SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

30 ta’ Mejju 2018 ( *1 ) ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Privileġġi u immunitajiet tal-Unjoni Ewropea –Protokoll Nru 7 – Artikolu 1 – Neċessità jew le ta’ awtorizzazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja – Fondi strutturali – Għajnuna finanzjarja tal-Unjoni Ewropea – Proċedura sabiex jinżammu fil-konfront ta’ awtorità nazzjonali ammonti li ġejjin minn din l-għajnuna”

Fil-Kawża C‑370/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di Novara (il-Qorti Distrettwali ta’ Novara, l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-21 ta’ Jannar 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Lulju 2016, fil-proċedura

Bruno Dell’Acqua

vs

Eurocom Srl,

Regione Lombardia,

fil-preżenza ta’:

Renato Quattrocchi,

Antonella Pozzoli,

Loris Lucini,

Diego Chierici,

Nicoletta Malaraggia,

Elio Zonca,

Sonia Fusi,

Danilo Cattaneo,

Alberto Terraneo,

Luigi Luzzi,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský, M. Safjan, D. Šváby u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Arenas u D. Nardi, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata mibdija minn Bruno Dell’Acqua kontra Eurocom Srl fil-forma ta’ qbid f’idejn terz, jiġifieri r-Regione Lombardia (ir-Reġjun tal-Lombardia, l-Italja).

Il-kuntest ġuridiku

Il-Protokoll

3

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll jipprovdi li “[i]l-proprjetà u l-assi ta’ l-Unjoni ma jkunu suġġetti għal ebda miżura amministrattiva jew legali li tirrestrinġihom mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja.”

Ir-Regolament (KE) Nru 1083/2006

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU 2006, L 210, p. 25), jipprevedi li dan ir-regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali li jirregolaw, b’mod partikolari, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), magħrufa bħala l-Fondi Strutturali.

5

Skont l-Artikolu 3(2)(a) ta’ dan ir-regolament, “l-objettiv ta’ Konverġenza”, li huwa intiż li jħaffef il-konverġenza tal-Istati Membri u r-reġjuni l-inqas żviluppati, jikkostitwixxi l-prijorità tal-Fondi Strutturali u tal-Fondi ta’ Koeżjoni (iktar ’il quddiem il-“Fondi”).

6

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-Fondi għandhom jipprovdu għajnuna li tikkomplementa l-azzjonijiet nazzjonali, inklużi azzjonijiet fil-livelli reġjonali u lokali, u jintegraw fihom il-prijoritajiet Komunitarji.”

7

Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, “[l]-objettivi tal-Fondi għandhom jitwettqu fil-qafas ta’ koperazzjoni mill-qrib (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘sħubija’), bejn il-Kummissjoni u kull Stat Membru”.

8

Skont l-Artikolu 14(1) tal-imsemmi regolament, il-baġit tal-Unjoni Ewropea allokat lill-Fondi għandu jiġi implimentat fil-kuntest tal-ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni.

9

L-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprevedi li kull programm operattiv ikopri perijodu bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u l-31 ta’ Diċembru 2013. Kull programm operattiv għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru, skont l-Artikolu 32(2) ta’ dan ir-regolament, sussegwentement għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni skont il-paragrafi 4 u 5 tal-imsemmi artikolu.

10

Skont l-Artikolu 37(1)(g)(iii) tal-imsemmi regolament, il-programmi operattivi relatati mal-għanijiet ta’ konverġenza u kompetittività reġjonali u impjieg jinkludu informazzjoni dwar l-organu kompetenti li jirċievi l-ħlasijiet imwettqa mill-Kummissjoni u l-organu jew l-organi responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet lill-benefiċjarji.

11

Skont l-Artikolu 61(a) tar-Regolament Nru 1083/2006, l-awtorità ta’ ċertifikazzjoni ta’ programm operattiv għandha b’mod partikolari, tistabbilixxi u tgħaddi lill-Kummissjoni d-dikjarazzjonijiet tan-nefqa u talbiet għal ħlas.

12

L-Artikolu 70(1) u (2) tal-imsemmi regolament, jipprevedi:

“1   L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall-ġestjoni u l-kontroll tal-programmi operattivi b’mod partikolari permezz tal-miżuri li ġejjin:

[…]

b)

li jipprevjenu, jindividwaw u jikkorreġu rregolaritajiet u jirkupraw ammonti li tħallsu indebitament flimkien ma’ l-imgħax fuq ħlasijiet li saru tard fejn ikun il-każ. Huma għandhom jinnotifikawhom lill-Kummissjoni, u jżommu lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-proċedimenti amminstrattivi u legali.

2.   Meta ammonti mħallsa indebitament lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborża l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali ta’ l-Unjoni Ewropea, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.”

13

L-Artikolu 76(1) u (2) tar-Regolament Nru 1083/2006 huwa fformulat kif ġej:

“1.   Ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni mill-Fondi għandhom isiru skond l-approprjazzjonijiet tal-baġit. Kull ħlas għandu jkun assenjat lill-impenji tal-baġit miftuħ tal-Fond konċernat li jmur l-aktar lura fiż-żmien.

2.   Il-ħlasijiet għandhom jieħdu l-forma ta’ pre-finanzjament, ħlasijiet interim u ħlas tal-bilanċ finali. Għandhom isiru lill-korp nominat mill-Istat Membru.”

14

L-Artikolu 80 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw ruħhom li l-korpi responsabbli sabiex jagħmlu l-ħlasijiet jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-ammont totali tal-kontribuzzjoni pubblika mill-aktar fis possibbli, u kollu kemm hu. L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda spiża speċifika jew spiża oħra b’effett ekwivalenti m’għandha tiġi imposta li tkun tnaqqas dawn l-ammonti għall-benefiċjarji.”

15

L-Artikolu 93(1) u (3) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe parti ta’ impenn tal-baġit fi programm operattiv li ma ntużatx għall-ħlasijiet ta’ pre-finanzjament jew għall-ħlasijiet interim, jew li għaliha applikazzjoni għall-ħlas ma ntbagħtetx konformement ma’ l-Artikolu 86 sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena wara s-sena ta’ l-impenn tal-baġit taħt il-programm, bl-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

[…]

3.   Dik il-parti ta’ l-impenji li tkun għadha miftuħa fil-31 ta’ Diċembru 2015 għandha tiġi diżimpenjata awtomatikament mill-impenji jekk il-Kummissjoni ma tkunx irċeviet applikazzjoni aċċettabli għall-ħlas tagħha sal-31 ta’ Marzu 2017.”

16

L-Artikolu 93(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 539/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Ġunju 2010 (ĠU 2010, L 158, p. 1) jipprovdi:

“Il-Kummissjoni għandha awtomatikament tiddiżimpenja kwalunkwe parti tal-ammont ikkalkulat skont it-tieni subparagrafu fi programm operattiv li ma ntużatx għall-ħlasijiet ta’ pre-finanzjament jew għall-ħlasijiet interim, jew li għaliha applikazzjoni għall-ħlas ma ntbagħtitx konformement mal-Artikolu 86 sal-31 ta’ Diċembru tat-tieni sena wara s-sena tal-impenn tal-baġit taħt il-programm, bl-eċċezzjoni msemmija fil-paragrafu 2.

Għall-finijiet tad-diżimpenn awtomatiku, il-Kummissjoni għandha tikkalkula l-ammont billi tgħodd parti waħda minn sitta tal-impenn baġitarju annwali relatat mal-kontribuzzjoni annwali totali tal-2007 għal kull wieħed mill-impenji baġitarji tas-snin 2008 sal-2013.”

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013

17

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament Nru 1083/2006 (ĠU 2013, L 347, p. 320), jipprevedi, fl-Artikolu 26(1) tiegħu:

“[Il-FEŻR, il-FSE, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew koperti mill-Qafas Strateġiku] għandhom jiġu implimentati permezz tal-programmi skont il-Ftehim ta’ Sħubija. Kull programm għandu jkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2020.”

18

L-Artikolu 132(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Suġġett għad-disponibilità ta’ finanzjament minn pagamenti ta’ prefinanzjament u interim inizjali u annwali, l-awtorità ta’ ġestjoni għandha tiżgura li benefiċjarju jirċievi l-ammont totali tan-nefqa pubblika eliġibbli kollu kemm hu u mhux aktar tard minn 90 jum mid-data ta’ sottomissjoni tal-klejm għall-pagament mill-benefiċjarju.

L-ebda ammont m’għandu jitnaqqas jew jinżamm u l-ebda tariffa speċifika jew tariffa oħra b’effett ekwivalenti m’għandhom jiġu imposti li jnaqqsu ammonti dovuti lill-benefiċjarji.”

19

L-Artikolu 152(1) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.   Dan ir-Regolament m’għandu jaffettwa la l-kontinwazzjoni u lanqas il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali ta’ assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 […]. Dak ir-Regolament […] għandhom konsegwentement ikomplu japplikaw wara l-31 ta’ Diċembru 2013 għal din l-għajnuna jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom. […]”

20

L-Artikolu 153 ta’ dan l-istess regolament jipprevedi li r-Regolament Nru 1083/2006 għandu jitħassar b’effett mill-1 ta’ Jannar 2014, “[m]ingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 152”.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

21

B. Dell’Acqua huwa kreditur tal-kumpannija Eurocom. Sabiex jasserixxi d-drittijiet tiegħu, huwa beda quddiem it-Tribunale di Novara (il-Qorti Distrettwali ta’ Novara, l-Italja) proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata, fil-forma ta’ mandat ta’ qbid f’idejn parti terza, jiġifieri r-Reġjun tal-Lombardia, li ġie sostnut li kien debitur ta’ Eurocom.

22

Ir-Reġjun tal-Lombardia rrikonoxxa li huwa debitur ta’ Eurocom, iżda sostna li dan id-dejn kien jikkonċerna ammonti li jappartjenu għall-Fondi Strutturali li jaqgħu taħt l-FSE, speċifikament intiżi għat-twettiq ta’ għanijiet pubbliċi ta’ żvilupp u ta’ sostenn għall-impjieg, u li r-Reġjun tal-Lombardia seta’ jħallashom biss lill-benefiċjarju finali, jiġifieri Eurocom. Skont l-interpretazzjoni tar-Reġjun tal-Lombardia, dawn l-ammonti ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ mandat ta’ qbid skont l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006.

23

Fir-rigward tan-natura tal-ammonti kkonċernati, l-ebda waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali ma kkontestat, quddiem il-qorti tar-rinviju, il-fatt li huma kienu jaqgħu taħt l-imsemmija Fondi Strutturali. B’teħid inkunsiderazzjoni, għaldaqstant, li l-ammonti kontenzjużi jifformaw parti minn “assi Komunitarji jew, fi kwalunkwe każ, marbuta mal-Komunità”, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fid-dawl tal-Artikolu 132 tar-Regolament Nru 1303/2013, li jipproduċi, essenzjalment, l-Artikolu 80 tar-Regolament Nru 1083/2006, dwar l-applikabbiltà għall-fatti tal-każ tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll.

24

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunale di Novara (il-Qorti Distrettwali ta’ Novara, l-Italja) ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea qed tiġi mistoqsija jekk l-awtorizzazzjoni minn qabel skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-‘Protokoll dwar il-privileġġi u l-immunitajiet tal-Unjoni Ewropea’ […] hijiex neċessarja jew le meta, fil-proċeduri ta’ infurzar f’idejn parti terza, il-flus maqbuda ma għadhomx f’idejn [l-awtorità kkonċernata tal-Unjoni], iżda diġà ġew ittrasferiti lill-aġenziji ta’ pagamenti nazzjonali.”

Fuq id-domanda preliminari

25

Qabelxejn, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tispeċifikax għal liema perijodu ta’ finanzjament kellu jiġi assenjat il-kreditu ta’ Eurocom fil-konfront tar-Reġjun tal-Lombardia. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat lir-Repubblika Taljana u lill-Kummissjoni mistoqsija f’dan ir-rigward, sabiex tistabbilixxi jekk il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1083/2006 jew f’dak tar-Regolament Nru 1303/2013. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 32(1) tar-Regolament Nru 1083/2006, dan tal-aħħar japplika għall-programmi operattivi li jkopru l-perijodu bejn l-2007 u l-2013, filwaqt li r-Regolament Nru 1303/2013 jikkonċerna, skont l-Artikolu 26(1) tiegħu, il-perijodu bejn l-2014 u l-2020.

26

Bħala tweġiba, kemm ir-Repubblika Taljana kif ukoll il-Kummissjoni indikaw li d-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jaqa’ taħt il-programm operattiv reġjonali għar-Reġjun tal-Lombardia għall-perijodu bejn l-2007 u l-2013.

27

F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmi programm huwa s-suġġett tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2007) 5465, tas-6 ta’ Novembru 2007, meħuda wara l-preżentazzjoni, mir-Repubblika Taljana, ta’ proposta intiża għal dan il-programm, u li għandu bħala destinatarju dan l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni, il-programm operattiv reġjonali għar-Reġjun tal-Lombardia jaqa’ fil-perijodu ta’ programmazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2013.

28

Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-Regolament Nru 1083/2006 huwa rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża.

29

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ssostni fit-tweġiba tagħha, fuq il-bażi tal-informazzjoni miġbura mingħand ir-Reġjun tal-Lombardia, li, minn naħa, ir-Repubblika Taljana ma ressqitx talba għal kofinanzjament lill-Unjoni fir-rigward tad-djun ta’ Eurocom li kienu s-suġġett ta’ mandat ta’ qbid u li, min-naħa l-oħra, peress li t-terminu għat-talba għal ħlas tal-bilanċ għall-perijodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 kien il-31 ta’ Marzu 2017 u peress li l-imsemmija djun ma kinux is-suġġett ta’ talba għal kofinanzjament lill-Unjoni, dawn għandhom jitħallsu fl-intier tagħhom mill-fondi nazzjonali.

30

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-qorti tar-rinviju tibbaża ruħha fuq il-premessa li l-ammonti li huma s-suġġett tal-mandat ta’ qbid fil-proċedura prinċipali ġejjin mill-FSE.

31

Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 267 TFUE jistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni diretta bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati tal-Istati Membri. Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ibbażata fuq separazzjoni ċara tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità għal deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tiddeċiedi biss fuq l-interpretazzjoni jew il-validità ta’ test tal-Unjoni abbażi tal-fatti li jkunu indikati lilha mill-qorti nazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2017, Polbud – Wykonawstwo, C‑106/16, EU:C:2017:804, punt 27).

32

Konsegwentement, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, jekk ikun il-każ, l-eżattezza tal-fatti rilevanti għas-soluzzjoni tat-tilwima li hija adita biha.

33

Fid-dawl ta’ dawn l-osservazzjonijiet preliminari, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll, għandhiex tiġi interpretata fis-sens li l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja hija neċessarja meta terz jibda proċedura ta’ mandat ta’ qbid ta’ dejn fil-konfront ta’ organu ta’ Stat Membru li għandu dejn korrispondenti dovut lid-debitur tat-terz, benefiċjarju ta’ fondi mogħtija għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti kofinanzjati mill-FSE.

34

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, billi jipprevedi li l-proprjetà u l-assi tal-Unjoni ma jistgħu jkunu s-suġġett ta’ ebda miżura ta’ infurzar amministrattiva jew ġudizzjarja mingħajr awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tal-Artikolu 1 tal-Protokoll huwa li jiġu evitati ostakoli għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni. Mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu jirriżulta li l-immunità hija imposta bil-liġi u tipprekludi, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ infurzar fil-konfront tal-Unjoni, mingħajr ma’ l-istituzzjoni kkonċernata ma jkollha tinvoka espressament il-benefiċċju tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tal-Protokoll (digriet tad-29 ta’ Settembru 2015, ANKO vs Il-Kummissjoni, C‑2/15 SA, mhux ippubblikat, EU:C:2015:670, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35

Ir-Repubblika Taljana ssostni, f’dan il-każ, li, fid-dawl tal-fatt li l-ammonti li jaqgħu taħt l-FSE għandhom jintużaw għal spejjeż iddeterminati kif ukoll fid-dawl tan-natura tal-missjonijiet mogħtija, f’dan il-qasam, lir-Reġjun tal-Lombardia skont id-dritt tal-Unjoni, l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja hija meħtieġa. Hija tesponi għalhekk li r-riżorsi li ġejjin mill-Fondi għandhom ikollhom rabta ta’ destinazzjoni vinkolanti ma’ spejjeż speċifiċi, fis-sens li dawn ir-riżorsi għandhom ikunu ddestinati għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni u ma jistgħux jintużaw għal skop differenti minn dan. Issa, din ir-rabta ma tinkisirx minħabba t-trasferiment tal-imsemmija riżorsi lill-entitajiet nazzjonali meqjusa għalhekk bħala sempliċi awtoritajiet ta’ ġestjoni. Hija tikkunsidra fil-fatt li r-rabta ta’ destinazzjoni bejn ir-riżorsi u l-ispejjeż tintemm biss wara t-twettiq sħiħ tal-għan li għandu jintlaħaq mill-Unjoni u, għaldaqstant, biss meta l-ammonti jidħlu fl-assi tal-benefiċjarju. Barra minn hekk, l-awtoritajiet nazzjonali jikkooperaw fl-implimentazzjoni ta’ funzjoni li taqa’ fil-kompetenza tal-korpi tal-Unjoni skont il-mudell organizzattiv tal-eżekuzzjoni indiretta. Minn dan isegwi li, fl-eżerċizzju ta’ din l-attività, l-awtoritajiet nazzjonali ma jeżerċitawx funzjoni tagħhom, iżda jwettqu funzjoni Ewropea, bis-saħħa tal-kompetenzi leġiżlattivi u amministrattivi tagħhom stess.

36

Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

37

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 76(1) u (2) tar-Regolament Nru 1083/2006 jipprevedi li l-ħlasijiet mill-Kummissjoni tal-kontribuzzjoni tal-Fondi, fil-forma ta’ prefinanzjament, ta’ ħlasijiet interim u ta’ ħlas tal-bilanċ finali, għandhom jitwettqu lill-organu indikat mill-Istat Membru. Kif jirriżulta mill-Artikolu 37(1)(g)(iii) ta’ dan ir-regolament, il-programmi operattivi relatati mal-għanijiet ta’ konverġenza kif ukoll ta’ kompetittività u ta’ impjieg għandhom jinkludu dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni li jindikaw l-organu kompetenti li jirċievi l-ħlasijiet imwettqa mill-Kummissjoni u l-organu jew l-organi responsabbli għall-eżekuzzjoni tal-ħlasijiet lill-benefiċjarji.

38

Skont l-Artikolu 70(1) tal-imsemmi regolament, l-Istati Membru jassumu r-responsabbiltà tal-ġestjoni u tal-kontroll tal-programmi operattivi, b’mod partikolari, bil-prevenzjoni, bl-identifikazzjoni u bil-korrezzjoni tal-irregolaritajiet, kif ukoll bl-irkupru tal-ammonti indebitament imħallsa. Meta l-ammonti indebitament mħallsa lil benefiċjarju ma jistgħux jiġu rkuprati, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 70 jipprevedi li l-Istat Membru huwa responsabbli sabiex jirrimborsa l-ammonti mitlufa lill-baġit ġenerali tal-Unjoni, meta jiġi stabbilit li t-telf iġġarrab minħabba tort jew negliġenza tiegħu.

39

Għalhekk, il-ħlasijiet imwettqa mill-Kummissjoni lill-Istati Membri, abbażi tal-Fondi, jimplikaw trasferiment ta’ assi tal-baġit tal-Unjoni lejn il-baġits tal-Istati Membri.

40

Issa, sa fejn dawn l-assi joħorġu mill-baġit tal-Unjoni u jitqiegħdu għalhekk għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, huma ma jistgħux jiġu kkunsidrati, ladarba jkunu tħallsu, bħala assi tal-Unjoni, fis-sens tal-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll. Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li, peress li l-Kummissjoni tkun tat lil Stat Membru għajnuna finanzjarja abbażi ta’ Fondi, dan l-Istat għandu jitqies li għandu d-dritt għall-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni inkwistjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 51).

41

Il-fatt li tali assi jintużaw għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni huwa irrilevanti f’dan ir-rigward.

42

Fil-fatt, kif sostniet il-Kummissjoni, skont it-tliet modalitajiet ta’ pagament tal-Istat Membru previsti mir-Regolament Nru 1083/2006 u mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-kofinanzjament tal-baġit tal-Unjoni huwa intiż, għall-finijiet tal-eżekuzzjoni tal-programm operattiv fl-intier tiegħu, għall-baġit tal-Istat Membru fil-ġeneralità tiegħu, u mhux għall-benefiċjarji ta’ proġetti speċifiċi. L-ammonti allokati fil-baġit tal-Unjoni għall-kofinanzjament jidħlu fl-assi tal-Istat Membru, li jiżdiedu mar-riżorsi l-oħra li jeħtieġ l-Istat Membru sabiex jiżgura l-kofinanzjament u li għandu juża mill-baġit nazzjonali tiegħu. Barra minn hekk, kif jista’ jiġi dedott mir-Regolament Nru 1083/2006, u b’mod partikolari mill-Artikolu 93(1) u (3) tiegħu, l-Istat Membru jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jirrinunzja li jitlob il-ħlas ta’ għajnuna finanzjarja, b’mod partikolari, tal-FSE.

43

Għalhekk, mir-Regolament Nru 1083/2006 jirriżulta li l-mekkaniżmu ta’ sostenn finanzjarju li huwa jistabbilixxi ma jistax joħloq ċertezza fi ħdan awtorità ta’ ġestjoni jew fil-kredituri tagħha fir-rigward tal-possibbiltà li proġett iddeterminat jikseb kofinanzjament tal-FSE.

44

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1083/2006 jikkonċernaw ir-relazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istat Membru, iżda ma joħolqux rabta diretta bejn l-ammonti mħallsa lill-Istat Membru abbażi ta’ Fondi bħall-FSE, minn naħa, u l-awtoritajiet li l-Istat Membru jindika għall-ġestjoni tal-interventi finanzjarji u l-benefiċjarji finali, min-naħa l-oħra (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Ente per le Ville Vesuviane u Ente per le Ville Vesuviane vs Il-Kummissjoni, C‑445/07 P u C‑455/07 P, EU:C:2009:529, punt 48).

45

Kif irrilevat, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 44 tal-konklużjonijiet tagħha, ir-rabta bejn il-kofinanzjament imqiegħed għad-dispożizzjoni mill-Unjoni, abbażi tal-FSE, u t-twettiq ta’ proġett iddeterminat hija wisq indiretta sabiex jiġi kkunsidrat li l-ammonti li l-awtoritajiet tal-Istat Membri għandhom iħallsu lill-benefiċjarji għall-eżekuzzjoni tal-imsemmi proġett huma assi tal-Unjoni u, għaldaqstant, li huma għandhom jibbenefikaw mill-protezzjoni kontra l-qbid, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll, sabiex jiġi evitat ostakolu għall-funzjonament u l-indipendenza tal-Unjoni.

46

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarja meta terz jibda proċedura ta’ mandat ta’ qbid ta’ dejn fil-konfront ta’ organu ta’ Stat Membru li għandu dejn korrispondenti dovut lid-debitur tat-terz, benefiċjarju ta’ fondi mogħtija għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti kofinanzjati mill-FSE.

Fuq l-ispejjeż

47

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-aħħar sentenza tal-Artikolu 1 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi interpretata fis-sens li l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex neċessarja meta terz jibda proċedura sabiex jinżamm dejn fil-konfront ta’ organu ta’ Stat Membru li għandu dejn korrispondenti dovut lid-debitur tat-terz, benefiċjarju ta’ fondi mogħtija għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ proġetti kkofinanzjati mill-Fond Soċjali Ewropew.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.

( 1 ) Fid-dispożittiv ta’ dan it-test saret modifika ta’ natura lingwistika, wara li li kien tqiegħed online għal-ewwel darba.