SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

10 ta’ April 2018 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Servizzi fil-qasam tat-trasporti – Direttiva 2006/123/KE – Servizzi fis-suq intern – Direttiva 98/34/KE – Servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Regola applikabbli għas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni – Kunċett – Servizz ta’ intermedjazzjoni li tippermetti, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, tqegħid f’kuntatt bi ħlas ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura proprja tagħhom ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani – Sanzjonijiet kriminali”

Fil-Kawża C-320/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Reġjonali ta’ Lille, Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Ġunju 2016, fil-proċedura kriminali kontra

Uber France SAS,

fil-preżenza ta’:

Nabil Bensalem,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, A. Tizzano, Viċi-President, R. Silva de Lapuerta, M. Ilešič, A. Rosas, J. Malenovský u E. Levits, Presidenti ta’ Awla, E. Juhász, A. Borg Barthet, D. Šváby (Relatur), K. Jürimäe, C. Lycourgos u M. Vilaras, Imħallfin,

Avukat Ġenerali : M. Szpunar,

Reġistratur: V. Giacobbo-Peyronnel, amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ April 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Uber Franza SAS, minn Y. Chevalier, Y. Boubacir u H. Calvet, avukati,

għal Bensalem, minn T. Ismi-Nedjadi, avukat,

għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u R. Coesme, bħala aġenti,

għall-Gvern Estonjan, minn N. Grünberg, bħala aġent,

għall-Gvern Olandiż, minn H. Stergiou u M. Bulterman, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn S. Hartikainen, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn H. Tserepa-Lacombe, J. Hottiaux u Y. G. Marinova, kif ukoll minn G. Braga da Cruz u F. Wilman, bħala aġenti,

għall-awtorità ta’ sorveljanza AELE, minn C. Zatschler, Ø. Bø u M. L. Hakkebo u C. Perrin, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ Lulju 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 u tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [informazzjoni] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 8) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”), kif ukoll tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU 2006, L 376, p. 36).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura ppreżentata quddiem qorti korrezzjonali, permezz ta’ ċitazzjoni diretta b’kostituzzjoni bħala parti ċivili, kontra Uber France SAS, minħabba l-organizzazzjoni illegali ta’ sistema li tippermetti t-tqegħid f’kuntatt ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura proprja tagħhom ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 98/34

3

L-Artikolu 1(2), (5), (11) u (12) tad-Direttiva 98/34 jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li ġejjin:

[...]

2)

‘servizz’: kull servizz tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [informazzjoni], jiġifieri kull servizz normalment ipprovdut għal rimunerazzjoni, mill-bogħod, b’mezzi elettroniċi u fuq it-talba individwali ta’ riċevitur ta’ servizzi.

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

‘mill-bogħod’: tfisser illi servizz jiġi pprovdut mingħajr ma l-partijiet ikunu preżenti simultanjament,

‘b’mezzi elettroniċi’: tfisser illi fil-bidu s-servizz jintbagħat u jiġi rċevut fid-destinazzjoni tiegħu permezz ta’ tagħmir elettroniku għall-ipproċessar (inkluża kompressjoni diġitali) u l-ħażna ta’ data, u dan jiġi trasmess, imwassal u rċevut għal kollox permezz ta’wajers, bir-radjo, b’mezzi ottiċi jew b’mezzi oħra elettro-manjetiċi,

‘fuq it-talba individwali ta’ riċevitur tas-servizzi’: tfisser illi s-servizz jiġi pprovdut permezz tat-trasmissjoni ta’ data fuq talba individwali.

Lista indikattiva tas-servizzi mhux koperti b’din id-definizzjoni hija mogħtija fl-Anness V.

[…]

5)

‘regola dwar is-servizzi’: ħtieġa ta’ natura ġenerali li għandha x’taqsam mal-bidu u l-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ servizzi fit-tifsira tal-punt 2, b’mod partikolari id-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-fornitur tas-servizz, is-servizzi u r-riċevitur tas-servizzi, għajr kull regola li mhijiex speċifikament immirata lejn is-servizzi definiti f’dak il-punt.

[...]

Għall-għanijiet ta’ din id-definizzjoni:

regola għandha tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika fejn, filwaqt li tqis id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet tagħha u tal-parti operattiva tagħha, il-mira speċifika u l-għan tad-dispożizzjonijiet kollha jew ta’ xi wħud minnhom individwali tagħha huma dawk li jirregolaw dawn is-servizzi b’mod espliċitu u mmirat,

regola m’għandhiex tiġi kkunsidrata li tkun speċifikament immirata lejn is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika jekk din taffettwa dawn is-servizzi biss b’mod impliċitu jew aċċidentali.

[...]

11)

‘regolament tekniku [regola teknika]’: speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta’ prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

[...]

12)

‘abbozz ta’ regolament tekniku [regola teknika]”, it-test ta’ speċifikazzjoni teknika jew ħtieġa oħra jew ta’ regola dwar is-servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi, ifformulat bil-għan li jsir liġi bħala regolament tekniku, bit-test ikun fi stadju ta’ tħejjija fejn ikun għad jistgħu isiru emendi sostanzjali.”

4

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku [regola teknika], għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.”

5

B’konformità mal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika [informazzjoni] (ĠU 2015, L 241, p. 1), id-Direttiva 98/34 ġiet imħassra fis-7 ta’ Ottubru 2015.

Id-Direttiva 2006/123

6

Skont il-premessa 21 tad-Direttiva 2006/123, “[s]ervizzi ta’ trasport, inkluż trasport urban, taxis u ambulanzi kif ukoll servizzi fil-portijiet, għandhom ikunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva”.

7

L-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 jipprevedi li din ma tapplikax għal servizzi fil-qasam tat-trasport, inklużi servizzi portwali, li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-Titolu V tat-Trattat KE, li sar it-Titolu VI tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE.

Id-dritt Franċiż

8

Il-Liġi Nru 2014-1104 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar it-taxis u l-vetturi ta’ trasport bix-xufier (JORF tat-2 ta’ Ottubru 2014, p. 15938) inserixxiet fil-kodiċi tat-trasport l-artikolu L. 3124-13, li huwa redatt kif ġej:

“L-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jwettqu l-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu L. 3120-1[, jiġifieri servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ persuni mwettqa bi ħlas b’vetturi ta’ inqas minn għaxar postijiet, bl-esklużjoni ta’ trasporti pubbliċi kollettivi u ta’ trasport privat bit-triq ta’ persuni,] mingħajr ma jkunu la impriżi tat-trasport bit-triq li jistgħu jwettqu s-servizzi okkażjonali msemmija fil-Kapitolu II tat-Titolu I ta’ dan il-ktieb, u lanqas taxis, vetturi bil-mutur b’żewġ jew tliet roti jew vetturi tat-trasport b’xufier fis-sens ta’ dan it-titolu, hija punibbli b’sentejn priġunerija u b’multa ta’ [EUR] 300000.

Il-persuni ġuridiċi li jinstabu responsabbli kriminalment għar-reat imsemmi f’dan l-artikolu, minbarra l-multa skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 131-38 tal-kodiċi kriminali, jeħlu l-pieni previsti fil-punti 2 sa 9 tal-Artikolu 131-39 tal-istess kodiċi. Il-projbizzjoni msemmija fil-punt 2 tal-istess Artikolu 131-39 tirrigwarda l-attività li fl-eżerċizzju tagħha jew fl-okkażjoni tal-eżerċizzju tagħha jkun twettaq il-ksur. Il-pieni previsti fil-punti 2 sa 7 tal-imsemmi artikolu jistgħu jingħataw biss għal żmien massimu ta’ ħames snin.”

9

Il-punti 2 sa 9 tal-Artikolu 131-39 tal-kodiċi kriminali jipprovdu:

“Meta l-liġi tipprevedi reat jew delitt fil-konfront ta’ persuna ġuridika, dan jista’ jiġi punit b’waħda jew iktar mill-pieni li ġejjin:

[...]

2

Il-projbizzjoni, b’mod permanenti jew għal ħames snin jew iktar, mill-eżerċizzju dirett jew indirett ta’ attività professjonali jew soċjali waħda jew iktar;

3

It-tpoġġija taħt sorveljanza ġudizzjarja għal ħames snin jew iktar;

4

L-għeluq permanenti jew għal ħames snin jew iktar ta’ stabbilimenti jew ta’ stabbiliment tal-impriża wieħed jew iktar li jkunu ntużaw għat-twettiq tal-fatti inkriminanti;

5

L-esklużjoni minn kuntratti pubbliċi b’mod permanenti jew għal ħames snin jew iktar;

6

Il-projbizzjoni, b’mod permanenti jew għal ħames snin jew iktar, milli tippreżenta offerta lill-pubbliku ta’ titoli finanzjarji jew milli tinserixxi t-titoli finanzjarji tagħha fil-kummerċ f’suq irregolat;

7

Il-projbizzjoni għal ħames snin jew iktar, milli toħroġ ċekkijiet minbarra dawk li jippermettu l-ġbid ta’ fondi mill-persuna li tiġbed iċ-ċekk mingħand il-persuna li fuqha jkun inħareġ iċ-ċekk jew dawk li huma ċċertifikati jew milli tuża karti tal-ħlas;

8

Il-piena ta’ konfiska, fil-kundizzjonijiet u skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 131-21;

9

L-affissjoni tad-deċiżjoni adottata jew id-disseminizzjoni tagħha jew b’mezzi tal-istampa, jew b’kull mezz ieħor ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku b’mezzi elettroniċi.”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

Permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, Uber France tipprovdi servizz imsejjaħ “Uber Pop”, li permezz tiegħu hija tqiegħed f’kuntatt xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura proprja tagħhom ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġi urbani. Fil-kuntest tas-servizz ipprovdut permezz ta’ din l-applikazzjoni, l-imsemmija kumpannija, kif irrileva t-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Reġjonali ta’ Lille, Franza) fid-deċiżjoni tar-rinviju, tiffissa t-tariffi, tiġbor il-prezz ta’ kull vjaġġ mingħand il-klijent qabel ma tgħaddi parti minnu lix-xufier mhux professjonali tal-vettura, u toħroġ il-fatturi.

11

Uber France hija mfittxija quddiem din il-qorti, permezz ta’ ċitazzjoni diretta b’kostituzzjoni bħala parti ċivili ta’ Nabil Bensalem, fl-ewwel lok, għall-fatti, imwettqa mit-2 ta’ Frar u mill-10 ta’ Ġunju 2014, ta’ prattiki kummerċjali qarrieqa, fit-tieni lok, mill-10 ta’ Ġunju 2014, għall-fatti ta’ kompliċità fl-eżerċizzju illegali tal-professjoni ta’ taxi, kif ukoll, fit-tielet lok, mill-1 ta’ Ottubru 2014, għall-fatti ta’ organizzazzjoni illegali ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jwettqu t-trasport bit-triq ta’persuni bi ħlas b’vetturi ta’ inqas minn għaxar postijiet.

12

Permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, it-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Reġjonali ta’ Lille, Franza) sabet lil Uber France ħatja taħt il-kapijiet ta’ prattika kummerċjali qarrieqa u lliberat lil din il-kumpannija taħt il-kap ta’ kompliċità fl-eżerċizzju illegali tal-professjoni ta’ taxi.

13

Fir-rigward tal-kap tal-organizzazzjoni illegali ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ sewwieqa mhux professjonisti, li tikkostitwixxi reat skont l-Artikolu L. 3124-13 tal-kodiċi tat-trasporti, l-imsemmija qorti esprimiet dubji fuq il-punt dwar jekk din id-dispożizzjoni kellhiex titqies bħala li tistabbilixxi “regola dwar is-servizzi” tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 98/34, li n-nuqqas ta’ notifika tagħha, b’mod konformi mal-Artikolu 8(1) ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva, jimplika n-nuqqas ta’ infurzabbiltà fil-konfront ta’ individwi, jew inkella regola marbuta ma’ “servizzi fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123.

14

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal de grande instance de Lille (il-Qorti Reġjonali ta’ Lille) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu L. 3124-13 tal-Code des transports (kodiċi tat-trasport), li jirriżulta mil-Liġi Nru 2014-1104 tal-1 ta’ Ottubru 2014 dwar it-taxis u l-vetturi ta’ trasport b’xufier, jikkostitwixxi regola teknika ġdida, mhux impliċita, dwar wieħed jew iktar mis-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni fis-sens tad-[Direttiva 98/34], b’tali mod li dan it-test kellu jiġi nnotifikat [kkomunikat] minn qabel lill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu 8 ta’ din id-direttiva; jew dan l-artikolu jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-[Direttiva 2006/123], li fl-Artikolu 2[(2)](d) tagħha teskludi t-trasport?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel parti tad-domanda, il-ksur tal-obbligu ta’ notifika [komunikazzjoni] previst fl-Artikolu 8 tad-[Direttiva 98/34] jimplika li l-Artikolu L. 3124‑13 tal-kodiċi tat-trasport ma jistax jiġi invokat kontra individwi?”

Fuq id-domanda preliminari

15

Permezz tal-ewwel parti tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona kriminalment l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jipprovdu servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ persuni bi ħlas b’vetturi ta’ inqas minn għaxar postijiet, mingħajr ma jkollhom awtorizzazzjoni għal dan l-għan, għandha tiġi kklassifikata bħala regola dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, jew jekk, għall-kuntrarju, tali leġiżlazzjoni tirrigwardax servizz fil-qasam tat-trasporti, li huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 98/34 kif ukoll minn dak tad-Direttiva 2006/123.

16

Preliminarjament, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-leġiżlazzoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tissanzjona l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jipprovdu, mingħajr awtorizzazzjoni, servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ persuni, permezz ta’ pieni ta’ natura kriminali, bħall-priġunerija, il-multa, il-projbizzjoni mill-eżerċizzju ta’ attività professjonisti jew soċjali, l-għeluq ta’ stabbilimenti tal-impriża kif ukoll il-konfiska.

17

Fil-kawża prinċipali, is-servizz inkwistjoni jikkonsisti fit-tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones u dejjem bil-ħlas, ta’ sewwieqa mhux professjonisti ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban, u li fil-kuntest tiegħu, kif ġie espost fil-punt 10 tas-sentenza odjerna, il-fornitur tal-imsemmi servizz jiffissa t-tariffi, jiġbor il-prezz ta’ kull vjaġġ mill-klijent qabel ma jgħaddi parti minnu lix-xufier mhux professjonist tal-vettura, u joħroġ il-fatturi.

18

Meta kienet adita b’talba għal deċiżjoni preliminari fil-kuntest ta’ kawża ta’ natura ċivili, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni tispeċifika, fis-sentenza tagħha tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi (C-434/15, EU:C:2017:981), il-klassifikazzjoni legali ta’ tali servizz fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

19

B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja qabelxejn qieset li servizz ta’ intermedjazzjoni, li jippermetti t-trażmissjoni, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ informazzjoni marbuta ma’ riżervazzjoni tas-servizz ta’ trasport bejn il-passiġġier u x-xufier mhux professjonist li juża l-vettura proprja tiegħu li jwettaq it-trasport, bħala prinċipju, jissodisfa, il-kriterji li jippermettulu jiġi kklassifikat bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34 (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 35).

20

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li s-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għal din is-sentenza ma kienx biss servizz ta’ intermedjazzjoni li jikkonsisti fi tqegħid f’kuntatt, permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones, ta’ xufiera mhux professjonisti li jużaw il-vettura proprja tagħhom ma’ persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 37).

21

F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li s-servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut mill-kumpannija kkonċernata kien marbut indiviżibbilment mal-offerta ta’ servizzi ta’ trasport urban mhux kollettiv maħluqa minn din tal-aħħar, fid-dawl, fl-ewwel lok, tal-fatt li din il-kumpannija kienet tipprovdi applikazzjoni li mingħajrha dawn ix-xufiera ma kinux ikunu jistgħu jipprovdu servizzi ta’ trasport, u l-persuni li jixtiequ jwettqu vjaġġ urban ma kinux ikunu jistgħu jirrikorru għas-servizzi tal-imsemmija xufiera u, fit-tieni lok, tal-fatt li l-imsemmija kumpannija kienet teżerċita influwenza deċiżiva fuq il-kundizzjonijiet tas-servizz ta’ tali xufiera, b’mod partikolari billi tiffissa l-prezz massimu tal-vjaġġ, tiġbor il-prezz mill-klijent qabel ma tgħaddi parti minnu lix-xufier mhux professjonist tal-vettura, u billi teżerċita ċertu kontroll fuq il-kwalità tal-vetturi u tax-xufiera tagħhom kif ukoll fuq l-aġir ta’ dawn tal-aħħar, li jista’, jekk ikun il-każ, iwassal għall-esklużjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 3839).

22

Fuq il-bażi ta’ dawn l-elementi, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, li s-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża għandu jitqies li jifforma parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa servizz ta’ trasport u, għaldaqstant, li jissodisfa l-klassifikazzjoni mhux bħala “servizz tas-soċjetà tal-informazzjoni”, fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 98/34, iżda bħala “servizz fil-qasam tat-trasport”, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 40).

23

Minn dan kollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li dan is-servizz ta’ intermedjazzjoni ma kienx irregolat mid-Direttiva 2006/123, peress li s-servizzi fil-qasam tat-trasporti huma inklużi, skont l-Artikolu 2(2)(d) ta’ din id-direttiva, fost is-servizzi espressament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Asociación Profesional Elite Taxi, C-434/15, EU:C:2017:981, punt 43).

24

Din il-konklużjoni tgħodd ukoll, għall-istess raġunijiet, fir-rigward tas-servizz ta’ intermedjazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li minn informazzjoni disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan is-servizz ma huwiex sostanzjalment differenti minn dak deskritt fil-punt 21 tas-sentenza odjerna, fatt li għandu madankollu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

25

B’hekk, b’riżerva għal din il-verifika, leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, invokata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali kontra l-kumpannija li tipprovdi l-imsemmi servizz ta’ intermedjazzjoni, ma tistax taqa’ taħt id-Direttiva 2006/123.

26

Minn dan isegwi li din il-leġiżlazzjoni ma tistax tiġi kklassifikata bħala regola dwar is-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, u għaldaqstant ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ notifika minn qabel lill-Kummissjoni previst fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-Direttiva.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel parti tad-domanda magħmula li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 u l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123 għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tissanzjona kriminalment l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jipprovdu servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ persuni bi ħlas b’vetturi ta’ inqas minn għaxar postijiet, mingħajr ma jkollhom awtorizzazzjoni għal dan l-għan, tirrigwarda “servizz fil-qasam tat-trasport” sa fejn hija tapplika għal servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones u li jifforma parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa s-servizz ta’ trasport. Tali servizz huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

28

Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel parti tad-domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni parti ta’ din tal-aħħar, li tikkonċerna l-ipoteżi li fiha tali leġiżlazzjoni kellha, sa fejn tapplika għal servizz bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tiġi nnotifikata skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34.

Fuq l-ispejjeż

29

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika [informazzjoni], kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998, u l-Artikolu 2(2)(d) tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, għandhom jiġu interpretati fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali, li tissanzjona kriminalment l-organizzazzjoni ta’ sistema ta’ tqegħid f’kuntatt ta’ klijenti ma’ persuni li jipprovdu servizzi ta’ trasport bit-triq ta’ persuni bi ħlas b’vetturi ta’ inqas minn għaxar postijiet, mingħajr ma jkollhom awtorizzazzjoni għal dan l-għan, tirrigwarda “servizz fil-qasam tat-trasport” sa fejn hija tapplika għal servizz ta’ intermedjazzjoni pprovdut permezz ta’ applikazzjoni għal smartphones u li jifforma parti integrali minn servizz globali li l-element prinċipali tiegħu huwa s-servizz ta’ trasport. Tali servizz huwa eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawn id-direttivi.

 

Lenaerts

Tizzano

Silva de Lapuerta

Ilešič

Rosas

Malenovský

Levits

Juhász

Borg Barthet

Šváby

Jürimäe

Lycourgos

Vilaras

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl-10 ta’ April 2018.

Ir-Reġistratur

A. Calot Escobar

Il-President

K. Lenaerts


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.