10.5.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 165/9


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña – Sala Social (Spanja) fid-19 ta’ Frar 2016 – Jessica Porras Guisado vs Bankia SA et

(Kawża C-103/16)

(2016/C 165/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Superior de Justicia de Cataluña – Sala Social

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Jessica Porras Guisado

Konvenuti: Bankia SA, Sección Sindical de Bankia de CCOO, Sección Sindical de Bankia de UGT, Sección Sindical de Bankia de ACCAM, Sección Sindical de Bankia de SATE, Sección Sindical de Bankia de CSICA, Fondo de Garantía Salarial (Fogasa)

Domandi preliminari

1)

Il-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85 (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li ċ-ċirkustanza ta’ “każijiet eċċezzjonali mhux konnessi mal-kundizzjoni tagħhom li huma permessi taħt il-liġi u/jew prattika nazzjonali”, bħala eċċezzjoni għall-projbizzjoni tat-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu, hija ċirkustanza li ma hijiex ekwivalenti għal dik ta’ “raġuni waħda jew aktar mhux relatati mal-ħaddiema individwali kkonċernati” li għaliha jirreferi l-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 98/59/KE (2) tal-20 ta’ Lulju 1998, inkwantu hija iktar ristretta?

2)

Fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ każijiet eċċezzjonali, li jiġġustifikaw it-tkeċċija ta’ ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu konformement mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, għandu jkun impost li l-ħaddiema affetwata ma tistax tiġi ttrasferita mill-ġdid f’post tax-xogħol ieħor, jew huwa suffiċjenti li jintużaw bħala ġustifikazzjoni raġunijiet ekonomiċi, tekniċi u produttivi li jaffettwaw il-post tax-xogħol tagħha?

3)

Hija konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85/KE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, li tipprojbixxi t-tkeċċija tal-ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu, leġiżlazzjoni, bħal dik Spanjola, li tittrasponi l-imsemmija projbizzjoni billi tistabbilixxi garanzija li skontha jekk ikun hemm nuqqas ta’ prova tar-raġunijiet li jiġġustifikaw it-tkeċċija tagħha din it-tkeċċija tiġi ddikjarata nulla (protezzjoni riparattiva) mingħajr ma tistabbilixxi projbizzjoni mit-tkeċċija (protezzjoni preventiva)?

4)

Hija konformi mal-punt 1 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85/KE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, leġiżlazzjoni, bħal dik Spanjola, li fil-każ ta’ tkeċċija kollettiva ma tikkontemplax prijorità għaż-żamma fl-impriża tal-ħaddiema tqal, li welldu jew li qed ireddgħu?

5)

Skont il-punt 2 tal-Artikolu 10 tad-Direttiva 92/85, hija konformi leġiżlazzjoni nazzjonali li tqis bħala suffiċjenti ittra ta’ tkeċċija bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża li ma tagħmel ebda riferiment għall-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali, minbarra għall-dawk li jimmotivaw it-tkeċċija kollettiva, sabiex il-ħaddiema tiġi affettwata bid-deċiżjoni ta’ terminazzjoni kollettiva?


(1)  Direttiva tal-Kunsill 92/85/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-introduzzjoni ta’ mizuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema nisa tqal u ħaddiema li welldu reċentement, jew li qed ireddgħu (l-għaxar Direttiva partikolari fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva 89/391/KEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 110).

(2)  Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE, tal-20 ta’ Lulju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar redundancies kollettivi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 327)