SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
7 ta’ Diċembru 2017 ( *1 )
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti – Regolament (KEE) Nru 1408/71 – Artikolu 46(2) – Artikolu 47(1)(d) – Artikolu 50 – Pensjoni ggarantita – Benefiċċju minimu – Kalkolu tad-drittijiet għall-pensjoni”
Fil-Kawża C-189/16,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Högsta förvaltningsdomstolen (qorti suprema amministrattiva, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ April 2016, fil-proċedura
Boguslawa Zaniewicz-Dybeck
vs
Pensionsmyndigheten,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J. L. da Cruz Vilaça, President tal-Awla, E. Levits, A. Borg Barthet, M. Berger u F. Biltgen (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Marzu 2017,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– |
għall-Pensionsmyndigheten, minn M. Westberg kif ukoll minn M. Irving u A. Svärd, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer‑Seitz u U. Persson kif ukoll minn L. Swedenborg, bħala aġenti, |
– |
għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Pavliš u J. Vláčil, bħala aġenti, |
– |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u D. Martin, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 46(2) u tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98 tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Boguslawa Zaniewicz-Dybeck u l-Pensionsmyndigheten (uffiċċju tal-pensjonijiet, l-Isvezja) fir-rigward tal-għoti ta’ pensjoni ggarantita bħal dik prevista mill-iskema ġenerali ta’ rtirar Svediża. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
Taħt it-Titolu III, intitolat “Dispożizzjonijiet speċjali dwar id-diversi kategoriji ta’ benefiċċji”, il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “(Pensjonijiet) tax-xjuħija u tal-mewt”, jiġbor fih l-Artikoli 44 sa 51a ta’ dan ir-regolament. |
4 |
L-Artikolu 44 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet ġenerali għall-għoti tal-benefiċċji meta persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri” jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Id-drittijiet għall-benefiċċji ta’ persuna impjegata jew li taħdem għal rasha li kienet suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ tnejn jew iktar Stati Membri, jew tas-superstiti tagħha, tkun determinata skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu.” |
5 |
L-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Konsiderazzjoni ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġislazzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-persuna impjegata jew li taħdem għal rasha, għall-akkwist, ir-retenzjoni jew l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji”, jiddikjara, fil-paragrafu 1 tiegħu: “Fejn il-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru tagħmel l-akkwist, ir-retenzjoni u l-irkuprar tad-dritt tal-benefiċċji, taħt skema li mhix skema speċjali fl-ambitu tat-tifsira tal-paragrafu 2 jew 3, suġġetti għat-twettiq ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu inkonsiderazzjoni, fejn meħtieġ, tal-perjodi ta’ assigurazzjoni jew residenza mwettqa taħt il-leġislazzjoni ta’ kwalunkwe Stat Membru ieħor, sew jekk taħt skema ġenerali jew taħt skema speċjali u sew jekk bħala persuna impjegata kif ukoll jekk persuna li taħdem għal rasha. Għal dan l-iskop, hija tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-perijodi bħallikieku twettqu taħt il-leġislazzjoni tagħha.” |
6 |
L-Artikolu 46 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Għoti ta’ benefiċċji”, jipprovdi: “1. Fejn il-kondizzjonijiet meħtieġa mil-leġislazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar tal-benefiċċji jkunu ġew sodisfatti mingħajr ma jkollu jkun applikat l-Artikolu 45 jew l-Artikolu 40(3), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin:
[…] 2. Fejn il-kondizzjonijiet mitluba mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru għall-intitolar ta’ benefiċċji jissodisfaw biss wara l-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 jew ta’ l-Artikolu 40(3), japplikaw ir-regoli li ġejjin:
3. Il-persuni kkonċernati jkunu intitolati għall-ogħla ammont ikkalkulat skond il-paragrafu 1 u 2 mill-istituzzjoni kompetenti ta’ kull Stat Membru mingħajr preġudizzju għal xi applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rigward riduzzjoni, sospensjoni jew tneħħija pprovdut għalihom bil-leġislazzjoni taħt liema huwa dovut il-benefiċċju. Fejn dak huwa l-każ, it-taqbil li għandu jitwettaq għandu jirrelata ma’ l-ammonti ddeterminati wara l-applikazzjoni ta’ l-imsemmija dispożizzjonijiet. […]” |
7 |
L-Artikolu 47 tal-imsemmi regolament, intitolat “Dispożizzjonijiet addizzjonali għall-kalkolu tal-benefiċċji”, jiddikjara, fil-paragrafu 1(d) tiegħu: “Għall-kalkolu ta’ l-ammonti teoretiċi u pro rata msemmija fl-Artikolu 46(2), jkunu japplikaw ir-regoli li ġejjin: […]
[…]” |
8 |
L-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “L-għoti ta’ suppliment fejn it-total tal-benefiċċji pagabbli taħt il-leġislazzjonijiet ta’ diversi Stati Membri ma jammontax għall-minimu stipulat bil-leġislazzjoni ta’ l-Istat li fit-territorju tiegħu jabitaw ir-reċipjenti [benefiċjarji]”, jipprovdi: “Reċipjent tal-benefiċċji li għalih japplika [il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71] ma jistax jingħata, fl-Istat li fit-territorju tiegħu jabita u li taħt il-leġislazzjoni tiegħu huwa pagabbli lilu benefiċċju, benefiċċju li huwa inqas mill-benefiċċju minimu ffissat mil-leġislazzjoni għall-perjodu ta’ assigurazzjoni jew residenza ugwali għall-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni jew residenza ugwali għall-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni meħuda inkonsiderazzjoni għall-pagament skond l-Artikoli preċedenti. L-istituzzjoni kompetenti ta’ dak l-Istat, jekk ikun hemm bżonn, tħallsu matul il-perjodu tar-residenza tiegħu fit-territorju tagħha suppliment ugwali għad-differenza bejn it-total tal-benefiċċji pagabbli taħt [il-Kapitolu 3 tar-Regolament Nru 1408/71] u l-ammont tal-benefiċċju minimu.” |
Id-dritt Svediż
9 |
Il-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali Svediża hija komposta minn tliet elementi, jiġifieri l-pensjoni proporzjonali, il-pensjoni komplementari u l-pensjoni ggarantita. |
10 |
Il-pensjonijiet proporzjonali u komplementari huma pensjonijiet ibbażati fuq id-dħul li l-persuni kkonċernati rċevew. L-ewwel waħda hija bbażata fuq id-drittijiet għal pensjoni miksuba u t-tieni waħda tirriżulta mill-iskema tal-pensjonijiet fis-seħħ fl-Isvezja qabel l-2003 u hija intiża għall-persuni li twieldu fl-1953 jew qabel. Dawn huma benefiċċji ta’ natura essenzjalment kontributtiva. |
11 |
Min-naħa l-oħra, il-pensjoni ggarantita, li l-għan tagħha hija l-protezzjoni bażika tal-persuni li jirċievu dħul baxx jew li ma jirċievu ebda dħul, hija benefiċċju bbażat fuq ir-residenza u hija ffinanzjata permezz tat-taxxa. Hija ġiet stabbilita permezz ta’ emendi għall-iskema Svediża tal-pensjonijiet matul is-snin 90 u ħadet post il-pensjoni nazzjonali tax-xjuħija. |
12 |
L-ammont tal-pensjoni ggarantita huwa ffissat skont l-ammont tal-pensjonijiet l-oħra tal-irtirar irċevuti mill-persuna kkonċernata. Hija titnaqqas gradwalment wara li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-pensjoni proporzjonali, il-pensjoni komplementari u ċerti benefiċċji oħra. |
13 |
Id-dispożizzjonijiet nazzjonali relatati mal-pensjoni ggarantita rilevanti għall-kawża prinċipali huma dawk tal-lagen (1998:702) om garantipension (Liġi Nru 702 tal-1998 dwar il-pensjoni ggarantita), li ġiet issostitwita bis-socialförsakringsbalken (2010:110) (kodiċi tas-sigurtà soċjali tal-2010 iktar ’il quddiem is-“SFB”]. |
14 |
Konformement mal-Artikoli 8 u 10 tal-Kapitolu 55 tas-SFB, il-pensjoni ggarantita tikkostitwixxi l-kopertura bażika tal-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali Svediża. Hija tiddependi fuq il-perijodu ta’ assigurazzjoni u tista’ tingħata lill-persuni li ma jkollhomx pensjoni tal-irtirar ibbażata fuq id-dħul u fejn l-imsemmija pensjoni ma taqbiżx ċertu ammont. |
15 |
Skont l-Artikolu 2 tal-Kapitolu 57 tas-SFB, il-persuni assigurati li twieldu fl-1938 jew wara jistgħu jkollhom dritt għal pensjoni ggarantita jekk ikunu wettqu perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ mill-inqas 3 snin. |
16 |
L-Artikolu 4 tal-Kapitolu 67 tas-SFB jipprovdi li l-pensjoni ggarantita tista’ tiġi reċevuta mix-xahar li fih il-persuna assigurata tilħaq l-età ta’ 65 sena. |
17 |
L-Artikolu 11 tal-istess kapitolu jippreċiża li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-perijodu ta’ assigurazzjoni, jittieħed inkunsiderazzjoni biss il-perijodu li jibda jiddekorri s-sena kalendarja li matulha l-persuna kkonċernata tilħaq l-età ta’ 16‑il sena u li tintemm fis-sena kalendarja li fiha hija tkun laħqet l-età ta’ 64 sena. |
18 |
L-Artikolu 15 tal-Kapitolu 67 tas-SFB jipprevedi li l-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni ggarantita hija kkostitwita mill-pensjoni ta’ rtirar ibbażata fuq id-dħul li għaliha l-persuna assigurata għandha dritt għall-istess snin. |
19 |
L-Artikolu 16 tal-imsemmi kapitolu jiddefinixxi l-kliem “pensjoni tal-irtirar ibbażata fuq id-dħul”, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-istess kapitolu, bħala l-pensjoni tal-irtirar ibbażata fuq id-dħul fis-sens tas-SFB qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis previst f’ċerti artikoli tal-Kodiċi kif ukoll il-pensjonijiet tal-irtirar obbligatorji skont leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri oħra li ma jistgħux jiġu pparagunati mal-pensjoni ggarantita taħt is-SFB. |
20 |
L-ammont bażiku, li jservi bħala bażi ta’ kalkolu ta’ ċerti benefiċċji soċjali, fosthom il-pensjoni ggarantita, huwa ddefinit fl-Artikolu 7 tal-Kapitolu 2 tas-SFB. Dan l-ammont huwa indiċjat fuq il-livell ġenerali tal-prezzijiet. Matul is-sena rilevanti fil-kawża prinċipali, dan kien jammonta għal 39400 kuruna Svediża (SEK) (madwar EUR 4137). |
21 |
Skont l-Artikolu 23 tal-Kapitolu 67 tas-SFB, għall-persuni miżżewġa li l-bażi ta’ kalkolu tagħhom ma taqbiżx l-ammont bażiku b’1.14-il darba, il-pensjoni ggarantita annwali tammonta għal 1.9 darbiet l-ammont bażiku, imnaqqas mill-bażi ta’ kalkolu. |
22 |
L-Artikolu 24 tal-istess kapitolu jipprevedi li, għall-persuni miżżewġa li l-bażi ta’ kalkolu tagħhom taqbeż l-ammont bażiku b’1.14‑il darb, il-pensjoni ggarantita annwali tammonta għal 0.76 darba l-ammont bażiku, imnqqas bi 48 % mill-parti tal-bażi ta’ kalkolu li tkun ogħla minn 1.14‑il darba l-ammont bażiku. |
23 |
L-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB jindika li, għall-persuni li ma jistgħux jiġġustifikaw perijodu ta’ assigurazzjoni ta’ 40 sena, l-ammonti kollha marbuta mal-ammont bażiku indikati fl-Artikoli 21 sa 24 ta’ dan il-kapitolu għandhom jitnaqqsu, skont kalkolu pro rata, fi proporzjon li jikkorrispondi għall-kwozjent tal-perijodu ta’ assigurazzjoni diviż bin-numru 40. |
24 |
L-istruzzjonijiet interni Nru 2 tal-2007 tal-Försäkringskassan (fond nazzjonali tal-assigurazzjoni, l-Isvezja) (iktar ’il quddiem l-“istruzzjonijiet”) jipprevedu li, fil-kuntest tal-kalkolu pro rata tal-pensjoni ggarantita prevista fl-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB, jeħtieġ, biex jiġi kkalkolat l-ammont teoretiku previst fl-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li jiġi attribwit lil kull perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq fi Stati Membri oħra valur ta’ pensjoni fittizju li jikkorrispondi għall-valur medju f’termini ta’ pensjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
25 |
B. Zaniewicz-Dybeck, ta’ nazzjonalità Pollakka, twieldet fl-1940 u telqet mill-Polonja sabiex tgħix l-Isvezja fl-1980. Wara li ħadmet fil-Polonja għal 19-il sena, hija għexet fl-Isvezja għal 24 sena u ħadmet hemmhekk għal 23 sena. |
26 |
Fl-2005, B. Zaniewicz-Dybeck ressqet talba għal pensjoni ggarantita li ġiet irrifjutata lilha mill-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni. |
27 |
Permezz ta’ deċiżjoni fuq ilment fl-1 ta’ Settembru 2008, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni kkonfermat din iċ-ċaħda. |
28 |
Peress li B. Zaniewicz-Dybeck kienet wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni kemm fl-Isvezja u fil-Polonja, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni kkalkola, konformement mar-Regolament Nru 1408/71, il-pensjoni ggarantita ta’ din tal-aħħar, minn naħa, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet nazzjonali, u, min-naħa l-oħra, skont il-prinċipju tal-kalkolu pro rata previst fl-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament. |
29 |
Fil-kuntest tal-kalkolu tal-pensjoni ggarantita ta’ B. Zaniewicz-Dybeck skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni, konformement mal-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB u mal-istruzzjonijiet, iddetermina l-bażi ta’ kalkolu ta’ din il-pensjoni billi wettaq kalkolu pro rata. Barra minn hekk, meta kkalkola l-ammont bażiku previst fl-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, huwa ma ħax inkunsiderazzjoni l-pensjoni tal-irtirar ibbażata fuq id-dħul miksuba minn B. Zaniewicz-Dybeck fil-Polonja, iżda attribwixxa l-pensjoni bbażata fuq id-dħul miksub minn din tal-aħħar fl-Isvezja għal ammont ta’ SEK 75216 (madwar EUR 7897) għal 24 sena ta’ assigurazzjoni, valur annwali ta’ SEK 3134 (madwar EUR 329), jiġifieri SEK 75216 diviż b’24, imbagħad ikkalkola dan l-ammont bit-tul massimu ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni ggarantita, jiġifieri 40 sena. B’hekk huwa kiseb valur ta’ pensjoni fittizja ta’ SEK 125360 (madwar EUR 13162). |
30 |
Fid-dawl tar-riżultati miksuba, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni qieset li l-pensjonijiet tal-irtirar ibbażati fuq id-dħul li, konformement mal-Artikolu 15 tal-Kapitolu 67 tas-SFB, jikkostitwixxi l-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni ggarantita, irċevuti minn B. Zaniewicz‑Dybeck kienu jeċċedu l-limitu ta’ riżorsi għall-attribuzzjoni ta’ pensjoni ggarantita. |
31 |
Wara li kkonstatat, mingħajr suċċess, din id-deċiżjoni quddiem il-Förvaltningsrätten i Stockholm (tribunal amministrattiv sedenti fi Stokkolma, l-Isvezja), u sussegwentement quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (qorti tal-appell amministrattiva ta’ Stokkolma, l-Isvezja), B Zaniewicz-Dybeck marret quddiem il-Högsta förvaltningsdomstolen (qorti suprema amministrattiva, l-Isvezja). |
32 |
B. Zaniewicz-Dybeck sostniet li l-ammont teoretiku tal-pensjoni ggarantita għandu jiġi kkalkolat konformement mar-Regolament Nru 1408/71, mingħajr ma jiġi applikat, minn naħa, l-Artikolu 47(1)(d) ta’ dan ir-regolament, peress li l-pensjoni ggarantita tistrieħ biss fuq it-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni, wara li titnaqqas il-pensjoni bbażata fuq id-dħul irċevut fl-Isvezja u, min-naħa l-oħra, l-istruzzjonijiet, peress li dawn jiżvantaġġaw il-ħaddiema migranti li jirċievu pensjoni bbażata fuq id-dħul min-naħa ta’ Stat Membru ieħor ta’ ammont baxx. |
33 |
Skont l-Uffiċċju tal-pensjonijiet, li ssuċċeda, fl-1 ta’ Jannar 2010, il-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Isvezja jagħtu dritt għal pensjoni min-naħa ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor. Issa, sa fejn il-pensjoni ggarantita hija ta’ natura kumplementari, il-fatt li din il-pensjoni tiġi kkalkolata mingħajr ma jiġi applikat l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 ikollu bħala effett li l-persuna kkonċernata li wettqet perijodi ta’ assigurazzjoni fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Isvezja tirċievi benefiċċju ogħla. Fil-fatt, in-nuqqas ta’ attribuzzjoni ta’ valur ta’ pensjoni medja għall-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Isvezja jkollu bħala konsegwenza li dawn il-perijodi jingħataw valur inferjuri għal dak li jikkorrispondi għall-istess perijodi mwettqa fl-Isvezja. |
34 |
Il-qorti tar-rinviju tqiegħed l-enfasi fuq il-fatt li, meta l-istituzzjoni kompetenti, jiġifieri l-Fond nazzjonali tal-assigurazzjoni jew l-Uffiċċju tal-pensjonijiet jikkalkola l-pensjoni ggarantita, konformement mal-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, hija tattribwixxi lil kull perijodu ta’ assigurazzjoni mwettaq mill-ħaddiem fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Isvezja valur ta’ pensjoni fittizja li jikkorrispondi għall-valur medju ta’ pensjoni tal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fl-Isvezja, li titnaqqas mill-pensjoni ggarantita, indipendentement mill-punt dwar jekk il-persuna kkonċernata ħadmitx jew le matul dan il-perijodu. Fil-fatt, jekk il-persuna kkonċernata tkun ħadmet matul l-imsemmi perijodu u, konsegwentement, tkun kisbet dritt għal pensjoni ogħla mill-valur tal-pensjoni fittizja kkalkolata mill-istituzzjoni kompetenti, hija tkun ivvantaġġata. Min-naħa l-oħra, jekk il-persuna kkonċernata ma tkunx ħadmet fl-Istat Membru l-ieħor jew kisbet pensjoni inferjuri għall-valur ta’ pensjoni fittizju kkalkolat mill-istituzzjoni kompetenti, hija tkun żvantaġġata. |
35 |
Fid-dawl ta’ dawn il-punti, il-qorti tar-rinviju tqis li teżisti inċertezza fir-rigwrd tal-mod kif jeħtieġ li tiġi kkalkolata l-pensjoni ggarantita. Hija tistaqsi, b’mod iktar partikolari, jekk, fil-kalkolu ta’ tali pensjoni, hemmx lok li jiġu applikati l-Artikolu 46(2), u l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 u, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, jekk, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, huwiex possibbli li jiġi attribwit, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-bażi ta’ kalkolu ta’ tali pensjoni, mal-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa fi Stat Membru minbarra r-Renju tal-Isvezja valur ta’ pensjoni fittizja li jikkorrispondi għall-valur medju tal-perijodi mwettqa fl-Isvezja. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok, għall-finijiet tal-kalkolu tal-pensjoni ggarantita, li jittieħdu inkunsiderazzjoni pensjonijiet ta’ rtirar irċevuti mill-persuna kkonċernata fi Stati Membri oħra. |
36 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Högsta förvaltningsdomstolen (qorti amministrattiva suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
37 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-kalkolu mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ta’ benefiċċju bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemmx lok li jiġi applikat il-metodu ta’ kalkolu pro rata previst fl-Artikolu 46(1) ta’ dan ir-regolament u li jiġi attribwit, konformement mal-Artikolu 47(1)(d) tal-imsemmi regolament, għall-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa mill-persuna kkonċernata fi Stat Membru ieħor valur medju fittizju. |
38 |
Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, jeħtieġ, preliminarjament, li jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 1408/71 ma jorganizzax skema komuni ta’ sigurtà soċjali, iżda jħalli jissussistu skemi nazzjonali distinti u għandu l-għan uniku li jiżgura koordinazzjoni bejn dawn tal-aħħar. B’hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex ifasslu s-sistemi ta’ sigurtà soċjali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 35, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
39 |
Għalhekk fl-assenza ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal benefiċċji (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
40 |
Fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE marbuta mal-libertà rikonoxxuta lil kull ċittadin tal-Unjoni li jiċċaqlaq u li jirrisjedi fit-territorju tal-Istati Membri (sentenza tal-21 ta’ Frar 2013, Salgado González, C‑282/11, EU:C:2013:86, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
41 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 45 tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru tissuġġetta l-kisba, iż-żamma jew l-irkupru tad-dritt għall-benefiċċji għat-twettiq ta’ perijodi ta’ assigurazzjoni, l-istituzzjoni kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru bħallikieku kienu perijodi mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni li hija tapplika. Fi kliem ieħor, il-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa f’diversi Stati Membri għandhom jingħaddu flimkien. |
42 |
F’każ bħal dan, l-Artikolu 46(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi li l-istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkula l-ammont teoretiku tal-benefiċċju li għalih għandha dritt il-persuna kkonċernata bħallikieku l-perijodi kollha ta’ xogħol li hija tkun wettqet fi Stati Membri differenti kienu fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti. L-istituzzjoni kompetenti sussegwentement għandha tistabbilixxi, konformement mal-paragrafu 2(b) tal-istess artikolu, l-ammont effettiv tal-benefiċċju fuq il-bażi tal-ammont pro rata tat-tul tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza fl-Istat Membru tal-istituzzjoni kompetenti, meta mqabbel mat-tul totali tal-perijodi ta’ assigurazzjoni u/jew ta’ residenza mwettqa fl-Istati Membri differenti. Dan huwa l-metodu ta’ kalkolu pro rata. |
43 |
L‑Artikolu 47 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi dispożizzjonijiet kumplementari għall-kalkolu tal-ammont teoretiku u tal-pro rata msemmija fl-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament. B’hekk, l-Artikolu 47(1)(d) tal-imsemmi regolament jippreċiża, b’mod partikolari, li l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu jipprevedi li l-kalkolu tal-benefiċċji jistrieħ fuq l-ammont tal-qligħ, tal-kontribuzzjonjiet jew żidiet, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istat tiddetermina l-qligħ, il-kontribuzzjonijiet u ż-żidiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fejn jidħlu l-perjodi ta’ assigurazzjoni jew ta’ residenza mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni ta’ Stati Membri oħra, fuq il-bażi tal-qligħ medju, tal-kontribuzzjonijiet u taż-żidiet fejn jidħlu l-perijodi ta’ assigurazzjoni mwettqa taħt il-leġiżlazzjoni li din l-istituzzjoni tapplika. |
44 |
F’dan il-każ, jeħtieġ li jiġi osservat li, matul is-seduta, il-Gvern Svediż innifsu rrikonoxxa li l-pensjoni ggarantita hija intiża li tiżgura lill-benefiċjarji tagħha livell ta’ ħajja raġonevoli billi tiggarantilhom dħul minimu, li jkun ogħla mill-ammont li jkun dovut lilhom li kieku kellhom jirċievu biss il-pensjoni ta’ rtirar ibbażata fuq id-dħul tagħhom, meta dan l-ammont jirriżulta li jkun baxx wisq, jew saħansitra ma jirċievu xejn. Il-pensjoni ggarantita għalhekk tikkostitwixxi l-kopertura bażika tal-pensjoni tal-irtirar tal-iskema ġenerali Svediża. |
45 |
F’dan ir-rigward, fil-punt 15 tas-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Browning (22/81, EU:C:1981:316), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li hemm “benefiċċju minimu”, fis-sens tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza tinkludi garanzija speċifika li jkollha bħala għan li tiżgura lill-benefiċjarji ta’ benefiċċji ta’ sigurtà soċjali dħul minimu li jaqbeż il-livell tal-benefiċċji li jistgħu jistennew li jirċievu sempliċement skont il-qagħda tal-perijodi ta’ affiljazzjoni tagħhom u l-kontribuzzjonijiet tagħhom. |
46 |
Għaldaqstant jidher li, fid-dawl tal-għan tagħha, hekk kif deskritta fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, il-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi benefiċċju minimu li jaqa’ taħt l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71. |
47 |
Hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 47 tal-konklużjonijiet tiegħu, sa fejn ir-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedix li l-Istati Membru jipprevedu benefiċċji minimi u li kull leġiżlazzjoni nazzjonali għaldaqstant ma jinkludix neċessarjament dan it-tip ta’ benefiċċju, l-Artikolu 46(2) ta’ dan ir-regolament ma jistax jimponi regoli speċifiċi u ddettaljati għall-kalkolu ta’ tali benefiċċju. |
48 |
Konsegwentement, id-dritt li persuna tirċievi benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu jiġi evalwat, mhux fuq il-bażi tal-Artikolu 46(2) jew tal-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, iżda konformement mar-regoli speċifiċi li jinsabu fl-Artikolu 50 ta’ dan ir-regolament u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. |
49 |
Issa, mill-espożizzjoni tal-fatti fil-kawża prinċipali li tissemma fil-punt 29 ta’ din is-sentenza jirriżulta li, sabiex tikkalkola d-drittijiet għall-pensjoni ggarantita ta’ B. Zaniewicz-Dybeck, l-istituzzjoni kompetenti, minn naħa, applikat, konformement mal-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB, mal-ammont tal-pensjonijiet proporzjonali u kumplementari tal-persuna kkonċernata, li jikkostitwixxu l-bażi ta’ kalkolu tal-pensjoni ggarantita, metodu ta’ kalkolu pro rata li, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali essenzjalment fil-punti 45 u 46 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa simili għal dak previst fl-Artikolu 46(2)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1408/71. Min-naħa l-oħra, fil-kalkolu pro rata previst fl-imsemmi Artikolu 46(2), l-istituzzjoni kompetenti ma’ ħaditx inkunsiderazzjoni, konformement mal-istruzzjonijiet, il-pensjonijiet tal-irtirar irċevuti minn B. Zaniewicz-Dybeck fil-Polonja iżda, hekk kif jipprovdi l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71, attribwixxiet il-pensjoni bbażata fuq id-dħul miksuba mill-persuna kkonċernata fl-Isvezja valur annwali, sussegwentement immoltiplikat dan l-ammont bit-tul massimu ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni ggarantita, jiġifieri 40 sena. Mid-deċiżjoni ta’ rinviju jirriżulta li r-riżultat miksub b’applikazzjoni tal-metodu ta’ kalkolu bħal dak li għadu kif ġie deskritt kien jeċċedi l-limitu ta’ riżorsi għall-attribuzzjoni ta’ pensjoni ggarantita. |
50 |
Hekk kif jirriżulta mill-punt 48 ta’ din is-sentenza, tali metodu ta’ kalkolu bbażat fuq l-Artikolu 46(2) u l-Artikolu 47(1)(d) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistax jiġi aċċettat għall-finijiet tal-kalkolu ta’ benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita fil-kawża prinċipali. |
51 |
Hija l-istituzzjoni kompetenti li għandha tikkalkola l-pensjoni ggarantita konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, b’eċċezzjoni tal-Artikolu 25 tal-Kapitolu 67 tas-SFB u l-istruzzjonijiet. |
52 |
Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li r-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-kalkolu mill-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru ta’ benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma hemmx lok li jiġi applikat l-Artikolu 46(2), jew l-Artikolu 47(1)(d) tal-imsemmi regolament. Tali benefiċċju għandu jiġi kkalkolat konformement mad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 50 tal-istess regolament u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, mingħajr madankollu ma jiġu applikati dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, relatati mal-kalkolu pro rata. |
Fuq it-tieni domanda
53 |
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jipprevedi li, fil-kalkolu ta’ benefiċċju bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjonijiet tal-irtirar kollha li l-persuna kkonċernata tirċievi effettivament minn Stat Membru jew numru ta’ Stati Membri oħra. |
54 |
Jeħtieġ li jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha tiġi kkalkolata konformement mal-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 u l-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti. |
55 |
Issa, mid-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-pensjoni ggarantita li jinsabu fis-SFB, hekk kif imsemmija, b’mod partikolari, fil-punt 19 ta’ din is-sentenza, jiriżulta espressament li l-pensjonijiet tal-irtirar obbligatorji bis-saħħa ta’ leġiżlazzjonijiet ta’ Stati Membri oħra li ma humiex paragunabbli għall-pensjoni ggarantita huma inklużi fil-bażi ta’ kalkolu ta’ din il-pensjoni. Għaldaqstant jidher li, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, l-istituzzjoni kompetenti tal-Istati Membru kkonċernat għandha, fil-kalkolu tal-pensjoni ggarantita, tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjonijiet tal-irtirar irċevuti mill-persuna kkonċernata fi Stati Membri oħra. |
56 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Nru 1408/71, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 50 tiegħu, jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li, fil-kuntest tal-kalkolu tad-drittijiet għal pensjoni minima bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-pensjonijiet tal-irtirar li l-persuna kkonċernata tirċievi minn Stat Membru ieħor. |
57 |
Jeħtieġ li jitfakkar, f’dan ir-rigward, li skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 jirrigwarda l-każijiet fejn il-karrieri tal-ħaddiem skont il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati li għalihom huwa kien suġġett kienu relattivament qosra, b’tali mod li l-ammont totali tal-benefiċċji dovuti minn dawn l-Istati ma jlaħħqux ma’ livell raġonevoli ta’ għixien (sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1977, Torri, 64/77, EU:C:1977:197, punt 5, u tas-17 ta’ Diċembru 1981, Browning, 22/81, EU:C:1981:316, punt 12). |
58 |
Sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni, dan l-Artikolu 50 jipprovdi li, meta l-leġiżlazzjoni tal-Istat ta’ residenza jipprevedi benefiċċju minimu, il-benefiċċju dovut minn dan l-Istat jiġi miżjud b’suppliment ugwali għad-differenza bejn is-somma tal-benefiċċji dovuti mill-Istati differenti, li għal-leġiżlazzjonijiet tagħhom il-ħaddiem kien suġġett, u dan il-benefiċċju minimu (sentenza tat-30 ta’ Novembru 1977, Torri, 64/77, EU:C:1977:197, punt 6). |
59 |
Għalhekk, kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 59 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kalkolu tad-drittijiet għal benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 50 tar-Regolament Nru 1408/71 jipprevedi speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni tal-ammont effettiv tal-pensjonijiet tal-irtirar li l-persuna kkonċernata tirċievi minn Stat Membru ieħor. |
60 |
Konsegwentement, jeħtieġ li r-risposta għat-tieni domanda tkun li r-Regolament Nru 1408/71, u b’mod iktar partikolari l-Artikolu 50 tal-imsemmi regolament, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li jipprevedi li, fil-kalkolu ta’ benefiċċju minimu bħall-pensjoni ggarantita inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-istituzzjoni kompetenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-perijodi tal-irtirar kollha li l-persuna kkonċernata tirċievi effettivament minn Stat Membru jew minn numru ta’ Stati Membri oħra. |
Fuq l-ispejjeż
61 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.