7.1.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 4/6 |
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tal-25 ta’ Ottubru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Veliko Tarnovo – il-Bulgarija) – “Walltopia” AD vs Direktor na Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite – Veliko Tarnovo
(Kawża C-451/17) (1)
(“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sigurtà soċjali - Regolament (KE) Nru 883/2004 - Artikolu 12(1) - Regolament (KE) Nru 987/2009 - Artikolu 14(1) - Ħaddiema kkollokati - Leġiżlazzjoni applikabbli - Ċertifikat A 1 - Issuġġettar tal-impjegat għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-persuna li timpjega - Kundizzjonijiet”)
(2019/C 4/08)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Veliko Tarnovo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti:“Walltopia” AD
Konvenut: Direktor na Teritorialna direktsia na Natsionalnata agentsia za prihodite – Veliko Tarnovo
Dispożittiv
L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 12(1) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna impjegata rreklutata bl-għan li tiġi kkollokata fi Stat Membru ieħor għandha titqies bħala li, “immedjatament qabel il-bidu tal-impjieg tagħha, [kienet] diġà suġġetta għal-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih ikun stabbilit il-prinċipal tagħha”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 987/2009, minkejja li din il-persuna impjegata ma kellhiex il-kwalità ta’ persuna assigurata b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat Membru immedjatament qabel il-bidu tal-attività tagħha bħala persuna impjegata, ladarba f’dak il-mument il-persuna impjegata kellha r-residenza tagħha fl-imsemmi Stat Membru, fatt dan li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.