SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2020 ( *1 )

“Appell – Klawżola ta’ arbitraġġ – Ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tas-Seba’ Programm Kwadru għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007-2013) kif ukoll tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007-2013) – Proġetti MARE, Senior u ECRN – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tordna l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni”

Fil-Kawża C‑378/16 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fis-7 ta’ Lulju 2016,

Inclusion Alliance for Europe GEIE, stabbilita f’Bukarest (ir-Rumanija), inizjalment irrappreżentata minn S. Famiani u A. D’Amico, sussegwentement minn A. D’Amico, avvocati,

rikorrenti,

il-parti l-oħra fil-kawża li hija:

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn F. Moro, S. Delaude u L. Di Paolo, sussegwentement minn F. Moro u S. Delaude, bħala aġenti, assistiti minn D. Gullo, avvocato,

konvenuta fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, President tal-Awla, L. S. Rossi, J. Malenovský, F. Biltgen (Relatur), u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tal-appell tagħha, Inclusion Alliance for Europe GEIE (iktar ’il quddiem “IAE”) titlob l-annullament tad-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ April 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni (T‑539/13, mhux ippubblikat, iktar ’il quddiem, id-“digriet appellat”, EU:T:2016:235), li permezz tiegħu din ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2013) 4693 final tas-17 ta’ Lulju 2013 dwar l-irkupru tas-somma ta’ EUR 212 411.89, li tikkorrispondi għal parti mill-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija lil IAE b’eżekuzzjoni ta’ tliet ftehimiet ta’ sussidju konklużi fil-kuntest tal-proġetti MARE, Senior u ECRN (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).

Il-kuntest ġuridiku

Ir-Regolament Finanzjarju

Ir-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

2

L-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, intitolat “Talbiet, aggravji u argumenti tal-appell”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“It-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi għall-annullament, totali jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif din tkun tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.”

3

L-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura, intitolat “Talbiet fil-każ li jintlaqa’ l-appell”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, it-talbiet tiegħu għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, kompletament jew parzjalment, it-talbiet imressqa fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida. L-appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali.”

Il-fatti li wasslu għall-kawża

4

Il-fatti li wasslu għall-kawża huma indikati fil-punti 1 sa 61 tad-digriet appellat. Għall-finijiet ta’ din il-proċedura, dawn jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

5

IAE hija kumpannija stabbilita fir-Rumanija li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tas-saħħa u tal-integrazzjoni soċjali.

6

Fid-19 ta’ Diċembru 2007 u fit-2 ta’ Settembru 2008, wara d-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba’ Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta’ riċerka, ta’ żvilupp teknoloġiku u ta’ dimostrazzjoni (2007‑2013) (ĠU 2006, L 412, p. 1, iktar ’il quddiem is-“Seba’ Programm Kwadru”), il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ikkonkludiet ma’ IAE rispettivament ftehim ta’ sussidju intitolat “Senior – Social Ethical and Privacy Needs in KIT for Older People: a dialogue roadmap” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt Senior”) u ftehim ta’ sussidju intitolat “Market Requirements, Barriers and Cost-Benefits Aspects of Assistive Technologies” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt MARE”).

7

Fis-6 ta’ Ottubru 2008, fil-kuntest ta’ wieħed mit-tliet programmi speċifiċi tal-Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (CIP), adottat bid-Deċiżjoni 1639/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Kwadru għall-Kompetittività u l-Innovazzjoni (2007 sa 2013) (ĠU 2006, L 310, p. 15) (iktar ’il quddiem il-“Programm Kwadru KI”), il-Kummissjoni kkonkludiet ma’ IAE t-tielet ftehim ta’ sussidju, intitolat “European Civil Registry Network” (iktar ’il quddiem il-“kuntratt ECRN”).

8

IAE u l-parteċipanti l-oħra kkonċernati pparteċipaw fil-proġetti ta’ riċerka inkwistjoni fil-kuntest ta’ konsorzji u kull ftehim ta’ sussidju kien jinkludi, b’mod partikolari, anness II bil-kundizzjonijiet ġenerali kuntrattwali (iktar ’il quddiem, fir-rigward tal-kuntratti Senior u MARE, il-“Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru”, u, fir-rigward tal-kuntratt ECRN, il-“Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Programm Kwadru KI”).

9

Il-kundizzjonijiet ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru u l-kundizzjonijiet ġenerali tal-Programm Kwadru KI jipprevedu l-finanzjament, mill-Kummissjoni, sa ammont determinat, ta’ spejjeż eliġibbli sostnuti mill-parteċipanti f’dawn il-programmi kwadru għall-eżekuzzjoni tal-proġetti inkwistjoni.

10

Skont l-Artikolu II.22 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru u tal-Artikolu II.28 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Programm Kwadru KI, il-Kummissjoni kellha s-setgħa li twettaq, permezz ta’ reviżuri tal-kontabbiltà esterni jew tad-dipartimenti tagħha stess, awditu kontabbli li jikkonċerna “aspetti finanzjarji, sistematiċi jew oħrajn (bħall-prinċipji ta’ ġestjoni u ta’ kontabbiltà) relatati mal-eżekuzzjoni tajba tal-ftehim ta’ sussidju [kkonċernat]”.

11

Il-proċedura ta’ awditu kienet iddelineata mill-Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru u mill-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Programm Kwadru KI. B’mod partikolari, kien previst li, fi tmiem din il-proċedura ta’ awditu, jitfassal rapport provviżorju u jintbagħat lill-persuna kkonċernata sabiex din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni li tagħmel l-osservazzjonijiet tagħha qabel l-adozzjoni ta’ rapport finali.

12

L-Artikolu II.21 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru u l-Artikolu II.30 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Programm Kwadru KI kienu jikkonċernaw l-irkupru, mill-Kummissjoni, tas-somom imħallsa indebitament lil kull benefiċjarju.

13

Barra minn hekk, fil-kuntratti Senior, MARE u ECRN kien stipulat li dawn kienu rregolati mill-klawżoli ta’ dawn il-kuntratti, mill-atti tal-Unjoni li jirrigwardaw is-Seba’ Programm Kwadru jew il-Programm Kwadru KI, mir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1525/2007 tas-17 ta’ Diċembru 2007 (ĠU 2007, L 343, p. 9) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), u mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), mir-regoli l-oħra tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll, sussidjarjament, mid-dritt Belġjan.

14

L-Artikolu 9(2) tal-kuntratt Senior, l-Artikolu 9 tal-kuntratt MARE u l-Artikolu 10 tal-kuntratt ECRN kienu jipprevedu s-setgħa għall-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titoli eżekuttivi sabiex jiġu eżegwiti “obbligi pekunjarji”, fis-sens tal-Artikolu 256 KE (li sar l-Artikolu 299 TFUE).

15

Din is-setgħa kienet ukoll prevista fl-Artikolu II.21 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru u fl-Artikolu II.30 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Programm Kwadru KI.

Il-kuntratti Senior u MARE

16

Wara li ħallset kontribuzzjonijiet finanzjarji differenti fil-kuntest tal-kuntratti Senior u MARE, il-Kummissjoni xoljiet, b’mod antiċipat, il-kuntratt MARE u informat lil IAE bl-intenzjoni tagħha li tissokta b’awaditu kontabbli sabiex tivverifika l-eżekuzzjoni korretta ta’ dawn il-kuntratti.

17

Din l-awditu żvela diffikultajiet fil-ġestjoni finanzjarja tal-proġetti inkwistjoni, peress li l-kundizzjonijiet stipulati fl-imsemmija kuntratti u fil-Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru ma ġewx osservati.

18

Permezz ta’ ittra tal-21 ta’ Diċembru 2010, peress li qieset li l-osservazzjonijiet magħmula minn IAE fuq ir-rapport ta’ awditu provviżorju ma kien jipprovdi ebda element ġdid, il-Kummissjoni informat lill-persuna kkonċernata bl-għeluq tal-awditu billi bagħtitilha r-rapport ta’ awditu finali, li kien jipprovdi li kellhom jiġu rkuprati EUR 49677, fir-rigward tal-kuntratt Senior, u EUR 72890, fir-rigward tal-kuntratt MARE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lil IAE tevalwa sa fejn id-diffikultajiet sistematiċi kkonstatati f’dan ir-rapport setgħu kellhom konsegwenzi fuq il-kontijiet finanzjarji marbuta mal-perijodi li kienu għadhom ma kinux is-suġġett ta’ awditu.

19

Permezz ta’ messaġġ elettroniku tal-10 ta’ Marzu 2011, li informa lill-Kummissjoni dwar it-tressiq, fix-xahar ta’ Jannar tal-istess sena, ta’ lment quddiem l-Ombudsman Ewropew, IAE talbitha sabiex tkun tista’ tibbenefika minn estensjoni tat-terminu sabiex tirrispondi għal din l-aħħar talba. Fl-istess jum, il-Kummissjoni rrifjutat li tilqa’ t-talba għal estensjoni tat-terminu ppreżentata minn IAE, konformement mal-Artikolu 2(6) tad-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Marzu 1994 dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi ta’ l-Ombudsman (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 283).

20

Fis-17 ta’ Ottubru 2011, wara skambji differenti bejn IAE u l-Kummissjoni, din tal-aħħar ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3241111004,, fil-kuntest tal-proġett MARE, ta’ ammont ta’ EUR 72 889.57, filwaqt li rriżervat id-dritt, fl-assenza ta’ ħlas, li tadotta att li jikkostitwixxi titolu eżekuttiv, fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE.

21

Fit-2 ta’ April 2012, il-Kummissjoni informat lil IAE bl-intenzjoni tagħha li tirkupra s-somom dovuti fil-kuntest tal-proġett Senior. Peress li qieset li l-osservazzjonijiet ifformulati minn IAE dwar ir-rapport ta’ awditu finali f’dan ir-rigward ma kienu jipprovdu ebda element ġdid, il-Kummissjoni ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3241203475, ta’ ammont ta’ EUR 49677.

22

Permezz tad-deċiżjoni tat-2 ta’ Mejju 2012, adottata fi tmiem il-proċedura ta’ lment ippreżentat minn IAE, l-Ombudsman ikkonkluda li dan l-ilment ma kienx juri każ ta’ “amministrazzjoni ħażina” imputabbli lill-Kummissjoni.

23

Fl-4 ta’ April u fl-20 ta’ Lulju 2012, peress li IAE ma kienet irrimborsat ebda waħda mis-somom dovuti fil-kuntest tal-proġetti MARE u Senior, il-Kummissjoni bagħtitilha ittra ta’ intimazzjoni, fejn talbitha, għal kull wieħed minn dawn il-proġetti, tħallas l-ammont tal-kapital, flimkien ma’ interessi moratorji dekorribbli mid-data msemmija rispettivament fin-nota ta’ debitu Nru 3241111004 u fin-nota ta’ debitu Nru 3241203475. Il-Kummissjoni ppreċiżat li, jekk is-somom inkwistjoni ma jkunux tħallsu fi żmien ħmistax-il jum mid-data ta’ riċezzjoni ta’ dawn l-ittri ta’ intimazzjoni, tinbeda proċedura ta’ rkupru forzat ta’ dawn is-somom.

24

Fis-26 ta’ Ġunju 2012, fid-dawl tar-riżultati tal-awditu kontabbli fir-rigward tal-proġetti MARE u Senior, il-Kummissjoni ħadet il-passi neċessarji sabiex tikseb il-ħlas minn IAE ta’ danni kkalkolati skont l-Artikolu II.24 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru. Fl-10 ta’ Settembru 2012, fl-assenza ta’ osservazzjonijiet ippreżentati minn IAE f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ħarġet żewġ noti oħra ta’ debitu, li kienu jsemmu wkoll il-possibbiltà għaliha, fl-assenza ta’ ħlas, li tadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE.

Il-kuntratt ECRN

25

Fil-kuntest tal-kuntratt ECRN, peress li ħallset kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 178230 lil IAE, il-Kummissjoni għamlet ukoll awditu kontabbli, li minnu rriżulta li l-ġestjoni finanzjarja tal-proġett inkwistjoni ma kinitx twettqet b’osservanza tal-kundizzjonijiet previsti f’dan il-kuntratt u fil-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Programm Kwadru KI.

26

Fid-19 ta’ Diċembru 2011, wara li rċeviet l-osservazzjonijiet ta’ IAE dwar ir-rapport provviżorju ta’ awditu, il-Kummissjoni għalqet il-proċedura ta’ awditu billi stabbilixxiet ir-rapport finali, li kien jipprovdi li s-somma ta’ EUR 169365 kellha tiġi rkuprata mingħand IAE.

27

Fil-5 ta’ Marzu 2012, minkejja l-osservazzjonijiet magħmula minn IAE f’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tar-rapport ta’ awditu finali billi informat lill-persuna kkonċernata bil-ftuħ ta’ proċedura intiża għall-irkupru tas-somma mħallsa indebitament, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli II.28.5 u II.30.1 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tal-Programm Kwadru KI.

28

Fis-7 ta’ Mejju 2012, il-Kummissjoni ħarġet in-nota ta’ debitu Nru 3241204669, li kienet tindika d-data li minnha jibdew jiddekorru l-interessi moratorji u, għal darba oħra, il-possibbiltà għaliha, fl-assenza ta’ ħlas, li tadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE.

29

Fis-26 ta’ Ġunju 2012, peress li IAE ma wettqitx il-ħlas fit-terminu stabbilit, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ insegwiment lill-persuna kkonċernata.

30

Fit-30 ta’ Lulju segwenti, wara estensjoni tal-garanzija bankarja inizjalment ikkostitwita, il-bilanċ parzjali li kien għadu dovut minn IAE kien ta’ EUR 62427 u, flimkien mal-interessi moratorji dovuti ta’ valur ta’ EUR 2798, ta’ total ta’ EUR 65225.

Id-deċiżjoni inkwistjoni

31

Fis-17 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni skont l-Artikolu 299 TFUE.

32

Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, IAE kienet debitriċi fil-konfront tal-Kummissjoni, fir-rigward tal-kuntratt MARE, ta’ EUR 80 352.07, fir-rigward tal-kuntratt Senior, ta’ EUR 53138,40, u, fir-rigward tal-kuntratt ECRN, ta’ EUR 65225. Ma’ dawn l-ammonti kien hemm interessi moratorji ta’ EUR 13 696.42 fil-15 ta’ Lulju 2013, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 212 411.89 dovut minn IAE, miżjud bis-somma ta’ EUR 25.42 għal kull jum ta’ dewmien addizzjonali.

Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u d-digriet appellat

33

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-2 ta’ Ottubru 2013, IAE ppreżentat rikors li permezz tiegħu talbet, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ danni mill-Kummissjoni minħabba d-dannu materjali u morali li hija ġarrbet minħabba l-applikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.

34

Fir-rigward tat-talba għal annullament, preliminarjament, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors sa fejn kien intiż kontra l-uffiċċju li ngħata mandat sabiex iwettaq l-awditi, minħabba n-nuqqas manifest ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni sabiex tieħu konjizzjoni tagħha.

35

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ċaħdet, bħala manifestament inammissibbli, minn naħa, it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, minħabba li din it-talba ma kinitx tressqet “permezz ta’ att separat”, konformement mar-Regoli tal-Proċedura tagħha u, min-naħa l-oħra, it-talba għall-annullament tal-“proċeduri l-oħra kollha ta’ investigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni jew fuq talba tagħha minn organizzazzjonijiet oħra”, fl-assenza ta’ iktar preċiżazzjonijiet fir-rigward tas-suġġett ta’ din it-talba.

36

Insostenn tar-rikors tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, IAE invokat, essenzjalment, tmien motivi.

37

Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 86 tad-digriet appellat, li, meta l-Kummissjoni tifformalizza, fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali, il-konstatazzjoni ta’ kreditu permezz ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, fis-sens tal-Artikolu 299 TFUE, il-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni tista’ tiġi kkontestata quddiem il-qorti tal-Unjoni biss abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-punt 90 ta’ dan id-digriet, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li l-legalità ta’ tali deċiżjoni għandha tiġi evalwata fid-dawl tat-Trattat FUE jew ta’ kull dispożizzjoni legali oħra relatata mal-applikazzjoni tiegħu, jiġifieri tad-dritt tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, skont il-Qorti Ġenerali, meta l-qorti tal-Unjoni tkun adita b’rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, ir-rikorrent jista’ biss jinvoka kontra l-istituzzjoni kontraenti nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali jew ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat.

38

Minn dan il-Qorti Ġenerali ddeduċiet, fil-punt 91 tal-imsemmi digriet, li l-motivi mqajma fir-rikors fl-ewwel istanza intiżi sabiex tiġi kkonstatata l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni u tad-dritt nazzjonali applikabbli għal dawn il-kuntratti kellhom jiġu miċħuda bħala inammissibbli.

39

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali eżaminat kull wieħed mill-motivi invokati minn IAE fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza sabiex tiddetermina jekk dawn setgħux jitqiesu bħala ammissibbli fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

40

Fir-rigward tal-ewwel motiv, ibbażat fuq l-applikazzjoni żbaljata tal-“linji gwida finanzjarji”, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 96 tad-digriet appellat, li IAE kienet issostni, essenzjalment, li l-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni kienu jipprevedu l-applikazzjoni tal-linji gwida finanzjarji tal-2007 u konsegwentement ma kinux jippermettu lill-awditur japplika verżjonijiet iktar reċenti ta’ dawn il-linji gwida. Peress li qieset li dan l-argument kien jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 97 ta’ dan id-digriet, ċaħdet dan l-aggravju bħala inammissibbli.

41

Il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 98 tal-imsemmi digriet, li din il-konklużjoni ma setgħetx tiġi kkontestata mir-riformulazzjoni tal-imsemmi motiv li għalih IAE pprovat billi sostniet li l-allegata applikazzjoni retroattiva tal-linji gwida finanzjarji tal-2010 kienet tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ legalità tal-azzjoni amministrattiva, tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tal-prinċipju ta’ kontradittorju, tal-prinċipju ta’ trasparenza, tal-prinċipju ta’ dritt għal smigħ xieraq kif ukoll tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Fil-fatt, fil-punt 99 tal-istess digriet, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tali argument ippreżentat għall-ewwel darba fir-replika, kellu jiġi miċħud bħala inammissibbli, skont l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, moqri flimkien mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 48(2) ta’ dawn tal-aħħar.

42

Fir-rigward tat-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tal-prinċipju ta’ rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali, wara li ddikjarat dan il-motiv ammissibbli, ċaħditu bħala manifestament infondat fil-punt 112 tad-digriet appellat.

43

Fir-rigward tat-tielet motiv, ibbażat fuq l-eżistenza ta’ żbalji li jinsabu fir-rapport ta’ awditu finali u fuq in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet ifformulati minn IAE dwar ir-rapport ta’ awditu provviżorju, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 115 tad-digriet appellat, ċaħditu bħala manifestament inammissibbli, minħabba li l-argument żviluppat fih kien diffiċli li jinftiehem u, fi kwalunkwe każ, ma kienx sostanzjat. Fil-punti 116 u 117 ta’ dan id-digriet, hija żiedet li, fi kwalunkwe każ, l-ewwel ilment jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kuntratti inkwistjoni u li t-tieni lment kien diġà ġie miċħud fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv.

44

Fir-rigward tar-raba’ u tal-ħames motiv, ibbażati fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni u ta’ fiduċja reċiproka kif ukoll tal-inċertezza dwar ir-regoli applikabbli għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) għall-finijiet tal-evalwazzjoni tan-natura eliġibbli tal-ispejjeż tal-proġett, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 120 u 123 tad-digriet appellat, ċaħdithom ukoll bħala manifestament inammissibbli, sa fejn dawn KIENU jirrigwardaw biss l-interpretazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni u mhux dik ta’ regola tad-dritt tal-Unjoni.

45

Is-sitt motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IFAC) u tal-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli fil-qasam tal-awditu tas-SMEs, ġie miċħud mill-Qorti Ġenerali bħala manifestament inammissibbli, fil-punt 126 tad-digriet appellat, sa fejn dan il-motiv ma kienx jirrigwarda regoli tad-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom setgħet tiġi evalwata l-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni.

46

Is-seba’ motiv, ibbażat fuq żbalji mwettqa mill-awditur dwar il-modalitajiet ta’ żvolġiment tal-awditi u n-natura ineliġibbli ta’ ċerti spejjeż iddikjarati minn IAE, ġie wkoll miċħud mill-Qorti Ġenerali bħala manifestament inammissibbli, fil-punt 128 tad-digriet appellat, peress li l-argument invokat kien jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni.

47

Permezz tat-tmien motiv, IAE invokat ir-responsabbiltà tal-Unjoni Ewropea għal arrikkiment indebitu. Il-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 130 tad-digriet appellat, li tali motiv ma setax jitqajjem fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali żiedet, fil-punt 132 ta’ dan id-digriet, li, sabiex tali rikors ikun jista’ jintlaqa’, l-arrikkiment għandu jkun nieqes minn kull bażi legali valida, li madankollu ma huwiex il-każ meta jkun iġġustifikat, bħal f’dan il-każ, minn obbligi kuntrattwali.

48

Fir-rigward tat-talba għad-danni, li permezz tagħha IAE talbet lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni għall-kumpens għad-dannu materjali u morali li hija ġarrbet minħabba l-applikazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħditha bħala manifestament inammissibbli, fil-punt 138 tad-digriet appellat, peress li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.

49

Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors fl-ewwel istanza, bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat fid-dritt.

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

50

Permezz tal-appell tagħha, IAE titlob, essenzjalment, li l-Qorti tal-Ġustizzja:

tannulla d-digriet appellat;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

51

Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiċħad l-appell;

tikkundanna lil IAE għall-ispejjeż, inklużi l-ispejjeż marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Fuq l-appell

Fuq l-ammissibbiltà

L-argumenti tal-partijiet

52

Fir-risposta tagħha, il-Kummissjoni tqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tal-appell.

53

Il-Kummissjoni ssostni, fl-ewwel lok, li, sa fejn l-aggravji mqajma insostenn tal-appell jikkostitwixxu biss sempliċi repetizzjoni tal-argument invokat fir-rikors fl-ewwel istanza u ma jinkludu ebda argument legali speċifiku fir-rigward tar-raġunament tal-Qorti Ġenerali fid-digriet appellat, l-appell ma jissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, li abbażi tiegħu r-rikors għandu jinkludi “l-aggravji u l-argumenti legali invokati kif ukoll espożizzjoni sommarja tal-imsemmija aggravji”.

54

Fit-tieni lok, l-appell ma josservax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi li “jekk l-appell jiġi ddikjarat fondat, it-talbiet tal-appell għandhom ikunu intiżi sabiex jintlaqgħu, totalment jew parzjalment, it-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, bl-esklużjoni ta’ kull talba ġdida”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tosserva li t-talbiet tal-appell huma intiżi biss għall-annullament tad-digriet appellat fl-intier tiegħu, iżda ma humiex intiżi sabiex jintlaqgħu t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, jiġifieri, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni. Għalhekk, IAE ma għandhiex interess ġuridiku f’dan il-każ. Fil-fatt, anki li kieku kellu jintlaqa’ l-appell, id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollha l-ebda effett utli, fid-dawl taż-żamma tad-deċiżjoni inkwistjoni fl-ordinament ġuridiku.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

55

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument ibbażat fuq l-inammissibbiltà tal-appell minħabba li dan tal-aħħar ma josservax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura, hemm lok li jitfakkar li minn din id-dispożizzjoni kif ukoll mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jirriżulta li appell għandu jindika b’mod preċiż l-elementi kkritikati tad-deċiżjoni li jintalab l-annullament tagħha kif ukoll l-argumenti legali li jsostnu b’mod speċifiku din it-talba, taħt piena ta’ inammissibbiltà tal-appel jew tal-aggravju kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2018, Staelen vs L-Ombudsman, C‑45/18 P, mhux ippubblikata, EU:C:2018:814, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56

F’dan il-każ, l-appell jinkludi, fir-rigward ta’ kull aggravju, indikazzjoni tal-punti kkritikati tad-digriet appellat kif ukoll argument sommarju li jidentifika l-iżball ta’ liġi li bih huwa vvizzjat dan id-digriet, u b’hekk jippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha tal-legalità. Barra minn hekk, mir-risposta jirriżulta impliċitament li l-Kummissjoni ma kellhiex diffikultà tifhem ir-raġunament adottat mir-rikorrenti fid-diversi aggravji.

57

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument li l-appell huwa inammissibbli minħabba li, fit-talbiet tagħha, IAE ma titlobx li jintlaqgħu t-talbiet li hija ppreżentat fl-ewwel istanza, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet tal-appell huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif tinsab fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni. Għalhekk, din id-dispożizzjoni tirrigwarda l-prinċipju fundamentali fil-qasam tal-appell li bih l-appell għandu jkun intiż kontra d-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali u ma jistax ikun intiż esklużivament għat-tibdil ta’ ċerti motivi ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Novembru 2012, Al-Aqsa vs Il-Kunsill u Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Al-Aqsa, C‑539/10 P u C‑550/10 P, EU:C:2012:711, punti 43 sa 45, u tal-14 ta’ Novembru 2017, British Airways vs Il-Kummissjoni, C‑122/16 P, EU:C:2017:861, punt 51).

58

L-Artikolu 170 tar-Regoli tal-Proċedura, li huwa l-korrollarju ta’ dan, jikkonċerna, min-naħa l-oħra, it-talbiet tal-appell marbuta mal-konsegwenzi tal-possibbiltà ta’ annullament ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2015, EMA vs Il-Kummissjoni, C‑100/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:382, punt 41).

59

F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, IAE titlob formalment lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla d-digriet appellat. Min-naħa l-oħra, anki jekk it-talbiet l-oħra tal-appell ma humiex intiżi espressament sabiex jintlaqgħu t-talbiet ippreżentati fl-ewwel istanza, jew sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni inkwistjoni, dawn ma jistgħux jitqiesu għajr li huma essenzjalment intiżi għall-istess riżultat.

60

Taħt piena ta’ formaliżmu eċċessiv, kuntrarjament għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 57 u 58 ta’ din is-sentenza, hemm għalhekk lok li jiġi konkluż li IAE kkonformat ruħha mar-rekwiżiti previsti fl-Artikoli 169 u 170 tar-Regoli tal-Proċedura.

61

Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku ta’ IAE, għandu jitfakkar li l-eżistenza ta’ tali interess tippreżupponi li l-appell jista’, bl-eżitu tiegħu, ikun ta’ benefiċċju lill-parti li tkun ippreżentatu (sentenzi tad-19 ta’ Ottubru 1995, Rendo et vs Il-Kummissjoni, C‑19/93 P, EU:C:1995:339, punt 13, u tat-3 ta’ April 2003, Il-Parlament vs Samper, C‑277/01 P, EU:C:2003:196, punt 28).

62

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li sa fejn IAE tilfet it-talbiet tagħha fl-ewwel istanza, hija mingħajr dubju għandha interess li l-Qorti tal-Ġustizzja tilqa’ l-appell tagħha u tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din teżamina l-mertu tal-motivi li ġew miċħuda bħala manifestament inammissibbli minn din tal-aħħar.

63

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà għandha tiġi miċħuda.

Fuq il-mertu

64

Insostenn tal-appell, IAE tinvoka erba’ aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-kunċett ta’ rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE. Permezz tat-tieni aggravju tal-appell, IAE ssostni li l-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argument invokat fir-replika u, għaldaqstant, kisret il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tat-tielet u tas-sitt motiv invokati fl-ewwel istanza kif ukoll fuq nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tal-ilment dwar l-arrikkiment indebitu tal-Unjoni u tat-talba għad-danni.

Fuq l-ewwel aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

65

Permezz tal-ewwel aggravju, IAE tallega li l-Qorti Ġenerali kklassifikat ir-rikors fl-ewwel istanza b’mod żbaljat, billi ddeċidiet, fil-punt 90 tad-digriet appellat, li dan ir-rikors kien ibbażat, b’mod żbaljat, fuq l-Artikolu 263 TFUE u li kellu jiġi ppreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, peress li l-motivi invokati kienu bbażati fuq nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali jew fuq ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratti inkwistjoni.

66

Skont IAE, il-motivi invokati fir-rikors promotur ma humiex ibbażati fuq nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali, iżda fuq il-ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, imfakkra kemm fit-Trattat FUE kif ukoll fir-Regolament Finanzjarju, li barra minn hekk isir riferiment espress għalih fl-Artikolu II.25 tal-Kundizzjonijiet Ġenerali tas-Seba’ Programm Kwadru. IAE tenfasizza li l-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni jikkostitwixxu biss wieħed mill-komponenti tal-kuntest ġuridiku ta’ referenza, li jeħtieġu “interpretazzjoni kontinwa” u jeħtieġu li jiġi kkompletati b’riferimenti espressi għall-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

67

Barra minn hekk, li kieku jiġi rrikonoxxut li l-Qorti Ġenerali tikkontesta l-bażi legali tar-rikors fl-ewwel istanza, dan iwassal għal ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn id-destinatarji ta’ deċiżjonijiet li jaffettwaw b’mod sinjifikattiv l-interessi tagħhom ma jkunux f’pożizzjoni li jsostnu l-fehmiet tagħhom b’mod effettiv.

68

IAE tenfasizza li kemm fir-rikors promotur kif ukoll fir-replika ġew invokati prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħal, b’mod partikolari, il-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ kontradittorju, id-dritt għal smigħ xieraq, il-prinċipju ta’ legalità tal-azzjoni amministrattiva u l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

69

Il-Kummissjoni ssostni li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat. Skont din l-istituzzjoni, il-Qorti Ġenerali qieset ġustament, fil-punti 82 et seq tad-digriet appellat, li r-rikors fl-ewwel istanza kien ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE u li, konsegwentement, fid-dawl tan-natura u tal-limiti tar-rwol tal-qorti fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità, il-motivi mqajma minn IAE insostenn tat-talbiet intiżi sabiex tinkiseb deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni inkwistjoni fid-dawl tar-regoli kuntrattwali kienu inammissibbli.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

70

Fir-rigward tal-argument invokat minn IAE, li jirrigwarda l-klassifikazzjoni tal-motivi invokati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti Ġenerali fakkret, fil-punt 90 tad-digriet appellat, mingħajr ma għamlet ebda evalwazzjoni dwar in-natura xierqa jew le tal-bażi tar-rikors li kellha quddiemha, il-ġurisprudenza li abbażi tagħha l-qorti tal-Unjoni, adita b’rikors għal annullament abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat fid-dawl tat-Trattat FUE jew ta’ kull dispożizzjoni legali oħra marbuta mal-applikazzjoni tiegħu, jiġifieri d-dritt tal-Unjoni, u li, min-naħa l-oħra, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, rikorrent ma jistax jallega fil-konfront tal-istituzzjoni kokontraenti nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-obbligi kuntrattwali jew ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat.

71

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rikors għal annullament skont l-Artikolu 263 TFUE huwa disponibbli b’mod ġenerali kontra l-atti kollha adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, indipendentement min-natura jew mill-forma tagħhom, li huma intiżi li jipproduċu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali ta’ dan tal-aħħar (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 16); tat-28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 47; tal-25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 69, u tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 62).

72

Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar rikors għal annullament meta s-sitwazzjoni legali tar-rikorrent tkun tagħmel parti mir-relazzjonijiet kuntrattwali li s-sistema ġuridika tagħhom tkun irregolata mid-dritt nazzjonali miftiehem mill-partijiet kokontraenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 18; tat-28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 48; tal-25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 78, u tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 63).

73

Fil-fatt, li kieku l-qorti tal-Unjoni tikkonstata li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar l-annullament ta’ atti li jaqgħu f’kuntest purament kuntrattwali f’din is-sitwazzjoni, hija tirriskja mhux biss li xxejjen l-Artikolu 272 TFUE, li jippermetti l-attribuzzjoni ta’ ġurisdizzjoni lill-Unjoni abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, iżda wkoll, fil-każ fejn il-kuntratt ma jkunx fih tali klawżola, li jestendi l-ġurisdizzjoni tagħha lil hinn mil-limiti stabbiliti mill-Artikolu 274 TFUE, li jagħti lill-qrati nazzjonali l-ġurisdizzjoni tad-dritt komuni sabiex jiddeċiedu tilwimiet fejn l-Unjoni tkun parti (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 19; tat-28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 49; tal-25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 79, u tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 64).

74

Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li, fil-każ ta’ kuntratt li jorbot lir-rikorrent ma’ waħda mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, tista’ biss titressaq kawża quddiem il-qrati tal-Unjoni skont l-Artikolu 263 TFUE jekk l-att ikkontestat ikun intiż li jipproduċi effetti legali vinkolanti li ma jaqgħux taħt ir-relazzjoni kuntrattwali li torbot lill-partijiet u li jimplikaw l-eżerċizzju tal-prerogattivi ta’ awtorità pubblika mogħtija lill-istituzzjoni kontraenti fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva (sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2015, Lito Maieftiko Gynaikologiko kai Cheirourgiko Kentro vs Il-Kummissjoni, C‑506/13 P, EU:C:2015:562, punt 20; tat-28 ta’ Frar 2019, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑14/18 P, EU:C:2019:159, punt 50, u tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 65).

75

Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tadotta deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali li ma fihomx klawżola ta’ arbitraġġ favur il-qorti tal-Unjoni u li, minħabba f’hekk, taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru. Fil-fatt, l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni mill-Kummissjoni fl-assenza ta’ klawżola ta’ arbitraġġ twassal għar-restrizzjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn l-aħħar qrati peress li l-qorti tal-Unjoni takkwista ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-legalità ta’ din id-deċiżjoni. Il-Kummissjoni tista’ għalhekk tevita sistematikament it-tqassim tal-ġurisdizzjoni bejn il-qorti tal-Unjoni u l-qrati nazzjonali stabbilit fid-dritt primarju mfakkar fil-punti 72 sa 74 ta’ din is-sentenza. Għalhekk, is-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet li jikkostitwixxu titolu eżekuttiv fil-kuntest ta’ relazzjonijiet kuntrattwali għandha tiġi limitata għal kuntratti li jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li tattribwixxi ġurisdizzjoni lill-qorti tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 73).

76

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, iċċitata fil-punt 90 tad-digriet appellat, meta l-qorti tal-Unjoni tiġi adita b’rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, hija għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat biss fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni, peress li l-appellant jista’ jinvoka n-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali jew il-ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat biss fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

77

Din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali għandha l-konsegwenza li l-qorti tal-Unjoni, adita b’rikors għal annullament ippreżentat kontra deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv, liema deċiżjoni tkun att adottat bis-saħħa ta’ kompetenza proprja u distinta mir-relazzjoni kuntrattwali bejn il-partijiet, tiddikjara bħala inammissibbli kull motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ obbligi kuntrattwali jew il-ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat, sakemm ma jkunx possibbli, taħt ċerti kundizzjonijiet li jirrigwardaw mhux biss ir-rieda ta’ din il-qorti, iżda wkoll il-fatt li r-rikorrent ma joġġezzjonax espressament għall-eżistenza ta’ dawn il-motivi bbażati fuq ksur tar-regoli li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali, li l-motivi invokati jiġu kklassifikati mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punti 81 u 84).

78

Fil-każ ineżami, il-Qorti Ġenerali, wara li fakkret, fil-punt 92 tad-digriet appellat, li kien hemm lok li jiġi evalwat kull wieħed mill-motivi invokati, ċaħdet bħala inammissibbli l-ewwel u t-tielet sas-seba’ motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, b’mod partikolari minħabba li l-argumenti invokati f’tali motivi kienu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni.

79

L-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li tagħmel distinzjoni skont jekk il-motivi invokati fil-kuntest ta’ rikors għandhomx jitqiesu mill-qorti tal-Unjoni li hija adita bihom bħala li huma bbażati fuq wieħed mill-ksur jew każijiet imsemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jew, għall-kuntrarju, li huma bbażati fuq nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat jew fuq ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali applikabbli għal dan il-kuntratt, kienet teħtieġ li r-rikorrent jippreżenta r-rikors tiegħu wkoll abbażi tal-Artikolu 272 TFUE. Minħabba dan, din il-ġurisprudenza ma tistax tiggarantixxi li l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għat-tilwima jiġu eżaminati sabiex tiġi ggarantita protezzjoni ġudizzjarja effettiva prevista fl-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

80

Fil-fatt, sabiex qorti tkun tista’ tiddeċiedi dwar kontestazzjoni marbuta mad-drittijiet u mal-obbligi li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni b’osservanza tal-Artikolu 47 tal-Karta, din il-qorti għandu jkollha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-kwistjonijiet kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti għall-kawża li tkun adita biha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Novembru 2012, Otis et, C‑199/11, EU:C:2012:684, punt 49, u tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17P, EU:C:2020:576, punt 84). Għalhekk, meta l-qorti tal-Unjoni tkun adita, skont l-Artikolu 263 TFUE, b’rikors għal annullament fil-kuntest ta’ kawża li tirrigwarda deċiżjoni meħuda abbażi tal-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, bħal waqt l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi titolu eżekuttiv li jifformalizza kreditu kuntrattwali, din il-qorti tintalab tieħu konjizzjoni kemm tal-motivi li jikkontestaw din id-deċiżjoni minħabba l-eżerċizzju mill-istituzzjoni tal-prerogattivi tagħha ta’ awtorità pubblika kif ukoll dawk li jikkontestaw l-obbligi kuntrattwali li wasslu għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 88).

81

Barra minn hekk, jekk il-partijiet jiddeċiedu, fil-kuntratt tagħhom, permezz ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, li jattribwixxu lill-qorti tal-Unjoni l-ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni tat-tilwim relatat ma’ dan il-kuntratt, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni, indipendentement mid-dritt applikabbli stipulat fil-kuntratt, sabiex tevalwa l-possibbiltà ta’ ksur tal-Karta u tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

82

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li meta l-Kummissjoni teżegwixxi kuntratt, hija tibqa’ suġġetta għall-obbligi tagħha skont il-Karta u l-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Għalhekk, il-fatt li d-dritt applikabbli għall-kuntratt ikkonċernat ma jiżgurax l-istess garanziji bħal dawk mogħtija mill-Karta u mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jeżonerax lill-Kummissjoni milli tiżgura l-osservanza tagħhom fir-rigward tal-kokontraenti tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2020, ADR Center vs Il-Kummissjoni, C‑584/17 P, EU:C:2020:576, punt 86).

83

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, il-qorti tal-Unjoni għandha tevalwa l-legalità tal-att ikkontestat biss fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni u li nuqqas ta’ eżekuzzjoni tal-klawżoli tal-kuntratt ikkonċernat jew ksur tad-dritt applikabbli għal dan il-kuntratt jistgħu jiġu invokati biss fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 272 TFUE.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju ma jistax jintlaqa’.

Fuq it-tieni aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

85

Permezz tat-tieni aggravju, IAE ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset, b’mod żbaljat, fil-punt 98 tad-digriet appellat, li l-argument espost fir-replika kien jikkonsisti fl-invokazzjoni ta’ motivi ġodda, intiżi sabiex jirriformulaw l-ewwel motiv imqajjem fir-rikors fl-ewwel istanza. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat l-argument li jinsab fir-replika. Fil-fatt, dawn l-argumenti ma jikkostitwixxux talba ġdida, iżda biss preċiżazzjonijiet tal-motivi invokati fir-rikors promotur.

86

Il-Kummissjoni ssostni li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala manifestament infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

87

Għandu jiġi rrilevat li, kif tixhed l-espressjoni “barra minn hekk”, ir-raġunament li jinsab fil-punt 98 tad-digriet appellat huwa żviluppat għall-finijiet ta’ kompletezza fir-rigward ta’ dak li jinsab fil-punt 97 ta’ dan id-digriet, fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-ewwel aggravju għandu jitqies bħala inammissibbli sa fejn l-argument li jinkludi dan l-aggravju huwa relatat mal-interpretazzjoni ta’ klawżoli kuntrattwali u konsegwentement, bħala tali, ma jistax jiġi invokat fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

88

Il-motivi intiżi kontra raġunament f’deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li jsir għall-finijiet ta’ kompletezza ma jistgħux iwasslu għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni u għalhekk huma ineffettivi (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Diċembru 2019, Mytilinaios Anonymos Etairia – Omilos Epicheiriseon (C‑332/18 P, EU:C:2019:1065, punt 137 u l-ġurisprudenza ċċitata).

89

Konsegwentement, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala ineffetiv.

Fuq it-tielet aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

90

Permezz tat-tielet aggravju, IAE tallega li l-Qorti Ġenerali, minn naħa, fil-punti 113 et seq kif ukoll fil-punti 124 et seq tad-digriet appellat, ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tal-awditu, u lanqas, konsegwentement, il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, ma mmotivatx b’mod suffiċjenti fid-dritt kif it-tielet u s-sitt motiv invokati insostenn tar-rikors fl-ewwel istanza kellhom jiġu miċħuda bħala infondati.

91

Skont IAE, mill-Artikolu 317 TFUE jirriżulta li l-Kummissjoni għandha wkoll taġixxi skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba fil-qasam tal-awditu. Barra minn hekk, konformement mal-premessa 33 u mal-Artikolu 124 tar-Regolament Finanzjarju, il-Kummissjoni għandha tosserva ċerti prinċipji kontabbli ġeneralment aċċettati, b’mod partikolari dak li jirrigwarda l-permanenza tal-metodi ta’ kontabbiltà. Dawn il-prinċipji ma japplikawx għall-istituzzjonijiet tal-Unjoni biss fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, iżda jistgħu jiġu invokati fil-konfront tagħhom fil-kuntest ta’ kull azzjoni mressqa, inkluż fil-qasam kuntrattwali.

92

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-applikazzjoni tar-regoli fil-qasam tal-awditu taqa’ taħt l-interpretazzjoni tal-klawżoli kuntrattwali u ma tistax tkun is-suġġett ta’ eżami mill-qorti tal-Unjoni fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, meta, għall-kuntrarju, hija kellha tieħu inkunsiderazzjoni dawn ir-regoli sabiex tikkonkludi li kien hemm ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni.

93

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi prodotti minn IAE, inkwantu ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatti u d-dokumentazzjoni ppreżentati minnha.

94

Skont il-Kummissjoni, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

95

Fir-rigward, l-ewwel nett, ta’ allegat nuqqas ta’ motivazzjoni tad-digriet appellat, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni li għandha l-Qorti Ġenerali jobbligaha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament li tkun segwiet, b’mod li jippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjoni tad-deċiżjoni meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-14 ta’ Ottubru 2010, Deutsche Telekom vs Il-Kummissjoni, C‑280/08 P, EU:C:2010:603, punt 136, u tas-26 ta’ Mejju 2016, Rose Vision vs Il-Kummissjoni, C‑224/15 P, EU:C:2016:358, punt 24).

96

Fil-każ ineżami, mill-punti 114 sa 118 u 124 sa 126 tad-digriet appellat jirriżulta li ma jistax jiġi validament argumentat li l-Qorti Ġenerali naqset milli timmotiva r-raġunijiet li għalihom it-tielet u s-sitt motiv invokati minn IAE insostenn tar-rikors tagħha għal annullament kellhom jiġu miċħuda.

97

Fil-fatt, fil-kuntest tal-eżami tat-tielet motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punt 115 tad-digriet appellat, li l-kontestazzjonijiet magħmula minn IAE fir-rigward tar-rapport ta’ awditu finali kienu diffiċilment komprensibbli u, fi kwalunkwe każ, b’ebda mod sostnuti, u ddeċidiet li għaldaqstant kellhom jiġu miċħuda bħala manifestament inammissibbli. Fir-rigward tal-ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-eżami mwettaq fil-punti 107 sa 122 tad-digriet appellat sabiex tikkonkludi li l-argument invokat minn IAE f’dan ir-rigward kellu jiġi miċħud bħala infondat.

98

Fir-rigward tas-sitt motiv, il-Qorti Ġenerali rrilevat, fil-punti 124 u 125 tad-digriet appellat, li d-dispożizzjonijiet li tirreferi għalihom IAE kienu jikkostitwixxu regoli li joriġinaw minn korpi terzi jew li ma għandhomx effetti vinkolanti.

99

Fir-rigward, it-tieni nett, tal-argument ibbażat fuq allegat żball ta’ liġi li wettqet il-Qorti Ġenerali fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi, huwa biżżejjed li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-appell huwa limitat għal kwistjonijiet ta’ dritt u li hija biss il-Qorti Ġenerali li għandha kompetenza sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti rilevanti kif ukoll sabiex tevalwa l-provi, bla ħsara għall-iżnaturament tagħhom (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2006, Rossi vs UASI, C‑214/05 P, EU:C:2006:494, punt 26 u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C‑234/06 P, EU:C:2007:514, punt 38).

100

Fil-każ ineżami, sa fejn IAE ma ssostnix li l-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti jew il-provi, iżda sempliċement tafferma li din wettqet żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u tal-provi li ġew ippreżentati quddiemha, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

101

Fir-rigward, it-tielet nett, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 317 TFUE u tar-Regolament Finanzjarju, għandu jitfakkar li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-evalwazzjoni tal-konstatazzjonijiet li jkunu saru fid-dritt fir-rigward tal-motivi invokati quddiem il-qrati tal-ewwel istanza. Fil-fatt, li kieku parti titħalla tinvoka għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv li hija ma tkunx invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, dik il-parti tkun qiegħda titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fejn jidħol appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik imressqa quddiem il-Qorti Ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Ġunju 1994, Il-Kummissjoni vs Brazzelli Lualdi et, C‑136/92 P, EU:C:1994:211, punt 59).

102

Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li IAE ma kinitx invokat tali argument quddiem il-Qorti Ġenerali, iżda sempliċement allegat il-ksur ta’ ċerti dispożizzjonijiet applikabbli fil-qasam tal-awditu.

103

Madankollu, sa fejn mill-punt 83 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE kif ukoll dawk tar-Regolament Finanzjarju, kemm jekk taġixxi bħala parti kontraenti f’relazzjonijiet kuntrattwali li jorbtuha ma’ individwu kif ukoll jekk tadotta, fil-kwalità tagħha ta’ awtorità amministrattiva, deċiżjonijiet li għandhom is-saħħa eżekuttiva, il-fatt li IAE issa tagħmel riferiment għall-applikazzjoni tal-Artikolu 317 TFUE u tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Finanzjarju ma għandux iwassal sabiex jitqies li dan l-argument għandu portata differenti minn dik invokata quddiem il-Qorti Ġenerali. L-imsemmi argument għandu jitqies li huwa l-estensjoni ta’ lment invokat inizjalment fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

104

Madankollu, peress li l-Qorti Ġenerali ċaħdet dan l-ilment minħabba b’mod partikolari li l-argument żviluppat fih kien jikkonsisti f’sempliċi allegazzjonijiet, diffiċilment komprensibbli u, fi kwalunkwe każ, b’ebda mod sostnuti u li dan l-argument ma kien jagħmel ebda riferiment għar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, u li l-argument invokat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jistax jirrimedjahom, l-imsemmi lment għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

105

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala parzjalment inammissibbli u parzjalment infondat.

Fuq ir-raba’ aggravju

– L-argumenti tal-partijiet

106

Permezz tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, IAE tallega li l-Qorti Ġenerali qieset li t-talba tagħha intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni għal arrikkiment indebitu kienet infondata, għas-sempliċi raġuni li kienet teżisti rabta kuntrattwali bejn il-partijiet, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tal-benefiċċju li l-Kummissjoni kisbet mis-servizz ipprovdut.

107

Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, IAE ssostni li l-Qorti Ġenerali qieset b’mod żbaljat li t-talba tagħha għad-danni ma kinitx sostnuta, minkejja li tali talba kienet ibbażata “neċessarjament” fuq is-servizz li hija kienet diġà pprovdiet u fuq l-ispejjeż li hija kienet diġà sostniet.

108

Il-Kummissjoni ssostni li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

– Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

109

Fir-rigward tal-ewwel parti tar-raba’ aggravju, għandu jitfakkar li, sabiex ikun jista’ jintlaqa’ rikors ibbażat fuq l-arrikkiment indebitu, huwa essenzjali li l-arrikkiment ma jkollu ebda bażi legali valida. Din il-kundizzjoni ma tkunx issodisfatta, b’mod partikolari, meta l-arrikkiment jirriżulta minn obbligi kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 2008, Masdar (UK) vs Il-Kummissjoni, C‑47/07 P, EU:C:2008:726, punt 46, u tat-28 ta’ Lulju 2011, Agrana Zucker, C‑309/10, EU:C:2011:531, punt 53).

110

Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta, wara li fakkret il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 109 ta’ din is-sentenza, ikkonkludiet, fil-punt 133 tad-digriet appellat, li l-allegat arrikkiment tal-Kummissjoni kien ibbażat fuq il-kuntratti MARE, Senior u ECRN, li kienu jorbtuha ma’ IAE, b’tali mod li dan l-arrikkiment ma setax jitqies bħala “indebitu”, fis-sens tal-ġurisprudenza.

111

Għaldaqstant, l-ewwel parti tar-raba’ aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

112

Fir-rigward tat-tieni parti tar-raba’ aggravju, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, huwa suġġett għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir allegat fil-konfront tal-istituzzjoni tal-Unjoni, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir tal-istituzzjoni u d-dannu invokat (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-14 ta’ Ottubru 2014, Giordano vs Il-Kummissjoni, C‑611/12 P, EU:C:2014:2282, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

113

Madankollu, fil-każ ineżami, peress li r-rikors fl-ewwel istanza ma kien jinkludi ebda element li jippermetti li tiġi ssostanzjata t-talba għad-danni, il-Qorti Ġenerali ġustament ċaħdet, fil-punt 138 tad-digriet appellat, din it-talba bħala manifestament inammissibbli, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li hija setgħet tevita l-osservanza tar-rekwiżiti formali stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet sa fejn it-talba tagħha kienet ibbażata “neċessarjament” fuq is-servizz li hija kienet diġà pprovdiet u fuq l-ispejjeż li hija kienet diġà sostniet.

114

Konsegwentement, it-tieni parti tar-raba’ aggravju għandha wkoll tiġi miċħuda bħala infondata.

115

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

116

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jintlaqa’ dan l-appell u, għaldaqstant, li d-digriet appellat jiġi annullat.

Fuq ir-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali

117

Konformement mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, meta tannulla d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ taqta’ l-kawża hija stess b’mod definittiv, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża, jew tista’ tibgħat il-kawża lura quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi.

118

Fil-każ ineżami, peress li l-ewwel u t-tielet sas-seba’ motiv invokati fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza ġew miċħuda fid-digriet appellat bħala manifestament inammissibbli, minħabba li kienu bbażati fuq l-interpretazzjoni, jew anki fuq l-allegat nuqqas ta’ eżekuzzjoni, tal-klawżoli tal-kuntratti inkwistjoni u mhux fuq il-ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża.

119

Konsegwentement, il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Fuq l-ispejjeż

120

Peress li l-kawża qiegħda tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż marbuta ma’ din il-proċedura ta’ appell għandhom jiġu rriżervati.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ April 2016, Inclusion Alliance for Europe vs Il-Kummissjoni (T‑539/13, mhux ippubblikat, EU:T:2016:235), huwa annullat.

 

2)

Il-kawża T-539/13 għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

 

3)

L-ispejjeż huma rriżervati.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.