SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

20 ta’ Lulju 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 44/2001 – Artikolu 9(1) – Artikolu 11(2) – Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni – Azzjoni diretta tal-vittma kontra l-assiguratur – Azzjoni tal-persuna li timpjega lill-vittma, stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku, ċessjonarju ipso jure tad-drittijiet tal-impjegat tiegħu kontra l-assiguratur tal-vettura involuta – Surroga

Fil-Kawża C-340/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni 25 ta’ Mejju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

Landeskrankenanstalten-Betriebsgesellschaft -KABEG

vs

Mutuelles du Mans assurances - MMA IARD SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský, M. Safjan (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Bobek,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

Għal Landeskrankenanstalten-Betriebsgesellschaft - KABEG, minn H.H. Toriser, avukat,

għal Mutuelles du Mans assurances - MMA IARD SA, minn M. Angerer, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn F. Di Matteo, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fis-seduta tat-18 ta’ Mejju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 42), moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn il-Landeskrankenanstalten-Betriebsgesellschaft – KABEG (iktar ’il quddiem “KABEG”), stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku li għandu s-sede tiegħu fi Klagenfurt am Wörthersee (l-Awstrija) u li jopera stabbilimenti ta’ kura, għal Mutuelles du Mans assurances – MMA IARD SA (iktar ’il quddiem “MMA IARD”), kumpannija tal-assigurazzjoni stabbilita fi Franza, dwar it-talba għal kumpens, imressqa minn KABEG, peress li baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni ta’ wieħed mill-impjegati tagħha matul perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol temporanja wara inċident tat-traffiku, li seħħ fl-Italja, li fih kienu involuti dan l-impjegat u vettura bil-mutur koperta minn assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili kkuntrattata ma’ MMA IARD.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Ir-Regolament Nru 44/2001

3

Il-premessi 11 sa 13 tar-Regolament Nru 44/2001 kienu fformulati kif ġej:

“(11)

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandhom jiġu mbassra minn qabel u stabbiliti fuq il-prinċipju li l-ġurisdizzjoni hija ġeneralment ibbażata fuq id-domiċilju tal-konvenut u l-ġurisdizzjoni għandha dejjem tkun disponibbli fuq dan il-lat ħlief għal ftit sitwazzjonijiet definiti sewwa li fihom is-suġġett tal-materja tal-litigazzjoni jew ta’ awtonomija tal-partijiet tkun teħtieġ fattur differenti. Id-domiċilju ta’ persuna ġuridika għandu jiġi definit b’awtonomija u b’hekk jagħmel ir-regoli komuni aktar trasparenti u jevita kunflitti ta’ ġurisdizzjoni.

(12)

B’żieda mad-domiċilju tal-konvenut, għandu jkun hemm bażi alternattiva ta’ ġurisdizzjoni bbażata fuq rabta mill-qrib bejn il-qorti u l-azzjoni jew sabiex tkun iffaċilitata amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

(13)

B’relazzjoni ma’ assigurazzjoni, kuntratti tal-konsumatur u impjieg, il-parti l-anqas b’saħħitha għandha tiġi mħarsa b’regoli ta’ ġurisdizzjoni l-aktar favorevoli għall-interessi tiegħu milli hemm provduti fir-regoli ġenerali.”

4

Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 44/2001 jinsabu fil-Kapitolu II tiegħu, li huwa kompost mill-Artikoli 2 sa 31.

5

L-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li jaqa’ taħt is-Sezzjoni 1 tal-imsemmi Kapitolu II, intitolata “Disposizzjonijiet ġenerali”, kien ifformulat kif ġej:

“Bla preġudizzju għal dan ir-Regolament, persuni b’domiċilju fi Stat Membru għandhom, independentament min-nazzjonalità tagħhom, jiġu mfittxija fil-qrati ta’ dak l-Istat Membru.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, li jifforma parti mill-imsemmija Sezzjoni 1, kien jipprovdi li:

“Persuni domiċiljati fi Stat Membru jistgħu jiġi mfittxija fil-qrati ta’ Stat Membru ieħor biss bis-saħħa tar-regoli mniżżla f’Sezzjonijiet 2 sa 7 ta’ dan il-Kapitolu.”

7

Is-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu 2 tal-istess regolament kienet intitolata “Ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni”. Din kienet tinkludi l-Artikoli 8 sa 14 tar-Regolament Nru 44/2001.

8

Fi kliem l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament:

“F’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni, il-ġurisdizzjoni għandha tiġi determinata b’din is-Sezzjoni bla ħsara għal l-Artikolu 4 u punt 5 ta’ l-Artikolu 5.”

9

L-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament kien jipprovdi:

“Assiguratur domiċiljat fi Stat Membru jista’ jiġi mfittex:

(a)

fil-qrati tal-Istat Membru fejn jkun domiċiljat, jew

(b)

fi Stat membru ieħor, fil-każ ta’ azzjonijiet miġjuba minn dak li jkollu l-polza ta’ assigurazzjoni, dak li jkun assigurat jew xi benefiċjarju, fil-qrati tal-post fejn l-attur ikun domiċiljat […]

[…]”

10

L-Artikolu 10 tal-istess regolament kien ifformulat kif ġej:

“F’dak li għandu x’jaqsam ma’ assigurazzjoni ta’ responsabbilità jew assigurazzjoni fuq propjetà immobli, l-assiguratur jista’ jiġi mfittex ukoll fil-qrati tal-post fejn tkun seħħet il-ħsara. L-istess japplika jekk propjetà mobbli u immobli taqa’ taħt l-istess polza ta’ assigurazzjoni u t-tnejn jiġu effettwati ħażin bl-istess kontinġenza.”

11

Fi kliem l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 44/2001.

“L-Artikoli 8, 9 u 10 għandhom japplikaw għall-azzjonijiet miġjuba mill-parti li tkun ġarrbet il-ħsara kontra l-assiguratur, meta jkunu permissibli tali azzjonijiet diretti.”

12

Ir-Regolament Nru 44/2001 ġie abrogat mill-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1). Madankollu, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 81 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, dan japplika biss mill-10 ta’ Jannar 2015.

Id-Direttiva 2009/103/KE

13

Taħt it-titolu “Assigurazzjoni obbligatorja għall-vetturi”, l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/103/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, dwar l-assigurazzjoni kontra responsabbiltà ċivili fir-rigward tal-użu ta’ vetturi bil-mutur u l-infurzar tal-obbligu ta’ assigurazzjoni kontra din ir-responsabbiltà (ĠU 2009, L 263, p. 11), jipprovdi:

“Kull Stat Membru għandu, soġġett għall-Artikolu 4, jieħu l-miżuri kollha approprjati biex jassigura li r-responsabbiltà ċivili fir-rigward ta’ l-użu ta’ vetturi normalment ibbażati fit-territorju tiegħu ikun kopert minn assigurazzjoni.

Il-ħsara koperta u t-termini u l-kondizzjonijiet tal-kopertura għandhom ikunu determinati fuq il-bażi tal-miżuri msemmijin fl-ewwel paragrafu.

Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa biex jassigura li l-kuntratt tal-assigurazzjoni jkopri wkoll:

(a)

skont il-liġi fis-seħħ fl-Istati Membri l-oħra, kull telf jew korriment ikkawżat fit-territorju ta’ dawk l-Istati;

(b)

kull telf jew korriment soffert minn ċittadini ta’ Stati Membri tul vjaġġ dirett bejn żewġ territorji li fihom it-Trattat ikun fis-seħħ, jekk ma jkun hemm l-ebda uffiċċju nazzjonali tal-assiguraturi responsabbli għat-territorju li jkun qed jinqasam; f’dak il-każ, it-telf jew korriment għandu jkun kopert skont il-liġijiet nazzjonali dwar l-assigurazzjoni obbligatorja fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-vettura tkun normalment ibbażata.

L-assigurazzjoni msemmija fl-ewwel paragrafu għandha tkopri b’mod obbligatorju kemm il-ħsara lill-proprjetà kif ukoll id-danni personali.”

14

Fi kliem l-Artikolu 18 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt ta’ azzjoni diretta”:

“Kull Stat Membru għandu jassigura li l-partijiet danneġġjati msemmija fl-Artikolu 1 f’inċidenti fis-sens ta’ dik id-disposizzjoni igawdu minn dritt dirett ta’ azzjoni kontra l-impriża ta’ assikurazzjoni li tkopri l-persuna responsabbli kontra r-responsabbiltà ċivili.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

15

Inċident tat-traffiku li seħħ fl-Italja, fis-26 ta’ Marzu 2011, involva ċiklist, impjegat ta’ KABEG u domiċiljat fl-Awstrija, u vettura bil-mutur koperta b’assigurazzjoni għar-responsabbiltà ċivili ma’ MMA IARD. Dan l-impjegat sofra diversi ġrieħi f’dan l-inċident.

16

KABEG adixxiet il-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt, l-Awstrija) sabiex titlob li MMA IARD tiġi kkundannata tħallas dannu fl-ammont ta’ EUR 15505.64 flimkien mal-interessi u l-ispejjeż. KABEG esponiet li hija baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha, vittma tal-inċident stradali, matul il-perijodu tal-leave tal-mard wara dan l-inċident. Fuq din il-bażi, hija ġiet issurrogata fid-drittijiet finanzjarji ta’ dan l-impjegat fl-ammont ta’ din is-somma.

17

KABEG tqis li l-ġurisdizzjoni territorjali tal-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) hija bbażata fuq l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament. Barra minn hekk, hija ssostni li l-azzjoni ppreżentata b’mod parallel mill-impjegat tagħha hija pendenti quddiem din l-istess qorti, li diġà kkonstatat il-ġurisdizzjoni tagħha.

18

MMA IARD qajmet eċċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ġurisdizzjoni billi sostniet li s-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament tistabbilixxi sistema speċifika ta’ riżoluzzjoni ta’ kunflitti ta’ ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni. Skont il-premessa 13 tal-istess regolament, ir-regoli speċjali ta’ ġurisdizzjoni previsti minn din is-sezzjoni huma intiżi sabiex jipproteġu lill-parti l-inqas b’saħħitha. KABEG, bħala l-persuna li timpjega, ma tistax tinvoka tali protezzjoni.

19

Il-Landesgericht Klagenfurt (qorti reġjonali ta’ Klagenfurt) ċaħdet din l-eċċezzjoni minħabba li KABEG, li hija biss issurrogata fid-drittijiet tal-impjegat tagħha, tista’ tinvoka l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, billi tali persuna ġuridika hija, indipendentement mid-daqs tagħha, il-parti l-inqas b’saħħitha f’tilwima ma’ impriża tal-assigurazzjoni.

20

MMA IARD appellat minn din id-deċiżjoni quddiem l-Oberlandesgericht Graz (qorti reġjonali superjuri ta’ Graz, l-Awstrija) li, filwaqt li laqgħet l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, irriformat din id-deċiżjoni u ċaħdet l-azzjoni. Din il-qorti rrilevat b’mod partikolari li r-riferiment tal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament għall-Artikolu 9(1)(b) tal-istess regolament jagħti lill-vittma, persuna fiżika jew persuna ġuridika, id-dritt li tħarrek lill-assiguratur quddiem il-qorti kompetenti tal-Istat Membru fejn din għandha d-domiċilju tagħha jew fejn hija stabbilita. Barra minn hekk, jaqgħu fil-kunċett ta’ “parti li tkun ġarrbet il-ħsara” kemm il-vittmi immedjati kif ukoll il-vittmi indiretti.

21

Madankollu, skont l-imsemmija qorti, mhux kull vittma tgawdi minn tali dritt. F’dan ir-rigward, sabiex jiġi ddeterminat jekk vittma tistax tinvoka dan id-dritt, għandu jiġi ddeterminat jekk din hijiex “ekonomikament inqas b’saħħitha u b’inqas esperjenza ġuridika” meta mqabbla ma’ assiguratur għar-responsabbiltà ċivili. Dan ma huwiex il-każ fir-rigward ta’ stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku li jiġġestixxi ħames sptarijiet, bħal KABEG.

22

KABEG adixxiet lill-Oberster Gerichtshof (qorti suprema, l-Awstrija) b’azzjoni għal Reviżjoni, billi invokat il-benefiċċju tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament.

23

Minn naħa, skont din il-qorti, tqum il-kwistjoni dwar jekk, fil-każ li jitqies li rikorrent ma għandux bżonn protezzjoni, l-azzjoni tiegħu tistax tiġi kklassifikata bħala azzjoni “f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament.

24

Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji li jippermettu li tiġi stabbilita s-sitwazzjoni ta’ inferjorità taċ-ċessjonarju ipso jure tad-drittijiet ta’ vittma meta mqabbel ma’ assiguratur għar-responsabbiltà ċivili professjonali.

25

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberster Gerichtshof (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“(1)

L-azzjoni ta’ persuna li timpjega nazzjonali intiża għall-kumpens għad-dannu li hija ssostni indirettament minħabba ż-żamma tal-pagament tar-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha li jirresjedi fit-territorju nazzjonali tikkostitwixxi azzjoni “[f’]materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 44/2001, meta:

(a)

l-impjegat ġie mweġġa’ f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Stat Membru (l-Italja),

(b)

l-azzjoni tkun diretta kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili, stabbilit fi Stat Membru ieħor (Franza), tal-vettura tal-awtur tad-dannu u

(c)

il-persuna li timpjega tkun stabbiliment irregolat mid-dritt pubbliku b’personalità ġuridika proprja?

(2)

Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta fl-affermattiv:

L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru°44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-persuna li timpjega li tkun baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni, tista’, fil-kwalità ta’ “parti li tkun ġarrbet il-ħsara”, tressaq azzjoni kontra l-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-vettura tal-awtur tad-dannu quddiem il-qorti tal-post li fih il-persuna li timpjega hija stabbilita, sa fejn l-azzjoni diretta tkun possibbli?”

Fuq id-domandi preliminari

26

Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, għandux jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega, stabbilita fi Stat Membru, li baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha assenti wara inċident tat-traffiku u li hija ssurrogata fid-drittijiet tiegħu fir-rigward tal-kumpannija li tassigura r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-vettura involuta f’dan l-inċident, li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tistax, bħala “parti li tkun ġarrbet il-ħsara”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, tħarrek lil din il-kumpannija tal-assigurazzjoni quddiem il-qrati tal-ewwel Stat Membru, meta azzjoni diretta tkun possibbli.

27

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-Sezzjoni 3 tal-Kapitolu II tal-imsemmi regolament tistabbilixxi sistema awtonoma ta’ qsim ta’ ġurisdizzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni (sentenza tat-12 ta’ Mejju 2005, Société financière et industrielle du Peloux, C-112/03, EU:C:2005:280, punt 29).

28

Bħal fil-każ ta’ materji relatati mal-ħaddiema u l-konsumaturi, u kif jirriżulta wkoll mill-premessa 13 tar-Regolament Nru 44/2001, l-azzjoni f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata minn ċertu żbilanċ bejn il-partijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, GIE Réunion européenne et, C-77/04, EU:C:2005:327, punt 22), li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija sezzjoni jridu jikkoreġu billi jagħtu lill-parti l-inqas b’saħħitha l-benefiċċju ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni iktar favorevoli għall-interessi tagħhom milli huma r-regoli ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punt 40).

29

Id-domandi tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ persuna li timpjega, ċessjonarju ipso jure tad-drittijiet ta’ vittma, bħala “l-parti l-anqas b’saħħitha” twieldu mill-konstatazzjoni, li saret mill-Qorti tal-Ġustizzja, li organu tas-sigurtà soċjali, ċessjonarju ipso jure tad-drittijiet tal-persuna direttament leża f’inċident ta’ vettura, ma jistax jiġi hekk ikklassifikat, filwaqt li s-suċċessur fid-dritt tal-persuna direttament leża bħal werriet jista’ (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punti 42 u 44).

30

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tesponi li, f’ċirkustanzi bħalma huma dawk tal-kawża prinċipali, il-possibbiltà għal persuna li timpjega, issurrogata fid-drittijiet tal-impjegat tagħha, li tħarrek lill-assiguratur għar-responsabbiltà ċivili tal-awtur tad-dannu quddiem il-qrati tal-Istat Membru li fih il-persuna li timpjega hija stabbilita tiggarantixxi l-konsistenza tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni u, għaldaqstant, il-prevedibbiltà tagħhom kif ukoll amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja.

31

Għalhekk, f’dan il-każ, għandha tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar jekk il-persuni li jimpjegaw issurrogati fid-drittijiet tal-persuna direttament leża jaqgħux fil-kunċett ta’ “parti li tkun ġarrbet il-ħsara” fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001.

32

Issa, kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tar-Regolament Nru 44/2001, il-kunċett ta’ “parti l-anqas b’saħħitha” għandu sinjifikat usa’ f’materji li għandhom x’jaqsmu ma’ assigurazzjoni milli f’materji ta’ kuntratti konklużi mill-konsumaturi jew f’materji ta’ kuntratti individwali tax-xogħol.

33

Għandu jitfakkar ukoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat li r-riferiment li jinsab fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001 għandu l-għan li jżid mal-lista ta’ rikorrenti, li tinsab fl-Artikolu 9(1)(b) ta’ dan ir-regolament, il-persuni li jkunu sofrew dannu, mingħajr ma ċ-ċirku ta’ dawn il-persuni ġie ristrett għal dawk li sofrew id-dannu direttament (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2007, FBTO Schadeverzekeringen, C-463/06, EU:C:2007:792, punt 26, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Vorarlberger Gebietskrankenkasse, C-347/08, EU:C:2009:561, punt 27).

34

Barra minn hekk, kif il-qorti tar-rinviju rrilevat fid-deċiżjoni ta’ rinviju tagħha, evalwazzjoni każ b’każ tal-kwistjoni ta’ jekk il-persuna li timpjega li baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni tistax titqies bħala “l-parti l-anqas b’saħħitha” sabiex tkun tista’ taqa’ fil-kunċett ta’ “parti li tkun ġarrbet il-ħsara”, fis-sens tal-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, toħloq riskju ta’ inċertezza legali u tmur kontra l-għan tal-imsemmi regolament, stipulat fil-premessa 11 tiegħu, li tipprovdi li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni għandu jkollhom livell għoli ta’ prevedibbiltà.

35

Sussegwentement, għandu jitqies li, skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 44/2001, il-persuni li jimpjegaw issurrogati fid-drittijiet għal kumpens tal-impjegati tagħhom jistgħu, bħala persuni li sostnew dannu u indipendentement mid-daqs u mill-forma ġuridika tagħhom, jinvokaw ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni speċjali previsti fl-Artikoli 8 sa 10 ta’ dan ir-regolament.

36

B’hekk, il-persuna li timpjega, issurrogata fid-drittijiet tal-impjegat tagħha peress li ħallset ir-remunerazzjoni ta’ dan tal-aħħar matul il-perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol, li, biss f’din il-kwalità, tressaq azzjoni fuq il-bażi tad-dannu sostnut mill-istess impjegat tista’ titqies bħala inqas b’saħħitha mill-assiguratur li hija tħarrek u, għaldaqstant, bħala li għandha tibbenefika mill-possibbiltà li tressaq azzjoni quddiem il-qrati tal-istat Membru fejn din hija stabbilita.

36

Minn dan isegwi li persuna li timpjega ssurrogata fid-drittijiet tal-impjegat vittma ta’ inċident tat-traffiku, li tiegħu hija baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni tista’, bħala “parti li tkun ġarrbet il-ħsara”, tħarrek lill-assiguratur tal-vettura involuta f’dan l-inċident quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn hija tinsab stabbilita, meta azzjoni diretta tkun possibbli.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva 2009/103, huma l-Istati Membri li għandhom jiżguraw li l-persuni li jkunu sofrew ħsara minħabba inċident ikkawżat minn vettura koperta mill-assigurazzjoni għal responsabbiltà ċivili jkollhom dritt ta’ azzjoni diretta kontra l-impriża ta’ assigurazzjoni li tkopri r-responsabbiltà ċivili tal-persuna responsabbli.

38

Mill-kunsiderazzjoni kollha preċedenti jirriżulta li Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega, stabbilita fi Stat Membru, li baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha assenti wara inċident tat-traffiku u li ġiet issurrogata fid-drittijiet ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-kumpannija li tassigura r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-vettura involuta f’dan l-inċident, li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tista’, bħala “parti li tkun ġarrbet il-ħsara”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, tħarrek lil din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni quddiem il-qrati tal-ewwel Stat Membru, meta azzjoni diretta tkun possibbli.

Fuq l-ispejjeż

39

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, moqri flimkien mal-Artikolu 11(2) ta’ dan ir-regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li timpjega, stabbilita fi Stat Membru, li baqgħet tħallas ir-remunerazzjoni tal-impjegat tagħha assenti wara inċident tat-traffiku u li ġiet issurrogata fid-drittijiet ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-kumpannija li tassigura r-responsabbiltà ċivili li tirriżulta mill-vettura involuta f’dan l-inċident, li hija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tista’, bħala “parti li tkun ġarrbet il-ħsara”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar, tħarrek lil din il-kumpannija ta’ assigurazzjoni quddiem il-qrati tal-ewwel Stat Membru, meta azzjoni diretta tkun possibbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.