SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
25 ta’ Lulju 2018 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika komuni fil-qasam tal-ażil u tal-protezzjoni sussidjarja – Standards għall-kwalifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Artikolu 12 – Esklużjoni mill-istatus ta’ refuġjat – Persuni rreġistrati mal-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA) – Eżistenza ta’ ‘l-ewwel pajjiż ta’ ażil’, għal refuġjat tal-Palestina, fiż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA – Proċeduri komuni għall-għoti tal-protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2013/32/UE – Artikolu 46 – Dritt għal rimedju effettiv – Eżami sħiħ u ex nunc – Portata tas-setgħat tal-qorti tal-ewwel istanza – Eżami mill-qorti tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni internazzjonali – Eżami tar-raġunijiet tal-inammissibbiltà”
Fil-Kawża C‑585/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofija, il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑18 ta’ Novembru 2016, fil-proċedura
Serin Alheto
vs
Zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn K. Lenaerts, President, M. Ilešič (Relatur), L. Bay Larsen, T. von Danwitz, A. Rosas, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, F. Biltgen, K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑23 ta’ Jannar 2018,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għal S. Alheto, minn P. Zhelev, V. Nilsen, G. Voynov, G. Toshev, M. Andreeva u I. Savova, advokati, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ungeriż, minn G. Tornyai, Z. Fehér, G. Koós u M. M. Tátrai, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Condou-Durande, C. Georgieva-Kecsmar u I. Zaloguin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑17 ta’ Mejju 2018,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), kif ukoll tal-Artikolu 35 u tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU 2013, L 180, p. 60). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Serin Alheto u ż-zamestnik-predsedatel na Darzhavna agentsia za bezhantsite (l-Assistent Direttur tal-Aġenzija Nazzjonali għar-Refuġjati, il-Bulgarija) (iktar ’il quddiem id-“DAB”), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. Alheto. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
Il-Konvenzjoni ta’ Genève
3 |
Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954. Din ġiet ikkompletata u emendata bil-Protokoll dwar l-Istatus ta’ Refuġjat, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li fir-rigward tiegħu daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). |
4 |
L-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, fid-definizzjoni li huwa jagħti tal-kelma “refuġjat”, jagħmel riferiment b’mod partikolari għar-riskju ta’ persekuzzjoni. |
5 |
L-Artikolu 1(D) ta’ din il-konvenzjoni jistipula: “Din il-Konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal persuni li attwalment igawdu minn protezzjoni jew assistenza minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti oħra minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Assistenza tar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew assistenza tieqaf għal kwalunkwe raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun ġiet deċiża definittivament, konformement mar-riżoluzzjonijiet relatati adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawn il-persuni għandhom jibbenefikaw mid-drittijiet kollha li jirriżultaw minn din il-konvenzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. |
L-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (UNRWA)
6 |
Ir-Riżoluzzjoni Nru 302(IV) tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti tat‑8 ta’ Diċembru 1949 dwar l-assistenza għar-refuġjati Palestinjani waqqfet l-Aġenzija ta’ Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib (United Nations Relief and Works Agency for Palestine Refugees in the Near East (UNRWA)). Din għandha l-għan li sservi l-benesseri u l-iżvilupp uman tar-refuġjati Palestinjani. |
7 |
L-UNRWA topera fl-Istrixxa ta’ Gaża, fix-Xatt tal-Punent, fil-Ġordan, fil-Libanu u fis-Sirja. |
Id-dritt tal-Unjoni
Id-Direttiva 2011/95
8 |
Id-Direttiva 2011/95 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, li jistipula: “Għall-finijiet tal-[iżvilupp ta’ politika komuni dwar l-asil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja bil-għan li toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u bil-għan li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement], il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa dwar sistema komuni Ewropea ta’ asil li tinkludi: a) status uniformi ta’ asil għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, validu fl-Unjoni kollha; b) status uniformi ta’ protezzjoni sussidjarja għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li, mingħajr ma jiksbu asil Ewropew, jeħtieġu protezzjoni internazzjonali”. |
9 |
L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprovdi: “Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
[…]
[…]” |
10 |
Skont l-Artikolu 4(3) tal-imsemmija direttiva: “L-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali trid titwettaq fuq bażi individwali u tinkludi kunsiderazzjoni ta’:
|
11 |
L-Artikolu 5(1) tal-istess direttiva jistipula: “Biża’ ġustifikat ta’ persekuzzjoni jew riskju veru li l-persuna ssofri dannu serju jista’ jiġi bbażat fuq każijiet li jkunu seħħew mindu l-applikant ikun telaq mill-pajjiż tal-oriġini”. |
12 |
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Atturi ta’ protezzjoni”, jipprovdi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu: “1. Protezzjoni minn persekuzzjoni jew dannu serju tista’ tiġi pprovduta biss minn:
sakemm dawn iridu u jistgħu joffru protezzjoni skont il-paragrafu 2. 2. Protezzjoni kontra persekuzzjoni jew dannu serju trid tkun effettiva u ta’ natura mhux temporanja. Tali protezzjoni hija ġeneralment ipprovduta meta l-atturi msemmija skont il-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1 jieħdu passi raġonevoli sabiex jipprevjenu l-persekuzzjoni jew il-konsegwenzi ta’ dannu serju, fost ħwejjeġ oħra billi joperaw sistema legali effettiva għall-kxif, il-prosekuzzjoni u l-kastig ta’ atti li jikkostitwixxu persekuzzjoni jew dannu serju, u meta l-applikant ikollu aċċess għal din il-protezzjoni.” |
13 |
L-Artikoli 9 u 10 ta’ din id-direttiva, li jinsabu fil-Kapitolu III tagħha, intitolat “Kwalifika Biex Wieħed Ikun Refuġjat”, jistipulaw l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk l-applikant kienx jew jistax ikun suġġett għal persekuzzjoni. |
14 |
L-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva, li jinsab ukoll f’dan il-Kapitolu III, huwa intitolat “Esklużjoni” u jipprovdi: “1. Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:
[…]” |
15 |
L-Artikolu 15 tal-istess direttiva jinsab fil-Kapitolu V tagħha, intitolat “Kwalifika Biex Persuna Tkun Eliġibbli Għal Protezzjoni Sussidjarja”. Huwa jistipula dan li ġej: “Dannu serju jikkonsisti minn:
|
16 |
L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2011/95, li jinsab ukoll f’dan il-Kapitolu V, jiddefinixxi s-sitwazzjonijiet li fihom huwa eskluż il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja. |
17 |
L-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, intitolat “Protezzjoni minn refoulement”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu: “L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.” |
18 |
Il-Kapitolu IX tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dispożizzjonijiet Finali”, jinkludi l-Artikoli 38 sa 42 tagħha. L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 39(1) ta’ din tal-aħħar jipprovdi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 23, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34, u 35 sa 21 ta’ Diċembru 2013. Għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet”. |
19 |
Skont l-Artikolu 40 tal-istess direttiva: “Id-Direttiva [tal-Kunsill] 2004/83/KE [tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96)], hi mħassra għall-Istati Membri marbutin b’din id-Direttiva bis-seħħ minn 21 ta’ Diċembru 2013, […] Għall-Istati Memebri marbutin b’din id-Direttiva, referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva, […]” |
20 |
L-Artikolu 41 tad-Direttiva 2011/95 jipprovdi: “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 1, 2, 4, 7, 8, 9, 10, 11, 16, 19, 20, 22, 24, 25, 26, 27, 28, 29, 30, 31, 32, 33, 34 u 35 għandhom japplikaw minn 22 ta’ Diċembru 2013.” |
21 |
Il-formulazzjoni tal-Artikoli 12 u 15 tad-Direttiva 2011/95 tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikoli 12 u 15 tad-Direttiva 2004/83. |
Id-Direttiva 2013/32
22 |
Id-Direttiva 2013/32 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(d) TFUE, li jipprevedi l-istabbiliment ta’ proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-istatus uniformi ta’ ażil jew ta’ protezzjoni sussidjarja. |
23 |
Il-premessi 4, 13, 16, 18 u 22 ta’ din id-direttiva jistipulaw:
[…]
[…]
[…]
[…]
|
24 |
Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2013/32: “L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal- protezzjoni internazzjonali f’konformità mad-Direttiva [2011/95].” |
25 |
L-Artikolu 2 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi: “Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva: […]
[…]” |
26 |
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/32: “1. L-Istati Membri għandhom jinnominaw, għall-proċeduri kollha, awtorità determinanti li tkun responsabbli li tagħmel eżami adegwat ta’ applikazzjonijiet skont din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tali awtorità tkun ipprovduta b’mezzi xierqa, inkluż biżżejjed persunal kompetenti, biex iwettaq il-kompiti tiegħu skont din id-Direttiva. […] 3. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persunal tal-awtorità determinanti jkun mistħarreġ b’mod xieraq. […] Il-persuni li jintervistaw lill-applikanti skont din id-Direttiva għandu jkollhom ukoll tagħrif ġenerali miksub ta’ problemi li jistgħu jaffettwaw b’mod ħażin il-kapaċità tal-applikant li jiġi intervistat, bħal indikazzjonijiet li l-applikant seta’ ġie ttorturat fil-passat. […]” |
27 |
L-Artikolu 10(2) ta’ din id-direttiva jistipula: “Meta teżamina l-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, l-awtorità [responsabbli] għandha l-ewwel tiddeċiedi jekk l-applikanti jikkwalifikawx bħala rifuġjati u, jekk le, jiddeċiedu jekk l-applikanti humiex eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja.” |
28 |
Skont l-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva: “1. Fir-rigward tal-proċeduri provduti fil-Kapitolu III, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti kollha jgawdu l-garanziji li gejjin:
[…]” |
29 |
L-Artikolu 13(1) tal-istess direttiva jipprovdi: “L-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għandhom jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti bl-għan li jistabbilixxu l-identità tagħhom u elementi oħra li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 4 (2) tad-Direttiva [2011/95]. […]” |
30 |
L-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32 jistipula: “L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw applikazzjoni għall- protezzjoni internazzjonali bħala inammissibbli biss jekk: […]
[…]” |
31 |
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membri għandhom jippermettu lill-applikanti biex jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar l-applikazzjoni tar-raġunijiet li ssir referenza għalihom fl-Artikolu 33 fiċ-ċirkustanzi partikolari tagħhom qabel ma tittieħed deċiżjoni mill-awtorità determinanti dwar l-ammissibbiltà ta’ applikazzjoni. Għal dak il-għan, l-Istati Membri għandhom iwettqu intervista personali dwar l-inammissibbiltà tal-applikazzjoni. […]” |
32 |
L-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva jipprovdi: “Pajjiż jista’ jkun kunsidrat bħala l-ewwel pajjiż ta’ asil għal applikant partikolari jekk:
sakemm huwa jerġa’ jitħalla jidħol f’dak il-pajjiż. Fl-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partikolari ta’ applikazzjoni, l-Istati Membri jistgħu jieħdu kont tal-Artikolu 38(1). L-applikant għandu jitħalla jikkontesta l-applikazzjoni tal-kunċett tal-ewwel pajjiż ta’ asil għaċ-ċirkostanzi partiklari tiegħu.” |
33 |
Skont l-Artikolu 36(1) tal-istess direttiva: “Pajjiż terz indikat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu konformement ma’ din id-Direttiva jista’, wara eżami individwali tal-applikazzjoni, ikun ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu għal applikant partikolari biss jekk:
u ma ppreżenta/ppreżentat l-ebda raġuni serja sabiex il-pajjiż ma jiġix ikkunsidrat bħala pajjiż ta’ oriġini bla periklu fiċ-ċirkostanzi partikolari tiegħu/tagħha fis-sens tal-kwalifika tiegħu/tagħha bħala benefiċjarju/benefiċjarja ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95].” |
34 |
L-Artikolu 38 tad-Direttiva 2013/32 jistipula: “1. L-Istati Membi jistgħu japplikaw il-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu biss fejn l-awtoritajiet kompetenti jkunu sodisfatti li persuna li tkun qiegħda tfittex protezzjoni internazzjonali tiġi trattata skont il-prinċipji li ġejjin fil-pajjiż terz kkonċernat:
2. L-applikazzjoni tal-kunċett ta’ pajjiż terz bla periklu għandha tkun suġġetta għal regoli stabbiliti fil-liġi nazzjonali, inklużi:
[…]” |
35 |
Skont l-Artikolu 46 tad-Direttiva 2013/32: “1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-applikanti jkollhom id-dritt għal rimedju effettiv quddiem qorti jew tribunal, kontra dawn li ġejjin:
[…] 3. Sabiex ikunu konformi mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95], ta’ mill-inqas fi proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza. […]”. |
36 |
L-Artikolu 51(1) tad-Direttiva 2013/32 jipprevedi: “L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrativi meħtieġa sabiex jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 30, mal-Artikolu 31(1), (2) u (6) sa (9), mal-Artikoli 32 sa 46, mal-Artikoli 49 u 50 u mal-Anness I l-iktar tard mill‑20 ta’ Lulju 2015. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.” |
37 |
Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 ta’ din id-direttiva: “L-Istati Membi għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fl- Artikolu 51(1) fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati u fir-rigward ta’ proċeduri għall-irtirar ta’ protezzjoni internazzjonali li jkunu mibdija wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni. L-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 u l-proċeduri għall-irtirar tal-istatus ta’ rifuġjat mibdija qabel dik id-data għandhom ikunu rregolati mil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi taħt id-Direttiva [tal-Kunsill] 2005/85/KE [tal‑1 ta’ Diċembru 2005 dwar standards minimi għal proċeduri fl-Istati Membri għall-għoti u l-irtirar ta’ l-istatus ta’ rifuġjat (ĠU 2005, L 326, p. 13)].” |
38 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tad-Direttiva 2013/32 jipprovdi: “Id-Direttiva [2005/85] tiġi mħassra għal dawk l-Istati Membri marbuta b’din id-Direttiva bis-seħħ mill‑21 ta’ Lulju 2015 […]”. |
39 |
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 54 tad-Direttiva 2013/32 jistipula: “Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.” |
40 |
Peress li l-pubblikazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 54 seħħet fid‑29 ta’ Ġunju 2013, id-Direttiva 2013/32 daħlet fis-seħħ fid‑19 ta’ Lulju 2013. |
41 |
L-Artikoli 33, 35 u 38 kif ukoll l-Artikolu 46(1) tad-Direttiva 2013/32 jikkorrispondu mal-Artikoli 25, 26 u 27, kif ukoll mal-Artikolu 39(1), rispettivament, tad-Direttiva 2005/85. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 10(2), l-Artikolu 34 u l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jistipulaw regoli li ma kinux jinsabu fid-Direttiva 2005/85. |
Id-dritt Bulgaru
42 |
Fil-Bulgarija, l-eżami tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali huwa rregolat biż-Zakon za ubezhishteto i bezhantsite (il-Liġi dwar l-Ażil u r-Refuġjati, iktar ’il quddiem iż-“ZUB”). Għall-finijiet tat-traspożizzjoni fid-dritt Bulgaru tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32, iż-ZUB ġiet emendata b’liġijiet li daħlu fis-seħħ fix-xhur ta’ Ottubru 2015 u ta’ Diċembru 2015, rispettivament. |
43 |
L-Artikoli 8 u 9 taż-ZUB essenzjalment jieħdu l-kriterji stipulati fl-Artikoli 9, 10 u 15 tad-Direttiva 2011/95. |
44 |
L-Artikolu 12(1) taż-ZUB jipprovdi: “L-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna barranija: […] 4. li tibbenefika mill-protezzjoni jew mill-assistenza minn organi jew istituzzjonijiet oħra tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati; meta din il-protezzjoni jew l-għajnuna ma tkunx waqfet, u s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tkunx ġiet stabbilita, konformement mar-riżoluzzjoni rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, din il-persuna tista’ tibbenefika mid-dritt sħiħ tal-Konvenzjoni [ta’ Genève]”; […]” |
45 |
Iż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel it-traspożizzjoni fid-dritt Bulgaru tad-Direttivi 2011/95 u 2013/32 (iktar ’il quddiem iż-“ZUB qabel ġie emendat”), kien jistipula, fl-Artikolu 12(1) tiegħu: “L-istatus ta’ refuġjat ma jingħatax lil persuna barranija: […] 4. li tibbenefika mill-protezzjoni jew mill-assistenza minn organi jew istituzzjonijiet oħrajn tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u din il-protezzjoni jew din l-assistenza ma tkunx waqfet u s-sitwazzjoni ta’ din il-persuna ma tkunx ġiet stabbilita konformement mar-riżoluzzjoni rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti; […]” |
46 |
L-Artikolu 13(2) taż-ZUB jipprevedi: “Il-proċedura għall-għoti ta’ protezzjoni internazzjonali ma għandhiex tinfetaħ jew għandha tingħalaq jekk il-persuna barranija: […] 2. tgawdi minn status ta’ refuġjat mogħti minn Stat terz jew li tgawdi minn protezzjoni effettiva oħra li tinkludi l-osservanza tal-prinċipju ta’ non-refoulement u li tkun għadha tgawdi minnu, bil-kundizzjoni li tiġi ammessa mill-ġdid f’dan l-Istat; 3. tkun ġejja minn Stat terz sigur, bil-kundizzjoni li tkun tista’ terġa’ tiġi ammessa f’dan l-Istat”. |
47 |
Iż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel it-traspożizzjoni fid-dritt Bulgaru tad-Direttiva 2011/95 u 2013/32, kien jipprovdi, fl-Artikolu 13(2) tiegħu: “Il-proċedura ta’ rikonoxximent tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus umanitarju ma għandhiex tinfetaħ jew għandha tiġi sospiża meta r-refuġjat ikollu: […] 2. status ta’ refuġjat mogħti minn pajjiż terz sigur, bil-kundizzjoni li jiġi ammess mill-ġdid f’dan il-pajjiż”. |
48 |
Skont l-Artikolu 75(2) taż-ZUB: “[…] Waqt l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, jiġu evalwati l-fatti […] kollha rilevanti għas-sitwazzjoni personali tal-applikant […]” |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
49 |
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li S. Alheto, li twieldet fid‑29 ta’ Novembru 1972 f’Gaża, għandha passaport maħruġ mill-Awtorità Palestinjana u hija rreġistrata mal-UNRWA. |
50 |
Fil‑15 ta’ Lulju 2014, S. Alheto telqet mill-Istrixxa ta’ Gaża permezz ta’ mini moħbija li jgħaqqdu lil din it-territorju mal-Eġittu. Minn dan il-pajjiż, hija marret il-Ġordan b’dgħajsa. |
51 |
Fis‑7 ta’ Awwissu 2014, is-servizz konsulari tar-Repubblika tal-Bulgarija fil-Ġordan ħareġ lil S. Alheto viża turistika għal vjaġġ fil-Bulgarija, li l-validità tagħha kienet tiskadi fl‑1 ta’ Settembru 2014. |
52 |
Fl‑10 ta’ Awwissu 2014, S. Alheto daħlet il-Bulgarija permezz ta’ titjira minn Amman lejn Varna. Fit‑28 ta’ Awwissu 2014, it-terminu tal-validità tal-imsemmija viża ġie estiż sas‑17 ta’ Novembru 2014. |
53 |
Fil‑11 ta’ Novembru 2014, S. Alheto ppreżentat mad-DAB applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, li hija rrepetiet fil‑25 ta’ Novembru 2014. Insostenn ta’ din l-applikazzjoni, hija argumentat li ritorn lejn l-Istrixxa ta’ Gaża kien jesponiha għal theddida serja għal ħajjitha, peress li hemmhekk hija setgħet issofri minn torturi u persekuzzjonijiet. |
54 |
Din it-theddida hija marbuta mal-fatt li hija teżerċita attività soċjali intiża li tinforma lin-nisa dwar id-drittijiet tagħhom u li din l-attività ma hijiex aċċettata mill-Hamas, organizzazzjoni li tikkontrolla l-Istrixxa ta’ Gaża. |
55 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-eżistenza ta’ kunflitti armati bejn il-Hamas u l-Iżrael, teżisti sitwazzjoni ta’ vjolenza fl-Istrixxa ta’ Gaża. |
56 |
Bejn ix-xhur ta’ Diċembru 2014 u ta’ Marzu 2015, id-DAB għamlet diversi intervisti personali ma’ S. Alheto. |
57 |
Fit‑12 ta’ Mejju 2015, l-assistent direttur tad-DAB ċaħad l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. Alheto, abbażi tal-Artikolu 75 taż-ZUB, moqri flimkien mal-Artikoli 8 u 9 tagħha (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), għar-raġuni li l-affermazzjonijiet ta’ S. Alheto ma kinux kredibbli. |
58 |
L-assistent direttur tad-DAB b’mod partikolari spjega li, filwaqt li kien iġġustifikat li wieħed ikollu xi dubji dwar ir-rispett tad-drittijiet fundamentali fl-Istrixxa ta’ Gaża, is-sempliċi fatt li S. Alheto hija mara li tinforma lil nisa oħrajn residenti fl-Istrixxa ta’ Gaża dwar id-drittijiet tagħhom ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riskju reali ta’ persekuzzjoni fis-sens tal-Artikolu 8 taż-ZUB jew ta’ theddida gravi fis-sens tal-Artikolu 9 tagħha. F’dan ir-rigward, rapport internazzjonali mfassal matul is-sena 2014 juri li, fl-Istrixxa ta’ Gaża, pulizija nisa jipparteċipaw f’attivitajiet importanti bħall-ġlieda kontra d-droga, il-prosekuzzjonijiet kriminali u s-sorveljanza tal-moviment ħieles. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma tantx huwa konċepibbli li l-attività ta’ S. Alheto tesponiha għal theddid gravi u individwali. |
59 |
L-assistent direttur tad-DAB żied li S. Alheto lanqas ma kienet kostretta tapplika għal protezzjoni internazzjonali minħabba sitwazzjoni ta’ vjolenza kkawżata minn kunflitt armat. |
60 |
S. Alheto ppreżentat rikors quddiem l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia, il-Bulgarija) għall-finijiet tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija spjegat li ċerti elementi invokati matul l-intervisti individwali ma kinux ġew eżaminati, bi ksur tal-Artikolu 75 taż-ZUB, u li l-elementi li kienu ġew eżaminati kienu s-suġġett, fir-rigward tagħhom, ta’ evalwazzjoni żbaljata, bi ksur tal-Artikoli 8 u 9 taż-ZUB. |
61 |
Dik il-qorti tqis li d-DAB kellha, bħala prinċipju, teżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn S. Alheto abbażi tal-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB u mhux abbażi tal-Artikoli 8 u 9 tagħha. Id-deċiżjoni kkontestata, għaldaqstant, la hija konformi maż-ZUB u lanqas mar-regoli korrispondenti tad-Direttiva 2011/95, b’mod partikolari mal-Artikolu 12(1)(a) tagħha. |
62 |
Madankollu, l-imsemmija qorti tosserva li l-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB ma jittrasponix b’mod korrett l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, fatt li jikkomplika l-ipproċessar tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
63 |
Barra minn hekk, fid-dawl tal-obbligu li jiġi żgurat rimedju effettiv, u b’mod partikolari tar-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc, stipulat fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, hemm lok tiġi ddeterminata, fid-dawl b’mod partikolari tal-Artikoli 18, 19 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), il-portata tal-ġurisdizzjoni prevista mil-leġiżlatur tal-Unjoni. B’mod partikolari, għandu jiġi deċiż jekk, fil-kuntest ta’ tali eżami sħiħ u ex nunc, il-qorti tistax tinkorpora fl-evalwazzjoni tagħha elementi, inklużi raġunijiet tal-inammissibbiltà, li ma setgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. |
64 |
F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tfittex li ssir taf, b’mod partikolari, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna rreġistrata mal-UNRWA li ħarbet mill-Istrixxa ta’ Gaża u qagħdet il-Ġordan qabel ivvjaġġat lejn l-Unjoni għandhiex titqies li hija suffiċjentement protetta fil-Ġordan, b’mod illi l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha ppreżentata fl-Unjoni għandha tiġi ddikjarata inammissibbli. |
65 |
Fl-aħħar nett, tqum il-kwistjoni dwar jekk, wara l-annullament ta’ deċiżjoni li ċaħdet l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, il-qorti tistax, jew saħansitra għandhiex, tadotta hija stess deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni. |
66 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Sofia-grad (il-Qorti Amministrattiva ta’ Sofia) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Kunsiderazzjonijiet preliminari
67 |
Peress li l-applikabbiltà ratione temporis tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2013/32 li jirrigwardaw it-tielet sas-sitt domanda ma hijiex ċara u kienet is-suġġett ta’ dibattitu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom, preliminarjament, jingħataw xi preċiżjonijiet dwar dan is-suġġett. |
68 |
Huwa stabbilit li din id-direttiva ssostitwixxiet id-Direttiva 2005/85 b’effett mill‑21 ta’ Lulju 2015, jiġifieri wara d-data ta’ preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
69 |
F’dan il-kuntest, hemm lok jiġi rrilevat, minn naħa, li t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tistipula li l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015 għandhom ikunu rregolati mid-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont id-Direttiva 2005/85. |
70 |
Min-naħa l-oħra, l-ewwel sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 tippermetti l-applikazzjoni, għall-applikazzjonijiet ippreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015, ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw ir-regoli introdotti minn din id-direttiva. Fil-fatt, skont din is-sentenza, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-imsemmija dispożizzjonijiet “fir-rigward ta’ applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali ppreżentati […] wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data iktar kmieni.” |
71 |
Mill-eżami tax-xogħol preparatorju tad-Direttiva 2013/32, b’mod partikolari minn paragun tal-Pożizzjoni tal-Kunsill fl-Ewwel Qari (UE) Nru 7/2013 bil-ħsieb tal-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, adottata fis‑6 ta’ Ġunju 2013 (ĠU 2013, C 179 E, p. 27), mal-Proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Standards Minimi għal Proċeduri fl-Istati Membri għall-Għoti u l-Irtirar tal-Protezzjoni Internazzjonali fl-Istati Membri (COM(2009) 554 final), jirriżulta li l-kliem “jew f’data aktar kmieni” ġew miżjuda matul il-proċess leġiżlattiv. |
72 |
Konsegwentement, minkejja t-tensjoni li teżisti bejn l-ewwel u t-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32, mill-imsemmi xogħol preparatorju jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jippermetti lill-Istati Membri li xtaqu, li japplikaw id-dispożizzjonijiet tagħhom li jimplimentaw din id-direttiva, b’effett immedjat, għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015. |
73 |
Xorta jibqa’ l-fatt li, minkejja li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 52 tad-Direttiva 2013/32 awtorizza lill-Istati Membri japplikaw b’mod immedjat l-imsemmija dispożizzjonijiet għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ppreżentati qabel l‑20 ta’ Lulju 2015, huwa ma rabathomx li jagħmlu dan. Peress li din id-dispożizzjoni toffri, permezz tal-użu tal-kliem “mibdija wara l‑20 ta’ Lulju 2015 jew f’data aktar kmieni”, diversi possibbiltajiet ta’ applikazzjoni ratione temporis, sabiex il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi jkunu osservati fl-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkunu għaldaqstant protetti mill-arbitrarjetà u jkollhom dritt għal rimedju effettiv fil-kuntest tal-proċeduri ta’ għoti jew ta’ rtirar tal-protezzjoni internazzjonali, kull Stat Membru marbut b’ din id-direttiva għandu jitratta, b’mod partikolari fuq il-livell tal-applikazzjoni ratione temporis tar-regola ta’ eżami sħiħ u ex nunc, b’mod preveżibbli u uniformi l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali kollha li huma ppreżentati fl-istess perijodu fit-territorju tiegħu. |
74 |
Bi tweġiba għal talba għal kjarifika dwar dan is-suġġett, il-qorti tar-rinviju enfasizzat li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc, stipulat fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li kellu, skont l-Artikolu 51(1) ta’ din id-direttiva, jiġi implimentat sal‑20 ta’ Lulju 2015 l-iktar tard, ilu jeżisti fil-Bulgarija sa mill‑1 ta’ Marzu 2007, b’mod li l-leġiżlatur Bulgaru ma qiesx neċessarju li jieħu, matul it-traspożizzjoni tal-imsemmija direttiva, miżuri ta’ implimentazzjoni tal-imsemmi Artikolu 46(3). |
75 |
F’dan ir-rigward, l-imsemmija qorti ċċitat diversi dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam ta’ rikorsi amministrattivi u pprovdiet informazzjoni fuq il-portata ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, li ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tivverifika l-eżattezza tagħha. |
76 |
Fid-dawl ta’ din ir-risposta, jidher li t-tielet, ir-raba’ u s-sitt domanda, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, huma rilevanti għall-finijiet tas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali. |
77 |
Fil-fatt, jistgħu jitqiesu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ direttiva mhux biss id-dispożizzjonijiet nazzjonali li l-għan espress tagħhom huwa li jittrasponu dik id-direttiva, iżda wkoll, sa mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttiva, id-dispożizzjonijiet nazzjonali preeżistenti li jistgħu jiżguraw it-traspożizzjoni tagħha fid-dritt intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Settembru 2006, Cordero Alonso, C‑81/05, EU:C:2006:529, punt 29, kif ukoll tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punt 35). |
78 |
F’dan il-każ, filwaqt li huwa minnu li l-liġi ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/32 fid-dritt Bulgaru daħlet fis-seħħ biss fix-xahar ta’ Diċembru 2015, jiġifieri wara l-preżentazzjoni, minn S. Alheto, tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha fl-Unjoni u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, mit-tweġiba tal-qorti tar-rinviju għat-talba għal kjarifika jirriżulta madankollu li d-dritt Bulgaru jinkludi, sa mis-sena 2007, dispożizzjonijiet li jipprevedu rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc applikabbli għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali. |
79 |
Minn din l-istess tweġiba jirriżulta li, skont il-qorti tar-rinviju, dawn id-dispożizzjonijiet tqiesu mill-awtoritajiet nazzjonali bħala li jistgħu jiżguraw it-traspożizzjoni tal-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 fid-dritt intern. |
80 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, u peress li d-Direttiva 2013/32 kienet diġà fis-seħħ meta saret il-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva li hija mitluba mill-qorti tar-rinviju fil-kuntest tat-tielet, ir-raba’ u s-sitt domanda għandha titqies bħala neċessarja għal din tal-aħħar sabiex tkun tista’ tagħti deċiżjoni fil-kawża prinċipali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punti 37 u 40). |
81 |
Fir-rigward tal-ħames domanda, li tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, li, flimkien mal-Artikolu 33(2)(b) ta’ din id-direttiva, jawtorizza lill-Istati Membri jiddikjaraw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inammissibbli meta l-applikant huwa suffiċjentement protett f’pajjiż terz, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din ir-raġuni tal-inammissibbiltà ma kinitx għadha ġiet trasposta fid-dritt Bulgaru meta ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata. Billi madankollu titlaq mill-premessa li tipprovdi li d-dispożizzjoni nazzjonali li sadanittant ittrasponiet l-imsemmija raġuni ta’ inammissibbiltà hija madankollu applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali, liema premessa huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju biss li tivverifika l-fondatezza tagħha, dik il-qorti tistaqsi jekk tistax, fil-kuntest ta’ eżami sħiħ u ex nunc kif previst fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, tevalwa l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà u, fl-affermattiv, x’inhi l-portata ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà. |
Fuq l-ewwel domanda
82 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-UNRWA jeħtieġx eżami tal-kwistjoni dwar jekk din il-persuna tibbenefikax minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva mingħand dan l-organu. |
83 |
Bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, din id-domanda qiegħda ssir minħabba l-fatt li l-assistent direttur tad-DAB ma eżaminax speċifikament, fid-deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk il-protezzjoni jew l-assistenza li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienet tgawdi minnha mingħand l-UNRWA fiż-żona ta’ operazzjoni ta’ dan l-organu kinitx waqfet, filwaqt li, li kieku din iċ-ċirkustanza ġiet stabbilita, ir-rikorrenti kienet tkun tista’ tibbenefika, fil-Bulgarija, mill-istatus ta’ refuġjat konformement mal-Artikolu 1D tal-Konvenzjoni ta’ Genève u mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
84 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, bħalma tfakkar fil-punti 6 u 7 ta’ din is-sentenza, li l-UNRWA hija organu tan-Nazzjonijiet Uniti li twaqqaf sabiex jipproteġi u jassisti, fl-Istrixxa ta’ Gaża, fix-Xatt tal-Punent, fil-Ġordan, fil-Libanu u fis-Sirja, il-Palestinjani fil-kwalità tagħhom ta’ “refuġjati Palestinjani”. Minn dan isegwi li persuna, bħar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, li hija rreġistrata mal-UNRWA, tista’ tibbenefika minn protezzjoni u minn assistenza ta’ dan l-organu bl-għan li jservi l-benesseri tiegħu bħala refuġjat. |
85 |
Minħabba dan l-istatus speċifiku ta’ refuġjat stabbilit fl-imsemmija territorji fil-Lvant Qarib għall-Palestinjani, il-persuni rreġistrati mal-UNRWA huma, bħala prinċipju, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li tikkorrispondi mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, esklużi mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni. Dan ingħad, mit-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, li jikkorrispondi mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1(D) tal-Konvenjoni ta’ Genève, jirriżulta li, meta l-applikant għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni ma jkunx għadu jgawdi mill-protezzjoni jew mill-assistenza tal-UNRWA, din l-esklużjoni ma tibqax tapplika. |
86 |
Bħalma speċifikat il-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tapplika meta jirriżulta, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-elementi rilevanti kollha, li l-Palestinjan ikkonċernat jinsab fi stat personali ta’ nuqqas serju ta’ sigurtà u li l-UNRWA, li ntalbet l-assistenza tagħha mill-parti kkonċernata, tinsab f’sitwazzjoni ta’ impossibbiltà li tiżguralu kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tagħha, u dan il-Palestinjan ikollu għalhekk, minħabba ċirkustanzi indipendenti mir-rieda tiegħu, jitlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA. F’dan il-każ, l-imsemmi Palestinjan jista’, għall-inqas sakemm jaqa’ taħt wieħed mir-raġunijiet ta’ esklużjoni stipulati fl-Artikolu 12(1)(b), fl-Artikolu 12(2) u fl-Artikolu 12(3) ta’ din id-direttiva, igawdi minnha ipso facto mingħajr ma jkollu neċessarjament juri biża’ bir-raġun li jiġi ppersegwitat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-istess direttiva, sa meta jkun jista’ jirritorna lejn it-territorju fejn kellu r-residenza abitwali tiegħu (sentenza tad‑19 ta’ Diċembru 2012, Abed El Karem El Kott et, C‑364/11, EU:C:2012:826, punti 49 sa 51, 58 sa 65, 75 sa 77 u 81). |
87 |
Mill-elementi mfakkra iktar ’il fuq jirriżulta li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jistipula, minn naħa, raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat u, min-naħa l-oħra, raġuni għat-twaqqif tal-applikazzjoni tal-imsemmija raġuni ta’ esklużjoni, u kemm waħda kif ukoll l-oħra tista’ tkun deċiżiva sabiex jiġi evalwat jekk il-Palestinjan ikkonċernat jistax ikollu l-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni. Bħalma rrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punti 43 sa 45 tal-konklużjonijiet tiegħu, ir-regoli stipulati f’din id-dispożizzjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja, jikkostitwixxu għaldaqstant lex specialis. Id-dispożizzjonijiet nazzjonali ta’ traspożizzjoni ta’ din is-sistema għandhom jiġu applikati għall-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-UNRWA, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda qabel abbażi ta’ raġuni ta’ esklużjoni oħra jew raġuni ta’ inammissibbiltà. |
88 |
Din il-konklużjoni hija kkorroborata mill-għan tad-Direttiva 2011/95. Fil-fatt, peress li din ġiet adottata abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 78(2)(a) TFUE u hija intiża għaldaqstant, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, li tistabbilixxi sistema uniformi ta’ ażil, l-awtoritajiet kollha li huma kompetenti fl-Unjoni sabiex jipproċessaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali għandhom japplikaw, meta l-applikant huwa persuna rreġistrata mal-UNRWA, id-dispożizzjonijiet li jittrasponu r-regoli stipulati fl-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva. |
89 |
L-imsemmija dispożizzjonijiet huma applikabbli wkoll meta, bħal f’dan il-każ, l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tinkludi, minbarra talba għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, talba għall-għoti tal-protezzjoni sussidjarja. Fil-fatt, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, fl-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, l-awtorità kompetenti għandha tiddetermina qabelxejn jekk l-applikant jissodisfax il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-istatus ta’ refuġjat. Konsegwentement, il-fatt li r-regoli stipulati fl-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 ma japplikawx għall-parti tal-applikazzjoni dwar l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja, ma jeżentax lill-awtorità kompetenti mill-obbligu tagħha li tapplika qabelxejn id-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-imsemmija regoli, sabiex tivverifika jekk l-istatus ta’ refuġjat għandux jingħata. |
90 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, moqri flimkien mal-Artikolu 10(2) tad-Direttiva 2013/32, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ppreżentata minn persuna rreġistrata mal-UNRWA jeħtieġ eżami tal-kwistjoni dwar jekk din il-persuna tibbenefikax minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva mingħand dan l-organu, sakemm din l-applikazzjoni ma tkunx ġiet miċħuda qabel abbażi ta’ raġuni ta’ inammissibbiltà jew ta’ raġuni ta’ esklużjoni oħra differenti minn dik stipulata fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
Fuq it-tieni domanda
91 |
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprevedix jew li tittrasponi b’mod skorrett ir-raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat li tinsab f’din id-dispożizzjoni ta’ din id-direttiva. |
92 |
Bħalma ġie espost fil-punti 85 sa 87 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jinkludi, minn naħa, raġuni ta’ esklużjoni, li tipprovdi li kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat li jgawdi minn protezzjoni jew minn assistenza ta’ organu jew ta’ istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għajr il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati, huwa eskluż mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni u, min-naħa l-oħra, raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni ta’ din ir-raġuni ta’ esklużjoni, li tipprovdi li, meta l-imsemmija protezzjoni jew assistenza tieqaf mingħajr il-pożizzjoni ta’ dan iċ-ċittadin jew ta’ din il-persuna mingħajr stat tkun ġiet deċiża b’mod definittiv konformement mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti, l-imsemmi ċittadin jew persuna mingħajr Stat tkun tista’ ipso facto tgawdi minn din id-direttiva għall-finijiet tal-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni. |
93 |
Bħalma ġie rrilevat fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, il-formulazzjoni tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 tikkorrispondi ma’ dik tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83. |
94 |
Minn dan isegwi li l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li la tittrasponi din ir-raġuni ta’ esklużjoni u lanqas din ir-raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tagħha. |
95 |
Issa, f’dan il-każ, il-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva 2011/95, ma kienx jipprevedi tali raġuni għall-waqfien tal-applikazzjoni tar-raġuni ta’ esklużjoni. Il-punt 4 tal-Artikolu 12(1) taż-ZUB, fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din il-liġi, fir-rigward tiegħu, ittraspona it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, iżda juża, b’mod żbaljat, l-espressjoni “ma tkunx waqfet” minflok l-espressjoni “tkun waqfet”. Il-qorti tar-rinviju tqis li, f’tali ċirkustanzi, huwa diffiċli, jew saħansitra impossibbli, li dawn id-dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu interpretati b’mod konformi mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95. |
96 |
Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju tal-possibbiltajiet previsti mid-dritt Bulgaru li l-imsemmija dispożizzjonijiet nazzjonali jiġu interpretati b’mod li jkun konformi mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 jew mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, għandu jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar jipprekludu tali dispożizzjonijiet nazzjonali, peress li dawn jinkludu traspożizzjoni skorretta ta’ dawn id-direttivi. |
97 |
Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhomx effett dirett u jistgħux jiġu applikati anki jekk l-applikant għall-protezzjoni internazzjonali ma għamilx riferiment espress għaliha. |
98 |
F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-każijiet kollha fejn id-dispożizzjonijiet ta’ direttiva jidhru, mill-perspettiva tal-kontenut tagħhom, inkundizzjonati u suffiċjentement preċiżi, l-individwi jistgħu jinvokawhom quddiem il-qrati nazzjonali kontra l-Istat, meta dan ikun naqas milli jittrasponi d-direttiva fid-dritt nazzjonali fit-termini previsti jew meta dan jittrasponiha b’mod skorrett (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2012, Dominguez, C‑282/10, EU:C:2012:33, punt 33; tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 31, u tas‑7 ta’ Lulju 2016, Ambisig, C‑46/15, EU:C:2016:530, punt 16). |
99 |
It-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jissodisfaw dawn il-kriterji, għaliex dawn jistabbilixxu regola li l-kontenut tagħha huwa inkundizzjonat u suffiċjentement preċiż sabiex tkun tista’ tiġi invokata minn individwu u applikata mill-qorti. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu barra minn hekk li, fis-sitwazzjoni li huma jkopru, l-applikant ikkonċernat jista’ “ipso facto” jipprevalixxi ruħu mid-direttiva. |
100 |
F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li S. Alheto targumenta, insostenn tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tagħha, li, minkejja r-reġistrazzjoni tagħha mal-UNRWA, huwa biss l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni li jkun ta’ natura li jipproteġiha b’mod effettiv kontra t-theddid li hija esposta għalih. Minn dan isegwi li, minkejja li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali la għamlet riferiment espress għat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u lanqas għat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, xejn ma jżomm lill-qorti tar-rinviju milli tagħti deċiżjoni dwar il-konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ma’ waħda jew l-oħra minn dawn id-dispożizzjonijiet. |
101 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2004/83 u t-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għandhom jiġu interpretati fis-sens li:
|
Fuq it-tielet domanda
102 |
Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tista’ tieħu inkunsiderazzjoni ta’ punti ta’ fatt jew ta’ liġi, bħall-applikabbiltà tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni tal-applikant, li ma ġewx eżaminati mill-organu li ħa d-deċiżjoni. |
103 |
F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn, li d-Direttiva 2013/32 twettaq distinzjoni bejn l-“awtorità determinanti”, li din tiddefinixxi fl-Artikolu 2(f) tagħha bħala “kwalunkwe korp semi-ġudizzjarju jew amministrattiv fi Stat Membru responsabbli sabiex jeżamina applikazzjonijiet għall- protezzjoni internazzjonali, u kompetenti sabiex jieħu fl-ewwel istanza deċiżjonjiet f’tali każijiet”, minn naħa, u l-“qorti jew tribunal”, imsemmija fl-Artikolu 46 tagħha, min-naħa l-oħra. Il-proċedura quddiem l-awtorità responsabbli hija rregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ din id-direttiva, intitolat “Proċeduri ta’ Prima Istanza”, filwaqt li l-proċedura quddiem il-qorti ssegwi r-regoli stipulati fil-Kapitolu V tal-imsemmija direttiva, intitolat “Proċeduri tal-Appelli” u kkostitwit minn dan l-Artikolu 46. |
104 |
Peress li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda, skont il-formulazzjoni tiegħu, “ta’ mill-inqas [il-]proċeduri ta’ appell quddiem qorti jew tribunal ta’ prima istanza”, l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni pprovduta iktar ’il quddiem tapplika, mill-inqas, għal kwalunkwe qorti li hija adita bl-ewwel rikors kontra deċiżjoni li permezz tagħha l-awtorità determinanti ddeċidiet fl-ewwel lok fuq tali applikazzjoni. Bħalma jirriżulta mill-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, dan japplika wkoll meta din l-awtorità tkun ta’ natura semiġudizzjarja. |
105 |
Hemm lok jitfakkar, sussegwentement, li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jispeċifika l-portata tad-dritt għar-rimedju effettiv li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali għandu, bħalma jipprevedi l-Artikolu 46(1) ta’ din id-direttiva, ikollhom kontra d-deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-applikazzjoni tagħhom. |
106 |
B’dan il-mod, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jistipula li, sabiex ikunu konformi mal-Artikolu 46(1) tagħha, l-Istati Membri marbuta b’din id-direttiva għandhom jiżguraw li l-qorti li d-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija kkontestata magħha twettaq “eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi, inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”. |
107 |
Fl-assenza ta’ riferiment għal-liġijiet tal-Istati Membri, u fid-dawl tal-għan tad-Direttiva 2013/32, espost fil-premessa 4 tagħha, dan il-kliem għandu jiġi interpretat u applikat b’mod uniformi. Bħalma tenfasizza, barra minn hekk, il-premessa 13 ta’ din id-direttiva, l-approssimazzjoni tar-regoli proċedurali magħmula minnha għandha l-għan li toħloq kundizzjonijiet ekwivalenti għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2011/95 u li tillimita b’dan il-mod il-movimenti tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bejn l-Istati Membri. |
108 |
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-portata tal-imsemmi kliem għandha tiġi ddeterminata konformement mas-sens abitwali tiegħu, billi jittieħed kunsiderazzjoni tal-kuntest li fih jintuża u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat‑30 ta’ Jannar 2014, Diakité, C‑285/12, EU:C:2014:39, punt 27; tal‑11 ta’ Ġunju 2015, Zh. u O., C‑554/13, EU:C:2015:377, punt 29, kif ukoll tas‑26 ta’ Lulju 2017, Jafari, C‑646/16, EU:C:2017:586, punt 73). |
109 |
F’dan ir-rigward, minbarra l-fatt li din tfittex l-għan ġenerali li tistabbilixxi standards ta’ proċeduri komuni, id-Direttiva 2013/32 hija intiża, b’mod partikolari, bħalma jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 18 tagħha, li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali jsir “malajr kemm jista’ jkun […], mingħajr preġudizzju għat-twettiq ta’ eżami xieraq u komplut”. |
110 |
F’din il-perspettiva, f’dak li jirrigwarda l-kliem “għandhom jiżguraw li rimedju effettiv jipprovdi għal eżami sħiħ u ex nunc ta’ kemm il-fatti kif ukoll il-punti tal-liġi”, hemm lok, sabiex ma titneħħilhomx it-tifsira normali tagħhom, li jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri għandhom, skont l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, li jadattaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod li t-trattament tar-rikorsi msemmija jinkludi eżami, mill-qorti, tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettulha twettaq evalwazzjoni aġġornata tal-każ inkwistjoni. |
111 |
F’dan ir-rigward, l-espressjoni “ex nunc” tenfasizza l-obbligu tal-qorti li twettaq evalwazzjoni li tieħu inkunsiderazzjoni, jekk ikun il-każ, ta’ punti ġodda li jirriżultaw wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett tar-rikors. |
112 |
Tali evalwazzjoni tippermetti, fil-fatt, li l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi pproċessata b’mod eżawrjenti mingħajr il-ħtieġa li l-fajl jintbagħat lura lill-awtorità determinanti. Is-setgħa li għaldaqstant għandha l-qorti li tieħu inkunsiderazzjoni tal-punti ġodda li din l-awtorità ma tkunx tat deċiżjoni dwarhom tidħol fl-għan tad-Direttiva 2013/32, kif imfakkar fil-punt 109 ta’ din is-sentenza. |
113 |
Min-naħa tiegħu, l-aġġettiv “sħiħ” li jinsab fl-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jikkonferma li l-qorti hija obbligata teżamina kemm il-punti li l-awtorità determinanti ħadet jew setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni minn din l-awtorità. |
114 |
Barra minn hekk, peress li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta, ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc jimplika li l-qorti adita bir-rikors għandha tisma’ lill-applikant, sakemm hija ma tqisx li tista’ twettaq l-eżami abbażi biss tal-informazzjoni fil-fajl, li tinkludi, skont il-każ, ir-rapport jew it-traskrizzjoni tal-intervista personali quddiem l-imsemmija awtorità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 31 u 44). Fil-każ ta’ punti ġodda li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ rikors, il-qorti hija obbligata, bħalma jirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li toffri lill-applikant il-possibbiltà li jesprimi lilu nnifsu meta dawn il-punti jistgħu jaffettwawh b’mod sfavorevoli. |
115 |
Fir-rigward tal-kliem “fejn applikabbli”, li jinsab fis-sentenza “inkluż fejn applikabbli eżami tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali taħt id-Direttiva [2011/95]”, dawn jenfasizzaw, bħalma esponiet il-Kummissjoni matul is-seduta, il-fatt li l-eżami sħiħ u ex nunc li għandha twettaq il-qorti ma għandux neċessarjament jirrigwarda l-eżami fil-mertu tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali u li għaldaqstant jista’ jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, skont l-Artikolu 33(2) tad-Direttiva 2013/32. |
116 |
Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li mill-premessi 16 u 22, mill-Artikolu 4, kif ukoll mill-istruttura tad-Direttiva 2013/32 jirriżulta li l-eżami tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali minn organu amministrattiv jew semiġudizzjarju pprovdut b’riżorsi speċifiċi u b’persunal speċjalizzat fil-qasam huwa fażi essenzjali tal-proċeduri komuni stabbiliti minn din id-direttiva. Għaldaqstant, id-dritt li l-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi lill-applikant li jikseb eżami sħiħ u ex nunc quddiem qorti ma jistax inaqqas l-obbligu għal dan l-applikant li jikkoopera ma’ dan l-organu, kif irregolat mill-Artikoli 12 u 13 tal-imsemmija direttiva. |
117 |
Minn dan isegwi li, f’dan il-każ, l-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 jikkostitwixxi punt ta’ natura ġuridika rilevanti li huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina fil-kwalità tagħha ta’ qorti tal-ewwel istanza, billi tinkludi, fl-evalwazzjoni tagħha dwar l-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni għas-sitwazzjoni tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, l-elementi eventwali li seħħew wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. |
118 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija obbligata teżamina kemm il-punti ta’ fatt u ta’ liġi, kif ukoll l-applikabbiltà tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95 għas-sitwazzjoni tal-applikant, li l-organu li ħa din id-deċiżjoni ħa jew seta’ jieħu inkunsiderazzjoni, kif ukoll dawk li seħħew wara l-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. |
Fuq ir-raba’ domanda
119 |
Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikoli 18, 19 u 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika jirrigwarda wkoll ir-raġunijiet tal-inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva u, fl-affermattiv, jekk, fil-każ ta’ eżami ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà mill-qorti minkejja li din ir-raġuni ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, il-proċess għandu jintbagħat lura lil din l-awtorità sabiex tkun tista’ twettaq l-intervista tal-ammissibbiltà prevista fl-Artikolu 34 tal-imsemmija direttiva. |
120 |
Bħalma ġie rrilevat fil-punt 115 ta’ din is-sentenza, l-eżami sħiħ u ex nunc tar-rikors jista’ jirrigwarda l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan. Konformement mal-għan tad-Direttiva 2013/32 li tistabbilixxi sistema li fiha, għall-inqas, il-qorti adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra d-deċiżjoni tal-awtorità determinanti twettaq eżami sħiħ u aġġornat, dik il-qorti tista’ b’mod partikolari tasal li tikkonstata li l-applikant igawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’pajjiż terz, b’mod illi ma jibqax utli li jiġi eżaminat il-bżonn ta’ protezzjoni fl-Unjoni, u l-applikazzjoni għaldaqstant tkun, għal din ir-raġuni, “inammissibbli”. |
121 |
F’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet kumulattivi li l-applikazzjoni ta’ tali raġuni ta’ inammissibbiltà hija suġġetta għalihom, bħal dawk imsemmija, fir-rigward tar-raġuni dwar l-ewwel pajjiż ta’ ażil, fl-Artikolu 35 tal-imsemmija direttiva, jew, fir-rigward tar-raġuni dwar il-pajjiż terz bla periklu, fl-Artikolu 38 tal-istess direttiva, l-imsemmija qorti għandha teżamina sew jekk kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hijiex issodisfatta billi, skont il-każ, tistieden lill-awtorità determinanti sabiex tipproduċi kwalunkwe dokumentazzjoni u kwalunkwe fatt li jista’ jkun rilevanti. |
122 |
F’dan il-każ, mill-formulazzjoni tar-raba’ domanda u mill-ispjegazzjonijiet relatati magħha jirriżulta li l-qorti tar-rinviju ssemmi, skont il-każ, l-applikazzjoni tal-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”, iddefinit fl-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, jew tal-kunċett ta’ “pajjiż terz bla periklu”, iddefinit fl-Artikolu 38 ta’ din id-direttiva, li jagħmel riferiment għalih it-tieni paragrafu tal-Artikolu 35 tagħha, jew anki l-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla perikolu”, iddefinit fl-Artikolu 36(1) tal-istess direttiva, liema kunċett tal-aħħar huwa msemmi fil-punt (c) ta’ din ir-raba’ domanda. |
123 |
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “pajjiż ta’ oriġini bla perikolu”, għandu jiġi rrilevat li dan il-kunċett, bħala tali, ma huwiex fost wieħed mir-raġunijiet tal-inammissibbiltà previsti fl-Artikolu 33 tad-Direttiva 2013/32. Konsegwentement, ma hemmx lok li jiġi eżaminat iktar fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. |
124 |
Min-naħa l-oħra, sa fejn il-qorti tar-rinviju taħseb li tapplika l-kunċett tal-“ewwel pajjiż ta’ ażil” jew dak ta’ “pajjiż terz bla perikolu”, hija għandha twettaq l-eżami msemmi fil-punt 121 ta’ din is-sentenza u tiżgura, qabel tieħu deċiżjoni, li l-applikant kellu l-possibbiltà li jesponi personalment il-perspettiva tiegħu fuq l-applikabbiltà tar-raġuni ta’ inammissibbiltà għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. |
125 |
Filwaqt li d-dritt tal-applikant għal smigħ xieraq dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni tiegħu qabel tittieħed deċiżjoni dwar dan is-suġġett huwa ggarantit, fil-kuntest tal-proċedura quddiem l-awtorità determinanti, mill-intervista personali prevista fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, dan id-dritt jirriżulta, matul il-proċedura ta’ rikors imsemmija fl-Artikolu 46 ta’ din id-direttiva, mill-Artikolu 47 tal-Karta u jiġi eżerċitat għaldaqstant, jekk meħtieġ, permezz ta’ smigħ tal-applikant (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Lulju 2017, Sacko, C‑348/16, EU:C:2017:591, punti 37 sa 44). |
126 |
Hemm lok jitqies, f’dan ir-rigward, li, fil-każ li r-raġuni ta’ inammissibbiltà eżaminata mill-qorti adita bir-rikors ġiet eżaminata wkoll mill-awtorità determinanti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, dik il-qorti tista’ tibbaża ruħha fuq ir-rapport tal-intervista personali magħmula mill-imsemmija awtorità, mingħajr ma twettaq smigħ tal-applikant, sakemm hija ma tqisux neċessarju. |
127 |
Jekk, min-naħa l-oħra, l-awtorità determinanti ma eżaminatx din ir-raġuni ta’ inammissibbiltà u, konsegwentement, ma wettqitx l-intervista personali msemmija fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/32, huwa l-kompitu tal-qorti, fil-każ li din tqis li tali raġuni kien imissha ġiet eżaminata minn din l-awtorità jew għandha tiġi eżaminata issa minħabba li qamu elementi ġodda, li tipproċedi għal tali smigħ. |
128 |
Bħalma huwa previst fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 2013/32 għall-intervisti personali mwettqa mill-awtorità determinanti, l-applikant għandu, jekk ikun hemm bżonn, matul is-smigħ tiegħu mill-qorti, jibbenefika mis-servizzi ta’ interpretu sabiex jippreżenta l-argumenti tiegħu. |
129 |
F’dak li jirrigwarda, fl-aħħar nett, il-punt, imqajjem mill-qorti tar-rinviju, dwar jekk ir-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika għandux jiġi interpretat fid-dawl tal-Artikoli 18 u 19 tal-Karta, huwa biżżejjed jiġi osservat li, filwaqt li d-drittijiet fundamentali ggarantiti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jirrigwardaw id-dritt għall-ażil u l-protezzjoni fil-każ ta’ tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni, rispettivament, għandhom jiġu rrispettati fl-implimentazzjoni ta’ tali rekwiżit, fil-kuntest tar-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda preliminari, ma hemmx informazzjoni speċifika addizzjonali fir-rigward tal-portata tal-imsemmi rekwiżit. |
130 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li r-rekwiżit ta’ eżami sħiħ u ex nunc kemm tal-fatti kif ukoll tal-punti ta’ natura ġuridika jista’ jirrigwarda wkoll ir-raġunijiet għal inammissibbiltà tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali msemmija fl-Artikolu 33(2) ta’ din id-direttiva, meta d-dritt nazzjonali jippermetti dan, u li, fil-każ li l-qorti adita bir-rikors tkun tixtieq teżamina raġuni ta’ inammissibbiltà li ma ġietx eżaminata mill-awtorità determinanti, hija għandha twettaq smigħ tal-applikant sabiex tippermettilu jesponi personalment, f’lingwa li jifhem, il-perspettiva tiegħu dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija raġuni għas-sitwazzjoni partikolari tiegħu. |
Fuq il-ħames domanda
131 |
Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna rreġistrata mal-UNRWA għandha, jekk hija tgawdi minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva ta’ dan l-organu f’pajjiż terz li ma huwiex it-territorju li hija tgħix fih abitwalment iżda li jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-imsemmi organu, titqies li tgawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. |
132 |
Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din id-domanda qiegħda ssir minħabba l-fatt li S. Alheto, matul il-kunflitt armat, fix-xhur ta’ Lulju u ta’ Awwissu 2014, bejn l-Istat ta’ Iżrael u l-Hamas, telqet mill-Istrixxa ta’ Gaża sabiex tikseb sigurtà fil-Ġordan, pajjiż fejn hija għexet u li minnu marret il-Bulgarija. |
133 |
Il-Ġordan jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA. Konsegwentement, u mingħajr ma huwa l-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li teżamina n-natura tal-mandat li jaqa’ fuq dan l-organu u lanqas il-kapaċitajiet tiegħu li jissodisfah, ma jistax jiġi eskluż li l-imsemmi organu jista’, fil-Ġordan, joffri lil persuna rreġistrata miegħu kundizzjonijiet ta’ ħajja konformi mal-missjoni tiegħu wara li din il-persuna ħarbet mill-Istrixxa ta’ Gaża. |
134 |
Għaldaqstant, fis-sitwazzjoni li persuna li tkun telqet miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA u ppreżentat applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni tgawdi fl-imsemmija żona minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva tal-UNRWA, li tippermettilha tirrisjedi hemmhekk f’sigurtà, f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi u mingħajr ma tkun esposta għar-riskju ta’ ripatrijazzjoni lejn it-territorju tar-residenza abitwali tagħha sakemm ma tkunx tista’ tirritorna hemmhekk f’sigurtà, din il-persuna ma tistax titqies mill-awtorità kompetenti sabiex tagħti deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni bħala li hija obbligata, minħabba ċirkustanzi indipendenti mill-volontà tagħha, li titlaq miż-żona ta’ operazzjoni tal-UNRWA. L-imsemmija persuna għandha, f’dan il-każ, tiġi eskluża mill-istatus ta’ refuġjat fl-Unjoni, konformement mal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, kif interpretat mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 86 ta’ din is-sentenza. |
135 |
F’dan il-każ, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, abbażi ta’ evalwazzjoni individwali tal-punti rilevanti kollha, jekk il-każ ta’ S. Alheto jaqax taħt din l-ipoteżi. |
136 |
Fl-affermattiv, din is-sitwazzjoni tista’ twassal, barra minn hekk, bla ħsara għall-kunsiderazzjonijiet sussegwenti, għaċ-ċaħda tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali sa fejn din tirrigwarda l-għoti ta’ protezzjoni sussidjarja. |
137 |
Fil-fatt, l-Artikolu 33(2)(b) tad-Direttiva 2013/32 jippermetti lill-Istati Membri jqisu applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li hija, fit-totalità tagħha, inammissibbli meta pajjiż li ma huwiex Stat Membru jitqies bħala l-ewwel pajjiż ta’ ażil tal-applikant, fis-sens tal-Artikolu 35 ta’ din id-direttiva. |
138 |
F’dan ir-rigward, skont il-kliem stess tal-punti (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, pajjiż jista’ jitqies bħala li huwa l-ewwel pajjiż ta’ ażil ta’ applikant partikolari jekk dan ingħata l-kwalità ta’ refuġjat f’dan il-pajjiż u għadu jista’ jipprevalixxi ruħu minn din il-protezzjoni, jew jekk igawdi, f’aspetti oħrajn, minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż, inkluż mill-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement, bil-kundizzjoni li jerġa’ jiddaħħal f’dan il-pajjiż. |
139 |
Il-persuni rreġistrati mal-UNRWA għandhom, bħalma tfakkar fil-punt 6 ta’ din is-sentenza, l-istatus ta’ “refuġjati tal-Palestina fil-Lvant Qarib”. Konsegwentement, huma ma jibbenefikawx minn status ta’ refuġjat speċifikament marbut mar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan u għaldaqstant ma jistgħux jaqgħu, bis-sempliċi fatt ta’ din ir-reġistrazzjoni u tal-protezzjoni jew tal-assistenza li tingħatalhom minn dan l-organu, taħt il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32. |
140 |
Min-naħa l-oħra, Palestinjan irreġistrat mal-UNRWA li telaq mill-post ta’ residenza abitwali tiegħu fl-Istrixxa ta’ Gaża lejn il-Ġordan, qabel mar fi Stat Membru u hemmhekk ippreżenta applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, għandu jitqies li jgawdi, f’aspetti oħrajn, minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, inkluż mill-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement, fis-sens tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32, sakemm, l-ewwel nett, ikun hemm il-garanzija li jista’ jerġa’ jidħol f’dak il-pajjiż, it-tieni nett, li hemmhekk jibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva tal-UNRWA, li hija rrikonoxxuta, jew anki ssorveljata, mill-imsemmi pajjiż terz, u, it-tielet nett, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali jkollhom iċ-ċertezza li huwa jista’ jissoġġorna f’dan l-istess pajjiż terz f’sigurtà u f’kundizzjonijiet tal-ħajja dinjitużi sakemm ir-riskji sostnuti fl-Istrixxa ta’ Gaża jagħmlu dan neċessarju. |
141 |
Fil-fatt, f’dan il-każ, ir-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fil-kwalità tiegħu ta’ Stat indipendenti li t-territorju tiegħu huwa distint minn dak tar-residenza abitwali tal-parti kkonċernata, jikkostitwixxi, bl-impenn tiegħu li jerġa’ jdaħħal lill-parti kkonċernata, permezz tar-rikonoxximent tiegħu tal-protezzjoni jew tal-assistenza effettiva pprovduta mill-UNRWA, fit-territorju tiegħu u permezz tal-aderenza tiegħu għall-prinċipju ta’ non-refoulement, Stat li jagħti l-protezzjoni, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2011/95, u jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha meħtieġa fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 sabiex jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “l-ewwel pajjiż ta’ ażil”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni. |
142 |
Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa, jekk ikun il-każ wara li tordna lid-DAB tipproduċi kwalunkwe dokument u kwalunkwe fatt rilevanti, jekk il-kundizzjonijiet kollha deskritti fil-punt 140 ta’ din is-sentenza humiex issodisfatti f’dan il-każ. |
143 |
Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 35 tad-Direttiva 2013/32 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna rreġistrata mal-UNRWA għandha, jekk hija tibbenefika minn protezzjoni jew minn assistenza effettiva ta’ dan l-organu f’pajjiż terz li ma jikkorrispondix mat-territorju li fih hija tirrisjedi abitwalment iżda li jagħmel parti miż-żona ta’ operazzjoni tal-imsemmi organu, titqies li tgawdi minn protezzjoni suffiċjenti f’dan il-pajjiż terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan:
|
Fuq is-sitt domanda
144 |
Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti adita fl-ewwel istanza b’rikors kontra deċiżjoni li tirrigwarda applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali għandha, fil-każ li hija tannulla din id-deċiżjoni, tagħti deċiżjoni hija stess fuq din l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali billi tilqagħha jew tiċħadha. |
145 |
F’dan ir-rigward, hemm lok jiġi rrilevat li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jirrigwarda biss l-“eżami” tar-rikors u għaldaqstant ma jirrigwardax l-annullament potenzjali tad-deċiżjoni li hija s-suġġett ta’ dan ir-rikors. |
146 |
Għaldaqstant, billi adotta d-Direttiva 2013/32, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jintroduċi regola komuni li tipprovdi li l-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva kellu jitlef il-kompetenza tiegħu wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali tiegħu dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant l-Istati Membri jistgħu jibqgħu jipprevedu li l-fajl għandu, wara tali annullament, jintbagħat lura lil dan l-organu sabiex ikun jista’ jieħu deċiżjoni ġdida. |
147 |
Dan ingħad, l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32 jitneħħielu kwalunkwe effett utli jekk kellu jiġi aċċettat li, wara li tingħata sentenza li permezz tagħha l-qorti fl-ewwel istanza wettqet, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, evalwazzjoni sħiħa u ex nunc tal-ħtiġijiet ta’ protezzjoni internazzjonali tal-applikant skont id-Direttiva 2011/95, l-imsemmi organu jkun jista’ jieħu deċiżjoni li tmur kontra din l-evalwazzjoni, jew ikun jista’ jħalli ammont kunsiderevoli ta’ żmien jiddekorri, li jista’ jżid ir-riskju li jqumu elementi li jeħtieġu evalwazzjoni aġġornata ġdida. |
148 |
Konsegwentement, minkejja li d-Direttiva 2013/32 ma għandhiex l-għan li tistabbilixxi regola komuni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza sabiex tiġi adottata deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament tad-deċiżjoni inizjali, madankollu mill-għan tagħha, li jikkonsisti f’li jiġi żgurat ipproċessar kemm jista’ jkun malajr tal-applikazzjonijiet ta’ din in-natura, mill-obbligu li jiġi ggarantit effett utli għall-Artikolu 46(3) tagħha, kif ukoll mill-ħtieġa, li tirriżulta mill-Artikolu 47 tal-Karta, li tiġi żgurata l-effettività tar-rikors, jirriżulta li kull Stat Membru marbut bl-imsemmija direttiva għandu jadatta d-dritt nazzjonali tiegħu b’mod li, wara annullament tad-deċiżjoni inizjali u fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) ta’ din id-direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni. |
149 |
Minn dan isegwi li r-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 46(3) tad-Direttiva 2013/32, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan ma jistabbilixxix regoli ta’ proċedura komuni f’dak li jirrigwarda l-kompetenza għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida dwar applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali wara l-annullament, mill-qorti adita bir-rikors, tad-deċiżjoni inizjali meħuda fuq din l-applikazzjoni. Madankollu, il-ħtieġa li jiġi żgurat effett utli għall-Artikolu 46(3) ta’ din id-direttiva u li jiġi ggarantit rimedju effettiv konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta teżiġi li, fil-każ li l-fajl jintbagħat lura lill-organu semiġudizzjarju jew amministrattiv imsemmi fl-Artikolu 2(f) tal-imsemmija direttiva, tiġi adottata deċiżjoni ġdida fi żmien qasir u tkun konformi mal-evalwazzjoni inkluża fis-sentenza li annullat id-deċiżjoni. |
Fuq l-ispejjeż
150 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
|
|
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.