2018 ( 1 )

Kawża C‑21/17

Catlin Europe SE

vs

O. K. Trans Praha spol. s r. o.

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili u kummerċjali – Regolament (KE) Nru 1896/2006 – Proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas – Notifika ta’ ordni ta’ ħlas bit-talba għall-ordni – Nuqqas ta’ traduzzjoni ta’ din tal-aħħar – Ordni ta’ ħlas Ewropea ddikjarata eżekuttiva – Talba għal eżami mill-ġdid wara li jkun skada t-terminu ta’ oppożizzjoni”

1.

Permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) titlobna sabiex ninterpretaw ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 ( 2 ) fil-kuntest ta’ kawża bejn żewġ kumpanniji (Catlin Europe SE u O. K. Trans Praha spol. s r. o.), dwar proċedura Ewropea għal ordni ta’ ħlas.

I. Il-kuntest ġuridiku

A.   Ir-Regolament Nru 1896/2006

2.

Kif jirriżulta mill-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1896/2006, fil-kuntest tat-twaqqif ta’ spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fih jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni, l-Unjoni Ewropea għandha tadotta miżuri relatati mal-qasam ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili li għandhom implikazzjonijiet transkonfinali u huma meħtieġa għall-funzjonament tas-suq intern, bil-għan li jeliminaw l-ostakoli għall-funzjonament korrett ta’ proċeduri ċivili.

3.

B’hekk, dan ir-regolament huwa intiż, skont il-premessi 9 u 29 tiegħu, biex jistabbilixxi mekkaniżmu rapidu u uniformi għall-irkupru tal-krediti pekunjarji mhux ikkontestati fl-Unjoni kollha.

4.

L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi li:

“L-għan ta’ dan ir-Regolament hu:

a)

li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż ta’ litigazzjoni f’każijiet transkonfinali fir-rigward ta’ talbiet mhux kontestati ta’ flus permezz tal-ħolqien ta’ proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea;

u

b)

li jippermetti ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ ordnijiet ta’ ħlas Ewropej fl-Istati Membri kollha billi jistabbilixxi standards minimi li permezz ta’ l-osservanza tagħhom ma jkunu meħtieġa l-ebda proċedimenti intermedjarji fl-Istat Membru ta’ infurzar għar-rikonoxximent u l-infurzar tagħhom.”

5.

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal kwistjonijiet ċivili u kummerċjali f’każijiet transkonfinali tkun liema tkun ix-xorta tal-qorti jew tat-tribunal. […]”.

6.

L-Artikolu 7 tal-istess regolament jipprovdi:

“1.   Applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha ssir billi tintuża l-formola standard A, kif stabbilit fl-Anness 1.

2.   L-applikazzjoni għandha tiddikjara:

a)

l-ismijiet u l-indirizzi tal-partijiet, u, fejn applikabbli, ir-rappreżentanti tagħhom, u tal-qorti li lilha ssir l-applikazzjoni;

a)

l-ammont tat-talba, inkluż it-talba prinċipali u, fejn applikabbli, l-imgħax u l-penali kuntrattwali u l-ispejjeż;

(ċ)

jekk jintalab l-imgħax fuq it-talba, ir-rata ta’ l-imgħax u l-perijodu ta’ żmien li għalih jintalab l-imgħax sakemm ma jiġix magħqud b’mod awtomatiku mal-prinċipali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini;

d)

il-kawża ta’ l-azzjoni, inkluż deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi invokati bħala l-bażi tat-talba u, fejn applikabbli, ta’ l-imgħax mitlub;

e)

deskrizzjoni ta’ evidenza li tappoġġa t-talba;

f)

ir-raġunijiet għall-ġurisdizzjoni;

u

g)

in-natura transkonfini tal-każ fit-tifsira ta’ l-Artikolu 3.

[…]”

7.

Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1896/2006:

“Il-qorti li tkun ħadet applikazzjoni għal ordni ta’ ħlas Ewropea għandha teżamina, malajr kemm jista’ jkun u abbażi tal-formola ta’ applikazzjoni, jekk ir-rekwiżiti mniżżla fl-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 7 intlaħqux u jekk it-talba tidhirx li għandha bażi u hi ammissibbli. […]”

8.

L-Artikolu 12 ta’ dan ir-regolament huwa fformulat f’dawn it-termini:

“1.   Jekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 8 jintlaħqu, il-qorti għandha toħroġ, malajr kemm jista’ jkun u normalment fi żmien 30 jum mill-preżentazzjoni ta’ l-applikazzjoni, ordni ta’ ħlas Ewropea billi tuża l-formola standard E kif stabbilit fl-Anness V.

[…]

2.   L-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma’ kopja tal-formola ta’ l-applikazzjoni.[…]

3.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat bl-għażliet li jkollu biex:

a)

iħallas l-ammont indikat fl-ordni lill-pretendent;

jew

b)

jopponi l-ordni billi jippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, mibgħuta fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni lill-konvenut.

4.   Fl-ordni ta’ ħlas Ewropea, il-konvenut għandu jiġi infurmat li:

a)

l-ordni nħarġet biss abbażi ta’ l-informazzjoni li ġiet provduta mill-konvenut u ma kinitx verifikata mill-qorti;

b)

l-ordni ser issir esegwibbli sakemm ma tiġix ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti b’mod konformi ma’ l-Artikolu 16;

(ċ)

fejn tiġi ppreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni, il-proċedimenti għandhom ikomplu quddiem il-qrati kompetenti ta’ l-Istat Membru ta’ oriġini b’mod konformi mar-regoli ta’ proċedura ċivili ordinarja sakemm il-konvenut ma jkunx talab b’mod espliċitu biex jitwaqqfu l-proċedimenti f’dak il-każ.

5.   Il-qorti għandha tiżgura li l-ordni ġiet notifikata lill-konvenut skond il-liġi nazzjonali permezz ta’ metodu li jirrispetta l-istandards minimi stabbiliti fl-Artikoli 13, 14 u 15.”

9.

L-Artikolu 16(1) sa (3) tal-imsemmi regolament jipprovdi li:

“1.   Il-konvenut jista’ jressaq dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għall-ordni ta’ ħlas Ewropea mal-qorti ta’ oriġini […]

2.   Id-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni għandha tintbagħat fi żmien 30 jum min-notifika ta’ l-ordni fuq il-konvenut.

3.   Il-konvenut għandu jindika fid-dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni li hu qed jikkontesta t-talba, mingħajr m’għandu għalfejn jispeċifika r-raġunijiet għal dan.”

10.

Skont l-Artikolu 18 tal-istess regolament:

“1.   Jekk fil-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), b’konsiderazzjoni meħuda taż-żmien xieraq li jippermetti li tasal dikjarazzjoni, ma tkun ġiet imressqa l-ebda dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni fil-qorti ta’ oriġini, il-qorti ta’ oriġini għandha mingħajr dewmien tiddikjara l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli, bl-użu tal-formola standard G kif stabbilit fl-Anness VII. Il-qorti ta’ oriġini għandha tivverifika d-data ta’ servizz.

[…]

3.   Il-qorti għandha tibgħat l-ordni ta’ ħlas Ewropea esegwibbli lill-pretendent.”

11.

L-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1896/2006 huwa fformulat kif ġej:

“Ordni ta’ ħlas Ewropea li saret esegwibbli fl-Istat Membri ta’ oriġini għandha tiġi rikonoxxuta u infurzata fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ dikjarazzjoni ta’ esegwibilità u mingħajr kwalunkwe possibbiltà li jiġi opponut ir-rikonoxximent tagħha.”

12.

L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Reviżjoni f’każijiet eċċezzjonali”, jipprovdi:

“1.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2), il-konvenut għandu jkun intitolat biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn:

a)

i)

l-ordni ta’ ħlas ġiet notifikata b’wieħed mill-metodi previsti fl-Artikolu 14;

u

ii)

in-notifika ma ġietx effettwata fi żmien suffiċjenti li jippermettilu jipprepara għad-difiża tiegħu, mingħajr l-ebda nuqqas mill-parti tiegħu,

jew

b)

il-konvenut ma tħalliex joġġezzjona għat-talba għal raġuni ta’ force majeure, jew minħabba ċirkostanzi straordinarji mingħajr l-ebda nuqqas min-naħa tiegħu,

sakemm fi kwalunkwe każ hu jaġixxi fil-pront.

2.   Wara l-iskadenza tal-limitu ta’ żmien stabbilit fl-Artikolu 16(2) il-konvenut għandu jkun intitolat ukoll biex japplika għal reviżjoni ta’ l-ordni ta’ ħlas Ewropea quddiem il-qorti kompetenti fl-Istat Membru ta’ oriġini fejn l-ordni ta’ ħlas tkun kjarament inħarġet ħażin, b’kont meħud tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament, jew minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali oħra.

3.   Jekk il-qorti tirrifjuta l-applikazzjoni tal-konvenut abbażi li l-ebda mir-raġunijiet għal reviżjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma japplikaw, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tibqa’ fis-seħħ.

Jekk il-qorti tiddeċiedi li r-reviżjoni hi ġustifikata għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tkun nulla u mingħajr effett.”

13.

Bit-titolu “Relazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1348/2000” l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1896/2006 jippreċiża:

“Dan ir-Regolament m’għandux jaffettwa l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extraġudizzjarji dwar kwistjonijiet ċivili u kummerċjali [dwar is-servizz fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 227].”

14.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 33 tar-Regolament Nru 1896/2006, dan japplika mit-12 ta’ Diċembru 2008.

15.

L-Anness I ta’ dan ir-regolament fih il-formola A, intitolata “Rikors għal ordni ta’ ħlas Ewropea”.

16.

Il-formola E sabiex tinħareġ ordni ta’ ħlas Ewropea tinsab fl-Anness V tal-istess regolament.

B.   Ir-Regolament Nru 1393/2007

17.

Bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq intern, l-għan tar-Regolament Nru 1393/2007 ( 3 ) għandu bħala għan, skont il-premessa 2 tiegħu, it-titjib tal-effikaċja u tar-rapidità tal-proċeduri ġudizzjarji billi jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ trażmissjoni bejn l-Istati Membri ta’ atti ġudizzjarji u extraġudizzjarji f’materji ċivili u kummerċjali għall-finijiet ta’ notifika jew komunikazzjoni.

18.

Il-premessi 7 u 10 sa 12 ta’ dan ir-regolament jgħidu b’mod partikolari:

“(7)

Il-ħeffa fit-trasmissjoni tiġġustifika l-użu ta’ kull mezz xieraq, sakemm jiġu osservati ċerti kondizzjonijiet dwar il-leġibilità u l-affidabilità tad-dokumenti li jaslu. Is-sigurtà fit-trasmissjoni teħtieġ li d-dokument li jkun ser jiġi trasmess ikun akkumpanjat minn formola standard li trid timtela’ bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tad-destinazzjoni fejn in-notifika jkollha titwettaq, jew b’lingwa oħra aċċettata mill-Istat Membru konċernat.

[…]

(10)

Sabiex tkun żgurata l-effettività ta’ dan ir-Regolament, il-possibbiltà tar-rifjut ta’ notifika ta’ dokumenti għandha tiġi limitata għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali.

(11)

Sabiex ikunu ffaċilitati t-trasmissjoni u n-notifika ta’ dokumenti bejn l-Istati Membri, għandhom jintużaw il-formoli standard li jidhru fl-Annessi għal dan ir-Regolament.

(12)

L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju bil-miktub permezz tal-formola standard li hu jew hi jistgħu jirrifjutaw li jaċċettaw id-dokument meta jkun innotifikat jew billi jirritornawh lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk kemm-il darba d-dokument ma jkunx miktub b’lingwa li jifhem id-destinatarju jew inkella bil-lingwa jew waħda mill-lingwi uffiċjali tal-post tan-notifika. Din ir-regola għandha tapplika wkoll għan-notifika sussegwenti ladarba d-destinararju jkun eżerċita d-dritt tiegħu li jirrifjuta. […] Għandu jkun stabbilit li n-notifika tad-dokument irrifjutat tista’ tkun rrimedjata permezz tan-notifika lid-destinatarju ta’ traduzzjoni tad-dokument.”

19.

Ir-Regolament Nru 1393/2007 japplika, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, f’materji ċivili u kummerċjali, meta att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju għandu jiġi trażmess minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor sabiex hemmhekk jiġi nnotifikat jew ikkomunikat.

20.

Il-Kapitolu II tar-Regolament Nru 1393/2007 fih dispożizzjonijiet li jipprevedu diversi mezzi ta’ trażmissjoni u ta’ notifika jew komunikazzjoni tal-atti ġudizzjarji.

21.

F’dan il-kapitolu hemm b’mod partikolari l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Meta d-destinatarju jirrifjuta li jaċċetta dokument” li jgħid:

“1.   L-aġenzija riċeventi għandha tinforma lid-destinatarju, bl-użu tal-formola standard li tinsab fl-Anness II li jista’ jirrifjuta li jaċċetta d-dokument maħsub għan-notifika, jew fl-istess mument meta dan ikun innotifikat inkella billi jirritorna d-dokument lill-aġenzija riċeventi fi żmien ġimgħa jekk id-dokument ma jkunx miktub b’waħda minn dawn il-lingwi li ġejjin, jew jekk ma jkollux miegħu traduzzjoni f’waħda minnhom:

a)

lingwa li jifhimha d-destinatarju; jew

b)

il-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew, jekk dak l-Istat Membru jkollu diversi lingwi uffiċjali, il-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn ikollha ssir in-notifika.

2.   Meta l-aġenzija riċeventi tkun infurmata li d-destinatarju qed jirrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, għandha tavża immedjatament lill-aġenzija mittenti permezz taċ-ċertifikat previst fl-Artikolu 10 u tibgħat lura t-talba u d-dokumenti li tagħhom tintalab traduzzjoni.

3.   Jekk id-destinatarju jkun irrifjuta li jaċċetta d-dokument skont il-paragrafu 1, in-notifika tad-dokument tista’ tkun rimedjata permezz ta’ notifika lid-destinatarju skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tad-dokument li miegħu jkollu traduzzjoni f’lingwa prevista fil-paragrafu 1. F’dak il-każ, id-data tan-notifika tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat. Madankollu, fejn, skont il-liġi ta’ Stat Membru, dokument għandu jkun innotifikat f’perijodu partikolari, id-data li trid titqies fir-rigward tal-applikant għandha tkun id-data tan-notifika tad-dokument oriġinali ffissata skont l-Artikolu 9(2).

[…]”.

22.

Il-formula standard, intitolata “Informazzjoni tad-destinatarju dwar id-dritt li jirrifjuta li jaċċetta dokument” u li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, tinkludi, għall-attenzjoni tad-destinatarju tad-dokument, dan li ġej:

“Inti tista’ tirrifjuta li taċċetta d-dokument jekk dan mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li tifhem int jew bil-lingwa uffiċjali jew waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

Jekk tixtieq teżerċita dan id-dritt, trid tirrifjuta li taċċetta d-dokument fil-mument li ssir in-notifika u dan trid tagħmlu mal-persuna li tikkunsinnalek id-dokument jew inkella billi tibagħtu lura fl-indirizz li jidher hawn taħt fi żmien ġimgħa u tistqarr li int qed tirrifjuta li taċċettah.”

23.

Din il-formula standard tinkludi wkoll “dikjarazzjoni tad-destinatarju” li, fil-każ fejn jirrifjuta li jaċċetta d-dokument ikkonċernat, huwa mistieden jiffirma u hija fformulata kif ġej:

“Jien nirrifjuta li naċċetta d-dokument mehmuż għaliex mhux miktub bi jew m’għandux miegħu traduzzjoni f’waħda mil-lingwi li nifhem jien jew bil-lingwa uffiċjali tal-post fejn qed issir in-notifika.”

24.

Fl-aħħar nett, l-imsemmija formula standard tipprovdi li, f’dan l-istess każ, id-destinatarju għandu jindika l-lingwa jew il-lingwi li jifhem minn fost il-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

25.

Skont l-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 1393/2007:

“1.   Ir-Regolament (KE) Nru 1348/2000 għandu jitħassar mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

2.   Referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament […].”

26.

Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 26 tiegħu, ir-Regolament Nru 1393/2005 għandu japplika mit-13 ta’ Novembru 2008.

II. Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

27.

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li O.K. Trans Praha, kumpannija rregolata mid-dritt Ċek, ressqet talba quddiem l-Okresní soud Praha – západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent, ir-Repubblika Ċeka) bil-għan li tikseb ordni ta’ ħlas Ewropea kontra Catlin Innsbruck GmbH, stabbilita fl-Awstrija. Matul il-proċedura, Catlin Innsbruck ingħaqdet ma’ kumpannija oħra tal-grupp Catlin, Catlin Europe, li għandha s-sede tagħha fil-belt ta’ Köln, (il-Ġermanja). Catlin Europe ssuċċediet fid-drittijiet ta’ Catlin Innsbruck fil-proċeduri prinċipali.

28.

L-Okresní soud Praha – západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent) laqgħet din it-talba billi fl-1 ta’ Awwissu 2012, ħarġet l-ordni ta’ ħlas Ewropea mitluba.

29.

Din l-ordni ta’ ħlas ġiet innotifikata lil Catlin Europe fit-3 ta’ Awwissu 2012 u saret eżekuttiva fit-3 ta’ Settembru 2012.

30.

Fil-21 ta’ Diċembru 2012, jiġifieri wara l-iskadenza tat-terminu ta’ oppożizzjoni previst fl-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, Catlin Europe ressqet talba għal eżami mill-ġdid ta’ din l-ordni skont l-Artikolu 20(2) ta’ dan ir-regolament.

31.

Insostenn ta’ din it-talba, Catlin Europe sostniet li, bi ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, ma kinitx ġiet informata, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, dwar id-dritt tagħha li tirrifjuta li taċċetta l-att li għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat billi dan tal-aħħar ma kienx akkumpanjat minn traduzzjoni.

32.

Fil-fatt, f’dan il-każ, kopja tal-formola tat-talba għal ordni ta’ ħlas, li, skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, kienet mehmuża mal-ordni ta’ ħlas tal-1 ta’ Awwissu 2012, kienet ifformulata bil-lingwa Ċeka biss, bla ma kienet akkumpanjata minn traduzzjoni bil-Ġermaniż.

33.

F’dan ir-rigward, Catlin Europe tqis li, minħabba dan in-nuqqas ta’ traduzzjoni tal-formola tat-talba għal ordni ta’ ħlas, hija kienet tqiegħdet fl-impossibbiltà li tifhem l-att promotur, liema ħaġa tikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-regolament imsemmi, b’mod li jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas skont din id-dispożizzjoni.

34.

Din it-talba għal eżami mill-ġdid ġiet madankollu miċħuda mill-Okresní soud Praha – Západ (il-Qorti Distrettwali ta’ Praga tal-Punent), b’deċiżjoni tat-8 ta’ April 2013, li ġiet ikkonfermata fl-appell, fis-17 ta’ Ġunju 2013, mill-Krajský soud v Praze (il-Qorti Reġjonali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka).

35.

Skont din il-qorti, l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet ġiet debitament innotifikata lil Catlin Europe, skont ir-rekwiżiti tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1896/2006. Barra minn hekk, l-assenza ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltà tad-destinatarju li jirrifjuta li jaċċetta l-att notifikat skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jistax jinvalida l-ordni jew jiġġustifika l-eżami mill-ġdid tiegħu, peress li r-Regolament Nru 1896/2006 ma jipprevedix konsegwenza bħal din.

36.

Catlin Europe ppreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka).

37.

Din il-qorti tistaqsi jekk in-nuqqas ta’ osservanza, fil-kawża li tressqet quddiemha, tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 hijiex ta’ natura li tiġġustifika l-eżami mill-ġdid tal-ordni kif previst fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

38.

B’mod partikolari, dan l-aħħar regolament ma fih l-ebda dispożizzjoni li tirregola l-lingwa li fiha t-talba għal ordni ta’ ħlas għandha tiġi nnotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut. Barra minn hekk, b’differenza mir-Regolament Nru 1393/2007, ir-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi regoli speċifiċi, ibbażati fuq l-użu ta’ formoli standard li jidhru fl-annessi tiegħu u li essenzjalment għandhom jimtlew permezz ta’ kodiċijiet numeriċi stabbiliti minn qabel. Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li difett proċedurali purament ta’ forma bħal dak invokat minn Catlin Europe huwiex tali li jikser id-drittijiet tad-difiża tagħha.

39.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 20(2) tar-Regolament […] Nru 1896/2006 […] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-assenza ta’ informazzjoni lid-destinatarju dwar il-fakultà li jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jiġi nnotifikat fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament […] Nru 1393/2007 […] tagħti lill-konvenut (id-destinatarju), id-dritt li jitlob eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropew, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament […] Nru 1896/2006 […]?”

III. Analiżi

A.   Sommarju tal-argumenti tal-partijiet

40.

Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn O. K. Trans Praha, mill-Gvern Elleniku, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Awstrijak kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. Ma ntalbet li ssir l-ebda seduta u ma saret l-ebda waħda mill-Qorti tal-Ġustizzja.

41.

O. K. Trans Praha tqis li f’dan il-każ ma teżisti l-ebda ċirkustanza eċċezzjonali ta’ natura li tiġġustifika eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

42.

Din il-proċedura ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea kienet fil-fatt ġiet ippreċeduta minn tliet proċeduri oħra tal-istess tip, u fil-qafas ta’ dawn it-tliet proċeduri, Catlin Europe, kull darba, għamlet oppożizzjoni, u dan juri li hija kienet konxja mill-possibbiltajiet biex tiddefendi ruħha. L-assenza ta’ informazzjoni dwar il-possibbiltà li jiġi rrifjutat li tiġi aċċettata n-notifika preżenti għalhekk ma kellha ebda effett fuq id-drittijiet tad-difiża tagħha.

43.

Il-fatt li ma saret l-ebda oppożizzjoni f’din il-proċedura huwa dovut għal żball imwettaq minn impjegat ta’ Catlin Europe, li issa qed tipprova tindirizza dan l-iżball permezz ta’ tentattiv ta’ eżami mill-ġdid.

44.

Il-Gvern Elleniku josserva li l-għan segwit permezz tar-Regolamenti Nru 1896/2006 u Nru 1393/2007 huwa li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn l-interessi tar-rikorrent u dawk tal-konvenut, permezz ta’ rikonċiljazzjoni tal-għanijiet ta’ effikaċja u ta’ rapidità tat-trażmissjoni tal-atti proċedurali mar-rekwiżit li tiġi żgurata protezzjoni adegwata tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dawn l-atti.

45.

Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita li, skont ir-Regolament Nru 1393/2007, l-aġenzija riċeventi, meta twettaq notifika jew komunikazzjoni ta’ att ġudizzjarju jew extraġudizzjarju lid-destinatarju tiegħu, hija marbuta, f’kull każ, li tehmeż fl-imsemmi att il-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dak ir-regolament, għall-finijiet li tinforma lil dan id-destinatarju bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta dan l-att jekk dan ma jkunx ifformulat jew tradott b’lingwa li huwa jaf jew li huwa mistenni li jifhem ( 4 ).

46.

Minn dan jirriżulta li l-interpretazzjoni tal-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea f’każijiet eċċezzjonali, kif prevista fl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, ma tistax twassal biex iddgħajjef id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ tali ordni.

47.

Issa, huwa evidenti li hemm ksur tad-drittijiet tad-difiża meta l-konvenut ma jkunx f’pożizzjoni li jifhem, fin-nuqqas ta’ traduzzjoni xierqa, il-kontenut tat-talba għal ordni ta’ ħlas u, għaldaqstant, il-kreditu li qed jiġi invokat kontrih peress li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa ma jkunx jista’ jiddeċiedi, b’għarfien sħiħ tal-fatti, jekk għandux jopponi t-talba jew, għall-kuntrarju, ma jikkontestahiex.

48.

Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni lid-destinatarju ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea bl-għażla li għandu li jirrifjuta li jaċċetta l-att innotifikat jew ikkomunikat għar-raġuni li ma huwiex ifformulat jew tradott f’waħda mil-lingwi msemmija fl-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 għandu jitqies li jikkostitwixxi każ eċċezzjonali, fis-sens tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, u, għalhekk, bħala li jiġġustifika eżami mill-ġdid skont din id-dispożizzjoni.

49.

Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Taljan, l-assenza ta’ informazzjoni pprovduta lid-destinatarju dwar il-possibbiltà li jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat lilu jekk dan ma jkunx miktub bil-lingwa tad-destinatarju jew b’lingwa li huwa jaf ma tagħtix lil dik il-parti d-dritt li titlob eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea fuq il-bażi tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

50.

Għalhekk, dan id-difett formali ma jġib la n-nullità tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat u lanqas in-nullità tal-proċedura tan-notifika. Din tal-aħħar għandha sempliċement tiġi rregolarizzata bil-kunsinna lill-parti kkonċernata tal-formola standard li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, u għaldaqstant il-limitu ta’ żmien biex issir oġġezzjoni taħt l-Artikolu 16(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, jibda jiddekorri biss minn dik ir-regolarizzazzjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-prerekwiżit għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, jiġifieri li l-konvenut jipprovdi prova li l-fatt invokat ma ħalliehx jagħmel oppożizzjoni fit-terminu preskritt, ma huwiex issodisfatt f’dan il-każ.

51.

Barra minn hekk, l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi msemmija f’dan l-Artikolu 20 u li jiġġustifikaw l-eżami mill-ġdid, ma tikkorrispondi man-notifika jew il-komunika irregolari minħabba nuqqas ta’ informazzjoni lid-destinatarju bil-possibbiltà li jirrifjuta li jaċċetta d-dokument.

52.

Il-Gvern Awstrijak wasal għall-istess riżultat bħall-Gvern Taljan, imma fuq il-bażi ta’ argument parzjalment differenti: għalkemm ir-Regolament Nru 1896/2006 fih ċerti dispożizzjonijiet relatati man-notifika u mal-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea lill-konvenut, madankollu, ma fih l-ebda regola dwar il-lingwa li fiha għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni.

53.

Madankollu, il-kwistjonijiet mhux irregolati minn dan tal-aħħar fir-rigward ta’ notifika jew komunikazzjoni għandhom jiġu deċiżi skont ir-Regolament Nru 1393/2007.

54.

Minn dan jirriżulta li, skont l-Artikolu 8 ta’ dan l-aħħar regolament, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tiġi nnotifikata jew ikkomunikata bi traduzzjoni jew, meta din ma tkunx preżenti, il-konvenut għandu jkun informat bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att.

55.

Madankollu ma huwiex ċar jekk traduzzjoni tal-kopja tat-talba għal ordni hijiex ukoll meħtieġa jew tistax tkun meħtieġa f’ċerti każijiet.

56.

Skont l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma’ kopja tat-talba għal ordni ta’ ħlas.

57.

Minn naħa, din it-talba hija ppreżentata fis-sura ta’ formola, b’min iressaq it-talba jkollu biss jimmarka l-kaxxi differenti, b’tali mod li l-konvenut jista’ faċilment jifhem il-kontenut tagħha billi fl-istess ħin isegwi b’mod parallel il-verżjoni tal-formola kif stabbilita u ppubblikata fil-lingwa tiegħu.

58.

Min-naħa l-oħra, ma huwiex eskluż li t-talba jkun fiha wkoll spjegazzjonijiet sinjifikattivi fil-forma ta’ test abbozzat.

59.

F’din l-aħħar ipoteżi u peress li d-destinatarju ma ġiex informat bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att meta dan ma kienx ifformulat f’lingwa li huwa jifhem, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk in-notifika jew il-komunikazzjoni hijiex valida.

60.

F’dan ir-rigward, jista’ jiġi sostnut jew li dan ma huwiex il-każ, tant li t-terminu biex issir oppożizzjoni ma bediex jiddekorri, jew inkella li għandu jiġi applikat, b’analoġija, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

61.

Min-naħa l-oħra, applikazzjoni tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu ma tistax tiġi aċċettata għal tali difett formali. Fil-fatt, dik id-dispożizzjoni tirrigwarda biss il-ħruġ mhux iġġustifikat tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, minħabba l-eżistenza ta’ żball materjali. Issa, fil-kawża prinċipali, l-ordni kienet inħarġet ġustament u l-iżball eventwali, ta’ natura purament formali, seħħ biss fi stadju iktar tard tal-proċedura, jiġifieri fiż-żmien tan-notifika jew tal-komunikazzjoni lill-konvenut.

62.

Fil-fehma tal-Kummissjoni, iż-żewġ difetti proċedurali li, skont Catlin Europe, jivvizzjaw, f’dan il-każ, in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea – jiġifieri l-fatt li, l-ewwel nett, il-kopja tat-talba oriġinali ta’ din l-ordni u li għandha takkumpanjaha ma kinitx ifformulata la f’lingwa li tinftiehem mid-destinatarju u lanqas fil-lingwa jew f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat, u li, fit-tieni lok, il-konvenuta ma kinitx ġiet informata dwar id-dritt tagħha li tirrifjuta li taċċetta l-att inkwistjoni, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 – ma jistgħux jikkostitwixxu ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw l-eżami mill-ġdid tal-ordni skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006.

63.

Kull interpretazzjoni oħra ma tkunx konformi mal-għan aħħari tal-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea.

64.

F’dan ir-rigward, ir-Regolament Nru 1896/2006 għandu l-għan li jissimplifika, iħaffef u jnaqqas l-ispejjeż tal-proċedura fit-tilwimiet transkonfinali fir-rigward ta’ krediti pekunjarji mhux ikkontestati.

65.

Il-proċedura hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ formola ta’ talba, mehmuża mar-regolament u ppubblikata fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni. Il-formola standardizzata għandha timtela bl-użu ta’ kodiċijiet numeriċi, identiċi fil-verżjonijiet lingwistiċi kollha, sabiex il-konvenut ikun jista’ jifhem li nbdew proċeduri kontrih u l-iskop preċiż tat-talba u r-raġunijiet li għalihom ikun invokat kreditu pekunjarju.

66.

Barra minn hekk, il-konvenut jiġi informat dwar il-possibbiltà li jagħmel oppożizzjoni għall-ordni.

67.

Barra minn hekk, id-dritt li jintalab eżami mill-ġdid tal-ordni hija limitata għal każijiet ikkaratterizzati mill-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, li jfisser li l-konvenut ma għandux it-tieni possibbiltà ta’ oppożizzjoni.

68.

Fi kwalunkwe każ, dan jista’ faċilment jiġi rrimedjat billi tintbagħat lill-konvenut it-traduzzjoni tat-talba għal ordni.

B.   Evalwazzjoni

69.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, minn naħa, jekk ir-Regolament Nru 1896/2006 u r-Regolament Nru 1393/2007 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, waqt in-notifika jew il-komunikazzjoni ta’ ordni ta’ ħlas Ewropea lill-konvenut, residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u fil-każ fejn it-talba għal ordni ma ġietx ifformulata jew akkumpanjata minn traduzzjoni jew f’lingwa li huwa jifhem, jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew, jekk ikun hemm diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn tkun trid issir in-notifika jew il-komunikazzjoni, id-destinatarju għandu jkun debitament informat, permezz tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att.

70.

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, min-naħa l-oħra, liema huma l-konsegwenzi tal-assenza ta’ informazzjoni tad-destinatarju dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att li għandu jkun innotifikat jew ikkomunikat bi ksur tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 u, b’mod iktar partikolari, jekk din iċ-ċirkustanza hijiex ta’ natura li tiġġustifika talba għall-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006.

1. L-ewwel parti — l-applikabbiltà tar-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 skont ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1896/2006

a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

71.

Nirreferi essenzjalment għas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, b’mod partikolari l-punti 50 sa 56 u l-ġurisprudenza ċċitata), li diġà ttrattat estensivament din il-kwistjoni fir-rigward tar-Regolament Nru 1393/2007.

72.

B’konferma tal-ġurisprudenza preċedenti tagħha ( 5 ), il-Qorti tal-Ġustizzja ttenni fil-punt 50 tal-imsemmija sentenza, li l-possibbiltà prevista fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 li jkun hemm rifjut li jiġi aċċettat l-att inkwistjoni jikkostitwixxi dritt tad-destinatarju ta’ dan l-att.

73.

Fiha hija tikkonferma wkoll li d-dritt li jiġi rrifjutat li jkun aċċettat att għan-notifika jew għall-komunikazzjoni jirriżulta mill-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju ta’ dan l-att, skont ir-rekwiżiti ta’ smigħ xieraq, stabbilit fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 6(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 ( 6 ). Fil-fatt, għalkemm ir-Regolament Nru 1393/2007 huwa intiż, primarjament, għat-titjib tal-effikaċja u tar-rapidità tal-proċeduri ġudizzjarji kif ukoll sabiex tiġi żgurata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-imsemmija għanijiet ma jistgħux jintlaħqu billi jiddgħajjef, b’xi mod jew ieħor, ir-rispett effettiv tad-drittijiet tad-difiża tad-destinatarji tal-atti inkwistjoni ( 7 ).

74.

Għalhekk, għandu jiġi żgurat mhux biss li d-destinatarju ta’ att jirċievi realment l-att inkwistjoni, imma wkoll li jkun f’pożizzjoni li jkun jaf u li jifhem, b’mod effettiv u komplet, is-sens u l-portata tal-azzjoni mibdija kontrih barra mill-pajjiż, b’tali mod li jkun jista’ effettivament jipprepara d-difiża tiegħu u jinvoka d-drittijiet tiegħu fl-Istat Membru ta’ oriġini ( 8 ).

75.

Issa, sabiex id-dritt ta’ rifjut li jinsab fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jkun jista’ effettivament jipproduċi l-effetti tiegħu, huwa neċessarju li d-destinatarju tal-att ikun ġie debitament informat, minn qabel u bil-miktub, bl-eżistenza ta’ dan id-dritt ( 9 ).

76.

Fis-sistema introdotta mir-Regolament Nru 1393/2007, din l-informazzjoni għandha tiġi pprovduta lilu permezz tal-formola standard li tidher fl-Anness II ta’ dan ir-regolament ( 10 ).

77.

Fir-rigward tal-portata li għandha tiġi rrikonoxxuta għal din il-formola standard, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li r-Regolament Nru 1393/2007 ma jipprevedi l-ebda eċċezzjoni għall-użu tagħha ( 11 ).

78.

Minn din il-kunsiderazzjoni kif ukoll l-għan tal-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, kif deskritt fil-punti 75 u 76 ta’ dawn il-konklużjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-aġenzija riċeventi hija obbligata, fiċ-ċirkustanzi kollha u mingħajr ma jkollha f’dan ir-rigward marġni ta’ diskrezzjoni, li tinforma lid-destinatarju ta’ att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah, billi tuża sistematikament, għal dan il-għan, il-formola standard ( 12 ).

b) Applikazzjoni għal dan il-każ

79.

Fil-kawża preżenti tqum il-kwistjoni dwar jekk il-kunsiderazzjonijiet preċedenti għandhomx japplikaw wkoll fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006.

80.

Kif ġie rrilevat mill-Gvern Awstrijak, il-kwistjonijiet li ma humiex irregolati minn dan ir-regolament fir-rigward tan-notifika jew il-komunikazzjoni għandhom jiġu deċiżi skont ir-Regolament Nru 1393/2007. Fil-fatt l-Artikolu 27 tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprovdi espressament li dan tal-aħħar ma jaffettwax l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1348/2000, li ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1393/2007. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 25(2) ta’ dan l-aħħar regolament, ir-riferimenti magħmula għar-Regolament Nru 1348/2000 għandhom jinftiehmu bħala magħmulin għar-Regolament Nru 1393/2007.

81.

Huwa ċar li, f’dan il-każ, it-talba għal ordni, li tikkostitwixxi l-att promotur għall-finijiet tal-ħruġ tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, għandha tiġi kklassifikata bħala “att” fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007.

82.

Kif jirrileva l-Gvern Awstrijak, l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 1896/2006 jipprevedi espressament li l-ordni ta’ ħlas Ewropea għandha tinħareġ flimkien ma’ kopja tal-formola tat-talba ( 13 ), b’tali mod li n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-ordni lill-konvenut trid tkun akkumpanjata minn dik tat-talba. F’dan il-każ, kien hemm notifika jew komunikazzjoni doppja bħal din.

83.

Għaldaqstant, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 japplikaw mhux biss għan-notifika jew għall-komunikazzjoni tal-ordni nnifisha, imma wkoll għal dik tat-talba għal ordni. Għaldaqstant, kull wieħed minn dawn iż-żewġ atti għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat lid-destinatarju tiegħu f’lingwa li huwa mistenni li jifhem, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 8(1), u f’każ li dan ma jkunx hekk, in-notifika jew il-komunikazzjoni għandha tkun akkumpanjata mill-formola standard stabbilita fl-Anness II ta’ dak ir-regolament u l-persuna kkonċernata tiġi informata bid-dritt tagħha li tirrifjuta li taċċetta l-att inkwistjoni.

84.

Il-konklużjoni preċedenti tenħtieġ iktar u iktar peress li l-proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea stabbilita mir-Regolament Nru 1896/2006 ma hijiex kontradittorja, fis-sens li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi fid-dawl tal-unika talba mressqa mir-rikorrenti, mingħajr ma l-konvenut ikun informat bl-eżistenza ta’ proċedura fir-rigward tiegħu.

85.

Huwa għalhekk biss fl-istadju tan-notifika jew tal-komunikazzjoni tal-ordni li l-konvenut għandu l-opportunità li jsir konxju tal-eżistenza u tal-kontenut tat-talba. Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, li l-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007 jrid iżomm, huwa għalhekk partikolarment importanti f’dan il-kuntest.

86.

Il-fatt li, skont ir-Regolament Nru 1896/2006, it-talba għal ordni għandha tiġi ppreżentata permezz ta’ formola standard li tidher fl-Anness I ta’ dan ir-regolament huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

87.

Fil-fatt, minkejja li ħafna kaxxi ta’ dik il-formola standard jistgħu jimtlew permezz ta’ kodiċijiet predefiniti u, għalhekk, jinftiehmu faċilment peress li l-ispjegazzjonijiet dwar dawn il-kodiċijiet ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li l-imsemmija formola standard teżiġi wkoll li r-rikorrent jipprovdi, kif jirriżulta mill-Artikolu 7(2)(d) u (e) ta’ dan ir-regolament, spjegazzjoni iktar iddettaljata dwar id-deskrizzjoni taċ-ċirkustanzi konkreti invokati bħala l-bażi tal-kreditu kif ukoll provi insostenn tat-talba. Il-konvenut irid ikun jista’ jieħu konjizzjoni ta’ dawn l-elementi f’lingwa li suppost ikun jaf sew, sabiex jifhem b’mod effettiv u komplet it-tifsira u l-ambitu tal-proċeduri mibdija kontrih barra mill-pajjiż u, jekk ikun il-każ, jipprepara d-difiża tiegħu.

88.

Għandu jiġi konkluż li n-natura obbligatorja u sistematika tal-użu tal-formola standard li tidher fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007 tapplika bl-istess mod għan-notifika jew il-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas Ewropea u flimkien magħha, it-talba ta’ ordni.

2. It-tieni parti – x’inhuma l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza ta’ dan l-obbligu?

a) Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

89.

L-ewwel nett, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1393/2007 ma jgħid xejn dwar il-konsegwenzi ġuridiċi tal-assenza ta’ informazzjoni lid-destinatarju ta’ att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah. Ma jirriżulta minn ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament li tali assenza twassal għan-nullità tal-proċedura tan-notifika jew tal-komunikazzjoni.

90.

F’kawża fejn l-att ma kienx ifformulat f’lingwa uffiċjali tal-Istat Membru indirizzat jew f’lingwa tal-Istat Membru ta’ oriġini li d-destinatarju jifhem, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-persuna li tibgħat tista’ tirrimedja dan id-difett proċedurali billi tibgħat lill-konvenut it-traduzzjoni meħtieġa ( 14 ).

91.

Barra minn hekk, nerġa’ nirreferi għas-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, b’mod partikolari, il-punti 57 u 58 tagħha).

92.

Skont il-punt 57 tagħha, “fil-każ fejn l-aġenzija li tirċievi, li tiġi msejħa twettaq in-notifika jew il-komunikazzjoni tal-att ikkonċernat lid-destinatarju tiegħu residenti fi Stat Membru ieħor, ma tkunx hemżet il-formola standard li tinsab fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, din l-ommissjoni la tista’ twassal għan-nullità tal-att li għandu jiġi nnotifikat jew ikkomunikat u lanqas għal dik tal-proċedura ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni, peress li tali konsegwenza tkun inkompatibbli mal-għanijiet imfittxija minn dan ir-regolament, li huma li jiġi previst mod ta’ trażmissjoni diretta, rapida u effikaċi bejn l-Istati Membri tal-atti f’materji ċivili u kummerċjali” (l-enfasi hija tiegħi).

93.

Għall-kuntrarju, skont il-punt 58 tagħha, “peress li l-komunikazzjoni tal-imsemmija formola standard tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali sostanzjali, intiż li jħares id-drittijiet tad-difiża tad-destinatarju tal-att, l-ommissjoni tagħha għandha tiġi rregolarizzata mill-aġenzija li tirċievi b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet stipulati fir-Regolament Nru 1393/2007. Din għandha, għalhekk, tinforma mingħajr dewmien lid-destinatarju tal-att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah, billi tittrażmettilu, skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, din l-istess formola standard” (l-enfażi hija tiegħi).

b) Applikazzjoni għal dan il-każ

94.

Fil-fehma tiegħi, għal raġunijiet identiċi għal dawk imsemmija fil-punti 79 sa 88 ta’ dawn il-konklużjonijiet, l-istess regoli għandhom manifestament jgħoddu, b’analoġija, għan-notifiki jew għall-komunikazzjonijiet ta’ atti fil-kuntest tar-Regolament Nru 1896/2006.

95.

Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, huwa biss wara li d-destinatarju jkun ġie informat dwar id-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att u jkun għamel użu minnu li l-qorti adita tkun tista’ tivverifika l-fondatezza ta’ dan ir-rifjut ( 15 ).

96.

Għalhekk, f’sitwazzjoni fejn, bħal f’dan il-każ, in-notifika jew il-komunikazzjoni lill-konvenut tat-talba għal ordni ta’ ħlas, ifformulata f’lingwa oħra minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 1393/2007, ma tkunx ġiet akkumpanjata mill-formola standard li tinsab fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, jeħtieġ li din l-ommissjoni tiġi rrimedjata u għandha tiġi rrimedjata wkoll l-assenza ta’ informazzjoni lid-destinatarju tal-att bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċettah li tirriżulta mill-istess ommissjoni billi l-konvenut jingħata dik il-formula standard, mingħajr dewmien u f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-regolament.

97.

Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-preżenza ta’ notifika jew ta’ komunikazzjoni irregolari bħal dik f’dan il-każ, l-ordni ta’ ħlas Ewropea ma kisbitx validament saħħa eżekuttiva u t-terminu mogħti lill-konvenut sabiex issir oppożizzjoni ma bediex jiddekorri ( 16 ).

98.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-kwistjoni ta’ eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006, hekk kif issollevata mill-qorti tar-rinviju, ma tqumx.

99.

Fil-fatt, id-difett formali li jivvizzja n-notifika jew il-komunikazzjoni tat-talba għal ordni jista’ jiġi analizzat biss bħala li jikkostitwixxi kwistjoni preliminari, qabel il-fażi ta’ eżami mill-ġdid: l-eżami mill-ġdid fil-fatt jippresupponi li t-terminu għall-oppożizzjoni skada, filwaqt li, minħabba l-irregolarità proċedurali li taffettwa n-notifika jew il-komunikazzjoni, dak it-terminu lanqas biss beda jiddekorri.

100.

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni li, l-ewwel nett, peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jillimita l-użu tal-proċedura ta’ eżami mill-ġdid, dan l-artikolu għandu jiġi interpretat b’mod strett ( 17 ). It-tieni nett, tali proċedura kienet tippresupponi l-eżistenza ta’ ċirkustanzi li kienu jew “straordinarji”, fis-sens tal-Artikolu 20(1) ( 18 ), jew “eċċezzjonali”, fis-sens tal-Artikolu 20(2) ( 19 ). It-tielet nett, dawn il-każijiet kienu pprovduti b’mod mhux eżawrjenti f’dak l-artikolu (“nuqqas ta’ komunikazzjoni jew ta’ notifika ma jifformax parti minn dawn is-sitwazzjonijiet”) ( 20 ). Ir-raba’ nett, il-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid tal-ordni, wara li din tkun saret eżekuttiva u li t-terminu biex issir l-oppożizzjoni jkun skada, ma tistax twassal biex tagħti lill-konvenut it-tieni opportunità li jopponi l-kreditu ( 21 ).

101.

Għal dawn ir-raġunijiet, jidhirli li, kuntrarjament għal dak li jsostni l-Gvern Elleniku, id-difetti proċedurali msemmija mill-konvenut ma jistgħux jiġġustifikaw l-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea skont iċ-ċirkustanzi msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 ( 22 ).

102.

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1896/2006, li fuqu l-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, dan isemmi żewġ raġunijiet għal eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas. Fl-ewwel lok, għandu jkun ċar li l-ordni ta’ ħlas inħarġet ħażin fid-dawl tar-rekwiżiti stabbiliti f’dak ir-regolament. Fit-tieni lok, ċirkustanzi eċċezzjonali oħra jiġġustifikaw eżami mill-ġdid.

103.

Fir-rigward tal-ewwel raġuni, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, għandu jiġi kkonstatat li d-digriet tar-rinviju ma jinkludi l-ebda indikazzjoni dwar il-fatt li l-ordni ta’ ħlas Ewropea kienet inħarġet manifestament ħażin. L-ordni ta’ ħlas Ewropea inħarġet skont ir-rekwiżiti tar-regolament. Fir-rigward tad-difett proċedurali li jirriżulta min-nuqqas ta’ konformità tan-notifika tal-att mar-Regolament Nru 1393/2007, dan jista’ jiġi rrimedjat billi tintbagħat it-traduzzjoni mitluba lill-konvenut, kif indikat fil-punti 90 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

104.

Fir-rigward tat-tieni raġuni, għandu jiġi evalwat jekk, f’dan il-każ, eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas Ewropea jistax ikun motivat minn ċirkustanzi eċċezzjonali oħra.

105.

Jien naħseb (bħall-Kummissjoni) li tali ċirkustanzi eċċezzjonali jistgħu jkunu jew difetti proċedurali, jew żbalji relatati mal-karatteristiċi stess tal-kreditu pekunjarju li huma s-suġġett tal-ordni ta’ ħlas. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1896/2006 għandu jiġi interpretat b’mod strett, l-eżami mill-ġdid tal-ordni ta’ ħlas ma jistax isir għal kwalunkwe żball proċedurali. Sabiex żball proċedurali jkun jikkostitwixxi ċirkustanza eċċezzjonali, dan għandu jkollu effett dirett fuq id-dritt tad-difiża tal-konvenut, jiġifieri, f’dan il-każ, fuq id-dritt tiegħu li joġġezzjona għall-ordni ta’ ħlas skont l-Artikolu 16 ta’ dak ir-regolament.

106.

Barra minn hekk, kif irrileva l-Gvern Taljan, huwa preċiżament in-nuqqas ta’ dispożizzjoni li tipprevedi n-nullità tal-att jew tan-notifika minħabba n-nuqqas ta’ informazzjoni lid-destinatarju li hu jista’ jirrifjuta l-att li jmur favur in-natura regolarizzabbli tal-irregolarità. Kif indikajt, l-irregolarità tan-notifika għan-nuqqas tal-formulazzjoni tal-att li għandu jiġi nnotifikat f’lingwa magħrufa jew mifhuma mid-destinatarju tista’ tiġi rrimedjata bl-għoti immedjat u sussegwenti, lid-destinatarju, ta’ kopja tad-dokument tradott, mingħajr ma d-dritt tiegħu li jopponi jkun b’xi mod limitat.

107.

Dan ifisser ukoll li, skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1393/2007 ( 23 ), l-irregolarità tan-notifika minħabba nuqqas li d-destinatarju jkun informat bil-possibbiltà li kellu li jirrifjutaha ma twassalx, fiha nnifisha, għan-nullità tan-notifika, imma biss, għal posponiment tad-dies a quo tat-terminu biex issir l-oppożizzjoni, fis-sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 1896/2006.

IV. Konklużjoni

108.

Għal dawn ir-raġunijiet, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domanda preliminari magħmula min-Nejvyšší soud (il-Qorti Suprema, ir-Repubblika Ċeka) kif ġej:

Ir-Regolament (KE) Nru 1896/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea, kif ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1393/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta ordni ta’ ħlas Ewropea tiġi nnotifikata jew ikkomunikata lill-konvenut, li jkun residenti fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u, f’dan il-każ, fejn it-talba għal ordni ma tkunx ġiet ifformulata jew akkumpanjata minn traduzzjoni jew f’lingwa li huwa jifhem, jew fil-lingwa uffiċjali tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni jew, jekk jeżistu diversi lingwi uffiċjali f’dak l-Istat Membru, fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-post fejn għandha ssir in-notifika jew il-komunikazzjoni, id-destinatarju għandu jkun debitament informat, permezz tal-formola standard fl-Anness II tar-Regolament Nru 1393/2007, bid-dritt tiegħu li jirrifjuta li jaċċetta l-att.

F’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-aħħar regolament, fil-każ ta’ ommissjoni ta’ din il-formalità, il-proċedura tista’ tiġi rregolarizzata bil-komunikazzjoni, lill-parti ikkonċernata, tal-formola standard li tidher fl-Anness II ta’ dak ir-regolament.

Sakemm iddum l-irregolarità proċedurali li taffettwa n-notifika jew il-komunikazzjoni tal-ordni ta’ ħlas, flimkien mat-talba għal ordni, minn naħa, din l-ordni ma tikseb l-ebda forza eżekuttiva u, min-naħa l-oħra, it-terminu li jingħata l-konvenut biex joġġezzjona ma jibdiex jiddekorri.


( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.

( 2 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 li joħloq proċedura għal ordni ta’ ħlas Ewropea (ĠU 2006, L 399, p. 1).

( 3 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2007 dwar in-notifika fl-Istati Membri ta’ dokumenti ġudizzjarji u extra-ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili jew kummerċjali (notifika ta’ dokumenti) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1348/2000 (ĠU 2007, L 324, p. 79, Rettifika ĠU 2015, L 68, p. 91)

( 4 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson,C‑354/15, EU:C:2017:157.

( 5 ) Jiġifieri s-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punt 49). Ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi għal din il-kawża (EU:C:2015:33), fejn ittrattajt speċifikament dan is-suġġett, u d-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 61).

( 6 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 51). Ara wkoll, f’dan is-sens, id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punt 73).

( 7 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 51). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Settembru 2015, Alpha Bank Cyprus (C‑519/13, EU:C:2015:603, punti 3031), kif ukoll id-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat (C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 4849).

( 8 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 9 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 10 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 11 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 12 ) Ara s-sentenza tat-2 ta’ Marzu 2017, Henderson (C‑354/15, EU:C:2017:157, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).

( 13 ) Dan l-obbligu huwa spjegat mill-fatt li l-konvenut għandu jkun jista’, fuq din il-bażi, jikseb l-informazzjoni meħtieġa biex ikun jista’ jiddeċiedi jekk joġġezzjonax jew le (premessa 13 tar-Regolament Nru 1896/2006).

( 14 ) Ara s-sentenza tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler (C‑443/03, EU:C:2005:665, punti 3853).

( 15 ) Ara d-digriet tat-28 ta’ April 2016, Alta Realitat S.L. (C‑384/14, EU:C:2016:316, punti 6289).

( 16 ) Ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punti 41 sa 43 kif ukoll il-punt 48.

( 17 ) Sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 31).

( 18 ) Ara d-digriet tal-21 ta’ Marzu 2013, Novontech-Zala (C‑324/12, EU:C:2013:205, punti 20 sa 25).

( 19 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punti 2930).

( 20 ) Sentenza tal-4 ta’ Settembru 2014, eco cosmetics u Raiffeisenbank St. Georgen, (C‑119/13 u C‑120/13, EU:C:2014:2144, punt 44).

( 21 ) Ara s-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 2015, Thomas Cook Belgium (C‑245/14, EU:C:2015:715, punt 48).

( 22 ) Nosserva li dan l-argument huwa sostnut ukoll minn O. K. Trans Praha, mill-Gvern Taljan u dak Awstrijak, kif ukoll mill-Kummissjoni.

( 23 ) Li jgħid li “id-data tan-notifika tad-dokument għandha tkun id-data li fiha d-dokument flimkien mat-traduzzjoni jkunu notifikati skont il-liġi tal-Istat Membru indirizzat”.