3.4.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 104/29


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea Constituțională a României (ir-Rumanija) fit-30 ta’ Diċembru 2016 – Relu Adrian Coman, Robert Clabourn Hamilton, Asociația Accept vs Inspectoratul General pentru Imigrări, Ministerul Afacerilor Interne, Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

(Kawża C-673/16)

(2017/C 104/43)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea Constituțională a României

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Relu Adrian Coman, Robert Clabourn Hamilton, Asociația Accept

Konvenuta: Inspectoratul General pentru Imigrări, Ministerul Afacerilor Interne, Consiliul Naţional pentru Combaterea Discriminării

Domandi preliminari

1)

Il-kunċett ta’ “r-raġel jew martu [konjuġi]” fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2004/38/[KE] (1), moqri fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jinkludi l-konjuġi tal-istess sess, li ġej minn Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li miegħu huwa legalment miżżewweġ, skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti?

2)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, l-Artikoli 3(1) u 7(1) tad-Direttiva 2004/38/[KE], moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li l-Istat Membru ospitanti jagħti d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu għal terminu ta’ iktar minn tliet xhur lill-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea?

3)

Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, il-konjuġi tal-istess sess, li ġej minn Stat mhux membru tal-Unjoni Ewropea, ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea li miegħu huwa legalment miżżewweġ, skont il-liġi ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat ospitanti, jista’ jiġi kklassifikat bħala “kwalunkwe membri oħrajn tal-familja […]” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tad-Direttiva 2004/38/[KE] jew bħala “is-sieħeb li miegħu ċ-ċittadin ta’ l-Unjoni għandu relazzjoni stabbli, debitament ċertifikata” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(b) tad-Direttiva 2004/38/[KE], bl-obbligu li jirriżulta għall-Istat Membru ospitanti li jiffavorixxi d-dħul u r-residenza tal-persuna kkonċernata, anki jekk l-Istat ospitanti ma jirrikonoxxix iż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess u ma jipprevedi l-ebda mezz alternattiv ta’ rikonoxximent legali, bħas-sħubijiet irreġistrati?

4)

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, l-Artikoli 3(2) u 7(2) tad-Direttiva 2004/38/[KE], moqrija fid-dawl tal-Artikoli 7, 9, 21 u 45 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jirrikjedu li l-Istat Membru ospitanti jagħti d-dritt ta’ residenza fit-territorju tiegħu għal terminu ta’ iktar minn tliet xhur lill-konjuġi tal-istess sess ta’ ċittadin tal-Unjoni Ewropea?


(1)  Direttiva 2004/38/KE tal-parlament ewropew u tal-kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju ta’ l-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEET (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).