SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

5 ta’ Ġunju 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 1999/70/KE – Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP – Klawżola 4 – Prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni – Kunċett ta’ ‘kundizzjonijiet ta’ impjieg’ – Komparabbiltà tas-sitwazzjonijiet – Ġustifikazzjoni – Kunċett ta’ ‘raġunijiet oġġettivi’ – Kumpens fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba raġuni oġġettiva – Assenza ta’ kumpens mal-iskadenza ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat fil-forma ta’ kuntratt ta’ tranżizzjoni”

Fil-Kawża C-677/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid, Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Diċembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Diċembru 2016, fil-proċedura

Lucía Montero Mateos

vs

Agencia Madrileña de Atención Social de la Consejería de Políticas Sociales y Familia de la Comunidad Autónoma de Madrid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi President, L. Bay Larsen, J. L. da Cruz Vilaça, A. Rosas u C. G. Fernlund, Presidenti ta’ Awla, A. Arabadjiev (Relatur), M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas u E. Regan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: L. Carrasco Marco, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Novembru 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Montero Mateos, minn G. de Federico Fernández, abogado,

għall-Agencia Madrileña de Atención Social de la Consejería de Políticas Sociales y Familia de la Comunidad Autónoma de Madrid, minn M. J. Miralles de Imperial Ollero, bħala aġent,

għall-Gvern Spanjol, minn A. Gavela Llopis, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u N. Ruiz García, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Diċembru 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas”), li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Lucía Montero Mateos u l-Agencia Madrileña de Atención Social de la Consejería de Políticas Sociales y Familia de la Comunidad Autónoma de Madrid (l-Aġenzija ta’ Assistenza Soċjali tal-Belt ta’ Madrid fi ħdan il-Ministeru Reġjonali tal-Politika Soċjali u tal-Familja tal-Komunità Awtonoma ta’ Madrid, Spanja) (iktar ’il quddiem l-“Aġenzija”), dwar it-tmiem tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni li kien jorbotha ma’ din l-aġenzija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70:

“Il-partijiet firmatarji xtaqu jikkonkludu ftehim qafas fuq xogħol għal terminu fiss li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi għal kuntratti ta’ impjieg għal terminu fiss u relazzjonijiet ta’ impjieg; huma wrew ix-xewqa tagħhom li jtejbu il-kwalità ta’ xogħol ta’ terminu fiss billi jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni, u xtaqu li jistabbilixxu qafas għall-prevenzjoni ta’ abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti ta’ impjieg jew relazzjonijiet ta’ terminu fiss suċċessivi”.

4

Konformement mal-Artikolu 1 tad-Direttiva 1999/70, l-għan tagħha huwa “li jġib fis-seħħ [il-Ftehim qafas] konkluż [...] bejn l-organizzazzjonijiet ġenerali ta' l-industrija (ETUC, UNICE u CEEP)”.

5

It-tieni paragrafu tal-preambolu tal-Ftehim qafas huwa fformulat kif ġej:

“Il-partijiet għal dal-ftehim jirrikonoxxu li l-kuntratti għal żmien indefinit huma, u jibqgħu ikunu, il-forma ġenerali ta’ relazzjoni ta’ impjieg bejn min jimpjega u l-ħaddiema. Huma jirrikonoxxu wkoll li l-kuntratti ta’ impjieg għal żmien fiss jirrispondu, f’ċerti sitwazzjonijiet, għall-ħtiġiet ta’ kemm min jimpjega u l-ħaddiema.”

6

Skont it-tielet paragrafu ta’ dan il-preambolu:

“[Il-Ftehim qafas] jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġiet minimi li jirrelataw għal xogħol ta’ terminu fiss, waqt li jirrikonoxxi li l-applikazzjoni ddettaljata tagħhom jeħtieġ li tieħu kont tar-realtajiet ta’ sitwazzjonijiet nazzjonali, settorali u staġjonali. Juri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni u għall-użu ta’ kuntratti ta’ l-impjieg għal terminu fiss fuq bażi aċċettabbli għal min jimpjega u l-ħaddiema.”

7

Skont il-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, l-għan tiegħu huwa, minn naħa, li jtejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, li jistabbilixxi qafas sabiex jiġi evitat l-abbuż li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

8

Il-klawżola 3 tal-Ftehim qafas, intitolata “Definizzjonijiet”, tipprovdi:

“1.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim il-kliem ‘ħaddiem għal terminu fiss’ ifisru persuna li jkollha kuntratt jew relazzjoni ta’ l-impjieg dirett bejn min jimpjiega u ħaddiem meta l-aħħar tal-kuntratt jew tar-relazzjoni ta’ l-impjieg hu ddeterminat b’kondizzjonijiet oġġettivi bħal li jilħaq data speċifika, ilesti xogħol speċifiku, jew it-twettiq ta’ każ speċifiku.

2.

Għall-iskop ta’ dan il-ftehim, il-kliem ‘ħaddiem kumparabbli permanenti’ ifissru ħaddiem b’kuntratt jew relazzjoni ta’ impjieg għal żmien indefinit, fl-istess stabbiliment, ingaġġat fl-istess xogħol jew xogħol/impjieg simili, wara li tingħata attenzjoni xierqa lill-kwalifiki/kapaċitajiet [...]”

9

Il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, intitolata “Il-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni”, tipprevedi, fil-punt 1 tagħha:

“Fejn għandhom x’jaqsmu l-kondizzjonijiet ta’ l-impjieg, ħaddiema għal terminu fiss m’għandhomx jiġu trattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiem kumparabbli permanenti biss minħabba li għandhom kuntratt jew relazzjoni għal terminu fiss sakemm trattament differenti ma jkunx ġustifikat fuq bażi oġġettiva.”

Id-dritt Spanjol

10

L-Artikolu 15(1) tat-texto refundido de la Ley del Estatuto de los Trabajadores (it-Test Irriformulat tal-Liġi dwar l-Istatut tal-Ħaddiema), approvat permezz tar-Real Decreto Legislativo 1/1995 (id-Digriet Leġiżlattiv Irjali Nru 1/1995), tal-24 ta’ Marzu 1995 (BOE Nru 75, tad-29 ta’ Marzu 1995, p. 9654), fil-verżjoni applikabbli għad-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“Istatut tal-Ħaddiema”), jipprovdi:

“Il-kuntratt ta’ xogħol jista’ jiġi konkluż għal żmien indeterminat jew għal żmien determinat. Kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jista’ jiġi konkluż fil-każijiet segwenti:

(a)

meta l-ħaddiem ikun irreklutat sabiex iwettaq kompitu partikolari, li jkun awtonomu u separabbli mill-bqija tal-attività tal-impriża u li t-twettiq tiegħu, filwaqt li jkun limitat fiż-żmien, ikun bħala prinċipju għal tul ta’ żmien li ma jkunx ċert. [...]

(b)

meta dan ikun meħtieġ miċ-ċirkustanzi tas-suq, minn akkumulazzjoni tax-xogħol jew minn volum kbir ta’ ordnijiet, anki fil-kuntest tal-attività normali tal-impriża [...]

(c)

fil-każ ta’ sostituzzjoni ta’ ħaddiema li jkunu intitolati jżommu l-pożizzjoni tax-xogħol tagħhom, bil-kundizzjoni li l-kuntratt ta’ xogħol jispeċifika l-isem tal-ħaddiem issostitwit u r-raġuni tas-sostituzzjoni.”

11

Skont l-Artikolu 15(6) ta’ dan l-istatut, il-ħaddiema temporanji u għal żmien determinat għandhom igawdu mill-istess drittijiet bħall-ħaddiema għal żmien indeterminat, bla ħsara għall-karatteristiċi partikolari speċifiċi għal kull waħda mill-modalitajiet kuntrattwali fil-qasam ta’ xoljiment tal-kuntratt, u għal dawk espliċitament previsti fil-liġi fir-rigward tal-kuntratti ta’ taħriġ.

12

L-Artikolu 49(1) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi:

“1.   Il-kuntratt ta’ xogħol jintemm:

[...]

(b)

minħabba r-raġunijiet indikati b’mod validu fil-kuntratt, sakemm dawn ma jikkostitwixxux abbuż ta’ dritt manifest min-naħa tal-persuna li timpjega;

(c)

mal-iskadenza tal-perijodu miftiehem jew mat-twettiq tal-kompitu jew tas-servizz li jkunu s-suġġett tal-kuntratt. Meta jintemm il-kuntratt, ħlief fil-każijiet ta’ kuntratti ta’ tranżizzjoni u ta’ kuntratti ta’ taħriġ, il-ħaddiem huwa intitolat jirċievi kumpens ta’ ammont ekwivalenti għall-proporzjon tal-ammont li jikkorrispondi għal tnax-il jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, jew il-kumpens previst, jekk ikun il-każ, fil-leġiżlazzjoni speċifika applikabbli fil-qasam;

[...]

(l)

minħabba raġunijiet oġġettivi legalment ammissibbli;

[...]”

13

Skont l-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, jikkostitwixxu “raġunijiet oġġettivi” li jistgħu jiġġustifikaw ix-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol l-inkompetenza tal-ħaddiem, magħrufa jew skoperta wara d-dħul effettiv tiegħu fl-impriża; in-nuqqas tal-ħaddiem li jadatta ruħu għall-bidliet tekniċi raġonevoli mwettqa fir-rigward tal-pożizzjoni tiegħu; raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni, meta n-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol eliminati jkun inqas minn dak meħtieġ sabiex ix-xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol jiġi kklassifikat bħala “tkeċċija kollettiva”, kif ukoll, taħt ċerti kundizzjonijiet, assenzi repetuti mix-xogħol, anki jekk iġġustifikati.

14

Konformement mal-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 ta’ dan l-istatut jagħti lok għall-ħlas lill-ħaddiem, fl-istess mument bħan-notifika bil-miktub, ta’ kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità, kumpens li huwa kkalkolat pro rata fuq il-bażi tan-numru ta’ xhur maħduma fir-rigward ta’ perijodi ta’ inqas minn sena, iżda mhux iktar minn tnax-il salarju mensili.

15

L-Artikolu 4(1) tar-Real Decreto 2720/1998 por el que se desarrolla el artículo 15 del Estatuto de los Trabajadores en materia de contratos de duración determinada (id-Digriet Irjali Nru 2720/1998 li Jimplimenta l-Artikolu 15 tal-Istatut tal-Ħaddiema fil-Qasam tal-Kuntratti għal Żmien Determinat), tat-18 ta’ Diċembru 1998 (BOE Nru 7, tat-8 ta’ Jannar 1999, p. 568), jiddefinixxi l-kuntratt ta’ tranżizzjoni bħala l-kuntratt konkluż sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem tal-impriża intitolat għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu taħt leġiżlazzjoni, ftehim kollettiv jew ftehim individwali, jew sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni.

16

Skont l-Artikolu 4(2) ta’ dan id-digriet irjali, il-kuntratt għandu jidentifika, b’mod partikolari, il-ħaddiem issostitwit u r-raġuni tas-sostituzzjoni u l-pożizzjoni ta’ xogħol li ser timtela definittivament wara l-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni. It-tul tal-kuntratt ta’ tranżizzjoni konkluż sabiex jiġi ssostitwit ħaddiem tal-impriża intitolat għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu jikkorrispondi għal dak tal-assenza ta’ dan il-ħaddiem. It-tul tal-kuntratt ta’ tranżizzjoni konkluż sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni jikkorrispondi għat-tul ta’ din il-proċedura. Dan it-tul ma jistax ikun ta’ iktar minn tliet xhur u, ladarba jintemm dan il-perijodu massimu, ma jistax jiġi konkluż kuntratt ġdid bl-istess skop. Fir-rigward tal-proċeduri ta’ reklutaġġ imwettqa mill-amministrazzjonijiet pubbliċi sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ xogħol, it-tul tal-kuntratti ta’ tranżizzjoni jikkoinċidi mat-tul tal-imsemmija proċeduri konformement ma’ dak li huwa previst mil-leġiżlazzjoni speċifika għalihom.

17

L-Artikolu 8(1) tal-imsemmi digriet irjali jipprovdi:

“Il-kuntratti għal żmien determinat jintemmu, wara rinunzja minn waħda mill-partijiet, minħabba r-raġunijiet segwenti:

[...]

(c)

Il-kuntratt ta’ tranżizzjoni jintemm fil-każijiet segwenti:

(1)

l-integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiem issostitwit;

(2)

l-iskadenza tat-terminu ffissat mil-liġi jew minn ftehim għall-integrazzjoni mill-ġdid;

(3)

l-estinzjoni tar-raġuni li tat lok għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol;

(4)

il-fatt li jkun għadda perijodu ta’ tliet xhur fil-proċeduri ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex jimtlew definittivament pożizzjonijiet ta’ xogħol jew il-perijodu applikabbli fil-proċeduri ta’ reklutaġġ fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

18

Fit-13 ta’ Marzu 2007, L. Montero Mateos ikkonkludiet mal-Aġenzija kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni intiż li jiżgura s-sostituzzjoni ta’ ħaddiem permanenti. Fl-1 ta’ Frar 2008, dan il-kuntratt ġie kkonvertit f’kuntratt ta’ tranżizzjoni intiż li tiġi koperta temporanjament pożizzjoni vakanti.

19

Il-pożizzjoni li L. Montero Mateos kienet tokkupa kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ servizzi ta’ assistenta fil-kantin f’dar tal-anzjani li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Aġenzija.

20

Fit-3 ta’ Ottubru 2009, ġiet organizzata proċedura ta’ reklutaġġ mill-Comunidad de Madrid (il-Komunità ta’ Madrid, Spanja) sabiex jimtlew pożizzjonijiet ta’ assistenti fil-kantin. Fis-27 ta’ Lulju 2016, il-pożizzjoni li kienet okkupata minn L. Montero Mateos ingħatat lil persuna li kienet intgħażlet permezz ta’ din il-proċedura.

21

Għaldaqstant, b’effett mit-30 ta’ Settembru 2016, ġie tterminat il-kuntratt ta’ tranżizzjoni ta’ L. Montero Mateos.

22

Fl-14 ta’ Ottubru 2016, L. Montero Mateos ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li ttemm il-kuntratt tagħha quddiem il-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid, Spanja).

23

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, dik il-qorti tosserva li, fil-kuntest tal-kuntratt ta’ tranżizzjoni tagħha, L. Montero Mateos eżerċitat l-istess funzjonijiet bħal dawk li għalihom kienet ġiet irreklutata l-persuna magħżula permezz tal-proċedura msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza. Għaldaqstant, dawn iż-żewġ ħaddiema għandhom jitqiesu li huma ħaddiema komparabbli, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

24

Barra minn hekk, il-kumpens mogħti mat-tmiem ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat u dak imħallas minħabba t-tkeċċija ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat komparabbli minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-imsemmija klawżola 4.

25

Il-qorti tar-rinviju tosserva, barra minn hekk, li, skont id-dritt Spanjol, meta l-kuntratt ta’ xogħol jiġi xolt minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, kumpens legali ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża jingħata lill-ħaddiem, irrispettivament minn jekk il-kuntratt jew ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu hijiex għal żmien determinat jew għal żmien indeterminat. F’dan il-każ, il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat huma għalhekk ittrattati bl-istess mod.

26

Għall-kuntrarju, meta jintemm kuntratt ta’ tranżizzjoni, bħal f’dan il-każ, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kien ġie konkluż, il-ħaddiem ikkonċernat ma jirċievi l-ebda kumpens.

27

Skont il-qorti tar-rinviju, differenza fit-trattament fis-sens tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas tista’ tiġi kkonstata f’dan il-każ biss jekk ikun aċċettat li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema li l-kuntratt għal żmien determinat tiegħu jintemm mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kien ġie konkluż hija komparabbli għal dik ta’ ħaddiem li l-kuntratt għal żmien indeterminat tiegħu jiġi xolt minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

28

Skont il-qorti tar-rinviju, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras (C-596/14, EU:C:2016:683), wasslet lill-qrati Spanjoli sabiex jagħtu lil din l-ewwel kategorija ta’ ħaddiema, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih il-kuntratti ta’ tranżizzjoni kienu ġew konklużi, kumpens ugwali għal dak mogħti, b’mod partikolari, lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol tagħhom minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

29

Din is-sentenza kellha impatt fuq is-suq tax-xogħol Spanjol, li huwa kkaratterizzat minn qgħad endemiku u minn numru kbir ta’ kuntratti temporanji.

30

Madankollu, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, l-imsemmija sentenza ma tatx soluzzjoni għall-kwistjoni ta’ jekk il-fatt li l-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ikunu jafu neċessarjament bit-tul limitat ta’ dan il-kuntratt huwiex ta’ natura li jiġġustifika, fir-rigward tal-kumpens ta’ terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol, trattament distint minn dak mogħti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat li l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

31

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza b’mod iktar partikolari li l-ħaddiem impjegat permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni konkluż sabiex tiġi żgurata s-sostituzzjoni ta’ ħaddiem tal-impriża intitolat għaż-żamma tal-pożizzjoni ta’ xogħol tiegħu ma jistax ma jkunx jaf li qiegħed jokkupa din il-pożizzjoni b’mod provviżorju, sabiex tkun issodisfatta ħtieġa oġġettivament temporanja.

32

Mill-banda l-oħra, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, bl-istess mod bħax-xoljiment antiċipat ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat minħabba dawn l-istess raġunijiet, jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ fatt li, għalkemm possibbli, ma kienx previst u li jaffettwa l-ekwilibriju ekonomiku tal-kuntratt ta’ xogħol tant li jkun inutli jew impossibbli li dan il-kuntratt jinżamm.

33

Għaldaqstant, huwa permess li jitqies li t-tmiem ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat konformement mal-istipulazzjonijiet previsti minnu huwa distint, minħabba n-natura prevedibbli tiegħu, mix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema. Fil-fatt, ix-xoljiment tal-kuntratt minħabba tali raġuni, fid-dawl tan-natura imprevedibbli tiegħu, iwassal għal ksur tal-aspettattivi tal-ħaddiem f’termini ta’ stabbiltà tar-relazzjoni ta’ xogħol. Dan jista’ jitqies li jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika trattament differenti ta’ dawn is-sitwazzjonijiet f’termini ta’ għoti ta’ kumpens lill-ħaddiem.

34

Madankollu, huwa possibbli wkoll li jitqies li l-għoti ta’ pożizzjoni li sa dak il-punt kienet okkupata minn ħaddiem fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ tranżizzjoni lill-persuna magħżula permezz ta’ proċedura intiża li din il-pożizzjoni timtela b’mod permanenti jikkostitwixxi raġuni oġġettiva marbuta mal-organizzazzjoni tal-impriża, li ma tistax tiġi imputata lill-ħaddiem. F’dan il-każ, din il-kunsiderazzjoni tista’ timmilita favur l-għoti lil L. Montero Mateos tal-istess kumpens bħal dak mogħti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli meta l-kuntratt ta’ xogħol tagħhom jiġi xolt minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

35

Barra minn hekk, ħaddiem, kemm jekk irreklutat għal żmien determinat u kemm jekk irreklutat għal żmien indeterminat, iġarrab dannu reali meta jitlef l-impjieg tiegħu. Skont il-qorti tar-rinviju, jekk il-kumpens mogħti fl-okkażjoni tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol huwa intiż effettivament li jikkumpensa dan id-dannu, jista’ jirriżulta li jkun inġust li dan il-kumpens jingħata biss f’parti mill-każijiet fejn it-terminazzjoni ta’ din ir-relazzjoni ma tkunx tista’ tiġi imputata lill-ħaddiem.

36

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Juzgado de lo Social no 33 de Madrid (il-Qorti Industrijali Nru 33 ta’ Madrid) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Il-klawżola 4(1) tal-[Ftehim qafas] għandha tiġi interpretata fis-sens li t-tmiem tal-kuntratt temporanju ta’ ‘interinidad’ [kuntratt ta’ tranżizzjoni] konkluż għall-kopertura ta’ pożizzjoni vakanti fl-iskadenza tat-terminu miftiehem bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiema, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika li l-leġiżlatur nazzjonali ma jipprevedi f’tali każ ebda kumpens għax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol, filwaqt li għal ħaddiem permanenti paragunabbli li tkeċċa minħabba raġuni oġġettiva jipprevedi kumpens ta’ 20 jum [salarju] għal kull sena ta’ servizz?”

37

Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ April 2017, il-Gvern Spanjol talab, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 16 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li l-Qorti tal-Ġustizzja tiltaqa’ bħala l-Awla Manja.

Fuq id-domanda preliminari

38

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni, bħalma huwa l-kuntratt ta’ tranżizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, meta fl-istess ħin jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

39

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-punt (a) tal-klawżola 1 tal-Ftehim qafas, wieħed mill-għanijiet tiegħu huwa li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Bl-istess mod, fit-tielet paragrafu tiegħu, il-preambolu tal-Ftehim qafas jispeċifika li dan il-ftehim qafas “[j]uri d-dispożizzjoni ta’ l-Imsieħba Soċjali li jistabbilixxu qafas ġenerali biex jiżguraw trattament ugwali għal ħaddiema għal terminu fiss billi jipproteġuhom kontra d-diskriminazzjoni”. F’dan ir-rigward, il-premessa 14 tad-Direttiva 1999/70 tindika li l-għan tal-Ftehim qafas huwa, b’mod partikolari, li tittejjeb il-kwalità tax-xogħol għal żmien determinat billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi ta’ natura li jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 47; tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 40, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 22).

40

Il-Ftehim qafas, b’mod partikolari l-klawżola 4 tiegħu, huwa intiż li jimplimenta l-imsemmi prinċipju għall-ħaddiema għal żmien determinat bil-għan li jiġi prekluż l-użu ta’ relazzjoni ta’ impjieg ta’ din in-natura minn persuna li timpjega sabiex iċċaħħad lil dawn il-ħaddiema minn drittijiet li huma rrikonoxxuti lill-ħaddiema għal żmien indeterminat (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 37; tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 48, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 23).

41

Fid-dawl tal-għanijiet segwiti mill-Ftehim qafas, kif imfakkra fiż-żewġ punti preċedenti, il-klawżola 4 tiegħu għandha tinftiehem fis-sens li tesprimi prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni li ma jistax jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenzi tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 49, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 24; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 38).

42

Għandu jitfakkar li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jistabbilixxi projbizzjoni dwar it-trattament, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ impjieg, tal-ħaddiema għal żmien determinat b’mod inqas favorevoli mill-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli għas-sempliċi raġuni li jaħdmu għal żmien determinat, sakemm trattament differenti ma jkunx iġġustifikat minn raġunijiet oġġettivi.

43

F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, fl-ewwel lok, li, peress li l-kuntratt ta’ xogħol ta’ L. Montero Mateos kien jipprevedi li dan il-kuntratt kellu jintemm malli jseħħ avveniment determinat, jiġifieri l-għoti definittiv lil terz, fi tmiem proċedura ta’ selezzjoni, tal-pożizzjoni li kienet tokkupa b’mod temporanju, L. Montero Mateos għandha titqies li għandha l-kwalità ta’ “ħaddiem għal żmien determinat” fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas.

44

Għaldaqstant, fit-tieni lok, għandu jiġi ddeterminat jekk l-għoti ta’ kumpens mill-persuna li timpjega minħabba l-estinzjoni ta’ kuntratt ta’ xogħol jaqax taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura taqax taħt dan il-kunċett huwa preċiżament dak tal-impjieg, jiġifieri r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ħaddiem u l-persuna li timpjegah (sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2013, Carratù, C‑361/12, EU:C:2013:830, punt 35, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 25).

45

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li jaqgħu taħt dan il-kunċett, b’mod partikolari, ir-regoli dwar id-determinazzjoni tal-perijodu ta’ avviż minn qabel applikabbli fil-każ ta’ xoljiment ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 29).

46

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li interpretazzjoni tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas li teskludi mid-definizzjoni tal-imsemmi kunċett il-kundizzjonijiet ta’ xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat twassal sabiex jiġi llimitat, bi ksur tal-għan tal-imsemmija dispożizzjoni, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema għal żmien determinat kontra d-diskriminazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 27).

47

Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġu ttrasposti kompletament għall-kumpens mogħti lill-ħaddiem minħabba x-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tiegħu li jorbtu mal-persuna li timpjegah, sa fejn tali kumpens jingħata minħabba r-relazzjoni ta’ xogħol li kien hemm bejniethom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 31).

48

Minn dan isegwi li kumpens bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “kundizzjonijiet ta’ impjieg”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas.

49

Għandu jitfakkar, fit-tielet lok, li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, li tiegħu l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas jikkostitwixxi espressjoni partikolari, jeżiġi li sitwazzjonijiet komparabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 65 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50

F’dan ir-rigward, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni ġie implimentat u kkonkretizzat permezz tal-Ftehim qafas fir-rigward biss tad-differenzi fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenza tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51

Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex jiġi evalwat jekk il-persuni kkonċernati jeżerċitawx xogħol identiku jew simili fis-sens tal-Ftehim qafas, għandu jiġi mistħarreġ, konformement mal-punt 2 tal-klawżola 3 u mal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, jekk, fid-dawl ta’ numru ta’ fatturi, bħalma huma n-natura tax-xogħol, il-kundizzjonijiet ta’ taħriġ u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, dawn il-persuni jistgħux jitqiesu li jinsabu f’sitwazzjoni komparabbli (sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 31).

52

F’dan il-każ, hija l-qorti tar-rinviju, li għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tevalwa l-fatti, li għandha tiddetermina jekk L. Montero Mateos, meta ġiet irreklutata mill-Aġenzija fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, kinitx tinsab f’sitwazzjoni komparabbli għal dik tal-impjegati rreklutati għal żmien indeterminat minn din l-istess persuna li timpjega matul l-istess perijodu (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2011, Rosado Santana, C‑177/10, EU:C:2011:557, punt 67; tat-18 ta’ Ottubru 2012, Valenza et, C‑302/11 sa C‑305/11, EU:C:2012:646, punt 43, u tat-13 ta’ Marzu 2014, Nierodzik, C‑38/13, EU:C:2014:152, punt 32).

53

B’dan premess, mill-elementi għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li L. Montero Mateos, meta kienet irreklutata mill-Aġenzija fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ tranżizzjoni, kienet teżerċita l-istess funzjonijiet ta’ assistenta fil-kantin f’dar tal-anzjani bħal dawk li għalihom ġiet irreklutata l-persuna magħżula permezz tal-proċedura msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, liema proċedura ta’ selezzjoni kienet intiża preċiżament li timtela b’mod permanenti l-pożizzjoni okkupata minn L. Montero Mateos matul dan il-perijodu.

54

Għaldaqstant, bla ħsara għall-evalwazzjoni definittiva mill-qorti tar-rinviju fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha, għandu jitqies li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiema għal żmien determinat bħalma hija L. Montero Mateos kienet komparabbli għal dik ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat irreklutat mill-Aġenzija sabiex iwettaq l-istess funzjonijiet ta’ assistent fil-kantin f’dar tal-anzjani.

55

Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat jekk teżistix raġuni oġġettiva li tiġġustifika li l-fatt li kuntratt ta’ tranżizzjoni jkun wasal fit-tmiem tiegħu ma jagħti lok għall-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiem għal żmien determinat ikkonċernat, meta ħaddiem għal żmien indeterminat jibbenefika minn kumpens meta jitkeċċa minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi”, fis-sens tal-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas, għandu jinftiehem fis-sens li ma jippermettix li differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat tiġi ġġustifikata għar-raġuni li din id-differenza hija prevista f’regola ġenerali jew astratta, bħalma hija liġi jew ftehim kollettiv (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 57, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gavieiro Gavieiro u Iglesias Torres, C‑444/09 u C‑456/09, EU:C:2010:819, punt 54, kif ukoll id-digriet tat-22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 62).

57

Skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, l-imsemmi kunċett jeħtieġ li l-inugwaljanza fit-trattament ikkonstatata tkun iġġustifikata permezz tal-eżistenza ta’ elementi preċiżi u konkreti, li jikkaratterizzaw il-kundizzjoni ta’ impjieg inkwistjoni, fil-kuntest partikolari tagħha u fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi u trasparenti, sabiex jiġi vverifikat jekk din l-inugwaljanza tissodisfax ħtieġa reali, jekk hijiex ta’ natura xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex u jekk hijiex neċessarja għal dan il-għan. L-imsemmija elementi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, min-natura partikolari tal-kompiti li għat-twettiq tagħhom ikunu ġew konklużi l-kuntratti għal żmien determinat u mill-karatteristiċi inerenti għalihom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (sentenzi tat-13 ta’ Settembru 2007, Del Cerro Alonso, C‑307/05, EU:C:2007:509, punt 53, u tal-14 ta’ Settembru 2016, de Diego Porras, C‑596/14, EU:C:2016:683, punt 45, kif ukoll digriet tat-22 ta’ Marzu 2018, Centeno Meléndez, C‑315/17, mhux ippubblikat, EU:C:2018:207, punt 65).

58

F’dan il-każ, il-Gvern Spanjol jinvoka d-differenza li tikkaratterizza l-kuntest li fih jimmaterjalizzaw il-kawżi ta’ estinzjoni tal-kuntratti għal żmien determinat previsti fl-Artikolu 49(1)(c) tal-Istatut tal-Ħaddiema, bħalma huwa l-fatt li jintemm il-perijodu ta’ kuntratt ta’ tranżizzjoni, fil-konfront tal-kuntest li fih huwa previst il-ħlas ta’ kumpens fil-każ ta’ tkeċċija minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-imsemmi statut, bħalma huma raġunijiet ekonomiċi, tekniċi jew marbuta mal-organizzazzjoni jew mal-produzzjoni tal-persuna li timpjega, meta n-numru ta’ pożizzjonijiet ta’ xogħol eliminati jkun inqas minn dak meħtieġ sabiex ix-xoljiment tal-kuntratti ta’ xogħol jiġi kklassifikat bħala “tkeċċija kollettiva”. Sabiex jispjega d-differenza fit-trattament inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmi gvern jenfasizza essenzjalment li, fl-ewwel każ, it-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol isseħħ fl-okkażjoni ta’ avveniment li seta’ jiġi antiċipat mill-ħaddiem fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat, li jikkorrispondi fil-fatt għas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn il-kuntratt ta’ tranżizzjoni ġie estint b’konsegwenza tal-attribuzzjoni tal-pożizzjoni vakanti li L. Montero Mateos kienet qiegħda tokkupa provviżorjament. Fit-tieni każ, għall-kuntrarju, il-ħlas tal-kumpens previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema huwa mmotivat mir-rieda li jiġi kkumpensat il-ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-ħaddiem li r-relazzjoni ta’ xogħol ser tkompli, li jirriżulta mit-tkeċċija tiegħu minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-imsemmi statut.

59

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-estinzjoni tal-kuntratt ta’ xogħol ta’ tranżizzjoni ta’ L. Montero Mateos, minħabba l-fatt li l-pożizzjoni li hija kienet qiegħda tokkupa provviżorjament bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt imtliet b’mod definittiv permezz tal-proċedura msemmija fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, taqa’ f’kuntest kunsiderevolment differenti, minn perspettiva fattwali u legali, mill-kuntest li fih il-kuntratt ta’ xogħol ta’ ħaddiem għal żmien indeterminat jiġi xolt minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema.

60

Fil-fatt, mid-definizzjoni tal-kunċett ta’ kuntratt għal “żmien determinat” li tinsab fil-punt 1 tal-klawżola 3 tal-Ftehim qafas jirriżulta li kuntratt ta’ dan it-tip ma jibqax ikollu effetti fil-futur malli jintlaħaq it-tmiem li jkun assenjat lil dan il-kuntratt, liema tmiem jista’ jkun ikkostitwit mit-tlestija ta’ kompitu determinat, mill-fatt li tintlaħaq data preċiża jew, bħal f’dan il-każ, mill-fatt li jseħħ avveniment partikolari. B’hekk, il-partijiet f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat jafu, sa mill-konklużjoni tiegħu, id-data jew l-avveniment li jiddeterminaw it-tmiem tiegħu. Dan it-tmiem jillimita t-tul tar-relazzjoni ta’ impjieg, mingħajr ma huwa meħtieġ li l-partijiet jesprimu r-rieda tagħhom f’dan ir-rigward wara l-konklużjoni tal-imsemmi kuntratt.

61

Mill-banda l-oħra, ix-xoljiment ta’ kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat minħabba waħda mir-raġunijiet previsti fl-Artikolu 52 tal-Istatut tal-Ħaddiema, fuq inizjattiva tal-persuna li timpjega, jirriżulta mill-materjalizzazzjoni ta’ ċirkustanzi li ma kinux previsti fid-data tal-konklużjoni tiegħu u li jfixklu kompletament l-iżvolġiment normali tar-relazzjoni ta’ xogħol. Kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol imfakkra fil-punt 58 ta’ din is-sentenza u kif enfasizzat essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 55 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa preċiżament sabiex tiġi kkumpensata din in-natura imprevista tat-terminazzjoni tar-relazzjoni ta’ xogħol minħabba tali raġuni u, għaldaqstant, il-ksur tal-aspettattivi leġittimi li l-ħaddiem seta’ kellu f’dik id-data fir-rigward tal-istabbiltà tal-imsemmija relazzjoni, li l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jeħtieġ f’dan il-każ il-ħlas lill-imsemmi ħaddiem imkeċċi ta’ kumpens ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità.

62

F’dan il-każ tal-aħħar, id-dritt Spanjol ma jagħmel ebda differenza fit-trattament bejn il-ħaddiema għal żmien determinat u l-ħaddiema għal żmien indeterminat komparabbli, sa fejn l-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema jipprevedi kumpens legali ekwivalenti għal għoxrin jum ta’ salarju għal kull sena ta’ anzjanità fl-impriża favur il-ħaddiem, irrispettivament minn jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kienx għal żmien determinat jew indeterminat.

63

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu għalhekk jitqies li l-għan speċifiku tal-kumpens ta’ tkeċċija previst fl-Artikolu 53(1)(b) tal-Istatut tal-Ħaddiema, l-istess bħall-kuntest partikolari li fih jitħallas l-imsemmi kumpens, jikkostitwixxi raġuni oġġettiva li tiġġustifika d-differenza fit-trattament inkwistjoni.

64

F’dan il-każ, L. Montero Mateos ma setgħetx tkun taf, fil-mument tal-konklużjoni tal-kuntratt ta’ tranżizzjoni tagħha, id-data preċiża li fiha l-pożizzjoni li kienet tokkupa bis-saħħa ta’ dan il-kuntratt kienet ser timtela b’mod definittiv, u lanqas ma setgħet tkun taf li t-tul ta’ dan tal-aħħar kien ser ikun itwal min-normal. Madankollu, xorta waħda jibqa’ l-fatt li l-imsemmi kuntratt ġie estint minħabba li ma kienx għad hemm ir-raġuni li kienet iġġustifikat il-konklużjoni tiegħu. B’dan premess, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina jekk, fid-dawl tan-natura imprevedibbli tat-tmiem ta’ dan il-kuntratt u tat-tul itwal min-normal tiegħu, hemmx lok li dan il-kuntratt jiġi kklassifikat mill-ġdid bħala “kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat”.

65

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda preliminari magħmula hija li l-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni, bħalma huwa l-kuntratt ta’ tranżizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, meta fl-istess ħin jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

Fuq l-ispejjeż

66

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Il-punt 1 tal-klawżola 4 tal-Ftehim qafas dwar ix-xogħol għal żmien determinat, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab fl-anness tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedi l-ħlas ta’ ebda kumpens lill-ħaddiema impjegati permezz ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat konklużi sabiex tiġi koperta temporanjament pożizzjoni ta’ xogħol matul il-proċedura ta’ reklutaġġ jew ta’ promozzjoni sabiex timtela definittivament l-imsemmija pożizzjoni, bħalma huwa l-kuntratt ta’ tranżizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mal-iskadenza tal-perijodu li għalih kienu ġew konklużi dawn il-kuntratti, meta fl-istess ħin jingħata kumpens lill-ħaddiema għal żmien indeterminat fl-okkażjoni tax-xoljiment tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom minħabba raġuni oġġettiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.