SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Settembru 2017 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2004/38 – Direttiva 2008/115 – Dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri – Residenza ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor minkejja projbizzjoni ta’ aċċess għat-territorju ta’ dan l-Istat – Legalità ta’ deċiżjoni ta’ rtirar ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni u tat-tieni deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju – Possibbiltà li tiġi invokata, pemrezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità ta’ deċiżjoni preċedenti – Obbligu ta’ traduzzjoni”

Fil-Kawża C‑184/16,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Tessalonika, il-Greċja), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Marzu 2016, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2016, fil-proċedura

Ovidiu-Mihăiță Petrea

rikorrent,

Ypourgos Esoterikon kai Dioikitikis Anasygrotisis,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, E. Regan, J.-C. Bonichot (Relatur), A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-2 ta’ Frar 2017,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Ovidiu-Mihăiță Petrea, minn S. Dima u A. Muntean, dikigoroi,

għall-Gvern Elleniku, minn D. Katopodis u A. Magrippi, bħala aġenti,

għall-Gvern Belġjan, minn C. Pochet u L. Van den Broeck, bħala aġenti,

għall-Gvern Daniż minn M. S. Wolff u M. C. Thorning, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Brandon u C. Brodie, bħala aġenti, assistiti minn B. Lask, barrister,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Montaguti u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-27 ta’ April 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 27, 28 u 30 tad-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46, u, rettifiki, ĠU L 229, p. 35, u ĠU 2005, L 197, p. 34), tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98), kif ukoll tal-prinċipji ta’ effettività u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Ovidiu-Mihăiță Petrea u l-Ypourgos Dimosias Taxis kai Prostasias tou Politi (ministru tal-ordni pubbliku u tal-protezzjoni taċ-ċittadin), li sar l-Ypourgos Esoterikon kai Dioikitikis Anasygkrotisis (ministru tal-intern u tar-riforma amministrattiva), dwar il-legalità ta’ deċiżjoni amministrattiva li biha dan tal-aħħar irtira ċertifikat ta’ reġistrazzjoni li kien inħareġ lill-persuna kkonċernata u ordna r-ritorn tiegħu fir-Rumanija.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva 2004/38

3

Il-premessa 11 tad-Direttiva 2004/38 tipprevedi:

“Id-dritt fondamentali u personali ta’ residenza fi Stat Memrbu ieħor hu konferit direttament mit-Trattat fuq iċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u ma jiddependix fuq it-tlestija tagħhom tal-proċeduri amministrattivi.”

4

L-Artikolu 8(1) u (2) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5(5), għal perjodi ta’ residenza ta’ aktar minn tliet xhur, l-Istat Membru ospitanti jista’ jeħtieġ li ċ-ċittadini ta’ l-Unjoni jirreġistraw ma’ l-awtoritajiet rilevanti.

2.   It-terminu perentorju għal reġistrazzjoni m’għandux ikun inqas minn tliet xhur mid-data tal-waslien. Għandu jinħareġ immedjatament ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, li jiddikjara l-isem u l-indirizz tal-persuna li qed tirreġistra u d-data tar-reġistrazzjoni. In-nuqqas li dan l-obbligu ta’ reġistrazzjoni jiġi osservat jista’ jwassal biex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal sanzjonijiet proporzjonati u mhux diskriminatorji.”

5

L-Artikolu 15(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża:

“Il-proċeduri previsti fl-Artikoli 30 u 31 għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għad-deċiżjonijiet kollha li jillimitaw il-moviment liberu taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom għal raġunijiet għajr dawk ta’ politika pubblika, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika.”

6

Skont l-Artikolu 27(1) u (2) ta’ din id-direttiva:

“1.   Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ dan il-Kapitolu, l-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini ta’ l-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom, irrispettivament miċ-ċittadinanza, minħabba politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. Dawn ir-raġunijiet ma għandhomx jiġu invokati biex jaqdu għanijiet ekonomiċi.

2.   Il-miżuri meħuda minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika jew ta’ sigurtà pubblika għandhom ikunu skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità u għandhom ikunu bbażati esklussivament fuq il-kondotta personali ta’ l-individwu kkonċernat. Kundanni kriminali preċedenti m’għandhomx minnhom infushom jikkostitwixxu raġuni biex jittieħdu dawn il-miżuri.

L-imġiba personali tal-individwu kkonċernat għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, preżenti u gravi biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fundamentali tas-soċjetà. Ġustifikazzjonijiet li huma iżolati mill-partikolaritajiet tal-każ jew li jiddependu fuq konsiderazzjonijiet ta’ prevenzjoni ġenerali m’għandhomx jiġu aċċettati.”

7

L-Artikolu 28(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi:

“1. Qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija minħabba politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika, l-Istat Membru ospitanti għandu jqis l-konsiderazzjonijiet bħat-tul tar-residenza ta’ l-individwu kkonċernat fit-territorju tiegħu, l-età, l-istat ta’ saħħa, is-sitwazzjoni familjari u dik ekonomika, integrazzjoni soċjali u kulturali fl-Istat Membru ospitanti u l-limitu tar-rabtiet tiegħu mal-pajjiż ta’ oriġini.”

8

Skont l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu avżati bil-miktub bi kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skond l-Artikolu 27(1), b’tali mod li jkunu jistgħu jifhmu l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet għalihom.

2.   Il-persuni kkonċernati għandhom jiġu nformati, preċiżament u bi sħiħ, dwar ir-raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku], ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika li fuqhom qed tittieħed id-deċiżjoni fil-każ tagħhom, sakemm dan imur kontra l-interessi tas-sigurtà Statali.

3.   In-notifika għandha tispeċifika l-awtorità amministrattiva u dik ta’ ġurisprudenza li magħha l-persuna kkonċernata tista’ tiddepożita appell, il-limitu ta’ żmien għall-appell u, fejn applikabbli, iż-żmien permess għall-persuna biex titlaq mit-territorju ta’ l-Istat Membru. Ħlief għal każijiet debitament issostanzjati ta’ urġenza, iż-żmien permess biex il-persuna titlaq mit-territorju m’għandux ikun inqas minn xahar mid-data ta’ notifika.”

9

L-Artikolu 31 tal-imsemmija direttiva jipprevedi li:

“1.   Il-persuni kkonċernati għandhom ikollhom aċċess għal proċeduri ġudizzjarji u, fejn approprjat, amministrattivi ta’ kumpens fl-Istat Membru ospitanti biex jappellaw kontra jew ifittxu reviżjoni ta’ kwalunkwe deċiżjoni meħudha kontrihom minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubblika], sigurtà pubblika jew saħħa pubblika.

2.   Meta l-applikazzjoni għall-appell kontra jew għar-reviżjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija hi akkumpanjata minn applikazzjoni għal ordni temporanja biex jiġi sospiż l-infurzar ta’ dik id-deċiżjoni, m’għandiex isseħħ it-tneħħija proprja mit-territorju sakemm tittieħed id-deċiżjoni dwar l-ordni temporanja, ħlief:

fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hi bbażata fuq deċiżjoni ġudizzjarja preċedenti; jew

fejn il-persuni kkonċernati kellhom aċċess preċedenti għal reviżjoni ġudizzjarja; jew

fejn id-deċiżjoni ta’ tkeċċija hi bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ sigurtà politika skond l-Artikolu 28(3).

3.   Il-proċeduri ta’ riżarċiment għandhom jinkludu eżami tal-legalità tad-deċiżjoni, kif ukoll tal-fatti u taċ-ċirkostanzi li fuqhom ġiet ibbażata l-miżura proposta. Għandhom jiżguraw li d-deċiżjoni mhiex disproporzjonata, b’mod partikolari minħabba l-ħtiġiet stabbiliti fl-Artikolu 28.

4.   L-Istati Membri jistgħu jeskludu l-individwu kkonċernat mit-territorju tagħhom matul il-proċeduri ta’ riżarċiment, imma ma jistgħux jostakolaw milli l-individwu jippreżenta d-difiża tiegħu personalment, ħlief meta l-apparenza tiegħu tista’ toħloq inkonvenjenza serja għall-politika pubblika u għas-sigurtà pubblika jew meta l-appell jew ir-reviżjoni ġudizzjarja tikkonċerna t-tiċħid tad-dħul fit-territorju.”

10

L-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi:

“1.   “Persuni esklużi minħabba raġunijiet ta’ politika pubblika [ordni pubbliku] jew sigurtà pubblika [jew ta’ saħħa pubblika] jistgħu jippreżentaw applikazzjoni għat-tneħħija ta’ l-ordni ta’ tkeċċija [tal-projbizzjoni ta’ dħul fit-territorju] wara perjodu raġonevoli, skond iċ-ċirkostanzi, u fi kwalunkwe każ wara tliet snin mill-infurzar ta’ l-aħħar ordni ta’ tkeċċija [tad-deċiżjoni definittiva ta’ projbizzjoni] li ġiet adottata b’mod validu skond il-liġi tal-[Unjoni], billi jiġu ppreżentati argumenti biex jiġi stabbilit li kien hemm tibdil materjali fiċ-ċirkostanzi li ġġustifikaw id-deċiżjoni li tordna l-esklużjoni [li tipprojbixxi d-dħul] tagħhom.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jilħaq deċiżjoni fuq din l-applikazzjoni sa sitt xhur mill-preżentazzjoni tagħha.

2.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhom l-ebda dritt li jidħlu fit-territorju ta’ l-Istat Membru kkonċernat waqt li tkun qed tiġi kkunsidrata l-applikazzjoni tagħhom.”

11

L-Artikolu 37 ta’ din id-direttiva jispeċifika:

“Id-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva m’għandhomx jolqtu xi liġijiet, regoli jew disposizzjonijiet amministrattivi stabbiliti minn Stat Membru li jistgħu jkunu aktar favorevoli għall-persuni koperti minn din id-Direttiva.”

Id-Direttiva 2008/115

12

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi standards u proċeduri komuni li għandhom jiġu applikati fl-Istati Membri biex jiġu rritornati ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment [irregolarment], skond id-drittijiet fundamentali bħala prinċipji ġenerali tal-liġi Komunitarja kif ukoll tal-liġi internazzjonali, inkluż il-protezzjoni tar-refuġjati u l-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem.”

13

L-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Din id-Direttiva tapplika għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin illegalment [irregolarment] fit-territorju ta’ Stat Membru.”

14

L-Artikolu 6(1) ta’ din id-direttiva jippreċiża:

“L-Istati Membri għandhom joħorġu deċiżjoni ta’ ritorn għal ċittadin ta’ pajjiż terz li qed jissoġġorna illegalment fit-territorju tagħhom, bla ħsara għall-eċċezzjonijiet imsemmijin fil-paragrafi 2 sa 5.”

15

L-Artikolu 12 ta’ din l-istess direttiva jipprevedi li:

“1.   “Deċiżjonijiet ta’ ritorn u, jekk maħruġa, deċiżjonijiet ta’ projbizzjoni fuq id-dħul u deċiżjonijiet ta’ tneħħija, għandhom jinħarġu bil-miktub u jagħtu raġunijiet fil-fatt u fid-dritt kif ukoll informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli.

[…]

2.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq talba, traduzzjoni bil-miktub jew orali ta’ l-elementi prinċipali tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn kif imsemmi fil-paragrafu 1, inkluża l-informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli b’lingwa li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jifhem jew li jista’ jkun raġonevolment mistenni li jifhem.

3.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx il-paragrafu 2 fir-rigward ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu illegalment fit-territorju ta’ Stat Membru u li sussegwentement ma kisbux awtorizzazzjoni jew dritt biex joqogħdu f’dak l-Istat Membru.

F’dawn il-każijiet, deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, kif imsemmi fil-paragrafu 1, għandhom jingħataw permezz ta’ formola standard kif stabbilit fil-leġislazzjoni nazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli folji ta’ informazzjoni ġeneralizzata li tispjega l-elementi ewlenin tal-formola standard b’mill-inqas ħamsa minn dawk il-lingwi, li huma l-aktar frekwentament użati jew mifhuma mill-migranti illegali li jidħlu fl-Istat Membru konċernat.”

Id-dritt Grieg

16

Id-Digriet Presidenzjali 106/2007 dwar il-libertà ta’ moviment u residenza taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom fit-territorju Grieg (FEK A’ 135/2007) ittraspona fid-dritt Grieg id-Direttiva 2004/38.

17

Il-Liġi 3907/2011 dwar servvizi ta’ ażil u tal-ewwel akkoljenza, ritorn ta’ persuni li jirrisjedu b’mod irregolari, permessi ta’ residenza et (FEK A’ 7/26.1.2011) ittraspona d-Direttiva 2008/115.

18

L-Artikolu 40(1) u (2) ta’ din il-liġi jipprevedi:

“1.   Għal dak li jirrigwarda r-ritorn ta’ persuni li jgawdu d-dritt ta’ moviment liberu, skont l-Artikolu 2(5) tal-Kodiċi tal-Fruntieri Schengen u d-dispożizzjonijiet tad-Digriet Presidenzjali 106/2007, japplikaw id dispożizzjonijiet tal-Kapitolu C ta’ din il-liġi dwar l-awtoritajiet, il-proċeduri u l-garanziji proċedurali ta’ persuni barranin fir-ritorn, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet iktar favorevoli nklużi fl-Artikoli 22 sa 24 tad-Digriet Presidenzjali.

2.   Fir-rigward tal-kundizzjonijiet materjali u l-modalitajiet sabiex tkun tiġi imposta ordni ta’ tneħħija mit-territorju kontra persuni msemmija fil-paragrafu 1, jibqgħu applikabbli d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 22 sa 24 tad-Digriet Presidenzjali 106/2007”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

19

Mid-deċiżjoni ta-rinviju jirriżulta li O. M. Petrea, ċittadin Rumen, kien ikkundannat matul l-2011 mill-Monomeles Plimmeleiodikeio Peiraia (qorti kriminali ta’ Pireus, il-Greċja) għal piena ta’ priġunerija ta’ tmien xhur sospiża għal tliet snin, għad-delitt ta’ serq fi grupp.

20

Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2011, l-amministrazzjoni Griega ordnat li jitkeċċa lejn ir-Rumanija peress li kien jikkostitwixxi theddida għall-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika, u min-naħa l-oħra, tniżżel fir-reġistru nazzjonali tal-barranin mhux mixtieqa kif ukoll fis-sistema ta’ informazzjoni Schengen, sat-30 ta’ Ottubru 2018, li kellu l-effett li jiġi pprojbit milli jidħol fit-territorju sa din id-data.

21

Din id-deċiżjoni tispeċifika li O. M. Petrea kien informat, fis-27 ta’ Ottubru 2011, b’bullettin ta’ informazzjoni ddestinat għall-persuni barranin, matul it-tkeċċija, f’lingwa li kien jaf, bid-drittijiet tiegħu u bir-rimedji disponibbli, kif ukoll bil-possibbiltà li jitlob traduzzjoni bil-miktub jew orali tas-siltiet essenzjali tad-deċiżjoni li timponi r-ritorn.

22

Fl-1 ta’ Novembru 2011, O. M. Petrea ddikjara bil-miktub li huwa kien irrinunzja għal kwalunkwe rimedju legali u li kien jixtieq jirritorna fil-pajjiż tiegħu ta’ oriġini. It-tneħħija tiegħu seħħet fil-5 ta’ Novembru 2011.

23

Fl-1 ta’ Settembru 2013, O. M. Petrea reġa’ lura fil-Greċja, fejn fil-25 ta’ Settembru 2013, ressaq talba għal ċertifikat ta’ reġistrazzjoni bħala ċittadin tal-Unjoni, li nħariġlu dakinhar stess.

24

Madankollu, wara li kien skopert li O.M. Petrea kien għadu suġġett għal projbizzjoni ta’ aċċess mit-territorju, l-awtoritajiet tal-pulizija tal-persuni barranin iddeċidew, fl-14 ta’ Ottubru 2014, li jirtiraw dan iċ-ċertifikat u jordnaw ir-ritorn ta’ O. M. Peterea lejn ir-Rumanija.

25

O. M. Petrea ppreżenta rikors amministrattiv kontra din id-deċiżjoni, li fil-kuntest tagħha sostna mhux biss l-assenza ta’ notifika bil-miktub, f’lingwa li huwa jifhem, tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tat-30 ta’ Ottubru 2011, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38, iżda wkoll il-fatt li ma kienx għadu jirrappreżenta, perikolu għall-ordni pubbliku u s-sigurtà pubblika.

26

Dan ir-rikors jien miċħud permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Novembru 2014, peress li O. M. Petrea kien għadu suġġett għal miżura ta’ tneħħija mit-territorju. Ġie sostnut ukoll il-fatt li ma setax jinvoka, permezz ta’ eċċezzjoni, l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija tat-30 ta’ Ottubru 2011.

27

O. M. Petrea talb lid-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Tessalonika, il-Greċja) l-annullament ta’ din l-aħħar deċiżjoni u dik tal-14 ta’ Ottubru 2014.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, din il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 27 u 32 tad-Direttiva 2004/38/KE, interpretati fid-dawl tal-Artikoli 45 TFUE u 49 TFUE – b’teħid inkunsiderazzjoni wkoll tal-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri u tal-prinċipji ta’ [protezzjoni tal-]aspettattivi leġittimi u ta’ amministrazzjoni tajba – għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma awtorizzati r-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni preċedentement maħruġ, skont l-Artikolu 8(1) tad-Digriet Presidenzjali Nru 106/2007, lil ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, kif ukoll l-adozzjoni mill-Istat ospitanti, fil-konfront ta’ dan l-individwu, ta’ miżura ta’ ritorn, fil-każ fejn, minkejja l-fatt li kien ġie rreġistrat fir-reġistru nazzjonali tal-barranin mhux mixtieqa meta kienet ittieħdet kontrih miżura ta’ tkeċċija għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika, l-individwu reġa’ daħal fit-territorju tal-Istat Membru inkwistjoni u beda attività kummerċjali mingħajr ma segwa l-proċedura – prevista fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38/KE – li tikkonsisti fit-talba għat-tneħħija tal-ordni ta’ tkeċċija, meta din l-ordni ta’ tkeċċija kienet imposta għal raġuni awtonoma ta’ ordni pubbliku li tiġġustifika r-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru?

2)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: dan il-każ huwa identiku għal każ ta’ residenza irregolari ta’ ċittadin ta’ Stat Membru fit-territorju tal-Istat Membru ospitanti, fatt li jippermetti l-adozzjoni - skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115/KE - ta’ deċiżjoni ta’ ritorn mill-awtorità kompetenti għar-revoka taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, minkejja l-fatt li, minn naħa, bħal ma huwa komunament ammess, iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ma jikkostitwixxix permess ta’ residenza validu fil-pajjiż u, min-naħa l-oħra, biss iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-Direttiva 2008/115/KE?

3)

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għal din l-istess domanda: meta l-awtoritajiet nazzjonali, li jkunu qegħdin jaġixxu fil-kuntest tal-awtonomija proċedurali tal-Istat Membru ospitanti jirrevokaw għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku u ta’ sigurtà pubblika ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor, ċertifikat li ma jikkostitwixxix permess ta’ residenza validu fil-pajjiż, u jimponu simultanjament fuq dan l-individwu miżura ta’ ritorn, hemm lok li jitqies li, skont klassifikazzjoni ġuridika korretta, dan huwa att amministrattiv wieħed u uniku ta’ tneħħija amministrattiva skont l-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38/KE suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju skont il-kundizzjonijiet stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet, li jistabbilixxu proċedura potenzjalment esklużiva ta’ tneħħija amministrattiva ta’ ċittadini tal-Unjoni mit-territorju tal-Istat Membru ospitanti?

4)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv [għall-ewwel u t-tieni domandi]: il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi prassi ġurisprudenzjali nazzjonali li tipprojbixxi lill-awtoritajiet amministrattivi u, sussegwentement, lill-qrati li jkollhom ġurisdizzjoni aditi bit-tilwima, milli jeżaminaw - fil-kuntest tar-revoka ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni jew fil-kuntest tal-adozzjoni mill-Istat Membru ospitanti ta’ miżura ta’ tneħħija mmotivata mill-eżistenza ta’ ordni ta’ tkeċċija fil-konfront taċ-ċittadin tal-Istat Membru l-ieħor – sa fejn ġew osservati l-garanziji proċedurali tal-Artikoli 30 u 31 tad-Direttiva 2004/38 fl-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ tkeċċija,

5)

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda preċedenti: l-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38/KE inissel fir-rigward tal-awtoritajiet amministrattivi kompetenti tal-Istat Membru l-obbligu li jinnotifikaw liċ-ċittadin ikkonċernat ta’ Stat Membru ieħor, fil-każijiet kollha u irrispettivament minn jekk il-persuna kkonċernata titlobx dan jew le, id-deċiżjoni tat-tneħħija tiegħu f’lingwa li huwa jifhem, sabiex huwa jkun jista’ jeżerċita b’mod effikaċi d-drittijiet proċedurali mogħtija mill-imsemmija dispożizzjonijiet tad-Direttiva?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

29

Mit-termini tad-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li d-Dioikitiko Protodikeio Thessalonikis (qorti amministrattiva tal-ewwel istanza ta’ Tessalonika) tqis li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tat-30 ta’ Ottubru 2011 kellha l-għan, minn naħa, li tordna l-ħruġ ta’ O. M. Petrea mit-territorju Grieg u, min-naħa l-oħra, li tipprojbixxilu milli jidħol mill-ġdid sat-30 ta’ Ottubru 2018. Fid-dawl tad-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, din id-deċiżjoni għandha, għaldaqstant, titqies bħala deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju.

30

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel domanda għandha titqies bħala li, essenzjalment, hija intiża li jkun magħruf jekk id-Direttiva 2004/38, b’mod partikolari l-Artikoli 27 u 32, kif ukoll il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jipprekludux li Stat Membru jirtira ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ b’mod żbaljat lil ċittadin tal-Unjoni li kien għadu suġġett għal ordni ta’ tneħħija mit-territorju tiegħu u tieħu kontrih deċiżjoni ta’ tkeċċija bbażata fuq il-fatt biss li l-miżura ta’ tneħħija mit-territorju kienet għadha fis-seħħ.

31

Il-qorti tar-rinviju tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kwistjoni jekk l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2004/38 jimponix fuq l-awtoritajiet kompetenti li jivverifikaw, f’din l-okkażjoni, jekk il-persuna kkonċernata għadhiex ta’ theddida reali għall-ordni pubbliku jew jekk għandiex issostni l-evalwazzjoni magħmula fil-mument tad-deċiżjoni oriġinali, jiġifieri d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2011.

32

Fir-rigward, qabel kollox, tal-irtirar taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li d-dritt taċ-ċittadini ta’ Stat Membru li jidħlu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor u li jgħixu hemmhekk, għall-finijiet mixtieqa mit-Trattat KE, jikkostitwixxi dritt mogħti direttament minnu, jew, skont il-każ, mid-dispożizzjonijiet meħuda għall-implementazzjoni tal-imsemmi trattat. Il-ħruġ ta’ permess ta’ residenza lil ċittadin ta’ Stat Membru ma għandux jitqies bħala att li jikkostitwixxi drittijiet, imma bħala att maħsub sabiex jikkonstata, min-naħa ta’ Stat Membru, is-sitwazzjoni individwali ta’ ċittadin ta’ Stat Membru ieħor fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (ara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias, C-325/09, EU:C:2011:498, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33

Konsegwentement, hekk kif din in-natura ta’ dikjarazzjoni timpedixxi li tiġi kklassifikata illegali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin għar-raġuni biss li huwa ma għandux permess ta’ residenza, hija tipprekludi li titqies legali, fis-sens tad-dritt tal-Unjoni, ir-residenza ta’ ċittadin tagħha minħabba l-fatt biss li tali permess inħariġlu b’mod validu (sentenza tal-21 ta’ Lulju 2011, Dias, C-325/09, EU:C:2011:498, punt 54).

34

Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali soluzzjoni tapplika a fortiori fil-kuntest tat-Trattat TFUE, kif tistabbilixxi wkoll il-premessa 11 tad-Direttiva 2004/38.

35

Tali natura dikjarattiva hija marbuta, għaldaqstant, ukoll, maċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 2004/38, b’tali mod li l-ħruġ ta’ dan id-dokument ma jistax, fih innifsu, jistabbilixxi l-aspettattivi leġittimi tal-persuna kkonċernata fid-dritt tagħha li tirrisjedi fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.

36

Barra minn hekk, fil-kawża principali, l-ebda waħda miċ-ċirkustanzi deskritta fid-decizjoni tar-rinviju ma jippermettu li jitqies li l-awtoritajiet kompetenti kienu taw lok għal aspettattivi dwar id-dritt tar-residenza tal-persuna kkonċernata minħabba assigurazzjonijiet speċifiċi li huma kienu tawha.

37

Barra minn hekk, mill-fajl disponibbli għall-Qorti tal-Gustizzja jirriżulta li l-amministrazzjoni Griega tiġġustifika l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal raġunijiet leġittimi, b’mod partikolari mill-fatt li kien ingħata bi żball.

38

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, la d-Direttiva 2004/38 u lanqas il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludi l-irtirar taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni previst fl-Artikolu 8(2) ta’ din id-direttiva.

39

Rigward il-modalitajiet għat-teħid ta’ deċizjoni li timponi r-ritorn f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 2004/38 jipprevedi, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tagħha, il-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu l-libertà ta’ moviment u ta’ residenza ta’ ċittadin tal-Unjoni jew ta’ membru tal-familja tiegħu, irrispettivament min-nazzjonalità, għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika. L-Artikolu 27(2) ta’ din id-direttiva jispeċifika b’mod partikolari li l-kondotta tal-persuna kkonċernata għandha tirrappreżenta theddida ġenwina, attwali u serja biżżejjed li tolqot wieħed mill-interessi fondamentali tas-soċjetà.

40

Dwar l-Artikolu 28(1) tal-imsemmija direttiva, dan jimponi fuq l-awtoritajiet kompetenti li jieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari d-dritt ta’ residenza tal-persuna kkonċernata fit-territorju tagħhom, l-età, l-istat ta’ saħħa tagħha, is-sitwazzjoni familjari u ekonomika tagħha, l-integrazzjoni soċjali u kulturali tagħha fl-Istat Membru ospitanti u l-intensità tar-rabtiet tagħha mal-pajjiż ta’ oriġini tagħha, qabel ma tittieħed deċiżjoni ta’ tkeċċija mit-territorju għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku jew ta’ sigurtà pubblika.

41

Dawn id-dispożizzjonijiet, li japplikaw għad-deċiżjonijiet kollha ta’ tkeċċija, japplikaw għaldaqstant b’mod partikolari għad-deċiżjonijiet ta’ tneħħija mit-territorju li jissemmew espliċitament fl-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38.

42

Għalkemm id-Direttiva 2004/38 ma tinkludix dispożizzjonijiet speċifiċi għall-każ fejn persuna li hija s-suġġett ta’ tali projbizzjoni tmur lura fl-Istat Membru kkonċernat bi ksur ta’ dan, mid-dispożizzjonijiet kollha ta’ din id-direttiva u b’mod partikolari minn dawk li jikkonċernaw it-tneħħija possibbli ta’ projbizzjoni ta’ dan it-tip li l-awtoritajiet kompetenti għandhom is-setgħat tagħhom stess sabiex jiżguraw l-osservanza.

43

Għandu jiġi rrilevat, f’dan ir-rigward li d-Direttiva 2004/38 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jagħtu tneħħija ta’ din il-projbizzjoni minħabba bidla fiċ-ċirkustanzi.

44

L-ewwel subparagafu tal-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2004/38 jispeċifika fil-fatt li l-persuni suġġetti għal deċiżjoni ta’ tneħħija mi-territorju jistgħu meta jitolbu tneħħija wara terminu raġonevoli, skont iċ-ċirkustanzi, u, fi kwalunkwe każ, wara tliet snin mill-implementazzjoni tagħha, iressqu elementi sabiex juru bidla materjali fiċ-ċirkustanzi li kienu ġġustifikaw it-teħid tagħha.

45

L-Artikolu 32(2) ta’ din id-direttiva jindika madankollu li dawn il-persuni ma għandhom “l-ebda dritt li jidħlu fit-territorju” tal-Istat Membru kkonċernat waqt li tkun qed tiġi eżaminata t-talba tagħhom.

46

Konsegwentement, mill-formulazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta b’mod espliċitu li d-Direttiva 2004/38 ma tostakola bl-ebda mod lil Stat Membru milli jieħu deċiżjoni ta’ ritorn fir-rigward ta’ persuna li talbet it-tneħħija tat-tkeċċija mit-territorju li hija suġġetta għaliha, skont l-Artikolu 32(1) ta’ din id-direttiva, ladarba l-eżami ta’ din it-talba kellu eżitu favorevoli.

47

Dan huwa neċessarjament il-każ ukoll meta, bħal fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata terġa’ tmur fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat mingħajr ma talbet it-tneħħija tal-ordni ta’ tneħħija imposta fuqha.

48

Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-awtoritajiet kompeteni għandhomx mill-ġdid jerġgħu jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 27 u 28 tad-Direttiva 2004/38 humiex issodisfatti, min-natura stess ta’ miżura ta’ tneħħija mit-territorju jirriżulta li din il-miżura tibqa’ fis-seħħ sakemm ma titneħħiex u li s-sempliċi konstatazzjoni tal-ksur tagħha tippermetti lil dawn l-awtoritajiet li jieħdu deċiżjoni ġdida ta’ tkeċċija kontra l-persuna kkonċernata.

49

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok, għaldaqstant, li tingħata risposta għall-ewwel domanda li d-Direttiva 2004/38 kif ukoll il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux lil Stat Membru, minn naħa, jirtira ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ b’mod żbaljat lil ċittadin tal-Unjoni li kien għadu suġġett għal tneħħija mit-territorju u, min-naħa l-oħra, jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontrih ibbażata biss fuq il-konstatazzjoni li l-miżura ta’ tneħħija mit-territorju kienet għadha fis-seħħ.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

50

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tittieħed mill-istess awtoritajiet u skont l-istess proċedura bħal deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi illegalment fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

51

Il-qorti tar-rinviju tiġġustifika dawn id-domandi bil-fatt li l-leġiżlatur nazzjonali għamel applikabbli għal ċittadini ta’ Stati Membri wħud mid-dispożizzjonijiet proċedurali previsti mid-Direttiva 2008/115 għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, suġġett għal dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli.

52

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Istati Membri jistgħu jkollhom ispirazzjoni mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/115 sabiex jagħżlu l-awtoritajiet kompetenti u jiddefinixxu l-proċedura applikabbli għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni li timponi r-ritorn ta’ ċittadin Unjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma tipprekludi dan (ara, b’analoġija, id-digriet tal-10 ta’ Frar 2004, Mavrona, C-85/03, EU:C:2004:83, punt 20).

53

Fil-fatt, id-determinazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti sabiex jieħdu d-diversi miżuri previsti fid-Direttiva 2004/38 hija kwistjoni li taqa’ taħt l-awtonomija proċedurali tal-Istati Membri, peress li din id-direttiva ma fiha l-ebda dispożizzjoni f’dan ir-rigward.

54

Fir-rigward tal-proċedura li għandha tiġi segwita, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li mhux biss id-Direttiva 2008/115 li għaliha jirreferi d-dritt nazzjonali inkwistjoni tipprevedi l-applikazzjoni ta’ garanziji proċedurali fil-Kapitolu III tagħha iżda wkoll u fuq kollox li dan id-dritt jibqa’ jżomm, fi kwalunkwe każ, l-applikazzjoni tal-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2004/38 li huma iktar favorevoli għaċ-ċittadin tal-Unjoni.

55

Konsegwentement, ma hemm xejn fil-fajl disponibbli lill-Qorti tal-Ġustizzja li jippermetti li jitqies li d-Direttiva 2004/38 tipprekludi li deċiżjoni ta’ ritorn bħal dik inkwistjoni fil-kawża tittieħed mill-istess awtoritajiet u skont l-istess proċedura bħal deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi b’mod irregolari kif hemm fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115.

56

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata għat-tieni u t-tielet domandi li d-Direttivi 2004/38 u 2008/115 ma jipprekludux li deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tittieħed mill-istess awtoritajiet u skont l-istess proċedura bħal deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi b’mod irregolari kif hemm fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, meta jkunu applikati l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2004/38 li huma iktar favorevoli għaċ-ċittadin tal-Unjoni.

Fuq ir-raba’ domanda

57

Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipju ta’ effettività jipprekludix prattika ġudizzjarja li permezz tagħha ċittadin ta’ Stat Membru li huwa s-suġġett ta’ deċiżjoni ta’ ritorn f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni ma jistax jibbaża ruħu, insostenn ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju meħuda kontrih preċedentement.

58

F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni, huma l-Istati Membri li jagħżlu l-qrati kompetenti u li jirregolaw l-modalitajiet proċedurali ta’ rimedji intiżi li jiżguraw is-salvagwardja tad-drittijiet li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni favur il-partijiet. Madankollu, dawn il-modalitajiet ma għandhomx ikunu ta’ natura li jirrendu l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli (sentenzi tad-29 ta’ April 2004, Orfanopoulos u Oliveri, C-482/01 u C-493/01, EU:C:2004:262, punt 80, kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2014, Global Trans Lodzhistik, C-29/13 u C-30/13, EU:C:2014:140, punt 33).

59

Id-dritt tal-Unjoni bl-ebda mod ma jipprekludi li d-dritt nazzjonali ma jippermettix li tiġi invokata, kontra att individwali, bħalma hija ordni ta’ ritorn, l-illegalità ta’ deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju li tkun saret definittiva, jew minħabba li t-terminu għat-tressiq ta’ kawża kontra dan tal-aħħar skada, jew minħabba li r-rikors li ġie ppreżentat kontriha ġie miċħud.

60

Fil-fatt, kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diversi drabi, l-istabbiliment ta’ termini raġonevoli għall-preżentata ta’ rikors fl-interess taċ-ċertezza legali, li jipproteġi kemm lill-individwu kif ukoll lill-amministrazzjoni kkonċernata, huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni (sentenza tas-17 ta’ Novembru 2016, Stadt Wiener Neustad, C-348/15, EU:C:2016:882, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61

Madankollu, il-persuna kkonċernata għandu jkollha l-possibbiltà effettiva li tikkontesta, fi żmien utli, id-deċiżjoni inizjali ta’ tneħħija mit-territorju u li tinvoka d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

62

Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, O. M. Petrea jsostni li d-deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju tat-30 ta’ Ottubru 2011, li abbażi tagħha ittieħdet id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tal-14 ta’ Ottubru 2014, ma ġietx innotifikata lilu f’kundizzjonijiet li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38, jiġifieri b’tali mod li “[jkun jista’ jifhem] l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet [għalih]”. F’tali każ, il-prinċipju ta’ effettività jipprekludi li t-terminu għall-preżentata ta’ rikors kontra l-ewwel deċiżjoni titqies bħala li skadiet, u l-illegalità li tivvizzja din id-deċiżjoni għadha tista’ titqajjem insostenn tar-rikors kontra t-tieni deċiżjoni.

63

F’dan il-każ, mid-digriet tar-rinviju jidher li jirriżulta li O. M. Petrea kien jaf bid-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2011, li kkonforma magħha u li, qabel l-adozzjoni tagħha, kien irċieva wkoll bullettin ta’ informazzjoni ddestinat lill-persuni barranin suġġetti għal tkeċċija, u kien informat, f’lingwa li kien jaf, bid-drittijiet tiegħu u r-rimedji disponibbli għalih, kif ukoll bil-possibbiltà li jitlob traduzzjoni bil-miktub jew orali ta’ siltiet essenzjali tad-deċiżjoni ta’ ritorn. Barra minn hekk, jidher li l-persuna kkonċernata allegatament iddikjarat bil-miktub li kienet qed tirrinunzja għal kwalunkwe rimedji legali kontra d-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2011.

64

F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-persuna kkonċernata kellha elementi biżżejjed sabiex tinvoka fi proċeduri legali l-ksur possibbli tar-rekwiżiti ta’ notifika imposti mill-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika dan.

65

Konsegwentement, għandha tingħata risposta għar-raba’ domanda li l-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix prattika ġudizzjarja li ċittadin ta’ Stat Membru li huwa suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali ma jistax jibbaża ruħu, insostenn ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju meħuda kontra tiegħu preċedentement, sa fejn il-persuna kkonċernata effettivament kellha l-possibbiltà li tikkontesta fi żmien utli din l-aħħar deċiżjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

Fuq il-ħames domanda

66

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, fil-kuntest tal-ħames domanda, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-Artikolu 32 tad-Direttiva 2004/38, dwar l-effetti ratione temporis ta’ tneħħija mit-territorju, għalkemm jirriżulta b’mod manifest mill-formulazzjoni tad-domanda tagħha li din tikkonċerna l-Artikolu 30 ta’ din id-direttiva, dwar in-notifiki ta’ deċiżjonijiet meħuda skont l-Artikolu 27(1) tagħha.

67

Bara minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-persuna kkonċernata ma talbitx it-traduzzjoni tad-deċiżjoni tat-30 ta’ Ottubru 2011.

68

Konsegwentement, għandu jitqies li, permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38 jirrikjedix li deċiżjoni titteħed skont l-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva tkunx innotifikata lill-persuna kkonċernata b’lingwa li tifhem, anki jekk ma tkunx ressqet talba f’dan is-sens.

69

Qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li tali rekwiżit ma jirriżultax mill-formulazzjoni tal-Artikolu 30(1) ta’ din id-direttiva, li, b’mod iktar ġenerali, tipprevedi li kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva hija nnotifikata bil-miktub lill-persuna kkonċernata “b’tali mod li [jkun jista’ jifhem] l-kontenut tagħha u l-implikazzjonijiet [għalih]”.

70

Insegwitu, mix-xogħol preparatorju tal-proposta ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri [KUM(2001) 257 finali], jirriżulta li l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 2004/38 ma jimplikax li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija tittieħed fil-lingwa tal-persuna kkonċernata, iżda jimponi, għall-kuntrarju, fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex din il-persuna tifhem il-kontenut u l-effetti ta’ din id-deċiżjoni, skont kif deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha tat- 18 ta’ Mejju 1982, Adoui u Cornuaille (115/81 u 116/81, l-EU:C:1982:183, punt 13).

71

Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ ritorn meħuda kontra ċittadini ta’ pajjiżi terzi, l-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/115 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu, fuq talba, traduzzjoni bil-miktub jew orali tal-elementi prinċipali tad-deċiżjonijiet relatati mar-ritorn, inkluż informazzjoni dwar ir-rimedji legali disponibbli, f’lingwa li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jifhem jew jista’ raġonevolment jiġi mistenni li jifhem.

72

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandha tingħata risposta għall-ħames domanda li l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-persuna kkonċernata tista’ tifhem il-kontenut u l-effetti ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva, iżda ma tirrikjedix li din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lilha f’lingwa li tifhem jew li jista’ jiġi raġonevolment mistenni li tifhem, anki jekk ma ressqitx din it-talba.

Fuq l-ispejjeż

73

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Id-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE, kif ukoll il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jipprekludux lil Stat Membru, minn naħa, jirtira ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ b’mod żbaljat lil ċittadin tal-Unjoni li kien għadu suġġett għal ordni ta’ tneħħija mit-territorju u, min-naħa l-oħra, jieħu deċiżjoni ta’ tkeċċija kontrih ibbażata biss fuq il-konstatazzjoni li l-miżura ta’ tneħħija mit-territorju kienet għadha fis-seħħ.

 

2)

Id-Direttiva 2004/38/KE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2008, dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment, ma jipprekludux li deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tittieħed mill-istess awtoritajiet u skont l-istess proċedura bħal deċiżjoni ta’ ritorn ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jkun jirrisjedi b’mod irregolari kif hemm fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2008/115, meta jkunu applikati l-miżuri li jittrasponu d-Direttiva 2004/38 li huma iktar favorevoli għaċ-ċittadin tal-Unjoni.

 

3)

Il-prinċipju ta’ effettività ma jipprekludix prattika ġudizzjarja li ċittadin ta’ Stat Membru li huwa suġġett għal deċiżjoni ta’ ritorn f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali ma jistax jibbaża ruħu, insostenn ta’ rikors kontra din id-deċiżjoni, fuq l-illegalità tad-deċiżjoni ta’ tneħħija mit-territorju meħuda kontra tiegħu preċedentement, sa fejn il-persuna kkonċernata effettivament kellha l-possibbiltà li tikkontesta fi żmien utli din l-aħħar deċiżjoni fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2004/38.

 

4)

L-Artikolu 30 tad-Direttiva 2004/38 jimponi fuq l-Istati Membri li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex il-persuna kkonċernata tista’ tifhem il-kontenut u l-effetti ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 27(1) ta’ din id-direttiva, iżda ma tirrikjedix li din id-deċiżjoni tiġi nnotifikata lilha f’lingwa li tifhem jew li jista’ jiġi raġonevolment mistenni li tifhem, anki jekk ma ressqitx din it-talba.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Grieg.