16.1.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 14/37


Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Ottubru 2016 – Vincenti vs EUIPO

(Kawża T-747/16)

(2017/C 014/46)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Guillaume Vincenti (Alicante, Spanja) (rappreżentant: H. Tettenborn, avukat)

Konvenut: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-EUIPO li ma tiġix irrikonoxxuta l-invalidità totali permanenti tar-rikorrent biex jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu u li tirrifjuta li tiddikjara li r-rikorrent għandu jirtira.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri l-Artikoli 7-9, 13, 33 u 78, kif ukoll l-Artikoli 13-16 tal-Anness VIII ta’ dawn ir-regolamenti u, b’mod partikolari, l-Artikolu 53 tar-Regolamenti tal-Persunal.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba (Artikoli 41(1), 41(2)(a), (b) u (c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea), kif ukoll id-drittijiet proċedurali tar-rikorrent, billi bbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq fatti żnaturati.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-konvenut kiser l-Artikolu 3(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Insostenn tal-motivi fuq imsemmija, ir-rikorrent jargumenta b’mod partikolari li, skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra ma għandhiex setgħa diskrezzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ invalidità li tirrikonoxxi jew ma tirrikonoxxix l-invalidità permanenti ta’ uffiċjali fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu, peress li d-deċiżjoni tal-Kumitat tal-Invalidità hija vinkolanti u, anki fl-ipoteżi li l-Awtorità tal-Ħatra għandha setgħa diskrezzjonali fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fil-każ tar-rikorrent, ma kienx hemm raġuni valida għan-nuqqas ta’ rikonoxximent tal-invalidità permanenti tiegħu.