SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

30 ta’ Marzu 2017 ( 1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Skart — Direttiva 2008/98/KE — Irkupru tal-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart — Prinċipju ta’ min iniġġes iħallas — Kunċett ta’ detenturi ta’ skart — Prezz mitlub għall-immaniġġjar tal-iskart — Tariffa speċifika intiża li tiffinanzja l-investiment kapitali meħtieġ”

Fil-Kawża C-335/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Općinski sud u Velikoj Gorici (qorti muniċipali ta’ Velika Gorica, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Ġunju 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura

VG Čistoća d.o.o.

vs

Đuro Vladika,

Ljubica Vladika,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur) u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal VG Čistoća d.o.o., minn Ž. Galeković, direktor,

Għall-Gvern Kroat, minn M. T. Galli, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, E. Sanfrutos Cano, u M. Mataija, bħala aġenti

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas u tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn VG Čistoća d.o.o., impriża muniċipali ta’ mmaniġġjar tal-iskart u Đuro Vladika u Ljubica Vladika, utenti ta’ servizz ta’ mmaniġġjar tal-iskart, dwar il-ħlas ta’ fatturi li jirrigwardaw il-ġbir u l-immaniġġjar tal-iskart muniċipali, għall-perijodu mix-xahar ta’ Ottubru 2013 sax-xahar ta’ Settembru 2014.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessa 1 tad-Direttiva 2008/98 hija redatta kif ġej:

“Id-Direttiva 2006/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart [(ĠU 2006, L 114, p. 9)] tistabbilixxi l-qafas leġiżlattiv għall-immaniġġar ta’ l-iskart fil-Komunità. Hija tiddefinixxi kunċetti ewlenin bħall-iskart, l-irkupru u r-rimi u tistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali għall-immaniġġar ta’ l-iskart, b’mod partikolari obbligu li stabbiliment jew impriża li twettaq operazzjonijiet ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart ikollha permess jew tkun irreġistrata, u obbligu li Stati Membri jfasslu pjanijiet għall-immaniġġar ta’ l-iskart.Hija wkoll tistabbilixxi prinċipji ewlenin bħall-obbligu li l-iskart ikun ittrattat b’mod li ma jkollux impatt negattiv fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem, bħall-inkoraġġiment li tkun applikata l-ġerarkija ta’ l-iskart, u, skond il-prinċipju li min iniġġes iħallas, ir-rekwiżit li l-ispiża tar-rimi ta’ l-iskart għandha tinġarr mid-detentur ta’ l-iskart, minn detenturi preċedenti jew mill-produtturi tal-prodott li minnu ġie l-iskart.”

4

Il-premessa 8 tal-imsemmija direttiva tiddikjara:

“Huwa għalhekk meħtieġ li d-Direttiva 2006/12/KE tiġi riveduta sabiex ikunu ċċarati kunċetti ewlenin bħad-definizzjonijiet ta’ skart, rkupru u rimi, biex jissaħħu l-miżuri li għandhom jittieħdu dwar il-prevenzjoni ta’ l-iskart, biex ikun introdott approċċ li jikkunsidra ċ-ċiklu sħiħ tal-ħajja tal-prodotti u l-materjali u mhux biss il-fażi ta’ l-iskart, u biex jiffoka fuq it-tnaqqis ta’ l-impatti ambjentali tal-ġenerazzjoni ta’ l-iskart u l-immaniġġar ta’ l-iskart, u b’hekk jissaħħaħ il-valur ekonomiku ta’ l-iskart. Barra minn hekk, jeħtieġ li wieħed jinkoraġixxi l-irkupru ta’ l-iskart u l-użu ta’ materjal irkuprat sabiex jiġu ppreservati r-riżorsi naturali. Fl-interessi taċ-ċarezza u l-leġibbiltà, id-Direttiva 2006/12/KE għandha titħassar u tkun sostitwita b’direttiva ġdida.”

5

Il-premessi 25 u 26 tad-Direttiva 2008/98 jiddikjaraw:

“(25)

Huwa xieraq li l-ispejjeż ikunu allokati b’tali mod li jirriflettu l-ispejjeż reali għall-ambjent tal-ġenerazzjoni u l-immaniġġar ta’ dak l-iskart.

(26)

Il-prinċipju li min iniġġes iħallas huwa prinċipju ta’ gwida fil-livell Ewropew u dak internazzjonali. Il-produttur ta’ l-iskart u d-detentur ta’ l-iskart għandu jimmaniġġa l-iskart b’mod li jiggarantixxi livell għoli ta’ protezzjoni ta’ l-ambjent u tas-saħħa tal-bniedem.”

6

L-Artikolu 3 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(5)

‘produttur ta’ l-iskart’ tfisser kull min l-attivitajiet tiegħu jipproduċu skart (il-produttur oriġinali ta’ l-iskart) jew kull min jagħmel pre-proċessar, taħlit jew operazzjonijiet oħra li jirriżultaw f’bidla fin-natura jew il-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart;

(6)

‘detentur ta’ l-iskart’ tfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna fiżika jew ġuridika li tkun fil-pussess ta’ l-iskart;

[…]

(9)

‘maniġġar ta’ l-iskart’ tfisser il-ġbir, it-trasport, l-irkupru u r-rimi ta’ skart, inklużi s-superviżjoni ta’ tali operazzjonijiet u l-kura ta’ wara tas-siti tar-rimi, u inklużi l-azzjonijiet li jittieħdu bħala negozjant jew sensar;

(10)

‘ġbir’ tfisser il-ġbir ta’ l-iskart, inkluż l-għażla preliminari u l-ħżin preliminari ta’ l-iskart għall-finijiet tat-trasport lejn impjant tat-trattament [tal-ipproċessar] ta’ l-iskart;

(11)

‘ġbir separat’ tfisser il-ġbir fejn il-fluss ta’ skart jinżamm separat skond it-tip u l-karatteristika sabiex ikun faċilitat [ipproċessar] trattament speċifiku;

[…]

(14)

‘trattament’ [ipproċessar] tfisser operazzjonijiet ta’ rkupru jew rimi, inkluż il-preparazzjoni qabel l-irkupru jew ir-rimi;

[…]

(17)

‘riċiklaġġ’ tfisser kwalunkwe operazzjoni ta’ rkupru li biha l-materjali ta’ l-iskart jiġu pproċessati mill-ġdid fi prodotti, materjali jew sustanzi għall-użu oriġinali jew għal skopijiet oħra. Dan jinkludi il-proċessar mill-ġdid ta’ materjal organiku iżda ma jinkludix irkupru ta’ enerġija u l-ipproċessar mill-ġdid f’materjali li għandhom jintużaw bħala karburanti jew għal operazzjonijiet ta’ radam mill-ġdid;

[…]”

7

L-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri, skond kif ikun xieraq, biex jippromwovu l-użu mill-ġdid tal-prodotti u miżuri ta’ preparazzjoni għal attivitajiet ta’ użu mill-ġdid, partikolarment billi jinkoraġġixxu l-istabbiliment u l-appoġġ ta’ networks ta’ użu mill-ġdid u ta’ tiswija, l-użu ta’ strumenti ekonomiċi, kriterji ta’ akkwist, objettivi kwantitattivi jew miżuri oħra.

L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jippromwovu riċiklaġġ ta’ kwalità għolja, u għal dan il-għan għandhom jistabbilixxu ġbir separat ta’ skart kull fejn ikun teknikament, ambjentalment u ekonomikament prattikabbli u xieraq, biex jiġu sodisfatti l-istandards ta’ kwalità meħtieġa għas-setturi ta’ riċiklaġġ relevanti.

[…]”

8

L-Artikolu 14 tal-istess direttiva jipprevedi:

“1.   Skond il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-ispejjeż ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandhom jinġarru mill-produttur oriġinali ta’ l-iskart jew mid-detentur attwali jew ta’ qabel ta’ l-iskart.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li l-ispiża ta’ l-immaniġġar ta’ l-iskart għandha tinġarr parzjalment jew b’mod sħiħ mill-produttur tal-prodott li minnu jkun ġie l-iskart u li d-distributuri ta’ tali prodott jistgħu jikkondividu dawn l-ispejjeż.”

9

L-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kwalunkwe produttur oriġinali ta’ l-iskart jew detentur ieħor iwettaq it-trattament [l-ipproċessar] ta’ l-iskart huwa stess jew jara li [l-ipproċessar] isir minn negozjant jew stabbiliment jew intrapriża li twettaq operazzjonijiet ta’ trattament ta’ l-iskart jew jiġi organizzat minn entità tal-ġbir ta’ l-iskart privata jew pubblika skond l-Artikoli 4 u 13.”

Id-dritt Kroat

10

L-Artikolu 20(1) taz-Zakon o komunalnom gospodarstvu (liġi dwar il-ġestjoni tas-servizzi muniċipali, NN 36/95), fil-verżjoni fis-seħħ fid-data meta seħħew il-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprevedi:

“Il-prezz tas-servizzi muniċipali jippermetti li jiġi ffinanzjat it-twettiq tal-attivitajiet muniċipali li ġejjin:

[…]

4.

iż-żamma tal-indafa sa fejn din tikkonċerna l-ġbir u t-tneħħija tal-iskart muniċipali,

5.

l-eliminazzjoni tal-iskart muniċipali

[…]”

11

L-Artikolu 4 taz-Zakon o održivom gospodarenju otpadom (liġi dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-iskart, NN 94/13) jipprevedi:

“(1)   Għall-finijiet ta’ din il-Liġi:

[…]

10.

‘attività ta’ ġbir tal-iskart’: il-proċeduri ta’ ġbir normali u ta’ ġbir urġenti tal-iskart, kif ukoll il-proċedura tal-ġbir tal-iskart f’park tar-riċiklaġġ;

[…]

39.

‘detentur tal-iskart’: għandu jfisser il-produttur ta’ l-iskart jew il-persuna naturali jew legali li tippossjedi l-iskart;

[…]

48.

‘produttur ta’ l-iskart’: kull persuna li l-attivitajiet tagħha jipproduċu skart u/jew kull persuna li tagħmel pre-proċessar, taħlit jew operazzjonijiet oħra li jirriżultaw f’bidla fin-natura jew il-kompożizzjoni ta’ dan l-iskart,

[…]”

12

L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi jipprevedi li l-immaniġġjar tal-iskart huwa bbażat fuq l-osservanza tal-prinċipji li joħorġu mid-dritt internazzjonali, mid-dritt tal-Unjoni u mid-dritt nazzjonali fil-qasam tal-protezzjoni tal-ambjent u, b’mod partikolari, fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas skont liema hu “il-produttur tal-iskart, id-detentur preċedenti tal-iskart jew id-detentur tal-iskart isostnu l-ispejjeż tal-miżuri ta’ immaniġġjar tal-iskart u huwa finanzjarjament responsabbli tal-implementazzjoni intiża li tikkumpensa d-danni li ġew ikkawżati jew li setgħu jiġu kkawżati minn dawn tal-aħħar.”

13

L-Artikolu 61(2) tal-imsemmija liġi tipprevedi:

“L-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart huma sostnuti mill-manifattur tal-prodott li minnu jirriżulta l-iskart jew il-produttur tal-iskart.”

14

Skont l-Artikolu 28 tal-istess liġi:

“(1)   L-awtorità lokali għandha l-obbligu, fit-territorju tagħha, li tiggarantixxi:

[…]

2.

Il-ġbir separat tal-iskart tal-karti, metall, ħġieġ, plastik u tessuti użati kif ukoll l-iskart muniċipali ingombranti (voluminuż).

[…]”

15

L-Artikolu 30 tal-liġi dwar l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart, intitolat “Servizz ta’ ġbir tal-iskart muniċipali mħallat u tal-iskart muniċipali biodegradabbli”, jipprevedi:

“(1)   Is-servizz pubbliku ta’ ġbir tal-iskart muniċipali mħallat u tal-iskart biodegradabbli jinkludi l-ġbir ta’ dan l-iskart fost utenti differenti, permezz ta’ kontenituri, fiż-żona tal-provvista ta’ servizzi kkonċernati, kif ukoll t-trasport tagħhom sa għand il-persuna inkarigata li twettaq l-ipproċessar.

[…]

(6)   L-utent tas-servizz imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu huwa obbligat li:

[…]

3.

ibati l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart muniċipali proporzjonalment għall-kwantità ta’ skart ttrasportat għand il-fornitur ta’ servizz.”

16

L-Artikolu 33 ta’ din il-liġi jipprevedi:

“(1)   Il-fornitur ta’ servizzi huwa obbligat jikkalkola l-prezz tas-servizzi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ din il-liġi skont il-modalitajiet li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ ‘min iniġġeż iħallas’, operazzjoni ekonomikament vijabbli, kif ukoll is-sigurtà, ir-regolarità u l-kwalità pprovduta skont id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi […]

(2)   Il-fornitur ta’ servizzi huwa obbligat li jiffattura lill-utent is-servizzi msemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ din il-liġi proporzjonalment mal-kwantità ta’ skart ittrasportat matul il-perijodu ta’ kontabbiltà, dan il-kriterju ta’ kwantità li huwa bbażat fuq il-massa ta’ skart imneħħija jew fuq il-volum ta’ kontenituri ta’ skart u n-numru ta’ dawn il-kontenituri li jitbattlu, konformement mal-Artikolu 30(7) ta’ din il-liġi.

[…]

(4)   Il-fornitur ta’ servizzi huwa obbligat li jinkludi l-ispejjeż li ġejjin fil-prezz tas-servizzi pubbliċi msemmija fl-Artikolu 30(1) ta’ din il-liġi: l-ispejjeż ta’ xiri u ta’ żamma ta’ tagħmir ta’ ġbir ta’ skart, l-ispejjeż ta’ trasport tal-iskart, l-ispejjeż ta’ pproċessar tal-iskart u l-ispejjeż l-oħra preskritti mir-regola imsemmija fl-Artikolu 29(10) ta’ din il-liġi.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

Il-kawża prinċipali tirrigwarda l-ħlas, mitlub minn VG Čistoća lil D. u L. Vladika, ta’ fatturi dwar l-immaniġġjar ta’ skart domestiku għax-xhur ta’ Ottubru 2013 sa Settembru 2014 li jammontaw għal kull xahar għal HRK 78.61 (HRK) (madwar EUR 10.54).

18

Il-konvenuti fil-kawża prinċipali jopponu l-ħlas tal-parti tal-fatturi li tikkorrispondi għal ġbir selettiv, għar-riċiklaġġ u għall-eliminazzjoni tal-iskart li kien ġie mitfugħ b’mod mhux awtorizzat fl-ambjent, kif ukoll għal ħlass ta’ tariffa speċifika li hija intiża li tiffinanzja l-investiment kapitali meħtieġ imwettqa mill-impriża ta’ mmaniġġjar tal-iskart fid-dawl tal-operazzjonijiet ta’ riċiklaġġ. Min-naħa l-oħra, ma jopponux il-ħlas tal-parti tal-fatturi dovuti għat-tneħħija u għar-rimi tal-iskart effettivament prodott u mneħħi.

19

VG Čistoća adixxa l-Općinski sud u Velikoj Gorici (qorti muniċipali ta’ Velika Gorica, il-Kroazja) bil-għan li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti mingħand D. u L. Vladika.

20

Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li dawn tal-aħħar kellhom biss kontenituri ta’ 120 litru u li VG Čistoća wettqet, għall-fatturazzjoni tas-servizzi tagħha ta’ mmaniġġjar tal-iskart, rendikont mensili tat-tneħħija tal-iskart, skont id-daqs tal-kontenituri użati. Din il-kumpannija għaldaqstant, għamlet fatturazzjoni bbażata fuq il-volum tal-kontenituri mbattla u mhux fuq il-piż tal-iskart effettivament prodott mill-konvenuti fil-kawża prinċipali.

21

Din il-qorti tqis li, sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali għandha tipprovdi mezz ta’ ġbir li jippermetti li jiġi ffatturat biss l-iskart effettivament prodott mill-utenti. Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra, barra minn hekk, li dawn tal-aħħar għandhom jibbenefikaw mit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ kontenituri speċjali għall-ġbir tal-iskart li jkun suġġett għal ġbir speċifiku (karti, plastik, skart imħallat). Il-qorti tar-rinviju żżid li l-utenti ma għandhomx ikunu obbligati jħallsu għar-rimi tal-iskart għar-riċiklaġġ. Hija tistaqsi, għaldaqstant, dwar il-punt ta’ jekk l-utenti huma responsabbli għall-entrati kollha elenkati fil-fatturi stabbiliti għall-immaniġġjar tal-iskart muniċipali.

22

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Općinski sud u Velikoj Gorici (qorti muniċipali ta’ Velika Gorica) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Kif jiġi kkalkolat il-prezz tal-ġbir u tat-tneħħija tal-iskart domestiku skont id-dritt tal-Unjoni? Iċ-ċittadini tal-Unjoni jħallsu l-fatturi relattivi għall-ġbir u t-tneħħija tal-iskart muniċipali billi jħallsu għall-ġbir u għat-tneħħija tal-iskart muniċipali abbażi tal-volum tal-landa tal-iskart/tar-reċipjent imbattal jew skont il-volum tal-iskart imneħħi, u barra minn hekk iħallsu xi tariffa?”

Fuq id-domanda preliminari

23

Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikoli 14 u 15(1) tad-Direttiva 2008/98 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, minn naħa, li l-utenti tas-servizz ta’ pproċessar tal-iskart iħallsu prezz ikkalkolat fuq il-volum tal-kontenitur mqiegħed għad-dispożizzjoni tagħhom u mhux fuq il-piż tal-iskart effettivament imneħħi u, min-naħa l-oħra, li dawn l-utenti jħallsu tariffa addizzjonali, li l-profitt tagħha huwa intiż li jiffinanzja l-investimenti neċessarji għall-ipproċessar tal-iskart miġbur.

24

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2008/98 u konformement mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas, l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart huma sostnuti mill-produttur tal-iskart inizjali jew mid-detentur attwali jew preċedenti tal-iskart. Dan l-obbligu finanzjarju huwa impost fuq dawn id-detenturi minħabba l-kontribuzzjoni tagħhom għall-produzzjoni tal-imsemmi skart (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C-188/07, EU:C:2008:359, punt 77, u tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C-254/08, EU:C:2009:479, punt 45).

25

Fir-rigward tal-finanzjament tal-ispiża ta’ mmaniġġjar u ta’ rimi tal-iskart urban, sa fejn jirrigwarda servizz li jipprovdi kollettivament għal assjem ta’ “detenturi”, l-Istati Membri huma obbligati, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2008/98, li jiżguraw li, fil-prinċipju, l-utenti kollha ta’ dan is-servizz, bħala “detenturi” fis-sens tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, isostnu kollettivament l-ispiża globali tar-rimi tal-iskart (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C-254/08, EU:C:2009:479, punt 46).

26

Fl-istat attwali tad-dritt Komunitarju, ma teżisti l-ebda leġiżlazzjoni adottata abbażi tal-Artikolu 192 TFUE li timponi fuq l-Istati Membri metodu preċiż rigward il-finanzjament tar-rimi tal-iskart urban, b’tali mod li dan il-finanzjament jista’, skont kif jagħżel l-Istat Membru kkonċernat, ikun xorta waħda żgurat permezz ta’ taxxa, ta’ tariffa jew ta’ kwalunkwe mod ieħor. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-riferiment għal kriterji ta’ fatturazzjoni bbażati fuq il-volum tal-kontenitur imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-utenti, skont b’mod partikolari tas-superfiċji tal-beni immobbli li huma jokkupaw kif ukoll tal-allokazzjoni tagħhom tista’ tippermetti kalkolu tal-ispejjeż tar-rimi ta’ dan l-iskart u tad-distribuzzjoni bejn id-deversi detenturi sa fejn dan il-parametru jinfluwenza direttament l-ammont tal-imsemmija spejjeż (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C‑254/08, EU:C:2009:479, punti 4850).

27

Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-finijiet tal-finanzjament tal-immaniġġjar u r-rimi tal-iskart urban, prezz ikkalkolat abbażi ta’ evalwazzjoni tal-volum ta’ skart ġġenerat u mhux abbażi tal-piż tal-iskart effettivament prodott u mogħti għall-ġbir ma jistax jiġi kkunsidrat fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni bħala kuntrarju għall-Artikolu 14 u għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C-254/08, EU:C:2009:479, punt 51).

28

Jista’ jingħad l-istess fir-rigward tal-istabbiliment ta’ tariffa addizzjonali, li hija intiża li tiffinanzja l-investimenti neċessarji għall-ipproċessar u għar-riċiklaġġ tal-iskart.

29

Fil-fatt, konformement għall-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-produtturi tal-iskart jipparteċipaw kollettivament għall-investimenti neċessarji sabiex jissodisfaw l-għanijiet iddikjarati fl-Artikolu 11(1), fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98, minħabba l-kontribut tagħhom għall-produzzjoni tal-iskart (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-24 ta’ Ġunju 2008, Commune de Mesquer, C-188/07, EU:C:2008:359, punt 77, kif ukoll tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C-254/08, EU:C:2009:479, punt 46).

30

Jekk, fil-qasam u fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom diskrezzjoni wiesgħa f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-modalitajiet ta’ kalkolu tal-prezzijiet bħalma huma l-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart u t-tariffa addizzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija madankollu l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi tal-provi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu prodotti quddiemha jekk il-prezz mitlub kif ukoll it-tariffa addizzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jwasslux l-impożizzjoni fuq ċerti “detenturi” ta’ spejjeż manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-volumi jew in-natura tal-iskart li huma jipproduċu (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Futura Immobiliare et, C-254/08, EU:C:2009:479, punti 5556).

31

Għal dan il-għan, b’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kriterji marbuta mat-tip ta’ beni immobbli li jokkupaw l-utenti, għas-superfiċji u l-allokazzjoni ta’ dawn il-beni għall-kapaċità produttiva tad-“detenturi” tal-iskart, għall-volum tal-kontenituri mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti, kif ukoll għall-frekwenza tal-ġbir, sa fejn dawn il-parametri jistgħu jinfluwenzaw direttament l-ammont tal-ispejjeż tal-immaniġġjar u t-tneħħija tal-iskart.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98 għandhom ikunu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, dawn ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tipprevedi, għall-finijiet tal-finanzjament ta’ servizz ta’ mmaniġġjar u t-tneħħija tal-iskart urban, prezz kkalkolat abbażi ta’ evalwazzjoni tal-volum ta’ skart ġġenerat mill-utenti ta’ dan is-servizz u mhux abbażi tal-kwantità ta’ skart li dawn effettivament pproduċew u qiegħdu għal-ġbir, kif ukoll l-ħlas mill-utenti, bħala detenturi tal-iskart, ta’ tariffa addizzjonali li l-profitt tagħha huwa intiż li tiffinanzja l-investiment kapitali meħtieġ għall-ipproċessar u r-riċiklaġġ tal-iskart. Madankollu, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, abbażi tal-provi ta’ fatt u ta’ liġi li jiġu prodotti quddiemha, jekk din ma twassalx għall-impożizzjoni fuq ċerti “detenturi” għal spejjeż manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-volumi jew in-natura tal-iskart li huma jipproduċu. Sabiex tkun tista’ tagħmel dan, il-qorti nazzjonali tkun tista’, b’mod partikolari, tieħu inkunsiderazzjoni ta’ kriterji marbuta mat-tip ta’ beni immobbli li jokkupaw l-utenti, is-superfiċji u l-allokazzjoni ta’ dawn il-beni mal-kapaċità produttiva tad-“detenturi”, mal-volum tal-kontenituri mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti kif ukoll mal-frekwenza tal-ġbir, sa fejn dawn il-parametri jistgħu jinfluwenzaw direttament l-ammont tal-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 14 u l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti direttivi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fl-istat attwali tad-dritt tal-Unjoni, ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi, għall-finijiet tal-finanzjament ta’ servizz ta’ mmaniġġjar u ta’ tneħħija tal-iskart urban, prezz kkalkolat abbażi ta’ evalwazzjoni tal-volum ta’ skart prodott mill-utenti ta’ dan is-servizz u mhux abbażi tal-kwantità ta’ skart li dawn effettivament pproduċew u qiegħdu għall-ġbir, kif ukoll tariffa speċjali li hija intiża sabiex tiffinanzja investimenti ddestinati għall-ipproċessar u għar-riċiklaġġ tal-iskart. Madankollu, hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika, abbażi tal-provi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu ġew prodotti quddiemha, jekk din ma twassalx għall-impożizzjoni fuq ċerti “detenturi” ta’ spejjeż manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-volumi jew għan-natura tal-iskart li huma jipproduċu. Għal dan il-għan, b’mod partikolari, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kriterji marbuta mat-tip ta’ beni immobbli li jokkupaw l-utenti, mas-superfiċji u mal-allokazzjoni ta’ dawn il-beni, mal-kapaċità produttiva tad-“detenturi”, mal-volum tal-kontenituri mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-utenti, kif ukoll mal-frekwenza ta’ ġbir, sa fejn dawn il-parametri jinfluwenzaw direttament l-ammont tal-ispejjeż tal-immaniġġjar tal-iskart.

 

Firem


( 1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.