SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

10 ta’ April 2019 ( *1 )

“Sussidji – Importazzjonijiet ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili li joriġinaw mill-Indja – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/387 – Impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju definittiv – Skema Indjana li tistabbilixxi taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid u tarifikazzjoni doppja tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija żvantaġġuża għat-trasport tal-mineral tal-ħadid intiż għall-esportazzjoni – Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament (KE) Nru 597/2009 (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1037) – Kontribut finanzjarju – Provvista ta’ oġġetti – Azzjoni li tikkonsisti fl-“għoti ta’ inkarigu” lil organu privat sabiex iwettaq funzjoni li tikkostitwixxi kontribut finanzjarju – Artikolu 4(2)(a) tar-Regolament Nru 597/2009 – Speċifiċità ta’ sussidju – Artikolu 6(d) tar-Regolament Nru 597/2009 – Kalkolu tal-vantaġġ – Dannu lill-industrija tal-Unjoni – Kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz u tal-marġni ta’ dannu – Rabta kawżali – Aċċess għall-informazzjoni kunfidenzjali tal-investigazzjoni antisussidji – Drittijiet tad-difiża”

Fil-Kawża T‑300/16,

Jindal Saw Ltd, stabbilita fi New Delhi (l-Indja),

Jindal Saw Italia SpA, stabbilita fi Trieste (l-Italja),

irrappreżentati minn R. Antonini u E. Monard, avukati,

rikorrenti,

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn J.‑F. Brakeland u G. Luengo, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Saint-Gobain Pam, stabbilita f’Pont-à-Mousson (Franza), irrappreżentata minn O. Prost, A. Coelho Dias u C. Bouvarel, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU 2016, L 73, p. 1), sa fejn dan ir-regolament jikkonċerna lir-rikorrenti,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża),

komposta minn I. Pelikánová, President, V. Valančius, P. Nihoul, J. Svenningsen (Relatur) u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: S. Bukšek Tomac, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

Il-fatti li wasslu għall-kawża

1

Ir-rikorrenti, Jindal Saw Ltd, kumpannija privata rregolata mid-dritt Indjan, u Jindal Saw Italia SpA, kumpannija Taljana li tappartjeni lil Jindal Saw, huma attivi fil-produzzjoni u fil-bejgħ, b’mod partikolari, ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili intiżi għas-suq Indjan u għall-esportazzjoni. Matul il-perijodu rilevanti f’dan il-każ, tliet kumpanniji relatati kkummerċjalizzaw il-prodotti ta’ Jindal Saw fl-Unjoni Ewropea, jiġifieri, minbarra Jindal Saw Italia, Jindal Saw España SL u Jindal Saw Pipeline Solutions, UK (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, l-“entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw”).

2

Fl-10 ta’ Novembru 2014, konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat‑30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 343, p. 51, rettifika fil-ĠU 2010, L 7, p. 22, rettifika fil-ĠU 2011, L 293, p. 39, rettifika fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑15 ta’ Jannar 2014 (ĠU 2014, L 18, p. 1) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21)), Saint-Gobain Pam, Saint-Gobain Pam Deutschland GmbH u Saint-Gobain Pam España S.A. (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“lanjant”) ressqu lment quddiem il-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1225/2009, sabiex hija tibda investigazzjoni antidumping dwar l-importazzjonijiet ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili li joriġinaw mill-Indja.

3

Permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-20 ta’ Diċembru 2014 (ĠU 2014, C 461, p. 35), il-Kummissjoni fetħet proċedura antidumping li tikkonċerna l-importazzjonijiet inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedura antidumping”).

4

B’mod parallel, fis-26 ta’ Jannar 2015, konformement mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 597/2009 tal‑11 ta’ Ġunju 2009 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 188, p. 93, rettifika fil-ĠU 2015, L 187, p. 91, rettifika fil-ĠU 2016, L 44, p. 20), kif emendat bir-Regolament Nru 37/2014 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1037 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra importazzjonijiet sussidjati minn pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 55)), il-lanjant ressaq ilment quddiem il-Kummissjoni, skont l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku, sabiex hija tibda investigazzjoni antisussidji, li wkoll tikkonċerna l-importazzjonijiet inkwistjoni, billi allega l-eżistenza ta’ diversi sussidji li minnhom jibbenefikaw il-produtturi Indjani, b’mod partikolari sussidju marbut mal-akkwist ta’ mineral tal-ħadid.

5

Permezz ta’ avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali fil-11 ta’ Marzu 2015 (ĠU 2015, C 83, p. 4, iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ ftuħ”), il-Kummissjoni fetħet proċedura antisussidji li tikkonċerna l-importazzjonijiet inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“proċedura antisussidji”).

6

Fl-24 ta’ Ġunju 2015, Jindal Saw ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha lill-Kummissjoni dwar ċerti aspetti tal-analiżi tad-dumping, tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u tal-interess tal-Unjoni. Dawn l-osservazzjonijiet kienu jkopru kemm il-proċedura antidumping kif ukoll il-proċedura antisussidji.

7

Fit-18 ta’ Settembru 2015, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1559 li jimponi dazju antidumping provviżorju fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala “grafit ta’ ħadid fondut sferojdali”), li joriġina mill-Indja (ĠU 2015, L 244, p. 25, iktar ’il quddiem ir-“Regolament provviżorju antidumping”). Il-prodott ikkonċernat kien iddefinit f’dan ir-regolament bħala tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala “grafit ta’ ħadid fondut sferojdali”) li joriġinaw mill-Indja.

8

Fit-23 ta’ Ottubru 2015, Jindal Saw ippreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni provviżorja fil-proċedura antidumping, filwaqt li fl-istess ħin talbet li tiġi organizzata seduta mill-Kummissjoni.

9

Fl-20 ta’ Novembru 2015, ġiet organizzata laqgħa. Fl-24 ta’ Novembru 2015, Jindal Saw bagħtet posta elettronika lill-Kummissjoni li fiha kkonfermat ċerti elementi diskussi matul din il-laqgħa, b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-prodott ikkonċernat kif iddefinit fir-Regolament provviżorju antidumping u l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, u, fis-27 ta’ Novembru 2015, hija ssottomettiet lill-Kummissjoni l-osservazzjonijiet tagħha sussegwenti għall-imsemmija laqgħa fil-kuntest tal-proċedura antidumping. Fid-9 ta’ Diċembru 2015, hija kkomunikat ċerti osservazzjonijiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura antidumping u fil-kuntest tal-proċedura antisussidji, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda, l-ewwel nett, in-natura ta’ sussidju tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid, it-tieni nett, id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, it-tielet nett, it-tweġibiet għall-kwestjonarji magħmula mill-utenti tal-prodott ikkonċernat kif iddefinit fir-Regolament provviżorju antidumping u, ir-raba’ nett, l-esklużjoni mid-definizzjoni ta’ dan il-prodott ta’ tubi li la għandhom kisi intern u lanqas kisi estern.

10

Fit-22 ta’ Diċembru 2015, il-Kummissjoni informat lil Jindal Saw bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien previst li jiġi impost dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-imsemmi prodott kif ukoll bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien previst li jiġi impost dazju kumpensatorju definittiv fuq l-istess importazzjonijiet (iktar ’il quddiem l-“informazzjoni finali”). Qabel ma ssottomettiet il-kummenti tagħha, Jindal Saw talbet informazzjoni addizzjonali dwar erba’ punti speċifiċi permezz ta’ posta elettronika tat-12 ta’ Jannar 2016. Permezz ta’ posta elettronika tat-13 ta’ Jannar 2016, hija talbet lill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-proċedura antisussidji, li tiġi informata bil-kalkoli tal-“medja arrotondita” tal-ispiża ta’ trasport. Il-Kummissjoni wieġbet għal din it-talba permezz ta’ posta elettronika tad-19 ta’ Jannar 2016.

11

Fl-20 ta’ Jannar 2016, Jindal Saw ippreżentat il-kummenti tagħha dwar l-informazzjoni finali fil-kuntest tal-proċedura antidumping u fil-kuntest tal-proċedura antisussidji.

12

Fis-27 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni bagħtet lil Jindal Saw komunikazzjoni ta’ informazzjoni finali supplimentari dwar korrezzjonijiet magħmula għall-kalkoli tas-sussidji fil-kuntest tal-proċedura antisussidji. L-iskadenza tat-terminu sabiex jiġu ppreżentati kummenti kienet iffissata għad-29 ta’ Jannar 2016.

13

Fit-28 ta’ Jannar 2016, Jindal Saw attendiet laqgħa organizzata mill-Kummissjoni. Din il-laqgħa kienet tirrigwarda b’mod partikolari l-konklużjonijiet dwar is-sussidju li tikkostitwixxi t-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid u l-iskema ta’ tarifikazzjoni doppja tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fir-rigward tal-mineral tal-ħadid (Dual Freight Policy, iktar ’il quddiem id-“DFP”), il-kalkoli relatati mal-miżuri ta’ sussidju kollha allegati, id-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni u d-dumping. Fl-istess jum, il-Kummissjoni bagħtet ittra lil Jindal Saw li biha informatha b’ċerti korrezzjonijiet magħmula għall-kalkoli tal-indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tal-proċedura antidumping u fil-kuntest tal-proċedura antisussidji. L-iskadenza tat-terminu sabiex jiġu ppreżentati kummenti kienet iffissata għall-1 ta’ Frar 2016.

14

Fl-1 ta’ Frar 2016, Jindal Saw bagħtet żewġ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika lill-Kummissjoni, li fihom esponiet il-kummenti tagħha dwar, minn naħa, il-korrezzjonijiet magħmula għal ċerti indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, il-laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2016. Dawn il-komunikazzjonijiet bil-posta elettronika kienu jinkludu wkoll diversi talbiet għal informazzjoni.

15

Fi tmiem il-proċedura antidumping u l-proċedura antisussidju, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/387 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU 2016, L 73, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”), kif ukoll ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU 2016, L 73, p. 53), li huwa s-suġġett ta’ rikors għal annullament fil-kawża Jindal Saw u Jindal Saw Italia vs Il‑Kummissjoni (T‑301/16).

16

Fir-Regolament ikkontestat, il-prodott ikkonċernat ġie definittivament iddefinit bħala “tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), għajr pajpijiet duttili li għandhom [ma għandhomx] kisi intern u estern […], li joriġinaw mill-Indja, li attwalment jaqgħu fil-kodiċijiet NM ex73030010 u ex73030090” (iktar ’il quddiem il-“prodott ikkonċernat”).

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

17

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ Ġunju 2016, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors. Ir-risposta, ir-replika u l-kontroreplika ġew ippreżentati fis-27 ta’ Settembru u fil-21 ta’ Novembru 2016 u fis-26 ta’ Jannar 2017.

18

Wara l-bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, il-kawża ġiet assenjata mill-ġdid lil Imħallef Relatur ġdid fi ħdan l-Ewwel Awla.

19

Fil-11 u fil-21 ta’ Novembru 2016 u fl-14 ta’ Frar 2017, ir-rikorrenti ressqu talbiet għal kunfidenzjalità li jirrigwardaw ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors, fir-replika u fil-kontroreplika. Fl-24 ta’ Ottubru 2016, il-Kummissjoni ressqet talba għal kunfidenzjalità li tirrigwarda anness tar-risposta.

20

Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Ottubru 2016, Saint-Gobain Pam talbet li tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tad-19 ta’ Jannar 2017, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

21

Fis-6 ta’ Marzu 2017, l-intervenjenti ppreżentat nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar din in-nota fl-24 ta’ Marzu u fid-19 ta’ April 2017.

22

Fl-20 ta’ Lulju 2017, il-Qorti Ġenerali ordnat lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103(1) ta’ dawn ir-regoli, tipproduċi l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata l-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna msemmi fil-premessa 284 tar-Regolament ikkontestat (iktar ’il quddiem l-“iżball tal-pinna”).

23

Fl-10 ta’ Awwissu 2017, il-Kummissjoni pproduċiet, f’forma diġitali, l-informazzjoni li għaliha tirreferi l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali.

24

Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata lill-partijiet fl-14 ta’ Settembru 2017, l-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrenti ġew mistiedna, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jikkonsultaw, taħt ċerti kundizzjonijiet, l-imsemmija informazzjoni fil-bini tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali. Din il-konsultazzjoni seħħet fis-26 u fis-27 ta’ Settembru 2017.

25

Fit-18 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrenti ppreżentaw osservazzjonijiet wara l-konsultazzjoni mill-avukati tagħhom tal-informazzjoni inkwistjoni (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017”). F’din l-istess data, huma ressqu talba għal trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-intervenjenti, f’dak li jirrigwarda ċerti elementi mill-imsemmija informazzjoni.

26

Fl-14 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ressqet talba għal trattament kunfidenzjali, fil-konfront tal-intervenjenti, f’dak li jirrigwarda ċerta informazzjoni li tinsab fl-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017.

27

Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017.

28

Fil-15 ta’ Diċembru 2017, l-intervenjenti ppreżentat osservazzjonijiet dwar l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 u dwar l-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni.

29

Fis-27 ta’ April 2018, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet prinċipali jwieġbu, fil-kuntest ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, għal diversi mistoqsijiet u jipproduċu ċerti dokumenti. Dawn il-partijiet ikkonformaw ruħhom ma’ din it-talba fit-termini imposti. Huma kellhom l-opportunità li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar it-tweġibiet rispettivi tagħhom, ħaġa li saret ukoll fit-termini imposti.

30

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament ikkontestat sa fejn jikkonċerna lilhom;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

31

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiċħad ir-rikors bħala infondat;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

32

Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali nstemgħu waqt is-seduta tal-4 ta’ Lulju 2018.

Id-dritt

Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017

33

L-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kuntest espost iktar ’il quddiem.

34

Fil-fażi finali tal-proċedura amministrattiva, il-Kummissjoni informat lill-partijiet ikkonċernati bl-eżistenza tal-iżball tal-pinna. Dan l-iżball, li jirrigwarda ċerti indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, kien jikkonsisti fit-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċertu bejgħ għall-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni bħala bejgħ imwettaq fl-Unjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkorreġiet l-informazzjoni dwar il-bejgħ fl-Unjoni tal-industrija tal-Unjoni u rrevediet informazzjoni dwar indikaturi oħra li kienu ġew influwenzati, b’riperkussjoni, mill-iżball tal-pinna.

35

Fir-rikors, ir-rikorrenti sostnew li l-Kummissjoni ma kinitx wettqet ir-reviżjonijiet kollha li kienet tinvolvi l-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna.

36

Fir-risposta, il-Kummissjoni esponiet b’mod dettaljat li l-iżball tal-pinna kien seħħ fit-traskrizzjoni ta’ ċerti ċifri, li jinsabu fi spreadsheet ikkompjuterizzata, imħejjija permezz ta’ programm tal-ispreadsheets, annessa mat-tweġibiet għall-kwestjonarju ta’ produttur tal-Unjoni, fi spreadsheet ikkompjuterizzata speċifika u li dan l-iżball ma kellu ebda effett fuq l-indikaturi l-oħra minbarra dawk li kienu ġew ikkorreġuti, billi l-indikaturi l-oħra kienu tħejjew fi spreadsheets ikkompjuterizzati distinti.

37

Skont il-Kummissjoni, l-uniċi indikaturi ta’ dannu li kienu ġew influwenzati, u li ġew irreveduti, kienu dawk li għalihom kienu nħolqu links awtomatiċi, fil-formoli ta’ kalkolu inklużi f’din l-ispreadsheet speċifika, bl-informazzjoni li kienet is-suġġett tal-iżball tal-pinna.

38

Il-Kummissjoni pproponiet li tqiegħed l-informazzjoni kkonċernata, li hija kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku, għad-dispożizzjoni tal-Qorti Ġenerali, bla ħsara għall-applikazzjoni tal-Artikolu 103 tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex tippermetti lir-rikorrenti jivverifikaw il-fondatezza tal-ispjegazzjonijiet esposti fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq.

39

Wara l-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali fl-20 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali stikka tal-USB li tinkludi l-informazzjoni li ntalbet il-produzzjoni tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni nnotifikata fl-14 ta’ Settembru 2017, moqrija flimkien mal-imsemmija miżura istruttorja, l-avukati li jirrappreżentaw lir-rikorrenti ġew mistiedna, bil-kundizzjoni li jiffirmaw impenn ta’ kunfidenzjalità, jikkonsultaw id-dokumenti inklużi f’din l-istikka tal-USB fil-bini tar-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, esklużivament sabiex ikunu jistgħu jivverifikaw il-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna.

40

Fl-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017, ippreżentati wara din il-konsultazzjoni, ir-rikorrenti ma jikkontestawx il-veraċità tal-imsemmija spjegazzjonijiet, iżda jallegaw li fid-dokumenti kkonsultati skoprew ħames żbalji ġodda, li jissostanzjaw uħud mill-ilmenti tagħhom.

41

Prinċipalment, il-Kummissjoni ssostni li l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 huma inammissibbli, peress li jirrigwardaw kwistjonijiet estranji għas-suġġett tal-miżura istruttorja u tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali. Sussidjarjament, hija ssostni li r-rettifika tal-iżbalji identifikati mir-rikorrenti ma biddlitx l-analiżi li hija għamlet fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat.

42

L-intervenjenti, li minnha toriġina l-parti l-kbira tal-informazzjoni kunfidenzjali inkwistjoni, issostni essenzjalment li r-Regolament bażiku ma jawtorizzax l-iżvelar tal-informazzjoni kunfidenzjali mibgħuta minn impriża lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura antisussidji mingħajr l-awtorizzazzjoni ta’ din l-impriża. Sussidjarjament, l-intervenjenti titlob li tikseb aċċess iktar sħiħ minn dak li diġà ngħatalha għall-informazzjoni kkonċernata.

43

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li l-ħames żbalji li jsemmu r-rikorrenti fl-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 ma humiex marbuta mal-iżball tal-pinna li wassal għall-miżura istruttorja u għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali u, għalhekk, mas-suġġett ta’ dawn il-miżuri.

44

Barra minn hekk, għandu jitfakkar li r-Regolament bażiku jirregola b’mod dettaljat l-aċċess tal-partijiet ikkonċernati għall-informazzjoni miġbura fil-kuntest ta’ investigazzjoni antisussidji. Huwa jipprevedi sistema sħiħa ta’ garanziji proċedurali maħsuba, minn naħa, sabiex il-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod effettiv u, min-naħa l-oħra, sabiex, meta dan ikun neċessarju, tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni użata matul din l-investigazzjoni u jinkludi regoli li jippermettu li jiġu rrikonċiljati dawn iż-żewġ rekwiżiti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Jinan Meide Casting vs Il‑Kunsill, T‑424/13, EU:T:2016:378, punt 96).

45

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 29(1) tar-Regolament bażiku jistabbilixxi l-prinċipju li kwalunkwe informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali għandha tiġi ttrattata bħala tali mill-awtoritajiet, meta din in-natura tkun iġġustifikata b’raġunijiet validi. L-Artikolu 29(5) tar-Regolament bażiku jipprojbixxi, b’mod partikolari, lill-Kummissjoni milli tiżvela kwalunkwe informazzjoni li tkun waslitilha skont l-imsemmi regolament li għaliha jkun intalab trattament kunfidenzjali mill-fornitur tagħha, mingħajr permess speċifiku minn dan tal-aħħar, u, ħlief fuq eċċezzjoni espressament prevista, milli tiżvela, b’mod partikolari, id-dokumenti interni ppreparati mill-awtoritajiet tal-Unjoni.

46

Ir-Regolament bażiku jinkludi wkoll ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet li jippermettu li r-rekwiżiti marbuta mad-drittijiet tal-partijiet ikkonċernati li jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod effettiv jiġu rrikonċiljati ma’ dawk marbuta man-neċessità li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali. Minn naħa, l-aċċess tal-partijiet ikkonċernati għall-informazzjoni disponibbli skont l-Artikolu 11(7) u l-Artikolu 30 tar-Regolament bażiku huwa limitat min-natura kunfidenzjali ta’ din l-informazzjoni. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 29(2) sa (4) tar-Regolament bażiku jipprevedi ċertu numru ta’ aġġustamenti tal-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni sabiex jiġu ppreżervati l-imsemmija drittijiet tal-partijiet ikkonċernati.

47

F’dan il-każ, id-dokumenti li l-avukati tar-rikorrenti ġew awtorizzati jikkonsultaw jinkludu esklużivament informazzjoni kummerċjali ta’ tnejn mit-tliet kumpanniji li, f’dan il-każ, jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni. Din hija informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 29 tar-Regolament bażiku, ħaġa li ma hijiex ikkontestata mill-partijiet.

48

Għalhekk dawn huma dokumenti li l-iżvelar tagħhom ma setax jintalab mir-rikorrenti skont ir-Regolament bażiku. Aċċess għal dawn id-dokumenti ngħata biss lill-avukati tagħhom, u dan biss sabiex ikunu jistgħu jiġu vverifikati l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna mwettaq mill-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tillimita strettament dan l-aċċess, sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, kif jirriżulta mill-miżura istruttorja u mill-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura adottati mill-Qorti Ġenerali.

49

Fil-fatt, minn naħa, il-miżura istruttorja ordnata mill-Qorti Ġenerali kienet ifformulata b’mod preċiż. Il-Kummissjoni kellha tipproduċi biss l-informazzjoni li kienet strettament neċessarja sabiex tiġi vverifikata l-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-oriġini u l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna.

50

Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni nnotifikata lill-partijiet fl-14 ta’ Settembru 2017 kienet tipprevedi, fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, aċċess għall-informazzjoni inkwistjoni biss sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, fir-rigward tal-imsemmija spjegazzjonijiet, u mhux sabiex ir-rikorrenti jiġu pprovduti b’informazzjoni li tmur lil hinn mill-garanziji previsti mir-Regolament bażiku favur il-partijiet ikkonċernati, ħaġa li tmur kontra l-osservanza tal-kunfidenzjalità tal-imsemmija informazzjoni. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, id-drittijiet tar-rikorrenti ġew iggarantiti mill-Artikolu 11(7) u mill-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament bażiku.

51

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li dan il-każ ma jistax jiġi assimilat ma’ sitwazzjoni li fiha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, skont l-Artikolu 103(3) tar-Regoli tal-Proċedura u wara t-twettiq tal-ibbilanċjar imsemmi fl-Artikolu 103(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li tikkomunika b’mod ġenerali lil parti prinċipali informazzjoni jew annessi kunfidenzjali prodotti mill-parti prinċipali l-oħra. Fil-fatt, f’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tat lill-avukati tar-rikorrenti aċċess speċifiku għall-ispreadsheets ikkompjuterizzati użati mill-Kummissjoni għat-tħejjija tal-indikaturi kontenzjużi bl-uniku għan li tippermettilhom jivverifikaw il-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-links maħluqa f’dawn l-ispreadsheets. Konsegwentement, ir-rikorrenti ma jistgħux jasserixxu li kellhom aċċess ġenerali għal informazzjoni li l-għarfien tagħha jippermettilhom isostnu motivi jew ilmenti ġodda li għandhom jitqiesu li huma ammissibbli skont l-Artikolu 84 tar-Regoli tal-Proċedura.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat ukoll li r-rikorrenti stess ma talbux lill-Qorti Ġenerali tippermettilhom aċċess għad-dokumenti inkwistjoni sabiex ikunu jistgħu jużawhom b’mod ġenerali. Għall-kuntrarju, fir-replika, ir-rikorrenti talbu espliċitament li dan l-aċċess jingħatalhom għall-uniku għan li jivverifikaw il-veraċità ta’ ċerti spjegazzjonijiet ipprovduti fir-risposta f’dak li jirrigwarda l-implikazzjonijiet tal-iżball tal-pinna.

53

Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, l-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017 għandhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

54

Għaldaqstant, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar it-talba sussidjarja tal-intervenjenti intiża li jinkiseb aċċess iktar sħiħ għall-informazzjoni kkonċernata.

Fuq il-mertu

55

Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti jressqu, essenzjalment, seba’ motivi bbażati fuq diversi każijiet ta’ ksur tar-Regolament bażiku, jiġifieri:

l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku, moqri flimkien mal-Artikolu 3(1)(a)(iii) tar-Regolament bażiku, liema dispożizzjonijiet huma, essenzjalment, identiċi għall-Artikolu 1.1(a)(1)(iv) u għall-Artikolu 1.1(a)(1)(iii), rispettivament, tal-Ftehim dwar Sussidji u Mezzi ta’ Kontrobilanċ li jinsab fl-Anness 1A tal-Ftehim li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 21, p. 243, iktar ’il quddiem il-“Ftehim SMK”);

it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża;

it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) u (2)(a) tar-Regolament bażiku;

ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), tal-Artikolu 6(d) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku;

il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1), (2) u (5) tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku;

is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1), (2) u (4) sa (7), tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 10(6) tar-Regolament bażiku;

is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 30(4) u (5) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża.

56

Fl-ewwel lok, għandhom jiġu eżaminati, suċċessivament, it-tieni u s-seba’ motivi.

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

57

Fil-kuntest tat-tieni motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet, ir-rikorrenti jsostnu li, billi inkludiet id-DFP fl-investigazzjoni, minkejja li din il-miżura la ssemmiet fl-ilment li wassal għall-investigazzjoni u lanqas fl-avviż ta’ ftuħ tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku u kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Jindal Saw.

58

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li l-Artikolu 10(2)(c) tar-Regolament bażiku jipprovdi li l-prova tal-eżistenza ta’ sussidju għandha tkun inkluża fl-ilment u peress li dan ma kienx il-każ fil-każ inkwistjoni f’dak li jirrigwarda d-DFP, il-Kummissjoni messha fetħet investigazzjoni distinta ġdida abbażi ta’ lment ġdid jew ex officio. Huma jżidu li l-Kummissjoni ma tistax tirriżerva d-dritt li teżamina sussidji li jistgħu jiġu kkonstatati matul l-investigazzjoni li jkunu differenti minn dawk imsemmija fl-avviż ta’ ftuħ.

59

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li, billi inkludiet id-DFP fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Jindal Saw, peress li din tal-aħħar kienet ġiet informata bl-għan ta’ din l-investigazzjoni biss meta ħadet konjizzjoni tal-informazzjoni finali u, għaldaqstant, sabiex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar id-DFP, ma kellhiex l-istess termini u preavviżi li kellha fir-rigward tal-aspetti l-oħra tal-investigazzjoni.

60

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

61

F’dak li jirrigwarda l-ewwel parti, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 10(1) tar-Regolament bażiku, il-ftuħ ta’ investigazzjoni antisussidji jeħtieġ, bħala prinċipju, li jitressaq ilment f’isem l-industrija tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 10(2) ta’ dan ir-regolament, tali lment għandu jinkludi provi suffiċjenti dwar l-eżistenza ta’ sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji. L-Artikolu 10(2)(c) tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-produzzjoni ta’ “provi dwar […] in-natura […] tal-imsemmija sussidji”.

62

Ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni, essenzjalment, talli inkludiet id-DFP fl-investigazzjoni, meta din ma ssemmietx fl-ilment, bi ksur tal-Artikolu 10(1) u (2) tar-Regolament bażiku.

63

Madankollu, dan l-ilment ma għandu ebda bażi fattwali, għaliex l-ilment kien jirreferi għad-DFP. Fil-fatt, f’dan l-ilment il-lanjant iċċita dokumenti maħruġa mill-awtoritajiet pubbliċi Indjani li fihom it-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid u d-DFP it-tnejn li huma ssemmew, sabiex jiġi pprovat li l-għan ta’ dawn l-awtoritajiet pubbliċi kien li tiġi skoraġġuta l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid. Barra minn hekk, il-lanjant iċċita s-silta mir-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Industrija tal-Azzar għat-tnax-il pjan ta’ ħames snin, ippubblikat fl-2011, li skontha, “[f]il-preżent l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid mill-pajjiż hija skoraġġuta permezz ta’[…] l-impożizzjoni ta’ dazju fuq l-esportazzjoni ta’ 20 % ad valorem fuq il-mineral tal-ħadid, u […] It-tariffa ta’ nol ferm ogħla għat-trasport bil-ferrovija tal-mineral tal-ħadid għall-esportazzjoni”.

64

Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti qegħdin jikkonfondu l-iskema ta’ sussidju għall-provvista ta’ mineral tal-ħadid ma’ strument speċifiku marbut ma’ din l-iskema. Kemm l-ilment kif ukoll l-avviż ta’ ftuħ tal-investigazzjoni jagħmlu riferiment għall-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani inkarigaw organu privat sabiex iwettaq azzjoni jew ordnawlu jwettaq azzjoni, filwaqt li ssemmiet espressament il-provvista ta’ mineral tal-ħadid ta’ grad għoli għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata. Għaldaqstant, la l-ilment u lanqas l-avviż ta’ ftuħ ma kienu limitati għat-taxxa fuq l-esportazzjoni. Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

65

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li anki t-tieni parti ma għandha ebda bażi fattwali. Fil-fatt, peress li l-ilment kien jirrigwarda d-DFP, Jindal Saw saret taf bil-fatt li d-DFP kienet ikkonċernata bħala element tal-iskema ta’ sussidju inkwistjoni qabel il-komunikazzjoni tal-informazzjoni finali f’Diċembru 2015.

66

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li t-totalità tal-argumenti mressqa minn Jindal Saw lill-Kummissjoni matul il-proċedura amministrattiva kienu jirrigwardaw il-kwistjoni jekk, b’mod ġenerali, restrizzjonijiet għall-esportazzjoni, tkun xi tkun in-natura eżatta tagħhom, jistgħux jikkostitwixxu kontribut finanzjarju jew le.

67

Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħha dwar l-informazzjoni finali, Jindal Saw lanqas ma għamlet distinzjoni bejn it-taxxa fuq l-esportazzjoni u d-DFP, iżda, mill-ġdid, ressqet argumenti li jirrigwardaw ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni b’mod ġenerali. Għaldaqstant, l-osservazzjonijiet ta’ Jindal Saw dwar ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni kienu jkopru ż-żewġ miżuri li, flimkien, jikkostitwixxu l-iskema ta’ sussidju inkwistjoni.

68

Għaldaqstant, it-tieni parti tat-tieni motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għalhekk, it-tieni motiv kollu kemm hu għandu jiġi miċħud bħala infondat.

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 30(4) u (5) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

69

Is-seba’ motiv jinkludi, essenzjalment, żewġ partijiet.

70

Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30(4) tar-Regolament bażiku u d-dritt għal smigħ ta’ Jindal Saw billi ma bagħtitx lil din tal-aħħar ċertu numru ta’ dokumenti li din tal-aħħar kienet talbet mingħandha f’żewġ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika tal-1 ta’ Frar 2016.

71

Filwaqt li jibbażaw ruħhom fuq il-ġurisprudenza, ir-rikorrenti jenfasizzaw li, meta l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu setgħa diskrezzjonali wiesgħa, ir-rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jkun iktar u iktar fundamentali u li fost dawn id-drittijiet hemm id-dritt għal smigħ effettiv. Issa, ma jistax jiġi kompletament eskluż li, kieku Jindal Saw kellha l-possibbiltà li tagħmel osservazzjonijiet dwar l-informazzjoni li hija kienet talbet f’dak li jirrigwarda l-indikaturi ta’ dannu influwenzati mill-iżball tal-pinna u l-ispejjeż tal-industrija tal-Unjoni, inklużi l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-grupp Saint-Gobain Pam, il-proċedura amministrattiva setgħet wasslet għal riżultat differenti u iktar favorevoli għaliha, peress li, preċedentement, il-Kummissjoni kienet diġà rrevediet l-opinjoni tagħha wara li kienu ntbagħtulha osservazzjonijiet mill-partijiet ikkonċernati.

72

Permezz tat-tieni parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 30(5) tar-Regolament bażiku u d-dritt għal smigħ ta’ Jindal Saw billi ma tatx lil din tal-aħħar żmien suffiċjenti sabiex tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha wara l-komunikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu emendati. F’dan ir-rigward, huma jsostnu li ma jistax jiġi kompletament eskluż li, kieku Jindal Saw kellha terminu konformi ma’ dak li tipprevedi l-imsemmija dispożizzjoni wara l-komunikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu emendati, hija kienet tkun tista’ tippreżenta osservazzjonijiet iktar żviluppati li setgħu jwasslu lill-Kummissjoni sabiex tibdel l-opinjoni tagħha.

73

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv.

74

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li, meta l-partijiet ikkonċernati f’investigazzjoni antisussidji, b’mod partikolari il-produtturi esportaturi kkonċernati, jixtiequ li jkollhom aċċess għal informazzjoni li tirrigwarda fatti u kunsiderazzjonijiet li jistgħu jifformaw il-bażi ta’ miżuri antisussidji bil-għan li jiddefendu l-interessi tagħhom, il-Kummissjoni hija obbligata tosserva ċerti prinċipji u garanziji proċedurali.

75

F’dan ir-rigward, għandu jitqies li, minn naħa, l-Artikolu 30 tar-Regolament bażiku jistabbilixxi ċerti modalitajiet dwar l-eżerċizzju tad-dritt għal smigħ tal-partijiet ikkonċernati, liema dritt jikkostitwixxi dritt fundamentali rrikonoxxut mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fil-paragrafu 2 tiegħu, dan l-artikolu jipprevedi d-dritt li jiġu informati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom huwa previst li tiġi rrakkomandata l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji definittivi. Barra minn hekk, l-imsemmi artikolu jistabbilixxi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4 tiegħu, li, meta l-Kummissjoni tipprevedi li tieħu deċiżjoni billi tibbaża ruħha fuq fatti u kunsiderazzjonijiet differenti minn dawk li jkunu ġew ikkomunikati preċedentement, hija għandha tikkomunikahom kemm jista’ jkun malajr u, fil-paragrafu 5 tiegħu, li l-partijiet ikkonċernati għandu jkollhom, bħala prinċipju, terminu minimu ta’ għaxart ijiem sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom, liema terminu jista’ jkun iqsar fil-każ ta’ informazzjoni finali addizzjonali.

76

Min-naħa l-oħra, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rekwiżiti li jirriżultaw mir-rispett tad-drittijiet tad-difiża japplikaw mhux biss fil-kuntest ta’ proċeduri li jistgħu jwasslu għal sanzjonijiet, iżda wkoll fil-kuntest tal-proċeduri ta’ investigazzjoni li jippreċedu l-adozzjoni ta’ regolamenti antisussidji, li jistgħu jaffettwaw lill-impriżi kkonċernati b’mod dirett u individwali, u jwasslu għal konsegwenzi sfavorevoli għalihom. B’mod partikolari, fil-kuntest tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni lill-impriżi kkonċernati matul il-proċedura ta’ investigazzjoni, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tagħhom jimplika li dawn l-impriżi għandhom ikunu tqiegħdu f’pożizzjoni, matul din il-proċedura, li jesprimu b’mod effettiv l-opinjoni tagħhom dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u dwar il-provi mressqa mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ sussidju u tad-dannu li jirriżulta minnu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Għalkemm huwa minnu li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża huwa ta’ importanza kbira fil-proċeduri ta’ investigazzjonijiet antisussidji (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata), l-eżistenza ta’ irregolarità f’dak li jirrigwarda r-rispett ta’ dawn id-drittijiet tista’ twassal għall-annullament ta’ regolament li jimponi dazju kumpensatorju biss sa fejn ikun hemm possibbiltà li, minħabba din l-irregolarità, il-proċedura amministrattiva setgħet tirriżulta f’eżitu differenti u b’hekk taffettwa konkretament id-drittijiet tad-difiża tal-parti kkonċernata (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Foshan Shunde Yongjian Housewares & Hardware vs Il‑Kunsill, C‑141/08 P, EU:C:2009:598, punt 107).

78

Madankollu, għandu jitfakkar li ma jistax jiġi impost fuq din il-parti li turi li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni kienet tkun differenti, iżda biss li tali ipoteżi ma hijiex kompletament eskluża, peress li l-imsemmija parti kienet tkun tista’ tiddefendi ruħha aħjar fl-assenza tal-irregolarità proċedurali li dwarha sar ilment (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni vs Interpipe Niko Tube u Interpipe NTRP, C‑191/09 P u C‑200/09 P, EU:C:2012:78, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

79

Min-naħa l-oħra, hija l-parti kkonċernata li għandha tistabbilixxi b’mod konkret kif hija setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar fl-assenza tal-imsemmija irregolarità proċedurali, mingħajr ma tista’ tillimita ruħha li tinvoka l-impossibbiltà li tipprovdi osservazzjonijiet dwar sitwazzjonijiet ipotetiċi (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2017, Changmao Biochemical Engineering vs Il‑Kunsill, T‑442/12, EU:T:2017:372, punt 145 u l-ġurisprudenza ċċitata).

80

Fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, fl-informazzjoni finali, il-Kummissjoni kkomunikat lill-partijiet ikkonċernati l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet kollha li hija qieset li kienu essenzjali u li abbażi tagħhom hija kienet qiegħda tipprevedi li timponi dazji kumpensatorji, inklużi ċ-ċifri li jirrigwardaw l-indikaturi ta’ dannu u l-analiżi tat-tendenzi li wrew dawn l-indikaturi. Konkretament, minn naħa, il-Kummissjoni kienet irrilevat li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kien naqas b’iktar minn 6 % u li din l-industrija kienet tilfet madwar 2.5 % ta’ ishma mis-suq f’suq li kien sejjer lura. Min-naħa l-oħra, dejjem fir-rigward tal-imsemmija industrija, il-Kummissjoni kienet indikat li profittabbiltà meqjusa li kienet dgħajfa flimkien ma’ tnaqqis fil-bejgħ u fl-ishma mis-suq fl-Unjoni kienu qegħduha f’sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja diffiċli, u kkonkludiet, abbażi ta’ analiżi globali tal-indikaturi ta’ dannu kollha li hija qieset li kienu rilevanti u minħabba din is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja li tqieset li kienet diffiċli, li l-industrija tal-Unjoni kienet ġarrbet dannu materjali fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku.

81

L-ewwel ilment jirrigwarda ksur, minn naħa, tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament bażiku, li għandu jinqara fid-dawl tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament bażiku, u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet tad-difiża minħabba n-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni mitluba fiż-żewġ komunikazzjonijiet bil-posta elettronika ta’ Jindal Saw tal-1 ta’ Frar 2016 dwar, l-ewwel nett, il-komunikazzjoni tal-indikaturi ta’ dannu emendati wara l-iskoperta tal-iżball tal-pinna u, it-tieni nett, diversi spejjeż tal-industrija tal-Unjoni.

82

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni mitluba minn Jindal Saw dwar il-korrezzjonijiet magħmula lill-indikaturi ta’ dannu lill-Unjoni, għandu jiġi osservat li, qabelxejn, fil-komunikazzjoni bil-miktub tat-28 ta’ Jannar 2016, li informat lil Jindal Saw b’ċerti korrezzjonijiet magħmula lill-indikaturi ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni semmiet espressament liema indikaturi ta’ dannu kienu ġew emendati wara l-iskoperta tal-iżball tal-pinna, jiġifieri dawk li jirrigwardaw, l-ewwel nett, il-konsum globali fl-Unjoni, it-tieni nett, is-sehem mis-suq tal-produtturi esportaturi, it-tielet nett, is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni u, ir-raba’ nett, il-prezz tal-bejgħ ta’ din l-industrija. Barra minn hekk, anness mehmuż ma’ din il-komunikazzjoni bil-miktub irriproduċa ċ-ċifri kkonċernati, ippreżentati fil-forma ta’ firxiet bħal fl-informazzjoni finali. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni indikat espressament fl-imsemmija komunikazzjoni bil-miktub li dawn l-emendi la kienu wasslu għal bidla fil-konklużjonijiet dwar it-tendenzi u lanqas għal bidla fil-konklużjonijiet finali li kienu ġew ikkomunikati preċedentement lill-partijiet ikkonċernati.

83

Minn dawn il-konstatazzjonijiet jirriżulta li l-emendi magħmula mill-Kummissjoni wara l-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna ma kinux jikkostitwixxu, fihom infushom, fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali fis-sens tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament bażiku, għaliex dawn l-emendi ma għamlu ebda bidla fit-tendenzi li fuqhom kienet ibbażata l-evalwazzjoni tad-dannu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kinitx obbligata mir-Regolament bażiku, b’mod partikolari mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tal-imsemmi regolament, li tinforma lil Jindal Saw bl-imsemmija emendi u lanqas, a fortiori, ma kienet kostretta tagħti segwitu għat-talba ta’ din tal-aħħar intiża sabiex tikseb informazzjoni addizzjonali f’dan ir-rigward. Għaldaqstant, hija ma kisritx l-Artikolu 30(2) u (4) tar-Regolament bażiku.

84

Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-allegazzjoni ta’ ksur tad-dritt għal smigħ, għandu jitqies li, permezz tal-komunikazzjoni bil-miktub tagħha tat-28 ta’ Jannar 2016, il-Kummissjoni kienet bagħtet l-elementi neċessarji kollha sabiex Jindal Saw tkun tista’ ssostni l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-emendi magħmula wara l-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna, ħaġa li, barra minn hekk, Jindal Saw għamlet fl-ewwel posta elettronika tagħha tal-1 ta’ Frar 2016. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, barra minn hekk, li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma ppreżentaw ebda osservazzjoni ġdida meta mqabbla ma’ dawk li kienu diġà ġew ippreżentati lill-Kummissjoni fl-1 ta’ Frar 2016. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni adottat ir-Regolament ikkontestat wara li Jindal Saw setgħet issostni kwalunkwe osservazzjoni utli u li r-rikorrenti ma pprovawx fil-kuntest ta’ din il-proċedura li Jindal Saw setgħet tiżgura d-difiża tagħha aħjar fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva.

85

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-informazzjoni dwar ċerti spejjeż tal-industrija tal-Unjoni, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li kienet tkun turija ta’ amministrazzjoni tajba min-naħa tal-Kummissjoni li twieġeb għal din it-talba, anki jekk biss sabiex tgħarraf li din kienet informazzjoni kunfidenzjali li għaliha ma setgħetx tagħti aċċess lil Jindal Saw. Madankollu, l-assenza ta’ tweġiba speċifika għal din it-talba għal informazzjoni ma għandhiex il-konsegwenza li l-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 30(4) tar-Regolament bażiku, moqri fid-dawl tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament bażiku, għaliex l-informazzjoni supplimentari mitluba minn Jindal Saw ma kinitx tikkostitwixxi fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali ġodda.

86

Fil-fatt, mir-Regolament provviżorju antidumping, adottat fit-18 ta’ Settembru 2015 fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping parallela, li kienet tirrigwarda l-istess prodott bħall-prodott ikkonċernat u l-istess produtturi esportaturi u li kienet tinkludi evalwazzjoni identika tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni, diġà kien jirriżulta li, għall-kalkolu tal-profittabbiltà tal-imsemmija industrija, il-Kummissjoni kienet ħadet inkunsiderazzjoni mhux biss l-ispejjeż tal-bejgħ, l-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ġenerali oħra tal-entitajiet ta’ produzzjoni ta’ din l-industrija, iżda wkoll l-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-imsemmija industrija. F’dan ir-rigward, il-premessa 92 tar-Regolament provviżorju antidumping kienet tiddikjara li “[i]l-Kummissjoni [kienet] stabbilixxiet il-profittabbiltà tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun billi l-profitt nett qabel it-taxxa tal-bejgħ tal-prodott simili lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni ngħata bħala perċentwal tal-fatturat ta’ dak il-bejgħ” u li “[i]l-biċċa l-kbira tal-bejgħ tal-prodott [simili] fl-UE [kien] sar permezz [tal-entitajiet] tal-bejgħ tal-produtturi tal-UE li kkooperaw u ġew ikkunsidrati l-kostijiet u l-profittabbiltà tiegħu”.

87

Il-fatt li Jindal Saw ma rrilevatx jew ma fehmitx korrettament il-portata ta’ dawn l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fil-kuntest tar-Regolament provviżorju antidumping u rrepetuti fl-informazzjoni finali fir-rigward tal-proċedura antisussidji, li skontha l-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-profittabbiltà ta’ din l-industrija, ma jfissirx li l-kjarifiki magħmula f’dan ir-rigward mill-Kummissjoni waqt il-laqgħa tat-28 ta’ Jannar 2016 kienu jikkostitwixxu fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali ġodda. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 30(2) u (4) tar-Regolament bażiku f’dan ir-rigward.

88

Mill-fatt li l-informazzjoni kkonċernata, dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż tal-entitajiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fil-kuntest tal-kalkolu tal-profittabbiltà ta’ din l-industrija, kienet magħrufa mid-19 ta’ Settembru 2015, id-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament provviżorju antidumping fil-Ġurnal Uffiċjali, jirriżulta wkoll li Jindal Saw kellha l-informazzjoni neċessarja sabiex issostni b’mod effettiv l-osservazzjonijiet tagħha fir-rigward ta’ dan il-kalkolu.

89

Għaldaqstant, l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

90

F’dak li jirrigwarda t-tieni lment, dwar ksur tal-Artikolu 30(5) tar-Regolament bażiku, sa fejn Jindal Saw ma kellhiex terminu ta’ għaxart ijiem, jew tal-inqas terminu suffiċjenti, sabiex tippreżenta l-kummenti tagħha dwar l-emendi magħmula għal ċerti indikaturi ta’ dannu, għandu jiġi rrilevat li minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-Kummissjoni hija obbligata tagħti terminu lill-partijiet ikkonċernati sabiex jifformulaw kummenti dwar kull emenda li hija twettaq b’riżultat tal-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-informazzjoni finali. Tali obbligu kien ikun jeżisti biss li kieku l-komunikazzjoni bil-miktub tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Jannar 2016 kienet inkludiet fatti u kunsiderazzjonijiet essenzjali, fis-sens tal-Artikolu 30(2) tar-Regolament bażiku, li ma kienx il-każ.

91

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma ressqux argumenti oħra relatati mal-korrezzjoni tal-iżball tal-pinna minbarra dawk li Jindal Saw kienet diġà ressqet fl-ewwel posta elettronika tagħha tal-1 ta’ Frar 2016.

92

Konsegwentement, xejn ma jippermetti li jitqies li l-proċedura antisussidji setgħet wasslet għal riżultat differenti li kieku Jindal Saw kellha terminu itwal sabiex tippreżenta l-kummenti tagħha f’dan ir-rigward.

93

Barra minn hekk, jista’ jiġi enfasizzat li, anki wara li kkonsultaw dokumenti li jinkludu l-informazzjoni li potenzjalment ġiet influwenzata mill-iżball tal-pinna, fil-kuntest tal-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura deċiża mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ma ressqu ebda argument ġdid b’rabta ma’ dan l-iżball, b’mod li aċċettaw li l-korrezzjoni tal-imsemmi żball ma kien jeħtieġ ebda rettifika oħra minbarra dawk li kienu saru mill-Kummissjoni u li ġew ikkomunikati lil Jindal Saw fit-28 ta’ Jannar 2016.

94

Għaldaqstant, it-tieni lment għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għalhekk, is-seba’ motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku

95

Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti jikkontestaw, essenzjalment, li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni, jiġifieri t-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid u d-DFP, jikkostitwixxu “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament bażiku, li huwa, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 1.1(a)(1) tal-Ftehim SMK. Dan il-motiv jinqasam f’żewġ partijiet.

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ azzjoni ta’ “għoti ta’ inkarigu” u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

96

Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jressqu tliet ilmenti sabiex isostnu, essenzjalment, li l-Kummissjoni applikat kriterju żbaljat sabiex tikkonkludi li kien hemm azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani li tikkonsisti fl-“għoti ta’ inkarigu”, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku, lill-produtturi Indjani ta’ mineral tal-ħadid sabiex jipprovdu dan il-mineral lill-industrija nazzjonali tal-prodott ikkonċernat u, barra minn hekk, wettqet ċerti żbalji ta’ evalwazzjoni.

97

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament bażiku, ikun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” jekk l-awtoritajiet pubbliċi “jinkariga jew jidderieġi korp privat biex iwettaq waħda jew iktar mit-tip ta’ funzjonijiet kif murija fil-punti (i), (ii) u (iii) li normalment ikunu responsabbiltà tal-gvern, u li fil-fatt, bl-ebda mod, ma tkun differenti mill-prattiċi normali użati mill-gvernijiet”.

98

Mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li huwa biss il-kunċett ta’ “għoti ta’ inkarigu”, li ma huwiex iddefinit fir-Regolament bażiku, li huwa kkonċernat f’din il-kawża.

99

Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont il-premessa 5 tar-Regolament bażiku, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa li “tkun trasposta” fid-dritt tal-Unjoni, “sa fejn dan huwa possibbli”, ir-regoli tal-Ftehim SMK u, min-naħa l-oħra, li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, intitolat “Definizjoni ta’ sussidju”, u l-Artikolu 1 ta’ dan il-ftehim huma fil-parti l-kbira ħafna tagħhom identiċi fir-rigward tal-formulazzjoni tagħhom u kompletament identiċi fir-rigward tas-sustanza tagħhom.

100

Issa, għalkemm il-qrati tal-Unjoni għad ma kellhomx l-okkażjoni li jinterpretaw l-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku, il-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO kellu japplika d-dispożizzjoni korrispondenti tal-Ftehim SMK diversi drabi.

101

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim SMK (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il‑Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 88).

102

Għaldaqstant, l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku, li jfittex li jimplimenta l-kontenut tal-Artikolu 1 tal-Ftehim SMK, għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar.

103

Barra minn hekk, għalkemm l-interpretazzjonijiet tal-Ftehim SMK adottati mill-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO ma jistgħux jorbtu lill-Qorti Ġenerali fl-evalwazzjoni tagħha tal-validità tar-Regolament ikkontestat, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Qorti Ġenerali milli tagħmel riferiment għalihom meta tkun qiegħda tinterpreta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku li jikkorrispondu għal dispożizzjonijiet tal-Ftehim SMK (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2017, Viraj Profiles vs Il‑Kunsill, T‑67/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:481, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

104

Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jallegaw essenzjalment li, billi imponew restrizzjonijiet għall-esportazzjoni, l-awtoritajiet pubbliċi Indjani intervenew biss fil-kuntest tal-eżerċizzju tas-setgħat regolatorji ġenerali tagħhom u ma eżerċitawx dawn is-setgħat b’mod li l-produtturi Indjani ta’ mineral tal-ħadid ikollhom jipprovdu dan il-mineral lill-industrija nazzjonali tal-prodott ikkonċernat, u dan bi prezz inqas minn dak adegwat. L-effett konkret tar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni, b’mod partikolari fuq l-eżerċizzju, mill-produtturi ta’ mineral tal-ħadid Indjani, tal-libertà deċiżjonali tagħhom fid-definizzjoni tal-istrateġija kummerċjali tagħhom, ma huwiex magħruf u huwa inċert.

105

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

106

Għandu jiġi osservat li l-għan tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament bażiku huwa li jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” b’mod li minnu jiġu esklużi l-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi li ma jaqgħux taħt waħda mill-kategoriji elenkati f’din id-dispożizzjoni. Huwa f’din il-perspettiva li l-Artikolu 3(1)(a)(i) sa (iii) tar-Regolament bażiku jelenka sitwazzjonijiet konkreti li għandhom jitqiesu li jinvolvu kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi, jiġifieri t-trasferiment dirett jew indirett ta’ fondi, ir-rinunzja għal dħul pubbliku jew il-provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi. L-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku jipprovdi fit-tieni inċiż tiegħu li l-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jinkarigaw organu privat sabiex iwettaq waħda jew iktar mit-tipi ta’ funzjonijiet hekk elenkati huwa ekwivalenti għall-għoti minn dawn l-awtoritajiet pubbliċi ta’ kontribut finanzjarju fis-sens tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament bażiku.

107

Minn dan jirriżulta li, kif enfasizzat il-Kummissjoni, it-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku huwa, essenzjalment, dispożizzjoni kontra l-evażjoni, li tfittex li tiżgura li l-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiżi terzi ma jkunux jistgħu jevadu r-regoli dwar is-sussidji billi jadottaw miżuri li, fl-apparenza, ma jaqgħux stricto sensu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a)(i) sa (iii) ta’ dan ir-regolament, iżda, fil-prattika, għandhom effetti ekwivalenti.

108

Konsegwentement, sabiex jiġi żgurat li t-tieni inċiż tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku jkollu effett utli sħiħ, għandu jinftiehem b’“għoti ta’ inkarigu” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni kull azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi li tammonta, direttament jew indirettament, għall-għoti lil organu privat tar-responsabbiltà li jwettaq tip ta’ funzjoni bħal dawk previsti fl-Artikolu 3(1)(a)(i) sa (iii) tal-imsemmi regolament.

109

F’dan il-każ, l-awtoritajiet pubbliċi Indjani stabbilixxew restrizzjonijiet għall-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid fil-forma ta’ taxxa fuq l-esportazzjoni u d-DFP. Issa, għandu jitqies li huwa possibbli li jiġi ddeterminat b’mod suffiċjentement preċiż il-livell li fih għandha tiġi ffissata ż-żieda fl-esportazzjonijiet ta’ prodott sabiex ma jibqax ekonomikament attraenti għall-produtturi nazzjonali li jesportaw dan il-prodott. B’dan il-mod, permezz tal-imsemmija restrizzjonijiet, l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi setgħu jiksbu riżultat li fil-prattika huwa ekwivalenti għal dak li huma kienu jiksbu li kieku kienu taw direttament lill-impriżi Indjani tal-minjieri r-responsabbiltà li jipprovdu l-mineral tal-ħadid fis-suq nazzjonali.

110

Sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju, il-Kummissjoni wettqet analiżi bbażata fuq test f’ħames stadji stabbilit fir-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fit-23 ta’ Awwissu 2001 fit-tilwima intitolata “L-Istati Uniti – Miżuri li jittrattaw ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni bħala sussidji” (WT/DS 194/R), li jinterpreta l-Artikolu 1.1(a)(1)(iv) tal-Ftehim SMK fil-kuntest ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni.

111

Abbażi ta’ din l-analiżi, il-Kummissjoni qieset, fil-premessa 177 tar-Regolament ikkontestat, li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani kienu inkarigaw lill-impriżi tal-minjieri sabiex iwettqu l-politika ta’ dawn l-awtoritajiet pubbliċi, bil-għan li joħolqu suq intern ikkompartimentalizzat u jipprovdu mineral tal-ħadid lill-industrija tal-azzar, fil-premessa 180 tal-imsemmi regolament, li l-impriżi Indjani kollha tal-minjieri kellhom jitqiesu li huma organi privati, fil-premessa 219 ta’ dan ir-regolament, li dawn l-impriżi kienu pprovdew il-mineral tal-ħadid fis-suq intern għal remunerazzjoni inqas minn dik adegwata, fil-premessa 221 tal-istess regolament, li l-provvista ta’ materji primi li jinsabu fit-territorju nazzjonali lil impriżi nazzjonali hija funzjoni li normalment taqa’ taħt l-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż u, fl-aħħar nett, fil-premessa 225 tar-regolament inkwistjoni, li intervent indirett fis-suq permezz tal-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni jikkostitwixxi prattika li hija “normalment segwita mill-gvernijiet”.

112

Permezz tal-analiżi inkwistjoni, magħmula fil-premessi 135 sa 229 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni stabbilixxiet li, permezz tar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni, l-awtoritajiet pubbliċi Indjani kienu fittxew li jiksbu mingħand l-impriżi Indjani tal-minjieri dak li huwa previst fl-Artikolu 3(1)(a)(iii) tar-Regolament bażiku, jiġifieri, f’dan il-każ, il-provvista ta’ mineral tal-ħadid fis-suq Indjan. Fil-fatt, minflok ma jixtru l-mineral tal-ħadid u jipprovduh huma stess f’dan is-suq, l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi stabbilixxew sistema intiża li jinkiseb mingħand il-produtturi Indjani ta’ mineral tal-ħadid li huma jipprovduh fl-imsemmi suq, permezz ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni li kienu jirrendu l-esportazzjoni ta’ dan il-mineral tal-ħadid kummerċjalment mhux attraenti.

113

Il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani kkonċepixxew u stabbilixxew tali sistema fl-2007 u fl-2008 huwa ssostanzjat minn diversi provi msemmija mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat. Għaldaqstant, fil-premessa 145 ta’ dan ir-regolament ġie rrilevat li, fl-2005, grupp ta’ esperti fformat mill-Ministeru tal-Azzar Indjan kien ikkonkluda fir-rapport tiegħu (ir-“Rapport Dang”) li, għall-Indja, il-vantaġġ li jikkonsisti fl-aċċess żgurat għall-provvisti lokali tal-mineral tal-ħadid kellu jiġi ppreżervat, imrawwem u sfruttat.

114

Barra minn hekk, mill-provi msemmija fil-premessi 153, 157 u 158 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani segwew l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet ta’ mineral tal-ħadid Indjan u vverifikaw jekk ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni kinux qegħdin jipproducu l-effett imfittex, jiġifieri l-provvista ta’ dan il-mineral fis-suq Indjan, filwaqt li aġġustaw perjodikament il-livell ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, b’mod partikolari r-rata tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid, sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-effett imfittex.

115

Mill-premessa 158 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta wkoll li r-rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Industrija tal-Azzar għat-tnax-il pjan ta’ ħames snin, ippubblikat f’Novembru 2011, wera l-intenzjoni espliċita tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani li jużaw il-livelli għolja ta’ taxxa sabiex jiskoraġġixxu l-esportazzjonijiet ta’ mineral tal-ħadid, li jekk ikun meħtieġ ikomplu jgħollu r-rata tat-taxxa fuq l-esportazzjoni u li barra minn hekk jipprevedu l-possibbiltà li jimponu miżuri supplimentari jekk dan jirriżulta li jkun neċessarju.

116

Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet u fid-dawl tal-eżistenza ta’ investimenti inizjali sinjifikattivi u ta’ spejjeż fissi għolja li kellhom jassumu l-produtturi Indjani ta’ mineral tal-ħadid li l-Kummissjoni kkonkludiet fil-premessa 169 tar-Regolament ikkontestat li “[g]ħalhekk, il-produtturi tal-mineral tal-ħadid [kienu] mħeġġa mill-GtI [mill-Gvern tal-Indja] biex iżommu l-produzzjoni biex ifornu s-suq domestiku anki jekk fornitur razzjonali [kien] jadatta l-output tiegħu f’sitwazzjoni fejn l-esportazzjonijiet ikunu ġew diżinċentivati” u, fil-premessa 171 tal-imsemmi regolament, li, għaldaqstant, dawn l-awtoritajiet pubbliċi kienu inkarigaw il-produtturi Indjani ta’ mineral tal-ħadid sabiex jipprovdu prodotti lill-utenti domestiċi ta’ mineral tal-ħadid, jiġifieri l-produtturi tal-azzar.

117

Għalhekk ir-rikorrenti jiżbaljaw meta jsostnu li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani intervenew fis-suq biss fil-kuntest tas-setgħat regolatorji tagħhom u li l-effett ta’ dan l-intervent ma kienx magħruf jew kien inċert. Għall-kuntrarju, kif jirriżulta mill-punti 112 sa 116 iktar ’il fuq, ir-restrizzjonijiet għall-importazzjoni inkwistjoni ġew ikkonċepiti u imposti bl-għan espliċitu li tiġi żgurata l-provvista ta’ mineral tal-ħadid fis-suq Indjan u sussegwentement kienu s-suġġett ta’ segwitu u ta’ aġġustamenti b’mod li jintlaħaq dan l-għan. Barra minn hekk, l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi stess irrikonoxxew is-suċċess tal-politika tagħhom ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni mmirati, kif tispeċifika l-premessa 173 tar-Regolament ikkontestat. Għaldaqstant, meta l-Kumitat Permanenti għall-Faħam u l-Azzar tal-Ministeru tal-Azzar Indjan, għall-finijiet tat-tmienja u tletin rapport tiegħu, tad-29 ta’ Awwissu 2013, xtaq isir jaf “sa fejn […] ir-rata [applikabbli dak iż-żmien] tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid [kien] irnexxielha tiskoraġġixxi l-esportazzjoni ta’ mineral tal-ħadid u jekk din kinitx teħtieġ reviżjoni ulterjuri”, l-imsemmi ministeru indika, b’mod partikolari, li huwa “[kien] qed jiddiskuti l-kwistjoni b’mod regolari mal-Ministeru tal-Finanzi [Indjan] għall-impożizzjoni ta’ dazju xieraq [taxxa xierqa] fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid sabiex jiskoraġġixxi effettivament l-esportazzjoni tiegħu u jtejjeb id-disponibbiltà tal-mineral tal-ħadid għall-industrija domestika tal-ħadid u l-azzar bi prezz affordabbli” u li l-“impożizzjoni ta’ taxxa ogħla fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid [kienet] konformi mal-politika tal-Gvern [Indjan]”.

118

Barra minn hekk, ma jistax jirnexxi l-argument tar-rikorrenti li skontu l-fatt li, għal ċerti xhur tal-perijodu ta’ investigazzjoni, il-prezz tal-mineral tal-ħadid fis-suq Indjan kien ogħla mill-prezz tiegħu fis-suq dinji u l-fatt li, wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, Jindal Saw importat il-mineral tal-ħadid li hija użat jipprovaw li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni jistgħu jew ma jistgħux ikollhom riżultati skont iċ-ċirkustanzi tas-suq u l-libertà deċiżjonali tal-operaturi preżenti fis-suq. Fil-fatt, il-kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi Indjani jikkonsisti fil-provvista ta’ mineral tal-ħadid stess. Il-fatt li, għal ċerti xhur tal-perijodu ta’ investigazzjoni, il-mineral tal-ħadid kien jinbiegħ fis-suq Indjan bi prezz ogħla mis-suq dinji huwa kwistjoni li tirrigwarda mhux l-eżistenza ta’ dan il-kontribut finanzjarju, iżda eventwalment l-eżistenza ta’ vantaġġ. Issa, kif jenfasizzaw ir-rikorrenti stess, għandha ssir distinzjoni bejn l-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju u dik ta’ vantaġġ. Barra minn hekk, il-fatt li operatur ekonomiku li jista’ jibbenefika minn kontribut finanzjarju jagħżel li ma jibbenefikax minnu, fih innifsu, ma għandux effett fuq l-eżistenza ta’ dan il-kontribut.

119

Fl-aħħar nett, ma hemm ebda indikazzjoni li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni ġew introdotti sabiex jinġabar dħul pubbliku, ħaġa li tikkonferma l-analiżi li, permezz tal-miżuri fiskali u tariffarji inkwistjoni, l-awtoritajiet pubbliċi Indjani fittxew li jimplimentaw il-politika intiża li tiżgura l-provvista ta’ mineral tal-ħadid fis-suq Indjan.

120

.Għalhekk l-ewwel ilment għandu jiġi miċħud.

121

Permezz tat-tieni lment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku għandu jiġi interpretat fis-sens li, neċessarjament, rwol iktar attiv minn sempliċi atti ta’ inkoraġġiment min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi huwa meħtieġ sabiex azzjoni ta’ dawn tal-aħħar ma’ persuni jew ma’ entitajiet fis-suq nazzjonali tista’ titqies li hija att ta’ “għoti ta’ inkarigu” lil organu privat sabiex iwettaq ċerti funzjonijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Dan ma huwiex il-każ fil-każ inkwistjoni.

122

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jsostnu li, meta eżaminat jekk l-għajnuna tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani lill-industrija nazzjonali tal-prodott ikkonċernat kinitx effettivament tikkostitwixxi l-għan ta’ politika governattiva, u mhux sempliċi effett sekondarju tal-eżerċizzju tas-setgħat regolatorji ġenerali tagħhom, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kriterju ġuridiku żbaljat. Fil-fatt, hija messha eżaminat jekk il-provvista ta’ mineral tal-ħadid mill-impriżi Indjani tal-minjieri lill-imsemmija industrija kinitx “aċċidentali” jew jekk din il-provvista kinitx tikkostitwixxi sempliċi “korollarju tar-regolamentazzjoni pubblika”, skont it-termini użati fil-punt 114 tar-rapport tal-Korp tal-Appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO fit-tilwima intitolata “L-Istati Uniti – Investigazzjoni dwar dazji kumpensatorji fuq is-semikondutturi għall-memorji dinamiċi b’aċċess każwali (DRAM) li joriġinaw mill-Korea” (WT/DS 296/AB/R).

123

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

124

F’dak li jirrigwarda, qabelxejn, l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani ma wettqux rwol iktar attiv mit-twettiq ta’ sempliċi atti ta’ inkoraġġiment, huwa suffiċjenti li jiġi kkonstatat li, billi adottaw ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni f’kuntest konkret ikkaratterizzat mill-eżistenza ta’ investimenti inizjali sinjifikattivi u ta’ spejjeż fissi għolja li ma kinux jippermettu lill-impriżi Indjani tal-minjieri jnaqqsu l-produzzjoni tagħhom, dawn l-awtoritajiet pubbliċi rrestrinġew il-libertà ta’ azzjoni ta’ dawn l-impriżi billi fil-prattika llimitaw il-kapaċità tagħhom li jiddeċiedu dwar is-suq li fih ibigħu l-prodotti tagħhom.

125

Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti ma ressqu ebda argument li jqiegħed fid-dubju l-analiżi magħmula mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani imponew u aġġustaw ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni b’mod kontinwu sabiex jiżguraw li jintlaħaq l-għan imfittex permezz ta’ dawn ir-restrizzjonijiet ma jistax jitqies li huwa sempliċi inkoraġġiment indirizzat lill-produtturi nazzjonali ta’ mineral tal-ħadid. Għall-kuntrarju, dawn l-azzjonijiet min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani wasslu lil dawn il-produtturi sabiex ibigħu il-prodotti tagħhom fis-suq Indjan.

126

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, għalkemm delega normalment titwettaq b’mezzi formali, din tista’ wkoll tkun informali u li, barra minn hekk, jista’ jkun hemm mezzi oħra minbarra delega, irrispettivament minn jekk ikunux formali jew informali, li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jużaw għall-istess għanijiet, kif ġie indikat fil-punt 110 tar-rapport tal-Korp tal-Appell fit-tilwima “L-Istati Uniti – DRAM” (ara l-punt 122 iktar ’il fuq).

127

F’dan il-każ, il-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani imponew restrizzjonijiet għall-esportazzjoni fuq il-mineral tal-ħadid u aġġustawhom fuq bażi kontinwa sabiex jiżguraw li jilħqu l-istess riżultat daqslikieku pprovdew il-mineral tal-ħadid fis-suq Indjan huma stess jikkostitwixxi tali delega informali. Għaldaqstant, billi kkonstatat dan il-fatt, il-Kummissjoni effettivament ikkonstatat li l-imsemmija awtoritajiet pubbliċi kienu wettqu rwol attiv li ma setax jiġi assimilat ma’ sempliċi atti ta’ inkoraġġiment.

128

Għaldaqstant, jidher li l-argument tar-rikorrenti li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani llimitaw ruħhom għal sempliċi atti ta’ inkoraġġiment u ma wettqux rwol attiv huwa bbażat fuq interpretazzjoni mhux eżatta tar-Regolament ikkontestat.

129

Għalhekk it-tieni lment għandu jiġi miċħud.

130

Permezz tat-tielet ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljat meta eżaminat jekk ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni kinux jikkostitwixxu azzjoni ta’ “għoti ta’ inkarigu” lil organu privat sabiex iwettaq waħda mill-funzjonijiet previsti fl-Artikolu 3(1)(a)(i) sa (iii) tar-Regolament bażiku billi bbażat ruħha biss fuq ir-reazzjonijiet tal-impriżi milquta u fuq l-effetti ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fuq is-suq. Fil-fatt, skont ir-rikorrenti, hija messha eżaminat biss il-miżuri konkreti meħuda mill-awtoritajiet pubbliċi Indjani, mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-effetti ta’ dawn il-miżuri fuq is-suq Indjan.

131

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

132

L-argument sostnut mir-rikorrenti fil-kuntest ta’ dan l-ilment huwa wkoll ibbażat fuq qari żbaljat tar-Regolament ikkontestat. Kif jirriżulta mill-punti 112 sa 116 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma bbażatx ruħha biss fuq ir-reazzjonijiet tal-impriżi milquta minn restrizzjonijiet għall-esportazzjoni u l-effetti ta’ dawn tal-aħħar fuq is-suq Indjan. Hija analizzat l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani kif ukoll ir-rabta bejn il-politika espliċita tagħhom u l-aġir tal-operaturi privati. Fil-fatt, il-miżuri konkreti implimentati mill-imsemmija awtoritajiet pubbliċi li ttieħdu inkunsiderazzjoni f’din l-analiżi ma humiex biss l-atti ġuridiċi li jadottaw ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni, iżda huma wkoll l-azzjoni kontinwa ta’ sorveljanza tas-suq u ta’ eżami tal-effetti ta’ dawn ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni u l-emendi konsegwentement magħmula għar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan imfittex. Għalhekk ir-rikorrenti jiżbaljaw meta jargumentaw li l-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha biss fuq ir-reazzjonijiet tal-impriżi kkonċernati għall-imsemmija restrizzjonijiet u l-effetti tagħhom fuq is-suq.

133

L-argumenti li r-rikorrenti jisiltu f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO li huma jinvokaw, b’mod ġenerali, insostenn tal-ewwel parti tal-ewwel motiv ma humiex ta’ natura li jqiegħdu fid-dubju l-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti. Fil-fatt, il-fatti jew il-kwistjonijiet ġuridiċi li huma ċentrali għat-tliet tilwimiet li huma jirreferu għalihom ma humiex paragunabbli mal-fatti ta’ din il-kawża, b’mod li dawn ir-rapporti ma humiex rilevanti fil-kuntest tagħha.

134

Għaldaqstant, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda t-tilwima “L-Istati Uniti – Restrizzjonijiet għall-esportazzjoni” (ara l-punt 110 iktar ’il fuq), din kienet tirrigwarda l-kwistjoni jekk il-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti dwar dazji kumpensatorji, li, skont il-Kanada, kienet tassimila azzjoni regolatorja tal-awtoritajiet pubbliċi li tillimita l-esportazzjoni ta’ oġġett, jiġifieri restrizzjoni għall-esportazzjoni, ma’ “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens tal-Artikolu 1.1(a)(1) tal-Ftehim SMK, kinitx kompatibbli ma’ dan tal-aħħar. Għaldaqstant, din it-tilwima ma kinitx tirrigwarda restrizzjonijiet għall-esportazzjoni speċifiċi eżaminati fid-dawl ta’ dikjarazzjonijiet politiċi dwar l-għan li tiġi żgurata l-provvista tal-prodott ikkonċernat fis-suq intern bil-għan li tiġi sostnuta industrija partikolari.

135

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda r-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fis-16 ta’ Novembru 2012 fit-tilwima intitolata “Iċ-Ċina – Dazji kumpensatorji u dazji antidumping fuq l-azzar elettriku rromblat ċatt orjentat fuq fili li joriġina mill-Istati Uniti” (WT/DS 414/R), ikkonfermat mir-rapport tal-Korp tal-Appell, li kienet tikkonċerna restrizzjonijiet għall-importazzjoni permezz ta’ ftehimiet ta’ awtolimitazzjoni, ir-rabta bejn l-azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi u l-allegat kontribut finanzjarju ma kienx paragunabbli ma’ dak li ġie identifikat f’dan il-każ, fir-rigward tat-tip ta’ miżura u tan-natura tal-kontribut finanzjarju kkonċernati f’din it-tilwima. Fil-fatt, f’dik il-kawża, ir-Repubblika Popolari taċ-Ċina qieset li ftehimiet ta’ awtolimitazzjoni li jirrestrinġu l-importazzjoni fl-Istati Uniti tal-prodott ikkonċernat kienu wasslu għal trasferiment ta’ ġid mix-xerrejja nazzjonali ta’ dan il-prodott lill-industrija nazzjonali li tipproduċi l-imsemmi prodott, ħaġa li tista’ titqies li hija kontribut finanzjarju fis-sens tal-Artikolu 1.1(a)(1)(iv) tal-Ftehim SMK, minħabba l-effett tal-miżura fuq il-partijiet privati, li wasslithom sabiex iwettqu trasferiment ta’ fondi fil-forma ta’ ħlas ta’ prezzijiet ogħla. Il-grupp speċjali kkostitwit għal din it-tilwima qies li l-fatt li miżura tal-awtoritajiet pubbliċi bħal miżura fuq il-fruntiera jkollha l-effett indirett li żżid il-prezzijiet f’suq ma setax iwassal sabiex jitqies li, permezz ta’ din il-miżura, l-awtoritajiet pubbliċi inkarigaw ix-xerrejja privati sabiex iwettqu trasferimenti diretti ta’ fondi lill-industrija li tbigħ l-oġġett fis-suq ikkonċernat, jew ordnawlhom jagħmlu dan.

136

It-tielet nett, f’dak li jirrigwarda r-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fis-16 ta’ Jannar 2015 fit-tilwima intitolata “L-Istati Uniti – Miżuri kumpensatorji fuq ċerti prodotti li joriġinaw miċ-Ċina” (WT/DS 437/R), din it-tilwima kienet tirrigwarda l-Artikolu 11.3 tal-Ftehim SMK, li jirrigwarda l-eżami tal-provi prodotti mill-industrija nazzjonali, bil-għan li jiġi ddeterminat jekk humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-ftuħ ta’ investigazzjoni antisussidji, f’dan il-każ fl-Istati Uniti.

137

Il-grupp speċjali qies li t-tilwima kienet tirrigwarda l-kwistjoni jekk l-awtorità investigattiva kinitx aġixxiet b’mod kompatibbli mal-Artikoli 11.2 u 11.3 tal-Ftehim SMK billi fetħet investigazzjoni antisussidji abbażi ta’ allegazzjoni u ta’ provi li jindikaw li kien hemm kontribut finanzjarju minħabba restrizzjonijiet għall-esportazzjoni applikati mill-awtoritajiet pubbliċi ta’ pajjiż barrani u effetti ta’ dawn ir-restrizzjonijiet fuq il-prezzijiet interni ta’ dan il-pajjiż. Issa, f’din it-tilwima, l-ilment ma kien jinkludi ebda prova dwar segwitu u aġġustamenti tar-restrizzjonijiet ikkonċernati.

138

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fid-dawl tas-sitwazzjoni evalwata mill-grupp speċjali fl-imsemmija tilwima, ir-rapport imħejji f’din it-tilwima ma huwiex, bħala prinċipju, rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża, fejn il-konstatazzjoni ta’ azzjoni ta’ għoti ta’ inkarigu lill-produtturi nazzjonali ta’ mineral tal-ħadid sabiex jipprovdu l-prodotti tagħhom fis-suq intern hija bbażata mhux biss fuq ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni nfushom u l-eżistenza ta’ politika speċifika ta’ għajnuna lill-industrija tal-azzar, iżda wkoll fuq serje ta’ provi ta’ aġġustament kontinwu tal-miżuri sabiex jintlaħaq l-għan imfittex.

139

Barra minn hekk, ir-rikorrenti jqisu li huma żbaljati l-konklużjonijiet misluta mill-Kummissjoni, minn naħa, fil-premessa 186 tar-Regolament ikkontestat, li tirrigwarda l-effetti tal-politika tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani fuq is-suq Indjan, fejn hija tindika li din il-politika wasslet għal “tnaqqis impressjonanti” tal-volum tal-esportazzjonijiet ta’ mineral tal-ħadid, meta, bejn iż-żmien meta ġew imposti r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni, jiġifieri s-snin 2007 u 2008, u s-sena 2015, il-produzzjoni Indjana ta’ mineral tal-ħadid naqset b’mod iktar qawwi mill-esportazzjonijiet, u, min-naħa l-oħra, fil-premessa 190 ta’ dan ir-regolament, fejn hija tindika, essenzjalment, li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni kienu ħolqu provvista eċċessiva ta’ mineral tal-ħadid fis-suq intern Indjan, meta l-produzzjoni eċċessiva naqset b’iktar minn nofs matul l-istess perijodu.

140

F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu tabilħaqq jiġi osservat li ċ-ċifri li jinsabu fil-premessi 183 u 184 tar-Regolament ikkontestat juru li l-produzzjoni Indjana ta’ mineral tal-ħadid naqset bejn l-2007 u l-2015. Madankollu, din il-produzzjoni dejjem kienet eċċessiva meta mqabbla mal-konsum Indjan ta’ mineral tal-ħadid matul l-istess perijodu, b’mod li, minkejja t-tnaqqis tagħha, din il-produzzjoni nżammet b’mod kostanti f’livell suffiċjenti sabiex jiġi kopert il-konsum intern, ħaġa li kienet konformi mal-għanijiet li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani fittxew li jilħqu bl-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni.

141

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-konsum nazzjonali ta’ mineral tal-ħadid żdied b’mod kważi kostanti mill-introduzzjoni tal-imsemmija restrizzjonijiet u li l-konsum supplimentari kien jirrigwarda l-mineral tal-ħadid prodott fl-Indja, peress li l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott baqgħu kważi kostanti. Issa, peress li l-produzzjoni nazzjonali ta’ mineral tal-ħadid naqset matul l-istess perijodu u fid-dawl tal-prezzijiet ogħla pprattikati fis-suq dinji, il-fatt li din iż-żieda fil-konsum nazzjonali ġiet kompletament assorbita mill-produzzjoni nazzjonali ta’ mineral tal-ħadid prodott fl-Indja jidher li huwa paradossali, għaliex, f’sitwazzjoni ta’ suq mhux distort, fid-dawl tal-livell tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid fis-suq dinji, kien ikun iktar profittabbli għall-produtturi Indjani ta’ dan il-mineral li jesportaw il-prodotti tagħhom milli li jbigħuhom fis-suq nazzjonali.

142

Barra minn hekk, ir-rikorrenti ma jiħdux inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tnaqqis fil-produzzjoni interna ta’ mineral tal-ħadid fl-Indja rriżulta minn deċiżjonijiet ġudizzjarji li jingħalqu l-minjieri minħabba attivitajiet tal-minjieri illegali u reati ambjentali f’ċerti Stati tal-Indja, kif esponiet il-Kummissjoni fil-premessa 187 tar-Regolament ikkontestat. Il-fatt li l-produzzjoni eċċessiva ta’ mineral tal-ħadid fl-Indja, jiġifieri, b’riferiment għall-premessa 190 tal-imsemmi regolament, il-produzzjoni eċċessiva interna meta mqabbla mat-total tal-konsum intern u tal-esportazzjonijiet bl-importazzjonijiet imnaqqsa, naqset wara dan l-għeluq ta’ minjieri ma jirrendix żbaljata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-produzzjoni eċċessiva fis-suq, peress li din tal-aħħar kienet teżisti matul il-perijodu kollu meħud inkunsiderazzjoni.

143

Konsegwentement, it-tielet ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq konfużjoni, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament bażiku, bejn il-kunċetti ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ “benefiċċju” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku

144

Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku u wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonfondiet il-kunċett ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja”, fis-sens tal-punt 1 tal-imsemmi Artikolu 3, u l-kunċett ta’ “benefiċċju”, fis-sens tal-punt 2 ta’ dan l-artikolu. F’dan ir-rigward, huma jsostnu, minn naħa, li dawn il-kunċetti jkopru żewġ elementi ġuridiċi distinti li, flimkien, jippermettu li jiġi ddeterminat jekk jitqiesx li jeżisti sussidju u, min-naħa l-oħra, li, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju, ma hemmx lok li jintuża l-kunċett ta’ “remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata” previst fl-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku, li jirrigwarda l-kalkolu tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarju ta’ kontribut finanzjarju. Għaldaqstant, huma jikkritikaw il-fatt li, fir-Regolament ikkontestat, l-analiżi kollha tal-Kummissjoni dwar l-allegata eżistenza ta’ azzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi ta’ “għoti ta’ inkarigu” lill-produtturi Indjani ta’ mineral tal-ħadid sabiex jipprovdu l-mineral tal-ħadid lill-industrija nazzjonali tal-prodott ikkonċernat kienet marbuta biss mal-kwistjoni jekk il-produtturi Indjani ta’ mineral tal-ħadid kinux ipprovdew l-imsemmi mineral għal “remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata” lill-industrija nazzjonali tal-prodott ikkonċernat, meta din il-kwistjoni kienet rilevanti biss fir-rigward ta’ jekk kienx ingħata vantaġġ lill-benefiċjarji tal-provvista ta’ oġġetti allegata.

145

Insostenn ta’ din il-parti, ir-rikorrenti jinvokaw ir-rapport tal-Korp tal-Appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fit-23 ta’ Marzu 2012 fit-tilwima intitolata “L-Istati Uniti – Miżuri li jaffettwaw il-kummerċ fl-ajruplani ċivili kbar – it-tieni lment” (WT/DS 353/AB/R) u r-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fil-11 ta’ April 2005 fit-tilwima intitolata “Il-Korea – Miżuri li jaffettwaw il-kummerc fil-bastimenti kummerċjali” (WT/DS 273/R).

146

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

147

Għandu jiġi rrilevat qabelxejn li, kif jirriżulta mill-premessi 181 sa 219 tar-Regolament ikkontestat, li jinsabu fil-parti ta’ dan ir-regolament iddedikata għall-eżami tal-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju, il-Kummissjoni analizzat fid-dettall l-iżvilupp tas-suq Indjan tal-mineral tal-ħadid. Fil-premessa 190 ta’ dan ir-regolament, hija osservat li, “[m]inkejja tnaqqis fil-produzzjoni tal-mineral tal-ħadid, is-suq Indjan [kien qiegħed] juri kapaċità eċċessiva kostanti u irrazzjonali meta mqabbel mat-total tal-konsum domestiku u tal-esportazzjonijiet nieqes l-importazzjonijiet”, fattur li “[kien] wassal għal provvista eċċessiva tal-mineral tal-ħadid fis-suq domestiku kif [kien] rikonoxxut u mfittex mill-GtI [mill-Gvern tal-Indja]”. Fil-premessa 192 tal-imsemmi regolament, hija rrilevat li “l-objettiv tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid ma kienx li jwaqqaf għal kollox l-esportazzjonijiet, iżda li jnaqqashom, filwaqt li jżid id-disponibbiltà [ta’ dan il-mineral] fis-suq domestiku”.

148

Wara dawn il-konstatazzjonijiet, fil-premessa 200 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni indikat li hija kienet analizzat l-eventwali effett tal-provvista eċċessiva ta’ mineral tal-ħadid ikkawżata mir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni fuq il-prezz intern tal-mineral tal-ħadid fl-Indja.

149

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha dwar l-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju, kien biss wara li kkonstatat li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni kienu wasslu għal provvista eċċessiva ta’ mineral tal-ħadid fis-suq Indjan li l-Kummissjoni, b’żieda ma’ dan l-eżami tas-suq, analizzat l-eventwali effett tal-imsemmija restrizzjonijiet fuq il-prezz intern tal-mineral tal-ħadid fl-Indja.

150

Barra minn hekk, minn qari globali tal-premessi 230 sa 271 tar-Regolament ikkontestat, li jinsabu taħt it-titolu “Benefiċċju.”, jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet analiżi fid-dettall tal-kriterju tal-vantaġġ, li hija nettament distinta mill-analiżi li hija għamlet dwar l-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju, ħaġa li r-rikorrenti ammettew waqt il-fażi orali tal-proċedura wara mistoqsija tal-Qorti Ġenerali.

151

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-invokazzjoni, mir-rikorrenti, tal-ġurisprudenza tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO hija bbażata fuq ċitazzjonijiet li nħarġu mill-kuntest tagħhom. L-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda r-rapport tal-Korp tal-Appell fit-tilwima “L-Istati Uniti – Ajruplani ċivili kbar (it-tieni lment)” (ara l-punt 145 iktar ’il fuq), għandu jiġi osservat li, fir-rapport tal-grupp speċjali kkostitwit f’dik il-kawża, imħejji fil-31 ta’ Marzu 2011 (WT/DS 353/R), dan il-grupp speċjali kien qies li kien neċessarju li jinħoloq test ġdid sabiex jiġi vverifikat jekk il-miżuri inkwistjoni fl-imsemmija kawża kinux jikkostitwixxu “kontribuzzjonijiet finanzjarji” fis-sens tal-Artikolu 1.1(a)(1)(i) tal-Ftehim SMK. Dan it-test ġdid kien jinvolvi li jiġi ddeterminat jekk is-servizzi pprovduti fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi kinux jagħtu vantaġġ lil dak li ħallas għalihom (l-awtoritajiet pubbliċi) jew lil dak li rċieva l-ħlas għas-servizzi. Wara li applika dan it-test ġdid, il-grupp speċjali kien ikkonkluda li s-servizzi inkwistjoni kienu jagħtu vantaġġ lil dak li rċieva l-ħlas għal din il-provvista, u mhux jagħtu vantaġġ lill-awtoritajiet pubbliċi li ħallsu għalihom, u li, għal din ir-raġuni, dan kien każ ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

152

F’dik il-kawża, l-applikazzjoni ta’ tali test kienet tipprekludi li ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni jekk kienx hemm kontribut finanzjarju u l-kwistjoni jekk kienx hemm vantaġġ, bil-konsegwenza li, kieku kellu jiġi konkluż li kien hemm vantaġġ għall-awtoritajiet pubbliċi, mid-definizzjoni tiegħu stess, ma kienx ikun hemm kontribut finanzjarju, u bil-maqlub. Għal din ir-raġuni, il-Korp tal-Appell eskluda l-applikazzjoni ta’ dan it-test, billi qies li l-approċċ adottat mill-grupp speċjali kien jipperikola li jiġu amalgamati żewġ elementi distinti tad-definizzjoni ta’ sussidju li tinsab fl-Artikolu 1.1 tal-Ftehim SMK.

153

It-tieni nett, bl-istess raġunament, fit-tilwima “Il-Korea – Bastimenti kummerċjali” (ara l-punt 145 iktar ’il fuq), is-siltiet mir-rapport tal-grupp speċjali f’din it-tilwima li ġew iċċitati mir-rikorrenti kienu jirrigwardaw sitwazzjoni li fiha l-Unjoni qieset bħala prova ta’ azzjoni ta’ “għoti ta’ inkarigu” jew ta’ “għoti ta’ direzzjoni” mill-awtoritajiet pubbliċi Koreani l-fatt li stabbilimenti finanzjarji kienu pparteċipaw fir-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikultà minflok ma fittxew li jżidu l-flussi ta’ flus tagħhom, b’mod partikolari billi jistralċjaw dawn l-impriżi. F’din is-sitwazzjoni, filwaqt li l-allegat kontribut finanzjarju kien ir-ristrutturazzjoni, kien hemm “benefiċċju” biss fil-każ li din ir-ristrutturazzjoni ma seħħitx taħt kundizzjonijiet konformi mal-kundizzjonijiet normali tas-suq. Għaldaqstant, ma kienx hemm possibbiltà li ssir distinzjoni bejn l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju u l-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.

154

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, b’differenza mis-sitwazzjoni inkwistjoni fiż-żewġ tilwimiet invokati mir-rikorrenti (ara l-punt 145 iktar ’il fuq), il-fatt li mill-analiżi li għamlet il-Kummissjoni f’dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju jitneħħew il-kunsiderazzjonijiet dwar l-effetti tar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni fuq il-prezzijiet fis-suq Indjan, jiġifieri l-kunsiderazzjonijiet li r-rikorrenti jikkontestaw ir-rilevanza tagħhom fil-kuntest tal-eżami dwar l-eżistenza ta’ kontribut finanzjarju, ma jibdel xejn mill-analiżi tal-Kummissjoni li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni kienu jimplikaw żieda fil-provvista ta’ mineral tal-ħadid fis-suq Indjan, li l-Kummissjoni qieset li kienet tammonta għal provvista ta’ mineral tal-ħadid.

155

Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) u (2)(a) tar-Regolament bażiku

156

Permezz tat-tielet motiv, li jinkludi żewġ partijiet, ir-rikorrenti jsostnu, sussidjarjament għall-ewwel motiv, li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 4(1) u (2)(a) tar-Regolament bażiku meta qieset li s-sussidju inkwistjoni kien speċifiku. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għar-rapport tal-Korp tal-Appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fil-25 ta’ Marzu 2011 fit-tilwima intitolata “L-Istati Uniti – Dazji antidumping u dazji kumpensatorji definittivi fuq ċerti prodotti li joriġinaw miċ-Ċina” (WT/DS 379/AB/R).

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, dwar in-natura mhux speċifika ta’ sussidju li jikkonsisti fil-provvista ta’ mineral tal-ħadid

157

Fil-kuntest tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li l-mineral tal-ħadid huwa l-element primarju tal-ħadid fondut u tal-azzar, żewġ inputs li jintużaw ta’ spiss fl-ekonomija. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jiġi identifikat u ddeterminat bi preċiżjoni, fl-Indja, in-numru ta’ impriżi jew ta’ industriji magħrufa u kkaratterizzati li jistgħu jibbenefikaw minn żieda fil-provvista ta’ mineral tal-ħadid permezz ta’ remunerazzjoni inqas minn dik adegwata fis-suq Indjan. Barra minn hekk, ma hijiex biss l-industrija tal-azzar li bbenefikat mill-provvista ta’ mineral tal-ħadid fl-Indja, għaliex industriji importanti oħra, bħal dawk tas-setturi tas-siment, tal-impjanti tal-ħasil tal-faħam u tal-ligi tal-ħadid, huma wkoll ikkonċernati.

158

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

159

Mir-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni eżaminat jekk it-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid u d-DFP kinux jissodisfaw it-tielet u l-aħħar kundizzjoni meħtieġa sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji, jiġifieri l-“ispeċifikalità” tagħhom fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku.

160

F’dan ir-rigward, fil-premessa 272 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonstatat li, fid-dawl tal-oġġetti kkonċernati mill-miżuri inkwistjoni, dawn tal-aħħar ibbenefikaw biss lill-industrija tal-azzar, jiġifieri ċerta industrija, u qieset li ma kienx meħtieġ li sussidju jkun limitat ulterjorment għal subsett ta’ industrija sabiex ikun jista’ jitqies li huwa speċifiku. Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal ċerti materji primi oħra, bħalma huma ż-żejt, il-gass jew l-ilma, iżda pjuttost bħalma huma s-siġar għall-produzzjoni tal-injam, il-mineral tal-ħadid, speċjalment dak ta’ kwalità għolja, ma jistax jintuża minn numru illimitat ta’ industriji, iżda jintuża minn numru limitat ta’ entitajiet u ta’ industriji, b’mod partikolari l-industrija ta’ produzzjoni ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għar-rapport tal-Korp tal-Appell tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fid-19 ta’ Diċembru 2014 fit-tilwima “L-Istati Uniti – Miżuri kumpensatorji fuq ċerti prodotti ċatti tal-azzar bil-karbonju rrumblat bis-sħana li joriġinaw mill-Indja” (WT/DS 436/AB/R).

161

Għandu jiġi osservat, kif għamlet il-Kummissjoni, li l-kwistjoni rilevanti fir-rigward tad-determinazzjoni jekk ir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni jistgħux jikkostitwixxu sussidji “speċifiċi” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament bażiku, ma hijiex li jsir magħruf jekk il-ħadid u l-azzar jintużawx ta’ spiss fl-ekonomija b’mod ġenerali, iżda hija li jsir magħruf jekk il-mineral tal-ħadid jintużax ta’ spiss fl-ekonomija b’mod ġenerali.

162

Fil-fatt, l-uniċi impriżi li jibbenefikaw mir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni fir-rigward tal-mineral tal-ħadid huma l-impriżi Indjani li jużaw il-mineral tal-ħadid fil-produzzjoni downstream, jiġifieri, b’mod partikolari, l-industrija tal-azzar. Il-fatt li l-mineral tal-ħadid huwa materjal fundamentali fl-industrija tal-azzar ma jfissirx li huwa jikkostitwixxi materjal fundamentali għall-ekonomija Indjana kollha kemm hi, bħalma huma l-ilma, iż-żejt u l-gass, li jintużaw minn numru indefinit ta’ industriji u ta’ impriżi. Għalhekk il-mineral tal-ħadid ma jistax jiġi pparagunat ma’ dawn l-inputs l-oħra.

163

Minbarra dan, anki jekk ikun possibbli li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni jistgħu jibbenefikaw b’mod indirett lill-impriżi downstream mill-industrija tal-azzar, li jużaw il-ħadid u l-azzar, sa fejn din l-industrija tkun għaddiet fuq dawn l-impriżi l-vantaġġ marbut mas-sussidju tal-provvista tal-mineral tal-ħadid, dan ma jistax ikollu r-riżultat li l-għajnuna għall-industrija tal-azzar innifisha titqies li ma hijiex speċifika fis-sens tar-Regolament bażiku.

164

Barra minn hekk, il-fatt li sussidju jibbenefika lil industrija sħiħa ma jimplikax li dan ma jkunx jista’ jitqies li huwa sussidju “speċifiku” fis-sens tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament bażiku. Fil-fatt, skont il-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni, sussidju jista’ jkun speċifiku mhux biss għal impriża, iżda wkoll għal “industrija jew grupp ta’ intrapriżi jew industriji”.

165

F’dak li jirrigwarda l-argument tar-rikorrenti li industriji importanti oħra, bħal dawk tas-setturi tas-siment, tal-impjanti tal-ħasil tal-faħam u tal-ligi tal-ħadid, huma wkoll ikkonċernati, għandu jiġi osservat li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq sempliċi affermazzjonijiet mingħajr ma r-rikorrenti jagħtu kwalunkwe indikazzjoni dwar kemm huwa kbir il-konsum ta’ dawn is-setturi industrijali l-oħra, b’mod li ma jistax jiġi eskluż li dan il-konsum huwa baxx ħafna.

166

Fi kwalunkwe każ, f’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li, skont ir-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fit-tilwima intitolata “L-Istati Uniti – ċerti prodotti ċatti tal-azzar – L-Indja” (WT/DS 436/R), kif ikkonfermat f’dak li jirrigwarda l-kwistjoni tal-ispeċifiċità mir-rapport tal-Korp tal-Appell fl-istess tilwima (WT/DS 436/AB/R) (ara l-punt 160 iktar ’il fuq), li wkoll tirrigwarda miżuri adottati mill-awtoritajiet pubbliċi Indjana dwar il-mineral tal-ħadid, sussidju fuq dan il-mineral jista’ jitqies li huwa speċifiku.

167

Fir-rapport tiegħu, il-grupp speċjali kkonstata li, “peress li [ġie] stabbilit li l-possibbiltà ta’ benefiċċju mis-sussidju [kien] limitat, dan is-sussidju [kien] speċifiku fis-sens tal-Artikolu 2 [tal-Ftehim SMK]” u li, “jekk din il-possibbiltà [kienet] limitata minħabba li ċerti impriżi biss [setgħu] jużaw il-prodott issussidjat, is-sussidju [kien] speċifiku” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

168

Għalhekk għandu jitqies li, f’dan il-każ, il-miżuri tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani, li jirrigwardaw biss il-mineral tal-ħadid, huma “speċifiċi”, fis-sens tal-Artikolu 4 tar-Regolament bażiku, kif diġà kkonstata l-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 2 tal-Ftehim SMK. Għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

– Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, dwar in-natura mhux speċifika ta’ sussidju li jikkonsisti f’taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid

169

Fil-kuntest tat-tieni parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu li jeżisti numru kbir ħafna ta’ taxxi fuq l-esportazzjoni fl-Indja. Konsegwentement, ma jistax jingħadd in-numru ta’ industriji li jistgħu jibbenefikaw mill-politika ta’ għajnuna lill-industriji downstream allegatament imwettqa mill-awtoritajiet pubbliċi Indjani permezz tar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni huma speċifiċi mingħajr ma tkun wettqet analiżi tat-taxxi fuq l-esportazzjoni l-oħra kollha li huma fis-seħħ fl-Indja u tal-interventi possibbli tal-awtoritajiet pubbliċi marbuta ma’ dawn it-taxxi l-oħra.

170

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ din il-parti.

171

Għandu jiġi rrilevat li t-tieni parti ta’ dan il-motiv huwa bbażat fuq l-allegata eżistenza, fl-Indja, ta’ taxxi fuq l-esportazzjoni fir-rigward ta’ diversi prodotti. Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni jikkonsistu mhux biss f’taxxa fuq l-esportazzjoni, iżda huma kkostitwiti minn żewġ miżuri, jiġifieri t-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid u d-DFP, u li dawn iż-żewġ miżuri jikkostitwixxu l-implimentazzjoni ta’ politika tal-awtoritajiet pubbliċi Indjani intiża li tissussidja l-industrija tal-azzar Indjana.

172

Fit-tieni lok, anki jekk jitqies li l-awtoritajiet pubbliċi Indjani stabbilixxew diversi sussidji bbażati fuq mekkaniżmu ta’ restrizzjonijiet għall-esportazzjoni mmirati intiżi li jsostnu diversi setturi industrijali, huwa wkoll neċessarju li jitqies li r-rekwiżit ta’ speċifiċità japplika għal kull wieħed minn dawn is-sussidji b’mod partikolari, u mhux għall-fatt li l-awtoritajiet pubbliċi jagħmlu użu minn sussidji biss b’mod limitat.

173

Konsegwentement, kien suffiċjenti, għall-Kummissjoni, li tanalizza n-natura ta’ sussidju tal-miżuri inkwistjoni, b’mod partikolari tat-taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid, mingħajr ma jkollha għalfejn tanalizza wkoll taxxi oħra fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti oħra. Kif irrilevat il-Kummissjoni, kwalunkwe taxxa fuq l-esportazzjoni hija kkonċepita b’mod awtonomu, tirrigwarda prodotti differenti u tista’ tibbenefika operaturi ekonomiċi differenti, b’mod li hija biss analiżi speċifika ta’ kull taxxa fuq l-esportazzjoni li tippermetti li jiġi stabbilit jekk din tikkostitwixxix sussidju speċifiku jew le.

174

Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti bl-ebda mod ma pprovaw li r-restrizzjonijiet inkwistjoni, li jirrigwardaw il-mineral tal-ħadid, jifformaw parti minn politika orizzontali ta’ għajnuna għall-industriji Indjana kollha attivi fis-setturi li jinsabu downstream mill-prodotti li huma s-suġġett ta’ miżuri paragunabbli.

175

Konsegwentement, it-tieni parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, għaldaqstant, it-tielet motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), tal-Artikolu 6(d) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

176

Ir-raba’ motiv, li jinqasam f’żewġ partijiet u li, bħat-tielet motiv, jitressaq sussidjarjament għall-ewwel motiv, jirrigwarda l-evalwazzjonijiet li jinsabu fir-Regolament ikkontestat dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ.

– Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

177

Sabiex din il-parti tkun tista’ tiġi eżaminata, għandu jitfakkar preliminarjament li l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li sussidju għandu jitqies li jeżisti jekk ikunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punti 1 u 2 tiegħu, jiġifieri jekk ikun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” mill-awtoritajiet pubbliċi tal-pajjiż ta’ oriġini jew ta’ esportazzjoni u jekk jingħata “benefiċċju” b’dan il-mod. L-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-“benefiċċju” mogħti lill-benefiċjarju. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15 ta’ dan l-istess regolament jipprovdi, fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li ma għandha tiġi imposta ebda miżura kumpensatorja, b’mod partikolari, jekk jintwera li s-sussidji ma għadhomx jagħtu xi vantaġġ lill-esportaturi kkonċernati.

178

Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jressqu żewġ ilmenti. Permezz tal-ewwel ilment, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku, huma jsostnu, prinċipalment, li l-kalkolu tal-vantaġġ, kif twettaq mill-Kummissjoni, wera li, matul ħames xhur mit-tnax-il xahar tal-perijodu ta’ investigazzjoni, Jindal Saw kienet ħallset remunerazzjoni iktar minn dik adegwata għall-mineral tal-ħadid li hija kienet akkwistat, fis-sens li hija kienet ħallset prezz ogħla mill-prezz ta’ paragun adottat mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, il-marġni ta’ sussidju naqas wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, b’mod li kalkolu aġġornat probabbilment kien juri “vantaġġ negattiv”. Konsegwentement, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni ma messhiex qieset li kien ingħata vantaġġ lil Jindal Saw.

179

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

180

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni stess tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-ammont tas-sussidju suġġett għal miżuri kumpensatorji għandu jiġi kkalkolat f’termini tal-vantaġġi mogħtija lill-benefiċjarju “li jinstabu li jkunu jeżistu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni dwar is-sussidjar”. Minn dan jirriżulta li l-perijodu ta’ investigazzjoni kollu għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-vantaġġ. Dan jimplika, b’mod partikolari, meta, bħal f’dan il-każ, ikun inkwistjoni kontribut finanzjarju li jirrigwarda oġġetti li l-prezzijiet tagħhom ivarjaw, li dak li huwa rilevanti huwa li jsir magħruf jekk ingħatax vantaġġ billi jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ investigazzjoni kollu kemm hu, u mhux li jsir magħruf jekk kienx ingħata vantaġġ f’kull mument ta’ dan il-perijodu. Fil-fatt, mill-imsemmi regolament bl-ebda mod ma jirriżulta li, sabiex tkun tista’ titqies li hija sussidju, il-miżura inkwistjoni għandha tagħti vantaġġ b’mod kontinwu. Għalhekk il-kwistjoni determinanti f’dan il-każ hija li jsir magħruf jekk il-kalkolu tal-vantaġġ għall-perijodu ta’ investigazzjoni kollu żvelax l-eżistenza ta’ marġni ta’ sussidju pożittiv għall-benefiċċju ta’ Jindal Saw, kif jirriżulta mill-premessa 265 tar-Regolament ikkontestat.

181

Għall-istess raġunijiet marbuta mal-fatt li l-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid ivarjaw, huwa wkoll irrilevanti, għall-evalwazzjoni tal-legalità tar-Regolament ikkontestat, li kalkolu iktar reċenti jkun jista’ juri li l-kontribut finanzjarju inkwistjoni ma kienx għadu jipprovdi xi vantaġġ lill-produtturi esportaturi Indjani f’mument partikolari, peress li huwa biss il-vantaġġ mogħti matul il-perijodu ta’ investigazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni.

182

Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament bażiku huwa bbażat regolarment fuq il-konstatazzjoni li l-kontribut finanzjarju inkwistjoni pprovda vantaġġ lil Jindal Saw matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, b’mod li l-ewwel ilment ma huwiex fondat.

183

Permezz tat-tieni lment, imressaq sussidjarjament, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku u li wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi imponiet miżuri kumpensatorji, meta s-sussidju allegat ma ġiex irċevut minn Jindal Saw, peress li, wara l-perijodu ta’ investigazzjoni, din tal-aħħar importat kważi l-mineral tal-ħadid kollu li xtrat, ħaġa li vverifikat il-Kummissjoni. Għaldaqstant, din tal-aħħar ma messhiex qieset, abbażi tal-konklużjonijiet tagħha dwar il-perijodu ta’ investigazzjoni, li Jindal Saw kienet ser tirċievi sussidju f’futur qrib, meta, fil-mument tal-impożizzjoni tal-miżuri kumpensatorji, ma kien jeżisti ebda sussidju.

184

F’dak li jirrigwarda l-possibbiltà li Jindal Saw tikseb il-provvisti tagħha mill-ġdid mis-suq Indjan, il-Kummissjoni ma pprovatx li l-livell tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid fis-suq dinji kien jikkostitwixxi r-raġuni prinċipali li għaliha Jindal Saw ma baqgħetx tixtri mineral tal-ħadid fl-Indja u li żieda fil-prezzijiet fis-suq dinji twassalha tixtri l-mineral tal-ħadid mill-ġdid fis-suq Indjan. Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti jesponu li Jindal Saw kellha tħallas spejjeż ta’ trasport marbuta mal-importazzjonijiet tagħha ta’ mineral tal-ħadid, sabiex dawn jiġu ttrasportati sal-fabbrika, ħaġa li tfisser li l-importazzjoni ta’ mineral tal-ħadid bil-prezz frank abbord (free on board – FOB) Awstraljan kienet iktar għalja mill-provvista fis-suq Indjan. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx teskludi l-possibbiltà li l-prezzijiet fis-suq dinji jonqsu fil-futur qrib.

185

F’dak li jirrigwarda l-applikabbiltà f’dan il-każ tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, ir-rikorrenti jsostnu li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, f’dak li jirrigwarda t-tieni ipoteżi prevista minnha, ma huwiex limitat għall-każijiet ta’ “sussidju ta’ darba u mhux rikorrenti”, kif tallega l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huma jirreferu għar-rapport tal-grupp speċjali tal-Korp ta’ Riżoluzzjoni ta’ Tilwim tal-WTO adottat fis-17 ta’ Diċembru 2007 fit-tilwima intitolata “Il-Ġappun – Dazji kumpensatorji fuq il-memorji dinamiċi b’aċċess każwali li joriġinaw mill-Korea” (WT/DS 336/R).

186

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment.

187

Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, ma għandha tiġi imposta ebda miżura kumpensatorja, b’mod partikolari, jekk jintwera li s-sussidji ma għadhomx jagħtu xi vantaġġ lill-esportaturi kkonċernati.

188

F’dan il-każ, fid-dawl tan-natura tal-kontribut finanzjarju inkwistjoni, il-vantaġġ ipprovdut minnu minħabba l-ħlas ta’ prezz inqas minn dak adegwat għall-provvista ta’ mineral tal-ħadid jista’ jvarja fl-importanza tiegħu, jew saħansitra jieqaf jeżisti temporanjament, peress li dan il-vantaġġ, fil-prattika, jiddependi mill-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid fis-suq dinji, li s-suq Awstraljan huwa rappreżentattiv tiegħu, liema prezzijiet ivarjaw. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni li jikkostitwixxu dan il-kontribut finanzjarju huma, min-naħa tagħhom, permanenti. Għaldaqstant, l-eventwali għibien tal-vantaġġ f’mument partikolari ma jipprovdi ebda informazzjoni dwar l-eżistenza futura tiegħu. Għalhekk ikun inkoerenti li tiġi prekluża l-impożizzjoni ta’ dazji kumpensatorji għaliex, fil-jum li fih ikollhom jiġu imposti, varjazzjoni fil-prezzijiet “adegwati” tirriżulta fl-għibien provviżorju tal-vantaġġ li jkun ġie kkonstatat legalment għall-perijodu ta’ investigazzjoni.

189

Fil-fatt, kif enfasizzat il-Kummissjoni, sakemm jibqgħu jeżistu r-regolamenti li jistabbilixxu r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni, ma jistax jiġi eskluż li, f’futur qrib, il-prezzijiet internazzjonali jiżdiedu mill-ġdid, bi tweġiba għall-varjazzjonijiet fid-domanda u fl-offerta internazzjonali ta’ mineral tal-ħadid, jew li l-prezzijiet Indjani jonqsu, bil-konsegwenza li jkun hemm vantaġġ mill-ġdid.

190

Kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ir-rapport tal-grupp speċjali fit-tilwima “Il-Ġappun – DRAM” (ara l-punt 185 iktar ’il fuq) ma jsostnix l-argument tagħhom. Fil-fatt, din it-tilwima kienet tirrigwarda sussidji mhux rikorrenti u qamet il-kwistjoni jekk dawn is-sussidji kinux għadhom jipproduċu effetti fil-mument tal-impożizzjoni tal-miżuri kumpensatorji. Kif irrileva l-grupp speċjali, ma kienx hemm lok li jitqies li l-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni kienet obbligata twettaq investigazzjoni ġdida fil-mument ta’ din l-impożizzjoni, sabiex tikkonferma ż-żamma tas-sussidju li l-eżistenza tiegħu kienet ġiet ikkonstatata matul il-perijodu kopert mill-investigazzjoni, ħaġa li tmur kontra l-għan innifsu tal-użu ta’ perijodi koperti mill-investigazzjoni.

191

F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni jekk huwiex il-każ, kif isostnu r-rikorrenti, li l-Kummissjoni kellha tipprova, minn naħa, li l-livelli rispettivi tal-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid fis-suq dinji u fis-suq Indjan kienu jikkostitwixxu r-raġuni prinċipali li għaliha Jindal Saw ma baqgħetx tikseb mineral tal-ħadid fl-Indja u, min-naħa l-oħra, li żieda fil-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid fis-suq dinji twassal lil Jindal Saw sabiex takkwista mill-ġdid il-mineral tal-ħadid li hija tuża fis-suq Indjan, għandu jiġi osservat li huwa minnu li l-Kummissjoni għandha tipprova li jeżisti sussidju matul il-perijodu ta’ investigazzjoni. Madankollu, jekk, wara dan il-perijodu, benefiċjarju jsostni li s-sussidju ma għadux jeżisti jew, tal-inqas, li huwa ma għadux jibbenefika minnu, l-oneru tal-prova jinqaleb.

192

Għaldaqstant, jekk, bħal f’dan il-każ, impriża ssostni li hija ma tfittixx li tikseb materja prima bl-aħjar prezz li tista’ tikseb, ħaġa li tmur kontra kull loġika ekonomika, hija jkollha l-obbligu, tal-inqas, li tressaq spjegazzjonijiet konvinċenti sabiex dan il-fatt jiġi stabbilit, ħaġa li r-rikorrenti ma għamlux, peress li ma indikawx għal-liema raġuni Jindal Saw kienet tirrinunzja li tikseb il-provvisti tagħha mis-suq Indjan fil-każ li, minħabba r-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni, il-prezzijiet tal-mineral tal-ħadid f’dak is-suq ikunu mill-ġdid iktar baxxi minn dawk ipprattikati fis-suq dinji.

193

Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, it-tieni lment tal-ewwel parti tar-raba’ motiv għandu wkoll jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, l-ewwel parti għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.

– Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament

194

Fil-kuntest tat-tieni parti tar-raba’ motiv, li jinkludi tliet ilmenti, ir-rikorrenti jsostnu li, meta kkalkolat b’mod żbaljat il-vantaġġ allegatament mogħti permezz tal-kontribut finanzjarju inkwistjoni, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament.

195

Kif tfakkar fil-punt 177 iktar ’il fuq, l-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku jipprovdi li sussidju għandu jitqies li jeżisti jekk ikun hemm “kontribuzzjoni finanzjarja” mill-awtoritajiet pubbliċi u jekk jingħata “benefiċċju” b’dan il-mod. L-Artikoli 6 u 7 tal-imsemmi regolament jispeċifikaw il-modalitajiet ta’ kalkolu tal-“benefiċċju” mogħti lill-benefiċjarju.

196

F’dak li jirrigwarda kontribut finanzjarju li jikkonsisti fil-provvista ta’ oġġetti mill-awtoritajiet pubbliċi, l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku jipprovdi essenzjalment li din il-provvista tagħti vantaġġ jekk issir għal remunerazzjoni li tkun inqas minn dik adegwata.

197

L-istess dispożizzjoni tistabbilixxi regoli applikabbli meta, fil-pajjiż tal-provvista, ma jkunx hemm kundizzjonijiet tas-suq li jistgħu jintużaw bħala valuri indikattivi xierqa għad-determinazzjoni tal-livell adegwat ta’ remunerazzjoni għall-prodott inkwistjoni. F’każ bħal dan, il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li jipprevalu fil-pajjiż ikkonċernat għandhom jiġu aġġustati, abbażi tal-ispejjeż, tal-prezzijiet u ta’ fatturi oħra reali disponibbli f’dak il-pajjiż, b’ammont xieraq li jirrifletti l-kundizzjonijiet normali tas-suq, jew għandhom jintużaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li jipprevalu fis-suq ta’ pajjiż ieħor jew fis-suq dinji li jkunu disponibbli għall-benefiċjarju.

198

F’dan il-każ, mill-premessi 230 u 231 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-eżistenza tal-vantaġġ mogħti lill-benefiċjarji billi kkalkolat, l-ewwel nett, il-prezz tax-xiri medju ponderat tal-mineral tal-ħadid mixtri matul il-perijodu ta’ investigazzjoni miż-żewġ produtturi esportaturi Indjani tal-prodott ikkonċernat li kkooperaw fl-investigazzjoni. Dan il-prezz tax-xiri medju ponderat kien ikkalkolat xahar b’xahar, abbażi tal-prezz tal-kunsinna tal-mineral tal-ħadid mill-minjiera sal-fabbrika fl-Indja. L-imsemmi prezz tax-xiri kien jinkludi l-ispejjeż ta’ trasport, li kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni abbażi ta’ medja tal-ispejjeż ta’ trasport rispettivi ta’ dawn iż-żewġ produtturi esportaturi. Il-prezz tax-xiri medju kien ibbażat fuq il-prezzijiet u l-kwantitajiet indikati fl-elenkar tranżazzjoni tranżazzjoni tal-fatturi sottomessi miż-żewġ produtturi Indjani, b’ċerti aġġustamenti meqjusa xierqa (ara l-premessi 232, 254, 257 u 260 tal-imsemmi regolament), b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-ispejjeż medji ta’ trasport, sabiex ikun jista’ jiġi stabbilit prezz tax-xiri medju tal-mineral tal-ħadid ikkunsinnat sal-bieb tal-fabbrika.

199

It-tieni nett, il-Kummissjoni stabbilixxiet prezz ta’ referenza xieraq sabiex tkun tista’ tiddetermina, permezz ta’ paragun, jekk kienx jeżisti vantaġġ. Għal dan il-għan, wara li kkonstatat li t-tranżazzjonijiet kollha fis-suq Indjan kienu kkonċernati mir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid inkwistjoni u li ma kienx possibbli li jiġi ddeterminat x’kienu jkunu l-prezzijiet tax-xiri f’dan is-suq fl-assenza ta’ dawn ir-restrizzjonijiet, hija ddeċidiet li tieħu bħala referenza l-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li kienu jipprevalu fis-suq ta’ pajjiż ieħor jew fis-suq dinji u li kienu disponibbli għall-benefiċjarji, skont il-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku (ara l-premessi 235 sa 240 tar-Regolament ikkontestat).

200

F’dan il-każ, il-Kummissjoni ddeċidiet li tirreferi għall-prezzijiet ipprattikati fl-Awstralja, ħaġa li ma hijiex ikkontestata fil-kuntest ta’ din il-kawża. Peress li ma kellhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-prezzijiet mill-minjiera fl-Awstralja u fid-dawl tal-fatt li l-prezzijiet Indjani kienu jinkludu l-ispejjeż ta’ trasport mill-minjiera għall-fabbrika, hija qieset li kien xieraq li tinkludi wkoll l-ispejjeż ta’ trasport li kien ikollhom jitħallsu mix-xerrej ta’ mineral tal-ħadid Awstraljan għat-trasport mill-minjiera Awstraljana sabiex il-paragun isir fl-istess stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni, liema spejjeż, minħabba li l-informazzjoni korrispondenti ma kinitx disponibbli, ġew issostitwiti bl-ispejjeż ta’ trasport mill-minjiera għal port (ara l-premessa 241 tar-Regolament ikkontestat).

201

It-tielet nett, abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni għamlet paragun bejn il-“prezzijiet [tax-xiri medji] domestiċi Indjani tal-mineral tal-ħadid li jinġieb minn minjiera Indjana lejn fabbrika fl-Indja” (iżda fejn il-ħatt ma jsirx fil-fabbrika) u l-“prezzijiet [tax-xiri medji] domestiċi Awstraljani tal-mineral tal-ħadid li jinġieb minn minjiera lejn port” (iżda fejn il-ħatt ma jsirx fil-port) (ara l-premessa 255 tar-Regolament ikkontestat). Skont il-Kummissjoni, id-differenza bejn dawn iż-żewġ prezzijiet tax-xiri mmultiplikata bil-kwantitajiet ta’ mineral tal-ħadid mixtri matul il-perijodu ta’ investigazzjoni u kkunsmat għall-produzzjoni tal-prodott ikkonċernat tirrappreżenta l-“iffrankar” miksub mill-produtturi Indjani ta’ dan il-prodott li jixtru l-mineral tal-ħadid fis-suq Indjan distort imqabbel mal-prezz li kieku kienu jħallsu fl-assenza ta’ distorsjoni. Dan l-ammont totali jirrappreżenta l-vantaġġ mogħti lill-produtturi Indjani mill-awtoritajiet pubbliċi Indjani matul il-perijodu ta’ investigazzjoni (ara l-premessi 258, 259 u 261 tal-imsemmi regolament).

202

Ir-raba’ nett, sabiex tiddetermina r-rata tas-sussidju għal kull produttur Indjan li kkoopera fl-investigazzjoni, il-Kummissjoni pparagunat l-ammont globali tas-sussidju hekk miksub mad-dħul mill-bejgħ totali mwettaq għall-prodott ikkonċernat matul il-perijodu ta’ investigazzjoni, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku, billi qieset li s-sussidju kien ta vantaġġ għall-produzzjoni kollha tal-prodott ikkonċernat, u mhux biss għall-produzzjoni intiża għall-esportazzjoni (ara l-premessa 262 tar-Regolament ikkontestat). Għaldaqstant, ir-rata ta’ sussidju f’dak li jirrigwarda lil Jindal Saw ġiet stabbilita għal 3.91 % (ara l-premessa 271 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar).

203

Permezz tal-ewwel ilment, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 3(2) u l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku, sa fejn iddeterminat il-vantaġġ mogħti lil Jindal Saw mingħajr ma bbażat ruħha fuq l-ispejjeż reali kkomunikati minn din tal-aħħar fil-forma ta’ “prezz tal-oġġett żbarkat”, li jinkludi l-prezz tax-xiri tal-mineral tal-ħadid kif ukoll l-ispejjeż ta’ trasport bejn il-minjiera u l-fabbriki tagħha fl-Indja. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża ruħha fuq prezz tax-xiri medju li jinkludi “medja ponderata standard tal-kostijiet tat-trasport mill-minjiera sal-impjant” fl-Indja.

204

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan l-ilment, billi ssostni, minn naħa, li l-għan tal-kalkolu ta’ prezz tax-xiri medju tal-mineral tal-ħadid fl-Indja li jinkludi spiża ta’ trasport stabbilita abbażi ta’ medja tal-ispejjeż ta’ trasport imġarrba miż-żewġ produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw fl-investigazzjoni kien li jkun jista’ jiġi ddeterminat x’kien ikun il-prezz tal-mineral tal-ħadid li joriġina minn kwalunkwe minjiera fl-Indja u, min-naħa l-oħra, li, fil-kuntest ta’ paragun ma’ prezz ta’ referenza xieraq ipprattikat barra mill-Indja, l-użu ta’ kwalunkwe metodu ieħor kien iwassal għal vantaġġ jew żvantaġġ artifiċjali għal dawn il-produtturi esportaturi, abbażi tal-ispejjeż loġistiċi reali tagħhom u tad-distanza bejn il-fabbriki tagħhom u l-minjieri li minnhom huma jiksbu l-provvisti tagħhom ta’ mineral tal-ħadid.

205

Għalhekk għandu jiġi eżaminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħetx legalment tikkonstata l-eżistenza ta’ vantaġġ għal kull wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi Indjani li kkooperaw fl-investigazzjoni billi tieħu inkunsiderazzjoni prezz medju għax-xiri ta’ mineral tal-ħadid fl-Indja li ma kienx jinkludi l-ispejjeż ta’ trasport reali mġarrba minn kull wieħed mill-imsemmija produtturi esportaturi, iżda kien jinkludi “medja ponderata standard tal-kostijiet tat-trasport” ikkalkolata abbażi tal-ispejjeż ta’ trasport ikkomunikati minn dawn tal-aħħar.

206

Sabiex jiġi ddeterminat jekk l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-punt (d) tiegħu, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, meta jkunu disponibbli, il-prezzijiet individwali mħallsa minn kull produttur esportatur għall-kalkolu tal-vantaġġ jew jekk hija tistax tikkalkola dan il-vantaġġ abbażi ta’ prezz medju li jinkludi spejjeż ta’ trasport li jikkorrispondu għal medja stabbilita abbażi tal-ispejjeż imġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni, għandha titwettaq analiżi tat-termini, tal-kuntest u tal-iskop ta’ din id-dispożizzjoni.

207

Qabelxejn, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku huwa intitolat “Kalkolu tal-benefiċċju lill-benefiċjarju”. It-terminu “benefiċjarju”, użat fis-singular, jinsab mill-ġdid fis-sentenza introduttiva ta’ dan l-artikolu. Barra minn hekk, mit-termini “[il‑]benefiċċju lill-benefiċjarju” jirriżulta li d-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ tikkonċerna b’mod speċifiku persuna fiżika jew ġuridika. Minn dan jirriżulta li l-vantaġġ għandu jiġi stabbilit u kkalkolat għal kull benefiċjarju skont is-sitwazzjoni tiegħu.

208

Barra minn hekk, mill-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku jirriżulta li l-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi prinċipji gwida għall-kalkolu tal-ammont ta’ sussidju f’termini ta’ “benefiċċji mogħtija lill-benefiċjarju”. L-imsemmija prinċipji gwida jirreferu għall-kontributi finanzjarji mogħtija fil-forma ta’ investimenti azzjonarji, self, garanziji ta’ self u provvista ta’ oġġetti jew ta’ servizzi jew xiri ta’ oġġetti mill-awtoritajiet pubbliċi. Skont dawn il-prinċipji gwida, ikun jeżisti vantaġġ jekk, konkretament, il-benefiċjarju jkun irċieva kontribut finanzjarju b’kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li għalihom ikollu aċċess fis-suq.

209

F’dak li jirrigwarda b’mod partikolari l-provvista ta’ oġġetti, l-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku jipprovdi li jkun jeżisti vantaġġ biss jekk “l-għotja […] ssir għal remunerazzjoni li tkun anqas minn dik adegwata”, peress li “[j]ekk remunerazzjoni hijiex adegwata għandha tkun determinata b’referenza għall-kondizzjonijiet tas-suq prevalenti għall-prodott jew servizz in kwistjoni fil-pajjiż tal-għotja jew tax-xiri, inkluż il-prezz, il-kwalità, id-disponibiltà, kemm hu kummerċabbli, it-trasport u kundizzjonijiet oħra tax-xiri jew tal-bejgħ”.

210

Minn dawn it-termini jirriżulta li d-determinazzjoni tal-“benefiċċju” tinvolvi paragun u li, peress li dan tal-aħħar ifittex li jevalwa l-adegwatezza tal-prezz imħallas fil-konfront tal-kundizzjonijiet normali tas-suq, bħala prinċipju fil-pajjiż tal-provvista, dan għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha tal-ispiża li tinvolvi, għall-benefiċjarju, ir-riċezzjoni tal-oġġett ipprovdut mill-awtoritajiet pubbliċi. Fil-fatt, jista’ jkun hemm “benefiċċju” għall-benefiċjarju biss jekk, bis-saħħa tal-kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi, dan tal-aħħar ikun f’sitwazzjoni aħjar milli jkun fl-assenza ta’ kontribut. Għaldaqstant, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li, sa fejn huwa possibbli, il-metodu użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-vantaġġ għandu jippermetti li jirrifletti l-vantaġġ effettivament mogħti lill-benefiċjarju.

211

Issa, għandu jitqies li l-metodu użat f’dan il-każ mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat jitbiegħed minn dan l-għan. Fil-fatt, dan ma jippermettix lill-Kummissjoni tivverifika jekk ingħatax realment vantaġġ lil kull wieħed minn dawn il-produtturi esportaturi u jekk produttur esportatur speċifiku jkunx realment f’sitwazzjoni aħjar minħabba l-kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi milli jkun fl-assenza tiegħu. Għaldaqstant, billi tieħu inkunsiderazzjoni spejjeż ta’ trasport medji uniċi għal dawn iż-żewġ produtturi esportaturi, il-Kummissjoni ma hijiex f’pożizzjoni li teskludi l-possibbiltà li wieħed minnhom ma jirċevix vantaġġ, b’mod partikolari għaliex l-ispejjeż ta’ trasport reali li huwa jġarrab huma tali li jxejnu kwalunkwe benefiċċju marbut mal-prezz vantaġġuż tal-prodott innifsu.

212

Issa, mill-Artikolu 3(1) u (2) tar-Regolament bażiku jirriżulta li huwa biss fil-każ li kontribut finanzjarju mill-awtoritajiet pubbliċi jagħti realment vantaġġ lil produttur esportatur li jitqies li jeżisti sussidju għal dan il-produttur esportatur.

213

Minn dan isegwi li, fid-dawl tal-formulazzjoni, tal-għan u tal-kuntest tiegħu, l-Artikolu 6 tar-Regolament bażiku ma jistax jiġi interpretat, f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, li fiha tliet produtturi esportaturi biss huma identifikati u tnejn minnhom ikkooperaw fl-investigazzjoni, fis-sens li jippermetti lill-Kummissjoni tikkalkola l-vantaġġ mogħti lil kull wieħed miż-żewġ produtturi esportaturi li kkooperaw fl-investigazzjoni abbażi ta’ prezz tax-xiri medju li jinkludi spejjeż ta’ trasport imġarrba minn dawn iż-żewġ produtturi esportaturi iktar milli abbażi tal-prezzijiet imġarrba realment minn kull wieħed minnhom, inklużi l-ispejjeż ta’ trasport reali tagħhom.

214

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi osservat li ma jistax jiġi eskluż li tali kalkolu tal-vantaġġ individwali seta’ wassal għall-konstatazzjoni li Jindal Saw ma kinitx kisbet vantaġġ b’riżultat tal-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni u, għaldaqstant, li ma kienx hemm sussidju marbut mal-imsemmija restrizzjonijiet f’dak li jirrigwarda dan il-produttur esportatur, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament bażiku.

215

Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed fid-dubju bl-argumenti mressqa mill-Kummissjoni.

216

Dan huwa l-każ, l-ewwel nett, tal-argument li l-użu tal-metodu adottat kien iġġustifikat bin-neċessità li prezz ta’ referenza stabbilit abbażi ta’ medja jiġi pparagunat ma’ prezz ieħor li huwa nnifsu jikkonsisti fi prezz medju.

217

Il-fatt li l-Kummissjoni kellha tuża prezz ta’ referenza barra mill-Indja, skont il-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku, bl-ebda mod ma kien jimplika li hija kellha tikkalkola prezz tax-xiri medju tal-mineral tal-ħadid fl-Indja minn kwalunkwe minjiera fl-Indja.

218

Fil-fatt, ir-Regolament bażiku ma jagħmel ebda distinzjoni f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tal-vantaġġ f’sitwazzjonijiet li fihom il-Kummissjoni għandha tirrikorri għall-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

219

F’dan ir-rigward, l-argument imressaq mill-Kummissjoni fit-tweġibiet tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li skontu l-użu, fl-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku, tat-termini “kondizzjonijiet […] prevalenti”, minn naħa, u “kondizzjonjiet li jeżistu”, min-naħa l-oħra, li jinsabu fl-ewwel subparagrafu u fil-punt (ii) tat-tieni subparagrafu tal-imsemmi Artikolu 6(d), ifisser li l-prezz ta’ referenza ma għandux bilfors jirreferi għas-sitwazzjoni speċifika tal-produttur esportatur, iżda jista’ jirreferi għall-kundizzjonijiet prevalenti fis-suq, ma jistax jirnexxi. It-termini inkwistjoni jirrigwardaw, fiż-żewġ każijiet, il-prezz ta’ referenza li għandu jiġi stabbilit, u mhux il-prezzijiet imħallsa mill-benefiċjarju ta’ kontribut finanzjarju li jikkonsisti fil-provvista ta’ oġġetti, li għandhom jiġu pparagunati mal-prezz ta’ referenza sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju effettivament jiksibx prezz aħjar minn dak li seta’ jikseb fis-suq mingħajr l-intervent tal-awtoritajiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra, bl-ebda mod ma jirriżulta huma biss il-prezzijiet imħallsa mill-benefiċjarju li jirriflettu l-“kondizzjonijiet […] prevalenti” tas-suq jew il-“kondizzjonijiet li jeżistu” fis-suq li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju jkunx ħallas prezz inqas minn dak adegwat għall-akkwist ta’ oġġetti pprovduti mill-awtoritajiet pubbliċi.

220

It-tieni nett, kif irrilevaw ir-rikorrenti, l-użu, għall-eżami tal-eżistenza ta’ eventwali vantaġġ f’dak li jirrigwarda kull produttur esportatur, tal-ispejjeż ta’ trasport li dan tal-aħħar effettivament ġarrab, li huma bbażati fuq l-ispejjeż loġistiċi reali tiegħu u fuq id-distanza bejn il-fabbriki tiegħu u l-minjieri li minnhom huwa jikseb il-provvisti tiegħu ta’ mineral tal-ħadid, ma jwassalx għal vantaġġ jew żvantaġġ artifiċjali. Fil-fatt, fl-assenza tas-sussidji allegati, kull produttur esportatur kien ikollu l-istess vantaġġ jew żvantaġġ, sa fejn ikun ġarrab l-istess spejjeż ta’ trasport.

221

It-tielet nett, mir-rapport tal-Korp tal-Appell fit-tilwima “L-Istati Uniti – azzar bil-karbonju – L-Indja” (ara l-punt 160 iktar ’il fuq) ma jistax jiġi dedott li l-Kummissjoni kienet obbligata twettaq paragun abbażi ta’ prezz medju uniku għall-produtturi esportaturi Indjani.

222

Għall-kuntrarju, mir-rapport tal-Korp tal-Appell f’din it-tilwima jirriżulta li l-awtorità investigattiva għandha tkun f’pożizzjoni li taġġusta l-prezz ta’ referenza sabiex jirrifletti l-kundizzjonijiet tas-suq. Fil-fatt, fl-imsemmija tilwima, il-prezz ta’ referenza magħżul mill-awtorità investigattiva kien jirrifletti metodu ta’ kunsinna li kien jikkonċerna ftit li xejn tranżazzjonijiet fil-pajjiż tal-provvista u għalhekk ma kienx jirrifletti l-ispejjeż ta’ kunsinna li ġeneralment kienu applikabbli għall-oġġett inkwistjoni. Il-Korp tal-Appell qies li, f’każ bħal dan, il-metodu użat mill-awtorità investigattiva sabiex tikkalkola l-“benefiċċju” għandu jippermetti li jsiru aġġustamenti għall-prezz ta’ referenza sabiex jirrifletti spejjeż ta’ kunsinna li joqorbu iktar lejn l-ispejjeż ta’ kunsinna li ġeneralment huma applikabbli għall-oġġett inkwistjoni fil-pajjiż tal-provvista. Għandu jiġi kkonstatat li xejn f’dawn il-kunsiderazzjonijiet ma kien jipprekludi lill-Kummissjoni milli tistabbilixxi żewġ prezzijiet ta’ referenza f’sitwazzjoni bħal dik ta’ dan il-każ, li fiha kien hemm biss żewġ produtturi esportaturi li ma kinux jużaw neċessarjament l-istess metodu ta’ kunsinna, ħaġa li kienet tippermettilha twettaq paragun abbażi ta’ prezz tax-xiri li jinkludi, għal kull produttur esportatur, l-ispejjeż ta’ trasport realment imġarrba minnu.

223

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ddeterminat l-eżistenza ta’ vantaġġ li jirriżulta mir-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni, f’dak li jirrigwarda lil Jindal Saw, bi ksur tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku.

224

Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-konstatazzjoni magħmula fil-punt 214 iktar ’il fuq, jista’ jkun li dan l-iżball wassal għall-konklużjoni li Jindal Saw kienet kisbet vantaġġ b’riżultat tal-impożizzjoni tar-restrizzjonijiet għall-esportazzjoni inkwistjoni fl-assenza ta’ tali vantaġġ.

225

Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tweġibiet tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Mejju 2018 għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż ta’ trasport effettivament imġarrba minn Jindal Saw kienu ogħla minn dawk li ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni, bħala medja, u li ġew inklużi fil-kalkolu tal-prezz tax-xiri medju għall-mineral tal-ħadid fl-Indja. Din id-differenza fl-ispejjeż ta’ trasport timplika li l-prezz li bih Jindal Saw kisbet il-provvisti tagħha ta’ mineral tal-ħadid fis-suq Indjan kien, fir-realtà, ogħla mill-prezz tax-xiri medju adottat mill-Kummissjoni sabiex tiddetermina l-livell ta’ remunerazzjoni, ħaġa li inevitabbilment kellha effett fuq il-vantaġġ li seta’ jingħata lil dan il-produttur esportatur.

226

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-imsemmi żball jista’ jqiegħed fid-dubju l-legalità tar-Regolament ikkontestat billi jinvalida l-analiżi kollha tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza nnifisha ta’ sussidju, b’mod li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx legalment il-konklużjoni tagħha li kellu jiġi impost dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn Jindal Saw (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011, Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill, T‑192/08, EU:T:2011:619, punt 119 u l-ġurisprudenza ċċitata).

227

Konsegwentement, l-ewwel ilment tat-tieni parti tar-raba’ motiv għandu jintlaqa’, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar it-tieni u t-tielet ilmenti ta’ din il-parti, ibbażati fuq ksur, rispettivament, tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku, sa fejn il-Kummissjoni żbaljat meta għażlet b’mod każwali ċerti elementi minn fost l-ispejjeż ta’ kunsinna ta’ Jindal Saw għall-kalkolu tal-ispiża ta’ trasport medja standard, u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-Kummissjoni ffissat id-dazju kumpensatorju f’livell ogħla mis-sussidji suġġetti għal miżuri kumpensatorji.

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1), (2) u (5) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

228

Fil-kuntest tal-ħames motiv, li għandu jiġi eżaminat sa fejn jista’ jwassal għal annullament iktar estiż tar-Regolament ikkontestat, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni ma bbażatx id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni fuq provi pożittivi u eżami oġġettiv. Huma jsostnu li, għall-analiżi tal-effetti tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji fuq il-prezzijiet ta’ prodott simili tal-imsemmija industrija, u b’mod iktar partikolari għad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat meta mqabbel mal-prodott simili ta’ din l-industrija, il-Kummissjoni la wettqet il-paragun tal-prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali u lanqas fi stadju kummerċjali adegwat, bi ksur tal-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku.

229

Skont ir-rikorrenti, il-konklużjonijiet li nsiltu mill-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat intużaw mill-Kummissjoni għad-determinazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni u għall-konstatazzjoni tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet ta’ dan il-prodott u dan id-dannu kif ukoll għall-kalkolu tal-marġni ta’ dannu. Għaldaqstant, l-iżbalji mwettqa fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz għandhom effett fuq dawn l-elementi l-oħra tar-Regolament ikkontestat. B’mod partikolari, id-determinazzjoni tal-marġni ta’ dannu f’livell eċċessiv għandha l-konsegwenza li d-dazju kumpensatorju kif iffissat minn dan ir-regolament jeċċedi d-dazju li huwa suffiċjenti sabiex jiġi eliminat id-dannu kkawżat lill-imsemmija industrija, bi ksur tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku.

230

Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza ta’ dan il-motiv. Hija ssostni li l-argument tar-rikorrenti huwa nieqes mill-preċiżjoni. Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, it-twaqqigħ tal-prezz ġie tabilħaqq ikkalkolat abbażi ta’ paragun tal-prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali u fi stadju adegwat.

231

Il-Kummissjoni tenfasizza li r-Regolament bażiku ma jiddefinixxix il-mod li bih it-twaqqigħ tal-prezz għandu jiġi kkalkolat u li lanqas il-ġurisprudenza ma tistabbilixxi metodoloġija partikolari għall-kalkolu tiegħu.

232

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar li l-informazzjoni kollha użata għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet ġiet ipprovduta mill-partijiet ikkonċernati.

233

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni li mir-Regolament bażiku kif interpretat mill-ġurisprudenza ma jirriżultax li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz għandu jkun ibbażat fuq prezzijiet reali b’mod li tittieħed inkunsiderazzjoni l-kompetizzjoni reali fis-suq u l-perspettiva tal-klijent, kif isostnu r-rikorrenti.

234

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, fi kwalunkwe każ, it-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni huwa biss wieħed mill-indikaturi tal-eżistenza ta’ dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni, li l-konstatazzjonijiet dwar it-twaqqigħ tal-prezz f’dak li jirrigwarda l-produttur esportatur Indjan l-ieħor li kkoopera fl-investigazzjoni ma ġewx ikkontestati u li l-analiżi tar-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet inkwistjoni u d-dannu lill-imsemmija industrija hija bbażata fuq kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw mhux biss il-prezzijiet, iżda wkoll il-volumi, liema volumi nfushom jistgħu jikkostitwixxu bażi suffiċjenti għall-konklużjoni tal-eżistenza ta’ rabta kawżali.

235

Permezz ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti jsostnu b’mod preċiż li l-Kummissjoni wettqet żbalji fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz li jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 8 tar-Regolament bażiku u jaffettwaw il-validità tar-Regolament ikkontestat.

236

Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku, id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni għandha tkun ibbażata fuq provi pożittivi u għandha tinvolvi eżami oġġettiv, minn naħa, tal-volum tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, tal-effett ta’ dawn l-importazzjonijiet fuq l-imsemmija industrija.

237

F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-effett fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament bażiku jipprevedi l-obbligu li jiġi eżaminat jekk tabilħaqq kienx hemm, fir-rigward ta’ dawn l-importazzjonijiet, twaqqigħ sinjifikattiv tal-prezz meta mqabbel mal-prezz ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni jew jekk dawn l-importazzjonijiet għandhomx, b’xi mod ieħor, l-effett li jwaqqgħu l-prezzijiet b’mod sinjifikattiv jew li jostakolaw b’mod sinjifikattiv żidiet fil-prezzijiet li altrimenti kienu jseħħu.

238

Ir-Regolament bażiku ma jinkludix definizzjoni tal-kunċett ta’ twaqqigħ tal-prezz u ma jipprevedix metodu għall-kalkolu ta’ dan tal-aħħar.

239

Il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-importazzjonijiet inkwistjoni jitwettaq, skont l-Artikolu 8(1) u (2) tar-Regolament bażiku, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni minħabba dawn l-importazzjonijiet u jintuża, b’mod iktar wiesa’, bil-għan li jiġi evalwat dan id-dannu u li jiġi ddeterminat il-marġni ta’ dannu, jiġifieri l-livell ta’ eliminazzjoni tal-imsemmi dannu. L-obbligu li jitwettaq eżami oġġettiv tal-effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji, stabbilit fl-imsemmi Artikolu 8(1), jeżiġi li jitwettaq paragun ekwu bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-imsemmija industrija meta dawn jinbiegħu fit-territorju tal-Unjoni. Sabiex tiġi ggarantita n-natura ekwa ta’ dan il-paragun, il-prezzijiet għandhom jiġu pparagunati fl-istess stadju kummerċjali. Fil-fatt, paragun imwettaq bejn prezzijiet miksuba fi stadji kummerċjali differenti, jiġifieri mingħajr ma jiġu inklużi l-ispejjeż kollha marbuta mal-istadju kummerċjali li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, ser jagħti neċessarjament lok għal riżultati artifiċjali li ma jippermettux li ssir evalwazzjoni korretta tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Tali paragun ekwu jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tad-dannu lil din l-industrija (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Frar 2011, Zhejiang Xinshiji Foods u Hubei Xinshiji Foods vs Il‑Kunsill, T‑122/09, mhux ippubblikata, EU:T:2011:46, punti 7985).

240

Skont il-premessa 293 tar-Regolament ikkontestat, il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ġie kkalkolat, f’dan il-każ, kif ġej:

“Il-Kummissjoni ddeterminat it-twaqqigħ tal-prezz matul il-perjodu tal-investigazzjoni fuq il-bażi tad-dejta ppreżentata mill-produtturi esportaturi u mill-industrija tal-Unjoni billi qabblet:

(a)

il-prezzijiet tal-bejgħ medji ponderati għal kull tip ta’ prodott tal-produtturi tal-Unjoni imposti fuq l-akkwirenti mhux relatati fis-suq tal-Unjoni, u aġġustati għal-livell ta’ prezz mill-fabbrika; kif ukoll

(b)

il-prezzijiet medji ponderati korrispondenti għal kull tip ta’ prodott tal-importazzjoni mill-prodotturi Indjani li kkooperaw lill-ewwel akkwirent indipendenti fis-suq tal-Unjoni, stabbiliti fuq il-bażi ta’ Kost, Assigurazzjoni, Ġarr (CIF), b’aġġustamenti xierqa għall-ispejjeż ta’ wara l-importazzjoni.”

241

Mill-premessa 382 tar-Regolament ikkontestat jirriżulta li l-prezzijiet li għalihom tirreferi l-premessa 293(b) ta’ dan ir-regolament jikkorrispondu għall-prezz ta’ esportazzjoni kif dan ġie kkostruwit fil-kuntest tal-proċedura antidumping.

242

Barra minn hekk, fil-premessa 301 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kkonkludiet li, għall-prodott ikkonċernat prodott minn Jindal Saw u mibjugħ fl-Unjoni, kien hemm twaqqigħ tal-prezz ta’ 30.9 % abbażi tal-medja ponderata, jiġifieri li l-prezzijiet li bihom dan il-prodott kien mibjugħ fl-Unjoni minn Jindal Saw kienu 30.9 % iktar baxxi mill-prezzijiet ta’ prodott simili tal-industrija tal-Unjoni.

243

Għaldaqstant, il-premessa 293 tar-Regolament ikkontestat turi li l-paragun tal-prezzijiet sar fl-istess stadju kummerċjali, jiġifieri billi ttieħdu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet fuq il-livell tal-prezz mill-fabbrika għall-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-prezzijiet CIF għall-bejgħ ta’ Jindal Saw. Madankollu, wara mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-kuntest ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Kummissjoni esponiet li, fir-realtà, kienu ttieħdu inkunsiderazzjoni f’dan il-paragun, minn naħa, f’dak li jirrigwarda l-imsemmija industrija, jew il-prezzijiet fuq il-livell tal-prezz mill-fabbrika tal-entitajiet ta’ produzzjoni, meta dawn tal-aħħar kienu jbigħu direttament lil xerrejja indipendenti, jew il-prezzijiet fuq il-livell tal-prezz mill-fabbrika tal-entitajiet ta’ bejgħ u, min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda lil Jindal Saw, il-prezzijiet CIF, li jikkorrispondu għall-prezz ta’ esportazzjoni kif ikkostruwit fil-kuntest tal-proċedura antidumping parallela, għad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping, billi ttieħdu inkunsiderazzjoni diversi aġġustamenti b’mod partikolari intiżi sabiex jiġi rifless il-prezz ta’ esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat qabel kwalunkwe involviment tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw.

244

F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li l-bejgħ magħmul mill-entitajiet ta’ bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kellu jitqies li huwa bejgħ “ekwivalenti għall-prezz mill-fabbrika”, b’mod li dan il-bejgħ kien ittieħed korrettament inkunsiderazzjoni bħala bejgħ bil-“prezz mill-fabbrika” tal-prodott simili tal-imsemmija industrija għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz. Għaldaqstant, il-paragun tal-prezzijiet tabilħaqq twettaq bejn il-prezzijiet li jikkorrispondu għall-istess stadju kummerċjali.

245

Dan l-argument ma jistax jiġi approvat.

246

Għalkemm fil-premessa 293 tar-Regolament ikkontestat u waqt is-seduta l-Kummissjoni esponiet li hija ħadet inkunsiderazzjoni, fil-kuntest tal-paragun, il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni fl-istadju “tal-prezz mill-fabbrika”, fir-realtà, hija pparagunat il-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel xerrejja indipendenti tal-imsemmija industrija mal-prezzijiet CIF ta’ Jindal Saw.

247

Issa, peress li l-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel xerrejja indipendenti għall-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, ir-rekwiżit li l-prezzijiet jiġu pparagunati fl-istess stadju kummerċjali kien jimponi fuqha li tipparagunahom ukoll, f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ Jindal Saw, mal-prezzijiet tal-bejgħ lill-ewwel xerrejja indipendenti.

248

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li ma ssirx direttament mill-produttur, iżda li ssir permezz ta’ entitajiet ta’ bejgħ, timplika l-eżistenza ta’ spejjeż u ta’ marġni ta’ profitt speċifiċi għal dawn l-entitajiet, b’mod li l-prezzijiet ipprattikati minn dawn tal-aħħar fil-konfront tax-xerrejja indipendenti huma ġeneralment ogħla mill-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi fil-bejgħ dirett tagħhom lil tali xerrejja. Għalhekk il-prezzijiet ipprattikati mill-entitajiet ta’ bejgħ ma jistgħux jiġu assimilati mal-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi.

249

Għaldaqstant, meta, għall-paragun tal-prezzijiet magħmul fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz, il-Kummissjoni wettqet l-assimilazzjoni, li għaliha jirreferi l-punt 244 iktar ’il fuq, bejn il-prezzijiet ipprattikati mill-entitajiet ta’ bejgħ fil-konfront tax-xerrejja indipendenti u l-prezzijiet ipprattikati mill-produtturi fil-bejgħ dirett tagħhom lil tali xerrejja, unikament f’dak li jirrigwarda l-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni, hija ħadet inkunsiderazzjoni għal dan il-prodott prezz miżjud u, konsegwentement, sfavorevoli għal Jindal Saw, li kienet twettaq il-parti l-kbira tal-bejgħ tagħha fl-Unjoni permezz ta’ entitajiet ta’ bejgħ u li s-sitwazzjoni tagħha kienet distinta f’dan ir-rigward minn dik tal-produttur esportatur l-ieħor li kkoopera fl-investigazzjoni.

250

Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, mis-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company Kazchrome u ENRC Marketing vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (T‑107/08, EU:T:2011:704), ma jirriżultax li, f’dak li jirrigwarda l-prodott ikkonċernat, hija kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-prezzijiet fuq il-livell tar-rilaxx għal ċirkulazzjoni libera, li kienu jikkorrispondu, f’dan il-każ, għall-prezz CIF għall-prodotti tal-produtturi esportaturi Indjani.

251

Fil-fatt, mill-punti 62 u 63 ta’ dik is-sentenza jirriżulta li, f’dik il-kawża, il-Qorti Ġenerali qieset li l-prezzijiet użati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kellhom ikunu prezzijiet innegozjati max-xerrejja indipendenti, jiġifieri prezzijiet li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dawn tal-aħħar sabiex jiddeċiedu jekk jixtrux il-prodotti tal-industrija tal-Unjoni jew il-prodotti tal-produtturi esportaturi inkwistjoni, u mhux il-prezzijiet fi stadju intermedju.

252

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ magħmul mill-entitajiet ta’ bejgħ relatati mal-produttur prinċipali tal-Unjoni sabiex tiddetermina l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni filwaqt li ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-prezzijiet tal-bejgħ tal-entitajiet ta’ bejgħ ta’ Jindal Saw sabiex tiddetermina l-prezz tal-prodott ikkonċernat prodott minn din tal-aħħar, ma jistax jitqies li l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz sar billi ġew ipparagunati prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali.

253

Issa, kif jirriżulta mill-punt 239 iktar ’il fuq, il-paragun ta’ prezzijiet fl-istess stadju kummerċjali jikkostitwixxi kundizzjoni għal-legalità tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat. Għaldaqstant, il-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kif imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament ikkontestat għandu jitqies li jmur kontra l-Artikolu 8(1) tar-Regolament bażiku.

254

Konsegwentement, il-kontestazzjoni, mir-rikorrenti, tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ Jindal Saw hija fondata.

255

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat f’dak li jirrigwarda l-prodotti ta’ Jindal Saw kellu l-effett li ttieħed inkunsiderazzjoni twaqqigħ tal-imsemmi prezz li l-importanza jew saħansitra l-eżistenza tiegħu ma ġewx stabbiliti b’mod regolari.

256

Issa, fil-premessa 338 tar-Regolament ikkontestat, il-Kummissjoni enfasizzat l-importanza li hija tat lill-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz. Fil-premessi 339 u 340 ta’ dan ir-regolament, hija qieset li l-bejgħ tal-prodott ikkonċernat bi prezzijiet sostanzjalment iktar baxxi minn dawk applikati mill-industrija tal-Unjoni, fid-dawl ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ iktar minn 30 %, kien jispjega, minn naħa, żieda fil-volumi ta’ bejgħ u fl-ishma mis-suq tal-imsemmi prodott u, min-naħa l-oħra, l-impossibbiltà għall-imsemmija industrija li żżid il-volumi ta’ bejgħ tagħha fis-suq tal-Unjoni għal livell li jista’ jiżgura profitt sostenibbli. Barra minn hekk, fl-imsemmija premessa 340, hija kkonstatat li l-importazzjonijiet bi prezzijiet sostanzjalment iktar baxxi mill-prezzijiet ta’ din l-industrija kienu baxxew b’mod sinjifikattiv il-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni u, minħabba f’hekk, ipprekludew iż-żidiet fil-prezzijiet li kienu jseħħu fl-assenza ta’ dawn l-importazzjonijiet u kkonkludiet li kien hemm koinċidenza fiż-żmien bejn l-imsemmija importazzjonijiet bi prezzijiet sostanzjalment iktar baxxi mill-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u d-dannu mġarrab minn din l-industrija.

257

Mill-premessi tar-Regolament ikkontestat imsemmija fil-punt 256 iktar ’il fuq jirriżulta li t-twaqqigħ tal-prezz kif ikkalkolat f’dan ir-regolament huwa l-bażi għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat huma l-kawża tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni. Issa, skont l-Artikolu 1(1) u l-Artikolu 8(5) tar-Regolament bażiku, l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ sussidji u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni hija kundizzjoni neċessarja għall-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju.

258

Barra minn hekk, kif isostnu r-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet ilment ta’ din il-parti, ma jistax jiġi eskluż li, kieku t-twaqqigħ tal-prezz kien ġie kkalkolat korrettament, il-marġni ta’ dannu lill-industrija tal-Unjoni kien jiġi stabbilit f’livell iktar baxx minn dak tar-rata ta’ sussidju. Issa, f’każ bħal dan, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku, l-ammont tad-dazju kumpensatorju għandu jitnaqqas għal rata li tkun suffiċjenti sabiex l-imsemmi dannu jiġi eliminat.

259

Għaldaqstant, dan il-motiv, li għandu jintlaqa’, jirrigwarda evalwazzjonijiet li jikkostitwixxu l-bażi neċessarja għall-impożizzjoni ta’ dazju kumpensatorju fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat prodott minn Jindal Saw, b’mod li dan ir-regolament għandu jiġi annullat sa fejn jikkonċerna lil din tal-aħħar, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 226 iktar ’il fuq, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat is-sitt motiv.

Fuq l-ispejjeż

260

Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha, dawk sostnuti mir-rikorrenti, kif mitlub minn dawn tal-aħħar.

261

Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ tiddeċiedi li intervenjent, minbarra dawk imsemmija fl-Artikolu 138(1) u (2), għandu jbati l-ispejjeż tiegħu. Fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, għandu jiġi deċiż li l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/387 tas‑17 ta’ Marzu 2016 li jimponi dazju kompensatorju definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja, huwa annullat sa fejn jikkonċerna lil Jindal Saw Ltd.

 

2)

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll l-ispejjeż sostnuti minn Jindal Saw u Jindal Saw Italia SpA.

 

3)

Saint-Gobain Pam għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

 

Pelikánová

Valančius

Nihoul

Svenningsen

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2019.

Firem

Werrej

 

Il-fatti li wasslu għall-kawża

 

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

 

Id-dritt

 

Fuq l-ammissibbiltà tal-osservazzjonijiet tat-18 ta’ Ottubru 2017

 

Fuq il-mertu

 

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 10 tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

 

Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 30(4) u (5) tar-Regolament bażiku u tad-drittijiet tad-difiża

 

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(1)(a)(iv) tar-Regolament bażiku

 

– Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-applikazzjoni ta’ kriterju ġuridiku żbaljat għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ azzjoni ta’ “għoti ta’ inkarigu” u fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni

 

– Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq konfużjoni, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament bażiku, bejn il-kunċetti ta’ “kontribuzzjoni finanzjarja” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u ta’ “benefiċċju” fis-sens tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament bażiku

 

Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 4(1) u (2)(a) tar-Regolament bażiku

 

– Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv, dwar in-natura mhux speċifika ta’ sussidju li jikkonsisti fil-provvista ta’ mineral tal-ħadid

 

– Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv, dwar in-natura mhux speċifika ta’ sussidju li jikkonsisti f’taxxa fuq l-esportazzjoni tal-mineral tal-ħadid

 

Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 3(2), tal-Artikolu 6(d) u tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

 

– Fuq l-ewwel parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

 

– Fuq it-tieni parti tar-raba’ motiv, ibbażata fuq ksur tal-Artikolu 3(2) u tal-Artikolu 6(d) tar-Regolament bażiku u, konsegwentement, tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-istess regolament

 

Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 8(1), (2) u (5) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku

 

Fuq l-ispejjeż


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.