SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

14 ta’ Mejju 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Politika tal-ażil – Protezzjoni internazzjonali – Direttiva 2011/95/UE – Status ta’ refuġjat – Artikolu 14(4) sa (6) – Rifjut ta’ għoti jew revoka tal-istatus ta’ refuġjat fil-każ ta’ perikolu għas-sigurtà jew għall-komunità tal-Istat Membru ospitanti – Validità – Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 78(1) TFUE – Artikolu 6(3) TUE – Konvenzjoni ta’ Genève”

Fil-Kawżi magħquda C‑391/16, C‑77/17 u C‑78/17,

li għandhom bħala suġġett tliet talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa, għall-Kawża C‑391/16, min-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka), permezz tad-deċiżjoni tas‑16 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑14 ta’ Lulju 2016, u, għall-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17, mill-Conseil du contentieux des étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjonijiet tat‑8 ta’ Frar 2017 u tal‑10 ta’ Frar 2017, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Frar 2017, fil-proċeduri

M

vs

Ministerstvo vnitra (C‑391/16),

u

X (C‑77/17)

X (C‑78/17)

vs

Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, R. Silva de Lapuerta, Viċi President, J.‑C. Bonichot, A. Arabadjiev, A. Prechal, T. von Danwitz (Relatur), C. Toader, Presidenti ta’ Awla, E. Levits, L. Bay Larsen, M. Safjan, D. Šváby, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: V. Giacobbo‑Peyronnel, Amministrattriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Marzu 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M, minn J. Mašek, advokát,

għal X (C‑77/17), minn P. Vanwelde u S. Janssens, avocats,

għal X (C‑78/17), minn J. Hardy, avocat,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Brabcová, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet, M. Jacobs u C. Van Lul, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

għall-Gvern Franċiż, minn E. Armoët, E. de Moustier u D. Colas, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós, Z. Biró-Tóth u M. M. Tátrai, bħala aġenti,

għall-Gvern Olandiż, minn A. M. de Ree u K. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon, bħala aġent, assistit minn D. Blundell, barrister,

għall-Parlament Ewropew, minn K. Zejdová, O. Hrstková Šolcová u D. Warin, bħala aġenti,

għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Moro, A. Westerhof Löfflerová, S. Boelaert, M. Chavrier u J. Monteiro, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Šimerdová u M. Condou‑Durande, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni kif ukoll il-validità tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9), li daħlet fis-seħħ fid‑9 ta’ Jannar 2012, fid-dawl tal-Artikolu 78(1) TFUE, tal-Artikolu 6(3) TUE u tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ tliet tilwimiet bejn, għall-ewwel waħda (Kawża C‑391/16), M u l-Ministerstvo vnitra (il-Ministru għall-Intern, ir-Repubblika Ċeka), dwar id-deċiżjoni li tirrevoka d-dritt għall-ażil tiegħu, għat-tieni waħda (Kawża C‑77/17), X u l-Commissaire général aux réfugiés et aux apatrides (il-Kummissarju Ġenerali għar-Refuġjati u l-Persuni mingħajr Stat, il-Belġju, iktar ’il quddiem il-“Kummissarju Ġenerali”), dwar id-deċiżjoni li tirrifjuta li tirrikonoxxi fil-konfront tiegħu l-istatus ta’ refuġjat u li tagħtih il-benefiċċju tal-protezzjoni sussidjarja, u, għat-tielet waħda (Kawża C‑78/17), X u l-Kummissarju Ġenerali, dwar id-deċiżjoni li jitneħħielu l-istatus ta’ refuġjat.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt internazzjonali

3

Il-Konvenzjoni dwar l-Istatus tar-Refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 189, p. 150, Nru 2545 (1954)), daħlet fis-seħħ fit‑22 ta’ April 1954 (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). Din ġiet ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil‑31 ta’ Jannar 1967, li daħal fis-seħħ fl‑4 ta’ Ottubru 1967 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

4

L-Istati Membri kollha huma partijiet kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Genève. Madankollu l-Unjoni Ewropea ma hijiex parti kontraenti għall-imsemmija konvenzjoni.

5

Il-preambolu tal-Konvenzjoni ta’ Genève jinnota li l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (HCR jew UNHCR) għandu l-kompitu li jissorvelja l-applikazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jiżguraw il-protezzjoni tar-refuġati u jipprevedi li l-Istati għandhom jimpenjaw lilhom infushom sabiex jikkooperaw mal-UNHCR fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom u b’mod partikolari sabiex jiffaċilitaw il-kompitu tiegħu ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-istrumenti.

6

L-Artikolu 1(A) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din il-konvenzjoni, it-terminu ‛refuġjat’ għandu japplika għal kwalunkwe persuna:

[…]

2)   Li, […] minħabba f’biża’ bir-raġun li tiġi ppersegwitata għal raġunijiet ta’ razza, reliġjon, nazzjonalità, appartenenza għal grupp soċjali partikolari jew opinjoni politika partikolari, tkun barra mill-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha u li ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tixtieqx titlob il-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż; jew li, jekk ma jkollhiex nazzjonalità u tkun tinsab barra mill-pajjiż fejn qabel kellha r-residenza abitwali tagħha, minħabba f’dawn l-avvenimenti, ma tistax jew, minħabba din il-biża’, ma tkunx trid tirritorna fih.

Fil-każ ta’ persuna li għandha iktar minn nazzjonalità waħda, l-espressjoni ‘pajjiż tan-nazzjonalità tagħha’ tkopri kull wieħed minn dawn il-pajjiżi li tagħhom din il-persuna għandha n-nazzjonalità. Kull persuna li, mingħajr raġuni valida bbażata fuq tħassib iġġustifikat, ma tkunx talbet il-protezzjoni ta’ wieħed mill-pajjiżi tan-nazzjonalità tagħha, ma titqiesx li ġiet miċħuda mill-protezzjoni tal-pajjiż tan-nazzjonalità tagħha.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7

L-Artikolu 1(C) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi:

“Fil-każijiet elenkati, din il-konvenzjoni ma tibqax tapplika fir-rigward ta’ kull persuna li taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija fis-Sezzjoni A msemmija iktar ’il fuq:

1)   Jekk hija b’mod volontarju tkun talbet mill-ġdid il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha; jew

2)   Jekk, wara li tkun tilfet in-nazzjonalità tagħha, hija tkun kisbitha mill-ġdid b’mod volontarju; jew

3)   Jekk hija tkun kisbet nazzjonalità ġdida u tgawdi mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità ġdida tagħha; jew

4)   Jekk hija tkun irritornat b’mod volontarju fil-pajjiż li minnu tkun telqet jew fejn tkun baqgħet tgħix barra minnu minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni; jew

5)   Jekk, peress li ċ-ċirkustanzi li fihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija ma tkunx tista’ tkompli tirrifjuta li titlob il-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità tagħha;

[…]

6)   Fir-rigward ta’ persuna li ma jkollhiex nazzjonalità, jekk, peress li ċ-ċirkustanzi li fihom hija tkun ġiet irrikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, hija tkun tista’ tirritorna fil-pajjiż fejn kellha r-residenza abitwali tagħha;

[…] [traduzzjoni mhux uffiċjali]”

8

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 1(D) ta’ din il-konvenzjoni jiddikjara:

“Din il-konvenzjoni ma għandhiex tapplika għal persuni li attwalment igawdu minn protezzjoni jew assistenza minn organu jew istituzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti minbarra l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Protezzjoni u l-Assistenza tar-Refuġjati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

9

L-Artikolu 1(E) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Din il-konvenzjoni ma hijiex applikabbli għal persuna meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż fejn għandha r-residenza abitwali tagħha bħala li għandha d-drittijiet u l-obbligi marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ dan il-pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10

L-Artikolu 1(F) tal-istess konvenzjoni huwa fformulat kif ġej:

“Id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni ma humiex applikabbli għall-persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġuni serja li jiġi ssuspettat li:

a)

ikunu wettqu reat kontra l-paċi, reat tal-gwerra, jew reat kontra l-umanità, kif iddefiniti fl-istrumenti internazzjonali mfassla sabiex jipprovdu dispożizzjonijiet relatati ma’ dawn ir-reati;

b)

ikunu wettqu reat serju mhux politiku barra l-pajjiż ospitanti qabel ma ġew aċċettati bħala refuġjati;

c)

saru ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11

Skont l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni ta’ Genève:

“L-Istati kontraenti għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni għar-refuġjati mingħajr diskriminazzjoni abbażi tar-razza, tar-reliġjon jew tal-pajjiż ta’ oriġini.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12

L-Artikolu 4 ta’ din il-konvenzjoni jipprovdi:

“L-Istati kontraenti għandhom jipprovdu lir-refuġjati fit-territorju tagħhom trattament daqstant favorevoli għal dak mogħti liċ-ċittadini f’dak li jirrigwarda l-libertà li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom u f’dak li jirrigwarda l-libertà ta’ tagħlim reliġjuż ta’ uliedhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13

L-Artikolu 16(1) tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“Kull refuġjat għandu jkollu, fit-territorju tal-Istati kontraenti, aċċess liberu u faċli quddiem il-qrati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14

L-Artikolu 22(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jistipula:

“L-Istati kontraenti għandhom jagħtu lir-refuġjati l-istess trattament bħal dak mogħti liċ-ċittadini nazzjonali f’dak li jirrigwarda t-tagħlim primarju.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

15

Skont l-Artikolu 31 ta’ din il-konvenzjoni:

“1.   L-Istati kontraenti ma għandhomx japplikaw sanzjonijiet kriminali, minħabba dħul jew residenza irregolari, fil-konfront ta’ refuġjati li, direttament provenjenti mit-territorju fejn ħajjithom jew il-libertà tagħhom kienet mhedda fis-sens previst mill-Artikolu 1, jidħlu jew ikunu jinsabu fit-territorju ta’ dawn l-istati mingħajr awtorizzazzjoni, kemm‑il darba dawn jippreżentaw ruħhom mingħajr dewmien quddiem l-awtoritajiet u jagħtu raġunijiet validi għad-dħul irregolari jew għall-preżenza irregolari tagħhom.

2.   L-Istati kontraenti għandhom japplikaw għall-movimenti ta’ dawn ir-refuġjati biss dawk ir-restrizzjonijiet li huma neċessarji; dawn ir-restrizzjonijiet għandhom jiġu applikati biss sakemm l-istatus ta’ dawn ir-refuġjati fil-pajjiż ospitanti jiġi rregolarizzat jew sakemm dawn jiġu aċċettati f’pajjiż ieħor. Għall-finijiet ta’ din l-ammissjoni tal-aħħar, l-Istati kontraenti għandhom jagħtu lil dawn ir-refuġjati żmien raġonevoli u l-faċilitajiet kollha neċessarji.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16

L-Artikolu 32 tal-imsemmija konvenzjoni jipprevedi:

“1.   L-Istati kontraenti jistgħu biss ikeċċu refuġjat li jinsab legalment fuq it-territorju tagħhom għal raġunijiet ta’ sigurtà nazzjonali jew ta’ ordni pubbliku.

2.   It-tkeċċija ta’ dan ir-refuġjat għandha ssir biss fuq eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni mogħtija konformement mal-proċedura prevista mil-liġi. Ir-refuġjat għandu jitħalla, ħlief fil-każ ta’ raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà nazzjonali, jipproduċi provi li jeżonerawh, jippreżenta rikors u jiġi rrappreżentat għal dan l-għan quddiem awtorità kompetenti jew quddiem persuna jew diversi persuni speċjalment maħtura mill-awtorità kompetenti.

3.   L-Istati kontraenti għandhom jagħtu lil tali refuġjat terminu raġonevoli sabiex ikun jista’ jipprova jidħol b’mod regolari f’pajjiż ieħor. L-Istati kontraenti jistgħu japplikaw, matul dan it-terminu, tali miżura ta’ natura interna li jidhrilhom li hija xierqa.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17

L-Artikolu 33 tal-istess konvenzjoni jipprovdi:

“1.   Ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jissuġġetta għal refoulment, bi kwalunkwe mod, lil refuġjat fuq il-fruntieri tat-territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, l-appartenenza tiegħu fi grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu.

2.   Madankollu din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata minn refuġjat li għal raġunijiet serji jitqies bħala perikolu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn huwa jkun preżenti jew li, minħabba li kien suġġett għal kundanna definittiva għal reat jew delitt partikolarment serju, jikkostitwixxi perikolu għall-komunità ta’ dak il-pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

18

Skont l-Artikolu 42(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève:

“Fil-mument tal-firma, tar-ratifika jew tal-adeżjoni, kull Stat jista’ jagħmel riżervi għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-konvenzjoni, minbarra fir-rigward tal-Artikoli 1, 3, 4, 16(1), 33, 36 sa 46 inklużi.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2011/95

19

Id-Direttiva 2011/95, adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE, ħassret id-Direttiva tal-Kunsill 2004/83/KE tad‑29 ta’ April 2004 dwar livelli stabbiliti minimi għall-kwalifika u l-istat ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala refuġjati jew bħala persuni li nkella jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 7, p. 96).

20

Il-premessi 3, 4, 10, 12, 16, 17, 21, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 huma fformulati kif ġej:

“(3)

Il-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tiegħu f’Tampere fil‑15 u s‑16 ta’ Ottubru 1999 ftiehem li jaħdem sabiex jistabbilixxi Sistema ta’ Ażil Komuni Ewropea, ibbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklussiva tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], kif supplimentata mill-[Protokoll] u li b’hekk tafferma l-prinċipju ta’ non-refoulement u tiżgura li ħadd ma’ jintbagħat lura għal persekuzzjoni.

(4)

Il-Konvenzjoni ta’ Ġinevra u l-Protokoll jipprovdu l-cornerstone tar-reġim legali internazzjonali għall-protezzjoni ta’ refuġjati.

[…]

(10)

Fid-dawl tar-riżultati tal-evalwazzjonijiet li ttieħdu, hu xieraq, f’dan l-istadju, li jiġu kkonfermati l-prinċipji bażi tad-Direttiva [2004/83] kif ukoll biex jinkiseb livell ogħla ta’ approssimazzjoni tar-regoli dwar rikonoxximent u kontenut tal-protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi ta’ standards ogħla.

[…]

(12)

L-għan ewlieni ta’ din id-Direttiva huwa, mill-banda waħda, li jiżgura li Stati Membri japplikaw kriterji komuni għall-identifikazzjoni ta’ persuni ġenwinament fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, u, mill-banda l-oħra biex jiżgura li livell minimu ta’ benefiċċju huwa disponibbli għal dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

[…]

(16)

Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-[Karta]. B’mod partikolari, din id-Direttiva tfittex li tiżgura rispett sħiħ għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt għall-ażil għal applikanti u għall-membri tal-familja li jakkompanjawhom u sabiex tippromwovi l-applikazzjoni tal-Artikoli 1, 7, 11, 14, 15, 16, 18, 21, 24, 34 u 35 ta’ dik il-Karta u għandha għalhekk tiġi implimentata kif meħtieġ.

(17)

Fir-rigward tat-trattament ta’ persuni li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, l-Istati Membri huma marbuta b’obbligi taħt strumenti tal-liġi internazzjonali li tagħhom jagħmlu parti u li jipprojbixxu d-diskriminazzjoni.

[…]

(21)

L-għarfien ta’ stat ta’ refuġjat huwa att dikjaratorju.

[…]

(23)

Livelli stabbiliti minimi għad-definizzjoni u l-kontenut ta’ stat ta’ refuġjat għandhom jiġu preskritti sabiex jiggwidaw il-korpi nazzjonali kompetenti ta’ l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

(24)

Hu meħtieġ li jiġu introdotti kriterji komuni sabiex jiġu rikonoxxuti applikanti għall-ażil bħala refuġjati skont it-tifsira tal-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.”

21

Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/95:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tippreskrivi standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal status uniformi għal refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija.”

22

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)

‘protezzjoni internazzjonali’ tfisser l-istatus ta’ refuġjat u ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

b)

‘benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali’ tfisser persuna li ngħatat status ta’ refuġjat jew ta’ protezzjoni sussidjarja kif definit f’punti (e) u (g);

[…]

d)

‘refuġjat’ ifisser ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz li, minħabba f’biża’ ġustifikat li jiġi persegwitat għar-raġunijiet ta’ razziżmu, reliġjon, nazzjonalità, opinjoni politika jew sħubija ta’ grupp soċjali partikolari, huwa barra mill-pajjiż ta’ nazzjonalità u ma jistax, jew minħabba dan il-biża’, ma jixtieqx japprofitta ruħu mill-protezzjoni ta’ dak il-pajjiż, jew persuna mingħajr stat, li, minħabba li qiegħda barra mill-pajjiż tar-residenza abitwali ta’ qabel għall-istess raġunijiet kif imsemmija hawn fuq, ma tistax jew, minħabba f’dan il-biża’, ma tixtieqx tirritorna lejha, u li l-Artikolu 12 ma japplikax għaliha;

e)

‘status ta’ refuġjat’ ifisser ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat;

[…]”

23

Il-Kapitolu II tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Eżami ta’ applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 4 sa 8 ta’ din id-direttiva. Dawn l-artikoli jistipulaw ir-regoli li jippreskrivu lill-Istati Membri l-mod kif għandhom jiġu evalwati tali applikazzjonijiet.

24

Il-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jinkludu l-Artikoli 9 sa 12 ta’ din id-direttiva. B’mod iktar partikolari fir-rigward tal-Artikoli 9 u 10 tal-imsemmija direttiva, dawn jiddikjaraw rispettivament il-kundizzjonijiet sabiex att jitqies bħala att ta’ persekuzzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u l-punti li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri meta jevalwaw ir-raġunijiet għall-persekuzzjoni.

25

L-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Terminazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tieqaf milli jkun refuġjat, jekk hija:

a)

approfittat ruħha mill-ġdid b’mod voluntarju mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità; jew

b)

billi tkun tilfet in-nazzjonalità tagħha, reġgħet akkwistatha mill-ġdid b’mod voluntarju; jew

c)

akkwistat nazzjonalità ġdida, u tgawdi l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità ġdida tagħha; jew

d)

stabbiliet lilha nnifisha mill-ġdid b’mod voluntarju fil-pajjiż li hija tkun telqet minnu jew barra mill-liema hija tkun baqgħet minħabba biża’ ta’ persekuzzjoni; jew

e)

ma tistax aktar, minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija tkun ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tkompli tirrifjuta milli tapprofitta ruħha mill-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità; jew

f)

billi hija persuna mingħajr stat, hija tista’, minħabba li ċ-ċirkostanzi li bihom hija ġiet rikonoxxuta bħala refuġjat ikunu waqfu milli jeżistu, tirritorna lejn il-pajjiż ta’ residenza abitwali ta’ qabel.”

2.   […]

3.   Il-punti (e) u (f) tal-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw għal refuġjat li jistà jinvoka raġunijiet b’saħħithom li joħorġu minn persekuzzjoni preċedenti talli rrifjuta li juża l-protezzjoni tal-pajjiż ta’ nazzjonalità jew, minħabba li kien persuna mingħajr stat, tal-pajjiz tar-residenza abitwali ta’ qabel.”

26

L-Artikolu 12 ta’ din id-direttiva, intitolat “Esklużjoni”, jipprevedi:

“1.   Persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat, jekk:

a)

hija taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1 D tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra, li tirrigwarda l-protezzjoni jew l-għajnuna minn organi jew aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti apparti l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Meta din il-protezzjoni jew għajnuna tkun waqfet għal xi raġuni, mingħajr ma l-pożizzjoni ta’ dawn il-persuni tkun miftiehma definittivament bi qbil mar-riżoluzzjonijiet rilevanti adottati mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, dawk il-persuni għandhom ipso facto jkunu intitolati għall-benefiċċji ta’ din id-Direttiva;

b)

hija tkun rikonoxxuta mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż li fih hija tkun ħadet ir-residenza tagħha bħala li għandha d-drittijiet u l-obbligi li huma marbuta mal-pussess tan-nazzjonalità ta’ dak il-pajjiż, jew drittijiet u obbligi ekwivalenti.

2.   Persuna li tkun ċittadina nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat għandha tiġi eskluża milli tkun refuġjat meta jkun hemm raġunijiet serji biex jitqies li:

a)

hija kkommettiet delitt kontra l-paċi, delitt ta’ gwerra, jew delitt kontra l-umanità, kif definit fl-istrumenti internazzjonali mfassla biex jagħmlu provvediment rigward dawn id-delitti;

b)

hija kkommettiet delitt serju mhux politiku barra mill-pajjiż tar-refuġju qabel id-dħul tagħha bħala refuġjat; jiġifieri qabel il-mument tal-ħruġ ta’ permess ta’ residenza fuq il-bażi tal-għoti ta’ stat ta’ refuġjat; partikolarment azzjonijiet krudili, anke jekk kommessi b’għan allegatament politiku, jistgħu jiġu klassifikati bħala delitti serji mhux politiċi;

c)

hija tkun instabet ħatja ta’ atti kontra l-għanijiet u l-prinċipji tan-Nazzjonijiet Uniti kif stabbilit fil-Preambolu u l-Artikoli 1 u 2 tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.   Il-paragrafu 2 japplika għal persuni li jxewxu jew inkella jipparteċipaw fit-twettiq tad-delitti jew atti msemmija fih.”

27

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, intitolat “L-għoti ta’ status ta’ refuġjat”, li jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, intitolat “Status ta’ Refuġjat”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jagħtu status ta’ refuġjat lil ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat, li tikkwalifika bħala refuġjat bi qbil mal-Kapitoli II u III.”

28

L-Artikolu 14 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Revoka ta’, tmiem ta’ jew ċaħda għat-tiġdid ta’ status ta’ refuġjat”, li wkoll jinsab fil-Kapitolu IV tagħha, jipprovdi:

“1.   Rigward applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali depożitati wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva [2004/83], l-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat mogħti minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju jekk hija tkun waqfet milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 11.

[…]

3.   L-Istati Membri għandhom jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus ta’ refuġjat ta’ persuna li tkun ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat jekk, wara li hija tkun ingħatat status ta’ refuġjat, jiġi stabbilit mill-Istat Membru interessat li:

a)

hija kellha tkun jew hija eskluża milli tkun refuġjat bi qbil mal-Artikolu 12;

b)

il-preżentazzjoni qarrieqa ta’ fatti jew l-ommissjoni tagħhom, inkluż l-użu ta’ dokumenti foloz, kienu deċiżivi għall-għoti tal-istat ta’ refuġjat.

4.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu l-istatus mogħti lil refuġjat minn korp governattiv, amministrattiv, ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, meta:

a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti;

b)

hija, wara li tkun instabet ħatja minn sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikkostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

5.   F’sitwazzjonijiet deskritti fil-paragrafu 4, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtux status lil refuġjat, fejn din id-deċiżjoni ma tkunx għadha ttieħdet.

6.   Persuni li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 jew 5 huma intitolati għal drittijiet dikjarati jew simili għal dawk dikjarati fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra safejn huma preżenti fl-Istat Membru.”

29

Il-Kapitolu VII tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kontenut ta’ Protezzjoni Internazzjonali”, jinkludi l-Artikoli 20 sa 35 tagħha. L-Artikolu 20(1) u (2) ta’ din id-direttiva jiddikjara:

“1.   Dan il-Kapitolu għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-drittijiet preskritti fil-Konvenzjoni ta’ Ġinevra.

2.   Dan il-Kapitolu għandu japplika kemm għal refuġjati kif ukoll għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja minbarra jekk ikun indikat mod ieħor.”

30

L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jirrispettaw il-prinċipju ta’ non‑refoulement bi qbil mal-obbligi internazzjonali tagħhom.

2.   Fejn mhux projbit mill-obbligi internazzjonali msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw (refoule) refuġjat, sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le, meta:

a)

ikun hemm bażi raġonevoli sabiex il-persuna titqies bħala periklu għas-sigurtà tal-Istat Membru li fih hija tkun preżenti; jew

b)

il-persuna, wara li tkun instabet ħatja b’sentenza finali ta’ delitt partikolarment serju, tikostitwixxi periklu għall-komunità ta’ dak l-Istat Membru.

3.   L-Istati Membri jistgħu jirrevokaw, itemmu jew jirrifjutaw li jġeddu jew li jagħtu l-permess ta’ residenza ta’ (jew lil) refuġjat li għalih japplika l-paragrafu 2.”

31

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 24(1) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi:

“Kemm jista’ jkun malajr wara li jkun ingħata protezzjoni internazzjonali, l-Istati Membri għandhom joħorġu lill-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat permess ta’ residenza li jrid ikun validu għal mill-inqas tliet snin u jiġġedded, sakemm raġunijiet obbligatorji ta’ sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku jeħtieġu mod ieħor, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(3).”

32

L-Artikolu 28 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw trattament ugwali bejn benefiċjarji ta’ protezzjonali internazzjonali u ċittadini nazzjonali fil-kuntest tal-proċeduri eżistenti ta’ rikonoxximent għal diplomi, ċertifikati u xhieda oħra ta’ kwalifiki formali minn barra l-pajjiż.

2.   L-Istati Membri għandhom jippruvaw jiffaċilitaw aċċess sħiħ għall-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali li ma jistgħux jipprovdu evidenza dokumentarja tal-kwalifiki tagħhom lil skemi xierqa għall-valutazzjoni, validazzjoni u akkreditament tat-tagħlim tagħhom preċedenti. Kull miżura bħal din għandha tikkonforma mal-Artikoli 2(2) u 3(3) tad-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑7 ta’ Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali [(ĠU 2005, L 255, p. 22)].”

33

L-Artikolu 34 tad-Direttiva 2011/95 huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex tiġi faċilitata l-integrazzjoni ta’ benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali fis-soċjetà, l-Istati Membri għandhom jiżguraw aċċess għal programmi ta’ integrazzjoni li jqisu li huma xierqa sabiex jiġu kkunsidrati l-bżonnijiet speċifiċi tal-benefiċjarji tal-istatus ta’ refuġjat jew tal-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja, jew joħolqu kundizzjonijiet minn qabel li jiggarantixxu aċċess għal dawn il-programmi.”

Id-dritt nazzjonali

Id-dritt Ċek

34

Iż-Zákon č. 325/1999 Sb., o azylu (il-Liġi Nru 325/1999 dwar l-Ażil), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Ażil”), tirregola l-għoti u r-revoka tal-protezzjoni internazzjonali.

35

Skont l-Artikolu 2(2) ta’ din il-liġi, refuġjat fis-sens ta’ din il-liġi (azylant) tfisser “barrani li jkun ingħata, bis-saħħa ta’ din il-liġi, id-dritt għall-ażil, u dan matul il-perijodu ta’ validità tad-deċiżjoni tal-għoti tad-dritt għall-ażil”. Skont l-ispjegazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, jekk id-dritt għall-ażil ta’ persuna jiġi rrevokat, din ma tibqax refuġjat (azylant) u ma tibqax tgawdi mid-drittijiet previsti mill-imsemmija liġi.

36

Bis-saħħa tal-Artikolu 17(1)(i) tal-Liġi dwar l-Ażil, id-dritt għall-ażil jiġi rrevokat “jekk ikunu jeżistu raġunijiet leġittimi sabiex jitqies li r-refuġjat jirrappreżenta riskju għas-sigurtà tal-Istat”. Barra minn hekk, l-Artikolu 17(1)(j) tal-imsemmija liġi jipprevedi li d-dritt għall-ażil għandu jiġi rrevokat “jekk ir-refuġjat ikun ingħata kundanna definittiva għal delitt partikolarment serju u jirrappreżenta għalhekk perikolu għas-sigurtà tal-Istat”.

37

Skont l-Artikolu 28(1) tal-Liġi dwar l-Ażil, id-dritt għall-ażil huwa “waħda mill-forom ta’ protezzjoni internazzjonali mogħtija fit-territorju tar-Repubblika Ċeka lil barrani”.

Id-dritt Belġjan

38

L-Artikolu 48/3(1) tal-loi du 15 décembre 1980 sur l’accès au territoire, le séjour, l’établissement et l’éloignement des étrangers (il-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980 dwar l-Aċċess għat-Territorju, l-Istabbiliment, ir-Residenza u t-Tneħħija tal-Barranin (Moniteur belge tal‑31 ta’ Diċembru 1980, p. 14584), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980”), jipprevedi:

“L-istatus ta’ refuġjat għandu jingħata lill-barrani li jissodisfa l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu1 tal-[Konvenzjoni ta’ Genève], emendata bil-[Protokoll].”

39

L-Artikolu 48/4(1) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“L-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja jingħata lill-barrani li ma jistax jitqies bħala refuġjat u li ma jkunx jista’ jibbenefika mill-Artikolu 9b, u li fir-rigward tiegħu jeżistu motivi serji li wieħed jemmen li, kieku kellu jintbagħat lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu jew, fil-każ ta’ persuna mingħajr Stat, fil-pajjiż li fih kellu r-residenza abitwali tiegħu, huwa kien jaffaċċja r-riskju reali li jġarrab il-perikli serji msemmija fil-paragrafu 2, u li ma jkunx jista’ jew, fid-dawl ta’ dan ir-riskju, ma jixtieqx jinvoka l-protezzjoni ta’ dan il-pajjiż u dan, sakemm ma jkunx suġġett għall-klawżoli ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 55/4.”

40

L-Artikolu 52/4 tal-imsemmija liġi jiddikjara:

“Jekk il-barrani li jkun ressaq applikazzjoni għal ażil konformement mal-Artikoli 50, 50a, 50b jew 51, jikkostitwixxi, minħabba li jkun ġie kkundannat b’mod definittiv għal reat partikolarment serju, perikolu għas-soċjetà, jew meta jkunu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex huwa jitqies bħala perikolu għas-sigurtà nazzjonali, il-Ministru jew id-delegat tiegħu għandhom jibagħtu mingħajr dewmien il-punti kollha f’dan is-sens lill-Kummissarju Ġenerali.

Il-[Kummissarju Ġenerali] jista’ jirrifjuta li jirrikonoxxi l-istatus ta’ refuġjat jekk il-barrani jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà, minħabba li jkun ġie kkundannat b’mod definittiv għal reat partikolarment serju, jew meta jkunu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex huwa jitqies bħala perikolu għas-sigurtà nazzjonali. F’dan il-każ il-[Kummissarju Ġenerali] joħroġ opinjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ ordni ta’ tneħħija mal-Artikoli 48/3 u 48/4.

Il-Ministru jista’ jordna lill-persuna kkonċernata sabiex tirrisjedi f’post iddeterminat sakemm l-applikazzjoni tagħha tiġi eżaminata, jekk iqis li dan huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali.

F’ċirkustanzi eċċezzjonalment serji, il-Ministru jista’ jqiegħed lill-persuna kkonċernata b’mod provviżorju għad-dispożizzjoni tal-Gvern, jekk iqis li dan huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-ordni pubbliku jew tas-sigurtà nazzjonali.”

41

Skont l-Artikolu 55/3/1 tal-istess liġi:

“§ 1.   Il-[Kummissarju Ġenerali] jista’ jirtira l-istatus ta’ refuġjat meta l-barrani jikkostitwixxi, minħabba li jkun ġie kkundannat b’mod definittiv għal reat partikolarment serju, perikolu għas-soċjetà jew meta jkunu jeżistu raġunijiet raġonevoli sabiex huwa jitqies li huwa ta’ perikolu għas-sigurtà nazzjonali.

[…]

§ 3.   Meta jirtira l-istatus ta’ refuġjat skont il-paragrafu 1 jew il-paragrafu 2(1), il-Kummissarju Ġenerali għandu jagħti, fil-kuntest tad-deċiżjoni tiegħu, opinjoni fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ ordni ta’ tneħħija mal-Artikoli 48/3 u 48/4.”

42

Skont l-Artikolu 55/4(2) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980:

“Barrani huwa wkoll eskluż mill-istatus ta’ protezzjoni sussidjarja meta jirrappreżenta perikolu għas-soċjetà jew għas-sigurtà nazzjonali.”

Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

Il-Kawża C‑391/16

43

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ April 2006, il-ministère de l’Intérieur (il-Ministru għall-Intern) ta lil M, ta’ oriġini miċ-Chechnya (ir-Russja), id-dritt għall-ażil għar-raġuni li huwa kellu raġunijiet leġittimi li jibża’ li jiġi ppersegwitat minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali jew l-opinjonijiet politiċi tiegħu fl-Istat li fih huwa residenti.

44

Qabel ma gawda mid-dritt għall-ażil, M kien wettaq serqa li għaliha kien ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ tliet snin. Wara l-għoti tad-dritt għall-ażil, huwa barra minn hekk ġie kkundannat għal piena ta’ priġunerija ta’ disa’ snin talli wettaq serqa u estorsjoni f’kundizzjonijiet ta’ reċidività, liema piena kellha tiġi eżegwita f’ċentru ta’ detenzjoni ta’ sigurtà għolja. Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Ministru għall-Intern iddeċieda, fid‑29 ta’ April 2014, li jirrevoka d-dritt għall-ażil ta’ M u li ma jagħtihx il-protezzjoni sussidjarja, għar-raġuni li huwa kien ġie kkundannat b’mod definittiv għal reat partikolarment serju u li huwa kien ta’ perikolu għas-sigurtà tal-Istat.

45

M ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Městský soud v Praze (il-Qorti Muniċipali ta’ Praga, ir-Repubblika Ċeka). Peress li dan ir-rikors ġie miċħud, M ippreżenta appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

46

Din il-qorti tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-validità tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(4) u (6) tad-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta, tal-Artikolu 78(1) TFUE u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE minħabba nuqqas ta’ osservanza potenzjali tal-Konvenzjoni ta’ Genève minn dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95.

47

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tagħmel riferiment għal rapport tal-UNHCR, ippubblikat fid‑29 ta’ Lulju 2010 u intitolat “Kummenti tal-UNHCR dwar il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija [COM(2009) 551 tal‑21 ta’ Ottubru 2009)]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], li fih il-UNHCR reġa’ tenna d-dubji li kien diġà esprima qabel f’dak li jirrigwarda l-konformità tal-Artikolu 14(4) u (6) tad-Direttiva 2004/83 mal-Konvenzjoni ta’ Genève.

48

Minn dan ir-rapport jirriżulta li l-Artikolu 14(4) tal-imsemmija proposta għal direttiva, li huwa l-bażi tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95, jestendi r-raġunijiet ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat lil hinn mill-klawżoli ta’ esklużjoni u ta’ terminazzjoni previsti fl-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève, minkejja li dawn il-klawżoli huma eżawrjenti u li l-Artikolu 42(1) ta’ din il-konvenzjoni jipprojbixxi lill-Istati kontraenti milli jagħmlu riżervi fir-rigward tal-Artikolu 1 tagħha. Mill-imsemmi rapport jirriżulta wkoll li, minkejja li l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jippermetti r-refoulement ta’ persuna lejn il-pajjiżi ta’ oriġini tagħha jew lejn pajjiż ieħor, din id-dispożizzjoni madankollu ma għandha ebda effett fuq l-istatus ta’ refuġjat ta’ din il-persuna fil-pajjiż tar-residenza tagħha. Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-dubji espressi mill-UNHCR huma kondiviżi, b’mod partikolari, mill-European Council on Refugees and Exiles, mill-International Association of Refugee and Migration Judges, kif ukoll mill-Ombudsman tar-Repubblika Ċeka.

49

Il-qorti tar-rinviju żżid madankollu li, għal uħud mill-kummentarji, id-Direttiva 2011/95 hija konformi mal-Konvenzjoni ta’ Genève. Hija tirrileva, f’dan ir-rigward, li, skont l-espożizzjoni tal-motivi tal-Proposta għal Direttiva msemmija fil-punt 47 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva 2011/95 għandha l-għan, b’mod partikolari, li tiggarantixxi applikazzjoni sħiħa u globali ta’ din il-konvenzjoni. Din id-direttiva hija iktar iddettaljata u twettaq, fl-Artikolu 2(d) u (e) tagħha, distinzjoni bejn il-kunċett ta’ “refuġjat” u dak ta’ “status ta’ refuġjat”. L-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, iwassal għal protezzjoni ogħla minn dik prevista mill-Konvenzjoni ta’ Genève. B’dan il-mod, persuna li l-istatus ta’ refuġjat tagħha huwa rrevokat skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2011/95 ma tkunx tista’ tgawdi iktar mid-drittijiet u mill-vantaġġi li jirriżultaw minn din id-direttiva, bl-eċċezzjoni ta’ ċerti drittijiet minimi stipulati minn din il-konvenzjoni. Din id-dispożizzjoni donnha hija bbażata fuq l-ipoteżi li dawn il-persuni ma jistgħux ikunu suġġetti għal refoulement lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, minkejja li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 33(2) tal-imsemmija konvenzjoni. Dawn il-persuni jiġu għaldaqstant ittollerati fl-Istat Membru ospitanti u jkollhom status ta’ refuġjat “limitat”.

50

Minkejja li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fis-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punti 7194 sa 98), dwar ir-relazzjoni bejn l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u d-Direttiva 2011/95, hija għadha ma eżaminatx il-kwistjoni dwar il-kompatibbiltà tal-Artikolu 14(4) u (6) ta’ din id-direttiva mal-Artikolu 1(C) u l-Artikolu 42(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève u lanqas, għaldaqstant, mal-Artikolu78(1) TFUE, l-Artikolu 18 tal-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 6(3) TUE.

51

Fir-rigward tal-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95, li jiggarantixxi lill-persuni li jaqgħu taħt l-Artikolu 14(4) ta’ din id-direttiva l-benefiċċju ta’ ċerti drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, skont l-Ombudsman tar-Repubblika Ċeka, il-Liġi dwar l-Ażil ma tittrasponix dan l-Artikolu 14(6). Għaldaqstant, skont din l-Ombudsman, ir-revoka tad-dritt għall-ażil skont l-Artikolu 17(1)(i) u (j) tal-Liġi dwar l-Ażil tikser id-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li analiżi ddettaljata tal-ordinament ġuridiku Ċek ma tippermettix li jiġi eskluż il-fatt li, f’ċerti każijiet individwali, ebda wieħed mid-drittijiet li jirriżultaw mill-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma huwa ggarantit għall-persuni kkonċernati. Madankollu, fil-kawża prinċipali, ir-rikorrent għandu l-possibbiltà li jinvoka dawn id-drittijiet fir-Repubblika Ċeka.

52

F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Nejvyšší správní soud (il-Qorti Amministrattiva Suprema, ir-Repubblika Ċeka) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 14(4) u (6) tad-Direttiva [2011/95] huwa invalidu minħabba li jikser l-Artikolu 18 tal-[Karta], l-Artikolu 78(1) [TFUE] u l-prinċipji ġenerali tal-UE fis-sens tal-Artikolu 6(3) [TUE]?”

Il-Kawża C‑77/17

53

Fl‑10 ta’ Marzu 2010, it-tribunal de première instance de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell, il-Belġju) ikkundannat lil X, ċittadin Ivorjan, għal piena ta’ priġunerija ta’ tletin xahar, parzjalment sospiża, għal daqqiet u korrimenti volontarji, pussess ta’ arma bil-ponta mingħajr raġuni leġittima u pussess ta’ arma pprojbita. Barra minn hekk, fis‑6 ta’ Diċembru 2011, il-persuna kkonċernata ġiet ikkundannata mill-cour d’appel de Bruxelles (il-Qorti tal-Appell ta’ Brussell, il-Belġju) għal piena ta’ erba’ snin ta’ priġunerija għal stupru fuq minuri ta’ iktar minn 14‑il sena u ta’ inqas minn 16‑il sena.

54

Fit‑3 ta’ Novembru 2015, X ressaq applikazzjoni għal ażil filwaqt li insostenn tagħha huwa invoka biża’ ta’ persekuzzjonijiet marbuta mal-fatt li missieru u l-membri tal-familja tiegħu kellhom rabtiet mill-qrib mar-reġim Ivorjan preċedenti u mal-President preċedenti Laurent Gbagbo.

55

Permezz ta’ deċiżjoni tad‑19 ta’ Awwissu 2016, il-Kummissarju Ġenerali rrifjuta, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 52/4 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li jagħti lil X l-istatus ta’ refuġjat, minħabba reati mwettqa minnu fil-Belġju. Il-Kummissarju Ġenerali qies, b’mod partikolari, li, fid-dawl tan-natura partikolarment serja ta’ dawn ir-reati u tal-karattru rrepetut tagħhom, X kien jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għall-istess raġunijiet, huwa qies li kien hemm lok li X jiġi eskluż mill-protezzjoni sussidjarja, skont l-Artikolu 55/4(2) ta’ din il-liġi. Madankollu, skont l-Artikolu 52/4 tal-imsemmija liġi, il-Kummissarju Ġenerali ta l-opinjoni li, fid-dawl tal-biża’ fondata ta’ persekuzzjonijiet, X ma setax ikun suġġett għal refoulement b’mod dirett jew indirett lejn il-Côte d’Ivoire, peress li tali ordni ta’ tneħħija hija inkompatibbli mal-Artikoli 48/3 u 48/4 ta’ din l-istess liġi.

56

X ippreżenta rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

57

Din il-qorti tirrileva li t-tieni paragrafu tal-Artikolu 52/4 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kontenzjuża, jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95.

58

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-validità ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE. Dawn id-dispożizzjonijiet jobbligaw lill-Unjoni tosserva l-Konvenzjoni ta’ Genève, b’mod li d-dritt idderivat tal-Unjoni għandu jkun konformi ma’ din il-konvenzjoni. Din tiddefinixxi b’mod ċar ħafna, fl-Artikolu 1(A) tagħha, il-persuni li jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “refuġjat” u la l-Artikolu 1(F) tagħha u ebda dispożizzjoni oħra tagħha ma jippermettu li jiġi rrifjutat, b’mod ġenerali u definittiv, l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat lil persuna għas-sempliċi raġuni li hija ta’ perikolu għas-sigurtà nazzjonali jew li tikkostitwixxi theddida serja għas-soċjetà tal-Istat ospitanti. Issa, l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi l-possibbiltà li jiġi rrifjutat l-għoti ta’ dan l-istatus għal waħda minn dawn ir-raġunijiet, li jikkorrispondu għas-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 32 u 33 tal-imsemmija konvenzjoni, minkejja li dawn l-artikoli tal-aħħar jirregolaw it-tkeċċija tar-refuġjati u mhux il-kundizzjonijiet għall-għoti tal-imsemmi status.

59

B’dan il-mod, tqum il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva 2011/95 jistabbilixxix klawżola ġdida ta’ esklużjoni tal-istatus ta’ refuġjat, mhux prevista mill-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-provvista ta’ klawżola ġdida ta’ esklużjoni tkun tikkostitwixxi emenda sostanzjali ta’ din il-konvenzjoni li jkun kuntrarju għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali. Li kieku l-Konvenzjoni ta’ Genève kellha l-intenzjoni li teskludi l-protezzjoni tar-refuġjati jew tirrifjutaha għal raġunijiet marbuta mas-sigurtà nazzjonali, mal-ordni pubbliku jew mal-perikolu għas-soċjetà tal-Istat ospitanti, hija kienet tipprevedi dan espliċitament, bħalma għamlet fir-rigward, inter alia, tar-reati serji ta’ dritt komuni mwettqa barra mill-Istat ospitanti.

60

Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll konsegwenzi potenzjalment serji ta’ din il-klawżola ta’ esklużjoni, inkwantu din timplika t-telf tad-drittijiet u tal-vantaġġi marbuta mal-istatus ta’ refuġjat. B’dan il-mod, fis-sentenza tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T. (C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 95), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet fakkret b’mod ċar li r-revoka ta’ permess ta’ residenza u dak tal-istatus ta’ refuġjat huma żewġ kwistjonijiet separati li għandhom konsegwenzi differenti. Barra minn hekk, il-UNHCR, f’opinjoni intitolata “Kummenti annotati tal-UNHCR dwar id-[Direttiva 2004/83]” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u ppubblikati fix-xahar ta’ Jannar 2005 (iktar ’il quddiem il-“Kummenti annotati fuq id-Direttiva 2004/83”), kien partikolarment kritiku fil-konfront ta’ dispożizzjonijiet identiċi fid-Direttiva 2004/83.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin, il-Belġju) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 14(5) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li joħloq klawżola ġdida ta’ esklużjoni għall-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 13 tal-istess direttiva u, konsegwentement, fl-Artikolu [1(A)] tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv [għall-ewwel domanda], l-Artikolu 14(5) hekk interpretat huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-klawżola ta’ esklużjoni tagħha, prevista fl-Artikolu [1(F)], hija fformulata b’mod eżawrjenti u hija ta’ interpretazzjoni stretta?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv [għall-ewwel domanda], l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi raġuni għar-rifjut tal-istatus ta’ refuġjat li ma hijiex prevista fil-Konvenzjoni ta’ Genève, li r-rispett tagħha huwa impost mill-Artikoli 18 tal-[Karta] u 78(1) [TFUE]?

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv [għat-tielet domanda], l-Artikolu 14(5) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève, ġaladarba jistabbilixxi raġuni għar-rifjut tal-istatus ta’ refuġjat mingħajr ebda eżami tal-biża’ minn persekuzzjoni hekk kif rikjest mill-Artikolu [1(A)] tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

5)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv [għall-ewwel u għat-tielet domanda], kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 14(5) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq b’mod konformi mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève?”

Il-Kawża C‑78/17

62

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Frar 2007, il-Kummissarju Ġenerali rrikonoxxa lil X, ċittadin tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-kwalità ta’ refuġjat.

63

Fl‑20 ta’ Diċembru 2010, X ġie kkundannat mill-Cour d’assises de Bruxelles (il-Qorti tal-Assiżi ta’ Brussell, il-Belġju) għal piena ta’ priġunerija ta’ 25 sena għal omiċidju u serq aggravat. Permezz ta’ deċiżjoni tal‑4 ta’ Mejju 2016, il-Kummissarju Ġenerali neħħielu l-istatus ta’ refuġjat, skont l-Artikolu 55/3/1(1) tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, għar-raġuni, b’mod partikolari, li, fid-dawl tan-natura partikolarment serja tar-reati mwettqa, X kien jikkostitwixxi perikolu għas-soċjetà, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 55/3/1(3) ta’ din il-liġi, il-Kummissarju Ġenerali ħareġ l-opinjoni li t-tneħħija ta’ X tkun kompatibbli mal-Artikoli 48/3 u 48/4 tal-imsemmija liġi, sa fejn il-biżgħat li X kien espona matul is-sena 2007 ma kinux għadhom rilevanti.

64

X ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni tal-Kummissarju Ġenerali quddiem il-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti tirrileva li l-Artikolu 55/3/1 tal-Liġi tal‑15 ta’ Diċembru 1980, li fuqu l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata, jittrasponi fid-dritt Belġjan l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95. Bħal fil-Kawża C‑77/17 u għall-istess raġunijiet bħal dawk proposti f’din il-kawża tal-aħħar, il-qorti tar-rinviju tqis li jeżistu diversi raġunijiet li wieħed jistaqsi dwar il-validità tal-Artikolu 14(4) tad-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-Artikolu 18 tal-Karta u tal-Artikolu 78(1) TFUE.

65

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Conseil du Contentieux des Étrangers (il-Kunsill għall-Kwistjonijiet dwar Barranin) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 14(4) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li joħloq klawżola ġdida ta’ esklużjoni għall-istatus ta’ refuġjat previst fl-Artikolu 13 tal-istess direttiva u, konsegwentement, fl-Artikolu [1(A)] tal-Konvenzjoni ta’ Genève?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv [għall-ewwel domanda], l-Artikolu 14(4) hekk interpretat huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève, li l-klawżola ta’ esklużjoni tagħha, prevista fl-Artikolu [1(F)], hija fformulata b’mod eżawrjenti u hija ta’ interpretazzjoni stretta?

3)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv [għall-ewwel domanda], l-Artikolu 14(4) tad-Direttiva [2011/95] għandu jiġi interpretat fis-sens li jistabbilixxi raġuni għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat li ma hijiex prevista fil-Konvenzjoni ta’ Genève, li r-rispett tagħha huwa impost mill-[Artikolu] 18 tal-[Karta] u [mill-Artikolu] 78(1) [TFUE]

4)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv [għat-tielet domanda], l-Artikolu 14(4) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq huwa kompatibbli mal-Artikolu 18 tal-[Karta] u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève, ġaladarba jistabbilixxi raġuni għall-irtirar tal-istatus ta’ refuġjat li, mhux biss ma hijiex prevista mill-Konvenzjoni ta’ Genève, iżda barra minn hekk ma ssib ebda bażi fiha?

5)

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv [għall-ewwel u għat-tielet domanda], kif għandu jiġi interpretat l-Artikolu 14(4) tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq b’mod konformi mal-Artikolu 18 tal-Karta u mal-Artikolu 78(1) [TFUE], li jipprevedu, b’mod partikolari, il-konformità tad-dritt Ewropew idderivat mal-Konvenzjoni ta’ Genève?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

66

Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Marzu 2017, il-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali, kif ukoll tas-sentenza. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Jannar 2018, dawn il-kawżi ġew magħquda mal-Kawża C‑391/16 għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

67

L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja esprimew opinjonijiet diverġenti fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tevalwa, fil-kuntest tat-talbiet għal deċiżjoni preliminari odjerni, il-validità tad-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-Artikolu 78(1) TFUE u tal-Artikolu 18 tal-Karta, peress li dawn jagħmlu riferiment għall-Konvenzjoni ta’ Genève.

68

F’dan ir-rigward, il-Gvern Ġermaniż iqis li tali domanda titlob risposta fin-negattiv f’dak li jirrigwarda t-talbiet għal deċiżjoni preliminari fil-Kawżi C‑77/17 u C‑78/17, sa fejn l-imsemmija talbiet huma intiżi, essenzjalment, li jiksbu interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Genève, minkejja li, bħalma jirriżulta mill-ġurisprudeza li toħroġ mis-sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Qurbani (C‑481/13, EU:C:2014:2101, punti 20, 2128), il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta din il-konvenzjoni hija limitata.

69

Min-naħa tagħhom, il-Kunsill u l-Kummissjoni josservaw li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà tat deċiżjoni dwar in-neċessità li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2011/95 b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Fir-rigward tal-Parlament, huwa jqis li, peress li din id-direttiva hija att leġiżlattiv awtonomu tal-Unjoni, li tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tiggarantixxi s-supremazija, l-unità u l-effettività, l-eżami tal-validità tal-imsemmija direttiva għandu jsir biss abbażi tat-Trattati UE u FUE kif ukoll tal-Karta. Id-Direttiva 2011/95 għandha tiġi interpretata, sa fejn possibbli, b’mod li ma jqigħedx inkwistjoni l-validità tagħha filwaqt li jiġu osservati, b’mod partikolari, il-prinċipji fundamentali tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

70

Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż u tal-Pajjiżi l-Baxxi jenfasizzaw li, minkejja li l-Unjoni ma hijiex parti għall-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Artikolu 78 TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta madankollu jobbligaw lill-Unjoni tosservaha. B’dan il-mod, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 ma’ din il-konvenzjoni.

71

F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 19(3)(b) TUE u mill-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ebda eċċezzjoni, peress li dawn l-atti għandhom ikunu totalment kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u mal-prinċipji kostituzzjonali li jirriżultaw minnhom kif ukoll mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2018, Western Sahara Campaign UK, C‑266/16, EU:C:2018:118, punti 44 sa 46).

72

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li d-Direttiva 2011/95 ġiet adottata abbażi tal-Artikolu 78(2)(a) u (b) TFUE. Skont l-Artikolu 78(1) TFUE, il-politika komuni dwar l-ażil, il-protezzjoni sussidjarja u l-protezzjoni temporanja, li hija intiża li “toffri status xieraq lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz li jeħtieġ protezzjoni internazzjonali u […] li tassigura l-ħarsien tal-prinċipju ta’ non-refoulement”, “trid tkun konformi mal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u mal-[Protokoll], kif ukoll ma’ trattati oħra rilevanti.”

73

Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tal-Karta jipprovdi li d-“dritt għall-asil għandu jkun garantit b’rispett għar-regoli tal-[Konvenzjoni ta’ Genève] u l-[Protokoll] u skond it-[Trattat UE] u t-[Trattat FUE]”.

74

Għaldaqstant, minkejja li l-Unjoni ma hijiex parti kontraenti għall-Konvenzjoni ta’ Genève, l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta madankollu jimponu fuqha l-osservanza tar-regoli ta’ din il-konvenzjoni. Għaldaqstant id-Direttiva 2011/95 għandha, bis-saħħa ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, tosserva dawn ir-regoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad‑19 ta’ Ġunju 2018, Gnandi, C‑181/16, EU:C:2018:465, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75

Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-validità tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 fid-dawl tal-Artikolu 78(1) TFUE u tal-Artikolu 18 tal-Karta, u, fil-kuntest ta’ dan l-eżami, sabiex tivverifika jekk dawn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva jistgħux jiġu interpretati f’sens li jirrispetta l-livell ta’ protezzjoni ggarantit mir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

Fuq id-domandi preliminari

76

Id-domandi tal-qrati tar-rinviju dwar il-validità tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 jirrigwardaw, essenzjalment, il-kwistjoni dwar jekk l-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva għandux l-effett li jċaħħad liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat ikkonċernat, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali previsti fl-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva, mill-kwalità ta’ refuġjat u jekk jiksirx, minħabba dan il-fatt, l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Il-mistoqsijiet tagħhom jirrigwardaw b’mod iktar preċiż il-fatt li l-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 ma jikkorrispondux għar-raġunijiet għal esklużjoni u għal terminazzjoni li jinsabu fl-Artikolu 1(C) sa (F) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, minkejja li dawn ir-raġunijiet għal esklużjoni u għal terminazzjoni huma, fis-sistema ta’ din il-konvenzjoni, ta’ natura eżawrjenti.

77

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont prinċipju ġenerali ta’ interpretazzjoni, att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat, sa fejn huwa possibbli, b’mod li ma jqigħedx inkwistjoni l-validità tiegħu u b’mod konformi mad-dritt primarju kollu u, b’mod partikolari, mad-dispożizzjonijiet tal-Karta (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2016, N., C‑601/15 PPU, EU:C:2016:84, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’dan il-mod, meta l-kliem tad-dritt idderivat tal-Unjoni jista’ jkun suġġett għal iktar minn interpretazzjoni waħda, għandha tingħata preferenza lil dik li tirrendi d-dispożizzjoni konformi mad-dritt primarju milli lil dik li twassal għall-konstatazzjoni tan-nuqqas ta’ kompatibbiltà tagħha miegħu (sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 28 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

78

Għaldaqstant għandu jiġi vverifikat jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 jistgħux, konformement ma’ dak li jeżiġu l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta, jiġu interpretati b’mod li jiżgura li l-livell ta’ protezzjoni ggarantit mir-regoli tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma jkunx miksur.

Fuq is-sistema stabbilita bid-Direttiva 2011/95

79

Bħalma jirriżulta mill-premessa 12 tad-Direttiva 2011/95, id-dispożizzjonijiet tagħha huma intiżi li jiżguraw l-applikazzjoni ta’ kriterji komuni għall-identifikazzjoni tal-persuni li għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali kif ukoll ta’ livell minimu ta’ vantaġġi lil dawn il-persuni fl-Istati Membri kollha.

80

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, bħalma tikkonferma l-premessa 3 tad-Direttiva 2011/95, li s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil li minnha din id-direttiva tagħmel parti hija bbażata fuq l-applikazzjoni sħiħa u inklużiva tal-Konvenzjoni ta’ Genève u fuq il-Protokoll, u fuq il-garanzija li ħadd ma għandu jintbagħat f’post fejn ikun espost għar-riskju li jerga’ jiġi ssuġġettat għal persekuzzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 75, kif ukoll tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 30).

81

Barra minn hekk, mill-premessi 4, 23 u 24 tad-Direttiva 2011/95 jirriżulta li l-Konvenzjoni ta’ Genève tikkostitwixxi l-bażi tas-sistema ġuridika internazzjonali ta’ protezzjoni tar-refuġjati u li d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta’ għoti tal-istatus ta’ refuġjat kif ukoll dwar il-kontenut ta’ din tal-aħħar ġew adottati sabiex jgħinu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri japplikaw din il-konvenzjoni billi jibbażaw ruħhom fuq kunċetti u kriterji komuni sabiex applikanti għal ażil jingħataw l-istatus ta’ refuġjat fis-sens tal-Artikolu 1 tal-imsemmija konvenzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2017, Lounani, C‑573/14, EU:C:2017:71, punt 41, u tat‑13 ta’ Settembru 2018, Ahmed, C‑369/17, EU:C:2018:713, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

82

Barra minn hekk, il-premessa 16 tad-Direttiva 2011/95 tippreċiża li din hija intiża li tiggarantixxi l-osservanza sħiħa tad-dinjità umana u d-dritt għall-ażil tal-applikanti għal ażil u tal-membri tal-familja tagħhom li jakkompanjawhom, u dan id-dritt tal-aħħar huwa, bis-saħħa tal-Artikolu 18 tal-Karta, iggarantit b’osservanza tal-Konvenzjoni ta’ Genève u tal-Protokoll.

83

B’dan il-mod, minkejja li d-Direttiva 2011/95 tistabbilixxi sistema regolatorja li tinkludi kunċetti u kriterji komuni għall-Istati Membri u, għaldaqstant, speċifiċi għall-Unjoni, madankollu din hija bbażata fuq il-Konvenzjoni ta’ Genève u, b’mod partikolari, għandha l-għan li l-Artikolu 1 ta’ din il-konvenzjoni jiġi osservat bis-sħiħ.

84

Fid-dawl ta’ dawn il-preċiżazzjonijiet, għandu jiġi rrilevat li, fir-rigward tal-kelma “refuġjat”, l-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jirrepeti, essenzjalment, id-definizzjoni li tinsab fl-Artikolu 1(A)(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. F’dan ir-rigward, id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95, intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, jinkludu preċiżazzjonijiet dwar il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa sabiex ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat tkun tista’ titqies bħala refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva.

85

L-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95 jiddefinixxi, min-naħa tiegħu, l-“[i]status ta’ refuġjat” bħala “ir-rikonoxximent minn Stat Membru ta’ ċittadin nazzjonali ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr stat bħala refuġjat”. Dan ir-rikonoxximent, bħalma jirriżulta mill-premessa 21 ta’ din id-direttiva, huwa ta’ natura dikjaratorja u ma jikkostitwixxix il-kwalità ta’ refuġjat.

86

B’dan il-mod, fis-sistema implimentata mid-Direttiva 2011/95, ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat li jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali li jinsabu fil-Kapitolu III ta’ din id-direttiva jkollu, minħabba dan il-fatt biss, il-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tal-imsemmija direttiva u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

87

L-interpretazzjoni sistematika tad-Direttiva 2011/95, li tipprovdi li l-Kapitolu III tagħha jirrigwarda biss il-kwalità ta’ refuġjat, ma tistax tiġi mqiegħda inkwistjoni bl-użu tal-kliem “status ta’ refuġjat” fl-Artikolu 12(1) u (2) ta’ din id-direttiva li tinsab fl-imsemmi Kapitolu III, b’mod partikolari fil-verżjoni Franċiża tagħha. Fil-fatt, verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-dispożizzjoni, bħall-verżjonijiet Spanjoli, Ġermaniżi, Ingliżi, Portugiżi u Svediżi, f’dan l-Artikolu 12(1) u (2) jużaw il-kelma “refuġjat” minflok il-kliem “status ta’ refuġjat”.

88

Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ test tad-dritt tal-Unjoni, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-iskop tal-leġiżlazzjoni li tagħha tikkostitwixxi element (sentenzi tal‑1 ta’ Marzu 2016, Alo u Osso, C‑443/14 u C‑444/14, EU:C:2016:127, punt 27, kif ukoll tal‑24 ta’ Jannar 2019, Balandin et, C‑477/17, EU:C:2019:60, punt 31). F’dan ir-rigward, minkejja li l-Kapitolu III tad-Direttiva 2011/95 huwa intitolat “Kwalifika biex wieħed ikun refuġjat”, il-Kapitolu IV ta’ din id-direttiva huwa intitolat “Status ta’ refuġjat” u jinkludi l-Artikolu 13 li jirregola l-għoti ta’ dan l-istatus kif ukoll l-Artikolu 14 li jirregola r-revoka u t-tmiem ta’ dan l-istatus kif ukoll ir-rifjut li jiġi mġedded.

89

Fir-rigward tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2011/95, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħtu l-istatus ta’ refuġjat lil kull ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna mingħajr Stat, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali sabiex jitqiesu bħala refuġjat konformement mal-Kapitoli II u III ta’ din id-direttiva, mingħajr ma jkollhom setgħa diskrezzjonali f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 63, kif ukoll tat‑12 ta’ April 2018, A u S, C‑550/16, EU:C:2018:248, punti 5254).

90

Il-fatt li l-kwalità ta’ “refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève ma tiddependix mir-rikonoxximent formali ta’ din il-kwalità bl-għoti tal-“[i]status ta’ refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, huwa, mill-bqija, ikkorroborat mill-kliem tal-Artikolu 21(2) tal-imsemmija direttiva, li jipprovdi li “refuġjat” jista’, b’osservanza tal-kundizzjoni stipulata f’din id-dispożizzjoni, jiġi ssuġġettat għal refoulement “sewwa jekk rikonoxxut formalment u sewwa jekk le”.

91

Ir-rikonoxximent formali tal-kwalità ta’ refuġjat, li jikkostitwixxi l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, għandu bħala konsegwenza li r-refuġjat ikkonċernat huwa, bis-saħħa tal-Artikolu 2(b) tad-Direttiva 2011/95, benefiċjarju ta’ protezzjoni internazzjonali, fis-sens ta’ din id-direttiva, b’mod li huwa għandu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 91 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-drittijiet u l-vantaġġi kollha previsti mill-Kapitolu VII tal-imsemmija direttiva, li jinkludu kemm drittijiet ekwivalenti għal dawk li jinsabu fil-Konvenzjoni ta’ Genève u, bħalma osservaw b’mod partikolari l-Parlament u l-Gvern tar-Renju Unit, drittijiet li jipprovdu iktar protezzjoni li għalihom ma hemmx ekwivalenti f’din il-konvenzjoni, bħalma huma dawk imsemmija fl-Artikolu 24(1) kif ukoll fl-Artikoli 28 u 34 tad-Direttiva 2011/95.

92

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kwalità ta’ “refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2011/95 u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, ma tiddependix mir-rikonoxximent formali ta’ din il-kwalità bl-għoti tal-“[i]status ta’ refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 13 ta’ din tal-aħħar.

Fuq l-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95

93

Fir-rigward tal-ipoteżijiet, imsemmija fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95, li fihom l-Istati Membri jistgħu jirrevokaw jew jirrifjutaw l-għoti tal-istatus ta’ refuġjat, dawn jikkorrispondu, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 56 tal-konklużjonijiet tiegħu, essenzjalment, ma’ dawk li fihom l-Istati Membri jistgħu jipproċedu għar-refoulement ta’ refuġjat bis-saħħa tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva u tal-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

94

Madankollu, jeħtieġ, fl-ewwel lok, li jiġi rrilevat li, filwaqt li l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jċaħħad, f’tali każijiet, lir-refuġjat mill-benefiċċju tal-prinċipju ta’ non-refoulement lejn pajjiż li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu tkun mhedda, l-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95 għandu, bħalma tikkonferma l-premessa 16 tagħha, jiġi interpretat u applikat b’rispett tad-drittijiet iggarantiti mill-Karta, b’mod partikolari fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tagħha, li jipprojbixxu b’mod assolut it-tortura kif ukoll il-pieni u t-trattamenti inumani jew degradanti, ikun xi jkun l-aġir tal-persuna kkonċernata, u dan japplika wkoll għat-tneħħija lejn Stat fejn jeżisti riskju serju li persuna tkun suġġetta għal tali trattament. Għaldaqstant, l-Istati Membri ma jistgħux ineħħu, ikeċċu jew jestradixxu lil barrani meta jeżistu raġunijiet serji u pprovati li wieħed jemmen li fil-pajjiż ta’ destinazzjoni ser iġarrab riskju reali li jsofri minn trattament ipprojbit mill-Artikolu 4 u mill-Artikolu 19(2) tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 86 sa 88, kif ukoll tal‑24 ta’ April 2018, MP (Protezzjoni sussidjarja ta’ vittma ta’ torturi fil-passat), C‑353/16, EU:C:2018:276, punt 41).

95

Għaldaqstant, meta r-refoulement ta’ refuġjat li jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(4) u (5), kif ukoll fl-Artikolu 21(2) tad-Direttiva 2011/95, ipoġġih fir-riskju li jiġu miksura d-drittijiet fundamentali tiegħu stabbiliti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta, l-Istat Membru kkonċernat ma jistax jidderoga mill-prinċipju ta’ non‑refoulement skont l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

96

F’dawn iċ-ċirkustanzi, sa fejn l-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi, fil-każijiet imsemmija fih, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrevokaw l-“[i]status ta’ refuġjat”, fis-sens tal-Artikolu 2(e) ta’ din id-direttiva, jew li jirrifjutaw li jagħtu dan l-istatus, minkejja li l-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni ta’ Genève jippermetti, min-naħa tiegħu, ir-refoulement ta’ refuġjat li jinsab f’wieħed minn dawn is-sitwazzjonijiet lejn pajjiż li fih ħajtu jew il-libertà tiegħu tkun mhedda, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi protezzjoni internazzjonali tar-refuġjati kkonċernati iktar wiesgħa minn dik żgurata mill-imsemmija konvenzjoni.

97

Fit-tieni lok, bħalma rrilevaw il-Kummissjoni, il-Kunsill, il-Parlament kif ukoll diversi Stati Membri li ssottomettew osservazzjonijiet bil-miktub lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, fil-kuntest tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, ir-revoka tal-istatus ta’ refuġjat jew ir-rifjut li dan jingħata għandu l-effett li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew il-persuna mingħajr Stat ikkonċernat li jissodisfa l-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tagħha, jitlef il-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(d) u tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

98

Fil-fatt, minbarra dak li ntqal fil-punt 92 ta’ din is-sentenza, iċ-ċirkustanza li l-persuna kkonċernata taqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 ma jfissirx barra minn hekk li din ma tibqax tissodisfa l-kundizzjonijiet materjali li minnhom tiddependi l-kwalità ta’ refuġjat, relatati mal-eżistenza ta’ biża’ fondata ta’ persekuzzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini tagħha.

99

Fil-każ fejn Stat Membru jiddeċiedi li jirrevoka l-istatus ta’ refuġjat jew li ma jagħtix dan l-istatus skont l-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95, iċ-ċittadini ta’ pajjiż terz jew il-persuni mingħajr Stat ikkonċernati jiġu, ċertament, imċaħħda mill-imsemmi status u għaldaqstant ma jkollhomx, jew ma jkollhomx iktar, id-drittijiet u l-vantaġġi kollha stipulati fil-Kapitolu VII ta’ din id-direttiva, peress li dawn huma assoċjati ma’ dan l-istatus. Madankollu, bħalma jipprevedi espliċitament l-Artikolu 14(6) tal-imsemmija direttiva, dawn il-persuni jgawdu, jew ikomplu jgawdu, minn ċertu numru ta’ drittijiet previsti mill-Konvenzjoni ta’ Genève (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 71), fatt li, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 100 tal-konklużjonijiet tiegħu, jikkonferma li huma għandhom, jew ikomplu jkollhom, il-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens, b’mod partikolari, tal-Artikolu 1(A) tal-imsemmija konvenzjoni, minkejja din ir-revoka jew dan ir-rifjut.

100

Minn dan jirriżulta li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 ma jistgħux jiġu interpretati fis-sens li r-revoka tal-istatus ta’ refuġjat jew ir-rifjut ta’ għoti ta’ dan l-istatus għandhom l-effett li jċaħħdu liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jew lill-persuna mingħajr Stat ikkonċernat li jissodisfa l-kundizzjonijiet materjali tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tagħha, mill-kwalità ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève, u għaldaqstant li jeskluduh mill-protezzjoni internazzjonali li l-Artikolu 18 tal-Karta jimponi li tiġi ggarantita lilu b’osservanza tal-imsemmija konvenzjoni.

Fuq l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95

101

L-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 jipprevedi li l-persuni li għalihom japplikaw il-paragrafi 4 u 5 ta’ dan l-Artikolu 14 għandhom id-dritt li jgawdu mid-drittijiet previsti “fl-Artikoli 3, 4, 16, 22, 31, 32 u 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra [jew drittijiet simili] safejn huma preżenti fl-Istat Membru”.

102

Qabel kollox, fir-rigward tal-konġunzjoni “jew” użata fl-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95, din il-konġunzjoni tista’, mill-perspettiva lingwistika, ikollha sens kemm alternattiv, kif ukoll kumulattiv, u għandha, għaldaqstant, tinqara fil-kuntest li fih hija użata u fid-dawl tal-għanijiet tal-att inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2005, Il‑Kummissjoni vs Franza, C‑304/02, EU:C:2005:444, punt 83). Issa, f’dan il-każ, fid-dawl tal-kuntest u tal-għan tad-Direttiva 2011/95, bħalma jirriżultaw mill-premessi 3, 10 u 12 tagħha, u fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija konġunzjoni għandha, fl-Artikolu 14(6) ta’ din id-direttiva, tinftiehem f’sens kumulattiv.

103

Sussegwentement, fir-rigward tal-portata tal-kliem “drittijiet […] simili” li jinsab f’dan l-Artikolu 14(6), għandu jiġi rrilevat, bħalma enfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 110 tal-konklużjonijiet tiegħu, li l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) jew (5) tad-Direttiva 2011/95 għandha l-konsegwenza, b’mod partikolari, li ċċaħħad lill-persuna kkonċernata mill-permess ta’ residenza li l-Artikolu 24 ta’ din id-direttiva jorbot mal-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-imsemmija direttiva.

104

Għaldaqstant, refuġjat kopert b’miżura meħuda abbażi tal-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 jista’, sabiex jiddetermina d-drittijiet li għandhom jingħatawlu taħt is-sistema tal-Konvenzjoni ta’ Genève, jitqies li ma huwiex residenti regolarment jew li ma għadux residenti regolarment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

105

Għaldaqstant għandu jitqies li l-Istati Membri, meta jimplimentaw l-Artikolu 14(4) jew (5) ta’ din id-direttiva, bħala prinċipju huma obbligati li jagħtu lir-refuġjati li jinsabu fit-territorju rispettiv tagħhom biss id-drittijiet li huma espressament imsemmija fl-Artikolu 14(6) tal-imsemmija direttiva kif ukoll dawk id-drittijiet stipulati fil-Konvenzjoni ta’ Genève li huma ggarantiti għal kull refuġjat li jinsab fit-territorju ta’ Stat kontraenti u li t-tgawdija tagħhom ma tirrikjedix residenza regolari.

106

Madankollu għandu jiġi enfasizzat li, minkejja ċ-ċaħda tal-permess ta’ residenza marbut mal-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tad-Direttiva 2011/95, ir-refuġjat li jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija fl-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva jista’ jiġi awtorizzat, fuq bażi legali oħra, li jirrisjedi legalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Ġunju 2015, H. T., C‑373/13, EU:C:2015:413, punt 94). F’każ bħal dan, l-Artikolu 14(6) tal-imsemmija direttiva ma jostakola b’ebda mod li l-imsemmi Stat Membru jiggarantixxi lill-persuna kkonċernata l-benefiċċju tad-drittijiet kollha li l-Konvenzjoni ta’ Genève torbot mal-kwalità ta’ “refuġjat”.

107

Għaldaqstant, l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95 għandu, konformement mal-Artikolu 78(1) TFUE u mal-Artikolu 18 tal-Karta, jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li juża l-fakultajiet previsti fl-Artikolu 14(4) u (5) ta’ din id-direttiva, għandu jagħti lir-refuġjat li jaqa’ taħt wieħed mill-każijiet imsemmija f’dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar u li jinsab fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, mill-inqas, il-benefiċċju tad-drittijiet stabbiliti mill-Konvenzjoni ta’ Genève li għalihom dan l-Artikolu 14(6) jagħmel referenza espliċita kif ukoll drittijiet previsti mill-imsemmija konvenzjoni li t-tgawdija tagħhom ma tirrikjedix residenza regolari, u dan bla ħsara għal riżervi eventwali magħmula minn dan l-Istat Membru skont l-Artikolu 42(1) ta’ din il-konvenzjoni.

108

Barra minn hekk, lil hinn mid-drittijiet li l-Istati Membri huma obbligati jiggarantixxu lill-persuni kkonċernati skont l-Artikolu 14(6) tad-Direttiva 2011/95, hemm lok jiġi enfasizzat li dan ma jista’ jiġi interpretat bl-ebda mod fis-sens li din għandha l-effett li tinkoraġixxi lil dawn l-Istati sabiex jevitaw l-obbligi internazzjonali tagħhom, hekk kkif jirriżultaw mill-Konvenzjoni ta’ Genève, billi jillimitaw id-drittijiet li dawn il-persuni jisiltu minn din il-konvenzjoni.

109

Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi ppreċiżat li, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 133 u 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, u bħalma jikkonfermaw il-premessi 16 u 17 tad-Direttiva 2011/95, l-applikazzjoni tal-Artikolu 14(4) sa (6) ta’ din id-direttiva hija bla ħsara għall-obbligu, għall-Istat Membru kkonċernat, li josserva d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 7 tagħha, dwar ir-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, fl-Artikolu 15 tagħha, dwar il-libertà professjonali u d-dritt għax-xogħol, fl-Artikolu 34 tagħha, dwar is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, kif ukoll fl-Artikolu 35 tagħha, dwar il-protezzjoni tas-saħħa.

110

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li, minkejja li, taħt il-Konvenzjoni ta’ Genève, il-persuni li jaqgħu taħt wieħed mill-każijiet deskritti fl-Artikolu 14(4) u (5) tad-Direttiva 2011/95 huma suġġetti, bis-saħħa tal-Artikolu 33(2) tal-imsemmija konvenzjoni, għal miżura ta’ refoulement jew ta’ tkeċċija lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, u dan minkejja li ħajjithom jew il-libertà tagħhom ser tkun mhedda hemmhekk, min-naħa l-oħra tali persuni ma jistgħux, bis-saħħa tal-Artikolu 21(2) ta’ din id-direttiva, jiġu ssuġġettati għal refoulement jekk dan iġib ir-riskju li d-drittijiet fundamentali tagħhom stabbiliti fl-Artikolu 4 u fl-Artikolu 19(2) tal-Karta jiġu miksura. Dawn il-persuni, ċertament, jistgħu jkunu suġġetti, fl-Istat Membru kkonċernat, għal deċiżjoni ta’ revoka tal-istatus ta’ refuġjat, fis-sens tal-Artikolu 2(e) tad-Direttiva 2011/95, jew ta’ deċiżjoni ta’ rifjut ta’ għoti ta’ dan l-istatus, iżda l-adozzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ma tistax taffettwa l-kwalità tagħhom ta’ refuġjat meta huma jissodisfaw il-kundizzjonijiet materjali meħtieġa sabiex jitqiesu bħala refuġjati, fis-sens tal-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III tagħha, u għaldaqstant, tal-Artikolu 1(A) tal-Konvenzjoni ta’ Genève.

111

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 hekk mogħtija tiżgura li l-livell minimu ta’ protezzjoni previst mill-Konvenzjoni ta’ Genève ma jiġix miksur, bħalma jeżiġu l-Artikolu 78(1) TFUE u l-Artikolu 18 tal-Karta.

112

Għaldaqstant ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-eżami tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95 ma wera ebda punt ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 78(1) TFUE u tal-Artikolu 18 tal-Karta.

Fuq l-ispejjeż

113

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-eżami tal-Artikolu 14(4) sa (6) tad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija, ma wera ebda punt ta’ natura li jaffettwa l-validità ta’ dawn id-dispożizzjonijiet fid-dawl tal-Artikolu 78(1) TFUE u tal-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

 

Firem


( *1 ) Lingwi tal-kawża: iċ-Ċek u l-Franċiż.