SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

20 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Direttiva 95/46/KE – Artikolu 2(a) – Kunċett ta’ ‘data personali’ – Risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali – Korrezzjonijiet tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti – Artikolu 12(a) u (b) – Portata tad-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika tal-persuna kkonċernata”

Fil-Kawża C-434/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Lulju 2016, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Peter Nowak

vs

Data Protection Commissioner,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn M. Ilešič (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas, C. Toader, A. Prechal, u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Ġunju 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Nowak, minn G. Rudden, solicitor, u N. Travers, SC,

għad-Data Protection Commissioner, minn D. Young, solicitor, u P. A. McDermott, SC,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Caroll, barrister,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Elleniku, minn G. Papadaki u S. Charitaki, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Fehér u A. Pálfy, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes u M. Figueiredo kif ukoll minn I. Oliveira, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Nardi u H. Kranenborg, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU 1995, L 281, p. 31).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Peter Nowak u d-Data Protection Commissioner (il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, l-Irlanda) dwar ir-rifjut, minn dan tal-aħħar, li jagħti lil P. Nowak aċċess għal kopja kkorreġuta ta’ eżami li għamel dan tal-aħħar, minħabba li l-informazzjoni inkluża f’din il-kopja ma kinitx tikkostitwixxi data personali.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 95/46

3

Id-Direttiva 95/46 li, skont l-Artikolu 1 tagħha, għandha bħala għan il-protezzjoni tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi, b’mod partikolari d-dritt għall-ħajja privata, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali, kif ukoll l-eliminazzjoni ta’ ostakoli għall-moviment liberu ta’ din id-data, tipprovdi, fil-premessi 25, 26 u 41:

“(25)

Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu riflessi, minn naħa l-waħda, fl-obbligazzjonijiet imposti fuq persuni, awtoritajiet pubbliċi, intrapriżi, aġenziji u korpi oħra responsabbli għal ipproċessar, partikolarment dwar il-kwalità tad-data, sigurtà teknika, avviżi lill-awtorità ta’ superviżjoni, u ċ-ċirkostanzi li fihom jista’ jsir l-ipproċessar, u, minn naħa l-oħra, id-dritt mogħti lil individwu, li d-data dwaru jkun is-suġġett ta’ l-ipproċessar, li jkun mgħarraf bl-ipproċessar li jkun qed isir dwaru, li jikkonsulta d-data, jitlob korrezzjonijiet u li jagħmel ukoll oġġezzjoni għal ipproċessar f’ċerti ċirkostanzi;

(26)

Billi l-prinċipji ta’ protezzjoni għandhom ikunu applikabbli għal kull informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ persuna identifikata jew identifikabbli; billi, biex ikun stabbilit jekk persuna tkunx identifikabbli, għandhom jitqiesu l-mezzi kollha li raġonevolment aktax jintużaw mill-kontrollur jew minn persuna oħra biex tkun identifikata l-imsemmija persuna; billi l-prinċipji ta’ protezzjoni m’għandhomx ikunu applikati għal data mogħti b’mod anonimu tant illi s-suġġett tad-data ma jkunx aktar identifikabbli; […]

[…]

(41)

Billi kull persuna għandha tkun tista’ teżerċita id-dritt ta’ aċċess għal data dwarha li tkun qed tiġi pproċessata, biex tivverifika partikolarment l-eżatezza tad-data jekk l-ipproċessar ikunx skond il-liġi; […]”

4

Il-kunċett ta’ “data personali” huwa ddefinit fl-Artikolu 2(a) ta’ din id-direttiva bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”.

5

L-Artikolu 6 tal-imsemmija direttiva, li jinsab fis-Sezzjoni I, intitolata “Prinċipji dwar il-kwalità tad-data”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali għandu jkun:

a)

ipproċessat b’mod ġust u skond il-liġi;

b)

miġbur għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessat aktar b’mod li ma jkunx kompatibbli ma dawk il-finijiet. Ippoċessar iktar ta’ data għal finijiet storiċi, ta’ statistika jew xjentifiċi m’għandux jitqies bħala inkompatibbli sakemm dak l-Istat Membru jagħti protezzjoni xierqa;

c)

adekwat, rilevanti u mhux eċċessiv għall-finijiet li għalih jinġab u/jew jiġi iktar ipproċessat;

d)

eżatt u, fejn meħtieġ, jinżamm aġġornat; għandu jsir dak kollu raġjonevoli biex ikun assigurat li data li ma tkunx eżatta jew mhux kompleta, meħud kont tal-finijiet li għalihom kien inġabar jew li għalihom ikun sar iktar ipproċessar, jitħassar jew jissewwa;

e)

miżmum b’mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux iktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li għalihom id-data tkun inġabret jew li għalihom tkun iktar ipproċessata. Stati Membri għandhom jistabbilixxu protezzjoni xierqa għal data personali maħżuna għal perijodi itwal għal użu storiku, ta’ statistika jew xjentifiku.

2.   Għandu jkun il-kontrollur li jassigura konformità mal-paragrafu 1.”

6

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46, li jinsab fis-Sezzjoni II, intitolata “Kriterji biex l-ipproċessar ta’ data jkun leġittimu”, tal-Kapitolu II ta’ din id-direttiva, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jipprovdu li data personali jista’ jkun ipproċessat biss jekk:

a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu b’mod ċar;

jew

[…]

c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex titħares obbligazzjoni legali li s-suġġett tagħha jkun il-kontrollur;

jew

[…]

e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ biex isir ħidma fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità pubblika vestita fil-kontrollur jew f’parti terza li lilha jkun żvelat id-data;

jew

f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ l-interessi leġittimi li jkollu l-kontrollur jew il-parti terza jew il-partijiet li lilhom ikun żvelat id-data, ħlief meta dawk l-interessi jiġu wara l-interessi ta’ drittijiet u libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jkun jeħtiġilhom protezzjoni skond l-Artikolu 1(1).”

7

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ aċċess”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jiggarantixxu lil kull suġġett tad-data d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur:

a)

mingħajr restrizzjoni f’perjodi raġjonevoli u mingħajr dewmien jew spejjeż eċċessivi:

konferma jekk data dwaru tkunx qed tiġi pproċessata, u għall-inqas informazzjoni dwar l-għanijiet ta’ l-ipproċessar, il-kategoriji tad-data in kwistjoni, u r-riċevituri jew kategoriji ta’ riċevituri li lilhom ikun żvelat id-data,

komunikazzjoni lilu b’mod li tinftiehem tad-data li tkun qed tiġi pproċessata u informazzjoni oħra li jkun hemm dwar l-oriġini tiegħu,

[…]

b)

skond kif jixraq, ir-rettifika, tħassir jew imblokk ta’ data li l-ipproċessar tiegħu ma jkunx skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, partikolarment minħabba n-natura mhux kompluta jew mhux eżatta tad-data;

c)

notifika lill-partijiet terzi li lilhom id-data tkun żvelata dwar kull rettifika, tħassir jew imblokk li jkunu saru skond (b), sakemm din tkun tista’ ssir jew ma tkunx titlob sforz sproporzjonat.”

8

L-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Eżenzjonijiet u Restrizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Stati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġislattivi biex jirrestrinġu l-finijiet ta’ l-obbligazzjonijiet u d-drittijiet provduti fl-Artikoli 6(1), 10, 11 (1), 12 u 21 meta dawn ir-restrizzjonijiet jikkostitwixxu miżuri meħtieġa li jagħtu protezzjoni lil:

[…]

g)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ l-oħrajn.

[…]”

9

L-Artikolu 14 tad-Direttiva 95/46, intitolat “Id-dritt tas-suġġett tad-data li jagħmel oġġezzjoni”, jipprovdi:

“Stati Membri għandhom jagħtu lis-suġġett tad-data d-dritt:

a)

li, bla ħsara għal dak provdut fil-liġijiet nazzjonali, mill-inqas fil-każi msemmija fl-Artikolu 7(e) u (f), jagħmel oġġezzjoni f’kull żmien kontra l-ipproċessar ta’ data dwaru għal raġunijiet gravi u leġittimi dwar is-sitwazzjoni partikolari tiegħu. Meta jkun hemm oġġezzjoni ġustifikata, l-ipproċessar mibdi mill-kontrollur jista’ ma jibqax juża dak id-data;

[…]”

10

L-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Awtorità ta’ superviżjoni”, jipprovdi:

“1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika waħda jew aktar ikunu responsabbli tas-sorveljanza ta’ l-applikazzjoni fit-territorju tiegħu tad-dispożizzjonijiet adottati mill-Istati Membri skond din id-Direttiva.

[…]

3.   Kull awtorità għandha jkollha partikolarment:

setgħat investigattivi, bħalma huma setgħat ta’ aċċess għal data li tagħmel parti mis-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar u setgħat għal ġbir ta’ l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq id-dmirijiet tagħha ta’ superviżjoni,

setgħat effettivi ta’ intervent, bħalma hu, per eżempju, […] li tordna l-imblokk, tħassir jew distruzzjoni ta’ data, li ma tħallix għal xi żmien jew għal dejjem milli jsir ipproċessar […]

[…]

Deċiżjonijiet ta’ l-awtorità ta’ superviżjoni li jagħtu lok għal ilmenti jistgħu jkunu appellati fil-qrati.

4.   Kull awtorità ta’ superviżjoni għandha tisma’ talbiet maghmulin minn kull persuna, jew minn għaqda li tirrappreżenta lil dik il-persuna, dwar il-protezzjoni tad-drittijiet jew libertajiet tagħha fl-ipproċessar ta’ data personali. Il-persuna kkonċernata għandha tkun mgħarrfa bir-riżultat tat-talba.

[…]”

Ir-Regolament (UE) 2016/679

11

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU 2016, L 119, p. 1), huwa applikabbli, skont l-Artikolu 99(2), b’effett mill-25 ta’ Mejju 2018. L-Artikolu 94(1) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li d-Direttiva 95/46 hija abrogata b’effett mill-istess data.

12

L-imsemmi regolament jipprovdi, fl-Artikolu 15 tiegħu, intitolat “Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data”:

“1.   Is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi proċessata jew le, u, fejn dan ikun il-każ, l-aċċess għad-data personali u l-informazzjoni li ġejja: […]

[…]

3.   Il-kontrollur għandu jipprovdi kopja tad-data personali li tkun qiegħda tiġi pproċessata. […]

4.   Id-dritt li tinkiseb kopja msemmija fil-paragrafu 3 ma għandux jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn.”

13

L-Artikolu 23 tar-Regolament 2016/679, intitolat “Restrizzjonijiet”, jipprovdi:

“1.   Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 […], meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:

[…]

e)

objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;

[…]

i)

il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;

[…]”.

Id-dritt Irlandiż

14

Id-Data Protection Act 1988 (il-Liġi tal-1988 dwar il-Protezzjoni tad-Data), kif emendata mid-Data Protection (Amendment) Act 2003 (il-Liġi Emendatorja tal-2003 dwar il-Protezzjoni tad-Data) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”), hija intiża li tittrasponi d-Direttiva 95/46 fl-ordinament ġuridiku Irlandiż. L-Artikolu 1(1) ta’ din il-liġi jiddefinixxi l-kunċett ta’ “data personali” kif ġej:

“Data dwar persuna ħajja li hija identifikata jew li tista’ tiġi identifikata mid-data inkwistjoni jew minn data oħra flimkien ma’ informazzjoni oħra fil-pussess tal-Kontrollour tad-Data jew li tista’ tiġi fil-pussess tiegħu”.

15

Id-dritt ta’ aċċess huwa rregolat mill-Artikolu 4 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data, li l-paragrafu 6 tiegħu, li jirrigwarda speċifikament it-talbiet għal aċċess tar-riżultati tal-eżamijiet, jipprovdi kif ġej:

“a)

It-talba ppreżentata minn persuna skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu relatata mar-riżultati ta’ eżami li kien kandidat tiegħu għandha titqies, għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, li ssir

i)

fid-data tal-ewwel pubblikazzjoni tar-riżultati tal-eżamijiet, jew

ii)

fid-data tat-talba,

skont liema waħda minnhom hija l-iktar reċenti; […]

b)

Skont dan il-paragrafu, ‘eżami’ tfisser kwalunkwe proċedura intiża li jiġu ddeterminati l-konoxxenzi, l-intelliġenza, il-kapaċitajiet jew l-abbiltajiet ta’ persuna b’riferiment għall-prestazzjoni tagħha fi kwalunkwe test, xogħol jew attività oħra.”

16

L-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data jistabbilixxi d-dritt għal rettifika u tneħħija tad-data personali, li l-ipproċessar tagħha ma huwiex konformi ma’ din il-liġi.

17

L-Artikolu 10(1)(b)(i) tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data jeżiġi li l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data għandu jinvestiga lment “sakemm ma jkunx tal-fehma li l-ilment huwa frivolu jew vessatorju”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18

P. Nowak kien kontabilist prattikant li għadda mill-eżamijiet ta’ kontabbilità tal-ewwel livell kif ukoll minn tliet eżamijiet tat-tieni livell organizzati mill-Institute of Chartered Accountants of Ireland (il-Korp Professjonali tal-Kontabilisti tal-Irlanda, iktar ’il quddiem il-“Korp Professjonali tal-Kontabilisti”). Madankollu, huwa ma għaddiex mill-eżami ta’ “Kontabbiltà tal-Finanzi Strateġiċi u tal-Ġestjoni”, li kien jagħti l-possibbiltà lill-kandidati jikkonsultaw materjal matul l-eżami (“open book exam”).

19

Wara li ma għaddiex mill-eżami għar-raba’ darba, fil-ħarifa tal-2009, P. Nowak inizjalment ressaq ilment intiż għall-kontestazzjoni tar-riżultat tiegħu. Wara li dan l-ilment ġie miċħud f’Marzu 2010, huwa ppreżenta, f’Mejju 2010, talba għal aċċess, skont l-Artikolu 4 tal-Liġi dwar id-Data Personali, tad-data personali kollha li tikkonċernah, miżmuma mill-Korp Professjonali tal-Kontabilisti.

20

Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Ġunju 2010, il-Korp Professjonali tal-Kontabilisti ttrażmetta lil P. Nowak sbatax-il dokument, iżda rrifjuta li jittrażmettilu l-kopja tal-eżami tiegħu, peress li din ma kinitx tinkludi data personali fis-sens tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data.

21

Għaldaqstant, P. Nowak ikkuntattja lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data sabiex jikkontesta l-fondatezza tal-motiv ta’ rifjut ta’ komunikazzjoni tal-kopja tal-eżami tiegħu. Fix-xahar ta’ Ġunju 2010, dan wieġbu permezz ta’ messaġġ elettroniku fejn indika, b’mod partikolari, li “b’mod ġenerali, il-kopji tal-eżami ma humiex eżaminati [għall-finijiet tal-protezzjoni tad-data] […] peress li, b’mod ġenerali, dawn id-dokumenti ma jikkostitwixxux data personali”.

22

Din ir-risposta tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data ġiet segwita bi skambju ta’ korrispondenza bejn P. Nowak u l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data li ntemmet, fl-1 ta’ Lulju 2010, permezz tal-preżentazzjoni minn P. Nowak ta’ lment formali.

23

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Lulju 2010, il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data informa lil P. Nowak li, wara eżami tal-każ tiegħu, huwa ma kienx ikkonstata ksur tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data u li, konformement mal-Artikolu 10(1)(b)(i) ta’ din il-liġi, li jipprevedi l-każ ta’ lmenti frivoli jew vessatorji, huwa ddeċieda li ma jinvestigax l-ilment tiegħu. Din l-ittra kienet tindika, barra minn hekk, li d-dokumenti li fir-rigward tagħhom P. Nowak iddeċieda li jeżerċita “dritt ta’ korrezzjoni ma kinux jikkostitwixxu data personali li fir-rigward tagħhom kien japplika l-Artikolu 6 tal-Liġi dwar il-Protezzjoni tad-Data”.

24

P. Nowak ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem is-Circuit Court (il-Qorti taċ-Ċirkwit, l-Irlanda). Din tal-aħħar ikkonstatat l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba l-fatt li, fin-nuqqas ta’ investigazzjoni tal-ilment mill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, ma kienx hemm deċiżjoni li kontriha seta’ jiġi ppreżentat rikors. Sussidjarjament, din il-qorti kkonstatat li dan ir-rikors kien infondat, peress li l-kopja tal-eżami ma kinitx tikkostitwixxi data personali.

25

Għaldaqstant, P. Nowak appella mis-sentenza tal-imsemmija qorti quddiem il-High Court (il-Qorti Għolja, l-Irlanda), li madankollu kkonfermat din is-sentenza. Is-sentenza tal-High Court (il-Qorti Għolja) min-naħa tagħha, ġiet ikkonfermata mill-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell, l-Irlanda). Is-Supreme Court (il-Qorti Suprema, l-Irlanda), li awtorizzat l-appell kontra s-sentenza tal-Court of Appeal (il-Qorti tal-Appell), ikkonstatat l-ammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn P. Nowak kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data.

26

Madankollu, peress li kellu dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk kopja tal-eżami tistax tikkostitwixxi data personali fis-sens tad-Direttiva 95/46, is-Supreme Court (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Informazzjoni miżmuma [fi]/bħala tweġibiet mogħtija minn kandidat matul eżami professjonali tista’ titqies bħala data personali fis-sens tad-Direttiva 95/46?

2)

Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun li din l-informazzjoni kollha jew parti minnha tista’ titqies bħala data personali fis-sens tad-Direttiva, liema fatturi huma rilevanti għad-determinazzjoni tal-fatt jekk f’xi każ, tali test huwiex data personali, u x’saħħa għandha tingħata lil dawn il-fatturi?”

Fuq id-domandi preliminari

27

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandux jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dan l-eżami, jikkostitwixxu data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

28

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 jiddefinixxi d-data personali bħala “kull data li jkollha x’taqsam ma’ persuna naturali identifikata jew identifikabbli”. Skont din id-dispożizzjoni, “persuna identifikabbli huwa min jista’ jkun identifikat, direttament jew indirettament, partikolarment b’referenza għal numru ta’ identità jew għal fattur wieħed speċifiku jew aktar dwar l-identità fiżika, fiżjoloġika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali tiegħu”.

29

Huwa paċifiku li kandidat ta’ eżami professjonali huwa persuna fiżika li tista’ tiġi identifikata direttament, permezz ta’ isimha, jew indirettament, permezz ta’ numru ta’ identifikazzjoni, indikati fuq il-kopja tal-eżami jew fuq il-kopertura ta’ tali kopja.

30

Kuntrarjament għal dak li jidher li jargumenta l-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data, huwa irrilevanti, f’dan il-kuntest, il-punt dwar jekk l-eżaminatur jistax jew le jidentifika l-kandidat fil-mument tal-korrezzjoni u tan-notazzjoni tal-kopja tal-eżami.

31

Fil-fatt, sabiex data tiġi kklassifikata bħala “data personali” fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46, ma huwiex meħtieġ li l-informazzjoni kollha li tippermetti li tiġi identifikata l-persuna kkonċernata tkun f’idejn persuna waħda (sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2016, Breyer, C-582/14, EU:C:2016:779, punt 43). Barra minn hekk, huwa paċifiku li, fil-każ li l-eżaminatur ma jkunx jaf l-identità tal-kandidat waqt in-notazzjoni tar-risposti mogħtija minnu fil-kuntest ta’ eżami, l-entità li torganizza l-eżami, f’dan il-każ, il-Korp Professjonali tal-Kontabilisti, għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-informazzjoni neċessarja li tippermettilha tidentifika mingħajr diffikultajiet jew dubji l-kandidat permezz tan-numru ta’ identifikazzjoni tiegħu, indikat fuq il-kopja tal-eżami jew fuq il-kopertura ta’ din il-kopja, u għalhekk tattribwixxi r-risposti lil dak il-kandidat.

32

Madankollu, għandu jiġi vverifikat jekk ir-risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ tali eżami jikkostitwixxux informazzjoni li tikkonċerna dan il-kandidat, fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

33

Għalhekk, kif diġà kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja, il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 95/46 huwa wiesa’ ħafna u d-data personali koperta minn din id-direttiva hija varja (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, Rijkeboer, C-553/07, EU:C:2009:293, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

34

Fil-fatt, l-użu tal-espressjoni “kull data” fil-kuntest tad-definizzjoni tal-kunċett “data personali” li tinsab fl-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 jirrifletti l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jattribwixxi portata wiesgħa lil dan il-kunċett, li ma hijiex limitata għal data sensittiva jew privata, iżda tinkorpora potenzjalment kull tip ta’ informazzjoni kemm oġġettiva kif ukoll suġġettiva, f’għamla ta’ opinjonijiet jew evalwazzjonijiet, bil-kundizzjoni li “tikkonċerna” lill-persuna inkwistjoni.

35

Fir-rigward ta’ din l-aħħar kundizzjoni, din hija ssodisfatta meta, minħabba l-kontenut, il-finalità jew l-effett tagħha, l-informazzjoni tkun relatata ma’ persuna partikolari.

36

Kif isostnu, essenzjalment, P. Nowak, il-Gvernijiet tar-Repubblika Ċeka, tal-Greċja, tal-Ungerija, tal-Awstrija, tal-Portugall kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat f’eżami professjonali jikkostitwixxu tali informazzjoni relatata miegħu jew magħha bħala persuna.

37

Fil-fatt, qabelxejn, il-kontenut ta’ dawn ir-risposti jirrifletti l-livell ta’ konoxxenza u ta’ kompetenza tal-kandidat f’qasam partikolari kif ukoll, f’ċerti każijiet, l-intellett, il-ġudizzju u l-kapaċità kritika tiegħu. Fil-każ ta’ eżami miktub bl-idejn, ir-risposti jinkludu wkoll informazzjoni relatata mal-kitba bl-idejn tiegħu.

38

Sussegwentement, il-ġbir ta’ tali risposti għandu l-għan li jiġu evalwati l-kapaċitajiet professjonali tal-kandidat u l-abbiltà tiegħu li jeżerċita l-professjoni inkwistjoni.

39

Fl-aħħar nett, l-użu ta’ din l-informazzjoni, li jimplika s-suċċess jew il-falliment tal-kandidat fl-eżami kkonċernat, jista’ jkollu effett fuq id-drittijiet u l-interessi tiegħu, sa fejn jista’ jiddetermina jew jinfluwenza, pereżempju, iċ-ċansijiet tiegħu li jaċċedi għal professjoni jew għal pożizzjoni mixtieqa.

40

Il-konstatazzjoni li r-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat f’eżami professjonali jikkostitwixxu informazzjoni li tikkonċerna kandidat minħabba l-kontenut, il-finalità u l-effett tagħha tapplika wkoll, barra minn hekk, fil-każ ta’ eżami b’konsultazzjoni ta’ materjal.

41

Fil-fatt, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 24 tal-konklużjonijiet tagħha, kull eżami huwa intiż li jiddetermina u jistabbilixxi l-prestazzjoni individwali ta’ persuna speċifika, jiġifieri l-kandidat, u mhux, għad-differenza pereżempju ta’ sondaġġ rappreżentattiv, li tinkiseb informazzjoni indipendenti relatata ma’ din il-persuna.

42

Fir-rigward tal-kummenti tal-eżaminatur dwar ir-risposti tal-kandidat, għandu jiġi kkonstat li, l-istess bħar-risposti mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami, dawn jikkostitwixxu informazzjoni li tikkonċerna lil dan il-kandidat.

43

Għalhekk, il-kontenut ta’ dawn il-kummenti jirrifletti l-opinjoni jew l-evalwazzjoni tal-eżaminatur dwar il-prestazzjonijiet individwali tal-kandidat waqt l-eżami, u b’mod partikolari dwar il-konoxxenzi u l-kompetenzi tiegħu fil-qasam ikkonċernat. Barra minn hekk, l-imsemmija kummenti għandhom bħala finalità li jiddokumentaw l-evalwazzjoni mill-eżaminatur tal-prestazzjoni tal-kandidat u jistgħu jkollhom effetti fuq dan tal-aħħar, kif jindika l-punt 40 ta’ din is-sentenza.

44

Il-konstatazzjoni li l-kummenti tal-eżaminatur dwar ir-risposti mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami jikkostitwixxu informazzjoni li, minħabba l-kontenut, il-finalità u l-effett tagħha, hija relatata ma’ dan il-kandidat, ma hijiex kontradetta bil-fatt li dawn il-kummenti jikkostitwixxu wkoll informazzjoni dwar l-eżaminatur.

45

Fil-fatt, l-istess informazzjoni tista’ tikkonċerna diversi persuni fiżiċi u għalhekk tikkostitwixxi fir-rigward ta’ kull waħda minnhom, bil-kundizzjoni li dawn il-persuni jkunu identifikati jew identifikabbli, data personali fis-sens tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46.

46

Barra minn hekk, il-klassifikazzjoni bħala data personali ta’ risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt l-eżami professjonali u kwalunkwe kummenti marbuta ma’ dawn ir-risposti ma tistax tiġi affettwata, kuntrarjament għal dak li jargumentaw il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data u l-Gvern Irlandiż, mill-fatt li din il-klassifikazzjoni timplika għal dan il-kandidat, fil-prinċipju, drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika, skont l-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 95/46.

47

F’dan ir-rigward, għandu qabelxejn jitfakkar li, kif sostniet il-Kummissjoni waqt is-seduta, diversi prinċipji u garanziji, previsti mid-Direttiva 95/46, huma marbuta ma’ din il-klassifikazzjoni u huma l-konsegwenza ta’ din il-klassifikazzjoni.

48

Fil-fatt, mill-premessa 25 tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li l-prinċipji tal-protezzjoni previsti minnha huma riflessi, minn naħa, fl-obbligi imposti fuq il-persuni li huma responsabbli mill-ipproċessar tad-data, liema obbligi jikkonċernaw b’mod partikolari l-kwalità tad-data, is-sigurtà teknika, in-notifikazzjoni lill-awtorità superviżorja, u ċ-ċirkustanzi li fihom jista’ jseħħ l-ipproċessar, u min-naħa l-oħra, fid-drittijiet mogħtija lill-persuni li d-data tagħhom hija suġġett għal ipproċessar li jiġu informati dwaru, li jikkonsultaw id-data, li jitolbu rettifika u saħansitra li jikkontestaw l-ipproċessar f’ċerti ċirkustanzi.

49

Għalhekk, jekk l-informazzjoni li tikkonċerna lil kandidat, inkluża fir-risposti mogħtija minnu waqt eżami professjonali u fil-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ tali eżami, ma tiġix ikklassifikata bħala “data personali”, dan ikollu l-konsegwenza li din l-informazzjoni tiġi kompletament eskluża mill-portata tal-prinċipji u tal-garanziji li għandhom jiġu osservati fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u b’mod partikolari, mill-prinċipji li jirrigwardaw il-kwalità ta’ tali data u l-leġittimizzazzjoni tal-ipproċessar tagħha, stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 95/46, kif ukoll mid-drittijiet ta’ aċċess, ta’ rettifika u ta’ kontestazzjoni tal-persuna kkonċernata, previsti fl-Artikoli 12 u 14 ta’ din id-direttiva, u mill-kontroll eżerċitat mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 28 tal-imsemmija direttiva.

50

Għaldaqstant, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 26 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa paċifiku li kandidat ta’ eżami għandu, b’mod partikolari, interess leġittimu, ibbażat fuq il-protezzjoni tal-ħajja privata tiegħu, fil-possibbiltà li joġġezzjona għall-fatt li r-risposti mogħtija waqt dak l-eżami u l-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawk ir-risposti jiġu pproċessati lil hinn mill-proċedura tal-eżami u, b’mod partikolari, jiġu trażmessi lil terzi, jew ippubblikati, mingħajr il-kunsens tiegħu. Bl-istess mod, l-entità li torganizza l-eżami hija marbuta, bħala entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, tiżgura li r-risposti u l-kummenti jinħażnu b’mod li jiġi evitat li terzi jaċċedu għalihom illegalment.

51

Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li d-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika, previsti fl-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 95/46 jistgħu wkoll jiġu invokati fir-rigward tar-risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali u ta’ kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dan l-eżami.

52

Huwa minnu li d-dritt ta’ rettifika, previst fl-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46 ma jistax jawtorizza lil kandidat “jirrettifika”, a posteriori, risposti “żbaljati”.

53

Fil-fatt, mill-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 95/46 jirriżulta li n-natura eżatta u kompleta tad-data personali għandha tiġi evalwata fir-rigward tal-finalità li għaliha nġabret din id-data. Din il-finalità hija intiża, fir-rigward tar-risposti ta’ kandidat għal eżami, sabiex jiġi evalwat il-livell ta’ konoxxenza u ta’ kompetenza ta’ dan il-kandidat fid-data tal-eżami. Dan il-livell huwa ġustament rifless fi kwalunkwe żbalji f’dawn ir-risposti. Għalhekk, tali żbalji ma jirrappreżentawx ineżattezza, fis-sens tad-Direttiva 95/46, li tagħti lok għal dritt ta’ rettifika skont l-Artikolu 12(b) tagħha.

54

Min-naħa l-oħra, huwa possibbli li jkun hemm sitwazzjonijiet li fihom ir-risposti ta’ kandidat ta’ eżami u l-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti jkunu ineżatti, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 95/46, pereżempju minħabba l-fatt li, bi żball, il-kopji tal-eżami ġew skambjati b’mod li r-risposti ta’ kandidat ieħor ġew attribwiti lill-kandidat ikkonċernat, jew li parti mill-karti li jinkludu r-risposti tal-kandidat intilfet b’mod li l-imsemmija risposti ma humiex kompleti, jew li eventwali kummenti tal-eżaminatur ma jiddokumentawx korrettament l-evalwazzjoni tal-eżaminatur dwar ir-risposti tal-kandidat ikkonċernat.

55

Barra minn hekk, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tagħha, ma jistax jiġi eskluż li kandidat jista’, skont l-Artikolu 12(b) tad-Direttiva 95/46, ikollu dritt li jitlob lill-entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, li r-risposti tal-eżami u l-kummenti tal-eżaminatur marbuta mal-eżami, jitneħħew jew jinqerdu wara ċertu żmien. Fil-fatt, skont l-Artikolu 6(1)(e) ta’ din id-direttiva, id-data personali tista’, fil-prinċipju, tiġi kkonservata f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tal-persuna kkonċernata għal perijodu mhux itwal minn dak li huwa neċessarju sabiex jitwettqu l-għanijiet li għalihom inġabret id-data jew li għalihom ġiet ipproċessata sussegwentement. Fid-dawl tal-finalità tar-risposti mogħtija minn kandidat waqt eżami u tal-kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti, il-konservazzjoni f’forma li tippermetti l-identifikazzjoni tal-kandidat ma tidhirx, a priori, li tkun iktar neċessarja ladarba l-proċedura tal-eżami tingħalaq definittivament u ma tistax iktar tiġi kkontestata, b’mod li dawn ir-risposti u l-kummenti jitilfu kull valur probatorju.

56

Sa fejn ir-risposti bil-miktub mogħtija mill-kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dan l-eżami jistgħu għalhekk jiġu suġġetti għal verifika, b’mod partikolari, tal-eżattezza tagħhom u tan-neċessità tal-konservazzjoni tagħhom, fis-sens tal-Artikolu 6(1)(d) tad-Direttiva 95/46, u jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rettifika jew ta’ tneħħija, skont l-Artikolu 12(b) tagħha, hemm lok li jitqies li l-fatt li kandidat jingħata dritt ta’ aċċess għal dawn ir-risposti u għal dawn il-kummenti, skont l-Artikolu 12(a) ta’ din id-direttiva, iservi l-għan ta’ din l-aħħar li tiġi ggarantita l-protezzjoni tad-dritt għall-ħajja privata ta’ dan il-kandidat fir-rigward tal-ipproċessar tad-data li tikkonċernah (ara, a contrario, is-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punti 45 u 46), u dan indipendentement mill-punt dwar jekk l-imsemmi kandidat għandux jew le dritt ta’ aċċess ukoll skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli għall-proċedura ta’ eżami.

57

F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li l-protezzjoni tad-dritt fundamentali għall-ħajja privata jimplika, b’mod partikolari, li kull persuna fiżika tista’ tkun ċerta li d-data personali li tikkonċernaha hija korretta u tiġi pproċessata legalment. Kif jirriżulta mill-premessa 41 tad-Direttiva 95/46, huwa sabiex ikunu jistgħu jsiru l-verifiki neċessarji li l-persuna kkonċernata għandha, skont l-Artikolu 12(a) tagħha, dritt ta’ aċċess għad-data li tikkonċernaha. Dan id-dritt ta’ aċċess huwa neċessarju, b’mod partikolari, sabiex jippermetti lill-persuna kkonċernata tikseb, skont il-każ, mingħand l-entità responsabbli mill-ipproċessar tad-data, ir-rettifika, it-tneħħija jew l-imblokk ta’ din id-data, u konsegwentement, teżerċita d-dritt previst fl-Artikolu 12(b) tal-imsemmija direttiva (sentenza tas-17 ta’ Lulju 2014, YS et, C-141/12 u C-372/12, EU:C:2014:2081, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58

Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-drittijiet ta’ aċċess u ta’ rettifika, skont l-Artikolu 12(a) u (b) tad-Direttiva 95/46, ma jestendux għal domandi f’eżami, li bħala tali ma jikkostitwixxux tali data personali tal-kandidat.

59

Min-naħa l-oħra, kemm id-Direttiva 95/46 kif ukoll ir-Regolament 2016/679, li jissostitwixxiha, jipprevedu ċerti limitazzjonijiet għal dawn id-drittijiet.

60

Għaldaqstant, skont l-Artikolu 13(1)(g) tad-Direttiva 95/46, l-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi intiżi li jillimitaw il-portata tal-obbligi u tad-drittijiet previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, meta tali limitazzjoni tikkostitwixxi miżura neċessarja sabiex tissalvagwarda d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

61

L-Artikolu 23(1)(e) tar-Regolament 2016/679 jestendi l-lista tal-motivi tal-limitazzjonijiet, preżentement prevista fl-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 95/46, għal “objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru”. Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament 2016/679, dwar id-dritt ta’ aċċess tal-persuna kkonċernata, jipprevedi, fil-paragrafu 4 tiegħu, li d-dritt għall-kisba ta’ kopja ta’ data personali ma jistax jippreġudika d-drittijiet u l-libertajiet tal-oħrajn.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti, jikkostitwixxu data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

Fuq l-ispejjeż

63

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 95/46 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward ta’ l-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ir-risposti bil-miktub mogħtija minn kandidat waqt eżami professjonali u kwalunkwe kummenti tal-eżaminatur marbuta ma’ dawn ir-risposti, jikkostitwixxu data personali fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.