SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)

14 ta’ Ġunju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Organizzazzjoni komuni tas-swieq ta’ prodotti agrikoli — Regolament (UE) Nru 1308/2013 — Artikolu 78 u l-Parti III tal-Anness VII — Deċiżjoni 2010/791/UE — Definizzjonijiet, denominazzjonijiet u deskrizzjonijiet ta’ bejgħ — ‘Ħalib’ u ‘prodotti tal-ħalib’ — Denominazzjonijiet użati għall-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ ikel purament veġetali”

Fil-Kawża C‑422/16

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landgericht Trier (qorti reġjonali ta’ Trier, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ Awwissu 2016, fil-proċedura

Verband Sozialer Wettbewerb eV

vs

TofuTown.com GmbH

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, A. Rosas u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal TofuTown.com GmbH, minn M. Beuger, avukat,

għall-Gvern Ġermaniż, minn K. Stranz u T. Henze, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn G. Kanellopoulos u O. Tsirkinidou, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. X. P. Lewis u D. Triantafyllou, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 78(2) u tal-punti 1 u 2 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2013, L 347, p. 671).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Verband Sozialer Wettbewerb eV (iktar ’il quddiem il-“VSW”) u TofuTown.com GmbH (iktar ’il quddiem “TofuTown”) dwar azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni mressqa minn VSW.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 1308/2013

3

Il-premessi 64 u 76 tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprovdu:

“(64)

L-applikazzjoni ta’ standards għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli tista’ tikkontribwixxi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni, kif ukoll għall-kwalità ta’ prodotti bħal dawn. L-applikazzjoni ta’ standards bħal dawn hija, għalhekk, fl-interess tal-produtturi, il-kummerċjanti u l-konsumaturi.

[…]

(76)

Għal ċerti setturi u prodotti, id-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ huma elementi importanti biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Għalhekk ikun adatt li jiġu stabbiliti definizzjonijiet, denominazzjonijiet u deskrizzjonijiet ta’ bejgħ għal dawk is-setturi u/jew prodotti li għandhom jintużaw biss fl-Unjoni għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti li jkunu konformi mar-rekwiżiti korrispondenti.”

4

L-imsemmi regolament jinkludi fil-Parti II tiegħu ddedikata għas-suq intern, it-Titolu II li jirrigwarda r-regoli dwar il-kummerċjalizzazzjoni u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi. Is-Subtaqsima 2 tat-Taqsima 1 tal-Kapitolu I ta’ dan it-titolu hija intitolata “Standards għall-kummerċjalizzazzjoni skont is-settur jew il-prodott” u tinkludi l-Artikoli 74 sa 83 tal-istess regolament.

5

L-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1308/2013, intitolat “Definizzjonijiet, denominazzjonijiet u deskrizzjonijiet ta’ bejgħ għal ċerti setturi u prodotti”, jipprevedi:

“1.   Fejn rilevanti, minbarra l-istandards ta’ kummerċjalizzazzjoni applikabbli, id-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjoni tal-bejgħ previsti fl-Anness VII għandhom japplikaw għas-setturi jew il-prodotti li ġejjin:

[…]

(c)

ħalib u prodotti tal-ħalib maħsubin għall-konsum mill-bniedem;

[…]

2.   Id-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet jew id-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ imsemmija fl-Anness VII ma jistgħux jintużaw fl-Unjoni ħlief għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li jkun konformi mar-rekwiżiti korrispondenti stabbiliti f’dak l-Anness.

3.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni […] dwar il-bidla, deroga jew eżenzjoni għad-definizzjonijiet u d-deskrizzjonijiet tal-bejgħ li dwarhom hemm dispożizzjoni fl-Anness VII. Dawk l-atti ddelegati għandhom ikunu strettament limitati għall-ħtiġijiet evidenti li jirriżultaw mill-bżonnijiet tal-konsumatur li dejjem qed jevolvu, progress tekniku jew il-ħtieġa għall-innovazzjoni tal-prodotti.

[…]

5.   Sabiex jittieħed kont tal-aspettattivi tal-konsumaturi u l- evoluzzjoni tas-suq tal-prodotti tal-ħalib, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti ddelegati […] biex jiġu speċifikati l-prodotti tal-ħalib li fir-rigward tagħhom għandha tiġi ddikjarata l-ispeċi tal-annimali li minnhom joriġina il-ħalib, jekk mhix tal-ifrat, u biex tistabbilixxi r-regoli neċessarji.”

6

Is-Subtaqsima 5 tat-Taqsima I tal-Kapitolu I tat-Titolu II tal-Parti II tar-Regolament Nru 1308/2013 hija intitolata: “Dispożizzjonijiet komuni”. L-Artikolu 91 tal-istess regolament, li jinsab fl-imsemmija Subtaqsima 5, jippreċiża:

“Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li:

a)

jistabbilixxu lista ta’ ħalib u prodotti tal-ħalib imsemmija fit- tieni paragrafu tal-punt 5 tal-Parti III tal-Anness VII […] abbażi ta’ listi indikattivi ta’ prodotti li l-Istati Membri jqisu li jikkorrispondu, fit-territorju tagħhom, għal dawk id-dispożizzjonijiet u li l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni;

[…]”

7

L-Anness VII tal-imsemmi regolament huwa intitolat “Definizzjonijiet, Denominazzjonijiet u deskrizzjoni ta’ bejgħ għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 78” Fil-paragrafu ta’ introduzzjoni tiegħu, dan l-anness jippreċiża li, għall-finijiet ta’ dan l-anness, il-kliem “deskrizzjoni ta’ bejgħ” ifisser b’mod partikolari “l-isem tal-ikel, fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-25 ta’ Ottubru 2011, dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU 2011, L 304, p. 18)].”

8

Il-Parti III ta’ dan l-Anness VII hija intitolata “Ħalib u prodotti tal-ħalib” Hija tipprovdi:

“1.

‘Ħalib’ ifisser esklussivament is-sekrezzjoni mammarja normali miksuba minn tħalliba waħda jew aktar mingħajr żidiet u lanqas tneħħijiet.

Madankollu, it-terminu ‘ħalib’ jista’ jintuża:

a)

għal ħalib ittrattat mingħajr ma jinbidel il-kompożizzjoni tiegħu jew għal ħalib li l-kontenut ta’ xaħam tiegħu huwa standardizzat […];

b)

flimkien ma’ kelma jew kliem għad-denominazzjoni tat-tip, il-grad, l-oriġini u/jew l-użu maħsub ta’ tali ħalib jew għad-deskrizzjoni tat-trattament fiżiku jew tal-modifikazzjoni fil-kompożizzjoni għal liema ġie suġġett, dment li l-modifikazzjoni hija ristretta għal żieda u/jew tneħħija ta’ kostitwenti naturali tal-ħalib.

2.

Għall-finijiet ta’ din il-Parti, ‘prodotti tal-ħalib’ tfisser prodotti miksuba esklussivament minn ħalib, jew il-f[t]ehim li sustanzi neċessarji għall-manifattura tagħhom jistgħu jiġu miżjuda, dment li dawk is-sustanzi ma jintużawx sabiex jissostitwixxu, għalkollox jew parzjalment, kwalunkwe kostitwent tal-ħalib.

Li ġej għandu jkun jgħodd esklussivament għall-prodotti tal-ħalib.

a)

l-ismijiet li ġejjin użati fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni:

(i)

xorrox,

(ii)

krema,

(iii)

butir,

(iv)

xorrox tal-butir,

[…]

(viii)

ġobon,

(ix)

jogurt,

[…]

b)

ismijiet skont it-tifsira […] tal-Artikolu 17 tar-[Regolament (UE) Nru 1169/2011] attwalment użati għal prodotti tal-ħalib.

3.

It-terminu ‘ħalib’ u d-desinjazzjonijiet użati għal prodotti tal-ħalib jistgħu jintużaw ukoll flimkien ma’ kelma jew xi kliem għad-desinjazzjoni ta’ prodotti komposti li l-ebda parti minnhom ma tieħu jew hija intiża sabiex tieħu l-post ta’ kwalunkwe kostitwent tal-ħalib u li l-ħalib jew prodott tal-ħalib huwa parti essenzjali f’termini ta’ kwantità jew għall-karatterizzazzjoni tal-prodott.

4.

Fir-rigward tal-ħalib, l-ispeċi ta’ annimali minn fejn joriġina l-ħalib għandha tiġi ddikjarata, jekk mhix tal-ifrat.

5.

Id-denominazzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 2 u 3 ma jistgħu jintużaw għal ebda prodott għajr dawk imsemmija f’dak il-punt.

Madankollu, din id-dispożizzjoni ma għandhiex tapplika għad-denominazzjoni ta’ prodotti li n-natura eżatta tagħhom tkun ċara mill-użu tradizzjonali tagħhom u/jew meta d-denominazzjonijiet jintużaw b’mod ċar sabiex jiddeskrivu kwalità li tkun karatteristika tal-prodott.

6.

Fir-rigward ta’ prodott minbarra dawk deskritti fil-punti 1, 2 u 3 ta’ din il-Parti, ma tista’ tintuża l-ebda tikketta, dokument kummerċjali, materjal pubbliċitarju jew xi forma ta’ riklamar […] jew xi forma ta’ preżentazzjoni li tagħmel il-pretensjoni, timplika jew tissuġġerixxi li l-prodott ikun prodott tal-ħalib.

[…]”

9

Id-dispożizzjonijiet tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 jirriproduċu, mingħajr ebda tibdiliet sostanzjali, id-dispożizzjonijiet li qabel kienu jidhru fl-Anness XII tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Regolament “OKS uniku”) (ĠU L 299, p. 1), li kien irriproduċa, mingħajr ebda tibdiliet sostanzjali, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1898/87, tat-2 ta’ Lulju 1987 dwar il-protezzjoni ta’ desinjazzjonijiet użati fil-kummerċjalizzazzjoni tal-ħalib u prodotti tal-ħalib (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 7, p. 247).

Id-Deċiżjoni 2010/791/UE

10

Skont l-Artikolu 1 tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li telenka l-prodotti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt III(1) tal-Anness XII għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 (ĠU 2010, L 336, p. 55), telenka, fl-Anness I tagħha, il-prodotti korrispondenti fit-territorju tal-Unjoni għall-prodotti msemmija f’din id-dispożizzjoni.

11

Il-premessa 3 ta’ din id-deċiżjoni tippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-listi indikattivi tal-prodotti li huma jikkunsidraw li jissodisfaw, ġewwa t-territorji tagħhom, il-kriterji tal-eċċezzjoni […] Dik il-lista għandha tintinkludi l-ismijiet tal-prodotti rilevanti skont l-użu tradizzjonali tagħhom fil-lingwi varji tal-Unjoni, sabiex dawk l- ismijiet ikunu jistgħu jintużaw mill-Istati Membri kollha, […]”

12

Konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 230(1) u mal-Artikolu 230(2) tar-Regolament Nru 1308/2013, ir-Regolament Nru 1234/2007 tħassar permezz ta’ dan l-ewwel regolament u r-riferimenti għar-Regolament Nru 1234/2007 għandhom jinftiehmu bħala riferimenti għar-Regolament Nru 1308/2013. Għalhekk, id-Deċiżjoni 2010/791 issa telenka l-lista tal-prodotti msemmija fit-tieni paragrafu tal-punt 5 tal-Parti III tal-Anness VII ta’ dan ir-regolament tal-aħħar.

Ir-Regolament Nru 1169/2011

13

L-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1169/2011, intitolat “Isem tal-ikel”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu li:

“L-isem tal-ikel għandu jkun l-isem ġuridiku tiegħu. Jekk ma jkunx hemm dak l-isem, l-isem tal-ikel għandu jkun l-isem tradizzjonali tiegħu, jew, jekk ma jkollux isem tradizzjonali jew l-isem tradizzjonali ma jintużax, għandu jingħata l-isem deskrittiv tal-ikel.”

Id-dritt Ġermaniż

14

Il-Gesetz gegen den unlauteren Wettbewerb (liġi kontra l-kompetizzjoni żleali), fil-verżjoni tagħha applikabbli għat-tilwima fil-kawża prinċipali, tipprovdi, fl-Artikolu 3a tagħha:

“Kull min jikser dispożizzjoni legali intiża, b’mod partikolari, sabiex tirregola l-aġir fis-suq fl-interess tal-atturi ta’ dan tal-aħħar, iwettaq att ta’ kompetizzjoni żleali meta l-ksur ikun ta’ natura li jaffettwa b’mod sinjifikattiv l-interessi ta’ konsumaturi, ta’ atturi oħra tas-suq jew ta’ kompetituri.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Il-VSW hija assoċjazzjoni Ġermaniża li b’mod partikolari għandha bħala missjoni li tiġġieled kontra l-kompetizzjoni żleali. TofuTown hija kumpannija attiva fil-manifattura u d-distribuzzjoni ta’ ikel veġetarjan/veġetali. Hija tippromwovi u tiddistribwixxi b’mod partikolari prodotti purament veġetali taħt id-denominazzjonijiet “Soyatoo butir tat-tofu”, “ġobon veġetali”, “Veggie-Cheese”, “Cream”, u denominazzjonijiet oħra simili.

16

Il-VSW, billi qieset li l-promozzjoni minn TofuTown ta’ dawn il-prodotti purament veġetali tikser ir-regoli tal-kompetizzjoni, ressqet azzjoni għal ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra din il-kumpannija quddiem il-Landgericht Trier (qorti reġjonali ta’ Trier, il-Ġermanja), fejn invokat ksur tal-Artikolu 3a tal-liġi kontra l-kompetizzjoni żleali, moqri flimkien mal-punti 1 u 2 tal-Parti III tal-Anness VII u mal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1308/2013.

17

Għal kuntrarju, TofuTown issostni, li r-reklamar tagħha għall-prodotti veġetali li għandhom id-denominazzjonijiet inkwistjoni ma jiksirx dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, peress li, minn naħa, il-mod li bih il-konsumatur jifhem dawn id-denominazzjonijiet inbidel kunsiderevolment f’dawn l-aħħar snin u, min-naħa l-oħra, hija ma tużax id-denominazzjonijiet bħal “butir” jew “cream” b’mod iżolat, iżda dejjem b’assoċjazzjoni ma’ kliem li jirreferu għall-oriġini veġetali tal-prodotti inkwistjoni, bħal pereżempju “butir tat-tofu” jew “rice spray cream”.

18

Il-qorti tar-rinviju tirreferi għas-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, UDL (C‑101/98, EU:C:1999:615), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja, essenzjalment, iddeċidiet li r-Regolament Nru 1898/87 kien jipprekludi l-użu tad-denominazzjoni “ġobon” għal prodott tal-ħalib li fih ix-xaħam tal-ħalib ġie ssostitwit b’xaħam ta’ oriġini veġetali, anki jekk din id-denominazzjoni hija kkompletata b’indikazzjonijiet deskrittivi. Madankollu hija terġa’ tistaqsi dwar l-interpretazzjoni li għandha tingħata lill-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1308/2013, moqri flimkien mal-punti 1 u 2 tal-Parti III tal-Anness VII tiegħu, sabiex tiddeċiedi t-tilwima adita biha.

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landgericht Trier (qorti reġjonali ta’ Trier) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 78(2) tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ previsti fl-Anness VII ma għandhomx għalfejn jissodisfaw l-eżiġenzi korrispondenti ddefiniti fl-imsemmi anness jekk dawn id-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet u d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ ikunu elaborati b’indikazzjonijiet kjarifikatorji jew deskrittivi (bħal pereżempju ‘butir tat-tofu’ għal prodott purament veġetali)?

2)

Il-punt 1 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-denominazzjoni ‘ħalib’ hija rriżervata esklużivament għal prodott tas-sekrezzjoni mammarja normali miksub minn ħalba waħda jew iktar, mingħajr ebda żieda jew estrazzjoni, jew din id-denominazzjoni tista’ wkoll tintuża għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti veġetali (vegani), u fejn neċessarju, biż-żieda ta’ termini kjarifikatorji bħal ‘ħalib tas-soja’?

3)

Il-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII, b’konnessjoni mal-Artikolu 78 tar-Regolament Nru 1308/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li d-denominazzjonijiet elenkati fid-dettall fil-punt 2.a, b’mod partikolari, ix-‘xorrox’, il-‘krema’ [‘Rahm’ fil-lingwa Ġermaniża], il-‘butir’, ix-‘xorrox tal-butir’, il-‘ġobon’, il-‘jogurt’ jew it-terminu ‘panna’ [‘Sahne’ fil-lingwa Ġermaniża] eċċ, huma rriżervati biss għall-prodotti tal-ħalib, jew prodotti purament veġetali (vegani), li ġew immanifatturati mingħajr ħalib (tal-annimali), jistgħu wkoll jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013?”

Fuq id-domandi preliminari

20

Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 78(2), u l-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-denominazzjoni “ħalib” u d-denominazzjonijiet li dan ir-regolament jirriżerva biss għall-prodotti tal-ħalib jintużaw sabiex jindikaw, waqt il-kummerċjalizzazzjoni jew fir-reklamar, prodott purament veġetali, u dan anki jekk dawn id-denominazzjonijiet huma kkompletati b’indikazzjonijiet spjegattivi jew deskrittivi li jindikaw l-oriġini veġetali tal-prodott inkwistjoni.

21

Skont l-Artikolu 78(2) tal-imsemmi regolament, id-definizzjonijiet, id-denominazzjonijiet jew id-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ imsemmija fl-Anness VII ta’ dan l-istess regolament jistgħu jintużaw fl-Unjoni biss għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott li jkun konformi mar-rekwiżiti korrispondenti ddefiniti fl-imsemmi anness.

22

Il-Parti III ta’ dan l-Anness VII tirrigwarda l-ħalib u l-prodotti tal-ħalib. Fir-rigward tal-ħalib, din il-Parti III tipprevedi fl-ewwel subparagrafu tal-punt 1 tagħha, li d-denominazzjoni “ħalib” għandu jfisser “esklussivament is-sekrezzjoni mammarja normali miksuba minn tħalliba waħda jew iktar mingħajr żidiet u lanqas tneħħijiet”. It-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt jippreċiża, madankollu, fil-punt (a), li d-denominazzjoni “ħalib” tista’ tintuża għal “ħalib ittrattat mingħajr ma tinbidel il-kompożizzjoni tiegħu jew għal ħalib li l-kontenut ta’ xaħam tiegħu [ġie standardizzat]” u fil-punt (b) li din id-denominazzjoni tista’ tintuża “flimkien ma’ kelma jew kliem għad-denominazzjoni tat-tip, il-grad, l-oriġini u/jew l-użu maħsub ta’ tali ħalib jew għad-deskrizzjoni tat-trattament fiżiku jew tal-modifikazzjoni fil-kompożizzjoni għal liema ġie suġġett, dment li l-modifikazzjoni hija ristretta għal żieda u/jew tneħħija ta’ kostitwenti naturali tal-ħalib”.

23

Mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt 1 jirriżulta b’mod ċar li d-denominazzjoni “ħalib” ma jistax, bħala prinċipju, jintuża b’mod legali sabiex jindika prodott purament veġetali, peress li l-ħalib huwa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, prodott ta’ oriġini annimali, fatt li jirriżulta wkoll mill-punt 4 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013, li jipprevedi li, fir-rigward tal-ħalib, l-ispeċi ta’ annimali li minnhom joriġina l-ħalib għandha tiġi ddikjarata, jekk din ma tkunx tal-ifrat, kif ukoll mill-Artikolu 78(5) ta’ dan ir-regolament, li jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti ddelegati sabiex jiġu speċifikati l-prodotti tal-ħalib li fir-rigward tagħhom għandha tiġi ddikjarata l-ispeċi tal-annimali li minnhom joriġina l-ħalib, jekk din ma tkunx tal-ifrat.

24

Barra minn hekk, minn din il-formulazzjoni jirriżulta li indikazzjonijiet spjegattivi jew deskrittivi li huma intiżi sabiex jindikaw l-oriġini veġetali tal-prodott ikkonċernat, bħal ma huma “tas-soja” jew “tat-tofu”, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jaqgħux taħt il-kliem li jistgħu jintużaw flimkien mad-denominazzjoni “ħalib” bis-saħħa tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-punt 1, peress li l-bidliet fil-kompożizzjoni tal-ħalib li kliem addizzjonali jistgħu jindikaw, bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni, huma dawk li huma limitati għaż-żieda u/jew għat-tneħħija tal-kostitwenti naturali tiegħu, fatt li ma jinkludix sostituzzjoni sħiħa tal-ħalib bi prodott purament veġetali.

25

Fir-rigward tal-prodotti tal-ħalib, il-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprovdi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li l-“prodotti tal-ħalib” għandhom ifissru “prodotti miksuba esklussivament minn ħalib, jew il-ftehim li sustanzi neċessarji għall-manifattura tagħhom jistgħu jiġu miżjuda, dment li dawk is-sustanzi ma jintużawx sabiex jissostitwixxu, għalkollox jew parzjalment, kwalunkwe kostitwent tal-ħalib”. Barra minn hekk, it-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt jippreċiża li huma rriżervati “esklussivament għall-prodotti tal-ħalib”, minn naħa, id-denominazzjonijiet użati fl-istadji kollha tal-kummerċjalizzazzjoni u li huma elenkati fil-punt (a) ta’ din id-dispożizzjoni, fejn din l-elenkazzjoni tinkludi d-denominazzjonijiet “xorrox”, “krema”, “butir”, “xorrox tal-butir”, “ġobon” u “jogurt”, u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari, id-denominazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1169/2011 “attwalment użati għal prodotti tal-ħalib”.

26

Mill-formulazzjoni ta’ dan il-punt 2 jirriżulta wkoll li “prodott tal-ħalib”, peress li huwa miksub esklużivament mill-ħalib, għandu jkun fih il-kostitwenti. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li prodott tal-ħalib li fih kostitwent kwalunkwe tal-ħalib ikun ġie sostitwit, anki jekk biss parzjalment, ma jistax jiġi indikat permezz ta’ wieħed mid-denominazzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, UDL, C‑101/98, EU:C:1999:615, punti 20 sa 22). Dan japplika a fortiori wkoll, bħala prinċipju, għal prodott purament veġetali, sa fejn tali prodott ma jkunx fih, bħala definizzjoni, ebda kostitwent tal-ħalib.

27

Konsegwentement, id-denominazzjonijiet elenkati fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tal-imsemmi regolament, bħal ma huma “xorrox”, “krema”, “butir”, “xorrox tal-butir”, “ġobon” u “jogurt”, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, ma jistgħux, bħala prinċipju, jintużaw legalment sabiex jindikaw prodott purament veġetali.

28

Projbizzjoni identika hija imposta, bis-saħħa tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tal-istess regolament, għad-denominazzjonijiet fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1169/2011 effettivament użati għall-prodotti tal-ħalib. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont dan l-Artikolu 17(1), id-denominazzjoni tal-prodott tal-ikel għandha tkun id-denominazzjoni legali tiegħu jew, fl-assenza ta’ tali denominazzjoni l-isem tradizzjonali tiegħu jew ukoll, fin-nuqqas ta’ tali isem jew jekk dan ma jintużax, isem deskrittiv.

29

Issa, għalkemm il-kelma “Sahne”, fil-lingwa Ġermaniża ‑ li l-qorti tar-rinviju, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, iddistingwixxiet mill-kelma “Rahm”, imsemmija fil-punt (a)(ii) tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 ‑, bħall-kelma “chantilly”, bil-lingwa Franċiża, ma hijiex inkluża mad-denominazzjonijiet ta’ prodotti tal-ħalib elenkati fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-punt 2 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013, jibqa’ l-fatt li din il-kelma tindika krema, li tista’ tkun imħabbta jew imtella’.

30

Għalhekk din hija denominazzjoni fis-sens tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1169/2011, effettivament użata għal prodott tal-ħalib. Konsegwentement, l-imsemmija kelma ma tistax, bħala prinċipju, lanqas tintuża legalment sabiex tindika prodott purament veġetali.

31

Fir-rigward tar-rilevanza possibbli, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-legalità tal-użu tad-denominazzjoni “ħalib” jew tad-denominazzjonijiet irriżervati biss għall-prodotti tal-ħalib mir-Regolament Nru 1308/2013 sabiex jiġi indikat prodott purament veġetali, taż-żieda ta’ indikazzjonijiet spjegattivi jew deskrittivi li jindikaw l-oriġini veġetali tal-prodott inkwistjoni, bħal ma huma “tas-soja” jew “tat-tofu”, imsemmija mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li l-punt 3 tal-Parti III tal-Anness VII ta’ dan ir-regolament jipprevedi li “[i]t-terminu ‘ħalib’ u d-desinjazzjonijiet użati għal prodotti tal-ħalib jistgħu jintużaw ukoll flimkien ma’ kelma jew xi kliem għad-desinjazzjoni ta’ prodotti komposti li l-ebda parti minnhom ma tieħu jew hija intiża sabiex tieħu l-post ta’ kwalunkwe kostitwent tal-ħalib u li l-ħalib jew prodott tal-ħalib huwa parti essenzjali f’termini ta’ kwantità jew għall-karatterizzazzjoni tal-prodott.”

32

Madankollu, dawn il-kundizzjonijiet ma humiex issodisfatti minn prodotti purament veġetali, peress li tali prodotti la fihom ħalib u lanqas prodott tal-ħalib. Għalhekk, l-imsemmi punt 3 ma jistax iservi ta’ bażi għal użu legali, sabiex jiġi indikat prodott purament veġetali, tad-denominazzjoni “ħalib” jew tad-denominazzjonijiet irriżervati biss għall-prodotti tal-ħalib flimkien ma’ indikazzjoni spjegattiva jew deskrittiva waħda jew iktar li tindika l-oriġini veġetali tal-prodott inkwistjoni.

33

Barra minn hekk, għalkemm, skont l-ewwel subparagrafu tal-punt 5 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013, id-denominazzjonijiet imsemmija fil-punti 1, 2 u 3 ta’ din il-Parti III ma jistgħux jintużaw għal ebda prodott ieħor għajr għal prodotti msemmija f’dak il-punt, it-tieni subparagrafu ta’ dan il-punt 5 jipprevedi, madankollu, li dan l-ewwel subparagrafu “ma għandh[ux] [j]applika għad-denominazzjoni ta’ prodotti li n-natura eżatta tagħhom tkun ċara mill-użu tradizzjonali tagħhom u/jew meta d-denominazzjonijiet jintużaw b’mod ċar sabiex jiddeskrivu kwalità li tkun karatteristika tal-prodott.”

34

Issa, b’applikazzjoni tal-punt(b)(i) tal-Artikolu 121 tar-Regolament Nru 1234/2007, li sar, essenzjalment, il-punt (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 91 tar-Regolament Nru 1308/2013, il-lista tal-prodotti koperti minn din l-aħħar dispożizzjoni ġiet stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/791. Għaldaqstant, huma biss il-prodotti elenkati f’dan l-anness li jaqgħu taħt l-eċċezzjoni prevista f’dan it-tieni paragrafu.

35

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li din il-lista ma tagħmel l-ebda riferiment għas-soja jew għat-tofu.

36

Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmija lista ssemmi, fil-lingwa Franċiża, il-prodott imsejjaħ “crème de riz”, hija ma ssemmix, fil-lingwa Ingliża l-prodott imsejjaħ “rice cream spray”, indikat mill-qorti tar-rinviju bħala wieħed mill-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u lanqas il-prodott imsejjaħ “rice cream”. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, mill-premessa 3 tad-Deċiżjoni 2010/791, jirriżulta essenzjalment li l-lista li din id-deċiżjoni tistabbilixxi tinkludi l-prodotti li ġew identifikati mill-Istati Membri bħala li jissodisfaw, fit-territorji rispettivi tagħhom, il-kriterji previsti mit-tieni subparagrafu tal-punt 5 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 u li d-denominazzjonijiet tal-prodotti inkwistjoni huma elenkati skont l-użu tradizzjonali tagħhom fil-lingwi differenti tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-fatt li d-denominazzjoni “crème de riz”, fil-lingwa Franċiża, kien ġie rrikonoxxut bħala li jissodisfa l-imsemmija kriterji ma jimplikax li d-denominazzjoni “rice cream” jissodisfahom ukoll.

37

Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm mill-imsemmija lista jirriżulta li l-użu, fid-denominazzjoniji ta’ prodott, tal-kelma “cream” flimkien ma’ kelma addizzjonali huwa permess taħt ċerti kundizzjonijiet, b’mod partikolari sabiex jiġi indikat xorb spirituż jew sopop, ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tidher li hija ssodisfatta b’denominazzjoni bħal “rice cream spray”, inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Bl-istess mod, għalkemm l-użu tal-kelma “creamed” mad-denominazzjoni ta’ prodott veġetali huwa permess, dan huwa biss meta “il-kelma ‘creamed’ tindika l-konsistenza karatteristika tal-prodott”.

38

Għalhekk jidher li ebda wieħed mill-prodotti msemmija bħala eżempju mill-qorti tar-rinviju ma huwa inkluż fl-imsemmija lista u li, konsegwentement, ebda wieħed mid-denominazzjonijiet li din il-qorti tiċċita ma jibbenefika mill-eċċezzjoni prevista fit-tieni subparagrafu tal-punt 5 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju fir-rigward ta’ kull wieħed mill-prodotti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

39

Barra minn hekk, l-Artikolu 78(3) tar-Regolament Nru 1308/2013 jipprevedi li, sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet evidenti li jirriżultaw minn evoluzzjoni tal-bżonnijiet tal-konsumaturi, tal-progress tekniku jew tal-ħtieġa fil-qasam tal-innovazzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti ddelegati fir-rigward tal-emendi, tad-derogi jew tal-eżenzjonijiet relatati mad-definizzjonijiet u d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ previsti fl-Anness VII ta’ dan ir-regolament., Madankollu, sal-lum, tali att għadu ma ġiex adottat mill-Kummissjoni fir-rigward tad-definizzjonijiet u d-deskrizzjonijiet ta’ bejgħ tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib.

40

Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li d-denominazzjoni “ħalib” u d-denominazzjonijiet irriżervati biss għall-prodotti tal-ħalib ma jistgħux jintużaw legalment sabiex jindikaw prodott purament veġetali, sakemm dan il-prodott ma huwiex inkluż fil-lista stabbilita fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/791; iż-żieda ta’ indikazzjonijiet deskrittivi jew spjegattivi li jindikaw l-oriġini veġetali tal-prodott inkwistjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma taffettwax tali projbizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, UDL, C‑101/98, EU:C:1999:615, punti 25 sa 28).

41

Barra minn hekk, jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikolu 78(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-punt 6 tal-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 li din il-projbizzjoni tapplika kemm għall-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll għar-reklamar.

42

Kuntrarjament għal dak li ssostni TofuTown, l-interpretazzjoni esposta fil-punti 40 u 41 ta’ din is-sentenza hija sostnuta mill-għanijiet tal-imsemmi regolament u la tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità u lanqas kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

43

Kif jirriżulta mill-premessi 64 u 76 tal-istess regolament, l-għanijiet segwiti mid-dispożizzjonijiet inkwistjoni jikkonsistu, b’mod partikolari, fit-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll tal-kwalità tal-prodotti fl-interess tal-produtturi, tal-kummerċjanti u tal-konsumaturi, fil-protezzjoni tal-konsumaturi u fil-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni. Issa, dawn id-dispożizzjonijiet, inkwantu jipprovdu li huma biss il-prodotti li jikkonformaw mar-rekwiżiti li huma jistabbilixxu li jistgħu jiġu indikati bid-denominazzjoni “ħalib” u bid-denominazzjonijiet rriżervati esklużivament għall-prodotti tal-ħalib, u dan anki jekk dawn id-denominazzjonijiet huma kkompletati b’indikazzjonijiet spjegattivi jew deskrittivi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ dawn l-għanijiet.

44

Fil-fatt, fl-assenza ta’ tali restrizzjoni, dawn id-denominazzjonijiet ma jkunux b’mod partikolari jippermettu iktar li jiġu indentifikati b’mod ċert il-prodotti li għandhom il-karatteristiċi partikolari marbuta mal-kompożizzjoni naturali tal-ħalib tal-annimali, fatt li jkun imur kontra l-protezzjoni tal-konsumaturi, minħabba r-riskju ta’ konfużjoni li jinħoloq. Dan ikun imur ukoll kontra l-għan ta’ titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni kif ukoll tal-kwalità tal-“ħalib” u tal-“prodotti tal-ħalib”.

45

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jkunu adatti sabiex jilħqu l-għanijiet leġittimi mfittxija mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni u ma jeċċedux il-limiti ta’ dak li huwa neċessarju għall-ilħiq ta’ dawn l-għanijiet, filwaqt li, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva, u l-inkonvenjenzi li jinħolqu ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet previsti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1999, UDL, C‑101/98, EU:C:1999:615, punt 30, kif ukoll tas-17 ta’ Marzu 2011, AJD Tuna, C‑221/09, EU:C:2011:153, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46

Peress li l-leġiżlatur tal-Unjoni għandu, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li jattribwixxulu l-Artikoli 40 TFUE sa 43 TFUE, huwa biss fil-każ li miżura adottata f’dan il-qasam tkun manifestament mhux xierqa, fid-dawl tal-għan li jkollha l-istituzzjoni kompetenti, li l-legalità ta’ tali miżura tista’ tiġi affettwata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1999, UDL, C‑101/98, EU:C:1999:615, punt 31, kif ukoll tas-17 ta’ Ottubru 2013, Schaible, C‑101/12, EU:C:2013:661, punt 48).

47

F’dan il-każ, hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, id-dispożizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju qegħda titlob l-interpretazzjoni tagħhom huma intiżi għat-titjib tal-kundizzjonijiet ekonomiċi għall-produzzjoni u għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti kkonċernati u tal-kwalità tagħhom, għall-protezzjoni tal-konsumaturi kif ukoll għall-preżervazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.

48

Issa, il-fatt li, fil-kummerċjalizzazzjoni jew fir-reklamar, il-possibbiltà li jintużaw id-denominazzjoni “ħalib” u d-denominazzjonijiet irriżervati esklużivament għall-prodotti tal-ħalib hija offruta biss lil dawk il-prodotti biss li jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fil-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 jiggarantixxi, b’mod partikolari, lill-produtturi tal-prodotti msemmija, kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux distorti u lill-konsumaturi tagħhom, li l-prodotti indikati mill-imsemmija denominazzjonijiet jissodisfaw kollha l-istess standards ta’ kwalità, filwaqt li jipproteġihom kontra kull konfużjoni dwar il-kompożizzjoni tal-prodotti li jkunu beħsiebhom jiksbu. Id-dispożizzjonijiet inkwistjoni huma għalhekk adatti sabiex jilħqu dawn l-għanijiet. Barra minn hekk, huma ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn jintlaħqu, peress li ż-żieda ta’ indikazzjonijiet deskrittivi jew spjegattivi mal-imsemmija denominazzjonijiet, sabiex jiġu indikati prodotti li ma jissodisfawx dawk ir-rekwiżiti, ma tistax, hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, tipprevjeni b’ċertezza kull riskju ta’ konfużjoni f’moħħ il-konsumatur. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet inkwistjoni ma jiksrux il-prinċipju ta’ proporzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 1999, UDL, C‑101/98, EU:C:1999:615, punti 32 sa 34).

49

Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, dan jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, EU:C:2005:741, punt 63, kif ukoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl, C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 46).

50

F’dan il-każ, il-fatt li l-produtturi ta’ sostituti veġetarjani jew veġetali tal-laħam jew tal-ħut ma humiex, skont TofuTown, suġġetti, fir-rigward tal-użu ta’ deskrizzjonijiet ta’ bejgħ, għal restrizzjonijiet paragunabbli ma’ dawk li huma suġġetti għalihom il-produtturi ta’ sostituti veġetarjani jew veġetali tal-ħalib jew tal-prodotti tal-ħalib skont il-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

51

Fil-fatt, kull settur tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli stabbilit bl-imsemmi regolament għandu speċifiċitajiet tiegħu stess. Konsegwentement, il-paragun tal-mekkaniżmi tekniċi użati sabiex jiġu rregolati s-setturi differenti tas-suq ma jistax jikkostitwixxi bażi valida sabiex jiġi stabbilit ilment ta’ inugwaljanza fit-trattament bejn prodotti mhux simili, suġġetti għal regoli differenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 1982, Lion et, 292/81 u 293/81, EU:C:1982:375, punt 24, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2016, Lidl, C‑134/15, EU:C:2016:498, punt 49). Issa, il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib jaqgħu taħt settur differenti minn dawk tat-tipi differenti ta’ laħmijiet kif ukoll mis-settur tal-prodotti tal-ħut, li huma wkoll jaqgħu taħt organizzazzjoni komuni oħra tas-swieq.

52

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 78(2), u l-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament Nru 1308/2013 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-denominazzjoni “ħalib” u d-denominazzjonijiet li dan ir-regolament jirriżerva biss għall-prodotti tal-ħalib jintużaw sabiex jindikaw, waqt il-kummerċjalizzazzjoni jew fir-reklamar, prodott purament veġetali, u dan anki jekk dawn id-denominazzjonijiet huma kkompletati b’indikazzjonijiet spjegattivi jew deskrittivi li jindikaw l-oriġini veġetali tal-prodott inkwistjoni, ħlief jekk dan il-prodott huwa elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni 2010/791.

Fuq l-ispejjeż

53

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 78(2), u l-Parti III tal-Anness VII tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Diċembru 2013, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li d-denominazzjoni “ħalib” u d-denominazzjonijiet li dan ir-regolament jirriżerva biss għall-prodotti tal-ħalib li jintużaw sabiex jindikaw, waqt il-kummerċjalizzazzjoni jew fir-reklamar, prodott purament veġetali, u dan anki jekk dawn id-denominazzjonijiet huma kkompletati b’indikazzjonijiet spjegattivi jew deskrittivi li jindikaw l-oriġini veġetali tal-prodott inkwistjoni, ħlief jekk dan il-prodott huwa elenkat fl-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/791, tal-20 ta’ Diċembru 2010, li telenka l-prodotti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-punt III 1 tal-Anness XII għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.